Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Lulju 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Slovakka

(Kawża C-412/23)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Gattinara u R. Lindenthal, bħala aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika Slovakka

Talbiet

tiddikjara li, billi naqset kontinwament, fl-2015, 2016, 2017 u mill-2018, li tiżgura li l-entitajiet pubbliċi li jipprovdu kura tas-saħħa jħallsu d-djun kummerċjali tagħhom f’perijodu ta’ massimu ta’ 60 jum kalendarju, u bħala riżultat tal-fatt li din is-sitwazzjoni għadha teżisti, ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2011/7 1 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali, b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) u 4(4)(b) tagħha;

tikkundanna lir-Repubblika Slovakka għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/7, ir-Repubblika Slovakka kellha tiżgura li, fi tranżazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur kien awtorità pubblika, it-terminu għall-ħlas ta’ dawn is-somom dovuti bħala remunerazzjoni għal dawn it-tranżazzjonijiet ma’ impriżi ma jaqbiżx it-30 jum kalendarju mis-seħħ taċ-ċirkostanzi fattwali elenkati hemmhekk. Sadanittant, skont l-Artikolu 4(4)(b) tad-Direttiva, fir-Repubblika Slovakka entitajiet pubbliċi li jipprovdu kura tas-saħħa jistgħu jestendu dak it-terminu għal 60 jum kalendarju.

Madankollu, ir-Repubblika Slovakka naqset milli tiżgura li, fil-każ ta’ dawn l-entitajiet pubbliċi li jipprovdu kura tas-saħħa, it-terminu għall-ħlas fi tranżazzjonijiet kummerċjali fejn dawn l-entitajiet jikkostitwixxu d-debituri ma jaqbiżx is-60 jum kalendarju.

Minn data dwar il-perijodu medju għall-ħlas tad-djun min-naħa ta’ sptarijiet pubbliċi fi tranżazzjonijiet kummerċjali, jirriżulta li fl-2015, 2016, 2017 u mill-2018 sal-mument li fih ġie ppreżentat dan ir-rikors, ir-Repubblika Slovakka naqset kontinwament milli tikkonforma mal-Artikolu 4(3) u mal-Artikolu 4(4)(b) tad-Direttiva.

____________

1     Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1).