Language of document : ECLI:EU:T:2013:188

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

12 ta’ April 2013 (*)

“ Kompetizzjoni – Akkordji – Drittijiet tal-awtur dwar l-eżekuzzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet mużikali bl-internet, bis-satellita u bit-trażmissjoni mill-ġdid bil-cable – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Tqassim tas-suq ġeografiku – Ftehimiet bilaterali bejn is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva nazzjonali – Prattika miftiehma li teskludi l-possibbiltà li jingħataw liċenzji multiterritorjali u multirepertorjali – Prova – Preżunzjoni ta’ innoċenza ”

Fil-Kawża T‑442/08,

International Confederation of Societies of Authors and Composers (CISAC), stabbilita fi Neuilly-sur-Seine (Franza), irrappreżentata minn J.-F. Bellis u K. Van Hove, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

European Broadcasting Union (EBU), stabbilita fi Grand-Saconnex (l-Isvizzera), irrappreżentata minn D. Slater, solicitor, u D. Waelbroeck, avukat,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u A. Biolan, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3435 finali, tas-16 ta’ Lulju 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C2/38.698 – CISAC),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, S. Soldevila Fragoso u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara l-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tad-19 ta’ Ottubru 2011 u tal-4 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

1        Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3435 finali, tas-16 ta’ Lulju 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C2/38.698 – CISAC) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ amministrazzjoni ta’ drittijiet ta’ eżekuzzjoni pubblika ta’ xogħlijiet mużikali kif ukoll tal-għoti ta’ liċenzji korrispondenti f’dak li jirrigwarda biss il-metodi ta’ użu bl-internet, bis-satellita u r-ritrażmissjoni bil-kejbil. Din hija indirizzata lil 24 soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva stabbiliti fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (iktar ’il quddiem is-“SAK”).

2        Is-SAK jamministraw id-drittijiet li għandhom l-awturi (kittieba tal-lirika u l-kompożituri) fuq ix-xogħlijiet mużikali li huma ħalqu. Dawn id-drittijiet ġeneralment jinkludu d-dritt esklużiv ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ projbizzjoni mill-użu ta’ xogħlijiet protetti. Dan huwa b’mod partikolari l-każ f’dak li jirrigwarda d-drittijiet ta’ eżekuzzjoni pubblika. SAK tikseb dawn id-drittijiet jew b’trasferiment dirett mingħand dawk li għandhom id-dritt oriġinali, jew b’trasmissjoni mingħand SAK oħra li tamministra l-istess kategoriji ta’ drittijiet fi pajjiż ieħor u tipprovdi f’isem il-membri tagħha liċenzji ta’ użu lill-utenti kummerċjali, bħall-impriżi ta’ xandir jew l-organizzazzjonijiet ta’ spettaklu (iktar ’il quddiem l-“utenti”).

3        L-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur timplika li kull SAK għandha tiżgura li kull persuna li għandha d-dritt tirċievi remunerazzjoni dovuta lilha għall-użu ta’ xogħolha, irrispettivament mit-territorju li fuqhom iseħħ dan l-użu, u għandha tara li ma jseħħ ebda użu mhux awtorizzat ta’ xogħlijiet protetti.

4        Ir-rikorrenti, l-International Confederation of Societies of Authors and Composers (CISAC), hija organizzazzjoni mhux governattiva mingħajr skop ta’ lukru taħt id-dritt Franċiż, għandha personalità ġuridika u wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħha huwa li tippromwovi r-rappreżentazzjoni reċiproka bejn is-SAK fid-dinja kollha.

5        F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti fasslet kuntratt mudell mhux vinkolanti, fejn l-ewwel verżjoni tmur lura għall-1936, li ġiet emendata bosta drabi u għandu jiġi komplut mis-SAK kontraenti, b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni tat-territorju ta’ applikazzjoni (iktar ’il quddiem il-“kuntratt mudell”). Fuq il-bażi tal-kuntratt mudell, is-SAK ikkonkludew ftehim ta’ rappreżentanza reċiproka li permezz tagħhom huma reċiprokament jagħtu d-dritt li jinħarġu l-liċenzji (iktar ’il quddiem l-“FRR”). L-FRR ikopru mhux biss l-eżerċizzju tad-drittiijet għall-applikazzjonijiet tradizzjonali msejħa “off-line” (kunċerti, radju, diskoteki, eċċ), iżda wkoll l-użu permezz tal-internet, tas-satellita jew ir-ritrażmissjoni bil-kejbil.

A –  Il-proċedura amministrattiva

6        Fl-2000, RTL Group SA, grupp ta’ xandir bir-radju u bit-televiżjoni, ressaq quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ilment kontra SAK li hija membru tar-rikorrenti biex jikkritika r-rifjut minn din tal-aħħar li tagħtih, għall-attivitajiet tiegħu ta’ xandir mużikali bir-radju, liċenzja fuq livell Komunitarju. Fl-2003, Music Choice Europe Ltd, li tipprovdi servizzi ta’ xandir bir-radju u ta’ televiżjoni fuq l-internet, ressqet it-tieni lment, dirett kontra r-rikorrenti u li jikkonċerna l-kuntratt mudell. Dawn l-ilmenti wasslu lill-Kummissjoni biex tiftaħ proċedura skont ir-regoli tal-kompetizzjoni.

7        Fil-31 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti u lis-SAK (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”), li permezz tagħha huma ngħataw terminu ta’ xahrejn biex iwieġbu, li ġie osservat mir-rikorrenti.

8        Ir-rikorrenti u l-parti l-kbira tas-SAK instemgħu mill-Kummissjoni matul is-seduta li saret fl-14, fil-15 u fis-16 ta’ Ġunju 2006.

9        Matul ix-xahar ta’ Marzu 2007, ir-rikorrenti u 18-is SAK pproponew lill-Kummissjoni impenji taħt l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), li ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 27(4) tal-istess regolament(ĠU C 128, p. 12) (iktar ’il quddiem l-“impenji proposti”).

10      Fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li, fid-dawl tal-osservazzjonijiet riċevuti, l-impenji proposti ma jissodisfawx b’mod adegwat il-problemi ta’ kompetizzjoni mqajma fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

B –  Il-klawżoli tal-kuntratt mudell ikkonċernati

11      Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda b’mod partikolari l-klawżoli previsti, tal-inqas matul ċertu perijodu, mill-kuntratt mudell dwar, minn naħa, is-sħubija tal-persuni li għandhom dritt fis-SAK (iktar ’il quddiem il-“ klawżoli ta’ sħubija”) u, min-naħa l-oħra, in-natura esklużiva tal-mandati li s-SAK jagħtu reċiprokament lilhom infushom fl-FRR kif ukoll il-portata territorjali tagħhom.

12      Fir-rigward tal-klawżola ta’ sħubija, l-Artikolu 11(2) tal-kuntratt mudell kien jistabbilixxi, sat-3 ta’ Ġunju 2004, li s-SAK setgħu jaċċettaw bħala membru awtur diġà msieħeb fi SAK oħra, jew li għandu n-nazzjonalità ta’ wieħed mill-pajjiżi li fih SAK oħra teżerċita l-attività tagħha, biss taħt ċerti kundizzjonijiet (premessi 18 sa 21 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata). Ma jistax jiġi eskluż li ċerti FRR għadhom jinkludu sal-lum tali klawżola (premessi 35, 125 u 260 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fir-rigward tan-natura esklużiva tal-mandati u l-portata territorjali tagħhom, l-ewwel nett, l-Artikolu 1(1) u (2) tal-kuntratt mudell kien jistabbilixxi, sa’ Mejju 1996, li SAK waħda tagħti lill-oħra, b’mod reċiproku, dritt esklużiv, fuq it-territorji li fihom din tal-aħħar kienet topera, ta’ għoti tal-awtorizzazzjonijiet meħtieġa għal kull eżekuzzjoni pubblika (iktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ esklużività”). It-tieni nett, l-Artikolu 6 tal-kuntratt mudell jistieden, fil-paragrafu 1 tiegħu, lis-SAK biex jiddefinixxu t-territorji ta’ eżerċizzju rispettivi tagħhom, mingħajr ma jipprovdi preċiżazzjonijiet f’dan ir-rigward. Il-paragrafu 2 tal-istess artikolu jistabbilixxi li kull SAK għandha trażżan lilha nnifisha, fit-territorji tal-oħra, minn kull indħil fl-eżerċizzju minn din tal-aħħar tal-mandat mogħti lilha (iktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ nuqqas ta’ ndħil”) (premessi 22 sa 25 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Is-SAK japplikaw l-Artikolu 6(1) tal-kuntratt mudell b’mod li jintroduċu fih restrizzjonijiet territorjali, b’mod li l-kopertura ġeografika tal-liċenzji konċessi minn soċjetà partikolari hija, ħlief għal xi eċċezzjonijiet żgħar, limitata għat-territorju tal-pajjiż taż-ŻEE li fih din hija stabbilita (iktar ’il quddiem ir-“restrizzjonijiet territorjali nazzjonali”) (premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      L-elementi pprovduti mis-SAK matul il-proċedura amministrattiva ma ppermettitx lill-Kummissjoni li tikkonkludi b’ċertezza, minn naħa, li 17 minn dawn tal-aħħar effettivament u kompletament neħħew il-klawżola ta’ esklużività tal-FRR tagħhom u, min-naħa l-oħra, li s-SAK kollha effettivament u totalment neħħew il-klawżola ta’ nuqqas ta’ ndħil mill-imsemmija ftehimiet (premessi 37 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata).

C –  Is-swieq ikkonċernati

16      L-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur ikkonċernata mill-kuntratt mudell tiġbor fiha t-tliet swieq tal-prodotti segwenti: l-ewwel nett, il-provvista ta’ servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur tal-persuni li għandhom dritt, it-tieni nett, il-provvista ta’ servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur lis-SAK oħra u, it-tielet nett, il-ħruġ ta’ liċenzji li jkopru d-drittijiet ta’ eżekuzzjoni pubblika lill-utenti għall-użu bl-internet, bis-satellita u r-ritrażmissjoni bil-kejbil (premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Mill-perspettiva ġeografika, l-ewwel suq huwa ta’ portata nazzjonali, iżda, fl-assenza ta’ restrizzjonijiet ta’ sħubija, huwa jista’ jkun usa’ (premessi 58 u 59 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      It-tieni suq, min-naħa tiegħu, jikkonċerna aspett nazzjonali filwaqt li jinkludi elementi transkonfinali. Peress li l-attivitajiet ta’ trażmissjoni bl-internet ma humiex limitati għal pajjiż wieħed taż-ŻEE, l-impriżi ta’ dawn is-setturi jeħtieġu liċenzji multiterritorjali li l-SAK jistgħu joħorġu fl-assenza ta’ restrizzjonijiet li jinsabu fl-FRR. Bl-istess mod, għat-trażmissjoni bis-satellita u r-ritrażmissjoni bil-kejbil, kull SAK stabbilita fiż-żona tas-satellita tista’ toħroġ liċenzji li jkopru t-totalità ta’ din iż-żona (premessi 60 sa 62 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Fl-aħħar nett, għalkemm storikament it-tielet suq kien ġie ddefinit bħala li għandu portata nazzjonali minħabba l-ħtieġa ta’ sorveljar lokali, dan mhux neċessarjament japplika għall-operat bl-internet, bis-satellita u għar-ritrażmissjoni bil-kejbil, peress li s-sorveljar mill-bogħod huwa possibbli għal dawn l-oqsam (premessi 63 u 64 tad-deċiżjoni kkontestata).

D –  L-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE

1.     Il-klawżoli ta’ sħubija, ta’ esklużività u ta’ nuqqas ta’ ndħil

20      L-ewwel nett, għall-finijet ta’ din il-kawża, il-klawżola ta’ sħubija tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE (premessi 123 sa 137 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      It-tieni nett, wara evalwazzjoni tal-klawżola ta’ esklużività u tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ ndħil, jidher li l-klawżola ta’ esklużività għandha bħala effett li ssakkar is-suq nazzjonali tas-SAK li jibbenefikaw mill-esklużività, sa fejn l-ebda SAK ma tista’ toħroġ liċenzja fuq it-territorju nazzjonali ta’ SAK oħra. Skont il-Kummissjoni, hija saħansitra eskluża l-possibbiltà li SAK toħroġ direttament lil utent liċenzja li tkopri biss r-repertorju tagħha għal eżekuzzjonijiet li jseħħu fit-territorju nazzjonali ta’ SAK oħra (iktar ’il quddiem il-“liċenzja diretta”).

22      Fir-rigward tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ ndħil, il-Kummissjoni tfakkar li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija essenzjalment qieset li din tinforza l-klawżola ta’ esklużività. Wara l-osservazzjonijiet ta’ ċerti SAK, li jipprovdu li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ indħil ma twaqqafx il-ħruġ ta’ liċenzji diretti, u fid-dawl tal-fatt li ċerti FRR kienu ġew emendati biex ineħħu l-imsemmija klawżola, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tintervjenix fuq din id-dispożizzjoni tal-kuntratt mudell (premessi 138 sa 152 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.     Il-prattika miftiehma dwar ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali

23      Skont il-Kummissjoni, ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali huma r-riżultat ta’ prattika miftiehma li tnaqqas il-kompetizzjoni (premessi 154 u 155 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Fil-fatt, ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali ma jistgħux jiġu spjegati sempliċement permezz tal-aġir awtonomu li joriġina mill-forzi tas-suq. Għalhekk, is-SAK ssostitwixxew il-kooperazzjoni bejniethom minflok ir-riskji tal-kompetizzjoni sabiex jiżguraw, sa ċertu punt, li l-imsemmija restrizzjonijiet jiġu mhux biss aċċettati b’mod reċiproku mis-SAK l-oħra, iżda wkoll implementati fl-FRR kollha (premessi 156 u 157 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Ir-raġuni ta’ din iċ-ċertezza tinsab fid-dipendenza reċiproka li teżisti bejn is-SAK, b’mod partikolari fil-qasam tal-applikazzjonijiet off line, li jeħtieġu netwerks ta’ sorveljanza lokali. Fir-rigward tal-ħruġ ta’ liċenzji u l-ġbir tad-dħul Barra l-pajjiż, kull SAK għandha għalhekk tħallas lill-oħrajn u għalhekk hija esposta għal miżuri ta’ retorsjoni fl-ipoteżi li, fil-qasam tad-drittijiet online, hija ma tkunx tixtieq iżżomm it-tqassim storiku tas-suq (premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Skont il-Kummissjoni, l-eżistenza ta’ prattika miftiehma tirriżulta minn numru ta’ elementi.

