Language of document : ECLI:EU:C:2022:431

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fit‑2 ta’ Ġunju 2022 (1)

Kawża C72/22 PPU

MA

filpreżenza ta’:

Valstybės sienos apsaugos tarnyba

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Litwanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntiera, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Dritt ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li daħal illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, li jitlob protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat – Modalitajiet ta’ aċċess għall-proċeduri għall-għoti ta’ din il-protezzjoni – Direttiva 2013/32/UE – Artikoli 6 u 7(1) – Possibbiltà li tali applikant jitqiegħed f’detenzjoni għar-raġuni li qasam illegalment il-fruntiera nazzjonali – Direttiva 2013/33/UE – Artikolu 8(3) – Inkompatibbiltà – Artikolu 72 TFUE – Responsabbiltajiet li għandhom l-Istati Membri għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna – Possibbiltà ta’ Stat Membru li jidderoga mid-Direttivi 2013/32 u 2013/33 f’każ ta’ fluss massiv ta’ migranti fil-fruntiera tiegħu”






I.      Introduzzjoni

1.        Fid-dritt internazzjonali, dejjem eżistiet ċerta tensjoni bejn, minn naħa, id-dritt li minnu jgawdu l-Istati li jikkontrollaw b’mod sovran id-dħul u r-residenza ta’ barranin fit-territorju tagħhom u, min-naħa l-oħra, id-dritt li jibbenefikaw minnu dawk, minn fost dawn il-barranin (2), li jibżgħu minn persekuzzjoni fil-pajjiż li għandhom in-nazzjonalità tiegħu, li jitolbu ażil (3). Tal-ewwel jawtorizza lil dawn l-Istati jikkontrollaw strettament il-qsim tal-fruntieri tagħhom – u jieħdu miżuri rigorużi f’każ ta’ dħul illegali – filwaqt li tat-tieni jitlob tolleranza fil-qasam.

2.        Din it-tensjoni hija partikolarment sinjifikattiva meta jseħħ dak li b’mod komuni jissejjaħ “fluss massiv” ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri. Tali fenomenu, li f’dawn l-aħħar għoxrin sena, il-frekwenza tiegħu żdiedet fl-Ewropa, minħabba gwerer u tensjonijiet oħra li jħawdu diversi reġjuni tad-dinja, jikkomplika l-kontroll tal-fruntieri inkwistjoni. Fil-fatt, numru minn dawn iċ-ċittadini jipprovaw, jew saħansitra jirnexxilhom, jaqsmuhom illegalment. Dan id-dħul mingħajr kontroll huwa ħafna drabi pperċepit bħala theddida għas-sigurtà interna tal-Istat ikkonċernat. Fl-istess ħin, meta l-persuni kkonċernati jitolbu l-ażil fih, huma għandhom, bħala prinċipju, jiġu aċċettati fit-territorju tiegħu u jistgħu jibqgħu fih waqt l-eżami tal-applikazzjoni tagħhom.

3.        Il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja qed jaffaċċjaw, sa mis-sajf tal‑2021, tali “fluss massiv” fil-fruntieri li huma jaqsmu mal-Bjelorussja – wieħed mill-punti ta’ dħul fiż-żona Schengen – u l-każijiet ta’ qsim illegali ta’ dawn il-fruntieri żdiedu drastikament. Barra minn hekk, dan il-“fluss” jaqa’ f’kuntest ġeopolitiku partikolari. Fil-fatt, kif ikkonstataw l-istituzzjonijiet politiċi tal-Unjoni Ewropea, dan kien, fil-fatt, orkestrat mill-awtoritajiet Bjelorussi.

4.        Sabiex jindirizzaw dawn iċ-ċirkustanzi, u bil-għan li jsaħħu l-fruntieri tagħhom u jiżguraw, għalhekk, l-ordni pubbliku u s-sigurtà interna fit-territorju tagħhom, dawn l-Istati Membri ddikjaraw l-istat ta’ emerġenza. F’dan il-kuntest, huma implimentaw dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jidderogaw mid-dritt komuni, inkluż fil-qasam tal-ażil. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Litwanja), tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet, applikati mir-Repubblika tal-Litwanja, humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

5.        Id-domandi magħmula minn din il-qorti jirrigwardaw, b’mod iktar preċiż, it-trattament li l-Istati Membri jistgħu jirriżervaw, b’mod konformi mad-Direttiva 2013/32/UE dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (4) (iktar ’il quddiem Direttiva dwar il-“proċeduri”) u d-Direttiva 2013/33/UE li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (5) (iktar ’il quddiem id-Direttiva dwar l-“akkoljenza”), għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terz li daħlu b’mod irregolari fit-territorju tagħhom u li jfittxu li jiksbu fih protezzjoni internazzjonali. Huma jistaqsu, essenzjalment, jekk dawn id-direttivi jipprekludux regoli nazzjonali li, f’kuntest ta’ fluss massiv, minn naħa, jirrestrinġu b’mod sinjifikattiv il-possibbiltà li dawn iċ-ċittadini jaċċedu għall-proċeduri tal-għoti ta’ tali protezzjoni, u min-naħa l-oħra, jippermettu d-detenzjoni tal-applikanti għall-ażil għall-unika raġuni li qasmu l-fruntiera nazzjonali illegalment.

6.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega li tali regoli ma humiex effettivament kompatibbli mad-Direttivi dwar il-“proċeduri” u l-“akkoljenza”. Madankollu, m’iniex ser nieqaf hemm u ser nindirizza l-kwistjoni dwar jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk li qed taffaċċja l-Litwanja fil-fruntiera tagħha, Stat Membru huwiex awtorizzat, skont id-dritt primarju tal-Unjoni, li jidderoga minn dawn id-direttivi fl-interess tal-ordni pubbliku u tas-salvagwardja tas-sigurtà interna. Dwar dan il-punt, ser nispjega li minkejja li ċerti derogi huma, fit-teorija, possibbli, ir-regoli nazzjonali inkwistjoni jmorru lil hinn minn dak li huwa ammissibbli f’dan ir-rigward.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      IlKonvenzjoni ta’ Genève

7.        L‑Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Genève Dwar l-Istatus ta’ Rifuġjati (6) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), intitolat “Refuġjati f’sitwazzjoni irregolari fil-pajjiż ta’ akkoljenza”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati kontraenti ma għandhomx japplikaw sanzjonijiet kriminali minħabba d-dħul jew ir-residenza irregolari tagħhom, għar-refuġjati li peress li jaslu direttament mit-territorju fejn il-ħajja jew il-libertà tagħhom kienet mhedda fis-sens tal-ewwel artikolu, jidħlu u jinsabu fit-territorju tagħhom mingħajr awtorizzazzjoni, bil-kundizzjoni li jippreżentaw ruħhom mingħajr dewmien lill-awtoritajiet u jesponu raġunijiet meqjusa validi tad-dħul jew il-preżenza irregolari tagħhom”.

B.      Iddritt talUnjoni

1.      IdDirettiva dwar il-“proċeduri”

8.        L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-“proċeduri”, intitolat “Aċċess għall-proċedura”, jipprovdi:

“1.      Meta persuna tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn, ir-reġistrazzjoni għandha sseħħ mhux iktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

Jekk l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali issir lil awtoritajiet oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet bħal dawn, iżda mhumiex kompetenti għar-reġistrazzjoni taħt il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ir-reġistrazzjoni għandha ssir mhux iktar tard minn sitt ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet l-oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali bħal pulizija, gwardji tal-fruntiera, awtoritajiet tal-immigrazzjoni u persunal tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni għandhom l-informazzjoni rilevanti u li l-persunal tagħhom jirċievi il-livell meħtieġ ta’ taħriġ li jkun xieraq għall-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħhom u istruzzjonijiet biex jinformaw lill-applikanti fejn u kif l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jistgħu jiġu ppreżentati.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha opportunità effettiva biex tippreżentaha malajr kemm jista’ jkun. Fejn l-applikant ma jagħmilx l-applikazzjoni tiegħu, l-Istati Membri jistgħu japplikaw l-Artikolu 28 kif meħtieġ.

3.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu ppreżentati fiżikament u/jew f’post magħżul.

4.      Minkejja l-paragrafu 3, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies bħala li ġiet riċevuta ladarba formola ppreżentata mill-applikant jew, fejn dan ikun previst fil-liġi nazzjonali, rapport uffiċjali, ikunu waslu għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

5.      Fejn applikazzjonijiet simultanji għall-protezzjoni internazzjonali minn numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi jagħmluha diffiċli ħafna fil-prattika li jiġi rispettat il-limitu ta’ żmien stipulat fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li dak il-limitu ta’ żmien jiġi estiż sa 10 ijiem ta’ xogħol”.

9.        L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull adult li jkollu kapaċità legali jkollu d-dritt li jagħmel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali f’ismu stess”.

10.      L-Artikolu 31 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Proċedura ta’ eżami”, jipprovdi, fil-paragrafu 8 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li proċedura ta’ eżami konformi mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II tiġi mgħaġġla u/jew titmexxa fil-fruntiera jew fiż-żoni ta’ transitu taħt l-Artikolu 43 jekk:

[…]

h)      l-applikant daħal fit-territorju tal-Istat Membru illegalment jew tawwal is-soġġorn tiegħu illegalment u, mingħajr raġuni valida, ma ppreżentax ruħu lill-awtoritajiet jew ma ppreżentax applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali malajr kemm jista’ jkun, minħabba ċ-ċirkustanzi tal-dħul tiegħu; jew

[…]”

11.      L-Artikolu 43 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Proċeduri fuq il-fruntiera”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal proċeduri, konformement mal-prinċipji u mal-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, fuq il-fruntiera jew f’żoni ta’ tranżitu tal-Istat Membru dwar:

a)      l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni, taħt l-Artikolu 33, li ssir f’dawn il-postijiet; u/jew

b)      is-sustanza ta’ applikazzjoni fi proċedura taħt l-Artikolu 31(8).

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjoni meħuda fil-kuntest ta’ proċeduri previsti fil-paragrafu 1 tittieħed fi żmien raġonevoli. Meta deċiżjoni ma tkunx ittieħdet fi żmien erba’ ġimgħat, l-applikant għandu jitħalla jidħol fit-territorju tal-Istat Membru sabiex l-applikazzjoni tiegħu tiġi proċessata konformement mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva.

3.      Fil-każijiet ta’ wasliet li jinvolvu numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi li jippreżentaw applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fuq il-fruntiera jew f’żona ta’ tranżitu, li jagħmluha impossibbli fil-prattika li jiġu applikati hemmhekk dawk id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, dawk il-proċeduri jistgħu jiġu wkoll applikati fejn u sa meta dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi jkunu normalment akkommodati f’postijiet qrib il-fruntiera jew iż-żona ta’ tranżitu”.

2.      IdDirettiva dwar l“akkoljenza”

12.      L-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar l-“akkoljenza”, intitolat “Detenzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.      Meta jkun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali ta’ kull każ, l-Istati Membri jistgħu jżommu applikant f’detenzjoni, sakemm miżuri inqas dixxiplinari oħra ma jistgħux ikunu applikati b’mod effettiv.

3.      Applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni biss:

[…]

c)      sabiex tittieħed deċiżjoni, fil-kuntest ta’ proċedura, fuq id-dritt tal-applikant sabiex jidħol fit-territorju;

[…]

e)      meta l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubblika jeħtieġu hekk;

[…]”

C.      Iddritt Litwan

1.      IlLiġi dwar ilBarranin

13.      Il-Lietuvos Respublikos įstatymas “Dėl užsieniečių teisinės padėties” (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar l-Istatus Legali tal-Barranin) (TAR, 2021, Nru 2021/27706), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi Nru XIV‑816 tat‑23 ta’ Diċembru 2021 (iktar ’il quddiem, “il-Liġi dwar il-Barranin”) tipprovdi, fl-Artikolu 2(20) tagħha, li titqies bħala applikant għall-ażil il-persuna barranija li tkun ippreżentat applikazzjoni għall-ażil skont il-modalitajiet previsti mill-istess liġi u li fir-rigward tagħha għadha ma ttiħditx deċiżjoni definittiva.

14.      Il-Kapitolu X2 tal-Liġi dwar il-Barranin jirregola l-applikazzjoni ta’ din il-liġi f’każ ta’ dikjarazzjoni tal-istat ta’ gwerra jew tal-istat ta’ emerġenza kif ukoll fil-każ ta’ proklamazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza minħabba fluss massiv ta’ barranin.

15.      F’dan il-kapitolu, l-Artikolu 14012 tal-imsemmija liġi jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “l-barrani jista’ jippreżenta applikazzjoni għall-ażil 1) fil-postijiet ta’ kontroll fil-fruntieri jew fiż-żoni ta’ tranżitu: lil Valstybės sienos apsaugos tarnyba prie Lietuvos Respublikos vidaus reikalų ministerijos (id-Dipartiment nazzjonali ta’ protezzjoni tal-fruntieri fi ħdan il-Ministeru tal-Intern tar-Repubblika tal-Litwanja) (iktar ’il quddiem il-“VSAT”); 2) fit-territorju tar-Repubblika tal-Litwanja, meta l-barrani jkun daħal legalment f’dan it-territorju: lid-[Dipartiment tal-Migrazzjoni]; 3) fi Stat barrani: bl-intervent ta’ rappreżentanti diplomatiċi u konsulari tar-Repubblika tal-Litwanja maħtura mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin”. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li “applikazzjoni għall-ażil introdotta minn barrani bi ksur tal-modalitajiet previsti fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu ma hijiex ammissibbli, meta l-modalitajiet ta’ introduzzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil huma spjegati [lill-applikant]”. Din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll li l-VSAT, fid-dawl tal-vulnerabbiltà tal-barrani jew ta’ ċirkustanzi individwali oħra, jista’ jirċievi l-applikazzjoni għall-ażil ta’ barrani li jkun qasam il-fruntiera tar-Repubblika tal-Litwanja illegalment (7).

16.      L-Artikolu 14017 tal-Liġi dwar il-Barranin, li jirregola r-raġunijiet ta’ detenzjoni tal-applikant għall-ażil f’każ ta’ dikjarazzjoni tal-istat ta’ gwerra jew tal-istat ta’ emerġenza u f’każ ta’ proklamazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza minħabba fluss massiv ta’ barranin, jipprovdi, fil-bidu u fil-punt 2, li l-applikant għall-ażil jista’ jitqiegħed f’detenzjoni meta jasal fit-territorju tar-Repubblika tal-Litwanja billi jaqsam illegalment il-fruntiera ta’ dan l-Istat Membru.

2.      Iddeskrizzjoni talproċedura

17.      Id-deskrizzjoni tal-proċedura tal-għoti u tal-irtirar tal-ażil fir-Repubblika tal-Litwanja, approvata mid-Digriet Nru 1V‑131 tal-Ministru tal-Intern tar-Repubblika tal-Litwanja fl‑24 ta’ Frar 2016 (fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-digriet tal-Ministru tal-Intern tar-Repubblika tal-Litwanja Nru 1V‑626 tas‑27 ta’ Lulju 2021) (iktar ’il quddiem id-“deskrizzjoni tal-proċedura”) tipprovdi, fil-punt 22, li “applikazzjoni għall-ażil titqies li tiġi ppreżentata meta l-barrani jippreżentaha quddiem awtorità jew istituzzjoni msemmija fl-Artikolu 67(1) tal-Liġi dwar il-Barranin […], b’konformità mar-rekwiżiti li jinsabu fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu. Meta l-fruntiera tar-Repubblika tal-Litwanja tinqasam illegalment, l-applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi ppreżentata mingħajr dewmien. Sa mill-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil, il-persuna li tkun ippreżentat l-applikazzjoni tgawdi mid-drittijiet u mill-garanziji previsti għall-applikanti għall-ażil […]”.

