Language of document : ECLI:EU:C:2017:1005

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

20 ta’ Diċembru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Enerġija – Settur tal-gass – Sigurtà tal-provvista tal-gass – Regolament (UE) Nru 994/2010 – Obbligu tal-impriżi tal-gass naturali li jieħdu l-miżuri intiżi li jiżguraw il-provvista tal-gass għal klijenti protetti – Il-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘klijenti protetti’ – Artikolu 8(2) – Obbligu addizzjonali – Artikolu 8(5) – Possibbiltà għall-impriżi tal-gass naturali li jissodisfaw l-obbligu tagħhom fuq livell reġjonali jew fuq livell tal-Unjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri tal-gass obbligu addizzjonali għall-ħażna tal-gass fejn il-kamp ta’ applikazzjoni jinkludi klijenti li jinsabu fost il-‘klijenti protetti’ fis-sens tar-Regolament Nru 994/2010 – Obbligu ta’ ħażna qabel ma jintlaħaq it-80 % fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat”

Fil-Kawża C‑226/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ April 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ April 2016, fil-proċedura

Eni SpA,

Eni Gas & Power France SA,

Union professionnelle des industries privées du gaz (Uprigaz)

vs

Premier ministre,

Ministre de l’Environnement, de l’Énergie et de la Mer,

fil-preżenza ta’:

Storengy,

Total Infrastructures Gaz France (TIGF),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet (Relatur), M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Marzu 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Eni SpA u Eni Gas & Power Franza SA, minn C. Lefort, M. Dantin u A. Soloshchenkov, avukati,

–        għall-Union professionnelle des industries privées du gaz (Uprigaz), minn N. Autet u G. Marson, avukati,

–        għal Storengy u Total Infrastructures Gaz Franza (TIGF), minn C. Le Bihan-Graf u L. Rosenblieh, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, R. Coesme u S. Horrenberger kif ukoll minn A. Daly, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Rzotkiewicz kif ukoll minn K. Rudzińska, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Patakia u O. Beynet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas- 26 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE (ĠU 2010, L 295, p. 1).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Eni SpA u Eni Gas & Power France SA (iktar ’il quddiem, flimkien, “Eni”) kif ukoll l-Union professionnelle des industries privées du gaz (Uprigaz) u l-Premier ministre (il-Prim Ministru, Franza) u l-ministre de l’Environnement, de l’Énergie et de la Mer (il-Ministru għall-Ambjent, għall-Enerġija u għall-Baħar, Franza), dwar il-legalità tad-décret n° 2014-328 (id-Digriet Nru 2014-328) (JORF tal-14 ta’ Marzu 2014, p. 5283, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 2014-328”), tat-12 ta’ Marzu 2014, li jemenda d-décret n° 2006-1034 du 21 août 2006 relatif à l’accès aux stockages souterrains de gaz naturel (id-Digriet Nru 2006-1034 tal-21 ta’ Awwissu 2006 dwar l-aċċess għall-ħażniet taħt l-art tal-gass naturali).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessi 5, 9, u 10, tar-Regolament Nru 994/2010:

(5)      Madankollu, taħt il-miżuri attwali relatati mas-sigurtà tal-provvista tal-gass, li ttieħdu fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri għadhom igawdu marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni dwar l-għażla tal-miżuri. Fejn is-sigurtà tal-provvista ta’ Stat Membru tkun mhedda, bla dubju hemm riskju li miżuri żviluppati b’mod unilaterali minn dak l-Istat Membru jistgħu jipperikolaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass u l-provvista tal-gass lill-klijenti. Esperjenzi riċenti wrew kemm dak ir-riskju huwa reali. Sabiex is-suq intern tal-gass ikun jista’ jiffunzjona anki meta jkun hemm skarzezza fil-provvista, huwa meħtieġ li jkun hemm provvediment għal solidarjetà u koordinazzjoni fir-reazzjoni għal kriżijiet tal-provvista, kemm fejn tidħol azzjoni preventiva kif ukoll ir-reazzjoni għal xkiel konkret fil-provvista.

[…]

(9)      Xkiel maġġuri fil-provvista tal-gass għall-Unjoni jista’ jaffettwa lill-Istati Membri kollha, lill-Unjoni kollha kemm hi u lill-Partijiet Kontraenti fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija, iffirmat f’Ateni fil-25 ta’ Ottubru 2005 [(ĠU 2006, L 198, p. 18)]. Jista’ wkoll iwassal għal ħsara ekonomika gravi fl-ekonomija tal-Unjoni. Bl-istess mod ix-xkiel fil-provvista tal-gass jista’ jkollu impatti soċjali gravi partikolarment fuq gruppi vulnerabbli ta’ klijenti.

