Language of document : ECLI:EU:T:2006:103

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

5 ta' April 2006(*)

"Kompetizzjoni – Artikolu 81 KE – Akkordji – Suq tal-metjonina – Ksur wieħed u kontinwat – Multa – Linji gwida għall-kalkolu ta' l-ammont tal-multi – Gravità u dewmien tal-ksur – Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva – Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17/62 – Preżunzjoni ta' innoċenza"

Fil-kawża T-279/02,

Degussa AG, stabbilita f'Dusseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. Bechtold, M. Karl, u C. Steinle, avocats,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Bouquet u W. Mölls, bħala aġenti, assistiti minn H.‑J. Freund, avukat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta minn

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Karlsson u S. Marquardt, bħala aġenti,

parti intervenjenti

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/674/KE, tat-2 ta' Lulju 2002, proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (każ C.37.519 – Metjonina) (ĠU 2003, L 255, p. 1), u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-multa imposta lir-rikorrenti b'din id-deċiżjoni,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta' April 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Degussa AG (Düsseldorf) hija kumpannija Ġermaniża li nħolqot fis-sena 2000 permezz tal-fużjoni bejn SKW Trostberg u Degussa-Hüls, bl-istess kumpannija ta' l-aħħar li, min-naħa tagħha, kienet inħolqot permezz tal-fużjoni, fl-1998, bejn l-impriżi Ġermaniżi tal-kimika Degussa AG (Frankfurt am Main) u Hüls AG (Marl) (iktar ’il quddiem "Degussa" jew ir-"rikorrenti"). Hija topera b'mod partikolari fis-settur ta' l-għalf ta' l-annimali u hija l-unika impriża li tipproduċi t-tliet aċidi amminiċi essenzjali l-iktar importanti kollha: il-metjonina, il-liżina u t-treonina.

2        L-aċidi amminiċi essenzjali huma l-aċidi amminiċi li ma jistgħux jiġu prodotti b'mod naturali mill-organiżmu u li konsegwentement għandhom jiġu miżjudin ma' l-għalf. L-ewwel aċidu amminiku li n-nuqqas tiegħu jinterrompi s-sinteżi proteika ta' l-aċidi amminiċi l-oħrajn huwa msejjaħ l-"ewwel aċidu amminiku limitattiv". Il-metjonina hija aċidu amminiku essenzjali miżjud ma' l-għalf kompost u ma' l-għalf imħallat minn qabel iddestinat għall-ispeċi kollha ta' l-annimali. Hija tintuża essenżjalment fl-għalf ta' l-għasafar (fejn tikkostitwixxi l-ewwel aċidu amminiku limitattiv) kif ukoll bi frekwenza dejjem akbar fl-għalf ta' l-annimali suwini u għall-annimali speċjalizzati.

3        Il-metjonina tinstab f'żewg forom prinċipali: id-DL-metjonina (iktar ’il quddiem id-"DLM") u l-metjonina idroksijanaloga (iktar ’il quddiem il-"MHA"). Id-DLM tiġi mmanifatturata fil-forma kkristallizzata u fiha kontenut attiv qrib il-100%. Il-MHA, li ġiet introdotta mill-produttur Monsanto, li huwa l-predeċessur ta' Novus International Inc., fis-snin 80, fiha kontenut attiv nominali ta' 88%. Fis-sena 2002, hija kienet tirrappreżenta madwar 50% tal-konsum mondjali.

4        Fiż-żmien tal-fatti in kwistjoni, it-tliet produtturi mondjali prinċipali tal-metjonina kienu Rhône-Poulenc (illum Aventis SA), li s-sussidjarja tagħha responsabbli għall-produzzjoni tal-metjonina kienet Rhône-Poulenc Animal Nutrition (illum Aventis Animal Nutrition SA), Degussa u Novus. Rhône-Poulenc kienet tipproduċi l-metjonina fiż-żewġ forom tagħha filwaqt li Degussa kienet tipproduċi biss id-DLM u Novus kienet tipproduċi biss il-MHA.

5        Fis-26 ta' Mejju 1999, Rhône-Poulenc għamlet stqarrija lill-Kummissjoni fejn ammettiet li kienet ipparteċipat f'akkordju dwar l-iffissar tal-prezzijiet u l-allokazzjoni ta' kwoti għall-metjonina u talbet li tkun tista' tibbenefika mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' impożizzjoni ta' multi jew it-tnaqqis ta' l-ammont tagħhom fil-kawżi dwar akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-"komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni").

6        Fis-16 ta' Ġunju 1999, xi uffiċjali tal-Kummissjoni u tal-Bundeskartellamt (l-uffiċċju federali Ġermaniż ta' l-akkordji) ipproċedew b'investigazzjoni skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), li kien fis-seħħ dak iż-żmien, fl-istabbilimenti ta' Degussa-Hüls, fi Frankfurt am Main.

7        In segwitu għal dawn l-investigazzjonijiet, il-Kummissjoni, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, għamlet talba għal informazzjoni lil Degussa-Hüls fis-27 ta' Lulju 1999, fir-rigward tad-dokumenti miksuba. Degussa-Hüls irrispondiet għal din it-talba fid-9 ta' Settembru 1999.

8        Il-Kummissjoni indirizzat ukoll xi talbiet għal informazzjoni lil Nippon Soda Co. Ltd (iktar 'il quddiem "Nippon Soda"), Novus International Inc. (iktar ’il quddiem "Novus") u Sumitomo Chemical Co. Ltd (iktar ’il quddiem "Sumitomo") fis-7 ta' Diċembru 1999, u lil Mitsui & Co. Ltd fl-10 ta' Diċembru 1999. Dawn l-impriżi rrispondew matul ix-xahar ta' Frar 2000 u Nippon Soda ppreżentat stqarrija addizzjonali fis-16 ta' Mejju 2000.

9        Fl-1 ta' Ottubru 2001, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet fil-konfront ta' ħames produtturi tal-metjonina, fosthom ir-rikorrenti. L-istess dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet ġiet indirizzata lil Aventis Animal Nutrition (iktar ’il quddiem "AAN"), sussidjarja 100% ta' Aventis.

10      Fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tagħha il-Kummissjoni akkużat lil dawn l-impriżi li, mill-1986 sa, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-bidu tas-sena 1999, ipparteċipaw f'akkorju li jmur kontra l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il-"Ftehim ŻEE") u li jirrigwarda ż-ŻEE kollha. Skond il-Kummissjoni, l-akkordju in kwistjoni kien jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet tal-metjonina, l-implementazzjoni ta' mekkaniżmu għaż-żieda fil-prezzijiet, l-allokazzjoni ta' swieq nazzjonali u ta' kwoti ta' l-ishma mis-suq u f'mekkaniżmu ta' sorveljanza u ta' applikazzjoni ta' dawn l-akkordji.

11      Il-partijiet kollha ppreżentaw osservazzjonijiet bil-mitkub b'risposta għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni, iżda Aventis u AAN madankollu infurmaw lill-Kummissjoni li huma kienu ser jippreżentaw risposta waħda għaż-żewġ kumpanniji.

12      Il-Kummissjoni rċeviet ir-risposti bejn l-10 u t-18 ta' Jannar 2002. Aventis, AAN (iktar ’il quddiem, flimkien, "Aventis/AAN") u Nippon soda ammettew il-ksur u l-mertu tal-fatti fit-totalità tagħhom. Degussa ammettiet il-ksur ukoll, iżda biss għall-perijodu 1992-1997. Inżammet seduta ma' l-impriżi kkonċernati fil-25 ta' Jannar 2002.