27      L-ewwel nett, il-Kummissjon tenfasizza li s-SAK iddiskutew dwar l-uniformizzazzjoni tal-kuntratti mudelli tagħhom fil-kuntest tal-attivitajiet tar-rikorrenti (premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      It-tieni nett, il-Ftehim ta’ Santjago (iċ-Ċili), innotifikat minn bosta SAK lill-Kummissjoni sabiex jiksbu eżenzjoni abbażi tal-Artikolu 81(3) KE, juri li l-kwistjoni dwar il-portata territorjali tal-mandati msemmija mill-FRR, b’mod partikolari dawk li jkopru l-forom ta’ operat ġodda, kienet is-suġġett ta’ diskussjonijiet multilaterali bejn is-SAK. Dan il-ftehim, li permezz tiegħu s-SAK impenjaw ruħhom li joħorġu liċenzji dinjija, iżda biss lill-utenti stabbiliti fit-territorju nazzjonali tagħhom, ma ġġeddidx meta skada fl-aħħar tas-sena 2004, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta mill-Kummissjoni lis-SAK fil-kuntest tal-proċedura intiża li tikseb l-eżenzjoni msemmija iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet Santjago”), fatt li seta’ jwassal biex jerġa’ jkun hemm ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li l-abbandun tal-Ftehim ta’ Santjago juri l-fatt li s-SAK kienu jikkoordinaw sew l-aġir tagħhom f’dak li jirrigwarda l-portata tal-liċenzji għall-użu bl-internet (premessi 158 u 169 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      It-tielet nett, il-paralleliżmu tal-aġir dwar ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali għandu jiġi evalwat fid-dawl tas-sitwazzjoni preċedenti, li fiha l-FRR kienu jinkludu klawżola ta’ esklużività. Issa, il-fatt li ma seħħet ebda bidla fl-aġir dwar l-imsemmija restrizzjonijiet wara t-tneħħija tal-klawżola ta’ esklużività jikkostitwixxi indizju ta’ prattika miftiehma. Madankollu, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata tirrikonoxxi li tali ma huwiex il-każ meta jkun hemm raġunijiet oħra li jistgħu juru li t-tqassim tas-suq huwa r-riżultat ta’ aġir individwali (premessa 170 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ tali raġunijiet f’dan il-każ, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li, filwaqt li taċċetta li d-drittijiet tal-awtur u l-portata tal-protezzjoni tagħhhom huma ddefiniti bil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, dan il-fatt ma jwassalx għall-konsegwenza li l-liċenzji dwar pajjiż partikolari għandhom jinħarġu mis-SAK nazzjonali. F’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha fuq it-teżi dwar il-Ftehim ta’ Santjago (premessi 159 u 160 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      It-tieni nett, il-Kummissjon tinnega li l-qafas leġiżlattiv fil-qasam, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta’ Settembru 1993, dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 134), jiġġustifika l-aġir tas-SAK f’dak li jirrigwarda t-trażmissjoni bis-satellita. Fil-fatt, l-imsemmija direttiva sempliċement tiddetermina liema hija l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-użu permezz tas-satellita tax-xogħlijiet protetti, jiġifieri dik tal-pajjiż taż-ŻEE li fih is-sinjali li jwasslu l-programmi huma introdotti f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita u li tiġi lura lejn l-art.

32      Madankollu, id-Direttiva 93/83 ma tistabbilixxix li hija biss is-SAK stabbilita f’dan il-pajjiż taż-ŻEE li tista’ toħroġ il-liċenzji meħtieġa għal din il-forma ta’ użu tad-drittijiet tal-awtur. Barra minn hekk, din id-direttiva tistabbilixxi li l-att ta’ komunikazzjoni għandu jitqies bħala applikabbli esklużivament fl-imsemmi pajjiż, fejn l-utenti għandhom bżonn ta’ liċenzja biss għal l-aħħar pajjiż. Għalhekk, id-Direttiva 93/83 ġabet fix-xejn il-Ftehim ta’ Sydney (l-Awstralja), li permezz tiegħu, fl-1987, is-SAK kienu daħħlu fil-kuntratt mudell dispożizzjoni li tistabbilixxi li s-SAK stabbilita fil-pajjiż li fih is-sinjali li jġorru l-programmi jitilgħu lejn is-satellita kienet awtorizzata li toħroġ liċenzji għaż-żona kollha tas-satellita, jekk ikun il-każ, wara li tkun ikkonsultat jew tkun kisbet il-kunsens tas-SAK l-oħra kkonċernati (premessi 163 sa 165 tad-deċiżjoni kkontestata).

33      It-tielet nett, il-Kummissjoni tosserva li s-SAK għandhom differenzi sinjifikattivi fir-rigward tal-effiċjenza, tal-ispejjeż amministrattivi u tar-repertorji tagħhom. Għalhekk, jista’ jkun interessanti għal waħda minnhom li tagħti mandat lil SAK li tikseb riżultati partikolarment pożittivi biex toħroġ liċenzji li jkopru territorju usa’ minn dak li fih din tal-aħħar hija stabbilita, jew li tagħti mandat lil iktar minn SAK waħda f’ċerti reġjunijiet, sabiex iżżied ix-xandir tar-repertorju tagħha, u, bl-istess mod, ir-remunerazzjoni tal-awturi tagħha (premessi 167 u 168 tad-deċiżjoni kkontestata).

34      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tosserva li, id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda biss l-użu legali ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur (premessa 11), fejn il-ħtieġa ta’ sorveljanza lokali ma tispjegax ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali. Fil-fatt, għall-użu bl-internet, bis-satellita jew ir-ritrażmissjoni bil-kejbil, jeżistu soluzzjonijiet tekniċi li jippermettu li l-persuna li tirċievi l-liċenzja tiġi sorveljata anki jekk din tal-aħħar tintuża lil hinn mit-territorju nazzjonali tas-SAK jew jekk il-persuna li tirċievi l-liċenzja hija stabbilita lil hinn minn dan it-territorju. Is-SAK diġà implementaw prattiki ta’ ħruġ ta’ liċenzja, kif juri b’mod partikolari l-ħruġ ta’ liċenzji diretti, li jindikaw il-kapaċità tagħhom li jissorveljaw l-użu u l-utenti lil hinn mit-territorju nazzjonali tagħhom. Barra minn hekk, is-sistema preżenti ma hijiex ibbażata fuq il-prinċipju ta’ viċinanza mal-persuna li tirċievi l-liċenzja, sa fejn ir-restrizzjoni territorjali tal-mandat tfisser li kull SAK toħroġ liċenzji għall-użu tad-drittijiet fuq it-territorju ta’ attività tagħha, irrispettivament mir-residenza tal-persuna li tirċievi l-liċenzja (premessi 171 sa 174 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      Il-Kummissjoni tipprovdi mill-ewwel preċiżazzjonijiet fuq kull waħda mill-forom ta’ operat imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata fil-premessi 186 sa 199. B’mod partikolari, fir-rigward tal-internet, hija tirreferi għall-Ftehim Simulcast, li bbenefika minn eżenzjoni abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/300/KE, tat-8 ta’ Ottubru 2002, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C2/38.014 — IFPI “Simulcast”) (ĠU 2003, L 107, p. 58). Dan il-ftehim kien jippermetti lix-xandara bir-radju, li s-sinjali tagħhom jintbagħtu miż-ŻEE, li jikkuntatjaw lis-SAK kollha kontraenti f’dan il-ftehim sabiex jiksbu liċenzja multiterritorjali u multirepertorjali li tawtorizza x-xandir b’mod simulcast (trażmissjoni simultanja mill-istazzjonijiet tar-radju u tal-istazzjonijiet ta’ televiżjoni, permezz tal-intermedjarju tal-internet, ta’ reġistrazzjonijiet akustiċi inklużi s-sinjali akustiċi tagħhom jew televiżivi). Dan jgħodd ukoll għal ftehim ieħor, il-Ftehim Webcasting (premessa 191 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirreferi għall-mudell ta’ kooperazzjoni “nordiku u baltiku” (iktar ’il quddiem il-“mudell CNB”), li jippermetti lil utent li jikseb liċenzja multiterritorjali waħda għal użu online, li tkopri d-drittijiet ta’ riproduzzjoni mekkanika u dawk ta’ eżekuzzjoni pubblika, li tapplika għad-Danimarka, għall-Estonja, għal-Latvja, għal-Litwanja, għall-Finlandja, għall-Isvezja, għall-Islanda u għan-Norveġja (premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssemmi l-fatt li, f’Jannar 2006, is-SAK Ġermaniża u tar-Renju Unit, il-Gesellschaft für musikalische Aufführungs- und mechanische Vervielfältigungsrechte (GEMA) u l-Performing Right Society Limited (PRS), ħolqu impriża komuni CELAS, li sservi ta’ uffiċċju uniku fuq livell pan-Ewropew għall-ħruġ ta’ liċenzji dwar id-drittijiet online u mobbli fuq ir-repertorji Anglo-Amerikani ta’ ċertu editur (premessa 193 tad-deċiżjoni kkontestata).

38      L-eżistenza ta’ dawn il-ftehimiet turi li l-preżenza fil-post ma hijiex meħtieġa (premessa 190 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li, fil-każ li l-kontroll magħmul mingħajr preżenza fil-post kien juri li hemm ksur li jeħtieġ proċeduri legali jew fil-każ li kien hemm bżonn li jsiru verifiki tal-kontijiet fuq il-post, huwa possibbli li SAK li tkun ħarġet liċenzja li tkopri territorju differenti minn dak tal-Istat Membru ta’ stabbiliment tiegħu jgħaddi dawn il-kompiti lil persuna oħra, bħal pereżempju SAK lokali, li għandha preżenza fil-post u l-għarfien meħtieġ tas-sistema legali tal-pajjiż ikkonċernat (premessi 177 u 178 tad-deċiżjoni kkontestata).

39      Wara li pprovdiet dawn l-elementi bil-għan li turi li r-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali li jinsabu fl-FRR setgħu jiġu spjegati biss bil-preżenza ta’ prattika miftiehma, il-Kummissjoni tammetti li, f’sitwazzjonijiet partikolari, id-deċiżjoni li ma jingħatax id-dritt ta’ ħruġ ta’ liċenzji lil hinn mit-territorju li fih SAK hija stabbilita tista’ tirriżulta mill-fatt li SAK oħra ma jkollix il-kapaċitajiet tekniċi li jippermettulha li tiżgura sorveljanza u kontroll effikaċi jew mill-fatt li s-sistema legali ta’ pajjiż taż-ŻEE għandha tali karatteristiċi li s-soċjetà nazzjonali tintgħażel fil-mument tal-għażla tal-mandatarju, minħabba, pereżempju, l-eventwali statut partikolari tagħha fl-azzjonijiet ġudizzjarji quddiem qrati nazzjonali. Restrizzjoni territorjali li tirriżulta mill-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatturi normalment ma tikkostitwixxix prattika miftiehma li tnaqqas il-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, il-prattika sistematika ta’ restrizzjonijiet territorjali nazzjonali fl-FRR kollha tista’ tiġi spejgata biss permezz ta’ dawn il-fatturi (premessi 182 u 183 tad-deċiżjoni kkontestata).

40      Peress illi kkonkludiet li l-aġir tas-SAK kien jikkostitwixxi prattika miftiehma, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni dwar jekk din il-prattika tnaqqasx il-kompetizzjoni. Hija kkunsidrat li dan kien il-każ, għaliex din il-prattika kienet tiggarantixxi li kull SAK kienet l-unika waħda li setgħet toħroġ lill-utenti liċenzji multirepertorjali marbuta mal-pajjiż ta’ stabbiliment tagħha fi ħdan iż-ŻEE (premessi 207 sa 209 tad-deċiżjoni kkontestata).

41      Ir-riżultat ta’ dan huwa li kull SAK tista’ toħroġ kont għall-ispejjeż amministrattivi għall-amministrazzjoni tad-drittijiet u għall-ħruġ ta’ liċenzji mingħajr ma tbati ebda pressjoni kompetittiva minn soċjetajiet oħra fir-rigward ta’ dawn l-ispejjeż. Din l-assenza ta’ kompetizzjoni jista’ jkollha konsegwenzi negattivi anki fir-rigward tal-awturi, li d-dħul tagħhom jista’ jvarja skont liema soċjetà tamministra d-drittijiet tagħhom (premessi 134 u 210 tad-deċiżjoni kkontestata).

42      Bħala tweġiba għall-argument, imqajjem minn ċerti SAK fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li jipprovdi li l-kompetizzjoni bejn is-SAK twassal għal tnaqqis fid-dħul riċevut mill-persuni li għandhom dritt, il-Kummissjoni sostniet, billi tirreferi għad-Deċiżjoni 2003/300, li l-Artikolu 81(3) KE kien jippermetti l-iżvilupp ta’ mekkaniżmu tariffarju li huwa kapaċi li jillimita l-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet tal-liċenzji għall-ispejjeż amministrattivi, mingħajr ma jkun hemm effett fuq ir-remunerazzjoni tal-persuni li għandhom dritt. Fi kwalunkwe każ, is-SAK mandatarja tista’ sempliċement tiddefinixxi livell ta’ dħul għar-repertorju tagħha fil-konfront ta’ SAK oħrajn li joħorġu liċenzji għal Barra. Għalhekk, hija tirċievi prezz bl-ingrossa għar-repertorju tagħha filwaqt li tippermetti lis-SAK li joħorġu liċenzji fuq dan ir-repertorju li jikkompetu fuq il-marġni li huma jżiedu fuq dan il-prezz bl-ingrossa (premessi 217 sa 219 tad-deċiżjoni kkontestata).

43      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tressaq ’il quddiem il-fatt li ċerti emendi fis-sistema tariffarja jistgħu jinkoraġġixxu lis-SAK sabiex jikkompetu. Fil-fatt, tendenza reċenti tas-suq tikkonferma li jista’ jkun għaqli għall-persuni li għandhom dritt, u għalhekk ukoll għas-SAK, li jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom lil bosta SAK kompetituri. Grupp ta’ edituri ħabbru għalhekk l-intenzjoni tagħhom li jinnominaw bosta SAK li jkollhom is-setgħa li joħorġu lill-utenti liċenzji pan-Ewropej għall-użu tad-drittijiet mekkaniċi Anglo-Amerikani fuq ir-repertorju tagħhom għal użu online (premessa 220 tad-deċiżjoni kkontestata).

44      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni  C (2006) 4350, tal-4 ta’ Ottubru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C2/38.681 – Konvenzjoni li ttawwal il-Ftehim ta’ Cannes) (ĠU L 296, p. 27), dwar liċenzji marbuta mad-drittijiet mekkaniċi, li imponiet impenji vinkolanti li jistabbilixxu mekkaniżmu li jippermetti l-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali filwaqt li ggarantit li d-dħul tal-persuni li għandhom dritt mhux ser jonqsu, grazzi għall-iffissar ta’ rata uniformi miftiehma bejn is-SAK kollha, billi tippermetti ċerta kompetizzjoni permezz tal-introduzzjoni tal-possibbiltà, għas-SAK, li jipproponu skont massimu lis-soċjetajiet ta’ reġistrazzjoni, limitata għall-ispejjeż amministrattivi (premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata).

