Language of document : ECLI:EU:T:2006:106

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

5 ta' April 2006 (*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta' oppożizzjoni – Trade mark internazzjonali verbali preċedenti ECHINACIN – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja verbali ECHINAID – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T‑202/04,

Madaus AG, stabbilita f'Cologne (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn I. Valdelomar Serrano, avocat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. Novais Gonçalves, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI li kienet

Optima Healthcare Ltd, stabbilita f'Cardiff (ir-Renju Unit),

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-30 ta' Marzu 2004 (kawża R 714/2002‑2), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Madaus AG u Optima Healthcare Ltd,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. D. Cooke, President, I. Labucka u V. Trstenjak, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-27 ta' Mejju 2004,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-6 ta' Ottubru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fid-19 ta' Mejju 2000, Optima Healthcare Ltd ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali ECHINAID.

3       Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 5 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade Marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: "vitamini, supplimenti ta' l-ikel, preparazzjonijiet abbażi ta' pjanti, preparazzjonijiet mediċinali u farmaċewtiċi".

4       Fit-18 ta' Diċembru 2000, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 101/2000.

5       Fis-16 ta' Marzu 2001, Madaus AG, proprjetarja tat-trade mark internazzjonali ECHINACIN (li għandha effett fi Spanja, Franza, l-Italja, l-Awstrija, il-Portugall u l-pajjiżi Benelux), li tikkonċerna l-prodotti tal-klassi 5 deskritti bħala "prodotti kimiċi farmaċewtiċi", ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti kollha msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark. Hija sostniet li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

6       Permezz ta' deċiżjoni tal-15 ta' Lulju 2002, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI ċaħdet l-oppożizzjoni peress li, essenzjalment, ma kienet teżisti ebda probabbiltà ta' konfużjoni, għaliex il-prefiss "echina-", billi jirreferi għall-isem tal-pjanta echinacea, kellu jiġi kkunsidrat bħala li għandu karattru deskrittiv. Għaldaqstant, il-fatt li ż-żewġ trade marks għandhom l-istess prefiss ma kienx biżżejjed, skond hi, sabiex jiġi konkluż li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni.

7       Fl-20 ta' Awwissu 2002, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni quddiem l-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94.

8       Permezz ta' deċiżjoni tat-30 ta' Marzu 2004 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), li ġiet innotifikata lir-rikorrenti l-għada, it-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħad l-appell. Huwa kkunsidra li ma kienet teżisti ebda probabbiltà ta' konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks, peress li, essenzjalment, il-konsumaturi medji, normalment infurmati u suffiċjentement attenti u mdorrija bi prodotti li fihom il-prefiss "echina-", kienu meqjusa li jagħtu iktar attenzjoni lill-aħħar parti ta' dawn it-trade marks milli lill-prefiss deskrittiv "echina-", li mhuwiex distintiv biżżejjed.

9       Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u li tiffissa d-data tas-seduta għall-20 ta' Settembru 2005. Il-partijiet ma kinux preżenti. Ir-rapport tas-seduta, li ntbagħat lill-partijiet, ma qajjem l-ebda osservazzjoni minn naħa tagħhom.

 It-talbiet tal-partijiet

10     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tirrikonoxxi li l-UASI wettaq żball meta ta d-deċiżjoni kkontestata;

–       tannulla l-imsemmija deċiżjoni;

–       tordna lill-UASI jagħti deċiżjoni ġdida li tiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minħabba probabbiltà ta' konfużjoni, abbażi tar-Regolament Nru 40/94.

11     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-kapijiet tat-talbiet tar-rikorrenti

12     Permezz tat-tielet kap tat-talbiet, ir-rikorrenti titlob essenzjalment lill-Qorti tal-Prim'Istanza tindirizza inġunzjoni lill-UASI sabiex jiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

13     Peress li l-kundizzjonijet għall-ammissibbiltà ta' rikors u tat-talbiet li dan jinkludi huma ta' ordni pubbliku, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' teżaminahom ex officio, u l-istħarriġ tagħha mhuwiex limitat għall-eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà mqajma mill-partijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' April 1989, Les Verts vs Il-Parlament, 294/83, Ġabra p. 1339, point 19; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Diċembru 1990, B. vs Il-Kummissjoni, T-130/89, Ġabra p. II-761, pubblikazzjoni sommarja, punti 13 u 14, u tat-12 ta' Diċembru 1996, Stott vs Il-Kummissjoni, T-99/95, Ġabra p. II-2227, punt 22).

