Language of document : ECLI:EU:T:2005:133

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

19 ta' April 2005 (*)

"Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għal restitutio in integrum – Kundizzjonijiet ta' notifika tad-deċiżjonijiet u komunikazzjonijiet ta' l-UASI- Trażmissjoni bil-faks"

Fil-kawżi magħquda T-380/02 u T-128/03,

Success-Marketing Unternehmensberatungsgesellschaft mbH, stabbilita f'Linz (L-Awstrija), irrappreżentata minn G. Secklehner u C. Ofner, avocats, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI), irrappreżentat minn J. Weberndörfer u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, li interveniet quddiem il-Qorti tal-Prim Istanza, fil-kawża T‑128/03, li hija

Chipita International SA, stabbilita f'Ateni (Il-Greċja), irrappreżentata minn P. Hoffmann, avocat,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tas-26 ta' Settembru 2002 (kawża R 26/2001-1) li tirrifjuta l-applikazzjoni għal restitutio in integrum tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tat-13 ta' Frar 2003 u/jew tad-deċiżjoni tat-13 ta' Marzu 2003 ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI (kawża R 1124/2000-1) rigward proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Success-Marketing Unternehmensberatungsgesellschaft mbH u Chipita International SA,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, M. E. Martins Ribeiro u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-14 ta' Diċembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat, jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

"Artikolu 59

Terminu u forma ta' l-appell

Għandha tiġi ppreżentata notifika ta' l-appell bil-miktub lill-Uffiċċju fi żmien xahrejn wara d-data tan-notifika tad-deċiżjoni appellata. In-notifika għandha titqies li ġiet ippreżentata biss meta l-miżata ta' l-appell [tkun ġiet imħallsa]. Fi żmien erba' xhur wara d-data tan-notifika tad-deċiżjoni, għandha tiġi ppreżentata dikjarazzjoni bil-miktub fejn jissemmew il-raġunijiet ta' l-appell.

[…]

Artikolu 77

In-notifika

L-Uffiċċju għandu, fil-prattika, jinnotifika lil dawk ikkonċernati dwar id-deċiżjonijiet u ċ-ċitazzjonijiet u dwar kull notifika jew kull komunikazzjoni oħra li minnhom jiġi kkalkulat terminu ta' żmien, jew li dwarhom dawk ikkonċernati għandhom jiġu nnotifikati skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jew tar-Regolament ta' Implementazzjoni, jew li tagħhom tkun ġiet ordnata n-notifika mill-President ta' l-Uffiċċju.

Artikolu 78

Restitutio in integrum

1. L-applikant jew il-proprjetarju ta' trade mark Komunitarja jew kull parti oħra fi proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, li ma jkunux f'pożizzjoni li josservaw terminu ta' żmien fil-konfront ta' l-Uffiċċju minkejja li jkunu għamlu dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi, għandhom, wara li ssir applikazzjoni, jingħataw lura d-drittijiet tagħhom jekk in-nuqqas ta' osservanza in kwistjoni jkoll[u] l-konsegwenza diretta, minħabba d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, li [j]ikkawża t-telfien ta' kull dritt jew mezz ta' rimedju.

2. L-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata bil-miktub fi żmien xahrejn mit-tneħħija tal-kawża ta' nonkonformità mat-terminu. L-att li ma jkunx sar għandu jsir fi żmien dan il-perijodu. L-applikazzjoni hija biss ammissibbli fi żmien sena immedjatament wara l-iskadenza tat-terminu mhux osservat. F'każ fejn it-talba għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni ma tiġix sottomessa jew il-ħlas dovut għat-tiġdid ma jsirx, il-perijodu supplimentari ta' sitt xhur msemmi fl-Artikolu 47(3), fit-tielet sentenza, għandu jitnaqqas mill-perijodu ta' sena.

[…]

4. Id-dipartiment li għandu l-kompetenza li jiddeċiedi dwar l-att li ma jkunx sar għandu jieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.

[…] "

2        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p. 1), jistabbilixxi dawn id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

"Regola 49

Rifjut ta' l-appell bħala inammissibbli

1. Jekk l-appell ma jħarisx Artikoli 57, 58 u 59 tar-Regolament u tar-Regola 48 (1) (ċ) u (2), il-Bord ta' l-Appell għandu jirrifjutah bħala inammissibbli, għajr jekk kull nuqqas ikun rimedjat qabel ma jiskadi l-limitu ta' żmien rilevanti stabbilit fl-Artikolu 59 tar-Regolament.

[…]

(3) Jekk il-miżata ta' l-appell [tkun tħallset] wara li jiskadi l-perijodu ta' żmien għall-preżentazzjoni ta' l-appell skond Artikolu 59 tar-Regolament, l-appell għandu jitqies li ma jkunx ġie ppreżentat u l-miżata tal-appell [għandha titħallas] lura lill-appellant.

[…]

Regola 61

Dispożizzjonijiet ġenerali fuq l-avviżi

(1) Fi proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, l-avviżi li għandhom isiru mill-Uffiċċju għandhom jieħdu l-forma tad-dokument oriġinali, ta' kopja tiegħu attestat[a] minn Uffiċċju, jew bis-siġill ta' l-Uffiċċju jew ta' kopja stampata bil-kompjuter li jkollha dan is-siġill. Kopji ta' dokumenti li jinħarġu mill-partijiet infushom ma jkunx jeħtieġ li jiġu attestati b'dan il-mod.

(2) Avviżi għandhom jingħataw

a)        bil-posta skond ir-Regola 62;

b)        permezz ta' kunsinna bl-idejn skond ir-Regola 63;

c)        permezz ta' depożitu f'kaxxa postali fl-Uffiċċju skond ir-Regola 64;

d)        permezz tal-magna tal-faks jew mezzi tekniċi oħra skond ir-Regola 65;

e)        b'avviż pubbliku skond ir-Regola 66.

Regola 62

Avviż bil-posta

(1) Deċiżjonijiet suġġetti għal limitu ta' żmien għall-appell, taħrik u dokumenti oħra kif stabbilit mill-President tal-Uffiċċju għandhom jiġu nnotifikati b'ittra reġistrata b'avviż ta' kunsinna. Deċiżjonijiet u komunikazzjonijiet suġġetti għal xi limitu ieħor ta' żmien għandhom jiġu notifikati b'ittra reġistrata, sakemm il-President ta' l-Uffiċċju ma jistabbilixxix mod ieħor. Il-komunikazzjonijiet l-oħra kollha għandom ikunu b'posta ordinarja.

[…]

Regola 65

Avviż permezz tal-magna tal-faks u mezzi tekniċi oħra

(1) Notifika permezz tal-magna tal-faks għandha ssir billi jiġi trażmess l-oriġinal jew kopja, kif jingħad fir-Regola 61(1), tad-dokument li tiegħu jrid isir l-avviż. Id-dettalji ta' din it-trażmissjoni għandhom jiġu stabbiliti mill-President ta' l-Uffiċċju.

[…]

Regola 68

Irregolaritajiet fl-avviż

Meta dokument jasal għand id-destinatarju, jekk l-Uffiċċju ma jkunx jista' jagħti prova li kien ġie nnotifikat kif imiss, jew jekk dispożizzjonijiet dwar in-Notifika tiegħu ma jkunux osservati, id-dokument għandu jitqies li kien ġie nnotifikat fid-data stabbilita mill-Uffiċċju bħala d-data ta' meta ġie rċevut.

