Language of document : ECLI:EU:C:2021:979

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fit‑2 ta’ Diċembru 2021 (1)

Kawża C319/20

Facebook Ireland Limited

vs

Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände - Verbraucherzentrale Bundesverband e.V.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 80(2) – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Rappreżentanza ta’ suġġetti tad-data minn assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru – Locus standi ta’ assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi”






I.      Introduzzjoni

1.        Fl-ekonomija moderna, immarkata miż-żieda tal-ekonomija diġitali, l-ipproċessar ta’ data personali jista’ jaffettwa l-persuni mhux biss fil-kwalità tagħhom ta’ persuni fiżiċi li jibbenefikaw mid-drittijiet mogħtija mir-Regolament (UE) 2016/679 (2), iżda wkoll fil-kwalità tagħhom ta’ konsumaturi.

2.        Din il-kwalità għandha l-konsegwenza li l-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi qed ikunu dejjem iktar fl-oriġini ta’ azzjonijiet intiżi sabiex jitwaqqaf l-aġir ta’ wħud mill-kontrolluri li jippreġudika b’mod simultanju kemm id-drittijiet protetti minn dan ir-regolament u minn regoli oħra li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll mid-dritt nazzjonali fil-qasam, b’mod partikolari, ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi u tal-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali.

3.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e.V. (l-Unjoni Federali taċ-Ċentri u tal-Assoċjazzjonijiet tal-Konsumaturi, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Unjoni Federali”) u Facebook Ireland Limited, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fl-Irlanda. L-Unjoni Federali tallega li din il-kumpannija kisret il-leġiżlazzjoni Ġermaniża relattiva għall-protezzjoni tad-data personali u wettqet, fl-istess waqt, prattika kummerċjali żleali, ksur ta’ liġi fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u ksur tal-projbizzjoni tal-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali invalidi.

4.        Din it-talba tistieden, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 sabiex tiddetermina jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix li assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jżommu, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, il-locus standi li jagħtihom id-dritt nazzjonali sabiex jitwaqqaf aġir li jikkostitwixxi, fl-istess waqt, ksur tad-drittijiet mogħtija mill-imsemmi regolament u ksur ta’ regoli intiżi għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi u għall-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja (3) kienet iddeċidiet li tali locus standi huwa kompatibbli mad-Direttiva 95/46/KE (4), għandha tkun hi li tiddeċiedi jekk ir-Regolament 2016/679 emendax l-istat tad-dritt dwar dan il-punt.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      IrRegolament 2016/679

5.        L-Artikolu 80 tar-Regolament 2016/679, intitolat “Rappreżentanza ta’ suġġetti tad-data”, huwa fformulat kif ġej (5):

“1.       Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jagħti mandat lil korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni, li jkunu mingħajr skop ta’ qligħ, li jkunu kkostitwiti kif meħtieġ skont il-liġi ta’ Stat Membru, li l-objettivi statutorji tagħhom ikunu fl-interess pubbliku u li jkunu attivi fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti tad-data fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom biex iressqu l-ilment f’ismu, biex jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 77, 78 u 79 f’ismu u biex jeżerċitaw id-dritt li jirċievu kumpens imsemmi fl-Artikolu [82] f’ismu fejn previst mil-liġi tal-Istat Membru.

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li kwalunkwe korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, indipendentement minn mandat ta’ suġġett tad-data, jkollhom id-dritt li jressqu, f’dak l-Istat Membru, ilment quddiem l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 77 u li jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 78 u 79 jekk huma jqisu li jkunu nkisru d-drittijiet ta’ suġġett tad-data taħt dan ir-Regolament b’riżultat tal-ipproċessar.”

B.      Iddritt Ġermaniż

6.        L-Artikolu 3(1) tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali) (6), tat‑3 ta’ Lulju 2004, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, jistabbilixxi:

“Il-prattiki kummerċjali żleali huma illegali”.

7.        L-Artikolu 3a tal-UWG huwa fformulat kif ġej:

“Kull min jikser dispożizzjoni legali intiża, b’mod partikolari, sabiex tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-atturi tiegħu, iwettaq aġir żleali, peress li dan il-ksur jista’ jaffettwa sostanzjalment l-interessi tal-konsumaturi, tal-atturi l-oħra tas-suq u tal-kompetituri.”

8.        L-Artikolu 8(1) u (3) tal-UWG jipprovdi:

“(1)       Kull min jipparteċipa fi prattika kummerċjali illegali skont l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 7, jista’ jagħti lok għal mandat ta’ inibizzjoni immedjat (eliminazzjoni), u f’każ ta’ riskju ta’ reċidiv, għal mandat ta’ inibizzjoni għall-futur (astensjoni). Id-dritt li jinkiseb mandat ta’ inibizzjoni għall-futur (astensjoni) jitnissel hekk kif ikun hemm riskju ta’ ksur tal-Artikoli 3 jew 7.

[…]

(3)      Huma detenturi tad-drittijiet mogħtija fil-paragrafu 1:

[…]

3.      l-entitajiet kwalifikati, li jistabbilixxu li huma mniżżla fil-lista ta’ entitajiet kwalifikati msemmija fl-Artikolu 4 tal-[Gesetz über Unterlassungsklagen bei Verbraucherrechts- und anderen Verstößen (il-Liġi dwar l-Azzjonijiet għall-Ħruġ ta’ Mandat ta’ Inibizzjoni fir-Rigward ta’ Ksur tad-Dritt tal-Konsum u ta’ Ksur Ieħor (7), tas‑26 ta’ Novembru 2001, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali] jew fil-lista tal-Kummissjoni Ewropea prevista fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi [(8)];

[…]”

9.        L-Artikolu 2 tal-UKlaG jipprovdi:

“(1)      Kull min jikser, b’mod ieħor minbarra bl-użu jew bir-rakkomandazzjoni ta’ kundizzjonijiet ġenerali, regoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi) jista’ jagħti lok għal mandat ta’ inibizzjoni għall-futur u mandat ta’ inibizzjoni immedjat fl-interess tal-protezzjoni tal-konsumaturi […]

(2)      Fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi għandhom ifissru b’mod partikolari:

[…]

11.      ir-regoli li jiddefinixxu l-legalità

(a)      tal-ġbir ta’ data personali ta’ konsumatur minn impriża jew

(b)      l-ipproċessar jew l-użu ta’ data personali li nġabret minn imprenditur rigward konsumatur,

meta d-data tinġabar, tiġi pproċessata u tintuża għal finijiet ta’ reklamar, stħarriġ tas-suq jew tal-opinjoni, ta’ operat ta’ aġenzija ta’ informazzjoni, ta’ stabbiliment ta’ profili ta’ personalità u użu, ta’ kull kummerċ ta’ data ieħor jew għal finijiet kummerċjali analogi.

[…]”

10.      Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tindika li, skont il-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-UKlaG, l-organi li għandhom locus standi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jistgħu jressqu azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni fir-rigward ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li tinkludi wkoll, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2)(11) ta’ din il-liġi, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-legalità tal-ġbir, tal-ipproċessar u tal-użu, minn imprenditur, ta’ data personali ta’ konsumatur għall-finijiet pubbliċitarji. Barra minn hekk, dejjem skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1)(1) tal-UKlaG, l-organi li għandhom locus standi jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 1 tal-UKlaG, il-waqfien tal-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali invalidi skont l-Artikolu 307 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), meta jikkunsidraw li dawn il-kundizzjonijiet ġenerali imorru kontra dispożizzjoni fil-qasam ta’ protezzjoni tad-data.

11.      L-Artikolu 13(1) tat-Telemediengesetz (il-Liġi dwar il-Mezzi ta’ Komunikazzjoni Elettroniċi) (9), tas‑26 ta’ Frar 2007, huwa fformulat kif ġej:

“Sa mill-bidu tal-użu, huwa l-fornitur ta’ servizzi li għandu jinforma lill-utent b’mod li jinftiehem globalment dwar il-metodu, il-portata u l-iskop tal-ġbir u tal-użu ta’ data personali kif ukoll tal-ipproċessar tad-data tiegħu fl-Istati li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-[Direttiva 95/46] sa fejn huwa jkun għadu ma ġiex informat dwar dan. Fil-proċeduri awtomatiċi, li jippermettu l-identifikazzjoni sussegwenti tal-utent u li jippreparaw il-ġbir jew l-użu ta’ data personali, l-utent għandu jkun informat fil-bidu ta’ din il-proċedura. L-utent għandu jkun jista’ jikkonsulta l-kontenut ta’ din l-informazzjoni f’kull waqt”.

III. Ilfatti talkawża prinċipali u ddomanda preliminari

12.      Fil-Ġermanja, l-Unjoni Federali hija mniżżla fil-lista ta’ entitajiet li għandhom locus standi skont l-Artikolu 4 tal-UKlaG. Facebook Ireland topera, fl-indirizz elettroniku www.facebook.de, il-pjattaforma Internet Facebook, li tippermetti l-iskambju ta’ data personali u data oħra.

