Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Ġunju 2008 - Il-Kummissjoni vs Commune de Valbonne

(Kawża T-238/08)

Lingwa tal-kawża:Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: L. Escobar Guerrero, aġent, u E. Bouttier, avukat)

Konvenut: Commune de Valbonne

Talbiet tar-rikorrenti

tikkundanna lill-Commune de Valbonne, irrappreżentat mis-Sindku attwali tiegħu, iħallas lir-rikorrenti l-ammont ta' EUR 18 619.38 li jikkorrispondi għas-somma prinċipali ta' EUR 14 261.29 u għas-somma ta' EUR 4 358.09 f'imgħaxijiet għal dewmien fil-ħlas, dovuti mill-31 ta' Mejju 2008;

tikkundanna lill-Commune de Valbonne iħallas is-somma ta' EUR 5 000 sabiex ir-rikorrenti tkun tista' tkopri l-ispejjeż involuti fl-irkupru tad-dejn;

tikkundanna lill-Commune de Valbonne għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni kkonkludiet kuntratt, għas-snin 1998 u 1999, mal-Commune de Valbonne fi Franza, il-Comune di Fermo fl-Italja u l-Grupp Ewropew b'Interess Ekonomiku ARCHI-MED, ta' riċerka u taħriġ li jirrigwarda proġett ta' edukazzjoni reċiproka bejn il-belt ta' Valbonne u l-provinċja ta' Di Ascoli Piceno, magħruf bħala "VALASPI MM 1027".

Il-Commune de Valbonne, il-Comune di Fermo u ARCHI-MED intrabtu, fost affarijiet oħra, li jipprovdu rapport finali lill-Kummissjoni. Peress li ma pprovdewx dan ir-rapport wara li l-Kummissjoni bagħtitilhom ittra ta' intimazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-partijiet kontraenti ma kinux irrispettaw l-obbligi tagħhom skond il-kuntratt u temmet dan il-kuntratt, filwaqt li talbet il-ħlas lura ta' parti mill-flus imħallsa bil-quddiem mill-Kummissjoni, flimkien ma' l-imgħaxijiet.

Minħabba l-insolvenza ta' ARCHI-MED, il-Kummissjoni qed titlob li l-konvenut iħallas l-ammonti dovuti, peress li l-partijiet kontraenti kienu marbuta in solidum li jeżegwixxu l-kuntratt.

____________