E –  Id-dispożittiv

45      Fuq il-bażi, b’mod partikolari, ta’ dawn il-premessi, u wara li kkonstatat li l-kummerċ bejn l-Istati Membri kien affettwat bil-ftehim bilaterali inkwistjoni u li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE u tal-Artikolu 53(3) tal-Ftehim ŻEE ma kinux ġew sodisfatti, il-Kummissjoni, mingħajr ma imponiet multa, iddeċidiet is-segwenti:

L-ewwel Artikolu

L-[24] impriża segwenti kisru l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi użaw, fil-ftehim tagħhom ta’ rappreżentazzjoni reċiproka, restrizzjonijiet ta’ sħubija li jinsabu fl-Artikolu 11 [paragrafu 2] tal-kuntratt mudell […] jew billi applikaw de facto dawn ir-restrizzjonijiet ta’ sħubija:

[…]

Artikolu 2

Is-[17]-il impriża segwenti kisru l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi taw, fil-ftehim tagħhom ta’ rappreżentazzjoni reċiproka, drittijiet esklużivi kif previst fl-Artikolu 1 [paragrafi  1 u 2], tal-kuntratt mudell

[…]:

[…]

Artikolu 3

L-[24] impriża segwenti kisru l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi kkoordinaw il-fruntieri territorjali b’mod li tiġi ristretta l-portata ta’ liċenzja għat-territorju nazzjonali ta’ kull [SAK] :

[…]

Artikolu 4

1.      L-impriżi msemmija fl-Artikoli 1 u 2 għandhom immedjatament itemmu, fil-każ li għandhom ma temmewx, il-ksur imsemmi f’dawn l-artikoli u jinformaw lill-Kummissjoni dwar kull miżura li huma ħadu għal dan il-għan.

2.      L-impriżi msemmija fl-Artikolu 3 għandhom itemmu, f’terminu ta’ 120 jum mid-data ta’ notifika ta’ din id-deċiżjoni, il-ksur imsemmi f’dan l-artikolu u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni, f’dan l-istess terminu, dwar kull miżura li huma ħadu għal dan il-għan.

B’mod partikolari, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jirrevedu b’mod bilaterali mal-impriżi l-oħra msemmija fl-Artikolu 3 l-portata territorjali tal-mandati tagħhom f’dak li jirrigwarda r-ritrażmissjoni bis-satellita u bil-kejbil u l-użu fuq l-internet f’kull wieħed minn dawn il-ftehim ta’ rappreżentazzjoni reċiproka, u għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni kopji tal-ftehim reeżaminati.

3.      Id-destinatarji ta’ din id-deċizjoni għandom jonqsu milli jwettqu minn issa ’l quddiem kwalunkwe att jew aġir spjegat fl-Artikoli 1, 2 u 3, kif ukoll kwalunkwe att jew aġir li għandu bħala għan jew effett identiku jew simili.

[…]”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

46      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.

47      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Jannar 2009, il-European Broadcasting Union (EBU), assoċjazzjoni ta’ xandir bir-radju u bit-televiżjoni li hija fost l-ikbar utenti, talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. It-talba ta’ interventi ġiet innotifikata lill-partijiet skont l-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u dawn ma qajmux oġġezzjonijiet.

48      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, abbażi tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-25 ta’ Frar 2009, hija talbet l-awtorizzazzjoni li jiġi inkluż fil-proċess ittra tar-rikorrenti tas-16 ta’ Frar 2009, li fiha din tal-aħħar kienet wieġbet għal talba għal informazzjoni li l-Kummissjoni kienet bagħtitilha, fit-30 ta’ Jannar 2009, fuq il-bażi tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (iktar ’il quddiem it-“talba għal informazzjoni tat-30 ta’ Jannar 2009”). B’deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2009, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ħareġ din l-awtorizzazzjoni.

49      Ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub kemm fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kif ukoll fuq l-ittra tas-16 ta’ Frar 2009 fit-termini stabbiliti.

50      Permezz tad-digriet tas-2 ta’ Ġunju 2009, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba tal-EBU sabiex tintervjeni f’din il-kawża.

51      Fit-13 ta’ Awwissu 2009, l-EBU ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha, li kienet tirrigwarda biss il-kwistjoni dwar l-ammissibbiltà, li dwarha l-partijiet prinċipali ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-termini stabbiliti.

52      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tas-22 ta’ Ottubru 2009, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ngħaqdet mal-mertu.

53      Il-proċedura bil-miktub, li, minbarra r-risposta, inkludiet in-nota ta’ intervent fuq il-mertu, ir-replika, il-kontroreplika u l-osservazzjonijiet tal-partijiet prinċipali fuq l-imsemmija nota ta’ intervent, ingħalqet fid-29 ta’ April 2010.

54      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali kienet inbidlet, l-Imħallef Relatur inħatar bħala President tas-Sitt Awla, u konsegwentement ġiet attribwita lilha l-kawża preżenti.

55      Wara r-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex iwieġbu bosta domandi. Huma biss il-partijiet prinċipali li wieġbu dawn it-talbiet.

56      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-19 ta’ Ottubru 2011.

57      Peress li l-Imħallef Relatur twaqqaf milli jifforma parti mill-kompożizzjoni ġudikanti, il-President tal-Qorti Ġenerali reġa’ qassam il-kawża lil Imħallef Relatur ieħor u ħatar, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, Imħallef ieħor sabiex is-Sitt Awla tiġi fformata b’mod komplut.

58      B’digriet tat-11 ta’ Jannar 2012, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla), fil-kompożizzjoni l-ġdida tagħha, fetħet il-proċedura orali mill-ġdid u l-partijiet ġew infurmati li kienu ser jinstemgħu waqt seduta ġdida.

59      Instemgħu mill-ġdid it-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali fis-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2012.

60      Konsegwentement, il-President tas-Sitt Awla ddeċieda li jagħlaq il-proċedura orali.

61      Ir-rikorrenti u l-EBU jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

62      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

A –  Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni

63      Peress li r-rikorrenti ma kinitx id-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi eżaminat jekk din id-deċiżjoni, u b’mod partikolari, l-Artikolu 3 tagħha, imsemmi fit-talba ta’ annullament tar-rikorrenti, tikkonċernahiex direttament u individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

64      Il-Kummissjoni tirrimarka li r-rikorrenti ma hijiex id-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata għaliex, fir-rigward tal-prattika miftiehma msemmija fl-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, ma hemmx provi biżżejjed biex jiġi konkluż li hija lagħbet rwol awtonomu fir-rigward tal-ksur u kellha rwol distint minn dak tal-membri tagħha, is-SAK. Peress li r-rikorrenti ma tqisitx bħala responsabbli għall-prattika miftiehma kkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata, hija ma hijiex, skont il-Kummissjoni, direttament u individwalment ikkonċernata mill-imsemmija deċiżjoni.

65      Fir-rigward b’mod partikolari tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti hijiex direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li ebda risposta affermattiva ma tista’ tirriżulta mill-fatt li din id-deċiżjoni tikkostitwixxi ndħil fir-rwol tagħha ta’ faċilitatriċi tal-attivitajiet tal-membri tagħha. Fil-fatt, minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata la kellha effett fuq il-kontenut tal-kuntratt mudell, la qiegħdet inkwistjoni l-eżistenza stess tal-FRR u lanqas il-possibbiltà li r-rikorrenti torganizza laqgħat li fil-kuntest tagħhom is-SAK jiddiskutu ċerti suġġetti; min-naħa l-oħra, kull emenda fl-FRR ma hijiex ir-riżultat immedjat ta’ din id-deċiżjoni, peress li s-SAK għandhom setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-għażla tal-modalitajiet li jipprovdu għat-tmiem tal-prattika miftiehma kkonstatata mill-Kummissjoni. Għalhekk, skont din tal-aħħar, din il-kawża ma għandhiex sitwazzjonijiet paragunabbli għal dawk li wasslu għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni(C‑386/96 P, Ġabra p. I‑2309), li fiha r-rikorrenti tqieset bħala direttament ikkonċernata mill-att inkwistjoni minħabba, b’mod partikolari, li d-destinatarji tal-imsemmi att ma kellhomx tali setgħa fir-rigward tal-implementazzjoni tiegħu.

66      Skont ġurisprudenza stabbilita l-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà ta’ rikors dwar l-interess dirett teħtieġ, l-ewwel nett, li l-miżura kkontestata toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti u, it-tieni nett, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura li huma inkarigati mill-implementazzjoni tagħha, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni kkontestata mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2004, Front national vs Il-Parlament, C‑486/01 P, Ġabra p. I‑6289, punt 34, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Ente per le Ville Vesuviane u Ente per le Ville Vesuviane vs Il-Kummissjoni, C‑445/07 P u C‑455/07 P, Ġabra p. I‑7993, punt 45).

67      F’dan ir-rigward, hija l-konsegwenza diretta tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-deċiżjoni kkontestata li s-SAK għandhom jirrevedu l-portata territorjali tal-mandati li jinsabu fl-FRR tagħhom, u dan b’mod bilaterali, jiġifieri lil hinn mill-kuntest tal-attivitajiet organizzati mir-rikorrenti. Minn dan is-segwi li, fir-rigward tan-natura bilaterali tan-negozjati, is-SAK ma għandhom l-ebda setgħa diskrezzjonali.

68      Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li l-kwistjoni dwar r-restrizzjonijiet territorjali tal-mandati reċiproċi kienet is-suġġett ta’ diskussjonijiet multilaterali bejn is-SAK fil-kuntest tal-attivitajiet tar-rikorrenti. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ ssostni biss, fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors, li d-deċiżjoni kkontestata ma taffettwax direttament ir-rikorrenti.

69      Din il-konklużjoni ma tqiegħedx inkwistjoni l-argument tal-Kummissjoni, li jipprovdi li r-risposta għat-talba għal informazzjoni tat-30 ta’ Jannar 2009 tikkonferma li r-rikorrenti ma hijiex direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, għaliex, f’din l-okkażjoni, ir-rikorrenti stess kienet ammettiet li ma qisitx ruħha bħala obbligata li tieħu kwalunkwe miżura bħala reazzjoni għall-Artikolu 3 ta’ din tal-aħħar.

70      Fil-fatt, mill-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti, li saret ftit wara d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (16 ta’ Lulju 2008), jiġifieri fis-26 ta’ Awwissu 2008, li hija annessa mal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, jirriżulta li, f’din l-okkażjoni, ġie kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tal-kuntratt mudell dwar it-territorji ma kellhomx jiġu emendati (“The Board unanimously agreed that the territorial provisions of the CISAC Model contract should be left intact”).

71      Issa, il-Kummissjoni, hekk kif ġiet informata bil-kontenut tal-abbozz tal-minuti ta’ din il-laqgħa, bagħtet lir-rikorrenti talba għal informazzjoni tat-30 ta’ Jannar 2009, li fiha hija stednitaha b’mod partikolari li:

–        tipprovdi l-verżjoni definittiva tal-minuti tal-imsemmija laqgħa;

–        tispjega t-tifsira tas-sentenza ta’ dawn il-minuti msemmija fil-punt preċedenti;

–        tipprovdi l-minuti provviżorji u definittiv tal-laqgħat kollha tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti li seħħew bejn Awwissu 2008 u Jannar 2009, flimkien mal-korrispondenza kollha skambjata mas-SAK dwar dawn il-laqgħat;

–        tipprovdi kull korrispondenza, il-minuti kollha tad-diskussjonijiet u kull dokument ieħor li r-rikorrenti skambjat mas-SAK dwar ir-restrizzjonijiet territorjali tal-mandati li jinsabu fl-FRR.

72      Evidentement, skont il-Kummissjoni, dawn l-elementi juru li l-attivitajiet li r-rikorrenti tipparteċipa fihom, u li hija stess tidderiġi, huma rilevanti biex jiġi evalwat jekk is-SAK humiex qed jeżegwixxu d-deċiżjoni kkontestata billi jtemmu l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 3 tagħha u billi jevitaw li jwettqu aġir simili fil-futur.

73      Fir-rigward tal-interess individwali, għandu jiġi osservat li, kif issostni r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata taffettwa r-rwol tagħha ta’ faċilitatriċi tal-kooperazzjoni bejn is-SAK, b’mod partikolari r-rwol tagħha ta’ medjatriċi fin-negozjati bejn is-SAK differenti dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali.

74      Issa, skont il-ġurisprudenza, waħda mill-ipoteżi li fiha assoċjazzjoni ta’ impriżi, li ma hijiex id-destinatarja tal-att ikkontestat, hija individwalment ikkonċernata mill-imsemmi att isseħħ preċiżament meta l-assoċjazzjoni jkollha interess ġuridiku, b’mod partikolari għaliex il-pożizzjoni ta’ negozjatriċi tagħha tkun ġiet affettwata bl-att li qed jintalab l-annullament tiegħu (ara d-Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 2006, Wirtschaftskammer Kärnten u best connect Ampere Strompool vs Il-Kummissjoni, T‑350/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Ir-rwol ta’ faċilitatriċi li r-rikorrenti ħadet huwa kkonfermat bil-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura amministrattiva, inkwantu interlokatriċi importanti tal-Kummissjoni, involuta fin-negozjati tal-impenji li setgħu wasslu lill-Kummissjoni biex ma tadottax deċiżjoni li tikkonstata ksur marbut mar-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali.

76      Barra minn hekk, għalkemm il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx id-destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma huwiex element li, bħala tali, jippermetti li jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċernaha individwalment, huwa jikkorrobora madankollu l-fatt li jipprovdi li hija kienet strettament involuta fil-proċedura amministrattiva, minħabba, preċiżament, ir-rwol tagħha ta’ faċilitatriċi tal-kooperazzjoni bejn is-SAK.

77      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti, fil-proċedura amministrattiva, kienet tinsab fis-sitwazzjoni partikolari li fiha hija okkupat pożizzjoni ta’ negozjatriċi kjarament ridotta u intimament marbuta mas-suġġett stess tad-deċiżjoni, li tqiegħdaha f’sitwazzjoni li tikkaratterizzaha de facto meta mqabbla ma’ kull persuna oħra. Issa, skont il-ġurisprudenza, dan il-fatt jikkonferma li r-rikorrenti hija individwalment ikkonċerenata mid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punti 29 u 30, u tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni, C‑319/07 P, Ġabra p. I‑5963, punt 87).

78      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, moqri fid-dawl ta’ dawn il-motivi, jinteressa direttament u individwalment l-attivitajiet tar-rikorrenti.

79      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha għalhekk tiġi miċħuda.

B –  Fuq il-mertu

80      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka essenzjalment iż-żewġ motivi li ġejjin.

–        prinċipalment, ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 253 KE, inkwantu l-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ prattika miftiehma dwar ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali;

–        sussidjarjament, ksur tal-Artikolu 81 KE, inkwantu l-prattika miftiehma, anki jekk jiġi preżunt li teżisti, ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni.

1.     Osservazzjonijiet preliminari

81      Preliminarjament, għandhom jitfakkru ċerti aspetti tal-kuntest tal-kawża preżenti. L-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda biss l-użu tad-drittijiet tal-awtur bl-internet, bis-satellita u r-ritrażmissjoni bil-kejbil, u mhux l-użu tradizzjonali, imsejħa “off-line”, anki jekk il-kuntratt mudell u l-FRR jkopru l-forom kollha ta’ użu.