13      Fi tmiem il-proċedura, peress li kkunsidrat li Aventis/AAN, Degussa u Nippon Soda kienu pparteċipaw f'akkordju u/jew f'azzjoni miftehma ta' natura kontinwa, li kienet tirrigwarda ż-ŻEE kollha u li, fil-kuntest tagħha, l-istess kumpanniji ftehmu fuq għanijiet rigward il-prezz għall-prodott, adottaw u implementaw mekkaniżmu għaż-żieda tal-prezzijiet, skambjaw informazzjoni fuq il-volum tal-bejgħ u l-ishma fis-suq u ssorveljaw u assiguraw l-applikazzjoni ta' l-akkordji tagħhom, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni 2003/674/KE, tat-2 ta' Lulju 2002, dwar proċediment taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (każ C.37.519 – Metjonina) (ĠU 2003, L 255, p. 1, iktar ’il quddiem id-"Deċiżjoni").

14      Fil-premessi 63 sa 81 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ddeskriviet l-akkordju bħala li huwa maħsub għall-iffissar ta' varjetà ta' prezzijiet u ta' "prezzijiet l-iktar baxxi". Il-parteċipanti ftehmu fuq il-ħtieġa li jgħollu l-prezzijiet tagħhom u eżaminaw dak li kien kapaċi jaċċetta s-suq. Iż-żidiet fil-prezz kienu mbagħad ġew organizzati b'diversi "kampanji" suċċessivi, li l-implementazzjoni tagħhom kienet tiġi eżaminata waqt laqgħat sussegwenti tal-kartell. Barra minn hekk, il-parteċipanti skambjaw informazzjoni fuq il-volum ta' bejgħ u l-kapaċitajiet produttivi kif ukoll l-istimi rispettivi tagħhom dwar il-volum total mis-suq.

15      Fir-rigward ta' l-implementazzjoni ta' l-għanijiet rigward il-prezz, il-Kummissjoni osservat li l-bejgħ kien jiġi ssorveljat mill-parteċipanti, biċ-ċifri skambjati li kienu jiġu kkompilati u eżaminati waqt laqgħat regolari, mingħajr ma kienet teżisti madankollu xi sistema ta' kontroll fuq il-volum akkumpanjata b'xi skema ta' kumpens, minkejja li Degussa kienet għamlet proposta f'dan is-sens. Fl-organizzazzjoni tal-kartell kienu essenzjali laqgħat multilaterali (iktar minn 25 waħda bejn l-1986 u 1999) u bilaterali regolari. Dawn ħadu l-forma ta' laqgħat "summit" u laqgħat iktar tecnici f’livell ta' kollaboraturi.

16      Fl-aħħar nett, il-funzjonament ta' l-akkordju għadda minn tliet perijodi distinti. L-ewwel perijodu, li matulu l-prezzijiet kienu dejjem qed jiżdiedu, kien minn Frar 1986 sa l-1989 u spiċċa ma' l-irtirar ta' Sumitomo mill-akkordju u d-dħul fis-suq ta' Monsanto u l-MHA. Matul it-tieni perijodu, li kien mill-1989 sa l-1991, il-prezzijiet bdew neżlin b'mod spettakolari. Il-membri fl-akkordju għaldaqstant kienu f'dubju fuq kif jirreaġixxu għal din is-sitwazzjoni ġdida (jekk għandhomx jirbħu l-ishma tas-suq jew jiffukaw fuq il-prezzijiet) u kkonkludew, wara diversi laqgħat miżmumin fl-1989 u 1990, fuq il-ħtieġa li jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq iż-żieda fil-prezzijiet. Matul it-tielet u l-aħħar perijodu, li kien mill-1991 sa Frar 1999, iż-żieda fil-bejgħ tal-MHA prodotta minn Monsanto (li mill-1991 saret Novus) wasslet lill-parteċipanti fl-akkordju sabiex isostnu, qabel kollox, il-livell tal-prezzijiet.

17      Id-Deċiżjoni fiha b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet segwenti:

"L-Ewwel Artikolu

Aventis [...] u [AAN], responsabbli konġuntement, Degussa [...] u Nippon Soda [...] kisru l-Artikolu 81(1) tat-Trattat u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, meta, bil-mod u safejn deskritt fil-premessi, ipparteċipaw f'diversi akkordji u prattiċi miftehma fis-settur tal-metjonina.

Il-ksur twettaq

–        minn Frar 1986 sa Frar 1999.

[...]

Artikolu 3

Il-multi segwenti qegħdin jiġu imposti lill-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 għall-ksur ikkonstatat fl-imsemmi Artikolu:

–        Degussa [...], multa ta' EUR 118,125,000,

–        Nippon Soda [...], multa ta' EUR 9,000,000

[...]"

18      Għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, il-Kummissjoni, mingħajr ma rreferiet espliċitament għaliha, essenzjalment applikat il-metodoloġija pprovduta fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-"linji gwida") kif ukoll fil-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

19      Għall-finijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni kkunsidrat fl-ewwel lok, il-gravità tal-ksur. Hija kkonstatat li, fid-dawl tan-natura ta' l-imġiba in kwistjoni, ta' l-impatt tagħha fuq is-suq tal-metjonina u tal-portata tas-suq ġeografiku kkonċernat, l-impriżi koperti mid-Deċiżjoni kienu wettqu ksur gravi ħafna ta' l-Artikolu 81(1) KE u ta' l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE (premessi 270 sa 293).

20      Barra minn hekk, filwaqt li qieset li kien opportun li jingħata trattament differenti skond il-kapaċità ekonomika reali ta' l-impriżi li jippreġudikaw serjament il-kompetizzjoni u li tiffissa l-multa f'ammont li jiggarantixxi effett dissważiv suffiċjenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fid-dawl tad-differenzi kbar fid-daqs ta' l-impriżi, kien jeħtieġ li, bħala bażi, jittieħdu l-ishma tas-suq ta' l-istess impriżi fis-suq dinji tal-metjonina u li għalhekk Rhône-Poulenc u Degussa kienu jikkostitwixxu l-ewwel kategorija ta' impriżi u Nippon Soda t-tieni kategorija għaliha waħidha. Konsegwentement, il-Kummissjoni ffissat l-ammonti bażiċi tal-multi ta' Aventis/AAN u ta' Degussa bħala EUR 35 miljun u l-ammont bażiku tal-multa ta' Nippon Soda bħala EUR 8 miljuni (premessi 294 sa 302).

21      Bil-għan li tassigura li jkun hemm effett dissważiv suffiċjenti u li tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi l-kbar għandhom għarfien u infrastrutturi ġuridikoekonomiċi li jippermettulhom li jevalwaw aħjar in-natura illegali ta' l-imġiba tagħhom u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha mill-perspettivi tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni fl-aħħar nett qieset li l-ammont bażiku tal-multi, ikkalkulat skond id-daqs relattiv ta' l-impriża fis-suq in kwistjoni, imposti fuq Aventis/AAN u fuq Degussa kellu jiġi miżjud sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali rispettivi ta' dawn iż-żewġ impriżi. Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li kien opportun li l-ammont bażiku tal-multa ta' Aventis/AAN u ta' Degussa jiġi miżjud bil-100% għal EUR 70 miljun (premessi 303 sa 305).

