Language of document : ECLI:EU:T:2005:156

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

4 ta’ Mejju 2005 (*)

"Trade mark Komunitarja – Trade mark verbali STAR TV – Oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark figurattiva internazzjonali STAR TV – Reġistrazzjoni miċħuda"

Fil-kawża T-359/02,

Chum Ltd, stabbilita f'Toronto (il-Kanada), irrappreżentata minn J. Gilbert, avocat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn P. Bullock u S. Laitinen, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI kienet

Star TV AG, stabbilita fi Schlieren (l-Iżvizzera),

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tas-17 ta' Settembru 2002 (każ R 1146/2000-2), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Chum Ltd u Star TV AG,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Legal, President, P. Mengozzi u I. Wiszniewska-Białecka, Imħallfin,

Reġistratur: H. Jung,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-3 ta' Diċembru 2002,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-9 ta' April 2003,

wara s-seduta tas-17 ta' Novembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-28 ta' Lulju 1998, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħha hija s-sinjal verbali STAR TV.

3        Is-servizzi li fir-rigward tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 38 u 41 fis-sens tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 38: "Servizzi ta' xandir televiżiv, servizzi interattivi ta' xandir televiżiv elettroniku, b'mod partikolari permezz tat-televiżjoni, tal-posta elettronika, ta' l-internet u ta' mezzi elettroniċi oħra";

–        klassi 41: "Produzzjoni, distribuzzjoni, reġistrazzjoni u żvilupp ta' programmi televiżivi, vidjos, vidjo kassetti, CDs, CD-ROMs u diski għall-kompjuter".

4        L-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-31 ta' Mejju 1999 fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 43/99.

5        Fit-30 ta' Awwissu 1999, Star TV AG ressqet, taħt l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, oppożizzjoni għall-applikazzjoni tar-rikorrenti billi invokat l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(a) u (b) ta' dan l-istess regolament. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark internazzjonali figurattiva riprodotta hawnhekk:

Image not foundImage not found

6        Ir-reġistrazzjoni ta' din it-trade mark kienet tkopri l-Ġermanja, l-Awstrija, il-pajjiżi tal-Benelux, Franza u l-Italja fir-rigward tas-servizzi ta' "xandir televiżiv, jiġifieri xandir ta' programmi speċjalizzati li jinkludu informazzjoni u dokumentarji dwar iċ-ċinema u l-films", li jaqgħu fil-klassi 38, u ta' "produzzjoni ta' programmi televiżivi, b'mod partikolari ta' programmi li jinkludu informazzjoni u dokumentarji dwar iċ-ċinema u l-films", li jaqgħu fil-klassi 41.

7        Permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' Settembru 2000, id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni, wara li kkonstatat l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti, laqgħat l-oppożizzjoni u ċaħdet l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti.

8        Fit-28 ta' Novembru 2000, ir-rikorrenti ressqet appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni.

9        Permezz ta' deċiżjoni tas-17 ta' Settembru 2002 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), it-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħad l-appell u kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni. Fir-rigward, b'mod partikolari, ta' l-evalwazzjoni tal-livell ta' xebh bejn is-servizzi, il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda, minn naħa, li s-servizzi ta' xandir televiżiv u s-servizzi interattivi ta' xandir televiżiv elettroniku, b'mod partikolari permezz tat-televiżjoni, tal-posta elettronika, ta' l-internet u ta' mezzi elettroniċi oħra, koperti mill-applikazzjoni għal trade mark u li jaqgħu fil-klassi 38, kif ukoll l-attività ta' produzzjoni ta' programmi televiżivi, li taqa' fil-klassi 41, kienu jinkludu s-servizzi ta' l-opponenti inklużi f'dawn il-klassijiet u kienu jikkoinċidu parzjalment ma' dawn ta' l-aħħar u, min-naħa l-oħra, li s-servizzi ta' "distribuzzjoni, reġistrazzjoni u żvilupp ta' programmi televiżivi, vidjos, vidjo kassetti, CDs, CD-ROMs u diski għall-kompjuter" imsemmija fl-applikazzjoni għal trade mark kienu komplementari għas-servizzi koperti mit-trade mark ta' l-opponenti jew kienu jipprovdu l-mezzi elettroniċi għalihom. Fir-rigward tal-paragun tas-sinjali kunfliġġenti, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, fl-ewwel lok, li kien jeżisti xebh qawwi bejn iż-żewġ sinjali mill-aspett viżiv peress li l-element verbali tat-trade mark preċedenti kien jikkoinċidi mat-trade mark mitluba; fit-tieni lok, li, mill-aspett fonetiku, it-trade mark mitluba kienet identika għall-element verbali tat-trade mark preċedenti; u fl-aħħar lok, mill-aspett kunċettwali, iż-żewġ trade marks kienu jevokaw l-istess idea, jiġifieri l-idea ta' stilla.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-UASI jilqa' l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni li hija kienet ippreżentat;

