Language of document : ECLI:EU:C:2008:174

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-13 ta’ Marzu 20081(1)

Kawża C‑188/07

Commune de Mesquer

vs

Total France SA

u

Total International Ltd

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de Cassation [Franza])

“Direttiva 75/442 dwar l-iskart – Kunċett ta’ skart – Idrokarburi u żejt karburant tqil – Detentur tal-iskart – Prinċipju li min iniġġes iħallas – Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Cour de Cassation (Qorti tal-Kassazzjoni) tirriżulta mill-inċident li involva lit-tanker Erika lil hinn mill-kosta tal-Brettanja fl-1999. Iż-żejt karburant tqil li nxtered fl-inċident niġġes, fost l-oħrajn, il-bajjiet tal-Komun ta’ Mesquer (iktar’il quddiem, “Mesquer”), li issa qed jitlob kumpens għad-danni mill-impriżi fil-grupp Total.

2.        Għaldaqstant, saru domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart(2) (iktar’il quddiem, id-“Direttiva Qafas dwar l-Iskart”). L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat jekk iż-żejt karburant tqil għandux jitqies bħala skart inkwantu tali jew jekk sarx skart minħabba l-inċident. Il-Cour de Cassation tistaqsi wkoll jekk l-impriżi fil-grupp Total għandhomx ibatu l-ispejjeż għat-tneħħija tat-tniġġis minħabba ż-żejt peress li huma pproduċew iż-żejt karburant tqil li nxtered u għamlu l-arranġamenti sabiex jiġi ttrasportat fit-tanker.

3.        F’dan ir-rigward, għandna nżommu f’moħħna li Franza hija parti fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabilità Ċivili għal Danni mit-Tniġġis taż-Żejt(3), tad-29 ta’ Novembru 1969, kif emendata bil-Protokoll tal-1992(4) (iktar’il quddiem, il-“Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili”) u fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istabbiliment ta’ Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt tal-1971, kif ġiet emendata bil-Protokoll tal-1992(5) (iktar’il quddiem, il-“Konvenzjoni dwar il-Fond”).

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali rilevanti

4.        Fuq livell tad-dritt internazzjonali, il-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili hija ta’ rilevanza għal din il-kawża. Dik il-Konvenzjoni ġiet irratifikata minn, fost l-oħrajn, 24 Stat Membru imma mhux mill-Komunità(6).

5.        L-Artikolu III tal-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili jinkludi d-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà ċivili għat-tniġġis biż-żejt fil-baħar:

“1.      Ħlief kif ipprovdut fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, sid il-bastiment fil-mument ta’ l-inċident jew, fejn l-inċident jikkonsisti f’serje ta’ avvenimenti, fil-ħin ta’ l-ewwel tali avveniment, għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe dannu riżultat tat-tniġġis ikkawżat mill-bastiment minħabba l-inċident.

2.      Is-sid m’għandu jkun responsabbli għall-ebda dannu mit-tniġġis jekk huwa jagħti prova li d-dannu:

(a)      kien ir-riżultat ta’ att ta’ gwerra, ta’ ostilitajiet, ta’ gwerra ċivili, ta’ insurrezzjoni jew ta’ fenomenu naturali ta’ karattru eċċezzjonali, inevitabbli u irreżistibbli, jew

(b)      kien għal kollox ikkawżat minn att jew minn ommissjoni ta’ terza persuna bl-intenzjoni li tikkawża dannu, jew

(c)      kien għal kollox ikkawżat min-negliġenza jew minn att illegali ieħor ta’ kwalunkwe Gvern jew awtorità oħra responsabbli mill-manutenzjoni tad-dwal jew ta’ għajnuniet oħra għan-navigazzjoni fl-eżerċizzju ta’ dik il-funzjoni.

3.      Jekk is-sid jagħti prova li d-dannu mit-tniġġis irriżulta kompletament jew parzjalment minn att jew minn ommissjoni li jkunu saru bl-intenzjoni li jiġi kkawżat dannu mill-persuna li tkun sofriet id-dannu jew min-negliġenza ta’ dik il-persuna, is-sid jista’ jiġi eżonerat kompletament jew parzjalment mir-responsabbiltà tiegħu fil-konfront ta’ tali persuna.

4.      L-ebda talba għal kumpens għal dannu minn tniġġis ma tista’ ssir kontra s-sid ħlief jekk mhux skont din il-Konvenzjoni. Bla ħsara għall-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, l-ebda talba għal kumpens għal dannu minn tniġġis, irrispettivament jekk tkunx ibbażata fuq din il-Konvenzjoni jew le, ma tista’ ssir kontra:

(a)      l-impjegati jew l-aġenti tas-sid jew il-membri ta’ l-ekwipaġġ;

(b)      il-kaptan jew kwalunkwe persuna oħra li, mingħajr ma jkunu membri ta’ l-ekwipaġġ, iwettqu servizzi għall-bastiment;

(ċ)      kwalunkwe noleġġatur (irrispettivament minn kif ikun deskritt, inklużi n-noleġġaturi ta’ bastimenti mingħajr ekwipaġġ), maniġer jew operatur tal-bastiment;

(d)      kwalunkwe persuna li twettaq attivitajiet ta’ salvataġġ bil-kunsens tas-sid jew fuq istruzzjonijiet ta’ awtorità pubblika kompetenti;

(e)      kwalunkwe persuna li tkun qed tieħu miżuri preventivi;

(f)      l-impjegati jew l-aġenti kollha tal-persuni msemmija fis-subparagrafi (ċ), (d) u (e),

sakemm id-dannu ma jkunx ir-riżultat ta’ att jew ommissjoni tagħhom, imwettqa bl-intenzjoni li jikkawżaw dannu bħal dan, jew b’mod irresponsabbli u bl-għarfien li probabbilment jirriżulta tali dannu.

5.      L-ebda dispożizzjoni f’din il-Konvenzjoni m’għandha tkun ta’ ħsara għal kwalunkwe dritt ta’ rivalsa min-naħa tas-sid kontra terzi persuni.”

6.        Skont l-Artikolu V tal-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili, ir-responsabbiltà tas-sid hija limitata, tal-inqas jekk ma jiġix ippruvat li d-dannu mit-tniġġis irriżulta minn att jew ommissjoni personali tiegħu, imwettqa bl-intenzjoni li jikkawża tali dannu, jew b’mod irresponsabbli u bl-għarfien li probabbilment jirriżulta tali dannu.

7.        Fiż-żmien inkwistjoni, il-limitu tar-responsabbiltà skont l-Artikolu V(1), li kien jiddependi mid-daqs tal-bastiment, kien ta’ bejn 3 miljun unità ta’ kont u 59,7 miljun unità ta’ kont. Skont l-Artikolu V(9) unità ta’ kont huwa Dritt Speċjali ta’ Prelevar, kif iddefinit mill-Fond Monetarju Internazzjonali; fit-13 ta’ Diċembru 1999, immedjatament wara l-inċident kien ta’ EUR 1 357 120(7). Fil-każ tal-Erika, ir-responsabbiltà tas-sid kienet limitata għal madwar EUR 13-il miljun(8).

8.        Il-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili hija ssupplimentata mill-Konvenzjoni dwar il-Fond. Dik il-Konvenzjoni kienet irratifikata minn, fost l-oħrajn, 23 Stat Membru, imma mhux mill-Komunità(9).

9.        Skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni dwar il-Fond, il-Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt (iktar’il quddiem ukoll il-“Fond”) imwaqqaf mill-Konvenzjoni jipprovdi għal kumpens għal dannu mit-tniġġis biż-żejt safejn il-protezzjoni mogħtija mill-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili tkun inadegwata. Fiż-żmien inkwistjoni, il-limitu ta’ kumpens ipprovdut mill-Fond kien ta’ 135 miljun unità ta’ kont. Fil-każ tal-Erika, dan kien jammonta għal madwar EUR 185 miljun(10).

10.      Skont l-Artikolu 28(4), il-Konvenzjoni dwar il-Fond hija miftuħa biss għall-Istati li rrattifikaw, aċċettaw, approvaw jew iffirmaw il-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili.

11.      Barra minn hekk, l-Artikolu 235(3) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li kienet iffirmata f’Montego Bay, fl-10 ta’ Diċembru 1982(11), (iktar’il quddiem, il-“Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar”) jeħtieġ li l-Istati jikkooperaw fir-rigward tar-responsabbiltà ċivili għat-tniġġis tal-ambjent marittimu:

“Bil-għan li jiġi assigurat kumpens malajr u adegwat għad-dannu kollu kkaġunat mit-tniġġis ta’ l-ambjent marittimu, l-Istati għandhom jikkooperaw fl-implimentazzjoni tal-liġi internazzjonali eżistenti u fl-iżvilupp ulterjuri tal-liġi internazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili għal dak li jirrigwarda l-valutazzjoni u l-kumpens għal dannu u r-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet relatati, kif ukoll, meta ikun xieraq, fl-iżvilupp ta’ kriterji u proċeduri għall-kumpens adegwat, billi jipprovdu, per eżempju, għal assigurazzjoni obbligatorja jew għal fondi għall-kumpens.”

B –    Id-dritt Komunitarju

1.      Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart

12.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart jiddefinixxi, fost l-oħrajn, l-iskart, il-produtturi tal-iskart u d-detenturi tal-iskart:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

“(a)      ‘skart’ għandu jfisser kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness I li l-possessur [d-detentur] jarmi jew beħsiebu jew ikun imġiegħel li jarmi;

[…]

(b)      ‘produttur’ għandu jfisser dawk kollha li l-attivitajiet tagħhom jipproduċu l-iskart (‘produttur oriġinali’) u/jew dawk kollha li iwettqu ħidmiet ta’ qabel l-ipproċessar, it-taħlit, jew ħidmiet oħra li jirriżultaw f’bidla fin-natura jew fil-kompożizzjoni ta’ dan l-iskart;

(ċ)       ‘pussessur [detentur]’ għandu jfisser il-produttur ta’ l-iskart jew il-persuna naturali jew legali li tippossjedih;

(d)       […]”

13.      L-Anness I jiddefinixxi diversi kategoriji ta’ skart, inklużi t-tnejn li ġejjin:

“Q 4      Il-materjali li jkunu ġew imxerrda, mitlufa jew għaddew minn xi diżgrazzja [inċident] oħra, inklużi kull materjal, tagħmir, eċċ. kkontaminat b’riżultat tad-diżgrazzja [tal-inċident]”,

u

“Q 15 Il-materjali kkontaminati, is-sustanzi jew il-prodotti li jirriżultaw minn azzjonijiet ta’ rimedju rigward l-art”.

14.      L-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart jirregola r-responsabbiltà għall-ispejjeż għar-rimi tal-iskart:

“B’mod konformi mal-prinċipju ta’ ‘min iniġġes iħallas’, in-nefqa fuq r-rimi ta’ l-iskart trid tinġarr mill-:

–        pussessur [detentur] li l-iskart tiegħu jiġi mqandel minn kollettur ta’ l-iskart jew minn impriża kif irreferit fl-Artikolu 9,

u/jew

–        il-pussessuri [detenturi] ta’ qabel jew il-produttur tal-prodott li minn fejn ikun ġie [li jiġġenera] l-iskart.”

2.      Id-Direttiva 68/414/KEE dwar ir-riżorsi strateġiċi li fir-rigward tagħhom huwa impost obbligu ta’ ħażna

15.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 68/414/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1968, li timponi obbligu fuq l-Istati Membri tal-KEE li jżommu ħażniet minimi ta’ prodotti taż-żejt mhux maħdum u/jew prodotti petroliferi(12) jimponi obbligu fuq l-Istati Membri li jżommu ħażniet ta’ prodotti petroliferi f’livell li jikkorrispondi għal konsum intern ta’ 90 jum. Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2 dan l-obbligu jinkludi ż-żjut karburanti.

3.      Id-Deċiżjoni 2004/246/KE rigward il-Konvenzjoni dwar il-Fond

16.      Il-pożizzjoni Komunitarja fir-rigward tal-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili hija spjegata fir-raba’ inċiż u fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/246/KE, tat-2 ta’ Marzu 2004, li tawtorizza lill-Istati Membri biex jiffirmaw, jirratifikaw jew jaqblu ma’, fl-interess tal-Komunità Ewropea, il-Protokoll tal-2003 għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istabbiliment ta’ Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġi[s] [biż]-Żejt 1992, u li tawtorizza l-Awstrija u l-Lussemburgu, fl-interess tal-Komunità Ewropea, biex jaqblu ma’ l-istrumenti ta’ hawn taħt [ta’ referenza](13).

17.      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jikkonkludu protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar il-Fond. F’dan ir-rigward, uħud mill-Istati Membri jistgħu jaderixxu għall-Konvenzjoni dwar il-Fond u għall-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili:

“1.      L-Istati Membri huma hawnhekk awtorizzati biex jiffirmaw, jirratifikaw jew jaqblu ma’, fl-interess tal-Komunità Ewropea, il-Protokoll ta’ l-2003 għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istabbiliment ta’ Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġi[s] [biż]-Żejt 1992, (il-Protokoll tal-Fond Supplementarju) soġġetti għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin.

2.       Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Awstrija u s-Slovakkja huma b’dan awtorizzati jaderixxu mal-istrumenti sottostanti.

3.      It-test tal-Protokoll tal-Fond Supplementarju huwa assoċjat fl-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni. It-test ta’ l-istrumenti ta’ hawn taħt [ta’ referenza] huwa assoċjat fl-Annessi II u III ma’ din id-Deċiżjoni.

