Language of document : ECLI:EU:T:2018:700

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

18 ta’ Ottubru 2018 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Stabilizzaturi termiċi – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Deċiżjoni li temenda d-deċiżjoni inizjali – Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Multi – Limitu massimu ta’ 10 % – Grupp ta’ kumpanniji – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża T‑640/16,

GEA Group AG, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn I. Du Mont u C. Wagner, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Rossi, A. Biolan u V. Bottka, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3920 finali, tad-29 ta’ Ġunju 2016, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċediment għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38589 – Stabilizzaturi termiċi),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, I. Labucka (Relatur) u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,

Reġistratur: N. Schall, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-1 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, GEA Group AG, hija r-riżultat tal-amalgamazzjoni, fl-2005, ta’ Metallgesellschaft AG (iktar ’il quddiem “MG”) u ta’ kumpannija oħra. MG kienet il-kumpannija holding li qabel l-2000, direttament jew permezz ta’ sussidjarji, kellha l-kumpanniji Chemson Gesellschaft für Polymer-Additive mbH (iktar ’il quddiem “OCG”) u Polymer-Additive Produktions- und Vertriebs GmbH (iktar ’il quddiem “OCA”).

2        Fis-17 ta’ Mejju 2000, MG ittrasferixxiet lil OGC, li ngħatat l-isem ġdid Aachener Chemische Werke Gesellschaft für glastechnische Produkte und Verfahren mbH (iktar ’il quddiem “ACW”).

3        Wara x-xoljiment tagħha f’Mejju 2000, l-attivitajiet ta’ OCA ttieħdu minn kumpannija msemmija, mit-30 ta’ Awwissu 2000, Chemson Polymer-Additive AG (iktar ’il quddiem “CPA”), li attwalment ma tappartjenix iktar għall-grupp li tiegħu r-rikorrenti kienet il-kumpannija holding.

 (Kawża T45/10)

4        Permezz tad-deċiżjoni tagħha C(2009) 8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċediment għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38589 – Stabilizzaturi termiċi) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-2009”), il-Kummissjoni kkunsidrat li numru partikolari ta’ impriżi kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi pparteċipaw f’żewġ settijiet ta’ ftehimiet u ta’ prattiċi miftiehma antikompetittivi li jkopru t-territorju taż-ŻEE u li jikkonċernaw, minn naħa, is-settur tal-istabbilizzaturi tal-landa u, min-naħa l-oħra, is-settur taż-żejt tas-sojja epossidizzat u tal-esters (iktar ’il quddiem is-“settur ESBO/esters”).

5        Fl-Artikolu 1(2)(k) tagħha, id-Deċiżjoni tal-2009 żammet lir-rikorrenti responsabbli għall-ksur imwettaq fis-suq tas-settur ESBO/esters mill-11 ta’ Settembru 1991 sas-17 ta’ Mejju 2000.

6        Hija nżammet responsabbli għall-perijodu kollu li fih seħħ il-ksur, bħala s-suċċessur ta’ MG, għall-ksur imwettaq, mill-11 ta’ Settembru 1991 sas-17 ta’ Mejju 2000, minn OCG u, mit-13 ta’ Marzu 1997 sas-17 ta’ Mejju 2000, minn OCA.

7        Barra minn hekk, bħala s-suċċessur ta’ OCG, ACW ġiet issanzjonata, minn naħa, għall-ksur imwettaq minn OCG matul il-perijodu kollu li fih seħħ il-ksur, jiġifieri mill-11 ta’ Settembru 1991 sas-17 ta’ Mejju 2000, u, min-naħa l-oħra, għall-ksur imwettaq minn OCA mit-30 ta’ Settembru 1999 sas-17 ta’ Mejju 2000, filwaqt li OCG kellha 100 % tal-ishma ta’ din tal-aħħar.

8        Bħala s-suċċessur ta’ OCA, CPA ġiet issanzjonata, minn naħa, għall-ksur imwettaq minn OCA mit-13 ta’ Marzu 1997 sas-17 ta’ Mejju 2000, u, min-naħa l-oħra, għall-ksur imwettaq minn OCG mit-30 ta’ Settembru 1995 sat-30 ta’ Settembru 1999, filwaqt li OCA kellha 100 % tal-ishma ta’ din tal-aħħar. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009:

“Għall-ksur fis-[settur ESBO/esters], huma imposti l-multi li ġejjin:

[…]

31)      [ir-rikorrenti], [ACW] u [CPA] huma […] responsabbli in solidum għall-ammont ta’ [EUR] 1 913 971;

32)      [ir-rikorrenti] u [ACW] huma […] responsabbli in solidum għall-ammont ta’ [EUR] 1 432 229;

[…]”

9        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Jannar 2010, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra d-Deċiżjoni tal-2009.

10      Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, GEA Group vs Il-Kummissjoni (T‑45/10, mhux ippubblikata, EU:T:2015:507), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti.

