Language of document : ECLI:EU:T:2005:135

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

20 ta' April 2005 (*)

"Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għal trade mark figurattiva Faber – Oppożizzjoni tal-proprjetarju tat-trade marks nazzjonali verbali u figurattivi NABER – Rifjut ta' reġistrazzjoni"

Fil-kawża T-211/03,

Faber Chimica Srl, stabbilita fi Fabriano (l-Italja), irrappreżentata minn P. Tartuferi u M. Andreano, avocats,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn M. Capostagno u O. Montalto, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI li kienet

Industrias Quimicas Naber, SA Nabersa, stabbilita f'Valenzja (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tad-19 ta' Marzu 2003 (kawża R 620/2001-4), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Faber Chimica Srl u Industrias Quimicas Naber, SA Nabersa, 

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: M. J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-13 ta' Ġunju 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-23 ta' Settembru 2003,

wara s-seduta tal-11 ta' Jannar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-14 ta' Novembru 1997, ir-rikorrenti ppreżentat, bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994, p. 1), kif emendat, applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv Faber, kif riprodott hawn taħt:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 1, 2 u 3 tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 1: "Prodotti kimiċi intiżi għall-industrija u għax-xjenzi; raża artifiċjali mhux ipprocessata; sustanzi għall-ikkonzar; adeżivi (sustanzi li jwaħħlu) użati fl-industrija";

–        klassi 2: "Żebgħa, verniċ, żmalt; preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni ta' l-injam; koloranti; mordenti; raża naturali mhux ipproċessata; metalli f'folji rqaq u trab għal bajjada, dekoraturi, stampaturi u artisti";

–        klassi 3: "Preparazzjonijiet ta' bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; preparazzjonijiet għat-tindif, għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu; spapen; fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet tax-xagħar; dentifriċi".

4        Fil-11 ta' Jannar 1999, din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 2/99.

5        Fit-12 ta' April 1999, Industrias Quimicas Naber, SA Nabersa (iktar 'il quddiem l-"opponenti"), ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, għall-prodotti kollha msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark. Ir-raġuni invokata sabiex issostni l-oppożizzjoni kienet il-probabbiltà ta' konfużjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza tat-trade marks nazzjonali preċedenti li ġejjin, li l-opponenti hija proprjetarja tagħhom:

–        it-trade mark verbali NABER, irreġistrata fi Spanja taħt in-numru 801 202 għal prodotti fil-klassi 1 ("Prodotti kimiċi u sustanzi li jwaħħlu għall-industrija, aġenti għat-tneħħija tal-kulur; raża artifiċjali u sintetika");

–        it-tliet trade marks figurattivi Naber, li r-rappreżentazzjoni grafika tagħhom hija riprodotta hawn taħt, irreġistrati fi Spanja taħt in-numri 2 072 120, 2 072 121 u 2 072 122 sabiex jindikaw rispettivament prodotti fil-klassi 1 ["Prodotti kimici intiżi għall-industrija, għax-xjenza (bl-eċċezzjoni ta' dawk intiżi għax-xjenzi mediċi), għall-fotografija, kif ukoll għall-agrikoltura, l-ortikoltura u l-istudju tal-foresti; raża artifiċjali mhux ipproċessata, plastiks mhux ipproċessati; demel (artifiċjali u naturali); kompożizzjonijiet għat-tifi tan-nar; preparazzjonijiet għall-ittemprar u l-issaldjar; prodotti kimiċi għall-preservazzjoni ta' l-ikel; sustanzi ta' l-ikkonzar; sustanzi li jwaħħlu użati fl-industrija"], klassi 2 ("Żebgħa, verniċ, żmalt; preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni ta' l-injam; koloranti; murdenti; raża naturali mhux ipproċessata; metalli f'folji rqaq u trab għal bajjada, dekoraturi, stampaturi u artisti") u klassi 3 ("Preparazzjonijiet ta' bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; preparazzjonijiet għat-tindif, għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu; spapen; fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet tax-xagħar; dentifriċi; deodoranti għall-użu personali").

