Language of document : ECLI:EU:T:2021:186

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

14 ta’ April 2021 (*)

“Disinn Komunitarju – Applikazzjoni multipla għal disinni Komunitarji li jirrappreżentaw apparat u oġġetti għall-ġinnastika jew għall-isport – Dritt ta’ prijorità – Artikolu 41 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Applikazzjoni skont it-Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Privattivi – Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali – Perijodu ta’ prijorità”

Fil-Kawża T‑579/19,

The KaiKai Company Jaeger Wichmann GbR, stabbilita f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Hellmann‑Cordner, avukata,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Walicka, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tat‑13 ta’ Ġunju 2019 (Każ R 573/2019–3), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ apparat u oġġetti għall-ġinnastika jew għall-isport bħala disinni Komunitarji li titlob id-dritt ta’ prijorità ta’ applikazzjoni internazzjonali għal privattiva ppreżentata skont it-Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Privattivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, G. De Baere u G. Steinfatt (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Awwissu 2019,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Novembru 2019,

wara li rat li ma tressqitx talba sabiex tinżamm seduta min-naħa tal-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u peress li għalhekk iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

1        Il-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali ġiet iffirmata f’Pariġi (Franza) fl–20 ta’ Marzu 1883, irriveduta l-aħħar fi Stokkolma fl‑14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit‑28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”). L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma parti f’din il-konvenzjoni.

2        L-Artikolu 4, Taqsima A, paragrafu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jipprovdi:

“Kull persuna li tkun ippreżentat b’mod regolari applikazzjoni għal privattiva, mudell ta’ utilità, jew disinn industrijali, jew trademark, f’wieħed mill-[Istati partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Pariġi], jew l-aventi kawża tagħha, tgawdi, għall-finijiet tal-preżentata fil-pajjiżi l-oħra, minn dritt ta’ prijorità matul il-perijodi stabbiliti iktar ’il quddiem.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        L-Artikolu 4, Taqsima C, paragrafu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi huwa fformulat kif ġej:

“Il-perijodi ta’ prijorità msemmija iktar ’il fuq ser ikunu ta’ tnax-il xahar għall-privattivi u l-mudelli ta’ utilità, u ta’ sitt xhur għad-disinni industrijali u għat-trade marks.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        L-Artikolu 4, Taqsima E, tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jipprevedi:

“(1)      Meta disinn industrijali jkun ġie ppreżentat f’pajjiż bis-saħħa ta’ dritt ta’ prijorità bbażat fuq il-preżentata ta’ mudell ta’ utilità, il-perijodu ta’ prijorità jkun biss dak stabbilit għad-disinni industrijali.

(2)      Barra minn hekk, jista’ jiġi ppreżentat f’pajjiż mudell ta’ utilità bis-saħħa ta’ dritt ta’ prijorità bbażat fuq il-preżentata ta’ applikazzjoni għal privattiva u viċe versa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirrigwardaw il-kummerċ (TRIPs), li jikkostitwixxi l-Anness 1 Ċ tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), ġie ffirmat f’Marrakech (il-Marokk) fil‑15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80). Huma partijiet fil-Ftehim TRIPs il-Membri tal-WTO, fosthom l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Unjoni Ewropea nnifisha.

6        L-Artikolu 2 tal-Ftehim TRIPs, intitolat “Konvenzjonijiet dwar il-proprjetà intellettwali” jipprovdi li:

“(1)      Fir-rigward tal-Partijiet II, III u IV ta’ dan il-ftehim, il-Membri għandhom jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 12 u mal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi [għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, kif irreveduta fi Stokkolma fl‑14 ta’ Lulju 1967].

(2)      L-ebda dispożizzjoni tal-Partijiet I sa IV ta’ dan il-ftehim ma għandha toħloq deroga mill-obbligi li l-Membri jista’ jkollhom lejn xulxin taħt il-Konvenzjoni ta’ Pariġi […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        It-Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Privattivi ġie konkluż f’Washington fid‑19 ta’ Ġunju 1970 u emendat l-aħħar fit‑3 ta’ Ottubru 2001 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1160, Nru 18336, p. 231, iktar ’il quddiem il-“PCT”). L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma parti fil-PCT.

8        L-Artikolu 1(2) tal-PCT jipprevedi:

“L-ebda dispożizzjoni ta’ dan it-trattat ma tista’ tiġi interpretata bħala li tirrestrinġi d-drittijiet previsti mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali favur iċ-ċittadini tal-pajjiżi li huma partijiet f’din il-konvenzjoni jew persuni ddomiċiljati f’dawn il-pajjiżi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        L-Artikolu 2(i) u (ii) tal-PCT jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan it-trattat u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, u ħlief fejn ikun espressament indikat mod ieħor:

i)      ‘applikazzjoni’ tfisser applikazzjoni għal protezzjoni ta’ invenzjoni; kull referenza għal ‘applikazzjoni’ għandha tinftiehem bħala referenza għall-applikazzjonijiet għal privattivi għal invenzjoni, ċertifikati ta’ awtur ta’ invenzjoni, ċertifikati ta’ utilità, mudelli ta’ utilità, privattivi jew ċertifikati ta’ addizzjoni, ċertifikati ta’ awtur ta’ invenzjoni addizzjonali u ċertifikati ta’ utilità addizzjonali;

ii)      kull referenza għal ‘privattiva’ għandha tinftiehem bħala referenza għall-privattivi ta’ invenzjoni, għaċ-ċertifikati ta’ awturi ta’ invenzjoni, għaċ-ċertifikati ta’ utilità, għall-mudelli ta’ utilità, għall-privattivi jew għaċ-ċertifikati ta’ addizzjoni, għaċ-ċertifikati ta’ awtur ta’ invenzjoni addizzjonali u għaċ-ċertifikati ta’ utilità addizzjonali […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      L-Artikolu 3(1) tal-PCT huwa fformulat kif ġej:

“L-applikazzjonijiet għal protezzjoni tal-invenzjonijiet f’kull Stat kontraenti jistgħu jiġu ppreżentati bħala applikazzjonijiet internazzjonali fis-sens ta’ dan it-trattat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

11      L-Artikolu 41(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), huwa fformulat kif ġej:

“Persuna li tkun infilzat applikazzjoni kif dovut għad-dritt ta’ disinn jew għal mudell ta’ utilità fi jew għal Stat parti tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi dwar il-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, jew tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, jew is-suċċessuri tagħha fit-titolu, għandhom igawdu, bl-għan li jinfilzaw applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat rigward l-istess disinn, dritt tal-prijorità ta’ sitt xhur mid-data ta’ l-infilzar ta’ l-ewwel applikazzjoni.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

12      Fl‑24 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti, The KaiKai Company Jaeger Wichmann GbR, ippreżentat quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament Nru 6/2002, applikazzjoni għal reġistrazzjoni multipla li tikkonċerna tnax-il disinn Komunitarju. Il-prodotti li fihom dawn id-disinni huma intiżi li jiġu inkorporati jaqgħu fil-klassi 21–02 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno tat‑8 ta’ Ottubru 1968 li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-disinni industrijali, kif emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “apparat għall-ġinnastika jew għall-isport”. Ir-rikorrenti talbet, għal dawn id-disinni kollha, prijorità li kienet ibbażata fuq l-applikazzjoni internazzjonali għal privattiva PCT/EP2017/077469, ippreżentata fis‑26 ta’ Ottubru 2017 quddiem l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP).

