Language of document :

Appell ippreżentat fil-5 ta’ Lulju 2023 minn OHB System AG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-26 ta’ April 2023 fil-Kawża T-54/21, OHB System AG vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-415/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: OHB System AG (rappreżentant: W. Würfel, Rechtsanwalt)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Taljana, Airbus Defence and Space GmbH

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif tinsab fid-dispożittiv tas-sentenza tas-26 ta’ April 2023 OHB System vs Il-Kummissjoni (T-54/21, EU:T:2023:210) u tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, innotifikata lill-appellanti fid-19 ta’ Jannar 2021, li ma tattribwixxix il-kuntratt pubbliku Nru 2018/S 091-206089 lill-appellanti, u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, innotifikata lill-appellanti b’ittra tat-22 ta’ Jannar 2021, li tattribwixxi dan il-kuntratt lil Thales Alenia Space Italia (TASI) u lil Airbus Defence & Space GmbH (ADS);

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif tinsab fid-dispożittiv tas-sentenza u tibgħat lura l-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka l-aggravji segwenti.

Interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

Il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament applikabbli għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti skont l-Artikolu 160(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 1 . B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali tippreżupponi żbaljatament li offerta tista’ tiġi eskluża biss jekk il-kriterji ta’ esklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 136 tar-Regolament 2018/1046 ikunu ssodisfatti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk l-offerta ta’ ADS kellhiex tiġi eskluża minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fl-evalwazzjoni tagħha dwar jekk il-Kummissjoni Ewropea kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti Ġenerali rrikorriet biss għall-kriterju ta’ evalwazzjoni skont l-Artikolu 136 tar-Regolament 2018/1046, u mhux għall-kriterju ta’ evalwazzjoni applikabbli għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-livell ta’ prova meħtieġ fi proċeduri ta’ sejħa għal offerti abbażi tal-prinċipju ta’ effettività.

2. Klassifikazzjoni legali tal-fatti inkompleta

L-appellanti ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet klassifikazzjoni legali tal-fatti inkompleta peress li naqset milli tevalwa l-mertu tal-allegazzjonijiet inklużi fit-tieni ittra ta’ kontestazzjoni tal-appellanti tat-28 ta’ Jannar 2021, minkejja li dawn kienu jirrigwardaw fatti importanti li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fl-eżami tagħha dwar jekk il-Kummissjoni Ewropea kinitx osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha biss fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea kienet irċeviet l-ittra wara d-deċiżjoni ta’ għoti u ma eżaminatx jekk il-Kummissjoni Ewropea kellhiex tissospendi l-iffirmar tal-kuntratt skont is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha.

3. Assenza ta’ eżami dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni

Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk kienx hemm ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fil-kuntest tat-tieni motiv. Ir-raġunijiet li għalihom awtorità kontraenti tqis li l-offerta magħżula ma hijiex anormalment baxxa għandhom jiġu kkomunikati lill-offerent li ma ntagħżilx. Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk il-Kummissjoni Ewropea kellhiex tinforma lill-appellanti, abbażi tat-talba tagħha tat-28 ta’ Jannar 2021, għalfejn l-offerta mingħand ADS ma kinitx anormalment baxxa. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali naqset milli tosserva l-obbligu tagħha li teżamina (ex officio) jekk kienx hemm nuqqas ta’ motivazzjoni.

____________

1 Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019 L 60, p. 36).