[…]

(10)      Ċerti klijenti, li jinkludu, inter alia, il-klijenti domestiċi u l-klijenti li jipprovdu servizzi soċjali essenzjali, bħal attivitajiet tal-kura tas-saħħa u tat-tfal, attivitajiet edukattivi u servizzi soċjali u ta’ għajnuna oħra, kif ukoll is-servizzi indispensabbli għall-funzjonament ta’ Stat Membru, huma partikolarment vulnerabbli u jistgħu jeħtieġu l-protezzjoni. Definizzjoni wiesgħa ta’ tali klijenti protetti ma għandhiex tkun f’kunflitt mal-mekkaniżmi għas-solidarjetà Ewropea.

[…]

(12)      Għal suq tal-gass intern li jiffunzjona tajjeb, hu essenzjali li l-miżuri li jittieħdu biex tiġi salvagwardata s-sigurtà tal-provvista tal-gass ma jgħawġux b’mod mhux xieraq il-kompetizzjoni jew il-funzjonament effikaċi tas-suq intern tal-gass.”

4        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“[…] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)      ‘klijenti protetti’ tfisser il-klijenti domestiċi kollha konnessi ma’ netwerk tad-distribuzzjoni tal-gass, u, barra minn hekk, fejn l-Istat Membru kkonċernat jiddeċiedi hekk, tista’ tinkludi wkoll:

a)      l-impriżi ta’ daqs żgħir u medju, sakemm dawn ikunu konnessi ma’ netwerk tad-distribuzzjoni tal-gass, u s-servizzi soċjali essenzjali sakemm ikunu konnessi ma’ netwerk tad-distribuzzjoni jew it-trażmissjoni tal-gass, u sakemm dawn il-klijenti addizzjonali kollha ma jirrappreżentawx aktar minn 20 % tal-użu finali tal-gass; u/jew

b)      l-istallazzjonijiet għat-tisħin distrettwali sal-punt li jfornu tisħin għall-klijenti domestiċi u għall-klijenti msemmijin fil-punt (a) sakemm dawn l-istallazzjonijiet ma jkunux jistgħu jaqilbu għal karburanti oħra u jkunu konnessi ma’ netwerk tad-distribuzzjoni jew it-trażmissjoni tal-gass.

[…]”

5        L-Artikolu 3(6) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Il-miżuri biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass li jinsabu fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Preventivi għandhom ikunu ddefiniti sew, trasparenti, proporzjonati, mhux diskriminatorji u verifikabbli, ma għandhomx jgħawġu bla bżonn il-kompetizzjoni u l-funzjonament effikaċi tas-suq intern fil-gass u ma għandhomx jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-Istati Membri l-oħra jew tal-Unjoni kollha kemm hi.”

6        Skont l-Artikolu 8 tal-istess regolament, intitolat “Standard tal-provvista”:

“1.      L-Awtorità Kompetenti għandha teżiġi li l-impriżi tal-gass naturali, li hija tidentifika, jieħdu miżuri biex jiżguraw il-forniment tal-gass lill-klijenti protetti tal-Istat Membru f’dawn il-każi li ġejjin:

a)      temperaturi estremi matul perjodu ta’ sebat ijiem bl-ogħla valur li jseħħ bi probabbiltà statistika ta’ darba f’20 sena;

b)      kwalunkwe perjodu ta’ 30 jum tal-anqas ta’ domanda eċċezzjonalment għolja għall-gass, li jseħħ bi probabbiltà statistika ta’ darba f’20 sena; u

c)      għal perjodu ta’ 30 jum tal-anqas fil-każ ta’ xkiel fl-akbar infrastruttura […] tal-provvista tal-gass f’kondizzjonijiet medji tax-xitwa.

L-Awtorità Kompetenti għandha tidentifika l-impriżi tal-gass naturali msemmija fl-ewwel subparagrafu mhux aktar tard mit-3 ta’ Ġunju 2012.

2.      Kull standard ta’ provvista miżjuda li jaqbeż il-perjodu ta’ 30 jum imsemmi fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1 jew kull obbligu addizzjonali impost għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista tal-gass għandhom ikunu bbażati fuq l-istima tar-riskji msemmija fl-Artikolu 9, għandhom ikunu riflessi fil-Pjan ta’ Azzjoni Preventiv u għandhom:

a)      jikkonformaw mal-Artikolu 3(6);

b)      ma jagħwġux b’mod mhux xieraq il-kompetizzjoni u jostakolaw il-funzjonament tas-suq intern fil-gass naturali;

c)      ma jkollhomx impatt negattiv fuq il-kapaċità ta’ kull Stat Membru ieħor li jforni lill-klijenti protetti tiegħu skont dan l-Artikolu fil-każ ta’ emerġenza nazzjonali, reġjonali jew tal-Unjoni; u

d)      jikkonformaw mal-kriterji speċifikati fl-Artikolu 11(5) fil-każ ta’ emerġenza tal-Unjoni jew reġjonali.

