Language of document : ECLI:EU:T:2005:130

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

14 ta' April 2005 (*)

"Trade mark Komunitarja – Trade mark verbali CELLTECH – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-260/03,

Celltech R&D Ltd, stabbilita fi Slough, Berkshire (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn D. Alexander, barrister, u N. Jenkins, solicitor,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn I. de Medrano Caballero u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tad-19 ta' Mejju 2003 (kawża R 659/2002-2), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali CELLTECH bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-18 ta' Lulju 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-28 ta' Novembru 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-30 ta' Ġunju 2000, ir-rikorrenti, li qabel kien jisimha Celltech Chiroscience Ltd, ppreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-Trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali CELLTECH.

3        Il-prodotti li għalihom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 5, 10 u 42 tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        "Preparazzjonijiet, kompożizzjonijiet u sustanzi farmacewtici, veterinarji u sanitarji", li jaqgħu taħt il-klassi 5;

–        "Apparat u strumenti kirurġiċi, mediċi, dentali u veterinarji", li jaqgħu taħt il-klassi 10;

–        "Servizzi ta' riċerka u ta' żvilupp, servizzi ta' konsulenza, kollha relatati max-xjenzi bijoloġiċi, mediċi u kimiċi", li jaqgħu taħt il-klassi 42.

4        Permezz ta' deċiżjoni ta' l-4 ta' Ġunju 2002, l-eżaminatur irrifjuta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni abbażi ta' l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 40/94. Huwa sostna li s-sinjal in kwistjoni kien kompost minn għaqda, grammatikament korretta, taż-żewġ kelmiet "cell" (ċellula) u "tech" (taqsira ta' "teknika" jew ta' "teknoloġija"). Għaldaqstant, huwa kkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tistax isservi bħala indikatur ta' oriġini għall-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni, minħabba l-fatt li dawn ta' l-aħħar jaqgħu kollha taħt il-qasam tat-teknoloġija ċellulari.

5        Fit-2 ta' Awwissu 2002, ir-rikorrenti appellat quddiem l-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur.

6        Permezz ta' deċiżjoni tad-19 ta' Mejju 2003 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), it-Tieni Bord ta' l-Appell ċaħad dan l-appell abbażi tal-fatt li l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jipprekludi r-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali CELLTECH, billi din ta' l-aħħar tista' tiġi pperċepita, immedjatament u mingħajr ambigwità, bħala kelma li tindika attivitajiet li jaqgħu taħt il-qasam tat-teknoloġija ċellulari, kif ukoll prodotti, apparat u materjal użati fil-kuntest ta' dawn l-attivitajiet jew li jirriżultaw minn dawn l-attivitajiet. Il-Bord ta' l-Appell indika li t-trade mark CELLTECH, li tikkonsisti fl-għaqda tal-kelma Ingliża "cell" mat-taqsira Ingliża "tech", it-tnejn li huma neqsin individwalment minn karattru distintiv, tirrappreżenta biss ir-riżultat ta' dawn iż-żewġ elementi. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell qies li l-konnessjoni bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u t-trade mark ma kinitx indiretta biżżejjed sabiex tagħti lit-trade mark livell minimu ta' karattru distintiv intrinsiku meħtieġ mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 It-talbiet tal-partijiet

7        Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        prinċipalment, li tannulla s-sentenza kkontestata;

–        sussidjarjament, li tannulla s-sentenza kkontestata safejn tikkonċerna l-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 5 jew il-klassijiet 5 u 10;

–        tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

8        L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

9        Ir-rikorrenti tinvoka raġuni waħda, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

10      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell wettaq żball fl-evalwazzjoni tat-trade mark sħiħa li għaliha saret l-applikazzjoni u ta' l-elementi differenti li jiffurmawha.