18.      Fil-punt 23, id-deskrizzjoni tal-proċedura tipprovdi li, jekk l-applikazzjoni għall-ażil tiġi ppreżentata quddiem awtorità li ma hijiex imsemmija fl-Artikolu 67(1) tal-Liġi dwar il-Barranin jew bi ksur tar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu jew fil-punt 22 tad-deskrizzjoni tal-proċedura, din l-applikazzjoni għandha tintbagħat lura lill-barrani sa mhux iktar tard minn jumejn ta’ xogħol mill-mument li fih jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni riċevuta mill-awtorità hija applikazzjoni għall-ażil, filwaqt li l-applikant jiġi informat bil-modalitajiet ta’ preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil.

III. Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

19.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-elementi tal-fajl jirriżulta li, fit‑2 ta’ Lulju 2021, fir-Repubblika tal-Litwanja ġiet ipproklamata “sitwazzjoni ta’ emerġenza fuq livell nazzjonali fit-territorju kollu minħabba fluss massiv ta’ barranin”. Din il-proklamazzjoni kienet segwita, fl‑10 ta’ Novembru 2021, mid-dikjarazzjoni tal-“istat ta’ emerġenza” fuq parti mit-territorju Litwan (8). Din il-proklamazzjoni u din id-dikjarazzjoni kienu intiżi sabiex jindirizzaw fluss massiv u f’daqqa ta’ migranti fil-fruntiera bejn il-Litwanja u l-Bjelorussja.

20.      Sussegwentement, MA, ċittadin ta’ pajjiż terz, daħal illegalment fit-territorju Litwan mill-Bjelorussja. Fis‑17 ta’ Novembru 2021, fil-kuntest ta’ kontroll, huwa ġie arrestat fit-territorju Pollakk, flimkien ma’ 21 ċittadin ta’ pajjiż terz ieħor, wara li kien telaq mit-territorju Litwan f’minibus. Il-persuna kkonċernata ma kinitx f’pożizzjoni li tippreżenta lill-gwardji tal-fruntiera Pollakki d-dokumenti ta’ vjaġġar neċessarji jew il-viżas jew l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa sabiex tirrisjedi fil-Litwanja jew, b’mod iktar ġenerali, fl-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, tqiegħed f’detenzjoni.

21.      Fid‑19 ta’ Novembru 2021, MA ntbagħat lill-aġenti tal-VSAT. Dan id-dipartiment, minn naħa, qiegħed lill-persuna kkonċernata f’detenzjoni għal inqas minn 48 siegħa u, min-naħa l-oħra, adixxa l-Alytaus apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali ta’ Alytus, il-Litwanja), Sezzjoni ta’ Alytus (iktar ’il quddiem il-“qorti tal-ewwel istanza”), b’talba għal detenzjoni ta’ iktar minn 48 siegħa, sakemm tiġi stabbilita s-sitwazzjoni legali tagħha, iżda fi kwalunkwe każ, għal mhux iktar minn sitt xhur.

22.      Insostenn ta’ din it-talba, il-VSAT indika, b’mod partikolari, li ma għandu ebda informazzjoni dwar id-diversi qsim tal-fruntieri ta’ MA. Dan id-dipartiment enfasizza wkoll li l-persuna kkonċernata daħlet u rrisjediet illegalment fil-Litwanja, li ma għandhiex post ta’ residenza fiha, ma għandhiex rabtiet familjari, soċjali, ekonomiċi jew oħra ma’ dan l-Istat, u li lanqas għandha mezzi ta’ għajxien fiha. Konsegwentement, skont il-VSAT, kien iġġustifikat li wieħed jaħseb li, jekk ma jitqiegħedx f’detenzjoni, MA seta’ jaħrab sabiex jevita eventwali tneħħija.

23.      Waqt is-seduta quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, MA wera r-rieda tiegħu li jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali. Għalhekk, skont l-Artikolu 2(184) u (20), tal-Liġi dwar il-Barranin, u fid-dawl tas-sentenza Ministerio Fiscal (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali) (9), din il-qorti qieset lill-persuna kkonċernata bħala applikant għall-ażil. Għalhekk, l-imsemmija qorti qieset li kien neċessarju li titqiegħed f’detenzjoni, għar-raġuni prevista fl-Artikolu 113(4)(2) tal-Liġi dwar il-Barranin (10). Fil-fatt, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li MA kien daħal fil-Litwanja illegalment u tal-fatt li, skont id-dikjarazzjonijiet tiegħu stess, id-destinazzjoni tiegħu kienet il-Ġermanja, kien hemm raġunijiet għalfejn wieħed jaħseb li, jekk il-persuna kkonċernata ma titqigħedx f’detenzjoni, hija kienet taħrab sabiex tevita li tintbagħat lura f’pajjiż terz jew titneħħa mil-Litwanja.

24.      Għalhekk, b’deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2021, il-qorti tal-ewwel istanza ordnat id-detenzjoni ta’ MA f’ċentru tal-VSAT, sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-istatus legali tiegħu fil-Litwanja iżda, fi kwalunkwe każ, għal tul massimu ta’ tliet xhur, jiġifieri sa mhux iktar tard mit‑18 ta’ Frar 2022.

25.      Sussegwentement, MA appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja). Fil-fehma tiegħu, il-qorti tal-ewwel istanza imponiet fuqu b’mod żbaljat l-iktar miżura koerċittiva restrittiva, li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. MA talab li minflok tiġi applikata għalih miżura alternattiva għad-detenzjoni, jiġifieri l-obbligu li jippreżenta ruħu regolarment lill-VSAT.

26.      Bi tweġiba, il-VSAT enfasizzat li wara li wasal fil-Litwanja mill-Bjelorussja, MA ma kienx indirizza lill-awtoritajiet nazzjonali u kien kompla l-vjaġġ tiegħu bi qsim illegali tal-fruntiera Pollakka. F’dan ir-rigward, il-persuna kkonċernata kienet indikat li kienet ħallset lil persuna oħra sabiex tittrasportaha lejn il-Ġermanja mill-Polonja. Waqt is-smigħ tiegħu minn dan id-dipartiment, MA kien evita, sa mill-bidu, li jwieġeb direttament għall-mistoqsijiet magħmula lilu, u ta biss tweġibiet vagi. Tali aġir ma jikkostitwixxix kooperazzjoni xierqa. Għalhekk, il-VSAT sostna li jekk tiġi adottata l-miżura alternattiva għad-detenzjoni mitluba mill-persuna kkonċernata, huwa ferm probabbli li din taħrab qabel ma tiġi adottata deċiżjoni dwar l-istatus legali tagħha.

27.      Waqt l-ewwel seduta quddiem il-qorti tar-rinviju, MA sostna l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali u indika li fl‑20 ta’ Novembru 2021 kien diġà ppreżenta tali applikazzjoni, bil-miktub, lil uffiċjal mhux identifikat tal-VSAT, iżda li ma għandux informazzjoni dwar x’ġara minn din l-applikazzjoni. Għalhekk, ir-rappreżentant ta’ dan id-dipartiment indika li ma teżistix informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil fir-rigward ta’ MA, għaliex ebda applikazzjoni ta’ dan it-tip ma kienet ġiet ippreżentata konformement mal-leġiżlazzjoni Litwana. Madankollu, l-istess rappreżentant talab lil din il-qorti tordna lill-awtorità kompetenti, jiġifieri d-Dipartiment tal-Migrazzjoni, taċċetta l-applikazzjoni ta’ MA għall-eżami.

28.      Fl‑24 ta’ Jannar 2022, MA ssottometta, bil-miktub, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lill-VSAT, li dan id-dipartiment bagħat lid-Dipartiment tal-Migrazzjoni. Fis‑27 tal-istess xahar, din l-aħħar awtorità bagħtet din l-applikazzjoni lura għar-raġunijiet, minn naħa, li kienet ġiet sottomessa bi ksur tal-Artikolu 14012(1) tal-Liġi dwar il-Barranin kif ukoll tal-punti 22 u 23 tad-deskrizzjoni tal-proċedura u, min-naħa l-oħra, li ma kinitx ġiet ippreżentata mingħajr dewmien.

29.      Fl‑1 ta’ Frar 2022, waqt seduta ġdida quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rappreżentant tal-VSAT u r-rappreżentant ta’ MA, it-tnejn talbu lil din il-qorti tordna lid-Dipartiment tal-Migrazzjoni jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata.

30.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), qabel kollox, iddeċidiet li taġġusta temporanjament is-sitwazzjoni ta’ MA u li tadotta, fir-rigward tiegħu, miżura “differenti mid-detenzjoni”, jiġifieri “l-akkomodazzjoni f’ċentru tal-VSAT jew f’post ieħor addattat, b’restrizzjoni tal-libertà ta’ moviment tiegħu għat-territorju tal-post ta’ akkomodazzjoni”, valida sat‑18 ta’ Frar 2022. Sussegwentement, billi osservat li MA huwa “manifestament applikant għal protezzjoni internazzjonali”, din il-qorti ordnat lid-Dipartiment tal-Migrazzjoni biex ma jibagħtux f’pajjiż terz jew ineħħih mil-Litwanja sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva fil-kawża prinċipali. Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 7(1) tad-[Direttiva dwar il-‘proċeduri’], moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva 2011/95/UE dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (11)], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli tad-dritt nazzjonali bħal dawk applikabbli f’dan il-każ, li abbażi tagħhom, f’każ ta’ dikjarazzjoni tal-istat ta’ gwerra jew tal-istat ta’ emerġenza jew f’każ ta’ proklamazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza minħabba fluss massiv ta’ barranin, barrani li jkun daħal u jirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru ma għandux, essenzjalment, il-possibbiltà li jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali?

2)      F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) u (3) tad-[Direttiva dwar l-“akkoljenza”] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola tad-dritt nazzjonali li tgħid li, f’każ ta’ dikjarazzjoni tal-istat ta’ gwerra jew tal-istat ta’ emerġenza jew f’każ ta’ proklamazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza minħabba fluss massiv ta’ barranin, applikant għall-ażil jista’ jitqiegħed f’detenzjoni għall-unika raġuni li jkun daħal fit-territorju tar-Repubblika tal-Litwanja billi qasam illegalment il-fruntiera tagħha?”

IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

31.      It-talba għal deċiżjoni preliminari, bid-data tat‑2 ta’ Frar 2022, ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 tal-istess xahar.

32.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

33.      Insostenn ta’ din it-talba, din il-qorti sostniet li MA kien tqiegħed f’detenzjoni mis‑17 ta’ Novembru 2021 sat‑2 ta’ Frar 2022, u li kien is-suġġett, sa minn din l-aħħar data u sat‑18 ta’ Frar 2022, ta’ miżura ta’ “akkomodazzjoni f’ċentru tal-VSAT jew f’post ieħor addattat, b’restrizzjoni tal-libertà ta’ moviment għat-territorju tal-post ta’ akkomodazzjoni” (12).

34.      Fil‑21 ta’ Frar 2022, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tibgħat lill-qorti tar-rinviju talba għal kjarifiki dwar is-sitwazzjoni ta’ MA wara t‑18 ta’ Frar 2022. Fit-tweġiba tagħha, din il-qorti ċċarat li l-persuna kkonċernata kienet is-suġġett, sa mill‑11 ta’ Frar 2022, ta’ miżura ġdida ta’ akkomodazzjoni f’ċentru tal-VSAT, li ma kellhiex dritt toħroġ minnu mingħajr awtorizzazzjoni, u dan sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-istatus legali tagħha fil-Litwanja, iżda, fi kwalunkwe każ, għal mhux iktar minn tliet xhur, jiġifieri sa mhux iktar tard mill‑11 ta’ Mejju 2022.

35.      Fid-dawl ta’ din ir-risposta, fit‑3 ta’ Marzu 2022, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex tissuġġetta dan ir-rinviju preliminari għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

36.      MA, il-Gvern Litwan kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dan il-gvern u l-Kummissjoni kienu wkoll irrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fis‑7 ta’ April 2022.

V.      Analiżi

37.      Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi dwar il-legalità u l-fondatezza ta’ miżura ta’ detenzjoni. Din il-miżura kienet ġiet imposta fuq MA, ċittadin ta’ pajjiż terz li daħal illegalment fil-Litwanja (13) mill-Bjelorussja.

38.      Sabiex tiddeċiedi dwar l-imsemmija miżura, din il-qorti għandha, fl-ewwel lok, tiddetermina jekk iċ-ċittadin ikkonċernat jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli applikabbli għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, inkluż tal-garanziji li dawn tal-aħħar għandhom jibbenefikaw minnhom fil-qasam tad-detenzjoni, kif armonizzati fid-Direttivi dwar il-“proċeduri” u l-“akkoljenza”.

39.      F’dan il-kuntest, hija tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Litwan, jiġifieri l-Artikolu 14012 tal-Liġi dwar il-Barranin. Kif indikajt fl-introduzzjoni, din id-dispożizzjoni tippreżenta l-partikolarità li tapplika biss f’każ ta’ dikjarazzjoni tal-“istat ta’ gwerra” jew tal-“istat ta’ emerġenza” jew anki ta’ proklamazzjoni ta’ “sitwazzjoni ta’ emerġenza fuq livell nazzjonali fit-territorju kollu minħabba fluss massiv ta’ barranin”, sitwazzjonijiet li matulhom, f’miżuri differenti, id-dritt komuni jiġi temporanjament sospiż jew ristrett sabiex jippermetti lill-Istat Litwan jissalvagwardja l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika minħabba ċ-“ċirkustanzi eċċezzjonali” inkwistjoni. F’dan il-każ, meta seħħew il-fatti, kemm l-“istat ta’ emerġenza” kif ukoll dak tas-“sitwazzjoni ta’ emerġenza”, kienu ġew implimentati mil-Litwanja minħabba l-“fluss massiv” ta’ migranti fil-fruntiera li dan l-Istat jaqsam mal-Bjelorussja.

40.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 14012 tal-Liġi dwar il-Barranin issostitwixxa r-regoli tad-dritt komuni relattivi għall-modalitajiet ta’ aċċess taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terz għall-proċeduri tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali fil-Litwanja, u b’hekk, taqqal dawn l-istess modalitajiet. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li jippermetti d-dritt Litwan fi żminijiet “normali”, dan l-artikolu jipprovdi, essenzjalment, li ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax, bħala prinċipju, jissottometti b’mod validu applikazzjoni għall-ażil fit-territorju Litwan wara li jkun daħal fih b’mod irregolari – u dan minkejja l-fatt li, f’dan il-każ, MA wera diversi drabi r-rieda tiegħu li jikseb tali protezzjoni.

41.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tiddubita li dan huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, permezz tal-ewwel domanda tagħha, hija tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk ir-regoli tad-Direttiva dwar il-“proċeduri” (14) jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali li għandha tali konsegwenzi.

