Language of document : ECLI:EU:T:2020:322

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

8 ta’ Lulju 2020 (*)

“Saħħa pubblika – Regoli speċifiċi dwar l-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq il-prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem – Emenda tal-lista ta’ stabbilimenti ta’ pajjiżi terzi li minnhom huma awtorizzati l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ta’ oriġini annimali, fir-rigward ta’ ċerti stabbilimenti li jinsabu fil-Brażil – Artikolu 12(4)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 – Komitoloġija – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Setgħat tal-Kummissjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑429/18,

BRF SA, stabbilita f’Itajaí (il-Brażil),

SHB Comércio e Indústria de Alimentos SA, stabbilita f’Itajaí,

irrappreżentati minn D. Arts u G. van Thuyne, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Lewis, B. Eggers u B. Hofstötter, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/700 tat-8 ta’ Mejju 2018 li jemenda l-lista ta’ stabbilimenti ta’ pajjiżi terzi li minnhom hija permessa l-importazzjoni ta’ prodotti speċifiċi li joriġinaw mill-annimali, rigward ċerti stabbilimenti mill-Brażil (ĠU 2018, L 118, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn D. Gratsias (Relatur), President, S. Frimodt Nielsen, J. Schwarcz, V. Valančius u R. Frendo, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-21 ta’ Jannar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, BRF SA u SHB Comércio e Indústria de Alimentos SA, jifformaw parti mill-grupp BRF capital, li huwa vertikalment integrat u attiv fil-produzzjoni u fid-distribuzzjoni tal-laħam, inkluż il-laħam tat-tjur, f’iktar minn 150 pajjiż. Fl‑2017, l-imsemmi grupp esporta, permezz tar-rikorrenti, 152 107 tunnellata ta’ laħam tat-tjur mill-Brażil lejn is-suq tal-Unjoni Ewropea, li jirrappreżenta madwar 38 % tal-importazzjonijiet totali provenjenti minn dan il-pajjiż għal din is-sena.

2        Għaxar stabbilimenti li jappartjenu lill-ewwel rikorrenti u żewġ stabbilimenti li jappartjenu lit-tieni rikorrenti, bħala impriżi li jesportaw laħam u prodotti tal-laħam, inkluż il-laħam tat-tjur, lejn is-suq tal-Unjoni, kienu jinsabu fil-listi stabbiliti skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 75). Il-listi inkwistjoni jinkludu fihom l-istabbilimenti li l-prodotti tagħhom li joriġinaw mill-annimali jistgħu jiġu importati fl-Unjoni.

3        Fil-21 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat, għal opinjoni, lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf (iktar ’il quddiem il-“Kumitat Permanenti”), skont l-Artikolu 12(4)(ċ) tar-Regolament Nru 854/2004, abbozz ta’ regolament ta’ implimentazzjoni dwar it-tneħħija ta’ ċerti stabbilimenti ta’ pajjiżi terzi mil-lista ta’ stabbilimenti li minnhom prodotti ta’ oriġini annimali jistgħu jiġu importati fl-Unjoni. L-istabbilimenti kollha kkonċernati kienu jinsabu fil-Brażil.

4        Fl-10 ta’ April 2018, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kumitat Permanenti l-ewwel verżjoni emendata tal-abbozz tar-regolament ta’ implimentazzjoni msemmi fil-punt 3 iktar ’il fuq. Fid-19 ta’ April 2018, il-Kummissjoni ppreżentat it-tieni verżjoni emendata tal-imsemmi abbozz. L-imsemmi kumitat iddiskuta dan matul il-laqgħa tiegħu tad-19 ta’ April 2018 u ta l-opinjoni pożittiva tiegħu fl-istess jum.

5        Fit-8 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/700 tagħha, li jemenda l-lista ta’ stabbilimenti ta’ pajjiżi terzi li minnhom hija permessa l-importazzjoni ta’ prodotti speċifiċi li joriġinaw mill-annimali, rigward ċerti stabbilimenti mill-Brażil (ĠU 2018, L 118, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat”).

6        Skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, ċertu numru ta’ stabbilimenti Brażiljani, fosthom it-tnax-il stabbiliment li jappartjenu lir-rikorrenti msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq, tneħħew mil-listi inkwistjoni.

7        Mill-premessi 4 sa 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jirriżulta li d-deċiżjoni li jitneħħew l-imsemmija stabbilimenti minn dawn il-listi hija bbażata fuq in-notifika, permezz tas-sistema ta’ twissija rapida (iktar ’il quddiem “twissija RASFF”), ta’ “numru kbir ta’ każijiet serji u ripetuti” ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti tal-Unjoni minħabba l-preżenza ta’ salmonella fil-laħam tat-tjur u l-preparazzjonijiet ta’ laħam tat-tjur provenjenti minn dawn l-istabbilimenti. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Brażiljani ma ħadux il-miżuri neċessarji sabiex jirrimedjaw il-lakuni elenkati, b’tali mod li dawn l-awtoritajiet ma jistgħux jibqgħu jitqiesu li joffru l-garanziji meħtieġa fir-rigward tal-osservanza tar-regoli dwar is-saħħa pubblika fir-rigward tal-importazzjoni tal-prodotti inkwistjoni.

8        Apparti dan, f’Marzu 2018, skont l-informazzjoni li pprovdew l-awtoritajiet kompetenti Brażiljani, instabu każijiet ta’ frodi fil-Brażil f’dak li jikkonċerna ċ-ċertifikazzjoni tal-laboratorji għal-laħam u għall-prodotti tal-laħam esportati lejn l-Unjoni. L-investigazzjonijiet relatati magħhom indikaw li ma kienx hemm, fir-rigward tal-istabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti, garanziji suffiċjenti dwar l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Unjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors. Ir-risposta, ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati, rispettivament, fit-28 ta’ Settembru 2018, fit-22 ta’ Novembru 2018 u fis-7 ta’ Jannar 2019.

10      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Lulju 2018 u rreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑429/18 R, ir-rikorrenti ressqu talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat.

11      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Jannar 2018, il-partijiet ġew informati bl-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u bil-possibbiltà tagħhom li jitolbu li tinżamm seduta fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrenti talbu l-organizzazzjoni ta’ seduta permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Jannar 2019.

12      Permezz tad-digriet tat-13 ta’ Frar 2019, BRF u SHB Comércio e Indústria de Alimentos vs Il‑Kummissjoni (T‑429/18 R, mhux ippubblikat, EU:T:2019:98), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat u l-ispejjeż ġew irriżervati.

13      Peress li żewġ membri tal-Ħames Awla ma setgħux jipparteċipaw fid-deliberazzjoni, inħatru żewġ imħallfin oħra sabiex jikkompletaw il-kulleġġ ġudikanti.

14      Fuq proposta tal-Ħames Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża lura quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

15      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, adottati fid-29 ta’ Jannar, fit-12 ta’ Settembru u fil-21 ta’ Novembru 2019, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet iwieġbu għal sensiela ta’ mistoqsijiet u sabiex jippreżentaw xi dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn it-talbiet fit-termini imposti.

16      Is-seduta għas-sottomissjonijiet orali nżammet fil-21 ta’ Jannar 2020.

17      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat fl-intier tiegħu jew, sussidjarjament, sa fejn jikkonċerna l-istabbilimenti li jappartjenu lilhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

19      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi, ibbażati rispettivament:

–        fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni;

–        fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom;

–        fuq ksur tal-Artikolu 12(2) u (4)(ċ) tar-Regolament Nru 854/2004;

–        fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni;

–        fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità;

–        fuq ksur tal-Artikolu 291(3) TFUE u tal-Artikoli 3, 10 u 11 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU 2011, L 55, p. 13).

20      Minbarra l-fatt li l-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn il-motivi kollha, hija ssostni li r-rikorrenti ma jistgħux jitolbu l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat fl-intier tiegħu, minħabba li, minbarra t-tnax-il stabbiliment li jappartjenu lir-rikorrenti, dan ir-regolament għandu l-għan li jneħħi mil-listi stabbiliti skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 854/2004 tmien stabbilimenti oħra li ma humiex marbuta mar-rikorrenti.

21      Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit sa fejn ir-rikorrenti għandhom locus standi għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat.

 Fuq il-locus standi tar-rikorrenti

22      Sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-locus standi tar-rikorrenti, għandha tiġi evalwata, preliminarjament, in-natura tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat. Din l-evalwazzjoni teħtieġ espożizzjoni tal-kuntest li fih jiġi adottat regolament ta’ implimentazzjoni ta’ dan it-tip.

23      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 854/2004 jistabbilixxi r-regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fir-rigward ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali. B’hekk, il-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, li jinkludi l-Artikoli 3 sa 8, huwa ddedikat għall-kontrolli uffiċjali relatati mal-istabbilimenti li jinsabu fl-Unjoni, filwaqt li l-Kapitolu III tiegħu, li jinkludi l-Artikoli 10 sa 15, huwa ddedikat għall-proċeduri relatati mal-importazzjonijiet.

24      Fir-rigward tal-proċeduri dwar l-importazzjonijiet, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 854/2004 jipprovdi li l-prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom jiġu importati esklużivament minn pajjiż terz jew minn parti minn pajjiż terz li tinsab f’lista stabbilita u aġġornata mill-Kummissjoni bis-saħħa ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2) tal-istess regolament.

25      Il-kundizzjonijiet li għandu jissodisfa pajjiż terz sabiex jitniżżel f’tali lista huma stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 4 tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 854/2004, kif emendati skont l-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli dwar il-welfare ta’ l-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 200), li jirreferu għall-Artikoli 46 u 48 ta’ dan l-aħħar regolament.

26      Dawn il-kundizzjonijiet jirrigwardaw essenzjalment l-offerta, min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz, ta’ garanziji suffiċjenti dwar il-konformità jew l-ekwivalenza tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-għalf u l-ikel u tad-dispożizzjonijiet dwar is-saħħa tal-annimali. F’dan il-kuntest, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż terz dwar, b’mod partikolari, il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, l-użu tal-prodotti mediċinali veterinarji, il-preparazzjoni u l-użu tal-ikel u l-kundizzjonijiet tal-iġjene. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista’ twettaq kontrolli uffiċjali fil-pajjiżi terzi. Dawn il-kontrolli jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż terz, l-organizzazzjoni, il-kompetenzi u l-grad ta’ indipendenza tal-awtoritajiet kompetenti, it-taħriġ tal-persunal tagħhom, ir-riżorsi tagħhom, l-effettività tal-funzjonament tagħhom u, finalment, l-assigurazzjonijiet li jista’ jagħti l-pajjiż terz dwar il-konformità jew l-ekwivalenza fir-rigward tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Brażil jinsab, l-ewwel nett, fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 tat-8 ta’ Awwissu 2008 li jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kumpartimenti li minnhom jistgħu jiġu impurtati u jsir tranżitu ta’ tjur u prodotti tat-tjur fil-Komunità u r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU 2008, L 226, p. 1), u, it-tieni nett, fl-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta’ Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU 2010, L 73, p. 1, bir-rettifika fil-ĠU L 146, 11.6.2010, p. 1). Dawn ir-regolamenti ġew adottati abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 854/2004.