14     Skond l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI huwa meħtieġ li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-qorti Komunitarja. Għaldaqstant, mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tindirizza inġunzjoni lill-UASI. Huwa dan ta' l-aħħar li għandu jasal għall-konsegwenzi mid-dispożittiv u mill-motivi tas-sentenzi tal-qorti Komunitarja [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs L-UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33; tas-27 ta' Frar 2002, Eurocool Logistik vs L-UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II-683, punt 12; tat-3 ta' Lulju 2003, Alejandro vs L-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra. p. II-2251, punt 22, u tal-21 ta' April 2005, Ampafrance vs L-UASI – Johnson & Johnson (monBeBé), T-164/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24].

15     Għaldaqstant, it-tielet kap tat-talbiet huwa inammissibbli.

16     Fl-aħħar nett, l-ewwel u t-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti, intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

17     B'sostenn għar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka raġuni waħda, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll fuq żbalji ċari ta' evalwazzjoni. Din ir-raġuni tinqasam f'ħames partijiet.

 Fuq l-ewwel parti, dwar id-determinazzjoni żbaljata tat-territorju u tal-pubbliku rilevanti

 L-argumenti tal-partijiet

18     Ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord ta' l-Appell wettaq, fid-deċiżjoni kkontestata, evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni, minn naħa, billi ħa in kunsiderazzjoni l-pubbliku Ingliż, meta t-territorju Ingliż mhuwiex ikkonċernat f'din il-kawża, u, min-naħa l-oħra, billi rrefera biss għal pubbliku speċjalizzat (spiżjara u tobba), meta l-pubbliku rilevanti jinkludi wkoll il-"konsumatur finali", li huwa "konsumatur medju".

19     Ir-rikorrenti tirreferi, f'dan ir-rigward, għal deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell tat-3 ta' Novembru 2003 (R 67/2003-1), li fiha l-UASI kien indika li l-konsumatur medju li jixtri mediċina, mingħajr preskrizzjoni, għal problema beninnja (per eżempju, ta' dieta), mhuwiex, meta jkun qed jixtri din il-mediċina, partikolarment attent. Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi għalhekk li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni fil-kawża preżenti f'moħħ il-konsumatur medju.

20     L-UASI jsostni li l-Bord ta' l-Appell bl-ebda mod ma kkunsidra li t-territorju rilevanti kien dak tar-Renju Unit, peress li huwa indika, għal kuntrarju, li t-territorji milquta kienu dawk ta' Spanja, ta' Franza, ta' l-Italja, ta' l-Awstrija, tal-Portugall u tal-pajjiżi Benelux (punti 20 u 23 tad-deċiżjoni kkontestata) u li huwa bl-ebda mod ma bbaża l-analiżi tiegħu fuq il-perċezzjoni ta' pubbliku kompost minn speċjalisti, iżda li, għal kuntrarju, huwa rrefera għall-perspettiva tal-konsumatur medju tal-prodotti in kwistjoni (punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

21     Dan il-kap fil-fatt huwa nieqes f'dak illi huwa bbażat fuq allegazzjonijiet li huma kontradixxuti mill-kliem espliċitu tad-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel nett, fil-punti 20, 21 u 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell indika espressament li s-sitt territorji rilevanti huma dawk ta' Spanja, Franza, l-Italja, l-Awstrija, il-Portugall u l-pajjiżi Benelux. Huwa jidentifika l-pubbliku tat-territorji in kwistjoni bħala l-pubbliku li qed issir referenza għalih għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni.

22     Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell ma bbażax l-evalwazzjoni tiegħu f'dan ir-rigward fuq provi relatati mas-sinjifikat tal-kelma "echinacea" għall-pubbliku anglofonu. Ċertament, fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell irrefera għaż-żewġ definizzjonijiet tal-kelma in kwistjoni mogħtija f'dizzjunarji Ingliżi, iżda biss fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-etimoloġija tagħha fil-Latin. Huwa kkonkluda sempliċiment li din kienet l-isem xjentifiku ta' pjanta, użat f'diversi lingwi, fosthom dawk mitkellma mill-pubbliku tas-sitt territoriji li qed issir referenza għalihom.

