Language of document : ECLI:EU:C:2016:863

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl-10 ta’ Novembru 2016 (1)

Kawża C‑568/15

Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main e.V.

vs

comtech GmbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Stuttgart (qorti reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja)]

“Direttiva 2011/83/UE – Protezzjoni tal-konsumaturi – Komunikazzjoni bit-telefon – Użu ta’ linja tat-telefon minn kummerċjant sabiex jippermetti li l-konsumatur jikkuntattjah fir-rigward ta’ kuntratt konkluż – Projbizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ tariffa ogħla mit-tariffa bażika – Kunċett ta’ ‘tariffa bażika’”





I –    Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tipprovdi kjarifiki fil-kuntest tal-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-kommunikazzjonijiet telefoniċi u, b’mod iktar speċifiku, it-tqegħid għad-dispożizzjoni, minn kummerċjant, ta’ linja telefonika ta’ servizz ta’ wara l-bejgħ intiża għall-klijenti tiegħu.

2.        Id-domandi preliminari magħmula jirrigwardaw l‑interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “tariffa bażika” fis-sens tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83/UE (2) peress li din id-direttiva ma tinkludi ebda definizzjoni ta’ dan il-kunċett. Din il-kawża tagħti għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi, għall-ewwel darba, dwar l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu u, b’mod partikolari, tal-kunċett ta’ “tariffa bażika” inkluż fih.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Livell ta’ armonizzazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri m’għandhomx jippreservaw jew jintroduċu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet diverġenti minn dawk stipulati f’din id-Direttiva, inklużi dispożizzjonijiet iktar jew inqas strinġenti biex jiżguraw livell differenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur, sakemm din id-Direttiva ma tipprovdix mod ieħor”.

4.        L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan‑negozju”, jistabbilixxi dan li ġej:

“1.      Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il‑kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli:

[…]

f)      l-ispiża tal-użu tal-mezz tal-komunikazzjoni mill-bogħod għall‑konklużjoni tal-kuntratt meta tali kost huwa kkalkolat fuq bażi differenti mit-tariffa bażika;

[…]”

5.        Skont l-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva, intitolat “Komunikazzjoni bit-telefon”:

“L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li, fejn il-kummerċjant juża linja telefonika għall-iskop li jikkuntattja lill-konsumatur bit-telefon dwar il-kuntratt konkluż, il-konsumatur mhuwiex marbut iħallas aktar mit-tariffa bażika, meta jikkuntattja lill-kummerċjant.

L-ewwel subparagrafu dan huwa bla ħsara għad-dritt tal-operaturi ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni li japplikaw tariffa għal dawn it-telefonati”.

B –    Id-dritt Ġermaniż

6.        L-Artikolu 312a(5) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (kodiċi ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”), intitolat “Obbligi u prinċipji ġenerali applikabbli għall-kuntratti konklużi minn konsumaturi; limiti tal‑Ftehim ta’ Remunerazzjoni”, li jittrasponi l-Artikolu 21 tad‑Direttiva 2011/83 jipprovdi kif ġej:

“Kwalunkwe ftehim li jobbliga lill-konsumatur iħallas remunerazzjoni b’korrispettiv tat-telefonata li huwa jagħmel lill-kummerċjant permezz ta’ numru li dan tal-aħħar iqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jirrispondi l-mistoqsijiet jew jipprovdi spjegazzjonijiet dwar il-kuntratt li huma kkonkludew huwa null meta r-remunerazzjoni miftiehma teċċedi r-remunerazzjoni dovuta fir-rigward ta’ użu sempliċi tas-servizz tat-telekomunikazzjoni. Jekk skont l-ewwel sentenza l-ftehim huwa null, il-konsumatur lanqas ma għandu jħallas lill-fornitur tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni korrispettiv għat-telefonata. Il-fornitur tas-servizz tat-telekomunikazzjoni għandu d-dritt jitlob lill-kummerċjant li kkonkluda l-ftehim ivvizzjat b’nullità mal-konsumatur remunerazzjoni li tikkorrispondi għal sempliċi użu ta’ servizz ta’ telekomunikazzjoni”.

III – Il-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

7.        comtech GmbH hija kumpannija Ġermaniża li l-attività ekonomika tagħha hija li tbigħ apparat tal-elettriku u apparat elettroniku. Fuq is-sit tal-internet tagħha hija għandha numru ta’ telefon li jikkorrispondi għal servizz ta’ assistenza indirizzat lill-klijenti li diġà kkonkludew kuntratt ta’ xiri magħha u jixtiequ jiksbu kjarifiki jew spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kuntratt tagħhom. Dan in-numru telefoniku huwa numru speċjali li jinkludi l-prefiss 0180, li fil-Ġermanja huwa użat minn servizzi ta’ assistenza b’tariffa nazzjonali unika. L-ispiża ta’ telefonata lejn dan in-numru speċjali (mhux ġeografiku) teċċedi l-ammont li l-konsumatur kellu jħallas għal telefonata lejn numru ta’ linja fissa (ġeografika) jew mobbli standard b’tariffi normali ta’ komunikazzjoni (3).

