Language of document : ECLI:EU:C:2016:875

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fil-15 ta’ Novembru 2016 (1)

Kawża C‑4/16

J.D.

vs

Prezes Urzędu Regulacji Energetyki

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja, il-Polonja)]

“Ambjent — Direttiva 2009/28/KE — Sorsi ta’ enerġija li tiġġedded — Enerġija idroelettrika — Kunċett — Enerġija prodotta f’impjant idrawliku li jinsab fil-punt ta’ ħruġ ta’ ilma maħmuġ ta’ impriża oħra”





1.        L-“enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu]”, fis-sens tad-Direttiva 2009/28/KE (2), tinkludi dik iġġenerata minn impjant idroelettriku li jisfrutta l-ilma maħmuġ mormi minn parti terza, mhux relatat mal-attività ta’ produzzjoni tal-elettriku? Din hija, fil-qosor, id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, li tiddubita jekk dak il-kunċett huwiex limitat għall-enerġija miksuba mill-waqgħa “naturali” tal-ilmijiet tal-wiċċ.

2.        F’dawn il-konklużjonijiet jien insostni li, kemm mill-kontenut tad-Direttiva 2009/28 kif ukoll mill-għanijiet tagħha, jista’ jiġi dedott li n-natura, naturali jew artifiċjali, tal-passaġġ li minnu jgħaddi l-ilma li l-waqgħa tiegħu tintuża għall-ġenerazzjoni tal-elettriku hija irrilevanti, sakemm dan ma jkunx jinvolvi ilma li jkun ġej minn impjanti tal-ippumpjar.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2009/28

3.        Skont il-premessa 1:

“[i]l-kontroll tal-konsum tal-enerġija Ewropea kif ukoll iż-żieda fl-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu], flimkien ma’ ffrankar ta’ enerġija u żieda fl-effiċjenza tal-enerġija, jikkostitwixxu partijiet importanti mill-pakkett ta’ miżuri meħtieġa biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra […]. Dawk il-fatturi għandhom ukoll rwol importanti fil-promozzjoni tas-sigurtà fil-provvista tal-enerġija, fil-promozzjoni tal-iżvilupp u l-innovazzjoni teknoloġika u fl-għoti ta’ opportunitajiet għall-impjieg u l-iżvilupp reġjonali, speċjalment f’żoni rurali u iżolati.”

4.        Il-premessa 30 tipprovdi:

“Fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni tal-idro-elettriku u tal-enerġija mir-riħ għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-effetti tal-varjazzjoni klimatika għandhom jittaffew permezz tal-użu ta’ regola ta’ normalizzazzjoni. Barra minn hekk, l-elettriku prodott minn sistema ta’ ħażna bl-ippumpjar mill-ilma li qabel kien ippumpjat ‘il fuq m’għandhomx ikunu meqjusa bħala elettriku prodott minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli [li jiġġeddu].”

5.        Skont l-Artikolu 2:

“[g]ħall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet fid-Direttiva 2003/54/KE japplikaw” (3), fejn “a) ‘enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu]’ tfisser l-enerġija minn sorsi rinnovabbli mhux fossili, b’ mod partikolari enerġija mir-riħ, mix-xemx, dik aerotermika, ġeotermika, idrotermika u oċeanika, idroenerġija, bijomassa, gass mill-miżbla, gass minn impjanti għat-trattament tad-dranaġġ u bijogassijiet”.

6.        Skont l-Artikolu 3(1):

“[k]ull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu], ikkalkulat skont l-Artikoli 5 sa 11, fil-konsum finali gross ta’ enerġija fl-2020 jkun mill-inqas il-mira globali nazzjonali tiegħu għas-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli f’dik is-sena, kif stabbilit fit-tielet kolonna tat-tabella [fl-] Anness I […]”.

7.        L-Artikolu 5 jipprovdi:

“1.      Il-konsum finali gross ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu] f’kull Stat Membru għandu jkun ikkalkulat bħala s-somma ta’:

a)      konsum finali gross ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

[…]

3.      Għall-għanijiet tal-paragrafu 1(a), il-konsum finali gross ta’ elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli għandu jkun ikkalkulat bħala l-kwantità ta’ elettriku prodott fi Stat Membru minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bl-esklużjoni tal-produzzjoni ta’ elettriku f’unitajiet ta’ ppumpjar tal-ħażniet minn ilma li qabel kien ippumpjat ‘il fuq.

