Language of document : ECLI:EU:T:2005:128

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

14 ta' April 2005 (*)

"Għajnuna mill-Istat – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Att li jikkonċerna lir-rikorrenti individwalment"

Fil-kawża T-88/01,

Sniace, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn J. Baró Fuentes, M. Gómez de Liaño y Botella u F. Rodríguez Carretero, Avukati,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u J. Buendía Sierra, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta minn

Ir-Repubblika ta' l-Awstrija, irrappreżentata minn H. Dossi u M. Burgstaller, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

minn

Lenzing Lyocell GmbH & Co. KG, stabbilita f’Heiligenkreuz im Lafnitztal (L-Awstrija),

u minn

Land Burgenland (L-Awstrija),

irrappreżentati minn U. Soltész, avukat,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/102/KE, tad-19 ta’ Lulju 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat ta’ l-Awstrija favur Lenzing Lyocell GmbH & Co. KG (ĠU L 38, 2001, p. 33),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn P. Lindh, President ta’ l-Awla,  R. García-Valdecasas, J. D. Cooke, P. Mengozzi u M. E. Martins Ribeiro, Imħallfin,

Reġistratur:  J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta-17 ta' Ġunju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li taw lok għall-kawża

1        Sniace, SA (aktar 'il quddiem ir-"rikorrenti"), hija kumpannija Spanjola li bħala attivitajiet prinċipali għandha l-produzzjoni u l-bejgħ ta' fibri artifiċjali u sintetiċi taċ-ċelluluża, ta' fibri taċ-ċelluluża (fibri tal-viscose diskontinwi), spag kontinwu tal-poliamidu, feltru mhux maħdum kif ukoll sulfat tas-sodju, l-isfruttament tal-foresti u l-koproduzzjoni ta' l-enerġija elettrika.

2        Lenzing Lyocell GmbH & Co. KG (aktar 'il quddiem "LLG") hija kumpannija Awstrijaka, sussidjarja tal-kumpannija Awstrijaka Lenzing AG, li, b'mod partikolari, tipproduċi fibri tal-viscose u tal-modal. LLG bħala attivitajiet għandha l-produzzjoni u l-bejgħ tal-lyocell, tip ġdid ta' fibra prodotta abbażi taċ-ċelluluża naturali pura. Din il-fibra hija prodotta wkoll mill-kumpannija Brittanika Courtaulds plc, li tikkummerċjalizzaha taħt l-isem "Tencel".

3        Fl-1995, LLG bdiet il-bini ta' fabbrika għall-produzzjoni tal-lyocell fil-qasam industrijali ta' Heiligenkreuz-Szentgotthárd, qasam li jinsab fiż-żona transfruntaljiera bejn l-Awstrija u l-Ungerija. Il-fabbrika tinsab fil-parti Awstrijaka tal-qasam, fil-Land Burgenland.

4        Fl-1995, il-Wirtschaftsbeteiligungs AG (aktar 'il quddiem il-"WiBAG"), korp pubbliku Awstrijaku, għarraf uffiċjalment lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jagħti għajnuna pubblika lil LLG għall-proġett ta' investiment. Permezz ta' ittra tat-30 ta' Awwissu 1995, ir-Repubblika ta' l-Awstrija għarrfet lill-Kummissjoni li din l-għajnuna kellha tingħata fil-kuntest tas-skema ta' għajnuna b'finalita reġjonali bin-numru N 589/95, approvata mill-Kummissjoni permezz ta' ittra tat-3 ta' Awwissu 1995. Permezz ta' ittra tal-5 ta' Ottubru 1995, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika ta' l-Awstrija li notifika individwali ta' l-għajnuna prevista fil-forma ta' sussidji ma kinitx meħtieġa peress li din kienet taqa' taħt skema ta' għajnuna awtorizzata, filwaqt li ntimatha sabiex ma tagħtix għajnuna fil-forma ta' garanziji lil LLG mingħajr ma tinformaha qabel.

5        Fil-21 ta' April 1997, l-awtoritajiet Awstrijaċi bagħtu lill-Kummissjoni formoli ta' applikazzjoni għal kofinanzjament, skond il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), għal żewġ proġetti kbar ta' investiment fil-qasam industrijali li kellhom jitwettqu minn Business Park Heiligenkreuz GmbH (aktar 'il quddiem "BPH") u Wirtschaftspark Heiligenkreuz Servicegesellschaft mbH (aktar 'il quddiem "WHS").

6        Minħabba informazzjoni li kienet tinsab f'dawn il-formoli kif ukoll f'kuntratt milħuq bejn il-Land Burgenland u LLG fl-1995, il-Kummissjoni ddeċidiet li terġa teżamina l-kwistjoni fir-rigward ta' l-għajnuna mogħtija lil LLG. Wara li ltaqgħet ma' l-awtoritajiet Awstrijaċi u wara li kien hemm skambju ta' ittri ma' dawn ta' l-aħħar, hija ddeċidiet li tniżżel din il-kwistjoni fir-reġistru ta' l-għajnuna mhux innotifikata. Wara dan kien hemm laqgħat u skambji ta' ittri oħrajn bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Awstrijaċi.

7        Permezz ta' ittra tad-29 ta' Ottubru 1998, il-Kummissjoni informat lill-Gvern Awstrijaku bid-deċiżjoni tagħha ta' l-14 ta' Ottubru 1998 li tiftaħ il-proċedura prevista mill-Artikolu 93(2) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(2) KE) fir-rigward tad-diversi miżuri li l-awtoritajiet Awstrijaċi adottaw favur LLG (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura"). Il-miżuri in kwistjoni kienu jikkonsistu f'garanziji Statali għal sussidji u għal self li kienu jammontaw għal EUR 50.3 miljun, prezz vantaġġjuż ta' EUR 4.4 il-metru kwadru għal 120 ettaru ta' art industrijali u garanziji ta' prezzijiet fissi fir-rigward tas-servizzi kollettivi bażiċi għal matul 30 sena. Il-Kummissjoni intimat lill-Gvern Awstrijaku, skond il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-13 ta' April 1994, Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni (C-324/90 u C-342/90, Ġabra p. I-1173), sabiex jipprovdilha ċerta informazzjoni sabiex tkun tista' teżamina l-konformità ta' dawn il-miżuri mas-suq komuni.

8        Hija intimatlu wkoll, skond il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-5 ta' Ottubru 1994, L-Italja vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala "Italgrani" (C-47/91, Ġabra p. I-4635, punti 21 sa 24), sabiex jipprovdilha serje ta' informazzjoni intiża sabiex hija tkun tista' tevalwa jekk uħud mill-miżuri l-oħra li l-awtoritajiet Awstrijaċi adottaw favur LLG kinux koperti minn skemi ta' għajnuna awtorizzati jew eżistenti. L-Istati l-oħra u l-partijiet ikkonċernati ġew informati bil-ftuħ ta' din il-proċedura u ġew mistiedna jissottomettu l-eventwali osservazzjonijiet tagħhom permezz tal-pubblikazzjoni ta' din l-ittra fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-13 ta' Jannar 1999 (ĠU C 9, p.6).

