Language of document : ECLI:EU:T:2021:363

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

16 ta’ Ġunju 2021 (*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta lampa tal-mejda – Disinn Komunitarju preċedenti – Raġuni għal invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑187/20,

Davide Groppi Srl, stabbilita fi Piacenza (l-Italja), irrappreżentata minn F. Boscariol de Roberto, D. Capra u V. Malerba, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn L Rampini, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

Viabizzuno Srl, stabbilita f’Bentivoglio (l-Italja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tat‑23 ta’ Jannar 2020 (Każ R 126/2019-3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Viabizzuno u Davide Groppi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn V. Tomljenović, President, P. Škvařilová-Pelzl u I. Nõmm (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratriċi,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ April 2020,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Lulju 2020,

wara li rat id-domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet u r-risposti għal din id-domanda ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 u fit‑18 ta’ Diċembru 2020,

wara s-seduta tas‑27 ta’ Jannar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis‑16 ta’ Lulju 2014, ir-rikorrenti, Davide Groppi Srl, talbet u kisbet mingħand l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), ir-reġistrazzjoni, bin-numru 2503680–0001, tad-disinn Komunitarju li huwa kkontestat f’dan il-każ, irrappreżentat hawn taħt:

Image not found

2        Il-prodotti li għalihom huwa intiż li jiġi applikat id-disinn ikkontestat jaqgħu fil-klassi 26–05 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno tat‑8 ta’ Ottubru 1968 li jistabbilixxi klassifika internazzjonali għad-disinni industrijali, kif emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Luminarji”. L-applikazzjoni għad-disinn Komunitarju ġiet ippubblikata fil-Bullettin tad-Disinji Komunitarji Nru 2014/133, tal‑21 ta’ Lulju 2014.

3        Fit‑3 ta’ Marzu 2017, il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, Viabizzuno Srl, ressqet quddiem l-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat, skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 6/2002.

4        Il-motiv invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kien dak imsemmi fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikoli 4 sa 6 ta’ dan l-istess regolament, fir-rigward tad-disinn preċedenti Nru 1294664–0010, tat‑22 ta’ Settembru 2011, irrappreżentat kif ġej:

Image not found

Image not found

5        Fl‑4 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti talbet sospensjoni tal-proċedimenti minħabba li d-disinn Komunitarju preċedenti kien is-suġġett ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

6        Fit‑22 ta’ Novembru 2018, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità minħabba li d-disinn ikkontestat ma kellux karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002.

7        Fis‑17 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti appellat quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Jannar 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell ippreżentat mir-rikorrenti. Huwa kkunsidra li:

–        il-fatt li d-disinn preċedenti kien is-suġġett ta’ annullament kien irrilevanti, peress li hija importanti biss il-kwistjoni dwar jekk kienx ġie żvelat;

–        l-utent avżat tal-prodott ikkonċernat mid-disinn ikkontestat kien meqjus li jaf il-proposti tas-suq, f’dan is-settur industrijali, fil-qasam tal-luminarji tal-mejda u tal-ġnien;

–        il-grad ta’ libertà tad-disinjatur kien wiesa’ ħafna;

–        mill-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni inkwistjoni jirriżulta li d-disinn ikkontestat wassal għal sensazzjoni ta’ “déjà vu”, peress li d-disinni inkwistjoni kienu jirrappreżentaw lampi komposti mill-istess tliet partijiet iddifferenzjati (bażi, virga u fanal) li jippreżentaw ruħhom viżwalment b’mod kważi identiku;

–        id-differenzi li jirrigwardaw in-natura sempliċi u lixxa tal-wiċċ tal-bażi fid-disinn ikkontestat, filwaqt li huma doppji u jinkludu toqob li jiffissaw fid-disinn preċedenti, ma kellhomx influwenza determinanti fuq l-impressjoni globali prodotta mid-disinni inkwistjoni, peress li dawn id-differenzi kienu jirrigwardaw parti ta’ spiss moħbija waqt l-użu, li kienu dovuti għal rekwiżiti tekniċi u li huma ma setgħux jikkumpensaw għax-xebh qawwi li kellhom iż-żewġ partijiet l-oħra li jikkostitwixxu l-lampi;

–        id-differenza, allegata mir-rikorrenti, fir-rigward tal-proporzjon fir-relazzjoni dimensjonali bejn bażi, virga u fanal setgħet tiġi pperċepita biss wara kejl bir-reqqa ta’ kull wieħed mit-tliet elementi, operazzjoni li l-utent avżat ma jwettaqx, u barra minn hekk, ma kienx rilevanti, peress li l-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni inkwistjoni għandu jsir b’mod sintetiku.