22      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul taż-żmien tal-ksur, il-Kummissjoni qieset li Aventis/AAN, Degussa u Nippon Soda kienu pparteċipaw fil-ksur b'mod kontinwu minn Frar 1986 sa Frar 1999, jiġifieri għal tnax-il sena u għaxar xhur. L-ammonti bażiċi tal-multi stabbiliti skond il-gravità tal-ksur ġew konsegwentement miżjudin b'10% fis-sena u b'5% kull sitt xhur, jiġifieri b'125%. L-ammont bażiku tal-multa għalhekk ġie stabbilit bħala EUR 157.5 miljun fir-rigward ta' Aventis/AAN u ta' Degussa, u bħala EUR 18-il miljun fir-rigward ta' Nippon Soda (premessi 306 sa 312).

23      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kellhom jitqiesu l-ebda ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti fir-rigward ta' l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur (premessi 313 sa 331).

24      Fir-raba' u l-aħħar lok, il-Kummissjoni, b'applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, naqqset il-multa ta' Aventis/AAN b’100% skond it-Titolu B tal-komunikazzjoni msemmija. Mill-banda l-oħra, hija qieset li Nippon Soda u Degussa la kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal tnaqqis sostanzjali ta' l-ammont tal-multa skond it-Titolu B u lanqas dawk għal tnaqqis sostanzjali ta' l-ammont tal-multa skond it-Titolu Ċ tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Hija rrikonoxxiet madankollu li Nippon Soda kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni inċiżi tal-punt 2 tat-Titolu D ta' l-imsemmija komunikazzjoni u li Degussa kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel inċiż tal-punt 2 tat-Titolu D ta' l-istess komunikazzjoni u, konsegwentement, naqqset l-ammont tal-multi imposti fuq dawn l-impriżi b'50% u 25% rispettivament (premessi 332 sa 355).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      Ir-rikorrenti fetħet din il-kawża b'rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-16 ta' Settembru 2002.

26      Fit-13 ta' Diċembru 2002, il-Kunsill talab li jintervjeni fil-kawża. B'digriet tat-13 ta' Frar 2003, il-President tar-Raba' Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza laqa' l-intervent tal-Kunsill in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

27      B'deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, l-Imħallef Relatur ġie assenjat għat-Tielet Awla, li għaliha din il-kawża ġiet konsegwentement assenjata.

28      Fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu għal ċerti mistoqsijiet u sabiex jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet aderew għal din it-talba.

29      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tielet Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmulin mill-Qorti tal-Prim'Istanza waqt is-seduta tas-27 ta' April 2005.

30      Ir-rikorrenti qiegħda titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta lilha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

31      Il-Kummimssjoni qiegħda titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

32      Il-Kunsill qiegħed jitlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tiddeċiedi fuq l-ispejjeż skond il-liġi.

 Id-dritt

33      Ir-rikorrenti qiegħda essenzjalment tinvoka erba' argumenti in sostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel argument, li, fil-kuntest tiegħu, ir-rikorrenti teċċepixxi l-illegalità ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, huwa bbażat fuq il-vjolazzjoni tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni. It-tieni argument huwa bbażat fuq żball ta' evalwazzjoni fir-rigward tan-natura waħdanija u kontinwa u fir-rigward tad-dewmien tal-ksur li fih ipparteċipat ir-rikorrenti. It-tielet argument huwa bbażat fuq żbalji ta' evalwazzjoni, fuq żbalji tad-dritt, fuq żbalji ta' fatt u fuq il-ksur tal-prinċipji ta' proporzjonalità, ta' non retroattività tal-pieni u ta' trattament ugwali, u fuq l-obbligu li tingħata motivazzjoni fl-iffissar ta' l-ammont tal-multa. Fl-aħħar nett, ir-raba' argument huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta' "rispett tas-sigriet professjonali", ta' amministrazzjoni tajba u tal-preżunzjoni ta' l-innoċenza.

I –  Fuq l-ewwel argument, li huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' legalità tal-pieni

A –  Fuq l-eċċezzjoni dwar l-illegalità ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

1.     L-argumenti tal-partijiet

34      Ir-rikorrenti teċċepixxi l-illegalità fis-sens ta' l-Artikolu 241 KE u ssostni li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li jawtorizza lill-Kummissjoni timponi multi fil-każ ta' ksur tad-dritt komunitarju tal-kompetizzjoni, jikser il-prinċipju ta' legalità tal-pieni, bħala korollarju tal-prinċipju ta' ċertezza legali, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt komunitarju, u dan fid-dawl tal-fatt li din id-dispożizzjoni ma tirregolax minn qabel, b'mod suffiċjenti l-prassi deċiżjonali tal-Kummimssjoni.

35      Preliminarjament, ir-rikorrenti tfakkar li l-prinċipju ta’ legalità tal-pieni li huwa stabbilit fl-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-"KEDB") jipprovdi li "lanqas ma għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta r-reat kriminali jkun sar". Hija żżid li dan l-istess prinċipju (nulla poena sine lege) huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea adottata fis-7 ta' Diċembru 2000 f'Nizza (ĠU C 364, p. 1) (iktar ’il quddiem il-"Karta") u jagħmel parti integrali mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali ta' l-Istati Membri (ara, per eżempju, l-Artikolu 103(2) tal-Kostituzzjoni tal-Ġermanja). Skond l-interpretazzjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan il-prinċipju joħroġ kemm il-prinċipju ta' non retroattività kif ukoll dak tal-legalità tal-pieni (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, S.W. vs Ir-Renju Unit tat-22 ta' Novembru 1995, serje A Nru 335, § 35, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Diċembru 1996, X, C-74/95 u C-129/95, Ġabra p. I-6609, punt 25). Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ legalità tal-pieni joħroġ mill-prinċipju ta' ċertezza legali, prinċipju dan li huwa rikonoxxut bħala prinċipju ġenerali tad-dritt komunitarju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Novembru 1981, Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 10, u tat-22 ta' Frar 1984, Kloppenburg, 70/83, Ġabra p. 1075, punt 11) u jirrikjedi, b'mod partikolari, li l-leġiżlazzjoni komunitarja tkun ċara u prevedibbli għall-persuni suġġetti għad-dritt, u li, peress, fir-rigward ta' leġiżlazzjoni li jista' jkollha konsegwenzi finanzjarji, ir-rekwiżit ta' ċertezza u ta' prevedibbiltà huwa rekwiżit imperattiv li għandu jiġi applikat b'severità partikolari, bil-għan li jippermetti lill-persuni interessati jkunu jafu bl-eżatt il-portata ta' l-obbligi imposti fuqhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Marzu 1990, Il-Kummissjoni vs Franza, C-30/89, Ġabra p. I-691, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fir-rigward tal-kriterji li jippermettu li tiġi evalwata n-natura suffiċjentement ċerta u prevedibbli ta' "liġi", fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tal-KEDB, ir-rikorrenti tfakkar li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teżiġi li din tkun aċċessibbli għall-persuni kkonċernati u li tkun ifformulata b'mod preċiż biżżejjed biex tippermettilhom – ikkorroborata, jekk ikun hemm bżonn, b'pariri studjati - li jipprevedu, bi grad raġjonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-kwistjoni, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att partikolari. Madankollu, skond il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, liġi li tagħti marġni ta' diskrezzjoni ma tmurx, minnha nfisha, kontra dan ir-rekwiżit, sakemm il-portata u l-modalitajiet ta' l-eżerċizzju ta' poter bħal dan ikunu definiti bi kjarezza suffiċjenti, fid-dawl ta' l-għan leġittimu in kwistjoni, sabiex l-individwu jingħata protezzjoni adegwata kontra l-arbitrarjetà (sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Margareta u Roger Andersson vs L-Iżvezja tal-25 ta' Frar 1992, serje A Nru 226, § 75, u Malone vs Ir-Renju Unit tat-2 ta' Awwissu 1984, serje A Nru 82, § 66).