13      Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Ottubru 2018, l-eżaminatur tal-EUIPO informa lir-rikorrenti li l-applikazzjoni multipla kienet intlaqgħet fl-intier tagħha, iżda li d-dritt ta’ prijorità mitlub kien ġie rrifjutat għad-disinni kollha, peress li d-data tal-preżentata preċedenti kienet tippreċedi b’iktar minn sitt xhur id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni multipla.

14      Peress li r-rikorrenti żammet it-talba tagħha ta’ prijorità u peress li talbet deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ appell, l-eżaminatur, permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Jannar 2019, ċaħad id-dritt ta’ prijorità għad-disinni Komunitarji kollha.

15      Insostenn tad-deċiżjoni tiegħu, l-eżaminatur indika, billi bbaża ruħu fuq il-punt 6.2.1.1 tal-Linji Gwida għall-Eżaminazzjoni tad-Disinji Komunitarji Rreġistrati tal‑1 ta’ Ottubru 2018 (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-EUIPO”), li, anki jekk applikazzjoni abbażi tal-PCT setgħet, fil-prinċipju, tistabbilixxi dritt ta’ prijorità skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 6/2002, peress li d-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “privattiva” li tinsab fl-Artikolu 2 tal-PCT kienet tinkludi wkoll il-mudelli ta’ utilità, din l-applikazzjoni kienet ukoll suġġetta għal perijodu ta’ prijorità ta’ sitt xhur, li ma kienx ġie osservat f’dan il-każ.

16      Fl‑14 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur. Huwa qies, essenzjalment, li dan tal-aħħar kien għamel applikazzjoni korretta tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li kienet tirrifletti b’mod fidil id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

18      F’dan ir-rigward, huwa kkonstata li, skont l-Artikolu 4, Taqsima A, paragrafu 1 u l-Artikolu 4, Taqsima C, paragrafu 1, tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, il-persuna li, b’mod regolari, tippreżenta, fuq il-livell nazzjonali, applikazzjoni għal disinn jew mudell ta’ utilità tgawdi minn dritt ta’ prijorità matul perijodu li jkun ta’ tnax-il xahar għall-privattivi u mudelli ta’ utilità u ta’ sitt xhur għad-disinni u għat-trade marks. Barra minn hekk, mill-Artikolu 4, Taqsima E, paragrafu 1 ta’ din il-konvenzjoni jirriżulta li, fil-każ ta’ applikazzjoni sussegwenti għal disinn, il-prijorità ta’ applikazzjoni għal mudell ta’ utilità tista’ tintalab biss fil-perijodu ta’ prijorità ta’ sitt xhur applikabbli għad-disinni. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 4, Taqsima E, paragrafu 2 tal-imsemmija konvenzjoni, il-prijorità ta’ applikazzjoni għal privattiva tista’ tintalab għal applikazzjoni sussegwenti għal mudell ta’ utilità fil-perijodu ta’ prijorità ta’ tnax-il xahar applikabbli għall-mudelli ta’ utilità u għall-privattivi, u viċe versa. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-Konvenzjoni ta’ Pariġi għalhekk ma kien fiha ebda dispożizzjoni fis-sens li applikazzjoni għal privattiva tagħti lok għal dritt ta’ prijorità għal applikazzjoni għal disinn.

19      Il-Bord tal-Appell ikkonstata wkoll li l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi kien japplika, skont l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim TRIPs, mutatis mutandis għall-Unjoni, li hija membru tal-WTO. Madankollu, huwa kkunsidra li ma kien hemm ebda supremazija tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 6/2002, peress li dan ma jikkostitwixxix arranġament speċjali fis-sens tal-Artikolu 19 tal-imsemmija konvenzjoni. Għalhekk, l-infurzabbiltà ta’ dritt ta’ prijorità għandha tiġi evalwata biss fid-dawl tal-imsemmi regolament.

20      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-formulazzjoni tal-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 6/2002 kienet inekwivoka, li, skont dan, il-perijodu ta’ prijorità kien ta’ sitt xhur mid-data tal-preżentata preċedenti u li d-dritt ta’ prijorità kien jirriżulta esklużivament mill-preżentata regolari ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn jew ta’ mudell ta’ utilità, u mhux minn applikazzjoni għal privattiva. Filwaqt li bbaża ruħu fuq il-punt 6.2.1.1 tal-Linji Gwida tal-EUIPO, il-Bord tal-Appell aċċetta li l-kunċett ta’ mudell ta’ utilità kellu jiġi interpretat f’sens wiesa’, bħala li jinkludi l-applikazzjonijiet internazzjonali għal privattiva ppreżentati skont il-PCT, peress li dawn tal-aħħar jinkludu l-mudelli ta’ utilità, konformement mad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(ii) tal-PCT. Madankollu, skont il-Bord tal-Appell, din l-interpretazzjoni wiesgħa ma jista’ jkollha ebda effett fuq it-tul tal-perijodu legali ta’ prijorità ta’ sitt xhur, b’tali mod li l-prijorità ta’ applikazzjoni għal privattiva ppreżentata skont il-PCT għandha wkoll tintalab f’dan il-perijodu.

21      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li ma kienet teżisti ebda kontradizzjoni bejn iż-żewġ digrieti tal-Bundespatentgericht (il-Qorti Federali tal-Privattivi, il-Ġermanja) tal‑10 ta’ Novembru 1967 invokati mir-rikorrenti u l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 6/2002, peress li dawn id-digrieti kienu jikkonċernaw it-talba ta’ drittijiet ta’ prijorità għal applikazzjonijiet sussegwenti għal mudelli ta’ utilità, u mhux għal applikazzjonijiet għal disinni.

22      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li r-rikorrenti setgħet titlob il-prijorità tal-applikazzjoni internazzjonali għal privattiva ppreżentata skont il-PCT fis‑26 ta’ Ottubru 2017 biss fi żmien sitt xhur minn din id-data, jiġifieri sas‑26 ta’ April 2018.

 It-talbiet tal-partijiet

23      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla d-deċiżjoni tal-eżaminatur tas‑16 ta’ Jannar 2019 sa fejn il-prijorità tad-disinni Komunitarji Nru 5807179‑0001‑0012 ma ġietx irrikonoxxuta; tirrikonoxxi l-prijorità tas‑26 ta’ Ottubru 2017 mitluba u tipproċedi bil-korrezzjoni tal-pubblikazzjoni tad-disinni Komunitarji billi tindika l-prijorità tagħhom;

–        tikkundanna lill-EUIPO jirrimborsaha l-ispejjeż tal-appell;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

–        sussidjarjament, iżżomm seduta.

