Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-21 ta' Marzu 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgerichtshof - l-Awstrija) - Salzburger Flughafen GmbH vs Umweltsenat

(C-244/12) 

(Evalwazzjoni tal-effetti ta' ċerti proġetti fuq l-ambjent - Direttiva 85/337/KEE - Artikoli 2(1) u 4(2) - Proġetti dwar l-Anness II - Xogħlijiet ta' estensjoni tal-infrastruttura ta' ajruport - Eżami fuq il-bażi ta' livelli jew ta' kriterji - Artikolu 4(3) - Kriterji ta' selezzjoni - Punt 2(g) tal-Anness III - Żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni")

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Salzburger Flughafen GmbH

Konvenut: Umweltsenat

fil-preżenza ta': Landesumweltanwaltschaft Salzburg, Bundesministerin für Verkehr, Innovation und Technologie

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Verwaltungsgerichtshof - Interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta' Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta' Marzu 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 151) - Proġetti li jistgħu jiġu stmati - Tkabbir ta' ajruport - Leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tipprovdi għall-istima tal-effetti ta' tali proġett fuq l-ambjent biss fil-każ ta' żieda fin-numru tat-titjiriet kull sena b'mill-inqas 20 000 titjira supplementari

Dispożittiv

L-Artikolu 2(1) kif ukoll l-Artikolu 4(2)(b) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta' Ġunju 1985, dwar l istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent kif emendata bid-Direttiva tal Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta' Marzu 1997, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta proġetti dwar bdil tal-infrastruttura ta' ajruport u li jaqgħu taħt l-Anness II ta' din id-direttiva għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent biss jekk dawn il-proġetti jkunu jistgħu jkabbru n-numru ta' attività tal-arju b'tal-inqas 20 000 fis-sena.

Meta Stat Membru, skont l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11, fir-rigward ta' proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II ta' din tal-aħħar, jistabbilixxi livell, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa inkompatibbli mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 2(1) u 4(3) ta' din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2(1) kif ukoll tal-Artikolu 4(2)(a) u (3) tal-imsemmija direttiva għandhom effett dirett li jimplika li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw li qabelxejn isir eżami jekk il-proġetti kkonċernati jistgħux ikollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent u, jekk iva, li sussegwentement tittwettaq evalwazzjoni ta' tali effetti.

____________

1 - ĠU C 235, 04.08.2012