13.      Il-pjattaforma Internet Facebook tinkludi spazju msejjaħ “App‑Zentrum” (Spazju Applikazzjonijiet) li fih Facebook Ireland tqiegħed, b’mod partikolari għad-dispożizzjoni tal-utenti tagħha, logħob gratwit ipprovdut minn terzi. Waqt il-konsultazzjoni ta’ ċertu logħob fl-Ispazju Applikazzjonijiet fis‑26 ta’ Novembru 2012, l-utent seta’ jara għadd ta’ informazzjoni taħt il-buttuna “Sofort spielan” (Ilgħab). Minn din l-informazzjoni, jirriżulta essenzjalment, li l-użu tal-applikazzjoni kkonċernata tippermetti lill-kumpannija li tkun ipprovdiet il-logħob tikseb għadd ta’ data personali u jawtorizzaha tipproċedi għal pubblikazzjonijiet, f’isem l-utent, ta’ ċerta informazzjoni, bħall-iskor tiegħu. Dan l-użu implika l-aċċettazzjoni mill-utent tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-applikazzjoni u tal-politika tagħha fil-qasam ta’ protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, fil-każ tal-logħba Scrabble, huwa indikat li l-applikazzjoni hija awtorizzata tippubblika l-istatus, ir-ritratti u informazzjoni oħra f’isem l-utent.

14.      L-Unjoni Federali tikkritika l-preżentazzjoni tal-indikazzjonijiet ipprovduti taħt il-buttuna “Ilgħab” fl-Ispazju Applikazzjonijiet għar-raġuni li huma żleali, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet legali li japplikaw għall-kisba ta’ kunsens validu tal-utent skont dispożizzjonijiet li jirregolaw il-protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, hija tikkunsidra li l-indikazzjoni finali fil-każ tal-logħba Scrabble tikkostitwixxi kundizzjoni ġenerali li tisfavorixxi lill-utent b’mod indebitu.

15.      F’dan il-kuntest, l-Unjoni Federali ressqet quddiem il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra Facebook Ireland. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din l-azzjoni kienet tressqet indipendentement mill-ksur konkret ta’ drittijiet għall-protezzjoni tad-data ta’ suġġett tad-data u mingħajr mandat ta’ tali suġġett.

16.      L-Unjoni Federali talbet li Facebook Ireland tiġi pprojbita, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, “milli tippreżenta logħob, fil-kuntest ta’ attivitajiet kummerċjali destinati għall-konsumaturi li għandhom ir-residenza permanenti tagħhom fil-[…]Ġermanja, fis-sit internet korrispondenti għall-indirizz elettroniku www.facebook.com, u dan fi ‘Spazju Applikazzjonijiet’, b’tali mod li, billi jikklikkja fuq il-buttuna “[Ilgħab]”, il-konsumatur jiddikjara li l-operatur tal-logħba jikseb, bl-intervent ta’ network soċjali operat minn [Facebook Ireland], informazzjoni fuq id-data personali li tinsab fih u huwa awtorizzat jittrażmetti (jippubblika) informazzjoni f’isem il-konsumatur […]”.

17.      L-Unjoni Federali talbet ukoll li Facebook Ireland tiġi pprojbita “milli tinkludi fi ftehimiet mal-konsumaturi li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fil-[…]Ġermanja d-dispożizzjoni li ġejja jew dispożizzjonijiet b’kontenut identiku relattivi għall-użu ta’ applikazzjonijiet (apps) fil-kuntest ta’ network soċjali, kif ukoll milli tinvoka d-dispożizzjonijiet relattivi għat-trażmissjoni ta’ data lill-operaturi tal-logħob: ‘Diese Anwendung darf Statusmeldungen, Fotos und mehr in deinem Namen posten’ [Din l-applikazzjoni hija awtorizzata tippubblika l-istatus, ritratti u informazzjoni oħra tiegħek f’ismek]”.

18.      Il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) ikkundannat lil Facebook Ireland skont it-talbiet tal-Unjoni Federali. L-appell ippreżentat minn Facebook Ireland quddiem il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja) kien miċħud.

19.      Facebook Ireland ippreżentat rikors għal “reviżjoni” kontra d-deċiżjoni tal-qorti tal-appell quddiem il-qorti tar-rinviju.

20.      Fil-mertu, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li huwa ġust li l-qorti tal-appell qieset li t-talbiet tal-Unjoni Federali kienu fondati. Fil-fatt, billi ma osservatx l-obbligi ta’ informazzjoni li jirriżultaw mill-ewwel parti tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tat-TMG, Facebook Ireland kisret l-Artikolu 3a tal-UWG u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2)(11) tal-UKlaG. Il-qorti tal-appell ġustament ikkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tat-TMG inkwistjoni f’dan il-każ, huma dispożizzjonijiet legali li jirregolaw l-aġir tal-operaturi fis-suq fis-sens tal-Artikolu 3a tal-UWG. Barra minn hekk, dawn huma dispożizzjonijiet li skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2)(11)(a) tal-UKlaG, jirregolaw il-legalità tal-ġbir, tal-ipproċessar jew tal-użu, minn imprenditur ta’ data personali ta’ konsumatur li nġabret, ġiet ipproċessata u ntużat għal finijiet pubbliċitarji. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis, li billi ma osservatx l-obbligi ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ protezzjoni tad-data applikabbli f’dan il-każ, Facebook Ireland użat kundizzjoni ġenerali ineffettiva fis-sens tal-Artikolu 1 tal-UKlaG.

21.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex legali li l-Qorti tal-Appell ikkunsidrat li r-rikors tal-Unjoni Federali kien ammissibbli. Fil-fatt, hija tistaqsi dwar jekk assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi, bħall-Unjoni Federali, għadx għandha, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679, setgħa li taġixxi, billi tippreżenta rikors quddiem il-qrati ċivili, fil-konfront ta’ ksur ta’ dan ir-regolament, u dan indipendentement mill-ksur konkret ta’ drittijiet ta’ suġġetti tad-data individwali u mingħajr mandat ta’ dawn tal-aħħar, billi tinvoka l-ksur tad-dritt fis-sens tal-Artikolu 3a tal-UWG, il-ksur ta’ liġi fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2)(11) tal-UKlaG jew anki l-użu ta’ kundizzjoni ġenerali ineffettiva b’applikazzjoni tal-Artikolu 1 tal-UKlaG.

22.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li ma kienx hemm dubju dwar l-ammissibbiltà tar-rikors qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679. Fil-fatt, l-Unjoni Federali kellha s-setgħa li tressaq azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni quddiem il-qrati ċivili skont l-Artikolu 8(3)(3) tal-UWG u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1)(1) tal-UKlaG.

23.      Skont din l-istess qorti, huwa possibbli li din is-sistema ġuridika kienet emendata minħabba d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679.

24.      Fil-mertu, hija tosserva li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) tat-TMG ma baqgħux applikabbli wara dan id-dħul fis-seħħ, u l-obbligi ta’ informazzjoni rilevanti llum huma dawk li jirriżultaw mill-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament 2016/679. Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, Facebook Ireland ma osservatx l-obbligu li hija għandha skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament, li jikkonsisti fil-provvista lis-suġġett tad-data, f’forma konċiża, trasparenti, li tinftiehem u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 13(1)(c) u (e) tal-imsemmi regolament, li jirrigwardaw l-iskop tal-ipproċessar ta’ data u d-destinatarju ta’ data personali.

25.      Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors, jeżisti, skont il-qorti tar-rinviju, dibattitu dwar jekk organi li għandhom locus standi fis-sens tal-Artikolu 4 tal-UKlaG għandhomx setgħa, wara d-dħul fis-sens tar-Regolament 2016/679 u skont l-Artikolu 8(3)(3) tal-UWG, li jieħdu azzjoni legali fil-konfront ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, li huma ta’ applikazzjoni diretta skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 288 TFUE, billi jinvokaw il-ksur tad-dritt fis-sens tal-Artikolu 3a tal-UWG.

26.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis l-eżistenza ta’ perspettivi diverġenti dwar jekk ir-Regolament 2016/679 jirregolax huwa stess, b’mod eżawrjenti, il-kontroll tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu.

27.      Din il-qorti tosserva, fir-rigward tal-formulazzjoni tar-Regolament 2016/679, li l-locus standi ta’ entità bħall-Unjoni Federali, skont l-Artikolu 8(3)(3) tal-UWG, ma huwiex kopert mill-Artikolu 80(1) ta’ dan ir-regolament, peress li l-azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma saritx fuq mandat jew f’isem suġġett tad-data sabiex tasserixxi d-drittijiet personali tiegħu. Għall-kuntrarju, din tirrigwarda l-locus standi tal-Unjoni Federali fir-rigward tad-dritt tagħha stess, li jippermettilha, f’każ ta’ ksur tad-dritt fis-sens tal-Artikolu 3a tal-UWG, taġixxi kontra ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament b’mod oġġettiv, indipendentement mill-ksur ta’ drittijiet konkreti ta’ suġġetti tad-data individwali u ta’ mandat min-naħa ta’ dawn tal-aħħar.

28.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li locus standi tal-Unjoni Federali sabiex tapplika, b’mod oġġettiv, id-dritt relattiv għall-protezzjoni tad-data personali ma huwiex previst fl-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679. Fil-fatt, minkejja li din id-dispożizzjoni tipprovdi l-possibbiltà ta’ azzjoni minn tali entità indipendentement minn kull mandat mogħti minn suġġett tad-data, madankollu d-drittijiet ta’ suġġett tad-data, kif previsti f’dan ir-regolament, xorta nkisru minħabba pproċessar. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 80(2) tal-imsemmi regolament lanqas ma jawtorizzaw, fid-dawl tal-formulazzjoni tagħhom, locus standi ta’ assoċjazzjonijiet li jinvokaw ksur oġġettiv tad-dritt relattiv għall-protezzjoni tad-data personali, indipendentement mill-ksur ta’ drittijiet suġġettivi ta’ suġġett tad-data konkret, abbażi, bħal f’dan il-każ, tal-Artikolu 3a u tal-Artikolu 8(3)(3) tal-UWG. Konklużjoni identika tista’ tirriżulta mit-tieni sentenza tal-premessa 142 tar-Regolament 2016/679 li ssemmi wkoll il-ksur ta’ drittijiet ta’ suġġett tad-data bħala kundizzjoni għal locus standi ta’ assoċjazzjoni indipendentement minn mandat tas-suġġett inkwistjoni.