4.      F’din id-Deċiżjoni, il-frażi ‘strumenti ta’ hawn taħt [ta’ referenza]’ għandha tfisser il-Protokoll ta’ l-1992 biex jemenda l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Danni mit-Tniġġis [biż]-Żejt, 1969 u l-Protokoll ta’ l-1992 biex jemenda l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istabbiliment ta’ Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġi[s] [biż]-Żejt, 1971.

5.      F’din id-Deċiżjoni, ‘Stat Membru’ tfisser l-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.”

18.      L-Artikolu 2 iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiffirmaw il-Protokoll tal-Fond Supplementarju mill-aktar fis possibbli jew, fil-każ ta’ l-Istati li jissemmew fl-Artikolu 1(2), li jiffirmaw dak il-Protokoll u l-istrumenti sottostanti.

19.      Ir-raba’ premessa tal-preambolu tipprovdi li:

“Skond il-Protokoll tal-Fond Supplementarju, Stati sovrani biss jistgħu jagħmlu parti minnu; għalhekk ma huwiex possibbli għall-Komunità li tirratifika jew taqbel mal-Protokoll, lanqas ma hemm prospett li tkun tista’ tagħmel dan fil-futur qarib.”

20.      L-Artikolu 4 għalhekk jistieden lill-Istati Membri jaħdmu sabiex tkun possibbli l-adeżjoni tal-Komunità:

“L-Istati Membri għandhom, malajr kemm jista’ jkun, jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li l-Protokoll tal-Fond Supplementarju, u l-istrumenti ta’ hawn taħt [ta’ referenza], huma emendati sabiex iħallu l-Komunità ssir Parti Kontraenti għalihom.”

21.      Skont it-tieni u t-tielet premessi tal-preambolu, dik id-Deċiżjoni tal-Kunsill saret neċessarja għaliex ir-regoli tal-Protokoll tal-Fond Supplementarju jaffetwaw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali(14), u jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità.

III – Il-fatti, il-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari

22.      ENEL, il-kumpannija Taljana li tipproduċi l-elettriku, ikkonkludiet kuntratt ma’ Total International Ltd għall-provvista ta’ żejt karburant tqil għall-Italja. Iż-żejt karburant tqil kellu jintuża bħala karburant kombustibbli f’impjant tal-enerġija għall-produzzjoni tal-elettriku.

23.      Iż-żejt karburant tqil jinkiseb minn proċess ta’ raffinar taż-żejt mhux raffinat. L-elementi aktar ħfief taż-żejt mhux raffinat li jgħaddu għall-istat gassuż f’temperaturi baxxi jiġu pproċessati, per eżempju, f’petrol jew f’heating oil. Iż-żejt karburant tqil, min-naħa l-oħra, huwa viskuż f’temperaturi normali u jiġi msaħħan sabiex isir likwidu.

24.      Sabiex tonora l-kuntratt ma’ ENEL, Total Raffinage Distribution, illum Total France, biegħet ċerta kwantità ta’ żejt karburant tqil lil Total International Ltd, li nnoleġġat it-tanker Erika sabiex tittrasportah sal-port ta’ Milazzo fi Sqallija. Il-bastiment għereq fil-11 u fit-12 ta’ Diċembru 1999. Parti mit-tagħbija li kien qed iġorr inxterdet fil-baħar u niġġset firxiet tal-kosta Atlantika Franċiża, inklużi żoni ta’ Mesquer.

25.      Il-Komun adotta ordni li tat lill-kumpanniji Total avviż formali sabiex jarmu l-iskart mill-bastiment. Madankollu, hija sostniet numru ta’ spejjeż għall-operazzjonijiet ta’ tindif tat-territorju tal-Komun u għat-tneħħija tat-tniġġis. Hija fetħet kawża kontra Total France u Total International Ltd (iktar’il quddiem “Total”) għall-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż.

26.      Il-proċeduri jinsabu pendenti quddiem il-Cour de Cassation, li għamlet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1.      Iż-żejt karburant tqil, prodott li jinkiseb minn proċess ta’ raffinar, li huwa konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-utent, intiż mill-produttur sabiex jinbiegħ bħala karburant kombustibbli u msemmi fid-Direttiva 68/414/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1968, li ġiet emendata mid-Direttiva 98/93/KE, tal-14 ta’ Diċembru 1998, dwar ir-riżorsi strateġiċi li fir-rigward tagħhom huwa impost obbligu ta’ ħażna, jista’ jitqies bħala skart fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, kif ġiet emendata mid-Direttiva 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991, u kkodifikata permezz tad-Direttiva 2006/12/KE?

2.      Tagħbija ta’ żejt karburant tqil, ittrasportata minn bastiment u li waqgħet fil-baħar b’mod aċċidentali, tikkostitwixxi minnha nnifisha, jew minħabba l-fatt tat-taħlit tagħha mal-ilma u ma’ xi sedimenti, skart fis-sens tal-kategorija Q4 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/12/KE?

3.      Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda u risposta pożittiva għat-tieni waħda, il-produttur taż-żejt karburant tqil (Total Raffinage) u/jew il-bejjiegħ u noleġġatur (Total International Ltd) jistgħu jiġu kkunsidrati, fis-sens tal-Artikolu 1(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/12/KE u għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-istess direttiva, bħala produtturi u/jew detenturi tal-iskart meta, fil-mument meta seħħ l-inċident li ttrasforma dan iż-żejt fi skart, il-prodott kien qiegħed jinġarr minn terza persuna?”

27.      Waqt il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-16 ta’ Jannar 2008, it-Tribunal de grande instance de Paris (Qorti Reġjonali ta’ Pariġi) ordnat lil diversi persuni, inklużi lil kumpanniji differenti fil-grupp Total, sabiex iħallsu multi minħabba l-inċident tal-Erika. Skont dik is-sentenza, dawk li nstabu ħatja kellhom iħallsu danni li kienu jammontaw għal madwar EUR 192 miljun lil diversi partijiet ċivili fil-proċeduri. Meta ġew biex jiġu kkalkulati d-danni, ittieħdu inkunsiderazzjoni l-ħlasijiet skont il-Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt(15). Mesquer għandu jingħata EUR 500 000 f’kumpens għal dannu lir-reputazzjoni tiegħu(16). Min-naħa l-oħra, it-Tribunal de grande instance ċaħad bħala infondata talba għal EUR 67 181,78 f’kumpens għal dannu mhux kopert mill-Fond(17). It-tort min-naħa ta’ Total S.A. kien ibbażat fuq l-għażla u l-ispezzjoni tal-Erika għat-trasport taż-żejt karburant tqil(18). Skont ir-rapporti tal-istampa, Total, fost oħrajn appellaw minn dik id-deċiżjoni.

28.      Mesquer, Total, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni ressqu osservazzjonijiet bil-miktub skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Bl-eċċezzjoni tal-Belġju u tal-Italja, dawn kollha ħadu sehem ukoll fis-seduta tat-22 ta’ Jannar 2008.

IV – L-evalwazzjoni ġuridika

29.      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-verżjoni kkonsolidata tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart li ssemmiet ukoll fid-deċiżjoni tar-rinviju ma tapplikax għall-ġrajjiet li seħħew fl-1999, imma tapplika l-verżjoni li kienet applikabbli dak iż-żmien(19).

A –    L-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

30.      Total iqisu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ipotetika peress li Mesquer diġà ġie kkumpensat b’mod sħiħ u għalhekk m’hemm l-ebda interess ġuridiku sabiex tiġi istitwita l-azzjoni prinċipali. Barra minn hekk, meta rċieva il-ħlas, Mesquer irrinunzja għal kull talba ulterjuri fir-rigward ta’ dan id-dannu.

31.      B’dan il-motiv, Total qed jibbażaw fuq il-fatt li f’ċirkustanzi eċċezzjonali hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom tkun ġiet adita b’kawża mill-qorti nazzjonali, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha(20). Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rifjut ta’ talba minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun pjuttost ovvju li l-interpretazzjoni li tintalab tad-dritt Komunitarju ma jkollha l-ebda relazzjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża jew meta l-problema tkun ipotetika u l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi meħtieġa ta’ fatt jew ta’ dritt sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jsirulha(21). Bl-eċċezzjoni ta’ dawn il-każijiet, bħala prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta li tagħti deċiżjoni rigward domandi li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju(22).

32.      Għall-kuntrarju, per eżempju, ta’ domandi ta’ dritt Komunitarju li jistgħu jġiegħlu rinviju għal deċiżjoni preliminari jidher kompletament jew parzjalment ipotetiku, il-kwistjoni dwar jekk hemmx interess ġuridiku li tiġi istitwita l-azzjoni prinċipali, bħala prinċipju, tista’ tiġi eżaminata biss mill-qorti nazzjonali. Għalhekk, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġ li jiġu imposti rekwiżiti partikolarment ibsin fir-rigward tal-eċċezzjonijiet imqajma kontra r-riżultat ta’ dak l-eżami.

33.      Fid-dawl ta’ dak li ngħad aktar’il fuq, l-argumenti ta’ Total ma jitfgħux dubju fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Mesquer mhux biss qed jitlob ħlasijiet li huwa allegatament diġà rċieva, imma huwa qed jitlob ukoll dikjarazzjoni li, bħala prinċipju, Total huma responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni. Dikjarazzjoni bħal din tkun tkopri wkoll dannu futur.

34.      Hija biss qorti nazzjonali li tista’ tevalwa l-effett tar-rinunzja għal talbiet ulterjuri invokata minn Total. Peress li l-qorti tar-rinviju bilfors kienet taf bl-allegata rinunzja, għandna nassumu li hija ma pprekludietx l-azzjoni.

35.      Id-dubji dwar l-ammissibbiltà tal-azzjoni quddiem il-qorti nazzjonali jistgħu wkoll ikunu marbuta mal-fatt li t-Tribunal de grande instance ta deċiżjoni dwar it-talbiet ta’ Mesquer kontra kumpanniji oħra fil-grupp Total b’konnessjoni mal-inċident. Madankollu, hija biss il-qorti nazzjonali u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tiddetermina jekk dan il-fatt iwaqqafhiex milli tieħu konjizzjoni ta’ din il-kawża minħabba lis alibi pendens.

36.      Għalhekk, ma jistax jiġi ddikjarat li l-kawża prinċipali jew it-talba għal deċiżjoni preliminari huma ipotetiċi. Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

B –    L-ewwel domanda – In-natura taż-żejt karburant tqil bħala skart

37.      Bl-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk iż-żejt karburant tqil, bħala l-prodott ta’ proċess ta’ raffinar, li jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tal-utent u li kien intiż mill-produttur li jinbiegħ bħala karburant kombustibbli, u li jissemma fid-direttiva dwar ir-riżorsi strateġiċi li fir-rigward tagħhom huwa impost obbligu ta’ ħażna(23), jistax jiġi ttrattat bħala skart fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart.

38.      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li ma tista’ tingħata l-ebda kunsiderazzjoni ulterjuri lill-argument ta’ Mesquer li ż-żejt karburant tqil huwa sustanza ta’ kwalità differenti – iktar baxxa – minn dik presupposta s’issa, jiġifieri residwi ta’ produzzjoni tossika ħafna b’valuri ta’ viskożità differenti minn dawk preskritti. Mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiċċara l-fatti f’rinviju għal deċiżjoni preliminari(24). Jista’ jkun li l-qorti tar-rinviju, il-Cour de Cassation, bħala qorti tal-appell, ma tkunx tista’ tiċċara l-fatti ulterjorament. Peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija relatata ma’ żejt karburant tqil li jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tax-xerrej, jeħtieġ li kwalunkwe eżami ulterjuri jkun ibbażat fuq din is-suppożizzjoni.

39.      Skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, il-kunċett ta’ “skart” ikopri kwalunkwe sustanza jew oġġett fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness I li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi.

40.      Dak l-anness u l-Lista Ewropea tal-Iskart jiċċaraw u jispjegaw dik id-definizzjoni billi jipprovdu listi ta’ sustanzi u ta’ oġġetti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala skart. Madankollu, l-anness u l-Lista Ewropea tal-Iskart huma maħsuba biss bħala gwida, b’mod partikolari, peress li l-anness jinludi l-kategorija Q 16 “[k]walunkwe materjal, sustanza jew prodott li mhux inkluż fil-kategoriji msemmija hawn fuq”(25).

41.      Il-fattur kruċjali huwa jekk id-detentur jarmix jew huwiex bi ħsiebu jew huwiex meħtieġ li jarmi oġġett(26). Il-kunċett ta’ “skart” fis-sens tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv(27).

42.      Għalhekk, l-għan tal-ewwel domanda huwa li jiġi ċċarat jekk id-detentur remiex jew kienx bi ħsiebu jew kienx meħtieġ jarmi ż-żejt karburant tqil meta kien għadu fit-tanker. It-trasport ta’ sustanza f’tanker, fih innifsu, la huwa parti mill-proċess tar-rimi u lanqas evidenza tiegħu. Minn dan isegwi li ma jistax jiġi kkunsidrat li hemm operazzjoni kkompletata ta’ rimi.