28      Madankollu, din ir-reġistrazzjoni tal-Brażil ma hijiex biżżejjed għall-finijiet tal-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali fit-territorju tal-Unjoni minn dan il-pajjiż. Fil-fatt, l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 854/2004 jipprevedi li, ħlief fil-każijiet partikolari previsti fl-istess dispożizzjoni, il-prodotti li joriġinaw mill-annimali ma jistgħux jiġu importati fl-Unjoni ħlief jekk ikunu ntbagħtu minn stabbilimenti li jidhru fil-listi stabbiliti u aġġornati għal dan il-għan mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat, miksuba jew ippreparati f’tali stabbilimenti.

29      Il-kundizzjonijiet għall-inklużjoni ta’ stabbiliment f’waħda mil-listi msemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq huma stabbiliti fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 854/2004. B’mod partikolari, skont din id-dispożizzjoni, stabbiliment jista’ jitniżżel f’tali lista biss jekk l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz ta’ oriġini tiggarantixxi:

–        li l-istabbiliment imsemmi, kif ukoll kull stabbiliment ieħor li jimmanipola materja prima li toriġina mill-annimali użata fil-manifattura tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali konċernati, jkunu jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti tal-Unjoni, jew ma dawk iddefiniti bħala ekwivalenti għal dawk ir-rekwiżiti meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni li dak il-pajjiż terz jiżdied mal-lista rilevanti skont l-Artikolu 11;

–        li servizz uffiċjali ta’ spezzjoni f’dak il-pajjiż terz jissorvelja l-istabbilimenti u jżomm għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, fejn meħtieġ, l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-istabbilimenti li jfornu materja prima;

–        li dan is-servizz ikollu s-setgħa effettiva li jwaqqaf lill-istabbilimenti milli jesportaw lejn l-Unjoni fil-każ li dawn tal-aħħar jonqsu milli josservaw ir-rekwiżiti msemmija taħt l-ewwel inċiż iktar ’il fuq.

30      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 854/2004, l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi li jidhru fil-listi stabbiliti u aġġornati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11 tal-istess regolament għandhom jiggarantixxu li l-listi tal-istabbilimenti msemmija fl-Artikolu 12(1) tiegħu jiġu stabbiliti, aġġornati u kkomunikati lill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 12(5) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex verżjonijiet aġġornati tal-listi kollha stabbiliti jew aġġornati skont l-istess artikolu jkunu aċċessibbli għall-pubbliku.

31      Minn dan isegwi li, skont ir-Regolament Nru 854/2004, l-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali fit-territorju tal-Unjoni teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi.

32      L-ewwel nett, il-pajjiż terz ta’ oriġini ta’ dawn il-prodotti għandu jidher f’lista ta’ pajjiżi li l-Kummissjoni tikkunsidra bħala adatti sabiex jipprovdu ċerti garanziji dwar is-sistema regolatorja tagħhom marbuta mal-prodotti li joriġinaw mill-annimali. Din il-lista għandha tiġi stabbilita u aġġornata skont att ta’ implimentazzjoni li l-Kummissjoni tadotta skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 854/2004.

33      It-tieni nett, il-prodotti inkwistjoni għandhom joriġinaw minn stabbilimenti li jinsabu f’lista stabbilita mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz u li fir-rigward tagħhom din toffri l-garanziji speċifiċi deskritti fil-punti 29 u 30 iktar ’il fuq.

34      Għalhekk, b’differenza mil-listi ta’ pajjiżi li minnhom huma awtorizzati l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali, il-listi li jikkonċernaw l-istabbilimenti esportaturi huma stabbiliti u aġġornati mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi, li jikkomunikawhom lill-Kummissjoni, fejn din tal-aħħar hija responsabbli biss li tagħmel dawn il-listi aċċessibbli għall-pubbliku.

35      Dan it-tqassim ta’ kompiti bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi, kif stabbilit mir-Regolament Nru 854/2004, jirrikjedi li tkun prevista miżura ta’ salvagwardja għall-benefiċċju tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika fl-Unjoni. B’hekk, skont l-Artikolu 12(4)(ċ) tal-istess regolament, kull darba li l-Kummissjoni tqis li huwa neċessarju li tiġi emendata lista ta’ stabbilimenti mfassla mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, fid-dawl ta’ informazzjoni rilevanti bħar-rapporti ta’ spezzjoni tal-Unjoni jew ta’ twissija mir-RASFF stabbilita għal dan il-għan skont l-Artikolu 50 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, bir-rettifiki fil-ĠU L 327, 12.11.2014, p. 9 u ĠU L 227, 20.8.2016, p. 5) din għandha tinforma b’dan lill-Istati Membri kollha u għandha tinkludi l-kwistjoni fl-aġenda tal-laqgħa segwenti tat-taqsima kompetenti tal-kumitat permanenti sabiex dan jiddeċiedi, jekk ikun il-każ, konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 854/2004. Din il-proċedura twassal għall-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni, bħar-Regolament ta’ implimentazzjoni kkontestat, li jemenda l-lista tal-istabbilimenti tal-pajjiżi terzi li l-prodotti tagħhom li joriġinaw mill-annimali jistgħu jiġu importati fl-Unjoni.

36      L-Artikolu 12(4)(ċ) tar-Regolament Nru 854/2004 għalhekk jawtorizza lill-Kummissjoni tadotta att ta’ implimentazzjoni li permezz tiegħu l-listi stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi jiġu emendati. Mill-punt 29 iktar ’il fuq jirriżulta li l-emenda ta’ tali lista tista’ tirriżulta neċessarja meta l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz ta’ oriġini ma tkunx tista’ iktar titqies li toffri l-garanziji deskritti fl-Artikolu 12(2) tal-imsemmi regolament fir-rigward ta’ ċerti stabbilimenti. F’dan ir-rigward, kif barra minn hekk isostnu r-rikorrenti fil-kuntest tat-tielet motiv (ara l-punt 97 iktar ’il quddiem), l-Artikolu 12(4) ta’ dan ir-regolament ma jipprevedix evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-aġir individwali tal-istabbilimenti msemmija bħala tali, iżda biss evalwazzjoni tal-affidabbiltà tal-garanziji offruti fil-konfront tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti. Din l-affidabbiltà tista’ titqiegħed fid-dubju minħabba nuqqasijiet osservati fl-organizzazzjoni u fil-funzjonament tal-imsemmija awtoritajiet, iżda wkoll fid-dawl tal-azzjonijiet meħuda minnhom meta jkollhom jaffrontaw każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, min-naħa ta’ stabbilimenti individwali, mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 12(2)(a) tal-istess regolament. Huwa biss sa fejn elementi relatati mas-sitwazzjoni prevalenti fi ħdan stabbiliment wieħed jew iktar huma rilevanti għall-evalwazzjoni tal-affidabbiltà tal-garanziji mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz li l-Kummissjoni hija mitluba, jekk ikun il-każ, li teħodhom inkunsiderazzjoni.

37      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, kuntrarjament għal dak li josservaw ir-rikorrenti (ara l-punt 92 iktar ’il quddiem), l-istabbilimenti li jinsabu fil-lista tal-istabbilimenti ta’ pajjiżi terzi li l-prodotti tagħhom li joriġinaw mill-annimali jistgħu jiġu importati fl-Unjoni ma jibbenefikawx minn dazju individwali li jkun ingħatalhom bis-saħħa ta’ att tad-dritt tal-Unjoni u li għandu bħala suġġett l-esportazzjoni tal-prodotti tagħhom lejn is-suq tal-Unjoni. Fil-fatt, minn naħa, id-dritt tal-Unjoni jipprevedi li l-esportazzjoni tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali lejn is-suq tal-Unjoni hija kkundizzjonata mill-inklużjoni tal-pajjiż terz ikkonċernat fil-lista prevista fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 854/2004. Min-naħa l-oħra, l-inklużjoni ta’ stabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti fil-listi previsti fl-Artikolu 12 tal-istess regolament ma ssirx minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, iżda biss mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat, u dan esklużivament għall-finijiet tal-funzjonament tas-sistema ta’ garanziji esposta fil-punti 23 sa 34 iktar ’il fuq f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, it-tieni parti deskritta fil-punti 28 sa 30, 33 u 34 iktar ’il fuq.

38      Għalhekk, att ta’ implimentazzjoni, bħar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, li abbażi tiegħu l-Kummissjoni tneħħi ċerti stabbilimenti mil-listi stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz ma jikkostitwixxix sensiela ta’ atti individwali li għandhom bħala suġġett ir-revoka ta’ dritt allegatament mogħti lil dawn l-istabbilimenti. L-att ta’ implimentazzjoni inkwistjoni jemenda, fil-fatt, it-tieni miż-żewġ kundizzjonijiet li għandu jissodisfa, kif ġie espost fil-punt 33 iktar ’il fuq, kull lott ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali esportati lejn is-suq tal-Unjoni, jiġifieri dik li tikkonċerna l-garanziji offruti mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz ta’ oriġini dwar l-applikazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni rilevanti ta’ dan tal-aħħar. Peress li għandu dan l-għan, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jistabbilixxi r-regola li tgħid li l-importazzjoni fis-suq tal-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali provenjenti minn stabbilimenti koperti minnu ma hijiex iktar permessa. Din ir-regola tapplika għall-ġeneralità tal-operaturi ekonomiċi li jistgħu jkunu interessati fl-importazzjoni ta’ tali prodotti provenjenti minn dawn l-istabbilimenti, iżda wkoll għall-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-Unjoni, b’tali mod li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat għandu portata ġenerali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il-Kunsill, C-76/01 P, EU:C:2003:511, punt 73).

39      F’dan il-kuntest, għandu jiġi stabbilit, konformement mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jekk u sa fejn, ir-rikorrenti huma direttament u, skont il-każ, individwalment ikkonċernati mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat.

40      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li tgħid li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata minn att li huwa s-suġġett tar-rikors, hekk kif previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teżiġi li jkunu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji (ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat biss, il-prodotti provenjenti mill-istabbilimenti li jidhru fl-anness tiegħu ma jissodisfawx iktar it-tieni kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta sabiex dawn ikunu esportati lejn is-suq tal-Unjoni (ara l-punti 28 sa 30, 33 u 34 iktar ’il fuq). B’hekk, l-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti peress li jeskludi ipso iure kull importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali provenjenti minn stabbilimenti li jidhru fl-anness tiegħu u li jappartjenu lir-rikorrenti. Barra minn hekk, dan ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri destinatarji tiegħu, inkarigati mill-applikazzjoni tiegħu, peress li dan għandu natura purament awtomatika u jirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra.