23     It-tieni nett, jirriżulta wkoll mill-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Bord ta' l-Appell ma kkunsidrax il-pubbliku rilevanti bħala limitat għal pubbliku speċjalizzat magħmul minn spiżjara u tobba. Għal kuntrarju, huwa jirreferi espressament għall-konsumatur medju tat-tip ta' prodotti in kwistjoni, jiġifieri pjanti mediċinali u prodotti farmaċewtiċi oħrajn. Dan il-konsumatur medju huwa preżunt li huwa raġonevolment informat tajjeb, attent u avżat. Għaldaqstant, mhuwiex pubbliku speċjalizzat.

24     Għal dak li jirrigwarda l-allegata prassi deċiżjonali diverġenti ta' l-UASI, għandu jiġi mfakkar li l-legalità tad-deċiżjonijiet ta' Bordijiet ta' l-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-Qorti Komunitarja, u mhux abbażi ta' prassi deċiżjonali preċedenti ta' l-UASI [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Lulju 2004, Grupo El Prado Cervera vs L-UASI – Héritiers Debuschewitz (CHUFAFIT), T-117/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata].

25     Minn dan jirriżulta li l-ewwel parti tar-raġuni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, dwar l-applikazzjoni ta' kriterju speċjali għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni minħabba karatteristiċi speċifiċi tal- prodotti farmaċewtiċi

 L-argumenti tal-partijiet

26     Ir-rikorrenti ssostni li l-prodotti kunfliġġenti huma parzjalment identiċi u parzjalment simili. Il-"preparazzjonijiet mediċinali u farmaċewtiċi" koperti mit-trade mark ECHINAID huma identiċi għall-"prodotti kimiċi farmaċewtiċi" koperti mit-trade mark ECHINACIN, filwaqt li l-"vitamini, supplimenti ta' l-ikel, preparazzjonijiet abbażi ta' pjanti" protetti mill-ewwel trade mark huma simili. Hija tikkunsidra li, peress li żball fl-għażla ta' prodott farmaċewtiku jista' jirriżulta f'konsegwenzi gravi għas-saħħa, il-kriterju użat sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta' konfużjoni għandu jkun ħafna iktar strett minn dak użat għall-prodotti u s-servizzi l-oħrajn.

27     L-UASI joġġezzjona li r-rifjut tar-reġistrazzjoni bbażat fuq tali probabbiltà, imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għandu bħala għan li jipproteġi d-drittijiet personali, jiġifieri d-drittijiet esklużivi mogħtija mit-trade mark preċedenti. Għaldaqstant, il-perikli li jistgħu jirriżultaw minn konfużjoni eventwali ma jistgħux jiġu kkunsidrati fid-determinazzjoni ta' l-eżistenza stess ta' probabbiltà ta' konfużjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

28     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni m’għandhiex tiġi rreġistrata meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f'moħħ il-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

29     Skond ġurisprudenza kostanti, probabbiltà ta' konfużjoni hija l-probabbiltà li l-pubbliku jista' jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Mejju 2005, Grupo Sada vs L-UASI – Sadia (GRUPO SADA), T-31/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 42, u ta' l-14 ta' Lulju 2005, Reckitt Benckiser (España) vs L-UASI – Aladin (ALADIN), T-126/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 78].

30     Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-pubbliku għandha tiġi kkunsidrata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti fil-kawża (ara sentenzi GRUPO SADA, punt 29 iktar 'il fuq, punt 43, u ALADIN, punt 29 iktar 'il fuq, punt 79, u l-ġurisprudenza ċċitata).

31     L-evalwazzjoni globali msemmija fil-punt 30 iktar 'il fuq għandha tiġi mwettqa oġġettivament u m'għandhiex tkun influwenzata minn kunsiderazzjonijiet li m'għandhomx x'jaqsmu ma' l-oriġini kummerċjali tal-prodott in kwistjoni.