–        tordna li jitħallsu lura l-ispejjeż sostnuti minnha matul il-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell u quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni ta' l-UASI;

–        tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

11      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

12      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, mhijiex il-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tagħti ordnijiet lill-UASI [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs L-UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33, u tas-27 ta' Frar 2002, Streamserve vs L-UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra p. II-723, punt 18]. Għaldaqstant, it-talbiet magħmula fir-rikors fis-sens li l-UASI għandu jiġi ordnat jilqa' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni mressqa mir-rikorrenti għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

13      In sostenn tat-talba tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 L-argumenti tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell fir-rigward, minn naħa, ta' l-eżistenza ta' xebh qawwi jew ta' identiċità bejn is-servizzi in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-karattru allegatament simili tas-sinjali kunfliġġenti mill-aspett viżiv u mill-aspett kunċettwali kif ukoll l-identiċità tagħhom mill-aspett fonetiku.

15      Fl-ewwel lok, fir-rigward tax-xebh bejn is-servizzi in kwistjoni, ir-rikorrenti tosserva, l-ewwel nett, li l-gamma ta' servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 38 u 41 u li huma koperti mill-applikazzjoni għal trade mark hija aktar wiesgħa minn dik tas-servizzi li jaqgħu fl-istess klassijiet u li huma koperti mit-trade mark preċedenti. Fil-fatt, fir-rigward tal-klassi 38, it-trade mark preċedenti tkopri biss servizzi ta' xandir televiżiv ta' programmi speċjalizzati li jinkludu informazzjoni u dokumentarji dwar iċ-ċinema u l-films, filwaqt li s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark jinkludu servizzi ta' xandir televiż u servizzi interattivi ta' xandir televiżiv elettroniku, b'mod partikolari permezz tat-televiżjoni, tal-posta elettronika, ta' l-internet u ta' mezzi elettroniċi oħra. L-istess għandu jingħad għas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 41 peress li t-trade mark preċedenti tkopri biss il-produzzjoni ta' programmi speċjalizzati li jinkludi informazzjoni u dokumentarji dwar iċ-ċinema u l-films, filwaqt li s-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark jinkludu kemm il-produzzjoni u kemm id-distribuzzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-iżvilupp ta' programmi televiżivi, vidjos, vidjo kassetti, CDs, CD-ROMs u diski tal-kompjuter.

16      It-tieni nett, ir-rikorrenti tosserva li s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark huma indirizzati għall-pubbliku ġenerali filwaqt li dawk koperti mit-trade mark preċedenti huma intiżi għal pubbliku partikolari speċjalizzat kompost minn persuni dilettanti taċ-ċinema.