Fi spirtu ta’ solidarjetà, l-Awtorità Kompetenti għandha tidentifika fil-Pjan ta’ Azzjoni Preventiv u l-Pjan ta’ Emerġenza kif standards ta’ provvista miżjuda [msaħħa] jew obbligu addizzjonali impost fuq l-impriżi tal-gass naturali jistgħu jitnaqqsu b’mod temporanju fil-każ ta’ emerġenza tal-Unjoni jew dik reġjonali.

3.      Wara l-perjodi definiti mill-Awtorità Kompetenti skont il-paragrafi 1 u 2, jew f’kondizzjonijiet aktar stretti minn dawk definiti fil-paragrafu 1, l-Awtorità Kompetenti u l-impriżi tal-gass naturali għandhom jagħmlu ħilithom biex imantnu għal kemm ikun possibbli l-provvista tal-gass, b’mod partikulari, għall-klijenti protetti.

4.      L-obbligi imposti fuq l-impriżi tal-gass naturali biex jissodisfaw l-istandard tal-provvista kif stipulat f’dan l-Artikolu ma għandhomx ikunu diskriminatorji u ma għandhomx jimponu piż bla bżonn fuq dawk l-impriżi.

5.      L-impriżi tal-gass naturali għandhom ikunu permessi jissodisfaw dawn l-obbligi f’livell reġjonali jew tal-Unjoni, skont il-każ. L-Awtorità Kompetenti ma għandhiex teżiġi li l-istandards stipulati f’dan l-Artikolu jintlaħqu abbażi tal-infrastruttura li tinsab fit-territorju tagħha biss.

6.      L-Awtorità Kompetenti għandha tiżgura li l-kondizzjonijiet għall-provvisti lill-klijenti protetti huma stabbiliti mingħajr ħsara għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass u bi prezz li jirrispetta l-valur fis-suq tal-provvisti.”

7        L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 994/2010, dwar miżuri ta’ emerġenza fuq livell tal-Unjoni u fuq livell reġjonali, jipprevedi, fil-paragrafu 5 tiegħu:

“L-Istati Membri u, b’mod partikulari, l-Awtoritajiet Kompetenti għandhom jiżguraw li:

a)      ma tiġi introdotta l-ebda miżura li tirrestrinġi bla bżonn il-fluss tal-gass fi ħdan is-suq intern fi kwalunkwe ħin; b’mod partikolari l-fluss tal-gass lis-swieq affettwati;

b)      ma jiġu introdotti l-ebda miżuri li hemm ċans tajjeb li jipperikolaw b’mod serju s-sitwazzjoni tal-provvista tal-gass fi Stat Membru ieħor; u

c)      l-aċċess transkonfinali għall-infrastruttura skont [ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta’ trasmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU 2009, L 211, p. 36)], jinżamm sakemm ikun possibbli teknikament u b’sikurezza skont il-Pjan ta’ Emerġenza.”

 Id-dritt Franċiż

8        Fi Franza, il-ħażna tal-gass naturali hija rregolata bid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli L. 421-1 sa L. 421-16 tal-code de l’énergie (il-Kodiċi tal-Enerġija). Dawn id-dispożizzjonijiet jorganizzaw l-aċċess għall-ħażna tal-gass fil-kuntest tal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq il-fornituri li jiggarantixxu l-kontinwità tal-provvista saħansitra f’sitwazzjonijiet estremi.

9        Skont l-Artikolu L 421-3 ta’ dan il-kodiċi:

“Il-ħażniet ta’ gass naturali għandhom jippermettu li jiżguraw f’ordni ta’ prijorità:

1° Il-funzjonament tajjeb u l-bilanċ tan-netwerks konnessi mal-ħażniet sotterrani ta’ gass naturali;

2° Is-sodisfar dirett jew indirett tal-bżonnijiet tal-klijenti domestiċi u ta’ dawk tal-klijenti l-oħra li ma jkunux aċċettaw kuntrattwalment provvista li ma tistax tiġi interrotta jew li jwettqu missjonijiet ta’ interess ġenerali;

3° L-osservanza tal-obbligi l-oħra ta’ servizz pubbliku previsti fl-Artikolu L. 121-32.”