 Kawża T-189/10

11      Fil-15 ta’ Diċembru 2009, ACW ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-fatt li l-multa li kienet ġiet imposta fuqha fid-Deċiżjoni tal-2009 kienet teċċedi l-limitu massimu awtorizzat ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha (iktar ’il quddiem il-“limitu massimu ta’ 10 %”), skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

12      Peress li l-multa imposta fuq ACW kienet teċċedi l-limitu massimu ta’ 10 %, il-Kummissjoni adottat, fit-8 ta’ Frar 2010, id-Deċiżjoni C(2010) 727 finali, li emendat id-Deċiżjoni [tal-2009] (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-2010”).

13      Fid-Deċiżjoni tal-2010, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-multa li kienet ġiet ikkundannata għaliha ACW, in solidum, minn naħa, mar-rikorrenti u ma CPA u, min-naħa l-oħra, mar-rikorrenti, kienet teċċedi l-limitu massimu ta’ 10 %, b’tali mod li kien hemm lok li d-Deċiżjoni tal-2009 tiġi emendata (ara l-premessa 2 tad-Deċiżjoni tal-2010).

14      Il-Kummissjoni speċifikat ukoll li l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti u fuq CPA għandu jibqa’ l-istess, iżda li dak tal-multa imposta fuq ACW kellu jitnaqqas u li d-Deċiżjoni tal-2010 ma kienet taffettwa bl-ebda mod id-destinatarji l-oħra tad-Deċiżjoni tal-2009.

15      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-2010 emenda t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009 kif ġej:

“L-Artikolu 2 [punt] 31 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

‘31.a) [ir-rikorrenti], [ACW] u [CPA] huma responsabbli [in solidum] għall-ammont ta’ [EUR] 1 086 129;

31.b) [ir-rikorrenti] u [CPA] huma responsabbli [in solidum] għall-ammont ta’ [EUR] 827 842.’

L-Artikolu 2 [punt] 32 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

‘32) [ir-rikorrenti] hija responsabbli għall-ammont ta’ [EUR] 1 432 229’”.

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ April 2010, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra d-Deċiżjoni tal-2010 u talbet lill-Qorti Ġenerali, sussidjarjament, tbiddel l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

17      Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, GEA Group vs Il-Kummissjoni (T‑189/10, EU:T:2015:504), il-Qorti Ġenerali annullat, sa fejn kienet tikkonċerna lir-rikorrenti, id-Deċiżjoni tal-2010. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-2010 mingħajr ma semgħetha minn qabel.

 Id-deċiżjoni kkontestata

18      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tadotta deċiżjoni ġdida u stiednet lil ACW, CPA u lir-rikorrenti sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

19      Ir-rikorrenti bagħtet l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha lill-Kummissjoni fl-24 ta’ Marzu 2016.

20      B’ittra tat-2 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni rrispondiet għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti.

21      Fid-29 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2016) 3920 finali, li temenda d-Deċiżjoni tal-2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

22      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, irriproduċa b’mod identiku l-kliem, riprodott fil-punt 15 iktar ’il fuq, tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-2010, li emenda t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009.

23      L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata stabbilixxa d-data tal-eżiġibbiltà tal-multi għall-10 ta’ Mejju 2010.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat rikors.

25      Fl-Anness għar-rikors, ir-rikorrenti pproduċiet l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Marzu 2013 b’risposta għad-domanda tal-Qorti Ġenerali dwar l-eventwali tgħaqqid tal-Kawżi T-45/10 u T-189/10 fil-proċeduri dwar dawn iż-żewġ kawżi (iktar ’il quddiem l-“Anness A.9”).

26      Fit-22 ta’ Settembru 2016, il-President tal-Qorti Ġenerali adotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex jistaqsi lir-rikorrenti jekk il-produzzjoni tal-Anness A.9 kinitx ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni.

27      Fis-27 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti informat lill-Qorti Ġenerali li hija ma kinitx talbet lill-Kummissjoni l-kunsens tagħha għall-produzzjoni tal-Anness A.9.

28      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2016, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li l-Anness A.9 tar-rikors ma jiġix irtirat mill-proċess tal-kawża, sa fejn, l-ewwel nett, id-dokument inkwistjoni kien joriġina minn proċedura preċedenti fil-Kawża T-189/10 bejn l-istess partijiet prinċipali, it-tieni nett, il-Kawża T-640/16 kienet magħquda mal-Kawżi T-45/10 u T-189/10, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża ġiet wara l-annullament tad-Deċiżjoni tal-2010 fil-Kawża T-189/10, u, it-tielet nett, l-Anness A.9 kien jikkonċerna tweġiba tal-Kummissjoni għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali fil-Kawżi T-45/10 u T-189/10.

29      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-1 ta’ Frar 2018.

30      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa u tistabbilixxi data ġdida, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għall-ħlas tal-multa u għall-istabbiliment tal-bidu tad-dekorrenza tal-interessi moratorji;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

32      Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, il-bdil tal-ammont tal-multa imposta fuqha.

33      Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli.

34      Peress li r-rikorrenti talbet, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biss fil-każ ta’ ċaħda ta’ dawn it-talbiet li għandhom jiġu eżaminati t-talbiet tar-rikorrenti intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, imressqa sussidjarjament.