42.      Jekk jitqies li dan huwa l-każ, u li ċittadin ta’ pajjiż terz bħal MA jaqa’, fid-dawl tax-xewqa li huwa esprima li jikseb protezzjoni internazzjonali, taħt ir-regoli applikabbli għall-applikanti għall-ażil, il-qorti tar-rinviju, għandha, fit-tieni lok, teżamina l-miżura ta’ detenzjoni li kienet imposta fuq din il-persuna fid-dawl tal-garanziji previsti, f’dan il-qasam, fid-Direttivi dwar il-“proċeduri” u dwar l-“akkoljenza”.

43.      F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ma’ dawn id-direttivi ta’ dispożizzjoni oħra tal-Liġi dwar il-Barranin, jiġifieri l-Artikolu 14017(2) tagħha. Din id-dispożizzjoni hija applikabbli wkoll fil-Litwanja minħabba d-dikjarazzjoni ta’ “stat ta’ emerġenza” u l-proklamazzjoni ta’ “sitwazzjoni ta’ emerġenza” invokati preċedentement. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija dispożizzjoni tiżdied mar-regoli ordinarji fil-qasam tad-detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali (15) u, hija wkoll, taqqlet it-trattament irriżervat għal dawk li jidħlu illegalment fit-territorju Litwan.

44.      Fil-fatt, minkejja li, fi żminijiet “normali”, ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika għall-ażil fil-Litwanja ma jistax jitqiegħed f’detenzjoni għall-unika raġuni li jkun qasam illegalment il-fruntiera ta’ dan l-Istat, fi żminijiet “eċċezzjonali”, l-Artikolu 14017(2) tal-Liġi dwar il-Barranin jippermetti dan.

45.      Madankollu, hawnhekk ukoll, il-qorti tar-rinviju tiddubita kemm dan huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, permezz tat-tieni domanda tagħha, din il-qorti tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk ir-regoli tad-Direttiva dwar l-“akkoljenza” jipprekludux tali dispożizzjoni nazzjonali.

46.      Sabiex inkun kemm jista’ jkun istruttiv, ser naqsam l-analiżi tiegħi f’żewġ partijiet. Minn naħa, ser nispjega għalfejn dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikoli 14012 u 14017(2) tal-Liġi dwar il-Barranin ma humiex kompatibbli mad-Direttivi dwar il-“proċeduri” u dwar l-“akkoljenza”, irrispettivament mill-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw biss fi, u jindirizzaw lil, “ċirkustanzi eċċezzjonjali” (Taqsimiet B u C). Min-naħa l-oħra, ser neżamina l-punt dwar jekk, u jekk ikun il-każ sa fejn, Stat Membru huwa awtorizzat, skont id-dritt primarju tal-Unjoni, jidderoga minn dawn id-direttivi sabiex jissalvagwardja l-ordni pubbliku u s-sigurtà interna meta jaffaċċja tali ċirkustanzi (Taqsima D). Qabel dan, ser nindirizza l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari (Taqsima A).

A.      Fuq lammissibbiltà taddomandi preliminari

47.      Minkejja li qajjimx formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Gvern Litwan ressaq żewġ argumenti f’dan is-sens.

48.      Fl-ewwel lok, dan il-gvern implika li t-tieni domanda kienet, sa mill-bidu nett, irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li d-detenzjoni ta’ MA kienet ordnata mill-qorti tal-ewwel istanza mhux abbażi tal-Artikolu 14017(2) tal-Liġi dwar il-Barranin, iżda tal-Artikolu 113(4)(2) ta’ din il-liġi, fid-dawl tar-riskju li dan tal-aħħar jaħrab (16).

49.      Għall-kuntrarju, fil-fehma tiegħi, it-tieni domanda tidher tabilħaqq rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju spjegat li hija mitluba tiddeċiedi kemm dwar il-legalità kif ukoll dwar il-fondatezza tad-deċiżjoni inizjali ta’ detenzjoni ta’ MA. Għalhekk, għandu jiġi vverifikat mhux biss jekk din id-deċiżjoni kellhiex bażi legali, iżda wkoll jekk kinitx opportuna. F’dan il-kuntest, il-fatt li l-qorti tal-ewwel istanza bbażat ruħha fuq ir-riskju li l-persuna kkonċernata taħrab, donnu ma jipprekludix li l-qorti tar-rinviju tieħu inkunsiderazzjoni raġunijiet legali oħra, li jistgħu jiġġustifikaw l-imsemmija deċiżjoni. Barra minn hekk, din il-qorti enfasizzat li risposta għal din id-domanda tippermettilha li “tiddeċiedi mingħajr ekwivoku u b’mod ċar dwar […] ir-raġuni preċiża ta’ detenzjoni [ta’ MA] jew dwar l-adozzjoni ta’ miżura differenti mid-detenzjoni”.

50.      Fit-tieni lok, il-Gvern Litwan implika li fi kwalunkwe każ, ma għandhiex tingħata risposta għad-domandi preliminari. Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel domanda, dan il-gvern indika, waqt is-seduta, li fit‑18 ta’ Marzu 2022, id-Dipartiment tal-Migrazzjoni kien irreġistra l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ MA, li attwalment qed jeżamina l-fondatezza tagħha. Fir-rigward tat-tieni domanda, l-imsemmi gvern enfasizza li bħalissa MA ma għadux detenut, peress li d-detenzjoni ordnata mill-qorti tal-ewwel istanza fl‑20 ta’ Novembru 2021 kienet issostitwita, fit‑2 ta’ Frar 2022, b’miżura “differenti mid-detenzjoni”, imġedda sal‑11 ta’ Mejju 2022 (17).

51.      Fil-fehma tiegħi, għad hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula.

52.      F’dan ir-rigward, skont kif fhimt id-deċiżjoni tar-rinviju, sabiex tiddeċiedi dwar il-miżura ta’ detenzjoni imposta fuq MA, il-qorti nazzjonali ser ikollha, b’mod partikolari, tmur lura għad-data li fiha ġiet ordnata din il-miżura. Għaldaqstant, minn naħa, anki jekk jiġi preżunt li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata kienet finalment irreġistrata fit‑18 ta’ Marzu 2022 – informazzjoni li, mill-bqija, il-qorti tar-rinviju ma kkonfermatx – il-kawża prinċipali żżomm l-għan tagħha, u l-ewwel domanda tibqa’ rilevanti għas-soluzzjoni tagħha. Fil-fatt, tibqa’ l-kwistjoni dwar jekk MA kellux jitqies li jaqa’ taħt regoli applikabbli għall-applikanti għall-ażil, inkluż dawk fil-qasam ta’ detenzjoni, sa mill‑20 ta’ Novembru 2021, data li fiha ġiet ordnata l-miżura kkontestata u meta, barra minn hekk, il-persuna kkonċernata weriet, għall-ewwel darba, ir-rieda tagħha li tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali (18).

53.      Min-naħa l-oħra, għall-istess raġuni, il-fatt li l-miżura ta’ detenzjoni inizjalment imposta fuq MA kienet, sussegwentement, issostitwita minn miżura “differenti mid-detenzjoni”, ma jpoġġix indiskussjoni r-rilevanza tat-tieni domanda. Barra minn hekk, il-fatt li l-ewwel miżura kienet imħassra sussegwentement ma jneħħix l-effetti tagħha diġà mwettqa. MA kien imċaħħad mil-libertà tiegħu tal-inqas mill‑20 ta’ Novembru 2021 sat‑2 ta’ Frar 2022. Għalhekk, huwa għad fadallu interess li l-eventwali illegalità ta’ din il-miżura tiġi kkonstatata ġudizzjarjament. Tali konstatazzjoni tista’ sservih ta’ bażi għal talba għall-kumpens futura (19).

B.      Fuq laċċess għal proċedura ta’ għoti talprotezzjoni internazzjonali, skont idDirettiva dwar il“proċeduri” (lewwel parti talewwel domanda)

54.      Kif indikajt, l-Artikolu 14012 tal-Liġi dwar il-Barranin jipprovdi modalitajiet “eċċezzjonali” għall-introduzzjoni ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-Litwanja, implimentati sabiex jindirizzaw il-“fluss massiv” preċedentement imsemmi. Jidhirli li f’dan l-istadju tal-analiżi tiegħi, huwa opportun li jingħataw id-dettalji tal-funzjonament u tal-implikazzjonijiet tiegħu.

55.      Skont din id-dispożizzjoni, ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jissottometti tali applikazzjoni biss (1) fil-postijiet ta’ kontroll fil-fruntieri jew fiż-żoni ta’ tranżitu, quddiem il-VSAT, jew (2) fit-territorju tar-Repubblika tal-Litwanja, jekk ikun daħal fih legalment, quddiem id-Dipartiment tal-Migrazzjoni, jew anki (3) f’pajjiż barrani, quddiem rappreżentazzjonijiet diplomatiċi u konsulari ta’ dan l-Istat.

56.      Tali applikazzjoni titqies, fid-dritt Litwan, bħala validament sottomessa biss meta dan isir skont il-modalitajiet previsti f’din id-dispożizzjoni (20). Jekk ikun il-każ, iċ-ċittadin ikkonċernat jitqies għalhekk bħala applikant għall-ażil – skont id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett li tinsab fl-Artikolu 2(20) tal-Liġi dwar il-Barranin (21) – u jgawdi d-drittijiet u l-garanziji marbuta ma’ dan l-istatus (22).

57.      B’mod kuntrarju, meta ċittadin ta’ pajjiż terz ma josservax il-modalitajiet inkwistjoni, l-applikazzjoni tiegħu ma tiġix, skont l-Artikolu 14012(2) tal-Liġi dwar il-Barranin, aċċettata għall-eżami, u ħlief fil-każ ta’ eċċezzjoni (23), tintbagħat lura lill-persuna kkonċernata (24).

58.      Minn dak li ntqal jirriżulta li, fil-prattika, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-dħul fiż-żona Schengen ma jistgħux japplikaw b’mod validu għall-ażil fil-Litwanja ħlief minn pajjiż barrani jew fil-fruntiera ta’ dan l-Istat. Dawn iċ-ċittadini ma jistgħux, ħlief b’eċċezzjoni, japplikaw ġewwa t-territorju Litwan wara li jkunu daħlu fih illegalment. Bħala prinċipju, meta jipprovaw jagħmlu dan, l-applikazzjoni tagħhom ma tittiħidx inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali, u għalhekk, ma jitqisux bħala applikanti għall-ażil.

59.      F’dan il-każ, jidher li MA prova erba’ darbiet jitlob protezzjoni internazzjonali fit-territorju Litwan wara li daħal fih illegalment (25). Tal-inqas waħda mill-applikazzjonijiet bil-miktub tiegħu ntbagħtet lill-awtorità Litwana kompetenti, jiġifieri lid-Dipartiment tal-Migrazzjoni, li rrifjuta li jaċċetta din l-applikazzjoni għall-eżami għar-raġuni li ma kinitx ġiet ippreżentata konformement mal-modalitajiet previsti fl-Artikolu 14012(1) tal-Liġi dwar il-Barranin (26). Skont il-qorti tar-rinviju, b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(20) ta’ din il-liġi, MA ma għandux għalhekk jitqies bħala applikant għall-ażil (27).

60.      Bħal MA u l-Kummissjoni, inqis li tali modalitajiet ta’ aċċess għall-proċedura tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, u l-implikazzjonijiet li jirriżultaw minnhom, ma humiex kompatibbli mar-regoli tad-Direttiva dwar il-“proċeduri”.

61.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (28) għandha, skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tagħha, id-dritt li titlob il-benefiċċju ta’ protezzjoni internazzjonali fit-territorju ta’ Stat Membru. Dan hija konkretizzazzjoni tad-dritt għall-ażil mogħti fl-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (29).

62.      Skont din l-istess ġurisprudenza, tali ċittadin jista’, skont id-dispożizzjonijiet fuq imsemmija, jeżerċita d-dritt tiegħu li jitlob l-ażil mhux biss fil-fruntieri jew fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Stat Membru, iżda wkoll fit-territorju ta’ dan l-Istat, u dan anki jekk ikun jirrisjedi fih irregolarment (30). L-istess japplika, b’analoġija, meta dan iċ-ċittadin ikun daħal f’dan it-territorju illegalment.

63.      Il-qari ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva dwar il-“proċeduri” jikkonferma din l-interpretazzjoni. Minn naħa, il-fatt li ċittadin ta’ pajjiż terz, ikun daħal jew estenda r-residenza tiegħu illegalment fit-territorju tal-Istat Membru ta’ akkoljenza ma jinsabx fost ir-raġunijiet ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għall-ażil elenkati, b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 33(2) ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 31(8)(h) tal-imsemmija direttiva jawtorizza, kif ser nippreċiża sussegwentement (31), lill-awtoritajiet nazzjonali, f’ċerti każijiet (32), jeżaminaw applikazzjoni sottomessa f’tali ċirkustanzi b’mod mgħaġġel u skont proċedura speċifika – li jimplika neċessarjament li għandhom, qabel kollox, jaċċettawha għall-eżami.

64.      Fit-tieni lok, infakkar li sabiex fil-prattika, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt li jitolbu l-ażil li huwa hekk iggarantit lilhom, l-Istati Membri għandhom joffrulhom aċċess effettiv, faċli u rapidu għal proċedura ta’ għoti ta’ din il-protezzjoni fit-territorju tagħhom.

65.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jiddistingwi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu, minn naħa, meta “ssir” applikazzjoni għall-ażil minn ċittadin ta’ pajjiż terz u, min-naħa l-oħra, il-“preżentazzjoni” tagħha. Hawnhekk il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jissepara b’mod ċar żewġ stadji, jiġifieri, qabel kollox, il-manifestazzjoni informali, minn tali ċittadin, tar-rieda tiegħu li jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali, u sussegwentement, is-sottomissjoni formali ta’ applikazzjoni għal dan il-għan.

66.      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel stadju, mill-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jirriżulta li ċittadin ta’ pajjiż terz “[j]agħmel” applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali meta juri, b’xi mod, ix-xewqa tiegħu li jibbenefika minn din il-protezzjoni quddiem l-“awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn” jew kwalunkwe “awtorit[à] oħra” li magħha jista’ jiġi f’kuntatt matul il-vjaġġ tiegħu, bħal “pulizija, gwardji tal-fruntiera, awtoritajiet tal-immigrazzjoni u persunal tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni” (33).

67.      Fuq dan il-punt nenfasizza li, skont l-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ċittadin ta’ pajjiż terz li jidħol u/jew jirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, bħal MA, jista’ fil-fatt “jagħmel” applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali waqt li jkun f’detenzjoni, jekk ikun il-każ fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija skont id-Direttiva dwar ir-“ritorn” (34). Kif indikajt fil-punt preċedenti, din id-dispożizzjoni tinkludi preċiżament lill-“persunal tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni” fost l-“awtoritajiet l-oħra” li quddiemhom tali ċittadin jista’ juri b’mod validu r-rieda tiegħu li jibbenefika minn tali protezzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ “jagħmel” applikazzjoni għall-ażil quddiem il-qorti mitluba tiddeċiedi dwar il-legalità tad-detenzjoni tiegħu, li għandha titqies ukoll bħala tali “awtorità oħra” (35).