9        Il-Gvern Awstrijaku rrisponda għal din l-ittra tal-Kummissjoni permezz ta' ittri tal-15 ta' Marzu u tas-16 u tat-28 ta' April 1999. Ir-Renju Unit u xi terzi kkonċernati, fosthom ir-rikorrenti (permezz ta' ittra tat-12 ta' Frar 1999), ukoll issottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom.

10      Wara li eżaminat l-informazzjoni li kienet ġiet pprovduta lilha mill-awtoritajiet Awstrijaċi, il-Kummissjoni, permezz ta' ittra ta' l-14 ta' Lulju 1999, informat lill-Gvern Awstrijaku bid-deċiżjoni tagħha tat-23 ta' Ġunju 1999 li testendi l-proċedura miftuħa abbażi ta' l-Artikolu 88(2) KE (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni ta' estensjoni tal-proċedura") għal erba' miżuri oħra adottati favur LLG. Dawn huma l-miżuri segwenti: għajnuna ad hoc għall-investiment li tammonta għall EUR 0.4 miljun għax-xiri ta' biċċa art, parteċipazzjoni taċita għal ammont ta' EUR 21.8 miljun li setgħet tinfeda' biss wara 30 sena u li kienet tirrendi 1% fis-sena, għajnuna għal ammont mhux magħruf għall-ħolqien ta' infrastruttura speċifika għall-impriża u għajnuna ambjentali li tammonta għal EUR 5.4 miljun li x'aktarx ingħatat fil-kuntest ta' applikazzjoni mhux konformi ta' skema ta' għajnuna eżistenti. Il-Kummissjoni stiednet lill-Gvern Awstrijaku jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu. L-Istati Membri l-oħra u l-partijiet ikkonċernati ġew informati bl-estensjoni tal-proċedura u ġew mistiedna jissottomettu l-eventwali osservazzjonijiet tagħhom permezz tal-pubblikazzjoni ta' din l-ittra fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-4 ta' Settembru 1999 (ĠU C 253, p.4). Il-Gvern Awstrijaku ssottometta l-osservazzjonijiet tiegħu permezz ta' ittra ta' l-4 ta' Ottubru 1999. Ir-Renju Unit kif ukoll xi terzi kkonċernati, fosthom ir-rikorrenti (permezz ta' ittra ta' l-4 ta' Ottubru 1999), ukoll ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Il-Gvern Awstrijaku pprovda informazzjoni addizzjonali permezz ta' ittri tal-25 ta' Frar u tas-27 ta' April 2000.

11      Fid-19 ta' Lulju 2000, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni 2001/102/KE dwar l-għajnuna mill-Istat ta' l-Awstrija favur LLG (ĠU L 38, 2001, p. 33, aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

12      Il-parti dispożittiva ta' din id-deċiżjoni tipprovdi dan li ġej:

"Artikolu 1

L-għajnuna li l-Awstrija tat lil […] (LLG) ta' Heiligenkreuz, permezz ta' l-għoti ta' garanziji li jammontaw għal EUR 35.8 miljun [garanzija mingħand konsorzju ta' banek privati u pubbliċi li tammonta għal EUR 21.8 miljun u tliet garanziji ta' […](WHS) li jammontaw għal EUR 1.4 miljun, EUR 10.35 miljun u EUR 2.25 miljun], kif ukoll permezz ta' prezz ta' EUR 4.4 għal kull metru kwadru għax-xiri ta' biċċa art industrijali ta' 120 ettaru, garanziji ta' prezzijiet fissi tal-Land […] Burgenland għall-provvista ta' servizzi kollettivi u għajnuna f'ammont mhux magħruf permezz tal-ħolqien ta' infrastruttura speċifika għall-impriża, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) [KE].

Artikolu 2

L-għajnuna mogħtija mill-Awstrija lil LLG permezz ta' l-għoti ta' garanzija ta' EUR 14.5 miljun mill-WiBAG hija konformi mal-linji gwida dwar il-garanziji li ġew approvati mill-Kummissjoni bin-numru [ta' referenza] N 542/95.

L-għajnuna ambjentali li tammonta għal EUR 5.37 miljun hija konformi mal-linji gwida dwar il-finanzjament tal-ħarsien ta' l-ambjent approvati mill-Kummissjoni bin-numru [ta' referenza] N 93/148.

Artikolu 3

L-għajnuna individwali li l-Awstrija tat fil-forma ta' għajnuna li tammonta għal EUR 0.4 miljun għax-xiri ta' l-art u fil-forma ta' parteċipazzjoni taċita li tammonta għal EUR 21.8 miljun huma kompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 4

Ir-Repubblika [ta' l-Awstrija] hija d-destinatarja ta' din id-deċiżjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Proċedura

13      Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-17 ta' April 2001, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

14      Permezz ta' atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-6 ta' Ġunju, fis-16 u fis-26 ta' Lulju 2001 rispettivament, LLG, ir-Repubblika ta' l-Awstrija u l-Land Burgenland talbu sabiex jintervjenu f'din il-kawża in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

15      Permezz ta' ittra tas-16 ta' Ottubru 2001, ir-rikorrenti għamlet talba għal miżuri ta' organizzazjoni tal-proċedura li kienet intiża sabiex il-Kummissjoni tipprovdi numru ta' dokumenti li hija ssemmi fir-risposta tad-difiża tagħha u fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll ċerta informazzjoni, b'mod partikolari fuq is-suq tal-prodotti in kwistjoni. Fl-14 ta' Novembru 2001, il-Kummissjoni, abbażi tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, ġiet mistiedna tipprovdi wħud minn dawn id-dokumenti. Hija kkonformat ruħha ma' din it-talba fiż-żmien preskritt.

16      Permezz ta' ittra ta' l-10 ta' Diċembru 2001, ir-rikorrenti talbet sabiex ċerta informazzjoni li tinsab fl-annessi 14 u 15 tar-rikors tagħha tingħata trattament kunfidenzjali fir-rigward ta' LLG, tar-Repubblika ta' l-Awstrija u tal-Land Burgenland.

17      Permezz ta' digriet tat-18 ta' Frar 2002, il-President tal-Ħames Awla Estiża laqa' t-talbiet ta' intervent u ta' kunfidenzjalità.

18      Fil-21 ta' Mejju 2002, LLG u l-Land Burgenland ippreżentaw sottomissjonijiet ta' l-intervent konġunti.

19      Fit-23 ta' Mejju 2002, ir-Repubblika ta' l-Awstrija ppreżentat is-sottomissjonijiet ta' l-intervent tagħha.

20      Il-Kummissjoni u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq is-sotttomissjonijiet ta' l-intervent fid-19 ta' Lulju u fis-6 ta' Settembru 2002 rispettivament.