10      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 421-4 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Kull fornitur għandu jkollu fi Franza, fil-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, direttament jew indirettament permezz ta’ mandatarju, ħażniet ta’ gass naturali suffiċjenti, kont meħud tal-istrumenti ta’ modulazzjoni l-oħra tiegħu, sabiex matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Novembru u l-31 ta’ Marzu jissodisfa l-obbligi kuntrattwali tiegħu ta’ provvista diretta jew indiretta tal-klijenti msemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu L. 421-3. […]”

11      Skont l-Artikolu L. 421-7 tal-Kodiċi tal-Enerġija, digriet tal-Kunsill tal-Istat għandu jiffissa l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni, fost oħrajn tal-Artikolu L. 421-4 tal-imsemmi kodiċi.

12      Id-décret n° 2006-1034 du 21 août 2006 relatif à l’accès aux stockages souterrains de gaz naturel (id-Digriet Nru 2006-1034 tal-21 ta’ Awwissu 2006 dwar l-aċċess għall-ħażniet taħt l-art tal-gass naturali) (JORF tat-23 ta’ Awwissu 2006, p. 12370, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 2006-1034”) adottat b’applikazzjoni tal-Artikolu L. 421-7 tal-Kodiċi tal-Enerġija), jippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom huwa organizzat l-aċċess għall-ħażna tal-gass naturali Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan id-digriet, jipprevedi, minn naħa, attribuzzjoni lil kull fornitur ta’ gass naturali ta’ drittijiet ta’ aċċess għall-kapaċitajiet ta’ ħażna jew “drittijiet ta’ ħażna”, iddeterminati b’rabta mal-portafoll ta’ klijenti tiegħu, sabiex jippermettilu jforni lil dawn il-klijenti matul il-perijodu tax-xitwa u, min-naħa l-oħra, id-determinazzjoni tal-obbligi imposti fuq dawn il-fornituri, dwar, b’mod partikolari, iż-żamma tal-minimu tal-ħażniet fil-bidu tal-perijodu xitwi.

13      L-Artikolu 9 tad-Digriet Nru 2014-328 emenda d-Digriet Nru 2006-1034 billi ppreveda, b’mod partikolari, li l-obbligi ta’ ħażna imposti fuq il-fornituri għandhom jiġu kkalkolati b’rabta mad-“drittijiet ta’ ħażna” li ma għadhomx korrispondenti biss għall-konsum annwali tal-klijenti domestiċi tagħhom u tal-klijenti tagħhom li jwettqu missjonijiet ta’ interess ġenerali, kif kien jipprevedi d-Digriet Nru 2006-1034 fil-verżjoni preċedenti tiegħu, imma li saru korrispondenti wkoll għall-konsum tal-klijenti konnessi man-netwerk ta’ distribuzzjoni li ma jkunux aċċettaw kuntrattwalment provvista li ma tistax tiġi interrotta. Min-naħa l-oħra, bħala korrispettiv, id-Digriet Nru 2014-328 naqqas ir-rata tal-obbligi ta’ ħażna minn 85 % għal 80 % tad-drittijiet ta’ ħażna.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Permezz ta’ żewġ rikorsi tat-12 u 14 ta’ Mejju 2014, Eni u Uprigaz adixxew lill- Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) b’azzjoni għall-finijiet ta’ annullament għal ultra vires tad-Digriet Nru 2014-328.

15      Fl-azzjonijiet tagħhom, Eni u UPRIGAZ jargumentaw, inter alia, li d-digriet jikser id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 994/2010. Fil-fatt, minn naħa, dan id-digriet jestendi b’mod illegali d-definizzjoni tal-“klijenti protetti” prevista fil-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, huwa jimponi fuq il-fornituri ta’ gass naturali l-obbligu li jżommu fi Franza l-kapaċitajiet ta’ ħażna bi ksur tal-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament.