Image not found

6        Permezz ta' deċiżjoni tat-23 ta' April 2001, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni minħabba li ma kienx hemm la xebh viżiv, fis-smigħ jew kunċettwali bejn it-trade marks in kwistjoni u lanqas, għaldaqstant, probabbiltà ta' konfużjoni bejniethom.

7        Fil-25 ta' Ġunju 2001, l-opponenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni quddiem l-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94.

8        Permezz ta' deċiżjoni tad-19 ta' Marzu 2003 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), innotifikata lir-rikorrenti b'ittra tat-3 ta' April 2003, ir-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI kkonferma, minn naħa, l-evalwazzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni li tgħid li m'hemm l-ebda xebh bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade marks figurattivi preċedenti ta' l-opponenti. Min-naħa l-oħra, il-Bord ta' l-Appell, wara li eskluda r-rilevanza, f'dan il-każ, ta' l-element kunċettwali tal-paragun, ammetta l-eżistenza ta' xebh viżiv u fis-smigħ bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade mark verbali preċedenti ta' l-opponenti, kif ukoll xebh bejn il-prodotti koperti minn dawn iż-żewġ trade marks. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell laqa' r-rikors u annulla parzjalment id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

9        Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kkontestata, safejn hija tammetti l-eżistenza ta' xebh u, għaldaqstant, ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade mark verbali preċedenti ta' l-opponenti;

–        tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċedura amministrattiva quddiem l-UASI;

–        tordna, bħala miżura istruttorja, rapport ta' espert tekniku sabiex jiġi stabbilit li ma hemm ebda xebh fonetiku bejn il-kliem "naber" u "faber" fil-lingwa Spanjola.

10      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fid-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

12      F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord ta' l-Appell irraġuna b'mod kontradittorju billi ta evalwazzjoni differenti, fid-deċiżjoni kkontestata, tax-xebh bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade marks preċedenti ta' l-opponenti, skond jekk dawn kinux figurattivi jew verbali. B'hekk, wara li kkonkluda korrettament li ma hemmx probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade marks figurattivi preċedenti, billi jattribwixxi valur deċiżiv lill-element viżiv tas-sinjali in kwistjoni (punti 14 sa 25 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda b'mod żbaljat li teżisti tali probabbiltà bejn l-imsemmija trade mark u t-trade mark verbali preċedenti tal-parti li ressqet l-oppożizzjoni , minħabba l-fatt, b'mod partikolari, li din ta' l-aħħar kienet "kapaċi tadotta kull tip ta' rappreżentazzjoni grafika" (punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata). Billi rraġuna b'dan il-mod, il-Bord ta' l-Appell ibbaża ruħu, inġustament, fuq "trasformazzjoni potenzjali, ipotetika u ġejjiena" tad-trade mark in kwistjoni.

13      Rigward il-paragun bejn is-sinjali in kwistjoni, kif inhuma attwalment, ir-rikorrenti ssostni li ma jeżisti ebda xebh viżiv, fis-smigħ jew kunċettwali bejniethom, peress illi huwa mifhum, fl-opinjoni tagħha, li l-aspett viżiv għandu jiġi kkunsidrat bħala predominanti għall-finijiet ta' dan il-paragun, b'tali mod li kull probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi eskluża fin-nuqqas ta' xebh viżiv.

14      Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-paragun bejn il-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni kif ukoll l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni li twettqu fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, hija tressaq ċerti argumenti rigward in-nuqqas ta' kompetizzjoni effettiva fis-suq bejn l-impriżi kkonċernati, kif ukoll dwar in-nuqqas ta' provi tar-reputazzjoni fi Spanja tat-trade marks preċedenti ta' l-opponenti.

15      L-UASI jsostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata b'ebda kontradizzjoni jew żball ta' evalwazzjoni. B'mod iktar speċifiku, il-Bord ta' l-Appell wettaq paragun korrett bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade marks preċedenti billi ddistingwa dawn ta' l-aħħar skond it-tip tagħhom, li għandu impatt kunsiderevoli fuq l-impressjoni globali mogħtija minnhom. Fil-fatt, ma jistax jiġi kkontestat li t-trade marks preċedenti għandhom karatteristiċi morfoloġiċi differenti, li jiġġustifikaw u saħansitra jeħtieġu evalwazzjoni distinta u li jwasslu għal konklużjonijiet differenti.