42      Madankollu, huwa evidenti li r-rikorrenti jaraw is-sitwazzjoni legali tagħhom affettwata biss sa fejn ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat għandu l-għan li jneħħi l-listi stabbiliti skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 854/2004 mill-istabbilimenti li jappartjenu lilhom. Konsegwentement, huwa biss fir-rigward ta’ dawn l-aħħar stabbilimenti li r-rikorrenti huma direttament affettwati minn dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

43      Qabel kollox, bħala att mhux leġiżlattiv ta’ portata ġenerali, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jikkostitwixxi att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs  Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punti 23 sa 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk, sabiex jiġi rrikonoxxut lilhom locus standi għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, huwiex neċessarju li r-rikorrenti jkunu individwalment ikkonċernati minnu tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk dan jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif ġie espost fil-punt 41 iktar ’il fuq, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jeskludi ipso iure kull importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali provenjenti minn stabbilimenti li jidhru fl-anness tiegħu li 12 minnhom jappartjenu lir-rikorrenti. Minn dan isegwi li ebda miżura ta’ implimentazzjoni, min-naħa tal-awtoritajiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, ma hija neċessarja sabiex dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jipproduċi l-effetti tiegħu. F’dan il-kuntest, jista’ biss jitqies bħala miżura ta’ implimentazzjoni tal-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, att adottat mill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru li jirrifjuta r-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera fis-suq tal-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali provenjenti mill-istabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti u li jinsabu fl-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni inkwistjoni.

46      Issa, l-adozzjoni ta’ tali att ma taqax taħt il-funzjonament regolari tas-sistema stabbilita mir-regoli applikabbli. Fil-fatt, mill-Artikolu 12(2)(ċ) tar-Regolament Nru 854/2004 jirriżulta li, mid-dħul ta’ pajjiż terz fil-lista prevista fl-Artikolu 11 tal-istess regolament, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan il-pajjiż terz għandhom jibblokkaw, diġà fid-dwana tal-pajjiż ta’ oriġini, kull lott intiż għall-esportazzjoni f’dan is-suq li joriġina minn stabbiliment li ma jinsabux fil-lista ta’ stabbilimenti awtorizzati li jesportaw prodotti li joriġinaw mill-annimali lejn is-suq tal-Unjoni.

47      Konsegwentement, xenarju ipotetiku skont liema, minkejja l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, lott li joriġina minn stabbiliment li jappartjeni lir-rikorrenti li tneħħa mil-listi inkwistjoni jasal mal-fruntiera tal-Unjoni, huwa bbażat fuq il-premessa li r-rikorrenti jippruvaw, bl-għajnuna tal-awtoritajiet Brażiljani, jiksru r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat billi jimplimentaw prattiki ta’ evażjoni. Issa, tali premessa ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ att leġiżlattiv fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif emendata bit-Trattat ta’ Lisbona. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija intiża b’mod partikolari sabiex tippermetti lil persuna fiżika jew ġuridika tippreżenta rikors kontra l-atti regolatorji li jikkonċernawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni, u b’hekk tevita l-każijiet fejn tali persuna jkollha tikser il-liġi sabiex ikollha aċċess għall-qorti (sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2013, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, T‑279/11, EU:T:2013:299, punt 58; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-4 ta’ Ġunju 2012, Eurofer vs Il‑Kummissjoni, T‑381/11, EU:T:2012:273, punt 60).

48      Jekk, minkejja din l-analiżi, kellu jiġi kkunsidrat li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni, ikollu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, dan ir-regolament jaffettwa lir-rikorrenti individwalment sa fejn dan isemmi, fl-anness tiegħu, lil kull waħda minnhom fil-kwalità tagħha ta’ proprjetarju ta’ ċerti stabbilimenti li huma msemmija fih. Fil-fatt, b’dan il-mod, l-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni jippreġudika lir-rikorrenti minħabba kwalità partikolari għalihom u li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra, minħabba li huma proprjetarji ta’ ċerti stabbilimenti li jidhru fl-anness tiegħu, u, minħabba dan il-fatt, jindividwalizzahom bl-istess mod kif ikun individwalizzat id-destinatarju ta’ tali att, fis-sens tas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17, p. 223).

49      Minn dan isegwi li, kif issostni l-Kummissjoni, ir-rikors huwa ammissibbli biss sa fejn jikkonċerna lill-istabbilimenti tar-rikorrenti. Il-parti ammissibbli ta’ dan ir-rikors tikkoinċidi għalhekk mat-talba għal annullament imressqa sussidjarjament, b’tali mod li hemm lok li tiġi eżaminata l-fondatezza tagħha.

 Fuq il-mertu

50      Is-sitt motiv għandu jiġi eżaminat l-ewwel.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 291(3) TFUE u tal-Artikoli 3, 10 u 11 tar-Regolament Nru 182/2011

51      Ir-rikorrenti jsostnu li l-abbozz li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat ġie inkluż, għal opinjoni, fl-aġenda tal-Kumitat Permanenti tad-19 ta’ April 2018. Madankollu, l-abbozz inkwistjoni ġie ppreżentat lill-imsemmi kumitat fl-istess jum, bi ksur tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011, li jipprevedi terminu ta’ mill-inqas erbatax-il jum bejn is-sottomissjoni tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni u l-laqgħa ta’ dan il-kumitat. Dan it-terminu jikkostitwixxi forma proċedurali sostanzjali li l-ksur tagħha jwassal għall-annullament tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni. Tali ksur poġġa indiskussjoni wkoll id-dritt ta’ kontroll li jgawdu minnu l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 10(4) u l-Artikolu 11 tal-istess regolament.

52      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 12(4)(ċ) tar-Regolament Nru 854/2004, meta l-Kummissjoni tirreferi lill-Kumitat Permanenti l-kwistjoni dwar l-emenda tal-lista ta’ stabbilimenti li l-prodotti tagħhom li joriġinaw mill-annimali jistgħu jiġu importati fl-Unjoni, dan il-kumitat għandu jiddeċiedi “skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2)” ta’ dan l-istess regolament.

53      Skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 854/2004, fil-każ fejn isir riferiment għall-imsemmi paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124).

54      Id-Deċiżjoni 1999/468 kienet ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 202 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 291 TFUE).

55      Skont l-Artikolu 291(2) u (3) TFUE:

“2.      Meta jkun hemm bżonn ta’ kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ l-atti ta’ l-Unjoni legalment vinkolanti, dawk l-atti għandhom jagħtu setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummmissjoni jew, fil-każijiet speċifiċi ġustifikati b’mod xieraq u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 24 u 26 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill.

3.      Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta’ regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu minn qabel ir-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni.”

56      Skont l-Artikolu 291(3) TFUE, il-Parlament u l-Kunsill adottaw ir-Regolament Nru 182/2011, li ħassar id-Deċiżjoni 1999/468.

57      L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 182/2011 jipprovdi kif ġej:

“Fejn atti bażiċi adottati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jipprovdu għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni 1999/468/KE, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

(ċ)      fejn l-att bażiku jagħmel referenza għall-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni [1999/468], għandha tapplika l-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament […]”

58      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 182/2011, “[l]-Artikoli 3 u 9 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-kumitati eżistenti kollha għall-finijiet tal-paragrafu 1”.

59      Mill-Artikolu 13(1)(ċ) tar-Regolament Nru 182/2011, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 854/2004 imsemmija fil-punti 52 u 53 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kumitat Permanenti jintervjeni f’dan il-każ skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament.

60      Finalment, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 182/2011, intitolat “Dispożizzjonijiet komuni”:

“1.       Id-dipożizzjonijiet komuni f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-proċeduri kollha msemmija fl-Artikoli 4 sa 8.

[…]

3.      Il-president għandu jippreżenta lill-Kumitat l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

Ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, il-president għandu jsejjaħ laqgħa mhux inqas minn 14-il ġurnata mill-preżentazzjoni tal-abbozz tal-atti ta’ implimentazzjoni u tal-abbozz tal-aġenda lill-kumitat. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni f’limitu ta’ żmien li l-president jista’ jistabbilixxi skont l-urġenza tal-każ. Il-limiti ta’ żmien għandhom ikunu proporzjonati u għandhom jippermettu lill-membri tal-kumitati opportunitajiet bikrija u effikaċi biex jeżaminaw l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom.

4.      Sa meta l-kumitat jagħti opinjoni, kwalunkwe membru tal-kumitat jista’ jissuġġerixxi emendi u l-president jista’ jippreżenta verżjonijiet emendati tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.”

61      Għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011 jikkostitwixxu regoli proċedurali sostanzjali imposti mit-Trattat FUE, li jaqgħu taħt forom proċedurali sostanzjali tar-regolarità tal-proċedura u li l-ksur tagħhom iwassal għan-nullità tal-att ikkonċernat (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Tilly-Sabco vs Il‑Kummissjoni, C‑183/16 P, EU:C:2017:704, punt 114).

62      Peress li l-Artikolu 291(3) TFUE jipprovdi espressament kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni li ngħataw lilha bis-saħħa tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, għandu jitqies li t-terminu ta’ erbatax-il jum, li jista’ jitqassar f’każijiet iġġustifikati, huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-informazzjoni tal-gvernijiet tal-Istati Membri, permezz tal-intermedjarju tal-membri tagħhom tal-Kumitat tat-Tmexxija, fuq il-proposti tal-Kummissjoni, sabiex dawn il-gvernijiet ikunu jistgħu, permezz tal-konsultazzjonijiet interni u esterni, jiddefinixxu pożizzjoni li hija intiża li tippreżerva, fi ħdan il-Kumitat Permanenti, l-interessi proprji għal kull wieħed minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Tilly-Sabco vs Il-Kummissjoni, C‑183/16 P, EU:C:2017:704, punt 103).

63      F’dan il-każ, mill-punti 212 sa 214 tar-rikors jirriżulta li r-rikorrenti jibbażaw l-argumenti tagħhom fuq il-fatt li l-Kummissjoni ppreżentat l-abbozz li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat lill-Kumitat Permanenti fid-19 ta’ April 2018, jiġifieri l-istess jum tal-laqgħa li matulha dan il-kumitat kien ser jeżaminah, mingħajr ma rrispettat it-terminu ta’ erbatax-il jum previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011 (ara l-punt 60 iktar ’il fuq).

