Language of document : ECLI:EU:C:2017:153

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

tat-2 ta’ Marzu 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2009/28/KE – Il-punt a tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 – Enerġija minn sorsi li jiġġeddu – Idroenerġija – Kunċett – Enerġija prodotta f’impjant idroelettriku żgħir li jinsab fil-punt ta’ ħruġ ta’ ilma maħmuġ ta’ impriża oħra”

Fil-Kawża C-4/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie Wydział Cywilny (qorti tal-appell ta’ Varsavja, sezzjoni ċivili, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Jannar 2016, fil-proċedura

J. D.

vs

Prezes Urzędu Regulacji Energetyki,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal J. D., minn T. Gałecki, radca prawny,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Garofoli, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Talabér-Ritz u K. Herrmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Novembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt a tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu] u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn J. D. u Prezes Urzędu Regulacji Energetyki (President tal-Uffiċċju tar-Regolamentazzjoni tal-Enerġija, il-Polonja) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti lil J. D. l-estensjoni ta’ konċessjoni ta’ produzzjoni tal-elettriku f’impjant idroelettriku żgħir li jinsab fil-punt ta’ ħruġ ta’ ilma maħmuġ ta’ impriża oħra.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2009/28

3        Il-premessi 1 u 30 tad-Direttiva 2009/28 jistipulaw:

“(1)      Il-kontroll tal-konsum tal-enerġija Ewropea kif ukoll iż-żieda fl-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu], flimkien ma’ ffrankar ta’ enerġija u żieda fl-effiċjenza tal-enerġija, jikkostitwixxu partijiet importanti mill-pakkett ta’ miżuri meħtieġa biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra […]. Dawk il-fatturi għandhom ukoll rwol importanti fil-promozzjoni tas-sigurtà fil-provvista tal-enerġija, fil-promozzjoni tal-iżvilupp u l-innovazzjoni teknoloġika u fl-għoti ta’ opportunitajiet għall-impjieg u l-iżvilupp reġjonali, speċjalment f’żoni rurali u iżolati. […]

[…]

(30)      Fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni tal-idro-elettriku u tal-enerġija mir-riħ għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-effetti tal-varjazzjoni klimatika għandhom jittaffew permezz tal-użu ta’ regola ta’ normalizzazzjoni. Barra minn hekk, l-elettriku prodott minn sistema ta’ ħażna bl-ippumpjar mill-ilma li qabel kien ippumpjat ‘il fuq m’għandhomx ikunu meqjusa bħala elettriku prodott minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu]. Hija tistabbilixxi miri nazzjonali mandatorji għas-sehem globali ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli kemm fil-konsum finali gross tal-enerġija kif ukoll fit-trasport. […]”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, li jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet fid-Direttiva 2003/54/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (JO 2003, L 176, p. 37),] japplikaw.

Id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw ukoll:

a)      ‘enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu]’ tfisser l-enerġija minn sorsi rinnovabbli mhux fossili, b’mod partikolari enerġija mir-riħ, mix-xemx, dik aerotermika, ġeotermika, idrotermika u oċeanika, idroenerġija, bijomassa, gass mill-miżbla, gass minn impjanti għat-trattament tad-dranaġġ u bijogassijiet;

[…]”

6        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28 huwa intitolat “Miri u miżuri globali nazzjonali mandatorji għall-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu]”. Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu, ikkalkulat skont l-Artikoli 5 sa 11 ta’ din id-direttiva, fil-konsum finali gross ta’ enerġija fl-2020 għandu jkun mill-inqas il-mira globali nazzjonali tiegħu kif stabbilit fit-tielet kolonna tat-tabella fil-Parti A tal-Anness I tal-imsemmija direttiva.

7        L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat, “Kalkolu tas-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu]”, jipprovdi:

“1.      Il-konsum finali gross ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli f’kull Stat Membru għandu jkun ikkalkulat bħala s-somma ta’:

a)      konsum finali gross ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

[…]

3.      Għall-għanijiet tal-paragrafu 1(a), il-konsum finali gross ta’ elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli għandu jkun ikkalkulat bħala l-kwantità ta’ elettriku prodott fi Stat Membru minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bl-esklużjoni tal-produzzjoni ta’ elettriku f’unitajiet ta’ ppumpjar tal-ħażniet minn ilma li qabel kien ippumpjat ‘il fuq.