16      Barra minn hekk, il-Bord ta' l-Appell ġustament qies li t-trade mark verbali preċedenti, peress li ġiet irreġistrata indipendentament minn kull karatteristika grafika speċifika, setgħet tiġi użata taħt stili differenti, b'tali mod li ma setgħetx tiġi eskluża l-possibbiltà li jintuża stil li jrendi l-imsemmija trade mark, fl-użu konkret tagħha, simili għat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

17      Rigward il-paragun bejn is-sinjali in kwistjoni f'dan il-każ, b'mod iktar partikolari mill-aspett viżiv, l-UASI jqis li l-Bord ta' l-Appell kellu raġun jistabbilixxi l-identiċità ta' erba' ittri minn ħamsa, li jikkostitwixxu s-suffiss "aber", u l-impatt dgħajjef ta' l-ittra "F" li biha tibda t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, li s-stil partikolari tagħha jnaqqas l-possibbiltà li tiġi mifhuma immedjatament.

18      Sussegwentement, rigward l-aspett tas-smigħ, l-UASI jaqbel ma' l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li, filwaqt li jirrikonoxxi d-differenza bejn l-ittri inizjali "F" u "N", li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni qieset inġustament bħala deċiżivi, ta importanza ikbar lill-identiċità tal-parti finali komuni "aber". Din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq l-impatt tal-vokali, li l-effett fonetiku tagħhom huwa ġeneralment iktar importanti minn dak tal-konsonanti, b'mod partikolari fil-lingwi Rumanzi bħall-Ispanjol. Fil-każ taż-żewġ trade marks, il-preżenza ta' l-ittra "A" u tas-suffiss "ber" tagħti lok għal ħoss li globalment jiġbed iktar u huwa iktar b'saħħtu minn dak ta' l-ittra inizjali "F" jew "N".

19      L-UASI jirrifjuta wkoll l-argumenti li bihom ir-rikorrenti tikkontesta l-paragun bejn il-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni kif ukoll l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni li tqajmu fid-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, l-UASI jirrifjuta l-argumenti tar-rikorrenti rigward l-allegat nuqqas ta' kompetizzjoni effettiva fis-suq bejn l-impriżi kkonċernati, kif ukoll rigward in-nuqqas ta' prova tar-reputazzjoni fi Spanja tat-trade marks preċedenti ta' l-opponenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

20      Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fuq oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi rreġistrata meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta.

21      Skond ġurisprudenza kostanti, il-probabbiltà ta' konfużjoni dwar l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew servizzi għandha tiġi kkunsidrata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti fil-kawża, b'mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dik tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 29 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

22      F'dan il-każ, it-trade mark verbali preċedenti ta' l-opponenti, li hija l-unika waħda in kwistjoni fil-kuntest ta' din il-kawża, hija rreġistrata fi Spanja, li jikkostitwixxi għalhekk it-territorju rilevanti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(1) tar-Regolament nru 40/94.

23      Rigward id-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti f'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, kif għamel il-Bord ta' l-Appell (punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-prodotti koperti mit-trade mark verbali preċedenti ta' l-opponenti jaqgħu taħt il-klassi 1 u li essenzjalment huma intiżi għal klijenti industrijali ("Prodotti kimiċi u sustanzi li jwaħħlu għall-industrija, aġenti għat-tneħħija ta' kulur; raża artifiċjali u sintetika").

24      Għaldaqstant, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni, għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni, il-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, li essenzjalment huwa magħmul mill-konsumaturi industrijali fi Spanja. Bħala professjonisti, huma għandhom mnejn juru livell ta' attenzjoni ogħla mill-konsumatur medju fl-għażla tal-prodotti in kwistjoni [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' April 2003, Durferrit vs l-UASI – Kolene (NU TRIDE), T-224/01, Ġabra p. II-1589, punt 52, u tat-30 ta' Ġunju 2004, M+M vs L-UASI – Mediametrie (M+M EUROdATA), T-317/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 52].

25      Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi eżaminat il-paragun, minn naħa, tas-sinjali in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, tal-prodotti kkonċernati, magħmul mill-Bord ta' l-Appell.