8.        Iz-Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main e.V. (iktar ’il quddiem iz-“Zentrale”) hija assoċjazzjoni ta’ promozzjoni tal-interessi kummerċjali tal-membri tagħha, b’mod partikolari tal-assoċjazzjonijiet u l-impriżi. Iz-Zentrale ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju azzjoni ta’ inibizzjoni kontra comtech għal ksur tal-Artikolu 312a(5) tal-BGB, li jittrasponi l-Artikolu 21 tad‑Direttiva 2011/83. Fil-kuntest ta’ din l-azzjoni, iz-Zentrale argumentat li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ linja telefonika ta’ servizz ta’ wara l-bejgħ b’tariffa ogħla minn dik tat-telefonati standard jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali (4).

9.        comtech topponi din l-azzjoni ta’ inibizzjoni. Din il-kumpannija allegat li l-Artikolu 312a(5) tal-BGB, moqri fid-dawl tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83, jimplika li l-kummerċjant ma jiksibx vantaġġ bl-użu ta’ linja telefonika ta’ assistenza. Għalhekk, skont din il-kumpannija, ma huwiex ipprojbit li l-ispejjeż tat-telefonati jkunu ogħla mit-tariffa tat-telefonati msejħa “standard” sabiex ikopru r-remunerazzjoni dovuta lill-operatur telefoniku għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ linja ta’ assistenza, sakemm il-kummerċjant ma jiksibx vantaġġi minn dan (5).

10.      Il-qorti tar-rinviju tesponi li, sabiex tissolva l-kawża prinċipali, huwa neċessarju li jiġi interpretat il-kunċett ta’ “ħlas dovut fir-rigward ta’ użu sempliċi tas-servizz tat-telekomunikazzjoni” tal‑Artikolu 312a(5) tal-BGB. Peress li t-tariffi tal-linji telefoniċi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu suġġetti għal armonizzazzjoni fuq livell Ewropew, stabbilit fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83, din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2011/83 għandha tiġi interpretata wkoll. Madankollu, dan jipprovdi li l-konsumatur ma għandux iħallas iktar milli t-“tariffa bażika” għal kuntatti telefoniċi wara l-konklużjoni ta’ kuntratt.

11.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlatur Ġermaniż kellu l-għan li jevita li l-kummerċjant ma jiksibx vantaġġi mit-tqegħid għad‑dispożizzjoni ta’ linja telefonika mhux ġeografika. Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83, u għalhekk tal‑Artikolu 312a(5) tal-BGB, ma teskludix li l-konsumatur iħallas iktar għal telefonata lejn linja mhux ġeografika milli għal telefonata standard, sakemm id-dħul ma jeċċedix l-ispejjeż tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tali linja.

12.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar din l‑interpretazzjoni u tistaqsi jekk għandhiex tingħata interpretazzjoni iktar stretta tal-kunċett ta’ “tariffa bażika” minn dik tal-leġiżlatur Ġermaniż sabiex tiżgura protezzjoni ogħla lill-konsumatur. Hija tikkunsidra li l-formulazzjoni tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 kif ukoll l-għan tiegħu jimmilitaw lejn tali interpretazzjoni iktar restrittiva. Fil-fatt, minkejja li d-dispożizzjoni nazzjonali kkontestata tipprojbixxi, kif rajna, li jinkisbu vantaġġi permezz tal-operat ta’ linja telefonika mhux ġeografika, hija ma tipprojbixxix madankollu li t-telefonati magħmula lejn l-imsemmija linja jkunu jiswew iktar minn dawk magħmula lejn linji standard.

13.      Quddiem dawn il-mistoqsijiet, il-Landgericht Stuttgart (qorti reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja), permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Novembru 2015, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)      L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2011/83 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-konsumatur jikkuntattja lill-kummerċjant bit‑telefon, fil-każ fejn dan tal-aħħar ikun qiegħed linja telefonika għad-dispożizzjoni tal-konsumatur sabiex dan ikun jista’ jikkuntattjah dwar il-kuntratt konkluż, l-ispejjeż li jiġu ffatturati lill-konsumatur ma jistgħux jaqbżu l-prezz li kien ikollu jħallas għal telefonata standard lejn numru tal-linja fissa (ġeografiku) jew mobbli?

(2)      L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2011/83/UE jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta l-kummerċjant ikun qiegħed servizz ta’ assistenza b’numru tat-telefon speċjali (bil‑prefiss 0180) għat-telefonati dwar il-kuntratt konkluż, il‑konsumatur għandu jħallas l-ispejjeż li jiġu ffatturati lilu mill‑fornitur tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni bħala korrispettiv għall-użu tas-servizz ta’ telekomunikazzjoni, anki meta dawn l-ispejjeż jaqbżu l-prezz li kien ikollu jħallas għal telefonata standard lejn numru tal-linja fissa (ġeografiku) jew mobbli?

L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva, f’kull każ, għandu jiġi kkunsidrat bħala li ma jostakolax tali dispożizzjoni nazzjonali meta l‑fornitur tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni ma jħallas lill‑kummerċjant ebda parti mir-remunerazzjoni mħallsa mill‑konsumatur bħala korrispettiv għat-telefonata lejn in-numru speċjali?”

14.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub miz-Zentrale, mill‑Gvern Estonjan, mill-Gvern Litwan, mill-Gvern Olandiż u mill‑Gvern Finlandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Peress li ħadd mill-partijiet ikkonċernati ma talabha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tiddeċiedi mingħajr ma żżomm seduta għas-sottomissjonijiet orali.