64      F’dan ir-rigward, mill-estratti tal-minuti tal-Kumitat Permanenti ppreżentati mill-Kummissjoni jirriżulta li din ippreżentat lill-imsemmi kumitat abbozz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat fil-21 ta’ Frar 2018 u li l-ewwel verżjoni emendata tal-imsemmi abbozz ġiet ippreżentata fl-10 ta’ April 2018. Il-Kummissjoni żżid li t-tieni verżjoni emendata ta’ dan l-abbozz, ippreżentata lil dan il-kumitat fid-19 ta’ April 2018, kienet tikkonċerna biss emenda supplimentari purament formali, li ġġib id-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri proposti fit-tieni jum wara dik tal-pubblikazzjoni tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, minflok il-ħmistax-il jum previst preċedentement. Din il-verżjoni tal-fatti hija kkorroborata mid-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Jannar u fit-13 ta’ Diċembru 2019 fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

65      Issa, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 182/2011, sakemm il-Kumitat ma jkunx ta opinjoni, il-President jista’ jippreżenta verżjonijiet emendati tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni (ara l-punt 60 iktar ’il fuq).

66      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, f’dan il-każ ma jista’ jiġi kkonstatat ebda ksur tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011.

67      Finalment, sa fejn ir-rikorrenti jibbażaw l-allegat ksur tad-dispożizzjonijiet l-oħra li huma jinvokaw, jiġifieri tal-Artikolu 291(3) TFUE u tal-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 182/2011, esklużivament fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ erbatax-il jum previst fl-Artikolu 3(3) tal-istess regolament biss, lanqas ma jista’ jiġi kkonstatat xi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra invokati f’dan il-każ.

68      B’hekk, isegwi li s-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

69      Ir-rikorrenti jsostnu li, fil-kuntest tal-obbligu tagħha li timmotiva r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni kellha tesponi r-raġunijiet speċifiċi għalfejn hija tqis li kull wieħed mill-istabbilimenti kkonċernati kellu jitneħħa mil-listi msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 854/2004. Issa, l-ewwel nett, skont il-premessa 4 tiegħu, l-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ twissija dwar il-preżenza ta’ salmonella fil-laħam tat-tjur u l-prodotti tal-laħam tat-tjur provenjenti minn diversi stabbilimenti li jinsabu fil-Brażil, mingħajr madankollu ma jesponi liema kienu l-istabbilimenti kkonċernati. Barra minn hekk, mill-Anness ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni neħħiet ċerti stabbilimenti li jappartjenu lill-ewwel rikorrenti mil-lista tal-istabbilimenti awtorizzati biex jimportaw laħam ta’ ungulati domestiċi u prodotti abbażi ta’ laħam, minkejja li l-premessa 4 tal-istess Regolament ta’ Implimentazzjoni ma tikkonċernax lil dan it-tip ta’ prodotti.

70      It-tieni nett, skont il-premessa 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, l-awtoritajiet Brażiljani ma setgħux jirrimedjaw il-lakuni misjuba, b’tali mod li ma kienx hemm biżżejjed garanziji sabiex jiġi affermat li l-istabbilimenti li tirreferi għalihom il-premessa 4 tal-imsemmi regolament josservaw ir-rekwiżiti tal-Unjoni. Issa, l-assenza ta’ kull preċiżazzjoni fuq il-bażi fattwali u legali ta’ din l-evalwazzjoni u fuq l-identità tal-istabbilimenti kkonċernati tikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni.

71      It-tielet nett, il-premessa 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat turi kontradizzjoni billi tirreferi, fir-rigward tal-istess fatti, għal każijiet ta’ frodi pprovati u għall-eżistenza ta’ investigazzjonijiet pendenti u ma tippermettix li wieħed jifhem għalfejn l-investigazzjonijiet inkwistjoni jwasslu għal telf ta’ fiduċja iktar milli għal tisħiħ tagħha. Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni inkwistjoni ma fih ebda riferiment għall-fatti rilevanti fir-rigward ta’ kull wieħed mill-istabbilimenti msemmija.

72      Għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att, b’tali mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra direttament jew individwalment ikkonċernati bl-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tiegħu kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C-445/00, EU:C:2003:445, punt 49).

73      B’mod partikolari, fir-rigward ta’ atti ta’ portata ġenerali, bħar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat (ara l-punt 38 iktar ’il fuq), il-motivazzjoni tista’ tkun limitata biex tindika s-sitwazzjoni globali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u l-għanijiet ġenerali li dan huwa intiż li jilħaq (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Kik vs UASI, C‑361/01 P, EU:C:2003:434, punt 102).

74      Għandu jitfakkar ukoll li, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu r-rikorrenti f’diversi partijiet tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom (ara l-punt 92 iktar ’il quddiem), id-dritt tal-Unjoni ma jagħtihom ebda dritt individwali li għandu l-għan li jippermettilhom li jesportaw il-prodotti tagħhom lejn is-suq tal-Unjoni (ara l-punt 37 iktar ’il fuq). Hekk kif ġie espost fil-punti 23 sa 34 iktar ’il fuq, att bħar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat ma għandux l-għan li jirrevoka xi dritt individwali mogħti skont dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, liema ħaġa teħtieġ il-ftuħ ta’ investigazzjoni dwar l-aġir tal-persuna inkwistjoni u li tagħti lok għall-adozzjoni ta’ att individwali b’motivazzjoni li tispjega fid-dettall l-aġir inkriminat.

75      Din ir-realtà hija iktar enfasizzata wara paragun bejn il-kuntest ġuridiku li fih joperaw l-impriżi esportaturi stabbiliti f’pajjiżi terzi (ara l-punti 23 sa 34 iktar ’il fuq) u dak li fih joperaw l-impriżi tal-Unjoni.

76      B’mod partikolari, minn naħa, l-istabbilimenti tal-Unjoni huma suġġetti għal obbligu ta’ approvazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 854/2004. Il-proċedura ta’ approvazzjoni tinbeda fuq talba tal-operatur, peress li l-awtorizzazzjoni stess tingħata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet previsti fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 882/2004. Għal dan il-għan, l-operatur għandu jipproduċi l-prova li huwa jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-għalf jew l-ikel. L-awtorizzazzjoni tagħti lill-operaturi tal-istabbilimenti tal-Unjoni dritt individwali li jqiegħdu fis-suq tal-Unjoni prodotti li joriġinaw mill-annimali. Barra minn hekk, l-Artikolu 54(2) ta’ dan l-aħħar regolament jipprevedi sensiela ta’ miżuri koerċittivi oħra li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma obbligati jieħdu fir-rigward tal-istabbilimenti li jonqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom skont il-leġiżlazzjoni applikabbli. Minn dan isegwi li d-dritt individwali li jgawdu minnu l-operaturi tal-istabbilimenti tal-Unjoni, li joriġina mid-dritt tal-Unjoni, jista’ jiġi affettwat biss fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 31(2)(e) ta’ tali regolament, dwar l-irtirar tal-awtorizzazzjoni minħabba irregolaritajiet serji jew miżuri ta’ waqfien ta’ produzzjoni ripetuti, u fl-Artikolu 54(1) sa (3) tal-istess regolament, li jistabbilixxi sensiela ta’ miżuri koerċittivi oħra minħabba nuqqasijiet. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu l-istabbiliment ta’ proċedura kontra l-operatur tal-istabbiliment ikkonċernat, li twassal għall-adozzjoni ta’ att individwali li jinkludi motivazzjoni li tispjega n-nuqqas jew in-nuqqasijiet tal-imsemmi operatur.

77      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikoli 4 sa 8 tar-Regolament Nru 854/2004, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom iwettqu sensiela ta’ kontrolli uffiċjali li jikkonċernaw il-prodotti kollha li joriġinaw mill-annimali li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

78      Minn dan isegwi li l-operaturi tal-istabbilimenti tal-Unjoni jistgħu jibdew proċedura li twassal għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni, li tingħata jekk l-applikant jissodisfa ċerti kriterji oġġettivi. L-istabbilimenti li jkollhom tali liċenzja jgawdu għalhekk minn dritt individwali li jqiegħdu fis-suq tal-Unjoni prodotti li joriġinaw mill-annimali, dritt li jista’ jiġi rtirat biss fil-kundizzjonijiet deskritti fil-punt 76 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri għandhom, skont id-dritt tal-Unjoni, l-obbligi li jsir riferiment għalihom fil-punt 76 iktar ’il fuq, peress li l-Kummissjoni għandha, barra minn hekk, fir-rigward tagħhom setgħat ta’ infurzar previsti mit-Trattat.

79      Għall-kuntrarju ta’ din is-sitwazzjoni, mill-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament Nru 854/2004 jirriżulta li l-possibbiltà għall-istabbilimenti li jinsabu f’pajjiż terz li jesportaw prodotti li joriġinaw mill-annimali lejn is-suq tal-Unjoni teħtieġ, minn naħa, l-inklużjoni tal-pajjiż inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-inklużjoni tal-istabbiliment ikkonċernat fil-listi previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet. Issa, l-ewwel nett, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma rriżerva l-ebda rwol għall-operaturi tal-istabbilimenti kkonċernati, li jinsabu f’pajjiż terz, fil-bidu tal-proċeduri relatati magħhom u lanqas ma jagħtihom il-possibbiltà li jadixxu lill-Kummissjoni fil-każ fejn l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz tirrifjuta li tinkludihom fil-listi inkwistjoni. It-tieni nett, il-proċeduri inkwistjoni ma jwasslux għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni li jagħti dritt individwali li jista’ jiġi rtirat biss wara proċedura mibdija kontra kull wieħed mill-istabbilimenti msemmija. Kif ġie espost, is-sistema fuq żewġ livelli stabbilita mill-imsemmi regolament hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tevalwa jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz jipprovdux il-garanziji meħtieġa mill-Artikoli 11 u 12 ta’ dan ir-regolament (ara l-punti 24 sa 38 iktar ’il fuq). Fil-fatt, minn naħa, it-tneħħija ta’ stabbiliment mil-listi inkwistjoni ma tikkostitwixxix revoka ta’ dritt individwali mogħti mid-dritt tal-Unjoni (ara l-punt 38 iktar’ il fuq) u, min-naħa l-oħra, la l-Kummissjoni u lanqas l-Istati Membri ma għandhom setgħat ta’ infurzar fir-rigward ta’ stabbilimenti li jinsabu barra mill-Unjoni jew mill-pajjiżi terzi li ma humiex direttament suġġetti għal obbligi imposti mid-dritt tal-Unjoni..

80      Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, il-Kummissjoni hija, inkambju, libera li tistabbilixxi l-livell ta’ affidabbiltà tal-garanziji offruti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz f’livell partikolarment għoli, u b’hekk tista’ tasal sal-punt li teżiġi, fir-rigward tal-parametri essenzjali, prestazzjonijiet prattikament impekkabbli min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi.