82      Fir-rigward tal-forom ta’ użu tad-drittijiet tal-awtur ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, is-SAK u r-rikorrenti ma stabbilixxewx ex nihilo sistema ġdida ta’ amministrazzjoni, distinta minn dik prevista mill-forom ta’ użu tradizzjonali. Madankollu, huwa aċċettat, hekk kif it-teknoloġija żviluppat maż-żmien, li l-kuntratt mudell stabbilit fl-1936 għall-użu tradizzjonali ġie emendat, b’mod partikolari permezz tal-Ftehim ta’ Sydney u ta’ Santjago.

83      Il-Kummissjoni la tikkritika l-eżistenza stess tal-kuntrall mudell u lanqas tqiegħed inkwistjoni l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni bejn is-SAK, kemm-il darba din tal-aħħar ma tiksirx ir-regoli tal-kompetizzjoni.

84      Fir-rigward tar-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali li jinsabu fl-FRR, dawn ma kinux is-suġġett ta’ kontestazzjoni mill-Kummissjoni qabel mat-teknoloġoiji ġodda żviluppaw u kienu jikkostitwixxu għalhekk il-kuntest tal-amministrazzjoni kollettiva li fih is-SAK kienu jinsabu meta t-teknoloġiji progressivament żviluppaw. Id-deċiżjoni kkontestata ma tippreċiżax il-mument li fih ir-restrizzjonijiet saru kuntrarji għar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni.

85      Barra minn hekk, anki meta mqabbla mal-operazzjonijiet li jużaw it-teknoloġiji ġodda, il-Kummissjoni ma tikkontestax ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali bħala tali, iżda biss il-fatt li huma jidhru fl-FRR kollha, fatt li inevitabbilment jirriżulta minn prattika miftiehma.

86      Huwa b’mod partikolari fid-dawl ta’ dawn l-elementi li dan ir-rikors għandu jiġi eżaminat.

2.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 253 KE, inkwantu l-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ prattika miftiehma dwar ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali

87      Ir-rikorrenti, sostnuta mill-EBU, issostni li l-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ prattika miftiehma, li tikkonċerna r-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali, imsemmija fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni sempliċement osservat li, fir-rigward tal-forom ta’ użu tad-drittijiet tal-awtur meħuda inkunsiderazzjoni minn din id-deċiżjoni, l-aġir parallel tas-SAK, li jikkonsisti fil-fatt li l-FRR kollha jinkludu restrizzjonijiet territorjali nazzjonali, ma jirriżultawx minn kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, dan l-aġir parallel huwa spjegat permezz ta’ raġunijiet oħra li ma humiex marbuta mal-eżistenza ta’ prattika miftiehma.

88      Il-Kummissjoni twieġeb li, sabiex tikkonstata l-eżistenza tal-prattika miftiehma inkwistjoni, hija ma bbażatx biss fuq l-aġir parallel tas-SAK, iżda wkoll fuq elementi oħra, fosthom:

–        d-diskussjonijiet fuq il-portata tal-mandati li jinsabu fl-FRR li s-SAK mexxew fil-kuntest tal-attivitajiet amministrati mir-rikorrenti;

–        il-ftehim ta’ Santjago;

–        il-ftehim ta’ Sydney;

–        ir-rabta storika bejn il-klawżola ta’ esklużività u r-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali.

89      L-elementi ċċitati fil-punt preċedenti (a), (b) u (d), huma espliċitament imsemmija fil-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu kunsiderazzjonijiet li jsostnu l-prattika miftiehma. Quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni rreferiet ukoll għall-Ftehim ta’ Sydney biex turi li kienet seħħet diskussjoni multilaterali bejn is-SAK dwar il-portata territorjali tal-mandati.

90      Skont il-Kummissjoni, l-elementi msemmija fil-punt 88 iktar ’il fuq jikkostitwixxu “atti” fis-sens tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, imsejħa “PVC II” (T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 727), li jippermettulha li ma teżaminax il-kwistjoni dwar jekk il-paralleliżmu tal-aġir tas-SAK jistax jiġi spjegat permezz ta’ raġunijiet oħra mhux marbuta mal-eżistenza ta’ prattika miftiehma.

91      Mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, fil-każ ta’ tilwima dwar l-eżistenza ta’ ksur, hija l-Kummissjoni li għandha ġġib il-prova tal-ksur li hija tikkonstata u li tistabbilixxi l-provi xierqa sabiex juru, suffiċjentment skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummisssjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 58, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 86 ; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2011, Aragonesas Industrias y Energía vs Il-Kummissjoni, T‑348/08, Ġabra p. II‑7583, punt 90).

92      F’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Għalhekk, qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilit l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod suffiċjenti skont il-liġi jekk f’moħħ il-qorti jkun għad hemm dubju dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni li timponi multa (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punt 60, u tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, T‑11/06, Ġabra p. I‑6681, punt 129).

93      Fil-fatt, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li tagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxu l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ gravità tas-sanzjonijiet li jistgħu jkunu marbuta miegħu, il-preżunzjoni ta’ innoċenza tapplika b’mod partikolari għall-proċeduri rigward ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punti 149 u 150, u Montecatini vs Il-Kummissjoni, C-235/92 P, Ġabra p. I-4539, punti 175 u 176; ara, wkoll, is-sentenza Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 129).

94      Din il-ġurisprudenza, żviluppata fil-kuntest ta’ kawżi fejn il-Kummissjoni kienet imponiet multa, tapplika wkoll fil-każ, bħal dik inkwistjoni, fejn id-deċiżjoni li tikkonstata ksur finalment ma tistabbilixxix ukoll multa. F’dan il-każ, barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet ippjanat li flimkien mal-ksur timponi multa.

95      Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-preġudizzju mhux insinjifikattiv għar-reputazzjoni li tirrappreżenta, għal persuna fiżika jew ġuridika, il-konstatazzjoni li hija kienet involuta fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tat-18 ta’ April 2012, Posten Norge vs ESA, E‑15/101/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fl-EFTA Court Report, punt 90).

96      Għaldaqstant, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur (sentenza Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62), u sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda li l-ksur allegat jikkostitwixxi restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Jannar 1999, Riviera Auto Service et vs Il-Kummissjoni, T-185/96, T-189/96 u T-190/96, Ġabra p. II-93, punt 47, u Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 129).

97      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li s-sensiela ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit (sentenzi Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63, u Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 130).

98      Fil-fatt, peress li l-projbizzjoni tal-parteċipazzjoni fi prattiki u fi ftehim antikompetittivi kif ukoll il-penalitajiet li jista’ jinkorri min jikser din il-projbizzjoni huma magħrufa, huwa komuni li l-attivitajiet li jinvolvu dawn il-prattiki u dawn il-ftehim iseħħu b’mod klandestin, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, u li d-dokumentazzjoni relatata titnaqqas kemm jista’ jkun. Anki jekk il-Kummissjoni tiskopri atti li jiżvelaw b’mod espliċitu kuntatt illegali bejn l-operaturi, bħalma huma l-minuti ta’ laqgħa, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’mod li spiss huwa neċessarju li wieħed jirrikostitwixxi ċerti dettalji billi jagħmel deduzzjoni. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meqjusa flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, Ġabra p. I‑6371, punti 48 u 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Issa, fis-sentenza PVC II, iċċitata iktar ’il fuq, invokata mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali waslet għal soluzjoni li tqiegħed f’bilanċ dawn il-prinċipji. Fil-fatt, f’din l-okkażjoni, il-Qorti Ġenerali sostniet li, skont il-ġurisprudenza, meta r-raġunament tal-Kummissjoni jkun ibbażat fuq il-preżunjoni li l-fatti stabbilit fid-deċiżjoni tagħha setgħu jiġu spjegati biss abbażi ta’ prattika miftiehma bejn l-impriżi, kien biżżejjed għar-rikorrenti li jistabbilixxu ċirkustanzi li jiddeskrivu b’mod differenti l-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li jippermettu għalhekk li l-ispjegazzjoni tal-fatti mogħtija mill-Kummissjoni tiġi ssostitwita. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li din il-ġurisprudenza ma tapplikax meta l-prova tal-prattika miftiehma bejn l-impriżi ma tirriżultax mis-sempliċi konstatazzjoni li kien hemm paralleliżmu fl-aġir fis-suq, iżda minn atti li minnhom jirriżulta li l-prattiki kienu r-riżultat ta’ prattika miftiehma. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-obbligu tar-rikorrenti li mhux biss jippreżentaw spjegazzjoni oħra għall-fatti kkonstatati mill-Kummissjoni, iżda wkoll li jikkontestaw l-eżistenza ta’ dawn il-fatti stabbiliti permezz tal-atti prodotti mill-Kummissjoni (sentenza PVC II, iċċitata iktar ’il fuq, punti 725 sa 728; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 16, u tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, Ġabra p. I‑1307, punti 71 u 126).

100    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni prinċipalment li l-oriġini tal-aġir paralleli ma jinsabx f’prattika miftiehma, li fir-rigward tagħha d-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdi l-ebda prova, iżda li dan l-aġir huwa spjegat minn sensiela ta’ fatturi oħra. L-EBU, min-naħa tagħha, ma taqbilx li, b’mod partikolari, il-Ftehim ta’ Santjago u l-kuntratt mudell jistgħu jitqiesu bħala prova li hemm prattika miftiehma.

101    Qabel ma tiġi evalwata l-eżistenza ta’ spjegazzjonijiet tal-aġir parallel li ssostni li ma hemmx prattika miftiehma, hemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni, kif hija ssostni, stabbilixxitx l-eżistenza ta’ ksur dwar ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali permezz ta’ provi li jmorru lil hinn mis-sempliċi konstatazzjoni ta’ aġir parallel, ħaġa li r-rikorrenti tikkontesta. Fil-fatt, l-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni tippreċedi dik dwar il-fondatezza tal-ispjegazzjonijiet li jsostnu li ma hemmx spejgazzjoni oħra li ma hijiex il-prattika miftiehma, peress li, jekk il-Qorti Ġenerali tasal għall-konklużjoni li tali provi ġew prodotti fid-deċiżjoni kkontestata, allura l-imsemmija spjegazzjonijiet, anki jekk kienu plawsibbli, ma jikkontestawx il-konstatazzjoni ta’ dan il-ksur. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex l-istess struttura, f’żewġ stadji, bħal dik imressqa mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, li tipprovdi, minn naħa, li l-prova ta’ prattika miftiehma kienet ġiet prodotta permezz ta’ atti, fis-sens tas-sentenza PVC II, iċċitata iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, fid-dawl ta’ dawn l-atti u l-allegat valur probatorju tagħhom, l-ispjegazzjonijiet l-oħra tal-aġir parallel ma kinux determinanti għall-finijiet tal-prova ta’ din il-prattika.

102    Għalhekk, hemm lok, fl-ewwel stadju, li jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni ppruvatx l-eżistenza ta’ prattika miftiehma permezz ta’ elementi li ma humiex marbuta mal-paralleliżmu tal-aġir tas-SAK u li jixbhu lill-“atti”, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza PVC II, iċċitata iktar ’il fuq, invokata mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat l-oriġini tal-akkordju suġġett tal-imsemmija sentenza, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-kliem tad-dokument ta’ pjan, fuq it-tagħrif mogħti minn wieħed mir-rikorrenti dwar dawn id-dokumenti, bi tweġiba għal talba ta’ informazzjoni mibgħuta lilha, u fuq il-korelazzjoni stretta eżistenti bejn il-prattika ppjanata spjegata f’dawn id-dokumenti, minn naħa, u l-prattiki miftiehma kkonstatati fis-suq, min-naħa l-oħra (sentenza PVC II, iċċitata iktar ’il fuq, punt 582).

103    Bħala tweġiba għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni ammettiet li hija ma kellhiex provi bħal posta elettronika, ittri jew minuti ta’ laqgħat li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali. Għalhekk, l-elementi li jistgħu jippruvaw il-prattika miftiehma bejn is-SAK huma dawk imsemmija fil-punt 88 iktar ’il fuq, jiġifieri d-diskussjonijiet fuq il-portata tal-mandati li jinsabu fl-FRR li s-SAK kienu mexxew fil-kuntest tal-attivitajiet amministrati mir-rikorrenti, il-Ftehim ta’ Santjago, il-Ftehim ta’ Sydney u r-rabta storika bejn il-klawżola ta’ esklużività u r-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali.

104    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-assenza ta’ provi dokumentarji dwar speċifikament ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali hija daqshekk evidenti li l-Kummissjoni tammetti li ċerti SAK kienu xtaqu jabbandunaw ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali. Issa, dawn is-SAK kellhom interess li jikkooperaw mal-Kummissjoni, billi jipprovdulha provi dokumentarji dwar l-eżistenza ta’ prattika miftiehma. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kienet manifestat l-intenzjoni tagħha li timponi multa lid-destinatarji kollha ta’ din tal-aħħar, is-SAK kkonċernati setgħu jikkooperaw magħha sabiex inaqsu r-riskju li tiġi imposta fuqhom multa jew, tal-inqas, li jillimitaw l-ammont tal-multa. Barra minn hekk, dawn is-SAK setgħu jibagħtu lill-Kummissjoni elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li s-SAK l-oħra kienu jeżerċitaw pressjoni li tobbligahom li jżommu r-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali deċiżi flimkien, ħaġa li huma ma għamlux.

105    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat il-valur probatorju tal-provi invokati mill-Kummissjoni.

a)     Fuq il-valur probatorju tal-elementi mressqa mill-Kummissjoni sabiex tipproduċi l-prova ta’ prattika miftiehma mingħajr ma tibbaża biss fuq il-paralleliżmu tal-aġir tas-SAK

 Fuq id-diskussjonijiet dwar il-portata tal-mandati li jinsabu fl-FRR li s-SAK kienu mexxew fil-kuntest tal-attivitajiet amministrati mir-rikorrenti

106    Fir-rigward tad-diskussjonijiet li s-SAK kienu mexxew fil-kuntest tal-attivitajiet amministrati mir-rikorrenti [punt 88 iktar ’il fuq, (a)], għandu jitfakkar li l-Kummissjoni stess enfasizzat li d-deċiżjoni kkontestata la kienet tipprojbixxi s-sistema ta’ rappreżentazzjoni reċiproka bejn is-SAK u lanqas kull forma ta’ restrizzjoni territorjali tal-mandati li kienu jagħtu lil xulxin (premessi 95 u 259 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tikkritikax lis-SAK talli pproċedew b’ċerta kooperazzjoni fil-kuntest tal-attivitajiet amministrati mir-rikorrenti. Dak li l-Kummissjoni tikkritika hija n-natura koordinata tal-approċċ adottat mis-SAK kollha dwar ir-restrizzjonijiet territorjali.

107    Madankollu, is-sempliċi fatt li s-SAK iltaqgħu fil-kuntest tal-attivitajiet amministrati mir-rikorrenti u li hemm forom ta’ kooperazzjoni bejniethom ma jikkostitwixxix, bħala tali, indizju ta’ prattika miftiehma pprojbita. Fil-fatt, meta l-kuntest li fihom seħħew il-laqgħat bejn l-impriżi akkużati li kissru d-dritt tal-kompetizzjoni juri li dawn il-laqgħat kienu meħtieġa biex jiġu ttrattati b’mod kolleġjali kwistjonijiet li ma għandhomx bħala suġġett ksur tal-imsemmi dritt, il-Kummissjoni ma tistax tippreżumi li dawn il-laqgħat kellhom bħala għan il-qbil dwar il-prattiki antikompetittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 105 u 145). F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova dwar il-fatt li l-laqgħat organizzati mir-rikorrenti kienu jirrigwarda restrizzjoni tal-kompetizzjoni dwar ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali.

