Language of document : ECLI:EU:T:2005:138

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (il-Ħames Awla)

21 ta' April 2005 (*)

«Trademark komunitarja – Proċedimenti ta' oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trademark komunitarja verbali RUFFLES – Trademark nazzjonali preċedenti RIFFELS – Trademark nazzjonali iktar preċedenti RUFFELS – Koeżistenza u ekwivalenza bejn il-trademarks nazzjonali u t-trademarks komunitarji»

Fil-kawża T-269/02,

PepsiCo, Inc., stabbilita f'Purchase, New York (l-Istati Uniti), rappreżentata minn E. Armijo Chávarri, avocat,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI), inizjalment rappreżentat minn  J. Novais Gonçalves u J. Crespo Carrillo, u wara minn A. von Mühlendahl u Novais Gonçalves, bħala aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, li qed tintervjeni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

Intersnack Knabber-Gebäck GmbH & Co. KG, qabel magħrufa bħala Convent Knabber-Gebäck GmbH & Co. KG, stabbilita f'Kolonja (il-Ġermanja), rappreżentata minn M. Schaeffer, avocat,

li għandha bħala għan rikors magħmul kontra d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ta' l-10 ta' Ġunju 2002 (kawża R 114/2000-1), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn PepsiCo, Inc. u Intersnack Knabber-Gebäck GmbH & Co. KG,

 

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (il-Ħames Awla),

komposta minn Vilaras, President, F. Dehousse u D. Šváby, Mħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara l-udjenza tas-16 ta' Diċembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fl-1 ta' April 1996, PepsiCo, Inc. ippreżentat applikazzjoni għal trademark komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI), skond ir-Regolament (KE) Nru 40/94 tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trademark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trademark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali RUFFLES.

3       Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trademark jinstabu fil-klassijiet 29 u 30 tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trademarks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għal kull waħda minn dawn il-klassijiet:

–       Klassi 29 : «Laħam, ħut, tjur u selvaġġina; estratti tal-laħam; frott u ħaxix ippriservat, imnixxef u msajjar; ġèli, ġammijiet, frott ippriservat jew misjur fix-xropp; bajd, ħalib u prodotti tal-ħalib; żejt u xaħam li jittiekel»;

–       Klassi 30 : «Kafè, te, kawkaw, zokkor, ross, tapjoka, sago, kafè artifiċjali; dqiq u preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali; ħobż, għaġina u ħlewwiet, silġ; ġelati; għasel, għasel iswed; ħmira, trab tal-ħami; melħ, mustarda; ħall, zlazi (kondimenti); ħwawar; silġ».

4       Fit-22 ta' Diċembru 1997, l-applikazzjoni għat-trademark ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trademarks Komunitarji.

5       Fit-23 ta' Marzu 1998, l-intervenjenti, Intersnack Knabber-Gebäck GmbH & Co. KG (qabel magħrufa bħala Convent Knabber-Gebäck GmbH & Co. KG), ressqet nota ta' oppożizzjoni [jew notifikata' oppożizzjoni skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94] kontra r-reġistrazzjoni tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94.

6       Il-motiv invokat b'sostenn għall-oppożizzjoni kien il-probabbiltà ta' konfużjoni, skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, bejn it-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, fir-rigward ta' «ħaxix imnixxef» (Klassi 29) u «preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali, għaġina u ħlewwiet» (Klassi 30), koperti mill-imsemmija trademark, u t-trademark nazzjonali preċedenti RIFFELS, reġistrata fil-Ġermanja mill-intervenjenti, fir-rigward ta' «krisps tal-patata», koperti minn din it-trademark preċedenti.

7       Permezz ta' deċiżjoni tat-23 ta' Novembru 1999, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni laqat l-oppożizzjoni fir-rigward ta' «ħaxix imnixxef» u ta' «għaġina u ħlewwiet» fuq il-bażi li, fid-dawl ta' l-identiċità u x-xebh parzjali bejn il-prodotti koperti mis-sinjali f'kunflitt ma' xulxin u minħabba x-xebh ta' l-imsemmija sinjali, kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn iż-żewġ trademarks. Min-naħa l-oħra, hija ċaħdet l-oppożizzjoni fir-rigward ta' «preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali».

8       Fl-24 ta' Jannar 2000, ir-rikorrenti ressqet rikors quddiem l-UASI, skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. Fit-23 ta' Ġunju 2000, hija ppreżentat sottomissjonijiet li juru l-motivi tar-rikors.