29.      Barra minn hekk, il-locus standi ta’ assoċjazzjoni, bħal dik prevista fl-Artikolu 8(3) tal-UWG, ma jistax, skont il-qorti tar-rinviju, jirriżulta mill-Artikolu 84(1) tar-Regolament 2016/679, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jistipulaw is-sistema dwar sanzjonijiet oħra applikabbli għal ksur ta’ dan ir-regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Fil-fatt, il-locus standi ta’ assoċjazzjoni, bħal dik prevista fl-Artikolu 8(3) tal-UWG, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “piena”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-imsemmi regolament.

30.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-istruttura tar-Regolament 2016/679 ma tippermettix li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk il-locus standi ta’ organu skont l-Artikolu 8(3)(3) tal-UWG, jiġifieri fir-rigward ta’ dispożizzjoni intiża għall-ġlieda kontra l-kompetizzjoni żleali, għadux jista’ jiġi rrikonoxxut wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Din il-qorti tikkunsidra li mill-fatt li dan jagħti lill-awtoritajiet superviżorji setgħat estiżi fil-qasam tas-sorveljanza, ta’ investigazzjoni u tal-adozzjoni ta’ miżuri korrettivi, jista’ jiġi dedott li prinċipalment huma dawn l-awtoritajiet li għandhom jikkontrollaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament. Dan imur kontra interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679. Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni ta’ regolament, bħala prinċipju, hija permessa biss jekk din tkun espressament awtorizzata. Madankollu, il-frażi “[m]ingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju […] ieħor”, li tinsab fl-Artikolu 77(1), fl-Artikolu 78(1) u (2) kif ukoll fl-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament, tista’ ddgħajjef it-teżi ta’ regolament eżawrjenti fil-kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt mill-imsemmi regolament.

31.      Għal dak li jirrigwarda l-għan tar-Regolament 2016/679, l-effett utli tiegħu jista’ jimmilita favur l-eżistenza ta’ locus standi tal-assoċjazzjonijiet fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni, skont l-Artikolu 8(3)(3) tal-UWG, indipendentement mill-ksur ta’ drittijiet konkreti ta’ suġġetti tad-data, sa fejn dan jagħti possibbiltà addizzjonali li tiġi kkontrollata l-applikazzjoni tad-dritt, sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni tad-data personali, skont il-premessa 10 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, l-aċċettazzjoni tal-locus standi tal-assoċjazzjonijiet fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni tista’ tiġi kkunsidrata li tmur kontra l-għan ta’ armonizzazzjoni mfittex mill-imsemmi regolament.

32.      Il-qorti tar-rinviju turi wkoll id-dubji tagħha fir-rigward tal-persistenza, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679, tal-locus standi tal-organi msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1)(1) tal-UKlaG sabiex jeżerċitaw azzjonijiet f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tal-azzjonijiet introdotti minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ liġi fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2)(11) tal-UKlaG. L-istess japplika għal dak li jirrigwarda l-locus standi, skont l-Artikolu 1 tal-UKlaG, ta’ assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi fid-dawl li titlob il-waqfien tal-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali invalidi, fis-sens tal-Artikolu 307 tal-Kodiċi Ċivili.

33.      Preżunt li d-dispożizzjonijiet nazzjonali differenti li kienu l-bażi, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679, tal-locus standi ta’ organi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala implimentazzjoni antiċipata tal-Artikolu 80(2) ta’ dan ir-regolament, skont il-qorti tar-rinviju, ir-rikonoxximent f’dan il-każ ta’ locus standi tal-Unjoni Federali teħtieġ, li hija tinvoka li d-drittijiet ta’ suġġett tad-data, previsti fl-imsemmi regolament, ġew miksura minħabba pproċessar. Madankollu, din il-kundizzjoni ma tistax tiġi ssodisfatta.

34.      Fil-fatt, din il-qorti tenfasizza li t-talbiet tal-Unjoni Federali jirrigwardaw il-kontroll astratt tal-preżentazzjoni tal-Ispazju Applikazzjonijiet minn Facebook Ireland fid-dawl tad-dritt oġġettiv tal-protezzjoni tad-data, mingħajr ma l-Unjoni Federali allegat il-ksur ta’ drittijiet ta’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2016/679.

35.      Jekk jiġi kkonstatat li l-Unjoni Federali tilfet, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679, il-locus standi li kien ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż iċċitati iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju tindika li r-rikors għal “reviżjoni” ppreżentat minn Facebook Ireland għandu jiġi milqugħ u l-azzjoni tal-Unjoni Federali miċħuda, peress li skont id-dritt proċedurali Ġermaniż, il-locus standi għandu jippersisti sat-tmiem tal-aħħar istanza.

36.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VIII, b’mod partikolari l-Artikolu 80(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 84(1) tar-Regolament 2016/679, jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li – b’mod parallel mas-setgħat ta’ intervent tal-awtoritajiet superviżorji responsabbli sabiex jissorveljaw u jinfurzaw [dan] ir-regolament u l-possibbiltajiet ta’ rikors tal-persuni kkonċernati [tas-suġġetti tad-data] – jagħtu lill-kompetituri, minn naħa, u lill-assoċjazzjonijiet, organi u kmamar awtorizzati skont id-dritt nazzjonali, min-naħa l-oħra, is-setgħa, f’każ ta’ ksur tar-Regolament 2016/679, li jaġixxu kontra l-awtur ta’ dan il-ksur billi jippreżentaw rikors quddiem il-qrati ċivili, indipendentement mill-ksur ta’ drittijiet konkreti ta’ persuni kkonċernati individwali u mingħajr mandat ta’ persuna kkonċernata, billi jinvokaw il-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali, il-ksur ta’ liġi fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jew il-projbizzjoni tal-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali ineffettivi [kundizzjonijiet ġenerali invalidi]?”

37.      L-Unjoni Federali, Facebook Ireland, il-Gvern Awstrijak u dak Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Portugiż, kif ukoll dak Ġermaniż ippreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fit‑23 ta’ Settembru 2021.

IV.    Analiżi

38.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament 2016/679, u b’mod partikolari l-Artikolu 80(2) ta’ dan tal-aħħar, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jieħdu azzjoni legali kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data personali, billi jinvokaw il-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali, il-ksur ta’ liġi fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jew il-projbizzjoni tal-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali invalidi.

39.      Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2016/679, “suġġett tad-data”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, huwa “persuna fiżika identifikata jew identifikabbli”. Meta tali persuna tikkunsidra li d-data personali tagħha kienet l-oġġett ta’ pproċessar li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, hija jkollha diversi rimedji.

40.      Għalhekk, suġġett tad-data għandu d-dritt, skont l-Artikolu 77 tal-istess regolament, li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 78 tar-Regolament 2016/679, dan is-suġġett tad-data għandu d-dritt ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja. Barra minn hekk, l-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament jagħti lil kull suġġett tad-data d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv jekk jikkunsidra li d-drittijiet mogħtija lilu mill-imsemmi regolament ġew miksura minħabba pproċessar tad-data personali tiegħu mwettaq bi ksur tal-istess regolament.

41.      Ovvjament, is-suġġetti tad-data jistgħu jressqu huma stess ilment quddiem awtorità superviżorja jew jeżerċitaw ir-rimedji ġudizzjarji deskritti preċedentement. Madankollu, l-Artikolu 80 tar-Regolament 2016/679 jipprovdi, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà li dawn il-persuni jkunu rrappreżentati minn organu, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru. Lil hinn mir-rimedji individwali, id-dritt tal-Unjoni jipprovdi għalhekk possibbiltajiet differenti ta’ azzjonijiet rappreżentattivi mibdija bl-intervent ta’ entitajiet responsabbli mir-rappreżentanza tas-suġġetti tad-data (10). L-Artikolu 80 tar-Regolament 2016/679 jaqa’ għalhekk fit-tendenza konsistenti fl-iżvilupp tal-azzjonijiet rappreżentattivi eżerċitati minn tali entitajiet bil-għan li jiddefendu interessi ġenerali jew kollettivi bħala mezz ta’ tisħiħ tal-aċċess għall-ġustizzja ta’ persuni affettwati mill-ksur tar-regoli inkwistjoni (11).

42.      L-Artikolu 80 tar-Regolament 2016/679, intitolat “Rappreżentanza ta’ suġġetti tad-data”, jinkludi żewġ paragrafi. L-ewwel wieħed jirrigwarda s-sitwazzjoni fejn suġġett tad-data jagħti mandat lil organu, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni sabiex jirrappreżentawh. It-tieni wieħed jirrigwarda l-azzjoni rappreżentattiva eżerċitata minn entità indipendentement minn kull mandat mogħti minn suġġett tad-data.

43.      Peress li l-azzjoni eżerċitata mill-Unjoni Federali ma hijiex sostnuta fuq mandat ta’ suġġett tad-data, huwa l-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 li huwa rilevanti fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

A.      Issentenza Fashion ID

44.      Fis-sentenza tagħha Fashion ID, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tad-Direttiva 95/46, dwar kwistjoni simili għal dik invokata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Għalhekk, hija ddeċidiet li “li l-Artikoli 22 sa 24 [ta’ din id-direttiva] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali” (12).