[…]"

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

3        Fis-16 ta' Settembru 1997, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI), skond ir-Regolament Nru 40/94. Il-formola ad hoc kienet tinkludi, b'mod partikolari, id-dettalji tar-rappreżentant tar-rikorrenti flimkien man-numru tal-faks tiegħu.

4        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali PAN & CO, għal prodotti u servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 11, 30, 35, 37 u 42 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat.

5        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippublikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 54/98 ta' l-20 ta' Lulju 1998.

6        Fid-19 ta' Ottubru 1998, Chipita International SA (iktar 'il quddiem l-"intervenjenti" ressqet oppożizzjoni skond l-Artikolu 42(1), tar-Regolament Nru 40/94 li ngħatat in-numru ta' referenza B 92 413. Il-motiv invokat in sostenn ta' l-oppożizzjoni kien il-probabbiltà ta' konfużjoni, imsemmija fl-Artikolu 8 (1)(b), tar-Regolament Nru 40/94, bejn it-trade mark mitluba u l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ta' l-intervenjenti. Din ta' l-aħħar, ġiet ippreżentata fit-30 ta' Awwissu 1996 għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 30 skond il-Ftehim ta' Nizza, u hija ppreżentata kif ġej:

Image not found

7        L-oppożizzjoni kienet esklużivament diretta kontra r-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali PAN & CO għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi hawn fuq imsemmija.

8        Bid-deċiżjoni Nru 799/1999, tat-22 ta' Settembru 1999, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni rrifjutat l-applikazzjoni tar-rikorrenti għal trade mark Komunitarja, imma biss f'dak li jikkonċerna l-prodotti inklużi fil-klassi 30 skond il-Ftehim ta' Nizza.

9        B'faks tal-21 ta' Frar 2000, l-UASI talab lir-rikorrenti tħallas id-dritt ta' reġistrazzjoni.

10      Wara konversazzjoni telefonika bejn aġent ta' l-UASI u r-rappreżentant tar-rikorrenti, id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tat-22 ta' Settembru 1999 intbagħtet lil dan ta' l-aħħar permezz ta' e-mail fil-25 ta' April 2000.

11      B'ittra tat-23 ta' Ġunju 2000, li l-UASI rċieva fis-26 ta' Ġunju ta' wara, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal restitutio in integrum skond l-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll talba għal aċċess għall-inkartament u għal ħlas lura ta' l-ispejjeż sostnuti.

12      In sostenn ta' l-applikazzjoni tagħha għal restitutio in integrum, ir-rikorrenti sostniet li hija ma ġietx infurmata mill-UASI bil-proċedimenti ta' oppożizzjoni B 92 413 u kien biss fil-mument tat-talba għal ħlas tar-reġistrazzjoni li hija saret taf bihom. Din is-sitwazzjoni kienet tfisser li hija ma setgħetx tirrispetta t-terminu relatat mas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet dwar l-oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja kif ukoll it-terminu marbut ma' l-appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tat-22 ta' Settembru 1999. Hija talbet li d-drittijiet tagħha jiġu stabbiliti mill-ġdid fl-istadju tal-proċedimenti sena qabel il-preżentata ta' l-applikazzjoni għal restitutio in integrum, u ppreżentat, f'anness ma' din l-applikazzjoni, osservazzjonijiet rigward l-oppożizzjoni magħmula mill-intervenjenti.

13      F'din l-istess ittra, ir-rikorrenti talbet, barra minn hekk, li dawn l-osservazzjonijiet jiġu meqjusa bħala appell mid-deċiżjoni Nru 799/1999 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, tat-22 ta' Settembru 1999, fil-każ li l-UASI jqis impossibbli li d-drittijiet tagħha jiġu stabbiliti mill-ġdid, u bagħtet magħha ċekk intiż għall-ħlas ta' l-ispejjeż ta' l-appell.

14      Bid-deċiżjoni Nru 2480/2000, tal-25 ta' Ottubru 2000, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ddikjarat li mhijiex kompetenti, skond l-Artikolu 78(4), tar-Regolament Nru 40/94, li tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni għal restitutio in integrum, għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' osservanza tat-terminu għall-appell mid-deċiżjoni tat-22 ta' Settembru 1999. Barra minn hekk hija rrifjutat l-applikazzjoni bħala inammissibbli, peress li din ġiet ippreżentata aktar minn sena wara l-iskadenza, fis-6 ta' Frar 1999, tat-terminu mhux osservat, jiġifieri dak ta' tliet xhur impost fuq ir-rikorrenti mill-UASI, permezz ta' komunikazzjoni tas-6 ta' Novembru 1998, għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet dwar l-oppożizzjoni. Hija affermat ukoll li l-applikazzjoni ma kinitx, f'kull każ, fondata, peress li d-dokumenti relatati mal-proċedura ta' l-oppożizzjoni B 92 413 ġew debitament trażmessi lir-rikorrenti.

15      B'ittra tad-29 ta' Novembru 2000, l-UASI informa lir-rikorrenti li l-applikazzjoni tagħha tat-23 ta' Ġunju 2000 ukoll se titqies bħala appell mid-deċiżjoni Nru 799/1999 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, tat-22 ta' Settembru 1999 (kawża R 1124/2000-1).

16      Fit-2 ta' Jannar 2001, ir-rikorrenti ppreżentat appell lill-UASI, skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, mid-deċiżjoni Nru 2480/2000 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, tal-25 ta' Ottubru 2000 (kawża R 26/2001‑1).

17      Fit-2 ta' Awwissu 2002, l-UASI stieden lir-rikorrenti tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rapporti ta' trażmissjoni korretta, mibgħutin b'faks, minn naħa, tal-komunikazzjoni tas-6 ta' Novembru 1998 dwar in-notifika ta' l-oppożizzjoni u l-istedina sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet dwar l-oppożizzjoni fi żmien tliet xhur u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni Nru 799/1999 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, tat-22 ta' Settembru 1999. Ir-rikorrenti kkonformat ma' din it-talba b'ittra tat-2 ta' Ottubru 2002.

18      B'deċiżjoni tas-26 ta' Settembru 2002, l-Ewwel Bord ta' l-Appell irrifjuta l-appell imressaq mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni Nru 2480/2000 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, tal-25 ta' Ottubru 2000, minħabba li l-applikazzjoni għal restitutio in integrum ma ġietx ippreżentata fit-terminu stabbilit bir-Regolament Nru 40/94.

19      Wara li d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell tas-26 ta' Settembru 2002 ġiet trażmessa lir-rikorrenti għal raġunijiet ta' informazzjoni permezz ta' faks tat-2 ta' Ottubru 2002, din ġiet innotifikata lir-rappreżentant tar-rikorrenti, b'ittra rreġistrata b'konferma ta' irċevuta, li ġiet debitament iffirmata fl-10 ta' Ottubru 2002.

20      B'deċiżjoni tat-13 ta' Frar 2003, innotifikata lir-rikorrenti fi-19 ta' Frar ta' wara, l-Ewwel Bord ta' l-Appell irrifjuta l-appell ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni Nru 799/1999 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, tat-22 ta' Settembru 1999, minħabba li dan l-appell ma ġiex imressaq fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, li kien jiskadi fit-22 ta' Novembru 1999.