21      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

22      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta tas-17 ta' Ġunju 2004.

 It-talbiet tal-partijiet

23      Ir-rikorrenti qiegħda titlob sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata safejn fih il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-għoti ta' garanziji li jammontaw għal EUR 35.8 miljun ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE;

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata safejn fih il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-għajnuna mogħtija mir-Repubblika ta' l-Awstrija lil LLG permezz ta' l-għoti tal-garanzija ta' EUR 14.5 miljun mill-WiBAG hija konformi mal-linji gwida dwar il-garanziji approvati mill-Kummissjoni bin-numru ta' referenza N 542/95;

–        tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        sussudjarjament, tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata safejn fih il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-garanziji ta' prezzijiet fissi tal-Land Burgenland għall-provvista ta' servizzi kollettivi u għajnuna b'ammont mhux magħruf għall-ħolqien ta' infrastruttura speċifika għall-impriża ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

24      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti talbet ukoll sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata safejn fih il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-għajnuna għall-ambjent li tammonta għal EUR 5.37 miljun hija konformi mal-linji gwida dwar il-finanzjament tal-ħarsien ta' l-ambjent approvati mill-Kummissjoni bin-numru ta' referenza N 93/148.

25      Il-Kummissjoni titlob sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza:

–        tiċħad il-motivi mhux sostanzjati u l-motivi l-ġodda invokati mir-rikorrenti bħala inammissibbli;

–        f'kull każ, tiċħad ir-rikors bħala mhux fondat fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

26      Il-partijiet intervenjenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, f'kull każ, bħala mhux fondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

27      Il-partijiet intervenjenti jeċċepixxu l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba li r-rikorrenti mhijiex ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkonċernata.

28      Ir-Repubblika ta' l-Awstrija tfakkar li, fil-qasam tal-kontroll ta' l-għajnuna mill-Istat, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi proċedura miftuħa abbażi ta' l-Artikolu 88(2) KE tikkonċerna individwalment lill-impriżi li kienu responsabbli għall-ilment li ta lok għal din il-proċedura u li l-osservazzjonijiet tagħhom instemgħu u ddeterminaw l-iżvolġiment tal-proċedura, jekk, madankollu, il-pożizzjoni tagħhom fis-suq hija affettwata b'mod sostanzjali mill-miżura ta' għajnuna li tkun is-suġġett ta' l-imsemmija deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Jannar 1986, COFAZ et vs Il- Kummissjoni, 169/84, Ġabra p. 391, punti 24 u 25).

29      Hija tikkunsidra, l-ewwel nett, li ċ-ċirkustanza li r-rikorrenti hija terz ikkonċernat fis-sens ta' l-Artikolu 88(2) KE ma jagħtihiex il-locus standi sabiex taġixxi kontra d-deċiżjoni kkontestata. Hija tfakkar li, skond il-ġurisprudenza, persuna fiżika jew legali tista' biss tkun ikkonċernata individwalment minħabba l-kwalità tagħha ta' terz ikkonċernat minħabba deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad il-ftuħ tal-fażi ta' eżami ta' l-għajnuna prevista mill-Artikolu 88(2) KE (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Settembru 1998 BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-11/95, Ġabra. p. II‑3235, punti 88 u 89). Fil-fatt, f'dan il-każ, hija tkun tista' biss tikseb ir-rispett tal-garanziji proċedurali tagħha jekk ikollha l-possibbiltà li tikkontesta din id-deċiżjoni quddiem qorti Komunitarja (sentenza BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 89). Min-naħa l-oħra, meta, bħal f'dan il-każ, il-Kummissjoni tkun adottat id-deċiżjoni tagħha wara l-fażi ta' l-eżami, it-terzi kkonċernati jkunu effettivament ibbenefikaw mill-garanziji proċedurali tagħhom, b'tali mod li ma jistgħux jibqgħu jiġu kkunsidrati, minħabba din il-kwalità biss, bħala individwalment ikkonċernati mill-imsemmija deċiżjoni.

30      Ir-Repubblika ta' l-Awstrija żżid li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE mhijiex biżżejjed sabiex tidentifikaha individwalment b'mod analogu ma' dak tad-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Frar 1999, Arbeitsgemeinschaft Deutscher Luftfahrt-Unternehmen u Hapag-Lloyd vs Il-Kummissjoni, T-86/96, Ġabra p. II-179, punt 50). Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, f'dak li jirrigwarda l-għajnuna mill-Istat, il-parteċipazzjoni f'din il-proċedura tikkostitwixxi biss, jekk ikun il-każ, wieħed mill-elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li persuna fiżika jew legali hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni li tagħha hija titlob l-annullament (sentenza COFAZ et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 25, u digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Frar 1998, Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, T-189/97, Ġabra p. II-335, punt 44).

31      It-tieni nett, ir-Repubblika ta' l-Awstrija ssostni li r-rikorrenti mhijiex fondata li tibbaża l-argument tagħha fuq il-fatt li l-interessi tagħha huma affettwati mill-għoti tal-miżuri kkontestati fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni (323/82, Ġabra p. 3809, punt 16). Is-silta meħuda minn din is-sentenza ma tikkonċernax, fil-fatt, il-kwistjoni tal-locus standi.

32      It-tielet nett, ir-Repubblika ta' l-Awstrija ssostni li r-rikorrenti ma tipprovax li l-pożizzjoni tagħha fis-suq tista' tiġi sostanzjalment effettwata mill-miżuri kkontestati. Hija tfakkar li dawn il-miżuri jirrigwardaw esklużivament il-bini ta' fabbrika li tipproduċi l-lyocell, prodott li r-rikorrenti ma tipproduċix. Hija żżid li ma jeżisti l-ebda relazzjoni speċifika ta' kompetizzjoni bejn dan il-prodott u dawk tar-rikorrenti. Hija, b'mod partikolari, tqis li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li l-fibri tal-viscose u l-lyocell kienu jagħmlu parti minn żewġ swieq differenti.