[…]

L-elettriku ġġenerat bl-idroenerġija u bl-enerġija mir-riħ għandu jkun ikkunsidrat skont ir-regoli ta’ normalizzazzjoni stabbiliti fl-Anness II.

[…]

7.      Il-metodoloġija u d-definizzjonijiet użati fil-kalkolu tas-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli għandhom ikunu dawk tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, dwar l-istatistika dwar l-enerġija [(ĠU 2008, L 304, p. 1)].

[…]”

8        Mir-regola ta’ normalizzazzjoni għall-ikkalkolar ta’ elettriku ġġenerat mill-enerġija idrawlika stabbilita fl-Anness II tad-Direttiva 2009/28 jirriżulta li l-kwantità normalizzata ta’ elettriku prodotta matul sena mill-impjanti idrawliċi kollha ta’ Stat Membru hija ddeterminata, b’mod partikolari, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwantità ta’ elettriku effettivament prodotta mill-impjanti idrawliċi kollha tal-Istat Membru kkonċernat, bl-esklużjoni tal-elettriku prodott f’sistemi ta’ ħażna bl-ippumpjar ta’ ilma li qabel kien ippumpjat ’il fuq.

 Id-Direttiva 2003/54

9        Id-Direttiva 2003/54 tħassret permezz tad-Direttiva 2009/72/KE, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55). Skont l-Artikolu 48 tad-Direttiva 2009/72, dan it-tħassir sar effettiv fit-3 ta’ Marzu 2011 u r-riferimenti fid-direttiva abrogata għandhom jinftiehmu fis-sens li japplikaw għad-Direttiva 2009/72.

10      L-Artikolu 2(30) tad-Direttiva 2003/54 kien jiddefinixxi is-“sorsi ta’ enerġija mġedda [li tiġġedded]” bħala “sorsi ta’ enerġija non-fossili (riħ, xemx, ġeotermali, mewġ, tifrigħ tal-baħar, qawwa mill-ilma, biomassa, gassijiet minn miżbliet, gass minn impjanti tat-trattament tad-drenaġġ u bio-gassijiet)”. Din id-definizzjoni ġiet riprodotta eżattament fl-Artikolu 2(30) tad-Direttiva 2009/72.

 Ir-Regolament Nru 1099/2008

11      L-Anness B tar-Regolament Nru 1099/2008, b’mod partikolari, għandu l-għan li jippreċiża l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġbir annwali tal-istatistika dwar l-enerġija. Taħt it-titolu “L-enerġija rinnovabbli u l-enerġija mill-iskart”, il-ġbir ta’ data jkopri, skont il-punt 5.1.1 ta’ dan l-anness, “l-enerġija mill-ilma”, li hija ddefinita kif ġej:

“L-enerġija potenzjali u kinetika ta’ l-ilma kkonvertita f’elettriku f’impjanti idroelettriċi. Il-pumped storage irid jiġi inkluż.[…]”

12      Dan l-Anness B ġie emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 147/2013, tat-13 ta’ Frar (ĠU 2013, L 50, p. 1), iżda d-definizzjoni ta’ idroenerġija tibqa’ l-istess.

 Id-dritt Pollakk

13      L-Ustawa prawo energetyczne (liġi dwar l-enerġija), tal-10 ta’ April 1997, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (Dz. U. de 2012, pożizzjoni 1059) (iktar 'il quddiem il-“liġi dwar l-enerġija”), tipprovdi, fl-Artikolu 3 tagħha:

“Il-kunċetti użati f’din il-liġi għandhom jinftiehmu kif ġej:

[…]