9       Fit-2 ta' Mejju 2001, l-intervenjenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-rikors tar-rikorrenti, li ġew notifikati lil din ta' l-aħħar għal skopijiet ta' informazzjoni permezz ta' ittra ta' l-UASI ta' l-4 ta' Mejju 2001.

10     Permezz ta' ittra tat-13 ta' Ġunju 2001, ir-rikorrenti talbet lill-Bord ta' l-Appell sabiex jistiedinha tippreżenta osservazzjonijiet ġodda, skond l-Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 40/94.

11     Permezz ta' ittra tas-27 ta' Ġunju 2001, il-Bord ta' l-Appell ċaħad din it-talba.

12     Permezz ta' deċiżjoni ta' l-10 ta' Ġunju 2002, li ġiet notifikata lir-rikorrenti fl-24 ta' Ġunju 2002 (iktar 'l quddiem «d-deċiżjoni kkontestata»), l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħad ir-rikors. Il-Bord ta' l-Appell, wara li kkonstata li r-rikors kien ibbażat unikament fuq il-pretensjoni li r-rikorrenti kienet propjetarja, fil-Ġermanja, ta' dritt preċedenti għal dak ta' l-intervenjenti, ikkunsidra li din il-pretensjoni ma kienetx tali li tqajjem dubju fuq id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. Fil-fatt, din ir-reġistrazzjoni nazzjonali preċedenti kien irrelevanti għar-riżultat tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni u, f'kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza tagħha (punti 17 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13     Permezz ta' talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-2 ta' Settembru 2002, ir-rikorrenti ressqet ir-rikors preżenti.

14     Fit-23 u l-31 ta' Jannar 2003, rispettivament, l-intervenjenti u l-UASI ippreżentaw ir-risposta tagħhom. Fis-27 ta' Jannar 2003, l-intervenjenti ppreżentat ċerti dokumenti li jissupplimentaw ir-risposta tagħha.

15     Permezz ta' ittra tal-5 ta' Marzu 2003, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza l-awtorizzazzjoni sabiex tippreżenta replika skond l-Artikolu 135(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, u talbitha tiddeċiedi fuq talba li hija allegatament kienet ressqet preċedentement, dwar it-tfassil ta' parir, mid-ditta ta' avukati Ġermaniża Lovells, li jikkonċerna t-trademark Ġermaniża li hija qiegħda titlob.

16     Permezz ta' ittra tat-22 ta' April 2004, il-Qorti tal-Prim'Istanza caħdet dawn iż-żewġ talbiet u, fir-rigward tat-tieni waħda, fakkret li hija r-rikorrenti li għandha tressaq il-provi li fuqhom hija għandha l-intenzjoni tibbaża ruħha, u dan taħt il-kondizzjonijiet u fit-termini stipulati fir-Regoli ta' Proċedura.

17     Permezz ta' ittra tat-30 ta' April 2004, ir-rikorrenti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza parir mingħand id-ditta ta' avukati Lovells, bl-istess data, li ddaħħal fil-proċess.

18     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkundanna lill-UASI iħallas l-ispejjeż.

19     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż.

20     L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiċħad ir-rikors.

 Id-Dritt

21     Ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi għall-annullament. Fil-kuntest ta' l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tad-difiża, ir-rikorrenti tilmenta lill-Bord ta' l-Appell li hu ma tagħix il-possibbiltà li tagħti prova ta' l-eżistenza tat-trademark Ġermaniżi preċedenti tagħha RUFFLES. Fil-kuntest tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju li l-Qorti għandha tiddeċiedi biss fuq id-domandi mressqa lilha, ir-rikorrenti tilmenta lill-Bord ta' l-Appell li ma kkunsidrax din it-trademark, li l-eżistenza tagħha kienet tikkostitwixxi, b'kont meħud ta' l-elementi ta' provi mressqa u tan-nuqqas ta' oġġezzjonijiet min-naħa ta' l-intervenjenti, element kostanti fil-kontroversja quddiem l-UASI. Fil-kuntest tat-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-koeżistenza u ta' l-ekwivalenza bejn it-trademarks komunitarji u t-trademarks nazzjonali, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li s-sempliċi eżistenza tat-trademark Ġermaniża preċedenti tagħha RUFFLES kellha twassal għaċ-ċaħda ta' l-oppożizzjoni.