81      F’dan il-kuntest, ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni stabbiliti fil-punti 72 u 73 iktar ’il fuq jimplikaw li l-Kummissjoni għandha tesponi l-motivi li wassluha sabiex tikkunsidra li l-awtoritajiet Brażiljani ma kinux joffru iktar, fir-rigward tal-istabbilimenti msemmija, il-garanziji previsti fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 854/2004.

82      Għalkemm ir-raġunijiet inkwistjoni jirreferu għal elementi li jirrigwardaw lil ċerti stabbilimenti, ir-rapport relatat magħhom għandu jiddeskrivi l-elementi inkwistjoni bħala informazzjoni rilevanti fis-sens tal-Artikolu 12(4)(ċ) tar-Regolament Nru 854/2004, sa fejn dan huwa neċessarju sabiex jiġu spjegati, flimkien mal-aġir jew mad-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat, ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tqis li dawn tal-aħħar ma joffrux iktar il-garanziji meħtieġa mill-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-regolament.

83      F’dan il-każ, mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jirriżulta li l-istabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti kkonċernati minnu jidhru f’erba’ tabelli differenti. L-ewwel tabella tikkonċerna l-laħam tal-ungulati domestiċi (Taqsima I tan-nomenklatura tas-setturi) u turi stabbiliment wieħed li jappartjeni lill-ewwel rikorrenti. It-tieni tabella tikkonċerna l-laħam minn pollam [tat-tjur] u lagomorfi (Taqsima II tan-nomenklatura tas-setturi) u turi tmien stabbilimenti li jappartjenu lill-ewwel u żewġ stabbilimenti li jappartjenu lit-tieni rikorrenti. It-tielet tabella tikkonċerna l-kapuljat, il-preparazzjonijiet tal-laħam u l-laħam separat mekkanikament (Taqsima V tan-nomenklatura tas-setturi) u turi, b’mod partikolari, tmien stabbilimenti li jappartjenu lill-ewwel u stabbiliment li jappartjeni lit-tieni rikorrenti. Ir-raba’ tabella tikkonċerna l-prodotti tal-laħam (Taqsima VI tan-nomenklatura tas-setturi) u turi sitt stabbilimenti li jappartjenu lill-ewwel rikorrenti.

84      Il-Kummissjoni esponiet, fil-premessi 4 u 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, li l-awtoritajiet Brażiljani kienu ġew mistiedna jieħdu l-miżuri korrettivi neċessarji sabiex jirrimedjaw għall-każijiet gravi u ripetuti ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti tal-Unjoni minħabba l-preżenza ta’ salmonella fil-laħam tat-tjur u fil-preparazzjonijiet tal-laħam tat-tjur. Issa, mill-informazzjoni pprovduta mill-istess awtoritajiet kif ukoll mir-riżultati tal-kontrolli uffiċjali mwettqa mal-fruntieri tal-Unjoni jirriżulta li l-miżuri meħtieġa ma kinux ittieħdu, b’tali mod li t-tqegħid fis-suq tal-prodotti provenjenti mill-istabbilimenti kkonċernati kien jikkostitwixxi riskju għas-saħħa pubblika. Dawn il-motivi jikkonċernaw lill-għaxar stabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti u li jinsabu fit-tieni tabella tal-Anness tal-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni.

85      Barra minn hekk, skont il-premessa 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, investigazzjonijiet dwar każijiet ta’ frodi misjuba fil-Brażil f’Marzu 2018 jindikaw li ma kienx hemm garanziji suffiċjenti sabiex jiġi affermat li l-istabbilimenti tar-rikorrenti u li tħassru mil-listi inkwistjoni kienu josservaw ir-rekwiżiti rilevanti tal-Unjoni. Dawn il-motivi jikkonċernaw lill-istabbilimenti kollha tar-rikorrenti li jinsabu fl-erba’ tabelli tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li n-natura stess tal-frodi inkwistjoni, li tirrigwarda ċ-ċertifikazzjoni tal-laboratorji għal-laħam, inkluż il-laħam tat-tjur, u l-prodotti tal-laħam esportati lejn l-Unjoni, tista’ tqiegħed indiskussjoni l-affidabbiltà tal-garanziji li l-awtoritajiet Brażiljani huma mistennija joffru skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 854/2004, ċirkustanza li, skont din l-istess premessa, tpoġġi lill-prodotti li joriġinaw minn dawn l-istabbilimenti f’pożizzjoni li jippreżentaw riskju għas-saħħa tal-bniedem.

86      Din il-motivazzjoni tinkludi fiha l-elementi kollha li jippermettu li jiġu mifhuma, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku applikabbli, ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat fil-qasam tal-laħam u tal-prodotti tal-laħam, inkluż il-laħam tat-tjur.

87      Fil-fatt, l-elementi ċċitati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jirreferu għal nuqqasijiet tal-awtoritajiet Brażiljani kompetenti fir-rigward tal-garanziji li huma suppost joffru fis-sens tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 854/2004, fatt li għandu rabta evidenti mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, li s-salvagwardja tagħha tikkostitwixxi l-għan ta’ dan l-istess regolament. Din il-motivazzjoni tippermetti wkoll lir-rikorrenti, bħala persuni li għandhom locus standi għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, li jippreżentaw rikors li jikkontesta l-eżattezza tal-konstatazzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-azzjoni tal-Kummissjoni.

88      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma għandhiex tesponi, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, liema twissijiet preċiżi, maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istati Membri wara kull kontroll fil-fruntieri tal-Unjoni, kienu jikkonċernaw lil kull wieħed mill-istabbilimenti msemmija fl-anness tal-imsemmi regolament jew liema fatti partikolari huma l-bażi tal-akkuża ta’ frodi fil-qasam taċ-ċertifikazzjonijiet fir-rigward ta’ kull wieħed mill-istabbilimenti kkonċernati.

89      Fil-fatt, minn naħa, peress li l-Kummissjoni tesponi, fil-premessa 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, li kienu biss l-istabbilimenti kkonċernati li tneħħew mil-lista inkluża fih, ir-rikorrenti huma f’pożizzjoni li jivverifikaw jekk il-prodotti mibgħuta minn stabbiliment li jidher fl-imsemmi anness kinux is-suġġett ta’ twissija u jekk l-eventwali numru ta’ dawn jistax jiġi kkwalifikat bħala kbir. Min-naħa l-oħra, il-motiv espost fil-premessa 6 tal-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni, li jgħid li s-sistema ta’ ċertifikazzjoni applikabbli tbati minn nuqqasijiet murija f’dokumenti relatati mal-investigazzjonijiet immexxija mill-pulizija u mill-ġudikatura Brażiljana fil-qasam tal-laħam u tal-prodotti tal-laħam, huwa biżżejjed, fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem invokat, sabiex jiġi sostnut id-dispożittiv ta’ att bħal dak tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Barra minn hekk, il-fatt li l-awtoritajiet Brażiljani skoprew huma stess il-frodi u l-fatt li huma jmexxu l-investigazzjonijiet li għadhom pendenti ma juri ebda kontradizzjoni ta’ motivi. Fil-fatt, fid-dawl tal-għan iddikjarat u konformi mar-Regolament Nru 854/2004 li tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem, il-Kummissjoni hija awtorizzata tirreaġixxi għas-suspetti konkreti ta’ frodi li jirrigwardaw iċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti meta dawn is-suspetti jitfgħu dubju serju dwar il-kapaċità sistematika tal-awtoritajiet tal-pajjiż terz li joffru l-garanziji previsti fl-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-regolament mingħajr ma tistenna r-riżultat definittiv ta’ dawn l-investigazzjonijiet.

90      Finalment, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, is-settur tal-laħam tal-unglati u dak tal-prodotti tal-laħam jaqgħu taħt il-premessa 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, li tirreferi għal “laħam” b’mod ġenerali. Din iċ-ċirkustanza tispjega li ċerti stabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti jinsabu fl-ewwel u fir-raba’ tabelli tal-anness tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni, iddedikati għall-prodotti inkwistjoni.

91      Għalhekk isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

92      Ir-rikorrenti jsostnu li ċ-ċirkustanzi madwar l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat juru ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, kif protetti mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fehma tagħhom, il-Kummissjoni ma informathomx bl-elementi meqjusa kontrihom u lanqas ma stednithom jadottaw pożizzjoni f’dan ir-rigward qabel l-adozzjoni tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni. Huma jsostnu wkoll li din l-istituzzjoni ma laqgħetx it-talbiet li huma kienu fformulaw sabiex iressqu l-ilment tagħhom quddiemha. Issa, il-proċedura implimentata mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 854/2004 twassal, bis-saħħa ta’ att tal-Kummissjoni, għat-telf tad-dritt tagħhom li jesportaw il-prodotti kkonċernati lejn is-suq tal-Unjoni minħabba fatti relatati mal-aġir individwali tagħhom. Minn dan, ir-rikorrenti jiddeduċu li l-possibbiltà ta’ djalogu mal-awtoritajiet Brażiljani ma hijiex sostitut għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tagħhom mill-istituzzjoni awtriċi tal-att li jikkawżalhom preġudizzju.

93      Skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma miżura individwali li taffettwahom ħażin tittieħed kontrihom. Fil-fatt, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi żgurat, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura. Dan il-prinċipju jeżiġi li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod sinjifikattiv jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod utli fir-rigward tal-provi meqjusa kontrihom bħala bażi għall-att kontenzjuż (sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2000, Mediocurso vs Il-Kummissjoni, C‑462/98 P, EU:C:2000:480, punti 36 u 43, u tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill, C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punt 83).

94      Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ atti ta’ portata ġenerali, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni kuntrarja espressa, la l-proċess tat-tfassil tagħhom u lanqas dawn l-atti stess ma jeżiġu, skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħad-dritt għal smigħ, ikkonsultat jew informat, il-parteċipazzjoni tal-persuni affettwati (digrieti tat-30 ta’ Settembru 1997, Federolio vs Il-Kummissjoni, T‑122/96, EU:T:1997:142, punt 75; tal-11 ta’ Settembru 2007, Honig-Verband vs Il-Kummissjoni, T‑35/06, EU:T:2007:250, punt 45, u s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, TAO-AFI u SFIE-PE vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑456/14, EU:T:2016:493, punt 69).

95      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 23 sa 38 iktar ’il fuq, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jikkostitwixxi att ta’ portata ġenerali adottat abbażi ta’ evalwazzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-garanziji offruti mill-awtoritajiet Brażiljani fir-rigward tal-applikazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom minn ċerti stabbilimenti li jinsabu f’dan il-pajjiż terz.