20)      ‘sors ta’ enerġija li tiġġedded’: tfisser sors li fil-proċess ta’ trasformazzjoni tiegħu tintuża l-enerġija li ġejja: enerġija mir-riħ, radjazzjoni solari; enerġija aerotermika, ġeotermika jew idrotermika; enerġija tal-mewġ, tal-kurrenti tal-baħar u tal-mareat; il-fluss tax-xmajjar; bijomassa, bijogass iġġenerat mill-miżbliet u bijogass iġġenerat fi proċessi ta’ derivazzjoni jew trattament tad-drenaġġ jew ta’ dekompożizzjoni ta’ ħama ta’ residwi tal-pjanti u tal-annimali.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14      J. D. hija impriża attiva fis-settur tal-produzzjoni tal-elettriku. Għall-perijodu bejn l-20 ta’ Novembru 2004 sal-20 ta’ Novembru 2014, hija bbenefikat minn konċessjoni li tawtorizzaha teżerċita attività ta’ produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu f’żewġ impjanti żgħar tal-bijogass u impjant idroelettriku żgħir, fejn dan tal-aħħar jinsab fil-punt ta’ ħruġ ta’ ilma maħmuġ (ilma industrijali użat) ta’ impriża oħra, li l-attività tagħha ma hijiex marbuta mal-produzzjoni tal-elettriku.

15      Fil-5 ta’ Marzu 2013, J. D. talbet l-estensjoni ta’ din il-konċessjoni għal perijodu ġdid. Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2013, il-president tal-Uffiċċju ta’ Regolamentazzjoni tal-Enerġija ċaħad din it-talba għal estensjoni sa fejn tikkonċerna l-impjant idroelettriku żgħir, minħabba li huma biss l-impjanti idrawliċi li jipproduċu enerġija mill-mewġ, mill-kurrenti u mill-mareat tal-baħar kif ukoll mill-kurrenti tax-xmajjar li jistgħu jiġu kkunsidrati li huma installazzjonijiet li jipproduċu enerġija minn sorsi li jiġġeddu.

16      J. D. ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie – Sąd Ochrony Konkurencji i Konsumentów (qorti distrettwali ta’ Varsavja – qorti ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumatur, il-Polonja), li ċaħdet dan ir-rikors permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Novembru 2014. Skont din il-qorti, mid-definizzjoni tas-sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu li tinsab fl-Artikolu 3(20) tal-liġi dwar l-enerġija jirriżulta li l-elettriku prodott f’impjant idroelettriku, li ma huwiex impjant ta’ ħażna bl-ippumpjar, li jinsab fil-punt ta’ ħruġ ta’ ilma maħmuġ ta’ impriża oħra ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa prodott minn sors ta’ enerġija li tiġġedded.

17      J. D. ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie Wydział Cywilny (qorti tal-appell ta’ Varsavja, il-Polonja). Quddiem din l-aħħar qorti, J. D. ssostni, essenzjalment, li l-mod kif dan l-ilma ġie pprelevat mill-impriża l-oħra ma huwiex rilevanti f’dan il-każ u li l-Artikolu 3(20) tal-liġi dwar l-enerġija huwa kuntrarju għall-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28, moqri flimkien mal-premessa 30 u l-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva, peress li jirreferi għal “enerġija mill-fluss tax-xmajjar” pjuttost milli għall-kunċett iktar wiesa’ ta’ “[idroenerġija]” użat f’din id-direttiva.