IV – Analiżi

A –    Fuq it-trattament konġunt tad-domandi preliminari

15.      Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk il-kunċett ta’ “tariffa bażika” għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż iffatturati lill-konsumatur meta huwa jċempel lill-kummerċjant fil-kuntest ta’ linja telefonika ta’ servizz ta’ wara l-bejgħ jistgħux jeċċedu l-prezz li huwa jħallas għal telefonata lejn numru ta’ linja fissa (ġeografiku) jew mobbli standard, u, min-naħa l-oħra, x’importanza għandha tingħata lill-kwistjoni dwar jekk il-kummerċjant jiksibx vantaġġ jew le minn din il-linja telefonika.

16.      Jidhirli li huwa xieraq, hekk kif issuġġeriet b’mod impliċitu l‑Kummissjoni, li dawn id-domandi jiġu trattati b’mod konġunt, peress li dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-istess kunċett.

17.      B’hekk, permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “tariffa bażika” li jinsab fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83.

18.      Preliminarjament għandu jiġi ppreċiżat li z-Zentrale, il-Gvern Estonjan u l-Gvern Litwan, kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu, fl-osservazzjonjiet bil-miktub tagħhom, il-perspettiva li meta jċempel lill-kummerċjant fil‑kuntest ta’ linja telefonika ta’ servizz ta’ wara l-bejgħ, il-konsumatur ma għandux iħallas il-komunikazzjoni telefonika bi prezz ogħla għal dak li huwa jħallas għal telefonata lejn numru ta’ linja fissa (ġeografiku) jew mobbli standard.

B –    Fuq il-kunċett ta’ “tariffa bażika” fis-sens tal-Artikolu 21 tad‑Direttiva 2011/83

1.      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83

19.      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21 tad‑Direttiva 2011/83, “[l]-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li, fejn il-kummerċjant juża linja telefonika għall-iskop li jikkuntattja lill-konsumatur bit-telefon dwar il-kuntratt konkluż, il-konsumatur mhuwiex marbut iħallas aktar mit-tariffa bażika, meta jikkuntattja lill‑kummerċjant”.

20.      Fl-assenza ta’ kwalunkwe definizzjoni tal-kunċett ta’ “tariffa bażika” fid-Direttiva 2011/83 kif ukoll fil-kuntest legali maħluq mil‑leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni (6), minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li d-determinazzjoni tat-tifsira u tal‑portata tat-termini li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandu jkun stabbilit konformement mas-sens normali tagħhom fil‑lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jiġi kkunsidrat il-kuntest li fih huma jintużaw u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha huma jiffurmaw parti (7).

21.      Fir-rigward tas-sens normali mogħti lill-kunċett ta’ “tariffa bażika” fil-lingwa Ġermaniża, hija tqajjem, kif targumenta l-qorti tar‑rinviju, il-kunċett ta’ “tariffa lokali”, li tfisser l-ispejjeż ta’ telefonata lokali lejn numru ordinarju. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett ma hijiex uniformi fil‑Ġermanja (8).

22.      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita ferm jirriżulta li l-kliem użat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad‑dritt tal-Unjoni ma jistax iservi bħala bażi unika għall‑interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma jista’ jingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet redatti fil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea. F’każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id‑dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (9).

23.      F’dan il-każ, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, anki jekk bħala prinċipju ma teżisti ebda ambigwità testwali fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti (10), fid-dawl tad-diversità tat-tariffi proposti lill‑utenti finali għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet fl-Istati Membri (11) u tal-iżvilupp rapidu osservat fi ħdan is-settur dinamiku tat-telekomunikazzjonijiet, ma jidhirlix li huwa possibbli li tingħata tifsira ta’ użu ta’ lingwaġġ kurrenti fir‑rigward tal-kunċett ta’ “tariffa bażika”. Konsegwentement, is-sens komun tat-terminu użat fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, ma jippermettix, waħdu, li tingħata risposta għad-domanda preliminari magħmula.

24.      Għalhekk għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “tariffa bażika” skont l-istruttura ġenerali u l-iskop kif ukoll il-kuntest leġiżlattiv tad‑Direttiva 2011/83. Il-ġenesi ta’ din id-direttiva jista’ wkoll jikkostitwixxi sors affidabbli sabiex tinstab, sa ċertu punt, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni f’qasam sensittiv, bħal dak tal-protezzjoni tal‑konsumaturi.

2.      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 imqiegħed fil-kuntest tiegħu

25.      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 għandha tingħata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet li jdawru dan l-artikolu f’din id-direttiva.

26.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 6(1)(f) tad‑Direttiva 2011/83, li jipprevedi r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju, juża wkoll it‑termini “tariffa bażika”. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l‑kummerċjant għandu l-obbligu li jinforma lill-konsumatur, qabel il‑konklużjoni ta’ kuntratt, bl-“ispiża tal-użu tal-mezz tal‑komunikazzjoni mill-bogħod għall-konklużjoni tal-kuntratt meta tali kost huwa kkalkolat fuq bażi differenti mit-tariffa bażika” (12).