[…]

L-elettriku ġġenerat bl-idroenerġija u bl-enerġija mir-riħ għandu jkun ikkunsidrat skont ir-regoli ta’ normalizzazzjoni stabbiliti fl-Anness II.

[…]

7.      Il-metodoloġija u d-definizzjonijiet użati fil-kalkolu tas-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli għandhom ikunu dawk tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 [(4)] […]”.

2.      Id-Direttiva 2003/54

8.        Id-Direttiva 2003/54 tħassret permezz tad-Direttiva 2009/72/KE (5), li l-Artikolu 48 tagħha jipprovdi li din id-deroga tapplika mit-3 ta’ Marzu 2011 ’il quddiem, kif ukoll li r-riferimenti għad-Direttiva mħassra għandhom jiġu interpretati bħala riferimenti għad-Direttiva 2009/72 stess.

9.        L-Artikolu 2(30) tad-Direttiva 2009/72 jiddefinixxi s-“sorsi ta’ enerġija rinnovabbli” bl-istess kliem bħall-Artikolu 2(30) tad-Direttiva 2003/54, jiġifieri: “sorsi ta’ enerġija non-fossili rinnovabbli (riħ, xemx, ġeotermali, mewġ, marea, qawwa mill-ilma, bijomassa, gassijiet minn miżbliet, gass minn impjanti tat-trattament tad-drenaġġ u bio-gassijiet)”.

3.      Ir-Regolament Nru 1099/2008

10.      Il-punt 5 tal-Anness B tar-Regolament Nru 1099/2008 jiddefinixxi l-“enerġija mill-ilma” bħala “[l]-enerġija potenzjali u kinetika ta’ l-ilma kkonvertita f’elettriku f’impjanti idroelettriċi”, inkluża dik prodotta permezz tal-ħażna bl-ippumpjar.

B –    Id-dritt nazzjonali

1.      Ustawa prawo energetyczne (Liġi dwar l-enerġija) (6)

11.      Fil-verżjoni fis-seħħ fis-6 ta’ Novembru 2013, l-Artikolu 3 ipprovda:

“Il-kunċetti użati f’din il-liġi għandhom jinftiehmu kif ġej:

[…]

20‘sors ta’ enerġija li tiġġedded’: tfisser sors li fil-proċess ta’ trasformazzjoni tiegħu tintuża l-enerġija li ġejja: enerġija mir-riħ, radjazzjoni solari; enerġija aerotermika, ġeotermika jew idrotermika; enerġija tal-mewġ, tal-kurrenti tal-baħar u tal-mareat; il-fluss tax-xmajjar; bijomassa, bijogass iġġenerat mill-miżbliet u bijogass iġġenerat fi proċessi ta’ derivazzjoni jew trattament tad-drenaġġ jew ta’ dekompożizzjoni ta’ ħama ta’ residwi tal-pjanti u tal-annimali. […]”.

12.      Fil-verżjoni fis-seħħ mill-4 ta’ Mejju 2015, l-Artikolu 3(20), jiddefinixxi “sors ta’ enerġija rinnovabbli” b’riferiment għal-Liġi dwar is-sorsi ta’ enerġija li tiġġedded.

2.      Ustawa o odnawialnych źródłach energii (Liġi dwar is-sorsi tal-enerġija li tiġġedded) (7)

13.      L-Artikolu 2 jipprovdi li:

“[…]

12)      ‘l-enerġija idroelettrika’ tfisser enerġija ġġenerata mill-waqa’ ta’ korpi ta’ ilmijiet tal-wiċċ interni, bl-esklużjoni tal-enerġija prodotta mill-ippumpjar miksuba f’impjanti idrawliċi bl-ippumpjar jew f’impjanti idrawliċi ta’ ilma li jiċċirkula bil-funzjoni tal-ippumpjar;

[…]