17      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tenfasizza li s-servizzi li jaqgħu fil-klassi 41 u li huma koperti mill-applikazzjoni għal trade mark mhumiex limitati għall-produzzjoni u għax-xandir ta' programmi televiżivi iżda jinkludu wkoll id-distribuzzjoni tagħhom lil terzi. Din tammonta għal differenza kbira bejn l-oqsma rispettivi ta' attivitajiet tar-rikorrenti u ta' l-opponenti fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 41, differenza li abbażi tagħha ma jistax jiġi kkunsidrat li s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark huma sempliċement komplementari għal dawk ta' l-opponenti.

18      Fit-tieni lok, fir-rigward ta' l-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali kunfliġġenti, ir-rikorrenti tosserva, l-ewwel nett, li t-trade mark preċedenti hija essenzjalment trade mark figurattiva, komposta minn diversi elementi, filwaqt li t-trade mark mitluba hija waħda verbali biss. Din id-differenza sostanzjali tipprekludi kwalunkwe paragun mill-aspett viżiv bejn iż-żewġ trade marks.

19      It-tieni nett, ma jista' jinsab l-ebda xebh bejn is-sinjali in kwistjoni mill-aspett fonetiku. Fil-fatt, peress li t-trade mark preċedenti hija figurattiva, hija tista' tinftiehem biss permezz tar-rappreżentazzjoni grafika tagħha. Mill-banda l-oħra, fir-rigward tat-trade mark mitluba, l-aspett fonetiku għandu prijorità.

20      Fl-aħħar nett, skond ir-rikorrenti, iż-żewġ trade marks kunfliġġenti huma differenti wkoll mill-aspett kunċettwali. Minn dan l-aspett, it-trade mark mitluba hija ta' natura li tevoka "l-istilel taċ-ċinema, il-persuni famużi u d-divertiment in ġenerali kif ukoll il-programmi televiżivi relatati magħhom", filwaqt li t-trade mark preċedenti tevoka pjuttost "l-astronomija […] u programmi televiżivi dwar dan is-suġġett".

21      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li l-kelma "star", li tinsab fiż-żewġ sinjali kunfliġġenti, hija użata b'mod normali b'konnessjoni mas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 38 u 41. Skondha, minn dan isegwi li l-portata tal-protezzjoni mogħtija lit-trade mark preċedenti m'għandhiex ikollha l-effett li tassigura lill-proprjetarju ta' din it-trade mark monopolju fir-rigward ta' l-użu ta' din il-kelma.

22      Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li hija diġà l-proprjetarja tat-trade mark Komunitarja STAR TELEVISION, irreġistrata għal servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 38 u 41, kif ukoll ta' diversi trade marks verbali u figurattivi internazzjonali li jinkludu l-kelma "star" u/jew l-immaġni ta' stilla. F'dan ir-rigward, hija tosserva, l-ewwel nett, li l-opponenti ma kinitx interveniet bil-għan li tipprekludi r-reġistrazzjoni tat-trade mark STAR TELEVISION. It-tieni nett, hija ssostni li jkun manifestament kontradittorju jekk tiġi prekluża r-reġistrazzjoni tat-trade mark STAR TV filwaqt li hija kienet setgħet tikseb ir-reġistrazzjoni tat-trade mark STAR TELEVISION li hija sostanzjalment identika. Fl-aħħar nett, hija tosserva li t-trade mark mitluba tippermetti li ssir distinzjoni mingħajr ambigwità bejn is-servizzi tagħha u dawk offruti minn impriżi oħra peress li din it-trade mark tagħmel parti minn sensiela ta' trade marks li hija l-proprjetarja tagħhom u li jinkludu l-kelma "star" u/jew ir-rappreżentazzjoni ta' stilla.

23      L-UASI jsostni l-analiżi tal-Bord ta' l-Appell.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

24      L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li, "[j]ekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti".

25      Skond ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm probabbiltà ta' konfużjoni meta jkun hemm il-probabbiltà li l-pubbliku jista' jemmen li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi relatati ekonomikament.