33      Fir-rigward ta' dan l-aħħar punt, ir-Repubblika ta' l-Awstrija ssostni, minn naħa, li, f'dak li jirrigwarda x-xerrejja, il-fibri tal-lyocell u l-fibri tal-viscose mhumiex sostitwibbli. Sabiex issostni din l-affermazzjoni hija tesponi li l-lyocell għandu karatteristiċi speċifiċi li jiddistingwuh mill-viscose, bħar-reżistenza għolja tiegħu meta jkun xott u fl-ambjenti umdi, li ma jirrestrinġix ruħu wisq fl-ilma, il-kapaċità elevata tiegħu li jassorbi ż-żebgħa, l-irtubija tiegħu mal-mess, ix-xebh tiegħu mal-ħarir kif ukoll il-kapaċità tiegħu li jiġi mħallat ma' fibri tessili oħra. Il-"karatteristiċi tal-wiċċ" speċifiċi tiegħu u t-tendenza tiegħu għall-fibrilazzjoni jippermettu l-produzzjoni ta' prodotti ġodda b'karatteristiċi ġodda li ma jistgħux jinkisbu bl-użu tal-fibri tal-viscose, bħall-effett "stonewashed" u "qoxra tal-ħawħa". Barra minn dan, f'ċerti oqsma fejn jintuża l-lyocell, bħal f'dak tad-denim, l-użu tal-fibri tal-viscose huwa teknikament impossibbli. Ir-reżistenza għolja ħafna tal-lyocell tippermetti produttività eċċezzjonalment għolja fl-għażil u fl-insiġ. Peress li l-produzzjoni tal-lyocell iġġib magħha spejjeż ikbar, dan il-prodott huwa ddestinat għal partijiet tas-suq fejn il-prodotti huma ta' kwalita aħjar u bi prezz ogħla. Ir-Repubblika ta' l-Awstrija tirreferi wkoll għal ċerti konstatazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet fid-deċiżjoni tagħha tas-17 ta' Ottubru 2001 fil-kwistjoni COMP/M2187 – CVC/Lenzing.

34      Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika ta' l-Awstrija ssostni li l-proċessi tal-produzzjoni tal-lyocell u tal-fibri tal-viscose huma fundamentalment differenti. Il-produzzjoni tal-viscose għandha ssir permezz ta' proċess ta' trasformazzjoni kimika, filwaqt li dik tal-lyocell ssir permezz ta' proċedura fiżika, jiġifieri billi tintuża soluzzjoni bl-ilma ta' l-ossidu tal-N-methyl-morpholine (NMMO). Hija tenfasizza li l-proċess ta' produzzjoni tal-lyocell kellu bżonn riċerka sostanzjali u li huwa anqas ta' ħsara għall-ambjent minn dak tal-fibri tal-viscose, li jeħtieġ konsum sostanzjali ta' kimiċi. Hija tippreċiża li "it-teknoloġija l-ġdida użata għall-fabrikazzjoni tal-fibri tal-lyocell hija kkaratterizzata […] minn numru anqas ta' stadji ta' produzzjoni, termini aqsar ta' pproċessar, konsum aktar baxx ta' sustanzi kimiċi u ċikli ta' produzzjoni magħluqin".

35      Ir-Repubblika ta' l-Awstrija tgħid ukoll li t-telf ta' l-ishma tas-suq u t-tnaqqis fil-fatturat invokati mir-rikorrenti mhumiex dovuti għall-għoti tal-miżuri kkontestati lil LLG, iżda għad-diffikultajiet finanzjarji u ekonomiċi u għad-dejn żejjed li r-rikorrenti kellha taffaċja għal diversi snin mill-bidu tas-snin disgħin. Hija tirreferi, f'dan ir-rigward, għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/395/KE, tat-28 ta' Ottubru 1998, dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Gvern Spanjol lil Sniace, SA, li tinsab f'Torrelavega (Kantabrija) (ĠU L 149, 1999, p. 40).

36      LLG u l-Land Burgenland isostnu li ma teżisti l-ebda relazzjoni ta' kompetizzjoni bejn LLG u r-rikorrenti peress li din ta' l-aħħar ma toperax fis-settur tal-lyocell. F'dan ir-rigward, huma jinvokaw l-istess argumenti bħal dawk ippreżentati mir-Repubblika ta' l-Awstrija u riprodotti aktar 'il fuq.

37      Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex teżamina ex officio l-locus standi tar-rikorrenti peress li din hija eċċezzjoni ta' inammissibbiltà ta' natura pubblika. Hija tesprimi dubji serji dwar il-fatt li l-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti hija affettwata sostanzjalment mill-miżuri kkontestati, peress li dawn huma intiżi esklużivament għall-produzzjoni tal-lyocell, li jagħmel parti minn suq differenti minn dak tal-viscose. F'dan ir-rigward, hija tinsisti, b'mod partikolari, fuq il-fatt li l-prezz tal-lyocell huwa kunsiderevolment ogħla minn dak tal-fibri tal-viscose u li dawn iż-żewġ fibri mhumiex intiżi għall-istess użi. Barra minn dan, hija tosserva li r-rikorrenti, fl-osservazzjonijiet li hija ppreżentat matul il-proċedura prekontenzjuża, ikkuntentat ruħha li "tirrepeti d-dubji esposti fid-deċiżjoni [ta' ftuħ tal-proċedura]".

38      Ir-rikorrenti tfakkar, l-ewwel nett, li, skond ġurisprudenza stabbilita, parti intervenjenti mhijiex abilitata li tqajjem eċċezzjoni ta' inammissibbiltà tar-rikors li ma tkunx saret fit-talbiet tal-parti konvenuta (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Novembru 1997, Kayserberg vs Il-Kummissjoni, T-290/94, Ġabra p. II-2137, punt 76, u tal-21 ta' Jannar 1999, Riviera Auto Service et vs Il-Kummissjoni, T-185/96, T-189/96 u T-190/96, Ġabra p. II-93, punt 25). Hija tħalli f'idejn il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok ta' eżami ex officio ta' l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà bbażata fuq nuqqas ta' locus standi.

39      Ir-rikorrenti ssostni, it-tieni nett, li hija hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata.

40      F'dak li jirrigwarda r-rekwiżit li hija għandha tkun individwalment ikkonċernata, hija tiddikjara, l-ewwel nett, li ħadet sehem attiv fil-proċedura prekontenzjuża billi ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub.

41      It-tieni nett, hija ssostni li kienet ġiet żvantaġġjata bl-għoti tal-miżuri kkontestati lil LLG "skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikolari fis-sentenza […] Intermills vs Il-Kummissjoni", iċċitata aktar il-fuq.

42      It-tielet nett, ir-rikorrenti tallega li l-imsemmija miżuri jikkawżawlha dannu ekonomiku "f'termini ta' telf ta' ishma tas-suq, [ta'] tnaqqis fil-fatturat tagħha u [ta'] l-assi intanġibbli". Sabiex turi l-verità u l-firxa ta' dan id-dannu, hija tirreferi għal nota li tidher fl-anness 14 tar-rikors.