18)      ‘impjant żgħir’ tfisser impjant ta’ sors ta’ enerġija li tiġġedded b’kapaċità ta’ produzzjoni totali ta’ elettriku ikbar minn 40 kW u daqs jew inqas minn 200 kW, imqabbad ma’ netwerk tal-elettriku b’vultaġġ ta’ inqas minn 110 kV jew b’valur kalorifiku kkombinat massimu ta’ iktar minn 120 kW u daqs jew inqas minn 600 kW;

[…]

22)      ‘sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu’ tfisser sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li ma humiex fossili, enerġija mir-riħ, enerġija mir-radjazzjoni solari, enerġija aerotermika, enerġija ġeotermika, enerġija idrotermali, enerġija idrawlika; enerġija mill-mewġ, kurrenti tal-baħar u tal-mareat; enerġija minn bijomassa, bijogass, bijogass agrikolu u bijokarburanti likwidi.

[…]”

14.      L-Artikolu 7 jipprovdi:

“L-attività industrijali fis-settur tal-produzzjoni tal-enerġija elettrika minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu f’impjant żgħir […] hija attività rregolata fis-sens tal-Liġi tal-kummerċ u l-industrija u teħtieġ reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-produtturi li jwettqu attività fis-settur tal-impjanti żgħar […]”).

3.      Ustawa prawo wodne (Liġi dwar l-ilma) (8)

15.      L-Artikolu 5(3) jipprovdi:

“Il-korpi tal-ilma tal-wiċċ interni huma maqsuma f’:

1)      ilma ġieri, li jinkludi l-korpi tal-ilma:

a)      fil-passaġġi tal-ilma naturali, kanali u sorsi minn fejn jibdew il-passaġġi tal-ilma;

b)      fil-lagi u ġibjuni naturali oħra b’influss naturali kostanti jew perijodiku jew b’influss ta’ korpi tal-ilma tal-wiċċ;

c)      f’ġibjuni artifiċjali b’korpi ta’ ilma ġieri;

2)      staġnat, li jinkludu l-korpi ta’ ilma fil-lagi u ġibjuni naturali oħra tal-ilma mhux assoċjati b’mod dirett u naturali ma’ korpi tal-ilma ġieri tal-wiċċ.

[…]”

II – Il-fatti

16.      J.D. hija kumpannija li kienet tibbenefika minn konċessjoni sabiex tipproduċi elettriku minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu mill-20 ta’ Novembru 2004 sal-20 ta’ Novembru 2014. Il-konċessjoni kienet tinkludi, b’mod partikolari, żewġ impjanti tal-bijogass u impjant tal-idroenerġija żgħir (ta’ 0.160 MW) li jinsab fiż-żona tal-punt ta’ ħruġ ta’ ilma maħmuġ mormi minn faċilità oħra (PKN Orlen SA), mhux relatata mal-produzzjoni tal-elettriku.

17.      Fir-rigward tat-talba għall-estensjoni tal-konċessjoni mitluba minn J.D., dik li tikkorrispondi għall-impjant idroelettriku ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Uffiċċju Pollakk tar-Regolamentazzjoni tal-Enerġija (“URE”) tas-6 ta’ Novembru 2013, bir-raġunament li “l-impjanti idroelettriċi li jużaw il-mewġ, il-kurrenti tal-baħar u tal-mareat u l-kurrenti tax-xmajjar biss jistgħu jiġu kkunsidrati bħala produzzjoni tal-enerġija minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu” (9).

18.      Id-deċiżjoni tal-President tal-URE ġiet ikkonfermata bis-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014 tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (qorti distrettwali ta’ Varsavja, il-Polonja), li rreferiet għad-definizzjoni tas-sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu li tinsab fl-Artikolu 3(20), tal-Liġi dwar l-enerġija, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

19.      J.D. ippreżentat appell quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja, il-Polonja) kontra s-sentenza fl-ewwel istanza. Hija invokat, b’sostenn tat-talba tagħha, l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 3(20) tal-Liġi dwar l-Enerġija mad-Direttiva 2009/28.