22     Huwa fatt li, sabiex tfixkel l-oppożizzjoni quddiem l-UASI, ir-rikorrenti bbażat ruħha esklusivament fuq l-eżistenza tat-trademark Ġermaniża RUFFLES, ta' liema kienet is-sid u li kienet tippreċedi dik ta' l-intervenjenti. Skond ir-rikorrenti, din l-eżistenza waħedha kellha tiġġustifika ċ-ċaħda ta' l-oppożizzjoni.

23     Għaldaqstant, ir-rikorrenti fl-ebda stadju tal-proċedimenti quddiem l-UASI ma bbażat ruħha fuq l-użu ta' din l-allegata trademark sabiex turi l-koeżistenza de facto bejn din it-trademark u dik ta' l-intervenjenti, liema koeżistenza setgħet tikkostitwixxi fattur relevanti fl-evalwazzjoni, imwettqa b'mod indipendenti mill-UASI skond ir-Regolament Nru 40/94, tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trademark komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trademark ta' l-intervenjenti.

24     Ir-rikorrenti lanqas ma allegat, u ħafna inqas ma uriet bi provi, li hija kienet kisbet l-annullament tat-trademark ta' l-intervenjenti quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti permezz tat-trademark Ġermaniża preċedenti tagħha, u lanqas li kienet bdiet proċedimenti għal dan l-għan.

25     F'dan il-kuntest, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li, indipendentement ukoll mill-mistoqsija dwar jekk ir-rikorrenti ġabitx prova, quddiem l-UASI, ta' l-eżistenza ta' l-allegata trademark Ġermaniża preċedenti tagħha, l-eżistenza waħedha tagħha, fi kwalunkwe każ, ma kienitx tkun biżżejjed sabiex tiġi miċħuda l-oppożizzjoni. Ir-rikorrenti kien ikollha xorta waħda turi illi kisbet l-annullament tat-trademark ta' l-intervenjenti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

26     Fil-fatt, il-validità ta' trademark nazzjonali, f'din il-kawża dik ta' l-intervenjenti, ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta' proċedimenti ta' reġistrazzjoni ta' trademark komunitarja, iżda biss fil-kuntest ta' proċedimenti ta' annullament mibdija fl-Istat Membru kkonċernat [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord/UASI − Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra p. II‑4335, punt 55]. Barra minn hekk, għalkemm huwa l-UASI li għandu jaċċerta, abbażi tal-provi li għandhom jingħataw mill-parti li qiegħda topponi, l-eżistenza tat-trademark nazzjonali invokata b'sostenn għall-oppożizzjoni, huwa m'għandux jirriżolvi kunflitt bejn din it-trademark u trademark oħra fuq livell nazzjonali, liema kunflitt jaqa' taħt il-kompetenza ta' l-awtoritajiet nazzjonali.

27     Huwa għalhekk li l-Bord ta' l-Appell, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, seta' jikkonstata li «il-prijorità [...] ta' reġistrazzjoni nazzjonali fuq oħra fi Stat Membru ma [kelliex] effett fuq il-proċedimenti ta' oppożizzjoni quddiem l-UASI, għaliex ma' ngħatat ebda prova li turi li l-applikant [għat-trademark komunitarja] ressaq talba għan-nullità fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-parti li qiegħda topponi».

28     Kuntrarjament għal dak li qiegħda ssostni r-rikorrenti, m'hemm xejn assurd jew anormali fil-fatt li l-UASI laqgħat oppożizzjoni bbażata fuq trademark nazzjonali preċedenti, anki meta l-applikant għal trademark komunitarja jibbaża ruħu fuq trademark nazzjonali li hija iktar preċedenti, sakemm il-validità tat-trademark tal-parti li tkun qed topponi mhijiex qiegħda tiġi kkontestata quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Għal kuntrarju, tali soluzzjoni tirrispetta l-qsim tal-kompetenzi bejn l-UASI u dawn l-awtoritajiet nazzjonali.