43.      Jista’ jkun hemm obbligu ta’ rimi(28) fejn is-sustanza inkwistjoni ma tkun disponibbli għal ebda użu legali. Dan jista’ jkun il-każ ta’ żejt karburant tqil li ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE, tas-26 ta’ April 1999, dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi u li temenda d-Direttiva 93/12/KEE(29). Madankollu, fiż-żmien inkwistjoni, jiġifieri Diċembru 1999, l-ebda regola Komunitarja rilevanti ma kienet applikabbli, u barra minn hekk, dak ix-xenarju jidher li huwa eskluż peress li – kif qed jiġi presuppost fid-deċiżjoni tar-rinviju – iż-żejt karburant tqil jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tax-xerrej.

44.      Konsegwentement, jeħtieġ jiġi eżaminat jekk id-detentur kienx bi ħsiebu jarmi ż-żejt karburant tqil. Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart ma tipprovdi l-ebda kriterju deċiżiv sabiex tiġi ddeterminata l-intenzjoni tad-detentur li jarmi sustanza jew oġġett partikolari. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, li f’diversi okkażjonijiet ġiet mistoqsija dwar jekk diversi sustanzi għandhomx jitqiesu bħala skart, ipprovdiet numru ta’ indikaturi li minnhom huwa possibbli li tiġi dedotta l-intenzjoni tad-detentur(30). Din għandha tiġi ddeterminata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għan tad-direttiva u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-effikaċja tagħha ma tiġix imdgħajfa(31).

45.      Mesquer qed jibbaża l-pożizzjoni tiegħu li ż-żejt karburant tqil huwa skart fuq is-suppożizzjoni li huwa residwu ta’ produzzjoni. Residwu ta’ produzzjoni huwa prodott li mhuwiex, fih innifsu, meħtieġ għal użu sussegwenti(32). Jekk id-detentur ma jistax jerġa’ juża dan il-prodott taħt kundizzjonijiet ekonomikament vantaġġjużi mingħajr ma jipproċessah minn qabel, dan jitqies bħala piż li d-detentur jipprova jarmi u għalhekk huwa, essenzjalment, skart(33).

46.      Madankollu, bħall-partijiet l-oħra, jiena minix konvinta li ż-żejt karburant tqil, tal-inqas fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, huwa effettivament residwu ta’ produzzjoni. Fil-fatt, huwa prodott. Kif jiddikjara r-Renju Unit, iż-żejt karburant tqil jiġi inevitabbilment prodott meta ż-żejt mhux raffinat jiġi rraffinat; madankollu, dan huwa minnu wkoll fil-każ tal-biċċa l-kbira tal-frazzjonijiet l-oħra li jiġu prodotti mir-raffinar ta’ żejt mhux raffinat.

47.      Dan huwa kkonfermat mir-Reference Document on Best Available Techniques for Mineral Oil and Gas Refineries (Dokument ta’ Referenza dwar l-Aqwa Tekniki Disponibbli għar-Raffineriji taż-Żejt u tal-Gass Minerali)(34). Il-Kummissjoni pproduċiet dan id-dokument b’kollaborazzjoni ma’ esperti mill-Istati Membri fuq il-bażi tad-direttiva dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis(35). Skont dan id-dokument, ir-raffineriji jikkonvertu l-materja prima naturali, bħaż-żejt mhux raffinat u l-gass naturali, fi prodotti utli li jistgħu jinbiegħu, partikolarment karburanti għas-settur tat-trasport, karburanti kombustibbli għall-ġenerazzjoni tas-sħana u tal-enerġija għall-industrija u għad-djar, materja prima għall-industrija kimika, prodotti ta’ speċjalità bħaż-żjut lubrikanti, il-pitrolji/ix-xemgħat u l-bitum, u l-enerġija bħala prodott sekondarju fil-formazzjoni tal-fwar u tal-elettriku.

48.      Għaldaqstant, id-Dokument ta’ Referenza ma jikklassifikax liż-żejt karburant tqil bħala skart tipiku tar-raffineriji(36). Lanqas isemmi t-tnaqqis fil-produzzjoni taż-żejt karburant tqil bħala għan tal-aqwa tekniki disponibbli fis-sens tad-direttiva dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis.

49.      Iż-żejt karburant tqil għandu jiġi kklassifikat bħala prodott, speċjalment fejn jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tal-utent, bħalma jidher f’dan il-każ mid-domanda preliminari. Għaldaqstant, dan huwa r-riżultat ta’ għażla teknika u huwa prodott mixtieq bħala tali għal użu sussegwenti(37). Ir-rekwiżiti relatati ma’ tali għażla teknika m’għandhomx ikunu ibsin wisq peress li bosta proċessi ta’ produzzjoni jagħtu lok għall-produzzjoni parallela ta’ prodotti, li mhumiex kollha attraenti ugwalment għall-prodotturi, imma, minkejja dan, ikunu mixtieqa fil-kuntest ta’ proċess ta’ produzzjoni li jkun kemm jista’ jkun integrat u effikaċi.

50.      Skont in-natura ta’ karburant, lanqas il-kombustjoni ppjanata ma tista’ titqies bħala proċess ta’ rimi li jista’ jissuġġerixxi intenzjoni ta’ rimi(38). Anzi, dan jintuża prinċipalment għall-istess finijiet bħal sustanzi oħrajn li, bla dubju, jitqiesu bħala prodotti(39).

51.      Għalhekk, karburant bħaż-żejt karburant tqil, bħala prinċipju, mhuwiex residwu ta’ produzzjoni li jirriżulta minn raffinar, imma huwa prodott mixtieq.

52.      Din il-konklużjoni tikkonferma wkoll il-fatt li ż-żejt karburant tqil, għall-finjiet tad-domanda preliminari, huwa kopert mid-Direttiva 68/414 dwar riżorsi strateġiċi li fir-rigward tagħhom huwa impost obbligu ta’ ħażna. Is-suppożizzjoni ta’ intenzjoni ta’ rimi mhijiex apparenti fejn l-Istati Membri huma meħtieġa jżommu biżżejjed ħażniet ta’ żejt karburant tqil(40). Anzi dan l-obbligu ta’ ħażna jissuġġerixxi li hemm ċertezza li ż-żejt karburant tqil li jiġi prodott ikun ser jintuża, fatt li jeskludi l-klassifikazzjoni tiegħu bħala skart(41).

53.      Kuntrarjament għall-fehma ta’ Mesquer, din l-evalwazzjoni mhijiex imqegħda fid-dubju mir-riskji partikolari għall-ambjent li jirriżultaw miż-żejt karburant tqil u mill-użu tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet tali riskji bħala indikazzjoni ta’ intenzjoni ta’ rimi, iżda r-rilevanza tagħhom hija sekondarja meta mqabbla ma’ elementi oħra(42). Bosta prodotti għandhom karatteristiċi li jagħmlu ħsara lill-ambjent jew li jistgħu jheddu lill-ambjent, tal-inqas fil-kuntest tal-użu tagħhom. Madankollu, dawk ir-riskji ma jeħtiġux l-applikazzjoni tal-liġi dwar l-iskart, imma għandhom ikunu koperti minn regoli speċifiċi dwar prodotti bħal dawn u/jew l-użu tagħhom.

54.      Min-naħa l-oħra, hemm probabbiltà ferm akbar li jeżisti residwu ta’ produzzjoni fejn karburant potenzjali jirriżulta minn proċess ta’ produzzjoni li jkun essenzjalment intiż li jipproduċi prodott differenti. Per eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset il-“LUWA-Bottoms”, li jinkisbu minn “fluss ta’ idrokarburi” (li ma ġiex speċifikat ulterjorament), bħala residwu ta’ produzzjoni li jirriżulta mill-manifattura tal-ossidu tal-propilin u tal-alkoħol butil terzjarju(43).

55.      Żejt karburant tqil tar-raffineriji, min-naħa l-oħra, jista’ jitqies bħala residwu ta’ produzzjoni biss jekk, minħabba ċirkustanzi speċjali, eż. domanda insuffiċjenti jew miżuri regolatorji, ikun jitqies bħala piż li d-detentur ikun bi ħsiebu jew saħansitra jkun meħtieġ jarmi. F’sitwazzjoni bħal din, li mhemm ebda prova ċara tagħha f’dan il-każ, in-natura tiegħu bħala skart tista’ tiġi eskluża biss jekk l-użu mill-ġdid tiegħu ma jkunx sempliċi possibbiltà imma ċertezza, mingħajr ebda pproċessar ulterjuri qabel l-użu mill-ġdid u bħala parti integrali tal-proċess ta’ produzzjoni(44).

56.      Din l-eċċezzjoni għall-eċċezzjoni kienet applikata għall-irkupru ta’ ġebel li kien fadal sabiex tingħalaq l-istess minjiera. F’dak il-każ, setgħet, b’mod partikolari, issir distinzjoni mal-iskart tat-tħaffir fil-minjieri, li l-irkupru tiegħu f’oqsma oħrajn huwa sempliċi possibbiltà imma mhux ċertezza(45).

57.      Madankollu, l-eċċezzjoni għall-eċċezzjoni m’għandhiex tiġi interpretata b’mod eżawrjenti, b’mod partikolari, fir-rigward tal-karatteristika tal-proċess kontinwat ta’ produzzjoni. F’dan il-każ jista’ jkun hemm dubji dwar il-proċess kontinwat peress li ż-żejt karburant tqil l-ewwel jiġi ttrasportat għal distanza twila qabel ma jiġi rkuprat. Jekk, madankollu, l-irkupru ta’ residwu ta’ produzzjoni mingħajr ipproċessar ulterjuri huwa ċert u huwa ekonomikament vantaġġjuż għall-produttur, jista’ wkoll jiġi eskluż li r-residwu jikkostitwixxi piż li l-produttur bi ħsiebu jarmi(46).

58.      Fi ftit kliem, ir-risposta għall-ewwel domanda għalhekk għandha tkun li ż-żejt karburant tqil, bħala l-prodott ta’ proċess ta’ raffinar, li jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tal-utent u li huwa maħsub mill-produttur sabiex jinbiegħ bħala karburant kombustibbli, u li jissemma fid-Direttiva 68/414 dwar ir-riżorsi strateġiċi li fir-rigward tagħhom huwa impost obbligu ta’ ħażna, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala skart fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart.

C –    It-tieni domanda – In-natura bħala skart taż-żejt karburanti li nxtered

59.      Bit-tieni domanda, il-Cour de Cassation tixtieq tkun taf jekk tagħbija ta’ żejt karburant tqil, ittrasportata b’bastiment u li nxterdet aċċidentalment fil-baħar, tikkostitwixxix fiha nnifisha – jew minħabba dak it-tixrid jew minħabba li tħalltet mal-ilma u mas-sediment – skart li jaqa’ taħt il-Kategorija Q 4 fl-Anness I tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart.

60.      Ir-Renju tal-Belġju u anki Total huma tal-fehma li d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart teskludi l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili. Skont l-Artikolu III(4) ta’ dik il-Konvenzjoni, ma tista’ ssir l-ebda talba għal kumpens għal dannu mit-tniġġis kontra s-sid jew persuni oħrajn, fuq bażi oħra għajr il-Konvenzjoni.

61.      Madankollu, il-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili hija irrilevanti għat-tieni domanda għaliex ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni li tippermetti li jiġi ppreċiżat jekk il-prodotti taż-żejt li jinxterdu f’inċidenti ta’ tankers humiex skart. Minflok, il-Konvenzjoni għandha tiġi eżaminata iktar’l isfel fil-kuntest tat-tielet domanda għaliex dik id-domanda tikkonċerna r-responsabbiltà skont il-liġi dwar l-iskart u għaldaqstant anki r-responsabbiltà ċivili.

62.      Total huma wkoll tal-fehma li d-domanda dwar jekk iż-żejt karburant tqil sarx skart minħabba t-tixrid hija manifestament irrilevanti għall-kawża prinċipali. Din l-kawża tikkonċerna biss iż-żejt karburant tqil li niġġes iż-żoni tal-kosta ta’ Mesquer. Għalhekk, mhemmx għalfejn li tingħata risposta għal dik il-parti tad-domanda.

63.      Madankollu, dan l-argument jikkontradixxi s-sottomissjonijiet ta’ Total fir-rigward tat-tieni parti tad-domanda. Total iqisu li t-taħlita ta’ żejt karburant tqil, ilma u sediment li niġġset il-kosta għandha tiġi kkunsidrata bħala skart fil-każ biss li jkun hemm obbligu li ż-żejt karburant tqil jintrema. Madankollu, tali obbligu – li oriġinarjament kien jirrigwarda biss iż-żejt karburant tqil – jista’ jirriżulta biss jekk iż-żejt karburant tqil isir skart qabel ma jitħallat.

64.      Konsegwentement, mill-argument stess ta’ Total jirriżulta li l-ewwel parti tad-domanda hija perfettament rilevanti u għalhekk għandha tingħata risposta għaliha.

65.      Total huma wkoll tal-fehma, kif jiena diġà sostnejt b’mod simili, li s-sustanza li nxterdet għandha tiġi kkunsidrata flimkien mas-sustanza kkontaminata(47). Il-kwistjoni allura tkun impernjata fuq jekk id-detentur jarmix, ikunx bi ħsiebu jarmi jew ikunx meħtieġ li jarmi t-taħlita. Din il-perspettiva tista’ tkun raġonevoli f’ċerti ċirkustanzi, b’mod partikolari, fejn l-oriġini tal-elementi ta’ taħlita ma tistax tiġi ċċarata aktar.