27.      Skont il-Kummissjoni, dan l-obbligu li l-konsumatur jiġi informat jippermetti lil dan tal-aħħar jiddeċiedi jaċċettax jew le li jikkonkludi l-kuntratt mal-kummerċjant billi jkun jaf bl-ispejjeż relatati mal-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod (13). Il-Kummissjoni tiddikjara wkoll li jistgħu biss ikunu kkunsidrati bħala “tariffa bażika” fis-sens tal‑Artikolu 6(1)(f) tad-Direttiva 2011/83 l-ispejjeż li għandu jħallas il‑konsumatur, jiġifieri dawk ta’ komunikazzjoni telefonika normali, iffatturata għal telefonata lejn numru ta’ linja fissa (ġeografika) jew mobbli standard. Peress li l-konsumatur jaf b’dawn l-ispejjeż abbażi ta’ kuntratt konkluż mal-fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni tiegħu, il‑kummerċjant ma għandu ebda obbligu ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ dan l-artikolu. Min-naħa l-oħra, jekk il-komunikazzjoni telefonika bejn il-konsumatur u l-kummerċjant tiġi stabbilita b’numru telefoniku li għall-konsumatur ifisser spejjeż li jeċċedu dawk ta’ komunikazzjoni telefonika normali, fissa (ġeografika) jew mobbli standard, il-konsumatur għandu jkun infurmat mill-kummerċjant b’mod ċar u komprensibbli.

28.      Filwaqt li, fil-kuntest tal-Artikolu 6(1)(f) tad-Direttiva 2001/83, l‑interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u tal-kunċett ta’ “tariffa bażika” inkluż fiha timmilita favur il-fatt li tinkludi esklużivament l‑ispejjeż normalment magħmula għal komunikazzjoni telefonika fissa (ġeografika) jew mobbli standard, fl-opinjoni tiegħi, ma jistax jingħad mod ieħor għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “tariffa bażika” fis-sens tal‑Artikolu 21 ta’ din id-direttiva.

29.      Għalhekk, imqiegħed fil-kuntest tiegħu, l-Artikolu 21 tad‑Direttiva 2001/83, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi biss l‑ispejjeż magħmula mill-konsumatur waqt telefonata lejn numru ta’ linja fissa (ġeografika) jew mobbli standard.

30.      Din l-interpretazzjoni hija l-unika li tista’ tiżgura t-twettiq tal‑għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 2011/83, kif ser nuri issa.

3.      Fuq il-kunċett ta’ “tariffa bażika” fid-dawl tal-għan tal‑protezzjoni tal-konsumaturi

31.      L-għan tad-Direttiva 2001/83, li jinsab fl-Artikolu 1 tagħha huwa l-“ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li tikkontribwixxi għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern” (14).

32.      F’dan ir-rigward, il-premessi 3 (15) sa 5 u 7 tad-Direttiva 2011/83 ifakkru li l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tikkontribwixxi għal “livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur”. B’mod partikolari, il-premessa 7 ta’ din id-direttiva tindika li l‑“konsumaturi għandhom igawdu […] minn livell komuni għoli ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni kollha” (16).

33.      Skont il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tmurx kontra l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/38 u, b’mod partikolari, l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi rrikonoxxut mill-premessi 3 sa 5 u 7 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, għall-kuntrarju tal-Gvern Estonjan (17) u Litwan, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkunsidra li l-kunċett ta’ “tariffa bażika” jinkludi l-ispejjeż addizzjonali tat-tariffa ta’ informazzjoni li jirriżultaw mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tan-numru ta’ servizz ikkonċernat (18).

34.      Ma ninsabx konvint b’dan l-argument.

35.      Il-premessa 2 tad-Direttiva 2011/83 tenfasizza li din id-direttiva titbiegħed mill-prinċipju ta’ armonizzazzjoni minima tad-Direttivi 85/577/KEE (19) u 97/7 favur armonizzazzjoni sħiħa. Għalhekk, fl-interess taċ-ċertezza legali, l-għan ta’ “[tgawdija] […] minn livell komuni għoli ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni kollha” jintlaħaq mill-armonizzazzjoni sħiħa ta’ wħud mill-aspetti essenzjali tal-kuntratti bejn l-impriżi u l-konsumaturi (20). Konsegwentement, skont l-Artikolu 4 tad‑Direttiva 2011/83, “[l]-Istati Membri m’għandhomx jippreservaw jew jintroduċu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet diverġenti minn dawk stipulati f’din id-Direttiva, inklużi dispożizzjonijiet iktar jew inqas strinġenti biex jiżguraw livell differenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur, sakemm din id-Direttiva ma tipprovdix mod ieħor”, li nfakkar li ma huwiex previst fir-rigward tal-Artikolu 21 (21).

36.      Kif ġustament irrilevaw il-Gvern Estonjan u dak Litwan u l-Kummissjoni, l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 jirrigwarda s-sitwazzjoni fejn, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt, konsumatur jikkuntattja lill-kummerċjant fir-rigward ta’ dan il-kuntratt, b’mod partikolari sabiex jikkjarifika kwistjonijiet dwar l-eżekuzzjoni tiegħu (22) jew wara l-eżekuzzjoni tiegħu, sabiex juża drittijiet tal-garanzija jew jipprepara rikors. Peress li huwa l-kummerċjant li jqiegħed għad-dispożizzjoni l-linja telefonika li permezz tagħha jista’ jsir kuntatt miegħu, huwa fis-setgħa tiegħu li jinfluwenza l-ammont tal-ispejjeż sostnuti mill-konsumaturi waqt telefonata li huwa jirċievi. Fil-fatt, jekk il-kummerċjant jagħżel numru ta’ linja fissa (ġeografika) jew mobbli standard, it-telefonata tal-konsumatur lejn il-kummerċjant tagħti biss lok għall-ispejjeż ikkalkolati abbażi tal-kuntratt konkluż bejn il-konsumatur u l-fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra, jekk il-kummerċjant imur għal linja telefonika speċjali li t-tariffi ta’ komunikazzjoni tagħha jkunu ogħla mit-tariffi normali tas-suq, jeżisti r-riskju li l-konsumatur, għal raġunijiet ekonomiċi, jevita, bi żvantaġġ għalih stess, kuntatt telefoniku mal-kummerċjant, għaliex dan ifisser li jkollu spejjeż addizzjonali.