26      L-ewwel nett, fir-rigward tal-paragun tas-sinjali in kwistjoni, għandu jiġi osservat, b'mod ġenerali, li żewġ trade marks huma simili meta, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, huma identiċi għall-inqas parzjalment fir-rigward ta' aspett rilevanti wieħed jew iktar. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma rilevanti l-aspett viżiv, tas-smigħ u kunċettwali (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 23, u tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 25). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' kunfużjoni għandha, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali mogħtija minnhom, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom.

27      Barra minn hekk, kuntrarjament għall-argument tar-rikorrenti li l-aspett viżiv għandu jiġi kkunsidrat bħala predominanti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma jistax jiġi eskluż li s-sempliċi xebh fonetiku bejn żewġ trade marks jista' joħloq probabbiltà ta' konfużjoni [ara, f'dan is-sens, is-sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 26 supra, punt 28, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Jannar 2003, Mystery Drinks vs L-UASI – Karlsberg Brauerei (MYSTERY), T-99/01, Ġabra p. II-43, punt 42].

28      F'dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-sinjali in kwistjoni ġew ikkunsidrati bħala simili mill-Bord ta' l-Appell wara analiżi viżiva u tas-smigħ. Barra minn hekk, huwa paċifiku (ara punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti fil-kuntest ta' dan ir-rikors) li, billi s-sinjali in kwistjoni m'għandhom ebda sinjifikat fil-lingwa Spanjola, huma ma jistgħux jiġu mqabbla fuq il-livell kunċettwali.

29      Qabel kollox, rigward il-paragun viżiv, il-Bord ta' l-Appell beda mill-prinċipju li trade mark verbali "tista' tadotta kull tip ta' rappreżentazzjoni grafika" (punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata). Skond id-dokumenti ta' l-UASI, il-Bord ta' l-Appell b'hekk ippreveda l-possibbiltà ta' użu futur tat-trade mark verbali ta' l-opponenti f' forma stilizzata li tirrendiha grafikament simili għat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

30      Ir-rikorrenti ssostni li, billi rraġuna b'dan il-mod, il-Bord ta' l-Appell ibbaża ruħu, inġustament, fuq "trasformazzjoni potenzjali, ipotetika u ġejjiena" tat-trade mark in kwistjoni. Fl-opinjoni tagħha, għandu jiġi effettwat, bil-kontra, paragun fir-rigward tas-sinjal kif jidher bħalissa, u mhux billi ssir spekulazzjoni dwar tibdil futur li mhuwiex relatat ma' l-evalwazzjoni globali attwali. Ir-rikorrenti żżid li, kieku l-opponenti kellha tbiddel fil-futur il-grafika tat-trade mark tagħha, dan jirriżulta f'sinjal distintiv ieħor mhux protett li l-klijenti tagħha ma jibqgħux jagħrfu u li għaldaqstant ma jkunx jista' jibqa' jindika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti tagħha.

31      L-UASI jirribatti li l-kriterju ta' evalwazzjoni adottat mill-Bord ta' l-Appell huwa magħruf u applikat ġeneralment, peress li r-reġistrazzjoni ta' trade mark purament verbali tagħti lill-proprjetarju tagħha dritt esklużiv u illimitat għal konfigurazzjoni stilistika predefinita tas-sinjal. Huwa ma jippreġudika bl-ebda mod il-konstatazzjoni ta' probabbiltà ta' konfużjoni, magħmula f'dan il-każ mill-Bord ta' l-Appell. A contrario, it-trade marks figurattivi huma, minnhom infushom, protetti esklużivament fil-morfoloġija eżatta li hija s-suġġett tar-reġistrazzjoni tagħhom. F'dan il-każ, hija preċiżament din "in-natura fissa" tal-morfoloġija tagħhom li tippermetti li ssir distinzjoni bejn it-trade marks figurattivi preċedenti ta' l-opponenti, b'mod li teskludi kull probabbiltà ta' konfużjoni mat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

