Language of document : ECLI:EU:C:2014:12

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

16 ta’ Jannar 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 45 TFUE — Direttiva 2000/78/KE — Differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età — Determinazzjoni tad-data ta’ referenza għall-finijiet ta’ avvanz fl-iskala tas-salarju — Terminu ta’ preskrizzjoni — Prinċipju ta’ effettività”

Fil-Kawża C‑429/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Innsbruck (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-28 ta’ Awwissu 2012 u tas-16 ta’ Awwissu 2013, li waslu rispettivament fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Settembru 2012 u fit-22 ta’ Awwissu 2013, fil-proċedura

Siegfried Pohl

vs

ÖBB - Infrastruktur AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.‑C. Bonichot u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Lulju 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal S. Pohl, minn C. Schöffthaler u U. Willi, Rechtsanwälte,

–        għal ÖBB - Infrastruktur AG, minn C. Wolf, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz, D. Martin u F. Schatz, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ʼil quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 45 TFUE u tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn S. Pohl u l-persuna li timpjega preċedenti tiegħu, ÖBB - Infrastruktur AG (iktar ʼil quddiem “ÖBB”), dwar id-determinazzjoni, waqt ir-reklutaġġ tiegħu f’impjieg permanenti fl-1 ta’ Lulju 1977, tad-data ta’ referenza għall-finijiet tal-progres fl-iskala tas-salarju marbuta ma’ dan l-impjieg u l-konsegwenzi tal-istabbiliment tal-imsemmija data għall-klassifikazzjoni tiegħu fuq din l-iskala kif ukoll għall-kalkolu tas-salarju tiegħu u tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha l-“iskop [...] li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta ugwaljanza fit-trattament”.

4        L-Artikolu 2 tad-din id-direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġguni msemmija fl-Artikolu 1.  

2.      Għall-għanijiet tal-paragrafu 1:  

a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[...]”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jippreċiża fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-[Unjoni], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċci, f’dak li jirrigwarda:

(a)      kondizzjonijiet għal aċċess għall-impjiegi, għal min jaħdem għal rasu jew għall-impjieg, inkluż il-kriterji ta’selezzjoni u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, tkun li tkun il-fergħa ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluż promozzjoni;

[...]

(ċ)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[...]”

6        Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandhux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment ġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet jkunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludu:

(a)      l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kondizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età [anzjani], u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħhra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

(b)      L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

[...]”

 Id-dritt Awstrijak

7        L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-1963 dwar ir-remunerazzjonijiet fi ħdan il-ferroviji [Bundesbahn‑Besoldungsordnung 1963 (BGBl. 170/1963), iktar ʼil quddiem il-“BBO”], intitolat “Data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz”, jiddisponi:

“(1)      Id-data ta’ referenza tal-avvanz għandha tkun iddeterminata fis-sens li — ħlief għall-perijodi ta’ qabel l-egħluq tal-età ta’ 18-il sena u b’riżerva tad-dispożizzjonijiet restrittivi tas-subparagrafi 4 sa 7 — huma meqjusa li jippreċedu l-jum tal-impenn:

a)      il-perijodi msemmija fis-subparagrafu 2, fl-intier tagħhom,

b)      il-perijodi l-oħra, għal nofs.

(2)      Skont is-subparagrafu 1(a), għandhom jitqiesu li jippreċedi l-jum tal-impenn:

1.       it-tul imwettaq f’impjieg ta’ mill-inqas nofs il-ħin preskritt għall-ħaddiema full-time fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg fi ħdan il-ferroviji Awstrijaċi. Dan jgħodd ukoll għat-tul mwettaq f’impjieg f’kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg fi ħdan il-ferroviji ta’ Land jew ferroviji privati, li regolament ta’ servizz komparabbli għar-regolament ta’ servizz ta’ uffiċjali tal-ferroviji Awstrijaċi huwa applikabbli għalih.

[...]”