 Talbiet tal-partijiet

9        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO u lill-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell għall-ispejjeż.

10      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors.

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

11      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 6 tal-istess regolament. Dan il-motiv huwa magħmul minn żewġ partijiet, ibbażati fuq żbalji li jivvizzjaw, minn naħa, id-definizzjoni tal-kategorija tal-prodotti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, il-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni inkwistjoni.

12      Iż-żewġ partijiet tal-motiv huma bbażati fuq allegati żbalji mwettqa mill-Bord tal-Appell fl-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament 6/2002 fil-każ preżenti, huwa xieraq li dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien.

13      L-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi li disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu biss fil-każijiet imsemmija fis-subparagrafi (a) sa (g) tal-imsemmi paragrafu, b’mod partikolari fl-ipoteżi msemmija fis-subparagrafu (b), jiġifieri jekk ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 tal-istess regolament.

14      Skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju rreġistrat għandu jitqies li jkollu karattru individwali jekk l‑impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti mill‑impressjoni ġenerali li titħalla fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie żvelat lill‑pubbliku qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar‑reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, qabel id‑data tal-prijorità.

15      L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jippreċiża barra minn hekk li, fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.

16      Barra minn hekk, jirriżulta mill-premessa 14 tar-Regolament 6/2002 li, meta jiġi evalwat il-karattru individwali ta’ disinn, għandu jirrifletti n-natura tal-prodott li għalih ikun applikat id-disinn jew li fih ikun integrat, u b’mod partikolari, is-settur industrijali li għalih jappartjeni u l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.

17      L-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn Komunitarju ssir, essenzjalment, minn eżami f’erba’ stadji. Dan l-eżami jikkonsisti f’li jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, is-settur tal-prodotti li fihom id-disinn huwa maħsub li jiġi inkorporat jew li għalihom huwa maħsub li jiġi inkorporat jew applikat, it-tieni, l-utent avżat tal-imsemmija prodotti skont l-għan tagħhom u, b’riferiment għal dan l-utent avżat, il-grad ta’ għarfien tal-arti preċedenti kif ukoll il-livell ta’ attenzjoni għax-xebh u għad-differenzi fit-tqabbil tad-disinni, it-tielet, il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn, li l-influwenza tiegħu fuq il-karattru individwali hija sproporzjonata, u r-raba’, filwaqt li wieħed jieħu inkunsiderazzjoni dan kollu, ir-riżultat tal-paragun, dirett jew possibbli, tal-impressjonijiet globali prodotti fuq l-utent avżat mid-disinn ikkontestat u minn kull disinn preċedenti żvelat lill-pubbliku, meħud individwalment (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Visi/one vs EUIPO – EasyFix (Detentur tal-plakka għall-vetturi, T‑74/18, EU:T:2019:417, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Peress li huwa paċifiku li d-disinn preċedenti kien is-suġġett ta’ żvelar fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002, għandha tiġi vverifikata l-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar, l-ewwel nett, id-determinazzjoni tal-utent avżat tad-disinn ikkontestat u tal-prodott ikkonċernat minnu, it-tieni, fuq il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tal-imsemmi disinn u, it-tielet, il-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni inkwistjoni.

19      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-disinn preċedenti ġie annullat mill-EUIPO fit‑30 ta’ Ottubru 2018.