96      Minn dan isegwi li l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat ma nfetħitx kontra r-rikorrenti u ma kellhiex bħala effett it-teħid ta’ miżura individwali li dawn tal-aħħar kienu d-destinatarji tagħha. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 854/2004 ma jinkludix fih dispożizzjoni li tistabbilixxi d-dritt għal smigħ tal-persuni bħar-rikorrenti. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kellhiex tistieden lir-rikorrenti jippreżentawlha l-perspettiva tagħhom dwar l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, b’tali mod li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 12(2) u (4)(ċ) tar-Regolament Nru 854/2004

97      Skont ir-rikorrenti, it-tneħħija ta’ ċerti stabbilimenti biss mil-listi kkontestati turi li l-Kummissjoni evalwat l-aġir individwali ta’ kull wieħed minnhom, filwaqt li l-bażi legali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, jiġifieri l-Artikolu 12(4)(ċ) tar-Regolament Nru 854/2004, tawtorizza biss evalwazzjoni tal-effettività tal-awtoritajiet Brażiljani kompetenti.

98      Anki jekk jitqies li l-motivi li huwa bbażat fuqhom ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jirreferu għall-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għamlet fir-rigward tal-effettività ta’ dawn l-awtoritajiet, din l-evalwazzjoni hija vvizzjata bi żbalji manifesti. B’mod partikolari, skont ir-rikorrenti, l-ewwel nett, l-istedina indirizzata lill-awtoritajiet Brażiljani sabiex jieħdu l-miżuri korrettivi neċessarji wara l-iskoperta tas-salmonella fil-laħam tat-tjur u l-preparazzjonijiet tal-laħam tat-tjur tirrigwarda r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapport ta’ verifika li sar f’Mejju 2017. Madankollu, mir-rapport stabbilit fi tmiem it-tieni verifika li saret bejn l-aħħar ta’ Jannar u l-bidu ta’ Frar 2018 jirriżulta li l-awtoritajiet Brażiljani kienu adottaw il-miżuri ta’ implimentazzjoni li kienu jeħtieġu l-imsemmija rakkomandazzjonijiet.

99      It-tieni nett, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Marzu 2017 u d-19 ta’ April 2018, kienu biss 41 każ li jikkonċernaw lit-tnax-il stabbiliment imneħħija mil-listi kkontestati u li jappartjenu lir-rikorrenti li kienu s-suġġett ta’ twissija RASFF. Issa, minn naħa, matul l-istess perijodu, l-istabbilimenti inkwistjoni kienu wasslu għal 6 766 kontejner esportat lejn l-Unjoni taħt sistema ta’ kontrolli msaħħa li jinvolvu spezzjonijiet sistematiċi tal-lottijiet li jaslu fid-dwana tal-importazzjoni. Min-naħa l-oħra, bejn id-19 ta’ Ġunju 2017 (data li fiha l-awtoritajiet Brażiljani bdew jikkontrollaw it-totalità tal-lottijiet intiżi għall-esportazzjoni) u d-19 ta’ April 2018, disa’ stabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti kienu s-suġġett ta’ bejn żero u żewġ twissijiet RASFF u żewġ stabbilimenti oħra kienu s-suġġett ta’ bejn erba’ u sitt twissijiet RASFF. Barra minn hekk, is-sospensjoni, min-naħa tal-awtoritajiet Brażiljani, f’Marzu 2018, tal-awtorizzazzjoni ta’ żewġ stabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti kellha effett biss mix-xahar ta’ April ta’ din is-sena, b’tali mod li n-numru minimu ta’ twissijiet RASFF matul l-ewwel tliet xhur tal-2018 ma jistax jiġi attribwit għal din is-sospensjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tidher li ma waslet għal ebda konklużjoni abbażi tal-140 twissija RASFF li nħarġet bejn l-1 ta’ Marzu 2017 u d-19 ta’ April 2018, li kienu jikkonċernaw lil stabbilimenti li ma jappartjenux lir-rikorrenti u li ma tħassrux mil-listi kkontestati.

100    It-tielet nett, mill-elementi statistiċi relatati ma’ dan jirriżulta li l-perċentwali tal-kontejners provenjenti mill-istabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti u mħassra mil-listi inkwistjoni, li fir-rigward tagħhom ġiet ikkonstatata preżenza ta’ salmonella fil-kuntest tal-kontrolli msaħħa, tirrappreżenta madwar terz tal-perċentwali korrispondenti kkonstatata meta mqabbla mal-prodotti provenjenti mill-istabbilimenti Ewropej, peress li dawn tal-aħħar huma madankollu mistennija li jikkonformaw ruħhom mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għal seba’ stabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti, il-perċentwali inkwistjoni kienet ta’ bejn 0 u 3.1 %. Barra minn hekk, bejn l-1 ta’ Jannar u d-19 ta’ April 2018 inħarġet biss twissija RASFF waħda fir-rigward tal-istabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti. Minn dan isegwi li n-numru ta’ twissijiet RASFF relattivi għall-istabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti ma jista’ f’ebda każ jiġi kkwalifikat bħala kbir u li l-inċidenti ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatati ma jistgħux jitqiesu li jiżvelaw kultura ġenerali ta’ impriża. Dan il-fatt huwa rifless fl-ewwel abbozz ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni, ippreżentat għall-opinjoni tal-Kumitat Permanenti fil-21 ta’ Frar 2018 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), li ma jikkonċerna lil kważi ebda wieħed mill-istabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti.

101    Ir-raba’ nett, l-ebda każ ta’ salmonella ma ġie identifikat fir-rigward ta’ prodotti tal-laħam minbarra l-laħam tat-tjur provenjenti mill-istabbilimenti tar-rikorrenti u mħassra mil-listi inkwistjoni, b’tali mod li l-premessi 4 u 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat huma vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

102    Il-ħames nett, skont ir-rikorrenti, il-konklużjonijiet tar-rapport imfassal mill-Kummissjoni fl-2018, fi tmiem it-tieni verifika tagħha (ara l-punt 98 iktar ’il fuq), jikkonfermaw li l-awtoritajiet Brażiljani ħadu l-miżuri kollha neċessarji sabiex mhux biss jistabbilixxu l-fatti relattivi għall-każ ta’ frodi msemmi fil-premessa 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, iżda wkoll sabiex jiżguraw minn issa l-quddiem il-konformità tal-prodotti esportati lejn is-suq tal-Unjoni. Dawn il-miżuri inkludew is-sospensjoni, b’mod preventiv, deċiża f’Marzu 2018, tal-possibbiltà li ċerti stabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti jesportaw. Barra minn hekk, il-kontrolli mwettqa mill-Kummissjoni fi tliet stabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti ma wrew ebda nuqqas manifest. Fid-dawl tal-fatt li stabbiliment wieħed biss fost dawk li jappartjenu lill-ewwel rikorrenti u li huma awtorizzati jesportaw laħam tat-tjur lejn l-Unjoni jinsab indiskussjoni fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni u li l-investigazzjonijiet ġudizzjarji li tirreferi għalihom il-Kummissjoni fl-istess premessa jikkonċernaw il-perijodu inkluż bejn l-2012 u l-iktar tard il-bidu tal-2017, iċ-ċirkustanzi invokati mill-Kummissjoni ma humiex adatti sabiex ipoġġu indiskussjoni l-affidabbiltà tal-garanziji mogħtija mill-awtoritajiet Brażiljani fir-rigward tal-istabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti u mħassra mil-listi kkontestati.

103    Mill-punti 96 sa 102 iktar ’il fuq jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq żball ta’ liġi li jikkonsisti fil-ksur tal-Artikolu 12(4)(ċ) tar-Regolament Nru 854/2004 (ara l-punt 97 iktar ’il fuq). It-tieni parti hija bbażata fuq żball manifest li jivvizzja l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-affidabbiltà tal-garanziji mogħtija mill-awtoritajiet Brażiljani fir-rigward tal-istabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti (ara l-punti 98 sa 102 iktar ’il fuq).

104    Qabel kollox, għandha tiġi miċħuda l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, li tgħid li l-Kummissjoni fir-realtà evalwat l-aġir individwali ta’ kull wieħed mill-istabbilimenti msemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat bi ksur tal-Artikolu 12(4)(ċ) tar-Regolament Nru 854/2004 (ara l-punt 97 iktar ’il fuq). Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 82 sa 87 iktar ’il fuq, ir-riferiment fil-premessi tal-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni għal provi li jirrigwardaw l-istabbilimenti tar-rikorrenti u mħassra mil-listi inkwistjoni jsir biss sa fejn dan huwa neċessarju sabiex jiġu spjegati r-raġunijiet għalfejn, flimkien mal-aġir jew mad-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat, il-Kummissjoni tqis li dawn tal-aħħar ma joffrux iktar il-garanziji meħtieġa mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 854/2004. Qabel kollox, dan ir-riferiment huwa spjegat ukoll min-neċessità, għall-Kummissjoni, li tipproċedi b’reqqa u b’imparzjalità, li jimplika li hija għandha twettaq eżami komplet u ddettaljat tal-każ. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li l-Kummissjoni ma ħassritx lill-istabbilimenti Brażiljani kollha mil-listi kkontestati ma jimplikax li, fir-realtà, hija bbażat id-deċiżjoni tagħha esklużivament fuq l-aġir jew fuq il-prestazzjonijiet tal-istabbilimenti inkwistjoni mingħajr ma qieset il-prestazzjonijiet tal-awtoritajiet Brażiljani li jaffettwaw l-affidabbiltà tal-garanziji li dawn tal-aħħar huma mistennija li joffru.

105    Fir-rigward tat-tieni parti, din tinkludi lmenti li jpoġġu indiskussjoni kemm il-motiv ibbażat fuq in-numru ta’ twissijiet RASFF maħruġa dwar il-preżenza ta’ salmonella fil-laħam tat-tjur (premessi 4 u 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat) kif ukoll dak ibbażat fuq każ ta’ frodi marbut mal-falsifikazzjoni taċ-ċertifikati tal-laboratorji Brażiljani relattivi għall-kwalità tal-laħam b’mod ġenerali, inkluż tal-laħam tat-tjur (premessa 6 tal-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni).

106    Mill-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 12(1) u (2) tar-Regolament Nru 854/2004, kif dawn il-modalitajiet jirriżultaw mill-pubblikazzjoni online tal-listi inkwistjoni, jidher li l-istabbilimenti li huma inklużi fihom huma mqassma skont il-pajjiż u skont is-settur ta’ attività. Korrelattivament, hekk kif ġie espost fil-punt 83 iktar ’il fuq, l-istabbilimenti tar-rikorrenti tneħħew minn erba’ listi differenti relattivi, rispettivament, għal-laħam tal-unglati domestiċi (Taqsima I tan-nomenklatura tas-setturi, Tabella 1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat), għal-laħam minn pollam (tjur) u lagomorfi (Taqsima II tan-nomenklatura tas-setturi, Tabella 2 tal-imsemmi Anness), għal-laħam ikkapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam u laħam separat mekkanikament (Taqsima V tan-nomenklatura tas-setturi, Tabella 3 ta’ dan l-Anness), u għall-prodotti tal-laħam (Taqsima VI tan-nomenklatura tas-setturi, Tabella 4 tal-istess Anness). Kull stabbiliment inkluż fil-listi inkwistjoni għandu numru ta’ approvazzjoni mogħti mill-awtorità Brażiljana kompetenti.