45.      Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja telqet mill-konstatazzjoni li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 95/46 ma kienet timponi lill-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu, u lanqas ma tagħtihom espressament is-setgħa li jipprevedu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-possibbiltà li assoċjazzjoni tirrappreżenta lil suġġett tad-data fi proċeduri ġudizzjarji jew li tippreżenta azzjoni ġudizzjarja fuq inizjattiva tagħha nnifisha kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data personali (13). Madankollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan ma jfissirx li din id-direttiva tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jieħdu azzjoni legali kontra l-awtur preżunt ta’ tali preġudizzju (14). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-karatteristiċi ta’ direttiva kif ukoll l-obbligu tal-Istati Membri destinatarji li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw effett sħiħ tad-direttiva kkonċernata, b’konformità mal-għan imfittex minnha (15).

46.      Imbagħad, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-Direttiva 95/46 kellha l-għanijiet li “tiġi żgurata protezzjoni effikaċi u sħiħa tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt għall-ħajja privata, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data ta’ natura personali” u li “tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni fl-Unjoni [Ewropea]” (16). Issa, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li Stat Membru jipprevedi l-possibbiltà fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu li assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi tippreżenta azzjoni ġudizzjarja kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data ta’ personali jikkontribwixxi għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet (17). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li “l-Istati Membri minn ċerti aspetti għandhom marġni ta’ manuvra bil-għan tat-traspożizzjoni [tad-Direttiva 95/46]” (18), b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikoli 22 sa 24, li “huma redatti f’termini ġenerali, u li ma joperawx armonizzazzjoni eżawrjenti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mar-rikorsi ġudizzjarji li jistgħu jiġu ppreżentati fir-rigward tal-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali” (19). Għalhekk, “il-fatt li tiġi ppreveduta l-possibbiltà għal assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi li tippreżenta azzjoni ġudizzjarja kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali jidher li jista’ jikkostitwixxi miżura xierqa fis-sens [tal-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva], li tikkontribwixxi, […] għat-twettiq tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja” (20).

47.      Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk dak li seta’ jiġi aċċettat taħt il-portata tad-Direttiva 95/46 għandux issa jiġi pprojbit wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 80(2) ta’ dan ir-regolament għandu l-effett ġuridiku li jipprekludi l-locus standi ta’ assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi fil-kuntest ta’ azzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali?

48.      Diġà jista’ jkun hemm dubju mill-qari tal-punt 62 tas-sentenza Fashion ID, li fih il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-fatt li r-Regolament 2016/679 “jawtorizza espressament, fl-Artikolu 80(2) tiegħu, lill-Istati Membri jippermettu lill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jippreżentaw azzjonijiet ġudizzjarji kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali b’ebda mod ma jfisser li l-Istati Membri ma jistgħux jagħtuhom dan id-dritt taħt il-portata tad-Direttiva 95/46, iżda jikkonferma, għall-kuntrarju, li l-interpretazzjoni tagħha meħuda inkunsiderazzjoni għal din is-sentenza tirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni” (21).

49.      Għar-raġunijiet li ser niżviluppa issa, nikkunsidra li la s-sostituzzjoni tad-Direttiva 95/46 b’regolament u lanqas il-fatt li r-Regolament 2016/679 jiddedika wkoll artikolu għar-rappreżentanza tas-suġġetti tad-data fil-kuntest ta’ azzjonijiet ġudizzjarji ma huma ta’ natura li jikkontestaw dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha Fashion ID, jiġifieri li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom il-possibbiltà li l-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jieħdu azzjonijiet legali kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data personali.

B.      Ilkaratteristiċi partikolari tarRegolament 2016/679

50.      Fir-rigward tas-sostituzzjoni tad-Direttiva 95/46 permezz ta’ regola ta’ natura differenti, jiġifieri r-Regolament 2016/679, għandu jiġi rrilevat li l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li juża l-forma ġuridika ta’ regolament, li skont l-Artikolu 288 TFUE hija obbligatorja fl-elementi tagħha kollha u direttament applikabbli f’kull Stat Membru, hija spjegata permezz tal-volontà tiegħu, espressa fil-premessa 13 tar-Regolament 2016/679, li jiġi żgurat livell konsistenti ta’ protezzjoni għall-persuni fiżiċi fl-Unjoni kollha u sabiex ma jkunx hemm diverġenzi li jfixklu l-moviment liberu tad-data personali fis-suq intern. Għaldaqstant, dan ir-regolament donnu, mal-ewwel daqqa t’għajn, jimmilita lejn armonizzazzjoni sħiħa, u għalhekk ma jistabbilixxix biss regoli minimi li l-Istati Membri jistgħu jgħollu u ma jħallix lil dawn l-Istati l-għażla li jidderogaw, jikkumplimentaw jew jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tiegħu, sabiex l-applikazzjoni simultanja u uniformi tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament fl-Unjoni ma tkunx kompromessa.

51.      Ir-realtà tirriżulta li hija iktar kumplessa. Fil-fatt, il-bażi legali tar-Regolament 2016/679, jiġifieri l-Artikolu 16 TFUE (22), jipprekludi li jiġi kkunsidrat li billi adottat dan ir-regolament, l-Unjoni antiċipat ir-riperkussjonijiet kollha li l-protezzjoni tad-data personali jista’ jkollha f’oqsma oħra relattivi, b’mod partikolari, għad-dritt industrijali, għad-dritt tal-kompetizzjoni jew anki għad-dritt tal-konsum, billi tipprojbixxi l-Istati Membri milli jadottaw regoli speċifiċi f’dawn l-oqsma, u dan b’mod ftit jew wisq awtonomu, skont jekk ikunx qasam irregolat mid-dritt tal-Unjoni jew le (23). F’dan is-sens, minkejja li l-protezzjoni tad-data personali hija ta’ natura trasversali, l-armonizzazzjoni mwettqa mir-Regolament 2016/679 hija limitata għall-aspetti speċifikament koperti minn dan ir-regolament f’dan il-qasam. Lil hinn minn dawn, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jilleġiżlaw, sakemm ma jippreġudikawx il-kontenut u l-għanijiet tal-imsemmi regolament.

52.      Barra minn hekk, meta wieħed jidħol fid-dettall tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679, bilfors għandu jiġi kkonstatat li l-estensjoni tal-armonizzazzjoni mwettqa minn dan ir-regolament tvarja skont id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati. Għalhekk, id-determinazzjoni tal-portata normattiva tal-imsemmi regolament teħtieġ eżami każ b’każ (24). Minkejja li jista’ jiġi kkunsidrat, f’konformità mal-ġurisprudenza relattiva għad-Direttiva 95/46 (25), li r-Regolament 2016/679 iwettaq armonizzazzjoni li “bħala prinċipju, hija kompleta”, madankollu, diversi dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jirrikonoxxu lill-Istati Membri marġni ta’ manuvra li għandu jew jista’, skont il-każ, ikun użat minn dawn tal-aħħar fil-kundizzjonijiet u l-limiti previsti minn dawn l-istess dispożizzjonijiet (26).

53.      Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, “fid-dawl tal-Artikolu 288 TFUE u minħabba n-natura stess tar-regolamenti u tal-funzjoni tagħhom fis-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għandhom, bħala regola ġenerali, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, mingħajr il-ħtieġa li jittieħdu miżuri ta’ applikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jeħtieġu, għall-implimentazzjoni tagħhom, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri” (27). L-użu ta’ regolament ma jimplikax neċessarjament l-assenza ta’ kull marġni ta’ azzjoni mħollija lis-suġġetti tad-drittijiet mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament (28). Barra minn hekk, in-natura obbligatorja u direttament applikabbli ta’ regolament ma tipprekludix li att ta’ din in-natura jinkludi regoli fakultattivi (29).

54.      L-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 jikkostitwixxi, minħabba l-użu tal-kelma “jistgħu”, eżempju ta’ dispożizzjoni fakultattiva li toffri lill-Istati Membri marġni diskrezzjonali fl-implimentazzjoni tiegħu.

55.      Din id-dispożizzjoni tagħmel parti minn mid-diversi “klawżoli tal-ftuħ” inklużi f’dan ir-regolament, li jagħtuh is-singularità tiegħu meta mqabbel ma’ regolament klassiku u jqarrbuh lejn direttiva (30). Ir-referenzi għad-dritt nazzjonali li jinsabu f’dawn il-klawżoli jistgħu jkunu obbligatorji (31), madankollu ħafna drabi jikkostitwixxu fakultà mħollija lill-Istati Membri (32). Jista’ jiġi osservat li dawn id-diversi referenzi għad-drittijiet nazzjonali jqajmu r-riskju ta’ frammentazzjoni ġdida tas-sistema tal-protezzjoni tad-data personali fi ħdan l-Unjoni, u jmorru kontra l-volontà espressa mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jasal għal uniformizzazzjoni ulterjuri ta’ din is-sistema u jista’ jkollhom effetti negattivi fuq l-effettività ta’ din il-protezzjoni, anki fuq il-qari tal-obbligi tagħhom mill-kontrolluri u mill-proċessuri (33). Għalhekk, il-portata tal-armonizzazzjoni mwettqa mir-Regolament 2016/679 hija limitata mid-diversi “klawżoli tal-ftuħ” li jinsabu f’dan ir-regolament.

