Language of document : ECLI:EU:C:2017:616

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fis-26 ta’ Lulju 2017 (1)

Kawża C226/16

Eni SpA,

Eni Gas & Power France SA,

Union professionnelle des industries privées du gaz (Uprigaz)

vs

Premier ministre,

Ministre de l’Environnement, de l’Énergie et de la Mer,

fil-preżenza ta’:

Storengy,

Total Infrastructures Gaz France (TIGF)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 994/2010 – Sigurtà tal-provvista ta’ gass naturali – Il-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘klijenti protetti’ – Artikolu 8(2) – Obbligi addizzjonali imposti għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista – Artikolu 8(5) – Obbligu li l-ħażna ta’ gass naturali titqiegħed fit-territorju ta’ Stat Membru”






1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tittratta kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 994/2010, dwar miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass (2).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi mressqa quddiem il-Conseil d’État (France) (kunsill tal-istat, Franza), li hija l-qorti tar-rinviju, li fil-kuntest tagħhom ġiet ikkontestata l-legalità tad-Digriet Nru 2014‑328 (3) li emenda il-leġiżlazzjoni Franċiża fil-qasam tal-aċċess għall-ħażniet sotterrani ta’ gass naturali. Quddiem il-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza), ir-rikorrenti, il-kumpanniji Eni SpA u Eni Gas & Power France SA, minn naħa, u UPRIGAZ, min-naħa l-oħra, żewġ fornituri ta’ gass naturali, jargumentaw, b’mod partikolari, dwar il-ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 994/2010.

3.        Din hija l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba sabiex tinterpreta dan ir-regolament, li jikkonċerna s-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali, li huwa settur sensittiv ħafna. Ir-risposti li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tipprovdi ser ikunu utli sabiex tiftiehem il-portata tal-obbligi li, fil-kuntest tas-sistema implementata b’dan ir-regolament, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq il-fornituri ta’ gass naturali sabiex jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010:

“[…]:

(1)      ‘klijenti protetti’ tfisser il-klijenti domestiċi kollha konnessi ma’ netwerk tad-distribuzzjoni tal-gass, u, barra minn hekk, fejn l-Istat Membru kkonċernat jiddeċiedi hekk, tista’ tinkludi wkoll:

a)      l-impriżi ta’ daqs żgħir u medju, sakemm dawn ikunu konnessi ma’ netwerk tad-distribuzzjoni tal-gass, u s-servizzi soċjali essenzjali sakemm ikunu konnessi ma’ netwerk tad-distribuzzjoni jew it-trażmissjoni tal-gass, u sakemm dawn il-klijenti addizzjonali kollha ma jirrappreżentawx aktar minn 20 % tal-użu finali tal-gass; u/jew

b)      l-istallazzjonijiet għat-tisħin distrettwali sal-punt li jfornu tisħin għall-klijenti domestiċi u għall-klijenti msemmijin fil-punt (a) sakemm dawn l-istallazzjonijiet ma jkunux jistgħu jaqilbu għal karburanti oħra u jkunu konnessi ma’ netwerk tad-distribuzzjoni jew it-trażmissjoni tal-gass.”

5.        Skont l-Artikolu 3(6) tar-Regolament Nru 994/2010:

“Il-miżuri biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass li jinsabu fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Preventivi [u fil-Pjanijiet ta’ Emerġenza] għandhom ikunu ddefiniti sew, trasparenti, proporzjonati, mhux diskriminatorji u verifikabbli, ma għandhomx jgħawġu bla bżonn il-kompetizzjoni u l-funzjonament effikaċi tas-suq intern fil-gass u ma għandhomx jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-Istati Membri l-oħra jew tal-Unjoni kollha kemm hi.”

6.        L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 994/2010, intitolat “Standard tal-provvista [Regoli tal-provvista]” jipprovdi:

“1.      L-Awtorità Kompetenti għandha teżiġi li l-impriżi tal-gass naturali, li hija tidentifika, jieħdu miżuri biex jiżguraw il-forniment tal-gass lill-klijenti protetti tal-Istat Membru f’dawn il-każi li ġejjin:

a)      temperaturi estremi matul perjodu ta’ sebat ijiem bl-ogħla valur li jseħħ bi probabbiltà statistika ta’ darba f’20 sena;

b)      kwalunkwe perjodu ta’ 30 jum tal-anqas ta’ domanda eċċezzjonalment għolja għall-gass, li jseħħ bi probabbiltà statistika ta’ darba f’20 sena; u

c)      għal perjodu ta’ 30 jum tal-anqas fil-każ ta’ xkiel fl-akbar infrastruttura […] tal-provvista tal-gass f’kondizzjonijiet medji tax-xitwa.

L-Awtorità Kompetenti għandha tidentifika l-impriżi tal-gass naturali msemmija fl-ewwel subparagrafu mhux aktar tard mit-3 ta’ Ġunju 2012.

2.      Kull standard ta’ provvista miżjuda [msaħħa] li jaqbeż il-perjodu ta’ 30 jum imsemmi fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1 jew kull obbligu addizzjonali impost għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista tal-gass għandhom ikunu bbażati fuq l-istima tar-riskji msemmija fl-Artikolu 9, għandhom ikunu riflessi fil-Pjan ta’ Azzjoni Preventiv u għandhom:

a)      jikkonformaw mal-Artikolu 3(6);

b)      ma jagħwġux b’mod mhux xieraq il-kompetizzjoni u jostakolaw il-funzjonament tas-suq intern fil-gass naturali;

c)      ma jkollhomx impatt negattiv fuq il-kapaċità ta’ kull Stat Membru ieħor li jforni lill-klijenti protetti tiegħu skont dan l-Artikolu fil-każ ta’ emerġenza nazzjonali, reġjonali jew tal-Unjoni; u

d)      jikkonformaw mal-kriterji speċifikati fl-Artikolu 11(5) fil-każ ta’ emerġenza tal-Unjoni jew reġjonali.

Fi spirtu ta’ solidarjetà, l-Awtorità Kompetenti għandha tidentifika fil-Pjan ta’ Azzjoni Preventiv u l-Pjan ta’ Emerġenza kif standards ta’ provvista miżjuda [msaħħa] jew obbligu addizzjonali impost fuq l-impriżi tal-gass naturali jistgħu jitnaqqsu b’mod temporanju fil-każ ta’ emerġenza tal-Unjoni jew dik reġjonali.

3.      Wara l-perjodi definiti mill-Awtorità Kompetenti skont il-paragrafi 1 u 2, jew f’kondizzjonijiet aktar stretti minn dawk definiti fil-paragrafu 1, l-Awtorità Kompetenti u l-impriżi tal-gass naturali għandhom jagħmlu ħilithom biex imantnu għal kemm ikun possibbli l-provvista tal-gass, b’mod partikulari, għall-klijenti protetti.

4.      L-obbligi imposti fuq l-impriżi tal-gass naturali biex jissodisfaw l-istandard tal-provvista kif stipulat f’dan l-Artikolu ma għandhomx ikunu diskriminatorji u ma għandhomx jimponu piż bla bżonn fuq dawk l-impriżi.

5.      L-impriżi tal-gass naturali għandhom ikunu permessi jissodisfaw dawn l-obbligi f’livell reġjonali jew tal-Unjoni, skont il-każ. L-Awtorità Kompetenti ma għandhiex teżiġi li l-istandards stipulati f’dan l-Artikolu jintlaħqu abbażi tal-infrastruttura li tinsab fit-territorju tagħha biss.

6.      L-Awtorità Kompetenti għandha tiżgura li l-kondizzjonijiet għall-provvisti lill-klijenti protetti huma stabbiliti mingħajr ħsara għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass u bi prezz li jirrispetta l-valur fis-suq tal-provvisti.”

B.      Id-dritt Franċiż

7.        Fi Franza, il-ħażna tal-gass naturali hija rregolata bid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli L. 421-1 sa L. 421-16 tal-code de l’énergie (kodiċi tal-enerġija). Dawn id-dispożizzjonijiet jorganizzaw l-aċċess għall-ħażna tal-gass fil-kuntest tal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq il-fornituri li jiggarantixxu l-kontinwità tal-provvista saħansitra f’sitwazzjonijiet estremi.

8.        B’mod partikolari, skont l-Artikolu L. 421-3 tal-kodiċi tal-enerġija:

“Il-ħażniet ta’ gass naturali għandhom jippermettu li jiżguraw f’ordni ta’ prijorità:

1°      Il-funzjonament tajjeb u l-bilanċ tan-netwerks konnessi mal-ħażniet sotterrani ta’ gass naturali;

2°      Is-sodisfar dirett jew indirett tal-bżonnijiet tal-klijenti domestiċi u ta’ dawk tal-klijenti l-oħra li ma jkunux aċċettaw kuntrattwalment provvista interrompibbli jew li jwettqu missjonijiet ta’ interess ġenerali;

3°      L-osservanza tal-obbligi l-oħra ta’ servizz pubbliku previsti fl-Artikolu L. 121-32.”