32     Il-konsegwenzi eventwali ta' ħsara marbuta ma' l-użu ħażin ta' prodott farmaċewtiku jirriżultaw mill-konfużjoni possibbli, minn naħa tal-konsumatur, fir-rigward ta' l-identiċità jew tal-karatteristiċi tal-prodott in kwistjoni, u mhux mill-oriġini kummerċjali skond ir-raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

33     F'kull każ, sakemm il-kunsiderazzjonijiet dwar il-konsegwenzi ta' l-użu ħażin ta' prodott ikunu rilevanti għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jingħad li dawn il-kunsiderazzjonijiet ittieħdu in kunsiderazzjoni mill-UASI permezz tad-determinazzjoni tal-karatteristiċi tal-konsumaturi kkonċernati. Kif l-UASI ġustament sostna fid-deċiżjoni kkontestata, il-pubbliku rilevanti f'din il-kawża huwa kompost minn konsumaturi medji ta' żewġ tipi ta' prodotti. Għal dak li jirrigwarda l-prodotti farmaċewtiċi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord ta' l-Appell jaqbel mar-raġunar tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni li l-konsumaturi, meta jiġu biex jagħżlu, huma megħjuna minn professjonisti b'kwalifiki għolja. Għal dak li jirrigwarda l-prodotti mediċinali magħmula mill-ħxejjex, il-konsumaturi huma kkunsidrati li huma informati raġonevolment tajjeb, attenti u avżati, u imdorrija jużaw prodotti li t-trade mark tagħhom tkun tinkludi l-prefiss "echina-". Fil-fatt, jista' jingħad li l-konsumaturi li jieħdu interess f'dawn it-tipi ta' prodotti jieħdu b'mod partikolari ħsieb ta' saħħithom, b'tali mod li huwa inqas probabbli li jfixklu l-verżjonijiet differenti ta' l-imsemmija prodotti. Fi kliem ieħor, il-probabbiltà eventwali li l-għażla ħażina u, iktar 'il quddiem, l-użu ħażin ta' prodott li jwasslu għal ċerti konsegwenzi li jagħmlu l-ħsara hija kkumpensata bil-livell għoli ta' informazzjoni u ta' attenzjoni li għandhom il-konsumaturi medji kkonċernati.

34     Minn dan jirriżulta li t-tieni parti tar-raġuni għandha wkoll tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, dwar in-nuqqas ta' karattru deskrittiv tal-prefiss "echina-"

 L-argumenti tal-partijiet

35     Ir-rikorrenti tqis li l-Bord ta' l-Appell wettaq żball ta' evalwazzjoni meta kkunsidra li l-prefiss "echina-" għandu karattru deskrittiv, jew, għall-inqas, li ma kienx distintiv.

36     It-terminu "echinacea" mhuwiex Latin iżda Ingliż, filwaqt li l-pubbliku rilevanti mhuwiex Ingliż u biss minoranza tal-pubbliku anglofonu tifhem il-kelma "echinacea" u tista' jagħmel konnessjoni mal-prefiss "echina-".

37     In-numru ta' trade marks irreġistrati f'diversi pajjiżi li fihom il-prefiss "echin-" jew "echina-", li jidhru fuq lista pprovduta minn Optima Healthcare Ltd, mhuwiex importanti ħafna u għaldaqstant mhuwiex biżżejjed sabiex juri li l-prefiss huwa użat b'mod komuni u lanqas li dan jinftiehem mill-konsumaturi milquta.

38     Barra minn hekk, fonetikament, il-parti tas-sinjali kunfliġġenti li hija kkunsidrata mill-konsumaturi bħala dik li tispikka l-iktar, jiġifieri "echina-", hija identika fiż-żewġ każijiet. Għaldaqstant, il-konsumaturi ma jistgħux joħolqu distinzjoni bejn iż-żewġ sinjali.

39     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinvoka deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell tat-18 ta' Ġunju 2003 (R 121/2002-4), li fiha l-Bord wasal għall-konklużjoni li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks SELENIUM-ACE u Selenium Spezial A-C-E. Skond din id-deċiżjoni, il-kelma "selenium", li tiddeskrivi element kimiku, ma tikkostitwixxix biss parti ta' l-ewwel trade mark, iżda hija kkunsidrata mill-konsumatur medju bħala l-element l-iktar importanti tagħha u għaldaqstant għandha tkun ikkunsidrata bħala distintiva biżżejjed. Minn dan tirriżulta probabbiltà ta' konfużjoni.

40     L-UASI jsostni li l-kelma "echinacea" mhijiex Ingliża, iżda tiġi mil-Latin "modern", li mhuwa assoċjat ma' l-ebda pajjiż jew territorju b'mod partikolari. L-użu tal-Latin huwa komuni fl-industrija farmaċewtika kif ukoll fil-mediċina kurrenti.