20      Quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti kienet enfasizzat dan il-fatt sabiex issostni li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa mill-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem dan il-bord kellha tiġi miċħuda. Il-Bord tal-Appell ċaħad din il-kritika fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata billi enfasizza li “l-fatt li d-disinn Komunitarju preċedenti kien ġie ddikjarat null sadanittant ma jneħħix, kuntrarjament għal dak li jippretendi l-proprjetarju [tad-disinn ikkontestat] fil-motivi pprovduti insostenn tal-appell, il-preżunzjoni loġika u ġuridika ta’ dan tal-aħħar[; f]il-fatt, din il-preżunzjoni ma hijiex il-validità tad-disinn Komunitarju preċedenti, iżda l-iżvelar tiegħu li, barra minn hekk, ma ġiex ikkontestat”.

21      Tali analiżi, li, barra minn hekk, ma għadhiex ikkontestata mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, għandha tiġi approvata, peress li r-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità invokata kontra r-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat hija dik ibbażata fuq l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002.

22      Fil-fatt, il-loġika li fuqha huwa bbażat l-Artikolu 25(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 6/2002 hija li tipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ disinni li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw li dawn ikunu s-suġġett ta’ protezzjoni, u b’mod partikolari dik dwar in-“novità” tagħhom u l-“karattru individwali” tagħhom, fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 5 u tal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, u mhux li jipproteġu disinn preċedenti.

23      F’dan ir-rigward, il-motivi għal invalidità li jinsabu fl-Artikolu 25(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 6/2002 huma differenti minn dawk previsti, pereżempju, fl-Artikolu 25(1)(e) ta’ dan l-istess regolament, li huwa intiż li jipproteġi lill-proprjetarju ta’ sinjal distintiv kontra l-użu ta’ dan is-sinjal f’disinn. Meta tali motiv għandu bħala funzjoni l-protezzjoni ta’ dritt preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li, fl-eventwalità li tintlaqa’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kontrih, huwa jagħmel il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kontra d-disinn Komunitarju mingħajr skop (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Dairek Attoumi vs UASI – Diesel (DIESEL), T‑278/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:606, punt 24).

24      Madankollu, tali soluzzjoni ma tistax tiġi trasposta għall-motivi msemmija fl-Artikolu 25(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 6/2002, li ma jaqgħux fil-loġika tal-protezzjoni ta’ dritt preċedenti, offruta lill-proprjetarju biss ta’ dan id-dritt. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li tali motivi jistgħu, bħala prinċipju, jiġu invokati minn kull persuna (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Detentur tal-plakka għall-vetturi, T‑74/18, EU:T:2019:417, punt 64).

25      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, mill-premessa 14 tal-imsemmi regolament jirriżulta li dan għandu jikkonsisti f’li jiġi ddeterminat jekk teżistix differenza ċara bejn l-impressjoni globali li jipproduċi fuq utent informat li jarah u dik prodotta fuqu mill-corpus tad-disinni.

26      Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżami tal-motiv għall-invalidità msemmija fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, id-disinn preċedenti għandu biss bħala funzjoni li jiżvela l-istat tal-arti preċedenti. Dan jikkorrispondi għall-corpus tad-disinni li jirrigwardaw il-prodott inkwistjoni li ġew żvelati fid-data tal-preżentata tad-disinn ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2019, Eglo Leuchten vs EUIPO – Briloner Leuchten (Lampa), T‑767/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:67, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, l-appartenenza ta’ disinn preċedenti għall-imsemmi corpus tirriżulta biss mill-iżvelar tiegħu.

27      Għaldaqstant, dak li huwa importanti huwa l-fatt li d-disinn preċedenti kien is-suġġett ta’ żvelar, u mhux il-portata tal-protezzjoni mogħtija lill-imsemmi disinn li tirriżulta mill-validità tar-reġistrazzjoni tiegħu.

 Fuq il-prodott ikkonċernat mid-disinn ikkontestat u fuq l-utent avżat

28      Fil-punti 15 sa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li, peress li d-disinn ikkontestat kien jindika “luminarji”, l-utent avżat kien il-persuna li tuża dan l-artiklu tad-dawl, li kienet meqjusa li taf il-proposti tas-suq fil-qasam tal-luminarji tal-mejda u tal-ġnien.