8        L-Artikolu 1480 tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak (Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch) jiddisponi:

“Id-dejn relatat ma’ servizzi annwali b’lura, fl-interess partikolari ta’ interessi [ ...] jiskadi fi tliet snin; id-dritt bħala tali huwa preskritt bin-nuqqas ta’ użu matul tletin sena”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Fil-25 ta’ Novembru 1974 S. Pohl issieħeb mal-kumpannija li kienet il-predeċessur fid-dritt ta’ ÖBB. Huwa kien impjegat minn din il-kumpannija f’impjieg permanenti fl-1 ta’ Lulju 1977. F’din l-okkażjoni d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ta’ S. Pohl fl-iskala tas-salarju marbut mal-impjieg li kien jokkupa ġiet stabbilita, mill-imsemmija kumpannija, fit-12 ta’ Novembru 1971. Għal dan il-għan, il-perjodi ta’ servizz l-oħra mwettqa ma’ din il-kumpannija ġew ikkunsidrati li ppreċedew ir-reklutaġġ tiegħu fl-intier tagħhom. Il-perijodi l-oħra ta’ servizz mwettqa sa mill-età ta’ 18-il sena ma’ diversi impriżi li jinsabu fl-Awstrija ġew ikkunsidrati biss sa nofs it-tul tagħhom. Il-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena ma ġewx ikkunsidrati waqt id-determinazzjoni tad-data ta’ referenza.

10      Wara li rtira b’mod temporanju fl-4 ta’ Marzu 2002, S. Pohl irtira b’mod permanenti fl-4 ta’ Marzu 2005. Fi tmiem l-aħħar avvanz tiegħu, li seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002, S. Pohl kien ikklassifikat fl-iskala tas-salarju 15.

11      B’azzjoni mibdija fit-2 ta’ Awwissu  2011 kontra ÖBB quddiem il-Landesgericht Innsbruck (qorti tal-ewwel istanza ta’ Innsbruck), S. Pohl talab li jiġi kkonstatat li kien laħaq fl-1 ta’ Jannar 2002 l-iskala tas-salarju 16. Huwa talab, sussidjarjament, li ÖBB tiġi kkundannata tħallsu, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2002 sal-4 ta’ Marzu 2002, id-differenza fis-salarju bejn l-iskala 16 u l-iskala 15 u, mill-5 ta’ Marzu 2002, id-differenza bejn il-benefiċċji tal-irtirar li rċieva u dawk dovuti skont l-iskala 16.

12      S. Pohl sostna, essenzjalment, li l-perijodi ta’ servizz li wettaq qabel l-età ta’ 18-il sena kif ukoll dawk imwettqa wara l-età ta’ 18-il sena u sal-24 ta’ Novembru 1974 kellhom jiġu kkunsidrati fit-totalità tagħhom meta tiġi stabbilita d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz tiegħu fl-iskala tas-salarju marbut mal-impjieg tiegħu fi ħdan ÖBB. Jekk dawn il-perijodi ta’ attività kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata din id-data ta’ referenza, kien jirriżulta minn dan, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament tal-1963 fuq ir-remunerazzjonijiet fi ħdan il-qasam tal-ferroviji, li S. Pohl ikun ġie kklassifikat fl-iskala tas-salarju 16 qabel ma rtira temporanjament fl-4 ta’ Marzu 2002.

13      L-azzjoni ta’ S. Pohl ġie miċħuda fl-ewwel istanza mil-Landesgericht Innsbruck.

14      S. Pahl ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

15      Rigward id-determinazzjoni tad-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ta’ S. Pohl fl-iskala tas-salarju, din il-qorti tqis li huwa xieraq li ssir distinzjoni bbażata fuq il-mument meta huwa laħaq l-età ta’ 18-il sena. L-esklużjoni tal-perijodi ta’ servizz qabel dik id-data għall-kalkolu tad-data ta’ referenza waqt ir-reklutaġġ tiegħu f’impjieg permanenti tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi sa nofs it-tul tagħhom mill-età ta’ 18-il sena sal-24 ta’ Novembru 1974 jista’ jkun kuntrarju għall-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza fit-trattament kif ukoll għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni li tinsab fl-Artikolu 45 TFUE.

16      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju osservat li, skont it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli skont id-dritt nazzjonali, id-dritt ta’ S. Pohl li jitlob l-evalwazzjoni mill-ġdid tad-data ta’ referenza huwa preskritt. Hija tiddeduċi minn dan li, skont id-dritt nazzjonali, id-drittijiet li S. Pohl qed isostni f’din il-kawża sabiex jikseb ħlas ulterjuri ta’ remunerazzjoni u ta’ pensjoni huma wkoll preskritti.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Innsbruck iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      Id-dritt tal-Unjoni attwalment fis-seħħ, b’mod partikolari:

1.      il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament,

2.      il-prinċipju ġenerali li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 6(3) TUE u tal-Artikolu 21 tal-[Karta ],