 Fuq l-ammissibbiltà

35      Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma għandha l-ebda interess li titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

36      Minn naħa, hija tenfasizza li fid-deċiżjoni kkontestata hija ma kkonstatat l-ebda ksur ġdid imputabbli lir-rikorrenti u ma biddlitx l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha fid-Deċiżjoni tal-2009, deċiżjoni li saret definittiva fil-konfront tar-rikorrenti wara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, GEA Group vs Il-Kummissjoni (T-45/10, mhux ippubblikata, EU:T:2015:507).

37      Għalhekk, skont il-Kummissjoni, annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jista’ jagħti lir-rikorrenti ebda benefiċċju, sa fejn din tal-aħħar hija obbligata, fi kwalunkwe każ, tħallas il-multa dovuta minnha skont id-Deċiżjoni tal-2009.

38      Hija żżid li kien ikun mod ieħor, fid-dawl tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Corporación Empresarial de Materiales de Construcción vs Il-Kummissjoni (T‑250/12, EU:T:2015:749, punti 47 u 48), biss li kieku r-rikorrenti setgħet tikkontesta, minbarra l-multa, il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur.

39      Min-naħa l-oħra, il-multa imposta fuq ACW u fuq CPA in solidum mar-rikorrenti ma tistax tiġi emendata, sa fejn hija tirriżulta mid-Deċiżjoni tal-2010 li, hija wkoll, saret definittiva fil-konfront ta’ ACW u ta’ CPA.

40      Il-Kummissjoni tenfasizza li r-rikorrenti ma tistax teżiġi minn ACW u CPA li jassumu responsabbiltà ikbar jew differenti minn dik stabbilita mid-Deċiżjoni tal-2010 sabiex ikopru l-ammonti li għadhom dovuti skont id-Deċiżjoni tal-2009.

41      Min-naħa tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, bħala destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, hija għandha locus standi.

42      Hija żżid li hija għandha wkoll interess ġuridiku, peress li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jġiegħel lill-Kummissjoni tirrimborsa l-multa li hija ħallset fit-22 ta’ Lulju 2016.

43      Fir-rigward tal-argumenti mressqa mill-Kummissjoni dwar l-inammissibbiltà tar-rikors, ir-rikorrenti tqis li dan ir-raġunament huwa żbaljat. L-ewwel nett, dan huwa bbażat fuq il-premessa li d-Deċiżjoni tal-2009 tikkostitwixxi bażi legali għall-irkupru tal-multa.

44      Issa, l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni kkontestata tista’ tiġi spjegata biss, skont ir-rikorrenti, mill-fatt li d-Deċiżjoni tal-2010, li “ssostitwixxiet” id-Deċiżjoni tal-2009, ġiet annullata permezz tas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, GEA Group vs Il-Kummissjoni (T-189/10, EU:T:2015:504).

45      Għalhekk il-Kummissjoni kellha tadotta deċiżjoni ġdida fuq il-mertu fil-konfront tar-rikorrenti, u dan sabiex ikun hemm bażi legali għall-impożizzjoni ta’ multa fuqha.

46      Għaldaqstant, kwalunkwe riferiment għad-Deċiżjoni tal-2009 ma jistax jaffettwa l-ammissibbiltà tar-rikors.

47      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk jiġi preżunt li hija stabbilita, l-inammissibbiltà tar-rikors kellha tiġi kkonstatata wkoll fil-Kawża T-189/10, sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet obbligata teżamina ex officio l-ammissibbiltà tal-imsemmi rikors. Issa, fin-nuqqas ta’ dan, ma jistax jiġi kkunsidrat li dan ir-rikors huwa inammissibbli.

48      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li hija għandha interess sabiex il-Qorti Ġenerali tieħu deċiżjoni fuq id-dispożittiv tad-Deċiżjoni tal-2009, kif issostitwit bid-Deċiżjoni tal-2010 u riprodott fid-deċiżjoni kkontestata, peress li, fil-Kawża T‑45/10, il-Qorti Ġenerali ma kinitx f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar id-determinazzjoni tar-responsabbiltajiet flimkien u in solidum tal-kumpanniji, imsemmija fid-dispożittiv tad-Deċiżjoni tal-2009, u dan iktar u iktar wara l-annullament tad-Deċiżjoni tal-2010.

49      Ir-raba’ nett, annullament tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, jobbliga lill-Kummissjoni tistabbilixxi mill-ġdid ir-responsabbiltajiet flimkien u in solidum tar-rikorrenti, sabiex jinkiseb tqassim “aħjar” tal-multa, u, min-naħa l-oħra, jista’ jikkostitwixxi bażi għall-preżentazzjoni ta’ rikors għad-danni quddiem il-Qorti Ġenerali.

50      Il-ħames nett, ir-rikorrenti tenfasizza li r-rikors ma huwiex intiż li jikkontesta biss it-“tqassim ġdid tar-responsabbiltà”, iżda wkoll l-impożizzjoni tal-multi fil-konfront tagħha kif ukoll il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u l-istabbiliment tad-data tal-ħlas ta’ dawn il-multi.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-Kummissjoni ma tikkontestax, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors, il-fatt li r-rikorrenti għandha locus standi, li ma jistax fi kwalunkwe każ jiġi diskuss b’mod serju, peress li din hija destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata.