68.      Għalhekk, meta ċittadin ta’ pajjiż terz ikun wera, bħal MA, ir-rieda tiegħu li jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali quddiem “awtoritajiet” bħall-VSAT u l-qorti tal-ewwel istanza, dawn ma jistgħux jagħżlu li jinjoraw dan il-fatt għar-raġuni li l-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali għall-preżentazzjoni – jiġifieri, infakkar, is-sottomissjoni formali – ta’ applikazzjoni għall-ażil ma jkunux ġew osservati. Għall-kuntrarju, minn dan għandhom jisiltu ċerti konsegwenzi.

69.      Qabel kollox, mill-mument li fih dan iċ-ċittadin “għamel” l-applikazzjoni tiegħu, huwa għandu jitqies, mill-awtoritajiet nazzjonali, bħala “applikant”, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva dwar il-“proċeduri” kif ukoll tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva dwar l-“akkoljenza” (36), u jibbenefika mid-drittijiet u mill-garanziji marbuta ma’ dan l-istatus, kif previsti f’dawn id-direttivi (37). B’mod partikolari, sakemm tingħata deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni fl-ewwel istanza, l-imsemmi ċittadin, minkejja li jkun daħal jew estenda r-residenza tiegħu illegalment fit-territorju tal-Istat Membru ta’ akkoljenza, ma għandux jitqies bħala li jinsab f’sitwazzjoni irregolari f’dan it-territorju, u għalhekk, bħala li jaqa’ taħt ir-regoli applikabbli għall-migranti illegali, fosthom id-Direttiva dwar ir-“ritorn”. Fil-fatt, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-“proċeduri” jagħtih id-dritt li jibqa’ f’dan l-Istat matul dan il-perijodu (38). Barra minn hekk, it-tqegħid – jew jekk ikun il-każ, iż-żamma tiegħu – f’detenzjoni għandhom ikunu konformi mar-regoli previsti, fil-qasam, fid-Direttivi dwar il-“proċeduri” u l-“akkoljenza”.

70.      Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li donnu jipprovdi, f’dan il-każ, l-Artikolu 2(20) tal-Liġi dwar il-Barranin, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jadottaw approċċ formalistiku għall-imsemmi status u jillimitaw il-benefiċċju tad-drittijiet u tal-garanziji assoċjati mal-persuni li jkunu ssottomettew applikazzjoni skont il-modalitajiet previsti fid-dritt nazzjonali – inkella, dawn l-istess drittijiet u garanziji jkunu mċaħħda minn parti sostanzjali tal-effett utli tagħhom.

71.      Sussegwentement, sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jibbenefika effettivament mill-garanziji u mid-drittijiet previsti fid-Direttivi dwar il-“proċeduri” u l-“akkoljenza”, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jirreġistraw, fi żmien qasir stabbilit fl-Artikolu 6(1) (39) tal-ewwel direttiva, lil dan iċ-ċittadin bħala “applikant” fid-databases rilevanti (40).

72.      Fl-aħħar nett, tali ċittadin għandu jibbenefika, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-“proċeduri”, minn possibbiltà konkreta li “jippreżenta” l-applikazzjoni tiegħu – jiġifieri, kif indikajt fil-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jissottomettiha formalment – malajr kemm jista’ jkun.

73.      Għal dak li jirrigwarda dan it-tieni stadju, li jimmarka t-tmiem tal-fażi ta’ aċċess għall-proċedura tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, u l-ftuħ tal-fażi ta’ eżami proprju tal-applikazzjoni (41), mill-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva jirriżulta li huwa neċessarju, bħala prinċipju, min-naħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, li jimla formola prevista għal dan il-għan. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li din il-formola tiġi sottomessa personalment u/jew f’post magħżul.

74.      Kif isostni l-Gvern Litwan, bħala prinċipju, il-Litwanja tista’ għalhekk timplimenta dispożizzjoni, fid-dritt nazzjonali tagħha, bħall-Artikolu 14012(1) tal-Liġi dwar il-Barranin, li teħtieġ li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jippreżentaw l-applikazzjonijiet għall-ażil tagħhom f’postijiet partikolari u quddiem awtoritajiet indikati.

75.      Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jeżerċitaw il-fakultà mogħtija mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-“proċeduri” b’mod li jipprekludu, fil-prattika, lil dawn iċ-ċittadini, jew anki lil uħud minnhom biss, milli jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom “malajr kemm jista’ jkun” – jew, a fortiori, b’mod li jipprekluduhom kompletament milli jagħmlu dan. Fin-nuqqas, l-għan ta’ din id-direttiva li tiżgura aċċess effettiv, faċli u rapidu għall-proċedura tal-għoti ta’ din il-protezzjoni jitpoġġa indiskussjoni, u l-effett utli tad-dritt li wieħed jitlob l-ażil, li l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jagħti lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz, ikun ippreġudikat b’mod serju (42).

76.      Issa, kif jargumentaw MA u l-Kummissjoni, l-Artikolu 14012(1) tal-Liġi dwar il-Barranin jidher problematiku f’dan ir-rigward. Fil-fatt, skont l-interpretazzjoni li tat il-qorti tar-rinviju, ċittadin bħal MA, li daħal illegalment fit-territorju Litwan u li jinsab f’detenzjoni fih, ma għandux possibbiltà konkreta li jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu skont il-modalitajiet previsti f’din id-dispożizzjoni: minn naħa, ma huwiex, bħala prinċipju, awtorizzat jagħmel dan fit-territorju Litwan; min-naħa l-oħra, lanqas jista’ jmur, sabiex jagħmel dan, fil-fruntiera ta’ dan l-Istat, f’żona ta’ tranżitu jew f’ambaxxata jew konsulat tal-imsemmi Stat f’pajjiż barrani.

77.      Dwar dan il-punt, nenfasizza, minbarra dak diġà indikat fil-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li t-tqegħid ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali f’detenzjoni, preżunt li jkun konformi mar-regoli previsti fid-Direttivi dwar il-“proċeduri” u l-“akkoljenza”, ma jistax, skont l-Artikolu 6(2) tal-ewwel direttiva, jostakola l-possibbiltà għall-persuna kkonċernata, li tippreżenta l-applikazzjoni tagħha u, għalhekk, li teżerċita d-dritt tagħha li titlob l-ażil (43). Għall-kuntrarju, din id-direttiva tipprovdi garanziji differenti intiżi sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għall-proċedura tal-għoti ta’ din il-protezzjoni fiċ-ċentri ta’ detenzjoni (44). Kif argumentat il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-modalitajiet li l-Istati Membri jagħżlu li jistabbilixxu għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, b’applikazzjoni tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, għandhom jippermettu lil applikant f’tali sitwazzjoni li jagħmel dan.

78.      Għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mill-Gvern Litwan, is-setgħa diskrezzjonali li l-Artikolu 14012(2) tal-Liġi dwar il-Barranin jagħti lill-VSAT, li jaċċetta, bħala eċċezzjoni, l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li daħal illegalment fit-territorju tal-Litwanja, fid-dawl tal-vulnerabbiltà tiegħu jew ta’ ċirkustanzi individwali oħra, inkluż meta jkun f’detenzjoni f’wieħed miċ-ċentri tiegħu, ma hijiex suffiċjenti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-“proċeduri”, iċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi f’tali sitwazzjoni – u mhux biss uħud minnhom – għandhom ikunu jistgħu jitolbu tali protezzjoni, u għal dan il-għan, jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom malajr kemm jista’ jkun (45).

79.      Fl-aħħar lok, nippreċiża li d-Direttiva dwar il-“proċeduri” ma tawtorizzax lil Stat Membru li, għar-raġuni li huwa qed jaffaċċja, bħar-Repubblika tal-Litwanja, “fluss massiv” ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri tiegħu, jidderoga mill-obbligi li għadni kif nispjega.

80.      Fil-fatt, minkejja li din id-direttiva tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali li, f’tali ċirkustanzi, b’mod partikolari jestendu ż-żmien tar-reġistrazzjoni (46) u ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil (47), hija ma tawtorizzax lil dawn l-awtoritajiet iċaħħdu, fil-liġi jew fil-fatt, lil ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi minn aċċess effettiv għall-proċedura tal-għoti ta’ din il-protezzjoni.

81.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel parti tal-ewwel domanda fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali li ma tippermettix, ħlief b’eċċezzjoni, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jaċċedu għall-proċedura tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni meta jkunu daħlu fih illegalment, ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 6(1) u (2) u mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-“proċeduri”.

C.      Fuq irraġunijiet ta’ detenzjoni talapplikanti għallażil, kif previsti fidDirettiva dwar l“akkoljenza” (lewwel parti tattieni domanda)

82.      Mill-analiżi preċedenti jirriżulta li ċittadin ta’ pajjiż terz, bħal MA, għandu, sa mill-mument li fih “għamel” applikazzjoni għall-ażil quddiem awtorità bħall-VSAT jew il-qorti tal-ewwel istanza, u sakemm tingħata deċiżjoni definittiva dwar din l-applikazzjoni, jitqies bħala “applikant”, fis-sens tad-Direttivi dwar il-“proċeduri” u l-“akkoljenza”. B’mod partikolari, dan jimplika li ma jistax jitqiegħed jew jinżamm f’detenzjoni ħlief b’konformità mar-regoli previsti, fil-qasam, minn dawn id-direttivi.

83.      Issa ser tiġi eżaminata l-ewwel parti tat-tieni domanda u ser jiġi ddeterminat jekk dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 14017(2) tal-Liġi dwar il-Barranin, li jippermetti li applikant għall-ażil jitqiegħed f’detenzjoni għall-unika raġuni li qasam illegalment il-fruntiera nazzjonali, hijiex kompatibbli mal-imsemmija direttivi (Taqsima 2). Madankollu, qabel dan, fil-fehma tiegħi, għandha ssir kjarifika dwar il-kunċett ta’ “detenzjoni” (Taqsima 1).

1.      Fuq ilkunċett ta’ “detenzjoni”

84.      Fil-fehma tiegħi, il-qorti tar-rinviju għamlet it-tieni domanda tagħha sempliċement għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità u tal-fondatezza tal-miżura ta’ detenzjoni imposta fuq MA mill-qorti tal-ewwel istanza fid-deċiżjoni tagħha tal‑20 ta’ Novembru 2021.

85.      Għalhekk, MA sostna, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-miżura ta’ sostituzzjoni imposta fuqu mit‑2 ta’ Frar 2022, jiġifieri l-“akkomodazzjoni f’ċentru tal-VSAT […], b’restrizzjoni tal-libertà ta’ moviment tiegħu għat-territorju tal-post ta’ akkomodazzjoni”, minkejja li fid-dritt Litwan din titqies bħala alternattiva għad-detenzjoni (48), fir-realtà tikkostitwixxi detenzjoni de facto.

86.      Jekk dan huwa effettivament il-każ, din it-tieni miżura jkollha, fil-fehma tiegħi, tiġi evalwata wkoll fid-dawl tar-regoli fil-qasam tad-detenzjoni previsti fid-Direttivi dwar il-“proċeduri” u dwar l-“akkoljenza”. Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli jiddependi mhux fuq il-klassifikazzjoni mogħtija, fid-dritt nazzjonali, lil ċerta miżura, iżda mill-fatt jekk hijiex issodisfatta d-definizzjoni awtonoma ta’ “detenzjoni”, li tinsab fl-Artikolu 2(h) tat-tieni direttiva.

87.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fid-dawl ta’ din id-definizzjoni, li tikkostitwixxi tali “detenzjoni” kull miżura koerċittiva “li ċċaħħad [lill-]applikant mil-libertà ta’ moviment tiegħu u tiżolah mill-kumplament tal-popolazzjoni, billi timponi fuqu li jibqa’ b’mod permanenti f’perimetru ristrett u magħluq” (49). F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-miżura ta’ “akkomodazzjoni f’ċentru tal-VSAT […]” tissodisfax dawn il-kriterji.

88.      Madankollu, inqis li huwa utli li jingħataw kjarifiki li jistgħu jgħinuha f’dan ir-rigward. Essenzjalment, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija minn din il-qorti donnu jirriżulta li t-“territorju” li fih il-persuna kkonċernata tkun marbuta tibqa’ b’mod permanenti huwa limitat għall-perimetru taċ-ċentru ta’ akkomodazzjoni, li minnu ma għandhiex dritt toħroġ mingħajr awtorizzazzjoni – dak li mill-bqija ikkonferma l-Gvern Litwan waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, dan il-perimetru jidher “ristrett u magħluq”. Barra minn hekk, MA jidher “iżolat mill-bqija tal-popolazzjoni”, peress li għandu possibbiltà limitata ħafna li jżomm kuntatt mad-dinja esterna. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għall-verifika mill-imsemmija qorti, il-miżura inkwistjoni donna ċċaħħad lil dan tal-aħħar mil-libertà ta’ moviment tiegħu u għalhekk, tikkostitwixxi “detenzjoni” fis-sens tad-Direttivi dwar il-“proċeduri” u dwar l-“akkoljenza” (50).

2.      Fuq illegalità talmiżura/miżuri ta’ detenzjoni inkwistjoni

89.      Wara li saret din il-kjarifika, għandu jitfakkar li d-Direttivi dwar il-“proċeduri” u dwar l-“akkoljenza” jillimitaw il-possibbiltà, tal-awtoritajiet nazzjonali, li jqiegħdu lil applikant għall-ażil f’detenzjoni. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 26(1) tal-ewwel direttiva jirriżulta li r-raġunijiet u l-kundizzjonijiet ta’ tali miżura għandhom ikunu konformi, b’mod partikolari, mal-Artikolu 8 tat-tieni.

90.      Dan l-Artikolu 8 jenfasizza, fil-paragrafu 2 tiegħu, li d-detenzjoni ta’ applikanti għall-ażil għandha tikkostitwixxi mhux ir-regola, iżda eċċezzjoni. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, tali applikant ma jistax jitqiegħed f’detenzjoni ħlief meta, wara evalwazzjoni każ b’każ, dan jirriżulta neċessarju u jekk miżuri oħra inqas koerċittivi ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv. Barra minn hekk, l-imsemmi artikolu jelenka, fil-paragrafu 3 tiegħu, b’mod eżawrjenti (51), ir-raġunijiet differenti li jistgħu jiġġustifikaw miżura simili.

91.      Madankollu, ir-raġuni ta’ tqegħid f’detenzjoni prevista fl-Artikolu 14017(2) tal-Liġi dwar il-Barranin, jiġifieri l-qsim illegali tal-fruntiera, sempliċement ma tinstabx, bħala tali, fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar l-“akkoljenza”. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Litwan, din ir-raġuni lanqas hija konformi, essenzjalment, ma’ waħda minn dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni.

92.      F’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, dan il-gvern argumenta, essenzjalment, li r-raġuni prevista fl-Artikolu 14017(2) tal-Liġi dwar il-Barranin hija konformi ma’ dik li tinsab fl-Artikolu 8(3)(e) tad-Direttiva dwar l-“akkoljenza”. Infakkar li skont dan il-punt, applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ jitqiegħed f’detenzjoni “meta l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubblika jeħtieġu hekk”. Issa, il-possibbiltà li applikant jitqiegħed f’detenzjoni meta jaqsam illegalment il-fruntiera nazzjonali tissodisfa, skont l-imsemmi gvern, ir-rekwiżiti tas-sigurtà nazzjonali. Fil-fatt, din hija waħda mill-miżuri meħuda mir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tipproteġi l-fruntiera li taqsam mal-Bjelorussja u, b’mod iktar preċiż, sabiex twaqqaf il-qsim illegali tagħha mill-migranti, fil-kuntest ta’ “fluss massiv” li dan l-Istat Membru qed jaffaċċja attwalment, u għalhekk, sabiex tiżgura s-sigurtà interna fit-territorju tagħha u fiż-żona Schengen kollha.