16      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, fl-ewwel lok, li d-Digriet Nru 2014‑328 jinkludi, fid-definizzjoni nazzjonali tal-“klijenti protetti”, dawk il-klijenti mhux domestiċi konnessi man-netwerk ta’ distribuzzjoni li ma jkunux aċċettaw kuntrattwalment provvista li tista’ tiġi interrotta, li mhux neċessarjament ikunu “impriżi ta’ daqs żgħir jew medju” fis-sens tal-punt 1(a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010. Għaldaqstant, id-definizzjoni ta’ “klijenti protetti” adottata f’dan id-digriet tista’ teċċedi t-termini tad-definizzjoni li tinsab f’dan ir-regolament. L-awtoritajiet Franċiżi jsostnu madankollu li dawn il-klijenti addizzjonali jikkorrispondu għal siti ta’ daqs żgħir li, anki jekk jappartjenu lil impriżi kbar, jaqsmu ħafna karatteristiċi mal-impriżi ta’ daqs żgħir u medju. Barra minn hekk, skont dawn l-awtoritajiet, tali definizzjoni estiża hija marbuta mal-obbligi addizzjonali li l-Istati Membri jistgħu jimponu, għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista tal-gass, konformement mal-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-legalità tad-Digriet Nru 2014-328 tiddependi fuq il-kwistjoni jekk din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li Stat Membru jimponi fuq il-fornituri ta’ gass naturali obbligi addizzjonali li jirriżultaw mill-inklużjoni, fost il-klijenti protetti li l-konsum tagħhom jikkontribwixxi sabiex jiġi ddefinit il-perimetru tal-obbligi ta’ ħażna intiż li tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista, ta’ klijenti li ma jissemmewx fil-punt 1(a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010.

18      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, sabiex jiżgura l-kontinwità tal-provvista tal-gass lill-klijenti, l-Artikolu L. 421-4 tal-Kodiċi tal-Enerġija) jimponi fuq il-fornituri li jżommu, fi Franza, ħażniet ta’ gass naturali suffiċjenti, fid-dawl tal-istrumenti l-oħra ta’ modulazzjoni li huma jkollhom, u li d-Digriet Nru 2014-328 jimplika li 80 % tad-drittijiet ta’ ħażna jitwettqu fit-territorju nazzjonali filwaqt li jipprevedi madankollu li l-ministru responsabbli għall-enerġija jieħu inkunsiderazzjoni strumenti oħra ta’ modulazzjoni li jkollu fornitur tal-gass sabiex jevalwa jekk il-kapaċitajiet ta’ ħażna li huwa għandu jkunux suffiċjenti sabiex jiżguraw l-osservanza tal-obbligu tiegħu ta’ ħażna. Il-legalità tad-Digriet Nru 2014-328 tiddependi fuq il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 994/2010 jipprekludix li Stat Membru jimponi dawn l-obbligi fuq il-fornituri ta’ gass naturali.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jimponi fuq il-fornituri ta’ gass naturali obbligi addizzjonali li jirriżultaw mill-inklużjoni fost il-‘klijenti protetti’, li l-konsum tagħhom jikkontribwixxi sabiex jiġi ddefinit il-perimetru tal-obbligi ta’ ħażna intiż sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista, ta’ klijenti li ma jissemmewx fl-Artikolu 2(1) ta’ dan l-istess regolament?

2)      L-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jimponi fuq il-fornituri ta’ gass naturali obbligi li jirrigwardaw il-volumi ta’ gass maħżuna u r-rati tal-estrazzjoni marbuta magħhom, kif ukoll iż-żamma ta’ kapaċitajiet ta’ ħażna miksuba taħt id-drittijiet korrispondenti għall-obbligu ta’ żamma tal-ħażniet fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li jipprevedi li l-ministru, fl-evalwazzjoni tiegħu tal-kapaċitajiet ta’ ħażna li għandu fornitur, jieħu inkunsiderazzjoni strumenti oħra ta’ modulazzjoni li huwa għandu?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

20      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tagħti deċiżjoni fuq il-marġni ta’ manuvra mogħti lill-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista ta’ gass naturali, u dan fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE tas-26 ta’ April 2004 li għandha x’taqsam mal-miżuri biex tissalvagwardja is-sigurtà tal-provvista ta’ gas naturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 3, p. 19), li stabbilixxiet għall-ewwel darba kuntest ġuridiku fuq livell tal-Unjoni intiż li jiżgura s-sigurtà tal-provvista ta’ gass naturali, u li ppreċeda r-Regolament Nru 994/2010.

21      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-direttiva stabbilixxiet biss kuntest li fih l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-politika ġenerali fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista u li, kif jirriżulta mit-tielet premessa tagħha, jikkostitwixxi biss approċċ komuni minimu fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista ta’ gass naturali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li l-imsemmija direttiva kienet tħalli marġni ta’ manuvra wiesa’ għall-Istati Membri fir-rigward tal-mezzi sabiex jinkisbu l-għanijiet li hija ssegwi (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑207/07, mhux ippubblikata, EU:C:2008:428, punti 43 u 44).

22      Issa, peress li d-Direttiva 2004/67 kienet tirrikonoxxi marġni ta’ manuvra wiesa’ lill-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-miżuri intiżi li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista ta’ gass naturali, mill-premessa 5 tar-Regolament Nru 994/2010 jirriżulta b’mod ċar li dan ġie adottat bil-għan li jinkludi dan il-marġni ta’ manuvra sabiex jevita li miżuri mfassla unilateralment minn Stat Membru ma jkunux jistgħu jikkompromettu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass u l-provvista tal-gass fl-Istati Membri l-oħra.