108    Fl-aħħar nett, fir-rigward b’mod partikolari tad-diskussjonijiet dwar il-kuntratt mudell, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jistabbilixxix b’mod espliċitu restrizzjonijiet territorjali nazzjonali, iżda sempliċement jistieden lis-SAK biex jiddefinixxu l-portata territorjali tal-mandati li huma taw lilhom stess fl-FRR.

 Fuq il-Ftehim ta’ Santjago

109    F’dak li jirrigwarda l-Ftehim ta’ Santjago [punt 88 iktar ’il fuq, (b)], għandu jitfakkar li kien jistabbilixxi, fir-rigward tal-użu tad-drittijiet tal-awtur bl-internet, li kull SAK li tifforma parti minnu setgħet toħroġ liċenzji fir-rigward tat-territorji kollha u dwar ir-repertorji kollha (l-ewwel parti), iżda biss lill-utenti li r-residenza tagħhom ekonomika tinsab fiż-ŻEE fejn is-SAK li toħroġ il-liċenzja hija stabbilita (it-tieni parti). Taħt is-sistema prevista bir-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, L-ewwel Regolament ta’ applikazzjoni tal-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 1962, 13, p. 204), dan il-ftehim kien ġie nnotifikat lill-Kummissjoni minn ċerti SAK, sabiex jiksbu eżenzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 81(3) KE. Il-Kummissjoni kkontestat il-klawżola li tipprojbixxi lil kull SAK milli toħroġ liċenzji lil utenti li ma humiex stabbiliti fl-istess pajjiż bħal dak li fih l-imsemmija SAK tinsab u bagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet Santjago. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ebda SAK ma ġedded il-Ftehim ta’ Santjago għall-perijodu wara d-data ta’ skadenza, miftiehma mill-bidu għall-aħħar tas-sena 2004. Għalhekk, hekk kif dan il-ftehim skada, ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali li jinsabu fl-FRR, li baqgħu fis-seħħ għall-użu mhux bl-internet, anki matul il-perijodu li jkopri l-imsemmi ftehim, reġgħu saru applikabbli bejn is-SAK kollha, ukoll għall-użu tad-drittijiet tal-awtur bl-internet, peress li l-klawżola derogatorja, miżjuda fil-FRR bħala konsegwenza għall-Ftehim ta’ Santjago f’dak li kien jirrigwarda l-użu bl-internet, kienet skadiet.

110    L-argument tal-Kummissjoni, li jipprovdi li dan ir-ritorn għar-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali min-naħa tas-SAK kollha jikkostitwixxi tassew il-prova ta’ prattika miftiehma, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, fl-assenza ta’ prova li s-SAK qablu fuq dan il-għan, dan ir-ritorn għar-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali ma jurix l-eżistenza ta’ prattika miftiehma fuq ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali, iżda jista’ jitqies bħala s-sempliċi riżultat awtomatiku ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-Ftehim ta’ Santjago, li kien tilef l-interess tiegħu għaliex it-tieni parti tiegħu ma kinitx ġie aċċettat mill-Kummissjoni. Il-fatt li s-SAK reġgħu lura għall-istatu quo ante waħdu ma jipprovax li huma qabli fuq dan il-għan.

111    Għandu jiġi rrilevat li r-ritorn għall-istatu quo ante jista’ jiġi spjegat bis-sempliċi fatt li s-SAK ma setgħux jissospendu kull forma ta’ kooperazzjoni bejniethom dwar il-forom tal-użu tad-drittijiet tal-awtur marbuta mat-teknoloġiji l-ġodda, fl-istennija li jsibu, b’mod bilaterali jew anki multilaterali, iżda skont id-dritt tal-kompetizzjoni, soluzzjonijiet differenti minn dawk li jinsabu fil-Ftehim ta’ Santjago.

112    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma sostnietx li l-ksur imsemmi fl-Artikolu 3 tagħha kien beda wara li skada l-Ftehim ta’ Santjago, iżda, mingħajr ma tippreċiża d-data tal-bidu, jidher li tqis li dan beda qabel l-imsemmi ftehim.

113    F’dan ir-rigward, żewġ affarijiet iwasslu għal wieħed: jew il-Ftehim ta’ Santjago seħħ wara l-mument, mhux ippreċiżat fid-deċiżjoni kkontestata, li fih il-ksur dwar ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali huwa meqjus li beda, fatt li jipprojbixxi l-użu tiegħu bħala prova tal-prattika miftiehma inizjali, li fir-rigward tiegħu huwa jikkostitwixxi pjuttost interuzzjoni; jew li dan il-ftehim seħħ qabel il-bidu tal-ksur dwar ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali, iżda, f’din l-ipoteżi, hija ma tistax tipprova dan il-ksur, għaliex ma jirrigwardax l-istess restrizzjoni ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, il-klawżola ta’ residenza li tinsab fil-Ftehim ta’ Santjago twassal għal sitwazzjoni differenti minn dik li tirriżulta mir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali. Fl-ewwel każ, SAK tista’ toħroġ liċenzji multirepertorjali li ma għandhomx restrizzjonijiet territorjali, iżda biss lill-utenti stabbiliti fuq l-istess territorju tagħha, filwaqt li, fil-każ l-ieħor, din is-SAK tista’ toħroġ liċenzji lil kwalunkwe utent, kemm-il darba l-użu tad-drittijiet tal-awtur ikkonċernati jseħħu fl-istess territorju bħal dak li fih din tal-aħħar hija stabbilita.

114    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li la l-Ftehim ta’ Santjago u lanqas iċ-ċirkustanzi li fihom dan intemm ma jistgħu jipprovdu provi ta’ prattika miftiehma dwar ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali.

 Fuq il-Ftehim ta’ Sydney

115    Permezz tal-Ftehim ta’ Sydney [punt 88 iktar ’il fuq, (c)], is-SAK, fl-1987, introduċew fil-kuntratt mudell dispożizzjoni li tistabbilixxi li s-SAK stabbilita fil-pajjiż li fih is-sinjali li jġorru l-programmi jitilgħu lejn is-satellita hija awtorizzata toħroġ liċenzji multirepertorjali li jirrigwardaw iż-żona sħiħa tas-satellita, jekk ikun il-każ wara li jkun ikkonsultaw jew kisbu l-kunsens tas-SAK l-oħra kkonċernati.

116    F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet il-Ftehim ta’ Sydney bil-għan li turi li l-imsemmi ftehim ma kienx jikkostitwixxi tweġiba xierqa għall-oġġezzjonijiet imqajma minnha dwar il-prattika miftiehma marbuta mar-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali [premessa 165 u titolu tal-Parti b) tat-Taqsima 7.6.1.2 tad-deċiżjoni kkontestata]. Fil-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkonċerna speċifikament l-elementi li jsostnu l-prattika miftiehma, il-Kummissjoni ma indikatx b’mod espliċitu dan il-ftehim. Sussegwentement, il-Kummissjoni rrimarkat li, peress li mill-applikazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 93/83 jirriżulta li l-att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet mużikali bis-satellita jseħħ biss fil-pajjiż li fih l-ewwel sinjal ġie introdott fil-katina bla interruzzjoni ta’ komunikazzjoni li jwassal għas-satellita u li jiġi lura lejn id-dinja, l-utenti ta’ dawn ix-xogħlijiet għandhom bżonn biss, biex ikunu attivi fiż-żona sħiħa tas-satellita, ta’ liċenzja waħda, relatata mal-imsemmi pajjiż. Konsegwentement, skont il-Kummissjoni stess, il-Ftehim ta’ Sydney ma għandux applikabbli f’dak li jirrigwarda l-portata multiterritorjali tal-liċenzji dwar l-użu bis-satellita (premessi 162, 163 u 165 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li l-Ftehim ta’ Sydney ma kienx is-suġġett ta’ evalwazzjon fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata u li hija kienet irriżervat id-dritt li teżaminah fil-kuntest tar-regoli tal-kompetizzjoni (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 131 tad-deċiżjoni kkontestata).

117    Minn naħa, hemm lok li jiġi osservat li, peress li l-Ftehim ta’ Sydney kien jippermetti l-ħruġ ta’ liċenzji multirepertorjali li jirrigwardaw it-territorju kollu tal-istess satellita, dan il-ftehim ma pproduċiex effetti simili għal dawk tar-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali, li, preċiżament, jagħmlu mod li kull SAK tista’ toħroġ liċenzji multirepertorjali biss għal territorju wieħed.

118    Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Ftehim ta’ Sydney ma baqax applikabbli wara d-data finali prevista għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 93/83, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 1995 (ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva), ifisser li l-eventwali ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li kien jinkludi diġà ma kienx għadu applikabbli fil-bidu tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, ir-rabta bejn il-ksur imsemmi fl-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni u dak li eventwalment jirriżulta mill-Ftehim ta’ Sydney ma hijiex evidenti, anki minħabba raġunijiet sempliċi ta’ kronoloġija.

119    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, anki li kieku l-Ftehim ta’ Sydney jirriżulta minn prattika miftiehma pprojbita, dan ma jikkostitwixxix att, fis-sens tas-sentenza PVC II, iċċitata iktar ’il fuq, li jippermetti li tiġi pprovata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma dwar ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali.

 Fuq l-allegata rabta storika bejn il-klawżola ta’ esklużività u r-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali

120    Fir-rigward tal-allegata rabta storika bejn il-klawżola ta’ esklużività u r-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali [punt 88 iktar ’il fuq, (d)], il-Kummissjoni, fir-risposta bil-miktub għal waħda mid-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali skont il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, enfasizzat li, peress li l-portata tal-mandat kellha effett determinanti fuq il-kwistjoni dwar jekk territorju setax jingħata lil SAK waħda mandatarja, il-klawżola ta’ esklużività u r-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali kienu intrinsikament marbuta. Skont il-Kummissjoni, peress li l-kuntratt mudell kien jirrakkomanda mandati esklużivi, it-territorju mogħti lil SAK ma setax ikopri t-territorju mogħti lil SAK oħra. Għalhekk, l-inklużjoni sistematika tar-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali fl-FRR kollha hija l-korrispettiv meħtieġ għall-implementazzjoni tal-esklużività maħsuba mill-kuntratt mudell. Minn dan isegwi li r-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali kellhom bħala oriġini u punt ta’ tluq id-diskussjonijiet fi ħdan ir-rikorrenti.

121    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkonstatat biss, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali li jifformaw parti mill-istess ksur huma dawk dwar l-inklużjoni tal-klawżola ta’ esklużività fl-FRR. Għall-Kummissjoni, l-esklużività tirriżulta mill-fatt li jiġu mogħtija, fl-FRR, drittijiet esklużivi, bħal dawk previsti fl-Artikolu 1(1) u (2) tal-kuntratt mudell, filwaqt li r-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali ġew ikkoordinati permezz ta’ prattika miftiehma. Fil-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tosserva li t-tneħħija tal-esklużività espliċita ma wasslitx għal bidla sinjifikattiva fl-aġir tas-SAK. Kif issemmi l-Kummissjoni stess fl-imsemmi premessa, il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk, wara t-tneħħija tal-klawżola ta’ esklużività, kienx hemm raġunijiet oħra mhux relatati mal-prattika miftiehma biex jispjegaw ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali.

122    Konsegwentement, anki jekk hemm rabta bejn il-klawżola ta’ esklużività u r-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali, għandu jiġi f’din il-kawża eżaminat l-aġir tas-SAK wara t-tneħħija ta’ din il-klawżola, fatt li jwassal biex issir evalwazzjoni tal-ispjegazzjonijiet plawsibbli għaż-żamma tar-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali, li ma humiex dawk dwar il-prattika miftiehma (ara l-punti 134 sa 181 iktar ’il quddiem).

123    Fl-aħħar nett, sa fejn il-Kummissjoni ssostni, quddiem il-Qorti Ġenerali, li r-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali huma biss il-kontinwazzjoni tal-esklużività, wara li din tal-aħħar tneħħiet mill-FRR, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 81 KE huwa applikabbli jekk aġir parallel jitkompla wara l-waqfien ta’ ftehim antik mingħajr ma jkun hemm ftehim ġdid, għaliex, fil-każ ta’ akkordji li ma għadhomx fis-seħħ, huwa biżżejjed, biex l-Artikolu 81 KE jkun applikabbli, li l-effetti tagħhom jitkomplew wara l-waqfien formali tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1985, Binon, 243/83, Ġabra p. 2015, punt 17; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2003, Ventouris vs Il-Kummissjoni, T‑59/99, Ġabra p. II‑5257, punt 182).

124    Madankollu, f’din il-kawża, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jikkundanna s-sempliċi preżenza, bħala tali, tal-klawżola ta’ esklużività fl-FRR, u mhux il-fatt li bosta SAK ikkoordinaw biex din il-klawżola titniżżel fl-FRR kollha tagħhom. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda r-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tirrikonoxxi li dawn ma humiex, bħala tali, restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni, iżda tqis li madankollu hemm ksur, għaliex is-SAK ftiehmu sabiex dawn l-istess restrizzjonijiet jitniżżlu fl-FRR kollha tagħhom. In-natura rispettiva ta’ dawn iż-żewġ ksur, kif esposti fid-deċiżjoni kkontestata, hija għalhekk differenti.

125    Barra minn hekk, l-abbandun tal-klawżola ta’ esklużività rendiet possibbli ċerti żviluppi tas-suq, jiġifieri l-ħruġ tal-ewwel liċenzji diretti, meħtieġa sabiex tinqeleb is-sitwazzjoni ta’ restrizzjonijiet territorjali nazzjonali.

126    Fil-fatt, SAK li tinteressaha l-possibbiltà li, fit-territorju li ma huwiex dak li fih hija hi stabbilita, liċenzji dwar ir-repertorju tagħha jinħarġu minn SAK oħra li ma humiex is-SAK lokali tistaqsi l-ewwel nett jekk hija hijiex f’pożizzjoni li toħroġ hija stess liċenzji diretti fl-imsemmi territorju. Bl-istess mod, SAK li tixtieq tirċievi minn SAK oħra mandati iktar wiesgħa mit-territorju li fih hija hi stabbilita għandha jkollha struttura li tippermettilha l-ħruġ ta’ liċenzji diretti f’pajjiżi oħra. Sakemm il-klawżola ta’ esklużività kienet fis-seħħ, tali liċenzji kienu jiksru l-mandat esklużiv mogħti lil SAK lokali. Dan ma jibqax il-każ ladarba l-klawżola ta’ esklużività titneħħa, u dan anki jekk jinżammu r-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali. Għalhekk, ma għandux jiġi kkunsidrat li din hija t-tkomplija, b’mezzi oħra, tal-istess restrizzjoni.

