Language of document : ECLI:EU:C:2017:153

Kawża C-4/16

J. D.

vs

Prezes Urzędu Regulacji Energetyki

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie Wydział Cywilny)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2009/28/KE – Il-punt a tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 – Enerġija minn sorsi li jiġġeddu – Idroenerġija – Kunċett – Enerġija prodotta f’impjant idroelettriku żgħir li jinsab fil-punt ta’ ħruġ ta’ ilma maħmuġ ta’ impriża oħra”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-2 ta’ Marzu 2017

Ambjent – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi li jiġġeddu – Direttiva 2009/28 – Kunċett ta’ enerġija prodotta minn sorsi li jiġġeddu – Enerġija prodotta f’impjant idroelettriku li jinsab fil-punt ta’ ħruġ ta’ ilma maħmuġ ta’ impriża oħra – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/28, Il-punt a tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2)

Il-kunċett ta’ “idroenerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu]”, fis-sens tal-punt a tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli [li jiġġeddu] u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-enerġija prodotta minn impjant idroelettriku żgħir, li la huwa impjant ta’ ħażna bl-ippumpjar u lanqas impjant ta’ ppumpjar b’turbina, li jinsab fil-punt ta’ ħruġ ta’ ilma maħmuġ ta’ impriża oħra, li tkun ġabritu għall-finijiet tal-attività tagħha.

Kif irreleva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 36 sa 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dawn l-elementi jirriżulta li tikkostitwixxi enerġija prodotta minn sorsi li jiġġeddu, fis-sens tal-punt a tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2, l-idroenerġija kollha, kemm jekk tkun prodotta minn enerġija idrawlika pprovduta minn fluss ta’ ilma naturali jew jekk tkun prodotta minn enerġija idrawlika prodotta minn fluss ta’ ilma artifiċjali, bl-eċċezzjoni tal-elettriku prodott f’sistemi ta’ ħażna bl-ippumpjar ta’ ilma li qabel kien ippumpjat ’il fuq. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ abbuż huwa importanti madankollu li l-attività eżerċitata ’il fuq, li hija dik li toħloq dan il-fluss ta’ ilma artifiċjali, ma jkollhiex l-għan biss li toħloq dan il-fluss ta’ ilma għall-finijiet tal-attività tagħha ’l isfel sabiex tipproduċi l-elettriku. Għalhekk, b’mod partikolari, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ idroenerġija minn sorsi li jiġġeddu, fis-sens tad-Direttiva 2009/28, l-elettriku prodott mill-enerġija idrawlika pprovdut minn fluss ta’ ilma artifiċjali meta dan il-fluss ikun inħoloq ’il fuq minn ippumpjar għall-uniku skop li jipproduċi dan l-elettriku ’l isfel.

(ara l-punti 31, 36, 38 u d-dispożittiv)