29      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli assimila żewġ prodotti differenti, jiġifieri l-lampi tal-mejda u l-lampi tal-ġnien. Minn naħa, hija ssostni li d-determinazzjoni tal-prodotti li fihom id-disinn huwa maħsub li jiġi inkorporat jew li magħhom huwa maħsub li jiġi inkorporat jew applikat hija kundizzjoni preliminari għall-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti. Hija żżid li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-indikazzjoni testwali biss tal-prodott li jinsab fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat huwa insuffiċjenti u li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll, jekk ikun il-każ, id-disinn innifsu. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-lampi tal-mejda u l-lampi tal-ġnien, anki jekk jappartjenu għall-kategorija usa’ tal-luminarji, huma differenti minħabba n-natura tagħhom, il-funzjoni tagħhom u l-użu intenzjonat tagħhom.

30      L-EUIPO jikkontesta din l-argumentazzjoni.

31      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, id-determinazzjoni tal-prodott li fih disinn huwa maħsub li jiġi inkorporat jew li miegħu huwa maħsub li jiġi applikat, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-indikazzjoni li tirrigwardah fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-imsemmi disinn, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, id-disinn innifsu, sa fejn jispeċifika n-natura tal-prodott, l-użu intenzjonat jew il-funzjoni tiegħu. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-disinn innifsu jista’ jippermetti li jiġi identifikat il-prodott inkwistjoni fi ħdan il-kategorija ta’ prodotti usa’, bħal dik indikata waqt ir-reġistrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Grupo Promer Graphic vs UASI – PepsiCo, (Rappreżentazzjoni ta’ materjal promozzjonali ċirkulari), T‑9/07, EU:T:2010:96, punt 56).

32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat tirreferi b’mod ġenerali għal-luminarji. Barra minn hekk, l-eżami tad-disinn ikkontestat stess ma jipprovdix indikazzjoni addizzjonali. Minn dan jiġi dedott biss li l-prodott ikkonċernat minnu jikkostitwixxi lampa, mingħajr ma jista’ jiġi ddeterminat li huwa intiż li jintuża speċifikament għal finijiet ta’ dawl intern jew estern.

33      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament identifika l-imsemmija prodotti bħala, b’mod ġenerali, il-“luminarji”.

34      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegati differenzi bejn il-prodotti kkonċernati mid-disinni inkwistjoni, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm id-determinazzjoni tas-settur tal-prodotti li fihom id-disinn huwa maħsub li jiġi inkorporat jew li għalihom huwa maħsub li jiġi applikat hija kunsiderazzjoni rilevanti fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-utent avżat u tal-livell ta’ attenzjoni tiegħu, tal-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tiegħu kif ukoll, eventwalment, waqt il-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti fuq l-imsemmi utent avżat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punti 53, 59 u 73), hija ma tistax madankollu timplika li l-prodotti kkonċernati mid-disinni inkwistjoni huma simili jew jaqgħu fl-istess settur.

35      Fil-fatt, l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 ma jinkludi ebda kundizzjoni ta’ xebh tal-prodotti ekwivalenti għal dik involuta fl-eżami ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1). Għall-kuntrarju, jekk il-protezzjoni ta’ disinn tkun tiddependi fuq in-natura tal-prodott li fih dan id-disinn ikun inkorporat jew li għalih jiġi applikat dan id-disinn iwassal sabiex l-imsemmija protezzjoni tiġi llimitata biss għad-disinni li jappartjenu lil settur partikolari, fatt li jkun f’kontradizzjoni mal-loġika tar-Regolament Nru 6/2002 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punti 91 sa 95).

36      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-identifikazzjoni tal-“utent avżat”, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 6/2002 ma jiddefinixxix dan il-kunċett. Madankollu, din il-frażi għandha tinftiehem bħala kunċett intermedjarju bejn dak ta’ konsumatur medju, applikabbli fil-qasam tat-trade marks, fejn l-ebda għarfien speċifiku ma huwa mitlub mill-konsumatur u li ġeneralment ma jagħmilx paragun dirett bejn it-trade marks kunfliġġenti, u dak ta’ espert li għandu kompetenzi tekniċi kbar. Għalhekk, il-kunċett ta’ utent avżat jista’ jinftiehem bħala li ma jindikax utent li għandu attenzjoni medja iżda utent li għandu viġilanza partikolari, sewwa jekk din ġejja mill-esperjenza personali tiegħu jew mill-għarfien estiż tas-settur inkwistjoni (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 53).