11      Hija tqis, l-ewwel nett, li fil-lingwaġġ kummerċjali kurrenti, is-sinjal CELLTECH mhuwiex adattat sabiex jiddeskrivi l-prodotti u servizzi indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fil-fatt, din il-kelma, ikkunsidrata fit-totalità tagħha ma tikkonsistix fis-sempliċi tqegħid ta' żewġ kelmiet fejn xulxin li kull waħda minnhom tiddeskrivi direttament il-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni. Minn naħa, l-aħħar sillaba tal-kelma "celltech" mhijiex kelma iżda taqsira u, min-naħa l-oħra, l-ewwel sillaba ta' din il-kelma mhijiex aġġettiv. It-tieni nett, hija żżid li t-terminu "celltech" hija iktar mis-sempliċi riżultat ta' l-elementi verbali li jiffurmawha. It-tielet nett, hija sostniet, waqt is-seduta, billi tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Settembru 2004, SAT.1 vs L-UASI (C-329/02 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar 'il quddiem is-"sentenza SAT.1"), li s-sinjal CELLTECH ser tkun ipperċepita bħala kelma awtonoma, identifikabbli individwalment, u li, ikkunsidrata fit-totalità tagħha, ser tippermetti lill-konsumatur jidentifika l-impriża in kwistjoni u l-prodotti jew servizzi tagħha. Għaldaqstant, is-sinjal in kwistjoni huwa oriġinali biżżejjed sabiex jissodisfa r-rekwiżit tal-karattru distintiv minimu mitlub.

12      Ir-rikorrenti tilmenta, sussidjarjament, li l-UASI ma analizzax b'mod suffiċjenti l-prodotti jew is-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni. F'dan ir-rigward, hija tindika li l-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni huma, għal dak li jikkonċerna l-klassijiet 5 u 10, prodotti farmaċewtiċi. Issa, ma jeżisti l-ebda tip ta' prodott farmaċewtiku li jista' jiġi deskritt minn xi ħadd, speċjalist jew le, bħala "prodott farmaċewtiku celltech" jew li fir-rigward tiegħu t-terminu "celltech" jindika dan xi jkun.

13      L-UASI jfakkar li, sabiex ikun distintiv, sinjal għandu jservi prinċipalment biex jidentifika u jiddistingwi l-bejjiegħ, u mhux biss li jagħti lill-konsumaturi informazzjoni dwar il-prodotti u s-servizzi kkonċernati. Għaldaqstant, is-sinjali li jinfurmaw sempliċiment lix-xerrejja potenzjali dwar il-kwalità allegata ta' prodotti jew dwar il-kapaċità tagħhom li jwettqu funzjoni speċifika huma neqsin minn karattru distintiv.

14      L-UASI ssostni li, fil-kawża preżenti, il-pubbliku kkonċernat huwa kompost kemm minn professjonisti (prodotti u servizzi iklużi fil-klassijiet 5, 10 u 42) attenti ħafna u minn konsumaturi mhux speċjalizzati (prodotti tal-klassi 5 bl-eċċezzjoni ta' kompożizzjonijiet u sustanzi), li huma infurmati normalment u raġonevolment attenti u prudenti u li jkunu jafu sewwa l-Ingliż.

15      Skond l-UASI, is-sinjal CELLTECH jirriżulta mis-sempliċi għaqda ta' żewġ kelmiet li kull waħda minnhom teżisti fil-vokabularju Ingliż. Huwa jsostni li l-kelma "cell" hija ddefinita, fil-qasam tal-bioloġija, kif ġej:

"[L-]iżgħar unità ta' organiżmu li tista' tiffunzjona indipendentement. Hija tikkonsisti minn nukleu, li fih il-materjal ġenetiku, imdawwar minn ċitoplażma li fiha jinsabu l-mitokondria, ribosomi u organelli oħrajn. Iċ-ċelluli kollha huma mdawra minn membrana ta' ċellula; iċ-ċelluli veġetali għandhom ukoll ħajt ċellulari estern."