37      Ir-rikorrenti ssostni li l-prinċipju ta' legalità tal-pieni jista' jkun applikabbli kemm għas-sanzjonijiet penali kif ukoll għas-sanzjonijiet li ma jkunux ta' natura penali fis-sens strett tagħha, u għalhekk ukoll għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, u dan indipendentement mill-kwistjoni tan-natura ġuridika tal-multi imposti mill-Kummissjoni abbażi ta' din id-dipożizzjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li "sanzjoni, anki jekk mhux ta' natura penali, [setgħat] biss tiġi imposta jekk [kienet] ibbażata fuq bażi legali ċara u mhux ambigwa" (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Settembru 1984, Könecke, 117/83, Ġabra p. 3291, punt 11, u tat-18 ta' Novembru 1987, Maizena, 137/85, Ġabra p. 4587, punt 15). L-indikazzjoni li tinsab fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li tgħid li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multi għal ksur tad-dritt komunitarju tal-kompetizzjoni "m'għandhomx ikunu ta' natura ta' liġi penali", m'għandha l-ebda effett f'dan ir-rigward, peress li l-isem li jingħata lil miżura legali mhuwiex determinanti fl-evalwazzjoni ta' din ta' l-aħħar (sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Engel et vs L-Olanda tat-8 ta' Ġunju 1976, serje A Nru 22, § 81). Għall-kuntrarju, mill-gravità tal-multi imposti u mill-funzjoni repressiva u preventiva tagħhom jirriżulta li dawn huma essenzjalment ta' natura kważi penali, saħansitra penali fis-sens wiesa'.

38      Din l-interpretazzjoni hija konformi, barra minn hekk, ma' dik mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-kunċett ta' l-akkużi penali (sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Belilos vs L-Iżvizzera tad-29 ta’ April 1988, serje A Nru 132 § 62 u 68; Öztürk vs Il-Ġermanja tal-21 ta' Frar 1984, serje A Nru 73, § 46 et seq, u Engel et vs L-Olanda, punt 37 iktar ’l fuq, § 80 et seq), fejn jingħad li anki l-multi ta' ammont żgħir imposti f'kuntest ta' proċeduri amministrattivi huma ta' natura penali. Ir-rikorrenti tqis li dan huwa l-każ, a fortiori, tal-multi imposti mill-Kummissjoni għall-ksur tad-dritt komunitarji minħabba l-ammonti kbar tagħhom.

39      Ir-rikorrenti tfakkar li, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit tal- kjarezza legali huwa "partikolarment importanti f'qasam fejn kull inċertezza għandha r-riskju li tinvolvi [...] l-applikazzjoni ta' sanzjonijiet partikolarment sostanzjali" (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Lulju 1980, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, 32/79, Ġabra p. 2403, punt 46), li huwa l-każ tal-multi imposti bis-saħħa ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

40      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li mit-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni previst fl-Artikoli 83 KE u 85 KE jirriżulta li huwa l-Kunsill biss li huwa kompetenti sabiex jistabbilixxi r-regolamenti jew direttivi utli fl-applikazzjoni tal-prinċipji li jinsabu fl-Artikoli 81 KE u 82 KE. Ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ legalità tal-pieni għalhekk jimplikaw li l-Kunsill m'għandux dritt jiddelega lill-Kummissjoni l-poter tiegħu li jimponi multi fin-nuqqas ta' sistema stabbilita b'mod suffiċjenti.

41      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għandha fl-istess ħin poteri ta' investigazzjoni, ta' akkuża u ta' deċiżjoni. Poteri bħal dawn, li mhumiex konformi mat-tradizzjonijiet kostituzzjonali ta' l-Istati Membri, għandhom ikunu ċirkuskritti b'regoli ċari u inekwivoċi. Ir-rikorrenti għalhekk tqis li r-regolament li huwa applikabbli l-Artikoli 81 KE u 82 KE tal-Kunsill għandu jiddefinixxi preċiżament il-portata, l-għan u l-intensità tas-sanzjonijiet. Barra minn hekk, il-prinċipju ta' legalità tal-pieni jirrikjedi li jiġi stabbilit limitu, li m'għandux ikun eċċessivament għoli sabiex il-multa ma tiġix meqjusa bħala ta' natura penali. Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn ma jkunx hemm limitu għall-multa, din ma tkunx stabbilita mill-Kunsill minn qabel, iżda imposta mill-Kummissjoni bħala l-awtorità eżekuttiva.

42      Ir-rikorrenti tqis li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma jissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta' legalità tal-pieni deskritti hawn fuq.

43      Fl-ewwel lok, hija ssostni li r-regolament Nru 17 ma jipprovdix għall-każijiet fejn il-ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE għandu jkun is-suġġett ta' multa, u jħalli lill-Kummissjoni l-poter diskrezzjonali li tiddeċiedi dwar jekk huwiex opportun li tiġi imposta multa. F'dan ir-rigward, hija tfakkar is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Lulju 1979, BMW Belgium et vs Il-Kummissjoni (32/78, 36/78 sa 82/78, Ġabra p. 2435, punt 53), fejn jingħad li l-Kummissjoni għandha libertà totali fl-eżerċizzju tal-poter diskrezzjonali li hija tgawdi sabiex tiddeċiedi jekk timponi jew ma timponix multa.

44      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma fihx limitu kkwantifikat. Ir-rikorrenti b'hekk tqis li dan mhuwiex kompatibbli mal-prinċipju ta' legalità tal-pieni u jikkostitwixxi trasferiment ta' kompetenza li, skond it-Trattat, hija tal-Kunsill, lill-Kummissjoni. Fir-realtà, l-ammont tal-multa mhuwiex stabbilit minn qabel mir-Regolament iżda esklużivament mill-Kummissjoni u dan b'mod li la huwa prevedibbli u lanqas verifikabbli (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, punt 35 iktar il fuq, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-ħtieġa li jiġi assigurat l-effett dissważiv tal-multa ma tistax tiġġustifika dan in-nuqqas ta' limitu assolut safejn dan ir-rekwiżit għandu jiġi rrikonċiljat mal-prinċipju ta' legalità tal-pieni, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt komunitarju li huwa ta' valur ġuridiku ogħla (sentenzi Kloppenburg, punt 35 iktar ’il fuq, punt 11, u Salumi et, punt 35 iktar ’il fuq, punt 10).

45      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tosserva n-nuqqas ta' kriterji, stabbiliti mil-leġiżlatur, għall-iffissar tal-multa, apparti l-gravità u d-dewmien tal-ksur. Fil-prattika, dawn iż-żewġ kriterji m'għandhom ebda effett restrittiv fuq il-poter diskrezzjonali tal-Kummissjoni. Fil-fatt, minn banda, il-Kummissjoni mhijiex marbuta b'xi lista vinkolanti jew eżawrijenti ta' kriterji li għandhom bilfors jittieħdu in kunsiderazzjoni (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra p. I-1611, punt 54 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punt 33; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra. p. II-1487, punt 443) u, mill-banda l-oħra, il-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni numru ta' fatturi aggravanti jew attenwanti li l-persuni suġġetti għad-dritt ma jistgħux ikunu jafu bihom minn qabel.