41     L-UASI jqis li l-lista, mogħtija minn Optima Healthcare Ltd, ta' xi tletin trade mark li fihom il-prefiss "echin-" jew "echina-", irreġistrati f'wieħed jew f'diversi territorji kkonċernati, turi l-karattru deskrittiv tal-kelma "echinacea" u għalhekk il-prefiss "echin-" f'moħħ il-pubbliku preżenti f'dawn it-territorji. L-UASI jsostni wkoll li r-rikorrenti ma kkontestatx dawn l-argumenti matul il-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

42     Dan il-karattru deskrittiv huwa kkonfermat ukoll minn tfittxija tal-kelma "echinacea" mwettqa fuq l-Internet f'kull waħda mil-lingwi kkonċernati. Għaldaqstant, din it-tfittxija tagħti 1 940 riżultat għall-paġni bil-lingwa Spanjola, 2 630 riżultat għall-paġni bil-Franċiż, 6 080 riżultat għall-paġni bit-Taljan, 1 160 riżultat għall-paġni bil-lingwa Portugiża, 36 600 riżultat għall-paġni bil-Ġermaniż u 7 360 riżultat għall-paġni bl-Olandiż.

43     Minħabba l-karattru deskrittiv tiegħu, huwa improbabbli, jekk mhux impossibbli, li l-prefiss "echina-" joħloq distinzjoni bejn prodotti li joriġinaw minn impriża u dawk li joriġinaw minn impriża oħra. Għaldaqstant, il-konsumatur medju, normalment infurmat u suffiċjentement attent, ma jkunx jista' jibbaża ruħu fuq dan il-prefiss sabiex joħloq distinzjoni bejn it-trade marks kompetittivi. Dan ta' l-aħħar ma jkunx jista' jemmen li t-trade marks ECHINACIN u ECHINAID joriġinaw mill-istess impriża minħabba li għandhom il-prefiss "echina-" in komuni. L-imsemmi prefiss huwa referenza ċara u diretta għall-kompożizzzjoni u għall-karatteristiċi tal-prodotti in kwistjoni u mhux indikazzjoni tal-produtturi rispettivi tagħhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

44     Il-Qorti tal-Prim'Istanza jidrilha li l-UASI kien korrett meta wasal għall-konklużjoni li l-prefiss "echina-" kien deskrittiv u li, għaldaqstant, il-pubbliku tat-territorji rilevanti, ikkonfrontat bit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti fil-klassi 5, jikkunsidrah bħala referenza għall-prodotti li huma magħmula mill-pjanta "echinacea".

45     Din il-konklużjoni dwar il-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija ġustifikata mill-elementi li huma s-suġġett ta' l-analiżi mwettqa mill-Bord ta' l-Appell, b'mod partikolari fil-punti 18 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-kelma "echinacea" hija t-terminu xjentifiku bil-Latin ta' pjanta użata fl-oqsma ta' prodotti farmaċewtiċi u ta' mediċinali magħmula mill-ħxejjex. Huwa komuni li jintuża l-isem bil-Latin tal-pjanti f'dawn l-oqsma. Dan huwa kkonfermat min-numru kbir ta' reġistrazzjonijiet tal-prefiss "echin-" jew "echina-" fit-territorji kkonċernati. Il-konklużjoni ta' l-UASI li l-prefiss "echina-" jirreferi, għall-konsumaturi medji kkonċernati, għall-kompożizzjoni tal-prodott u mhux għal indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tiegħu kienet għalhekk fondata.

46     Minn dan jirriżulta li t-tielet parti tar-raġuni ma tistax tiġi milqugħa.

 Fuq ir-raba' parti, dwar l-evalwazzjoni żbaljata tal-probabbiltà ta' konfużjoni

 L-argumenti tal-partijiet

47     Ir-rikorrenti tilmenta, l-ewwel nett, li l-Bord ta' l-Appell, li ddeskriva s-suffissi "-id" u "-cin" tat-trade marks kunfliġġenti bħala elementi dominanti, ma pparagunax is-sinjali kif ipperċepiti mill-konsumaturi, jiġifieri b'mod globali. Hija tfakkar li, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, il-konsumatur medju jipperċepixxi normalment trade mark bħala xi ħaġa sħiħa u ma jwettaqx eżami tad-dettalji differenti (s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 23).