26      Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, u filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha f'dak il-każ, b'mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi identifikati [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

27      F'dan il-każ, fid-dawl tan-natura tas-servizzi kkonċernati, li tagħhom ingħatat deskrizzjoni fil-punti 3 u 6 aktar 'il fuq, il-pubbliku rilevanti li fir-rigward tiegħu għandha ssir l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni huwa kompost, għas-servizzi kollha in kwistjoni msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark, minbarra d-distribuzzjoni ta' programmi televiżivi, mill-konsumaturi medji ta' l-Istati Membri li fihom hija protetta t-trade mark internazzjonali ta' l-opponenti, jiġifieri l-Ġermanja, l-Awstrija, il-pajjiżi tal-Benelux, Franza u l-Italja.

28      Fil-fatt, minn naħa, għalkemm huwa minnu li ċerti servizzi offruti mir-rikorrenti, li jaqgħu kemm fil-klassi 38 u kemm fil-klassi 41, huma indirizzati lil pubbliku li għandu għarfien ta' l-informatika u huwa familjari ma' l-użu ta' materjal elettroniku, xorta jibqa' l-fatt li, fil-preżent, l-offerta u l-konsum ta' prodotti u ta' servizzi awdjoviżivi u x-xandir tagħhom lil pubbliku vast, kompost essenzjalment minn persuni ta' età żgħira, huma tali li dawn il-prodotti u servizzi ma jistgħux jitqiesu li huma rriżervati għal ċirku ristrett u speċjalizzat ta' konsumaturi. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, is-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 38 u 41, u li huma protetti mit-trade mark preċedenti, minkejja li jikkonċernaw il-qasam speċifiku taċ-ċinematografija, ma jistgħux jitqiesu li huma intiżi għal pubbliku differenti mill-pubbliku ġenerali, interessat b'mod ġenerali fid-divertiment televiżiv.

29      Mill-banda l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat li s-servizzi marbuta ma' l-attività ta' distribuzzjoni ta' programmi televiżivi, koperti mill-applikazzjoni għal trade mark u li jaqgħu fil-klassi 41, mhumiex indirizzati lill-konsumatur medju iżda lil pubbliku kompost minn persuni professjonali, li joperaw fis-settur awdjoviżiv u tax-xandir televiżiv, li aktarx ikunu partikolarment interessati u attenti meta jagħżlu l-fornitur.

30      Għaldaqstant, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jsir paragun, minn naħa, tas-servizzi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, tas-sinjali kunfliġġenti.

 Fuq is-servizzi in kwistjoni

31      Skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew servizzi in kwistjoni, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet bejn dawn il-prodotti jew servizzi. Dawn il-fatturi jinkludu, b'mod partikolari, in-natura tagħhom, id-destinazzjoni tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru kompettiv jew komplementari tagħhom [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs L-UASI – Educational Services (ELS), T-388/00, Ġabra p. II-4301, punt 51].

32      F'dan il-każ, l-oppożizzjoni hija bbażata fuq trade mark preċedenti rreġistrata għal servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 38 u 41 u hija mressqa kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għal servizzi li jaqgħu fl-istess klassijiet.

33      Il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li s-servizzi ta' xandir televiżiv, ix-xandir televiżiv elettroniku interattiv, b'mod partikolari permezz tat-televiżjoni, tal-posta elettronika, ta' l-internet u ta' mezzi elettroniċi oħra, minn naħa, u tal-produzzjoni ta' programmi televiżivi, min-naħa l-oħra, koperti mill-applikazzjoni għal trade mark u li jaqgħu rispettivament fil-klassijiet 38 u 41, kienu jinkludu u jikkoinċidu parzjalment mas-servizzi identifikati mit-trade mark preċedenti li jaqgħu fl-istess klassijiet. Fir-rigward tas-servizzi l-oħra msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark u li jaqgħu fil-klassi 41 (distribuzzjoni, reġistrazzjoni u żvilupp ta' programmi televiżivi, vidjos, vidjo kassetti, CDs, CD-ROMs u diski għall-kompjuter), il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li dawn kienu jew komplementari jew kienu jipprovdu l-mezzi għal dawk protetti mit-trade mark preċedenti u inklużi fl-istess klassi.