52      Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni teċċepixxi n-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti.

53      Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li jara li l-att ikkontestat jiġi annullat, tali interess jippresupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li ppreżentat l-imsemmi rikors (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2000, Il-Parlament vs Richard, C-174/99 P, EU:C:2000:412, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C-97/08 P, EU:C:2009:536, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T‑310/00, EU:T:2004:275, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      F’dan il-każ, għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar jekk ir-rikorrenti għandhiex interess għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok, qabelxejn, li jitfakkar li, skont il-punti 31 u 32 tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, ir-rikorrenti ġiet ikkundannata għall-ħlas, minn naħa, ta’ multa ta’ EUR 1 913 971, in solidum ma’ ACW u ma’ CPA, u, min-naħa l-oħra, ta’ multa ta’ EUR 1 432 229, in solidum ma’ ACW.

55      Dawn il-multi kienu intiżi li jissanzjonaw il-ksur li għalih kienu pparteċipaw, minn naħa, l-impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, komposta mir-rikorrenti, minn ACW u minn CPA, mit-30 ta’ Settembru 1995 sas-17 ta’ Mejju 2000, u, min-naħa l-oħra, l-impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, komposta mir-rikorrenti u minn ACW, mill-11 ta’ Settembru 1991 sad-29 ta’ Settembru 1995.

56      Għaldaqstant, minħabba n-natura in solidum tal-obbligu ta’ ħlas tal-multa li kienet ġiet stabbilita fiha, huwa paċifiku li l-Kummissjoni setgħet, ġustament, teżiġi mir-rikorrenti, b’eżekuzzjoni tal-punt 31 tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, il-ħlas ta’ multa ta’ EUR 1 913 971, u, b’eżekuzzjoni tal-punt 32 tal-Artikolu 2 tal-istess deċiżjoni, il-ħlas tas-somma ta’ EUR 1 432 229.

57      Kundanna in solidum timplika fil-fatt li l-Kummissjoni tista’ teżiġi mingħand kull kodebitur il-ħlas sħiħ tal-ammont dovut.

58      Id-Deċiżjoni tal-2010 ma emendatx il-portata ta’ dan l-obbligu fil-konfront tar-rikorrenti.

59      Fil-fatt, permezz tad-Deċiżjoni tal-2010, il-Kummissjoni kellha biss l-intenzjoni li tikkoreġi żball dwar l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % għal ACW, korrezzjoni li hija kellha tagħmel b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

60      Għal dan il-għan, il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni tal-2010, applikat il-limitu massimu ta’ 10 % għall-ammont totali tal-multi imposti fuq ACW u konsegwentement naqqset din tal-aħħar għas-somma ta’ EUR 1 086 129.

61      Sabiex twettaq dan it-tnaqqis, il-Kummissjoni attribwixxiet din is-somma sħiħa fuq il-multa dovuta in solidum minn ACW għall-ksur li fih kienu pparteċipaw ir-rikorrenti, ACW u CPA, mit-30 ta’ Settembru 1995 sas-17 ta’ Mejju 2000, filwaqt li l-bqija tal-multa, jiġifieri EUR 827 842, dovut in solidum mir-rikorrenti u minn CPA biss [il-punt 31(a) u (b) tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni tal-2010].

62      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkundannat lir-rikorrenti waħedha għal multa ta’ EUR 1 432 229, għall-ksur li fih kienu pparteċipaw hija stess u ACW, għall-perijodu mill-11 ta’ Settembru 1991 sad-29 ta’ Settembru 1995, peress li l-ammont totali dovut minn ACW, wara l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 %, huwa diġà kopert mill-ewwel multa [il-punt 32 tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni tal-2010].

63      Konsegwentement, ir-rikorrenti kienet fi kwalunkwe każ obbligata tħallas lill-Kummissjoni ammonti strettament identiċi għal dawk li hija kienet oriġinarjament ġiet ikkundannata għalihom permezz tad-Deċiżjoni tal-2009.

64      Għall-kuntrarju, id-Deċiżjoni tal-2010 emendat id-determinazzjoni tar-relazzjonijiet esterni ta’ solidarjetà bejn ir-rikorrenti, ACW u CPA għall-ħlas tal-ammont ta’ kull waħda minn dawn il-multi. Minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-ewwel waħda minn dawn il-multi, ACW u CPA huma kodebituri in solidum mar-rikorrenti biss għal EUR 1 086 129 u CPA biss hija debitriċi in solidum mar-rikorrenti għall-bqija tas-somma, jiġifieri EUR 827 842. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda t-tieni multa, ir-rikorrenti saret l-unika debitriċi għas-somma dovuta għal dan, jiġifieri EUR 1 432 229.