16      Barra minn hekk, il-kelma "tech" hija t-taqsira normali ta' "technical" (tekniku) jew ta' "technology" (teknoloġija).

17      L-UASI jsostni li l-kliem "cell" u "tech" qed jintużaw bħalissa fil-qasam mediku u farmaċewtiku kkonċernati mill-prodotti u servizzi li għalihom qed tintalab ir-reġistrazzjoni u li s-sinjifikat individwali tagħhom huwa nieqes minn ambigwità meta jintużaw b'relazzjoni ma' dawn il-prodotti u servizzi. Fil-fatt, dawn it-termini jagħtu informazzjoni dwar l-użu intenzjonat u n-natura tal-prodotti u servizzi kkonċernati, jiġifieri dwar l-applikazzjoni tagħhom fit-teknoloġija ċellulari jew dwar il-fatt li huma riżultat tagħha. Huwa jżid jgħid li l-fatt kull kelma tista' jkollha sinjifikati oħrajn, f'kuntesti oħrajn, huwa irrilevanti.

18      Huwa jsostni li ma hemm xejn mhux tas-soltu fl-għaqda ta' żewġ kelmiet li ta' spiss jintużaw flimkien sabiex jikkwalifikaw il-podotti li jaqgħu fil-klassijiet 5 u 10 u s-servizzi li jaqgħu fil-klassi 42, kollha rrelatati mal-qasam mediku u farmaċewtiku. Fil-fatt, is-sinjal CELLTECH jikkonsisti fit-tqegħid sintattiku normali ta' żewġ kelmiet Ingliżi fejn xulxin u ma jippreżenta ebda differenza perċettibbli b'relazzjoni mal-kostruzzjoni lessikalment korretta, jiġifieri "cell technology" (teknoloġija ċellulari). Barra minn hekk, il-fatt li l-kliem "cell" u "tech" ma jidhrux fid-dizzjujarju ma jikkostitwixxix il-prova li l-għaqda hija oriġinali, mhux tas-soltu u immaġinattiva.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

19      Skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati trade marks li huma neqsin minn karattru distintiv u, skond l-Artikolu 7(c), it-trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Settembru 2001, Procter & Gamble vs l-UASI, C-383/99 P, Ġabra p. I-6251, punt 35).

20      Jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-funzjoni essenzjali tat-trade mark hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta' oriġini tal-prodott jew tas-servizz indikat mit-trade mark, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr konfużjoni possibbli dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Mejju 1978, Hoffmann-La Roche, 102/77, Ġabra p. 1139, punt 7, u tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-5475, punt 30).

21      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li kull raġuni għal rifjut ta' reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 hija indipendenti mill-oħrajn u teżiġi eżami separat. Barra minn hekk, dawn ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta' l-interess pubbliku li fuqu huma bbażati. L-interess pubbliku li ttieħed in kunsiderazzjoni fl-eżami ta’ kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut jista’, tassew għandu, jirrifletti kunsiderazzjonijiet differenti, skond ir-raġuni għal rifjut in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs l-UASI, C-456/01 P u C-457/01 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 45 u 46, u s-sentenza SAT.1, punt 25).

22      Madankollu, l-iskopijiet rispettivi tar-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 7(1)(b) u (d) jikkoinċidu b’mod ċar [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2004, Campina Melkunie, C-265/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 18, u Koninklijke KPN Nederland, C-363/99, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 67; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Telepharmacy Solutions vs l-UASI – (TELEPHARMACY SOLUTIONS), T-289/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 23].

23      B’mod partikolari, jirriżulta mill-ġurispreudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li trade mark verbali li tiddeskrivi karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi, skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 40/94, hija, f’dan is-sens, nieqsa neċessarjament minn karattru distintiv fir-rigward ta’ dawk l-istess prodotti jew servizzi, skond l-Artikolu 7(1)(b) ta’ l-istess Regolament (sentenzi Campina Melkunie, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 19; Koninklijke KPN Nederland, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 86, u TELEPHARMACY SOLUTIONS, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 24).