43      F'din in-nota, ir-rikorrenti tagħmel is-segwenti osservazzjonijiet:

–        is-swieq Ewropej u dinjin tal-viscose huma kkaratterizzati minn tnaqqis fil-kapaċità ta' produzzjoni u tal-konsum;

–        din is-sitwazzjoni hija "inkompatibbli mal-ħolqien ta' industrija ġdida ta' sostituzzjoni li tibbenefika minn finanzjament preferenzjali Ewropew";

–        "il-[…] lyocell jintuża mingħajr distinzjoni, b'vantaġġ kompetittiv pjuttost kunsiderevoli, minflok il-fibra tal-viscose tradizzjonali jew bħala sostitut għal din ta' l-aħħar";

–        il-fornitura ta' lyocell minn LLG tikkorrispondi għal 3.5% tas-suq Ewropew tal-viscose;

–        "mhemm l-ebda dubju li fornitura li tikkorrispondi għal 3.5% tas-suq timplika tibdil fil-prezzijiet, fiċ-ċirkustanzi, eċċ, aktar u aktar meta, minħabba l-ispiża għall-investiment/għad-deprezzamenti tagħha, hija tista' tkun ta' kompetizzjoni żleali għad-detriment ta' fibri oħra li jinsabu f'pożizzjoni ekonomika inferjuri u li għalhekk tista' ġġib magħha telf, filwaqt li l-fibra tal-lyocell, peress li m'għandhiex bżonn tiġi deprezzata, tista' tagħti lok għal profitti";

–        konsegwentement ir-rikorrenti waqfet milli tipproduċi u għalhekk milli tbigħ, il-kwantitajiet ta' viscose li ġejjin: […](1) tunnellati fl-1997, […], tunnellati fl-1998, […] tunnellati fl-1999, […] tunnellati fl-2000, tnaqqis ta' […] tunnellati fis-sena kien previst b'effett mill-2001 'il quddiem;

–        dan huwa ekwivalenti għal telf fid-dħul nett ta': […] pesetas Spanjoli (ESP) fl-1997, ta' ESP […] fl-1998, ta' ESP […] fl-1999, ta' ESP […] fl-2000, ta' ESP […] skond il-previżjonijiet tagħha għall-2001 u ta' ESP […] skond il-previżjonijiet għall-perijodu 2001-2007;

–        il-provvista ta' lyocell minn LLG ġabet magħha wkoll "tibdil ta' minn ta' l-anqas […]% tal-prezz fis-seħħ fis-suq", jiġifieri t-telf li ġej għar-rikorrenti: ta' ESP […] fl-1997, ta' ESP […] fl-1998, ta' ESP […] fl-1999, ta' ESP […] fl-2000, ESP […] skond il-previżjonijiet tagħha għall-2001 u ta' ESP […] skond il-previżjonijiet għall-perijodu 2001-2007;

–        barra minn dan, LLG ta' kull sena tqiegħed fis-suq, "permezz ta' kanali tal-bejgħ speċjali li aktar tard ibigħu bi prezzijiet baxxi ħafna", madwar 1 000 tunnellata ta' "prodotti sekondarji" (jew "prodotti sub-standard"), u dan iġiegħel lir-rikorrenti tbaxxi l-prezzijiet tagħha għall-"prodotti ta' l-istess kwalità";

–        dan ġab miegħu, għar-rikorrenti, telf fid-dħul ta' ESP […] kull sena.

44      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li LLG tipproduċi u tbigħ, taħt it-trade mark "Pro-Viscose", prodott magħmul minn taħlita ta' viscose u ta' lyocell (aktar 'il quddiem il-"proviscose") u tafferma li dan il-prodott huwa f'kompetizzjoni mal-viscose. Minn nota annessa mar-replika jirriżulta li LLG offriet il-proviscose lil diversi klijenti tar-rikorrenti tal-proviscose "bi prezz analogu għal dak tal-viscose tradizzjonali".

45      Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq is-sottomissjonijiet ta' intervent, ir-rikorrenti ssostni li hija hija, "mingħajr l-ebda dubju" impriża kompetitriċi ta' LLG. Fil-fatt, il-fibra tal-viscose li hija tipproduċi hija f'kompetizzjoni diretta mal-prodotti manifatturati minn LLG, jiġifieri l-lyocell, il-"lyocell substandard" u l-proviscose. Sabiex issostni din l-aħħar dikjarazzjoni, hija tipprovdi perizja magħmula minn "konsulent indipendenti", F. Marsal Amenós, kif ukoll ix-xhieda ta' "negozjant indipendenti", il-kumpannija Manfib Sas. Il-lyocell fil-fatt mhuwa xejn ħlief "fibra tal-viscose mtejba" li tista' tissostitwixxi, "fil-parti l-kbira ta' l-applikazzjonijiet", lil din ta' l-aħħar. Ir-rikorrenti tammetti li l-fibri tal-lyocell jiswew aktar minn dawk tal-viscose u tallega li l-proviscose nħoloq sabiex "tiġi evitata din il-problema". F'dan ir-rigward, hija tafferma li, fid-dawl tal-prezz ogħla tal-lyocell, LLG introduċiet fis-suq il-proviscose u "lyocell substandard (ta' kwalità anqas)" bi "prezzijiet li joqorbu lejn dawk tal-viscose". Hija żżid li l-fibri tal-lyocell kisbu sehem importanti, jiġifieri bejn il-5 u l-10% tas-suq Ewropew tal-fibri ċellulużi maqtugħin, suq li qabel kien fornut esklużivament mill-produtturi Ewropej tal-viscose.

46      Matul is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li LLG kienet qiegħdet fis-suq "lyocell sub-standard" għal ċerti applikazzjonijiet (filters tas-sigaretti, wet wipes, biċċiet, eċċ.). Hija osservat ukoll li l-lyocell kien prodott ta' kwalità aħjar mill-viscose, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda r-reżistenza, li kellu ċerti karatteristiċi tekniċi u li l-prezz tal-"lyocell pur" kien aktar għoli minn dak tal-viscose. F'dak li jirrigwarda dan l-aħħar punt, hija ppreċiżat li huwa meta jiġi mħallat ma' prodotti oħra li l-lyocell ikun jista' jiġi offrut bi prezzijiet kompetittivi paragunabbli ma' dawk tal-viscose.

47      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tammetti li, skond il-ġurisprudenza, l-fatt biss li att jista' jkollu influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta' kompetizzjoni li jeżistu f'suq partikolari mhuwiex biżżejjed sabiex kull operatur ekonomiku li jkollu kwalsijasi relazzjoni ta' kompetizzjoni mad-destinatarju ta' l-att ikun jista' jiġi kkunsidrat bħala direttament u individwalment ikkonċernat minn dan ta' l-aħħar (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Diċembru 1969, Eridania et vs Il-Kummissjoni, 10/68 u 18/68, Ġabra p. 459, punt 7). Madankollu hija tinsisti fuq il-fatt li, minn naħa, hemm biss numru limitat ta' produtturi fis-suq tal-prodotti kkonċernati [hemm biss ħames produtturi fil-parti tas-suq tal-fibri mhux kontinwi tal-viscose ta' kwalità normali ("commodity viscose staple fibres") u tlieta fil-parti tas-suq tal-fibri mhux kontinwi tal-viscose kkulurati bil-massa ("spundyed viscose staple fibres ")] u, min-naħa l-oħra, li l-proġett ta' investiment ser iġib miegħu żieda kunsiderevoli fil-kapaċità ta' produzzjoni.