107    Għandu jitfakkar li l-motivi esposti fil-premessi 4 sa 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat (ara l-punt 105 iktar ’il fuq) isostnu, kumulattivament, it-tneħħija mil-listi inkwistjoni tal-għaxar stabbilimenti li jidhru fit-Tabella 2 tal-Anness tal-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni bħala stabbilimenti li l-produzzjoni tagħhom ta’ laħam tal-pollam (tjur) u lagomorfi hija awtorizzata li tiġi importata fl-Unjoni (Taqsima II tan-nomenklatura tas-setturi). Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istabbilimenti li jinsabu fit-Tabelli 1, 3 u 4 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat (Taqsimiet I, V u VI tan-nomenklatura tas-setturi), huwa biss il-motiv ibbażat fuq il-każ ta’ frodi msemmi iktar ’il fuq li jibbaża t-tneħħija tagħhom mill-istess listi bħala stabbilimenti li l-produzzjoni tagħhom ta’ laħam tal-unglati domestiċi, ta’ laħam kapuljat, ta’ preparazzjonijiet tal-laħam, ta’ prodotti tal-laħam u ta’ laħam separat mekkanikament huwa awtorizzat li jiġi importat fl-Unjoni.

108    Minn dan isegwi li, jekk l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni relattivi għall-każ ta’ frodi marbuta mal-falsifikazzjoni ta’ ċertifikati tal-laboratorji Brażiljani dwar il-kwalità tal-laħam b’mod ġenerali, inkluż il-laħam tat-tjur, ma humiex ivvizzjati b’illegalità, dawn huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw, b’mod suffiċjenti fid-dritt, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat. Għalhekk għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, l-ilmenti mqajma mir-rikorrenti kontra l-evalwazzjonijiet inkwistjoni.

109    F’dan ir-rigward, meta l-Kummissjoni tesponi r-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat att bħar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, l-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni għandu jirrigwarda l-eżattezza materjali tal-fatti relatati magħhom kif ukoll il-kwistjoni dwar jekk il-fatti inkwistjoni jistgħux, minħabba n-natura tagħhom, ifixklu l-fiduċja tal-Kummissjoni fl-affidabbiltà tal-garanziji li huma mistennija joffru l-awtoritajiet tal-pajjiż terz kompetenti fis-sens tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 854/2004 (ara l-punt 29 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni li tgawdi minnha l-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-livell minimu li taħtu hija ma tikkunsidrax iktar li l-garanziji inkwistjoni jkunu affidabbli (ara l-punt 80 iktar ’il fuq), il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità li hija għandha skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni fir-rigward tal-livell ta’ dan il-limitu. Madankollu, il-qorti tal-Unjoni għandha tkun tista’ tikkritika żball manifest ta’ evalwazzjoni meta, f’każ partikolari, il-Kummissjoni tkun stabbilixxiet il-limitu minimu inkwistjoni f’livell li jaffettwa b’mod flagranti n-natura plawżibbli tal-konklużjonijiet tagħha fir-rigward tal-affidabbiltà tal-imsemmija garanziji.

110    F’dan il-każ, skont il-premessa 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet kompetenti Brażiljani tirreferi għall-każijiet ta’ frodi misjuba fil-Brażil f’Marzu 2018 fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-laboratorji għal-laħam, inkluż il-laħam tat-tjur, u l-prodotti tal-laħam esportati lejn l-Unjoni. Skont din il-premessa, l-investigazzjonijiet pendenti u l-azzjoni reċenti tal-qrati fil-Brażil kienu jindikaw li ma kienx hemm garanziji suffiċjenti sabiex jiġi sostnut li l-istabbilimenti tar-rikorrenti kienu josservaw ir-rekwiżiti rilevanti tal-Unjoni, b’tali mod li l-prodotti mill-istabbilimenti tagħhom setgħu jikkostitwixxu riskju għas-saħħa tal-bniedem.

111    Ir-rikorrenti jsostnu, l-ewwel nett, li dawn l-evalwazzjonijiet huma invalidati mir-rapporti stabbiliti wara żewġ verifiki mwettqa mill-Kummissjoni fil-Brażil.

112    Għandu jiġi rrilevat li, f’Mejju 2017, il-Kummissjoni wettqet l-ewwel verifika fil-Brażil, skont l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 882/2004. Din il-verifika kienet esponiet ċertu numru ta’ nuqqasijiet marbuta mal-aspetti li ġejjin:

–        kontrolli u sorveljanza mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti;

–        kunflitti ta’ interess;

–        eliġibbiltà tal-materja prima;

–        preżenza ta’ veterinarji uffiċjali;

–        esportazzjoni mill-ġdid ta’ merkanzija miċħuda wara twissija RASFF;

–        aġġornament tal-listi ta’ stabbilimenti ċċertifikati biex jesportaw lejn is-suq tal-Unjoni;

–        kontrolli għas-salmonella.

113    Il-Kummissjoni sussegwentement wettqet verifika oħra fil-Brażil bejn it-22 ta’ Jannar u l-5 ta’ Frar 2018.

114    Għalkemm huwa minnu li r-rapport dwar it-tieni verifika jsemmi ċertu numru ta’ titjib fir-rigward tal-prestazzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti fl-oqsma msemmija fil-punt 112 iktar ’il fuq, il-konklużjonijiet tal-imsemmi rapport ma jikkontestawx l-evalwazzjoni li tinsab fil-premessa 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat.

115    Fil-fatt, kemm mill-konstatazzjonijiet kif ukoll mill-konklużjonijiet tar-rapport dwar it-tieni verifika jirriżulta li din tiddeskrivi l-azzjonijiet implimentati mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jirrimedjaw għan-nuqqasijiet sistematiċi li jikkonċernaw il-frekwenza tal-kontrolli, il-kunflitti ta’ interessi li jikkonċernaw lill-kontrolluri, il-kwalità tal-materja prima, ir-reklutaġġ ta’ numru adegwat ta’ veterinarji uffiċjali xierqa sabiex tiġi ggarantita l-preżenza effettiva tagħhom għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, il-miżuri neċessarji sabiex jiġi evitat li lottijiet li kienu s-suġġett ta’ twissija RASFF jiġu esportati mill-ġdid lejn is-suq tal-Unjoni, l-aġġornament fil-ħin tal-listi ta’ stabbilimenti ċċertifikati biex jesportaw lejn dan is-suq u, finalment, it-teħid ta’ kampjuni għall-finijiet tal-kontrolli għas-salmonella.

116    Issa, anki jekk il-konstatazzjonijiet fattwali li fuqhom huma bbażati l-konklużjonijiet tar-rapport dwar it-tieni verifika jirrigwardaw l-azzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ ċerti stabbilimenti fil-kampjun għall-finijiet tal-verifika, il-konklużjonijiet li jindikaw it-titjib magħmul minn dawn l-awtoritajiet jirreferu għall-prestazzjoni tagħhom fuq livell ġenerali. Għalhekk, il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport jirreferu għan-nuqqasijiet sistemiċi li jirriżultaw minn funzjonament ħażin tal-awtoritajiet inkwistjoni, fil-livell tal-metodi u tal-persunal, li jeħtieġu titjib bħalma hija r-rapidità fil-proċedura ta’ aġġornament tal-listi ta’ stabbilimenti. Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 882/2004, li jikkostitwixxi l-bażi legali li tawtorizzaha twettaq dawn il-kontrolli, jipprevedi li dawn għandhom l-għan li jippermettulha tivverifika l-konformità jew l-ekwivalenza tal-leġiżlazzjoni u tas-sistemi tal-pajjiżi terzi fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-għalf, l-ikel u s-saħħa tal-annimali. Għalhekk, minħabba n-natura tagħhom, dawn il-kontrolli ma humiex intiżi sabiex jidentifikaw aġir individwali, bħal dak li jikkonsisti fil-falsifikazzjoni estiża ta’ ċertifikati li jinvolvu lil aġenti u persunal ta’ impriża partikolari. F’kull każ, għandu jingħad ukoll li ċ-ċirkustanzi msemmija fil-premessa 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat inġiebu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni f’Marzu 2018, filwaqt li l-verifika inkwistjoni kienet diġà ngħalqet fil-5 ta’ Frar tal-istess sena.

117    F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi msemmija fil-punti 97 sa 104 tar-risposta jsostnu b’mod suffiċjenti fid-dritt il-motivi esposti fil-premessa 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat.

118    B’mod partikolari, minn dawn l-elementi, u fuq kollox mid-deċiżjoni tal-qorti kompetenti li tawtorizza investigazzjonijiet fuq il-post kontra sensiela ta’ persuni fiżiċi, adottata fl-4 ta’ Marzu 2018, jirriżulta li l-investigazzjonijiet tal-pulizija federali Brażiljana kif ukoll tal-awtoritajiet ġudizzjarji jirrigwardaw każijiet ta’ frodi estiża fil-forma ta’ falsifikazzjonijiet marbuta maċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali bil-parteċipazzjoni ta’ persunal ta’ grad għoli u l-konoxxenza ta’ membri tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti. Din id-deċiżjoni tirreferi għal prattiki fi ħdan il-grupp li jifformaw parti minnu r-rikorrenti li għandha l-għan li tfixkel is-sistema pubblika ta’ kontrolli sanitarji permezz ta’ ċertifikati ffalsifikati. F’dan il-kuntest, il-fatt, jekk jitqies li huwa minnu, li, fil-mument tat-tfassil ta’ dan id-dokument, stabbiliment wieħed biss li sa dak iż-żmien kien jinsab fil-listi inkwistjoni kien direttament ikkonċernat, jiġifieri l-istabbiliment li jġib in-numru ta’ approvazzjoni 1001, ma jaffettwax l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-portata tat-theddida li jirrappreżenta tali aġir u, konsegwentement, fuq l-affidabbiltà tal-garanziji mogħtija mill-awtoritajiet Brażiljani preċiżament kontra dan it-tip ta’ theddid. Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-integrazzjoni kompleta tal-imsemmi grupp tagħmel mod li l-prodotti tagħhom għandhom jiċċirkolaw minn stabbiliment għal ieħor sabiex ikunu suġġetti għall-operazzjonijiet ta’ trasformazzjoni meħtieġa. Barra minn hekk, l-involviment eventwali ta’ membri tal-bord tad-diretturi kif ukoll tal-persunal ta’ livell superjuri tar-rikorrenti ma jippermettix li jiġi konkluż b’ċertezza, sakemm l-investigazzjoni tkun għadha pendenti, li l-aġir inkriminat kien limitat għal stabbiliment wieħed biss.

