Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-3 ta’ April 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Consiglio di Stato - l-Italja) – Cascina Tre Pini s.s. vs Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare, Regione Lombardia, Presidenza del Consiglio dei Ministri, Consorzio Parco Lombardo della Valle del Ticino, Comune di Somma Lombardo

(Kawża C-301/12) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43/KEE — Siti ta’ importanza Komunitarja — Reviżjoni tal-istatus ta’ tali sit fil-każ ta’ tniġġis jew ta’ deterjorament tal-ambjent — Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix il-possibbiltà għall-persuni kkonċernati li jitolbu tali reviżjoni — Għoti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ setgħa diskrezzjonali li jibdew ex officio proċedura ta’ reviżjoni tal-imsemmi status)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Cascina Tre Pini s.s.

Konvenuti: Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare, Regione Lombardia, Presidenza del Consiglio dei Ministri, Consorzio Parco Lombardo della Valle del Ticino, Comune di Somma Lombardo

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Consiglio di Stato - Interpretazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102) - Siti ta’ importanza Komunitarja (SIK) - Reviżjoni tal-istatus ta’ SIK fil-każ ta’ tniġġis jew ta’ deterjorament tal-ambjent - Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix il-possibbiltà għall-persuni kkonċernati li jitolbu tali reviżjoni - Għoti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ setgħa diskrezzjonali li jibdew ex officio proċedura ta’ reviżjoni tal-istatus ta’ SIK - Assenza ta’ evalwazzjoni perjodika tal-kundizzjonijiet għar-reviżjoni tal-istatus ta’ SIK - Assenza ta’ obbligu li l-persuni kkonċernati jiġu informati b’tali proċedura

Dispożittiv

L-Artikoli 4(1), 9 u 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata bl-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma fl-obbligu li jipproponu lill-Kummissjoni Ewropea d-deklassifikazzjoni ta’ sit inkluż fil-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja meta dawn l-awtoritajiet jiġu aditi b’applikazzjoni tal-proprjetarju ta’ art inkluża f’dan is-sit li tallega d-deterjorament ambjentali ta’ dan tal-aħħar, sakemm din l-applikazzjoni tkun ibbażata fuq il-fatt li, minkejja li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) sa (4) ta’ din id-direttiva, kif emendata, l-imsemmi sit ma jkunx jista’ definittivament jibqa’ jikkontribwixxi għall-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa jew għall-istabbiliment tan-netwerk Natura 2000.

L-Artikoli 4(1), 9 u 11 tad-Direttiva 92/43, kif emendata bl-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti biss lill-kollettivitajiet territorjali l-kompetenza li jipproponu l-adattament tal-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja u mhux, mill-inqas b’mod sussidjarju fil-każ tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ dawn il-kollettivitajiet, lill-Istat, sakemm dan l-għoti tal-kompetenzi jiggarantixxi l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

____________

1 ĠU C 258, 25.08.2012.