9.        L-Artikolu L. 421-4 tal-kodiċi tal-enerġija jipprovdi:

“Kull fornitur għandu jkollu fi Franza, fil-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, direttament jew indirettament permezz ta’ mandatarju, ħażniet ta’ gass naturali suffiċjenti, kont meħud tal-istrumenti ta’ modulazzjoni l-oħra tiegħu, sabiex matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Novembru u l-31 ta’ Marzu jissodisfa l-obbligi kuntrattwali tiegħu ta’ provvista diretta jew indiretta tal-klijenti msemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu L. 421-3. […]”

10.      Skont l-Artikolu L. 421-7 tal-kodiċi tal-enerġija, digriet tal-kunsill tal-istat għandu jiffissa l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni, fost oħrajn tal-Artikolu L. 421-4.

11.      Id-Digriet Nru 2006/1034, adottat b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u sussegwentement emendat bid-Digriet Nru 2014-328, ikkontestat quddiem il-qorti tar-rinviju, jippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom għandu jiġi organizzat l-aċċess għall-ħażna ta’ gass naturali. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan id-digriet, kif emendat, jipprevedi, minn naħa, l-attribuzzjoni lil kull fornitur ta’ gass naturali ta’ drittijiet ta’ aċċess għall-kapaċitajiet ta’ ħażna jew “drittijiet ta’ ħażna” (4), iddeterminati b’rabta mal-portafoll ta’ klijenti tiegħu, sabiex jippermettilu li jforni lil dawn il-klijenti matul il-perijodu tax-xitwa u, min-naħa l-oħra, id-determinazzjoni tal-obbligi imposti fuq dawn il-fornituri.

12.      L-Artikolu 9 tad-Digriet Nru 2014-328 emenda d-Digriet Nru 2006/1034 billi ppreveda, minn naħa, li l-obbligi ta’ ħażna imposti fuq il-fornituri għandhom jiġu kkalkolati b’rabta mad-“drittijiet ta’ ħażna” li ma għadhomx korrispondenti biss għall-konsum annwali tal-klijenti domestiċi tagħhom u tal-klijenti tagħhom li jwettqu missjonijiet ta’ interess ġenerali, kif kien jipprevedi d-digriet fil-verżjoni preċedenti tiegħu, imma li saru korrispondenti wkoll għall-konsum tal-klijenti konnessi man-netwerk ta’ distribuzzjoni li ma jkunux aċċettaw kuntrattwalment provvista interrompibbli. Min-naħa l-oħra, bħala korrispettiv, id-Digriet Nru 2014‑328 naqqas ir-rata tal-obbligi ta’ ħażna minn 85 % għal 80 % tad-drittijiet ta’ ħażna.

II.    Il-fatti fil-kawża prinċipali, il-proċedura nazzjonali u d-domandi preliminari

13.      Permezz ta’ żewġ rikorsi, il-kumpanniji Eni SpA u Eni Gas & Power France SA (iktar ’il quddiem, flimkien, “ENI”), minn naħa, u UPRIGAZ, min-naħa l-oħra, ressqu azzjoni quddiem il-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza) fejn talbu li d-Digriet Nru 2014‑328 jiġi annullat minħabba eċċess ta’ poter.

14.      Fl-azzjonijiet tagħhom ENI u UPRIGAZ jargumentaw, inter alia, li d-digriet jikser id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 994/2010. Minn naħa, dan id-digriet jestendi b’mod illegali d-definizzjoni tal-“klijenti protetti” prevista fil-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, huwa jimponi fuq il-fornituri ta’ gass naturali l-obbligu li jżommu fi Franza l-kapaċitajiet ta’ ħażna bi ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 994/2010.

15.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinnota, fl-ewwel lok, li d-Digriet Nru 2014-328 jinkludi fid-definizzjoni tal-“klijenti protetti” il-klijenti mhux domestiċi konnessi man-netwerk ta’ distribuzzjoni li ma jkunux aċċettaw kuntrattwalment provvista li tista’ tiġi interrotta, li mhux neċessarjament ikunu “impriżi ta’ daqs żgħir jew medju” fit-termini tal-punt 1(a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010. Għalhekk, id-definizzjoni ta’ “klijenti protetti” adottata f’dan id-digriet tista’ teċċedi t-termini tad-definizzjoni kontenuta f’dan ir-regolament. L-awtoritajiet Franċiżi jsostnu madankollu li dawn il-klijenti addizzjonali jikkorrispondu għal siti ta’ daqs modest li, anki jekk jappartjenu lil impriżi kbar, jaqsmu ħafna karatteristiċi mal-impriżi ta’ daqs żgħir u medju. Barra minn hekk, skont dawn l-awtoritajiet, din id-definizzjoni estiża hija marbuta mal-obbligi addizzjonali imposti għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista ta’ gass, li, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 994/2010, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-impriżi tal-gass naturali.

16.      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-legalità tad-Digriet Nru 2014-328 tiddependi fuq il-kwistjoni jekk l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 994/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li Stat Membru jimponi fuq il-fornituri ta’ gass naturali obbligi addizzjonali li jirriżultaw mill-inklużjoni fost il-“klijenti protetti”, ta’ klijenti li ma jissemmewx fil-punt 1(a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010.

17.      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tinnota li, sabiex jiżgura l-kontinwità tal-provvista tal-gass lill-klijenti, l-Artikolu L. 421-4 tal-kodiċi tal-enerġija jimponi fuq il-fornituri li jżommu, fi Franza, ħażniet ta’ gass naturali suffiċjenti, kont meħud tal-istrumenti l-oħra ta’ modulazzjoni li huma jkollhom, u li d-Digriet Nru 2014-328 jimplika li 80 % tad-drittijiet ta’ ħażna jitwettqu fit-territorju nazzjonali billi jipprovdi madankollu li l-Ministru tal-Enerġija jieħu inkunsiderazzjoni strumenti oħra ta’ modulazzjoni li jkollu fornitur tal-gass sabiex jevalwa jekk il-kapaċitajiet ta’ ħażna li huwa għandu humiex suffiċjenti sabiex jiggarantixxu l-osservanza tal-obbligu tiegħu ta’ ħażna. Il-legalità tad-Digriet Nru 2014-328 tiddependi fuq il-kwistjoni jekk l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 994/2010 jipprekludix li Stat Membru jimponi dawn l-obbligi fuq il-fornituri ta’ gass naturali.

18.      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      L-Artikolu 8(2) tar-[Regolament Nru 994/2010] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jimponi fuq il-fornituri ta’ gass naturali obbligi addizzjonali li jirriżultaw mill-inklużjoni fost il-“klijenti protetti”, li l-konsum tagħhom jikkontribwixxi sabiex jiġi ddefinit il-perimetru tal-obbligi ta’ ħażna intiż sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista, ta’ klijenti li ma jissemmewx f[il-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2)] ta’ dan l-istess regolament?

2.      L-Artikolu 8(5) tar-[Regolament Nru 994/2010] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jimponi fuq il-fornituri ta’ gass naturali obbligi li jirrigwardaw il-volumi ta’ gass maħżuna u r-rati tal-estrazzjoni marbuta magħhom, kif ukoll iż-żamma ta’ kapaċitajiet ta’ ħażna miksuba taħt id-drittijiet korrispondenti għall-obbligu ta’ żamma tal-ħażniet fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li jipprevedi li l-ministru, fl-evalwazzjoni tiegħu tal-kapaċitajiet ta’ ħażna li għandu fornitur, jieħu inkunsiderazzjoni strumenti oħra ta’ modulazzjoni li huwa għandu?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      Id-deċiżjoni tar-rinviju waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ April 2016. Eni, UPRIGAZ, Storengy u TIGF, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet u dehru fis-seduta li nżammet fis-16 ta’ Marzu 2017.

IV.    Analiżi

20.      Qabel ma nirrispondi għaż-żewġ domandi preliminari li saru mill-qorti tar-rinviju, inħoss li huwa neċessarju, preliminarjament, li jiġu analizzati l-għanijiet tar-Regolament Nru 994/2010 kif ukoll il-kuntest li fih jinsab.