21      B'deċiżjoni tat-13 ta' Marzu 2003, innotifikata lir-rikorrenti fl-24 ta' Marzu ta' wara, l-Ewwel Bord ta' l-Appell irrettifika d-deċiżjoni msemmija iktar 'il fuq billi kkunsidra, b'mod partikolari, li l-appell in kwistjoni ma kienx meqjus li sar, skond ir-Regola 49(3) tar-Regolament Nru 2868/95.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      B'applikazzjonijiet ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-18 ta' Diċembru 2002 u fit-18 ta'April 2003 u rreġistrati, rispettivament, taħt ir-referenzi T-380/02 u T-128/03, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

23      L-UASI ppreżenta r-risposta tiegħu fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-15 ta' Lulju 2003 fil-kawża T-380/02 u fil-11 ta' Settembru 2003 fil-kawża T-128/03.

24      L-intervenjenti ppreżentat, fit-18 ta' Awwissu 2003, fil-kawża T-128/03, risposta fejn talbet is-sospensjoni tal-proċedimenti sakemm tingħata s-sentenza fil-kawża T-380/02. Ir-rikorrenti u l-UASI opponew ruħhom għat-talba ta' sospensjoni u, bil-kontra, iddikjaraw li kienu favorevoli li ż-żewġ kawżi kkonċernati jiġu magħquda.

25      B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba' Awla) tat-3 ta' Frar 2004, il-kawżi T-380/02 u T-128/03 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

26      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet iwieġbu ċertu domandi u jipproduċu ċerti dokumenti, li dawn għamlu fit-terminu stipulat.

27      It-trattazzjoni tar-rikorrenti u ta' l-UASI u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta pubblika ta' l-14 ta' Diċembru 2004.

28      Waqt din is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li hija kienet qed titlob, fil-kawża T-380/02, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell tas-26 ta' Settembru 2002 u mhux tat-2 ta' Ottubru 2002 kif indikat b'mod żbaljat fl-applikazzjoni tagħha. L-UASI ma għamel l-ebda osservazzjoni f'dan ir-rigward.

29      Fil-kawża T-380/02, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tanulla d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell tas-26 ta' Settembru 2002;

–        tiddikjara li l-konvenut huwa obbligat "jipproċedi għar-‘restitutio in integrum’";

–        tordna lil UASI jbati l-ispejjeż kollha.

30      Fil-kawża T-128/03, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell tat-13 ta' Frar 2003 u/jew tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell tat-13 ta' Marzu 2003;

–        tordna lil UASI jbati l-ispejjeż kollha.

31      Fiż-żewġ kawżi, l-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fid-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

 Kawża T-380/02

32      Ir-rikorrenti tispjega, fl-ewwel lok, li, wara li rċeviet, fil-21 ta' Frar 2000, talba mill-UASI għall-ħlas tad-dritt ta' reġistrazzjoni, hija ndunat li klassi ta' prodotti kienet nieqsa fir-rigward ta' dak li kien ġie mitlub. Hija tgħid li, wara talbiet għal spjegazzjoni, l-UASI bagħtilha, permezz ta' email tal-25 ta' April 2000, id-deċiżjoni Nru 799/1999 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tat-22 ta' Settembru 1999, li għarfitha bl-eżistenza ta' oppożizzjoni għall-applikazzjoni tagħha għal trade mark Komunitarja.

33      Hija tallega li saret taf bil-proċedimenti ta' oppożizzjoni bil-qari tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tal-25 ta' Ottubru 2000, li ssemmi erba' dokumenti li kienu ġew trażmessi lilha mill-UASI, jiġifieri:

–        faks tas-6 ta' Novembru 1998 li jagħti notifika ta' l-oppożizzjoni u bidu ta' terminu ta' tliet xhur, li għaldaqstant kien jiskadi fis-6 ta' Frar 1999, għall-preżentazzjoni ta' osservazzjonijiet, jekk ikun hemm;

–        faks tat-3 ta' Ġunju 1999 li jinformaha li t-trade mark preċedenti li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni kienet sadanittant iddaħħlet fir-reġistru tat-trade marks Komunitarji u li deċiżjoni kienet se tittieħed biss fid-dawl ta' l- elementi ta' prova disponibbli;

–        faks tat-22 ta' Settembru 1999 li jagħti notifika tad-deċiżjoni Nru 799/1999 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-istess ġurnata;

–        faks tal-11 ta' Jannar 2000 li jagħti notifika tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni msemmija hawn fuq u bidu tat-terminu ta' tliet xhur sabiex titressaq talba għal modifikazzjoni parzjali ta' l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

34      Issa, l-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma wasal fl-uffiċċju tar-rappreżentant tar-rikorrenti, li l-organizzazzjoni nterna tiegħu teskludi kull possibbiltà li ntilfu mhux inqas minn erba' dokumenti. B'hekk ir-rikorrenti ġiet ukoll miċħuda mid-dritt li tinstema', inkwantu kien impossibbli għaliha li tidħol f'kuntatt ma' l-opponent matul il-perijodu ta' konċiljazzjoni, li tressaq osservazzjonijiet jew li tappella mid-deċiżjoni Nru 799/1999 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni fit-terminu preskritt. Ir-rikorrenti ssostni li, f'dawn iċ-ċirkustanzi u minkejja li wriet d-diliġenza dovuta fiċ-ċirkustanzi, hija ġiet miċħuda mill-possibbiltà li tirrispetta t-termini stabbiliti mill-UASI, fatt li jiġġustifika r-restitutio in integrum.

35      Ir-rikorrenti tindika li huwa preċiżament minħabba l-fatt li hija ma kinitx taf dwar l-istat tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni li hija talbet lill-UASI sabiex id-drittijiet tagħha jiġu stabbiliti mill-ġdid fl-istadju tal-proċedimenti, sena qabel il-preżentata ta' l-applikazzjoni għal restitutio in integrum.

36      Hija ssostni, fit-tieni lok, li l-argument ta' l-UASI, li jgħid li t-termini stabbiliti għall-kontestazzjoni ta' l-oppożizzjoni kienu skadew aktar minn sena qabel ma saret il-preżentata ta' l-applikazzjoni għal restitutio in integrum, ma jistax jintlaqa'.

37      F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li, fid-data tas-26 ta' Ġunju 1999, jiġifieri sena qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni msemmija hawn fuq, l-UASI kien għadu ma ddeċidiex dwar l-oppożizzjoni u li hija biss id-deċiżjoni tad-dipartiment kompetenti li għalqet il-proċedimenti ta' oppożizzjoni. Hija tallega li, sa din id-deċiżjoni, "perijodi" jew "termini" ta' żmien", kienu għaddew, li matulhom hija setgħet tagħmel atti proċedurali, bħal talba ta' sospensjoni tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni, l-irtirar ta' l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew il-limitazzjoni tal-prodotti u servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni, jew tasal għal kompromess mal-parti opposta. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-restitutio in integrum seta' jingħatalha, skond ir-rikorrenti, fid-dawl tal-fatt li hija tilfet ukoll il-possibbiltà li teżerċita d-dritt tagħha ta' appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

38      Ir-rikorrenti ssostni, fit-tielet lok, li l-UASI ma pprovax li l-erba' dokumenti in kwistjoni kienu ġew effettivament innotifikati lir-rappreżentant tagħha, peress li l-produzzjoni ta' żewġ rapporti ta' trażmissjoni, f'dan ir-rigward, ma kinitx biżżejjed, inkwantu t-trażmissjoni bil-faks setgħet kienet difettuża. Hija tindika li r-rapporti ta' faks b'mod ġenerali u dawk ta' l-UASI b'mod partikolari fl-ebda każ ma huma xierqa sabiex jipprovaw notifika. F'kuntest bħal dan, l-interpretazzjoni restrittiva ta' l-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94 adottata mill-Bord ta' l-Appell telimina għal kollox il-possibbiltà ta' restitutio in integrum, fis-sens li, ladarba dokument mhuwiex innotifikat, ir-restitutio in integrum qatt ma huwa possibbli, għaliex l-ebda terminu ma jibda jiddekorri fin-nuqqas ta' notifika.