18      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-fatt jekk l-idroenerġija, bħala enerġija prodotta minn sors li jiġġedded, tinkludix l-enerġija prodotta bl-użu tal-fluss ta’ gravità ta’ kurrent ta’ ilma artifiċjali meta, minn naħa, dan l-ilma kien miġbur minn impriża oħra, għall-finijiet tagħha, permezz tal-użu ta’ enerġija oħra, u, min-naħa l-oħra, l-impjant idroelettriku inkwistjoni ma huwiex impjant bis-sistema ta’ ħażna bl-ippumpjar u lanqas impjant ta’ ppumpjar b’turbina. Hija tirreleva, b’mod partikolari, li d-Direttivi 2009/28 u 2003/54 ma jiddefinixxux il-kunċett ta’ idroenerġija u li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw biss l-enerġija prodotta mill-fluss tal-ilma tax-xmajjar naturali.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, Sąd Apelacyjny w Warszawie Wydział Cywilny (qorti tal-appell tal-Wasavja, sezzjoni ċivili) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-kunċett ta’ idroenerġija inkwantu sors ta’ enerġija li tiġġedded, użat fl-Artikolu 2(a), [it-tieni paragrafu], moqri flimkien mal-Artikolu 5(3) u mal-premessa 30, tad-[Direttiva 2009/28], għandu jinftiehem bħala li jirreferi esklużivament għal enerġija prodotta minn impjant idroelettriku li jisfrutta ilma ġieri miexi l-isfel ta’ ilmijiet tal-wiċċ interni, inkluż ilma ġieri miexi l-isfel ta’ xmajjar, jew jirreferi wkoll għal enerġija prodotta f’impjant idroelettriku (li ma huwiex impjant kompost minn sistema ta’ ħażna bl-ippumpjar jew pompa-magna turbina) li jinsab f’punt ta’ ħruġ ta’ ilma maħmuġ industrijali ta’ impriża oħra?”

 Fuq id-domanda preliminari

20      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu]”, li jinsab fil-punt a tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28, għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-enerġija prodotta minn impjant idroelettriku żgħir, li la huwa impjant b’sistema ta’ ħażna bl-ippumpjar u lanqas impjant ta’ ppumpjar b’turbina, li jinsab fil-punt ta’ ħruġ ta’ ilma maħmuġ ta’ impriża oħra li kienet ipprelevat l-ilma qabel għall-finijiet tagħha.

21      Skont il-punt a tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28, il-kunċett ta’ “enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu]” jinkludi “enerġija minn sorsi rinnovabbli mhux fossili, b’ mod partikolari […] idroenerġija”.

22      Għalkemm mill-formulazzjoni ta’ din id-definizzjoni jirriżulta li l-elettriku prodott mill-enerġija idrawlika, jew mill-idroenerġija, hija enerġija prodotta minn sorsi li jiġġeddu, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, fl-assenza ta’ preċiżjoni f’dan ir-rigward, din il-formulazzjoni waħedha ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk il-kunċett ta’ idroenerġija, fis-sens tal-punt a tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28, jinkludix biss l-elettriku prodott mill-enerġija idrawlika pprovduta minn fluss naturali, jew jekk tinkludix ukoll dak prodott minn enerġija idrawlika pprovduta mill-fluss ta’ ilma artifiċjali u, jekk ikun il-każ, abbażi ta’ liema kundizzjonijiet.

23      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri bl-iskop li jiġu stabbiliti t-tifsira u l‑portata tagħha normalment għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C-424/10 u C-425/10, EU:C:2011:866, punt 32 kf ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2009/28 ma tagħmel l-ebda riferiment għad-drittijiet nazzjonali f’dak li jikkonċerna t-tifsira tat-terminu “idroenerġija” fis-sens li jinkludi enerġija prodotta minn sorsi li jiġġeddu, fis-sens ta’ din id-direttiva. Minn dan jirriżulta li dawn it-termini għandhom jiġu kkunsidrati, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, bħala li jindikaw kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jkun interpretat b’mod uniformi fit-territorju tal-Istati Membri kollha.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tal-kliem, li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni, għandha tiġi stabbilita, b’mod partikolari, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l‑għanijiet li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C-424/10 u C-425/10, EU:C:2011:866, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26      Fir-rigward tal-kuntest li fih huma użati l-kliem inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28 jippreċiża li, għall-finijiet ta’ din, id-definizzjonijiet tad-Direttiva 2003/54, li issa hija ssostitwita mid-Direttiva 2009/72, japplikaw, u għalkemm din tipprovdi, fl-Artikolu 2(30) tagħha, definizzjoni tas-sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu li tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik li tinsab fil-punt a tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28, id-Direttiva 2009/72 lanqas ma tispjega x’għandu jinftiehem minn idroenerġija prodotta minn sorsi li jiġġeddu.