93.      Fil-fehma tiegħi, il-fatt li persuna tagħmel parti minn fluss ta’ migranti li Stat Membru jfittex li jrażżan sabiex jiżgura s-sigurtà interna – mifhum f’sens wiesa’ ta’ “pulizija” – fit-territorju tiegħu (52) ma jistax jiġġustifika t-tqegħid tagħha f’detenzjoni abbażi tar-raġuni prevista fl-Artikolu 8(3)(e) tad-Direttiva dwar l-“akkoljenza”.

94.      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, theddida għas-“sigurtà nazzjonali” jew għall-“ordni pubbliku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jiġġustifika, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ neċessità, id-detenzjoni ta’ applikant abbażi tagħha biss bil-kundizzjoni li “l-aġir individwali tiegħu jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà jew is-sigurtà interna […] tal-Istat Membru kkonċernat” – pereżempju, għaliex din il-persuna tkun kriminal perikoluż. F’dan il-każ, id-detenzjoni tal-applikant “tipproteġi lill-pubbliku mill-periklu li jista’ jikkostitwixxi l-aġir [tiegħu]” (53).

95.      Għalhekk, id-detenzjoni skont dan l-istess Artikolu 8(3)(e) timplika evalwazzjoni tal-periklu tal-persuna kkonċernata, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra minbarra l-eventwali qsim illegali tal-fruntiera – peress li tali ksur ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jikkaratterizza theddida bħal dik prevista fil-punt preċedenti (54). F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet nazzjonali lanqas jistgħu jippreżupponu li kull individwu li jidħol illegalment fit-territorju huwa perikoluż. (55). Għall-kuntrarju, qabel l-adozzjoni ta’ tali miżura fir-rigward ta’ applikant, għandu jkollhom elementi konkordanti, oġġettivi u preċiżi li jistabbilixxu dan il-periklu (56).

96.      Mill-bqija, il-Gvern Litwan ammetta, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li dan l-Artikolu 8(3)(e) jkopri biss il-każ partikolari li għadni kif iddeskrivejt u li l-Artikolu 14017(2) tal-Liġi dwar il-Barranin, fir-realtà, imur lil hinn minn dak li tippermetti din id-dispożizzjoni (57) – jew id-Direttiva dwar l-“akkoljenza” b’mod ġenerali. Min-naħa l-oħra, f’din l-okkażjoni, huwa pprova jiġġustifika din l-estensjoni bil-fatt li possibbiltà ta’ detenzjoni limitata biss għal dan il-każ ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi indirizzat b’mod effettiv il-“fluss massiv” li huwa qed jaffaċċja. Ser nindirizza dan l-aspett fit-taqsima D ta’ dawn il-konklużjonijiet.

3.      Konklużjoni intermedjarja

97.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel parti tat-tieni domanda fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti d-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali għall-unika raġuni li huwa qasam illegalment il-fruntiera tal-Istat Membru kkonċernat ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar l-“akkoljenza”.

D.      Fuq ilpossibbiltà ta’ deroga midDirettiva dwar il“proċeduri” u dwar l“akkoljenza” (ittieni parti tażżewġ domandi)

98.      Fit-taqsimiet preċedenti esponejt ir-raġunijiet għalfejn, fil-fehma tiegħi, dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 14012 u l-Artikolu 14017(2) tal-Liġi dwar il-Barranin ma humiex kompatibbli mad-Direttivi dwar il-“proċeduri” u dwar l-“akkoljenza”. Għalhekk, għad trid tiġi eżaminata t-tieni parti tad-domandi preliminari, dwar jekk Stat Membru għandux ikun awtorizzat jidderoga minn dawn id-direttivi, billi jimplimenta dispożizzjonijiet simili, għall-finijiet tas-salvagwardja tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà interna f’ “ċirkustanzi eċċezzjonali” bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

99.      Ser nibda billi nfakkar il-kuntest li taqa’ fih din il-kawża (Taqsima 1), qabel ma nittratta l-kwistjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li teoretikament jistgħu jawtorizzaw lil Stat Membru jidderoga mid-dritt tal-Unjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà interna (Taqsima 2), u mbagħad il-kundizzjonijiet li jillimitaw tali possibbiltà ta’ deroga (Taqsima 3).

1.      Fuq iċ“ċirkustanza eċċezzjonali” inkwistjoni

100. Kif indikajt fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Istati għandhom, fl-ordinament legali internazzjonali, id-“dritt inaljenabbli” li jikkontrollaw b’mod sovran id-dħul u r-residenza ta’ barranin fit-territorju tagħhom (58). Barra minn hekk, l-Istati Membri li l-fruntieri tagħhom jikkoinċidu, parzjalment, mal-fruntieri esterni taż-żona Schengen, bħal-Litwanja, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, obbligi f’dan ir-rigward. Dawn l-Istati għandhom, skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, “jipproteġu” l-fruntieri inkwistjoni. Għandhom jeżerċitaw kontrolli u jissorveljaw dawn l-istess fruntieri (59) u jieħdu miżuri oħra intiżi għall-ġlieda kontra l-qsim irregolari tagħhom (60).

101. Kif tindika l-premessa 6 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-kontroll fil-fruntieri esterni ta’ din iż-żona jeżisti fl-interess tal-Istati Membri kollha li neħħew il-kontrolli mill-fruntieri interni tagħhom. Dan jikkontribwixxi b’mod partikolari għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali kif ukoll għall-prevenzjoni ta’ kull theddida oħra għas-sigurtà interna u l-ordni pubbliku fl-imsemmija żona.

102. Fil-fehma tiegħi, minn dan jirriżulta li l-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni mill-Istati Membri kkonċernati taqa’ taħt ir-responsabbiltajiet li għandhom li jżommu l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna mhux biss fit-territorju tagħhom, iżda wkoll fiż-żona Schengen kollha.

103. F’din il-perspettiva, kif argumenta l-Gvern Litwan quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-“fluss massiv” ta’ migranti li taffaċċja l-Litwanja fil-fruntiera tagħha mal-Bjelorussja jikkostitwixxi mingħajr dubju sitwazzjoni kritika. Dan il-“fluss” wassal għal żieda drastika ta’ każijiet ta’ qsim illegali tal-fruntiera Litwana (61). Il-kuntest ġeopolitiku li taqa’ fiha din is-sitwazzjoni ma għandux jintesa. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni (62), ikkonstataw li dan il-“fluss massiv” kien orkestrat mill-Gvern Bjelorussu. Dan wassal ċittadini ta’ pajjiżi terzi bl-ajru mill-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom, li mbagħad ħalla fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri. Dawn l-istituzzjonijiet differenti kklassifikaw l-aġir inkwistjoni bħala “strumentalizzazzjoni ta’ migranti għall-finijiet politiċi”, jew forma ta’ “attakk ibridu” intiż sabiex jiddestabilizza lill-Istati Membri direttament ikkonċernati u lill-Unjoni kollha.

104. Mhux ser inkun jien li nevalwa mill-ġdid dawn l-evalwazzjonijiet ta’ natura politika. Ser nosserva sempliċement li l-Litwanja setgħet leġittimament tqis li kienet qed taffaċċja theddida “eċċezzjonali” għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà interna fit-territorju tagħha u fiż-żona Schengen kollha.

105. Għalhekk, l-awtoritajiet Litwani setgħu jqisu li kien neċessarju li jsaħħu l-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, permezz ta’ miżuri straordinarji u provviżorji intiżi sabiex irażżnu dawn il-flussi migratorji “massivi” (63).

106. Wara kollox, dawn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni donnhom jaqblu mal-evalwazzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet dwar in-neċessità ta’ tali miżuri straordinarji u temporanji. Fil-fatt, fl‑1 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni ppreżentat, abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar miżuri proviżorji ta’ emerġenza favur il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja (64), miżuri meqjusa “neċessarji” sabiex jilqgħu għal “theddida reali […] għas-sigurtà tal-Unjoni” li tikkostitwixxi “attakk ibridu” subit b’mod partikolari mil-Litwanja (65), u li ser nirritorna fuqha. Barra minn hekk, fl‑14 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill intiż sabiex jittratta s-sitwazzjonijiet ta’ strumentalizzazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil (66), li jistituzzjonalizza l-parti l-kbira tal-miżuri li jinsabu fil-proposta preċedenti (67). Madankollu, dawn il-proposti leġiżlattivi għadhom ma ġewx adottati.

2.      Fuq iddispożizzjonijiet li jippermettu deroga middritt talUnjoni, għal raġunijiet talordni pubbliku u tassigurtà interna

107. F’dan il-kuntest, meta Stat Membru jadotta għalhekk miżuri straordinarji u temporanji bil-għan leġittimu li jissalvagwardja l-ordni pubbliku u s-sigurtà interna f’ “ċirkustanzi eċċezzjonali”, dawn il-miżuri ma jaħarbux minn kull kuntest legali. Meta dawn jaffettwaw l-applikazzjoni normali tad-dritt tal-Unjoni, tali miżuri ma jkunux kompatibbli ma’ dan id-dritt ħlief sa fejn jawtorizza tali deroga (68).

108. F’dan ir-rigward, it-Trattat FUE jipprovdi, fl-Artikoli 36, 45, 52, 65, 72, 346 u 347 tiegħu, derogi espressi applikabbli f’każ ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jpoġġu indiskussjoni l-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna, inkluż f’każ ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali”.

109. B’mod kurjuż, f’din il-kawża, il-Gvern Litwan ma rrefera għal ebda wieħed minn dawn l-artikoli sabiex isostni l-pożizzjoni tiegħu. Għalhekk, fid-dawl tal-kontenut tal-argumenti mressqa minn dan il-gvern, u meqjusa d-diskussjonijiet li nżammu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu eżaminati żewġ derogi.

110. Fl-ewwel lok, ser ninvoka fil-qosor l-Artikolu 347 TFUE, dwar il-miżuri li Stat Membru jista’ jkollu jieħu b’mod partikolari f’każ ta’ “disturb serju intern li jolqot l-ordni pubbliku” u f’każ ta’ “gwerra jew tensjoni internazzjonali serja li tikkostitwixxi theddida ta’ gwerra”.

111. Sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha qatt ma ddeċidiet dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din il-“klawżola ta’ salvagwardja”. Hija ppreċiżat biss li din id-deroga tirrigwarda sitwazzjonijiet “pjuttost eċċezzjonali” (69). Madankollu, avukati ġenerali differenti daħlu f’iktar dettall dwar l-isfumaturi tagħha.

112. Mill-analiżi tagħhom jirriżulta li l-Artikolu 347, imqiegħed fl-aħħar tat-Trattat FUE, jippermetti, fit-teorija, deroga mir-regoli kollha ta’ dan it-trattat u minn dawk adottati abbażi tiegħu (70). Kif sostna l-Gvern Litwan waqt is-seduta – nirrepeti, mingħajr madankollu ma għamel referenza espressa għal dan l-artikolu –, fil-każijiet previsti minn dan l-artikolu, Stat Membru jista’ għalhekk, teoretikament, jinjora, fuq din il-bażi, u sa ċertu punt, id-Direttivi dwar il-“proċeduri” u dwar l-“akkoljenza” (71).

113. Għalhekk, iċ-ċirkustanzi estremi msemmija fl-Artikolu 347 TFUE ma humiex inkwistjoni f’dan il-każ. B’mod partikolari, mingħajr ma rrid innaqqas il-gravità tas-sitwazzjoni li qed taffaċċja l-Litwanja fil-fruntiera tagħha, tali sitwazzjoni ma taqax, fil-fehma tiegħi, taħt “disturb serju intern li jolqot l-ordni pubbliku” msemmi f’dan l-artikolu. Il-fatt li dan l-Istat Membru ddikjara l-istat ta’ emerġenza fuq parti mit-territorju tiegħu ma huwiex, fih innifsu, deċiżiv f’dan ir-rigward – inkella l-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu tvarja skont il-kundizzjonijiet previsti fid-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru għall-implimentazzjoni ta’ tali sistema. Fil-fehma tiegħi, peress li kull deroga għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (72), u peress li l-Artikolu 347 TFUE jqiegħed fuq l-istess livell il-każ ta’ “disturbi interni” u l-gwerra, iċ-ċirkustanzi inkwistjoni għandhom jippreżentaw livell simili ta’ gravità, jiġifieri, jikkostitwixxu kriżijiet reali, qrib kollass sħiħ tas-sigurtà interna, u li s-sorveljanza tagħhom tpoġġi f’periklu serju l-eżistenza stess tal-Istat (73).

114. Fit-tieni lok, ser ngħaddi għall-Artikolu 72 TFUE, li jidher iktar rilevanti. Skont dan l-artikolu, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ sigurtà, libertà u ġustizzja, “m’għandux jolqot l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri rigward iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna”. F’dan il-każ, id-Direttivi dwar il-“proċeduri” u dwar l-“akkoljenza” jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, peress li ġew adottati abbażi tal-Artikolu 78 TFUE li jaqa’ taħt dan it-Titolu V.

115. Din id-darba, dwar dan l-Artikolu 72, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’diversi sentenzi. Hija stabbilixxiet il-prinċipju li jgħid li l-imsemmi artikolu jikkostitwixxi deroga li tista’ tippermetti lil Stat Membru jeskludi, f’ċerti ċirkustanzi, obbligi imposti fuqu minn tali direttivi – filwaqt li sal-lum ċaħdet, sistematikament, l-eċċezzjonijiet tad-difiża mressqa mill-Istati Membri f’dan is-sens, minħabba nuqqas ta’ dawn tal-aħħar li jkunu ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa fil-qasam. Ser nindirizza dawn il-kundizzjonijiet fit-taqsima segwenti.

3.      Fuq ilkundizzjonijiet li lIstati Membri għandhom josservaw sabiex tali deroga tkun kompatibbli malArtikolu 72 TFUE

116. Peress li l-Artikolu 72 TFUE għandu jkun is-suġġett, bħal kull deroga, ta’ interpretazzjoni stretta, il-Qorti tal-Ġustizzja rrepetiet diversi drabi li dan ma jagħtix lill-Istati Membri s-setgħa li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni permezz tas-sempliċi invokazzjoni tar-responsabbiltajiet tagħhom għaż-żamma tal-ordni pubbliku u għas-salvagwardja tas-sigurtà interna (74). Għall-kuntrarju, għandhom jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet.

117. Qabel kollox, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 72 TFUE li għandu jipprova l-ħtieġa li jirrikorri għad-deroga prevista f’dan l-artikolu għall-finijiet tal-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet inkwistjoni (75).

118. Imbagħad, ma’ dan ir-rekwiżit ta’ neċessità tiżdied, fil-fehma tiegħi, kundizzjoni ta’ proporzjonalità stricto sensu. Fil-fatt, il-miżuri nazzjonali kontenzjużi, anki jekk ikunu meħtieġa, ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, ikunu ġġustifikati skont l-Artikolu 72 TFUE jekk l-inkonvenjenti li jikkawżaw kienu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (76). F’dan il-kuntest, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-effett tal-miżuri msemmija fuq id-drittijiet fundamentali li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza, b’mod partikolari dawk previsti mill-Karta (77).