24      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

 Fuq l-ammissibiltà

25      It-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti jinkludi żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-eżaminatur tas‑16 ta’ Jannar 2019 sa fejn il-prijorità tal-applikazzjoni internazzjonali għal privattiva preċedenti ma ġietx irrikonoxxuta għad-disinni Komunitarji inkwistjoni.

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 61(1) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002, id-deċiżjoni kkontestata, u mhux id-deċiżjoni tal-eżaminatur, tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, li għandha ġurisdizzjoni sabiex tannulla u tibdel id-deċiżjoni kkontestata.

27      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 61(6) tal-istess regolament, l-EUIPO huwa obbligat jieħu l-passi meħtieġa sabiex jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, peress li d-deċiżjoni tal-eżaminatur tas‑16 ta’ Jannar 2019 kienet is-suġġett tal-appell li ta lok għad-deċiżjoni kkontestata, fil-każ ta’ annullament ta’ din tal-aħħar, ikun il-Bord tal-Appell li jkollu jeżamina mill-ġdid din id-deċiżjoni fid-dawl ta’ din is-sentenza.

28      L-ewwel parti tat-tieni kap tat-talbiet għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

29      Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni kap tat-talbiet, li permezz tagħha r-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi l-prijorità mitluba u tipproċedi bil-korrezzjoni tal-pubblikazzjoni tad-disinni Komunitarji inkwistjoni billi tindika l-imsemmija prijorità tagħhom, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra d-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, mill-Artikolu 61(6) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex tagħti ordnijiet lill-EUIPO, li huwa responsabbli sabiex jislet il-konsegwenzi mid-dispożittiv u mir-raġunament tas-sentenzi mogħtija mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Gramberg vs EUIPO – Mahdavi Sabet (Għata għal telefon ċellulari), T‑166/15, EU:T:2018:100, punt 96; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2015, Jaguar Land Rover vs UASI (forma ta’ karozza), T‑629/14 mhux ippubblikata, EU:T:2015:878, punt 10).

30      Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti hija inammissibbli, u, għalhekk, dan il-kap ta’ talbiet kollu kemm hu.

31      Fir-rigward tal-ħames kap tat-talbiet tar-rikorrenti, ippreżentat sussidjarjament, għandu jiġi kkonstatat li t-talba sabiex tinżamm seduta fformulata fir-rikors kienet prematura fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li t-talbiet għal seduta, kif ukoll l-eżami mill-Qorti Ġenerali tal-utilità taż-żamma ta’ tali seduta, jistgħu jsiru, meta l-proċedura bil-miktub tkun ingħalqet, biss wara li kemm il-partijiet kif ukoll il-Qorti Ġenerali jkollhom fid-dispożizzjoni tagħhom l-elementi kollha tal-proċess u tal-argumenti tal-partijiet kollha sabiex jiddikjaraw ruħhom fuq din l-utilità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Erdinger Weißbräu Werner Brombach vs EUIPO (Forma ta’ tazza kbira), T‑857/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:754, punt 13; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2015, Schmidt Spiele vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ boards għal-logħob tal-kumpannija), T‑492/13 u T‑493/13, EU:T:2015:128, punt 10).

32      Permezz tal-ittra tat‑18 ta’ Novembru 2019 li kienet tinnotifikalha r-risposta u l-għeluq tal-proċedura bil-miktub, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali ġibed l-attenzjoni tar-rikorrenti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura u indika li t-terminu għat-tressiq ta’ talba sabiex tinżamm seduta kien jiddekorri darba biss, u dan mill-imsemmija notifika. Madankollu, ir-rikorrenti ma ressqitx talba ġdida għaż-żamma ta’ seduta fit-terminu ta’ tliet ġimgħat previst fl-imsemmija dispożizzjoni.

33      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq il-mertu

34      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u, it-tieni wieħed, fuq ksur tar-Regolament Nru 6/2002, flimkien ma’ dispożizzjoni legali dwar l-applikazzjoni tiegħu, skont l-Artikolu 61(2) tal-imsemmi regolament.

35      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li qabel kollox jiġi eżaminat it-tieni motiv ippreżentat mir-rikorrenti. Dan il-motiv għandu jinftiehem fis-sens li huwa bbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Fil-fatt, għalkemm it-Titolu II tar-rikors huwa, effettivament, intitolat “In-natura inapplikabbli tal-Artikolu 41 tar-[Regolament Nru 6/2002]”, ir-rikorrenti tispeċifika madankollu, fil-punti 12 u 21 tar-rikors, li hija tinvoka “b’mod partikolari […] ksur tar-Regolament [Nru 6/2002], flimkien ma’ dispożizzjoni legali dwar l-applikazzjoni tiegħu, skont l-Artikolu 61(2) [ta’ dan ir-Regolament Nru 6/2002]”, u li hija “tqis li huwa partikolarment importanti f’din il-kawża li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta[l-imsemmi regolament], id-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi”.

36      Essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li t-talba ta’ prijorità għat-tnax-il disinn Komunitarju koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni multipla tal24 ta’ Ottubru 2018, ibbażata fuq l-applikazzjoni internazzjonali għal privattiva tas‑26 ta’ Ottubru 2017, saret wara l-iskadenza tat-terminu. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-perijodu ta’ prijorità ta’ tnax-il xahar għall-privattivi previst mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi u tafferma li l-perijodu ta’ sitt xhur previst mir-Regolament Nru 6/2002 għall-mudelli ta’ utilità ma huwiex applikabbli f’dan il-każ.

37      It-tieni motiv jinkludi żewġ partijiet. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li wettaq żball meta qies li l-applikazzjonijiet kollha ppreżentati skont il-PCT kienu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “mudell ta’ utilità” fis-sens tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

38      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-assenza ta’ regola ċara fir-Regolament Nru 6/2002 f’dak li jirrigwarda l-prijorità li tirriżulta minn applikazzjoni internazzjonali għal privattiva, il-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, li jikkostitwixxu l-bażi tal-imsemmi regolament. Issa, peress li l-Artikolu 4, Taqsima C, paragrafu 1 ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi perijodu ta’ prijorità ta’ tnax-il xahar għall-privattivi u peress li l-imsemmija konvenzjoni hija bbażata fuq il-prinċipju li, jekk il-prijorità tkun ibbażata fuq dritt ta’ natura differenti, l-applikazzjoni preċedenti hija determinanti għall-perijodu ta’ prijorità, indipendentement min-natura tad-dritt li fuqu hija bbażata l-applikazzjoni sussegwenti, il-Bord tal-Appell ma kellux jikkunsidra perijodu ta’ sitt xhur.

