Language of document : ECLI:EU:C:2024:253

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

21 ta’ Marzu 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 7(3) – Artikolu 8(1)(a) – Dritt għar-rimbors tal-biljett tal-ajru fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira – Rimbors fil-forma ta’ rċevuti tal-ivvjaġġar – Kunċett ta’ ‘ftehim iffirmat tal-passiġġier’ – Proċedura ta’ rimbors permezz ta’ formola disponibbli fuq is-sit internet tat-trasportatur tal-ajru li jopera”

Fil-Kawża C‑76/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Frar 2023, fil-proċedura

Cobult UG

vs

TAP Air Portugal SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta de chambre, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Franċiż, minn J.-L. Carré, B. Herbaut u B. Travard, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, G. von Rintelen, G. Wilms u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Cobult UG, iċ-ċessjonarju tad-drittijiet ta’ passiġġier, u TAP Air Portugal SA, trasportatur tal-ajru, dwar ir-rimbors tal-biljett ta’ dan il-passiġġier li t-titjira tiegħu ġiet ikkanċellata.

 Ilkuntest ġuridiku

3        Il-premessi 1, 2 u 20 tar-Regolament Nru 261/2004 jistipulaw:

“(1)      Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura [tiżgura] livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ‘Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta' protezzjoni tal-konsumatur b'mod ġenerali.

(2)      Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

[...]

(4)      Il-Komunitá għandha għalhekk togħla l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti minn dak ir-Regolament kemm biex issaħħaħ id-drittijiet ta’ passiġġieri u biex tassigura li trasportaturi ta’ l-ajru jaħdmu taħt kondizzjonijiet armonizzati f’suq illiberalizzat.

[...]

(20)      Passiġġieri għandhom jiġu informati b’mod sħiħ bid-drittijiet tagħhom fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv.”

4        L-Artikolu 5(1)(a) u (ċ) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

(a)      jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8; u

[...]

(ċ)      jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7 […]”.

5        L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens [...]

[...]

3.      Il-kumpens imsejjaħ fil-paragrafu 1 għandu jiġi mħallas fi flus, permezz ta’ trasferiment tal-bank elettroniku, ordnijiet tal-bank jew ċekkijiet tal-bank jew, bil-ftehim iffirmat tal-passiġġier, f’irċevuti tal-vjaġġ u/jew servizzi oħrajn.”

6        L-Artikolu 8 tal-istess regolament, intitolat “Dritt għar-rimbors jew għal rotta differenti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

(a)      –       rimbors fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz b’liema ġie mixtri, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ li ma ġewx magħmulin, u għall-parti jew partijiet li diġá ġew magħmulin jekk it-titjira m’għadhiex qed taqdi kwalunkwe skop fir-rigward tal-pjan ta’ vjaġġ oriġinali [...]”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

7        Passiġġier li kien irriżerva, għall-prezz ta’ EUR 1 447.02, titjira b’konnessjoni ma’ TAP Air Portugal prevista fl‑1 ta’ Lulju 2020 bi tluq minn Fortaleza (il-Brażil) u b’destinazzjoni lejn Frankfurt am Main (il-Ġermanja), via Lisbona (il-Portugall), kellu t-titjira tiegħu kkanċellata minn dan it-trasportatur tal-ajru li jopera.

8        Mid‑19 ta’ Mejju 2020, l-imsemmi trasportatur tal-ajru jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri, fuq il-paġna prinċipali tas-sit internet tiegħu, proċedura li tippermetti li jitressqu talbiet għal rimbors, b’mod partikolari, għat-titjiriet li huwa jkun ikkanċella. Il-passiġġieri għandhom għalhekk l-għażla bejn rimbors immedjat fil-forma ta’ rċevuti tal-ivvjaġġar billi jimlew formola online u rimbors f’forma oħra, pereżempju somma ta’ flus, bil-kundizzjoni li jikkuntattjaw minn qabel lis-servizz tal-klijenti tiegħu, sabiex dan tal-aħħar iwettaq eżami tal-fatti.

9        Il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni, disponibbli biss bl-Ingliż, li l-passiġġier għandu jiffirma wara li jkun ipprovda l-informazzjoni meħtieġa (numru tal-biljett, kunjom, indirizz tal-posta elettronika u numru tat-telefon), jippreċiżaw li, jekk jagħżel rimbors fil-forma ta’ rċevuta tal-ivvjaġġar, ir-rimbors tal-biljett fi flus huwa eskluż.