65      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ppreżentat, suċċessivament, rikors kontra d-Deċiżjoni tal-2009, irreġistrat taħt in-numru T-45/10, u rikors kontra d-Deċiżjoni tal-2010, irreġistrat taħt in-numru T-189/10. Permezz ta’ żewġ sentenzi separati mogħtija fl-istess ġurnata, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ċaħdet l-ewwel rikors u, min-naħa l-oħra, annullat id-Deċiżjoni tal-2010 billi laqgħet il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

66      Issa, għalkemm, kif issostni l-Kummissjoni, iċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tar-rikors tar-rikorrenti permezz tas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, GEA Group vs Il-Kummissjoni (T-45/10, mhux ippubblikata, EU:T:2015:507), kellha bħala effett, fl-assenza ta’ appell minn din is-sentenza, li tirrendi definittivi l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-responsabbiltà tar-rikorrenti minħabba l-appartenenza tagħha matul it-twettiq tal-ksur għall-istess impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, komposta minn ACW, minn CPA u minnha stess, dan ma setax ikun il-każ fir-rigward tad-determinazzjoni tan-natura in solidum tal-multi dovuti minn dawn il-kumpanniji skont il-punti 31 u 32 tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009. Fil-fatt, din l-aħħar parti tad-Deċiżjoni tal-2009 ġiet emendata bid-Deċiżjoni tal-2010, wara l-preżentata tar-rikors tar-rikorrenti fil-Kawża T‑45/10.

67      Ċertament, permezz tal-portata retroattiva tiegħu, l-effett tal-annullament tad-Deċiżjoni tal-2010 mogħti fil-Kawża T-189/10 kien li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni preċedenti għal din id-deċiżjoni, u għalhekk li terġa’ ddaħħal fis-seħħ il-punti 31 u 32 tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, fil-verżjoni oriġinali tiegħu.

68      Madankollu, wara dan l-annullament, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li d-dispożittiv tagħha, li huwa strettament identiku għal dak tad-Deċiżjoni tal-2010, reġa’ emenda l-punti 31 u 32 tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009.

69      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, minkejja li ma humiex partijiet fir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-Deċiżjoni tal-2010, is-sitwazzjoni legali rispettiva ta’ ACW u ta’ CPA, bħal dik tar-rikorrenti, ġiet affettwata mill-annullament tad-Deċiżjoni tal-2010.

70      Fil-fatt, minn naħa, għandu jitfakkar li s-sentenzi ta’ annullament għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, l-awtorità assoluta ta’ res judicata (sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C-310/97 P, EU:C:1999:407, punt 54).

71      Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni legali ta’ ACW u ta’ CPA fir-rigward tad-dispożizzjonijiet annullati hija marbuta ma’ dik tar-rikorrenti, sa fejn l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jiġi ddeterminat l-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti fuqhom, għall-ksur li għalih huma responsabbli in solidum, kif ukoll ir-relazzjonijiet esterni ta’ solidarjetà bejn dawn il-kumpanniji għall-imsemmija multi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C-231/11 P sa C-233/11 P, EU:C:2014:256, punti 41 sa 52).

72      Il-punti 31 u 32 tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, kif emendat bid-Deċiżjoni tal-2010, biddel is-sitwazzjonijiet legali tar-rikorrenti, ta’ ACW u ta’ CPA, bi tqassim tal-ammont tal-multi differenti minn dak imwettaq permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-verżjoni oriġinali tagħhom.

73      L-istess japplika għad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li emenda l-punti 31 u 32 tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, f’termini identiċi għal dawk tad-Deċiżjoni tal-2010.

74      Barra minn hekk, fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, GEA Group vs Il-Kummissjoni (T-189/10, EU:T:2015:504), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet biss dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, u mhux dwar il-legalità, fil-mertu, tad-Deċiżjoni tal-2010.

75      Għalhekk, għalkemm l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jinkludu dispożizzjonijiet identiċi, dan ir-rikors jista’ jwassal għal tqassim tal-ammont tal-multi previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet li jkun iktar favorevoli għar-rikorrenti.

76      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija differenti mid-Deċiżjoni tal-2010 minħabba l-introduzzjoni ta’ Artikolu 2, dwar id-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tal-interessi moratorji, li l-annullament tiegħu jista’, fih innifsu, jagħti benefiċċju lir-rikorrenti.

77      Konsegwentement, ir-rikorrenti għandha interess li titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u t-talbiet tar-rikors intiżi għal dan il-għan huma għalhekk ammissibbli.

 Fuq il-mertu

78      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

79      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tar-regoli ta’ preskrizzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE u tad-drittijiet tad-difiża. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-ħames motiv fuq eċċess ta’ poter u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

80      Għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, ir-raba’ motiv.

 Fuq ir-raba’ motiv

81      Fil-kuntest tar-raba’ motiv tar-rikors, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u dan għal żewġ raġunijiet.

82      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tfakkar li, skont id-Deċiżjoni tal-2009, hija tinsab flimkien ma’ ACW fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tal-perijodi li fih seħħ il-ksur.

83      Issa, hija ssostni li l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % favur ACW teżenta lil din tal-aħħar mir-responsabbiltà tagħha għall-perijodu li fih seħħ il-ksur mill-11 ta’ Settembru 1991 sad-29 ta’ Settembru 1995.