34      Minn paragun bejn id-deskrizzjonijiet tas-servizzi in kwistjoni li jaqgħu fil-klassi 38, mogħtija rispettivament fl-ewwel inċiż tal-punt 3 u fil-punt 6 aktar 'il fuq, jirriżulta, minn naħa, li s-servizzi ta' xandir televiżiv koperti mit-trade mark preċedenti huma limitati għal qasam speċifiku, jiġifieri x-xandir televiżiv ta' programmi li jikkonċernaw il-qasam ċinematografiku, filwaqt li fid-deskrizzjoni tas-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark tintuża formulazzjoni aktar wiesgħa, u, min-naħa l-oħra, li dawn is-servizzi ta' l-aħħar jinkludu espressament is-"servizzi interattivi ta' xandir televiżiv elettroniku", filwaqt li preċiżazzjoni bħal din ma tinsabx fid-deskrizzjoni tas-servizzi mitluba mill-opponenti.

35      F'dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, minkejja d-differenzi fid-deskrizzjoni tagħhom, is-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark għall-klassi 38 huma parzjalment identiċi għas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti li jaqgħu fl-istess klassi u parzjalment simili.

36      Fil-fatt, minn naħa, kif ġie ġustament iddikjarat kemm mill-Bord ta' l-Appell fid-deċiżjoni kkontestata u kemm mill-UASI fir-risposta tiegħu, ir-rikorrenti u l-opponenti jipprovdu servizzi ta' l-istess natura, jiġifieri servizzi ta' xandir televiżiv, u dan irrispettivament mill-karattru speċjalizzat tax-xandiriet imwettqa mill-opponenti. Għaldaqstant, is-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark jinkludu wkoll dawk protetti mit-trade mark preċedenti.

37      Min-naħa l-oħra, ix-xandir televiżiv interattiv, li juża mezzi elettroniċi bħalma huma t-televiżjoni diġitali jew l-internet u li jippermetti lid-destinatarji jużaw servizz li jmur lil hinn mis-sempliċi riċezzjoni passiva tal-kontenut viżiv, għandu jitqies bħala metodu partikolari ta' xandir televiżiv. F'dan is-sens, dan ix-xandir televiżiv interattiv ma jistax jitqies li huwa eskluż mid-deskrizzjoni tas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti minkejja li mhuwiex imsemmi b'mod speċifiku f'din id-deskrizzjoni. Għalhekk, is-"servizzi interattivi ta' xandir televiżiv elettroniku" msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark u s-servizzi ta' xandir televiżiv protetti mit-trade mark preċedenti għandhom jitqiesu, minn ta' l-anqas, bħala simili.

38      Konklużjoni analoga hija meħtieġa fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' "produzzjoni ta' programmi televiżivi" li jaqgħu fil-klassi 41 u li jissemmew kemm fid-deskrizzjoni tas-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark u kemm f'dik tas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti. Fil-fatt, anki f'dan il-każ, il-formulazzjoni aktar wiesgħa adottata mir-rikorrenti tkopri wkoll il-programmi televiżivi prodotti taħt it-trade mark preċedenti, li jikkonċernaw il-qasam speċifiku taċ-ċinematografija.