10      Issa, skont TAP Air Portugal, il-passiġġier ikkonċernat talab, fl‑4 ta’ Ġunju 2020, li jiġi rrimborsat permezz ta’ rċevuta tal-ivvjaġġar u permezz ta’ posta elettronika rċieva rċevuta tal-ivvjaġġar fl-ammont ta’ EUR 1 737.52, li jikkorrispondi għall-prezz tal-biljett inizjali, flimkien ma’ ħlas addizzjonali.

11      Fit‑30 ta’ Lulju 2020, dan il-passiġġier ittrasferixxa d-drittijiet tiegħu fil-konfront ta’ TAP Air Portugal lil Cobult, li talbet, fl-istess jum, li dan it-trasportatur tal-ajru li jopera jirrimborsa fi flus il-prezz tat-titjira kkanċellata f’terminu ta’ 14-il jum.

12      Peress li TAP Air Portugal irrifjutat li twettaq ir-rimbors mitlub, Cobult adixxiet lill-qorti tal-ewwel istanza kompetenti, li ċaħdet it-talba tagħha billi ddeċidiet li d-drittijiet tal-passiġġier ċedenti kienu ġew estinti permezz tar-rimbors fil-forma ta’ rċevuta tal-ivvjaġġar.

13      Cobult appellat minn din is-sentenza quddiem il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

14      Dik il-qorti għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 261/2004, li abbażi tiegħu l-biljett jista’ jiġi rrimborsat fil-forma ta’ rċevuta tal-ivvjaġġar biss “bil-ftehim iffirmat tal-passiġġier”. Hija għandha dubji b’mod iktar partikolari dwar il-portata tal-kunċett ta’ “ftehim iffirmat tal-passiġġier” (“mit schriftlichem Einverständnis” fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża ta’ dan ir-regolament) sabiex tevalwa jekk il-modalitajiet ta’ rimbors imposti minn TAP Air Portugal permezz tas-sit internet tagħha humiex konformi ma’ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tesponi li jista’ jitqies, skont l-ewwel approċċ, li r-rekwiżit ta’ ftehim iffirmat tal-passiġġier jikkostitwixxi kundizzjoni formali addizzjonali li hija intiża li tipproteġi lill-passiġġier kontra għażla bl-għaġla u mingħajr riflessjoni favur irċevuta tal-ivvjaġġar, metodu ta’ rimbors li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies bħala inqas favorevoli għal dan il-passiġġier. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jkun jipprekludi proċedura ta’ rimbors tal-biljett fil-forma ta’ rċevuta tal-ivvjaġġar, bħal dik ipprattikata minn TAP Air Portugal.

15      Skont it-tieni approċċ, il-fatt li jintalab ftehim iffirmat min-naħa tal-passiġġier, fil-forma ta’ ftehim trażmess bil-posta jew b’mezz elettroniku jista’ jtawwal it-termini ta’ rimbors filwaqt li jżid, għat-trasportaturi tal-ajru, il-piż marbut mal-ġestjoni amministrattiva ta’ dawn ir-rimborsi. Għalhekk, proċedura ta’ rimbors online li hija komposta minn diversi stadji, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ titqies li hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 7(3) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm ftehim iffirmat mill [tal]-passiġġier dwar ir-rimbors tal-prezz tal-biljett fil-forma ta’ vawċer [irċevuta] għall-ivvjaġġar fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 8(1)(a) [ta’ dan ir-regolament] meta l-passiġġier jagħżel tali vawċer fuq is-sit internet tat-trasportatur tal-ajru effettiv [li jopera] bl-esklużjoni ta’ rimbors sussegwenti tal-prezz tal-biljett fi flus kontanti, liema vawċer huwa jirċievi b’messaġġ elettroniku, filwaqt li r-rimbors tal-prezz tal-biljett fi flus kontanti jkun biss possibbli wara li jiġi kkuntattjat it-trasportatur tal-ajru effettiv?”

 Fuq iddomanda preliminari

17      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(a) ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira mit-trasportatur tal-ajru li jopera, il-passiġġier jitqies li ta l-“ftehim iffirmat” tiegħu għar-rimbors tal-biljett fil-forma ta’ rċevuta tal-ivvjaġġar meta huwa jkun mela formola online fuq is-sit internet ta’ dan it-trasportatur tal-ajru, li permezz tagħha huwa għażel tali forma ta’ rimbors, bl-esklużjoni ta’ rimbors fil-forma ta’ somma flus, meta dan l-aħħar metodu ta’ rimbors kien suġġett għall-osservanza ta’ proċedura li tinkludi stadji addizzjonali li għandhom jitwettqu mas-servizz tal-klijenti tal-imsemmi trasportatur tal-ajru.

