Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Polonja) fit-3 ta’ Lulju 2023 – D. SA vs P. SA

(Kawża C-411/23, D.)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Okręgowy w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: D. SA

Konvenut: P. SA

Domandi preliminari

Difett fid-disinn tal-magna ta’ ajruplan żvelat mill-manifattur jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja” u jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “nuqqas mhux mistenni” fis-sens tal-premessi 14 u 15 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 1 – jekk it-trasportatur kellu għarfien dwar id-difett possibbli fid-disinn xi ftit xhur qabel it-titjira?

Jekk id-difett fid-disinn tal-magna msemmi fl-ewwel domanda jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-premessi 14 u 15 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal 11 ta’ Frar2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, allura fil-kuntest tat-teħid tal-“miżuri raġonevoli kollha” ddeterminati fil-premessa 14 u fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, għandu jkun mistenni mit-trasportatur tal-ajru, fid-dawl tal-iżvelar probabbli tad-difett fid-disinn tal-magna tal-ajruplan, li jadotta miżuri preventivi bil-għan li jinżammu disponobbli ajruplani ta’ sostituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 sabiex jinħeles mill-obbligu tiegħu li jħallas kumpens kif previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) u fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.