37      Fir-rigward tal-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat, għalkemm ma huwiex il-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat li normalment jipperċepixxi disinn fit-totalità tiegħu u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti tiegħu, lanqas ma huwa l-espert jew il-bniedem tas-sengħa, kapaċi li josserva fid-dettall id-differenzi minimi li jistgħu jeżistu bejn id-disinni kunfliġġenti. B’hekk, id-definizzjoni “avżat” tissuġġerixxi li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent ikun jaf id-disinni differenti li jeżistu fis-settur ikkonċernat, jiddisponi minn ċertu livell ta’ għarfien fir-rigward tal-elementi li dawn id-disinni jkun fihom normalment u, minħabba l-interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati, juża livell ta’ attenzjoni relattivament ogħla meta jagħmel użu minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 59).

38      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta qies, fil-punti 15 sa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-utent kien il-persuna li tuża l-artikli tad-dawl li jikkostitwixxu l-luminarji, li kienet meqjusa li taf il-proposti tas-suq f’dan is-settur industrijali.

 Fuq il-grad tal-libertà tad-disinjatur

39      Skont il-ġurisprudenza, il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni ta’ disinn huwa ddefinit li jibda, b’mod partikolari, mir-restrizzjonijiet marbuta mal-karatteristiċi imposti mill-funzjoni teknika tal-prodott jew ta’ element tal-prodott, jew ukoll mir-rekwiżiti legali applikabbli għall-prodott. Dawn ir-restrizzjonijiet iwasslu għall-istandardizzazzjoni ta’ ċerti karatteristiċi, li jsiru komuni għal diversi disinni applikati għall-prodott ikkonċernat (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Rappreżentazzjoni ta’ sostenn promozzjonali ċirkulari, T‑9/07, EU:T:2010:96, punt 67).

40      Il-libertà tad-disinjatur hija, f’dan il-kuntest, fattur li pjuttost jippermetti li tiġi kkwalifikata l-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, u mhux fattur awtonomu li jiddetermina d-distanza meħtieġa bejn żewġ disinni sabiex wieħed minnhom ikun jista’ jinvoka karattru individwali. Fi kliem ieħor, il-fattur relatat mal-grad ta’ libertà tad-disinjatur jista’ jsaħħaħ jew, għall-kuntrarju, jikkwalifika l-konklużjoni fir-rigward tal-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat minn kull disinn inkwistjoni (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Porsche vs EUIPO – Autec (Vetturi bil-mutur), T‑209/18, EU:T:2019:377, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      L-influwenza tal-fattur marbut mal-libertà tad-disinjatur fuq il-karattru individwali tvarja skont regola ta’ proporzjonalità inversa. Għalhekk, iktar ma tkun kbira l-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp ta’ disinn, inqas ikun probabbli li differenzi żgħar bejn id-disinni kunfliġġenti jkunu biżżejjed sabiex jipproduċu impressjoni globali differenti fuq l-utent avżat. Bil-maqlub, iktar ma tkun ristretta l-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp ta’ disinn, iktar id-differenzi żgħar bejn id-disinni kunfliġġenti jkunu biżżejjed sabiex jipproduċu impressjoni globali differenti fuq l-utent avżat. Fi kliem ieħor, livell għoli ta’ libertà tad-disinjatur isaħħaħ il-konklużjoni li disinni mingħajr differenzi sinjifikattivi jipproduċu l-istess impressjoni globali għall-utent avżat u, għaldaqstant, id-disinn ikkontestat ma jkollux karattru individwali. Għall-kuntrarju, grad dgħajjef ta’ libertà tad-disinjatur jiffavorixxi l-konklużjoni li d-differenzi suffiċjentement evidenti bejn id-disinni jipproduċu impressjoni globali differenti fuq l-utent avżat u, għaldaqstant, id-disinn ikkontestat għandu karattru individwali (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Detentur tal-plakki għall-vetturi, T‑74/18, EU:T:2019:417, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li din il-libertà kienet wiesgħa ħafna, jew prattikament infinita. Din l-evalwazzjoni, li barra minn hekk ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, għandha tiġi approvata.