66.      Madankollu, l-eżami tat-taħlita ma jkun tal-ebda benefiċċju jekk – bħal fil-kuntest tat-tielet domanda f’dan il-każ – għandha tiġi ddeterminata r-responsabbiltà għall-ġenerazzjoni tal-iskart. Din ir-responsabbiltà tkun ġeneralment marbuta ma x’jiġri mill-elementi individwali, f’dan il-każ iż-żejt karburant tqil, filwaqt li n-natura tal-elementi l-oħra bħala skart hija l-konsegwenza tat-tniġġis miż-żejt karburant tqil. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk iż-żejt karburant tqil sarx skart.

67.      L-Anness I tad-Direttiva 75/442 intitolat “Kategoriji ta’ Skart”, fil-punt Q 4 tiegħu isemmi l-“[m]aterjali mxerrda, mitlufa jew li kienu parti minn inċident, inkluż kwalunkwe materjal, tagħmir, eċċ. kontaminat minħabba l-inċident”. Dan sempliċement jindika li materjali bħal dawn jistgħu jitqiesu bħala skart. Madankollu, ma jippermettix fih innifsu li l-idrokarburi mxerrda aċċidentalment u li jikkawżaw tniġġis, jiġu kkwalifikati bħala skart(48). Kif diġà ġie ddikjarat fir-rigward tal-ewwel domanda, sustanzi u oġġetti jitqiesu bħala skart taħt l-Artikolu 1(a)(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart fil-każ biss li d-detentur tagħhom jarmihom, ikun bi ħsiebu jarmihom jew ikun meħtieġ li jarmihom(49).

68.      It-tixrid ta’ żejt karburant tqil f’inċident ta’ tanker ma jikkaratterizzax – mingħajr indikazzjonijiet speċjali ulterjuri – la intenzjoni ta’ rimi u lanqas obbligu ta’ rimi. Madankollu, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-dentur remiex minħabba t-tixrid taż-żejt karburant tqil.

69.      Fis-sentenza Van de Walle, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet parallel mal-ġurisprudenza dwar residwi ta’ produzzjoni. Dak il-każ kien jikkonċerna idrokarburi li nxterdu minn faċilitajiet ta’ ħażna ta’ pompa tal-petrol fl-art tal-madwar.

70.      Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li prodott li mhuwiex mixtieq bħala tali għal użu sussegwenti u li d-detentur ma jistax jerġa’ juża f’kundizzjonijiet ekonomikament vantaġġjużi mingħajr ma jipproċessah minn qabel, għandu jiġi kkunsidrat bħala piż li d-detentur jipprova jarmi(50).

71.      Huwa ċar, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li idrokarburi mxerrda aċċidentalment u li jikkawżaw kontaminazzjoni fil-ħamrija u fl-ilma sotterranju mhumiex (ukoll) prodott li jista’ jerġa’ jintuża mingħajr ma jiġi pproċessat. Fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom hija inċerta ħafna u, anki jekk tkun possibbli, din tirrikjedi operazzjonijiet preliminari li mhumiex ekonomikament vantaġġjużi għad-detentur tagħhom. Għaldaqstant, dawn l-idrokarburi huma sustanzi li d-detentur ma kellux l-intenzjoni li jipproduċi u li huwa jarmi, anki jekk involontarjament, meta jitwettqu operazzjonijiet ta’ distribuzzjoni li jikkonċernawhom(51).

72.      Kif jargumentaw ukoll Franza, l-Italja, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni, l-istess japplika għal żejt karburant tqil li jinxtered f’inċident ta’ tanker u jitħallat mal-ilma u mas-sediment. Kemm jista’ jintuża huwa tal-inqas inċert, jekk mhux kompletament eskluż. B’hekk id-detentur taż-żejt karburant tqil remieh matul it-trasport, għalkemm involontarjament.

73.      Fis-sentenza Van de Walle, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll li l-istess kwalifika bħala “skart” tapplika għal ħamrija kkontaminata minn tixrid aċċidentali ta’ idrokarburi. Fil-fatt, f’dak il-każ, l-idrokarburi ma jistgħux jiġu sseparati mill-art li jkunu kkontaminaw u ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati jew mormija jekk l-art ma tkunx dekontaminata(52).

74.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll f’din il-kawża. Iż-żejt karburant tqil jista’ jiġi ttrattat fuq il-bażi tal-liġi dwar l-iskart fil-każ biss li l-ilma mħallat miegħu u s-sediment kienu suġġetti għat-trattament meħtieġ, jew sabiex jiġu sseparati l-elementi differenti jew sabiex jintremew jew sabiex jiġu rkuprati flimkien.

75.      Is-sentenza Van de Walle ġiet ta’ spiss ikkritikata fil-letteratura ġuridika minħabba l-konsegwenzi prattiċi tagħha(53). Minbarra l-argumenti li kienu diskussi jew li kienu inqas apparenti fis-sentenza jew tal-inqas fil-konklużjonijiet, kien hemm ukoll – ġustament – oġġezzjoni li s-sitt premessa tal-preambolu tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart ma ssemmietx(54). Din tipprovdi li “għandhom jiġu applikati regolamenti effettivi u konsistenti dwar ir-rimi ta’ l-iskart […] għall-proprjetà mobbli li l-pussessur jiddisponi minnha jew ikun meħtieġ li jiddisponi minnha skont id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali fis-seħħ […]”.

76.      Madankollu, dik il-premessa mhux bilfors teskludi l-beni immobbli mill-ambitu tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. L-aktar l-aktar, wieħed jista’ jiddeduċi li d-direttiva, bħala prinċipju, mhijiex immirata lejn il-beni immobbli. Madankollu, ikun kontra l-għan definit f’din il-premessa stess, li huwa li jiġu adottati regoli effikaċi u konsistenti dwar ir-rimi tal-iskart, li tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-liġi dwar l-iskart meta beni mobbli jsiru beni immobbli minħabba li jitħalltu mal-art. Anzi, l-iskart m’għandux jiġi eskluż mill-ambitu tal-liġi dwar l-iskart b’dan il-mod(55).

77.      Madankollu, il-Kunsill u l-Parlament bħalissa qed jeżaminaw proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, li tipprovdi, fost l-oħrajn, li d-direttiva ma tapplikax għal art (in situ), inkluża ħamrija kkontaminata mhux imħaffra mill-art u bini permanenti konness mal-art(56).

78.      Minħabba l-proċedura leġiżlattiva li għaddejja, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex tantiċipa lil-leġiżlatur billi tqajjem dubji dwar il-ġurisprudenza tagħha rigward dan il-punt.

79.      Għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 2(1)(b)(iv) tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart ma jeskludix l-iskart taż-żejt mill-ambitu tad-direttiva. Skont din id-dispożizzjoni, ilmijiet użati, bl-eċċezzjoni tal-iskart f’forma likwida, huma esklużi mill-ambitu tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, safejn l-ilmijiet użati jkunu diġà koperti minn leġiżlazzjoni oħra. L-iskart taż-żejt ma jikkostitwixxix ilmijiet użati peress li ma jirriżultax mill-użu jew mill-konsum tal-ilma. Sakemm ikun (għadu) likwidu, fil-fatt huwa skart likwidu.

80.      Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li ż-żejt karburant tqil għandu jiġi kkunsidrat bħala skart għall-finijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart jekk jinxtered f’inċident ta’ tanker u jitħallat mal-ilma u mas-sediment.

D –    It-tielet domanda – Ir-responsabbiltà għall-ispejjeż marbuta maż-żejt karburant tqil li nxtered

81.      Bit-tielet domanda, il-Cour de Cassation tixtieq tkun taf jekk Total, bħala l-produttur u/jew il-bejjiegħ u t-trasportatur taż-żejt karburant tqil, jistgħux jitqiesu bħala l-produtturi u/jew id-detenturi tal-iskart fis-sens tal-Artikolu 1(b) u (ċ) tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, anki jekk fi żmien l-inċident li ttrasformah fi skart, il-prodott kien qed jiġi ttrasportat minn parti terza.

82.      L-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart jistabbilixxi r-regoli li jikkonċernaw ir-responsabbiltà għall-ispejjeż għar-rimi tal-iskart. Ir-riferiment għal dik id-dispożizzjoni juri li t-tielet domanda hija maħsuba sabiex jiġi aċċertat jekk il-kumpanniji fil-grupp Total għandhomx ibatu l-ispejjeż għar-rimi taż-żejt karburant tqil li nxtered.

1.      Ir-relazzjoni bejn id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u l-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili

83.      Total u l-Belġju huma kontra l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart peress li r-responsabbiltà għall-ispejjeż marbuta mad-dannu mit-tniġġis biż-żejt hija rregolata definittivament fil-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u fil-Konvenzjoni dwar il-Fond. Ir-responsabbiltà għad-dannu mit-tniġġis biż-żejt hija “diretta” lejn is-sid tal-bastiment, filwaqt li t-talbiet kontra l-oħrajn, b’mod partikolari, kontra noleġġaturi bħal Total International Ltd, huma esklużi. Flimkien mar-responsabbiltà limitata min-naħa tas-sid tal-bastiment, id-dannu mit-tniġġis biż-żejt huwa kopert minn fond internazzjonali taħt il-Konvenzjoni dwar il-Fond sa limitu massimu ta’ danni ddefinit fiha. F’din il-kawża, dawn ir-regoli jieħdu preċedenza fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart.

84.      Iż-żewġ konvenzjonijiet ġew irratifikati kważi mill-Istati Membri kollha imma mhux mill-Komunità. Għalhekk ma jifformawx parti mid-dritt Komunitarju u b’hekk – kuntrarjament għall-argumenti ta’ Total waqt is-seduta – ma jorbtux lill-Komunità(57). Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ġustament iddikjarat ukoll li ż-żewġ konvenzjonijiet ma jorbtux lill-Komunità bħala dritt internazzjonali konswetudinarju(58). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tinterpreta l-konvenzjonijiet f’rinviju għal deċiżjoni preliminari(59). Madankollu, hija tista’ teżamina safejn, anki jekk dawn il-konvenzjonijiet ma jorbtux lill-Komunità, jistgħu jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart.

Id-Deċiżjoni 2004/246

85.      Total jinvokaw id-Deċiżjoni 2004/246 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jiffirmaw, jirratifikaw jew jaqblu ma’, fl-interess tal-Komunità Ewropea, il-Protokoll tal-2003 għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istabbiliment ta’ Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġi[s] [biż]-Żejt 1992, u li tawtorizza l-Awstrija u l-Lussemburgu, fl-interess tal-Komunità Ewropea, biex jaqblu mal-istrumenti ta’ hawn taħt [ta’ referenza].

86.      Din id-deċiżjoni tista’ tiġi interpretata bħala li tfisser li l-Komunità ppermettiet lill-Istati Membri jidderogaw mid-dritt Komunitarju safejn dan kien meħtieġ għall-adeżjoni tagħha għall-Protokoll Supplementarju. Id-derogi permessi skont l-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni 2004/246 jinkludu r-regoli tal-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili.

87.      Safejn il-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili tidderoga mid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, id-Deċiżjoni 2004/246 kellha possibbilment tkun ibbażata fuq il-kompetenza fil-qasam tal-ambjent skont l-Artikolu 175 KE. Madankollu, sakemm id-deċiżjoni ma tiġix revokata jew annullata, hemm evidenza sostanzjali li tissuġġerixxi li tal-inqas il-partijiet interessati jistgħu jinvokaw l-applikabbiltà ta’ konvenzjoni ffirmata mill-Istat Membru kkonċernat li hija approvata mill-Komunità.

88.      Minkejja dan, id-Deċiżjoni 2004/246 kienet adottata biss diversi snin wara li għereq l-Erika. Min-naħa l-oħra, l-obbligu li jiġu sostnuti l-ispejjeż għar-rimi tal-iskart taż-żejt essenzjalment inħoloq meta seħħ l-inċident. Id-Deċiżjoni 2004/246 ma tinkludi l-ebda indikazzjoni li hija maħsuba li, f’ċerti ċirkustanzi, tħassar dak l-obbligu retroattivament. Peress li r-responsabbiltà għall-ispejjeż mhijiex piena, lanqas hemm raġuni għaliex wieħed jassumi li l-prinċipju ta’ piena inqas gravi(60) imur kontra l-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart.

89.      Għalhekk, is-sitwazzjoni ġuridika fiż-żmien li fih inħolqu l-obbligi skont il-liġi dwar l-iskart hija kruċjali. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2004/246 mhijiex rilevanti għal dan il-każ.

Id-Direttiva 2004/35/KE

90.      Total u l-Belġju jinvokaw ukoll id-Direttiva 2004/35 dwar ir-responsabbiltà ambjentali(61) bħala argument kontra l-applikazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. L-Artikolu 4(2) ta’ dik id-direttiva jeskludi mill-applikazzjoni tagħha d-dannu ambjentali jew il-periklu imminenti ta’ tali dannu li jkunu r-riżultat ta’ inċident, li fir-rigward tiegħu r-responsabbilità jew il-kumpens għal dannu jaqgħu fl-ambitu tal-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili, li tkun fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat.

91.      Huwa possibbli li d-Direttiva 2004/35 tiċċara l-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u l-eċċezzjoni inkluża fih fir-rigward tal-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili tista’ għalhekk ikollha riperkussjonijiet fuq l-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex tiddeċiedi dwar dan fil-kawża preżenti. Id-Direttiva 2004/35 ġiet adottata wara l-avvenimenti inkwistjoni u kellha tiġi trasposta sat-30 ta’ April 2007. Hija ma tapplikax għal dannu kkawżat minn emissjoni, avveniment jew inċident li seħħew qabel dik id-data.