24      Issa, sabiex jintwera li trade mark li mhijiex prekluża milli tiġi rreġistrata abbażi tar-raġuni għal rifjut imniżżla fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament hija madankollu nieqsa minn karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b), l-UASI għandu jagħti r-raġunijiet għaliex huwa jqis li dik it-trade mark hija nieqsa minn karattru distintiv (sentenza SAT.1, punt 42).

25      Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (punti 10 sa 12) li l-Bord ta’ l-Appell ċaħad ir-rikors minħabba l-fatt li l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jipprekludi r-reġistrazzjoni tat-trade mark CELLTECH, billi din ta’ l-aħħar tista’ tiġi pperċepita, mill-ewwel u mingħajr ambigwità, bħala terminu li jindika attivitajiet li jaqgħu fil-qasam tat-teknoloġija ċellulari, kif ukoll prodotti, apparat u materjal użati fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet jew li jirriżultaw minn dawn l-attivitajiet. Il-Bord ta’ l-Appell osserva li s-sinjal CELLTECH, li jikkonsisti fl-għaqda tal-kelma Ingliża "cell" u tat-taqsira "tech", it-tnejn li huma nqesin individwalment minn karattru distintiv, ma jirrappreżenta xejn iktar milli s-somma ta’ żewġ komponenti. Skond il-Bord ta’ l-Appell, "l-ordni tal-kliem jikkorrispondi għal użu korrett, fuq il-livell sintattiku, taż-żewġ kelmiet ‘cell technology’ (teknoloġija ċellulari)", "[l]i jfisser li t-terminu jagħti biss is-sens letterali taż-żewġ kelmiet separati". Skond il-Bord ta’ l-Appell, il-pubbliku rilevanti ser jifhem is-sinjal verbali CELLTECH "bħala indikazzjoni tat-tip ta’ prodotti u ta’ servizzi li s-sinjal jindika u mhux bħala indikatur ta’ oriġini". Għaldaqstant, il-Bord ta’ l-Appell qies li l-konnessjoni bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u t-trade mark ma kinitx indiretta biżżejjed sabiex tagħti lit-trade mark il-livell minimu ta’ karattru distintiv intrinsiku meħtieġ mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

26      Għaldaqstant, il-Bord ta’ l-Appell sostna, essenzjalment, li s-sinjal CELLTECH ma kienx distintiv fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 40/94 peress illi kien ser jiġi pperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala terminu li jiddeskrivi t-tip ta’ prodotti u servizzi kkonċernati.

27      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk il-Bord ta’ l-Appell weriex li s-sinjal verbali li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni kienx deskrittiv tal-prodotti u servizzi kkonċernati. Jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, id-deċiżjoni kkontestata trid tiġi kkonfermata, skond il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 23 iktar ‘il fuq, li tgħid li kull sinjal deskrittiv huwa nieqes neċessarjament minn karattru distintiv. Jekk, għal kuntarju, is-sinjal in kwistjoni mhuwiex deskrittiv tal-prodotti u tas-servizzi indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, ikun neċessarju, skond is-sentenza SAT.1, li jiġi vverifikat jekk il-Bord ta’ l-Appell qajjimx argumenti oħrajn sabiex jikkonkludi li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni huwiex nieqes minn karattru distintiv.

28      Skond il-ġurisprudenza, kemm il-karattru distintiv [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2004, L-UASI vs Erpo Möbelwerk, C-64/02 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, DaimlerChrysler vs l-UASI (TELE AID), T-355/00, Ġabra p. II-1939, punt 51] kif ukoll il-karattru deskrittiv [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, DaimlerChrysler vs l-UASI (CARCARD), T-356/00, Ġabra p. II-1963, punt 25] ta' sinjal għandhom jiġu interpretati, minn naħa, b’relazzjoni għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, b’relazzjoni għall-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tiegħu.