37.      Konsegwentement, prezz ogħla minn dak lejn linja telefonika normali jista’ jkun dissważiv sabiex il-konsumaturi jagħmlu kuntatt mal-kummerċjant minħabba spejjeż addizzjonali li huwa jsostni (23). Barra minn hekk, mill-istruttura ġenerali tad-Direttiva jirriżulta li s-servizz ta’ assistenza telefonika huwa inkonfutabbilment preżunt bħala inkluż fil-previżjonijiet tal-partijiet, u għalhekk fil-prezz imħallas mill-konsumatur. L-użu ta’ numru bi prezz ogħla jwassal sabiex konsumatur iħallas spejjeż addizzjonali għall-istess servizz (24). Dan ikun wisq iżjed minnu jekk il-valur tal-oġġett tal-kuntratt ikun ftit ogħla.

38.      Tali interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mit-tieni paragrafu tiegħu, li jippreċiża sempliċement li dan “[l]-ewwel subparagrafu [paragrafu] […] huwa bla ħsara għad-dritt tal-operaturi ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni li japplikaw tariffa għal dawn it-telefonati”. Jiena naqbel mal-argument tal-Gvern Litwan u tal-Kummissjoni li l-fattur determinanti huwa l-fatt li r-remunerazzjoni ffatturata lill-konsumatur ma tistax tkun ogħla minn dik ta’ telefonata standard bil-prezzijiet normali tas-suq.

39.      Fl-opinjoni tiegħi, is-sistema ta’ armonizzazzjoni sħiħa stabbilita bid-Direttiva 2011/83 u l-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jirriskjaw li jitilfu l-effett utli tagħhom li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħti f’dan il-każ interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 li tippermetti lill-Istati Membri jintroduċu fuq livell nazzjonali dispożizzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jinkludux biss spejjeż normali tas-suq għal komunikazzjoni telefonika lejn numru ta’ linja fissa (ġeografika) jew mobbli standard.

40.      Kif ser nispjega issa, din l-interpretazzjoni hija wkoll sostnuta mill-ġenesi tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83.

4.      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 fid-dawl tal-ġenesi tiegħu

41.      L-interpretazzjonijiet sistematiċi u teleoloġiċi tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83, esposti fil-punti 29 u 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huma konformi wkoll mal-ġenesi ta’ din id-dispożizzjoni.

42.      Fil-fatt, peress li fil-proċedura leġiżlattiva (25) ġiet ikkonstatata l-assenza ta’ regoli uniformi dwar il-kwistjonijiet li jirrigwardaw is-servizzi telefoniċi bi ħlas li jagħtu assistenza lill-klijenti, il-Parlament Ewropew kien ippropona, fl-emenda 1378 tiegħu, li jiżdied Artikolu 28a (ġdid) intitolat “Komunikazzjoni u disponibbiltà” (26). Il-ġustifikazzjoni ta’ din l-emenda kienet li “[i]l-kummerċjanti jittrasferixxu iktar u iktar is-servizzi ta’ assistenza tagħhom lejn il-klijentela u tal-ilmenti lejn ċentri ta’ telefonija. Il-konsumaturi qed isostnu għalhekk spejjeż kultant mhux negliġibbli meta jiġu ttrasferiti lejn numri speċjali bi ħlas […]. Il-komunikazzjoni u d-disponibbiltà għandhom għalhekk jiġu previsti mil-leġiżlazzjoni bħala obbligi kuntrattwali aċċessorji li għalihom ebda ħlas addizzjonali ma huwa meħtieġ matul ir-relazzjoni kuntrattwali eżistenti jew matul il-perijodu ta’ garanzija” (27) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

43.      F’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni argumentat li l-kunċett ta’ “tariffa bażika” kien introdott waqt l-approvazzjoni u r-riformulazzjoni tal-abbozz tal-Parlament (28). B’hekk fl-ewwel qari, wara ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, l-abbozz tad-Direttiva li kien jinkludi l-Artikolu 21 ġie addottat (29). L-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni kien għalhekk li jipproteġi lill-konsumaturi minn spejjeż ta’ komunikazzjoni għolja meta huma jixtiequ jikkuntattjaw bit-telefon lill-kummerċjant jew lis-servizzi ta’ assistenza tiegħu fir-rigward ta’ kuntratt diġà konkluż.