119. Fl-aħħar nett, dawn il-kundizzjonijiet materjali huma, fil-fehma tiegħi, ikkompletati minn kundizzjoni proċedurali. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, Stat Membru ma jistax jadotta unilateralment miżuri derogatorji, eċċezzjonali u temporanji, mingħajr ma jikkonsulta debitament, minn qabel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll lill-Istati Membri l-oħra, u jfittex soluzzjoni komuni għall-problema (78). Jekk ikun il-każ, jekk, u sa mill-mument li fih, l-Unjoni tadotta hija stess tali miżuri komuni, abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, fil-fehma tiegħi, kull possibbiltà ta’ deroga fir-rigward tal-Artikolu 72 TFUE tkun, minħabba f’hekk, eskluża.

120. F’dan il-każ, jidhirli li r-Repubblika tal-Litwanja ssodisfat din il-kundizzjoni proċedurali (79), u sa issa tali miżuri komuni ma ġewx adottati. Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 14012 u l-Artikolu 14017(2) tal-Liġi dwar il-Barranin ma jissodisfaw ebda waħda miż-żewġ kundizzjonijiet materjali elenkati iktar ’il fuq, kif ser nispjega fit-taqsimiet segwenti.

a)      Fuq irrekwiżit ta’ neċessità

121. Sabiex jiġi evalwat jekk huwiex neċessarju, għal Stat Membru, li jidderoga minn strument tad-dritt tal-Unjoni sabiex jeżerċita r-responsabbiltajiet tiegħu fil-qasam tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà interna f’każ partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss għandha tiffoka fuq iċ-“ċirkustanzi eċċezzjonali” inkwistjoni, iżda għandha tivverifika wkoll jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni pprevediex, fl-istrument inkwistjoni, mekkaniżmi li jippermettu lill-Istati Membri jindirizzawhom b’mod effikaċi (80).

122. Sabiex jiġi ssodisfat dan ir-rekwiżit ta’ neċessità, l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 72 TFUE għandu juri li l-istrument tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni ma jippermettilux, fid-dawl jew tal-portata tiegħu stess, jew tal-kundizzjonijiet konkreti tal-implimentazzjoni tiegħu, li jiżgura l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet inkwistjoni fil-konfront taċ-ċirkustanzi inkwistjoni (81).

123. F’dan il-każ, il-Gvern Litwan isostni, essenzjalment, li l-osservanza stretta tar-regoli tad-Direttivi dwar il-“proċeduri” u l-“akkoljenza” ma tippermettilux li jiżgura l-eżerċizzju effettiv ta’ dawn ir-responsabbiltajiet fil-kuntest tal-kontroll tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, f’każ ta’ “fluss massiv” bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Essenzjalment, l-argument ta’ dan il-gvern jirreferi għat-tensjoni msemmija fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet: minn naħa, l-Istati Membri li jinsabu f’dawn il-fruntieri għandhom normalment jipprekludu l-qsim tagħhom minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ dħul previsti mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (82); u min-naħa l-oħra, meta dawn iċ-ċittadini jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, huma jkollhom id-dritt li jibqgħu fit-territorju ta’ dawn l-Istati matul l-eżami tal-applikazzjoni tagħhom – u għalhekk għandhom ikunu aċċettati fih indipendentement minn dawn il-kundizzjonijiet, jekk ma jkunux diġà daħlu fih, jekk ikun il-każ illegalment (83).

124. F’sitwazzjoni ta’ fluss massiv, din tiġġenera, skont il-Gvern Litwan, kwantità ta’ abbuż, peress li parti żgħira biss mill-migranti jkunu refuġjati ta’ bone fide, filwaqt li ħafna oħrajn jippreżentaw applikazzjonijiet għall-ażil li jafu li huma manifestament infondati sempliċement sabiex jibbenefikaw temporanjament mill-garanziji marbutin mal-istatus ta’ “applikant”, jew anki sabiex jiġu sempliċement aċċettati fiż-Żona Schengen jew, fejn ikunu diġà jinsabu f’sitwazzjoni irregolari, sabiex jittardjaw it-tneħħija tagħhom.

125. F’dan ir-rigward, nosserva li d-Direttiva dwar il-“proċeduri” tinkludi dispożizzjoni intiża sabiex tippermetti lill-Istati Membri jiżguraw il-kontroll tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, filwaqt li jirrispettaw id-dritt taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitolbu l-ażil, jiġifieri l-Artikolu 43 ta’ din id-direttiva.

126. Fil-paragrafu 1 tiegħu, dan l-artikolu jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu, fil-fruntieri tagħhom jew fiż-żoni ta’ tranżitu tagħhom, proċeduri speċifiċi sabiex jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-ammissibbiltà, skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar il-“proċeduri”, ta’ applikazzjonijiet għall-ażil magħmula f’dawn il-postijiet, u anki dwar il-mertu ta’ dawn l-applikazzjonijiet, fil-każijiet previsti fl-Artikolu 31(8) ta’ din id-direttiva – li jirrigwardaw, essenzjalment, każijiet differenti li fihom l-aġir jew id-dikjarazzjonijiet tal-applikant jindikaw li l-applikazzjoni tiegħu hija manifestament infondata jew abbużiva. Skont il-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 43, dawn il-proċeduri speċifiċi għandhom, madankollu, ikunu konklużi fi żmien raġonevoli, b’mod li, anki jekk ma tittieħed ebda deċiżjoni fi żmien erba’ ġimgħat, l-Istat Membru għandu jagħti lill-applikanti kkonċernati d-dritt li jidħlu fit-territorju tiegħu, u l-applikazzjoni tagħhom għandha mbagħad tiġi trattata b’konformità mal-proċedura tad-dritt komuni.

127. Dawn il-proċeduri jippermettu lill-Istati Membri, qabel kollox, jagħmlu “l-għażla inizjali” tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, fil-fruntiera jew fiż-żona ta’ tranżitu, qabel jawtorizzaw id-dħul taċ-ċittadini kkonċernati fit-territorju tagħhom. Għalhekk, l-Istati msemmija jistgħu jirrifjutaw id-dħul lil persuni, imsemmija mill-Gvern Litwan, li jippreżentaw applikazzjonijiet manifestament infondati u abbużivi.

128. Sussegwentement, l-Istati Membri huma awtorizzati, skont l-Artikolu 8(3)(c) tad-Direttiva dwar l-“akkoljenza”, iqiegħdu l-applikanti kkonċernati f’detenzjoni fil-fruntiera jew f’żona ta’ tranżitu għat-tul ta’ dawn il-proċeduri speċifiċi meta, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, tali miżura hija neċessarja. Issa, fil-fehma tiegħi, dan huwa l-każ meta l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom motivi raġonevoli għalfejn jaħsbu li applikant, jekk jitħalla liberu, jaħrab jew jipprova jaqsam il-fruntiera inkwistjoni mingħajr awtorizzazzjoni.

129. Fl-aħħar nett, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu diġà daħlu illegalment fit-territorju nazzjonali u li jippreżentaw applikazzjoni għall-ażil fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, infakkar li l-Artikolu 31(8)(h) tad-Direttiva dwar il-“proċeduri” jawtorizza lill-Istati Membri, fil-każijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni (84), sabiex jiġġieldu kontra eventwali abbużi, jeżaminaw tali applikazzjoni b’mod mgħaġġel u skont proċedura speċifika fil-fruntiera, kif previst fl-Artikolu 43 ta’ din id-direttiva. B’hekk, f’dan il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, mid-dehra, iġibu lill-persuna inkwistjoni lura lejn il-fruntiera għall-finijiet ta’ din il-proċedura. Jekk ikun il-każ, il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun daħlet illegalment fit-territorju, għall-ewwel darba, jista’, fil-fehma tiegħi, ikun ta’ natura li juri li huwa neċessarju li din titqiegħed f’detenzjoni matul il-perijodu msemmi, abbażi tal-Artikolu 8(3)(c) tad-Direttiva dwar l-“akkoljenza”.

130. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, wieħed ma jistax iqis li l-kontenut tad-Direttivi dwar il-“proċeduri” u dwar l-“akkoljenza” fih innifsu, ma jippermettix lill-Istati Membri jeżerċitaw, fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, ir-responsabbiltajiet tagħhom fil-qasam tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà interna.

131. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet konkreti ta’ implimentazzjoni ta’ dawn l-istrumenti, nista’ nammetti li, fil-każ ta’ fluss massiv bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, li, mid-dehra, għandu natura u portata partikolari, huwa partikolarment diffiċli għall-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jipproċedu, fil-kuntest tal-proċeduri speċifiċi fil-fruntiera, għall-“għażla inizjali” ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati simultanjament minn numru kunsiderevoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, fiż-żmien ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 43(2) tad-Direttiva dwar il-“proċeduri”. Minkejja li, f’tali ċirkustanzi, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jippermetti li l-proċeduri fil-fruntiera jiġu segwiti lil hinn minn dan iż-żmien, dan jimplika, madankollu, li ċ-ċittadini kkonċernati għandhom b’hekk jitħallew jidħlu fit-territorju nazzjonali – kemm jekk ikunu bona fide jew jekk jabbużaw mis-sistema (85). Barra minn hekk, anki l-Kummissjoni, fil-proposta tagħha għal deċiżjoni tal-Kunsill, tagħti x’jifhem li d-Direttiva dwar il-“proċeduri” ma hijiex totalment addattata għal tali ċirkustanzi.

132. Għalhekk, nista’ nammetti li huwa neċessarju, għal Stat Membru, sakemm tiġi adottata din il-proposta, li jidderoga, skont l-Artikolu 72 TFUE, minn ċerti dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 tad-Direttiva dwar il-“proċeduri”. Fil-fehma tiegħi, Stat Membru jista’, kif issuġġerit fl-imsemmija proposta, jestendi l-proċeduri fil-fruntiera, billi jipprovdi li l-applikazzjonijiet għall-ażil kollha taċ-ċittadini arrestati jew misjuba qrib il-fruntiera inkwistjoni, wara dħul irregolari, jew wara li jkunu preżentaw ruħhom fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera, ikunu eżaminati fil-kuntest ta’ tali proċeduri (86) u, f’dan il-kuntest, li jidderoga, b’mod raġonevoli, miż-żmien ta’ erba’ ġimgħat previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, sabiex iħalli lill-awtoritajiet nazzjonali żmien suffiċjenti sabiex iwettqu din “l-għażla inizjali” tal-applikazzjonijiet għall-ażil (87).

133. Min-naħa l-oħra, inqis li ma huwiex neċessarju, għal Stat Membru, li jidderoga mill-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva dwar il-“proċeduri” u mill-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar l-“akkoljenza”, billi jimplimenta dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikolu 14012 u l-Artikolu 14017(2) tal-Liġi dwar il-Barranin, sabiex ikun jista’ jeżerċita effettivament ir-responsabbiltajiet tiegħu fil-qasam tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà interna f’każ ta’ “fluss massiv” ta’ migranti fil-fruntiera tiegħu – u dan indipendentement min-natura u mid-daqs ta’ dan il-fluss. Kif għadni kif spjegajt, il-proċeduri speċifiċi ta’ eżami ta’ applikazzjonijiet għall-ażil fil-fruntiera, previsti fl-Artikolu 43 tal-ewwel direttiva, u l-possibbiltà ta’ detenzjoni ta’ ċerti applikanti f’dan il-kuntest, skont l-Artikolu 8(3)(c) tat-tieni direttiva, jippermettu li tali sitwazzjoni tiġi indirizzata, jekk ikun il-każ, permezz ta’ xi aġġustamenti.

b)      Fuq losservanza taddrittijiet fundamentali

134. Fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ kull miżura derogatorja, straordinarja u temporanja, id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati ma jistgħux jintesew. Fil-fatt, minkejja li f’każ ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali” teoretikament jistgħu jsiru iktar limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet għas-salvagwardja tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà interna, xorta jibqa’ l-fatt, qabel kollox, li għandu dejjem jinżamm bilanċ bejn l-imsemmija drittijiet u dawn l-imperattivi, imbagħad, li ċerti limitazzjonijiet tant huma severi li qatt ma huma aċċettabbli f’soċjetà demokratika u, fl-aħħar nett, li ċerti drittijiet ma jippermettu ebda limitazzjoni, u dan ikunu x’ikunu ċ-ċirkustanzi.

135. F’dan il-kuntest, fil-fehma tiegħi, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-Karta, iżda wkoll il-KEDB, li tistabbilixxi livell minimu ta’ protezzjoni li ’l isfel minnu l-Unjoni ma tistax tinżel. L-istess japplika għall-Konvenzjoni ta’ Genève. Minkejja li l-Unjoni ma hijiex parti kontraenti għal din il-konvenzjoni, l-Artikolu 78(1) TFUE u l-Artikolu 18 tal-Karta jimponu fuqha li tosserva r-regoli stabbiliti fiha. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 72 TFUE u tad-derogi mid-dritt tal-Unjoni li din id-dispożizzjoni tista’ tiġġustifika, li din l-interpretazzjoni tosserva l-livell ta’ protezzjoni ggarantit minn din l-istess konvenzjoni (88).

1)      Fuq ilfatt li ċittadin ta’ pajjiż terz ma jitħalliex jaċċedi għal proċedura ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali

136. Fl-ewwel lok, dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 14012 tal-Liġi dwar il-Barranin, li ma tippermettix, fil-prattika, ħlief fil-każ ta’ eċċezzjoni, lil ċittadin ta’ pajjiż terz jaċċedi għall-proċedura ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali meta jkun daħal fit-territorju Litwan illegalment, ma hijiex, fil-fehma tiegħi, kompatibbli mad-drittijiet fundamentali mogħtija mill-Karta, u dan anki f’każ ta’ “fluss massiv” ta’ migranti.

137. Fil-fatt, minn naħa, tali dispożizzjoni hija, fil-fehma tiegħi, kuntrarja għad-dritt għall-ażil, żgurat, bħala tali, mill-Artikolu 18 tal-Karta. F’dan ir-rigward, nenfasizza li l-effettività ta’ dan id-dritt tiddependi mill-aċċess għal proċedura fil-qasam (89). Ċertament jista’ jkun hemm limiti għall-imsemmi dritt, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta (90). Madankollu, fil-fehma tiegħi, li fil-prattika ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi prekluż milli jitlob protezzjoni internazzjonali jippreġudika l-“essenza” ta’ dan l-istess dritt (91).

138. Min-naħa l-oħra, ir-rifjut li tiġi eżaminata applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari fit-territorju nazzjonali huwa wkoll kuntrarju għall-prinċipju ta’ non-refoulment, kif previst fl-Artikolu 19(2) tal-Karta.

139. Fil-fatt, dan id-dritt fundamentali, li huwa direttament marbut mal-projbizzjoni tat-tortura u ta’ pieni jew trattamenti inumani jew degradanti, li jinsab fl-Artikolu 4 tal-Karta u fl-Artikolu 3 tal-KEDB, ma jaċċetta ebda limitazzjoni. Huwa jipprojbixxi f’kull ċirkustanza lill-Istati Membri milli jneħħu, jkeċċu jew jestradixxu persuna lejn Stat fejn jeżisti riskju serju li tkun suġġetta għal tali trattamenti (92).