119    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni indirizzat ruħha lill-awtoritajiet Brażiljani fil-kuntest tal-kuntatti dwar il-frodi li tikkonċerna ċ-ċertifikazzjoni tal-laħam fir-rigward tal-batterju tas-salmonella. F’dan il-kuntest, wara li fakkret li hija kienet ripetutament stiednet lill-imsemmija awtoritajiet jestendu l-investigazzjoni tagħhom għall-istabbilimenti kollha fl-Istati federali Brażiljani kollha li jesportaw prodotti tal-laħam lejn l-Unjoni, il-Kummissjoni talbet, l-ewwel nett, informazzjoni ddettaljata dwar l-ewwel rikorrenti u ħames laboratorji ta’ analiżi li jidhru assoċjati mal-attivitajiet frawdolenti skont ir-rapporti tal-istampa l-iktar reċenti u, it-tieni nett, is-sospensjoni immedjata tal-lottijiet kollha li joriġinaw mill-ewwel rikorrenti jew iċċertifikati mil-laboratorji inkwistjoni.

120    Wara din it-talba, il-Ministeru għall-Agrikoltura Brażiljan informa lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Marzu 2018, li kien għadu kemm issospenda ċ-ċertifikazzjoni fir-rigward ta’ seba’ stabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti u li kien qiegħed iżomm is-sospensjoni deċiża preċedentement ta’ tliet stabbilimenti oħra tar-rikorrenti.

121    Madankollu, permezz ta’ żewġ digrieti tas-17 ta’ April 2018, l-awtoritajiet Brażiljani neħħew din is-sospensjoni għall-istabbilimenti kollha bl-eċċezzjoni ta’ dak bin-numru ta’ approvazzjoni 466, mingħajr ma offrew element tanġibbli li jiġġustifika din il-miżura favorevoli lir-rikorrenti meta l-investigazzjoni kienet għadha fi stadju bikri.

122    Issa, kif issostni l-Kummissjoni, dawn iċ-ċirkustanzi huma oġġettivament ta’ natura li jdgħajfu l-aspettattivi tagħha fil-garanziji offruti mill-awtoritajiet Brażiljani fir-rigward tal-istabbilimenti tar-rikorrenti u ma jurux, fid-dawl tal-marġni wiesa’ li hija għandha sabiex tistabbilixxi l-livell minimu li taħtu dawn il-garanziji ma għandhomx iktar jiġu kklassifikati bħala affidabbli (ara l-punti 79, 80 u 109 iktar’ il fuq), żball manifest ta’ evalwazzjoni.

123    F’dan ir-rigward, il-fatt li, fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, l-investigazzjonijiet kienu għadhom ma ntemmewx, b’tali mod li d-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji dwar il-konstatazzjonijiet magħmula fil-kuntest ta’ dawn l-investigazzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għall-konklużjonijiet definittivi, huwa irrilevanti. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punti 74 sa 82 iktar ’il fuq, l-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni ma għandux l-għan li jirtira xi dritt individwali li għandhom ir-rikorrenti, liema ħaġa tkun teħtieġ il-ftuħ minn qabel ta’ investigazzjoni li twassal għal konklużjonijiet definittivi. L-uniku għan tiegħu huwa li jistabbilixxi sa fejn il-Kummissjoni jibqa’ jkollha fiduċja fil-garanziji offruti mill-awtoritajiet Brażiljani konformement mal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 854/2004. Issa, ir-riskji identifikati f’dan il-każ li jirriżultaw min-nuqqasijiet fil-prestazzjonijiet tal-awtoritajiet Brażiljani (ara l-punti 117 sa 122 iktar ’il fuq) huma direttament marbuta mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali mħarsa mill-Artikoli 11 u 12 tal-imsemmi regolament. Minn dan isegwi li dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jista’ jkun legalment ibbażat, bħal f’dan il-każ, fuq elementi li huma oġġettivament ta’ natura li jdgħajfu din il-fiduċja.

124    Konsegwentement, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-każ ta’ frodi marbuta mal-falsifikazzjoni taċ-ċertifikati tal-laboratorji Brażiljani dwar il-kwalità tal-laħam b’mod ġenerali, inkluż il-laħam tat-tjur, huma suffiċjenti sabiex isostnu r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, u għalhekk għandha tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tielet motiv mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar in-numru ta’ twissijiet RASFF maħruġa dwar il-preżenza ta’ salmonella fil-laħam tat-tjur (ara l-punti 107 u 108 iktar ’il fuq).

125    Peress li l-ewwel parti tat-tielet motiv ġiet miċħuda wkoll (ara l-punt 104 iktar ’il fuq), dan għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

126    Skont ir-rikorrenti, analiżi tal-istatistika rilevanti turi li jeżistu stabbilimenti oħra li kienu suġġetti, proporzjonalment, għal iktar twissijiet RASFF minn dawk li jappartjenu lilhom u li ma tneħħewx mil-listi kkontestati. Konsegwentement, huma jqisu li l-istabbilimenti li jappartjenu lilhom jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-premessi 4 u 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, għal dik ta’ dawn l-istabbilimenti l-oħra. Minn dan isegwi li l-evalwazzjonijiet dwar ir-riskju għas-saħħa pubblika fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ stabbilimenti ma jistgħux ikunu diverġenti, peress li r-riferimenti tal-Kummissjoni dwar il-każ ta’ frodi msemmi fil-premessa 6 tal-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni jikkonċernaw biss allegazzjonijiet dwar numru limitat ta’ stabbilimenti.

127    Għandu jitfakkar li r-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, li permezz tiegħu tnax-il stabbiliment li jappartjeni lilhom tneħħew mil-listi inkwistjoni. Issa, mill-analiżi dwar it-tielet motiv jirriżulta li dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni seta’ jiġi adottat b’mod validu fid-dawl tal-motiv ibbażat fuq il-każ ta’ frodi msemmi fil-premessa 6 tiegħu, marbut mal-falsifikazzjoni ta’ ċertifikati ta’ laboratorji Brażiljani (ara l-punti 107, 108 u 124 iktar ’il fuq). Issa, permezz tar-raba’ motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi bbażat argument fuq il-motiv l-ieħor invokat mill-Kummissjoni sabiex tadotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, jiġifieri dak dwar in-numru ta’ twissijiet RASFF maħruġa fir-rigward tal-preżenza ta’ salmonella fil-laħam tat-tjur (premessi 4 u 5 tal-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni). Għalhekk, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra li lanqas il-garanziji offruti mill-awtoritajiet Brażiljani fir-rigward ta’ stabbilimenti oħra ta’ dan il-pajjiż terz ma kienu affidabbli, dan il-fatt bl-ebda mod ma jaffettwa l-legalità ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni fir-rigward tal-istabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti.

128    Minn dan isegwi li l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat ma tistax titqies li tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, b’tali mod li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

129    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li t-tneħħija tal-istabbilimenti li jappartjenu lilhom mil-listi inkwistjoni tikkostitwixxi miżura manifestament mhux neċessarja, peress li miżuri oħra ta’ intensità inqas, bħal kontrolli msaħħa fuq l-esportazzjoni u mal-fruntiera tal-Unjoni, kienu suffiċjenti sabiex jissalvagwardjaw l-għan imfittex mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat. It-tieni nett, fil-fehma tagħhom, l-investigazzjonijiet dwar il-każ ta’ frodi msemmi fil-premessa 6 tal-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni jikkonċernaw biss stabbiliment wieħed li jappartjeni lilhom, filwaqt li dawk li jikkonċernaw każ ieħor imsemmi mill-Kummissjoni fir-risposta jikkonċernaw biss erba’ stabbilimenti li jappartjenu lilhom, li minnhom wieħed kien jesporta biss il-laħam tat-tjur u preparazzjonijiet tal-laħam tat-tjur lejn l-Unjoni, u dan fi kwantitajiet limitati.

130    Għandu jitfakkar li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni li tgħid li l-garanziji offruti mill-awtoritajiet Brażiljani skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 854/2004 ma humiex iktar affidabbli fir-rigward tal-istabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti. Fid-dawl tal-fatt li, kif jirriżulta mill-analiżi dwar it-tielet motiv, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-assenza ta’ affidabbiltà tal-garanziji inkwistjoni minħabba l-każ ta’ frodi marbut mal-falsifikazzjoni taċ-ċertifikati ta’ laboratorji Brażiljani dwar il-kwalità tal-laħam ma humiex ivvizzjati b’illegalità, it-tneħħija tal-istabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti mil-listi inkwistjoni hija l-miżura li l-Kummissjoni hija meħtieġa li tieħu, skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 854/2004, moqri flimkien mal-paragrafu 4(ċ) tiegħu. Fil-fatt, skont din l-aħħar dispożizzjoni, stabbiliment jista’ biss jitniżżel f’tali lista jekk l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz toffri l-garanziji deskritti fiha fir-rigward ta’ dak l-istabbiliment.

131    B’hekk, peress li l-Kummissjoni kkonstatat, billi għamlet użu mill-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha f’dan il-qasam (ara l-punti 80 u 109 iktar ’il fuq), li l-garanziji offruti mill-awtoritajiet Brażiljani konformement mal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 854/2004 ma kinux iktar affidabbli fir-rigward tar-rikorrenti u, konsegwentement, ma jeżistux, it-tneħħija tal-istabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti mil-listi inkwistjoni tikkostitwixxi, kif jirriżulta minn din l-aħħar dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 12(4)(ċ) tal-istess regolament, il-miżura xierqa u neċessarja sabiex tirrimedja din is-sitwazzjoni.

132    Konsegwentement, anki jekk jiġi injorat il-fatt li, qabel l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implementazzjoni kkontestat, il-prodotti li joriġinaw minn diversi stabbilimenti li jappartjenu lir-rikorrenti u mħassra mil-listi inkwistjoni kienu diġà s-suġġett ta’ kontrolli msaħħa (ara l-punti 99 u 100 iktar’ il fuq), il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jistax iġiegħel lill-Kummissjoni tadotta miżuri bħat-tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri tal-Unjoni fir-rigward ta’ dawn il-prodotti, minkejja li din l-istituzzjoni ma tikkunsidrax iktar li l-garanziji offruti mill-awtoritajiet Brażiljani favur l-istabbilimenti inkwistjoni huma affidabbli.

133    Isegwi, li r-raba’ motiv, kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

134    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      BRF SA u SHB Comércio e Indústria de Alimentos SA huma kkundannati għall-ispejjeż tal-Kummissjoni, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Gratsias

Frimodt Nielsen

Schwarcz

Valančius

 

      Frendo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Lulju 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.