84      Għalhekk, il-Kummissjoni kellha testendi għar-rikorrenti l-benefiċċju tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa wara l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % għal ACW, sabiex ir-rikorrenti ma tkunx l-unika responsabbli għal dan il-perijodu li fih seħħ il-ksur.

85      Hija żżid li t-tqassim tal-ammont tal-multa, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, jista’ jaffettwa, għad-detriment tagħha, it-tqassim finali tal-ammont tal-multa quddiem il-qrati nazzjonali, sa fejn hija tinsab fl-impossibbiltà li tressaq azzjoni ta’ rkupru għall-ammont tal-multa korrispondenti.

86      It-tieni nett, ir-rikorrenti tenfasizza li hija tilfet kull kodebitur in solidum, sa fejn il-Kummissjoni naqset b’100 % is-sehem ta’ ACW fil-multa li hija kienet obbligata tħallas in solidum ma’ din tal-aħħar filwaqt li hija naqqset biss b’43 % is-sehem ta’ ACW fil-multa li hija kienet obbligata tħallas in solidum magħha u ma’ CPA.

87      Din l-għażla hija ta’ vantaġġ għal CPA, peress li hija ma għandhiex tbati sehem ikbar mill-ammont tal-multa, għall-kuntrarju tar-rikorrenti, li ġie impost fuqha piż ogħla, bħala kodebitriċi in solidum, iżda wkoll bħala debitriċi unika.

88      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tapplika l-limitu massimu ta’ 10 % b’mod proporzjonali għall-ammont taż-żewġ multi, jiġifieri dik li ġiet imposta fuqha in solidum ma’ ACW u CPA u dik li ġiet imposta fuqha in solidum ma’ ACW.

89      Għalkemm dan it-tqassim ma kienx ċertament possibbli minħabba l-fatt li d-Deċiżjoni tal-2010 kienet saret definittiva fil-konfront ta’ ACW u ta’ CPA, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni kellha tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

90      F’dan ir-rigward, hija tispeċifika li dan it-tqassim ma jikkonċernax ir-relazzjonijiet ta’ solidarjetà bejn il-kodebituri, iżda r-relazzjonijiet bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni.

91      Qabelxejn, il-Kummissjoni ssostni li r-raġunament tar-rikorrenti huwa bbażat fuq l-ipoteżi żbaljata li ACW kienet ġiet eżentata mir-responsabbiltà tagħha għall-perijodu li fih seħħ il-ksur mill-11 ta’ Settembru 1991 sad-29 ta’ Settembru 1995.

92      Hija tenfasizza li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija ffissat l-ammont massimu tal-multa li għall-ħlas tagħha kull kumpannija li tifforma parti mill-istess impriża, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, setgħet tiġi miżmuma responsabbli in solidum. Hija tispeċifika li dan l-ammont massimu bl-ebda mod ma jikkostitwixxi multa separata u ma jikkorrispondix għal perijodu partikolari ta’ parteċipazzjoni fil-ksur.

93      Hija tfakkar ukoll li l-ksur jitwettaq minn impriża, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. Għaldaqstant, il-multa imposta fuq kull kumpannija li tifforma parti mill-istess impriża, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, ma tirreflettix il-parteċipazzjoni tal-imsemmija kumpanniji fil-ksur, iżda biss l-ammont massimu li jista’ jiġi mitlub minnhom, jekk ikun il-każ, għall-parteċipazzjoni tal-impriża, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, fil-ksur.

94      Barra minn hekk, hija tispeċifika li r-rikorrenti ma hijiex responsabbli għal multa individwali, iżda hija biss responsabbli fil-konfront tal-Kummissjoni għall-multa imposta inizjalment in solidum ma’ ACW, minħabba t-tnaqqis tar-responsabbiltà in solidum ta’ din tal-aħħar.

95      Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma wrietx b’liema mod tqassim tal-ammont tal-multa seta’ kien iktar ta’ benefiċċju.

96      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tistieden lir-rikorrenti sabiex tippreżenta rikors quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti jekk hija tqis li l-multa, fir-relazzjonijiet interni bejn il-kodebituri in solidum, tistrieħ fuqha b’mod sproporzjonat.

97      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit mill-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2014, Sasol et vs Il-Kummissjoni, T‑541/08, EU:T:2014:628, punt 181).

98      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni żewġ differenzi fit-trattament. L-ewwel waħda tirrigwarda t-trattament differenti tas-sitwazzjoni tagħha u ta’ dik ta’ ACW u t-tieni waħda tirrigwarda t-trattament differenti tas-sitwazzjoni tagħha u ta’ dik ta’ CPA.

99      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-differenza fit-trattament fir-rigward ta’ ACW, ir-rikorrenti ssostni li hija kellha, bħal ACW, tibbenefika minn eżenzjoni mir-responsabbiltà tagħha minħabba l-applikazzjoni għal ACW tal-limitu massimu ta’ 10 %.

100    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-applikazzjoni għal ACW tal-limitu massimu ta’ 10 % bl-ebda mod ma jeżonaraha mir-responsabbiltà tagħha għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur.