3.      il-projbizzjoni fir-rigward ta’ diskriminazzjoni li tirriżulta mill-moviment liberu tal-ħaddiema previst fl-Artikolu 45 TFUE,

4. id-Direttiva [2000/78],

jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali, li parzjalment jinsabu f’leġiżlazzjoni u parzjalment fi ftehim kollettiv, li ġew integrati f’kuntratt individwali ta’ xogħol bil-kunsens tal-partijiet u li jipprovdu li l-perijodi ta’ servizz tal-ħaddiema fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, meta dawn jitwettqu qabel l-età ta’ 18-il sena, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni u, meta dawn jitwettqu wara l-età ta’ 18-il sena, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss nofs dawn il-perijodi, sa fejn tali perijodi ma jkunux twettqu fi ħdan impriża nazzjonali “kważi pubblika” jew fi ħdan il-persuna li timpjega nazzjonali li kontriha tinfetaħ il-kawża bħala tali, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kompetenzi u l-konoxxenzi realment miksuba mill-ħaddiem?

2.       Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: il-fatt li l-perijodi ta’ servizz ikkalkolati jkunu twettqu bejn l-1 ta’ Diċembru 1965 u l-24 ta’ Novembru 1974, jiġifieri żmien twil qabel l-adeżjoni tal-Awstrija [tar-Repubblika tal-Awstrija] mal-[Unjoni] u l-ewwel deċiżjoni dwar il-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu rwol fil-kalkolu tal-arretrati tar-remunerazzjoni, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont id-dritt tal-Unjoni, il-perijodi ta’ servizz li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni qabel (fl-intier tagħhom qabel l-età ta’ 18-il sena u nofshom mill-età ta’ 18-il sena u sad-dħul fis-servizz tar-rikorrent fi ħdan il-konvenuta?)

3.       Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: id-dritt tal-Unjoni attwalment fis-seħħ u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ effettività jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-preskrizzjoni li jipprovdu li huwa kompletament preskritt id-dritt ta’ ħaddiem, li jkun sussegwentement irtirat, għal ħlas komplementari ta’ remunerazzjoni u, sussegwentement, ta’ pensjoni, mill-persuna li timpjegah, liema dritt jirriżulta mill-fatt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, inkonformità mad-dritt tal-Unjoni u fis-sens tal-ewwel domanda, perijodi ta’ servizz akkwistati barra mill-pajjiż u qabel l-età ta’ 18-il sena, dritt li l-persuna kkonċernata ma kellhiex taħt id-dritt nazzjonali u li setgħet tinvoka b’mod oġġettiv biss b’effett mill-għoti tas-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑195/98, Ġabra p. I‑10497)[,] u tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, Ġabra p. I‑5325)?

4.       Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: persuna li timpjega li topera fis-settur tat-trasport bil-ferrovija, li għandha iktar minn 40 000 impjegat, li għandha organizzazzjoni li tinkludi diversi livelli ta’ ġerarkija u li tinsab fit-territorju kollu, hija obbligata, bis-saħħa tad-dmir ta’ premura tagħha li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni attwalment fis-seħħ u b’mod partikolari mill-effett orizontali tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u/jew tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li jirriżulta mill-moviment liberu tal-ħaddiema, tinforma lill-impjegati tagħha u lir-rappreżentanti tal-persunal dwar is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li kienu wkoll is-suġġett ta’ pubblikazzjoni fl-istampa ta’ kuljum, li minnhom jirriżulta li teħid inkunsiderazzjoni mill-persuna li timpjega ta’ perijodi ta’ servizz huwa kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni u li jistgħu jwasslu b’mod partikolari għal ħlas komplementari ta’ remunerazzjoni?”

18      B’ittra tas-17 ta’ Lulju 2013, il-qorti tar-rinviju bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja digriet tal-Oberster Gerichtshof tas-27 ta’ Ġunju 2013, li permezz tagħha din il-qorti ddeċidiet li tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja diversi domandi preliminari li jirrigwardaw kwistjoni simili bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża.

19      Wara l-wasla ta’ din l-ittra, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-qorti tar-rinviju li tindikalha jekk riditx timmodifika jew tirtira, parzjalment jew totalment, id-domandi preliminari magħmula skont id-digriet tagħha tat-28 ta’ Awissu 2012.