39      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tosserva li fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta' Ottubru 2000, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ma ddeċidietx, fuq ir-restitutio in integrum relatat mat-terminu sabiex isir appell, li skada, u ssostni li hija kitbet lill-UASI fit-22 ta' Novembru 2000 sabiex tittieħed deċiżjoni fuq din il-parti ta' l-applikazzjoni.

40      L-UASI jafferma li l-Bord ta' l-Appell ġustament ċaħad ir-rikors għal restitutio in integrum skond l-Artikolu 78 (2) it-tielet sentenza, tar-Regolament Nru 40/94, safejn l-imsemmi rikors ġie ppreżentat aktar minn sena wara li skada t-terminu mhux osservat, jiġifieri fis-6 ta' Frar 1999.

 Kawża T-128/03

41      Ir-rikorrenti invokat, essenzjalment, tliet ilmenti in sostenn tat-talba tagħha għal annullament.

42      L-ewwel nett, hija takkuża lill-Bord ta' l-Appell li biddel, b'mod kunsiderevoli, kemm il-motivi kif ukoll id-dispożittiv tad-deċiżjoni inizjali tiegħu tat-13 ta' Frar 2003, u dan bi ksur tar-Regola 53 tar-Regolament Nru 2868/95 li jawtorizza biss rettifiki ta' żbalji manifesti. Din ir-rettifika għandha tiġi kkunsidrata, mil-lat ġuridiku, bħala att null.

43      Hija tallega, fit-tieni lok, li l-UASI ma wettaqx notifika korretta tal-kommunikazzjonijiet u tad-deċiżjonijiet tiegħu.

44      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li l-UASI ma kellux libertà totali fl-għażla tal-metodi ta' notifika elenkati fir-Regola 61(2), tar-Regolament Nru 2868/95 u li f'dan il-każ huwa kellu, jikkonforma mar-Regola 62(1), ta' l-imsemmi Regolament li jipprovdi għal notifika bil-posta.

45      Hija tosserva li, bħala prova tan-notifika ta' l-erba' dokumenti msemmija f'punt 33 iktar 'il fuq, li hija qatt ma rċeviet, l-UASI sempliċement jipproduċi rapporti ta' trażmissjoni ta' faks li bl-ebda mod ma jistgħu jkunu prova ta' notifika proċeduralment korretta. Dawn huma biss indikazzjonijiet ta' notifika.

46      Barra minn hekk, wieħed minn dawn ir-rapporti, dak rigward il-komunikazzjoni tas-6 ta' Novembru 1998 fuq l-eżistenza ta' oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, huwa manifestament żbaljat inkwantu ma jidhirx fih il-prefiss telefoniku ta' l-Awstrija. Il-kelma "OK" li tidher fuq l-imsemmi rapport turi li konferma ta' trażmissjoni korretta xorta waħda tista' tiġi prodotta anke fil-każ ta' żball fit-trażmissjoni b'faks. Ir-rikorrenti tosserva li, fid-deċiżjoni tat-13 ta' Frar 2003, il-Bord ta' l-Appell ma jagħmilx riferiment għar-rapport in kwistjoni u jeżamina biss ir-rapport ta' konferma rigward it-trażmissjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tat-22 ta' Settembru 1999.

47      Ir-rikorrenti tenfasizza li, f'kull każ, l-esperjenza turi illi huwa possibbli li jkun hemm rapport li jikkonferma t-trażmissjoni tal-faks, meta fil-fatt dan qatt ma jkun wasal fid-destinazzjoni.

48      Minbarra dan, l-eżami tal-prassi ta' diversi awtorità nazzjonali u ta' l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi juri li l-fatt li jintbagħtu komunikazzjonijiet uffiċjali, almenu dawk li bihom jibda jiddekorri terminu, permezz tal-posta jew permezz ta' faks b'mekkaniżmi ta' sigurtà addizzjonali, huwa konformi mar-regola ġuridika mhux biss Ewropea, iżda wkoll internazzjonali. Meta dokument jintbagħat biss permezz ta' faks, il-prova ta' notifika korretta qatt ma tista' tiġi prodotta.

49      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, ksur tad-drittijiet tad-difiża, fis-sens li l-aċċess għall-inkartament tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni, mitlub fit-12 ta' Lulju 2002, għadu ma ngħatax lilha.

50      L-UASI jitlob li l-ilmenti kollha imqajma mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

51      L-intervenjenti tafferma li l-Bord ta' l-Appell ġustament qies, fid-deċiżjoni tat-13 ta' Frar 2003, li l-indikazzjonijiet eżistenti kienu biżżejjed bħala prova li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tat-22 ta' Settembru 1999 effettivament kienet ġiet innotifikata lir-rikorrenti fl-istess jum u li, għalhekk, il-kawża mressqa kontriha kienet inammissibbli.

52      Hija tosserva li r-rikorrenti ma pprovdietx prova, u aktar partikolarment kopji tar-rekords ta' dokumenti li jintbagħtu u li jiġu rċevuti ta' kuljum bil-faks tagħha, li jkunu tali li jqiegħdu fid-dubju n-notifika ċċitata iktar 'il fuq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

53      Huwa paċifiku li kemm l-applikazzjoni għal restitutio in integrum kif ukoll l-appell mid-deċiżjoni Nru 799/1999 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, tat-22 ta' Settembru 1999, li jilqgħu l-oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ġew miċħuda minħabba li ma ġewx ippreżentati fit-terminu stipulat għal dan il-għan. Fil-fatt, l-UASI kkunsidra li t-termini in kwistjoni kienu bdew jiddekorru bin-notifika lir-rikorrenti, permezz ta' faks, tal-komunikazzjoni tas-6 ta’ Novembru 1998, li kienet tinformaha bl-eżistenza ta' oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni tagħha għal trade mark u li terminu ta' tliet xhur għall-preżentazzjoni ta' osservazzjonijiet, fejn xieraq, beda jiddekorri u bid-deċiżjoni Nru 799/1999 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, tat-22 ta' Settembru 1999, li kienet akkumpanjata b'ittra ta' avviż li din id-deċiżjoni setgħet tiġi appellata fi żmien xahrejn li jibdew jiddekorru mill-ġurnata tan-notifika tagħha.

54      Minbarra li r-rikorrenti tallega li ma rċeviet l-ebda faks minn dawn, hija tafferma li l-UASI kellu jikkonforma ruħu mar-Regola 62(1), tar-Regolament Nru 2868/95, li tipprovdi għal notifika bil-posta, u li rapporti ta' trażmissjoni ta' faks qatt ma jistgħu jservu ta' prova ta' notifika proċeduralment korretta, li hija l-unika li biha jistgħu jibdew jiddekorru t-termini taż-żmien.

55      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-valur probatorju ta' trażmissjoni b'faks jiddependi fl-istess waqt mil-livell ta' formalità mitlub għall-att in kwistjoni mid-dispożizzjonijiet applikabbli u mill-kundizzjonijiet ta' użu tal-proċess ta’ trażmissjoni tal-faks innifsu, peress li, bħala regola ġenerali, trażmissjoni b'faks bl-ebda mod ma tqiegħed in kontestazzjoni l-effetti legali vinkolanti ta' l-att. Meta d-dispożizzjonijiet applikabbli jipprovdu għal eżiġenza partikolari ta' formalità għal ċerti atti, għandu jiġi vverifikat jekk it-trażmissjoni ta' dawn bil-faks hijiex kompatibbli ma' l-imsemmija dispożizzjonijiet (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Ġunju 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-398/00, Ġabra p. I-5643, punti 21 u 22).