101    Fil-fatt, huwa biss is-sehem tal-multa li hija kellha tħallas, in solidum b’mod partikolari mar-rikorrenti, li tnaqqas.

102    Barra minn hekk, il-multa imposta fuq kull kumpannija li tifforma parti mill-istess impriża, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, ma tirriflettix il-parteċipazzjoni tal-imsemmija kumpanniji fil-ksur, iżda biss l-ammont massimu li jista’ jiġi, jekk ikun il-każ, mitlub mill-Kummissjoni għall-parteċipazzjoni tal-impriża, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, fil-ksur.

103    Għaldaqstant, ebda inugwaljanza fit-trattament ma tista’ tiġi kkonstatata bejn ir-rikorrenti u ACW.

104    Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-differenza fit-trattament fir-rigward ta’ CPA, ir-rikorrenti ssostni li l-bidla tar-relazzjonijiet ta’ solidarjetà bejn CPA, ACW u r-rikorrenti seħħet biss għall-benefiċċju ta’ CPA, sa fejn ir-rikorrenti tinsab obbligata li waħedha tħallas sehem mill-multa in solidum.

105    Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni setgħet tqassam b’mod differenti bejn il-kodebituri in solidum it-tnaqqis tas-sehem tal-multa li kien oriġinarjament dovut minn ACW.

106    F’dan ir-rigward, sa fejn l-ugwaljanza fit-trattament għandu jseħħ fid-dawl mhux biss tal-multa imposta in solidum fuq ACW, fuq CPA u fuq ir-rikorrenti, iżda wkoll tal-multa imposta in solidum fuq ACW u r-rikorrenti, għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligi tagħha taħt il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

107    Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti u CPA jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli, fis-sens li t-tnejn huma kumpanniji responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ multa flimkien ma’ ACW.

108    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni setgħet ċertament tiddetermina b’mod differenti s-sehem tal-multa li għall-ħlas tiegħu ACW u r-rikorrenti kienu responsabbli in solidum, sabiex tillimita s-sehem tal-multa li din tal-aħħar setgħet tkun l-unika waħda responsabbli għall-ħlas tiegħu.

109    Dan kien ikun il-każ, b’mod partikolari, li kieku l-Kummissjoni kienet qassmet it-tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ ACW b’mod proporzjonali fiż-żewġ relazzjonijiet ta’ solidarjetà inkwistjoni.

110    F’dan il-każ, minn naħa, l-ammont totali tal-multi li ACW setgħet tkun responsabbli għall-ħlas tiegħu fil-konfront tal-Kummissjoni ma kienx ikun iktar minn 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha u, min-naħa l-oħra, dan it-tnaqqis kien ikun imqassam b’mod ġust bejn il-multa imposta in solidum fuq ACW u fuq ir-rikorrenti u l-multa imposta in solidum fuq ir-rikorrenti, fuq ACW u fuq CPA.

111    Għaldaqstant, billi attribwiet it-tnaqqis tal-ammont tal-multa favur ACW biss fuq il-multa imposta in solidum fuq ir-rikorrenti, fuq CPA u fuq ACW, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva.

112    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi milqugħ.

113    Għalkemm dan il-motiv huwa ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha, hemm lok, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li jiġi eżaminat il-ħames motiv, li jirrigwarda l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażat fuq eċċess ta’ poter, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq id-data tal-ħlas tal-multi inkwistjoni.

 Fuq il-ħames motiv

114    Fil-kuntest tal-ħames motiv, li għandu żewġ partijiet, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li jistabbilixxi d-data tal-ħlas tal-multi sal-10 ta’ Mejju 2010, huwa vvizzjat minn eċċess ta’ poter u minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

115    Minn naħa, skont ir-rikorrenti, l-obbligu ta’ ħlas tal-multi sa mhux iktar tard mill-10 ta’ Mejju 2010 huwa illegali, peress li, f’din id-data, ma kienet teżisti l-ebda bażi legali insostenn ta’ tali obbligu u li, fi kwalunkwe każ, huwa assolutament impossibbli għaliha li tosserva tali terminu stabbilit b’mod retroattiv. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni hija kontradittorja fid-dawl tal-prattika preċedenti tagħha u li l-motivazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni ma hijiex koerenti.

116    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. Minbarra n-natura suffiċjentement immotivata tad-deċiżjoni kkontestata, hija ssostni, essenzjalment, li r-rikorrenti kienet obbligata tħallas il-multi sa mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-2009 u li l-istabbiliment tad-data ta’ eżiġibbiltà tal-multi tliet xhur wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-2010 kien favur tagħha.