140. Issa, Stat Membru ma jistax jeskludi dan ir-riskju u, għalhekk, jissodisfa l-obbligi tiegħu fil-qasam ta’ non-refoulment, fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari fit-territorju tiegħu jekk, qabel ma jestradixxih, huwa ma jeżaminax applikazzjoni li fiha l-persuna kkonċernata ssostni, preċiżament, li tibża’ li tkun ippersegwitata fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha (93).

141. L-interpretazzjoni preċedenti ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Gvern Litwan li tgħid li, essenzjalment, ċittadin ta’ pajjiż terz li jidħol b’mod illegali fit-territorju ta’ Stat fil-kuntest ta’ “fluss massiv” jadotta aġir abbużiv li jiġġustifika li jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu li jitlob l-ażil, u li jgħid li l-prinċipju ta’ non-refoulment ma jistax jitqies assolut f’tali sitwazzjoni.

142. Fil-fatt, minn naħa, infakkar li r-redatturi tal-Konvenzjoni ta’ Genève rrikonoxxew li, billi jeżerċitaw id-dritt għall-ażil tagħhom, ir-refuġjati – inkluż l-applikanti għall-ażil, kemm-il darba ma tkunx ittieħdet deċiżjoni negattiva fuq it-talba tagħhom (94) – ħafna drabi jkunu mġiegħla jidħlu b’mod illegali fit-territorju tal-Istati li fihom huma jfittxu protezzjoni. ’Il bogħod milli jawtorizzaw lill-Istati jċaħħdu lil dawn ir-refuġjati milli jitolbu d-dritt għall-ażil tagħhom għal din ir-raġuni, għall-kuntrarju, dawn l-istess redatturi llimitaw, fl-Artikolu 31 ta’ din il-konvenzjoni, is-setgħa tal-Istati li jimponu fuqhom sanzjonijiet kriminali f’każ ta’ dħul jew ta’ residenza illegali fit-territorju tagħhom (95) – aspett li ser nerġa’ nittratta. Min-naħa l-oħra, l-obbligi li timplika, għall-Istati, l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulment, kif iggarantit fl-Artikolu 19(2) tal-Karta, huma vinkolanti jkun xi jkun l-aġir tal-persuna kkonċernata (96).

143. Fil-fehma tiegħi, is-sentenza N.D. u N.T. vs Spanja (97), invokata mill-Gvern Litwan, ma turix il-kuntrarju. Minn naħa, din is-sentenza ma tirrigwardax il-prinċipju ta’ non-refoulment, kif protett fl-Artikolu 3 tal-KEDB, u min-naħa l-oħra, hija tirrigwarda ċirkustanzi partikolari ħafna – ir-rikorrenti kienu pparteċipaw f’attakk kollettiv sabiex jipprovaw jidħlu fit-territorju Spanjol billi sforzaw, bi vjolenza, il-barriera tal-fruntiera – sostanzjalment differenti minn dawk f’din il-kawża. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li din is-sentenza għandha tinftiehem fis-sens li, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-fatt li applikant għall-ażil daħal b’mod irregolari fit-territorju ta’ Stat, fil-kuntest ta’ fluss massiv ta’ migranti, jawtorizza lil dan l-Istat ma jiħux inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu, li għandi dubji serji dwaru, isegwi sempliċement li d-dritt tal-Unjoni jiżgura għalhekk, fl-Artikoli 18 u 19(2) tal-Karta, protezzjoni iktar estiża mill-KEDB, kif jippermetti espressament l-Artikolu 52(3) tal-ewwel strument.

2)      Fuq ilpossibbiltà ta’ detenzjoni ta’ applikant għallunika raġuni li huwa qasam illegalment ilfruntiera nazzjonali

144. Fit-tieni lok, dispożizzjoni bħall-Artikolu 14017(2) tal-Liġi dwar il-Barranin, li tippermetti li applikant għall-ażil jitqiegħed f’detenzjoni għall-unika raġuni li jkun qasam illegalment il-fruntiera nazzjonali, lanqas ma hija konformi, fil-fehma tiegħi, mad-drittijiet fundamentali mogħtija mill-Karta u mill-istrumenti rilevanti l-oħra, u dan anki f’każ ta’ “fluss massiv” ta’ migranti.

145. Minn naħa, din id-dispożizzjoni, billi tipprovdi tali miżura ta’ detenzjoni, twassal għal indħil partikolarment serju fid-dritt għal-libertà stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta. F’dan ir-rigward, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-importanza ta’ dan id-dritt fundamentali, fil-preżenza ta’ ndħil ta’ tali gravità, il-limitazzjonijiet tal-eżerċizzju tiegħu għandhom japplikaw biss fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (98).

146. Mistoqsi mill-Qorti tal-Ġustizzja, waqt is-seduta, dwar il-mod li bih l-Artikolu 14017(2) tal-Liġi dwar il-Barranin jikkontribwixxi u huwa neċessarju għaż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika fit-territorju Litwan u, b’mod partikolari, dwar l-għan preċiż imfittex minn miżura ta’ detenzjoni imposta skont din id-dispożizzjoni, il-Gvern Litwan spjega b’mod partikolari li, meta migranti jirnexxilhom jidħlu illegalment fit-territorju nazzjonali, l-eventwali detenzjoni tagħhom tkun intiża sabiex jiġu evitati movimenti illegali sekondarji fiż-żona Schengen – peress li l-maġġoranza kbira ta’ dawn il-persuni aktarx ma jibqgħux fil-Litwanja u jkomplu l-vjaġġ tagħhom lejn Stati Membri oħra.

147. Issa, fil-fehma tiegħi, minn din il-perspettiva, tali miżura ta’ detenzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-protezzjoni tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà interna.

148. Ċertament, il-fatt li applikant ikun daħal illegalment fit-territorju nazzjonali jista’ jikkostitwixxi, f’ċerti każijiet, indikazzjoni ta’ riskju li dan tal-aħħar jaħrab – eventwalment lejn Stati Membri oħra – minn dan it-territorju. Jekk jitqies li jkun ikkorroborat minn elementi oħra, dan ir-riskju jista’ jirrendi neċessarja b’mod validu d-detenzjoni tal-persuna kkonċernata matul perijodu determinat – kif mill-bqija jippermetti l-Artikolu 8(3)(b) tad-Direttiva dwar l-“akkoljenza” (99). Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ tali elementi, miżura ta’ detenzjoni mmotivata mid-dħul irregolari biss titqies li hija arbitrarja (100).

149. Fil-fehma tiegħi, miżura bħal dik prevista fl-Artikolu 14017(2) tal-Liġi dwar il-Barranin hija, min-naħa l-oħra, kuntrarja għall-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Infakkar li skont din id-dispożizzjoni, l-Istati parti għal din il-konvenzjoni ma għandhomx japplikaw “sanzjonijiet kriminali” għar-“refuġjati”, minħabba d-dħul jew ir-residenza irregolari tagħhom – inkluż, infakkar, l-applikazzjonijiet għall-ażil – taħt ċerti kundizzjonijiet.

150. L-imsemmija dispożizzjoni hija intiża sabiex tevita li dawn il-persuni jiġu ppenalizzati għad-dħul jew għall-preżenza irregolari tagħhom fit-territorju ta’ Stat (101). Fid-dawl ta’ dan l-għan, huwa ġeneralment aċċettat li l-kunċett ta’ “sanzjonijiet kriminali”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jinftiehem, b’mod awtonomu u wiesa’, bħala li jinkludi kull miżura li għandha natura mhux biss preventiva, iżda wkoll punittiva jew dissważiva, tkun xi tkun il-klassifikazzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali (102).

151. Issa, minkejja li kif indika l-Gvern Litwan waqt is-seduta, miżura ta’ detenzjoni skont l-Artikolu 14017(2) tal-Liġi dwar il-Barranin ma tikkostitwixxix sanzjoni kriminali fid-dritt Litwan, dan il-gvern madankollu rrikonoxxa, f’din l-okkażjoni, li tali detenzjoni għandha wkoll l-għan, sa ċertu punt, li tikkastiga lill-applikanti li qasmu b’mod irregolari l-fruntiera nazzjonali u li tiddisswadi lill-migranti oħra li jkollhom tentazzjoni jaġixxu bl-istess mod.

152. Għalhekk, din il-miżura ta’ detenzjoni tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, “sanzjoni kriminali”, fis-sens tal-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Sa fejn l-Artikolu 14017(2) tal-Liġi dwar il-Barranin tapplika biss għall-applikanti għall-ażil, fil-fehma tiegħi, hija tista’ tkun kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni fundamentali biss jekk tapplika biss għal dawk li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni (103) - li ma jidhirx li huwa l-każ.

4.      Konklużjoni intermedjarja

153. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni parti taż-żewġ domandi fis-sens li l-Artikolu 72 TFUE ma jawtorizzax lil Stat Membru japplika dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 14012 u l-Artikolu 14017(2) tal-Liġi dwar il-Barranin, b’deroga għad-Direttivi dwar il-“proċeduri” u dwar l-“akkoljenza”, f’każ ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali” kkaratterizzati minn “fluss massiv” ta’ migranti fil-fruntiera tiegħu.

VI.    Konklużjoni

154. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Litwanja):

1)      Dispożizzjoni nazzjonali li ma tippermettix, ħlief b’eċċezzjoni, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jaċċedu għall-proċedura tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni meta dawn ikunu daħlu fih illegalment, ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 6(1) u (2) u mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali.

2)      Dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti d-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali għall-unika raġuni li qasam illegalment il-fruntiera tal-Istat Membru kkonċernat ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali.

3)      L-Artikolu 72 TFUE ma jawtorizzax lil Stat Membru japplika tali dispożizzjonijiet nazzjonali, b’deroga mid-Direttivi 2013/32 u 2013/33, f’każ ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali” kkaratterizzati minn “fluss massiv” ta’ migranti fil-fruntiera tiegħu.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      F’dawn il-konklużjonijiet, ser nuża l-kunċett, iktar preċiż, ta’ “cittadin ta’ pajjiż terz” li skont il-punt 6 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016, dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (ĠU 2016, L 77, p.1, rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32) (iktar ’il quddiem, il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”), jirrigwarda “kwalunkwe persuna li mhix ċittadin tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 20(1) TFUE u li [ma tgawdix id-dritt ta’ moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni]”.


3      F’dawn il-konklużjonijiet, m’iniex ser nagħmel differenza bejn il-kliem “protezzjoni internazzjonali” u “ażil”.


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 180, p. 60).


5      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (riformulazzjoni) (ĠU 2013, L 180, p. 96, rettifika fil-ĠU 2015, L 100, p. 81).


6      Konvenzjoni ffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra ta’ trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954, kif kompletata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967.


7      Bejn l‑10 ta’ Awwissu 2021 u l‑1 ta’ Jannar 2022, l-istess dispożizzjonijiet kienu jinsabu fl-Artikolu 67(11) u (12) tal-Liġi dwar il-Barranin (fil-verżjoni li tirriżulta mil-Liġi Nru XIV‑515 tal‑10 ta’ Awwissu 2021). Fid-dawl tal-perijodu kopert mill-fatti tal-kawża prinċipali, dawn iż-żewġ artikoli huma għalhekk applikabbli ratione temporis. Madankollu, ser nirreferi biss għall-imsemmi Artikolu 14012.


8      Mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Litwan jirriżulta li l-istat ta’ emerġenza kien fis-seħħ mill‑10 ta’ Novembru 2021 sal‑14 ta’ Jannar 2022 inklużi, filwaqt li l-proklamazzjoni tas-“sitwazzjoni ta’ emerġenza” għadha fis-seħħ.


9      Sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020 (C‑36/20 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ministerio Fiscal”, EU:C:2020:495).


10      Skont din id-dispożizzjoni, applikant għall-ażil jista’ jitqiegħed f’detenzjoni sabiex jiġu ddeterminati r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni tiegħu (meta ma jkunx possibbli li din l-informazzjoni tinkiseb mod ieħor) u jekk, wara eżami taċ-ċirkustanzi indikati f’ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi, ikun hemm raġunijiet għalfejn jitqies li l-persuna kkonċernata tista’ taħrab sabiex tevita li tintbagħat lura fi Stat terz jew titneħħa mil-Litwanja.


11      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 (riformulazzjoni) (ĠU 2011, L 337, p. 9).


12      Ara l-punti 24 u 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13      B’din l-espressjoni, nirreferi għall-fatt li MA qasam il-fruntiera li tissepara l-Litwanja mill-Bjelorussja mingħajr ma osserva r-rekwiżiti għad-dħul elenkati fl-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Barra minn hekk, jidher li l-persuna kkonċernata qasmet il-fruntiera b’mod “mhux awtorizzat”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan il-kodiċi, jiġifieri minn postijiet li ma humiex punti ta’ qsim tal-fruntieri jew f’ħinijiet li ma humiex ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti (ara l-punti 20 u 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


14      Minkejja li l-qorti tar-rinviju rreferiet, fil-kliem tal-ewwel domanda tagħha, għall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/95, dan l-artikolu jirrigwarda elementi li jappoġġjaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u, għalhekk, ma jirregolax id-domanda magħmula. Min-naħa l-oħra, f’dan ir-rigward huma rilevanti dispożizzjonijiet differenti tad-Direttiva dwar il-“proċeduri”, kif ser nuri fid-dettall iktar ’il quddiem.


15      Previsti b’mod partikolari, fl-Artikolu 113(4) tal-Liġi dwar il-Barranin.


16      Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


17      Ara l-punti 30 u 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


18      Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


19      Barra minn hekk, MA jsostni li l-miżura “differenti mid-detenzjoni” li ġiet imposta fuqu tikkostitwixxi detenzjoni de facto. It-tieni domanda żżomm ir-rilevanza tagħha f’dan ir-rigward ukoll (ara l-punti 84 sa 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


20      Ara wkoll l-ewwel sentenza tal-punt 22 tad-deskrizzjoni tal-proċedura.


21      Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22      Ara wkoll it-tielet sentenza tal-punt 22 tad-deskrizzjoni tal-proċedura.


23      Eċċezzjoni li ser tiġi diskussa fil-punt 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      Ara wkoll il-punt 23 tad-deskrizzjoni tal-proċedura.


25      Ara l-punti 23 u 27 sa 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


26      Dan ir-rifjut kien ibbażat ukoll fuq il-fatt li MA ma ppreżentax l-applikazzjoni tiegħu fl-iqsar żmien possibbli wara li qasam illegalment il-fruntiera nazzjonali. Dan l-aspett ser jiġi eżaminat fin-nota 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27      Ser nissimplifika l-affarijiet għall-finijiet tal-analiżi. Fir-realtà, il-kwistjoni tal-istatus legali ta’ MA tagħti lok għal taħwid fuq livell nazzjonali: il-qorti tal-ewwel istanza u l-qorti tar-rinviju jikkunsidrawh bħala applikant għall-ażil (ara l-punti 23 u 30). Min-naħa tiegħu, il-VSAT kien irrifjuta inizjalment li jaċċetta l-applikazzjoni tiegħu, qabel ma finalment talab lil din l-aħħar qorti tordna lid-Dipartiment tal-Migrazzjoni teżaminaha (ara l-punt 27) – billi donnu jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali diskussa fil-punt 78; fl-aħħar nett, filwaqt li l-imsemmi dipartiment kien bagħat lura l-applikazzjoni ta’ MA (ara l-punt 28), huwa finalment iddeċieda li jeżaminaha (ara l-punt 51). Evidentement, dawn l-awtoritajiet kollha ma jaqrawx id-dritt nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni bl-istess mod.