39      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrikonoxxa li d-dritt ta’ prijorità kien jirriżulta minn applikazzjoni internazzjonali għal privattiva ppreżentata skont il-PCT. Huwa bbaża ruħu, f’dan ir-rigward, fuq il-punt 6.2.1.1 tal-Linji Gwida tal-EUIPO, li jipprovdi li, għall-eżami tad-disinni Komunitarji rreġistrati, “il-prijorità ta’ applikazzjoni internazzjonali ppreżentata skont [il-PCT] tista’ tintalab billi l-Artikolu 2 tal-PCT jiddefinixxi t-terminu ‘privattiva’ f’sens wiesa’ li jkopri l-mudelli ta’ utilità”.

40      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell irrikonoxxa li l-applikazzjoni internazzjonali għal privattiva PCT/EP2017/077469, ippreżentata mir-rikorrenti fis‑26 ta’ Ottubru 2017, kienet tagħti lok għal dritt ta’ prijorità fil-kuntest tal-applikazzjoni sussegwenti għal disinni Komunitarji. Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata f’dan il-każ.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żball ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “mudell ta’ utilità” li jinsab fl-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002

41      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell adotta b’mod żbaljat interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ “mudell ta’ utilità” li jinsab fl-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002, u dan abbażi ta’ qari żbaljat tal-Artikolu 2 tal-PCT.

42      Hija tikkontesta l-interpretazzjoni tal-EUIPO li applikazzjoni ppreżentata skont il-PCT hija biss applikazzjoni għal mudell ta’ utilità jew, tal-inqas, ekwivalenti għal applikazzjoni għal mudell ta’ utilità. L-Artikolu 2(ii) tal-PCT invokat mill-EUIPO ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ applikazzjoni ppreżentata taħt il-PCT bħala tali. Applikazzjoni internazzjonali għal privattiva hija kemm applikazzjoni għal privattiva kif ukoll applikazzjoni għal mudell ta’ utilità.

43      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

44      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti huwa ambivalenti. Fil-fatt, hija tikkontesta l-interpretazzjoni estensiva tal-Bord tal-Appell f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “mudell ta’ utilità”, filwaqt li, kif jirriżulta mill-punt 39 iktar ’il fuq, din l-interpretazzjoni ppermettiet lill-Bord tal-Appell jikkonstata li applikazzjoni internazzjonali għal privattiva setgħet tagħti lok għal dritt ta’ prijorità fis-sens tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, il-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma tipprevedix b’mod espliċitu l-eżistenza ta’ dritt ta’ prijorità li jirriżulta mill-preżentata ta’ applikazzjoni internazzjonali għal privattiva. Għalhekk huwa biss skont l-interpretazzjoni wiesgħa tal-imsemmi kunċett adottata mill-EUIPO li ġie eżaminat id-dritt ta’ prijorità mitlub mir-rikorrenti fil-kuntest tal-applikazzjoni sussegwenti tagħha għal disinni. Għaldaqstant, kif jirrileva l-EUIPO fir-risposta tiegħu, l-argument tar-rikorrenti ma jagħtiha ebda benefiċċju u għandu jiġi miċħud.

45      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li, skont id-definizzjoni pprovduta fl-Artikolu 2 (ii) tal-PCT, “kull referenza għal ‘privattiva’ għandha tinftiehem bħala referenza għall-privattivi ta’ invenzjoni, għaċ-ċertifikati ta’ awturi ta’ invenzjoni, għaċ-ċertifikati ta’ utilità, għall-mudelli ta’ utilità […]”. Minn dan isegwi li l-applikazzjonijiet għal privattiva ppreżentati skont il-PCT jinkludu l-mudelli ta’ utilità, kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata.

46      Huwa minnu li, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, din il-konstatazzjoni ma timplikax identiċità tal-kunċetti ta’ “privattiva” u ta’ “mudell ta’ utilità”, u lanqas ma timplika li l-kunċett ta’ “mudell ta’ utilità” jinkludi dak ta’ “privattiva”.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(1) tal-PCT, l-applikazzjonijiet għal protezzjoni tal-invenzjonijiet f’kull Stat kontraenti jistgħu jiġu ppreżentati bħala applikazzjoni internazzjonali fis-sens ta’ dan it-trattat. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(i) ta’ dan tal-aħħar, “kull referenza għal ‘applikazzjoni’ għandha tinftiehem bħala referenza għall-applikazzjonijiet għal privattivi għal invenzjoni, ċertifikati ta’ awtur ta’ invenzjoni, ċertifikati ta’ utilità, mudelli ta’ utilità, privattivi jew ċertifikati ta’ addizzjoni, ċertifikati ta’ awtur ta’ invenzjoni addizzjonali u ċertifikati ta’ utilità addizzjonali”. B’hekk jidher li l-PCT ma jagħmilx distinzjoni skont id-diversi drittijiet li permezz tagħhom id-diversi Stati indikati jagħtu l-protezzjoni tal-invenzjoni.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex ma tiġix eskluża b’mod mhux iġġustifikat parti mill-applikazzjonijiet għal mudell ta’ utilità, l-interpretazzjoni estensiva tal-EUIPO tippermetti li jiġu aċċettati l-applikazzjonijiet internazzjonali kollha għal privattivi ppreżentati skont il-PCT bħala bażi għal dritt ta’ prijorità, u b’hekk jiġi evitat li tiġi prekluża l-protezzjoni legali tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali koperta mill-PCT. Għalkemm applikazzjonijiet internazzjonali għal privattiva jistgħu għalhekk jagħtu lok għal dritt ta’ prijorità għal disinni skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 6/2002, madankollu, dan ma jittrasformax l-applikazzjonijiet għal privattiva f’applikazzjonijiet għal mudell ta’ utilità u lanqas ma jissuġġettahom awtomatikament għar-regoli maħsuba għal dawn tal-aħħar.

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-formulazzjoni tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ma tirreferix b’mod espliċitu għat-talba ta’ dritt ta’ prijorità bbażat fuq privattiva, il-Bord tal-Appell ħa ġustament inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-imsemmi artikolu, l-applikazzjonijiet internazzjonali għal privattiva. Din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-imsemmija dispożizzjoni hija konformi mal-istruttura tal-PCT, li hija li tiggarantixxi, fil-preżenza ta’ applikazzjoni internazzjonali, protezzjoni ekwivalenti għall-mudelli ta’ utilità u għall-privattivi.

50      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta qies it-talba tad-dritt ta’ prijorità bbażata fuq l-applikazzjoni internazzjonali għal privattiva ppreżentata mir-rikorrenti skont il-PCT bħala rregolata mill-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dritt ta’ prijorità jistax ikun ibbażat fuq tali applikazzjoni internazzjonali għal privattiva.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 4, Taqsima C, paragrafu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għad-determinazzjoni tal-perijodu ta’ prijorità

51      Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tikkunsidra li, peress li l-perijodu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell kellu jirrikorri għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, li, fl-Artikolu 4, Taqsima C, paragrafu 1 tagħha, tipprevedi perijodu ta’ tnax-il xahar għal dritt ta’ prijorità bbażat fuq applikazzjoni għal privattiva.