29     Ir-rikorrenti tressaq argumenti oħra. Min-naħa, il-pożizzjoni ta' l-UASI twassal għas-sitwazzjoni assurda skond liema ċ-ċaħda ta' l-applikazzjoni tagħha għat-trademark komunitarja RUFFELS timpedixxi li din l-applikazzjoni tinbidel f'waħda għal trademark nazzjonali biss fil-Ġermanja, il-pajjiż fejn ir-rikorrenti għandha reġistrazzjoni li tippermettiha tikkummerċjalizza l-prodotti in kwistjoni taħt din it-trademark. Min-naħa l-oħra, ikun anormali li r-rikorrenti tiċċaħħad mill-protezzjoni relatata mat-trademark komunitarja jekk, fil-prattika, hija tista' tikseb din il-protezzjoni permezz ta' reġistrazzjonijiet nazzjonali. Dawn iż-żewġ argumenti huma bbażati fuq il-premessa li ma ġietx issostanzjata li r-rikorrenti tgawdi effettivament mid-dritt li tikkummerċjalizza l-prodotti tagħha fil-Ġermanja taħt it-trademark RUFFLES. Fil-fatt, m'huwa stabbilit bl-ebda mod li l-intervenjenti mhijiex f'pożizzjoni li tikkontesta dan id-dritt abbażi tat-trademark tagħha RIFFELS.

30     In kwantu għar-referenza tar-rikorrenti għad-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-12 ta' Settembru 2000 (kawża R 415/1999-1), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni, għandu jiġi osservat li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell għandha tiġi valutata biss abbażi tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-qorti komunitarja, u mhux abbażi ta' prassi preċedenti għat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' dawn il-Bordijiet ta' l-Appell [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Streamserve/OHMI (STREAMSERVE), T-106/00 , Ġabra p. II‑723, punt 66, u tad-9 ta' Ottubru 2002, Glaverbel/OHMI (Wiċċ ta' folja ħġieġ), T-36/01, Ġabra p. II‑3887, punt 35]. Din ir-referenza għaldaqstant hija irrelevanti. F'kull każ, din tirrigwarda każ li huwa totalment differenti minn dak tal-kawża preżenti. Fil-fatt, fil-kawża R 415/1999-1, l-applikant għat-trademark komunitarja, minflok ibbaża ruħu, bħal fil-kawża preżenti, fuq is-sempliċi eżistenza ta' dritt fuq trademark nazzjonali preċedenti, ta prova ta' dan id-dritt u tal-koeżistenza attwali u paċifika tiegħu mad-dritt għat-trademark tal-parti li qiegħda topponi fit-territorju nazzjonali. Kien b'mod partikolari għal din ir-raġuni li l-Bord ta' l-Appell iddetermina li ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni u ċaħad l-oppożizzjoni (punt 22 tad-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-12 ta' Settembru 2000, imsemmija iktar 'il fuq). Fil-fatt, f'kuntest bħal dan, kienet tkun problematika li tiġi milqugħa l-oppożizzjoni u għaldaqstant li tiġi rifjutata l-protezzjoni komunitarja, peress li l-applikant għat-trademark seta' jikseb l-istess protezzjoni, fit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea, permezz ta' proċedura nazzjonali (ara is-sentenza ta' qabel ta' l-aħħar tal-punt 21 ta' din id-deċiżjoni). Is-sitwazzjoni hija kompletament differenti fil-kawża preżenti, fejn, b'kont meħud ta' l-inċertezza dwar l-effettività tad-dritt għat-trademark Ġermaniża li r-rikorrenti qiegħhda titlob, mhuwiex stabbilit li hija setgħet tikseb permezz ta' proċedura nazzjonali, protezzjoni daqstant estensiva daqs dik li tirriżulta minn reġistrazzjoni komunitarja.

31     Fl-aħħar, kuntrarjament għal dak li qiegħda ssostni r-rikorrenti, l-Artikolu 106 tar-Regolament Nru 40/94 ma japplikax b'analogija fil-każ preżenti. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda d-dritt eżistenti, taħt il-liġijiet ta' l-Istati Membri, li jinġiebu azzjonijiet quddiem l-awtoritajiet nazzjonali għal ksur ta' drittijiet preċedenti kontra l-użu ta' trademark komunitarja sussegwenti. Madankollu, il-każ preżenti ma jittrattax l-oppożizzjoni tar-rikorrenti, quddiem l-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi, għall-użu fil-Ġermanja ta' trademark komunitarja li tikser dritt preċedenti, iżda l-kontestazzjoni, quddiem l-UASI, ta' l-effettività ta' trademark Ġermaniża, jiġifieri dik tal-parti li qiegħda topponi. Għaldaqstant ma teżisti ebda analoġija bejn is-sitwazzjoni fil-każ preżenti u dik koperta mill-Artikolu 106 tar-Regolament Nru 40/94. Barra minn hekk, kif diġà ġie imsemmi, tali kontestazzjoni taqa' esklussivament fil-kompetenza ta' l-awtoritajiet Ġermanizi u tal-liġi Ġermaniżi.