44.      Din il-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni hija kkorroborata, barra minn hekk, mid-dokument ta’ gwida tad-DĠ Ġustizzja dwar id-Direttiva 2011/83 (30). Fil-punt 10 ta’ dan id-dokument, jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-għan tal-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva huwa li “jipproteġi l-konsumatur mill-applikazzjoni ta’ spejjeż addizzjonali fil-każ fejn dan ikollu bżonn jikkuntattja lill-kummerċjant li miegħu huwa kkonkluda kuntratt, pereżempju jekk jixtieq jagħmel ilment, u fit-tieni lok, li dan it-tip ta’ kuntratt telefoniku ma għandux jobbliga lill-konsumatur iħallas ogħla mit-‘tariffa bażika’”. Minkejja li d‑direttiva ma tagħtix tifsira b’mod espliċitu tat-termini “tariffa bażika”, l-għan tagħha huwa li tirrkjedi li l-kummerċjanti jiżguraw “li l-konsumaturi ma jħallsux iktar mill-ispejjeż netti tas-servizz ta’ komunikazzjoni elettronika għal telefonati li jaqgħu taħt l-Artikolu 21” (31). Dan id-dokument jippreċiża, barra minn hekk, li sabiex jikkonformaw lilhom infushom ma’ dan ir-rekwiżit dwar it-tariffa bażika, “il-kummerċjanti għandhom jużaw numri tat-telefon bħal numri ta’ linja fissa (ġeografika) jew mobbli standard li ma humiex suġġetti għal tariffa speċjali. In-numri mhux ġeografiċi li l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jinkludu normalment fl-offerti ta’ rata fissa tagħhom għal tul li jikkorrispondi għal prezz fiss ta’ kull xahar u n-numri li ma humiex iffatturati bi prezz ogħla ħlief it-telefonati lejn numri ġeografiċi jikkostitwixxu eżempji ta’ numri ffatturati bit-tariffa bażika” (32) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

45.      Fl-opinjoni tiegħi, mill-punti 25 sa 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta b’mod ċar li interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 fis-sens li l-kunċett ta’ “tariffa bażika” ikopri l-ispejjeż kollha għall-użu tas-servizz ta’ telekomunikazzjoni, u dan ikun xi jkun l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż, tmur kontra l-għan leġiżlattiv li għandu l-intenzjoni jilħaq il-leġiżlatur tal-Unjoni.

C –    Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kummerċjant jagħmilx profitt jew le mil-linja telefonika fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83

46.      Kif esponejt fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-fattur determinanti għall-interpetazzjoni tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 u tal-kunċett ta’ “tariffa bażika” huwa li r-remunerazzjoni mitluba lill-konsumatur ma tistax tkun ogħla minn dik ta’ telefonata standard bi prezz normali tas-suq. Konsegwentement, kif jikkorroboraw l-interpretazzjonijiet sistematiċi, teleoloġiċi u l-ġenesi ta’ din id-dispożizzjoni, jekk l-ispejjeż sostnuti mill-konsumatur jeċċedu t-tariffi ta’ komunikazzjoni normali għal telefonati standard, dan ma jkunx każ ta’ “tariffa bażika” fis-sens tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83.

47.      Fil-fatt, kif osservaw ġustament il-Gvern Estonjan, Litwan u Finlandiż u l-Kummissjoni, l-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur kontra tariffi ta’ komunikazzjoni għolja fil-kuntest ta’ komunikazzjonijiet kuntrattwali jew postkuntrattwali mal-kummerċjant jipprevali indipendentement mill-kwistjoni dwar min finalment jirċievi r-remunerazzjoni dovuta mill-konsumatur għall-użu tas-servizz ta’ telekomunikazzjoni (33). Barra minn hekk, l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 jitlef l-effett utli tiegħu li kieku il-protezzjoni tal-konsumatur kontra l-ispejjeż ta’ komunikazzjoni għolja kellha tiddependi fuq il-fatt jekk il-kummerċjant jirċevix jew le sehem mir-remunerazzjoni mħallsa.

V –    Konklużjoni

48.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mil-Landgericht Stuttgart (qorti reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja) kif ġej:

Il-kunċett ta’ “tariffa bażika” li jinsab fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-konsumatur iċempel lill-kummerċjant fil-kuntest ta’ servizz ta’ wara l-bejgħ, fil-każ fejn dan tal-aħħar iqiegħed għad-dispożizzjoni linja telefonika sabiex il-konsumatur ikun jista’ jikkuntattjah fir-rigward ta’ kuntratt li ġie konkluż, l-ispejjeż iffatturati ma jistgħux jeċċedu l-ispejjeż normali li jiġu ffatturati lilu għal telefonata lejn numru ta’ linja fissa (ġeografika) jew mobbli standard.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).


3 – Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-telefonati lejn numru speċjali bil-prefiss 0180 jiswew lill-konsumatur EUR 0.14 kull minuta jekk isiru min-netwerk fiss Ġermaniż u EUR 0.42 kull minuta jekk isiru minn netwerk mobbli.


4 – Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, billi juża dan in-numru, il-konsumatur juri, bl-aġir tiegħu, l-intenzjoni tiegħu li jaċċetta l-offerta ta’ comtech li jikkonkludi ftehim fis-sens tal-Artikolu 312a(5) tal-BGB, li jipprovdi li, meta l-konsumatur iċempel in-numru speċjali indikat fit-tariffa msemmija fl-ispjegazzjoni tal-offerta, il-mistoqsijiet dwar kuntratt li kien konkluż mal-konsumatur huma trattati bit-telefon u l-ispjegazzjonijiet f’dan ir-rigward jiġu skambjati bl-istess mezz.