48     It-tieni nett, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord ta' l-Appell applika ħażin il-kunċett ta' "konsumatur medju" billi kkunsidra biss il-professjonisti u mhux il-konsumatur finali. Dan l-iżball jista' jiġi dedott mill-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li fih il-Bord ta' l-Appell osserva li l-konsumaturi ta' dawn it-tipi ta' prodotti huma mdorrija bi trade marks li fihom il-prefiss "echina-". Madankollu, dan it-tip ta' prodott mhuwiex frekwenti fil-kummerċ. Barra minn hekk, huwa possibbli li dan il-pubbliku, li għandu biss rarament il-possibbiltà li jagħmel paragun dirett bejn it-trade marks differenti, iżda li jkollu jibbaża ruħu fuq l-immaġni mhux perfetta tagħhom li jkun żamm fil-memorja tiegħu, jikkunsidra l-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti bħala li jappartjenu, fil-fatt, għal żewġ gammi ta' prodotti distinti, iżda li madankollu joriġinaw mill-istess impriża [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Oberhauser vs L-UASI – Petit Liberto (Fifties), T-104/01, Ġabra p. II-4359, punt 49].

49     Fl-aħħar parti tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssemmi deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell tal-25 ta' April 2001 (R 816/1999-3). F'din id-deċiżjoni, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li kienet teżisti probabbiltà ta' konfużjoni għall-konsumatur medju bejn żewġ trade marks li jkopru prodotti farmaċewtiċi, A-MULSIN u ALMOXIN, li għandhom bejn wieħed u ieħor l-istess kompożizzjoni u l-istess użu. Il-Bord ta' l-Appell f'din id-deċiżjoni indika, b'mod partikolari, li għall-mediċini għal problemi li mhumiex serji, bħal kapsuli kontra l-uġigħ ta' ras, pilloli għall-irqad jew żjut għall-massaġġi, il-livell ta' attenzjoni ta' konsumatur medju huwa baxx. Il-konsumatur medju jixtri ġeneralment dan it-tip ta' prodott mingħajr ma jaqra t-tikketta, u mhux bil-fors isaqsi lill-ispiżjar għall-għajnuna. Il-konfużjoni tista' sseħħ fil-mument tal-bejgħ. Il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li, jekk konsumatur attent kien kapaċi joħloq distinzjoni bejn it-trade marks in kwistjoni b'mod viżiv, b'mod partikolari permezz ta' l-eżistenza ta' sing, il-konsumatur medju, min-naħa l-oħra, ma setax jiftakar id-differenza żgħira fonetika li teżisti bejn l-imsemmija trade marks.

50     Fuq l-ewwel punt, l-UASI jqis għal kuntrarju li, jekk is-sinjal għandu jiġi kkunsidrat fit-totalità tiegħu, huwa essenzjali li jiġu kkunsidrati wkoll l-elementi differenti ta' kull sinjal meta ssir l-evalwazzjoni globali [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' April 2003, Durferrit vs L-UASI – Kolene (NU-TRIDE), T-224/01, Ġabra p. II-1589]. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-karattru distintiv tat-trade mark huwa wieħed mill-fatturi li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta' konfużjoni (sentenza SABEL, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24; sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 18, u tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 25). Sabiex jiġi ddeterminat il-karattru distintiv ta' trade mark, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kwalitajiet intrinsiċi tat-trade mark, inkluż il-fatt jekk hijiex nieqsa jew le minn kull element deskrittiv tal-prodotti jew servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I-2779, punti 49 u 51, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq, punti 22 u 23). Ix-xebh viżiv, tas-smigħ jew kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni għandu jkun ibbażat fuq l-impressjoni sħiħa mogħtija mit-trade marks, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (sentenzi SABEL, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq, punti 22 u 23).

51     Minn dan jirriżulta li, meta trade mark fiha element li għandu karattru deskrittiv, dan l-element ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-element dominanti, għaliex l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni ma tistax tkun fondata fuq elementi li mhumiex protetti mid-dritt tat-trade marks. Għaldaqstant, l-UASI jikkunsidra li l-Bord ta' l-Appell kien korrett meta kkonkluda li l-preżenza tal-prefiss "echina-" fiż-żewġ trade marks mhijiex biżżejjed sabiex tikkaratterizza probabbiltà ta' konfużjoni.