46      Barra minn hekk, ir-rekwiżiti bbażati fuq l-osservanza tal-prinċipju tat-trattament ugwali ma jwasslux sabiex jagħmlu tajjeb għal din l-impreċiżjoni fid-dawl tal-fatt li, skond il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni mhijiex obbligata li tieħu ħsieb li l-ammont finali tal-multa jirrifletti d-differenzi fil-fatturat bejn l-impriżi kkonċernati (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II-1705, punt 278).

47      L-argument tar-rikorrenti huwa sostnut minn sentenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża) fejn ingħad li regola penali li tipprovdi bħala l-massimu tal-piena il-patrimonju tal-persuna kkundannata għandha tiġi annullata minħabba li tmur kontra l-prinċipju ta' legalità tal-pieni (sentenza ta' l-20 ta' Marzu 2002, BvR 794/95, NJW 2002, p. 1779). Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-Kunsill, l-Artikolu 81(2) tal-liġi Ġermaniża fuq ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni [Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (GWB)] ma fiha l-ebda dispożizzjoni li hija analoga għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, peress li l-leġiżlatur kien volontarjament irrinunzja għal dispożizzjoni bħal din.

48      Fir-raba' lok, ir-rikorrenti tindika li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni turi l-fondatezza ta' l-argument tagħha. Din il-prassi hija kkaratterizzata minn differenzi sostanzjali bejn l-ammonti tal-multi imposti u minn żieda drastika u reċenti ta' l-ammonti msemmijin. Hija għalhekk tosserva, b'mod partikolari, li tmienja mill-ikbar għaxar multi ġew imposti wara l-1998 u li multa rekord ta' EUR 855.23 miljun, li minnhom EUR 462 miljun kienet multa imposta fuq impriża waħda, ġiet imposta fl-2001 fil-kawża magħrufa bħala tal-"Vitamini" [deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2001) 3695 finali, tal-21 ta' Novembru 2001, każ COMP/E-1/37.512]. Dan l-aħħar ammont huwa ħmistax-il darba akbar mill-medja tal-multi imposti bejn l-1994 u l-2000 u t-tieni l-akbar multa [deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2001) 4573 finali, COMP/E-1/36.212 – Papier autocopiant] għas-sena 2001 hija wkoll sitt darbiet dak l-ammont medju.

49      Fil-ħames lok, ir-rikorrenti tqis li s-sistema eżistenti ma tistax tiġi ġġustifikata mill-effett dissważiv neċessarju li l-multi fir-rigward ta' l-impriżi għandhom ikollhom. Fil-fatt, minn banda, ir-rikorrenti tammetti li, għalkemm l-ammont eżatt tal-multa m'għandux ikun determinabbli minn qabel, madankollu l-għan li jkun hemm deterrent ma jawtorizzax lill-Kunsill li jonqos milli "jindika biċ-ċar il-limiti tal-kompetenza mogħtija lill-Kummissjoni". Mill-banda l-oħra, hija tosserva li n-nuqqas ta' minimu ta' prevedibbiltà tal-multa għandu, fir-realtà, l-effett li jiddiswadi lill-impriżi milli jikkooperaw mal-Kummissjoni. Il-possibbiltà li jiġu meqjusa, anki jekk b'mod approssimattiv, il-konsegwenzi potenzjali ta' imġiba tassigura aħjar, mill-banda l-oħra, l-effett dissważiv mixtieq, bħalma jagħmlu l-liġijiet penali nazzjonali.

50      Fis-sitt lok, ir-rikorrenti ssostni li l-linji gwida ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jagħmlu tajjeb għall-illegalità ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Minn banda, l-imsemmijin linji gwida ma jistgħux, fil-fehma tagħha, jikkostitwixxu miżura legali fis-sens ta' l-Artikolu 249 KE u, mill-banda l-oħra, huwa biss il-Kunsill li huwa awtorizzat jadotta dispożizzjonijiet f'dan il-qasam, skond l-Artikolu 83 KE. Hija tqis li huwa għalhekk il-Kunsill li għandu josserva l-prinċipju ta’ legalità tal-pieni. Għall-istess raġunijiet, il-ġurisdizzjoni illimitata li l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħmel tajjeb għall-illegalità ta' l-Artikolu 15(2) ta' l-istess Regolament. Fil-fatt, ir-rikorrenti tfakkar li, minkejja din il-ġurisdizzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha, fl-ewwel lok, tiffissa l-ammont tal-multa u li tistabbilixxi l-fatti matul il-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tfakkar li l-impreċiżjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u n-nuqqas ta' kriterji ta' stħarriġ iwasslu biex ixejnu l-kompetenza sħiħa mogħtija lill qrati komunitarji minn kull sens. Ir-rikorrenti tinnota, fl-aħħar nett, li l-persuni suġġetti għad-dritt mhumiex meħtieġa li jirrikorru sistematikament għall-Qorti minħabba li l-kuntest legali ta' l-impożizzjoni tal-multi mhuwiex adegwatament stabbilit. Hija żżid li l-kompensazzjoni mill-qrati komunitarji għall-iżbalji tal-leġiżlatur jeċċedu l-inkarigu tal-ġurisprudenza u għalhekk huwa kontestabbli fid-dawl ta' l-Artikolu 7(1) KE.

51      Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti tar-rikorrenti huma infondati.

52      Hija tenfasizza li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jikkostitwixxi bażi ġuridika ċara u nieqsa minn kull ambigwità li tippermetti lill-impriżi li jipprevedu l-konsegwenzi possibbli ta' l-atti tagħhom bi preċiżjoni suffiċjenti.

53      Barra minn hekk, hija tfakkar li l-poter diskrezzjonali li hija tgawdi għandu jiġi eżerċitat in osservanza tal-kriterji ta' gravità u ta' dewmien tal-ksur preskritti f'dan l-Artikolu, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt komunitarju, b'mod partikolari l-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Il-Kummissjoni b'hekk issostni li hija għandha tosserva imsemmija prinċipji kull darba li hija tagħmel użu mill-poter diskrezzjonali tagħha (ara, fir-rigward ta' l-osservanza tal-prinċipju ta' trattament ugwali, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, Brugg Rohrsysteme vs Il-Kummissjoni, T-15/99, Ġabra p. II-1613, punti 149 et seq, u tad-9 ta' Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T-224/00, Ġabra p. II-2597, punti 69, 207, 281 u 308; il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Ruiz Jarabo Colomer fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, p. I-133, punti 96 et seq).

54      Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, mis-sentenza BMW Belgium et vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi dedott, f'dan ir-rigward, li dan l-istħarriġ ma japplikax għad-deċiżjoni li tiġi jew ma tiġix imposta multa. Fil-fatt, f'din il-kawża, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-possibbiltà li l-Kummissjoni timponi multa fuq il-bejjiegħa mill-ġdid filwaqt li hija ma kinitx għamlet dan f'kawżi preċedenti ma jfissirx li l-poter tal-Kummissjoni li timponi jew ma timponix multa huwa bla limitu, peress li dan il-poter għandu jiġi eżerċitat abbażi ta' raġunijiet oġġettivi li jikkorrispondu ma' l-iskop tad-dispożizzjoni li tagħti lill-Kummissjoni l-imsemmi poter.