20.      F’dan il-kuntest, is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja), għamlet id-domanda preliminari.

III – Id-domanda preliminari

21.      Il-kliem tad-domanda preliminari, magħmula fl-4 ta’ Jannar 2016, huwa dan li ġej:

“Il-kunċett ta’ idroenerġija inkwantu sors ta’ enerġija li tiġġedded, użat fl-Artikolu 2(a), moqri flimkien mal-Artikolu 5(3) u mal-premessa 30, tad-Direttiva 2009/28/KE […] għandu jinftiehem bħala li jirreferi esklużivament għal enerġija prodotta minn impjant idroelettriku li jisfrutta ilma ġieri miexi l-isfel ta’ ilmijiet tal-wiċċ interni, inkluż ilma ġieri miexi l-isfel ta’ xmajjar, jew jirreferi wkoll għal enerġija prodotta f’impjant idroelettriku (li ma huwiex impjant kompost minn sistema ta’ ħażna bl-ippumpjar jew pompa-magna turbina) li jinsab f’punt ta’ ħruġ ta’ ilma maħmuġ industrijali ta’ impriża oħra?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-argumenti tal-partijiet

22.      Dehru u ressqu osservazzjonijiet bil-miktub J.D., il-Gvern Pollakk, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod konformi mal-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, qablet li ma ssirx seduta pubblika.

23.      J.D. issostni li, skont id-Direttiva 2009/28, l-unika enerġija prodotta fl-impjanti idroelettriċi li ma hijiex ikkunsidrata li tkun ġejja minn sorsi tal-enerġija li jiġġeddu hija dik li toriġina minn sistemi ta’ ħażna bl-ippumpjar. Fil-fehma tagħha, id-Direttiva 2009/28 tippermetti li l-enerġija miksuba mill-ilma maħmuġ, minn passaġġ ’il fuq, mormi minn terz wara li jkun użah tista’ tiġi kklassifikata bħala enerġija minn sorsi li jiġġeddu.

24.      Il-Gvern Pollakk isostni li l-kunċetti ta’ “enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu]” [l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2009/28] u “sorsi ta’ enerġija rinovabbli [li jiġġeddu]” [l-Artikolu 2(30) tad-Direttiva 2009/72] jirreferu għas-sorsi ta’ enerġija mhux fossili, ikkaratterizzati mill-fatt li jiġġeddu b’mod naturali, mingħajr intervent uman, fi żmien relattivament qasir, jew inkella billi ma jiġux eżawriti, u li l-użu tagħhom jgħin sabiex jinkisbu l-benefiċċji għall-ambjent stabbiliti mid-Direttiva 2009/28.

25.      Għalhekk, għall-Gvern Pollakk, il-kunċett ta’ “idroenerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu]” jirreferi għal dik l-enerġija li tirriżulta mill-waqgħa naturali ta’ ilmijiet tal-wiċċ interni, inkluż l-ilma tax-xmajjar.

26.      Il-Gvern Pollakk isostni, barra minn hekk, li d-Direttiva 2009/28 tiċħad in-natura ta’ elettriku li ġej minn sorsi rinnovabbli ta’ dak l-elettriku li joħroġ minn sistemi ta’ ħażna bl-ippumpjar. Minn din il-premessa jirriżulta li l-attività tal-impjanti idroelettriċi li, għalkemm ma jkunux sistemi ta’ ħażna bl-ippumpjar, jużaw l-ilma ppumpjat ’il fuq minn sistemi oħra, ma hijiex ibbażata fuq l-użu ta’ sorsi rinnovabbli li jinsabu fl-ambjent b’mod naturali.

27.      Skont il-Gvern Taljan, l-enerġija ġġenerata mill-użu tal-ilma li jaqa’ b’mod gravitazzjonali fi strutturi artifiċjali għandha tiġi inkluża fil-kunċett ta’ “enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu]”, sakemm dawk l-istrutturi jkunu nbnew għal finijiet ekonomikament mhux relatati mal-produzzjoni tal-elettriku.