–       Fuq ir-rilevanza tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 6/2002

52      Ir-rikorrenti topponi l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 6/2002 adottata mill-Bord tal-Appell, li tgħid li l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ dritt ta’ prijorità huma stabbiliti b’mod eżawrjenti minn dan ir-regolament u jirriflettu d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, b’tali mod li ma hemmx lok li jsir riferiment għal din tal-aħħar.

53      Ir-rikorrenti tqis li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni ċara fir-Regolament Nru 6/2002 dwar il-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi invokat dritt ta’ prijorità abbażi tal-preżentata ta’ applikazzjoni internazzjonali għal privattiva, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni quddiem l-EUIPO.

54      L-EUIPO jikkontesta l-argument tar-rikorrenti. Ir-Regolament Nru 6/2002 jimplimenta korrettament ir-regoli rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi dwar id-disinni. Il-formulazzjoni inekwivoka tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 tesprimi b’mod ċar ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprevedi, għall-applikazzjonijiet għal disinni Komunitarji, leġiżlazzjoni eżawrjenti dwar it-terminu għal talba ta’ prijorità. Għaldaqstant, applikazzjoni diretta jew b’analoġija tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi la hija neċessarja u lanqas xierqa.

55      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teżiġi li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet u l-iskop tal-att li minnu din tagħmel parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2020, EUIPO vs John Mills, C‑809/18 P, EU:C:2020:902, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002, għandu jiġi rrilevat li hija ma tipprevedix is-sitwazzjoni li fiha tiġi ppreżentata applikazzjoni għal disinn billi jintalab dritt ta’ prijorità bbażat fuq applikazzjoni għal privattiva, u għalhekk lanqas ma tirregola t-terminu sabiex tintalab il-prijorità f’din is-sitwazzjoni.

57      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jidher li qiegħed isostni l-EUIPO, l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ma jirregolax b’mod eżawrjenti l-kwistjoni tal-perijodu li fih tista’ tintalab prijorità fil-kuntest ta’ applikazzjoni sussegwenti għal disinn.

58      Fir-rigward tal-oriġini tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002, għandu jiġi rrilevat li s-siltiet mix-xogħol preparatorju jindikaw li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament dwar id-dritt ta’ prijorità huma intiżi sabiex iġibu dan f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Pariġi fir-rigward tad-dritt ta’ prijorità u tat-terminu tiegħu (ara l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-disinni Komunitarji tat‑3 ta’ Diċembru 1993, COM(93) 342 final‑COD 463, memorandum ta’ spjegazzjoni, Parti II, Taqsima 2 tat-Titolu IV).

59      Ir-rabta bejn id-dritt ta’ prijorità previst fl-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 u l-Konvenzjoni ta’ Pariġi hija wkoll riflessa mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li jagħti dritt ta’ prijorità lil “[p]ersuna li tkun infilzat applikazzjoni [għal reġistrazzjoni] kif dovut […] fi jew għal Stat parti tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi dwar il-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, jew tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, […]”. Dan ir-riferiment jippermetti li jiġi konkluż li l-iskop tal-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 6/2002 huwa li jittieħed inkunsiderazzjoni l-obbligu maħluq mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi, u li huwa impost fuq il-membri tal-WTO, li josservaw il-prijoritajiet li jirriżultaw mill-preżentata ta’ applikazzjoni regolari għal protezzjoni f’wieħed mill-Istati partijiet f’waħda minn dawn il-konvenzjonijiet.

60      Fil-fatt, peress li l-Unjoni, bħala membru tal-WTO, hija parti mill-Ftehim TRIPs, hija marbuta tinterpreta l-leġiżlazzjoni tagħha fuq il-proprjetà intellettwali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tal-imsemmi ftehim. Issa, l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim TRIPs jipprevedi li, fir-rigward tal-Partijiet II, III u IV ta’ dan il-ftehim, l-Istati li huma parti għandhom jikkonformaw ruħhom mal-Artikoli 1 sa 12 u 19 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi (ara, fir-rigward tad-dritt dwar it-trade marks, is-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2004, Anheuser-Busch, C‑245/02, EU:C:2004:717, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Novembru 2020, EUIPO vs John Mills, C‑809/18 P, EU:C:2020:902, punt 64). Din il-konstatazzjoni, magħmula mill-ġurisprudenza fil-kuntest tad-dritt dwar it-trade marks, tista’ tiġi trasposta għad-dritt dwar id-disinni, peress li, kif jirriżulta mill-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-disinni Komunitarji tat‑3 ta’ Diċembru 1993, COM(93) 342 final‑COD 463, ir-regoli dwar id-dritt ta’ prijorità tar-Regolament Nru 6/2002 ġew redatti b’mod partikolari b’analoġija mad-dispożizzjonijiet kważi identiċi tal-proposta għal regolament dwar it-trade mark Komunitarja.

61      Barra minn hekk, għandha titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, anki jekk l-Unjoni ma tkunx parti kontraenti f’konvenzjoni internazzjonali konkluża mill-Istati Membri tagħha, iżda tkun obbligata, skont trattat internazzjonali li hija parti minnu, li ma tostakolax l-obbligi tal-Istati Membri skont din il-konvenzjoni, il-kunċetti li jinsabu fl-att ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati b’tali mod li jibqgħu kompatibbli mal-imsemmija konvenzjoni u mal-imsemmi trattat, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest li tali kunċetti jagħmlu parti minnu u l-għan segwit mid-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni li huma rilevanti fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, peress li din il-ġurisprudenza tapplika mhux biss fid-dritt dwar it-trade marks, iżda wkoll f’oqsma oħra tad-dritt dwar il-proprjetà intellettwali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punti 50 u 56, u tal‑15 ta’ Novembru 2012, Bericap Záródástechnikai, C‑180/11, EU:C:2012:717, punti 69 u 70).

62      Fir-rigward tad-dritt ta’ prijorità, għandu jiġi rrilevat li dan id-dritt joriġina mill-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi (ara, fir-rigward tad-dritt ta’ prijorità previst fl-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2001, Signal Communications vs UASI (TELEYE), T‑128/99, EU:T:2001:266, punt 37).

63      Minn dan isegwi li, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

64      Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha raġun issostni li, peress li l-perijodu ta’ prijorità li jirriżulta minn applikazzjoni internazzjonali għal privattiva preċedenti ma huwiex previst mir-Regolament Nru 6/2002, hemm lok li jsir riferiment għal-leġiżlazzjoni sottostanti għalih, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Pariġi, li d-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-determinazzjoni tat-terminu għat-talba ta’ prijorità bbażata fuq il-preżentata ta’ applikazzjoni għal privattiva fil-kuntest ta’ applikazzjoni sussegwenti għal disinn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala referenza għall-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament u b’mod komplementari.