29      F’dan ir-rigward, għadu jiġi osservat, qabel kollox, li l-prodotti u s-servizzi indikati fl-applikazzjoni għal trade mark jaqgħu fil-qasam tal-farmaċewtika.

30      Għaldaqstant, kif osserva ġustament l-UASI, il-Bord ta’ l-Appell kien korrett meta sostna li l-pubbliku kkonċernat kien ikkostitwit mhux biss minn pubbliku speċjalizzat ta’ persuni mis-settur mediku, iżda wkoll mill-konsumatur medju, ħaġa li mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

31      Barra minn hekk, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94, il-pubbliku kkonċernat u rilevanti li fir-rigward tiegħu għandha tiġi evalwata r-raġuni assoluta għal rifjut mhuwiex biss il-konsumatur medju li jitkellem bl-Ingliż, billi s-sinjal in kwistjoni huwa kompost minn elementi tal-lingwa Ingliża, iżda wkoll mill-ispeċjalisti kollha fil-qasam mediku, li għandhom konoxxenza dwar it-termini xjentifiċi fil-qasam ta’ attivitajiet tagħhom, tkun xi tkun il-lingwa tagħhom.

32      Għandu jiġi osservat ukoll li s-sinjal verbali CELLTECH huwa kompost minn żewġ nomi tal-lingwa Ingliża, li minnhom it-tieni wieħed huwa fil-forma ta’ taqsira. Għal dak li jirrigwarda l-element "cell", huma paċifiku li dan jirreferi, fil-qasam tal-bijoloġija, għall-iżgħar unità ta' organiżmu li tista' tiffunzjona indipendentement. Bl-istess mod, l-element "tech" huwa t-taqsira normali tal-kelma "technology" (teknoloġija) u għaldaqstant, bħala taqsira, issegwi r-regoli lessikali tal-lingwa Ingliża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SAT.1, punt 31).

33      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li għall-inqas wieħed mis-sinjifikati tas-sinjal verbali CELLTECH huwa "cell technology" (teknoloġija ċellulari).

34      Għal dak li jirrigwarda r-relazzjoni li teżisti bejn is-sinjal verbali CELLTECH u l-prodotti u servizzi kkonċernati, il-Bord ta’ l-Appell qies, fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan it-terminu jindika attivitajiet li jaqgħu fil-qasam tat-teknoloġija ċellulari, kif ukoll prodotti, apparat u materjal użati fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet jew li jirriżultaw minn dawn l-attivitajiet.

35      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord ta’ l-Appell weriex li s-sinjal verbali CELLTECH, miftiehem bħala "cell technology", kienx deskrittiv tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, li jaqgħu fil-qasam farmaċewtiku.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li la l-Bord ta’ l-Appell u lanqas l-UASI ma taw is-sinjifikat xjentifiku tat-teknoloġija ċellulari. Fil-fatt, l-UASI ta biss, f’anness għar-risposta tiegħu, estratt mill-Collins English Dictionary bid-definizzjonijiet tat-termini "cell" u "tech".

37      La l-Bord ta’ l-Appell u lanqas l-UASI ma taw spjegazzjoni dwar kif dawn it-termini jagħtu informazzjoni dwar l-użu intenzjonat u n-natura tal-prodotti u tas-servizzi indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, b’mod partikolari l-mod li bih dawn il-prodotti u servizzi jiġu applikati għat-teknoloġija ċellulari jew kif jirriżultaw minnha.

38      Huwa veru li l-prodotti u s-servizzi indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huma ġeneralment prodotti u servizzi farmaċewtiċi u għandhom, b’hekk, konnessjoni mal-korpi li huma komposti minn ċelluli. Madankollu, il-Bord ta’ l-Appell ma weriex li l-pubbliku rilevanti ser jistabbilixxi mill-ewwel u mingħajr ħsieb ieħor relazzjoni konkreta u diretta bejn il-prodotti u s-servizzi farmaċewtiċi kkonċernati u s-sens tas-sinjal verbali CELLTECH [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ġunju 2001, DKV vs L-UASI (EuroHealth), T-359/99, Ġabra p. II-1645, punt 35].