55      Ir-rikorrenti mhijiex iġġustifikata li tinvoka l-fatt li d-Deċiżjoni hija "deċiżjoni sorpriża", safejn il-funzjoni dissważiv tal-multa timplika li l-istess multa ma tistax tiġi kkalkulata minn qabel mill-impriżi u pparagunata mal-qliegħ mistenni. Il-Kummissjoni tfakkar li, f'kull każ, ir-rikorrenti ma kinitx iġġustifikata li jkollha aspettattiva leġittima fil-fatt li hija ma kinitx ser tiġi imposta multa ogħla mill-iktar multi għoljin imposti matul il-ksur (sentenzi LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 241, u Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punti 63 u 64).

56      Barra minn hekk, il-kompetenza sħiħa tal-Qorti tal-Prim'Istanza kif ukoll l-adozzjoni tal-linji gwida f'Jannar 1998, liema linji gwida ġew iddikjarati kompatibbli ma' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, jikkuntradixxu l-pożizzjoni tar-rikorrenti li l-iffissar tal-multa huwa arbitrarju u mhuwiex trasparenti.

57      Fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, minħabba l-kriterji, kif interpretati mill-qrati komunitarji, li huwa jsemmi u r-rekwiżit ta' l-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt komunitarju, jikkostitwixxi bażi ġuridika suffiċjentement definita fir-rigward ta' l-għan ta' l-impożizzjoni tal-multi, il-Kunsill lanqas ma jista' jiġi akkużat li ttrasferixxa kompetenza lill-Kummissjoni bi ksur tat-Trattat. L-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-linji gwida ma jistgħux jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta' determinazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwa għalhekk infondat. Dawn il-linji gwida tejbu, barra minn hekk, iċ-ċertezza legali u t-trasparenza tal-proċedura deċiżjonali.

58      Fl-aħħar nett, fir-rigward taż-żieda ta' l-ammont tal-multi matul l-aħħar snin, il-Kummissjoni tosserva, minn banda, li ż-żieda fil-fatturat ta' l-impriżi mis-snin 60 tiġġustifika minnha nfisha l-flessibbiltà li ngħatat lill-Kummissjoni mid-dispożizzjoni kkontestata u, mill-banda l-oħra, li, skond ġurisprudenza stabbilita (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punti 108 u 109; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 237, u tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, T-202/98, T-204/98 u T-207/98, Ġabra p. II-2035, punti 144 u 145), il-Kummissjoni għandha tkun tista' tgħolli l-ammont tal-multi sabiex tkun tista’ ssaħħaħ l-effett dissważiv tagħhom. Dan il-poter diskrezzjonali mhuwiex, madankollu, bla limitu, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim'Istanza jeżaminaw jekk iż-żidiet deċiżi mill-Kummissjoni humiex iġġustifikata mill-interess allegat (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Sarrió vs Il-Kummissjoni, T-334/94, Ġabra p. II-1439, punti 323 sa 335, u ta' l-20 ta' Marzu 2002, Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, T-16/99, Ġabra p. II-1633, punt 251). Hija tinnota, fl-aħħar nett, li, minkejja din iż-żieda fil-multi, il-ksur manifest, gravi u ta' dewmien twil jibqa' relattivament frekwenti.

59      Il-Kunsill, li intervjena fil-kawża, isostni li l-eċċezzjoni ta' illegalità ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Il-Kunsill jirrikonoxxi li multa, anki jekk ma tkunx ta' natura penali, għandha tkun ibbażata fuq bażi legali ċara u mhux ambigwa. Huwa madankollu jikkunsidra li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 jissodisfa dan ir-rekwiżit. Huwa jfakkar barra minn hekk li l-prinċipju nulla poena sine lege huwa intiż li huwa applikabbli biss għas-sanzjonijiet penali; li mhuwiex il-każ ta' multi imposti bis-saħħa ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, skond l-Artikolu 15(4) ta' l-istess Regolament. Ir-rekwiżiti bbażati fuq dan il-prinċipju ma jistgħux għalhekk jiġu applikati f'din il-kawża (ara s-sentenza Maizena, punt 37 iktar ’il fuq, punt 14; u s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Welch vs Ir-Renju Unit tad-9 ta' Frar 1995, serje A Nru 307).

60      Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li l-ammont tas-sanzjoni huwa suffiċjentement stabbilit peress li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jipprevedi limitu fuq il-multa skond il-fatturat ta' l-impriża kkonċernata. Mhuwiex opportun li jkun hemm limitu assolut peress li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jikkonċernaw każijiet partikolari. Il-poter diskrezzjonali tal-Kummissjoni, mhuwiex assolut, iżda limitat mit-teħid in kunsiderazzjoni obbligatorju tal-kriterji tad-dewmien u tal-gravità tal-ksur previsti fl-imsemmi Artikolu. Il-Kummissjoni għalhekk hija suġġetta għar-rispett tal-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' non diskriminazzjoni.

61      Il-Kunsill iqis li jkun diffiċli li jiġi ddefinit kuntest iktar restrittiv li jippermetti li jittieħdu in kunsiderazzjoni ċirkustanzi konnessi mal-kuntest ta' kull ksur partikolari u li jiżguraw effett dissważiv adegwat. Il-Qorti tal-Prim'Istanza, barra minn hekk, qatt ma qajmet dubju dwar il-validità ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u pjuttost ikkonfermatu (sentenza Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punti 98 sa 101).

62      Fir-rigward ta' l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-prassi tal-Kummissjoni hija kkaratterizzata minn differenzi sostanzjali ħafna fl-ammonti tal-multi imposti u minn żieda sostanzjali u reċenti, il-Kunsill jirrileva li kull ma jagħmlu dawn il-konstatazzjonijiet huwa li jirriflettu l-fatt li l-impriżi in kwistjoni għandhom fatturati differenti u li d-daqs ta' l-impriżi kkonċernati qiegħed jiżdied.

63      Huwa wkoll żbaljat li jiġi affermat li l-Kummissjoni tiġbor fiha l-funzjonijiet ta' awtorità investigattiva, akkużatriċi u ġudikattiva peress li hija suġġetta għall-istħarrġ sħiħ tal-qrati u b'hekk ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ġudikant u parti.

64      L-istess huwa applikabbli għall-affermazzjoni li l-Kunsill iddelega lill-Kummissjoni l-kompetenza tiegħu għall-istabbiliment ta' multi. Fil-fatt, il-Kunsill ifakkar li d-delegazzjoni li saret lill-Kummissjoni tikkonċerna biss il-kompetenza li tadotta deċiżjonijiet abbażi ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li fil-fatt jikkostitwixxi l-espressjoni tal-kompetenza tal-Kunsill. Dan huwa konformi mat-tielet inċiż ta' l-Artikolu 202 KE.

65      Fl-aħħar nett, il-Kunsill josserva li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, fl-Istati membri, b'mod partikolari, fl-Iżvezja u fil-Ġermanja, jeżistu regoli paragunabbli.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

66      Għandu jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta' legalità tal-pieni huwa korollarju tal-prinċipju ta' ċerteżża legali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt komunitarju u li jirrikjedi, b'mod partikolari, li kull leġiżlazzjoni komunitarja, b'mod partikolari meta din timponi jew tippermetti li jiġu imposti xi sanzjonijiet, tkun ċara u preċiża, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jkunu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnha u konsegwentement ikunu jistgħu jieħdu l-provvedimenti tagħhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Lulju 1981, Gondrand Frères u Garancini, 169/80, Ġabra p. 1931, punt 17; Maizena, punt 37 iktar ’il fuq, punt 15; tat-13 ta' Frar 1996, van Es Douane Agenten, C-143/93, Ġabra p. I-431, punt 27, u X, punt 35 iktar ’il fuq, punt 25).