 Fuq l-ewwel domanda

23      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment jekk l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 994/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li timponi fuq il-fornituri ta’ gass naturali obbligu ta’ ħażna tal-gass fejn il-kamp ta’ applikazzjoni jinkludi klijenti li ma jinstabux fost il-“klijenti protetti” elenkati fil-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

24      Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 8(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 994/2010 jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw, fis-sitwazzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni, il-provvista tal-gass ta’ ċerti klijenti, imsemmija “klijenti protetti”.

25      F’dan ir-rigward, mill-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010 jirriżulta li l-kunċett ta’ “klijenti protetti” li jinsab hemmhekk ikopri, minn naħa, “il-klijenti domestiċi kollha konnessi ma’ netwerk tad-distribuzzjoni tal-gass” u, min-naħa l-oħra, meta Stat Membru hekk jiddeċiedi, żewġ kategoriji oħra, iddefiniti rispettivament fil-punt 1(a) u punt 1(b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

26      Fir-rigward, b’mod partikolari tal-kategorija msemmija fil-punt 1(a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri għandhom iqisu li huma klijenti protetti “l-impriżi ta’ daqs żgħir u medju, sakemm dawn ikunu konnessi ma’ netwerk tad-distribuzzjoni tal-gass, u s-servizzi soċjali essenzjali sakemm ikunu konnessi ma’ netwerk tad-distribuzzjoni jew it-trażmissjoni tal-gass, u sakemm dawn il-klijenti addizzjonali kollha ma jirrappreżentawx aktar minn 20 % tal-użu finali tal-gass”.

27      F’dan il-każ, il-Gvern Franċiż isostni li, bl-inklużjoni fost il-klijenti protetti fis-sens tad-dritt nazzjonali mhux biss il-klijenti domestiċi iżda wkoll il-klijenti mhux domestiċi konnessi man-netwerk tad-distribuzzjoni li ma jkunux aċċettaw kuntrattwalment provvista li tista’ tiġi interrotta, id-Digriet Nru 2014-328 ma marx lil hinn mid-definizzjoni ta’ “klijenti protetti” kif prevista fil-punt 1(a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010. Fil-fatt, din il-kategorija ta’ klijenti tinkludi entitajiet ta’ daqs żgħir, bħalma huma impriżi żgħar, aġenziji żgħar ta’ impriżi kbar, negozji żgħar li jappartjenu lil netwerks integrati jew installazzjonijiet industrijali żgħar li jappartjenu lil impriża ikbar, fejn l-entitajiet ikbar ma jkunux konnessi man-netwerk tad-distribuzzjoni, imma direttament man-netwerk tat-trasport.

28      F’dan il-kuntest, il-Gvern Franċiż isostni li r-riferiment għall-“impriżi ta’ daqs żgħir u medju”, li jinsab fil-punt 1(a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010 għandu jinftiehem li ma jkoprix biss l-entitajiet li għandhom l-istatus ġuridiku ta’ impriżi ta’ daqs żgħir u medju, imma, fid-dawl tal-għanijiet ta’ dan ir-regolament, li jinkludi wkoll l-entitajiet li, fil-fatt, jikkostitwixxu unitajiet awtonomi li jikkonsmaw volum ta’ gass ekwivalenti għal dak li tikkonsma impriża ta’ daqs żgħir jew medju.

29      Interpretazzjoni bħal din tal-kunċett ta’ “klijenti protetti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, madankollu ma tistax tiġi aċċettata.

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-klijenti kollha li ma jkunux aċċettaw kuntrattwalment provvista li tista’ tiġi interrotta ma jaqgħux fil-kategoriji elenkati fil-punt 1(a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010. B’mod partikolari, huwa stabbilit li l-agenziji ż-żgħar tal-impriżi l-kbar, negozji żgħar li jappartjenu lil netwerks integrati jew installazzjonijiet industrijali żgħar li jappartjenu lil impriża ikbar ma jikkostitwixxux “impriżi ta’ daqs żgħir jew medju” fis-sens kurrenti ta’ dawn il-kliem, kif jirrikonoxxi l-Gvern Franċiż.

31      Iċ-ċirkustanza li l-konsum tal-gass ta’ entitajiet bħal dawn huwa, eventwalment, analogu għal dak ta’ impriża ta’ daqs żgħir jew medju hija irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 9 u 10 tar-Regolament Nru 994/2010, l-elenkar tal-“klijenti protetti” li jinsab fil-punt 1(a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tiegħu ma huwiex ibbażat daqstant fuq il-volum tal-konsum tal-gass ta’ dawn il-klijenti, imma fuq il-protezzjoni partikolari li dawn ikollhom bżonn fil-każ ta’ waqfien tal-provvista tal-gass, fid-dawl tal-vulnerabbiltà tagħhom.