52     Għal dak li jirrigwarda t-tieni punt, l-UASI jfakkar li l-Bord ta' l-Appell ħa in kunsiderazzjoni l-perspettiva ta' konsumaturi medji ta' vitamini, ta' supplimenti ta' l-ikel, ta' preparazzjonijiet abbażi ta' pjanti, ta' preparazzjonijiet mediċi u farmaċewtiċi, u mhux dik ta' professjonisti, jiġifieri ta' tobba u spiżjara. Jekk dawn il-prodotti jistgħu jinbiegħu mingħajr preskrizzjoni, dan huwa għaliex l-awtoritajiet tas-saħħa kkunsidraw li l-konsumaturi medji kienu informati biżżejjed u kapaċi jagħmlu l-għażla tagħhom. Barra minn hekk, il-konsumatur medju ta' dawn il-prodotti huwa konsumatur tipiku, partikolarment interessat fil-prodotti tas-saħħa li għandhom oriġini naturali li jista' jkollu konoxxenza minima dwar dawn il-prodotti bħal li jkun attent għall-proprjetajiet partikolari ta' prodotti li fihom l-echinacea.

53     L-UASI jqis li l-konsumatur medju tal-prodotti in kwistjoni, li jaf dawn il- proprjetajiet, jikkunsidra l-prefiss bħala referenza għan-natura tal-prodotti kkonċernati u mhux għall-oriġini kummerċjali tagħhom. Peress li l-livell ta' attenzjoni tal-konsumatur medju jvarja skond in-natura tal-prodotti kkonċernati (sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26), mhemm l-ebda raġuni, għal dak li jirrigwarda prodotti tas-saħħa, li wieħed jaħseb li l-konsumatur medju mhux ser ikun attent meta jagħżel dawn il-prodotti. Dan ikun iktar u iktar il-każ jekk jeżistu, kif issostni r-rikorrenti, riskji serji għas-saħħa jekk issir inverżjoni fl-użu tal-prodotti in kwistjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

54     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li, bħala regola ġenerali, il-pubbliku ma jikkunsidrax element deskrittiv li jagħmel parti minn trade mark kumplessa bħala l-element distintiv u dominanti fl-impressjoni sħiħa mogħtija minnha (sentenza BUDMEN, iċċitata iktar 'il fuq, punt 53).

55     Fil-kawża preżenti, kif il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà semmiet fil-punt 44 iktar 'il fuq, peress illi l-prefiss komuni għaż-żewġ sinjali kkonċernati, jiġifieri "echina-", għandu karattru deskrittiv, dan ma jippermettix li ssir distinzjoni bejn l-oriġini kummerċjali tal-prodotti. Għaldaqstant, l-UASI kien korrett meta kkunsidra li s-suffissi rispettivi tas-sinjali kunfliġġenti, jiġifieri "-id" u "-cin", huma kkunsidrati bħala l-elementi distintivi u dominanti li jiġbdu l-attenzjoni tal-konsumaturi.

56     Għal dak li jirrigwarda l-iżball allegatament imwettaq f'dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-kunċett ta' "konsumatur medju", li r-rikorrenti tiddeduċi mill-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jingħad li l-punt in kwistjoni ma jagħmilx referenza għall-professjonisti, iżda "għall-pubbliku kkonċernat". Din l-espressjoni hija ddefinita fil-punt 23, li fih il-Bord ta' l-Appell jirreferi espressament għall-konsumatur medju tal-prodotti in kwistjoni. Dan ta' l-aħħar huwa meqjus li huwa informat raġonevolment tajjeb, attent u avżat. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-UASI ma limitax l-eżami tiegħu tal-probabbiltà ta' konfużjoni għall-konsumaturi professjonisti, iżda ħa in kunsiderazzjoni b'mod ċar il-perspettiva tal-konsumaturi finali tal-prodotti in kwistjoni.

57     Jekk huwa eżatt, kif issostni r-rikorrenti, li l-konsumatur medju għandu biss rarament il-possibbiltà li jagħmel paragun dirett bejn it-trade marks differenti, iżda għandu jibbaża ruħu fuq l-immaġni mhux perfetta tagħhom li jkun żamm fil-memorja tiegħu, dan l-argument, b'rigward għall-karattru deskrittiv tal-prefiss "echina", ma jistax japplika fil-kawża preżenti.