20      Bi tweġiba għal din it-talba, il-qorti tar-rinviju rrinvjat, b’deċiżjoni li waslet fil-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Awwissu 2013, domanda preliminari addizzjonali, li hija fformulata kif ġej:

“Id-dritt tal-Unjoni fis-seħħ attwalment, b’mod partikolari,

1.      id-Direttiva 2007/78/KE

2.      il-prinċipju ġenerali ta’ effettività,

3.      il-prinċipju ġenerali tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi,

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, ta’ oriġini leġiżlattiva, tas-27 ta’ Diċembru 2011 applikabbli retroattivament mill-1 ta’ Jannar 2004, li tneħħi d-drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari fuq is-sentenza [Hütter, iċċitata iktar ʼil fuq], li jittieħdu kont, mingħajr diskriminazzjoni minħabba l-età, tal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena, kif ukoll tad-drittijiet għal remunerazzjoni li jirriżultaw, billi jkun estiż, sabiex tkun stabbilita data ġdida għall-finijiet tal-avvanz, fl-istess żmien ta’ sena t-terminu għall-aċċess għall-iskala ogħla f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli ta’ paga?”

 Fuq it-tielet domanda preliminari

21      Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tingħata risposta għaliha fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ effettività, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena, li jibda jgħodd mill-konklużjoni tal-ftehim li abbażi tiegħu d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ġiet stabbilita jew mill-klassifikazzjoni għal skala tas-salarju żbaljata, id-dritt għal impjegat li jitlob evalwazzjoni mill-ġdid tal-perijodu ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment ta’ din id-data ta’ referenza.

22      Din il-qorti tistaqsi b’mod partikolari fuq il-kwistjoni dwar jekk għandux jiġi aċċettat li dan it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mhux mill-konklużjoni tal-ftehim li fil-kuntest tiegħu d-data ta’ referenza ġiet stabbilita jew mill-klassifikazzjoni għal skala ta’ salarju żbaljata, iżda jibda jgħodd mid-dati meta ngħataw rispettivament is-sentenzi ċċitati iktar ʼil fuq Österreichischer Gewerkschaftsbund u Hütter.

23      Hija ġurisprudenza stabbilita li, meta f’qasam partikolari jkun jeżisti l-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, huwa l-kompitu tal-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li jaħtar il-qrati kompetenti u li jistabbilixxi regoli proċedurali għal azzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ drittijiet li l-individwi jinvokaw taħt id-dritt tal-Unjoni, sakemm, minn naħa waħda, tali regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk applikabbli għal azzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju tal-ekwivalenza) u li ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Q-Beef u Bosschaert, C‑89/10 u C‑96/10, Ġabra p. I‑7819, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix regoli relatati mat-termini mogħtija sabiex isir rikors f’dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

25      Minn dan isegwi li huwa kull Stat Membru kkonċernat li għandu jirregola, fi ħdan l-ordinament ġuridiku tiegħu, tali modalità proċedurali, b’riżerva tal-osservanza tal-prinċipji tal-ekwivalenza u ta’ effettività.

26      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan jeħtieġ li r-regoli kollha applikabbli għar-rikorsi japplikaw mingħajr distinzjoni għar-rikorsi bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk, simili, ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali (sentenza tal-15 ta’ April 2010, Barth, C‑542/08, Ġabra p. I‑3189, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’din il-kawża, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena previst mid-dritt nazzjonali japplika irrispettivament mill-fatt jekk il-ksur tad-dritt invokat jaqax taħt id-dritt tal-Unjoni jew taħt id-dritt nazzjonali.

28      Għaldaqstant, tali regola ta’ preskrizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kuntrarja għall-prinċipju ta’ ekwivalenza.

29      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-iffissar ta’ termini taħt piena ta’ dekadenza għall-preżentata ta’ rikorsi fl-interess taċ-ċertezza legali sa fejn tali termini ma humiex ta’ natura li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Barth, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Rigward il-kwistjoni dwar jekk id-dati rispettivi tal-għoti tas-sentenzi ċċitati iktar ʼil fuq Österreichischer Gewerkschaftsbund u Hütter għandhomx effett fuq il-bidu tad-dekorrenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit mid-dritt nazzjonali, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tispeċifika, meta jkun neċessarju, is-sinjifikat u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ. Fi kliem ieħor, deċiżjoni preliminari ma għandhiex valur kostituttiv, iżda purament dikjarattiv, bil-konsegwenza li l-effetti tagħha, bħala prinċipju, imorru lura għad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regola interpretata (sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter, C‑2/06, Ġabra p. I‑411, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Rigward il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li jaqa’, bħala prinċipju, taħt id-dritt nazzjonali u li l-konstatazzjoni sussegwenti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, bħala prinċipju, ma jkollhiex impatt fuq dan il-bidu tad-dekorrenza tal-imsemmi terminu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Q-Beef u Bossschaert, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għaldaqstant, id-dati rispettivi tal-għoti tas-sentenzi ċċitati iktar ʼil fuq, Österreichischer Gewerkschaftsbund u Hütter huma mingħajr effett fuq il-bidu tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, għaldaqstant, huma irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-osservanza, fil-kuntest ta’ din il-kawża, tal-prinċipju ta’ effettività.