28      Għall-kumdità, ser nirreferi biss għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Kriminalizzazzjoni tal-għajnuna lill-applikanti għall-ażil) (C‑821/19, EU:C:2021:930, punti 132 u 136 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


30      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Kriminalizzazzjoni tal-għajnuna lill-applikanti għall-ażil) (C‑821/19, EU:C:2021:930, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      Ara l-punt 129 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32      Dan huwa l-każ meta l-persuna kkonċernata, mingħajr raġuni valida, ma ppreżentatx ruħha lill-awtoritajiet jew ma ppreżentatx applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-iqsar żmien possibbli fid-dawl taċ-ċirkustanzi tad-dħul tagħha. Għalhekk, minkejja li, għall-kuntrarju ta’ dak li qies id-Dipartiment tal-Migrazzjoni (ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet), tali ċirkustanzi ma jistgħux itellfu lill-persuna kkonċernata d-dritt tagħha li titlob l-ażil (ara wkoll, għall-ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet tardivi, l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva dwar il-“proċeduri”), huma jista’ jkollhom konsegwenzi fuq il-mod kif tiġi eżaminata l-applikazzjoni tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali (ara wkoll il-punt 129 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


33      Ara l-premessa 27 tad-Direttiva dwar il-“proċeduri” u s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 97 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


34      Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-‘ritorn’”). Fil-fatt, ċittadin ta’ pajjiż terz li jidħol b’mod illegali fit-territorju ta’ Stat Membru u li ma għandux permess ta’ residenza, jinsab hemm fi stat ta’ “residenza irregolari” fis-sens ta’ din id-direttiva. Għalhekk, bħala prinċipju, għandu jkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ tneħħija skont id-direttiva msemmija.


35      Ara s-sentenza Ministerio Fiscal (punti 59 sa 68). Dak li, f’dan il-każ, il-qorti tal-ewwel istanza debitament irrilevat (ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


36      Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jiddefinixxu “applikant” bħala “ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha tkun għadha ma tteħditx deċiżjoni finali”.


37      Ara l-premessa 27 tad-Direttiva dwar il-“proċeduri”, kif ukoll, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38      Ara l-premessa 9 tad-Direttiva dwar ir-“ritorn” u s-sentenza Ministerio Fiscal (punt 99).


39      Bħala prinċipju, din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri li jirreġistraw l-applikazzjoni sa mhux iktar tard minn tlett ijiem jew sitt ijiem ta’ xogħol wara li “ssir” l-applikazzjoni, skont jekk l-applikazzjoni msemmija ssirx lill-awtorità kompetenti skont id-dritt nazzjonali għar-reġistrazzjoni tagħha jew lil “awtorità oħra”.


40      Ara l-premessa 27 tad-Direttiva dwar il-“proċeduri”.


41      Ara l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-“proċeduri” u s-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Kriminalizzazzjoni tal-għajnuna lill-applikanti għall-ażil) (C‑821/19, EU:C:2021:930, punt 81).


42      F’dan ir-rigward, nenfasizza li jekk applikant ma jippreżentax l-applikazzjoni tiegħu, l-Istati Membri jistgħu, bħala prinċipju, japplikaw l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-“proċeduri” bħala konsegwenza u, b’hekk, iqisu li huwa rrinunzja għaliha b’mod impliċitu.


43      Ara fl-istess sens, ir-Rakkomandazzjoni Ġabra(2003)5 1 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Istati Membri dwar il-miżuri ta’ detenzjoni ta’ applikanti għall-ażil, adottata mill-Kumitat tal-Ministri fis‑16 ta’ April 2003, waqt it-837 laqgħa tad-Deputati tal-Ministri, punt 8, u l-Qorti EDB, 25 ta’ Ġunju 1996, Amuur vs Franza, CE:ECHR:1996:0625JUD001977692, punt 43.


44      Ara l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar il-“proċeduri”.


45      Il-Gvern Litwan argumenta wkoll li ċittadin ta’ pajjiż terz li daħal illegalment fit-territorju Litwan jista’ wkoll, skont is-sentenza Ministerio Fiscal, jagħmel applikazzjoni għall-ażil lill-qorti adita bid-detenzjoni tiegħu. Jekk ikun il-każ, l-applikazzjoni għandha tintbagħat lill-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni, u l-applikant ikollu mbagħad possibbiltà konkreta li jippreżentaha u li tkun eżaminata. Barra minn hekk, dan huwa dak li ġara fil-kawża prinċipali (ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-gvern spjega li dan huwa mezz li bih jintalab l-ażil li, minkejja li mhux previst fl-Artikolu 14012 tal-Liġi dwar il-Barranin, lanqas ma huwa pprojbit mill-istess artikolu. Madankollu, minbarra l-fatt li l-qorti tar-rinviju ma tatx l-istess interpretazzjoni tal-imsemmi artikolu, ser nosserva sempliċement li Stat Membru ma jiżgurax aċċess effettiv, faċli u rapidu għall-proċedura tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali meta ċerti ċittadini jkunu obbligati jmorru quddiem qorti sabiex jitolbu tali protezzjoni.


46      Ara l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva dwar il-“proċeduri”, li jawtorizza l-estensjoni ta’ dan iż-żmien sa 10 ijiem.


47      Ara l-Artikolu 31(3)(b) tad-Direttiva dwar il-“proċeduri” li jippermetti, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-estensjoni tas-sitt xhur normalment applikabbli għal tul li ma jistax jeċċedi disa’ xhur supplimentari.


48      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva dwar l-“akkoljenza”.


49      Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 223).


50      Ara b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 226 u 227). MA sostna wkoll li l-kundizzjonijiet tal-ħajja fiċ-ċentru tal-VSAT inkwistjoni huma tali li huma ekwivalenti għal trattament inuman jew degradanti, ipprojbit, b’mod partikolari, mill-Artikolu 4 tal-Karta u mill-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Hawnhekk ukoll, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti [ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589)].


51      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ministerio Fiscal (punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).


52      Ara, għal dan il-ħsieb, il-punti 100 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


53      Sentenza tal‑15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punti 55 u 67).


54      Ara b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punti 49, 50, 57 u 61). L-istess japplika, a fortiori, meta l-persuna kkonċernata tkun daħlet illegalment fl-Istat Membru ta’ akkoljenza għall-finijiet ta’ tranżitu lejn Stat ieħor (ara l-punt 63 ta’ din is-sentenza).


55      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 50).


56      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 172).


57      Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni hija, fid-dritt Litwan, diġà riflessa fl-Artikolu 113(4)(5) tal-Liġi dwar il-Barranin.


58      Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, 29 ta’ Jannar 2008, Saadi vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2008:0129JUD001322903, punt 64.


59      Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 8 u 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.


60      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 5(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.


61      Il-Gvern Litwan indika li, bejn l‑1 ta’ Lulju 2021 u l‑10 ta’ Marzu 2022, 3 695 ċittadin ta’ pajjiżi terzi kien qasam illegalment il-fruntieri tal-Litwanja.


62      Ara, rispettivament, ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, tas‑7 ta’ Ottubru 2021 dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja wara sena ta’ protesti mrażżna b’mod vjolenti (2021/2881(RSP)), punt 16; Kunsill Ewropew, Konklużjonijiet tal-laqgħa tal‑21 u tat‑22 ta’ Ottubru 2021 (EUCO 17/21), punt 19, u Konklużjonijiet tal-laqgħa tas‑16 ta’ Diċembru 2021 (EUCO 22/21), punti 18 u 21; 2021 State of the Union Address by President von der Leyen, Strasbourg, 15 ta’ Settembru 2021.


63      Ara l-punt 92 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


64      COM(2021)752 final (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill”).


65      Proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, espożizzjoni tal-motivi, p. 1.


66      COM(2021)890 finali.


67      Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll, fl-istess jum, proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda il-[Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen] [COM(2021) 891 final], intiż b’mod partikolari sabiex jippermetti lill-Istati Membri jaġixxu malajr f’każ ta’ “strumentalizzazzjoni ta’ migranti”. Essenzjalment, din il-proposta tipprovdi li, f’tali każ, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw in-numru ta’ punti ta’ qsim tal-fruntieri u jintensifikaw is-sorveljanza tal-fruntieri.


68      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 214 u l-ġurisprudenza ċċitata).


69      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, EU:C:1986:206, punt 27).


70      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża Johnston (222/84, mhux ippubblikati, EU:C:1986:44, punt 5), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑120/94, EU:C:1995:109, punt 46).


71      Madankollu, anki f’dawn il-każijiet, jiġu imposti limiti, fir-rigward ta’ drittijiet fundamentali li ma tistax issir deroga minnhom (ara l-punti 138 u 139 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


72      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 215).


73      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑120/94, EU:C:1995:109, punt 47), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali La Pergola fil-kawża Sirdar (C‑273/97, EU:C:1999:246, punt 21).


74      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 215).


75      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 216).


76      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et (C‑336/19, EU:C:2020:1031, punt 64).


77      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq art agrikola) (C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


78      Nosserva li tali proċedura hija prevista, b’mod espliċitu, fl-Artikoli 347 u 348 TFUE, f’każ ta’ implimentazzjoni tal-ewwel dispożizzjoni.


79      Dwar dan il-punt, nosserva li r-Repubblika tal-Litwanja kkonsultat lill-imsieħba Ewropej tagħha u stiednet lill-Kummissjoni tipproponi miżuri provviżorji abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE (ara l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill, memorandum ta’ spjega).


80      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, L‑Ungerija u r‑Repubblika Ċeka (Mekkaniżmi temporanji ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 171).


81      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:493, punt 103).


82      Ara l-punt 100 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


83      Ara l-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-“proċeduri”.


84      Jiġifieri, infakkar, meta l-persuna kkonċernata, mingħajr raġuni valida, ma tkunx ippreżentat ruħha quddiem l-awtoritajiet jew ma tkunx ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-iqsar żmien fid-dawl taċ-ċirkustanzi tad-dħul tagħha.


85      L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jillimitaw biss il-libertà ta’ moviment ta’ dawn l-applikanti għal żona li tinsab fil-qrib tal-fruntieri jew taż-żoni ta’ tranżitu ta’ dan l-Istat Membru, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-“akkoljenza”.


86      Ara l-Artikolu 2(2) tal-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill.


87      L-Artikolu 2(5) tal-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill jippermetti għalhekk li ż-żmien sabiex jingħata d-dritt ta’ dħul fit-territorju jiġi estiż għal 16-il ġimgħa.


88      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C-77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punti 74 u 75).


89      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 102).


90      Skont din id-dispożizzjoni, kull limitazzjoni għall-eżerċizzju ta’ dritt mogħti mill-Karta hija aċċettabbli biss jekk din tkun, l-ewwel, “prevista mil-liġi”, it-tieni, tosserva l-“essenza” ta’ dan id-dritt u, t-tielet, tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.


91      Fil-fehma tiegħi, tali ċaħda għandha tiġi mqabbla mal-possibbiltà li l-eżami tal-applikazzjoni jiġi sottomess għal proċedura mgħaġġla jew għal proċedura speċifika fil-fruntiera.


92      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punti 94 sa 96). Ara, wkoll, l-Artikolu 15 tal-KEDB, li jippermetti, fil-paragrafu 1 tiegħu, lill-Istati Membri jidderogaw mill-obbligi previsti f’din il-konvenzjoni f’każ ta’ gwerra jew f’każ ta’ periklu pubbliku ieħor li jhedded il-ħajja tan-nazzjon, iżda li jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu, li ma jawtorizza ebda deroga mill-Artikolu 3 tal-imsemmija konvenzjoni.


93      United Nations High Commissioner for Refugees (UNHCR), Observations on draft Amendments to the Law of the Republic of Lithuania on Legal Status of Aliens (No 21-29207), 27 ta’ Settembru 2021, punt 17.


94      Ara Goodwin-Gill, G. S., “L-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni tal‑1951 dwar l-istatus tar-refuġjati: l-assenza ta’ sanzjonijiet kriminali, id-detenzjoni u l-protezzjoni”, Feller, E., Türk, V., u Nicholson, F., (dir.) Il-Protezzjoni tar-refuġjati fid-dritt internazzjonali, Larcier, Brussell, 2008, p. 232 sa 234..


95      UNHCR, Observations on draft Amendments to the Law of the Republic of Lithuania on Legal Status of Aliens op. cit., punti 11 u 14 kif ukoll ir-referenzi ċċitati. Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà pprovda miżuri inqas radikali għall-ġlieda kontra l-eventwali abbużi fil-qasam (ara l-punti 63 u 129 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


96      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 94).


97      Qorti EDB, 13 ta’ Frar 2020, CE:ECHR:2020:0213JUD000867515. F’din is-sentenza, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li Spanja setgħet, b’deroga mill-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ tkeċċijiet kollettivi previst fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 4 tal-KEDB, twarrab, mingħajr eżami taċ-ċirkustanzi individwali tagħhom, migranti li kienu pprovaw jaqsmu illegalment il-fruntiera tagħha, abbażi, minn naħa, tal-aġir tal-persuni kkonċernati u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li dan l-Istat kien joffri possibbiltajiet effettivi ta’ dħul regolari (ara l-punt 201, 218, 222 u 231).


98      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 56).


99      Ara wkoll, f’dan il-każ, il-punt 23 u n-nota 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


100      Ara, b’analoġija, Il-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem, A c. Awstralja, 1997, paragrafu 9.4. Ara wkoll UNHCR, Principes directeurs relatifs aux critères et aux normes applicables à la détention des demandeurs d’asile et alternatives à la rétention, 2012, punti 31 u 32.


101      Għalhekk, minkejja li l-Artikolu 5(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprovdi li l-Istati Membri jistabbilixxu sanzjonijiet f’każ ta’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri esterni, dan l-obbligu huwa impost fuq dawn l-Istati “[m]ingħajr preġudizzju […] għall-obbligi tagħhom ta’ protezzjoni internazzjonali”, b’tali sanzjonijiet ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu imposti fuq ir-refuġjati.


102      Ara Goodwin-Gill, G. S., op. cit., p. 232 sa 234.


103      Dwar dan il-punt, nippreċiża biss, fir-rigward tal-kundizzjoni li r-refuġjati għandhom “jaslu direttament mit-territorju li fih il-ħajja jew il-libertà tagħhom kienet mhedda”, li huwa ġeneralment aċċettat li din l-espressjoni ma għandhiex tinftiehem litteralment, u li hija tkopri wkoll is-sitwazzjonijiet li fihom il-persuni kkonċernati jgħaddu, matul il-ħarba tagħhom, minn pajjiżi oħra fejn ebda protezzjoni effettiva ma ngħatat lilhom (ara Goodwin-Gill, G. S., op. cit., p. 232). Għalhekk, il-fatt waħdu li applikant għall-ażil irrisjeda ftit fil-Bjelorussja mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu qabel ma daħal fil-Litwanja ma jtellfux il-benefiċċju tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Geneva.