27      Madankollu, minn naħa, l-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2009/28 jipprovdi li definizzjonijiet użati għall-kalkolu tal-parti tal-enerġija prodotta minn sorsi li jiġġeddu huma dawk stabbiliti mir-Regolament Nru 1099/2008. Issa, fil-punt 5.1.1 tal-Anness B ta’ dan, l-idroenerġija hija ddefinita bħala “enerġija potenzjali u kinetika ta’ l-ilma kkonvertita f’elettriku f’impjanti idroelettriċi”, fejn din id-definizzjoni tippreċiża li “[i]l-pumped storage irid jiġi inkluż.”

28      Min-naħa, mill-Artikolu 5(1)(a) u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2009/28 jirriżulta li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-konsum finali gross ta’ enerġija prodotta minn sorsi li jiġġeddu fi Stat Membru partikolari, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, għal dak li huwa l-konsum finali gross ta’ elettriku prodott minn sorsi li jiġġeddu, “l-kwantità ta’ elettriku prodott [f’dan l-Istat] Membru minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli [li jiġġeddu], bl-esklużjoni tal-produzzjoni ta’ elettriku f’unitajiet ta’ ppumpjar tal-ħażniet minn ilma li qabel kien ippumpjat ’il fuq”.

29      B’mod simili, dan l-Artikolu 5(3) jippreċiża fit-tielet subparagrafu tiegħu, li l-elettriku prodott minn enerġija idrawlika għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont ir-regola ta’ normalizzazzjoni stabbilita fl-Anness II tal-istess direttiva. Skont din il-formula, il-kwantità normalizzata ta’ elettriku prodott matul sena partikolari minn grupp ta’ impjanti idrawliċi ta’ Stat Membru għandha tiġi ddeterminata bl-esklużjoni tal-elettriku prodott f’sistemi ta’ ħażna bl-ippumpjar ta’ ilma li qabel kien ippumpjat ’il fuq.

30      F’dan is-sens, il-premessa 30 tad-Direttiva 2009/28 tippreċiża wkoll li l-elettriku prodott f’impjanti ta’ ħażna bl-ippumpjar ta’ ilma li qabel kien ippumpjat ’il fuq ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni bħala elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu.

31      Kif irreleva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 36 sa 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dawn l-elementi jirriżulta li tikkostitwixxi enerġija prodotta minn sorsi li jiġġeddu, fis-sens tal-punt a tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2, l-idroenerġija kollha, kemm jekk tkun prodotta minn enerġija idrawlika pprovduta minn fluss ta’ ilma naturali jew jekk tkun prodotta minn enerġija idrawlika prodotta minn fluss ta’ ilma artifiċjali, bl-eċċezzjoni tal-elettriku prodott f’sistemi ta’ ħażna bl-ippumpjar ta’ ilma li qabel kien ippumpjat ’il fuq.

32      Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mill-għanijiet intiżi mid-Direttiva 2009/28. Fil-fatt, mill-Artikolu 1 ta’ din tal-aħħar jirriżulta li hija intiża sabiex tippromwovi l-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu, u, skont l-ewwel premessa tagħha, iż-żieda tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi li jiġġeddu tikkostitwixxi element importanti tal-pakkett tal-miżuri meħtieġa sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għandha rwol fil-promozzjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, fl-iżvilupp teknoloġiku u fl-innovazzjoni, kif ukoll fil-ħolqien ta’ perspettivi ta’ impjieg u ta’ żvilupp reġjonali. Għal dawn l-għanijiet, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li kull Stat Membru għandu jiżgura li l-parti tal-enerġija prodotta minn sorsi li jiġġeddu fil-konsum finali ta’ enerġija fl-2020 tikkorrispondi għall-minimu tal-għan li għandha tilħaq fl-Anness I, Parti A tal-imsemmija direttiva.