65      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell, filwaqt li ammetta, għall-istess raġunijiet bħar-rikorrenti, li l-Konvenzjoni ta’ Pariġi kienet tapplika mutatis mutandis għall-Unjoni Ewropea, qies, f’dan il-kuntest, li ma kienet teżisti ebda supremazija ta’ din il-konvenzjoni fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 6/2002, minħabba li dan ma kienx jikkostitwixxi arranġament speċjali fis-sens tal-Artikolu 19 tal-imsemmija konvenzjoni, u li l-infurzabbiltà ta’ dritt ta’ prijorità għandha tiġi evalwata biss fid-dawl tal-imsemmi regolament.

66      Issa, fir-rigward tal-kwistjoni tal-perijodu ta’ prijorità f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, din ma hijiex kwistjoni ta’ supremazija tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi fuq ir-Regolament Nru 6/2002. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 56 u 57 iktar ’il fuq, l-użu ta’ din il-konvenzjoni huwa intiż sabiex jimla lakuna tal-imsemmi regolament, li huwa sieket fir-rigward tal-perijodu ta’ prijorità li jirriżulta minn applikazzjoni internazzjonali għal privattiva.

–       Fuq il-perijodu ta’ prijorità li jirriżulta minn applikazzjoni internazzjonali għal privattiva skont l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi

67      Ir-rikorrenti tinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, b’mod partikolari l-Artikolu 4, Taqsima C, paragrafu 1. Peress li l-applikazzjoni għal prijorità tikkonċerna, f’dan il-każ, applikazzjoni ppreżentata skont il-PCT, u għalhekk applikazzjoni għal privattiva ta’ invenzjoni fis-sens tal-Artikolu 4, Taqsima A, paragrafu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, minn dan jirriżulta li l-perijodu ta’ prijorità applikabbli għall-preżentata tal-applikazzjoni multipla tagħha għal reġistrazzjoni ta’ disinni huwa ta’ tnax-il xahar, skont l-Artikolu 4, Taqsima C, paragrafu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

68      L-EUIPO jirribatti, essenzjalment, li r-rikorrenti ma tistabbilixxix li l-Konvenzjoni ta’ Pariġi fiha regoli dwar il-perijodu kontenzjuż. Minn naħa, hija ma tinvoka ebda dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi li tirregola speċifikament it-talba ta’ prijorità bbażata fuq applikazzjoni għal privattiva preċedenti fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal disinn u, min-naħa l-oħra, din il-konvenzjoni ma tipprevedix regola ġenerali applikabbli għas-sitwazzjonijiet kollha ta’ applikazzjoni sussegwenti possibbli.

69      Skont l-EUIPO, il-Konvenzjoni ta’ Pariġi tirregola biss żewġ sitwazzjonijiet li fihom il-prijorità ta’ dritt ta’ protezzjoni tista’ tintalab fil-kuntest tal-applikazzjoni sussegwenti ta’ dritt ta’ protezzjoni ta’ natura differenti. Dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet huma rregolati mill-Artikolu 4, Taqsima E tal-imsemmija konvenzjoni u, fiż-żewġ każijiet, il-perijodu jiddependi min-natura tal-applikazzjoni sussegwenti.

70      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li r-rikorrenti titlob, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal disinn, dritt ta’ prijorità bbażat fuq applikazzjoni internazzjonali għal privattiva preċedenti.

71      Issa, il-perijodi ta’ prijorità applikabbli jiddependu, skont l-Artikolu 4, Taqsima C, paragrafu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, min-natura tad-dritt ikkonċernat. Jekk jitqies li l-applikazzjoni sussegwenti u l-applikazzjoni li fuqha hija bbażata t-talba tad-dritt ta’ prijorità għandhom l-istess suġġett, il-perijodu ta’ prijorità jkun, skont din id-dispożizzjoni, ta’ tnax-il xahar għall-privattiva u għall-mudell ta’ utilità, filwaqt li jkun ta’ sitt xhur għad-disinn.

72      Kif jikkonstata ġustament l-EUIPO, il-Konvenzjoni ta’ Pariġi ma tinkludi ebda regola espliċita dwar il-perijodu ta’ prijorità applikabbli għal sitwazzjoni li fiha l-applikazzjoni sussegwenti tkun tikkonċerna disinn filwaqt li t-talba ta’ prijorità tkun ibbażata fuq applikazzjoni internazzjonali għal privattiva preċedenti.

73      L-EUIPO jirrileva wkoll ġustament li l-Konvenzjoni ta’ Pariġi, fl-Artikolu 4, Taqsima E, paragrafu 1 tagħha, tinkludi regola li tipprevedi li l-perijodu ta’ prijorità stabbilit għad-dritt sussegwenti huwa determinanti jekk dan id-dritt sussegwenti ikun disinn u jekk id-dritt preċedenti jkun mudell ta’ utilità.

74      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Artikolu 4, Taqsima E, paragrafu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, li jipprovdi li l-preżentata ta’ applikazzjoni għal privattiva tista’ sservi ta’ bażi u tiġġustifika dritt ta’ prijorità fir-rigward tal-preżentata sussegwenti ta’ mudell ta’ utilità u viċe versa, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ma tagħti ebda indikazzjoni fir-rigward tal-perijodu ta’ prijorità, bil-kontra ta’ dak li jidher li jissuġġerixxi l-EUIPO.

75      Tqum, għalhekk, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 4, Taqsima E, paragrafu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, bħala l-unika regola espliċita dwar il-każ ta’ żewġ applikazzjonijiet suċċessivi li jirrigwardaw drittijiet li magħhom huma marbuta perijodi ta’ prijorità differenti, jirriflettix regola ġenerali li l-perijodu ta’ prijorità li jirriżulta min-natura tad-dritt sussegwenti huwa determinanti jew jekk, bil-kontra, din hijiex eċċezzjoni minn regola ġenerali li tipprovdi li hija n-natura tad-dritt preċedenti li tiddetermina t-tul tal-perijodu ta’ prijorità.