L-Artikolu 235 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar

92.      Waqt is-seduta, Total invokaw ukoll l-Artikolu 235(3) tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati għandhom jikkooperaw fl-implimentazzjoni u fl-iżvilupp ulterjuri tad-dritt internazzjonali bil-għan li jiġi żgurat kumpens fil-pront u adegwat għad-dannu kollu kkawżat mit-tniġġis tal-ambjent marittimu.

93.      Il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar tifforma parti integrali mill-ordni ġuridiku Komunitarju u torbot lill-Komunità(62). Madankollu, kif targumenta ġustament Franza, kuntrarjament għall-fehma ta’ Total, mill-Artikolu 235(3) tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar ma jista’ jiġi dedott l-ebda effett vinkolanti fir-rigward ta’ ċerti konvenzjonijiet internazzjonali dwar ir-responsabbiltà għal dannu mit-tniġġis. Din tistabbilixxi sempliċement il-mandat għal kooperazzjoni.

L-Artikolu 307 KE

94.      Fl-aħħar nett, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 ma jfissirx li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili jieħdu preċedenza fuq l-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. Il-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili ġiet konkluża bil-parteċipazzjoni Franċiża fl-1 ta’ Jannar 1958 u kien biss wara t-twaqqif tal-Komunità li ġiet irratifikata minn Franza. Għalhekk, skont it-termini tiegħu stess, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE mhuwiex applikabbli.

95.      Applikazzjoni mutatis mutandis tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE ma twassal għal ebda konklużjoni oħra. Din hija konċepibbli meta obbligu internazzjonali ta’ Stat Membru jkun f’kunflitt ma’ miżura ta’ liġi sekondarja li tkun ġiet adottata sussegwentement. Jidher li Franza ddepożitat l-istrument ta’ ratifika tal-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili, fil-verżjoni tagħha tal-1969, fis-17 ta’ Marzu 1975(63) filwaqt li l-verżjoni oriġinali tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart ma kinitx adottata mill-Kunsill qabel il-15 ta’ Lulju 1975.

96.      Madankollu, hawnhekk mhawnx bżonn li neżaminaw ulterjorament jekk applikazzjoni mutatis mutandis tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE hijiex possibbli f’din is-sitwazzjoni. Il-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili, fil-verżjoni oriġinali tagħha, ma setgħetx tipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart f’din il-kawża. Il-verżjoni tal-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili tal-1992, applikabbli f’dak iż-żmien, setgħet tkun f’kunflitt mal-Artikolu 15 minħabba l-fatt biss li l-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili fil-biċċa l-kbira tipprekludi talbiet kontra n-noleġġatur ta’ tanker filwaqt li skont l-Artikolu 15, in-noleġġatur jista’ jkun meħtieġ ibati l-ispejjeż għar-rimi tal-iskart taż-żejt. Madankollu, din l-esklużjoni mir-responsabbiltà ma kinitx għadha inkluża fil-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili tal-1969. Dan huwa obbligu internazzjonali iktar reċenti li ġie impost fuq Franza meta mqabbel mal-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart.

97.      Il-verżjoni attwali tal-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart hija r-riżultat ta’ emenda għad-Direttiva li saret fl-1991, imma l-verżjoni oriġinali tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart diġà kienet tinkludi Artikolu 11 li kien sostanzjalment identiku għall-Artikolu 15.

98.      Jista’ jkun hemm evalwazzjoni differenti tal-limitazzjoni tar-responsabbiltà tas-sid tal-bastiment peress li tali limitazzjoni diġà kienet stabbilita fl-Artikolu V tal-verżjoni oriġinali tal-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili. F’dan ir-rigward, tista’ tinqala’ l-kwistjoni dwar jekk l-adozzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, li kienet immedjatament imminenti meta ġiet irratifikata l-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili tipprekludix l-applikazzjoni mutatis mutandis tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE. Madankollu, mhemmx bżonn li dan jiġi eżaminat ulterjorament hawnhekk peress li dawn il-proċeduri ma jikkonċernawx ir-responsabbiltà ta’ sid il-bastiment, imma r-responsabbiltà ta’ sid it-tagħbija.

Interpretazzjoni konsistenti

99.      B’hekk il-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Konvenzjoni dwar il-Fond ma jeskludux l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet li ssemmew s’issa. Madankollu, l-argumenti ppreżentati juru kunsens politiku ġenerali sabiex ir-responsabbiltà għal dannu mit-tniġġis biż-żejt tkun irregolata mill-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u mill-Konvenzjoni dwar il-Fond.

100. Dan il-kunsens huwa ikkonfermat, l-ewwel nett, mill-fatt li ż-żewġ konvenzjonijiet ġew irratifikati minn kważi l-Istati Membri kollha u t-tieni nett, minn diversi strumenti Komunitarji mhux vinkolanti msemmija minn Total u li jipprovdu wkoll li d-dannu mit-tniġġis biż-żejt huwa suġġett għall-konvenzjonijiet. Dawn huma l-Ewwel Programm ta’ Azzjoni Ambjentali(64), il-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill dwar ir-responsabbiltà ċivili għad-danni kkawżati mill-iskart(65), il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sigurtà tal-kummerċ taż-żejt fuq il-baħar (66) u risposti mogħtija mill-Kummissjoni għal żewġ domandi Parlamentari(67).

101. Barra minn hekk, devjazzjoni tad-dritt Komunitarju minn dawn il-konvenzjonijiet tqiegħed lil Franza u probabbilment lil Stati Membri oħra, f’pożizzjoni ta’ kunflitt bejn l-obbligi li għandhom taħt id-dritt Komunitarju u dawk taħt id-dritt internazzjonali. L-obbligu ta’ lealtà bejn il-Komunità u l-Istati Membri jeħtieġ li, safejn ikun possibbli, kunflitti bħal dawn jiġu evitati.

102. Fl-aħħar nett, l-obbligu ta’ kooperazzjoni impost fuq il-Komunità skont l-Artikolu 235(3) tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar jimplika tal-inqas li l-Komunità għandha, partikolarment, tieħu inkunsiderazzjoni l-isforzi li jagħmlu l-Istati. Dan huwa wkoll konsistenti mal-għan tal-politika Komunitarja dwar l-ambjent skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 174(1) tat-Trattat li jikkonsisti fil-promozzjoni ta’ miżuri fuq il-livell internazzjonali sabiex jiġu ttrattati l-problemi ambjentali.

103. L-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart għalhekk għandu jiġi interpretat, safejn ikun possibbli, bħala li jfisser li l-kunflitti mal-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u mal-Konvenzjoni dwar il-Fond għandhom jiġu evitati(68).

2.      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart

104. Issa jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk iż-żewġ kumpanniji fil-grupp Total, bħala l-produtturi u/jew il-bejjiegħa u t-trasportaturi taż-żejt karburant tqil skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, għandhomx ibatu l-ispejjeż għar-rimi taż-żejt karburant tqil li nxtered.

Il-persuni li jissemmew fl-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart

105. L-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart jistabbilixxi r-regoli li jikkonċernaw ir-responsabbiltà għall-ispejjeż għar-rimi tal-iskart. Taħt l-ewwel inċiż, skont il-prinċipju li min iniġġes iħallas, hija r-responsabbiltà tad-detentur li għandu skart immaniġġjat minn kollettur tal-iskart jew minn impriża, kif ipprovdut fl-Artikolu 9. Barra minn hekk, it-tieni inċiż isemmi lid-detenturi ta’qabel jew lill-produttur tal-prodott li jiġġenera l-iskart.

106. Fis-sentenza Van de Walle et, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, skont il-prinċipju li min iniġġes iħallas, din id-dispożizzjoni timponi l-piż finanzjarju tal-operazzjonijiet tar-rimi fuq il-persuni li joħolqu l-iskart, irrispettivament minn jekk dawn ikunux detenturi jew detenturi ta’ qabel jew anki produtturi tal-prodott li jiġġenera l-iskart(69).

107. Għalhekk huwa possibbli li Total France hija responsabbli għall-ispejjeż bħala produttriċi taż-żejt karburant tqil, jiġifieri bħala produttriċi tal-prodott li jiġġenera l-iskart.

108. Min-naħa l-oħra, dan jista’ japplika għal Total International Ltd fil-każ biss li tkun id-detentriċi jew tal-inqas id-detentriċi ta’ qabel tal-iskart taż-żejt.

109. Skont l-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart detentur tfisser il-produttur tal-iskart jew il-persuna fiżika jew ġuridika li jkollha l-iskart fil-pussess tagħha. Skont is-sentenza Van de Walle, id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart għalhekk tagħti definizzjoni wiesgħa ta’ “detentur” peress li ma tippreċiżax jekk l-obbligi ta’ rimi jew ta’ rkupru ta’ skart jaqgħux, bħala regola ġenerali, fuq il-produttur tal-iskart jew fuq id-detentur tiegħu. Għall-finijiet tal-pussess, huwa irrilevanti jekk il-persuna tkunx is-sid jew id-detentur(70).

110. Ma jistax jiġi eskluż li matul it-trasport Total International Ltd kellha, indirettament, kontroll fiżiku effettiv taż-żejt karburant tqil, irrappreżentat mill-kumpannija tat-trasport u mill-ekwipaġġ. Madankollu, minħabba l-inċident hija tilfet kwalunkwe kontroll fiżiku meta ż-żejt karburant tqil sar skart. Għaldaqstant, Total International Ltd qatt ma kellha kontroll fiżiku fuq l-iskart taż-żejt.

111. Għalhekk huwa possibbli li Total International Ltd hija responsabbli għall-ispejjeż fil-każ biss li dik il-kumpannija għandha titqies bħala l-produttriċi tal-iskart taż-żejt u għaldaqstant kienet ukoll id-detentriċi tal-iskart taż-żejt skont l-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart.

112. L-Artikolu 1(b) tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart jiddefinixxi lill-produttur bħala kull min bl-attivitajiet tiegħu jipproduċi skart (produttur oriġinali) u/jew kull min iwettaq ipproċessar minn qabel, taħlit jew operazzjonijiet oħra li jwasslu għal bidla fin-natura jew fil-kompożizzjoni ta’ dan l-iskart.

113. Il-kwistjoni dwar jekk din id-definizzjoni tapplikax għal Total International Ltd – kif qed targumenta wkoll il-Kummissjoni – tiddependi minn jekk din influwenzatx il-ġenerazzjoni tal-iskart taż-żejt b’tali mod li l-avveniment għandu jiġi attribwit lill-attività personali tagħha. Dan ikun il-każ jekk l-inċident jista’ jkun attribwit lil nuqqas ta’ osservanza min-naħa ta’ Total International Ltd tal-obbligi kuntrattwali tagħha jew lil kwalunkwe azzjoni li tista’ tirrendi lil dik l-impriża responsabbli(71). Hija biss il-qorti kompetenti f’din il-kawża li tista’ tiddetermina safejn Total International Ltd hija l-produttriċi tal-iskart taż-żejt.

114. Is-sentenza li ngħatat fis-16 ta’ Jannar 2008, li diġà ssemmiet iktar’il fuq, tissuġġerixxi wkoll li Total France tista’ titqies bħala l-produttriċi u d-detentriċi tal-iskart fuq il-bażi tal-istess kriterji marbuta mal-konklużjonijiet fattwali rilevanti. It-Tribunal de grande instance kkonkluda li Total International Ltd ma kinitx ħatja talli għereq l-Erika, imma kienet ħatja kumpannija Total oħra, Total S.A., peress li kienet dik il-kumpannija li għażlet il-bastiment u meta għamlet dan ma qagħditx attenta biżżejjed(72). Għandhom ikunu l-qrati nazzjonali kompetenti li jeżaminaw jekk il-produzzjoni tal-iskart tistax tiġi attribwita wkoll lil Total France.

115. B’hekk huwa possibbli li Total France hija responsabbli għall-ispejjeż għar-rimi tal-iskart taż-żejt għaliex ipproduċiet iż-żejt karburant tqil, imma anki fil-każ li pproduċiet l-iskart taż-żejt. Total International Ltd tista’ tiġi ordnata tbati l-ispejjeż fil-każ biss li pproduċiet l-iskart taż-żejt.

L-għażla tal-persuna responsabbli għall-ispejjeż skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart skont il-prinċipju li min iniġġes iħallas

116. Tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk Total France u possibbilment Total International Ltd għandhomx ibatu l-ispejjeż għar-rimi tal-iskart taż-żejt għaliex jaqgħu fil-grupp ta’ persuni li jissemmew fl-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart.

117. Fil-fatt, jidher li l-Kummissjoni hija tal-fehma li dawk kollha li jissemmew fl-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart jistgħu jkunu meħtieġa jbatu l-ispejjeż għar-rimi tal-iskart. Min-naħa l-oħra, fis-seduta ir-Renju Unit sostna li l-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart ma jistabbilixxi l-ebda regola dwar ir-responsabbiltà, b’mod partikolari, għaliex ma jinkludi l-ebda regola dwar l-għażla tal-persuna responsabbli għall-ispejjeż.

118. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni differenti lill-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. Is-sentenza Van de Walle kienet tikkonċerna karburant li nxtered minn pompa tal-petrol li kkontamina l-art tal-madwar. Il-persuna responsabbli, bħala prinċipju, kienet l-operatur tal-pompa tal-petrol, li xtara l-karburant sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet operattivi tal-pompa tal-petrol, kien għalhekk id-detentur u, għall-finijiet tal-operazzjonijiet, kien fil-ħażna tiegħu meta sar skart fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 75/442(73). L-impriża setgħet tkun responsabbli fil-każ biss li, eċċezzjonalment, l-istat ħażin tal-faċilitajiet ta’ ħżin tal-pompa tal-petrol u t-tixrid tal-idrokarburi seta’ jkun attribwit lil nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi kuntrattwali mill-impriża taż-żejt li tforni din il-pompa tal-petrol, jew lil aġir li seta’ jinvolvi r-responsabbiltà ta’ din l-impriża. Għaldaqstant, l-attivitajiet ta’ din l-impriża jistgħu jitqiesu bħala li pproduċew skart fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 75/442 u għalhekk tista’ titqies bħala li kienet id-detentur ta’ dan l-iskart(74).

119. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ispejjeż għalhekk għandha tbatihom il-persuna li pproduċiet l-iskart(75). Madankollu, l-Artikolu 15 jindika biss il-grupp ta’ dawk li possibbilment jistgħu jkunu responsabbli għall-ispejjeż, li minnhom jeħtieġ li tingħażel il-persuna li għandha tbati l-ispejjeż, skont il-prinċipju li min iniġġes iħallas.

120. Din l-interpretazzjoni tal-prinċipju li min iniġġes iħallas, bħala prinċipju li jirregola t-tqassim tal-ispejjeż, hija konsistenti ma’ verżjonijiet lingwistiċi oħrajn li – b’differenza mill-verżjoni bil-Ġermaniż – ma jużawx il-kunċett ta’ kawżalità, imma jiddikjaraw li min iniġġes iħallas (polluter pays, pollueur-payeur). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-prinċipju li min iniġġes iħallas bħala espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jeħtieġ li l-Istati Membri – u l-leġiżlatur Komunitarju – joqogħdu lura milli jimponu fuq xi ħadd spejjeż li ma jkunux meħtieġa meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi(76). Fil-każ ikkonċernat, il-kwistjoni kienet dwar jekk il-kontribuzzjoni tas-settur tal-agrikoltura fit-tnaqqis tat-tniġġis min-nitrati kinitx iktar milli kien xieraq meta mqabbla mal-ammont totali li s-settur kien jarmi. Fir-rigward tal-liġi dwar l-iskart, wieħed jista’ jiddeduċi, l-ewwel nett, li persuna ma tistax tbati l-ispejjeż għar-rimi ta’ skart li jkun ġej minn persuni oħrajn.

121. Jekk prodott isir skart id-detentur finali huwa, bħala prinċipju, il-produttur tal-iskart peress li huwa jarmi l-prodott. B’hekk, kif jargumentaw Total, jidher li huwa kuntrarju għall-prinċipju li min iniġġes iħallas li r-responsabbiltà għall-ispejjeż taqa’ fuq il-produttur tal-prodott, kif ipprovdut fl-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart.

122. Minkejja dan, uħud mir-regoli dwar l-immaniġġjar tal-iskart, bħala prinċipju, jimponu l-ispejjeż għar-rimi tiegħu fuq il-produttur tal-prodott li jsir skart. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għad-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE(77), li l-Artikolu 8 tagħha jipprovdi li l-produtturi tal-batteriji u tal-akkumulaturi għandhom ibatu l-ispejjeż għar-rimi tagħhom bħala skart(78). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 1994, dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ(79) l-Istati Membri jistgħu jimponu l-ispejjeż għar-rimi fuq il-produttur tal-imballaġġ(80).

123. Il-bażi ta’ dawn ir-regoli huwa l-fatt li l-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, u b’mod partikolari, il-prinċipju li min iniġġes iħallas li jissemma fih, ma jistabbilixxix regoli ċari u definittivi dwar ir-responsabbiltà għall-ispejjeż. Il-prinċipju li min iniġġes iħallas jista’ u għandu jkun iċċarat iktar. Dan huwa kompitu prijoritarju għal-leġiżlatur.

124. Il-qrati għandhom japplikaw u, jekk ikun hemm bżonn, huma għandhom jinterpretaw din il-kjarifika u possibbilment jivverifikaw jekk tosservax il-limiti tal-prinċipju li min iniġġes iħallas. Dan il-prinċipju huwa l-kriterju għal kwalunkwe traspożizzjoni nazzjonali tal-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, imma huwa wkoll vinkolanti fuq il-leġiżlatur Komunitarju peress li fl-Artikolu 174(2) tat-Trattat ġie stabbilit bħala l-bażi għall-politika ambjentali.

125. Madankollu, jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ bejn ċerti għanijiet u ċerti prinċipji li jissemmew fl-Artikolu 174. L-implimentazzjoni ta’ dawk il-kriterji ukoll hija waħda kumplessa. L-analiżi min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għandha bilfors tkun limitata għall-kwistjoni dwar jekk kienx hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 174 KE(81).

126. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bħala prinċipju, ma jista’ jkun hemm l-ebda oġġezzjoni għal deċiżjoni min-naħa tal-leġiżlatur Komunitarju jew min-naħa tal-leġiżlatur nazzjonali sabiex il-produttur ta’ prodott li jiġġenera l-iskart, ibati l-ispejjeż għar-rimi tiegħu. Fil-każ tal-biċċa l-kbira tal-prodotti, il-produttur għandu jassumi li eventwalment ser isiru skart meta jintużaw għal dak li jkunu intenzjonati. Bil-produzzjoni ta’ prodotti ekonomiċi, il-produttur għalhekk joħloq skart u għaldaqstant huwa wkoll responsabbli skont il-prinċipju li min iniġġes iħallas.

127. Ir-responsabbiltà għall-ispejjeż min-naħa tal-produttur għandha numru ta’ benefiċċji. Jekk il-produttur ikollu jħallas għar-rimi, hemm inċentiv sabiex il-prodott jiġi imfassal b’tali mod li jista’ jintrema bl-inqas spejjeż possibbli. Dan huwa konsistenti mal-għan stabbilit fit-tielet inċiż tal-Artikolu 174(1) KE tal-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali u mal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 174(2) KE, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità, tissewwa fis-sors. Fl-istess ħin, il-produttur jista’ jintegra l-ispejjeż għar-rimi fil-prezz u jgħaddihom lid-detentur finali bħala l-produttur effettiv tal-iskart. Fl-aħħar nett, dan l-arranġament fir-rigward tal-ispejjeż ineħħi kwalunkwe inċentiv għad-detentur finali li jarmi l-prodott illegalment sabiex jiffranka l-ispejjeż għar-rimi.

128. Madankollu, ir-regoli speċjali dwar ir-responsabbiltà tal-produttur jissuġġerixxu wkoll li l-impożizzjoni tal-ispejjeż għar-rimi fuq il-produttur tal-prodott teħtieġ dispożizzjoni li tistabbilixxi dan espressament. B’mod partikolari, il-benefiċċji deskritti jirrealizzaw ruħhom biss jekk il-produttur u d-detentur finali jkunu konxji mill-arranġamenti li jirregolaw l-ispejjeż.

129. Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet relatati mar-responsabbiltà għall-ispejjeż fejn il-prodotti jintużaw għal dak li jkunu intenzjonati ma jistgħux jiġu applikati kompletament għall-iskart li jiġi ġġenerat minħabba avvenimenti straordinarji. Dan jintwera b’din il-kawża: meta ż-żejt karburant tqil jintuża għal dak li jkun intenzjonat, jiġifieri meta jkun suġġett għal kombustjoni, id-derivattivi gassużi, li ma jaqgħux fl-ambitu tal-liġi dwar l-iskart skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, jinġabru fl-atmosfera u possibbilment, sa ċertu punt, isiru skart solidu. Ir-rimi tiegħu jista’ jinvolvi spejjeż relattivament baxxi peress li jinġabar f’impjant għall-ġenerazzjoni tal-elettriku li diġà jkun mgħammar għal dan il-għan. Wara li ż-żejt karburant tqil joħroġ u jitħallat mal-ilma u mas-sediment, madankollu, jiġu ġġenerati kwantitajiet ferm akbar ta’ skart li jistgħu jinġabru u jintremew biss b’diffikultà kbira.

130. Ir-riskju li jiġi ġġenerat skart bħal dan għalhekk ma jistax sempliċement jiġi impost fuq il-produttur taż-żejt karburant tqil skont il-prinċipju li min iniġġes iħallas, imma unikament safejn huwa jista’ jinfluwenza l-ġenerazzjoni straordinarja tal-iskart.

131. Din hija l-ispjegazzjoni għas-sentenza Van de Walle: ir-riskju tal-ġenerazzjoni tal-iskart bħala riżultat ta’ inċident tbatih il-persuna li tista’ tipprevjeni l-inċident. Persuni oħrajn ikunu responsabbli biss b’mod eċċezzjonali meta jkunu jistgħu jiġu akkużati li kkontribwixxew b’mod indipendenti sabiex jinħoloq l-iskart.

L-applikazzjoni għal din il-kawża

132. Jekk ir-responsabbiltà għall-ispejjeż min-naħa tal-kumpanniji Total kellha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tal-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bħala l-produtturi u/jew il-bejjiegħa u t-trasportaturi taż-żejt karburant tqil, huma jistgħu jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż għar-rimi tal-iskart taż-żejt wara inċident ta’ bastiment fuq il-baħar safejn huma jistgħu jiġu akkużati li kkontribwixxew personalment għat-tixrid taż-żejt karburant tqil.

133. Madankollu, dispożizzjoni ta’ direttiva, bħall-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas, ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi fuq individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata kontra individwu(82). Il-prinċipji tal-Artikolu 15 għalhekk jistgħu jiġu applikati fil-konfront tal-kumpanniji Total unikament safejn għandhom bażi fid-dritt Franċiż.

134. Id-dritt Franċiż jista’ jipprekludi r-responsabbiltà min-naħa tal-kumpanniji Total. L-Artikolu III(4)(ċ) tal-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili, li tapplika fi Franza, jipprekludi fil-prinċipju kwalunkwe talba għal kumpens kontra noleġġatur. Ikun hemm eċċezzjonijiet biss fejn il-dannu rriżultat mill-att jew mill-omissjoni personali tan-noleġġatur, imwettaq bil-ħsieb li jikkawża tali dannu, jew b’mod irresponsabbli u b’għarfien li probabbilment se tirriżulta tali dannu. Il-qrati kompetenti għandhom jiddeċiedu jekk dik l-esklużjoni mir-responsabbiltà hijiex applikabbli għall-kumpanniji Total(83).

135. Madankollu, l-esklużjoni mir-responsabbiltà ma tidhirx li hija inkompatibbli mal-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, anki jekk il-persuni kkonċernati kkontribwixxew sabiex jinħoloq l-iskart, imma hija użu sħiħ permissibbli tad-diskrezzjoni li l-prinċipju li min iniġġes iħallas iħalli lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-direttiva.

136. Il-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Konvenzjoni dwar il-Fond jiċċaraw it-tqassim tar-responsabbiltà fir-rigward tal-ispejjeż marbuta ma’ inċidenti taż-żejt fuq il-baħar. Il-fatt li skont il-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili, sid il-bastiment huwa responsabbli għall-ispejjeż huwa konsisteni mal-prinċipju li min iniġġes iħallas. Bħala regola, fil-każ ta’ inċident is-sid huwa responsabbli jekk it-tagħbija tal-bastiment tiegħu ssir skart peress li huwa responsabbli għall-kmand u għall-kundizzjoni tal-bastiment li jopera jew li kien jopera. Għal ċerti każijiet, fejn terzi persuni jkunu responsabbli għad-dannu, l-Artikolu III(2) u (3) jipprovdi għal eżenzjoni mir-responsabbiltà ta’ sid il-bastiment. Din il-forma ta’ responsabbiltà hija konsistenti mar-responsabbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fir-rigward tal-operatur ta’ pompa tal-petrol għall-idrokarburi li nxterdu minn faċilitajiet ta’ ħżin fl-art tal-madwar(84).

137. Il-fatt li l-Artikolu III(4) tal-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili, ma jippermettix li jsiru talbiet kontra terzi persuni, b’mod partikolari, kontra n-noleġġatur skont l-Artikolu III(4)(ċ), huwa kompatibbli mal-prinċipju li min iniġġes iħallas. L-ewwel nett, it-talbiet jistgħu jsiru direttament kontra dawk il-persuni, fil-każ ta’ responsabbiltà aggravata, fejn id-dannu jkun ir-riżultat ta’ att jew ta’ ommissjoni personali tagħhom, imwettqa bl-intenzjoni li jikkawżaw dannu bħal dan, jew b’mod irresponsabbli u bl-għarfien li probbabilment jirriżulta tali dannu. It-tieni nett, is-sid jista’ jkollu dritt ta’ rivalsa kontrihom skont l-Artikolu III(5) tal-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili. Għalhekk, hija żgurata l-possibbiltà li dawn il-persuni wkoll jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż minħabba l-kontribut tagħhom skont il-prinċipju li min iniġġes iħallas. Ikun neċessarju li tali talba tiġi eżaminata, b’mod partikolari, jekk il-kumpanniji Total ikunu parzjalment jew kompletament responsabbli għall-inċident tal-bastiment, kif ikkonkluda t-Tribunal de grande instance(85) u kif il-Kummissjoni u Franza wkoll iqisu li huwa possibbli.