56      F'dan il-każ, ir-Regola 61(2), tar-Regolament Nru 2868/95 issemmi d-diversi metodi possibbli ta' notifika tad-deċiżjonijiet u tal-komunikazzjonijiet ta' l-UASI, fosthom it-trażmissjoni bil-faks. Kull wieħed minn dawn il-modi ta' trażmissjoni huwa s-suġġett ta' dispożizzjoni speċifika, li teżiġi l-kundizzjonijiet u l-metodi proprji għaliha.

57      B'hekk, in-notifika permezz ta' pubblikazzjoni fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji, imsemmija mir-Regola 66 tar-Regolament Nru 2868/95, tista' tintuża biss jekk m'huwiex possibli li jkun magħruf l-indirizz tad-destinatarju jew jekk in-notifika prevista fir-Regola 62(1), ta' l-imsemmi Regolament ma setgħetx issir, lanqas wara t-tieni tentattiv ta' l-UASI. In-notifika permezz ta' depożitu f'kaxxa postali fl-UASI, imsemmija fir-Regola 64 tar-Regolament Nru 2868/95, timplika ovvjament li d-destinatarji għandhom tali kaxxa postali, li fiha d-dokument li għandu jiġi nnotifikat jista' jiġi ddepożitat.

58      Rigward in-notifika bil-faks, ir-Regola 65 tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li din għandha ssir permezz tat-trażmissjoni, ta' l-oriġinal, jew inkella ta' kopja, bis-saħħa tar-Regola 61(1) ta' dan ir-Regolament, "ta' dokument li għandu jiġi nnotifikat". Din il-formulazzjoni, minħabba n-natura ġenerali tagħha, timplika li dan il-metodu ta' notifika jista' jiġi implementat tkun xi tkun in-natura tad-dokument li għandu jiġi nnotifikat. Din il-konklużjoni hija korroborata mill-kliem ta' l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni EX-97-1 tal-President ta' l-UASI, ta' l-1 ta' April 1997, li tistabbilixxi l-forma tad-deċiżjonijiet, komunikazzjonijiet u notifiki ta' l-UASI, li tiddefinixxi l-mod li għandu jiġi indikat l-isem ta' l-aġent jew ta' l-aġenti responsabbli, "[m]eta deċiżjoni, komunikazjoni jew notifika ta' l-[UASI] hija trażmessa permezz ta' faks". It-trażmissjoni bil-faks għalhekk tista' tirrigwarda kwalunkwe deċiżjoni jew komunikazzjoni ta' l- UASI.

59      Fir-rigward tan-notifika bil-posta, ir-Regola 62(1), tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi għal trattament differenti skond in-natura ta' l-att innotifikat. Għandu jiġi mfakkar, fil-fatt, li skond din ir-regola d-deċiżjonijiet li taħthom jibda jiddekorri terminu għal appell, it-taħrik u d-dokumenti l-oħra kollha kif stabbilit mill-President ta’ l-Uffiċċju għandhom jiġu nnotifikati b’ittra rreġistrata b’avviż ta’ kunsinna. Id-deċiżjonijiet u komunikazzjonijiet suġġetti għal xi limitu ieħor ta' żmien għandhom jiġu nnotifikati b’ittra rreġistrata, sakemm il-President ta’ l-UASI ma jiddeċidiex dwar dan mod ieħor. Il-komunikazzjonijiet l-oħra kollha għandom isiru b’posta ordinarja.

60      Jirriżulta mill-kliem ta' din ir-regola, li tkopri l-atti kollha li jistgħu jiġu nnotifikati mill-UASI, li l-metodi deskritti fiha huma applikabbli biss meta jiġi deċiż li n-notifika għandha ssir bil-posta. Jitneħħa kull effett utli mill-modi l-oħra ta' notifika msemmija fir-Regola 61(2), ta' l-imsemmi r-Regolament, jekk jiġi kkunsidrat li, bl-eċċezzjoni tan-notifika permezz ta' pubblikazzjoni fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji, l-UASI għandu l-obbligu li jeffettwa notifika esklużivament bil-posta tad-deċiżjonijiet suġġetti għal limitu ta’ żmien għall-appell u għall-komunikazzjonijiet li huma suġġetti għal limitu ta' żmien ieħor, u dan jikkorrispondi, rispettivament, għad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tat-22 ta' Settembru 1999 u l-komunikazzjoni tas-6 ta' Novembru 1998.

61      Għalhekk l-UASI seta' validament jeffettwa n-notifika ta' l-atti msemmija iktar 'il fuq bil-faks u għaldaqstant għandu jiġi evalwat il-valur probatorju ta' trażmissjoni effettwata b'dan il-mod fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta' użu tal-proċess ta' trażmissjoni nnifsu.

62      F'kull każ, għandha ssir l-istess analiżi anki li kieku n-notifika legali tal-komunikazzjoni tas-6 ta' Novembru 1998 u tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tat-22 ta' Settembru 1999 kienet timplika, kif issostni r-rikorrenti, trażmissjoni bil-posta skond ir-Regola 62(1), tar-Regolament Nru 2868/95, li żgur li mhuwiex il-każ f'din il-kawża.

63      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ir-Regola 68 tar-Regolament Nru 2868/95, intitolat espliċitament "Irregolaritajiet fl-avviż", meta dokument jasal għand id-destinatarju, jekk l-UASI ma jkunx jista' jipprova li kien ġie notifikat kif imiss, jew jekk dispożizzjonijiet applikabbli għan-notifika tiegħu ma ġewx osservati, id-dokument għandu jitqies li ġie nnotifikat fid-data stabbilita mill-UASI bħala d-data ta' irċevuta.

64      Din id-dispożizzjoni, meħuda globalment, għandha tinfthiem fis-sens li hija tagħti lill-UASI l-possibbiltà li jistabbilixxi d-data li fiha dokument jasal għand id-destinatarju tiegħu, meta huwa ma jkunx jista' jipprova li dan id-dokument kien ġie nnotifikat kif imiss jew meta d-dispożizzjonijiet applikabbli għan-notifika tiegħu ma ġewx osservati, u jagħti lil tali prova l-effetti ġuridiċi ta' notifika legali.

65      Peress li r-Regola 68 tar-Regolament Nru 2868/95 ma tistabbilixxi l-ebda formalità sabiex tingħata din il-prova, għandu jingħad li din tista' tingħata permezz ta' faks, sakemm il-kundizzjonijiet ta' l-użu ta' dan il-proċess ta' trażmissjoni jagħtuha valur probatorju.

66      L-UASI pproduċa diversi annessi fil-proċedimenti fosthom ittra bid-data tat-22 ta' Settembru 1999 li biha l-UASI nnotifika lir-rikorrenti bid-deċiżjoni Nru 799/1999 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-istess ġurnata u l-komunikazzjoni tas-6 ta' Novembru 1998; ir-rapporti ta' trażmissjoni bil-faks korrispondenti ġew magħquda ma' dawn id-dokumenti.

