Language of document : ECLI:EU:C:2013:203

Kawża C‑244/12

Salzburger Flughafen GmbH

vs

Umweltsenat

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof)

“Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 85/337/KEE – Artikoli 2(1) u 4(2) – Proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II – Xogħlijiet ta’ estensjoni tal-infrastruttura ta’ ajruport – Eżami fuq il-bażi ta’ livelli jew ta’ kriterji – Artikolu 4(3) – Kriterji ta’ selezzjoni – Punt 2(g) tal-Anness III – Żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-21 ta’ Marzu 2013

1.        Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 85/337 – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri dwar it-twettiq ta’ evalwazzjoni ambjentali għal kwalunkwe bdil jew estensjoni ta’ proġetti diġà awtorizzati, imwettqa jew li qed jitwettqu li jirrigwardaw ajruporti – Portata u limiti – Xogħijiet ta’ bdil fl-infrastruttura ta’ ajruport eżistenti mingħajr ma tittawwal ir-runway u mingħajr bdil fl-istruttura eżistenti – Inklużjoni fil-portata – Iffissar ta’ kriterji u ta’ limiti fuq livell li għandu bħala effett li jeżenta, fil-prattika, lil klassi sħiħa ta’ proġetti mill-obbligu li jsir studju tal-effetti ambjentali – Inkompatibbiltà mad-Direttiva

(Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11, Artikoli 2(1) u 4(2)(b), u Annessi II u III, punt 2(g))

2.        Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 85/337 – Bdil jew estensjoni ta’ proġetti diġà awtorizzati, imwettqa jew li qed jitwettqu li jirrigwardaw ajruporti – Teħid inkunsiderazzjoni kumulattiv tal-effetti tal-proġett ma’ dawk ta’ proġetti diġà awtorizzati u mwettqa, bi ħsieb ta’ evalwazzjoni globali tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġetti inkwistjoni – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11, Artikoli 2(1) u 4(2) u (3), u Annessi II u III)

3.        Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 85/337 –Xogħlijiet ta’ bdil fl-infrastruttura ta’ ajruport – Stabbiliment ta’ livell li jwassal għar-riskju li tipi sħaħ ta’ proġetti jiġu eżentati minn evalwazzjoni ambjentali – Inkompatibbiltà mad-Direttiva – Obbligu għall-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu l-evalwazzjoni qabel l-awtorizzazzjoni– Effett dirett – Konsegwenzi fuq id-drittijiet ta’ terz – Assenza ta’ effett

(Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11, Artikoli 2(1) u 4(2)(a) u (b), u (3), u Annessi II u III)

1.        L-Artikoli 2(1) kif ukoll 4(2)(b) u (3) tad-Direttiva 85/337, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 97/11, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-proġetti li jbiddlu l-infrastruttura ta’ ajruport u li jaqgħu taħt l-Anness II ta’ din id-direttiva għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent biss jekk dawn il-proġetti jistgħu jżidu n-numru ta’ attività bl-ajru b’tal-inqas 20 000 fis-sena.

Fil-fatt, minn naħa, Stat Membru li jiffissa l-kriterji u/jew il-limiti f’tali livell li, fil-prattika, it-totalità ta’ klassi ta’ proġetti tkun eżentata bil-quddiem mill-obbligu li jsir studju tal-effetti jaqbeż il-marġni ta’ diskrezzjoni li jiddisponi minnu bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, ħlief jekk it-totalità tal-proġetti esklużi tista’ tiġi kkunsidrata, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni globali, bħala li ma jkunx jista’ jkollha effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent.

Min-naħa l-oħra, permezz tal-iffissar ta’ tali livell, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tieħu biss inkunsiderazzjoni l-aspett kwantitattiv tal-konsegwenzi ta’ proġett, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni kriterji oħra ta’ selezzjoni tal-Anness III ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari dak stabbilit fil-punt 2(g) ta’ dan l-anness, jiġifieri d-densità tal-popolazzjoni taż-żona kkonċernata mill-proġett.

(ara l-punti 27‑35, 38 u d-dispożittiv 1)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 36, 37)

3.        Meta Stat Membru, skont l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 85/337, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 97/11, li jikkonċerna proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II ta’ din tal-aħħar, jistabbilixxi livell li huwa inkompatibbli mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 2(1) u 4(3) ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) kif ukoll tal-Artikolu 4(2)(a) u (3) tal-imsemmija direttiva għandhom effett dirett li jimplika li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw li qabelxejn jiġi eżaminat jekk il-proġetti kkonċernati jistgħux ikollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent u, jekk iva, li sussegwentement tittwettaq evalwazzjoni ta’ tali effetti.

(ara l-punti 43‑48 u d-dispożittiv 2)