67      Dan il-prinċipju, li jagħmel parti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta' l-Istati membri u li ġie sanċit minn diversi trattati internazzjonali, b'mod partikolari mill-Artikolu 7 tal-KEDB, huwa applikabbli kemm għan-normi ta' natura penali kif ukoll għall-istrumenti amministrattivi speċifiċi li jimponu jew li jippermettu li jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi (ara s-sentenza Maizena, punt 37 iktar ’il fuq, punti 14 u 15, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa japplika mhux biss għan-normi li jistabbilixxu l-elementi kostituttivi ta’ ksur, iżda wkoll għal dawk li jistabbilixxu l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-ksur ta' l-istess (ara, f'dan is-sens, is-sentenza X, punt 35 iktar ’il fuq, punti 12 u 15).

68      F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skond l-Artikolu 7(1) tal-KEDB:

"Ħadd ma għandu jitqies li jkun ħati ta’ reat kriminali minħabba f’xi att jew ommissjoni li ma kinux jikkostitwixxu reat kriminali skond liġi nazzjonali jew internazzjonali fil-ħin meta jkun sar. Lanqas ma għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta r-reat kriminali jkun sar".

69      Skond il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-liġi għandha tiddefinixxi biċ-ċar il-ksur u l-pieni li jippenalizzah. Din il-kundizzjoni tkun sodisfatta jekk il-persuna suġġetta għad-dritt, mill-kliem użat fid-dispożizzjoni rilevanti u, jekk ikun hemm bżonn, bl-għajnuna ta' l-interpretazzjoni li tingħatalha mill-qrati, tkun tista' tkun taf liema atti u omissjonijiet jattiraw ir-responsabbiltà penali tagħha (sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Coëme vs Il-Belġju tat-22 ta' Ġunju 2000, Ġabra ta' sentenzi u deċiżjonijiet, 2000-VII, § 145).

70      Il-Kunsill isostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tispira ruħha mill-Artikolu 7(1) tal-KEDB u mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar dan l-artikolu biex tanalizza l-legalità ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 15(4) tar-Regolament Nru 17 jiddisponi li d-deċiżjonijiet meħudin mill-Kummissjoni, b'mod partikolari, abbażi tal-paragrafu 2 ta' din id-dispożizzjoni, m'għandhomx natura ta' liġi penali.

71      Mingħajr ma hemm bżonn jiġi deċiż jekk, b'mod partikolari minħabba n-natura u l-livell ta' severità tal-multi imposti mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, l-Artikolu 7(1) tal-KEDB huwiex intiż li huwa applikabbli għal sanzjonijiet bħal dawn, għandu jiġi kkonstatat li, anki fl-ipoteżi li l-Artikolu 7(1) tal-KEDB kellu jiġi kkunsidrat bħala applikabbli għal sanzjonijiet bħal dawn, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li, biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta' din id-dispożizzjoni, mhuwiex meħtieġ li t-termini tad-dispożizzjonijiet li fuqhom ikunu bbażati dawn is-sanzjonijiet ikunu tant preċiżi li l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw mill-ksur ta' dawk id-dispożizzjonijiet jkunu prevedibbli b'ċertezza assoluta.

72      Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-eżistenza ta' termini vagi fid-dispożizzjoni ma tinvolvix bilfors ksur ta' l-Artikolu 7 tal-KEDB u l-fatt li xi liġi tagħti marġni ta' diskrezzjoni ma jikkontrastax minnu nnifsu mar-rekwiżit ta' prevedibbiltà, dejjem jekk il-portata u l-modalitajiet ta' l-eżerċizzju ta' poter bħal dan jinsabu ddefiniti bi kjarezza adegwata, fid-dawl ta' l-iskop leġittimu in kwistjoni, sabiex joffru lill-individwu protezzjoni adegwata kontra l-arbitrarjetà (sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Margareta u Roger Andersson vs L-Iżvezja, punt 36 iktar ’il fuq, § 75). Fuq dan is-suġġett, apparti t-test tal-liġi nfisha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tieħu in kunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk il-kunċetti indeterminati użati ġewx spjegati minn ġurisprudenza stabbilita, li hija ppubblikata (sentenza G vs Franza, tas-27 ta' Settembru 1995, serje A Nru 325-B, § 25).

73      Barra minn hekk, it-teħid in kunsiderazzjoni tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri ma jwassalx sabiex tingħata interpretazzjoni differenti lill-prinċipju ta’ legalità tal-pieni, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt komunitarju. Fir-rigward ta' l-argumenti tar-rikorrenti li huma bbażati fuq is-sentenza tal-Bundesverfassungsgericht ta' l-20 ta' Marzu 2002 (punt 47 hawn fuq), anki kieku wieħed kellu jissupponi li din tista' tkun rilevanti fil-kuntest tal-multi imposti lil impriżi minħabba ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni, u fuq l-Artikolu 81(2) tal-GWB, li ma fih ebda dispożizzjoni simili għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li ma tistax tiġi dedotta tradizzjoni kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri mis-sitwazzjoni ġuridika ta' Stat Membru wieħed. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, mill-banda l-oħra, kif fil-fatt josserva l-Kunsill mingħajr ma ġie kkontestat fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li, għall-kuntrarju, għall-għoti ta' sanzjonijiet amministrattivi bħal dawk li jiġu imposti minħabba l-ksur tar-regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni, id-dritt rilevanti ta' Stati Membri oħra jinkludi livell ta' delimitazzjoni paragunabbli ma' dak li jinsab fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, u saħansitra kriterji li jixbhu jew li huma identiċi għal dawk previsti minn din id-dispożizzjoni komunitarja, bil-Kunsill li jiċċita f'dan ir-rigward l-eżempju tar-Renju ta' l-Iżvezja.

74      Għal dak li għandu x'jaqsam mal-validità ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 fir-rigward tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni, kif ġie rikonoxxut mill-qrati Komunitarji skond l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-KEDB u mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali ta' l-Istati membri, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta' dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tgawdix minn marġni ta' diskrezzjoni bla limitu fl-iffissar tal-multi għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

75      Fil-fatt, l-istess Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jillimita l-poter diskrezzjonali tal-Kummissjoni. Minn banda, bil-preċiżazzjoni li "il-Kummissjoni tista', perme[zz] ta' deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi multi minn [EUR 1,000] sa [EUR 1,000,000], jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % tat-turnover fis-sena ta' negozju preċedenti ta' kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur", huwa previst limitu fuq il-multi skond il-fatturat ta' l-impriżi kkonċernati, jiġifieri skond kriterju oġġettiv. B'hekk, jekk, kif tindika r-rikorrenti, ma jeżistix limitu assolut li huwa applikabbli għal kull tip ta' ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-multa li tista' tiġi imposta għandha madankollu limitu kalkolabbli u assolut, li huwa kkalkulat skond kull impriża, għal kull każ ta' ksur, b'mod li l-ammont massimu tal-multa li tista' tiġi imposta lil impriża partikolari huwa determinabbli minn qabel. Mill-banda l-oħra, din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Kummissjoni li tiffissa l-multi f'kull każ billi tieħu in kunsiderazzjoni "kemm il-gravit[à] kif ukoll id-dewmien tal-ksur".