A.      Fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-provvista ta’ gass naturali u, b’mod partikolari, fuq ir-Regolament Nru 994/2010

21.      Mill-Artikolu 194(1)(b) TFUE jirriżulta li s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija (5).

22.      L-ewwel kuntest legali komuni sabiex jissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista tal-tal-gass u jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass f’każ ta’ interruzzjoni tal-provvista ġie stabbilit fl-2004, bid-Direttiva 2004/67/KE (6).

23.      Madankollu, il-kriżi tal-gass Russo-Ukrajna li bdiet fl-2009, li kkawżat interruzzjoni mingħajr preċedent tal-provvista ta’ gass naturali fl-Unjoni, uriet id-dgħjufijiet tas-sistema prevista bid-Direttiva 2004/67. Din il-kriżi enfasizzat kjarament il-ħtieġa li jiġu adottati miżuri armonizzati fl-Unjoni li jistgħu jiżguraw livell minimu komuni ta’ preparazzjoni fl-Istati Membri f’każ ta’ kriżi minħabba qtugħ serju tal-provvista ta’ gass naturali (7).

24.      B’hekk, filwaqt li bbaża ruħu fuq l-esperjenza ggwadanjata mill-implementazzjoni tad-Direttiva 2004/67, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament Nru 994/2010.

25.      Ir-Regolament Nru 994/2010 jipprevedi approċċ komuni globali fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista permezz ta’ politiki, b’mod partikolari ta’ solidarjetà, kompatibbli mal-funzjonament tas-suq intern (8). Għal dan l-għan, huwa jistabbilixxi dispożizzjonijiet intiżi sabiex jippreżervaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass, billi jiggarantixxu l-funzjonament tajjeb u kontinwu tas-suq intern tal-gass naturali, u dan billi jippermettu l-implementazzjoni ta’ miżuri eċċezzjonali meta s-suq ma jkunx għadu jista’ jipprovdi l-provvisti ta’ gass neċessarji, u jiżguraw definizzjoni u attribuzzjoni preċiżi tar-responsabbiltajiet bejn l-impriżi ta’ gass naturali, l-Istati Membri u l-Unjoni, kemm mill-perspettiva tal-azzjoni preventiva kif ukoll minn dik tar-reazzjoni għall-qtugħ konkreti tal-provvista (9).

26.      B’mod partikolari, sabiex jiġi ppreżervat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet ta’ qtugħ tal-provvista u ta’ kriżi, ir-Regolament Nru 994/2010 jipprevedi approċċ fuq tliet livelli: l-ewwel nett l-impriżi ta’ gass naturali kkonċernati, li jiffunzjonaw fuq il-bażi ta’ mekkaniżmi tas-suq, huma responsabbli sabiex jiżguraw il-kontinwità tal-provvista; f’każ ta’ falliment tal-mekkaniżmi tas-suq, huma l-Istati Membri, fuq il-livell nazzjonali jew fuq dak reġjonali, li għandhom jassumu din ir-responsabbiltà; fl-aħħarnett, hija l-Unjoni nnifisha li għandha tassumi din ir-responsabbiltà (10).

27.      Ir-Regolament Nru 994/2010 jistabbilixxi mekkaniżmi intiżi sabiex, fi spirtu ta’ solidarjetà, jikkordinaw il-preparazzjoni u r-reazzjoni għal sitwazzjonijiet ta’ urġenza fil-livell tal-Istati Membri, fil-livell reġjonali u fil-livell tal-Unjoni (11). Għal dawn l-għanijiet, huwa jipprevedi, b’mod partikolari, l-implementazzjoni, mill-Istati Membri, ta’ żewġ pjanijiet: pjan ta’ azzjoni preventiv, li jinkludi l-miżuri neċessarji sabiex jiġu eliminati jew attenwati r-riskji identifikati li jaffettwaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass fl-Istat Membru; u pjan ta’ emerġenza, li jinkludi l-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiġi attenwat jew eliminat l-impatt tal-qtugħ tal-provvista (12).

28.      Sabiex jiżgura l-provvista tal-gass f’każ ta’ kriżi, ir-Regolament Nru 994/2010 jistabbilixxi, minn naħa, regoli dwar l-infrastrutturi tal-gass intiżi sabiex isaħħu s-sigurtà tal-provvista tal-gass (13) u, min-naħa l-oħra, regoli armonizzati ta’ sigurtà tal-provvista. Dawn l-aħħar regoli jipprevedu obbligu li tiġi ggarantita l-provvista tal-“klijenti protetti” f’ċerti sitwazzjonijiet ta’ qtugħ tal-provvisti jew ta’ talba eċċezzjonalment għolja. Huma intiżi sabiex jiżguraw il-kopertura ta’ sitwazzjoni tal-inqas ekwivalenti għal dik li rriżultat waqt il-kriżi tal-gass tal-2009 (14).

29.      B’mod iktar speċifiku, ir-regoli armonizzati ta’ sigurtà tal-provvista, li jinsabu fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 994/2010, huma intiżi sabiex jiżguraw li l-provvista tinżamm, b’mod partikolari, f’dak li jikkonċerna d-djar u numru limitat ta’ klijenti addizzjonali, li huma partikolarment vulnerabbli u li jkunu jeħtieġu protezzjoni speċjali (15), jiġifieri l-“klijenti protetti” kif definiti fil-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament. Huwa mifhum madankollu li definizzjoni wiesa’ ta’ dawn il-“klijenti protetti” ma għandhiex tkun f’kunflitt mal-mekkaniżmi ta’ solidarjetà Ewropej (16).

30.      Għalkemm ir-Regolament Nru 994/2010 huwa intiż sabiex jilħaq ċertu livell ta’ armonizzazzjoni tar-regoli ta’ sigurtà tal-provvista, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa, madankollu, ix-xewqa ta’ dawk fost l-Istati Membri li kienu pprevedew regoli ta’ sigurtà tal-provvista msaħħa. Minn din il-perspettiva, fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament inkwistjoni dan il-leġiżlatur stabbilixxa li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu regoli tal-provvista iktar f’saħħithom jew obbligi addizzjonali li jmorru lil hinn mir-regoli armonizzati ta’ sigurtà tal-provvista previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu. Madankollu, sabiex jevita li jikkomprometti s-sistema ta’ garanzija tas-sigurtà tal-provvista, ibbażata fuq is-solidarjetà bejn Stati Membri, implementata b’dan ir-regolament, l-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament jirrestrinġi strettament il-possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw dawn il-miżuri.

31.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li r-rekwiżit ta’ solidarjetà bejn Stati Membri għandu rwol essenzjali fis-sistema implementata bir-Regolament Nru 994/2010 u, b’mod iktar wiesa’, fil-kuntest tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija. F’dan il-kuntest, dan l-aspett għaldaqstant jistħoqqlu xi kunsiderazzjonijiet speċifiċi fil-qosor.

B.      Kunsiderazzjonijiet qosra fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà bejn Stati Membri fil-kuntest tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija

32.      L-Artikolu 194 TFUE, li introduċa għall-ewwel darba fid-dritt tal-Unjoni dispożizzjoni tad-dritt primarju li tikkonċerna l-politika fil-qasam tal-enerġija tal-Unjoni, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li din il-politika għandha titmexxa “fi spirtu ta’ solidarjetà bejn Stati Membri”.

33.      Dan ir-riferiment għas-solidarjetà bejn Stati Membri, li żdiedet fil-formulazzjoni tat-test tat-Trattat ta’ Lisbona (17), tinsab f’kuntest li fih il-prinċipju ta’ solidarjetà bejn Stati Membri assuma natura li tista’ tiġi deskritta bħala “prinċipju kostituzzjonali”. Fil-fatt, l-idea tas-solidarjetà bejn Stati Membri mhux biss hija ddikjarata f’diversi partijiet tat-trattati (18), imma, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni.

34.      Barra minn hekk, kif jirriżulta kemm mill-Artikolu 194(1)(b) kif ukoll mill-Artikolu 122(1) TFUE, il-prinċipju ta’ solidarjetà bejn Stati Membri jassumi rilevanza partikolari fir-rigward tal-provvista fil-qasam tal-enerġija.

35.      Għaldaqstant huwa f’dan il-kuntest li, b’konformità mal-approċċ adottat fil-livell tad-dritt primarju, is-sistema implementata bir-Regolament Nru 994/2010 hija bbażata fuq ir-rekwiżit ta’ solidarjetà bejn Stati Membri, li jispira lir-regolament kollu. Fil-fatt, l-ispirtu ta’ solidarjetà bejn Stati Membri jissemma espressament f’diversi premessi ta’ dan ir-regolament (19), kif ukoll f’diversi dispożizzjonijiet tiegħu (20).