28.      Għall-Gvern Taljan, il-premessa 30 tad-Direttiva 2009/28 tipprevedi żewġ xenarji: a) l-idroenerġija li tirriżulta mill-ilma li jaqa’ b’mod gravitazzjonali fi strutturi artifiċjali maħsuba preċiżament għal dak l-iskop; jew b) l-enerġija miksuba minn waqgħat artifiċjali mibnija għall-finijiet li ma humiex relatati mal-produzzjoni tal-enerġija. Fl-ewwel każ ma tistax titqies bħala “enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu]” minħabba li, peress li jsir ippumpjar ta’ enerġija oħra sabiex tinħareġ, il-bilanċ ġenerali tal-enerġija użata b’rabta ma’ dik miksuba ikun kważi żero, li jelimina l-benefiċċju ambjentali. Fit-tieni każ, għall-kuntrarju, din tirriżulta minn strutturi u infrastrutturi diġà eżistenti, li jimmassimizza l-benefiċċju ambjentali u l-investimenti ekonomiċi.

29.      Barra minn hekk, il-Gvern Taljan ikompli, li peress li d-Direttiva 2009/28 espressament teskludi mill-kunċett ta’ “elettriku minn enerġija idroelettrika rinnovabbli [li tiġġedded]” biss il-produzzjoni tal-elettriku bl-ippumpjar, l-eċċezzjoni ma tkoprix il-każijiet fejn l-elettriku jinkiseb permezz ta’ ħruġ artifiċjali wkoll, iżda li nħolqu għal skopijiet ekonomiċi mhux relatati mal-kisba tal-elettriku.

30.      Il-Kummissjoni targumenta li, fin-nuqqas ta’ kunċett ta’ enerġija idroelettrika fid-Direttiva 2009/28, għandu jsir riferiment għad-definizzjoni tal-idroelettriċità li tinsab fil-punt 5.1.1 tal-Anness B tar-Regolament Nru 1099/2008, li jirreferi għaliha l-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2009/28.

31.      Fuq il-bażi ta’ din id-definizzjoni u tal-metodu tal-kalkolu tal-konsum finali gross tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (l-Artikolu 5(3) tal-istess Direttiva), il-Kummissjoni żżid li, għal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, l-“elettriku minn sorsi rinovabbli” huwa dak prodott minn impjant idrawliku mill-konverżjoni tal-enerġija potenzjali jew kinetika tal-ilma, apparti dik iġġenerata minn sistemi ta’ ħażna bl-ippumpjar mill-ilma ppumpjat minn ilmijiet ’il fuq. Finalment, il-Kummissjoni tinnota li l-leġiżlatur ma għamilx distinzjoni bejn it-tipi ta’ ilmijiet użati, skont ikunux ġejjin minn passaġġi naturali jew artifiċjali.

V –    Evalwazzjoni

32.      Din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinvolvix il-kwistjoni li jiġi ċċarat liema huma “sorsi rinovabbli [li jiġġeddu]” b’mod astratt u lanqas taħt liema kundizzjonijiet jista’ jiġi preżunt li l-idroenerġija ġejja minn tali sorsi. Id-domanda tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja) hija ħafna iktar speċifika, u għalhekk dak li jinteressa lil din il-qorti huwa jekk tistax titqies bħala “enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu]” fis-sens tad-Direttiva 2009/28, tip konkret ħafna ta’ idroelettriku: dak prodott f’impjant tal-idroenerġija żgħir billi jintuża l-ilma mormi minn faċilità oħra li qabel tkun użatu għall-iskopijiet tagħha stess, separati mill-produzzjoni tal-elettriku.

33.      Jien ridt nenfasizza r-riferiment għad-Direttiva 2009/28 għax faċli li wieħed jara biss il-kunċetti ġenerali barra mil-liġi u jinsa li d-dibattitu li jistgħu jipparteċipaw fih il-qrati, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja, huwa dak li jsir fir-rigward tal-kategoriji legali.

34.      Qiegħed ngħid dan għaliex naħseb li hawnhekk ma jistax jintuża kunċett stabbilit minn qabel bħal dak tas-“sorsi ta’ enerġija rinnovabbli [li jiġġeddu]”, jiġifieri, kif indikat mill-Gvern Pollakk (10), dawk li jiġġeddu b’mod naturali, mingħajr intervent uman. Fuq il-bażi ta’ dan il-kunċett stabbilit minn qabel huwa inevitabbli li jkun hemm problema sabiex pereżempju dik l-enerġija ġġenerata mill-użu ta’ passaġġi tal-ilma artifiċjali tiġi kklassifikata bħala “enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu]”.