127    Ċertament, kif il-Kummissjoni ammettiet fir-risposta bil-miktub tagħha għal waħda mid-domandi tal-Qorti Ġenerali, is-suq tal-liċenzji diretti kien għadu fi stadju embrijoniku meta d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata. Ix-xandir ta’ liċenzji diretti jeħtieġ b’mod partikolari li tiġi żviluppata talba li tikkonċernahom, mingħand l-utenti l-kbar, li, minflok jikkuntatjaw lis-SAK ta’ kull pajjiż li fih huma attivi, jippreferu jixtru liċenzji diretti, li jgħoddu fid-dinja kollha, fuq ir-repertorji li jinteressawhom.

128    Għalhekk, il-fatt li dawn l-iżviluppi ma seħħewx daqshekk malajr u li ma affettwawx immedjatament ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali ma jippermettix li jiġi konkluż li dawn tal-aħħar kienu jikkostitwixxu ż-żamma, permezz ta’ prattika miftiehma, ta’ akkordju dwar il-klawżola ta’ esklużività.

129    Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-istrutturi għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur għall-forom ta’ użu msemmija fid-deċiżjoni kkontestata joriġinaw minn dawk użati għall-forom ta’ użu tradizzjonali, li fir-rigward tagħhom ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali ma humiex meqjusa mill-Kummissjoni bħala li jikkostitwixxu ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

130    Issa, il-wasla ta’ teknoloġiji ġodda tal-informatika li jippermettu użu tax-xogħlijiet “on-line” ma tfissirx li dawn l-istrutturi f’salt ma baqgħux japplikaw jew li l-operaturi ekonomiċi kkonċernati kellhom juru rieda kompetittiva immedjata. Għalhekk, il-fatt stess li, wara t-tneħħija tal-klawżola ta’ esklużività, is-SAK ma biddlux immedjatament ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali jista’ juri li dawn jistgħu jiġu spjegati b’raġunijiet oħra li ma hijiex il-kontinwazzjoni, taħt forma oħra, tal-esklużività.

131    Minn dan jirriżulta li l-fatt li l-Kummissjoni ppruvat l-eżistenza ta’ akkordju dwar il-klawżola ta’ esklużività ma jwassalx għall-konsegwenza li din il-prova ġiet prodotta wkoll għal dak li jikkonċerna r-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali.

 Konklużjonijiet fuq il-provi invokati mill-Kummissjoni

132    Mill-analiżi preċedenti jirriżulta li l-elementi invokati mill-Kummissjoni ma jistabbilixxux, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-eżistenza ta’ prattika miftiehma bejn is-SAK sabiex jistabbilixxu r-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali.

133    Konsegwentement, għandu sussegwentement jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni pprovdietx elementi biżżejjed biex trendi mhux plawsibbli l-ispjegazzjonijiet dwar il-paralleliżmu tal-aġir tas-SAK, imressqa mir-rikorrenti, li ma humiex dawk dwar l-eżistenza ta’ prattika miftiehma.

b)     Fuq il-plawsibbiltà tal-ispjegazzjonijiet tal-aġir parallel tas-SAK li ma humiex dawk dwar l-eżistenza ta’ prattika miftiehma

 Osservazzjonijiet preliminari

134    Ir-rikorrenti, sostnuta minn EBU, issostni li r-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali huma r-riżultat ta’ deċiżjonijiet indiviwali maħsuba u razzjonali fuq il-pjan prattiku u l-pjan ekonomiku, fid-dawl tal-kundizzjonijiet speċifiċi tas-suq, u mhux ir-riżultat ta’ prattika miftiehma.

135    L-argumenti tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ spjegazzjonijiet biex jiġġustifikaw il-paralleliżmu tal-aġir tas-SAK, li ma humiex dawk dwar l-eżistenza ta’ prattika miftiehma, jistgħu jinġabru u msejsa fuq il-ħtieġa ta’ preżenza fil-post biex jissorveljaw b’mod effikaċi l-użu tad-drittijiet tal-awtur u biex jiżguraw li d-dħul riċevut mill-awturi ma jġarrab ebda tnaqqis. Barra minn hekk, hija ssemmi l-importanza tar-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali biex iżżomm l-eżistenza ta’ uffiċċji uniċi nazzjonali, li mingħandhom l-utenti jistgħu jiksbu liċenzji dwar ir-repertorju dinji. Din l-aħħar spjegazzjoni hija żviluppata mill-EBU.

136    Qabelxejn, għandu jitfakkar li fis-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Tournier (395/87, Ġabra p. 2521), u Lucazeau et (110/88, 241/88 u 242/88, Ġabra p. 2811), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar id-domandi preliminari magħmula mill-qrati Franċiżi dwar il-kompatibbiltà mar-regoli tal-kompetizzjoni s-sitwazzjoni li fiha, fir-rigward tal-forom tradizzjonali (“off-line”) ta’ użu tad-drittijiet tal-awtur, is-SAK B kienet irrifjutat li tagħti liċenzja tar-repertorju B għat-territorju A, biex b’hekk obbligat lill-utenti stabbiliti fil-pajjiż A biex jikkuntattjaw lis-SAK A, li kienet tipproponi tariffa ogħla.

137    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-FRR setgħu jitqiesu bħala akkordju restrittiv għall-kompetizzjoni jekk kienu jistabbilixxu esklużività, fis-sens li s-SAK jimpenjaw ruħhom li ma jagħtux liċenzji diretti lill-utenti stabbilit barra l-pajjiż. Madankollu, hija osservat li l-klawżoli li għandhom dan il-għan, li kif għidt kienu jinsabu fl-FRR, kienu tneħħew fuq talba tal-Kummissjoni. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat jekk il-fatt li t-tneħħija ta’ dawn il-klawżoli ma kellhiex bħala effett li temenda l-aġir tas-SAK kienx jippermetti li jiġi kkunsidrat li dawn tal-aħħar kienu żammew l-esklużività tagħhom permezz ta’ prattika miftiehma. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li s-sempliċi paralleliżmu tal-aġir seta’, f’ċerti ċirkustanzi, jikkostitwixxi indizju serju ta’ prattika miftiehma, meta jwassal għal kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali. Madankollu, hija enfasizzat li prattika miftiehma ta’ din in-natura ma tistax tiġi preżunta, meta l-paralleliżmu tal-aġir seta’ jiġi spjegat minn raġunijiet oħra mhux relatati ma’ prattika miftiehma u li dan seta’ kien il-każ jekk is-SAK, biex joħorġu liċenzji diretti, kienu obbligat li jorganizzaw is-sistema tagħhom ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll fuq territorju ieħor. Il-kwistjoni dwar jekk prattika miftiehma pprojbita mir-regoli tal-kompetizzjoni effettivament seħħitx tħalliet għall-kunsiderazzjoni tal-qrati nazzjonali li ressqu t-talbiet għal domandi preliminari (sentenzi Tournier, iċċitata iktar ’il fuq, punti 20 sa 25, u Lucazeau et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 14 sa 19).

138    F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħex tqis li l-preżenza fl-FRR kollha ta’ restrizzjonijiet territorjali nazzjonali kinitx tikkorrispondi għal kundizzjonijiet normali tas-suq. F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza li tgħid li l-parti jew l-awtorità li tallega ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandha tipproduċi l-prova ta’ dan u li hija l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li tinvoka l-benefiċċju ta’ difiża kontra konstatazzjoni ta’ ksur li għandha tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-difiża huma sodisfatti, b’mod li l-imsemmija awtorità għandha għalhekk tirrikorri għal provi oħra. Għalhekk, minkejja li l-oneru legali tal-prova skont dawn il-prinċipji jaqa’ jew fuq il-Kummissjoni jew fuq l-impriża jew assoċjazzjoni kkonċernata, il-fatti li tinvoka parti jistgħu jkunu ta’ natura li jobbligaw lill-parti l-oħra tipprovdi spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, u fin-nuqqas ta’ dan ikun permess li jiġi konkluż li l-oneru tal-prova jkun ġie sodisfatt (ara s-sentenza Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Għandu sussegwentement jitfakkar li l-Kummissjoni ma ssostnix li l-fatt li tiġi limitata, fl-FRR, il-portata ġeografika tal-mandati reċiproċi fit-territorji nazzjonali ma jistax ikun ir-riżultat ta’ kundizzjonijiet normali tas-suq. Skont il-Kummissjoni, il-fatt li l-FRR kollha jinkludu restrizzjoni jista’ biss jiġi spjegat permezz ta’ prattika miftiehma. F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata la tinkludi data u lanqas analiżi ekonomika dwar inċentivi finanzjarji li setgħu wasslu lis-SAK biex jabbandunaw ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali għal forom ta’ użu tad-drittijiet tal-awtur imsemmija b’din id-deċiżjoni, filwaqt li ma huwiex ikkontestat li dawn ir-restrizzjonijiet kienu razzjonali għall-forom ta’ użu tradizzjonali.

 Fuq il-ħtieġa ta’ preżenza lokali biex tiggarantixxi l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-użu mhux awtorizzat ta’ xogħlijiet mużikali

140    Ir-rikorrenti u l-EBU jsostnu li s-SAK jqisu li huwa fl-interess tal-membri tagħhom, u għalhekk razzjonali, li jipprovdu fl-FRR tagħhom restrizzjonijiet territorjali nazzjonali, għaliex dawn jippermettu li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-użu mhux awtorizzat ta’ xogħlijiet mużikali.

141    Għandu jiġi eżaminat jekk l-elementi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha fid-deċiżjoni kkontestata jippermettux li jiġi kkunsidrat li din l-ispjegazzjoni ma hijiex plawsibbli.

142    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li l-evalwazzjoni tagħha tirrigwarda biss l-użu legali ta’ xogħlijiet protetti b’drittijiet tal-awtur. Bl-istess mod, fil-premessa 47 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li l-imsemmija deċiżjoni tirrigwarda biss l-użu awtorizzat ta’ xogħlijiet u li l-atti ta’ falsifikazzjoni jew l-użu fl-assenza ta’ liċenzja ta’ użu ma jaqgħux għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Skont din l-aħħar premessa, il-kunsiderazzjonijiet u l-elementi ta’ kunsiderazzjoni fformulati fid-deċiżjoni kkontestata japplikaw biss sal-limiti ta’ relazzjonijiet abitwali u normali bejn is-SAK u l-utenti.

143    Madankollu, fil-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li s-SAK kienu jissorveljaw l-użu tad-drittijiet tal-awtur, jivverifikaw il-kontijiet tal-utenti u jimplementaw ir-rispett tad-drittijiet fil-każ ta’ ksur tal-imsemmija drittijiet. Barra minn hekk, fil-premessa 11 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni sostniet li, kif dan ġie spjegat b’mod partikolari fit-Taqsima 7.6.1.4 tad-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar ma twaqqafx lis-SAK milli jissorveljaw is-suq biex jiskopru fih kwalunkwe użu mhux awtorizzat ta’ xogħlijiet protetti jew li jieħdu miżuri ripressivi kontra dan it-tip ta’ aġir.

144    Fid-dawl ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet ambigwi tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, jekk, permezz tagħhom, l-imsemmija istituzzjoni sempliċement ħadet inkunsiderazzjoni l-użu biss mhux awtorizzat, allura d-deċiżjoni għandha tiġi annullata għal dan il-motiv, sa fejn hija ma tispjegax ir-raġunijiet għaliex huwa possibbli li tifred l-attività ta’ kontroll mill-użu awtorizzat u l-attività ta’ żvelar u ta’ tfittxija mill-użu mhux awtorizzat. Ċertament, matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari matul is-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni sostniet li l-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni huwa essenzjalment il-kompitu tal-International Federation of the Phonographic Industry (IFPI), l-organizzazzjoni internazzjonali li tirrappreżenta l-industrija fonografika, li topera mill-uffiċċju tagħha f’Londra (ir-Renju Unit). Madankollu, għalkemm, permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, li barra minn hekk ma hijiex sostnuta, il-Kummissjoni trid issostni li s-SAK ma għandhom ebda rwol fil-kontroll li jippermettu l-iżvelar ta’ użu mhux awtorizzat, hemm lok li jiġi kkonstatat li tali argument ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata. Issa, il-Qorti Ġenerali ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni fatt invokat għall-ewwel darba mill-Kummissjoni fil-mori tal-kawża, peress li l-assenza ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata fuq tali punt ma tistax tiġi regolarizzata matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra p. I‑8947, punt 149, u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    Madankollu, minkejja d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni msemmija iktar ’il fuq, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din ikkunsidrat, fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni dwar jekk l-aġir parallel tas-SAK dwar ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali kienx il-konsegwenza tar-rieda tas-SAK li jiġġieldu b’mod effikaċi l-użu mhux awtorizzat. Għalhekk, il-Kummissjoni stess tidher li taċċetta li din l-ispjegazzjoni ma tistax tiġi injorata bis-sempliċi dikjarazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda biss l-użu legali tad-drittijiet tal-awtur. Għalhekk, hemm lok li jiġi eżaminat jekk is-siltiet tad-deċiżjoni kkontestata dwar din il-kwistjoni humiex biżżejjed biex irendu mhux plawsibbli t-teżi tar-rikorrenti, miġbura fil-qosor fil-punt 140 iktar ’il fuq.

146    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tenfasizza li s-sistema kkundannata minnha stess fid-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq il-prinċipju ta’ viċinanza bejn is-SAK li toħroġ liċenzja u l-utent li jikseb l-imsemmija liċenzja, iżda fuq il-prinċipju li jipprovdi li l-liċenzja tinħareġ mis-SAK stabbilita fil-pajjiż fejn iseħħ l-użu, irrispettivament mill-pajjiż ta’ residenza tal-utent li jikseb il-liċenzja (premessi 171 sa 173 tad-deċiżjoni kkontestata).

147    F’dan ir-rigward, huwa minnu li, fil-kuntest tas-sistema kkundannata mill-Kummissjoni, huwa possibbli li s-SAK B, li ħarġet liċenzja lil utent stabbilit fil-pajjiż A għal eżekuzzjonijiet li seħħew fil-pajjiż B, għandha tieħu inizjattivi amministrattivi jew ġudizzjarji kontra dan l-utent fil-pajjiż A, jiġifieri mill-bogħod.

148    Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, f’din is-sistema, meta s-SAK B toħroġ liċenzja lil utent stabbilit fil-pajjiż A, iżda li hija attiva fil-pajjiż B, u fil-każ li jiġi żvelat ksur tal-liċenzja maħruġa, hija tista’, jekk meħtieġ, tistrieħ fuq is-SAK A. Fil-fatt, din tal-aħħar ma tikkunsidrax lis-SAK B bħala kompetitriċi, peress li s-SAK A ma tistax hija stess toħroġ liċenzji dwar l-użu li seħħ fil-pajjiż B. Barra minn hekk, peress li s-SAK A, għall-użu li seħħ fil-pajjiż B, tat ir-repertorju lis-SAK B, hija għandha interess li min jikser il-liċenzji maħruġa mis-SAK B jiġi effettivament imfittex.