18      Skont l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir-regolament, il-passiġġier għandu, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, dritt għar-rimbors tal-biljett, f’terminu ta’ sebat ijiem, skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 7(3) tal-imsemmi regolament bil-prezz li bih ikun inxtara.

19      Din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi li l-kumpens għandu jitħallas fi flus, permezz ta’ trasferiment tal-bank elettroniku, ordnijiet tal-bank jew ċekkijiet tal-bank jew, bil-ftehim iffirmat tal-passiġġier, fi rċevuti tal-ivvjaġġar u/jew servizzi oħra.

20      Minn qari flimkien tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li, permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni rregola l-modalitajiet għar-rimbors tal-biljett f’każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira. Abbażi ta’ dan, l-istruttura tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament tindika li r-rimbors tal-biljett għandu jsir, prinċipalment, fil-forma ta’ somma flus. Min-naħa l-oħra, ir-rimbors fil-forma ta’ rċevuti tal-ivvjaġġar huwa ppreżentat bħala modalità sussidjarja ta’ rimbors, peress li huwa suġġett għall-kundizzjoni addizzjonali ta’ “ftehim iffirmat tal-passiġġier”.

21      Ir-Regolament Nru 261/2004 ma jipprovdix definizzjoni ta’ dan il-kunċett ta’ “ftehim iffirmat tal-passiġġier”.

22      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ “ftehim” għandu jinftiehem, skont is-sens normali tiegħu, bħala kunsens liberu u informat. Fil-kuntest tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament, dan il-kunċett jeħtieġ għalhekk il-kunsens liberu u informat tal-passiġġier li jikseb ir-rimbors tal-biljett tiegħu fil-forma ta’ rċevuta tal-ivvjaġġar.

23      Min-naħa l-oħra, sa fejn l-Artikolu 7(3) tal-imsemmi regolament jeħtieġ ftehim “iffirmat” tal-passiġġier, għandu jiġi kkonstatat li teżisti diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni.

24      Fil-fatt, għalkemm il-frażi “accord signé du passager” prevista fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża ta’ din id-dispożizzjoni għal dan ir-rekwiżit għandha sinjifikat korrispondenti għall-frażijiet użati fil-verżjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni bil-Bulgaru (“с подписано съгласие на пътника”), bl-Ispanjol (“previo acuerdo firmado por el pasajero”), biċ-Ċek (“v případě dohody podepsané cestujícím”), bil-Grieg (“εφόσον συμφωνήσει ενυπογράφως ο επιβάτης”), bl-Ingliż (“with the signed agreement of the passenger”), bit-Taljan (“previo accacco firmato dal passeggero”), bil-Latvjan (“saņemot pasažiera parakstītu piekrišanu”), bil-Litwan (“keleiviui savo parašu patvirtinus, kad jis su tuo sutinka”), bil-Malti (“bil-ftehim iffirmat tal-passiġġier”) u bil-Finlandiż (“matkustajan allekirjoitetulla suostumuksella”), min-naħa l-oħra, mill-verżjonijiet tal-imsemmija dispożizzjoni bid-Daniż (“med passagerens skriftlige billigelse”), bil-Ġermaniż (“mit schriftlichem Einverständnis des Fluggasts”, bl-Estonjan (“kirjalikul kokkuleppel reisijaga”), bil-Kroat (“uz pisanu suglasnost putnika”), bl-Ungeriż (“az utas írásos beleegyezése esetén”), bl-Olandiż (“met de schriftelijke toestemming van de passagier”), bil-Pollakk (“za pisemną zgodą pasażera”), bil-Portugiż (“com o acordo escrito do passageiro”), bir-Rumen (“cu acordul scris al pasagerului”), bis-Slovakk (“s písomným súhlasom cestujúceho”), bis-Sloven (“s pisnim soglasjem potnika”) u bl-Iżvediż (“med passagerarens skriftliga samtycke”) jirriżulta li, skont din l-istess dispożizzjoni, ir-rimbors fil-forma ta’ rċevuti tal-ivvjaġġar ma huwiex suġġett għall-ftehim iffirmat, iżda għall-“ftehim bil-miktub tal-passiġġier”.