117    Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ibbażat, essenzjalment fuq eċċess ta’ poter minħabba nuqqas ta’ bażi għall-istabbiliment tad-data ta’ eżiġibbiltà tal-multi sal-10 ta’ Mejju 2010, minn naħa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-setgħa li għandha l-Kummissjoni tinkludi l-fakultà li tiddetermina d-data ta’ eżiġibbiltà tal-multa u dik tad-dekorrenza tal-interessi moratorji, li tiffissa r-rata ta’ dawn l-interessi u li tiddeċiedi l-modalitajiet tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tagħha billi teżiġi, fejn applikabbli, il-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja li tkopri l-ammont prinċipali u l-interessi tal-multa imposta, peress li, fl-assenza ta’ tali setgħa, l-effett tal-vantaġġ li l-impriżi jistgħu jiksbu mill-ħlas tardiv tal-multi jkun li jdgħajjef is-sanzjonijiet imposti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-funzjoni mogħtija lilha li tiżgura l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2015, Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, T-470/11, EU:T:2015:241, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 299 TFUE, li jgħidu li l-atti, b’mod partikolari, tal-Kummissjoni li jimponu obbligu pekunjarju għandhom forza eżekuttiva, huma applikabbli għad-deċiżjonijiet ta’ din l-istituzzjoni li jimponu multa (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Marzu 2012, Universal vs Il-Kummissjoni, T-42/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:122, punt 29).

119    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-Deċiżjoni tal-2009, ikkonfermata bis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, GEA Group vs Il-Kummissjoni (T-45/10, mhux ippubblikata, EU:T:2015:507), tibqa’ l-bażi tal-multi.

120    It-tieni nett, il-Kummissjoni tispeċifika li, fl-ittra li permezz tagħha tingħata notifika tad-Deċiżjoni tal-2010, il-multa kellha titħallas fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din id-deċiżjoni. Il-Kummissjon tqis ukoll, impliċitament, li, fid-deċiżjoni kkontestata, kien hemm lok li tiġi stabbilita tali data.

121    It-tielet nett, il-Kummissjoni tirrileva li, għalkemm ir-rikorrenti pprovdiet garanziji bankarji sad-data tal-annullament tad-Deċiżjoni tal-2010, hija ma ssostitwixxietx, minn din id-data, dawn il-garanziji b’garanziji ġodda jew bi ħlas provviżorju tal-multa dovuta. Minn dan hija tiddeduċi wkoll li interessi moratorji huma dovuti mir-rikorrenti mid-data li fiha l-multa ma kinitx iktar koperta minn ebda garanzija, jiġifieri mill-15 ta’ Lulju 2015, id-data tal-għoti tas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, GEA Group vs Il-Kummissjoni (T-189/10, EU:T:2015:504).

122    Fit-tieni lok, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni tal-2010 ssostitwixxiet id-dispożizzjonijiet tal-punti 31 u 32 tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009, li jistabbilixxi l-ammont tal-multi li r-rikorrenti, CPA u ACW kienu responsabbli għalihom in solidum, b’dispożizzjonijiet ġodda li jemendaw l-ammont totali tal-multa dovuta minn ACW u r-relazzjonijiet ta’ solidarjetà bejn it-tliet kumpanniji.

123    Fi kliem ieħor, fid-data ta’ dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-2010 u tan-notifika tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-punti 31 u 32 tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009 fil-verżjoni oriġinali tagħhom ma kinux iktar applikabbli u ma setgħux iservu ta’ bażi għad-determinazzjoni tad-data ta’ eżiġibbiltà tal-multa inkwistjoni. Hija biss id-data ta’ riċezzjoni tan-notifika tad-Deċiżjoni tal-2010, li kienet issa tikkostitwixxi l-bażi legali tal-obbligu ta’ ħlas ta’ dawn il-multi, li setgħet isservi ta’ bidu tad-dekorrenza għal tali terminu.

124    Min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni tal-2010 sa fejn hija kienet tikkonċerna r-rikorrenti ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, GEA Group vs Il-Kummissjoni (T-189/10, EU:T:2015:504), b’tali mod li, kif issostni, essenzjalment, ir-rikorrenti, din id-deċiżjoni ma tistax isservi ta’ bażi legali kemm għall-obbligu li r-rikorrenti għandha li tħallas il-multi inkwistjoni kif ukoll għad-determinazzjoni tad-data ta’ eżiġibbiltà tagħhom.

125    Ċertament, kif ġie rrilevat fil-punt 67 iktar ’il fuq, dan l-annullament kellu l-effett li jattiva mill-ġdid it-test oriġinali tal-punti 31 u 32 tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2009. Madankollu, din il-formulazzjoni ġiet issostitwita mill-ġdid minn dik li tirriżulta mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

126    Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-obbligu ta’ ħlas tal-multi jirriżulta biss mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u li t-terminu għall-eżiġibbiltà ta’ dawn il-multi seta’ jiġi stabbilit biss mid-data ta’ riċezzjoni tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

127    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ħames motiv għandha tintlaqa’, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata t-tieni parti, u li l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat għal din ir-raġuni.

128    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fl-intier tagħha. Peress li t-talbiet għal bidla ġew ippreżentati biss sussidjarjament, ma hemmx lok li dawn jiġu eżaminati.

 Fuq l-ispejjeż

129    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet il-kawża, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3920 finali, tad-29 ta’ Ġunju 2016, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċediment għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38589 – Stabbilizzaturi termiċi) hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gratsias

Labucka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Ottubru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.