67      Ir-rapport ta' trażmissjoni relatat man-notifika tad-deċiżjoni Nru 799/1999 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tat-22 ta' Settembru 1999 jinkludi l-indikazzjonijiet li ġejjin:

–        "0004336122221918" fil-linja "TELEFONO CONEXION" (komunikazzjoni telefonika), li tikkorispondi għan-numru tal-faks ta' l-uffiċċju tar-rappreżentant tar-rikorrenti indikat fil-formularju ta' l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u b'"0" fuq quddiem għal komunikazzjoni esterna għall-UASI;

–        "DR. LINDMAYR" fil-linja "ID CONEXION" (identifikazzjoni tal-komunikazzjoni), li, bħal Dr. Secklehner, rappreżentant tar-rikorrenti, ukoll jagħmel parti mill-uffiċċju ta' l-avukati;

–        "22/09 16:14" bħala d-data u l-ħin tal-komunikazzjoni;

–        "9" għan-numru ta' paġni trażmessi, li jikkorrispondi effettivament għat-tmien paġni tad-deċiżjoni Nru 799/1999 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tat-22 ta' Settembru 1999 li magħhom tiġi miżjuda l-ittra ta' notifika ta' l-istess jum;

–        "RESULTADO OK" li turi li l-faks intbagħat korrettament.

68      Ir-rapport ta' trażmissjoni relatat mal-komunikazzjoni tas-6 ta' Novembru 1998 kien jinkludi l-indikazzjonijiet li ġejjin:

–        "036122221918" fil-linja "TELEFONO CONEXION" (komunikazzjoni telefonika);

–        "DR. LINDMAYR" fil-linja "ID CONEXION" (identifikazzjoni tal-komunikazzjoni) ;

–        "06/11 18 : 20" bħala d-data u l-ħin tal-komunikazzjoni;

–        "11" għan-numru ta' paġni trażmessi, li effettivament jikkorrispondi għat-test ta' l-oppożizzjoni ppreżentat mill-intervenjenti akkumpanjat bl-ittra ta' l-UASI tas-6 ta' Novembru 1998 dwar notifika ta' l-oppożizzjoni u l-bidu ta' terminu ta' żmien ta' tliet xhur għal preżentazzjoni ta' osservazzjonijiet, jekk ikun hemm;

–        "RESULTADO OK" li juri li l-faks intbagħat korrettament.

69      Rigward ir-rapport ta' trażmissjoni relatat man-notifika tad-deċiżjoni Nru 799/1999 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tat-22 ta' Settembru 1999, id-diversi elementi differenti elenkati f'punt 67 iktar 'il fuq, meħuda flimkien, li kollha huma msemmija mill-Bord ta' l-Appell fid-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2003 (ara punti 23 et seq tad-deċiżjoni), jippermettu li jingħata valur probatorju lir-rapport ta' trażmissjoni prodott mill-UASI, meta jiġi osservat li r-rikorrenti, fil-kuntest ta' dan il-proċediment, ma ppreżentat l-ebda ilment preċiż kontra l-imsemmi rapport, fir-rigward ta' l-indikazzjonijiet li huwa jinkludi

70      F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, safejn isir riferiment globali għall-argumenti li jinsabu fin-noti ppreżentati fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, ir-rikors kemm fil-kawża T-128/03 kemm fil-kawża T-380/02 ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura u għalhekk ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni [is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Novembru 1997, Cipeke vs Il-Kummissjoni, T-84/96, Ġabra p. II-2081, punt 33, u tal-31 ta' Marzu 2004, Interquell vs UASI – SCA Nutrition (HAPPY DOG), T-20/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20].

71      Rigward ir-rapport ta' trażmissjoni relatat mal-komunikazzjoni tas-6 ta' Novembru 1998, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li dan huwa dokument "dubbjuż ħafna" inkwantu "il-parti li tiġi qabel in-numru ta' identifikazzjoni lokali ma setgħetx tinqara minħabba taħżiż bil-lapes".

72      F'dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat li d-dokument prodott mir-rikorrenti fl-annessi tagħha fir-realtà jikkostitwixxi l-kopja ta' dokument oriġinali li jidher f'paġna 40 ta' l-inkartament amministrattiv tal-proċedura quddiem l-UASI li fih sinjal b'marker fluworexxenti sempliċiment mqiegħed maġenb in-numru "036122221918" u li ma jaħbi l-ebda dettal.

73      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tallega li l-prefiss telefoniku ta' l-Awstrija, l-Istat li fih jinsab l-uffiċċju tar-rappreżentant tagħha, ma jidhirx u li, minkejja li tissemma l-kelma "OK", huwa impossibbli, f'dawn iċ-ċirkustanzi, li l-faks in kwistjoni wasal għandu.

74      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat, li kemm fid-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell tat-13 ta' Frar 2003 kif ukoll fir-risposta ta' l-UASI ġie ppreċiżat li l-indikazzjoni ta' l-isem ta' wieħed mill-avukati ta' l-uffiċċju li jirrapreżenta r-rikorrenti kif ukoll in-numru tad-destinatarju li jidher fuq ir-rapport ta' trażmissjoni huma r-riżultat ta' ssettjar tal-magna li tirċievi l-faks. Kemm fl-applikazzjoni tagħha kif ukoll waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda element li jista' jikkontradixxi l-allegazzjoni ta' l-UASI.

75      Imbagħad, u fuq kollox, għandu jiġi osservat li l-konklużjoni tar-rikorrenti msemmija fil-punt 73 iktar 'il fuq hija kontradetta mid-dikjarazzjonijiet tagħha stess fil-kuntest ta' dawn il-proċedimenti.

76      Fil-fatt, f'risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim'Istanza intiża sabiex tiġi vverifikata l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża T-380/02, ir-rikorrenti espressament indikat li hija rċeviet mill-UASI, b'faks tat-2 ta' Ottubru 2002, id-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell tas-26 ta' Settembru 2002. Madankollu, in-numru tad-destinatarju li jidher fuq ir-rapport ta' trażmissjoni relatat mal-faks tat-2 ta' Ottubru 2002 huwa eżattament l-istess bħal dak imsemmi fuq ir-rapport ta' trażmissjoni relatat mal-faks tas-6 ta' Novembru 1998, jiġifieri n-numru "036122221918".

77      Barra minn hekk, l-inkartament sottomess lill-Qorti tal-Prim'Istanza jinkludi wkoll erba' rapporti oħra ta' trażmissjoni, bl-indikazzjoni ta' numru msemmi iktar 'il fuq relatati mal-faks li r-rikorrenti qatt ma kkontestat li kienet irċeviet, jiġifieri:

–        il-faks tal-25 ta' Ottubru li bih l-UASI nnotifika lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-istess ġurnata li tirrifjuta l-applikazzjoni għal restitutio in integrum;

–        il-faks tal-21 ta' Diċembru 2000 ikkostitwit minn ittra bid-data ta' l-istess ġurnata mingħand Geroulakos, membru tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI, li tindika lir-rappreżentant tar-rikorrenti, b'risposta għal ittra ta' dan ta' l-aħħar tat-28 ta' Novembru 2000, li din id-diviżjoni m'għadhiex kompetenti li tintervjeni fil-kawża in kwistjoni;

–        il-faks tat-2 ta' Awwissu li bih l-UASI nnotifika lir-rappreżentant tar-rikorrenti komunikazzjoni mingħand ir-relatur ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-istess ġurnata;

–        il-faks tas-17 ta' Ottubru 2002 li bih l-UASI ttrażmetta lir-rappreżentant tar-rikorrenti, bħala informazzjoni, komunikazzjoni mingħand ir-relatur ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell indirizzata lir-rappreżentant ta' l-opponent.