56.      Huwa ċar li meta mqabbel ma’ dak li kien il-każ tad-Direttiva 95/46, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq, fir-Regolament 2016/679, jirregola b’mod iktar wiesa’ u preċiż fuq livell tal-Unjoni l-aspetti relattivi għar-rappreżentanza tas-suġġetti tad-data sabiex jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja u anki azzjoni ġudizzjarja (34). Madankollu, il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 80 ta’ dan ir-regolament ma għandhomx l-istess portata normattiva. Fil-fatt, filwaqt li l-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huwa obbligatorju fuq l-Istati Membri (35), il-paragrafu 2 tiegħu joffri biss fakultà lil dawn tal-aħħar. Għalhekk, sabiex l-azzjoni rappreżentattiva mingħajr mandat prevista fl-Artikolu 80(2) tal-imsemmi regolament tkun tista’ tiġi eżerċitata, l-Istati Membri għandhom jużaw il-fakultà offruta lilhom minn din id-dispożizzjoni li jipprovdu fid-dritt nazzjonali tagħhom din il-modalità ta’ rappreżentanza ta’ suġġetti tad-data.

57.      L-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679, anki biss minħabba n-natura fakultattiva tiegħu u d-differenzi potenzjali bejn id-drittijiet nazzjonali li huwa jimplika, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li wettaq armonizzazzjoni sħiħa fir-rigward tal-azzjonijiet rappreżentattivi mingħajr mandat fil-qasam ta’ protezzjoni tad-data personali. Madankollu, meta jimplimentaw din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom josservaw il-kundizzjonijiet u l-limiti li bihom il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jillimita l-eżerċizzju tal-possibbiltà prevista fl-imsemmija dispożizzjoni.

58.      Minkejja li meta mqabbel ma’ dak li kien il-każ bid-Direttiva 95/46, il-qafas huwa iktar preċiż, madankollu, l-Istat Membri baqgħalhom marġni diskrezzjonali fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679.

59.      Mill-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, li wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament il-leġiżlatur Ġermaniż ma adottax dispożizzjoni intiża speċifikament għall-implimentazzjoni, fid-dritt nazzjonali tiegħu, tal-Artikolu 80(2) tal-imsemmi regolament. Għalhekk, kif il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel, għandu jiġi eżaminat jekk ir-regoli tad-dritt Ġermaniż eżistenti minn qabel, li jagħtu lil assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi, il-locus standi sabiex jitwaqqaf aġir li jikkostitwixxi ksur fl-istess waqt ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 u ta’ regoli li b’mod partikolari, għandhom l-għan li jipproteġu l-konsumaturi humiex kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni. Fi kliem ieħor, id-dritt nazzjonali eżistenti minn qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament huwa konsistenti ma’ dak li jippermetti l-Artikolu 80(2) tal-imsemmi regolament?

60.      Kif ippreċiża l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jawtorizzaw assoċjazzjoni bħall-Unjoni Federali tippreżenta azzjoni rappreżentattiva bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/22. Sabiex tingħata tweġiba għall-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 jawtorizzax ukoll tali azzjoni u għalhekk jekk dawn l-istess dispożizzjonijiet nazzjonali jaqgħux fil-kuntest tal-marġni diskrezzjonali rrikonoxxut lil kull Stat Membru (36), għandu jiġi interpretat dan l-artikolu billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-formulazzjoni tiegħu kif ukoll l-istruttura u l-għanijiet ta’ dan ir-regolament.

C.      Linterpretazzjoni litterali, sistematika u teleoloġika talArtikolu 80(2) tarRegolament 2016/679

61.      Skont l-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679, l-azzjonijiet rappreżentattivi previsti minnu jistgħu jiġu eżerċitati minn “kwalunkwe korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni msemmija fil-paragrafu 1” ta’ dan l-artikolu. L-Artikolu 80(1) ta’ dan ir-regolament isemmi “korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni, li jkunu mingħajr skop ta’ qligħ, li jkunu kkostitwiti kif meħtieġ skont il-liġi ta’ Stat Membru, li l-objettivi statutorji tagħhom ikunu fl-interess pubbliku u li jkunu attivi fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti tad-data fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom”. Fl-opinjoni tiegħi, tali definizzjoni ma tistax tiġi limitata għall-entitajiet li l-għan uniku u esklużiv tagħhom huwa l-protezzjoni tad-data personali, iżda testendi għal dawk kollha li għandhom għan ta’ interess pubbliku marbut mal-protezzjoni tad-data personali. Dan huwa l-każ ta’ assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi, bħall-Unjoni Federali, li għandhom jeżerċitaw azzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni fir-rigward ta’ aġir li, filwaqt li jippreġudika d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, jikser ukoll regoli fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jew tal-ġlieda kontra l-kompetizzjoni żleali (37).

62.      Skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679, l-azzjoni rappreżentattiva tista’ tiġi eżerċitata minn entità li tissodisfa l-kundizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jekk hija “[tqis] li jkunu nkisru d-drittijiet ta’ suġġett tad-data taħt [dan ir-regolament] b’riżultat tal-ipproċessar”. Għall-kuntrarju ta’ dak li l-qorti tar-rinviju donnha tagħti x’tifhem, ma naħsibx li din l-aħħar frażi għandha tiġi interpretata f’sens restrittiv, bħala li tfisser li sabiex ikollha s-setgħa taġixxi b’konformità ma’ dak li jipprovdi l-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679, entità għandha twettaq individwalizzazzjoni minn qabel ta’ persuna waħda jew diversi persuni affettwati b’mod konkret mill-ipproċessar inkwistjoni. Ix-xogħol preparatorju għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament bl-ebda mod ma jmur f’dan is-sens. Barra minn hekk, id-definizzjoni nnifisha tal-kunċett ta’ “suġġett tad-data”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament, jiġifieri “persuna fiżika identifikata jew identifikabbli” (38), jidhirli li hija inkompatibbli mar-rekwiżit li l-persuni li huma l-oġġett ta’ pproċessar li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 għandhom ikunu diġà identifikati waqt il-preżentazzjoni ta’ azzjoni rappreżentattiva skont l-Artikolu 80(2) ta’ dan ir-regolament. Loġikament isegwi li ma huwiex meħtieġ, skont din id-dispożizzjoni, li entità tallega l-eżistenza ta’ każijiet konkreti fir-rigward ta’ persuni individwalment identifikati sabiex tkun tista’ taġixxi b’mod konformi ma’ dak li tipprovdi l-imsemmija dispożizzjoni.

63.      Nikkunsidra li l-implimentazzjoni ta’ azzjoni rappreżentattiva skont l-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 tippreżumi biss li tkun allegata l-eżistenza ta’ pproċessar ta’ data personali li jmur kontra dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jipproteġu d-drittijiet individwali, u għalhekk jista’ jaffettwa d-drittijiet ta’ persuni identifikati jew identifikabbli, mingħajr ma l-locus standi ta’ entità jkun suġġett għall-verifika każ b’każ tal-punt dwar jekk inkisrux id-drittijiet ta’ persuna partikolari waħda jew iktar (39). Fil-qosor, tali azzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-ksur tad-drittijiet li persuna fiżika jista’ jkollha skont l-imsemmi regolament wara pproċessar tad-data personali tagħha. Din l-azzjoni ma għandhiex l-għan li tipproteġi dritt oġġettiv, iżda d-drittijiet suġġettivi biss li s-suġġetti tad-data għandhom direttament skont ir-Regolament 2016/679 (40). Fi kliem ieħor, il-klawżola tal-ftuħ li tinsab fl-Artikolu 80(2) ta’ dan ir-regolament hija intiża sabiex tippermetti lill-entitajiet li għandhom is-setgħa jitolbu l-verifika permezz ta’ awtorità superviżorja jew anki permezz ta’ qorti tal-osservanza mill-kontrolluri tar-regoli li jipproteġu suġġetti tad-data li jinsabu fl-imsemmi regolament (41). F’din il-perspettiva, huwa suffiċjenti, sabiex entità jkollha locus standi skont din id-dispożizzjoni, li hija turi l-ksur ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 li għandhom l-għan li jipproteġu d-drittijiet suġġettivi ta’ suġġetti tad-data.

64.      Kif tindika, essenzjalment, il-Kummissjoni, interpretazzjoni tal-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679, fis-sens li sabiex tkun tista’ teżerċita azzjoni rappreżentattiva mingħajr mandat, entità għandha turi jew tasserixxi li ġew affettwati d-drittijiet ta’ persuna partikolari f’sitwazzjoni partikolari, tillimita b’mod sinjifikattiv ħafna l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Bħall-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni, nikkunsidra li l-Artikolu 80(2) ta’ dan ir-regolament għandu jkun l-oġġett ta’ interpretazzjoni li tippreżerva l-effett utli tiegħu fir-rigward tal-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 80(2) tal-imsemmi regolament għandu jinftiehem bħala li jmur lil hinn mir-rappreżentanza ta’ każijiet individwali, li huma l-oġġett tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, billi tiftaħ possibbiltà ta’ rappreżentanza, fuq l-inizjattiva ta’ entitajiet li għandhom is-setgħa u b’mod awtonomu, ta’ interessi kollettivi ta’ persuni li huma l-oġġett ta’ pproċessar tad-data personali tagħhom li jmur kontra r-Regolament 2016/679. L-effett utli tal-Artikolu 80(2) ta’ dan ir-regolament jonqos bil-kbir jekk jiġi kkunsidrat li, bħal dak meħtieġ mill-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, entità jkollha l-azzjoni tagħha limitata fiż-żewġ każijiet għar-rappreżentanza ta’ persuni msemmija u individwalment identifikati.