35.      Il-kunċett rilevanti, madankollu, huwa biss dak tad-Direttiva 2009/28 stess, li tiddefinixxi, għall-applikazzjoni tagħha, l-“enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu]” bil-kliem li ġejjin: “enerġija minn sorsi rinnovabbli mhux fossili” [l-Artikolu 2(a)] (11). L-Artikolu ma jipprovdix, min-naħa tiegħu, kunċett ta’ “sorsi rinnovabbli mhux fossili”, iżda jelenka eżattament liema huma dawn is-sorsi, jiġifieri: “enerġija mir-riħ, mix-xemx, dik aerotermika, ġeotermika, idrotermika u oċeanika, idroenerġija, bijomassa, gass mill-miżbla, gass minn impjanti għat-trattament tad-dranaġġ u bijogassijiet”. Għall-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2009/28, fil-qosor, meta wieħed jitkellem dwar “sorsi rinovabbli mhux fossili” dan huwa l-istess bħal meta wieħed jitkellem dwar dawn li ssemmew, li jintwera permezz tal-frażi “b’mod partikolari” (12).

36.      Konsegwentement, ikunu xi jkunu għal oqsma oħra ta’ konoxxenza l-enerġiji minn sorsi li jiġġeddu, u irrispettivament minn jekk tkunx korretta jew le, f’dawk l-oqsma l-oħra, l-identifikazzjoni tagħhom ma’ dawk li ġejjin minn “sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu] mhux fossili”, il-verità hi li, f’termini legali —b’mod speċifiku, fit-termini tad-Direttiva 2009/28— l-idroenerġija hija waħda minnhom. Skont ir-Regolament Nru 1099/2008 (13), din it-tip ta’ enerġija hija ddefinita, mill-perspettiva statistika, bħala “[l]-enerġija potenzjali u kinetika ta’ l-ilma kkonvertita f’elettriku f’impjanti idroelettriċi”, inkluża dik miksuba permezz ta’ ħażna bl-ippumpjar.

37.      B’kunsiderazzjoni ta’ dan, fil-prinċipju, kull “idroenerġija” għandha tiġi kklassifikata, għall-finijiet tad-Direttiva 2009/28, bħala “enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu]”, kemm jekk ġejja minn ilma li jaqa’ minn passaġġi artifiċjali kif ukoll jekk ġejja minn ilma li jgħaddi minn kanali naturali (14). Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel distinzjoni bejn in-naturalezza jew l-artifiċjalità tal-kanal tal-ilmijiet li jservu għall-produzzjoni tal-elettriku, bħala kriterju għall-inklużjoni tiegħu fil-lista tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu, ma hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2009/28.

38.      L-unika eċċezzjoni għal din ir-regola hija dik imsemmija, b’mod espliċitu fid-Direttiva 2009/28 stess, fejn il-premessa 30 tiddikjara li “l-elettriku prodott minn sistema ta’ ħażna bl-ippumpjar mill-ilma li qabel kien ippumpjat ‘il fuq m’għandhomx ikunu meqjusa bħala elettriku prodott minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli [li jiġġeddu]”. B’mod konformi ma’ din l-ispjegazzjoni, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2009/28 jipprovdi li l-elettriku miksub f’kundizzjonijiet bħal dawn ma jiġix ikkunsidrat għall-kalkolu tal-konsum finali gross ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu.

39.      Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju (15), l-impjant idroelettriku żgħir li huwa s-suġġett ta’ dan il-każ “ma jaqax taħt is-sistemi ta’ ħażna bl-ippumpjar jew l-impjanti idroelettriċi ta’ ilma li jiċċirkola bil-funzjoni ta’ ppumpjar” (16). F’dan il-każ (li finalment għandu jiġi evalwat skont dik il-qorti), l-impjant ma jaqax taħt il-kategorija msemmija fil-premessa 30 u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2009/28, b’tali mod li l-idroenerġija ġġenerata fih għandha l-aġġettiv “minn sorsi rinovabbli [li jiġġeddu]”.