48      F'dak li jirrigwarda l-kundizzjoni li wieħed ikun direttament ikkonċernat, ir-rikorrenti tosserva li d-deċiżjoni kkontestata ħalliet l-effetti kollha tal-miżuri kkontestati mhux mittiefsa meta hija kienet talbet lill-Kummissjoni deċiżjoni li tneħħi jew temenda l-imsemmija miżuri (sentenza COFAZ et vs il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 30, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Lulju 1995, AITEC et vs Il-Kummissjoni, T-447/93 sa T-449/93, Ġabra p. II-1971, punt 41).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

49      Għandu jiġi mfakkar li, skond ir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 40 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet tar-rikors għal intervent jista' jkollhom bħala oġġett biss is-sostenn tat-talbiet ta' waħda mill-partijiet. Barra minn dan, skond l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, l-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis.

50      Fit-talbiet tagħha, l-Kummissjoni limitat ruħha li titlob li r-rikors jiġi miċħud fuq il-mertu u ma kkontestatx il-locus standi tar-rikorrenti.

51      Bħala partijiet intervenjenti, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, LLG u l-Land Burgenland għalhekk mhumiex intitolati li jinvokaw eċċezzjoni ta' inammissibbiltà.

52      Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li, skond l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista', f'kull waqt, teżamina l-eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà tar-rikors għal raġunijiet ta' ordni pubbliku, fosthom dawk invokati mill-partijiet intervenjenti (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Ottubru 1996, Skibsvaerftsforeningen et vs Il-Kummissjoni, T-266/94, Ġabra p. II-1399, punt 40; ta' l-24 ta' Ottubru 1997, EISA vs Il-Kummissjoni, T-239/94, Ġabra p. II-1839, punt 26, u tas-17 ta' Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, T-174/95, Ġabra p. II-2289, punt 79; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Lulju 1990, Neotype Techmashexport vs Il-Kummissjoni u l-Kunsill, C-305/86 u C-160/87, Ġabra p. I-2945; ta' l-24 ta' Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-1125, punt 23, u tal-15 ta' Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C-225/91, Ġabra p. I-3203, punt 13).

53      F'dan il-każ, l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà invokata mill-partijiet intervenjenti tqajjem kwistjoni ta' ordni pubbliku, f'dak li jirrigwarda l-locus standi tar-rikorrenti (ara, f'dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Lulju 2001, Conseil national des professions de l’automobile et vs Il-Kummissjoni, C-341/00 P, Ġabra p. I-5263, punt 32, u s-sentenza EISA vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 27). Għalhekk din tista' tiġi eżaminata ex officio mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

54      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, konformement mar-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 230 KE, persuna fiżika jew legali tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lejn persuna oħra biss jekk dik id-deċiżjoni tkun tikkonċernaha direttament u individwalment. Peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet indirizzata lir-Repubblika ta' l-Awstrija, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti tissodisfax dawn iż-żewġ kundizzjonijiet.

55      F'dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta' jekk ir-rikorrenti hijiex individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi mfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li persuni oħra li ma jkunux id-destinatarji ta' deċiżjoni jistgħu jallegaw li huma kkonċernati direttament biss jekk dik id-deċiżjoni taffettwhom minħabba ċerti karatteristiċi partikolari għalihom jew sitwazzjoni fattwali li tiddistingwihom fir-rispett ta' kull persuna oħra u, minħabba f'hekk, tindividwalizzahom b'mod analogu għal dak tad-destinatarju ta' deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223; tat-23 ta' Mejju 2000, Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, C-106/98 P, Ġabra p. I-3659, punt 39, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' April 1995, ASPEC et vs Il-Kummissjoni, T-435/93, Ġabra p. II-1281, punt 62).

56      F'dak li jirrigwarda, b'mod partikolari, il-qasam ta' l-għajnuna mill-Istat, ġew rikonoxxuti bħala individwalment ikkonċernati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura miftuħa skond l-Artikolu 88(2) KE, fir-rigward ta' għajnuna individwali, minbarra l-impriża benefiċjarji, l-impriżi kompetituri ta' din ta' l-aħħar li jkunu ħadu sehem attiv fil-kuntest ta' din il-proċedura, sakemm il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun ġiet kunsiderevolment affettwata mill-miżura ta' għajnuna li tkun is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza COFAZ et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 25).

57      Għalhekk impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta' kompetitriċi fir-rigward ta' l-impriża benefiċjarja, iżda għandha tistabbilixxi wkoll, fid-dawl tal-livell ta' l-eventwali parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura u tal-kobor tal-preġudizzju tal-pożizzjoni tagħha fis-suq, li hija hi f'sitwazzjoni fattwali li tindividwalizzaha b'mod analogu għal kif ikun individwalizzat id-destinatarju ta' deċiżjoni (sentenza Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 41).

58      F'dan il-każ, għandu jiġi eżaminat safejn il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura miftuħa abbażi ta' l-Artikolu 88(2) KE u l-effett ta' l-għajnuna fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq huma ta' natura li jindividwalizzawha, skond l-Artikolu 230 KE.

59      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kellha biss parti żgħira fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża. Minn naħa, hija ma ppreżentat l-ebda lment lill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra jidher li l-iżvolġiment ta' din il-proċedura ma kienx iddeterminat b'mod kunsiderevoli mill-osservazzjonijiet li hija ppreżentat permezz ta' ittri tat-12 ta' Frar u ta' l-4 ta' Ottubru 1999 (ara, f'dan is-sens, is-sentenza COFAZ et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 24). B'hekk, fl-osservazzjonijiet tagħha tat-12 ta' Frar 1999, ir-rikorrenti limitat ruħha sabiex, essenzjalment, tirripproduċi ċerti konstatazzjonijiet magħmulin mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tal-ftuħ tal-proċedura u li tikkummentahom sommarjament, u dan mingħajr ma tipprovdi l-iċken element konkret ta' prova. Bl-istess mod, fl-osservazzjonijiet tagħha ta' l-4 ta' Ottubru 1999, hija limitat ruħha li tiddikjara, mingħajr ma għamlet l-iċken preċiżazzjoni jew ma ġabet xi element ta' prova, li l-miżuri previsti fid-deċiżjoni ta' estensjoni tal-proċedura kienu jikkonstitwixxu għajnuna mill-Istat u li dawn kellhom jiġu ddikjarati inkompatibbli mas-suq komuni.

60      It-tieni nett, f'dak li jirrigwarda l-kobor tad-dannu lill-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq, għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li, kif jirriżulta mill-punt 28 tas-sentenza COFAZ et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, il-qorti Komunitarja m'għandhiex, fl-istadju ta' l-eżami ta' l-ammissibbiltà, tagħti deċiżjoni definittiva fuq ir-relazzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn ir-rikorrenti u l-impriża li bbenefikat minn għajnuna. F'dan il-kuntest, hija biss ir-rikorrenti li għandha tindika, b'mod rilevanti, ir-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista' tkun ta' ħsara għall-interessi leġittimi tagħha billi teffettwa kunsiderevolment il-pożizzjoni tagħha fis-suq in kwistjoni.

