Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Settembru 2008 - ICO Servies Ltd vs Il-Parlament u Il-Kunsill

(Kawża T-441/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: ICO Servies Limited (Slough, ir-Renju Unit) (rappreżentant: S. Tupper, solicitor)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2008 dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta' sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) skont id-dispożizzjonijiet taħt l-Artikoli 230 KE u 231 KE;

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż, u għal kull sanzjoni oħra kkunsidrata bħala xierqa mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat skont l-Artikolu 230 KE, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2008 dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta' sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (iktar 'il quddiem "MSS")1.

Ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni kkontestata tinjora l-eżistenza, u tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet pre-eżistenti ta' sistemi li jipprovdu MSS għall-użu ta' meded ta' frekwenza ta' 2 GHz, kemm jekk jirriżultaw mis-sistemi leġiżlattivi tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT), jew mill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjoni Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet. Barra dan, ir-rikorrenti tallega li d-Deċiżjoni kkontestata ċċaħħadha mid-drittijiet ta' proprjetà li jagħtiha d-dritt internazzjonali li jippermettulha toffri MSS fid-dinja kollha mingħajr restrizzjonijiet illegali. Ir-rikorrenti tallega fil-fatt li hija l-unika operatriċi li tipposjedi sistema, "ICO-P", li tipprovdi servizzi MSS fil-meded ta' frekwenza ta' 2 GHz. Skont ir-rikorrenti, id-Deċiżjoni kkontestata hija intiża sabiex tattribwixxi frekwenzi fil-meded ta' frekwenza ta' 2 GHz, mingħajr ma tirrikonoxxi kif suppost id-drittijiet tal-ICO-P u b'hekk l-Istati Membri tal-UE jiksru l-obbligi imposti fuqhom permezz tat-Trattat fir-rigward tar-regoli relevanti tal-UIT.

Barra dan, ir-rikorrenti tiddikjara li d-Deċiżjoni kkontestata tinjora l-eżistenza tad-drittijiet tagħha u toħloq sistema li permezz tagħha d-dritt tagħha li tuża l-ispektrum ta' frekwenza ta' 2 GHz huwa miksur. Ir-rikorrenti tallega wkoll li d-Deċiżjoni tikkomprometti ħafna l-investimenti kunsiderevoli magħmula s'issa, u tisforzaha tipparteċipa fis-sejħa għal offerti fuq il-livell tal-UE filwaqt li tinterferixxi fl-eżerċizzju ta' kuljum tal-attivitajiet tagħha.

Barra dan, ir-rikorrenti tallega li billi adottat id-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni aġixxiet b'mod sproporzjonat u diskriminatorju, b'mod kuntrarju għall-aspettattivi leġittimi tagħha. Ir-rikorrenti tqis, fil-fatt, li bi ksur tad-drittijiet tagħha u/jew tal-aspettattivi leġittimi tagħha, id-Deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-premessa li l-ispektrum kollu ta' frekwenza ta' 2 GHz huwa kompletament attribwibbli, billi din tipprevedi l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta' operaturi ta' MSS bl-għan li tiġi użata l-medda kollha ta' frekwenzi eżistenti fl-ispektrum ta' frekwenza ta' 2 GHz.

Fl-aħħar, ir-rikorrenti tiddikjara li d-Deċiżjoni kkontestata tikser id-drittijiet tagħha għat-tgawdija fil-paċi tal-benefiċċji mogħtija lis-sistema ICO-P minħabba rikonoxximent tar-reġistrazzjoni mill-UIT fil-Master International Frequency Register (reġistru internazzjonali tal-frekwenzi) miżmum mill-UIT, u drittijiet ta' proprjetà oħra simili, bi ksur tal-Artikolu 1 tal-Protokoll 1 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tad-dritt internazzjonali.

____________

1 - ĠU 2008 L 172, p. 15