36.      B’mod iktar partikolari, kif jirriżulta espressament mill-premessa 36, wieħed mill-għanijiet tar-Regolament huwa dak li jsaħħaħ is-solidarjetà bejn Stati Membri fil-każ ta’ emerġenza fil-livell tal-Unjoni, u b’mod partikolari sabiex jappoġġja lill-Istati Membri li għandhom kundizzjonijiet ġeografiċi jew ġeoloġiċi inqas favorevoli.

37.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 994/2010, huwa neċessarju li jittieħed kont tar-rwol fundamentali li għandu l-prinċipju ta’ solidarjetà bejn Stati Membri fil-kuntest ta’ dan ir-regolament.

38.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat ukoll li fi proposta ġdida ta’ regolament imressqa mill-Kummissjoni sabiex iħassar ir-Regolament Nru 994/2010 (21), il-prinċipju ta’ solidarjetà għandu rwol saħansitra iktar importanti u huwa espressament integrat fit-test tar-Regolament b’artikolu speċifiku ddedikat għas-solidarjetà (22).

C.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

1.      Osservazzjonijiet preliminari

39.      L-ewwel domanda preliminari mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna l-interrelazzjoni bejn id-definizzjoni ta’ “klijenti protetti”, fit-termini tal-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010, u l-obbligi addizzjonali li l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament jippermetti lill-Istati Membri li jimponu fuq il-fornituri ta’ gass naturali.

40.      B’mod iktar speċifiku, il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) Franċiż jistaqsi jekk, meta jimponi dan l-obbligu addizzjonali Stat Membru jistax jew le “jmur lil hinn” mid-definizzjoni ta’ “klijenti protetti” kontenuta fil-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010, billi jinkludi fil-perimetru tal-obbligu addizzjonali klijenti li ma jaqgħux taħt din id-definizzjoni.

41.      Din id-domanda għandha l-bażi tagħha fil-fatt li d-definizzjoni ta’ “klijenti protetti” prevista fil-leġiżlazzjoni Franċiża, wara l-adozzjoni tad-Digriet Nru 2014-328, tinkludi fost il-klijenti protetti l-“klijenti mhux domestiċi konnessi man-netwerk ta’ distribuzzjoni li ma jkunux aċċettaw kuntrattwalment provvista li tista’ tiġi interrotta”. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, din il-kategorija tinkludi klijenti mhux domestiċi li mhux neċessarjament jidħlu fil-kunċett ta’ “impriżi ta’ daqs żgħir u medju” (iktar ’il quddiem “SMEs”) kif previst fil-punt 1(a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010.

42.      Il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom opinjonijiet opposti fuq ir-risposta li għandha tingħata lill-ewwel domanda preliminari.

43.      Minn naħa, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Pollakk kif ukoll Storengy u TIGF, impriżi ta’ ħażna ta’ gass naturali, isostnu, essenzjalment, li xejn fir-Regolament Nru 994/2010 ma jostakola li Stat Membru jimponi fuq il-fornituri ta’ gass naturali obbligu addizzjonali li l-perimetru tiegħu jinkludi klijenti li ma humiex inklużi fost il-klijenti protetti li jissemmew fil-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament. Il-Gvern Franċiż isostni saħansitra, fl-ewwel lok, li l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mar-Regolament Nru 994/2010 ma tqumx, għaliex id-definizzjoni ta’ “klijenti protetti” adottata fid-dritt nazzjonali ma hijiex iktar estiża minn dik prevista bl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

44.      ENI u UPRIGAZ, fornituri ta’ gass naturali, isostnu, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 994/2010 jipprekludi li Stat Membru jimponi fuq il-fornituri ta’ gass naturali obbligi addizzjonali li jirriżultaw minn definizzjoni tal-“klijenti protetti” iktar wiesgħa minn dik prevista fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

45.      Il-Kummissjoni għandha opinjoni sfumata. Hija ma tidhirx li teskludi l-possibbiltà li Stat Membru jkun jista’ jimponi obbligu addizzjonali li jwessa’ d-definizzjoni tal-“klijenti protetti” lil hinn mil-limiti previsti bl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010. Madankollu, hija tenfasizza l-ħtieġa li jkunu rispettati l-kundizzjonijiet stretti previsti b’dan ir-regolament għall-impożizzjoni ta’ obbligu addizzjonali.

46.      Inħoss li huwa neċessarju, l-ewwelnett, li nagħmel xi kunsiderazzjonijiet fir-rigward tal-portata tad-definizzjoni ta’ “klijenti protetti”, kif prevista fil-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jidhru utli sabiex jippermettu lill-qorti tar-rinviju li tanalizza l-argumenti mressqa mill-Gvern Franċiż li d-definizzjoni ta’ “klijenti protetti” prevista mill-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tmurx lil hinn mid-definizzjoni tal-istess kunċett kontenuta fir-Regolament Nru 994/2010. Imbagħad, abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ser nindirizza l-kwistjoni tal-interrelazzjoni bejn id-definizzjoni ta’ “klijenti protetti” li tinsab fil-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010 u l-possibbiltà ta’ impożizzjoni ta’ obbligi addizzjonali, prevista fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament.

2.      Fuq il-portata tad-definizzjoni ta’ “klijenti protetti” prevista fil-punt 1(a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010

47.      Il-Gvern Franċiż isostni li, bl-inklużjoni fost il-klijenti protetti mhux biss tad-djar, imma wkoll tal-“klijenti mhux domestiċi konnessi man-netwerk ta’ distribuzzjoni li ma jkunux aċċettaw kuntrattwalment provvista li tista’ tiġi interrotta”, id-Digriet Nru 2014-328 ma marx lil hinn mid-definizzjoni ta’ “klijenti protetti” kif prevista fil-punt 1(a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010.

48.      Din il-kategorija ta’ klijenti, fil-fatt, tinkludi entitajiet ta’ daqs modest, bħalma huma impriżi żgħar, aġenziji żgħar ta’ impriżi kbar, negozji żgħar li jappartjenu lil netwerks integrati jew istallazzjonijiet industrijali żgħar li jappartjenu lil impriża ikbar, fejn l-entitajiet ikbar ma humiex konnessi man-netwerk ta’ distribuzzjoni, imma direttament man-netwerk ta’ trasport.

49.      Skont il-Gvern Franċiż, ir-riferiment għall-SMEs fir-Regolament Nru 994/2010 għandu jinftiehem li ma huwiex limitat għall-entitajiet li għandhom l-istatus ġuridiku ta’ SME, imma, fid-dawl tal-għanijiet ta’ dan ir-regolament, li jinkludi wkoll l-entitajiet li, fil-fatt, jikkostitwixxu unitajiet awtonomi li jikkonsmaw volum ta’ gass ekwivalenti għal dak li tikkonsma SME.

50.      Dan l-approċċ huwa neċessarju minn perspettiva prattika għall-immaniġġjar tat-tneħħija ta’ tagħbija f’każ ta’ provvista insuffiċjenti. Barra minn hekk jikkonforma mal-marġni ta’ diskrezzjoni riżervat għall-Istati Membri bir-Regolament Nru 994/2010. Fl-aħħarnett, huwa wkoll rikjest bil-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jimponi interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “SME” fis-sens li dan jinkludi entitajiet li għandhom l-istess grad ta’ vulnerabbiltà.

51.      Għandu jitfakkar li d-definizzjoni ta’ “klijenti protetti” li tinsab fil-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010 tipprevedi, l-ewwelnett, li għandhom, neċessarjament, jitqiesu bħala “klijenti protetti”, id-djar kollha li huma konnessi ma’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-gass. Imbagħad, fid-dispożizzjonijiet (a) u (b) tiegħu, hija tippermetti lill-Istati Membri li jżidu żewġ kategoriji speċifiċi ta’ “klijenti protetti”.

52.      F’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku din il-kawża, skont il-punt 1(a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw bħala klijenti protetti “impriżi ta’ daqs żgħir u medju, sakemm dawn ikunu konnessi ma’ netwerk tad-distribuzzjoni tal-gass […] u sakemm dawn il-klijenti addizzjonali kollha ma jirrappreżentawx aktar minn 20 % tal-użu finali tal-gass”.

53.      Isegwi mill-previżjoni ta’ lista eżawrjenti tal-“klijenti protetti” potenzjali li, filwaqt li r-Regolament Nru 994/2010 jirrikonoxxi ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fid-definizzjoni tal-“klijenti protetti”, dan il-marġni huwa, madankollu, strettament limitat b’dan ir-regolament. Ir-raġuni fundamentali għal din il-limitazzjoni stretta tirriżulta b’mod ovvju mill-premessa 10 tar-Regolament Nru 994/2010, li tenfasizza r-riskju li definizzjoni wiesgħa tal-“klijenti protetti” tista’ tkun f’kunflitt mal-mekkaniżmi ta’ solidarjetà bejn Stati Membri.