65.      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 li jiena nsostni, hija konformi man-natura preventiva u mal-għan dissważiv tal-azzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, kif ukoll mal-indipendenza tagħhom fir-rigward ta’ kull kunflitt individwali (42).

66.      Ħlief b’riskju li jinħolqu żewġ standards differenti fir-rigward tal-locus standi ta’ entitajiet bis-setgħa li jippreżentaw azzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni skont jekk tali azzjoni hijiex ibbażata fuq miżura nazzjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 jew dak tad-Direttiva 2020/1828, jidhirli li huwa xieraq, minkejja li din id-direttiva ma hijiex applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din tal-aħħar ma teħtieġx li tali entitajiet jinvokaw l-eżistenza ta’ konsumaturi individwali msemmija b’mod speċifiku bħala li ġew affettwati mill-ksur inkwistjoni (43), iżda li jinvokaw l-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn professjonisti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fl-Anness I tal-imsemmija direttiva (44), li barra minn hekk isemmi, fil-punt 56 tiegħu, ir-Regolament 2016/679.

67.      It-teżi favorevoli għal interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 tipprekludi, fil-fehma tiegħi, b’mod żbaljat, il-ħarsien tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi (45) u l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ kull persuna li tkun l-oġġett ta’ pproċessar preżunt kuntrarju għal dan ir-regolament. Fil-fatt, il-ħarsien tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi ma jeskludix, fil-fehma tiegħi, il-protezzjoni tad-drittijiet suġġettivi li s-suġġetti tad-data għandhom direttament skont ir-Regolament 2016/679, iżda għall-kuntrarju, jintegra tali protezzjoni.

68.      Barra minn hekk, fl-indikazzjoni li tinsab fil-premessa 15 tad-Direttiva 2020/1828, li tipprovdi li “l-mekkaniżmi ta’ infurzar previsti fir-Regolament […] 2016/679 […] jew ibbażati fuqu jistgħu, fejn applikabbli, jibqgħu jintużaw għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi” (46), nista’ nara l-konferma li l-azzjoni rappreżentattiva prevista fl-Artikolu 80(2) ta’ dan ir-regolament tista’ tirrigwarda l-protezzjoni ta’ tali interessi.

69.      Mill-elementi preċedenti niddeduċi li l-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 jawtorizza, fil-fehma tiegħi, lill-Istati Membri jipprovdu l-possibbiltà li l-entitajiet għandhom is-setgħa jeżerċitaw, mingħajr mandat ta’ suġġetti tad-data, azzjonijiet rappreżentattivi intiżi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, sakemm jiġi allegat il-ksur ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet suġġettivi lis-suġġetti tad-data.

70.      Issa, dan huwa sewwasew il-każ tal-azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni li tressqet mill-Unjoni Federali kontra Facebook Ireland.

71.      Fil-fatt, infakkar li skont il-qorti tar-rinviju u skont it-talbiet tal-Unjoni Federali, Facebook Ireland ma osservatx l-obbligu tagħha skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament 2016/679, li jikkonsisti li s-suġġett tad-data tiġi pprovduta, f’forma konċiża, trasparenti, li tinftiehem u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(1)(c) u (e) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwardaw l-iskop tal-ipproċessar tad-data u d-destinatarju tad-data personali. Dawn id-dispożizzjonijiet jappartjenu żgur għall-kategorija ta’ dawk li jagħtu drittijiet suġġettivi lis-suġġetti tad-data, kif tikkonferma b’mod partikolari, il-konstatazzjoni li dawn jinsabu fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, intitolat “Drittijiet tas-suġġett tad-data”. Għalhekk, il-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet tista’ tintalab jew direttament mis-suġġetti tad-data, jew minn entità li għandha s-setgħa skont l-Artikolu 80(1) tar-Regolament 2016/679 jew anki skont dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 80(2) ta’ dan ir-regolament.

72.      Inqis ukoll li l-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 ma jipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu s-setgħa lil assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi li teżerċita azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet mogħtija minn dan ir-regolament permezz ta’ regoli intiżi għall-protezzjoni tal-konsumaturi jew għall-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali. Fil-fatt, tali regoli jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet simili għal dawk kontenuti fl-imsemmi regolament, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni lis-suġġetti tad-data dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom (47), li jimplika li l-ksur ta’ regola relattiva għall-protezzjoni tad-data personali tista’ twassal b’mod simultanju għall-ksur ta’ regoli relattivi għall-protezzjoni tal-konsumaturi jew għal prattiki kummerċjali żleali. Fil-formulazzjoni tal-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679, xejn ma jipprekludi implimentazzjoni parzjali ta’ din il-klawżola tal-ftuħ, fis-sens li l-azzjoni rappreżentattiva hija intiża għall-protezzjoni, fil-kwalità tagħhom ta’ konsumaturi, id-drittijiet li s-suġġetti tad-data għandhom minn dan ir-regolament (48).

73.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni proposta tal-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679, hija l-aħjar waħda, anki sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament.

74.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament 2016/679, moqri flimkien mal-premessi 10, 11 u 13 tiegħu, dan ir-regolament jimponi fuq l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, kif ukoll fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, il-kompitu li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 16 TFUE u fl-Artikolu 8 tal-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea]” (49). Barra minn hekk, l-imsemmi regolament huwa intiż sabiex “tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt tagħhom għall-protezzjoni tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali” (50).

75.      Ikun kontra l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali jekk l-Istati Membri jiġu preklużi milli jistabbilixxu azzjonijiet li, filwaqt li jfittxu għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, jikkontribwixxu wkoll sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tad-data personali. Bħal dak li kien japplika għad-Direttiva 95/46, għadu jista’ jiġi ddikjarat, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679, li s-setgħa tal-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi li jwaqqfu pproċessar li jmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data permezz ta’ mekkaniżmu ta’ rimedju kollettiv (51).

76.      B’hekk il-ħarsien tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi minn assoċjazzjonijiet huwa partikolarment addattat għall-għan intiż sabiex jiġi stabbilit livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali. F’dan id-dawl, il-funzjoni preventiva ta’ azzjonijiet mibdija minn dawn l-assoċjazzjonijiet ma tistax tiġi żgurata jekk l-azzjoni rappreżentattiva prevista fl-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 tippermetti biss li jiġi invokat il-ksur tad-drittijiet ta’ persuna affettwata individwalment u b’mod konkret minn dan il-ksur.

77.      Għalhekk, azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni mressqa minn assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi, bħall-Unjoni Federali, tikkontribwixxi mingħajr dubju sabiex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tad-drittijiet protetti mir-Regolament 2016/679 (52).

78.      Barra minn hekk, ikun jekk xejn paradossali li t-tisħiħ tal-mezzi ta’ kontroll tar-regoli relattivi għall-protezzjoni tad-data personali mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni bl-adozzjoni tar-Regolament 2016/679 jiġi tradott finalment fi tnaqqis tal-livell ta’ din il-protezzjoni meta mqabbel ma’ dak li l-Istati Membri setgħu jiżguraw taħt il-portata tad-Direttiva 95/46.

79.      Huwa minnu li, bid-differenza għall-Istati Uniti tal-Amerika, fid-dritt tal-Unjoni, il-leġiżlazzjonijiet relattivi, minn naħa, għall-prattiki kummerċjali żleali, u min-naħa l-oħra, għall-protezzjoni tad-data personali ġew żviluppati separatament. Għalhekk, iż-żewġ oqsma huma l-oġġett ta’ kuntesti normattivi differenti.

80.      Għalhekk, jeżistu interazzjonijiet bejn dawn iż-żewġ oqsma, b’tali mod li azzjonijiet li jaqgħu fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni relattiva għall-protezzjoni tad-data personali jistgħu, fl-istess waqt u b’mod indirett, jikkontribwixxu għal waqfien ta’ prattika kummerċjali żleali. Il-maqlub huwa minnu wkoll (53). Mill-bqija, rabta bejn il-protezzjoni tad-data personali, mill-angolu tal-kunsens għall-ipproċessar ta’ din id-data, u l-protezzjoni tal-konsumaturi, tinsab espressa fir-Regolament 2016/679 stess, b’mod partikolari fil-premessa 42 tiegħu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat l-interazzjonijiet bejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali u d-Direttiva 2005/29/KE (54).

81.      L-interazzjonijiet bejn id-dritt relattiv għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt tal-konsum u d-dritt tal-kompetizzjoni huma frekwenti u numerużi, sa fejn l-istess aġir jista’ jaqa’ simultanjament taħt regoli tad-dritt appartenenti għal dawn l-oqsma differenti. Tali interazzjonijiet jikkontribwixxu għall-protezzjoni tad-data personali iktar effettiva (55).

82.      Ċertament, il-benefiċjarji tad-drittijiet previsti mir-Regolament 2016/679 ma humiex limitati għall-kategorija ta’ konsumaturi, peress li dan ir-regolament ma huwiex ibbażat fuq perċezzjoni konsumerista tal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali (56), iżda fuq dik li tipprovdi li din il-protezzjoni hija, skont l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u kif tindika b’mod partikolari, il-premessa 1 kif ukoll l-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament, dritt fundamentali (57).