32      F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, f'dan il-każ, il-paragun viżiv għandu jsir bejn trade mark verbali, ikkostitwita mill-kelma "naber", u trade mark figurattiva kumplessa, li tinkludi fl-istess waqt element verbali, jiġifieri l-kelma "faber", u element grafiku. Din it-trade mark figurattiva kumplessa hija deskritta kif ġej fl-applikazzjoni għal trade mark:

"L-isem 'faber' f'karattri żgħar stampati, bil-parti orizzontali ta' l-'f' li testendi ruħha b'mod li tkopri l-kelma kollha u li tinżel fuq il-parti vertikali ta' l-'r', mingħajr ma tmissha, u l-parti orizzontali inferjuri ta' l-'f' li taqsam il-parti vertikali ta' din l-istess ittra 'f' b'estensjoni li tinżel u tagħmel linja taħt il-kelma kollha u terġa titla' sabiex tieqaf quddiem il-parti orizzontali ta' l-'r', mingħajr ma tmissha, bl-isem u l-estensjonijiet miktuba fil-forma ta' elissi."

33      Kif jgħid ġustament l-UASI fuq is-sit ta' l-Internet tiegħu, trade mark verbali hija trade mark ikkostitwita esklużivament minn ittri, kliem jew assoċjazzjonijiet ta' kliem b'tipa normali, mingħajr element grafiku speċifiku. Trade mark figurattiva, min-naħa l-oħra, hija rappreżentazzjoni partikolari ta' karatteristiċi verbali jew grafiċi jew għaqda ta' elementi verbali u grafiċi, bil-kulur jew le. Trade mark figurattiva kumplessa hija magħmula minn żewġ kategoriji ta' sinjali jew iktar, li tgħaqqad flimkien per eżempju ittri u sinjal grafiku, bħat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni f'dan il-każ.

34      Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari, la r-raġunar tar-rikorrenti u lanqas dak ta' l-UASI ma jista' jiġi aċċettat.

35      Minn naħa, ir-rikorrenti tinjora l-karatteristiċi tat-trade mark verbali preċedenti billi tara fiha sempliċement tip partikolari ta' trade mark figurattiva, li hija fissa f'morfoloġija speċifika. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tagħmel it-tieni żball meta ma tiħux in kunsiderazzjoni l-element verbali tat-trade mark kumplessa li għaliha saret applikazzjoni.

36      Min-naħa l-oħra, l-UASI donnu jagħti lit-trade mark verbali element grafiku li, min-natura tagħha, hija m'għandhiex. Barra minn hekk, l-UASI jadotta approċċ limitat billi jiġġustifika l-protezzjoni mogħtija lit-trade mark verbali preċedenti permezz tal-kapaċità tagħha li timita fil-futur il-forma partikolari tat-trade mark kumplessa li għaliha saret applikazzjoni.

37      Sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn trade mark figurattiva kumplessa u trade mark verbali preċedenti, l-aspetti grafiċi jew stilistiċi partikolari li din ta' l-aħħar tista' eventwalment tadotta mhumiex rilevanti. F'kull każ, m'hemmx lok li l-evalwazzjoni tax-xebh mat-trade mark verbali preċedenti, li hija l-unika evalwazzjoni rilevanti f'dan il-każ, tiġi sostitwita b'evalwazzjoni tax-xebh ma' element figurattiv li mhuwiex protett mir-reġistrazzjoni preċedenti.

38      Fil-fatt, mhuwiex minħabba li trade mark verbali preċedenti tista' tadotta fil-futur grafika li tirrendiha identika jew simili għal trade mark kumplessa li għaliha tkun saret applikazzjoni li r-reġistrazzjoni tagħha għandha tiġi miċħuda, iżda minħabba li din it-trade mark kumplessa hija fil-fatt ikkostitwita, minbarra l-aspett figurattiv mhux tas-soltu tagħha, minn element verbali identiku jew simili għal dak li jikkostitwixxi t-trade mark preċedenti, u li, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni, dan l-element verbali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala sussidjarju meta mqabbel mal-komponent l-ieħor tas-sinjal [ara, a contrario, ir-raġunar tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 50 et seq. tas-sentenza tat-12 ta' Diċembru 2002, Vedial vs L-UASI – France Distribution (HUBERT), T-110/01, Ġabra p. II-5275].