54.      Fil-fatt, kif tinnota korrettament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, l-idea li fuqha hija bbażata l-armonizzazzjoni tal-kunċett ta’ “klijenti protetti” hija dik li tevita li l-previżjoni, f’livell nazzjonali, ta’ protezzjoni ta’ ċirku wiesa’ żżejjed ta’ suġġetti tkun tista’ tikkomprometti l-funzjonament tal-mekkaniżmi ta’ solidarjetà Ewropea prevista bir-Regolament Nru 994/2010 u hekk toħloq riskji addizzjonali għall-klijenti protetti fl-Istati Membri l-oħra (23). Huwa f’din l-istess perspettiva li l-premessa 29 ta’ dan ir-regolament issemmi, flimkien mad-djar, “għadd limitat ta’ klijenti addizzjonali”.

55.      Id-definizzjoni ta’ “klijenti protetti” hija intiża sabiex tiżgura s-sigurtà tal-provvista f’każ ta’ kriżi lill-iktar klijenti vulnerabbli. Din il-protezzjoni, jiġifieri dik li għandha l-iktar grad elevat, ma tistax tiġi ggarantita lill-klijenti kollha taħt il-piena li s-sistema ta’ garanzija tal-provvista tal-gass prevista bir-Regolament Nru 994/2010 issir ineffettiva. Għalhekk, id-definizzjoni ta’ “klijenti protetti” tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-regoli tal-provvista.

56.      Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna b’mod iktar ġenerali l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri, mill-premessa 5 tar-Regolament Nru 994/2010, li għaliha jirreferi l-Gvern Franċiż sabiex isostni t-teżi tiegħu, jirriżulta kjarament li, għalkemm il-miżuri li jikkonċernaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass adottati qabel dan ir-regolament kienu jirrikonoxxu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Istati Membri dwar l-għażla tal-miżuri tagħhom, ir-Regolament Nru 994/2010 huwa intiż sabiex jillimita ulterjorment dan il-marġni sabiex jevita li miżuri mfassla unilateralment minn Stat Membru jkunu jistgħu jikkompromettu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass u l-provvista tal-gass tal-klijenti, u b’hekk iwasslu għal nuqqas tal-gass fil-pajjiżi ġirien (24).

57.      F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rinviju li jsir, fil-punt 1(a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010 għall-SMEs ma jistax jinftiehem bħala rinviju miftuħ, li jista’ jiġi interpretat liberament mill-Istati Membri. Bil-kuntrarju, huwa jikkostitwixxi rinviju għal kunċett legali preċiż. Issa, għalkemm ir-Regolament Nru 994/2010 ma jiddefinixxix espressament il-kunċett ta’ “SME”, fl-assenza ta’ rinviju għad-dritt nazzjonali, dan il-kunċett ma jistax jiġi definit b’riferiment għal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri (25). Pjuttost bil-kontra, fid-dawl tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 994/2010 u tal-kuntest li fih jidħol l-Artikolu 2 tiegħu, għandu jitqies li din id-dispożizzjoni tirreferi għall-kunċett ta’ “SME” użat fid-dritt tal-Unjoni (26).

58.      F’dan il-kuntest, issir rilevanti ir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE tal-Kummissjoni, tas-6 ta’ Mejju 2003, dwar id-definizzjoni tal-impriżi micro, żgħar u medji (27). Din ir-rakkomandazzjoni tipprevedi kriterji preċiżi għall-identifikazzjoni ta’ din il-kategorija ta’ impriżi (28) u huwa għal din ir-rakkomandazzjoni li għandu jsir riferiment sabiex jiġi ddeterminat dan il-kunċett (29). Barra minn hekk, ninnota li mill-indikazzjonijiet kontenuti fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż, jirriżulta li d-definizzjoni ta’ “SME” fid-dritt Franċiż tikkorrispondi għal dik proposta fl-imsemmija rakkomandazzjoni.

59.      Fir-rigward tal-invokazzjoni, li saret mill-Gvern Franċiż waqt is-seduta, għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, din hija bbażata fuq it-teżi li skontha aġenzija jew sussidjarja ta’ impriża kbira tkun vulnerabbli daqs SME. Madankollu, jidhirli li din il-premessa hija manifestament żbaljata. Fil-fatt, l-appartenenza lil entità (grupp) ta’ daqs kbir tippermetti lil dawn l-entitajiet li jkollhom riżorsi (ekonomiċi u tekniċi), li ġeneralment l-SMEs ma jkollhomx u li jistgħu jippermettulhom li jaffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-provvista tal-enerġija. Għalhekk, l-aġenziji u s-sussidjarji tal-impriżi l-kbar u l-SMEs ma jinsabux oġġettivament fl-istess sitwazzjoni.

60.      Barra minn hekk, sabiex jidentifika l-klijenti vulnerabbli li jimmeritaw protezzjoni miżjuda, il-leġiżlatur ma jużax il-kriterju tal-konsum tal-enerġija. Għalhekk, il-Gvern Franċiż ma jistax jirreferi għalih sabiex jibbaża analoġija bejn l-SMEs u l-aġenziji jew sussidjarji tal-kumpanniji l-kbar.

61.      Għalkemm finalment għandha tkun il-qorti tar-rinviju u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddetermina jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hijiex kompatibbli mar-Regolament Nru 994/2010, fid-dawl tal-argumenti avvanzati mill-Gvern Franċiż stess jidher li d-definizzjoni ta’ “klijenti protetti” kontenuta fil-leġiżlazzjoni Franċiża ma tidhirx li hija konformi ma’ dik prevista fil-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, jidher li l-qorti tar-rinviju taqbel ma’ din l-opinjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju (30).

3.      Fuq il-possibbiltà li jiġu imposti obbligi addizzjonali li jikkonċernaw il-klijenti li ma jaqgħux fid-definizzjoni ta’ “klijenti protetti”

62.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni jekk Stat Membru jistax jimponi fuq il-fornituri ta’ gass naturali obbligu addizzjonali taħt l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 994/2010 li jinkludi fil-perimetru tiegħu klijenti differenti minn dawk li jaqgħu fid-definizzjoni ta’ “klijenti protetti” fit-termini tal-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010.

63.      Kif innotajt fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 994/2010 jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jadottaw żewġ tipi ta’ miżuri li jmorru lil hinn mir-regoli armonizzati ta’ sigurtà tal-provvista previsti fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu: ir-regoli tal-provvista msaħħa u l-obbligi addizzjonali.

64.      Fil-fehma tiegħi, dawn huma żewġ tipi ta’ miżuri differenti, li l-portata tagħhom tirriżulta mill-isem stess tagħhom.

65.      Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna l-ewwel tip ta’ miżuri, dawn huma “regoli tal-provvista”, jiġifieri dawk previsti fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 994/2010 – li barra minn hekk għalihom jirrinvija espressament l-Artikolu 8(2) ‐, li huma madankollu “msaħħa”, jiġifieri iktar estiżi ratione temporis, jiġifieri “li jaqbeż [jaqbżu] il-perjodu ta’ 30 jum”. Imma mill-kliem tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jirriżulta li r-regoli tal-provvista huma intiżi esklużivament għall-protezzjoni tal-klijenti protetti.

66.      Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna t-tieni tip ta’ miżura, dawn huma obbligi “addizzjonali” li jistgħu jiġu imposti fuq l-impriżi ta’ gass naturali. L-użu tal-kelma “addizzjonali” jikkjarifika l-fatt li dawn huma obbligi addizzjonali, ta’ natura differenti meta pparagunati mar-regoli tal-provvista li jissemmew fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 994/2010, u barra minn hekk, għal dan it-tieni tip ta’ miżuri, id-dispożizzjoni inkwistjoni ma tirrinvijax għal dan il-paragrafu.

67.      Minn din l-analiżi litterali tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 994/2010 isegwi li xejn ma jżomm lil Stat Membru milli jipprevedi obbligu addizzjonali fuq l-impriżi ta’ gass naturali li għandu japplika għal perimetru ta’ klijenti iktar estiż minn dak previst bid-definizzjoni ta’ “klijenti protetti” skont dan ir-regolament.

68.      Madankollu, jirriżulta minn din l-istess dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-għanijiet tar-Regolament Nru 994/2010, li din il-possibbiltà hija suġġetta għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet stretti ħafna. Fil-fatt, l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament jillimita din il-possibbiltà strettament billi jipprevedi diversi kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex dan l-obbligu addizzjonali jkun jista’ jitqies bħala kompatibbli mal-imsemmi regolament.

