Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Ottubru 2008 - CISAC vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-442/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: International Confederation of Societies of Authors and Composers (CISAC) (Neuilly-sur-Seine, France) (rappreżentanti: J.-F. Bellis u K. Van Hove, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE (Każ COMP/C2/38.698 - CISAC); u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament, skont l-Artikolu 230 KE, tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008 (Każ COM/C2/38.698 - CISAC), li tikkonstata li 24 soċjetà taċ-CISAC stabbiliti fiż-ŻEE ħadu sehem fi prattiki miftehma bi ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 ŻEE "billi kkoordinaw id-definizzjoni tal-limiti territorjali tal-mandati ta' rappreżentanza reċiproka mogħtija lil xulxin b'mod li liċenzja tkun limitata għat-territorju domestiku ta' kull collecting society".

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tillimita l-konstatazzjoni ta' ksur għal tliet forom speċifiċi ta' użu tad-drittijiet ta' eżekuzzjoni (Internet, trażmissjoni bis-satellita u ritrasmissjoni bil-kejbil), meta l-ftehim ta' rappreżentanza reċiproka jkopru b'mod ġenerali kull forma ta' użu ta' drittijiet ta' eżekuzzjoni.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq iż-żewġ motivi prinċipali li ġejjin:

(i) Skont dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball ta' evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 253 KE meta kkonstatat li d-definizzjoni parallela tal-limiti territorjali li tirriżulta mill-ftehim ta' rappreżentanza reċiproka konklużi mill-membri taċ-CISAC stabbiliti fiż-ŻEE tikkostitwixxi prattika miftehma. Ir-rikorrenti tqis li l-preżenza ta' klawżola ta' definizzjoni tal-limiti territorjali fil-ftehim kollha ta' rappreżentanza reċiproka konklużi mill-membri tagħha mhijiex ir-riżultat ta' prattika miftehma sabiex tiġi ristretta l-kompetizzjoni. Minflok, din is-sitwazzjoni teżisti għaliex is-soċjetajiet kollha jqisu li huwa fl-interess tal-membri tagħhom li tali klawżola tkun inkluża fil-ftehim tagħhom ta' rappreżentanza reċiproka.

(ii) Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li jekk jitqies li kien hemm prattika miftehma dwar id-definizzjoni tal-limiti territorjali, din ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, l-allegata prattika miftehma dwar id-definizzjoni tal-limiti territorjali mhijiex illegali għaliex tikkonċerna forma ta' kompetizzjoni li ma jistħoqqilhiex li tiġi protetta. It-tieni nett, anki jekk l-allegata prattika tiġi kkunsidrata li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, hija ma tiksirx l-Artikolu 81(1) KE skont dak li tallega r-rikorrenti, billi hija neċessarja u proporzjonata għall-għan leġittimu.

____________