5 – Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni li lilu l-konvenuta fdat it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-linja telefonika ta’ assistenza ma jagħtih ebda sehem mir-remunerazzjoni mħallsa mill-konsumaturi għat-telefonati lejn in-numru speċjali kkonċernat.


6 – Ara b’mod partikolari, id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ netw[e]rks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367).


7 – Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Hotel Sava Rogaška (C‑207/14, EU:C:2015:414, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8 – Skont interpretazzjoni, l-Artikolu 312a(5) tal-BGB ma huwiex ikkunsidrat bħala traspożizzjoni leali tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83, peress li, għalkemm jeskludi l-ħlas dirett lill-kummerċjant, viżibbli għall-persuna li tagħmel it-telefonata, ta’ remunerazzjonijiet imħallsa bħala korrispettiv tal-użu tas‑servizz ta’ telekomunikazzjoni, madankollu huwa ma jeskludix, b’mod partikolari, il-każ frekwenti ta’ “sussidji trażversali” li jippermettu lill-kummerċjant jikseb, jew bi prezz vantaġġjuż jew b’xejn, provvisti ta’ telekomunikazzjonijiet oħra pprovduti mill-istess fornitur b’korrispettiv għall-iffatturar ogħla tal-linja telefonika ta’ assistenza. Min-naħa l-oħra, skont opinjoni oħra, il-kunċett ta’ “tariffa bażika” għandha tinftiehem li tinkludi wkoll il-korrispettiv imħallas lill-fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni għall-użu tal-linja telefonika ta’ assistenza, u dan, anki meta l-fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni ma jħallas ebda remunerazzjoni lill-kummerċjant bħala korrispettiv tat-telefonata.


9 – Sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punt 14); tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 74), u tas-7 ta’ Lulju 2016, Ambisig (C‑46/15, EU:C:2016:530, punt 48).


10 – B’mod partikolari l-verżjonijiet bil-lingwa Bulgara (основната тарифа), Ġermaniża (Grundtarif), Estonjana (põhitariifi), Spanjola (tarifa básica), Taljana (tariffa di base), Litwana (bazinė kaina), Pollakka (taryfa podstawowa) u Ingliża (basic rate).


11 – It-tariffi jistgħu pereżempju jiġu kkalkolati skont it-tip (lokali jew għall-bogħod) u t-tul tat-telefonati, eventwalment flimkien ma’ rata fissa (flat rate). Skont il‑Kummissjoni, ebda waħda minn dawn l-interpretazzjonijiet differenti ma tista’ tiġi eskluża abbażi tas-sens normali tal-kunċett ta’ “tariffa bażika”. F’dan ir‑rigward, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Finlandiż jirriżulta li l- Kuluttajansuojalaki (liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi) tipprovdi, fil-Kapitolu 2, Artikolu 14 li l-espressjoni “tariffa bażika” tfisser b’mod partikolari kull tariffa prevista mill-kuntratt ta’ abbonament ta’ konsumatur.


12 – Din id-dispożizzjoni hija analoga għall-Artikolu 4(1)(g) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/7/KE, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal‑konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319), li ġiet abrogata mid-Direttiva 2011/83. Enfasi miżjud minni.


13 – F’dan ir-rigward, infakkar li l-premessa 12 tad-Direttiva 97/7 tistabbilixxi li “fil-każ ta’ komunikazzjoni permezz tat-telefon, huwa xieraq li l-konsumatur jirċievi biżżejjed informazzjoni fil-bidu tal-konversazzjoni sabiex ikun jista’ jiddeċiedi jekk ikomplix jew le”.


14 – Ara wkoll, il-premessa 4 ta’ din id-direttiva.


15 – Infakkar li l-premessa 3 tad-Direttiva 2011/83 tistabbilixxi li l-“Artikolu 169(1) u l‑punt (a) tal-Artikolu 169(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedu li l-Unjoni tikkontribwixxi biex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur permezz tal-miżuri li tadotta skont l-Artikolu 114 tiegħu”.


16 – Infakkar ukoll li l-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li “[i]l-politika ta’ l-Unjoni għandha tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur”.


17 – Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Estonjan jenfasizza li, skont l‑Artikolu 281 (3) tal-Võlaõigusseadus (Liġi dwar id-dritt tal-obbligi), li jittrasponi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83, il-kummerċjant ma jistax jirrikjedi li l-konsumatur iħallas prezz addizzjonali meta jikkuntattjah. B’hekk dan il-Gvern jindika li, waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/83 fid-dritt Estonjan, huwa bbaża ruħu fuq ir-raġunament tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 ta’ din id‑direttiva, li jikkonsisti fil-garanzija li l-konsumatur, meta jikkuntattja l‑kummerċjant, ma għandux iħallas tariffa addizzjonali għal dik ta’ komunikazzjoni telefonika ordinarja.