83.      Xorta jibqa’ l-fatt, li fl-era tal-ekonomija diġitali, is-suġġetti tad-data ħafna drabi jkollhom il-kwalità ta’ konsumaturi. Din hija r-raġuni għaliex ir-regoli intiżi għall-protezzjoni tal-konsumaturi huma ħafna drabi mobilizzati sabiex jiżguraw lil dawn tal-aħħar protezzjoni minn ipproċessar tad-data personali tagħhom li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679.

84.      Fl-aħħar ta’ din l-analiżi, bilfors għandu jiġi kkonstatat li tista’ teżisti sovrappożizzjoni bejn l-azzjoni rappreżentattiva prevista fl-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 u dik prevista mid-Direttiva 2020/1828 sabiex jinkisbu mandati ta’ inibizzjoni meta s-“suġġetti tad-data”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, għandhom ukoll il-kwalità ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva (58). Hawnhekk, nara s-sinjal ta’ kumplimentarjetà u konverġenza tad-dritt relattiv għall-protezzjoni tad-data personali mal-oqsma l-oħra tad-dritt, bħad-dritt tal-konsum u d-dritt tal-kompetizzjoni. Bl-adozzjoni tal-imsemmija direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ressaq dan il-moviment iktar ’il quddiem billi rabat b’mod espliċitu l-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi mal-osservanza tar-Regolament 2016/679. L-applikazzjoni effettiva tar-regoli kontenuti f’dan tal-aħħar tista’ biss tissaħħaħ.

V.      Konklużjoni

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li r-risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) għandha tkun is-segwenti:

L-Artikolu 80(2) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jieħdu azzjoni legali kontra l-awtur ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data personali, billi jinvokaw il-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali, il-ksur ta’ liġi fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jew il-projbizzjoni tal-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali invalidi, sakemm l-azzjoni rappreżentattiva inkwistjoni hija intiża sabiex tikseb ir-rispett tad-drittijiet li l-persuni li huma l-oġġett tal-ipproċessar ikkontestat, għandhom direttament skont dan ir-regolament.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).


3      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Fashion ID (C‑40/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Fashion ID”, EU:C:2019:629).


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


5      Ara wkoll, il-premessa 142 ta’ dan ir-regolament.


6      BGBl. 2004 I, p. 1414, iktar ’il quddiem l-“UWG”.


7      BGBl. 2001 I, p. 3138, 3173, iktar ’il quddiem l-“UKlaG”.


8      ĠU 2009, L 110, p. 30.


9      BGBl. 2007 I., p. 179, iktar ’il quddiem it-“TMG”.


10      Ir-rappreżentanza ta’ suġġetti tad-data hija prevista wkoll fl-Artikolu 67 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39), kif ukoll fl-Artikolu 55 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6). Dawn iż-żewġ każijiet jirrigwardaw rappreżentazzjoni b’mandat.


11      Din it-tendenza, ikkonkretizzata b’mod partikolari fid-Direttiva 2009/22, hija riflessa fl-adozzjoni reċenti tad-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU 2020, L 409, p. 1). It-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din l-aħħar direttiva huwa stabbilit għall‑25 ta’ Diċembru 2022. Ara, f’dan ir-rigward, Pato, A., “Collective Redress Mechanisms in the EU”, Jurisdiction and Cross-Border Collective Redress: A European Private International Law Perspective, Bloosmbury Publishing, Londra, 2019, p. 45 sa 117. Ara wkoll, Gsell, B., “The New European Directive on Representative Actions for the Collective Interests of Consumers – A Huge, but Blurry Step Forward”, Common Market Law Review, Vol. 58, Ħarġa 5, Kluwer Law International, Alphen ann den Rijn, 2021, p. 1365 sa 1400.


12      Ara s-sentenza Fashion ID (punt 63 u d-dispożittiv).


13      Ara s-sentenza Fashion ID (punt 47).


14      Ara s-sentenza Fashion ID (punt 48).


15      Ara s-sentenza Fashion ID (punt 49).


16      Ara s-sentenza Fashion ID (punt 50).


17      Ara s-sentenza Fashion ID (punt 51).


18      Ara s-sentenza Fashion ID (punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara s-sentenza Fashion ID (punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Ara s-sentenza Fashion ID (punt 59).


21      Korsiv miżjud minni.


22      Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et (C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 44).


23      Mill-preambolu tar-Regolament 2016/679 jirriżulta li dan ġie adottat abbażi tal-Artikolu 16 TFUE, li l-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi b’mod partikolari li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu r-regoli relattivi, minn naħa, mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, kif ukoll mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u min-naħa l-oħra, mal-moviment liberu ta’ din id-data.


24      Għalhekk, id-determinazzjoni tal-estensjoni tal-armonizzazzjoni mwettqa minn tali regola bħar-Regolament 2016/679 timplika li ssir “mikroanaliżi, billi tiġi eżaminata regola speċifika jew, l-iktar, aspett speċifiku u definit sewwa tad-dritt tal-Unjoni”: ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Dzivev et (C‑310/16, EU:C:2018:623, punt 74). Ara wkoll, Mišćenić, E., u Hoffmann, A.-L., “The Role of Opening Clauses in Harmonization of EU Law: Example of the EU’s General Data Protection Regulation (GDPR)”, EU and Comparative Law Issues and Challenges Series (ECLIC), Josip Juraj Strossmayer University of Osijek, Faculty of Law Osijek, Osijek, 2020, Ħarġa 4, p. 44 sa 61, li jirrilevaw li “[i]t is […] possible for a harmonization measure, either EU directive or regulation, to have a full harmonization effect with respect to certain provisions, but not all of them” (p. 49).


25      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 96).


26      Ara fir-rigward tad-Direttiva 95/46, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 97). Għall-kuntrarju ta’ ċerti ideat komuni, l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li juża regolament pjuttost milli direttiva ma tirriżultax neċessarjament f’armonizzazzjoni sħiħa tal-qasam ikkunsidrat. Ara Mišćenić, E., u Hoffmann, A.-L., op. cit., li jindikaw li “an EU directive can lead to a more intensive harmonization if it has a fully harmonizing effect, […] while an EU regulation can result in a weak degree of harmonization, if it contains many options or derogation rules” (p. 48).


27      Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et (C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, fir-rigward ta’ li preċedentement kien l-oġġett ta’ direttiva, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducente (C‑316/10, EU:C:2011:863, punt 42) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “l-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-annimali fit-trasport issa tinsab f’regolament ma jfissirx neċessarjament li kull miżura nazzjonali li tapplika dan ir-regolament hija attwalment ipprojbita”.


28      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 1971, Rheinmühlen Düsseldorf (6/71, EU:C:1971:100).


29      Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li Stat Membru li għażel li ma jeżerċitax fakultà offruta minn regolament ma jiksirx l-Artikolu 288 TFUE: ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Imtech Marine Belgium (C‑300/14, EU:C:2015:825, punti 27 sa 31). Ara wkoll, fir-rigward ta’ regolament li jistabbilixxi restrizzjonijiet għall-esportazzjoni li l-Istati Membri jistgħu jagħtu jew jirrifjutaw li jagħtu, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 1971, Rheinmühlen Düsseldorf (6/71, EU:C:1971:100).


30      Ara dwar dawn il-klawżoli tal-ftuħ, Wagner, J., u Benecke, A., “National Legislation within the Framework of the GDPR, Limits and Opportunities of Member State Data Protection Law”, European Data Protection Law Review, Lexxion, Berlin, Vol. 2, Ħarġa 3, 2016, p. 353 sa 361.


31      Ara b’mod partikolari, l-Artikoli 51 u 84 tar-Regolament 2016/679.


32      Ara b’mod partikolari, l-Artikolu 6(2) u (3), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1), kif ukoll l-Artikoli 85 sa 89 tar-Regolament 2016/679.


33      Ara f’dan ir-rigward, Mišćenić, E., u Hoffmann, A.-L., op. cit., li josservaw li “[d]espite the initial idea of achieving a high level of harmonization by introducing uniform rules for all Member States by means of an EU regulation, […] the GDPR allows diverging solutions in many of its aspects. In doing so, it creates further inconsistencies between the legal solutions at the level of Member States, thereby contributing to legal uncertainty for those affected by its rules. More than 69 opening clauses […] open up space for different legal solutions, interpretations, and, eventually, application in practice. Opening clauses also affect the legal nature and level of harmonization of the GDPR, which is very often described by legal scholars as a directive wearing the suit of a regulation” (p. 50 u 51).


34      Id-Direttiva 95/46 kienet tipprovdi biss, fl-Artikolu 28(4) tagħha, il-possibbiltà li assoċjazzjoni tkun responsabbli milli tressaq ilment quddiem awtorità superviżorja għan-nom ta’ persuna li tilmenta minn preġudizzju tad-drittijiet tagħha fil-kuntest ta’ pproċessar ta’ data personali.


35      Madankollu, bl-eċċezzjoni tal-azzjoni rappreżentattiva b’mandat sabiex jinkiseb kumpens f’isem suġġetti tad-data li tibqa’ fakultattiva għall-Istati Membri.


36      Ara b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter (C‑316/10, EU:C:2011:863, punt 43).


37      Ara Pato, A., “The National Adaptation of Article 80 GDPR: Towards the Effective Private Enforcement of Collective Data Protection Rights”, National Adaptations of the GDPR, Blogdroiteuropen, Collection Open Access Book, Lussemburgu, 2019, p. 98 sa 106. Skont din l-awtriċi, “[t]he number of actors who potentially have standing to sue is broad” u “[c]onsumer associations will usually meet those requirements easily” (p. 99).