39      B'hekk, f'dan il-każ, l-ewwel nett għandu jiġi analizzat ix-xebh viżiv bejn l-elementi verbali "naber" u "faber", imbagħad, f'każ li tali xebh huwa kkonstatat, għandu jiġi vverifikat jekk l-element grafiku jew figurattiv addizzjonali, li huwa speċifiku għat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, jistax jikkostitwixxi element ta' distinzjoni suffiċjenti sabiex jeskludi l-eżistenza ta' xebh viżiv bejn is-sinjali in kwistjoni f'għajnejn il-pubbliku rilevanti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza HUBERT, punt 38 iktar 'il fuq).

40      Qabel kollox, fir-rigward tal-paragun viżiv ta' l-elementi purament verbali "faber" u "naber", huwa minnu li dawn iż-żewġ kelmiet għandhom l-erba' ittri "aber" in komuni. Madankollu, kif josservah il-Bord ta' l-Appell fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, mhuwiex minħabba l-fatt li jeżisti element komuni fiż-żewġ trade marks imqabbla li dan l-element huwa neċessarjament dak li jiġbed l-iktar attenzjoni fiż-żewġ trade marks. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tax-xebh tagħhom tiddependi essenzjalment fuq kemm tingħata importanza lill-ittra inizjali, li tiddistingwi waħda mill-oħra, meta mqabbla ma' l-erba' ittri finali, li huma għandhom in komuni mhux biss bejniethom, iżda wkoll, skond l-indikazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, ma' numru kbir ta' trade marks oħra preżenti fis-suq Spanjol (ara punt II tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward ta' dan l-element ta' l-aħħar, il-miżien ma jxaqlibx biċ-ċar favur opinjoni jew oħra. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li jeżisti ċertu xebh bejn iż-żewġ sinjali, iżda li dan ma jidhirx li huwa partikolarment deċiżiv.

41      Sussegwentement, fir-rigward tal-kunsiderazzjoni ta' l-element figurattiv addizzjonali, speċifiku għat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza taqbel ma' l-evalwazzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, li dan l-element mhuwiex sekondarju, peress illi "jikkonsisti f'kompożizzjoni ivvintata li titlob sforz kunċettwali ta' kompożizzjoni". Id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni osserva b'mod iktar partikolari li "[l]-ittra inizjali 'F' hija stilizzata ħafna għaliex hija tkopri, minn naħa, il-parti superjuri ta' l-element verbali kollu u, min-naħa l-oħra, il-linja ta' l-'F' tagħmel linja taħt l-element verbali billi tgħaddi taħtu u madwaru sabiex tieqaf ħdejn il-linja ta' l-aħħar ittra 'R'". Barra minn hekk, l-elissi li hija miġbura fiha din il-kompożizzjoni tenfasizza ħafna l-aspett figurattiv partikolari tagħha.

42      Il-Bord ta' l-Appell innifsu wkoll jirrikonoxxi, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, l-"aspett figurattiv importanti" tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

43      Dawn iż-żewġ evalwazzjonijiet, ikkunsidrati flimkien, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni globali tax-xebh viżiv, iwasslu lill-Qorti tal-Prim'Istanza għall-kunsiderazzjoni li l-element grafiku jew figurattiv addizzjonali speċifiku għat-trade mark li għaliha saret l'applikazzjoni jista' jikkostitwixxi element ta' distinzjoni suffiċjenti għall-esklużjoni ta' l-eżistenza ta' xebh viżiv bejn is-sinjali in kwistjoni f'għajnejn il-pubbliku rilevanti, li huwa magħmul minn professjonisti.

44      Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell inġustament ikkonkluda, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li jeżisti xebh viżiv bejn is-sinjali in kwistjoni, minkejja l-"aspett figurattiv importanti" tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, għar-raġuni li l-parti finali "aber" kienet "tingħaraf b'mod ċar".

45      Barra minn hekk, għandha tiġi enfasizzata l-kontradizzjoni, osservata wkoll mir-rikorrenti, bejn din l-evalwazzjoni ta' l-aħħar u dik, li tinsab fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-parti finali "aber" "ma tingħarafx partikolarment" fit-trade mark in kwistjoni.