61      Barra minn dan, għandu jiġi osservat li, f'dan il-każ, il-miżuri koperti mid-deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw esklużivament fabbrika maħsuba għall-produzzjoni tal-lyocell u li huwa stabbilit li r-rikorrenti la tipproduċi dan it-tip ta' fibra u lanqas għandha l-intenzjoni li tagħmel dan fil-futur.

62      Madankollu, ir-rikorrenti tressaq tliet argumenti sabiex tipprova tistabbilixxi li l-pożizzjoni tagħha fis-suq tista' tiġi affettwata kunsiderevolment mid-deċiżjoni kkontestata.

63      L-ewwel nett, fir-rikors tagħha, hija essenzjalment tallega li bejn il-viscose u l-lyocell hemm relazzjoni ta' kompetizzjoni diretta.

64      Mingħajr ma jkun hemm bżonn, fl-istadju ta' l-eżami ta' l-ammissibbiltà, li tittieħed deċiżjoni definittiva dwar id-definizzjoni eżatta tas-suq tal-prodotti in kwistjoni, ikun biżżejjed li jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni hija kontradetta minn diversi elementi ta' l-inkartament.

65      Minn naħa, il-lyocell għandu ċerti karatteristiċi fiżiċi li jiddistingwuh b'mod ċar mill-fibra tal-viscose. Għalhekk, fil-punt 23 tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti espressament tosserva li "l-lyocell huwa ta' oriġini naturali u biodegradabbli, [li] s-solvent użat mhuwiex tossiku, huwa riċiklabbli, jirrispetta r-regoli fuq in-nuqqas ta' sustanzi tossiċi, joffri reżistenza għolja kemm [fil-każ ta'] kundizzjonament [kif ukoll fil-każ ta'] umdità u l-perċentwali baxxa ħafna tiegħu ta' restrinġiment". Bl-istess mod, matul is-seduta, hija ammettiet li l-lyocell għandu "vantaġġi fuq il-livell tekniku", huwa ta' kwalità aħjar mill-fibra tal-viscose u joffri reżistenza għolja ħafna. Barra minn dan, hija ma kkontestatx li l-lyocell huwa kkaratterizzat minn tendenza għall-fibrillazzjoni, u dan jippermetti l-ħolqien ta' tessuti li jaqgħu tajjeb ħafna u li mal-mess jinħassu bħall-ħarir. F'dak li jirrigwarda din l-aħħar proprjetà tal-lyocell, hija limitat ruħha li tiddikjara li din "[ma kinitx] għadha moda u li [ma kinitx][…] għadha apprezzata llum il-ġurnata" (punt 26 tar-rikors).

66      Id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-lyocell jista' jiġi sostitwit mill-viscose "fil-parti l-kbira ta' l-applikazzjonijiet" mhijiex ipprovata b'mod konvinċenti. B'mod partikolari, il-"perizja" tal-"konsulent indipendenti" li hija annettiet ma' l-osservazzjonijiet tagħha fuq is-sottomissjonijiet ta' l-intervent, sabiex issostni din id-dikjarazzjoni, ftit huwa konklussiv. Fil-fatt, dan huwa biss dokument ta' faċċata waħda, li fih biss xi paragrafi u analiżi superfiċjali ħafna tal-kwistjoni. Dan id-dokument fih, barra minn dan, indikazzjonijiet li evidentement mhumiex eżatti, bħax-xebh kbir bejn il-proċessi ta' produzzjoni kif ukoll bejn il-proprjetajiet tal-lyocell u tal-fibri tal-viscose (ara l-punt 65 aktar 'il fuq u l-punt 69 aktar 'il quddiem). F'dak li jirrigwarda x-xhieda ta' "negozjant indipendenti", li r-rikorrenti wkoll annettiet ma' l-osservazzjonijiet tagħha fuq is-sottomissjonijiet ta' l-intervent, din l-aktar l-aktar tistabbilixxi li, għal ċerti applikazzjonijiet partikolari, ċerti klijenti tar-rikorrenti integraw, fil-prodotti tagħhom, il-lyocell u l-proviscose minflok il-viscose.

67      Barra minn dan, l-imsemmija affermazzjoni hija kontradetta mid-dikjarazzjoni li LLG għamlet matul konferenza, li r-rikorrenti tinvoka sabiex issostni t-teżi tagħha (punt 30 tar-rikors u l-Anness 14 tar-rikors) u li tgħid li l-lyocell hija "fibra addizzjonali li l-applikazzjonijiet tagħha huma differenti".

68      Min-naħa l-oħra, huwa stabbilit li l-prezz tal-lyocell huwa ħafna aktar għoli minn dak tal-fibri tal-viscose. Ir-rikorrenti ammettiet espressament dan il-punt kemm fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha (punt 26 tar-rikors u punti 77 u 78 ta' l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq is-sottomissjonijiet ta' l-intervent) kif ukoll matul is-seduta. B'hekk, hija b'mod partikolari rrikonoxxiet, għal aktar minn darba, li l-lyocell jista' biss jiġi kkummerċjalizzat bi prezzijiet li jkunu kompetittivi fir-rispett ta' dawk tal-fibri tal-viscose meta jiġi mħallat ma' prodotti oħrajn.

69      Fl-aħħar nett, skond l-istess dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, il-proċess ta' produzzjoni tal-lyocell, minn naħa, u tal-fibri tal-viscose, min-naħa l-oħra, huma differenti ħafna'. Fil-fatt, fil-punt 23 tar-rikors tagħha, hija tindika li, "għal-lyocell […], jintuża solvent għall-impast taċ-ċelluluża (tat-tip NMMO), filwaqt li l-proċess ta' fabrikazzjoni tal-viscose klassiku jimplika stadji ta' maċerazzjoni u ta' xantoġenazzjoni" u li, "meta mqabbel mall-proċess ta' produzzjoni tal-viscose klassiku, […] il-lyocell [jiġi prodott] billi jintuża solvent minflok ma jiġu segwiti l-istadji tradizzjonali tal-produzzjoni tal-viscose". Aktar minn hekk, fil-punt 36 tar-replika tagħha, hija ssostni li, "mil-lat tal-proċess ta' produzzjoni, [hija] taqbel mal-Kummissjoni meta din tiddikjara li l-lyocell jiġi prodott permezz ta' proċessi differenti mill-proċessi tradizzjonali għall-produzzjoni tal-viscose".