76      Ir-rikorrenti, filwaqt li tibbaża ruħha fuq żewġ digrieti tal-Bundespatentgericht (il-Qorti Federali tal-Privattivi) tal‑10 ta’ Novembru 1967 u fuq artikli tad-duttrina Ġermaniżi, issostni li, fir-rigward tal-perijodu ta’ prijorità, il-bażi għandha tkun id-dritt preċedenti fil-każ ta’ prijoritajiet mitluba għal drittijiet ta’ protezzjoni ta’ natura differenti. Fl-imsemmija digrieti, il-Bundespatentgericht (il-Qorti Federali tal-Privattivi) tiċċita b’mod partikolari l-memorandum dwar l-Att addizzjonali ta’ Brussell (Denkschrift zur Brüsseler Zusatzakte), dokument spjegattiv tal-1903 dwar ir-reviżjoni, matul il-Konferenza ta’ Brussell tal-1900, tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali tal-1883, li minnu jirriżulta li l-iskop tal-prijoritajiet internazzjonali kien li jippermetti lil dawk li kienu qegħdin jipprovaw jiksbu l-protezzjoni internazzjonali ta’ drittijiet industrijali li jipproċedu fi stadji billi jagħmlu l-applikazzjoni fi Stati oħra dipendenti fuq is-suċċess tal-ewwel waħda, normalment domestika. Skont l-imsemmi dokument, kien f’din il-perspettiva li l-perijodu tad-dritt ta’ prijorità bbażat fuq privattiva kellu jinbidel minn sitta għal tnax-il xahar, peress li, b’mod partikolari fil-Ġermanja, l-ewwel fażi tal-eżami tal-possibbiltà ta’ protezzjoni ta’ privattiva kienet diġà damet, waħedha, seba’ xhur.

77      Mil-loġika inerenti għas-sistema tal-prijoritajiet jirriżulta li, bħala regola ġenerali, hija n-natura tad-dritt preċedenti li tiddetermina t-tul tal-perijodu ta’ prijorità. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-raġuni għaliex, skont l-Artikolu 4, Taqsima C, paragrafu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, il-perijodu ta’ prijorità applikabbli għall-privattivi u għall-mudelli ta’ utilità huwa itwal minn dak applikabbli għad-disinni kif ukoll għat-trade marks tirriżulta min-natura iktar kumplessa tal-privattivi u tal-mudelli ta’ utilità. Fil-fatt, peress li, skont l-Artikolu 4, Taqsima C, paragrafu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, il-perijodu ta’ prijorità jibda jiddekorri mill-preżentata tal-ewwel applikazzjoni u peress li l-proċedura għar-reġistrazzjoni tal-privattivi jew mudelli ta’ utilità hija itwal minn dik tad-disinni jew tat-trade marks, hemm il-probabbiltà li d-dritt ta’ prijorità li jirriżulta mill-preżentata ta’ applikazzjoni għal privattiva jew għal mudell ta’ utilità jiskadi jekk l-istess perijodu, relattivament qasir, ta’ sitt xhur jiġi applikat għad-drittijiet kollha li jistgħu jagħtu lok għal dritt ta’ prijorità. Il-vantaġġ li d-dritt ta’ prijorità huwa intiż li jġib miegħu huwa li jippermetti lill-applikant jevalwa l-possibbiltà li jikseb protezzjoni għall-invenzjoni kkonċernata abbażi tal-applikazzjoni preċedenti għal privattiva ppreżentata fi Stat qabel ma jfittex eventwalment, permezz ta’ applikazzjoni sussegwenti, li jikseb il-protezzjoni fi Stat ieħor billi jieħu l-passi u jagħmel il-preparamenti neċessarji u billi jesponi l-ispejjeż u l-formalitajiet marbuta magħhom. F’dan ir-rigward, fir-rigward tat-trade marks, il-Qorti Ġenerali diġà fakkret li l-awturi tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi riedu jippermettu li wieħed mill-benefiċjarji tad-dritt ta’ wieħed mill-Istati partijiet f’din il-konvenzjoni, quddiem l-impossibbiltà li tiġi ppreżentata simultanjament trade mark f’dawn l-Istati kollha, ikun jista’ jitlob ir-reġistrazzjoni tagħha suċċessivament fl-imsemmija Stati u b’hekk jagħti dimensjoni internazzjonali lill-protezzjoni miksuba f’wieħed minnhom mingħajr ma jkun hemm multiplikazzjoni ta’ formalitajiet li għandhom jitwettqu (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2001, TELEYE, T‑128/99, EU:T:2001:266, punt 38).

78      Barra minn hekk, jidher koerenti li n-natura tad-dritt preċedenti tiddetermina t-tul tal-perijodu ta’ prijorità, peress li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tad-dritt dwar it-trade marks (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2001, TELEYE, T‑128/99, EU:T:2001:266, punt 42), hija l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ dan id-dritt preċedenti li tagħti lok għad-dritt ta’ prijorità. Barra minn hekk, huwa mid-data tal-preżentata tal-imsemmija applikazzjoni li l-perijodu ta’ prijorità jibda jiddekorri. Għalkemm it-tnissil stess tad-dritt ta’ prijorità kif ukoll il-bidu tal-perijodu tal-imsemmi dritt jiddependu mid-dritt preċedenti u mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiegħu, huwa loġiku li t-tul tad-dritt ta’ prijorità jiddependi, huwa wkoll, mid-dritt preċedenti. Min-naħa l-oħra, l-ebda element ma jippermetti li jiġi preżunt li t-tul tad-dritt ta’ prijorità jiddependi, bħala regola ġenerali, mid-dritt sussegwenti.

79      Dan huwa kkonfermat mix-xogħol preparatorju tal-ewwel reviżjoni tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, tal-1883, li sar fl-1900. Fil-fatt, mill-materjal u mill-minuti tal-konferenza li nżammet fi Brussell mill1 sal-14 ta’ Diċembru 1897 u mill‑11 sal‑14 ta’ Diċembru 1900, b’mod partikolari minn ħarsa ġenerali tal-punt 1 tan-nota ppreżentata mid-delegazzjoni Ġermaniża waqt il-laqgħa preparatorja tal‑1 ta’ Diċembru 1897, mill-minuti tar-raba’ seduta tas‑7 ta’ Diċembru 1897 kif ukoll mill-minuti tat-tieni seduta tat‑12 ta’ Diċembru 1900 (ara l-Atti tal-Konferenza miżmuma fi Brussell mill-1 sal-14 ta’ Diċembru 1897 u mill-11 sal-14 ta’ Diċembru 1900, Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, Berne, 1901, iktar ’il quddiem l-“Atti tal-Konferenza ta’ Brussell”, rispettivament p. 169, p. 209 sa 212 u p. 379 sa 382), jirriżulta li l-perijodu ta’ prijorità ġie estiż minn sitta għal tnax‑il xahar għad-dritt ta’ prijorità bbażat fuq privattiva għar-raġuni li l-eżami minn qabel li għalih kienu suġġetti l-applikazzjonijiet għal privattiva b’mod partikolari skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, dik Awstrijaka u dik Ungeriża kienu jeżiġu iktar żmien. Minħabba f’hekk, l-Istati kkonċernati qiesu li kienu preklużi milli jaderixxu mal-imsemmija konvenzjoni minħabba t-tul, fil-fehma tagħhom, qasir wisq tal-perijodu ta’ prijorità għall-privattivi, peress li t-tul ta’ żmien tal-eżami minn qabel kien kważi dejjem jaqbeż dak tal-perijodu ta’ prijorità (ara l-Atti tal-Konferenza ta’ Brussell, p. 37). L-estensjoni tal-perijodu ta’ prijorità għall-privattivi kienet ġiet proposta mill-Uffiċċju Internazzjonali tal-Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali “sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċjali tal-pajjiżi fejn l-eżami minn qabel [kien] jiġi pprattikat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l-Atti tal-Konferenza ta’ Brussell, p. 144) u, sussegwentement, aċċettata u implimentata permezz tal-Artikolu 1(II) tal-att addizzjonali tal‑14 ta’ Diċembru 1900 li jemenda l-konvenzjoni tal‑20 ta’ Marzu 1883 (ara l-Atti tal-Konferenza ta’ Brussell, p. 410).