25      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità fuq verżjonijiet lingwistiċi oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom, fil-fatt, jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. F’każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li minnha din id-dispożizzjoni tifforma parti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑2 ta’ Diċembru 2022, Compania Naţională de Transporturi Aeriene Tarom, C‑229/22, EU:C:2022:978, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-premessi 1, 2 u 4 tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li dan tal-aħħar huwa intiż li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri u tal-konsumaturi, billi jsaħħaħ id-drittijiet tagħhom f’ċertu numru ta’ sitwazzjonijiet li joħolqu diffikultajiet u inkonvenjenzi serji kif ukoll billi jirrimedja dawn tal-aħħar b’mod standardizzat u immedjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Austrian Airlines, C‑826/19, EU:C:2021:318, punt 26).

27      Min-naħa l-oħra, mill-premessa 20 ta’ dan ir-regolament jirriżulta, li l-passiġġieri li t-titjira tagħhom tkun ġiet ikkanċellata għandhom ikunu informati b’mod sħiħ bid-drittijiet tagħhom sabiex ikunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw dawn id-drittijiet b’mod effettiv.

28      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet, billi għamlet riferiment għall-premessa 20 tar-Regolament Nru 261/2004, li t-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jipprovdi lill-passiġġieri l-informazzjoni neċessarja sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażla effikaċi u informata dwar l-eżerċizzju tad-dritt għall-assistenza previst fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament mingħajr ma l-benefiċċju ta’ dan id-dritt għal rimbors ma jkun jeżiġi, min-naħa tal-passiġġier, kontribuzzjoni attiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Rusu, C‑354/18, EU:C:2019:637, punti 50 sa 55).

29      F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru u tad-dmir ta’ informazzjoni impost fuq it-trasportatur tal-ajru li jopera, għandu jitqies li l-kunċett ta’ “ftehim iffirmat tal-passiġġier”, kif previst fl-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament, jippreżupponi, fl-ewwel lok, li dan il-passiġġier kien f’pożizzjoni li jagħmel għażla effikaċi u informata u, għaldaqstant, li jagħti l-kunsens tiegħu b’mod liberu u informat għar-rimbors tal-biljett tiegħu fil-forma ta’ rċevuta tal-ivvjaġġar pjuttost milli fil-forma ta’ somma flus.

30      Għal dan l-għan, huwa dan it-trasportatur tal-ajru li għandu jipprovdi, b’mod leali, lill-passiġġier li t-titjira tiegħu ġiet ikkanċellata, informazzjoni ċara u kompleta, dwar id-diversi modalitajiet ta’ rimbors tal-biljett tiegħu li huwa għandu għad-dispożizzjoni tiegħu abbażi tal-Artikolu 7(3) tal-imsemmi regolament.

31      Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn il-passiġġier ma jkollux tali informazzjoni, ma jistax jitqies li tali passiġġier huwa f’pożizzjoni li jagħmel għażla effikaċi u informata u, għaldaqstant, li jagħti l-kunsens tiegħu b’mod liberu u informat għal rimbors fil-forma ta’ rċevuta tal-ivvjaġġar.

32      Għalhekk, passiġġier ma jistax jitqies li ta l-“ftehim” tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 261/2004, meta t-trasportatur tal-ajru li jopera jippreżenta, b’mod partikolari fuq is-sit internet tiegħu, informazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ rimbors ta’ biljett b’mod ambigwu jew parzjali jew b’lingwa li l-għarfien tagħha ma jistax ikun raġonevolment mistenni mill-passiġġier, jew saħansitra b’mod żleali, b’mod partikolari billi jissuġġetta r-rimbors ta’ dan il-biljett fil-forma ta’ somma flus għal proċedura li tinkludi stadji addizzjonali għal dik applikata għar-rimbors fil-forma ta’ rċevuta tal-ivvjaġġar.

33      Tali konklużjoni hija iktar u iktar neċessarja peress li ż-żieda ta’ tali stadji addizzjonali tista’ tirrendi l-ksib ta’ rimbors fil-forma ta’ somma flus iktar diffiċli, u b’dan il-mod tinverti r-relazzjoni bejn iż-żewġ modalitajiet ta’ rimbors stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni, relazzjoni li ġiet esposta fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, u dan f’kontradizzjoni mal-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru mfittex mir-Regolament Nru 261/2004.