32     Minn dak li ntqal iktar 'il fuq, jirriżulta li t-tielet motiv għall-annullament, ibbażat fuq l-argument li l-Bord ta' l-Appell kiser il-prinċipji ta' koeżistenza u ta' ekwivalenza bejn it-trademarks nazzjonali u komunitarji, għandu jiġi miċħud.

33     F'dak li jirrigwarda l-ewwel u t-tieni motivi għall-annullament ibbażati, rispettivament, fuq ksur tad-dritt għal difiża u fuq ksur tal-prinċipju li l-Qorti għandha tiddeċiedi biss fuq id-domandi mressqa lilha, għandu jiġi osservat li, permezz ta' dawn il-motivi, ir-rikorrenti tilmenta lill-UASI b'mod kontradittorju kemm li ma tagħhiex il-possibbiltà li tagħti prova ta' l-eżistenza tat-trademark Ġermaniżi preċedenti tagħha u kemm li ma ħax in konsiderazzjoni din it-trademark, li l-eżistenza tagħha kienet tikkostitwixxi element kostanti fil-kontroversja quddiem l-UASI. Madankollu, għandu jiġi kkonstata li l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ motivi, anki jekk ikollu bażi tajba, jista' jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kif ġie imsemmi iktar 'il fuq u kif essenzjalment iddikjara l-Bord ta' l-Appell fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sempliċi eżistenza tat-trademark Ġermaniża mitluba mir-rikorrenti mhijiex biżżejjed sabiex tiġi miċħuda l-oppożizzjoni, fin-nuqqas tal-prova addizzjonali li t-trademark li għaliha saret l-oppożizzjoni ġiet annullata. Huwa fatt kostanti li r-rikorrenti tagħmel referenza biss, quddiem l-UASI, għas-sempliċi eżistenza tat-trademark Ġermaniża li hija qiegħda tallega.

34     Jirriżulta minn dak li ntqal iktar 'il fuq li l-ewwel u t-tieni motivi għall-annullament mhumiex effettivi.

35     Fl-aħħar, f'dak li jirrigwarda ż-żewġ dokumenti li ġew ppreżentati mir-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, jiġifieri ċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni tat-trademark Ġermaniża preċedenti tar-rikorrenti u l-parir legali mid-ditta ta' avukati Ġermaniża Lovells, dwar l-effettività ta' din it-trademark fir-rigward ta' dik ta' l-intervenjenti, dawn huma inammissibbli. Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza huwa intiż sabiex jiddetermina l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94. Fatti invokati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza mingħajr ma jkunu ġew imressqa qabel quddiem id-dipartimenti ta' l-UASI jeffettwaw il-legalità ta' tali deċiżjoni biss jekk l-UASI kellu joħodhom in konsiderazzjoni fuq inizzjattiva tiegħu stess. F'dan ir-rigward, mill-aħħar parti ta' l-Artikolu 74(1) ta' l-istess regolament skond liema, fi proċedimenti li jirrigwardaw ir-raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-eżami ta' l-UASI għandu jkun ristrett għall-motivi invokati u għat-talbiet imressqa mill-partijiet, jirriżulta li huwa m'għandux jieħu jieħu in konsiderazzjoni fatti li ma jkunux ġew imressqa mill-partijiet. Għaldaqstant, il-legalità ta' deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell ma tistax tiġi kkontestata fuq il-bażi ta' tali fatti [l-iktar riċenti, sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Lulju 2004, Samar/OHMI – Grotto (GAS STATION), T-115/03, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 13].

36     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, il-rikors preżenti għandu jiġi rifjutat.

 Fuq l-ispejjeż

37     Taħt l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta' Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tħallas l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, konformement mat-talba ta' l-UASI.

38     Skond l-Artikolu 87(4) tar-Regoli ta' Proċedura u fin-nuqqas ta' sottomissjonijiet ta' l-intervenjenti dwar l-ispejjeż, din għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni).

3)      L-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Vilaras

Dehousse

Šváby

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-21 ta' April 2005.

Reġistratur

 

President

H. Jung

 

M. Vilaras


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.