40.      L-eċċezzjoni prevista fid-Direttiva 2009/28 rigward il-faċilitajiet ta’ ppumpjar hija r-riżultat ta’ deċiżjoni tal-leġiżlatur li, minkejja li jirrikonoxxi f’regola oħra (17) (ċertament għal għanijiet tal-istatistika) li dik is-sistema ta’ użu tiġġenera “idroenerġija”, għażel li jiċħad li huwa każ ta’ elettriku prodott minn sorsi li jiġġeddu. Ikunu xi jkunu r-raġunijiet għal din id-deċiżjoni ta’ politika tal-enerġija (18), l-eċċezzjoni li hija inkluża fid-Direttiva 2009/28 dwar il-faċilitajiet tal-ippumpjar hija ċarissima. Iżda għal darb’oħra nirrepeti, dan ma huwiex il-każ tal-faċilità tal-idroenerġija hawnhekk.

41.      Skont l-informazzjoni li tinsab fil-talba għal deċiżjoni preliminari, l-impjant tal-idroenerġija inkwistjoni uża ilma maħmuġ maħruġ minn terz, li huwa indipendenti mill-attività tagħha u ma għandu xejn x’jaqsam mal-produzzjoni tal-elettriku. Għalhekk, ma hijiex faċilità tal-ippumpjar (fis-sens ta’ hawn fuq) iżda hija impjant li, sabiex jiġġenera l-elettriku, juża ilma li, altrimenti kien jintrema mingħajr ma jkollu użu ekonomiku jew ambjentali ieħor.

42.      Għalhekk, l-impjant inkwistjoni juża ilma maħmuġ li ma għandux destinazzjonijiet oħra ħlief li jintrema, b’tali mod li l-użu ulterjuri tiegħu għall-produzzjoni tal-elettriku huwa ta’ benefiċċju, f’termini ambjentali. Barra minn hekk, wieħed jista’ jgħid li, permezz ta’ din il-proċedura, il-produzzjoni ta’ elettriku “nadif” tikkumpensa, sa ċertu punt, il-ħsara eventwali ambjentali li setgħet ġiet ikkawżata mill-mod kif l-ilma ġie akkwistat oriġinarjament, jew mill-bini tal-passaġġ artifiċjali li jwassal għalih.

43.      Jekk, barra minn hekk, kif tosserva l-Kummissjoni (19), l-ilmijiet użati mill-impjant tal-idroenerġija ġejjin minn kumpannija tat-trattament ta’ ilma maħmuġ, l-elettriku miksub b’dan il-mod jifforma parti minn ċiklu “virtuż” ta’ rimedju ambjentali: l-attività ta’ din il-kumpannija mhux biss tnaddaf l-ilma maħmuġ, iżda tagħti lok għal bilanċ favorevoli ta’ ilma li, imbagħad, jippermetti l-produzzjoni tal-elettriku mingħajr ma jkun hemm bżonn li wieħed jirrikorri għal sorsi oħra ta’ gassijiet serra.

44.      Fil-qosor, b’kunsiderazzjoni tal-Artikoli 2(a) u 5(3) tad-Direttiva 2009/28, kif ukoll l-objettivi ta’ din tal-aħħar, naħseb li l-qorti tar-rinviju għandha tingħata r-risposta li l-kunċett ta’ idroenerġija minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu jinkludi dik iġġenerata minn impjanti idroelettriċi li jużaw ilma maħmuġ mormi minn terz li ma għandux x’jaqsam mal-attività tal-impjant u li ma għandha ebda relazzjoni mal-produzzjoni tal-elettriku.

VI – Konklużjoni

45.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja, il-Polonja) fit-termini li ġejjin:

“Il-kunċett ta’ idroenerġija inkwantu sors ta’ enerġija li tiġġedded, użat fl-Artikolu 2(a), moqri flimkien mal-Artikolu 5(3) u mal-premessa 30 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu] u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, għandu jinftiehem bħala li jinkludi l-enerġija prodotta minn impjanti idroelettriċi li jisfruttaw ilma maħmuġ mormi minn terz li ma għandux x’jaqsam mal-attività tal-impjant u li ma għandu ebda relazzjoni mal-produzzjoni tal-elettriku.”


1–      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2–      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu] u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16).


3–      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211).


4–      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU 2008, L 304, p. 1).


5–      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).


6–      Liġi tal-10 ta’ April 1997, dwar l-enerġija (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja tal-2012, poż. 1059, verżjoni konsolidata, kif emendata; Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja tal-2015, poż. 478).