58     Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna r-referenza li r-rikorrenti tagħmel għad- deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell, għandha ssir referenza għall-punt 24 iktar 'il fuq.

59     Minn dan jirriżulta li r-raba' parti tar-raġuni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-ħames parti, dwar in-nuqqas ta' osservanza tal-"prinċipju ta' interdipendenza"

 L-argumenti tal-partijiet

60     Ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord ta' l-Appell ma applikax il-"prinċipju ta' interdipendenza". Dan il-"prinċipju" jeħtieġ li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi kkunsidrati. B'mod partikolari, livell baxx ta' xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista' jiġi kkumpensat minn livell għoli ta' xebh bejn it-trade marks, u viċi versa (sentenza Canon, iċċitata iktar 'il fuq, punti 15 sa 18).

61     Ir-rikorrenti tqis li, fil-kawża preżenti, il-livell għoli ta' xebh bejn il-prodotti kellu jiġi kkunsidrat mill-Bord ta' l-Appell bħala suffiċjenti sabiex jikkumpensa d-differenzi żgħar li jeżistu bejn is-sinjali.

62     L-UASI jirrikonoxxi li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni tinkludi l-estent ta' l-interdipendenza tal-fatturi meħuda in kunsiderazzjoni u li, fil-kawża preżenti, il-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti huma identiċi. Madankollu, l-identiċità bejn il-prodotti għandha tkun ikkontrobilanċjata mill-importanza tal-karattru distintiv tat-trade marks. Fil-kawża preżenti, peress li t-trade marks in kwistjoni huma komposti minn prefiss deskrittiv, il-karattru distintiv tat-trade marks huwa limitat għas-suffiss tagħhom, li hija l-parti li tiġbed l-attenzjoni tal-konsumaturi. Għaldaqstant, il-kamp ta' protezzjoni tat-trade mark preċedenti huwa konsiderevolment limitat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

63     Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda in kunsiderazzjoni u, b'mod partikolari, ix-xebh bejn it-trade marks u dik bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti. Għaldaqstant, livell baxx ta' xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista' jiġi kkumpensat minn livell għoli ta' xebh bejn it-trade marks, u viċi versa [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza Canon, iċċitata iktar 'il fuq, punt 17, u ta' l-24 ta' Novembru 2005, Simonds Farsons Cisk vs L-UASI – Spa Monopole (KINJI by SPA), T-3/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33].

64     Ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni, mwettqa mill-UASI, tal-probabbiltà ta' konfużjoni fil-kawża prinċipali hija żbaljata peress li d-deċiżjoni kkontestata tonqos milli ssemmi dak li hija ssejjaħ il-"prinċipju ta' interdipendenza", stabbilit mill-ġurisprudenza (sentenza Canon, iċċitata iktar 'il fuq, punt 17).

65     Għandu jiġi osservat li l-argument, safejn dan għandu jinftiehem bħala li jfisser li l-ġurisprudenza kkonċernata tiddefinixxi l-"prinċipju ta' interdipendenza" bħala li jikkostitwixxi regola tad-dritt, mhuwiex fondat. Il-kunsiderazzjonijiet dwar l-imsemmi prinċipju jikkostitwixxu biss l-espressjoni ta' wieħed minn ħafna fatturi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni globabli tal-probabbiltà ta' konfużjoni f'każ partikolari. Minn dan jirriżulta li n-nuqqas biss li jissemma dan il-fattur fid-deċiżjoni kkontestata ma jistax iwassal għall-preżunzjoni li l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni esposta fid-deċiżjoni hija żbaljata.

66     B'rigward għall-fatturi kollha kkunsidrati għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni, kif imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, u b'mod partikolari għall-provi msemmija, fl-istess deċiżjoni, tal-koeżistenza fit-territorji rilevanti ta' diversi trade marks komposti mill-prefissi "echin-" jew "echina-" b'varji suffissi, l-argument tar-rikorrenti mhuwiex tali li juri ebda żball fl-irraġunar tal-Bord ta' l-Appell.

67     Minn dan jirriżulta li l-ħames parti tar-raġuni tista' biss tiġi miċħuda. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

68     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Procedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tigi kkundannata tbati l-ispejjez, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Cooke

Labucka

Trstenjak

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta' April 2006

E. Coulon

 

      J. D. Cooke

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.