69.      B’hekk, l-ewwel nett, mit-test stess tal-kliem introduttiv tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 994/2010 jirriżulta li l-obbligu addizzjonali għandu jkunu impost “għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista tal-gass”. Issa, sabiex tiġi ssodisfatta din il-kundizzjoni, l-obbligu addizzjonali għandu jkun intiż sabiex isaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tal-provvista tal-gass għal avvenimenti eċċezzjonali u imprevisti li jheddu l-kapaċità tal-provvista.

70.      It-tieni nett, dejjem skont il-kliem introduttiv tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 994/2010, dan l-obbligu addizzjonali għandu jkun ibbażat fuq l-evalwazzjoni, li tissemma fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, tar-riskji li jolqtu s-sigurtà tal-provvista tal-gass fl-Istat Membru kkonċernat.

71.      It-tielet nett, skont l-Artikolu 8(2)(a) tar-Regolament Nru 994/2010, dan l-obbligu addizzjonali għandu jkun konformi mar-rekwiżiti indikati fl-Artikolu 3(6) ta’ dan ir-regolament. Hekk, huwa għandu jkun iddefinit kjarament, trasparenti, proporzjonat, nondiskriminatorju u verifikabbli; ma għandux joħloq distorsjoni indebita tal-kompetizzjoni u lanqas jostakola l-funzjonament effettiva tas-suq intern tal-gass (31) u ma għandux jikkomprometti s-sigurtà tal-provvista tal-gass ta’ Stati Membri oħra jew tal-Unjoni fl-intier tagħha.

72.      Ir-raba’ nett, skont l-Artikolu 8(2)(c) tar-Regolament Nru 994/2010, b’konformità mal-ispirtu ta’ solidarjetà bejn Stati Membri li fuqu hija bbażata s-sistema stabbilita b’dan ir-regolament, l-obbligu addizzjonali ma għandux ikollu impatt negattiv fuq il-kapaċità ta’ kull Stat Membru ieħor sabiex jiżgura l-provvista tal-klijenti protetti tiegħu f’każ ta’ emerġenza fil-livell nazzjonali, fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell reġjonali.

73.      Il-ħames nett, dan l-obbligu għandu jkun konformi mal-kriterji ppreċiżati fl-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 994/2010 f’każ ta’ emerġenza fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell reġjonali (32).

74.      Is-sitt nett, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 994/2010, huwa meħtieġ li, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn Stati Membri, l-awtorità kompetenti tiddetermina, fil-pjan ta’ azzjoni preventiv u fil-pjan ta’ emerġenza, il-mod li bih dan l-obbligu addizzjonali ikun jista’ jiġi temporanjament ridott f’każ ta’ emerġenza fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell reġjonali.

75.      Fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, billi l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tforniha bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha li tevalwa din il-kompatibbiltà. Għalhekk għandha tkun dik il-qorti li tiddetermina jekk il-previżjoni ta’ obbligu addizzjonali konsistenti fl-obbligu impost fuq il-fornituri ta’ gass naturali li jestendu l-ħażna ta’ gass naturali sabiex jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista f’każ ta’ kriżi għal “klijenti mhux domestiċi konnessi man-netwerk ta’ distribuzzjoni li ma jkunux aċċettaw kuntrattwalment provvista li tista’ tiġi interrotta” li ma humiex SMEs jissodisfax, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet li jissemmew fil-punti 69 sa 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fl-evalwazzjoni ta’ din il-kompatibbiltà, għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi interpretattivi li ser jiġu pprovduti lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja (33).

76.      F’dan il-kuntest, ser nillimita ruħi sabiex nagħmel xi kunsiderazzjonijiet fir-rigward ta’ żewġ aspetti: minn naħa, il-kundizzjoni li l-obbligu addizzjonali għandu jkun impost “għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista tal-gass”; u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit tan-natura proporzjonata tal-obbligu addizzjonali li jissemma fil-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

a)      Fuq ir-rekwiżit li l-obbligu addizzjonali jkun impost għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista tal-gass

77.      L-ewwel kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta sabiex obbligu addizzjonali previst akkarigu tal-impriżi ta’ gass naturali minn Stat Membru jkun kompatibbli mar-Regolament Nru 994/2010 hija li dan ikun impost għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista tal-gass.

78.      Waqt is-seduta, il-Gvern Franċiż sostna li ma kellu l-ebda dubju li l-obbligu addizzjonali kontenzjuż kien jissodisfa din il-kundizzjoni, la darba huwa kien intiż sabiex jiżgura s-sigurtà tal-provvista għal klijenti addizzjonali li, għal raġunijiet tekniċi, ma jistgħux jiġu distinti mill-klijenti protetti. F’dan l-istess kuntest, dan il-gvern jinnota wkoll li dan l-obbligu addizzjonali intiż għal klijenti protetti “addizzjonali” ma kienx jippreġudika l-protezzjoni tal-klijenti protetti kif iddefiniti bir-Regolament Nru 994/2010 u, għaldaqstant, l-effettività tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament.

79.      F’dan ir-rigward, m’iniex ċert li s-sempliċi rekwiżit ta’ protezzjoni ta’ kategoriji addizzjonali ta’ klijenti, ibbażat fuq allegati raġunijiet tekniċi, li barra minn hekk l-eżistenza tagħhom hija kkontestata b’qawwa, jista’ jikkostitwixxi raġuni vera ta’ sigurtà tal-provvista tal-gass intiża sabiex issaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tal-provvista – kif ġiet identifikata fil-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet – li tista’ tiġġustifika l-adozzjoni ta’ obbligu addizzjonali bħal dak inkwistjoni. Dan l-obbligu addizzjonali għandu jkun intiż sabiex inaqqas ir-riskji li jolqtu s-sigurtà tal-provvista tal-gass fl-Istat Membru inkwistjoni, bħal dawk identifikati fl-evalwazzjoni li tissemma fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 994/2010, li fuqu, kif ġie nnotat fil-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jkun ibbażat dan l-obbligu addizzjonali.

80.      Dawn id-dubji jkomplu jissaħħu jekk jiġi kkunsidrat li, kif ġie nnotat fil-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-previżjoni, f’livell nazzjonali, ta’ protezzjoni ta’ ċirku eċċessivament wiesa’ ta’ suġġetti tista’ toħloq riskji addizzjonali għall-klijenti protetti fl-Istati Membri l-oħra u tikkomprometti l-mekkaniżmi ta’ solidarjetà Ewropea stabbiliti bir-Regolament Nru 994/2010.

81.      F’kull każ, għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk, f’dan il-każ, l-impożizzjoni tal-obbligu addizzjonali kontenzjuż hijiex ibbażata fuq raġunijiet veri ta’ sigurtà tal-provvista tal-gass.

b)      Fuq il-proporzjonalità tal-obbligu addizzjonali

82.      Kif jirriżulta mill-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-obbligu addizzjonali li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 994/2010 jippermetti li jiġi impost fuq l-impriżi ta’ gass naturali għandu josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-osservanza ta’ din il-kundizzjoni tippreżupponi li l-obbligu addizzjonali jkun adegwat sabiex jilħaq l-għan imfittex, jiġifieri dak li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista tal-gass, u li huwa ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

83.      F’dan ir-rigward, inqis li minkejja li, kif osservat il-Kummissjoni, meta tevalwa l-proporzjonalità tal-obbligu addizzjonali inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju tista’ tispira ruħha mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prezzijiet irregolati tal-gass u tal-elettriku (34), madankollu, ir-rilevanza ta’ din il-ġurisprudenza, f’każ bħal dak odjern, għandha tkun ivverifikata.

84.      Fil-fatt, kif innota l-Gvern Franċiż, teżisti differenza sostanzjali bejn il-kuntest fattwali u ġuridiku tas-sitwazzjonijiet analizzati f’dik il-ġurisprudenza, li kienu jittrattaw miżuri nazzjonali li jikkonċernaw l-impożizzjoni ta’ prezz fuq is-suq, u dak ta’ din il-kawża, li tittratta miżuri dwar is-sigurtà tal-provvista (35).

4.      Konklużjonijiet fuq l-ewwel domanda preliminari

85.      Fid-dawl ta’ dak kollu preċedenti, inqis li għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 994/2010 ma jipprekludix li Stat Membru jimponi fuq il-fornituri ta’ gass naturali obbligu addizzjonali li jestendi għal klijenti li ma jidħlux fid-definizzjoni kontenuta fil-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan l-istess regolament, madankollu bil-kundizzjoni li jkun ippruvat, u dan għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifikah b’mod approfondit, li l-kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 8(2), kif ippreċiżati fil-punti 68 sa 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ikunu strettament osservati.