39      Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-servizzi l-oħra li jaqgħu fil-klassi 41, offruti mir-rikorrenti fil-kuntest ta' l-attivitajiet tagħha ta' "produzzjoni, distribuzzjoni, reġistrazzjoni u żvilupp ta' programmi televiżivi, vidjos, vidjo kassetti, CDs, CD-ROMs u diski għall-kompjuter", għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, fost il-fatturi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-prodotti jew servizzi jinsabu d-destinazzjoni tagħhom kif ukoll il-karattru kompetittiv jew komplementari tagħhom (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 aktar 'il fuq). F'dan il-każ, kif ġustament iddikjara l-Bord ta' l-Appell, l-attivitajiet ta' produzzjoni, ta' reġistrazzjoni u ta' żvilupp ta' programmi televiżivi, vidjos, vidjo kassetti, CDs, CD-ROMs jew diski għall-kompjuter, koperti mill-applikazzjoni għal trade mark, għandhom jitqiesu li huma komparabbli ma' l-attività ta' produzzjoni ta' programmi televiżivi koperta mit-trade mark preċedenti, safejn għandhom karattru komplementari fir-rigward ta' din l-attività, peress li l-attivitajiet imsemmija jinkludu l-fabbrikazzjoni ta' prodotti awdjoviżivi jew multimedjali li jistgħu jikkostitwixxu metodu speċifiku ta' xandir tal-prodotti ta' l-opponenti, jew jipprovdu l-mezzi elettroniċi għal xandir bħal dan.

40      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja d-differenzi fid-deskrizzjoni tagħhom, is-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark huma parzjalment identiċi għas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti u parzjalment simili.

 Fuq is-sinjali in kwistjoni

41      Skond ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni, li għandha ssir filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha, għandha, fir-rigward tax-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade marks, filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni b'mod partikolari l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 23, u sentenza 'ELS', iċċitata aktar 'il fuq, punt 62). Fil-fatt, il-konsumatur medju tat-tip ta' prodott jew servizz in kwistjoni, li l-perċezzjoni tiegħu tat-trade marks għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni, normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma jwettaqx eżami tad-dettalji differenti (sentenza SABEL, iċċitata aktar 'il fuq, punt 23).

42      F'dan il-każ, it-trade mark preċedenti tikkonsisti f'sinjal figurattiv u verbali kompost mill-immaġni ċentrali ta' stilla b'ħames punti mmejla lejn ix-xellug, bl-espressjoni "star TV", miktuba fuqha f'żewġ linji, b'kulur aħmar u b'karattri kapitali, liema immaġni hija kkompletata mir-rappreżentazzjoni ta' qamar imdawwar bi tliet stilel żgħar li l-kontorni tagħhom jidhru fil-parti ta' fuq tax-xellug bejn żewġ punti ta' l-istilla ċentrali. It-trade mark mitluba hija komposta mill-kliem "star TV".

43      Qabel kollox, fir-rigward tal-paragun taż-żewġ trade marks in kwistjoni mill-aspett viżiv, għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li l-Qorti tal-Prim'Istanza diġà ppreċiżat li m'hemm xejn li jipprekludi li tiġi vverifikata l-eżistenza ta' xebh viżiv bejn trade mark verbali u trade mark figurattiva "peress li dawn iż-żewġ tipi ta' trade marks għandhom konfigurazzjoni grafika li tista' toħloq impressjoni viżiva" [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, Vedial vs L-UASI – France Distribution (HUBERT), T-110/01, Ġabra p. II-5275, punt 51].

44      F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-kliem "star TV" jikkostitwixxu kemm it-trade mark mitluba u kemm l-element verbali tat-trade mark preċedenti. F'ċirkustanzi komparabbli, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li trade mark kumplessa, verbali u figurattiva, tista titqies li hija komparabbli għal trade mark oħra, identika jew komparabbli għal wieħed mill-komponenti tat-trade mark kumplessa, biss jekk dan il-komponent jikkostitwixxi l-element dominanti fl-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark kumplessa. Dan ikun il-każ meta dan il-komponent waħdu jista' jiddomina l-immaġni ta' din it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jiftakar fil-memorja tiegħu, b'tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu injorati fl-impressjoni ġenerali prodotta minnha [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord vs L-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 33].

45      F'dan il-każ, fir-rigward tal-paragun viżiv tas-sinjali in kwistjoni, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-kliem "star TV" jikkostitwixxu l-element dominanti tat-trade mark preċedenti.