 Fuq il-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti

43      Il-Bord tal-Appell qies, fil-punti 23 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li mill-paragun tal-impressjonijiet globali kien jirriżulta li d-disinn ikkontestat kien jagħti impressjoni ta’ “déjà vu”.

44      Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell ikkonstata li d-disinni inkwistjoni kienu jirrappreżentaw lampi komposti mill-istess tliet partijiet, li jippreżentaw ruħhom viżwalment b’mod kważi identiku.

45      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li d-differenzi bejn id-disinni ma kinux ta’ natura li jostakolaw impressjoni ta’ “déjà vu”. Minn naħa, id-differenzi dwar in-natura sempliċi u lixxa tal-bażi fid-disinn ikkontestat, filwaqt li huma doppji u jinvolvu problemi fid-disinn preċedenti, ma għandhomx influwenza determinanti fuq l-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni inkwistjoni, peress li dawn id-differenzi jirrigwardaw parti ta’ spiss moħbija waqt l-użu, li huma dovuti għal rekwiżiti tekniċi u li ma jistgħux jikkumpensaw għax-xebh qawwi li jirrigwarda ż-żewġ partijiet l-oħra li jikkostitwixxu l-lampi. Min-naħa l-oħra, id-differenza allegata mir-rikorrenti fir-rigward tal-proporzjon fir-relazzjoni dimensjonali bejn il-bażi, il-virga u l-fanal tista’ eventwalment tinġabar biss wara kejl bir-reqqa ta’ kull wieħed mit-tliet elementi, operazzjoni li l-utent avżat ma jagħmilx. Barra minn hekk, din id-differenza ma hijiex rilevanti, peress li l-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni inkwistjoni għandu jsir b’mod sintetiku.

46      Sabiex tikkontesta din l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tirreferi għad-differenzi relatati mal-prodotti kkonċernati mid-disinni inkwistjoni. Fit-tieni lok, hija ssostni li l-motivi li għalihom il-Bord tal-Appell qies li d-differenzi bejn id-disinni inkwistjoni ma kellhomx effett huma żbaljati. Dan huwa l-każ, l-ewwel nett, għall-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-bażi tal-prodott ikkonċernat mid-disinn preċedenti ħafna drabi tinħeba, it-tieni, fuq il-motiv ibbażat fuq l-enfasi tar-rekwiżiti tekniċi tal-bażi tal-prodott ikkonċernat mid-disinn preċedenti u, it-tielet, fuq il-motivi ibbażati fuq il-fatt li, minn naħa, id-differenzi relatati mal-bażi ma jistgħux jikkumpensaw ix-xebh qawwi li jikkonċerna l-virga u l-fanal u, min-naħa l-oħra, id-differenzi ta’ proporzjon bejn l-elementi taż-żewġ lampi ma humiex ipperċepiti mill-utent avżat.

47      L-EUIPO jikkontesta dawn l-argumenti kollha.

48      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-karattru individwali ta’ disinn jirriżulta minn impressjoni globali ta’ differenza jew minn assenza ta’ “déjà vu”, mill-perspettiva tal-utent avżat, meta mqabbel ma’ kull awtorità fi ħdan il-corpus tad-disinni, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi li ma jibqgħux evidenti biżżejjed sabiex jaffettwaw l-imsemmija impressjoni globali, minkejja li jeċċedu dettalji insinjifikattivi, iżda billi jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi suffiċjentement evidenti sabiex joħolqu impressjonijiet ġenerali differenti (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Antrax It vs EUIPO – Vasco Group (Termosifuni għar-radjaturi), T‑828/14 u T‑829/14, EU:T:2017:87, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Sabiex jiġi eżaminat il-karattru individwali ta’ disinn, huwa għalhekk xieraq li jsir paragun bejn l-impressjoni globali prodotta mid-disinn Komunitarju kkontestat u, min-naħa l-oħra, l-impressjoni globali prodotta għal kull disinn preċedenti li kienet validament invokata mir-rikorrent għall-invalidità (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2010, Shenzhen Taiden vs UASI – Bosch Security Systems (Apparat għall-komunikazzjoni), T‑153/08, EU:T:2010:248, punt 24).