D.      Fuq it-tieni domanda preliminari

86.      Bit-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 994/2010 jipprekludix li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru timponi fuq il-fornituri ta’ gass naturali obbligu li jżomm ħażniet tal-gass fit-territorju tiegħu, sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista f’każ ta’ kriżi, filwaqt li tipprevedi li, fl-evalwazzjoni tagħha tal-kapaċitajiet ta’ ħażna miżmuma mill-fornitur, l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-istrumenti l-oħra ta’ modulazzjoni li dan għandu.

87.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 994/2010 jinkludi żewġ dispożizzjonijiet: l-ewwel waħda, dispożizzjoni ta’ awtorizzazzjoni, it-tieni waħda, dispożizzjoni ta’ projbizzjoni. Fil-fatt, l-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu 5 tipprovdi li l-impriżi ta’ gass naturali għandhom ikunu permessi li jissodisfaw l-obbligi imposti fuqhom għall-osservanza tar-regoli tal-provvista previsti fl-Artikolu 8 tal-istess regolament, fil-livell reġjonali jew fil-livell tal-Unjoni, skont il-każ. Min-naħa l-oħra, it-tieni sentenza tipprovdi li l-awtorità kompetenti nazzjonali ma għandhiex teżiġi li l-impriżi tal-gass josservaw dawn l-obbligi abbażi tal-infrastrutturi li jinsabu fit-territorju tagħha biss.

88.      Id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 994/2010 huma intiżi sabiex jiżguraw it-twettiq ta’ suq intern tal-gass reali u sabiex jipprevjenu, skont il-premessa 12 ta’ dan ir-regolament, li l-miżuri meħuda sabiex jippreżervaw is-sigurtà tal-provvista jistgħu joħolqu distorsjoni indebita tal-kompetizzjoni jew tal-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-gass.

89.      Issa, f’dan il-każ, l-Artikolu 9 tad-Digriet Nru 2014‑328, moqri flimkien mal-Artikolu L. 421-4 tal-kodiċi tal-enerġija, jimponi fuq il-fornituri tal-gass li jżommu fit-territorju Franċiż, fil-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, ħażniet tal-gass korrispondenti għal mill-inqas 80 % tad-drittijiet ta’ ħażna assoċjati mal-konsumaturi inklużi fil-perimetru tal-obbligu. Madankollu, il-Ministru kompetenti għandu jieħu kont tal-istrumenti l-oħra ta’ modulazzjoni li għandu l-fornitur sabiex jivverifika jekk dan josservax l-obbligi tiegħu.

90.      F’dan ir-rigward, ninnota li, kif enfasizzat il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Franċiża tirrikjedi de jure li l-fornituri jżommu fi Franza ħażniet ta’ gass naturali suffiċjenti sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom. Ikkunsidrat waħdu, obbligu ta’ dan it-tip huwa inkompatibbli mat-tieni dispożizzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 994/2010 għaliex jobbliga lill-impriżi tal-gass josservaw l-obbligi tagħhom riżultanti mill-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament neċessarjament permezz ta’ infrastrutturi li jinsabu fit-territorju nazzjonali.

91.      Madankollu, il-leġiżlazzjoni Franċiża tippermetti lill-Ministru kompetenti li jieħu kont tal-“istrumenti l-oħra ta’ modulazzjoni” tal-fornitur inkwistjoni. F’dan ir-rigward, madankollu, il-qorti tar-rinviju ma pprovdietx informazzjoni suffiċjenti li tippermetti li tiftiehem il-portata, fil-prattika, tal-evalwazzjoni mwettqa mill-ministru kompetenti.

92.      L-ewwel nett, l-ebda element ma jippermetti li wieħed jifhem is-sinjifikat tal-kunċett ta’ “strument ta’ modulazzjoni”. B’risposta għal domanda preċiża li saret waqt is-seduta dwar il-portata ta’ dan il-kunċett, il-Gvern Franċiż rrefera esklużivament għal riżervi ta’ ħażna tal-gass eventwalment miżmuma mill-fornitur inkwistjoni fi Stati Membri oħra. Madankollu, inqis li, kif osserva l-Gvern Pollakk, fornitur għandu jkunu f’pożizzjoni li juri li huwa kapaċi jissodisfa l-obbligi imposti fuqu għall-osservanza tar-regoli tal-provvista jew tal-obbligi addizzjonali previsti taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 994/2010, anki permezz tal-istrumenti tas-suq li jissemmew bħala eżempju fl-Anness II tar-Regolament Nru 994/2010. Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-kapaċità li jiġu ssodisfatti dawn l-obbligi għandha tieħu kont tas-sitwazzjoni globali individwali ta’ kull fornitur.

93.      Imbagħad, ma huwiex ċar li l-analiżi li għandu jwettaq il-Ministru kompetenti li “jieħu kont tal-istrumenti l-oħra ta’ modulazzjoni” tista’ tiggarantixxi effettivament il-possibbiltà, fil-prattika, għall-fornituri ta’ gass naturali li jissodisfaw l-obbligi tagħhom fil-livell reġjonali jew fil-livell tal-Unjoni. B’mod partikolari, għandu jiġi vverifikat jekk, fl-applikazzjoni konkreta tagħha, din l-evalwazzjoni hijiex ibbażata fuq kriterji preċiżi u verifikabbli.

94.      F’dawn il-kundizzjonijiet, inqis li għandha tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 994/2010 jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq il-fornituri ta’ gass naturali li jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jżommu ħażniet tal-gass riżultanti mill-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament neċessarjament u esklużivament permezz tal-infrastrutturi li jinsabu fit-territorju nazzjonali. F’dan il-każ, madankollu, għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk il-possibbiltà offruta bil-leġiżlazzjoni nazzjonali lill-Ministru kompetenti li “jieħu kont tal-istrumenti l-oħra ta’ modulazzjoni” tal-fornituri interessati tiggarantilhomx l-opportunità effettiva, fil-prattika, li jissodisfaw l-obbligi tagħhom fil-livell reġjonali jew fil-livell tal-Unjoni.

V.      Konklużjoni

95.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza) bil-mod segwenti:

L-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jimponi fuq il-fornituri ta’ gass naturali obbligu addizzjonali li jestendi għal klijenti li ma jidħlux fid-definizzjoni kontenuta fil-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan l-istess regolament, madankollu bil-kundizzjoni li jkun ippruvat, u dan għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifikah b’mod approfondit, li l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu strettament osservati:

‐      l-ewwel nett, dan l-obbligu addizzjonali għandu jkun impost għal raġunijiet veri ta’ sigurtà tal-provvista;

‐      it-tieni nett, dan l-obbligu addizzjonali għandu jkun ibbażat fuq l-evalwazzjoni tar-riskji li jolqtu s-sigurtà tal-provvista tal-gass fl-Istat Membru kkonċernat li tissemma fl-Artikolu 9 tal-istess ir-regolament;

‐      it-tielet nett, f’konformità mal-Artikolu 3(6) tal-imsemmi regolament, dan l-obbligu addizzjonali għandu jkun iddefinit kjarament, trasparenti, proporzjonat, nondiskriminatorju u verifikabbli, ma għandux joħloq distorsjoni indebita tal-kompetizzjoni lanqas jostakola l-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-gass u ma għandux jikkomprometti s-sigurtà tal-provvista tal-gass ta’ Stati Membri oħra jew tal-Unjoni fl-intier tagħha;

‐      ir-raba’ nett, b’konformità mal-prinċipju ta’ solidarjetà bejn Stati Membri li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 994/2010, dan l-obbligu addizzjonali ma għandux ikollu impatt negattiv fuq il-kapaċità ta’ kull Stat Membru ieħor sabiex jiżgura l-provvista tal-klijenti protetti tiegħu konformement mal-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament f’każ ta’ emerġenza fil-livell nazzjonali, fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell reġjonali;

‐      il-ħames nett, dan l-obbligu addizzjonali għandu jkun konformi mal-kriterji ppreċiżati fl-Artikolu 11(5) ta’ dan ir-regolament f’każ ta’ emerġenza fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell reġjonali;

‐      is-sitt nett, fil-pjan ta’ azzjoni preventiv u fil-pjan ta’ emerġenza għandu jiġi ddeterminat il-mod li bih, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ solidarjetà bejn Stati Membri, dan l-obbligu addizzjonali għandu jkun ridott temporanjament f’każ ta’ emerġenza fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell reġjonali.