18 – Skont il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-ispiża totali li konsumatur iħallas għal numru ta’ servizz tinqasam f’żewġ tariffi. Dawn huma, minn naħa, it-tariffa ta’ traffiku, jiġifieri t-tariffa li l-konsumatur stess iħallas għas-servizz ta’ komunikazzjoni elettronika, b’mod partikolari l-ispejjeż iffatturati għal telefonata lejn numru ta’ linja fissa (ġeografika) jew mobbli standard, u min-naħa l-oħra, it-tariffa ta’ informazzjoni, jiġifieri t-tariffa addizzjonali stabbilita mill-kummerċjant u li tikkonsisti fiż-żieda tal-ispiża li dan il-kummerċjant japplika fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi ta’ informazzjoni, f’dan il-każ in-numru ta’ servizz. Skont dan il-Gvern, is-servizzi addizzjonali li l-fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet jipprovdi lill-kummerċjant huma b’mod partikolari, il-funzjonijiet tal-istennija u l-għażliet.


19 – Direttiva tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-post tan-negozju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262).


20 – Il-premessa 7 tad-Direttiva 2011/83 tistabbilixxi li “[l]-armonizzazzjoni sħiħa ta’ wħud mill-aspetti regolatorji ewlenin għandha żżid konsiderevolment iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċjanti. […] L-effett ta’ tali armoniżżazzjoni għandu jkun li jinqerdu l-ostakli mnissla mill-frammentazzjoni tar-regoli u biex jitlesta s-suq intern f’dan il-qasam. Dawk l-ostakli jistgħu jinqerdu biss billi jitwaqqfu regoli uniformi fil-livell tal-Unjoni. Barra dan il-konsumaturi għandhom igawdu minn livell komuni għoli ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni kollha”.


21 – Konformement mal-premessa 13 tad-Direttiva 2011/38, l-Istati Membri “jist[għu] […] iżomm[u] jew jintroduċ[u] leġislazzjoni nazzjonali li tikkorrispondi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, jew xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha, dwar kuntratti li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva”. Madankollu, din il-marġni ta’ libertà tirrigwarda biss it-trattament ta’ oqsma mhux irregolati mid-Direttiva, li ninsisti li ma huwiex il-każ tal-Artikolu 21 ta’ din id‑direttiva.


22 – B’mod partikolari sabiex tiġi ddeterminata data ta’ konsenja jew fuq kwistjonijiet relatati mal-fatturazzjoni.


23 – F’din il-linja, id-duttrina tenfasizza li l-“għan tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 huwa […] li tipprojbixxi l-iffatturar ta’ telefonati lejn is-servizzi ta’ assistenza proposti mill-kummerċjant. Din id-dispożizzjoni protettiva għalhekk iġġib fix-xejn l-ispejjeż addizzjonali għal servizzi telefoniċi ta’ wara l-bejgħ […]”. Ara, Pôle de droit privé de l’Université Saint-Louis – Bruxelles, “La directive 2011/83/UE du 25‑octobre 2011 relative aux droits des consommateurs”, Revue générale de droit civil belge, 2013, nru 4, p. 174 sa 207, u b’mod partikolari, p. 204 u 206. Ara, ukoll, J. Laffineur, u G. Stretmans, “La directive 2011/83 relative aux droits des consommateurs: les modifications de la réglementation concernant les ventes aux consommateurs et les ‘autres droits des consommateurs’”, Revue européenne de droit de la consommation, 2013, nru 3, p. 475 sa 498. Dawn l-awturi jenfasizzaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma indirizzax il-kwistjoni dwar il-perijodi ta’ stennija fuq it-telefon, kultant twal, qabel risposta effettiva mill-interlokutur. Ara f’dan ir-rigward, P. Rott, “More coherence? A higher level of consumer protection? A review of the new Consumer Rights Directive 2011/83/EU”, European Journal of Consumer Law, 2012, nru 3, p. 371 sa 392, u b’mod partikolari, p. 391.


24 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25 – Abbozz tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, COM(2008) 614 finali.


26 – Dok. PE452.545v01-00, ġustifikazzjoni tal-emenda 1378.


27 – Dok. PE452.545v01-00, ġustifikazzjoni tal-emenda 1378. Enfasi miżjuda minni.


28 – Ara emenda 165, Abbozz tad-Direttiva, Artikolu 28a (ġdid), dok. P7_TA(2011)0116 (ĠU 2012, C 247 E, p. 99).


29 – Ara dokument 9507/11 CONSOM 65 JUSTCIV 107, p. 4 u 15.


30 – Dokument ta’ gwida tad-DĠ Ġustizzja dwar id-Direttiva 2011/83/UE, Ġunju 2014, p. 70.


31 – Enfasi miżjuda minni.


32 – Dan id-dokument jindika li, għall-kuntrarju, “il-kummerċjanti għandhom b’mod partikolari jevitaw li jużaw numri ta’ telefon li jippermettulhom jiffinanzjaw jew ikopru parzjalment l-ispejjeż ta’ ċentri ta’ telefonija jew li jagħmlu dħul addizzjonali minn dawn it-telefonati billi jaqsmu d-dħul mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni, b’mod partikolari n-numri għal servizzi b’tariffi miżjuda” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara d-dokument ta’ gwida tad-DĠ Ġustizzja dwar id-Direttiva 2011/83/UE, Ġunju 2014, p. 71. Enfasi miżjuda minni.


33 – Barra minn hekk, jidhirli li ċertu tip ta’ remunerazzjonijiet indiretti li jkollhom jitħallsu lill-kummerċjant inkambju għall-użu ta’ servizz ta’ komunikazzjoni telefonika bħal, b’mod partikolari, is-sussidji trażversali, ma humiex faċli li jiġu vverifikati.