Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta’ Marzu 2022 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) fid-19 ta’ Jannar 2022 fil-Kawża T-610/19, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-221/22 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Calleja Crespo, B. Martenczuk, N. Khan, P. Rossi, L. Wildpanner, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Deutsche Telekom AG

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Jannar 2022 fil-Kawża T-610/19, sa fejn din tilqa’ t-talbiet ta’ Deutsche Telekom AG;

tiddeċiedi hija stess dwar il-kwistjonijiet pendenti tat-tilwima; jew

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura, sa fejn din għadha ma hijiex deċiża, quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni mill-ġdid;

tikkundanna lil Deutsche Telekom AG għall-ispejjeż kollha ta’ din il-proċedura kif ukoll tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell, li, f’għajnejn il-Kummissjoni, jassumi importanza fundamentali għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 266 TFUE, jirrigwarda, essenzjalment, l-obbligu tal-Kummissjoni li tħallas interessi fuq l-ammont ta’ multa imposta skont id-dritt tal-kompetizzjoni meta din tkun is-suġġett ta’ rimbors. Wara deċiżjoni tal-Kummissjoni, Deutsche Telekom kienet ħallset, provviżorjament, il-multa imposta fuqha skont l-Artikolu 102 TFUE minħabba abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, li, madankollu, tnaqqset iktar tard mill-Qorti Ġenerali 1 . Il-Kummissjoni issa tikkontesta l-obbligu impost fuqha mill-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, li tħallas bħala sanzjoni, fis-sens tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Printeos 2 , interessi moratorji fuq l-ammont tal-multa li għandu jiġi rrimborsat.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn qieset li, meta l-qorti tal-Unjoni tnaqqas l-ammont ta’ multa imposta skont id-dritt tal-kompetizzjoni, l-Artikolu 266 TFUE jimponi fuq il-Kummissjoni obbligu assolut u inkundizzjonat ta’ ħlas ta’ interessi moratorji bħala sanzjoni dekorribbli mid-data tal-ħlas provviżorju tal-multa.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, dan li ġej:

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 266 TFUE meta ma ħallsitx l-interessi moratorji fl-ammont mitlub minn Deutsche Telekom (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju).

Is-sentenza appellata tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippreċedi s-sentenza Il-Kummissjoni vs Printeos (it-tieni parti tal-ewwel aggravju).

Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-interessi dovuti fl-eżekuzzjoni ta’ sentenzi hija rregolata mid-dritt sekondarju tal-Unjoni, li l-Qorti Ġenerali kellha jew tapplika jew tiddikjara li huwa invalidu (it-tielet parti tal-ewwel aggravju).

Il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi ppreżentat rikors għad-danni skont l-Artikolu 340 TFUE ma humiex issodisfatti, b’mod li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn tat interessi moratorji bħala danni (ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju).

Mill-effett retroattiv tas-sentenzi ma jirriżultax li l-interessi moratorji huma dovuti mid-data li fiha l-impriża kkonċernata tkun ħallset il-multa provviżorjament (il-ħames parti tal-ewwel aggravju).

Il-ħlas ta’ interessi moratorji fis-sens tas-sentenza appellata jmur kontra l-effett dissważiv tal-multi (is-sitt parti tal-ewwel aggravju).

Permezz tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju tagħha, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn qieset li, b’analoġija mal-Artikolu 83(2)(b) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni 1 , ir-rata ta’ interessi dovuti mill-Kummissjoni hija r-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għat-tranżazzjonijiet [prinċipali] tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda bi tliet punti u nofs fil-mija.

____________

1      Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (T-827/14, EU:T:2018:930).

1      Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2021, Il-Kummissjoni vs Printeos (C-301/19 P, EU:C:2021:39).

1      ĠU 2012, L 362, p. 1.