7–      Liġi tal-20 ta’ Frar 2015, dwar is-sorsi ta’ enerġija li tiġġedded (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja tal-2015, poż. 478), fis-seħħ mill-4 ta’ Mejju 2015.


8–      Liġi tat-18 ta’ Lulju 2001 (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja tal-2015, poż. 469).


9–      Id-digriet tar-rinviju, paragrafu I, numru 2.


10–      Il-paragrafu 13 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk.


11–      Fl-istess termini bħall-Artikolu 2(30) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 2(30) tad-Direttiva 2003/54.


12–      “À savoir”, fil-verżjoni Franċiża; “namely”, fit-test Ingliż; “das heißt”, fit-traduzzjoni Ġermaniża; “vale a dire”, bit-Taljan; “nomeadamente”, fil-verżjoni Portugiża.


13–      Punt 5 tal-Anness B.


14–      Il-ġenerazzjoni tal-idroenerġija tista’ ssir jew mill-impjanti ta’ ilma li jiċċirkula (li jaqbdu parti mill-fluss ta’ xmara jew ta’ kanal ta’ irrigazzjoni, sabiex jiġi ppumpjat b’magna turbina jew l-ilma jiġi rritornat fil-passaġġ iktar baxx minnhom) jew inkella mill-impjanti fil-qiegħ ta’ diga, jiġifieri, dawk mibnija sabiex jirregolaw il-l-flussi permezz ta’ ġibjun (artifiċjali) li jaqa’ l-ilma minnu sabiex jiċċaqilqu t-turbini.


15–      Id-digriet tar-rinviju, paragrafu III, numru 1. L-impjant jinsab fil-passaġġ tal-evakwazzjoni artifiċjali ta’ ilma maħmuġ ittrattat minn terz bi skopijiet industrijali mhux relatati ma’ skopijiet industrijali idroelettriċi.


16–      Impjant tal-ippumpjar jaħdem b’żewġ ġibjuni li jinsabu f’għoli differenti. L-ilma fil-qiegħ jiġi ppumpjat matul il-ħinijiet tal-iktar domanda elettrika baxxa lejn dak ta’ fuq, sabiex jiġi ppumpjat b’magna turbina iktar tard u għalhekk jitneħħa l-elettriku ta’ “riżerva” fil-ħinijiet tal-ikbar konsum.


17–      L-Anness B, punt 5, tar-Regolament 1099/28.


18–      L-operazzjoni ta’ ppumpjar tal-ilma għal ġibjun fil-għoli, li minnu se sseħħ il-waqgħa ulterjuri sabiex jiġi ġġenerat elettriku ġdid, ovvjament jeħtieġ l-użu tal-enerġija sabiex jiġu attivati l-magni turbini li jidderieġu l-ilma mil-lag iktar fil-baxx minn dik ta’ fuq. Forsi ġie maħsub li l-benefiċċju ambjentali miksub permezz ta’ din il-proċedura ma huwiex daqstant importanti li jistħoqqlu t-trattament li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea toffri għall-enerġija li tiġġedded. Fi kwalunkwe każ, il-kontribuzzjoni tal-impjanti tal-idroenerġija tal-ippumpjar fis-sistema tal-enerġija kollha kemm hi hija ċara: billi ċċaqlaq matul il-lejl (jew fis-sigħat tal-inqas konsum) l-ilma ta’ fuq, bl-użu konsegwenti tal-elettriku, kif ukoll billi tiffaċilita li tiġi evitata tagħbija żejda fin-netwerk f’sitwazzjonijiet żejda, tinħoloq “riżerva” jew akkumulazzjoni ta’ ilma sabiex jiġi injettat l-elettriku fis-sistema matul il-ħinijiet tal-ikbar domanda, skont il-ħtiġijiet ta’ kull mument. Għaldaqstant, hija teknoloġija li, filwaqt li tuża riżors naturali (l-ilma), tista’ sservi bħala sostenn għal sorsi li jiġġeddu intermittenti oħra (ir-riħ, ix-xemx) meta l-attivazzjoni tagħhom tkun meħtieġa.


19–      Il-paragrafu 27 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.