46      Evalwazzjoni bħal din mhijiex ivvizjata minn xi żball. Fil-fatt, fid-dawl ta' l-impressjoni viżiva ġenerali prodotta mit-trade mark preċedenti, l-element verbali "star TV" huwa mingħajr dubju aktar adegwat sabiex iżomm l-attenzjoni mill-elementi figurattivi l-oħra tas-sinjal kemm minħabba d-dimensjonijiet tiegħu, bil-kliem "star" u "TV" akbar minn u mqiegħda fuq l-immaġni ta' l-istilla ċentrali, u kemm minħabba l-impatt tiegħu minħabba l-kulur tiegħu, bl-imsemmija kliem miktuba bl-aħmar fuq sfond abjad u iswed.

47      F'dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-koinċidenza tat-trade mark mitluba ma' l-element verbali dominanti tat-trade mark preċedenti, il-Bord ta' l-Appell ma wettaqx żball ta' evalwazzjoni meta qies li jeżisti xebh qawwi bejn iż-żewġ trade marks.

48      Bl-istess mod, il-Bord ta' l-Appell ġustament qies li, mill-aspett fonetiku, iż-żewġ trade marks kienu identiċi.

49      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti tidher li qiegħda ssostni, għandu jiġi ddikjarat li, l-istess bħat-trade mark mitluba, it-trade mark preċedenti, safejn hija komposta minn element verbali, tista' tiġi rriprodotta fonetikament ukoll. Għalhekk, f'dan il-każ, peress li l-espressjoni fonetika tat-trade mark preċedenti tikkoinċidi ma' dik ta' l-unika element verbali tagħha, jiġifieri l-kliem "star TV", liema element jikkorrispondi għat-trade mark mitluba, għandu jiġi kkonstatat li mill-aspett fonetiku teżisti identiċità bejn iż-żewġ sinjali kunfliġġenti.

50      Fl-aħħar nett, mill-aspett kunċettwali, il-Bord ta' l-Appell qies li ż-żewġ sinjali kunfliġġenti jevokaw, it-tnejn li huma, l-immaġni ta' stilla.

51      F'dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm l-impressjoni viżiva tat-trade mark preċedenti tevoka mingħajr dubju u b'mod immedjat l-idea ta' stilla, peress li wieħed mill-elementi komponenti tagħha huwa kompost mir-rappreżentazzjoni grafika ta' stilla, l-istess ma jistax jingħad għat-trade mark mitluba ħlief jekk ikun jista' jiġi raġonevolament preżunt li l-pubbliku rilevanti jagħraf it-tifsira tal-kelma Ingliża "star".

52      Issa, anki jekk il-konsumatur medju, li jikkostitwixxi l-pubbliku rilevanti fir-rigward tal-parti l-kbira tas-servizzi in kwistjoni, ma jkunx neċessarjament jaf it-tifsira tal-kelma Ingliża "star", din il-kelma hija użata b'mod komuni fil-lingwa Ġermaniża, Franċiża, Taljana u Olandiża sabiex tidentifika personalità famuża fil-qasam ċinematografiku. Għalhekk, kemm it-trade mark li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħha, li fiha tinsab il-kelma "star", u kemm it-trade mark preċedenti, li l-element verbali dominanti tagħha jirriproduċi l-kelma "star", jistgħu jevokaw l-idea ta' "stilla taċ-ċinema". Għaldaqstant, il-kapaċità taż-żewġ sinjali li jevokaw idea bħal din hija aktar u aktar importanti fid-dawl tal-fatt li l-kelma "star" hija magħquda ma' l-ittri "TV", li, bħala taqsira tal-kelma "televiżjoni", jistgħu jsaħħu r-riferiment għall-idea ta' stilla taċ-ċinema, ta' attur jew ta' attriċi famuża. Minn dan isegwi li, mill-aspett kunċettwali, iż-żewġ trade marks kunfliġġenti jistgħu jevokaw l-istess kunċett.

53      Minn dak li għadu kemm intqal jirriżulta li mill-aspett viżiv, fonetiku u kunċettwali, it-trade mark mitluba u t-trade mark preċedenti huma simili ħafna u, minn ċerti aspetti, identiċi.