50      Differenzi ma humiex suffiċjenti sabiex joħolqu impressjoni globali ta’ differenza meta ma jkunux suffiċjentement immarkati sabiex jiddistingwu d-disinni inkwistjoni fil-perċezzjoni tal-utent avżat jew jagħmlu tajjeb għax-xebh ikkonstatat bejn id-disinni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Rappreżentazzjoni ta’ sostenn promozzjonali ċirkulari, T‑9/07, EU:T:2010:96, punti 77 sa 84).

51      Għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ġustament qies li d-disinn ikkontestat kien jipproduċi impressjoni ta’ “déjà vu”, b’tali mod li ma kellux karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002.

52      Fil-fatt, il-paragun tad-disinni inkwistjoni juri li dawn jikkonċernaw lampi li t-tnejn li huma għandhom fanali tondi u vireg dritti. Fir-rigward tal-bażi ta’ dawn iż-żewġ lampi, dawn għandhom komuni li jkunu ċirkulari u ta’ daqs ħafna ogħla mill-fanali.

53      Quddiem tali elementi ta’ xebh, id-differenzi fir-rigward tal-bażi tal-imsemmija lampi — koppla u bit-toqob f’każ wieħed, ċatt u lixx fl-ieħor — ma jistgħux jitqiesu li huma ta’ natura suffiċjentement immarkata fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 48 u 50 iktar ’il fuq, kif ġustament irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata. L-istess japplika għall-karattru proporzjonalment ftit itwal u fit-tarf tal-virga tad-disinn preċedenti u d-differenza fil-proporzjon bejn l-elementi tal-lampi li jirriżultaw minnha.

54      F’dan ir-rigward, għandu, barra minn hekk, jiġi rrilevat li l-libertà partikolarment wiesgħa tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn ikkontestat tillimita, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, l-effett li d-differenzi żgħar bejn id-disinni kunfliġġenti jista’ jkollhom fil-kuntest tal-paragun tal-impressjonijiet globali li jipproduċu.

55      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament qies li d-disinn ikkontestat kien nieqes minn karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 u għalhekk ikkonkluda li huwa invalidu skont l-Artikolu 25(1)(b) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-imsemmi Artikolu 6.

56      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li element ta’ distinzjoni jirriżulta mis-settur tal-prodotti kkonċernati mid-disinni inkwistjoni. Fil-fatt, għar-raġunijiet esposti fil-punti 32 u 33 iktar ’il fuq, ma jistax jitqies li d-disinn ikkontestat huwa intiż biss sabiex jintuża għal finijiet ta’ dawl intern. Fi kwalunkwe każ, għar-raġunijiet esposti fil-punti 34 u 35 iktar ’il fuq, anki jekk jitqies li l-prodotti inkwistjoni ma jaqgħux fl-istess settur iżda iktar taħt setturi li jmissu magħhom — dak tal-luminarji interni u dak tal-luminarji fuq l-estern — tali differenza ma tkunx ta’ natura li tikkontrobilanċja l-punti komuni importanti rrilevati bejn id-disinni inkwistjoni fil-kuntest tal-paragun tal-impressjonijiet globali li jipproduċu.

57      Barra minn hekk, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu b’mod żbaljat, fil-punti 28 u 29 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-fatt li l-bażi tad-disinn preċedenti spiss hija moħbija u li d-differenzi bejn il-bażi tad-disinni inkwistjoni huma spjegati minn rekwiżiti tekniċi sabiex tiġi eskluża r-rilevanza ta’ dawn id-differenzi li jirrigwardaw il-bażi tal-lampi. Fil-fatt, il-motiv ibbażat fuq in-natura mhux suffiċjentement immarkata tal-imsemmija differenzi sabiex jikkumpensaw ix-xebh qawwi li jippreżentaw il-partijiet l-oħra li jikkostitwixxu l-lampi kkonċernati mid-disinni kunfliġġenti, li jinsabu fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed, fih innifsu, sabiex jistabbilixxi l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell.

58      Għaldaqstant, il-motiv uniku tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

59      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Davide Groppi Srl hija kkundannata għall-ispejjeż.

Tomljenović

Škvařilová-Pelzl

Nõmm

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑16.6.2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.