38      Korsiv miżjud minni. Skont din l-istess dispożizzjoni, “persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika”. Kif jirrileva Martial‑Braz, N., “Le champ d’application du RGPD”, fi Bensamoun, A., u Bertrand, B., Le règlement général sur la protection des données, Aspects institutionnels et matériels, Mare et Martin, Pariġi, 2020, p. 19 sa 33, “in-natura identifikabbli tinftiehem b’mod wiesa’ ħafna peress li l-kriterju ta’ identifikazzjoni tal-persuna jestendi għall-mezzi kollha li jistgħu raġonevolment jiġu implimentati sabiex tiġi identifikata l-persuna” (p. 24). Ara b’mod partikolari, dwar il-kunċett ta’ “persuna identifikabbli”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2016, Breyer (C‑582/14, EU:C:2016:779).


39      Ara Boehm, F., “Artikel 80 Vertretung von betroffenen Personen”, fi Simitis, S., Hornung, G., u Spiecker Döhmann, I., Datenschutzrecht, DSGVO mit BDSG, Nomos, Baden-Baden, 2019, b’mod partikolari, punt 13.


40      Ara Frenzel, E. M., “Art. 80 Vertretung von betroffenen Personen”, fi Paal, B. P., u Pauly, D. A., Datenschutz-Grundverordnung, Bundesdatenschutzgesetz, it-tielet edizzjoni, C.H. Beck, Munich, 2021, b’mod partikolari punt 11, kif ukoll Kreße, B., “Artikel 80 Vertretung von betroffenen Personen”, fi Sydow, G., Europäische Datenschutzverordnung, tt-tieni edizzjoni, Nomos, Baden-Baden, 2018, b’mod partikolari punt 13.


41      Ara Moos, F., u Schefzig, J., “Art. 80 Vertretung von betroffenen Personen”, fi Taeger, J., u Gabel, D., Kommentar DSGVO – BDSG, it-tielet edizzjoni, Deutscher Fachverlag, Frankfurt am Main, 2019, b’mod partikolari punt 22.


42      Ara b’mod partikolari, fir-rigward ta’ klawżoli abbużivi f’kuntratti konklużi bejn professjonisti u konsumaturi, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 29).


43      Ara l-premessa 33 kif ukoll l-Artikolu 8(3)(a) tad-Direttiva 2020/1828, li jipprovdi li “[l]-entità kwalifikata m’għandhiex tkun meħtieġa tagħti prova […] tat-telf jew dannu reali min-naħa tal-konsumaturi individwali affettwati mill-ksur kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)”. Barra minn hekk, minkejja li l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva jimponi li l-entità kwalifikata tipprovdi lill-qorti jew lill-awtorità amministrattiva “biżżejjed informazzjoni dwar il-konsumaturi kkonċernati mill-azzjoni rappreżentattiva”, mill-premessa 34 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din l-informazzjoni, li l-livell tad-dettall tagħha jista’ jvarja skont il-miżura mitluba mill-entità kwalifikata, ma tipprevedix l-identifikazzjoni ta’ konsumaturi individwali affettwati mill-ksur inkwistjoni, iżda pjuttost informazzjoni bħall-post fejn seħħ l-avveniment dannuż jew l-indikazzjoni tal-grupp ta’ konsumaturi kkonċernati mill-azzjoni rappreżentattiva (ara wkoll, il-premessa 65 tad-Direttiva 2020/1828). Barra minn hekk, nirrileva li anki meta l-azzjoni rappreżentattiva tkun intiża għall-miżuri ta’ rimedju, il-premessa 49 tad-Direttiva 2020/1828 tindika li “[l]-entità kwalifikata ma tkunx meħtieġa tidentifika individwalment kull konsumatur ikkonċernat mill-azzjoni rappreżentattiva biex tiġi istitwita l-azzjoni rappreżentattiva”. Ara f’dan ir-rigward, Gsell, B., op. cit., b’mod partikolari p. 1370.


44      Ara l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2020/1828.


45      Ara l-premessa 3 tad-Direttiva 2009/22 li tippreċiża li l-azzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huma intiżi għall-protezzjoni tal-“interessi kollettivi tal-konsumaturi”, li huma ddefiniti bħala “interessi li ma jinkludux [biss] l-akkumulazzjoni ta’ interessi ta’ individwi li ġralhom xi ħsara minħabba ksur ta’ liġi”. Fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2020/1828, il-kunċett ta’ “interessi kollettivi tal-konsumaturi” huwa ddefinit bħala “l-interess ġenerali tal-konsumaturi u, b’mod partikolari għall-finijiet ta’ miżuri ta’ rimedju, l-interessi ta’ grupp ta’ konsumaturi”.


46      Korsiv miżjud minni.


47      Ara Helberger, N., Zuiderveen Borgesius, F., u Reyna, A., “The Perfect Match? A Closer Look at the Relationship Between EU Consumer Law and Data Protection Law”, Common Market Law Review, Vol. 54, Ħarġa 5, Kluwer Law International, Alphen ann den Rijn, 2017, p. 1427 sa 1465, li jirrilevaw li “[o]ne feature that unites consumer law and data protection law is the pivotal role of information as a means to mitigate information asymmetries and to empower the individual” (p. 1437).


48      Ara Neun, A., u Lubitzsch, K., “Die neue EU-Datenschutz-Grundverordnung – Rechtsschutz und Schadensersatz”, Betriebs-Berater, Deutscher Fachverlag, Frankfurt am Main, 2017, p. 2563 sa 2569, b’mod partikolari p. 2567.


49      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et (C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 45).


50      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et (C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 91).


51      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Fashion ID (C‑40/17, EU:C:2018:1039, punt 33).


52      Għal eżempji ta’ azzjonijiet mibdija minn assoċjazzjonijet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi, ara Helberger, N., Zuiderveen Borgesius, F., u Reyna, A., op. cit., b’mod partikolari p. 1452 u 1453.


53      Ara dwar il-kumplimentarjetà bejn l-azzjonijiet relattivi għall-protezzjoni tad-data personali u dawk li jirrigwardaw il-waqfien ta’ prattiki kummerċjali żleali, van Eijk, N., Hoofnagle, C. J., u Kannekens, E., “Unfair Commercial Practices: A Complementary Approach to Privacy Protection”, European Data Protection Law Review, Lexxion, Berlin, Vol. 3, Ħarġa 3, 2017, p. 325 sa 337, li jirrilevaw li “[t]hrough applying rules on unfair commercial practices, the enforcement of privacy issues could become more effective” (p. 336).


54      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattika Kummerċjali Żleali”) (ĠU 2005, L 149, p. 22). Ara d-dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni – Linji gwida dwar l-implimentazzjoni/l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE relattiva għall-prattiki kummerċjali żleali li jakkumpanja d-dokument: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u Lill-Kumitat tar-Reġjuni Approċċ kompresiv għall-istimolu ta’ kummerċ elettroniku transfruntier għaċ-ċittadini u n-negozji tal-Ewropa [SWD(2016) 163 final], b’mod partikolari l-punt 1.4.10, p. 26 sa 31. Hawnhekk, il-Kummissjoni tagħti importanza lin-neċessità ta’ pproċessar leali tad-data, li jimplika li s-suġġett tad-data jingħata għadd ta’ informazzjoni rilevanti, b’mod partikolari dwar l-iskopijiet tal-ipproċessar tad-data inkwistjoni (p. 28). Il-Kummissjoni tindika wkoll li “[l]-ksur, minn professjonist, tad-Direttiva [95/46] jew tad-Direttiva [2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514)] mhux dejjem jimplika fih innifsu li l-prattika nnifisha tikser ukoll id-[Direttiva 2005/29]”. Madankollu, skont il-Kummissjoni, “tali ksur tal-protezzjoni tad-data għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura żleali ġenerali tal-prattiki kummerċjali fir-rigward tad-[Direttiva 2005/29], b’mod partikolari meta l-professjonist jipproċessa d-data tal-konsumaturi bi ksur tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni tad-data, pereżempju għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta jew għal kwalunkwe finijiet oħra kummerċjali bħall-istabbiliment ta’ profili, prezzijiet personalizzati jew applikazzjonijiet ta’ megadata” (p. 30).


55      Ara b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, Helberger, N., Zuiderveen Borgesius, F., u Reyna, A., op. cit., li jirrilevaw li “data protection law and consumer law could apply in parallel, and could ideally complement each other and offer a sufficiently diverse toolbox of rights and remedies to provide a high level of protection of consumers in digital markets” (p. 1429). Ara wkoll, van Eijk, N., Hoofnagle, C. J., u Kannekens, E., op. cit., b’mod partikolari p. 336. Għal eżempju tal-kumplimentarjetà bejn ir-regoli relattivi għall-protezzjoni tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u r-regoli li jipprojbixxu l-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi vis-à-vis il-konsumaturi, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża StWL Städtische Werke Lauf a.d. Pegnitz (C‑102/20, EU:C:2021:518).


56      Ara Martial-Braz, N., op. cit., b’mod partikolari p. 23.


57      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et (C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 44).


58      Ara l-premessa 14 tad-Direttiva 2020/1828 li tipprovdi li hija “tipproteġi biss l-interessi ta’ persuni fiżiċi li jkunu ġarrbu ħsara [permezz tal-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni previsti fl-Anness I] jew li tista’ ssirilhom ħsara minn dawk il-każijiet ta’ ksur jekk dawk il-persuni huma konsumaturi taħt din id-Direttiva”.