 Fuq l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni

54      Fiċ-ċirkustanzi esposti aktar 'il fuq, fid-dawl ta' l-identiċità jew tax-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti u s-servizzi identifikati minnhom, għandu jiġi konkluż li teżisti probabbiltà konkreta li l-pubbliku rilevanti jista' jitqarraq fir-rigward ta' l-oriġini kummerċjali ta' dawn is-servizzi.

55      Konklużjoni bħal din tgħodd ukoll fir-rigward tas-servizzi marbuta ma' l-attività ta' distribuzzjoni ta' programmi televiżivi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark, li fir-rigward tagħhom il-pubbliku rilevanti huwa kompost, kif ġie kkonstatat fil-punt 29 aktar 'il fuq, minn persuni professjonali fil-qasam awdjoviżiv. Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li x-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali bejn it-trade marks kunfliġġenti huwa tali li anki pubbliku attent aktar jista' jasal sabiex jemmen li s-servizzi in kwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi relatati ekonomikament. Il-fatt li l-opponenti ma toperax direttament fis-settur tad-distribuzzjoni mhuwiex tali li jikkontesta konklużjoni bħal din peress li, bħala regola ġenerali, l-attivitajiet ta' produzzjoni u ta' distribuzzjoni ta' programmi televiżi jistgħu jkunu mwettqa, u huma ħafna drabi mwettqa, mill-istess impriżi.

56      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Bord ta' l-Appell ma wettaqx żball ta' evalwazzjoni meta kkunsidra li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark mitluba STAR TV u t-tra de mark preċedenti.

57      Fir-rigward ta' l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq id-diversi reġistrazzjonijiet nazzjonali, internazzjonali u Komunitarji tagħha, li s-suġġett tagħhom huwa trade marks li jinkludu l-kelma "star" jew l-immaġni ta' stilla, kif ukoll fuq l-allegat użu ta' kuljum tal-kelma "star" sabiex tidentifika s-servizzi in kwistjoni f'dan il-każ, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti la ġew ippreżentati quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u lanqas quddiem il-Bord ta' l-Appell. Issa, skond il-ġurisprudenza, fatti li jiġu invokati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza mingħajr ma jkunu tressqu qabel quddiem l-awtoritajiet ta' l-UASI ma jistgħux jolqtu l-legalità ta' deċiżjoni bħal din ħlief jekk l-UASI kien imissu ħadhom in kunsiderazzjoni ex officio [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Lulju 2004, Samar vs L-UASI – Grotto (GAS STATION), T-115/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 13]. F'dan ir-rigward, mill-aħħar parti ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, li tipprovdi li, fi proċedimenti dwar raġunijiet relattivi għal ċaħda ta' reġistrazzjoni, l-eżami ta' l-UASI għandu jkun ristrett għall-motivi invokati u għat-talbiet ippreżentati mill-partijiet, jirriżulta li l-UASI mhuwiex obbligat jieħu in kunsiderazzjoni, ex officio, fatti li ma jkunux tressqu mill-partijiet. Għaldaqstant, fatti bħal dawn ma jistgħux jikkontestaw il-legalità ta' deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell (sentenza 'GAS STATION', iċċitata aktar 'il fuq, punt 13).

58      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-talbiet tar-rikorrenti għal annullament għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

59      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-UASI.

60      Skond l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell huma kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. Dan ma japplikax għall-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni, u t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex jitħallsu lura dawn l-ispejjeż għandha tiġi, f'kull każ, miċħuda minħabba din ir-raġuni. It-talba tar-rikorrenti intiża sabiex jitħallsu lura l-ispejjeż sostnuti minnha għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell għandha tiġi miċħuda wkoll peress li t-talbiet tagħha għal annullament ġew miċħuda.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Legal

Mengozzi

Wiszniewska-Białecka

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Mejju 2005.

H. Jung

 

       H. Legal

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.