70      F'kull każ, anke jekk jiġi kkunsidrat li hemm relazzjoni ta' kompetizzjoni diretta bejn il-lyocell u l-fibra tal-viscose, għandu jiġi kkonstatat li l-indikazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u, b'mod aktar partikolari, fin-nota li tidher fl-anness 14 tar-rikors tagħha, ma jistabbilixxux kif jitlob id-dritt li d-deċiżjoni kkontestata tista' taffettwa kunsiderevolment il-pożizzjoni tagħha fis-suq. L-indikazzjonijiet li jinsabu f'din in-nota, fil-fatt, huma msejsa fuq postulazzjonijiet li mhuma pprovati bl-ebda mod, bħall-fatt li, mill-1997, il-produzzjoni tal-lyocell ta' LLG ħadet kompletament il-post ta' dik tal-viscose u li din hija esklużivament intiża għas-suq ewropew. Barra minn dan, f'din in-nota, ir-rikorrenti tiddikjara li, minħabba li "l-fornitura [ta' LLG] tikkorrispondi għal 3.5% tas-suq", hija waqfet, mill-1997, milli tipproduċi, u konsegwentement milli tbigħ, ċerti kwantitajiet ta' viscose mingħajr ma sostniet it-teżi tagħha bl-iċken element ta' prova u mingħajr ma pprovdiet xi spjegazzjoni fuq il-metodu li użat sabiex tikkalkola dawn il-kwantitajiet. Fl-istess sens, għandu jiġi osservat li hija ma ġabitx l-inqas prova sabiex issostni l-allegazzjoni tagħha li l-imsemmija "fornitura" ġabet magħha "bdil ta' minn ta' l-anqas […]% tal-prezz fis-seħħ fis-suq".

71      It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka l-eżistenza, flimkien mal-"lyocell pur" u mal-proviscose, tal-"lyocell substandard" li hija tikkwalifika wkoll bħala lyocell ta' "kwalità inqas tajba". Fin-nota li tidher fl-Anness 14 tar-rikors tagħha, hija tindika, f'dan ir-rigward, li LLG tbigħ, "permezz ta' kanali tal-bejgħ speċjali" u "bi prezzijiet baxxi ħafna", 1 000 tunnellata fis-sena ta' dan is-"subprodott", u li dan ġiegħelha tbaxxi l-prezzijiet kompetittivi tagħha għal ESP […] kull kilo għall-"prodotti ta' l-istess kwalità".

72      F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi ta' l-inkartament ma jippermettux li jiġi konkluż li jeżistu diversi kwalitajiet ta' lyocell. Għandu jiġi enfasizzat, b'mod partikolari, li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti ma tippreċiżax x'jinvolvi l-kunċett ta' "lyocell substandard". Barra minn dan hija lanqas ma kkontestat b'mod serju d-dikjarazzjoni li LLG u l-Land Burgenland għamlu diversi drabi matul is-seduta jiġifieri li ma jeżistix lyocell ta' kwalità inferjuri. F'dak li jirrigwarda x-xhieda ta' "negozjant indipendenti" annessa ma' l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq is-sottomissjonijiet ta' l-intervent, din ma tipprovdi l-ebda kjarifika fuq dan il-punt, peress li tillimita ruħha li tikkonferma l-prodotti "substandard" bħala li jagħmlu parti mill-"fibri modifikati" ta' LLG, bl-istess mod bħal-lyocell u l-proviscose.

73      Anke jekk jiġi preżunt li LLG tipproduċi lyocell ta' kwalità inferjuri u li hija tbigħu bi prezz baxx ħafna, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma ssostanzjat it-teżi tagħha li hija kellha, bħala konsegwenza, tbaxxi l-prezzijiet tagħha għall-"prodotti ta' l-istess kwalità". Barra minn dan, hija ma tiġġustifika bl-ebda mod il-kwantitajiet u t-tnaqqis fil-prezz li hija tinvoka.

74      It-tielet nett, fir-replika tagħha u fl-osservazzjonijiet tagħha fuq is-sottomissjonijiet ta' l-intervent, ir-rikorrenti tibbaża ruħha aktar fuq il-kompetizzjoni li allegatament teżisti bejn il-proviscose u l-viscose. Hija ssostni li s-sitwazzjoni tagħha fis-suq hija affettwata mill-fatt li LLG tikkummerċjalizza l-proviscose bi prezzijiet kompetittivi meta mqabbla ma dawk tal-viscose u li, fid-dawl tal-kwalità superjuri ta' dan ta' l-ewwel, il-klijienti jippreferuh minn ta' l-aħħar.

75      F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti qiegħda terġa tillimita ruħha sabiex issostni allegazzjonijiet li mhumiex sostanzjati biżżejjed.

76      Minn naħa, in-nota li hija tannetti mar-replika tagħha sabiex issostni dawn l-allegazzjonijiet bl-ebda mod ma hija konvinċenti, peress li dan huwa sempliċi dokument magħmul mid-dipartimenti interni tagħha u li jillimita ruħu li jikkonferma informazzjoni ġenerali ħafna miksuba matul diskussjonijiet ma' wħud mill-klijenti tagħha.

77      Min-naħa l-oħra, anke jekk jiġi kkunsidrat li l-proviscose u l-viscose huma intiżi għall-istess applikazzjonijiet u jinbiegħu bi prezzijiet paragunabbli, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tagħti l-ebda indikazzjoni, anke sommarja, fuq it-telf jew konsegwanzi negattivi oħra li hija ġarrbet minħabba l-fatt tal-fornitura ta' proviscose minn LLG. Preċiżazzjonijiet f'dan ir-rigward huma aktar neċessarji minħabba li huwa stabbilit li l-proviscose huwa prodott ġdid, li ġie biss prodott u mqiegħed fis-suq is-sena ta' wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

78      Mill-kunsiderazzjonijiet magħmulin aktar 'il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma indikatx b'mod relevanti r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni kkontestata tista' tippreġudika l-interessi leġittimi tagħha billi taffettwa kunsiderevolment il-pożizzjoni tagħha fis-suq.

79      Fid-dawl ta' din iċ-ċirkustanza u tar-rwol limitat li r-rikorrenti kellha fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża (ara punt 59 aktar 'il fuq), għandu jiġi konkluż li din ta' l-aħħar mhijiex individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata.

80      Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti hijiex direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata.

81      F'dak li jirrigwarda t-talba ta' miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura ppreżentati mir-rikorrenti fis-16 ta' Ottubru 2001, safejn din tirrigwarda d-dokumenti u l-informazzjoni li ma kinux koperti mill-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura ordnati fl-14 ta' Novembru 2001, hija m'għandhiex tiġi milqugħa peress li l-elementi li jinsabu fl-inkartament u l-ispjegazzjonijiet mogħtija matul is-seduta huma suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Prim'Istanza tieħu deċiżjoni f'din il-kawża.

 Fuq l-ispejjeż

82      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha flimkien ma' dawk tal-Kummissjoni kif mitlub minn din ta' l-aħħar.

83      Ir-Repubblika ta' l-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż tagħha skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura. Skond it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, LLG u l-Land Burgenland għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha flimkien ma' dawk tal-Kummissjoni.

3)      Il-partijiet intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Lindh

García-Valdecasas

Cooke

Mengozzi

 

Martins Ribeiro

Moqrija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-14 ta' April 2005.

H. Jung

 

       P. Lindh

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.


1 – Informazzjoni kunfidenzjali li tħalliet barra.