149    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li, għall-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ sorveljar u ta’ “infurzar” tad-drittijiet tal-awtur li għalihom il-preżenza lokali hija meħtieġa, is-SAK li tkun ħarġet liċenzja lil utent stabbilit f’pajjiż ieħor setgħet tikkuntatja fornituri lokali, b’mod partikolari lis-SAK lokali. Madankollu, il-Kummissjoni ma spjegatx kif tali kooperazzjoni tista’ taħdem ladarba s-SAK iqisu lil xulxin bħala kompetituri. B’mod partikolari, fid-deċiżjoni kkontestata, hija ma analizzatx liema huma l-interessi finanzjarji u kummerċjali li jinkoraġġixxu lis-SAK biex tikkoopera ma’ SAK oħra li tikkompetilha fit-territorju tagħha.

150    Barra minn hekk, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma pprovditx spjegazzjoni għall-kwistjoni dwar min kien ser ikun responsabbli mis-sorveljar ġenerali tas-suq, sabiex jobbliga lill-utenti biex jitolbu liċenzji, u mhux biss biex isegwi liċenzji diġà maħruġa, f’każ li s-SAK ma kinux involuti fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kompitu. Mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-inkarigu tas-SAK jinkludi l-kompitu li jobbligaw lill-utenti li jużaw xogħlijiet mużikali mingħajr awtorizzazzjoni biex jitoblu l-liċenzja neċessarja. Is-SAK li tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex twettaq dan il-kompitu, għal kull territorju, hija s-SAK lokali, li għandha l-għarfien l-iktar profond tas-suq tal-pajjiż tagħha ta’ stabbiliment. Issa, li kieku din is-SAK ma kinitx ċerta li ser tirkupra, għall-ħlas li jikkorrispondi għall-ħruġ tal-liċenzji, l-ispejjeż marbuta mas-sorveljar li hija twettaq, din l-attività sempliċement ma tkunx vijabbli. Din iċ-ċertezza titqiegħed f’perikolu jekk diversi SAK setgħu joħorġu, għall-istess territorju, liċenzji dwar l-istess repertorji. Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma pprovdit l-ebda data li tista’ tiskredita dan l-argument tar-rikorrenti.

151    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma rnexxilix tispjega kif is-SAK li jikkompetu biex joħorġu liċenzji, dwar ir-repertorji li jikkoinċidu u li jkopru l-istess territorji, jistgħu jikkooperaw. Għalkemm huwa minnu li l-kunċett inerenti tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni huwa li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li huwa jixtieq isegwi fis-suq intern, huwa wkoll minnu li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tammetti li kooperazzjoni bejn is-SAK hija meħtieġa sabiex kull SAK tkun f’pożizzjoni li tipproponi liċenzji multirepertorjali (ara, pereżempju, il-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, biex tkun tista’ toħroġ liċenzja li tirrigwarda l-portata dinjija, SAK għandha tikkoopera mas-SAK kollha l-oħra. Issa, id-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdi ebda element li jippermetti li jinftiehem kif tista’ titwettaq, bejn is-SAK li saru kompetituri, kif issostni l-Kummissjoni, il-kooperazzjoni li l-Kummissjoni tqis bħala meħtieġa, għal, b’mod partikolari, ċerti attivitajiet ta’ sorveljar u għat-tressiq quddiem il-qorti għal ksur (premessi 177 u 178 tad-deċiżjoni kkontestata).

152    Quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni sostniet li s-SAK lokali ma setgħetx tabbanduna r-rwol tagħha ta’ sorveljar, sa fejn hija kellha l-obbligu ta’ fiduċja fir-rigward tal-persuni li għandhom dritt, anki meta hija kienet f’kompetizzjoni ma’ SAK oħra. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu ta’ fiduċja inkwistjoni jgħodd biss fir-relazzjoni bejn SAK u l-persuni li għandhom dritt li huma msieħba magħha. Għalhekk, ma huwiex ċert li dan l-obbligu jimponi fuq is-SAK lokali l-ħtieġa li tkompli l-attivitajiet tagħha favur il-persunu li għandhom dritt ta’ SAK oħra, ladarba hija ma hijiex l-unika SAK li tista’ toħroġ liċenzji fuq it-territorji li fih hija hi stabbilita. Barra minn hekk, huwa paċifiku li s-SAK A ma għandha ebda obbligu fir-rigward tas-SAK B, jekk is-SAK B kienet għaddiet l-amministrazzjoni tar-repertorju B fuq it-territorju A lis-SAK C, li ma hijiex stabbilita fit-territorju A.

153    L-argument invokat ukoll mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, li jipprovdi li s-SAK lokali għandha interess li żżomm ir-reputazzjoni tagħha ta’ effikaċità f’għajnejn l-imsieħba tagħha, sabiex dawn ma jagħżlux SAK oħra, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, jekk l-utenti, li l-użu mhux awtorizzat ta’ xogħlijiet mużikali tagħhom ġie żvelat mis-SAK lokali, setgħu jiksbu mingħand SAK oħra l-liċenzji meħtieġa għall-użu legali tal-imsemmija xogħlijiet, is-SAK lokali ma tistax tgħaddi fuq l-utenti, permezz tal-ġbir tal-ħlas ta’ dawn il-liċenzji, l-ispejjeż ta’ amministrazzjoni li jirriżultaw mill-attività tagħha ta’ sorveljar tas-suq. Dan il-fatt jikkomprometti r-reputazzjoni ta’ din is-SAK f’għajnejn l-imsieħba tagħha, għaliex dawn tal-aħħar ser ikollhom tnaqqis fid-dħul tagħhom minħabba l-ispejjeż ta’ amministrazzjoni, marbuta mas-sorveljar tas-suq, li ma jinġabrux mill-ħruġ ta’ liċenzji mill-istess SAK. Peress li l-awturi huma minn issa ’l quddiem liberi li jissieħbu mas-SAK li huma jippreferu, SAK ma għandha ebda interess li teżerċita attivitajiet ta’ sorveljar li joħolqu spejjeż ta’ amministrazzjoni li jnaqqsu d-dħul li hija tkun f’pożizzjoni li tqassam lill-imsieħba tagħha, jekk hija ma għandhiex iċ-ċertezza li tiġbor dawn l-ispejjeż permezz tal-ħruġ tal-liċenzji, ladarba hija tiżvela użu mhux awtorizzat.

154    Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li l-ispiża tas-sorveljar li s-SAK lokali għandha teżerċita biex tipproteġi l-imsieħba tagħha ma tiżdiedx minħabba l-fatt li din is-SAK tikkontrolla wkoll l-użu tad-drittijiet tal-awtur ma ġie bl-ebda mod sostnut.

155    Fl-aħħar nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li, anki jekk jiġi preżunt li l-kooperazzjoni bejn is-SAK lokali u dik li toħroġ il-liċenzja għal użu hija possibbli, din il-kooperazzjoni timplika t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tliet SAK, jiġifieri s-SAK lokali Ċ, is-SAK mandanti A, proprjetarja tar-repertorju A, u s-SAK mandatarja B, li, abbażi tal-mandat li s-SAK A tatha, tista’ toħroġ liċenzji li jirrigwardaw ir-repertorju A fuq it-territorju Ċ. Issa, minkejja li l-intervent tas-SAK Ċ jista’ jagħti lok għal spejjeż, il-Kummissjoni ma spjegatx x’benefiċċju s-SAK A tista’ tikseb mill-fatt li tagħti l-amministrazzjoni tar-repertorju A fuq it-territorju Ċ mhux lis-SAK Ċ, iżda lis-SAK B, minkejja li jkun hemm spejjeż addizzjonali.

156    It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li fir-rigward tal-forom ta’ użu tad-drittijiet tal-awtur imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, hemm soluzzjonijiet tekniċi li jippermettu li min jieħu l-liċenzja jiġi sorveljat mill-bogħod. Fuq dan is-suġġett, hija ssostni li s-SAK diġà implementaw prattiki ta’ għoti ta’ liċenzji li juru li huma kapaċi jissorveljaw l-użu u l-utenti lil hinn mit-territorju li fihom huma rispettivament stabbiliti (premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata).

157    Issa, il-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta l-ispjegazzjoni tal-paralleliżmu tal-aġir tas-SAK imressqa mir-rikorrenti, dwar il-ħtieġa tal-ġlieda kontra l-użu illegali, billi tibbaża ruħha fuq is-sempliċi dikjarazzjoni li hemm soluzzjonijiet tekniċi li jippermettu s-sorveljar mill-bogħod għal dak li jirrigwarda l-forom ta’ użu msemmija mid-deċiżjoni kkontestata.

158    Huwa minnu li, fil-premessa 189 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni żiedet tgħid li, matul is-seduta, intwera, b’mod partikolari permezz tal-EDIMA, assoċjazzjoni li tirrappreżenta lis-soċjetajiet attivi fil-qasam tal-provvista ta’ kontenut akustiku u awdjoviżiv online, li fil-prattika kien possibbli li tiġi sorveljata mill-bogħod il-provvista online ta’ mużika. Fil-fatt, kull xogħol mużikali għandu identità elettronika u kull kompjuter personali huwa identifikat permezz ta’ indirizz IP. Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, is-SAK tista’, meta toħroġ liċenzja, tiżgura li l-utent ikun f’pożizzjoni li jkun jaf preċiżament liema xogħol mużikali huwa qed juża, permezz ta’ liema kompjuter u għal liema tip ta’ użu. L-utent li jirċievi l-liċenzja jista’ għalhekk jibgħat din l-informazzjoni lis-SAK, li jużawaha biex preċiżament iqassmu d-dħul bejn l-persuni li għandhom dritt.

159    Madankollu, din l-ispjegazzjoni tirrigwarda biss is-sorveljar ta’ liċenzji maħruġa, u ma tirrigwardax il-kwistjoni dwar kif, u minn min, l-użu mhux awtorizzata ser jiġi kkontrollat u mfittex. Din l-ispjegazzjoni lanqas ma tippermetti li jinftiehmu liema huma l-inċentivi ekonomiċi għas-SAK biex jikkontrollaw mill-bogħod suq partikolari, filwaqt li l-utenti attivi f’dan is-suq li ma għandhomx il-liċenzja meħtieġa jistgħu jitolbu waħda mingħand SAK li ma hijiex dik li teżerċita s-sorveljanza.

160    Fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet dwar il-kwistjoni jekk is-soluzzjonijiet tekniċi, imsemmija fil-premessa 189 tad-deċiżjoni kkontestata, jippermettux li l-użu mhux awtorizzat jiġi effikaċament miġġieled, għandu jiġi eżaminat jekk l-eżempji invokati mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala reazzjoni għall-argumenti tar-rikorrenti jrendux mhux plawsibbli l-ispjegazzjoni mressqa minn din tal-aħħar, li jipprovdu li r-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali huma meħtieġa biex jiggarantixxu l-effikaċità tal-ġlieda kontra l-użu mhux awtorizzat ta’ xogħlijiet mużikali.

161    F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, meta l-Kummissjoni tirrikorri għal ċerti eżempji biex trendi l-argument tar-rikorrenti mhux plawsibbli, hija għandha l-oneru tal-prova biex turi għalfejn dawn l-eżempji huma rilevanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax takkuża lir-rikorrenti talli ma pprovditx preċiżazzjonijiet fuq l-ispjegazzjoni l-oħra tagħha, sa fejn hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova tal-ksur. Għalhekk, jekk il-Kummissjoni, fil-fażi amministrattiva, tqis li r-rikorrenti ma sostnietx biżżejjed l-ispjegazzjoni tagħha, hija għandha tkompli l-istruttorja tal-fajl jew tikkonstata li l-persuni kkonċernati ma kinux f’pożizzjoni li jipprovdu d-data meħtieġa. Issa, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-analiżi insuffiċjenti magħmula mill-Kummissjoni hija l-konsegwenza tal-fatt li hija ma setgħetx tikseb mingħand ir-rikorrenti u mingħand is-SAK l-elementi li kellha bżonn biex teżamina jekk kienx hemm spjegazzjonijiet plawsibbli għall-aġir parallel tas-SAK.

–       Fuq il-mudell CNB

162    Il-Kummissjoni ċċitat fl-ewwel lok il-mudell CNB (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), li fir-rigward tiegħu hija ddikjarat, fil-premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien jippermetti l-ħruġ ta’ liċenzja waħda li tkopri d-drittijiet mekkaniċi u d-drittijiet ta’ eżekuzzjoni, u li dan japplika għall-pajjiżi kollha fejn huma stabbiliti s-SAK li jipparteċipaw f’dan il-mudell. Il-Kummissjoni semmiet ukoll li s-SAK “nordiċi u baltiċi” sostnew li l-mudell CNB kien b’mod partikolari wera li, fis-sistemi kollha ta’ ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali, l-eżistenza ta’ netwerk ta’ soċjetajiet nazzjonali li jikkooperaw biex jiġu rispettati d-drittijiet u l-interessi tal-persuni li għandhom dritt kienet essenzjali, peress li l-preżenza lokali kienet neċessarja biex jiġu żvelati l-abbużi u jiġi sorveljat l-użu tad-drittijiet.

163    Quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, sostniet, fir-risposta bil-miktub tagħha għal domanda magħmula lilha abbażi tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li l-mudell CNB, tal-inqas fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienx jikkonċerna d-drittijiet ta’ eżekuzzjoni, iżda biss id-drittijiet mekkaniċi. Hija żiedet tgħid li dan ma jwaqqafhiex milli tibbaża ruħha fuq dan il-mudell biex issostni li l-ħruġ ta’ liċenzji, għad-drittijiet ta’ eżekuzzjoni li jikkonċernaw bosta territorjali ma kienx iqajjem problemi, għaliex il-problemi marbuta mal-kontroll tal-użu tad-drittijiet mekkaniċi fuq l-internet kienu l-istess bħal dawk dwar id-drittijiet ta’ eżekuzzjoni. Matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni sostniet li l-mudell CNB ma kienx wassal għal emendi fl-FRR bejn is-SAK involuti u li l-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali, fil-kuntest ta’ dan il-mudell, kien, għad-drittijiet ta’ eżekuzzjoni, bħal speċi ta’ “għadd” ta’ liċenzji monoterritorjali, maħruġa fil-verità għal kull SAK għat-territorju ta’ stabbiliment rispettiv u “miġbura” mis-SAK li lilu kull utent kellu jikkuntatja.

164    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat l-eżitazzjonijiet, saħansitra l-kontradizzjonijiet, tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tal-mudell CNB juri li dan tal-aħħar ma kienx is-suġġett ta’ analiżi profonda fid-deċiżjoni kkontestata.

165    Fi kwalunkwe każ, minn naħa, jekk il-mudell CNB jirrigwarda biss id-drittijiet mekkaniċi, il-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunijiet għalfejn għandu jiġi kkunsidrat li d-diffikultajiet li jirriżultaw mis-sorveljar tal-użu tad-drittijiet ta’ eżekuzzjoni kienu essenzjalment l-istess bħal dawk li jirriżultaw mis-sorveljar tad-drittijiet mekkaniċi. Min-naħa l-oħra, jekk il-mudell CNB jirrigwarda wkoll id-drittijiet ta’ eżekuzzjoni, iżda sempliċement jippermetti l-ħruġ ta’ għadd ta’ liċenzji monoterritorjali, il-Kummissjoni ma spjegatx kif il-problemi tas-sorveljar speċifiċi għat-tali modalitajiet ta’ ħruġ ta’ liċenzji kienu paragunabbli għal dawk dwar il-liċenzji multiterritorjali.