33      B’hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, skont id-dritt nazzjonali, dan il-bidu ta’ dekorrenza jikkorrispondi għad-data tal-konklużjoni tal-ftehim li abbażi tiegħu d-data ta’ referenza tkun ġiet stabbilita jew tal-klassifikazzjoni għal skala tas-salarju żbaljata, jiġifieri, fil-kawża prinċipali, il-25 ta’ Novembru 1974. Il-qorti tar-rinviju tosserva f’dan ir-rigward li, fir-rigward tad-dritt nazzjonali, id-dritt għal S. Pohl li jitlob evalwazzjoni mill-ġdid tad-data ta’ referenza huwa preskritt mill-24 ta’ Novembru 2004, jiġifieri ħafna qabel l-introduzzjoni tal-proċedura fil-kawża prinċipali, fit-2 ta’ Awwissu 2011.

34      Ma jistax jiġi kkontestat li tali terminu jikkostitwixxi terminu raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors taħt piena ta’ dekadenza fl-interess taċ-ċertezza legali, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.

35      Barra minn hekk, minħabba l-fatt li r-rikors ta’ S. Pohl jirrigwarda, essenzjalment, il-legalità tal-aħħar avvanz tiegħu fl-iskala tas-salarju, li seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002, għandu jiġi kkonstatat li, skont id-dritt nazzjonali, kien għad għandu kważi tliet snin sabiex jippreżenta r-rikors tiegħu mid-deċiżjoni fuq l-aħħar avvanz tiegħu fuq din l-iskala.

36      Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li S. Pohl seta’ bbaża t-talba tiegħu fuq l-Artikolu 45 TFUE jew fuq id-Direttiva 2000/78, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, dan l-artikolu jista’ jiġi invokat quddiem il-qrati Awstrijaċi mill-1 ta’ Jannar 1995, id-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija mal-Unjoni, jiġfieri matul perijodu ta’ kważi għaxar snin qabel l-iskadenza tat-terminu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u min-naħa l-oħra, it-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78 skada fit-3 ta’ Diċembru 2003, li jħalli perijodu ta’ kważi sena sabiex S. Pohl jippreżenta rikors sabiex jinforza d-drittijiet tiegħu quddiem l-imsemmija qrati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża prinċipali, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena previst mid-dritt nazzjonali, li beda jiddekorri mill-konklużjoni tal-ftehim li abbażi tiegħu d-data ta’ referenza ġiet stabbilita jew mill-klassifikazzjoni għal skala tas-salarju żbaljata, ma kienx tali li jrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li S.Pohl jieħu, jekk ikun il-każ, mid-dritt tal-Unjoni.

37      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tielet domanda li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ effettività, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena, li jibda jiddekorri mill-konklużjoni tal-ftehim li abbażi tiegħu d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ġiet stabbilita, jew mill-klassifikazzjoni għal skala tas-salarju żbaljata, id-dritt għal impjegat li jitlob evalwazzjoni mill-ġdid tas-snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment ta’ din id-data ta’ referenza.

38      Fid-dawl, minn naħa, tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda u, min-naħa l-oħra, tal-konstatazzjoni tal-qorti tar-rinviju li biha d-dritt ta’ S. Pohl li jitlob evalwazzjoni mill-ġdid ta’ data ta’ referenza u, konsegwentement, ir-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni dwar l-aħħar avvanz fl-iskala tas-salarju tiegħu huma, skont it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena previst mid-dritt nazzjonali, preskritti mill-24 ta’ Novembru 2004, ma hemmx bżonn li tingħata risposta għad-domandi l-oħra magħmula.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ effettività, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena, li jibda jiddekorri mill-konklużjoni tal-ftehim li abbażi tiegħu d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ġiet stabbilita, jew mill-klassifikazzjoni għal skala tas-salarju żbaljata, id-dritt għal impjegat li jitlob evalwazzjoni mill-ġdid tas-snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment ta’ din id-data ta’ referenza.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.