32      Issa, kuntrarjament għal dak li jsostni dan l-istess gvern, l-imsemmija entitajiet u l-impriżi ta’ daqs żgħir jew medju ma jaqsmux l-istess bżonn ta’ protezzjoni kontra interruzzjoni eventwali tal-provvista tal-gass. Fil-fatt, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-appartenenza ta’ impriża ma’ grupp jew ma’ netwerk integrat ta’ daqs kbir tippermetti lil dawn l-entitajiet jiddisponu minn riżorsi ekonomiċi u tekniċi li ġeneralment l-impriżi ta’ daqs żgħir jew medju ma jkollhomx, u dan jippermettilhom jaffaċċjaw tali interruzzjoni.

33      Għalhekk, il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru jistax, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 994/2010, jimponi, fuq il-fornituri tal-gass naturali, miżuri intiżi li jiżguraw il-provvista tal-gass lil ċirku ta’ klijenti iktar estiż mill-“klijenti protetti” elenkati fil-punt 1(a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, għandha tiġi eżaminata.

34      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 994/2010 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jadottaw żewġ tipi ta’ miżuri li jmorru lil hinn minn dawk li dawn tal-aħħar għandhom jimponu fuq l-impriżi ta’ gass naturali li jidentifikaw, konformement mal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, peress li dawn tal-aħħar, huma limitati, kif huwa mfakkar fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, għall-klijenti protetti.

35      Minn naħa, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu “regoli tal-provvista ogħla”, jiġifieri, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament, miżuri ta’ perijodu itwal minn dak ta’ 30 jum indikat fl-Artikolu 8(1)(b) u (c) tal-istess regolament. Din il-possibbiltà għaldaqstant ma tikkonċernax l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ dawn il-miżuri, iżda l-estensjoni tat-tul taż-żmien tal-applikazzjoni tagħhom.

36      Min-naħa l-oħra, dawn l-istess Stati Membri jistgħu jimponu “obbligi addizzjonali” fuq l-impriżi tal-gass naturali għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista tal-gass. F’dan ir-rigward, l-użu tal-kelma “addizzjonali” jenfasizza l-fatt li dawn huma obbligi addizzjonali, ta’ natura differenti minn dawk tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 994/2010, li għalihom, barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament ma jagħmilx riferiment.

37      Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 994/2010 li Stat Membru jista’, bħala prinċipju, jipprevedi obbligu addizzjonali fuq l-impriżi ta’ gass naturali li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jinkludi klijenti li ma jinsabux fost il-“klijenti protetti” elenkati fil-punt 1(a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

38      Madankollu, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta wkoll li l-possibbiltà għal Stat Membru li jimponi tali obbligu addizzjonali fuq l-impriżi tal-gass huwa suġġett għall-osservanza tal-kundizzjonijiet stretti li tistabbilixxi.

39      F’dan il-każ hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-impożizzjoni, permezz tad-Digriet Nru 2014-328, fuq il-fornituri tal-gass, ta’ obbligu addizzjonali ta’ ħażna tal-gass li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jinkludi l-klijenti kollha marbuta man-netwerk tad-distribuzzjoni li ma jkunux kuntrattwalment aċċettaw provvista li tista’ tiġi interrotta, u li mhux neċessarjament jaqgħu taħt il-“klijenti protetti” elenkati fil-punt 1(a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/2010, tissodisfax il-kundizzjonijiet hekk kif elenkati fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 994/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li timponi fuq il-fornituri ta’ gass naturali obbligu ta’ ħażna tal-gass li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jinkludi klijenti li ma jinsabux fost il-“klijenti protetti” elenkati fil-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, sakemm il-kundizzjonijiet previsti mill-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet jiġu osservati, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 Fuq it-tieni domanda

41      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 994/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ gass naturali obbligu li jżommu ħażniet tal-gass fit-territorju tagħhom, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista fil-każ ta’ kriżi, filwaqt li tipprevedi li, fl-evalwazzjoni tagħha tal-kapaċitajiet ta’ ħażna miżmuma mill-fornitur, l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-“istrumenti ta’ modulazzjoni” l-oħra li huma jkollhom għad-dispożizzjoni.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 994/2010 tipprovdi li l-impriżi ta’ gass naturali għandhom jiġu awtorizzati jissodisfaw l-obbligi imposti fuqhom għall-osservanza tar-regoli tal-provvista previsti fl-Artikolu 8 tal-istess regolament, fil-livell reġjonali jew fil-livell tal-Unjoni, skont il-każ.