138. Madankollu, skont l-Artikolu V tal-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili, ir-responsabbiltà tas-sid tkun limitata jekk ma jiġix ippruvat li d-dannu mit-tniġġis kien ir-riżultat ta’ att jew ta’ omissjoni personali tiegħu, imwettqa bl-intenzjoni li jikkawża dannu bħal dan, jew b’mod irresponsabbli u bl-għarfien li probabbilment tirriżulta tali dannu. Meta japplika dan il-limitu għar-responsabbiltà, it-talbiet individwali skont l-Artikolu V(4) jitħallsu biss pro rata, jiġifieri parzjalment, minn sid il-bastiment. Dan jidher prima facie li huwa ksur tal-prinċipju li min iniġġes iħallas.

139. Madankollu, ir-responsabbiltà limitata ta’ sid il-bastiment, skont il-Konvenzjoni dwar il-Fond, hija kkompletata skont il-Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt. Skont l-Artikolu 12, il-Fond jiġi ffinanzjat minn dawk il-persuni li jkunu rċevew kwantitajiet kbar ta’ żejt mhux raffinat jew ta’ żejt karburant tqil wara trasport bil-baħar. Permezz tad-domanda tagħhom, dawk l-impriżi jikkawżaw it-trasport taż-żejt li joħloq ir-riskju ta’ inċidenti taż-żejt fuq il-baħar. Għalhekk huma wkoll jistgħu jkunu meħtieġa jbatu parti mill-ispejjeż għar-rimi tal-iskart taż-żejt li jiġi ġġenerat fil-każ ta’ inċidenti taż-żejt skont il-prinċipju li min iniġġes iħallas. Ir-responsabbiltà skont il-Fond hija eskluża fil-każ ta’ dannu li jirriżulta minn att ta’ gwerra skont l-Artikolu 4(2) tal-Konvenzjoni dwar il-Fond u tista’ tiġi limitata, skont l-Artikolu 4(3), jekk il-parti li tkun batiet id-dannu jkollha parzjalment tort. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni dwar il-Fond hemm id-dritt ta’ rivalsa kontra persuni oħra responsabbli fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti mill-Fond. F’dan il-każ, il-Fond għalhekk beda proċeduri bħala prekawzjoni kontra diversi persuni, inklużi l-kumpanniji Total li huma parti f’din il-kawża(86).

140. Ir-responsabbiltà taħt il-Fond hija wkoll limitata. Din ir-responsabbiltà limitata tista’ tfisser li la sid il-bastiment u lanqas il-Fond ma jbatu parti mill-ispejjeż għar-rimi tal-iskart li jirriżulta minn dannu mit-tniġġis tal-baħar biż-żejt. Dawn l-ispejjeż li jifdal jew ibatihom l-Istat, jiġifieri l-persuni kollha li jħallsu t-taxxi, jew ċerti persuni li bl-istess mod ikunu meħtieġa jħallsu l-ispejjeż skont il-liġi nazzjonali.

141. Il-fatt li individwi li ma jkunux ħolqu l-iskart jiġu mġiegħla jbatu l-ispejjeż għar-rimi tiegħu huwa inkompatibbli mal-prinċipju li min iniġġes iħallas(87). Dawk ikkonċernati għalhekk jistgħu japplikaw l-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart fil-konfront ta’ rikjesta bħal din magħmula mill-awtoritajiet tal-Istat.

142. Min-naħa l-oħra, l-impożizzjoni tal-ispejjeż li jifdal għar-rimi tal-iskart fuq il-pubbliku ġenerali hija kompatibbli mal-prinċipju li min iniġġes iħallas skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. Il-pubbliku ġenerali tal-inqas jaċċetta r-riskji rilevanti, peress li l-Istati jippermettu trasport marittimu taż-żejt riskjuż. Fl-istess ħin, permezz tar-rekwiżiti stabbiliti f’Marpol 73/78(88) l-Istati jiggarantixxu livell minimu ta’ sigurtà marittima. Il-pubbliku ġenerali jibbenefika minn dawn l-operazzjonijiet ta’ trasport għaliex jiżguraw il-provvista ta’ sors mixtieq ta’ enerġija. Mingħajr domanda għal prodotti taż-żejt ma jkun hemm l-ebda trasport. Għalhekk huwa ġġustifikat li l-pubbliku ġenerali jiġi attribwit parti mill-kontribut kawżali għal inċidenti taż-żejt u parti mir-riskju.

143. Il-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Konvenzjoni dwar il-Fond juru li l-partijiet kontraenti, inklużi kważi l-Istati Membri kollha, jqisu l-limitu tar-responsabbiltà bħala raġonevoli u jaċċettaw ir-riskju li jkollhom ibatu spejjeż ulterjuri. Jekk id-dannu miż-żejt jeċċedi l-limiti tar-responsabbiltà ta’ sid il-bastiment u tal-Fond, fir-realtà l-fondi privati ma jkollhomx mnejn iħallsu l-ispejjeż. Soluzzjonijiet ta’ assigurazzjoni aktar estensivi lanqas jidhru wisq probabbli.

144. Barra minn hekk, ir-responsabbiltà ta’ sid il-bastiment u s-suppliment skont il-Fond mhumiex marbuta ma’ tort. Għalhekk hemm relattivament probabbiltà kbira li d-dannu mit-tniġġis biż-żejt ikun kopert kompletament jew tal-inqas parzjalment.

145. Dan huwa speċjalment il-każ peress li l-Protokoll Supplementarju għall-Fond(89) daħal fis-seħħ fl-2005, u ħoloq Fond ta’ Kumpens Supplementarju li jiġi ffinanzjat ukoll mill-importaturi taż-żejt u jgħolli b’mod konsiderevoli l-kopertura tar-responsabbiltà.

146. Konsegwentement, huwa kompatibbli mal-Artikolu 15 tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart, u mal-prinċipju li min iniġġes iħallas inkluż fih, li r-responsabbiltà għall-inċidenti taż-żejt fuq il-baħar tkun diretta lejn sid il-bastiment u l-livell ta’ dik ir-responsabbiltà jkun limitat skont il-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Konvenzjoni dwar il-Fond. Din il-konklużjoni taqbel mal-obbligu li, safejn ikun possibbli, għandhom jiġu evitati kontradizzjonijiet mal-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili meta jiġi interpretat id-dritt Komunitarju(90).

147. Għalhekk, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-produttur u/jew il-bejjiegħ u t-trasportatur taż-żejt karburant tqil, skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, jistgħu jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż għar-rimi tal-iskart taż-żejt wara inċident ta’ bastiment fuq il-baħar jekk dawn jistgħu jiġu akkużati li kkontribwixxew personalment sabiex jikkawżaw it-tixrid taż-żejt karburant tqil. Madankollu, huwa wkoll kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni li r-responsabbiltà tal-produttur u/jew tal-bejjiegħ u tat-trasportatur taż-żejt karburant tqil tiġi limitata skont il-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Konvenzjoni dwar il-Fond.

V –    Konklużjoni

148. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti li ġejjin għad-domandi preliminari:

1.      Iż-żejt karburant tqil, bħala l-prodott ta’ proċess ta’ raffinar, li jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tal-utent u huwa maħsub mill-produttur sabiex jinbiegħ bħala karburant kombustibbli, u li jissemma fid-Direttiva 68/414/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1968, li timponi obbligu fuq l-Istati Membri tal-KEE li jżommu ħażniet minimi ta’ prodotti taż-żejt mhux maħdum u/jew prodotti petroliferi, ma jistax, bħala tali, jiġi kkunsidrat bħala skart fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart.

2.      Iż-żejt karburant tqil għandu jiġi kkunsidrat bħala skart għall-finijiet tad-Direttiva 75/442 jekk jinxtered f’inċident ta’ tanker u jitħallat mal-ilma u mas-sediment.

3.      Skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 75/442, il-produttur u/jew il-bejjiegħ u t-trasportatur taż-żejt karburant tqil jistgħu jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż għar-rimi tal-iskart taż-żejt wara inċident ta’ bastiment fuq il-baħar jekk dawn jistgħu jiġu akkużati li kkontribwixxew personalment sabiex jikkawżaw it-tixrid taż-żejt karburant tqil. Madankollu, huwa wkoll kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni li r-responsabbiltà tal-produttur u/jew tal-bejjiegħ u tat-trasportatur taż-żejt karburant tqil tiġi limitata skont il-Konvenzjoni Internazzjonali tad-29 ta’ Novembru 1969 dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt, kif ġiet emendata bil-Protokoll tal-1992, u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istabbiliment ta’ Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt tal-1971, kif ġiet emendata bil-Protokoll tal-1992.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU 1975 L 194, p. 39, emendata l-aħħar, safejn huwa kkonċernat dan il-każ, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KE, tal-24 ta’ Mejju 1996 (ĠU 1996 L 135, p. 32). Illum hija kkonsolidata bid-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart (ĠU 2006 L 114, p. 9).


3 – Ara d-Digriet 75-553 tad-29 ta’ Ġunju 1975 li jippubblika l-Konvenzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża.


4 – Il-Protokoll ġie ppubblikat fil-ĠU 2004, L 78, p. 32. Verżjoni sħiħa tal-Konvenzjoni bl-Ingliż tista’ tinstab fuq http://www.iopcfund.org/npdf/Conventions%20English.pdfpaġni 5 sa 20


5 – Il-Protokoll ġie ppubblikat fil-ĠU 2004, L 78, p. 40. Verżjoni sħiħa tal-Konvenzjoni bl-Ingliż tista’ tinstab fuq http://www.iopcfund.org/npdf/Conventions%20English.pdf paġni 25 sa 48


6 – Skont http://www.imo.org/includes/blastData.asp/doc_id=693/status.xls, li ġiet ikkonsultata fil-5 ta’ Marzu 2008, il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit huma partijiet kontraenti fil-Konvenzjoni, imma mhux ir-Repubblika Ċeka, l-Awstrija u s-Slovakkja.


7 – Skont l-indikazzjonijiet tal-Fond Monetarju Internazzjonali, http://www.imet seq.org/external/np/fin/data/rms_mth.aspx?SelectDate=1999-12-31&reportType=CVSDR. Dritt Speċjali ta’ Preljev jirrappreżenta basket ta’ muniti li jikkonsisti f’EUR 0,41, YEN 18,4, GBP 0,0903 u USD 0,632.


8 – Nota 92FUND/EXC.28/4 mid-Direttur tal-Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt tal-15 ta’ Frar 2005, http://www.iopcfund-docs.org/ds/pdf/92exc28-4_e.pdf, p. 2. Ara wkoll il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tieni sett ta’ miżuri Komunitarji dwar is-sigurtà marittima wara li għereq it-tanker taż-żejt Erika, COM(2000) 802 finali, p. 59.


9 – Skont http://www.imo.org/includes/blastData.asp/doc_id=693/status.xls li kienet ikkonsultata fil-5 ta’ Marzu 2008, il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit huma partijiet fil-Konvenzjoni, imma mhux ir-Repubblika Ċeka, l-Awstrija, ir-Rumanija u s-Slovakkja.


10 – Nota 92FUND/EXC.28/4 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, p. 2).


11 – It-Tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, Dokumenti Uffiċjali, Vol. XVII, 1984, Dok. A/Conf.62/122, p. 157-231.


12 – ĠU 1968 L 308, p. 4, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/93/KE tal-14 ta’ Diċembru 1998, ĠU 1998 L 358, p. 100.


13 – ĠU 2004 L 78, p. 99, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/664/KE, tal-24 ta’ Settembru 2004, li tadatta d-Deċiżjoni 2004/246/KE minħabba l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tal-Estonja, ta’ Ċipru, tal-Latvja, tal-Litwanja, tal-Ungerija, ta’ Malta, tal-Polonja, tas-Slovenja u tas-Slovakkja, ĠU 2004 L 303, p. 28.


14 – ĠU 2001 L 12, p. 1.


15 – Sentenza tat-Tribunal de grande instance de Paris tas-16 ta’ Jannar 2008 (9934895010, p. 236), iċċitata minn http://www.fortunes-de-mer.com/documents%20pdf/jurisprudence/Arrets/7%20TC%20Paris%2016012008%20Erika.pdf.


16 – Sentenza tat-Tribunal de grande instance de Paris tas-16 ta’ Jannar 2008 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, p. 245 u 274).


17 – Sentenza tat-Tribunal de grande instance de Paris tas-16 ta’ Jannar 2008 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, p. 245).


18 – Sentenza tat-Tribunal de grande instance de Paris tas-16 ta’ Jannar 2008 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, p. 226).


19 – Sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, Thames Water Utilities (C‑252/05, Ġabra p. I‑3883).


20 – Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi (C-295/04, Ġabra p. I-6619, punt 27).


21 – Sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 61; u tal-10 ta’ Jannar 2006, International Air Transport Association et (C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 24).


22 – Sentenzi Bosman (punt 59) u IATA u ELFAA (punt 24), it-tnejn li huma ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21.


23 – Il-Cour de Cassation qed tirreferi għad-Direttiva 68/414/KE tal-20 ta’ Diċembru 1968 kif ġiet emendata bid-Direttiva 98/93/KE tal-14 ta’ Diċembru 1998.


24 – Sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, Ġabra p. I-5257, punt 42); u tat-12 ta’ Jannar 2006, Turn-und Sportunion Waldburg (C-246/04, Ġabra p. I-589, punt 21).