78      B'hekk jidher li l-indikazzjoni tal-prefiss telefoniku ta' l-Awstrija fuq ir-rapporti ta' trażmissjoni ma tikkostitwixxix element neċessarju sabiex jiġi stabbilit li t-trażmissjoni tal-faks lir-rappreżentant tar-rikorrenti rnexxiet.

79      Għandu wkoll jiġi enfassizat li huwa paċifiku li, fil-kuntest tal-proċeduri ta' reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja mitluba, ta' oppożizzjoni kontra din ta' l-aħħar u ta' appell mid-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, ir-rikorrenti rċeviet numru kbir ta' faks, kemm qabel kif ukoll wara l-erba' faks li hija tallega li ma rċievithomx matul il-proċedimenti ta' oppożizzjoni biss.

80      Għall-bqija, fir-rigward taż-żewġ faks l-oħra li r-rikorrenti ssostni li ma kinitx irċeviet, jiġiferi dawk tat-3 ta' Ġunju 1999 u tal-11 ta' Jannar 2000 (ara punt 33 iktar 'il fuq), għandu jingħad li l-UASI pproduċa wkoll rapporti ta' trażmissjoni li jinkludu elementi li jagħtuhom valur probatorju.

81      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-UASI pprova kif rikjest mill-liġi, b'mod partikolari, li r-rikorrenti rċeviet, fis-6 ta' Novembru 1998, il-komunikazzjoni ta' l-istess ġurnata dwar notifika ta' l-oppożizzjoni u l-bidu ta' terminu ta' tliet xhur għal preżentazzjoni ta' osservazzjonijiet, jekk ikun hemm, u, fit-22 ta' Settembru 1999, tad-deċiżjoni Nru 799/1999 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-istess ġurnata u l-ittra li takkumpanjaha bl-avviż li din id-deċiżjoni setgħet tiġi appellata fi żmien xahrejn li jibdew jgħoddu mill-ġurnata tan-notifika.

82      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata bis-sempliċi kunsiderazzjonijiet ġenerali tar-rikorrenti rigward l-allegat tagħlim mill-"esperjenza", li juri li rapport li jikkonferma trażmissjoni jista' jiġi prodott mill-magna ta' trażmissjoni meta fil-fatt il-faks ma tkunx waslet għand id-destinatarju.

83      Minbarra dan, ir-rikorrenti ma tipprovdi, ebda indikazzjoni li r-rapporti ta' trażmissjoni prodotti mill-UASI, u aktar partikolarment dawk relatati mal-faks tas-6 ta' Novembru 1998 u tat-22 ta' Settembru 1999, mhumiex relatati mad-dokumenti li huma s-suġġett tat-trażmissjoni. Bil-kontra, iktar 'il fuq ġie kkonstatat li n-numru totali ta' paġni li jikkostitwixxi kull dokument trażmess jikkorispondi għall-indikazzjonijiet li jidhru fir-rapporti ta' trażmissjoni msemmija hawn fuq.

84      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, meta ġiet mistiedna mill-Bord ta' l-Appell fit-2 ta' Awwissu 2002, sabiex tipproduċi l-elementi kollha li jistgħu jipprovaw in-nuqqas ta' notifika tal-komunikazzjoni tas-6 ta' Novembru 1998 u tad-deċiżjoni Nru 799/1999 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, tat-22 ta' Settembru 1999, ir-rikorrenti ma pprovdiet, hekk kif enfasizza l-imsemmi Bord fid-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2003, ebda element ta' prova f'dan is-sens, u aktar partikolarment, hija ma ppreżentatx, kif ġie mitlub minnha, il-kopji tad-dokumenti li jintbagħtu u li jiġu rċevuti kull ġurnata bil-magna tal-faks tagħha għall-ġranet ikkonċernati u lanqas biss semmiet ir-raġunijiet li setgħu żammewha milli tagħmel dan. Kien biss fir-rikors relatat mal kawża T-128/03 li r-rikorrenti allegat, għall-ewwel darba, li dak iż-żmien il-magna tal-faks tar-rappreżentant tagħha ma kinitx issettjata b'tali mod li tippermetti l-ħrug ta' rapporti għal kull ġurnata.

85      F'dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-valur probatorju tar-rapporti ta' trażmissjoni msemmija fil-punti 67 u 68 iktar 'il fuq, għandu jitqies, minn naħa, li n-notifika, b'faks, tal-komunikazzjoni tas-6 ta' Novembru 1998, rigward bidu tat-terminu ta' tliet xhur sabiex jitressqu osservazzjonijiet, jekk ikun hemm, effettivament tat bidu għall-imsemmi terminu li l-iskadenza tiegħu, fis-6 ta' Frar 1999, jikkostiwixxi l-punt ta' tluq tat-terminu ta' sena previst għal preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni għal restitutio in integrum. Kontrarjament għall-argument tar-rikorrenti, li t-terminu ta' sena għandu jibda jiddekorri mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tat-22 ta' Settembru 1999, it-"terminu mhux osservat" skond l-Artikolu 78 (2), tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax jiġi mifhum bħala "intervall ta' żmien", mingħajr skadenza stabbilita minn qabel, li jikkorrispondi, f'dan il-każ, għaż-żmien li għadda sad-deċiżjoni msemmija hawn fuq.

86      Peress li l-applikazzjoni għal restitutio in integrum ġiet ippreżentata fis-26 ta' Ġunju 2000, jiġifieri aktar minn sena wara l-iskadenza, fis-6 ta' Frar 1999, tat-terminu ta' tliet xhur mhux osservat, l-Ewwel Bord ta' l-Appell, bid-deċiżjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2002 kellu raġun jiċħad l-appell ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tal-25 ta' Ottubru 2000 fuq il-bażi li ma ġiex ippreżentat fit-terminu ta' sena previst fl-Artikolu 78 (2), tar-Regolament Nru 40/94.

87      Għandu jiġi kkunsidrat, minn naħa l-oħra li n-notifika, b'faks, tad-deċiżjoni Nru 799/1999 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, tat-22 ta' Settembru 1999, effettivament tat bidu għat-terminu ta' xahrejn għal appell, kif stabbilt bl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, u li l-imsemmi terminu skada fit-22 ta' Novembru 1999. Issa, huwa paċifiku li r-rikorrenti ppreżentat l-appell tagħha u ħallset id-drittijiet għal appell biss fis-26 ta' Ġunju 2000, jiġifieri wara ż-żmien.

88      Din il-konklużjoni ta' l-aħħar tirrendi ineffettiv l-ilment tar-rikorrenti, invokat in sostenn tat-talba tagħha għal annullament tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell tat-13 ta' Frar 2003 "u/jew" tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell tat-13 ta' Marzu 2003, ibbażat fuq ksur tar-Regola 53 tar-Regolament Nru 2868/95.

89      Huwa paċifiku li, wara li rrifjuta, fid-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2003, l-appell ippreżentat mir-rikorrenti bħala wieħed tardiv, u għalhekk inammissibbli, fit-13 ta' Marzu, il-Bord ta' l-Appell ta deċiżjoni li fiha mhux biss ġew irrettifikati d-dati żbaljati ta' ċerti atti, iżda ġie wkoll adottat motiv ġdid ta' rifjut, jiġifieri l-ħlas tad-drittijiet ta' appell wara l-iskadenza tat-terminu għal appell, u konsegwentement, dispożittiv ġdid, peress li l-appell ġie meqjus bħala wieħed li ma ġiex ippreżentat, bil-konsegwenza ta' ħlas lura ta' l-imsemmija drittijiet skond ir-Regola 49(3), tar-Regolament Nru 2868/95.