L-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 994/2010 jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq il-fornituri ta’ gass naturali li jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jżommu ħażniet tal-gass riżultanti mill-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament neċessarjament u esklużivament permezz tal-infrastrutturi li jinsabu fit-territorju nazzjonali. Madankollu, għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk il-possibbiltà offruta b’dik il-leġiżlazzjoni lill-Ministru kompetenti “li jieħu kont tal-istrumenti l-oħra ta’ modulazzjoni” tal-fornituri interessati tiggarantilhomx l-opportunità effettiva, fil-prattika, li jissodisfaw l-obbligi tagħhom fil-livell reġjonali jew fil-livell tal-Unjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE (ĠU L 295, p. 1).


3      Digriet Nru 2014-328, tat-12 ta’ Marzu 2014, li jemenda d-Digriet Nru 2006/1034, tal-21 ta’ Awwissu 2006, dwar l-aċċess għall-ħażniet sotterrani ta’ gass naturali.


4      Bis-saħħa tal-Artikolu R. 421‑6 tal-kodiċi tal-enerġija d-dritt ta’ aċċess għall-kapaċitajiet ta’ ħażna ta’ fornitur għandu jkun ugwali għat-total tad-drittijiet ta’ ħażna tal-klijenti li huwa jforni b’rabta mal-profil ta’ konsum u taż-żona ġeografika ta’ kull klijent.


5      F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:637, punti 47 u 48 kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din l-istess kawża ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:248, punt 56).


6      Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE, tas-26 ta’ April 2004, li għandha x’taqsam mal-miżuri biex tissalvagwardja is-sigurtà tal-provvista ta’ gas naturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 3, p. 19).


7      F’dan ir-rigward, ara d-dokument tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-proposta tar-Regolament [SEC(2009)979 finali, p. 3 u 17] kif ukoll id-dokument tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Ottubru 2014, intitolat “Report on the implementation of Regulation (EU) 994/2010 and its contribution to solidarity and preparedness for gas disruptions in the EU” [SWD(2014) 325 finali]. Il-premessi 26 u 27 tar-Regolament Nru 994/2010 wkoll jagħmlu referenza espressa għall-kriżi tal-gass ta’ Jannar 2009.


8      Ara l-premessa 22 tar-Regolament Nru 994/2010.


9      Ara l-Artikolu 1, kif ukoll il-premessa 3, il-premessa 5, il-premessa 23 u l-premessa 24 tar-Regolament Nru 994/2010.


10      Ara l-Artikolu 3 u l-premessa 24 tar-Regolament Nru 994/2010. Ara wkoll p. 2 tad-dokument tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Ottubru 2014, intitolat “Report on the implementation of Regulation (EU) 994/2010 and its contribution to solidarity and preparedness for gas disruptions in the EU” [SWD(2014) 325 finali].


11      Ara l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 994/2010.


12      Ara l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 994/2010, b’mod partikolari l-paragrafu 1 tiegħu.


13      Ara l-Artikolu 6 u l-premessa 13 kif ukoll il-premessa 15 tar-Regolament Nru 994/2010.


14      Ara l-premessa 26 tar-Regolament Nru 994/2010.


15      Ara l-premessa 10 u l-premessa 29 tar-Regolament Nru 994/2010 (korsiv miżjud minni).


16      Ara l-premessa 10 tar-Regolament Nru 994/2010.


17      L-Artikolu III-256 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa ffirmat f’Ruma fid-29 ta’ Ottubru 2004 (ĠU 2004, C 310, p. 1), li ispira l-formulazzjoni tal-Artikolu 194 TFUE, ma kien jinkludi l-ebda referenza għas-solidarjetà bejn Stati Membri.


18      Hekk, fil-preambolu tat-TUE, l-Istati Membri jiddikjaraw li bil-ħolqien tal-Unjoni huma jixtiequ li “jsaħħu s-solidarjetà bejn il-popli tagħhom”. Is-solidarjetà bejn Stati Membri imbagħad tissemma espressament fl-Artikolu 67(2) TFUE fil-qasam tal-ażil, immigrazzjoni u kontroll tal-fruntieri esterni; fit-Titolu VIII tat-tielet parti tat-TFUE, speċifikament fil-kapitolu ddedikat għall-politika ekonomika, l-Artikolu 122(1) jirreferi wkoll b’mod espress għas-solidarjetà bejn l-Istati Membri. F’dan ir-rigward, ara wkoll il-punti 142 et seq tal-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:675).


19      Ara l-premessa 10, il-premessa 22, il-premessa 25, il-premessa 36 u l-premessa 38 tar-Regolament Nru 994/2010.


20      Speċifikament fl-Artikolu 1 u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2), kif ukoll fil-punt b tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 14, kif ukoll fl-Anness IV.


21      Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2016, dwar miżuri għas-salvagwardja tal-provvista tal-gass u li jirrevoka r-Regolament Nru 994/2010 [COM(2016) 52 finali].


22      Ara l-Artikolu 12 tal-proposta msemmija fin-nota ta’ qiegħ-il paġna preċedenti.


23      Fir-rigward ta’ dan is-suġġett, ara wkoll id-dokument tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ottubru 2014 intitolat “Report on the implementation of Regulation (EU) 994/2010 and its contribution to solidarity and preparedness for gas disruptions in the EU” [SWD(2014) 325 finali, p. 2].


24      Kif innotat il-Kummissjoni fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tagħha għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2016, dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jirrevoka r-Regoament (UE) Nru 994/2010 [COM(2016) 52 finali] il-“ħtieġa għall-UE hi ċara, meta wieħed iqis l-evidenza li l-approċċi nazjonali t-tnejn jirriżultaw f’miżuri sub-ottimali u jaggravaw l-impatt ta’ kriżi” (ara p. 3).


25      Ara, f’dan is-sens, inter alia, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2015, Pujante Rivera (C‑422/14, EU:C:2015:743, il-punt 48).


26      Ara f’dan is-sens, fir-rigward tal-oqsma differenti s-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2016, Wathelet (C‑149/15, EU:C:2016:840, punt 29), u tat-2 ta’ Marzu 2017, J. D. (C‑4/16, EU:C:2017:153, punt 24).


27      ĠU L 124, p. 36.


28      Ara l-Artikolu 2 tal-anness għar-rakkomandazzjoni.


29      Diversi atti tal-Unjoni, b’mod partikolari regolamenti, huma bbażati espressament fuq id-definizzjoni kontenuta f’din ir-rakkomandazzjoni sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “SME”. Ara, pereżempju, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014, tas-17 ta’ Ġunju 2014, li jiddikjara li ċerti għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat Test b’rilevanza għaż-ŻEE (ĠU L 187, p. 1; ara l-premessa 3 u l-Anness I), jew ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ġunju 2015, dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi [ĠU L 169 p. 1; ara l-Artikolu 2(4)].


30      Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


31      Din il-kundizzjoni hija ripetuta fl-Artikolu 8(2)(b) tar-Regolament Nru 994/2010.


32      L-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 994/2010 jipprevedi li: a) ma jiġu introdotti l-ebda miżuri li jrażżnu b’mod mhux xieraq il-fluss tal-gass fis-suq intern f’kull ħin, speċifikament il-fluss tal-gass għas-swieq milquta; b) ma jiġu introdotti l-ebda miżuri li hemm ċans tajjeb li jipperikolaw b’mod serju s-sitwazzjoni tal-provvista tal-gass fi Stat Membru ieħor; u c) l-aċċess transkonfinali għall-infrastruttura għandu jinżamm sakemm ikun possibbli teknikament u b’sikurezza skont il-Pjan ta’ Emerġenza. F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU L 211, p. 36).


33      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 34) u tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 54).


34      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 69), tal-21 ta’ Diċembru 2011, ENEL (C‑242/10, EU:C:2011:861, punti 55 et seq) u tal-10 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑36/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:570, punti 45 et seq), u tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:637, punti 53 et seq).


35      Din l-osservazzjoni tidher partikolarment rilevanti fir-rigward tal-previżjoni ta’ rieżami perijodiku tal-miżura kif prevista fil-punt 35 tas-sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205). Fil-fatt, f’dik is-sentenza il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat ir-rekwiżit ta’ tali rieżami billi rreferiet għall-fatt li l-miżura inkwistjoni kienet min-natura tagħha stess tikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ suq intern tal-gass operattiv. Madankollu, rieżami jista’ jirriżulta li huwa neċessarju fil-każ fejn il-kundizzjonijiet li fihom ġiet adottata dik il-miżura jkunu nbidlu (pereżempju b’rabta mal-kooperazzjoni bejn Stati Membri jew mas-sitwazzjoni tal-infrastrutturi).