43      Barra minn hekk, skont il-kliem tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament, l-awtorità kompetenti ma għandhiex teżiġi li l-istandards stipulati f’dan l-artikolu jintlaħqu billi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-infrastrutturi li jinsabu fit-territorju tagħha.

44      F’dan il-każ, l-Artikolu 9 tad-Digriet Nru 2014-328, moqri flimkien mal-Artikolu L. 421-4 tal-Kodiċi tal-Enerġija), jimponi fuq il-fornituri tal-gass li jżommu fit-territorju Franċiż, fil-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, ħażniet tal-gass korrispondenti għal mill-inqas 80 % tad-drittijiet ta’ ħażna assoċjati mal-konsumaturi inklużi fil-perimetru tal-obbligu, filwaqt li jipprevedi li l-Ministru kompetenti għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-istrumenti l-oħra ta’ modulazzjoni li jkollu l-fornitur sabiex jivverifika jekk huwa josservax l-obbligi tiegħu.

45      Tali leġiżlazzjoni, sa fejn timponi fuq il-fornituri li jżommu neċessarjament u esklużivament fi Franza ħażniet ta’ gass naturali suffiċjenti sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom intiżi li jiżguraw il-provvista fil-każ ta’ kriżi, hija inkompatibbli mat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 994/2010, li kif ġie mfakkar, tipprojbixxi lill-awtorità kompetenti milli teżiġi li r-regoli stabbiliti mill-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament jiġu osservati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-infrastrutturi li jinsabu fit-territorju nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

46      Jekk huwa minnu li l-leġiżlazzjoni Franċiża tippermetti lill-ministru kompetenti jieħu inkunsiderazzjoni “strumenti oħra ta’ modulazzjoni” tal-fornitur tal-gass ikkonċernat, il-qorti tar-rinviju ma tatx informazzjoni suffiċjenti li tippermetti li tieħu konjizzjoni tan-natura u tal-portata prattika tal-evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-awtorità kompetenti f’dan ir-rigward.

47      F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali u tivverifika jekk il-possibbiltà offruta bil-leġiżlazzjoni nazzjonali lill-ministru kompetenti li “jieħu inkunsiderazzjoni l-istrumenti l-oħra ta’ modulazzjoni” tal-fornituri kkonċernati tiggarantix lilhom l-opportunità effettiva li jissodisfaw l-obbligi tagħhom fuq livell reġjonali jew fuq livell tal-Unjoni.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 994/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri tal-gass naturali li josservaw l-obbligi tagħhom li jżommu ħażniet ta’ gass, sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista fil-każ ta’ kriżi, neċessarjament u esklużivament permezz ta’ infrastrutturi li jinsabu fit-territorju nazzjonali. F’dan il-każ għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk il-possibbiltà offruta bil-leġiżlazzjoni nazzjonali lill-ministru kompetenti li “jieħu inkunsiderazzjoni l-istrumenti l-oħra ta’ modulazzjoni” tal-fornituri kkonċernati tiggarantix lilhom l-opportunità effettiva, fil-prattika, li jissodisfaw l-obbligi tagħhom fuq livell reġjonali jew fuq livell tal-Unjoni.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li timponi fuq il-fornituri ta’ gass naturali obbligu ta’ ħażna tal-gass li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jinkludi klijenti li ma jinsabux fost il-“klijenti protetti” elenkati fil-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, sakemm il-kundizzjonijiet previsti mill-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet jiġu osservati, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

2)      L-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 994/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri tal-gass naturali li josservaw l-obbligi tagħhom li jżommu ħażniet ta’ gass, sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista fil-każ ta’ kriżi, neċessarjament u esklużivament permezz ta’ infrastrutturi li jinsabu fit-territorju nazzjonali. F’dan il-każ għandha madankollu tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk il-possibbiltà offruta bil-leġiżlazzjoni nazzjonali lill-awtorità kompetenti li tieħu inkunsiderazzjoni “l-istrumenti l-oħra ta’ modulazzjoni” tal-fornituri kkonċernati tiggarantixxix lilhom l-opportunità effettiva li jissodisfaw l-obbligi tagħhom fuq livell reġjonali jew fuq livell tal-Unjoni Ewropea.

Da Cruz Vilaça

Levits

Borg Barthet

Berger

 

Biltgen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Diċembru 2017.

Reġistratur

 

President tal-Ħames Awla

A. Calot Escobar

 

J. L. da Cruz Vilaça


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.