34      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-forma tal-ftehim tal-passiġġier, għandu jingħad ukoll li, sakemm dan il-passiġġier ikun irċieva informazzjoni ċara u kompleta, il-“ftehim iffirmat” tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament, jista’, kif jirriżulta essenzjalment mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż, ikopri, b’mod partikolari, l-aċċettazzjoni espliċita, definittiva u inekwivoka tiegħu ta’ rimbors tal-biljett fil-forma ta’ rċevuta tal-ivvjaġġar, permezz tat-trażmissjoni ta’ formola mimlija mill-imsemmi passiġġier fuq is-sit internet tat-trasportatur tal-ajru li jopera mingħajr ma din il-formola ma tkun tinkludi l-firma bl-idejn jew diġitali tal-passiġġier.

35      Għalhekk, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 261/2004 tkompli tosserva l-ibbilanċjar bejn l-interessi tal-passiġġieri tal-ajru u l-interessi tat-trasportaturi tal-ajru li joperaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura permezz tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 67, u tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 39).

36      Effettivament, jidher li l-fatt li jiġi eskluż li l-“ftehim iffirmat tal-passiġġier” għar-rimbors tal-biljett fil-forma ta’ rċevuta tal-ivvjaġġar ikun jista’ jieħu l-forma ta’ formola li l-passiġġier għandu jimla fuq is-sit internet tat-trasportatur tal-ajru li jopera mhux biss talli huwa eċċessiv iżda tali ma huwiex xieraq, peress li tali esklużjoni tkun iżżid il-piż marbut mal-ġestjoni amministrattiva ta’ dawn ir-rimborsi għal dan it-trasportatur tal-ajru u tista’ ddewwem il-proċess ta’ rimbors għall-passiġġier, li, fl-aħħar mill-aħħar, jista’ jirriżulta li jmur kontra l-interessi ta’ dan tal-aħħar.

37      Fid-dawl tar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(a) ta’ dan ir-regolament u fid-dawl tal-premessa 20 tal-imsemmi regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira mit-trasportatur tal-ajru li jopera, il-passiġġier jitqies li ta l-“ftehim iffirmat” tiegħu għar-rimbors tal-biljett fil-forma ta’ rċevuta tal-ivvjaġġar meta huwa jkun mela formola online fuq is-sit internet ta’ dan it-trasportatur tal-ajru, li permezz tagħha huwa għażel tali metodu ta’ rimbors, bl-esklużjoni ta’ rimbors fil-forma ta’ somma flus, fil-każ fejn dan il-passiġġier kien f’pożizzjoni li jwettaq għażla effikaċi u informata u, għaldaqstant, li jagħti l-kunsens tiegħu b’mod informat għar-rimbors tal-biljett tiegħu fil-forma ta’ rċevuta tal-ivvjaġġar iktar milli fil-forma ta’ somma flus, li jippreżupponi li l-imsemmi trasportatur tal-ajru jkun ipprovda, b’mod leali, lill-imsemmi passiġġier, informazzjoni ċara u kompleta dwar id-diversi modalitajiet ta’ rimbors li jinsabu għad-dispożizzjoni tiegħu.

 Fuq lispejjeż

38      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(a) ta’ dan ir-regolament u fid-dawl tal-premessa 20 tal-imsemmi regolament,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira mit-trasportatur tal-ajru li jopera, il-passiġġier jitqies li ta l-“ftehim iffirmat” tiegħu għar-rimbors tal-biljett fil-forma ta’ rċevuta tal-ivvjaġġar meta huwa jkun mela formola online fuq is-sit internet ta’ dan it-trasportatur tal-ajru, li permezz tagħha huwa għażel tali metodu ta’ rimbors, bl-esklużjoni ta’ rimbors fil-forma ta’ somma flus, fil-każ fejn dan il-passiġġier kien f’pożizzjoni li jwettaq għażla effikaċi u informata u, għaldaqstant, li jagħti l-kunsens tiegħu b’mod informat għar-rimbors tal-biljett tiegħu fil-forma ta’ rċevuta tal-ivvjaġġar iktar milli fil-forma ta’ somma flus, li jippreżupponi li l-imsemmi trasportatur tal-ajru jkun ipprovda, b’mod leali, lill-imsemmi passiġġier, informazzjoni ċara u kompleta dwar id-diversi modalitajiet ta’ rimbors li jinsabu għad-dispożizzjoni tiegħu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.