33      Issa, l-esklużjoni mill-kunċett ta’ idroenerġija minn sorsi li jiġġeddu fis-sens tad-Direttiva 2009/28, l-elettriku kollu prodott mill-enerġija idrawlika pprovduta mill-fluss ta’ ilma artifiċjali, u dan sempliċement minħabba li huma flussi ta’ ilma ta’ din in-natura, kif jissuġġerixxi, essenzjalment, il-Gvern Pollakk, ma huwiex biss kuntrarju għall-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni, skont kif hija esposta fil-punti 26 sa 31 ta’ din is-sentenza, iżda tmur ukoll kontra t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet.

34      Fil-fatt, is-sempliċi fatt li l-elettriku jkun prodott minn enerġija idrawlika pprovduta minn fluss ta’ ilma artifiċjali ma jimplikax assenza ta’ kontribuzzjoni għat-twettiq tal-għanijiet imsemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza u, b’mod partikolari, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

35      Barra minn hekk, esklużjoni ġenerali, bħal dik issuġġerita fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, sa fejn għandha l-konsegwenza li tiskoraġġixxi kwalunkwe produzzjoni ta’ elettriku mill-enerġija idrawlika pprovduta minn fluss ta’ ilma artifiċjali, anki meta dan il-fluss ta’ ilma artifiċjali jkun jeżisti minħabba l-preżenza, ’il fuq, ta’ attività produttiva, indipendentement minn kwalunkwe użu ’l isfel ta’ dan l-ilma maħmuġ sabiex jiġi prodott l-elettriku, u anki meta din il-produzzjoni ta’ elettriku ssir mingħajr ma jsir rikors għal sistema ta’ ħażna bl-ippumpjar, tista’ tnaqqas il-kwantità ta’ idroenerġija li tista’ tibbenefika minn miżuri ta’ promozzjoni tal-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, b’applikazzjoni tad-Direttiva 2009/28, u tippreġudika b’hekk it-twettiq sħiħ ta’ dawn l-għanijiet.

36      Sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ abbuż huwa importanti madankollu li l-attività eżerċitata ’il fuq, li hija dik li toħloq dan il-fluss ta’ ilma artifiċjali, ma jkollhiex l-għan biss li toħloq dan il-fluss ta’ ilma għall-finijiet tal-attività tagħha ’l isfel sabiex tipproduċi l-elettriku. Għalhekk, b’mod partikolari, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ idroenerġija minn sorsi li jiġġeddu, fis-sens tad-Direttiva 2009/28, l-elettriku prodott mill-enerġija idrawlika pprovdut minn fluss ta’ ilma artifiċjali meta dan il-fluss ikun inħoloq ’il fuq minn ippumpjar għall-uniku skop li jipproduċi dan l-elettriku ’l isfel.

37      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-impjant idroelettriku żgħir inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwa la impjant ta’ ħażna bl-ippumpjar u lanqas impjant ta’ ppumpjar b’turbina, u, għaldaqstant, dan ma jaqax taħt il-kunċett ta’ sistema ta’ “ppumpjar tal-ħażniet minn ilma li qabel kien ippumpjat ‘il fuq”, fis-sens tad-Direttiva 2009/28, u li, barra minn hekk, il-fluss ta’ ilma artifiċjali li tuża huwa magħmul minn ilma maħmuġ ta’ impriża oħra, li tkun ġabritu għall-finijiet tal-attività tagħha, li hija mandankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-kunċett ta’ “idroenerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu]”, fis-sens tal-punt a tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-enerġija prodotta minn impjant idroelettriku żgħir, li la huwa impjant ta’ ħażna bl-ippumpjar u lanqas impjant ta’ ppumpjar b’turbina, li jinsab fil-punt ta’ ħruġ ta’ ilma maħmuġ ta’ impriża oħra, li tkun ġabritu għall-finijiet tal-attività tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kunċett ta’ “idroenerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu]”, fis-sens tal-punt a tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu] u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-enerġija prodotta minn impjant idroelettriku żgħir, li la huwa impjant ta’ ħażna bl-ippumpjar u lanqas impjant ta’ ppumpjar b’turbina, li jinsab fil-punt ta’ ħruġ ta’ ilma maħmuġ ta’ impriża oħra, li tkun ġabritu għall-finijiet tal-attività tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.