39      Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-prodotti u s-servizzi kkonċernati jistgħu jiġu użati f’kuntest funzjonali li jinvolvi t-teknoloġija ċellulari, dan il-fatt ma jibbastax sabiex jiġi konkluż li s-sinjal verbali CELLTECH jista’ jservi sabiex jindika l-użu intenzjonat tagħhom. Fil-fatt, tali użu jikkostitwixxi, l-iktar l-iktar, wieħed mid-diversi oqsma ta’ applikazzjoni, iżda mhux funzjonalità teknika (sentenza CARCARD, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 40).

40      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha li ssemmew li l-Bord ta’ l-Appell ma weriex li t-terminu "celltech", anki jekk jinftiehem li jfisser teknoloġija ċellulari, jista’ jiġi pperċepit, mill-ewwel u mingħajr ambigwità, bħala terminu li jindika l-attivitajiet li jaqgħu fil-qasam tat-teknoloġija ċellulari, kif ukoll prodotti, apparat u materjal użati fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet jew li jirriżultaw minn dawn l-attivitajiet. Huwa lanqas ma stabbilixxa li l-pubbliku kkonċernat ser jifhmu biss bħala indikazzjoni tat-tip ta’ prodotti u ta’ servizzi li s-sinjal ikopri.

41      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord ta’ l-Appell ma weriex li s-sinjal verbali CELLTECH kien deskrittiv tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni.

42      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord ta’ l-Appell qajjimx, fid-deċiżjoni kkontestata, argumenti oħrajn li juru li s-sinjal verbali in kwistjoni kien nieqes minn karattru distintiv.

43      Għandu jiġi mfakkar f'dan ir-rigward li, għal dak li jikkonċerna trade mark komposta minn kliem, karattru distintiv eventwali jista' jiġi eżaminat, parzjalment, għal kull wieħed mit-termini tagħha jew mill-elementi tagħha, meħuda separatament, iżda għandu, f'kull każ, jiddependi minn eżami tat-trade mark fit-totalità tagħha. Fil-fatt, l-unika ċirkustanza li kull wieħed minn dawn l-elementi, meħuda separatament, huwa nieqes minn karattru distintiv ma jeskludix li l-għaqda li huma jiffurmaw tista' jkollha karattru dintintiv (ara, f'dan is-sens, is-sentenza SAT.1, punt 28).

44      Il-Bord ta' l-Appell ma rnexxielux jistabbilixxi li s-sinjal in kwistjoni, ikkunsidrat fit-totalità tiegħu, ma jagħtix lill-pubbliku kkonċernat il-possibbiltà jiddistingwi l-prodotti u s-servizzi tar-rikorrenti minn dawk li għandhom oriġini kummerċjali oħra.

45      Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord ta' l-Appell ma weriex li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma setgħetx tiġi rreġistrata minħabba r-raġuni għal rifjut li tinsab fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94. Billi l-Bord ta' l-Appell ma ta l-ebda raġuni oħra għalfejn huwa jsostni li din it-trade mark hija, minkejja dan, nieqsa minn karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b), huwa ma kellux raġun meta kkunsidra li s-sinjal verbali CELLTECH kien nieqes minn karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

46      Minn dan jirriżulta li r-rikors għandu jiġi milqugħ.

 Fuq l-ispejjeż

47      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-konvenut tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta' u tiddeciedi li:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) tad-19 ta' Mejju 2003 (kawża R 659/2002-2) hija annullata.

2)      Il-konvenut għandu jbati l-ispejjeż.

Jaeger

Tiili

Czúcz

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta' April 2005.

H. Jung

 

       M. Jaeger

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.