90      Ir-rikorrenti tallega li, b'dan il-mod il-Bord ta' l-Appell kiser ir-Regola 53 tar-Regolament Nru 2868/95 li jawtorizza biss ir-rettifiki ta' żbalji manifesti.

91      Minbarra l-fatt li r-Regola 49 tar-Regolament Nru 2868/95 tirreferi, fosthom fil-paragrafu 3 tagħha, għar-"rifjut ta’ l-appell bħala inammissibbli", għandu jiġi osservat li s-soluzzjonijiet adottati suċċessivament mill-Bord ta' l-Appell juru t-tnejn li huma risposta pożittiva għal problema komuni, f'dan il-każ il-kwistjoni jekk ir-rikorrenti aġixxietx jew le, fil-kuntest ta' l-appell tagħha mid-deċiżjoni Nru 799/1999 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tat-22 ta' Settembru 1999, b'mod tardiv, u dan fid-dawl ta' l-istess terminu ta' xahrejn stabbilit bl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94.

92      F'dawn iċ-ċirkustanzi, indipendentament mill-fatt li jiġi kkunsidrat li l-Bord ta' l-Appell adotta jew ma adottax id-deċiżjoni tat-13 ta' Marzu 2003 bi ksur tar-Regola 53 tar-Regolament Nru 2868/95, f'kull każ hija r-rikorrenti li għandha turi li dan il-Bord ikkunsidra inġustament li hija ma kinitx ippreżentat l-appell u ma ħallsitx id-drittijiet fit-terminu ta' żmien stabbilit bl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, li hekk kif ġie kkonstatat f'punti 53 sa 87 iktar 'il fuq, ir-rikorrenti ma għamlitx.

93      In sostenn tat-talba tagħha għal annullament tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell tat-13 ta' Frar 2003 "u/jew" tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell tat-13 ta' Marzu 2003, ir-rikorrenti qajmet ilment ieħor ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, fis-sens li l-aċċess għall-inkartament tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni, mitlub sa mis-26 ta' Ġunju 2000 imbagħad fit-12 ta' Lulju 2002, għadu ma ngħatax lilha fid-data ta' preżentazzjoni ta’ dan ir-rikors.

94      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li bis-saħħa tiegħu d-destinatarji tad-deċiżjonijiet ta' l-awtoritajiet pubbliċi li jaffetwaw kunsiderevolment l-interessi tagħhom għandhom jingħataw il-possibbiltà li juru b'mod effettiv l-opinjoni tagħhom [is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Frar 2000, Procter & Gamble vs UASI (Forma ta' sapun), T-122/99 , Ġabra p. II‑265, punt 42; tas-27 ta' Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II‑683, punt 21; u Rewe-Zentral vs UASI (LITE), T-79/00 , Ġabra p. II‑705, punt 14].

95      Barra minn hekk, il-prinċipju ta' protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża huwa rikonoxxut bl-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, li jgħid li d-deċiżjonijiet ta' l-UASI jistgħu jiġu bbażati biss fuq motivi li fuqhom il-partijiet setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenzi Forma ta' sapun, iċċitata iktar 'il fuq, punt 40; EUROCOOL, iċċitata iktar 'il fuq, punt 20, u LITE, iċċitata iktar 'il fuq, punt 13), peress li din id-dispożizzjoni tirrigwarda kemm il-motivi ta' fatt, dawk ta' dritt, kif ukoll l-elementi ta' prova [is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Diċembru 2003, Audi vs UASI (TDI), T-16/02, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 71].

96      F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fit-2 ta' Awwissu 2002, l-UASI ttrażmetta lir-rikorrenti rapporti ta' trażmissjoni korretta, prodotti bil-magna tal-faks, tal-komunikazzjoni tas-6 ta' Novembru 1998 dwar in-notifika ta' l-oppożizzjoni u fuq kollox tad-deċiżjoni Nru 799/1999 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, tat-22 ta' Settembru 1999, u stieden lir-rikorrenti tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn id-dokumenti, li din ta' l-aħħar għamlet b'ittra li ġġib id-data tat-2 ta' Ottubru 2002

97      B'hekk, huwa paċifiku li r-rikorrenti saret taf, u esprimiet b'mod effettiv l-opinjoni tagħha dwar, l-element ta' fatt li jikkostitwixxi l-bażi tad-deċiżjonijiet ta' l-UASI tat-13 ta' Frar u tat-13 ta' Marzu 2003 u li għaldaqstant ma tistax tinvoka validament ksur tad-drittijiet tad-difiża. Il-fatt li hija rċeviet fl-4 ta' Lulju 2003, u għalhekk wara l-preżentazzjoni tar-rikors tagħha fil-kawża T-128/03, dokumenti oħra li kienu jagħmlu parti mill-inkartement tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni, fosthom, b'mod partikolari, l-faks tat-3 ta' Ġunju 1999 u tal-11 ta' Jannar 2000 li hija tallega li ma rcevietx fid-dati indikati, huwa, f'dan ir-rigward, mhux rilevanti.

98      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tinvoka l-fatt li, fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta' Ottubru 2000, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ma ddeċidietx dwar l-applikazzjoni għal restitutio in integrum, safejn hija tikkonċerna n-nuqqas ta' osservanza tat-terminu għal appell mid-deċiżjoni ta' din id-diviżjoni tat-22 ta' Settembru 1999, u li hija għadha tistenna deċiżjoni fuq dan il-punt.

99      Effettivament jidher li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ddikjarat ruħha inkompetenti, skond l-Artikolu 78 (4), tar-Regolament Nru 40/94 li tiddeċiedi dwar din il-parti ta' l-applikazzjoni għal restitutio in integrum, billi kkunsidrat li l-Bord ta' l-Appell biss għandu tali kompetenza.

100    Mill-inkartament jirriżulta li r-rikorrenti ma kkontestatx din is-soluzzjoni. B'hekk hija talbet lill-UASI, b'ittra tat-22 ta' Novembru 2000, li tingħata deċiżjoni mill-Bord ta' l-Appell dwar l-applikazzjoni għal restitutio in integrum f'dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' osservanza tat-terminu għal appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tat-22 ta' Settembru 1999. Minbarra dan, is-sinteżi ta' l-argumentazzjoni tar-rikorrenti li tinsab fid-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell tas-26 ta' Settembru 2002, li tiddeċiedi dwar l-appell ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tal-25 ta' Ottubru 2000, ma tinkludi l-ebda indikazzjoni f'dan ir-rigward.

101    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni msemmija fil-punt 98 iktar 'il fuq ma tikkorrispondix mas-suġġett in kwistjoni fil-kawża T-128/03 u l-fatt li r-rikorrenti sempliċement issemmi, mingħajr indikazzjonijiet oħra ċari u preċiżi rigward eventwali ksur ta' kwalunkwe dispożizzjoni tar-Regolament Nru 40/94 jew tar-Regolament Nru 2868/95, ma jistax jitqies bħala motiv għal annullament, la fil-kawża T-128/03 u lanqas fil-kawża T-380/02.

102    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

103    Skond l-Artikolu 87(2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-UASI, skond it-talbiet tiegħu. Min-naħa l-oħra, peress li l-intervenjenti, fir-risposta tagħha, ma għamlitx talbiet dwar il-ħlas ta' l-ispejjeż, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeciedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Ir-rikorrenti hija ordnata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI).

3)      Chipita International SA hija ordnata tbati l-ispejjeż tagħha.

Vilaras

Martins Ribeiro

Jürimäe

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fid-19 ta' April 2005.

Reġistratur

 

      President

H. Jung

 

      M. Vilaras


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.