Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Marzu 2024 – CW vs Europol u Eurojust

(Kawża T-148/24)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: CW (rappreżentant: J. Reisinger, avukat)

Konvenuti: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust)

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

konformement mal-Artikolu 268 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 340 TFUE, tagħti kumpens għal ammont ta’ EUR 10  000 għad-dannu mġarrab minħabba l-Ftehim għall-Istabbiliment ta’ Skwadra ta’ Investigazzjoni Konġunta Franza – Il-Pajjiżi l-Baxxi ffirmat fl-10 ta’ April 2020 kif ukoll l-atti ta’ Europol u ta’ Eurojust relatati.

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu kontra l-atti ta’ Europol u ta’ Eurjust, fir-rigward tal-Operazzjoni EncroChat, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq li d-data personali kienet miksuba u pproċessata illegalment u sproporzjonalment.

Matul il-kisba u l-ipproċessar (b’mod partikolari ż-żamma, l-analiżi u t-tixrid) ta’ data EncroChat, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem tal-utenti, inklużi dawk tar-rikorrent, ġew miksura. B’mod partikolari, l-Artikoli 18, 28 u 38 tar-Regolament 2016/794 1 , l-Artikoli 9, 26 u 27 tar-Regolament 2018/1727 2 u l-Artikoli 71 u 72 tar-Regolament 2018/1725 3 ġew miksura.

L-Artikoli 7, 8 u 10 sa 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), moqrija flimkien mal-Artikoli 51 u 52 tagħha, ġew miksura, bħal fil-każ tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) kif ukoll tal-Artikolu 17 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR).

Ir-rikorrent jargumenta li huwa ġarrab danni peress li la kien neċessarju u lanqas proporzjonali li jiġu hacked l-utenti EncroChat kollha minflok ma ttieħdet azzjoni mmirata u individwalizzata. Minbarra dan, dan la kien iġġustifikat preċedentement u lanqas sussegwentement.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ possibbiltà sabiex tiġi vverifikata l-utilità tal-provi f’każijiet kriminali jew, fi kwalunkwe każ, l-assenza ta’ garanziji formali u materjali.

Ir-rikorrent isostni li d-data EncroChat, li tinkludi d-data personali tar-rikorrent, ma kinitx ġiet miksuba u pproċessata adegwatament, fid-dawl tal-għan li dik id-data tintuża f’każijiet kriminali. Dan jikser id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel motiv kif ukoll fl-Artikolu 28 tar-Regolament 2016/794, l-Artikoli 71 u 74 tar-Regolament 2018/1725, l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, l-Artikolu 6 tal-KEDB u l-Artikoli 14 u 15 tal-ICCPR.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ protezzjoni adegwata fil-kisba u fl-ipproċessar tad-data EncroChat.

Ir-rikorrent jargumenta li ma jistax raġonevolment ikun hemm protezzjoni adegwata, kif iddefinita mir-regolamenti imsemmija iktar ’il fuq, minħabba n-natura, id-daqs u l-kumplessità tad-data miksuba. Minbarra dan, ir-rikorrent isostni li l-kontrollur tad-data għandu jevalwa l-effett tal-ipproċessar intenzjonat. Ma huwiex ċar jekk dan seħħx. Jekk dan ma huwiex il-każ, huwa għalhekk ikkawża dannu addizzjonali.

____________

1     Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU 2016, L 135, p. 53).

1     Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU 2018, L 295, p. 138).

1     Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39).