166    Minħabba l-analiżi insuffiċjenti ta’ dan il-mudell magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ma tista’ tislet ebda konsegwenza dwar il-fondatezza tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-ħtieġa tal-ġlieda kontra l-użu illegali ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur ma tiġġustifikax l-għażla tas-SAK li jżommu fl-FRR tagħhom ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali.

–       Fuq il-Ftehim Simulcast u l-Ftehim Webcasting

167    Fil-premessa 191 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rriferiet għall-Ftehim Simulcast u għall-Ftehim Webcasting (ara l-punt 35 iktar ’il fuq), li juru li ma huwiex teknoloġikament meħtieġ li s-SAK jkunu fiżikament preżenti fit-territorju partikolari sabiex huma jkunu jistgħu joħorġu liċenzji multirepertorjali u multiterritorjali li jkopru l-użu bl-internet u s-sorveljar korrettament tal-użu tagħhom.

168    Huwa paċifiku li l-Ftehim Simulcast u l-Ftehim Webcasting ma jirrigwardawx id-drittijiet ta’ eżekuzzjoni, iżda tipi oħra ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, bħalma huma d-drittijiet imsejħa “relatati”. Issa, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix spjegazzjoni fuq ir-raġunijiet għaliex is-soluzzjonijiet stabbiliti għal dawn l-aħħar drittijiet huma applikabbli għad-drittijiet imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata. L-ebda paragun fuq il-karatteristiċi jew il-valur ekonomiku tad-differenti forom ta’ drittijiet ta’ proprjetà intelletwali inkwistjoni ma jinsab fl-imsemmija deċiżjoni, sempliċement data dwar l-applikazzjoni prattika tal-Ftehim Simulcast u tal-Ftehim Webcasting.

169    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut li r-rinviju tal-Kummissjoni għal dawn il-Ftehim jippermetti li tiġi rrifjutata l-ispjegazzjoni li tipprovdi li ż-żamma tar-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali fl-FRR hija dovuta għar-rieda li tiġi ggarantita l-ġlieda kontra l-użu mhux awtorizzat.

–       Fuq il-Ftehim ta’ Santjago

170    Fil-premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Ftehim ta’ Santjago (ara l-punti 28, 30 u 109 sa 114 iktar ’il fuq), li juri l-possibbiltà li jinħarġu liċenzji multiterritorjali.

171    Madankollu, dan ir-riferiment għall-imsemmi ftehim ma huwiex rilevanti, sa fejn il-Kummissjoni sempliċement tikkunsidra l-ewwel parti tiegħu, jiġifieri l-possibbiltà ta’ ħruġ ta’ liċenzji mhux limitati territorjalment, mingħajr ma kkunsidrat it-tieni parti, jiġifieri l-limitazzjoni tal-possibbiltà ta’ ħruġ ta’ tali liċenzji lill-utenti stabbiliti fl-istess territorju li ma huwiex dak li fih tinsab is-SAK li toħroġ il-liċenzja. Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma tispjegax ir-raġunijiet għaliex is-sistema prevista mill-Ftehim ta’ Santjago kienet tiggarantixxi l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-użu illegali, anki fl-assenza tat-tieni pilastru tiegħu.

172    Għalkemm ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-motivi li abbażi tagħhom il-Kummissjoni, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet Santjago, qieset li l-ftehim inkwistjoni kien kontra l-Artikolu 81 KE, preċiżament għaliex kien jiggarantixxi lil SAK waħda l-possibbiltà ta’ ħruġ ta’ liċenzji lill-utenti stabbiliti f’territorju partikolari, ma jistax jiġi injorat li s-sistema prevista mill-Ftehim ta’ Santjago, billi jintroduċi sistema differenti minn dik li tirriżulta mir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali, iżda li hija dejjem ibbażata fuq forma ta’ esklużività ggarantita mis-SAK lokali, ma tippermettix li jitnisslu konklużjonijiet dwar l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-użu mhux awtorizzat fil-kuntest li fih s-SAK qed jikkompetu.

173    Għal dawn l-istess raġunijiet, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq ir-risposta tas-SAK Ċeka, OSA, għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, imsemmija fil-premessi 180 u 181 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, OSA sempliċement spjegat li hija kienet ħarġet liċenzji, ċertament multiterritorjali, iżda biss favur utenti stabbiliti fir-Repubblika Ċeka.

–       Fuq l-impriża komuni CELAS, il-ħruġ ta’ liċenzji diretti u l-inizjattiva ta’ editur

174    Fil-premessa 193 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 37 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni rriferiet għall-fatt li, f’Jannar 2006, is-SAK Ġermaniż u s-SAK tar-Renju Unit ħolqu impriża komuni, CELAS, li sservi ta’ uffiċċju uniku fuq livell pan-Ewropew għall-ħruġ ta’ liċenzji fuq id-drittijiet online u mobbli fuq ir-repertorju Anglo-Amerikan ta’ impriża ta’ pubblikazzjoni. Skont id-deċiżjoni kkontestata, CELAS toħroġ liċenzji pan-Ewropej lill-utenti kummerċjali stabbiliti fil-pajjiż kollha taż-ŻEE. Konsegwentement, dan il-mudell ġdid juri sew il-fatt li s-SAK għandhom il-possibbiltà teknika li jipproponu liċenzja multiterritorjali u li l-argumenti marbuta mal-attivitajiet ta’ dawn is-soċjetajiet fil-qasam tal-verifika tal-kontijiet, ta’ sorveljar u ta’ kontroll tar-rispett tad-drittijiet kif ukoll mal-viċinanza ġeografika neċessarja bejn min joħroġ il-liċenzja u minn jirċievi l-liċenzja ma jiġġustifikawx il-paralleliżmu ta’ aġir preżentament osservat f’dak li jirrigwarda r-restrizzjonijiet territorjali.

175    Għandu jiġi kkonstatat li, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni stess, CELAS toħroġ liċenzji dwar id-drittijiet mekkaniċi u mhux id-drittijiet ta’ eżekuzzjoni. Peress li l-Kummissjoni ma spjegatx kif is-sorveljar tal-użu tal-ewwel kategorija ta’ drittijiet kien jipprovdi diffikultajiet paragunabbli għal dawk marbuta mas-sorveljar tal-użu tat-tieni kategorija, l-eżempju ta’ CELAS ma jippermettix li l-argument tar-rikorrenti jiġi rrifjutat. Huwa minnu li, kif jirriżulta mir-risposta bil-miktub tal-Kummissjoni għal waħda mid-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-liċenzji ta’ CELAS huma miżjuda b’liċenzji dwar id-drittijiet ta’ eżekuzzjoni korrispondenti, maħruġa mill-Performing Right Society u mill-GEMA. Madankollu, dawn l-aħħar liċenzji huma biss forma ta’ liċenzja diretta, li ċertament japplikaw għal bosta territorji, iżda limitati għar-repertorju li ngħatalhom mill-persuni li għandhom dritt, u mhux permezz tal-FRR.

176    F’dawn iċ-ċirkustanzi, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-fenomenu tal-liċenzji diretti jippermetti li jinsiltu konklużjonijiet dwar il-prova tal-prattika miftiehma msemmija fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ dawn il-liċenzji ma tqiegħedx inkwistjoni l-paralleliżmu tal-aġir tas-SAK, sa fejn ir-restrizzjonijiet nazzjonali li jinsabu fl-FRR ma humiex affettwati mill-fatt li s-SAK mandanti toħroġ hija stess liċenzji fuq ir-repertorju tagħha, li japplikaw ukoll fit-territorju tas-SAK mandatarja. Madankollu, il-ħruġ ta’ liċenzji diretti ma jqiegħedx f’kompetizzjoni żewġ SAK għall-ħruġ ta’ liċenzji lill-istess utenti. Fil-fatt, kif jirriżulta mir-risposta bil-miktub tal-Kummissjoni għal waħda mid-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali, is-SAK, tal-inqas dawk li għandhom l-istruttura neċessarja, joħorġu liċenzji biss lill-utenti l-kbar, għaliex huwa biss fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar li l-ispejjeż li jirriżultaw mis-sorveljar tal-użu ta’ liċenzji huma kkumpensati mill-użu kbir magħmul minn dawn l-utenti. Għalhekk, jekk s-SAK A toħroġ liċenzja diretta lill-utenti l-kbar attivi fil-pajjiż B, is-SAK B tibqa’ mandankollu l-unika li tista’ toħroġ liċenzji, dwar, mod partikolari, ir-repertorju A, lill-utenti l-oħra attivi fil-pajjiż B.

177    Minn dan isewgi li l-fenomenu tal-liċenzji diretti, li jifformaw parti minnu l-attività tas-CELAS u dawk tas-SAK li ħolquhom u li joħorġu liċenzji addizzjonali għal dawk ta’ CELAS, ma joħloqx diffikultajiet ta’ sorveljanza paragunabbli għal dawk imressqa mir-rikorrenti. Għalhekk, dawn l-elementi invokati mill-Kummissjoni, fl-assenza ta’ spjegazzjoni addizjonali, ma jippermettux li l-argument tar-rikorrenti jitwarrab.

178    Dan jgħodd ukoll għall-inizjattiva ta’ editur (ara l-punt 43 iktar ’il fuq), li tirreferi għaliha l-Kummissjoni fil-premessa 220 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalkemm dan ma jirriżultax minn din tal-aħħar, il-Kummissjoni aċċettat fil-kitbiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali li din l-inizjattiva tikkonċerna biss id-drittijiet mekkaniċi. Barra minn hekk, kif tenfasizza r-rikorrenti, il-Kummissjoni qatt ma spjegat, u wisq inqas fid-deċiżjoni kkontestata, kif il-kundizzjonijiet li fihom jopera editur kbir, li għandu repertorju kummerċjali attraenti fuq livell internazzjonali, jistgħu jkunu paragunabbli għall-kundizzjonijiet li fih joperaw is-SAK.

–       Fuq id-dokument intitolat “Cross border collective management of online rights in Europe” (amministrazzjoni kollettiva transkonfinali tad-drittijiet “on-line” fl-Ewropa)

179    Fil-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li l-assenza ta’ diffikultà teknika u ekonomika li tirriżulta mill-abbandun tar-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali kienet manifestata permezz tal-fatt li ċerti SAK kienu ffirmaw dokument intitolat “Cross border collective management of online rights in Europe”, li jieħu pożizzjoni favur sistema ta’ għoti ta’ liċenzji multirepertorjali u multiterritorjali.

180    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-SAK li ffirmaw dan id-dokument xorta waħda ppreżentaw azzjonijiet kontra d-deċiżjoni kkontestata, fatt li jista’ jdgħajjef il-possibbiltà li dan id-dokument juri li ma hemmx diffikultajiet tekniċi għall-ħruġ ta’ liċenzji multirepertorjali u multiterritorjali. Fi kwalunkwe każ, il-valur probatorju ta’ dan id-dokument huwa estremament ridott, sa fejn ma jirriżultax mill-proċess li s-SAK kkonċernati ħadu l-inqas azzjoni bil-għan li japplikaw il-proposti li hemm stabbiliti f’dan id-dokument.

181    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-elementi invokati mill-Kummissjoni ma humiex biżżejjed biex irendi mhux plawsibbli l-ispjegazzjoni tal-aġir parallel tas-SAK, ipprovduta mir-rikorrenti, li ma hijiex dik marbuta ma’ prattika miftiehma, ibbażat fuq il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effikaċità tal-ġlieda kontra l-użu mhux awtorizzat ta’ xogħlijiet mużikali.

3.     Konklużjoni fuq l-eżitu tar-rikors

182    Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma ppruvatx b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-eżistenza ta’ prattika miftiehma dwar ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali, għaliex hija la wriet li s-SAK kienu qablu f’dan ir-rigward u lanqas ma pprovdiet elementi li jrendu mhux plawsibbli waħda mill-ispjegazzjonijiet għall-aġir parallel tas-SAK imressqa mir-rikorrenti.

183    Għalhekk fir-rigward tar-rikorrenti (ara l-punt 78 iktar ’il fuq) hemm lok li l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jiġi annullat, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrenti u mill-EBU fil-kuntest tal-ewwel motiv, dwar b’mod partikolari l-importanza tar-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali biex jiġi evitat tnaqqis bid-dħul u biex tinżamm l-eżistenza ta’ uffiċċji uniċi nazzjonali, jew l-evalwazzjoni tat-tieni motiv.

 Fuq l-ispejjeż

184    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitluba mir-rikorrenti u mill-EBU.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3 Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3435 finali, tas-16 ta’ Lulju 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C2/38.698 – CISAC) huwa annullat, għal dak li jikkonċerna l-International Confederation of Societies of Authors and Composers (CISAC).

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Soldevila Fragoso

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ April 2013.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

A –  Il-proċedura amministrattiva

B –  Il-klawżoli tal-kuntratt mudell ikkonċernati

C –  Is-swieq ikkonċernati

D –  L-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE

1.  Il-klawżoli ta’ sħubija, ta’ esklużivitŕ u ta’ nuqqas ta’ ndħil

2.  Il-prattika miftiehma dwar ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali

E –  Id-dispożittiv

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni

B –  Fuq il-mertu

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 253 KE, inkwantu l-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ prattika miftiehma dwar ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali

a)  Fuq il-valur probatorju tal-elementi mressqa mill-Kummissjoni sabiex tipproduċi l-prova ta’ prattika miftiehma mingħajr ma tibbaża biss fuq il-paralleliżmu tal-aġir tas-SAK

Fuq id-diskussjonijiet dwar il-portata tal-mandati li jinsabu fl-FRR li s-SAK kienu mexxew fil-kuntest tal-attivitajiet amministrati mir-rikorrenti

Fuq il-Ftehim ta’ Santjago

Fuq il-Ftehim ta’ Sydney

Fuq l-allegata rabta storika bejn il-klawżola ta’ esklużivitŕ u r-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali

Konklużjonijiet fuq il-provi invokati mill-Kummissjoni

b)  Fuq il-plawsibbiltà tal-ispjegazzjonijiet tal-aġir parallel tas-SAK li ma humiex dawk dwar l-eżistenza ta’ prattika miftiehma

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq il-ħtieġa ta’ preżenza lokali biex tiggarantixxi l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-użu mhux awtorizzat ta’ xogħlijiet mużikali

–  Fuq il-mudell CNB

–  Fuq il-Ftehim Simulcast u l-Ftehim Webcasting

–  Fuq il-Ftehim ta’ Santjago

–  Fuq l-impriża komuni CELAS, il-ħruġ ta’ liċenzji diretti u l-inizjattiva ta’ editur

–  Fuq id-dokument intitolat “Cross border collective management of online rights in Europe” (amministrazzjoni kollettiva transkonfinali tad-drittijiet “on-line” fl-Ewropa)

3.  Konklużjoni fuq l-eżitu tar-rikors

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.