80      Dawn l-elementi kollha jikkonfermaw li, skont il-kunċett fl-oriġini tas-sistema tal-perijodi ta’ prijorità, huwa effettivament id-dritt preċedenti li huwa determinanti għat-tul tal-perijodu ta’ prijorità.

81      Barra minn hekk, il-fatt li l-Artikolu 4, Taqsima E, paragrafu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jippreżenta ruħu bħala regola speċjali li tikkostitwixxi eċċezzjoni mill-prinċipju li, sabiex jiġi stabbilit it-tul tal-perijodu ta’ prijorità, in-natura tad-dritt preċedenti hija determinanti, jirriżulta mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-kelma “meta”, li fil-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni tfisser “fil-każ fejn”, tindika li din ir-regola tapplika biss fil-każ imsemmi b’mod espliċitu. Bl-istess mod, il-formulazzjoni negattiva espressa bil-kliem “jkun biss” tindika n-natura eċċezzjonali tad-determinazzjoni tat-tul tal-perijodu ta’ prijorità b’riferiment għad-dritt sussegwenti, jiġifieri d-disinni, b’deroga mir-regola ġenerali.

82      In-natura ta’ eċċezzjoni tal-Artikolu 4, Taqsima E, paragrafu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi tirriżulta wkoll minn analiżi storika, li turi li l-Artikolu 4, Taqsima E tal-imsemmija konvenzjoni kien maħsub sabiex jiġi applikat esklużivament għall-mudelli ta’ utilità. L-Artikolu 4, Taqsima E tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi ġie adottat fl-1925. L-inklużjoni ta’ din ir-regola dwar il-mudelli ta’ utilità rriżultat opportuna wara li, fl-1911, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali tal-1883, kien ġie estiż sabiex jinkludi fih l-imsemmija mudelli ta’ utilità billi inkludihom fil-lista tad-drittijiet ta’ proprjetà industrijali li l-imsemmija konvenzjoni kienet tiggarantixxi l-protezzjoni tagħhom skont l-Artikolu 2 tagħha (li sar l-Artikolu 1(2) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi). Iż-żieda, fl-1925, tal-imsemmija Taqsima E fl-Artikolu 4 kienet tippermetti li jiġi evitat li mudell ta’ utilità li jkun ilu li ġie ppubblikat, li għalih kien japplika l-perijodu ta’ tnax-il xahar kif previst fl-Artikolu 4, Taqsima C, paragrafu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, jiġi ppreżentat mill-ġdid bħala disinn.

83      Ir-rikorrenti għalhekk issostni ġustament li d-differenza fit-trattament prevista fil-każ partikolari tal-Artikolu 4, Taqsima E, paragrafu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi bejn il-privattivi u l-mudelli ta’ utilità hija spjegata, fost l-oħrajn, mit-tul differenti tal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni rispettivi tagħhom, peress li l-mudelli ta’ utilità huma rreġistrati u ppubblikati wara eżami formali konċiż, filwaqt li l-applikazzjonijiet għal privattivi ġeneralment ma jiġux ippubblikati qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ prijorità ta’ tnax-il xahar. Għalhekk, din it-taqsima ma kinitx intiża sabiex tipproduċi effetti lil hinn mill-każijiet li jimplikaw mudelli ta’ utilità, bil-kontra ta’ dak li jidher li jissuġġerixxi l-EUIPO, li jipproponi li jiġi applikat għall-preżentata ta’ applikazzjoni internazzjonali għal privattiva l-perijodu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 6/2002 għall-preżentata ta’ applikazzjoni għal mudell ta’ utilità, li jkun jirrifletti b’mod fidil l-Artikolu 4, Taqsima E tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

84      F’dak li jirrigwarda s-suċċessjoni, bħal f’dan il-każ, ta’ applikazzjoni għal privattiva preċedenti u applikazzjoni għal disinn sussegwenti, ir-rikorrenti ssostni ġustament li l-għan li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 4, Taqsima E, paragrafu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi ma jikkonċernax l-applikazzjonijiet għal privattivi. Fil-fatt, ir-riskju li privattiva li tkun ilha li ġiet ippubblikata tkun is-suġġett ta’ preżentata ġdida bħala disinn huwa kważi ineżistenti, kif tikkonferma din il-kawża, fejn ir-rikorrenti kienet ippreżentat l-applikazzjoni għal privattiva PCT/EP2017/077469 quddiem l-UEP fis‑26 ta’ Ottubru 2017, filwaqt li l-Artikolu 93(1) tal-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej, tal‑5 ta’ Ottubru 1973, tipprevedi pubblikazzjoni biss wara 18-il xahar mid-data tal-preżentata.

85      Għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tal-EUIPO sabiex isostni l-pożizzjoni kuntrarja ma humiex ta’ natura li jikkontestaw il-konklużjoni li r-regola ġenerali li fuqha hija bbażata l-Konvenzjoni ta’ Pariġi hija li n-natura tad-dritt preċedenti hija deċiżiva għad-determinazzjoni tat-tul tal-perijodu ta’ prijorità. B’mod partikolari, l-EUIPO ma jsostni ebda argument li jista’ jistabbilixxi li r-regola speċjali maħluqa għall-mudelli ta’ utilità għandha tapplika wkoll għall-privattivi.

86      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkunsidra li t-terminu applikabbli għat-talba, mir-rikorrenti, tal-prijorità tal-applikazzjoni internazzjonali għal privattiva PCT/EP2017/077469 għat-tnax-il disinn kollha li hija applikat għar-reġistrazzjoni tagħhom kien ta’ sitt xhur.

87      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jintlaqa’.

88      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, u mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat l-ewwel motiv ippreżentat mir-rikorrenti, jirriżulta li r-rikors għandu jintlaqa’ sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u jiġi miċħud għall-kumplament.

 Fuq l-ispejjeż

89      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. L-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell huma kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru, skont l-Artikolu 190(2) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura. Peress li l-EUIPO tilef, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat13 ta’ Ġunju 2019 (Każ R 573/20193) hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Collins

De Baere

Steinfatt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ April 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.