46      Fir-rigward tal-paragun tas-smigħ, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kienet osservat, minn naħa, li l-pubbliku josserva iktar l-ittra inizjali minħabba l-pożizzjoni tagħha fuq quddiem u, min-naħa l-oħra, li l-ħoss ta' "F" huwa kjarament distint mill-ħoss ta' "N". Din is-sempliċi differenza hija biżżejjed, fl-opinjoni tagħha, sabiex teskludi kull xebh fonetiku bejn it-trade marks in kwistjoni.

47      Min-naħa l-oħra, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell qies li din id-differenza mhijiex deċiżiva. Huwa osserva li, mil-lat fonetiku, il-kliem huma maqsuma f'sillabi u li, f'dik is-sillaba, partikolarment fl-Ispanjol, l-intensità tal-leħen tiżdied fuq il-vokali, skond il-fenomenu ta' aċċentwazzjoni. F'dan il-każ, fis-sillaba inizjali tal-kliem "naber" u "faber", l-ittra "A", għaldaqstant, għandha reżonanza ogħla mill-konsonanti inizjali. Barra minn hekk, peress illi t-tieni sillaba "ber" hija identika fiż-żewġ kelmiet, il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li kien jeżisti ċertu xebh fonetiku bejn is-sinjali in kwistjoni.

48      Mingħajr ma hemm il-bżonn li wieħed jirrikorri għar-rapport ta' espert mitlub mir-rikorrenti sabiex jiġi ribattut dan l-argument, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li m'hemmx dubju li jeżisti ċertu xebh fonetiku bejn is-sinjali in kwistjoni. Madankollu, anki jekk jittieħed in kunsiderazzjoni l-fenomenu ta' aċċentwazzjoni invokat mill-UASI, dan ix-xebh mhuwiex biżżejjed sabiex jinnewtralizza d-differenza fonetika prodotta mill-ittra inizjali, peress illi, kif tosserva d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, il-ħsejjes prodotti mill-konsonanti "F" u "N" huma kjarament distinti.

49      Minn naħa, fil-fatt, il-konsonanti "F" ma tinstemax, jiġifieri l-kordi vokali ma jivvibrawx meta joħroġ il-ħoss, bid-differenza tal-konsonanti "N", li tinstema'. Min-naħa l-oħra, il-konsonanti "F" hija frikattiva, jiġifieri l-pronunzja tagħha toħloq effett ta' frizzjoni, filwaqt li l-konsonanti "N" hija nażali, jiġifieri l-pronunzja tagħha toħloq effett ta' reżonanza.

50      Fid-dawl tal-fatt li l-pubbliku rilevanti huwa pubbliku speċjalizzat, li huwa iktar attent mill-konsumatur medju, din id-differenza fonetika bejn iż-żewġ sinjali in kwistjoni u, b'mod partikolari, id-differenza viżiva distinta li tirriżulta mill-aspett figurattiv importanti speċifiku għal wieħed mis-sinjali huma biżżejjed sabiex jiġi konkluż, wara evalwazzjoni globali, li s-sinjali li jikkostitwixxu t-trade marks in kwistjoni, kull wieħed ikkunsidrat fit-totalità tiegħu billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom, mhumiex simili.

51      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li waħda mill-kundizzjonijiet indispensabbli għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 mhijiex sodisfatta.

52      Għaldaqstant, għandu jiġi milqugħ il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u għandhom jintlaqgħu t-talbiet tar-rikorrenti, mingħajr il-bżonn la li jsir paragun tal-prodotti in kwistjoni u lanqas li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħrajn tar-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

53      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

54      Skond l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż sostnuti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell huma kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jiġu rkuprati.

55      Peress illi l-UASI tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż indispensabbli tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell, sostnuti mir-rikorrenti, kif mitlub fit-talbiet tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta' u tiddeciedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) tad-19 ta' Marzu 2003 (kawża R 620/2001-4) hija annullata safejn hija tilqa' l-oppożizzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark verbali spanjola NABER.

2)      Il-konvenut għandu jbati l-ispejjeż.

Pirrung

Forwood

Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta' April 2005.

H. Jung

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.