25 – Ara qabel kollox is-sentenza tat-18 ta’ April 2002, Palin Granit u Vehmassalon Kansanterveystyön Kuntayhtymän hallitus (C-9/00, Ġabra p. I-3533, punt 22); u s-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-194/05, Ġabra p. I-11661, punt 34; C-195/05, Ġabra p. I-11699, punt 32, u C-263/05, Ġabra p. I-11745, punt 32).


26 – Sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C-129/96, Ġabra p. I-7411, punt 26); tal-1 ta’ Marzu 2007, KVZ retec (C‑176/05 Ġabra p. I-1721, punt 51); u Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25).


27 – Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2000, ARCO Chemie Nederland et (C-418/97 u C-419/97, Ġabra p. I-4475, punti 37 sa 40); Palin Granit (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 23), Van de Walle et (C‑1/03, Ġabra p. I-7613, punt 45); KVZ retec (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 61); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-194/05, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 33; C-195/05 iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 35; u C-263/05, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 33).


28 – Ara, f’dan ir-rigward, KVZ retec (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punti 53 et seq).


29 – ĠU 1991 L 121, p. 13, emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Lulju 2005 (ĠU 2005 L 191, p. 59).


30 – Sentenza Palin Granit (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 25). Ara wkoll il-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fis-7 ta’ Settembru 2006 fil-Kawża C‑176/05 KVZ, 2007, Ġabra I-1721, punt 73.


31 – ARCO Chemie Nederland et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 73).


32 – ARCO Chemie Nederland et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 84) u tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-194/05, Ġabra p. I-11661, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 34; C-195/05, Ġabra p. I-11699, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 32); u C-263/05, Ġabra p. I-11745, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 32).


33 – Sentenzi Van de Walle et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 46) u – kuntrarjament – Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-194/05, Ġabra p. I-11661, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 37 et seq; C-195/05, Ġabra p. I-11699, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 39 et seq; u C-263/05, Ġabra p. I-11745, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 37 et seq).


34 – Frar 2003, http://ec.europa.eu/comm/environment/ippc/brefs/ref_bref_0203.pdf, p. 1.


35 – Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, (ĠU 1996 L 257, p. 26).


36 – Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, p. 379. Il-forom prinċipali ta’ skart huma l-ħama, il-katalisti użati, il-filtri u l-irmied tal-inċineraturi, u eżempji ta’ partijiet oħrajn tal-iskart huma skart mit-tneħħija tal-kubrit mill-gassijiet kombustibbli, mill-irmied imtajjar, mill-irmied tal-qiegħ, mill-karbonju attivat eżawrit, mit-trab tal-filtri, mill-imluħa inorganiċi bħas-sulfat tal-ammonju u l-ġir mit-trattament ta’ qabel tal-ilma, mill-ħamrija kkontaminata miż-żejt, mill-bitum, mill-ħmieġ, mis-soluzzjonijiet aċidużi u kawstiċi eżawriti u mill-kimiċi eżawriti.


37 – Digriet tal-15 ta’ Jannar 2004, Saetti u Frediani (C‑235/02, Ġabra p. I-1005, punt 45).


38 – Sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2000, ARCO Chemie Nederland et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punti 44 et seq, madankollu ara, f’sens kuntrarju, il-punt 85), Palin Granit (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 27) u tal-11 ta’ Novembru 2004, Niselli (C‑457/02, Ġabra p. I-10853, punt 37).


39 – Ara d-digriet Saetti u Frediani (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 45).


40 – Madankollu, kuntrarjament għall-fehma ta’ Total, il-klassifikazzjoni taż-żejt karburant tqil għal finijiet ta’ liġi fiskali ma tippermetti li ssir l-ebda deduzzjoni rigward l-intenzjoni ta’ rimi.


41 – Ara d-digriet Saetti u Frediani (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 45).


42 – Sentenza ARCO Chemie Nederland et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punti 66 et seq).


43 – Sentenza ARCO Chemie Nederland et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punti 84 et seq).


44 – Sentenzi Palin Granit (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 36), u Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-194/05, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 37 et seq; C-195/05, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 39 et seq; u C-263/05, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 37 et seq).


45 – Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, AvestaPolarit Chrome (C‑114/01, Ġabra p. I-8725, punti 36 et seq).


46 – Sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑416/02, Ġabra p. I-7487, punti 87 et seq, u C‑121/03, Ġabra p. I-7569, punti 58 et seq).


47 – Ara l-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fid-29 ta’ Jannar 2004 fil-kawża Van de Walle et (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 24).


48 – Sentenza Van de Walle et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 43).


49 – Ara iktar ’il fuq, punt 39 et seq.


50 – Sentenza Van de Walle et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 46).


51 – Sentenza Van de Walle et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 47), ikkonfermata mis-sentenza Thames Water Utilities (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 28).


52 – Sentenza Van de Walle et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 52).


53 – Ara, pereżempju, Ludger-Anselm Versteyl, Altlast = Abfall – Vom Ende des„beweglichen“ Abfallbegriffs, Neue Zeitschrift für Verwaltungsrecht 2004, p. 1297, Lucas Bergkamp, A new court-made environmental liability regime for Europe, [2004] 4 Environmental Liability p. 171, Billet, Philippe, “Le déchet, qualification incertaine des sols pollués”, Revue juridique de l'environnement, 2005, p. 309, Frank Petersen u Melanie Lorenz, “Das „Van de Walle“ - Urteil des EuGH - Sanierung von Altlasten nach Abfallrecht?”, Neue Zeitschrift für Verwaltungsrecht 2005, p. 257, Christoph Riese u Nora Karsten, “Ist unausgekofferter kontaminierter Boden Abfall?”, Zeitschrift für Umweltrecht 2005, p. 75, Heike Jochum, “Neues zum europäischen Bodenschutz- u Abfallrecht – Sind die bodenschutzrechtlichen Bestimmungen der Umwelthaftungsrichtlinie u die Abfallrichtlinie nach dem „Spatenprinzip“ zu trennen?”, Neue Zeitschrift für Verwaltungsrecht 2005, p. 140, Nikolaus Schultz, “Ein Jahr nach „van de Walle“ – viel Lärm um nichts?”, Zeitschrift für europäisches Umwelt- u Planungsrecht 2005, p. 230, Lothar Knopp, “EuGH erweitert Abfallbegriff für Altlasten – erhebliche Kostenrisiken nicht ausgeschlossen”, Betriebs-Berater, Heft 51/52 2004, I., Daniel Lawrence, “European Court lays waste to contaminated land”, Construction law, Jannar/Frar 2005, p. 26, Stephan Müller, “Zählen verseuchte Grundstücke neuerdings zum Abfall?”, Frankfurter Allgemeine Zeitung tal-1 ta’ Diċembru 2004, p. 25.


54 – Ara Billet (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53, p. 318 et seq), Riese/Karsten (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53, p. 77), Petersen/Lorenz (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53, p. 258) u Schultz (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53, p. 231) u l-kummenti fil-biċċa l-kbira konsistenti li saru minn Anno Oexle, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht 2004, p. 627 (628), u minn Jens Hamer, “Bodenschutz u Umwelthaftungsrecht made in Luxembourg”, European Law Reporter, 2004, p. 477 (482).


55 – Ara wkoll Hamer (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54, punt 482).


56 – L-Artikolu 2(1)(b) tal-Pożizzjoni komuni tal-Kunsill għall-adozzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart u li tirrevoka ċerti direttivi, dokument tal-Kunsill 11406/07 tal-20 ta’ Novembru 2007, aċċettat mill-Kummissjoni, COM(2007) 863 tad-9 ta’ Jannar 2008. Restrizzjoni simili imma kundizzjonali diġà tinsab fl-Artikolu 2(1)(f) tal-Proposta tal-Kummissjoni, COM (2005) 667 tal-21 ta’ Diċembru 2005 (ĠU 2006 C 70, p. 6). Għall-kuntrarju, il-Parlament Ewropew ċaħad din ir-restrizzjoni mal-ewwel qari fit-13 ta’ Frar 2007, u dan milli jidher, kontra r-rapport tal-kumitat kompetenti (ĠU 2007 C 287 E p. 136, fil-paġna 141).


57 – Ara l-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fl-20 ta’ Novembru 2007 fil-kawża Intertanko et (C‑308/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 37 et seq, u l-ġurisprudenza ċċitata) dwar il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti (Marpol 73/78).


58 – Ara, fir-rigward tal-effett vinkolanti tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C‑286/90, Ġabra p. I-6019, punt 21); u tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C‑162/96, Ġabra p. I-3655, punt 45).


59 – Ara s-sentenzi tat-2 ta’ Awwissu 1993, Levy (C‑158/91, Ġabra p. I-4287, punt 21); tal-14 ta’ Lulju 1994, Peralta (C‑379/92, Ġabra p. I-3453, punti 16 et seq); u tal-14 ta’ Jannar 1997, Centro-Com (C‑124/95, Ġabra p. I-81, punt 58).


60 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, Ġabra p. I-3565, punti 66 et seq).


61 – Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU 2004 L 143, p.56).


62 – Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑459/03, Ġabra p. I-4635, punt 82); ara, speċifikament, il-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża Intertanko et (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 57, punti 46 et seq).


63 – Skont http://www.comitemaritime.org/ratific/imo/imoidx.html. Id-Digriet 75-553 tas-26 ta’ Ġunju 1975, Journal officiel 1975, p. 6716 tat-3 ta’ Lulju 1975 iħabbar il-pubblikazzjoni, jinvoka setgħa ta’ ratifika tal-1971 u jiddikjara li l-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Ġunju 1975.


64 – ĠU 1973 C 112, p. 1.


65 – ĠU 1989 C 251, p. 3.


66 – COM (2000) 142 finali, p. 6.


67 – Ir-risposti mogħtija minn M. Wallström f’isem il-Kummissjoni għad-domanda E-0842/00 magħmula minn Chris Davis MPE dwar id-diżastru tal-Erika u r-responsabbiltà ambjentali, ĠU 2001 C 53 E, p. 30, u għad-domanda E-1752/03 magħmula minn Eija-Riitta Korhola MPE dwar l-analiżi tal-impatt u tal-assigurazzjoni dwar ir-responsabbiltà ċivili sabiex ikun ittrattat id-dannu kkawżat miż-żejt (ĠU 2004 C 51 E, p. 137).


68 – Ara wkoll il-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża Intertanko et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 57, punt 78).


69 – Sentenza Van de Walle et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 58).


70 – Sentenza Van de Walle et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 55).


71 – Sentenza Van de Walle et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 60).


72 – Sentenza tat-Tribunal de grande instance de Paris tas-16 ta’ Jannar 2008 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, p. 228). Madankollu, in-Nota 92FUND/EXC.34/6/Add.1 mid-Direttur tal-Fond Internazzjonali ta’ Kumpens għal Dannu mit-Tniġġis biż-Żejt tal-20 ta’ Settembru 2006, http://www.iopcfund-docs.org/ds/pdf/92exc34-6eadd1.pdf, p. 8, tiddikjara, fuq il-bażi tal-investigazzjonijiet li kienu għaddejjin f’dak iż-żmien, li Total ma segħtux jiskopru d-difetti tal-bastiment.


73 – Sentenza Van de Walle et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 59).


74 – Sentenza Van de Walle et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 60).


75 – Sentenza Van de Walle et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 58).


76 – Sentenza tad-29 ta’ April 1999, Standley et (C‑293/97 Ġabra p. I-2603, punt 52).


77 – ĠU 1991 L 266, p. 1.


78 – Fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Settembru 2000, dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw (ĠU 2000 L 269, p. 34) u fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Jannar 2003, dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU 1994 L 37, p. 24), ġew inklużi regoli simili.


79 – ĠU 1994 L 365, p. 10.


80 – Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Frar 2006, Plato Plastik Robert Frank (C-26/05, Ġabra p. I-24, punt 34).


81 – Sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech (C‑284/95, Ġabra p. I-4301, punt 37); u tal-15 ta’ Diċembru 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C-86/03, Ġabra p. I-10979, punt 88), it-tnejn fir-rigward tal-leġiżlatur Komunitarju.


82 – Sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84 p. 723, punt 48); tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I-8835, punt 108); u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Carp (C-80/06, Ġabra p. I-4473, punt 20).


83 – Sentenza tat-Tribunal de grande instance de Paris tas-16 ta’ Jannar 2008 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, p. 235) eskludietha fir-rigward ta’ Total S.A.


84 – Sentenza Van de Walle et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 59).


85 – Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2008 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, p. 228).


86 – Nota 92FUND/EXC.33/5 mid-Direttur tal-Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt tal-4 ta’ Mejju 2006, http://www.iopcfund-docs.org/ds/pdf/92exc33-5_e.pdf, p. 5 et seq.


87 – Ara l-punt 120 iktar ’il fuq.


88 – Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti tal-1973, kif ġiet emendata bil-Protokoll tagħha tal-1978 (Recueil des traités des Nations unies/UN Treaty Series, Vol. 1341, Nru. 22484).


89 – Ippubblikat fil-ĠU 2004 L 78, p. 24. Skont il-Fond, http://www.iopcfund.org/92members.htm#suppfund, flimkien ma’ erba’ Stati oħra li mhumiex membri, il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Olanda, il-Portugall, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Iżvezja, u r-Renju Unit irratifikaw il-Protokoll u fit-30 ta’ Marzu 2008 ser tiżdied magħhom l-Ungerija.


90 – Ara l-punti 99 et seq iktar ’il fuq.