76      Għalkemm huwa minnu li dawn iż-żewġ kriterji jħallu lill-Kummissjoni marġni wiesa' ta' diskrezzjoni, xorta waħda jibqa' l-fatt li dawn huma kriterji kkonstatati minn leġiżlaturi oħrajn għal dispożizzjonijiet simili, li jippermettu lill-Kummissjoni li tadotta sanzjonijiet filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni l-grad ta' illegalità ta' l-imġiba in kwistjoni. Għaldaqstant, jeħtieġ li, f'dan l-istadju, jiġi kkunsidrat, li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, filwaqt li jħalli ċertu marġni ta' diskrezzjoni lill-Kummissjoni, jiddefinixxi l-kriterji u l-limiti li hija marbuta bihom fl-eżerċizzju tal-poter tagħha fil-qasam tal-multi.

77      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fl-iffissar tal-multi skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni hija obbligata tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt, b'mod partikolari l-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' proporzjonalità, kif ġew żviluppati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

78      Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, il-limiti fuq il-poter diskrezzjonali tal-Kummissjoni li jinsabu deskritti hawn fuq japplikaw ukoll għad-deċiżjoni li tiġi jew ma tiġix imposta multa, b'mod partikolari meta l-Kummissjoni tapplika l-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li l-validità tagħha, barra minn dan, mhijiex ikkontestata. F'dan ir-rigward, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza ċċitata mir-rikorrenti (sentenza BMW Belgium et vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 53), irrikonoxxiet li l-fatt li, f'kawżi simili preċedenti, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li kien hemm lok li timponi multa lil ċerti operaturi ekonomiċi, ma kienx iċaħħadha minn dan il-poter li huwa rikonoxxut espressament mir-Regolament Nru 17, peress li l-kundizzjonijiet rikjesti għall-eżerċizzju tal-poter diskrezzjonali kienu sodisfatti, u ma jfissirx li l-Kummissjoni tiddisponi minn poter diskrezzjonali li ma timponix multa, mingħajr ma tkun marbuta li tirrispetta, minn banda, il-limitazzjoni li għamlet hi stess fuq l-eżerċizzju tal-poter diskrezzjonali tagħha li jirriżulta mil-linji gwida u mill-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u fuq kollox, mill-banda l-oħra, il-prinċipji ġenerali tad-dritt, b'mod partikolari, il-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' proporzjonalità, kif ukoll, b'mod ġenerali, ta' l-effettività ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE u tal-prinċipju ta’ kompetizzjoni ħielsa li jirriżulta mill-Artikolu 4(1) KE.

79      Jeħtieġ ukoll li jingħad li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 229 KE u ta' l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim'Istanza jiddeċiedu b'kompetenza sħiħa fuq il-kawżi diretti kontra d-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tistabbilixxi multi u jistgħu b'hekk mhux biss jannullaw id-deċiżjonijiet meħudin mill-Kummissjoni, imma wkoll jeliminaw, inaqqsu jew iżidu l-multa imposta. B'hekk il-prassi amministrattiva tal-Kummissjoni hija suġġetta għall-istħarriġ sħiħ tal-qrati Komunitarji. Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, dan l-istħarriġ ma jwassalx lill-qrati Komunitarji sabiex jeċċedu l-kompetenzi tagħhom bi ksur ta' l-Artikolu 7(1) KE, fid-dawl tal-fatt li, minn banda, tali stħarriġ huwa previst espressament mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, li l-validità tagħhom mhijiex ikkontestata, u mill-banda l-oħra, il-qrati Komunitarji jeżerċitawh skond il-kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Għaldaqstant, l-istħarriġ magħmul mill-qrati Komunitarji ppermetta, permezz ta' ġurisprudenza stabbilita u ppubblikata, li jiġu ppreċiżati l-kunċetti indeterminati li seta' jkun fih Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

80      Barra minn hekk, abbażi tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u li ġew ippreċiżati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni stess żviluppat prassi amministrattiva magħrufa u aċċessibbli. Għalkemm il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sservix fiha nfisha bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, T-241/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 87, u l-ġurisprudenza ċċitata), madankollu, xorta waħda, bis-saħħa tal-prinċipju ta' trattament ugwali, il-Kummissjoni ma tistax tittratta sitwazzjonijiet paragunabbli b'mod differenti jew sitwazzjonijiet differenti b'mod identiku, sakemm trattament bħal dan ma jkunx iġġustifikat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II-1129, punt 309).

81      Barra minn hekk, skond ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni tista' dejjem tvarja l-livell tal-multi jekk l-applikazzjoni effettiva tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni jkunu jeħtieġu dan (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 109, u s-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punti 236 u 237), peress li tibdil bħal dan fi prassi amministrattiva jista' b'hekk jiġi kkunsidrat bħala oġġettivament iġġustifikat minħabba l-għan ta' prevenzjoni ġenerali tal-ksur tar-regoli komunitarji tal-kompetizzjoni. Iż-żieda reċenti fil-livell tal-multi li ġiet allegata u kkontestata mir-rikorrenti ma tistax, għalhekk, minnha nfisha, tiġi kkunsidrata bħala illegali fil-konfront tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni, peress li din tibqa' fil-kuntest legali ddefinit mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 kif interpretat mill-qrati komunitarji.

82      Barra minn hekk, jeħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni, li fit-tama għat-trasparenza u bil-għan li tiżdied iċ-ċertezza legali ta' l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida li fihom hija stabbilixxiet il-metodu ta' kalkolu li hija imponiet fuqha stess f'kull każ partikolari. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, barra minn hekk li, meta l-Kummissjoni adottat dawn ir-regoli ta' kondotta u meta, bil-pubblikazzjoni tagħhom, iddikjarat li hija kienet, minn dak il-mument ’il quddiem, ser tapplikahom għall-każijiet milqutin minnhom, hija llimitat lilha nfisha fl-eżerċizzju tal-poter diskrezzjonali tagħha u ma tistax ma tapplikax dawn ir-regoli taħt piena li tiġi ppenalizzata, jekk ikun il-każ, talli kisret il-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma t-trattament ugwali u l-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, għalkemm il-linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni, huma jiddeterminaw, b'mod ġenerali u astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni stabbilixxiet għaliha nfisha għall-finijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont tal-multi imposti b'dik id-Deċiżjoni u jassiguraw, konsegwentement, iċ-ċerteżża legali ta' l-impriżi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 211 u 213). Minn dan isegwi li, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, l-adozzjoni tal-linji gwida mill-Kummissjoni, safejn din taqa' fil-kuntest legali impost mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala vvizzjata b'inkompetenza u kkontribwixxiet biss sabiex tippreċiża l-limiti ta' l-eżerċizzju tal-poter diskrezzjonali tal-Kummissjoni li jirriżulta diġà minn din id-dispożizzjoni.

83      B'hekk, fid-dawl tad-diversi elementi rrilevati hawn fuq, operatur prudenti, jekk ikun hemm bżonn, wara li jieħu parir legali, jista' jipprevedi b'mod suffiċjentement preċiż il-metodu u t-tip tad-daqs tal-multi li huwa jinkorri għal imġiba partikolari. Il-fatt li dan l-operatur ma jistax ikun jaf bl-eżatt, minn qabel, il-multi li l-Kummissjoni ser timponi f'kull każ ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta' legalità tal-pieni, fid-dawl tal-fatt li, minħabba l-gravità tal-ksur li l-Kummissjoni hija marbuta li tissanzjona, l-għanijiet ta' ripressjoni u ta' prevenzjoni jiġġustifikaw il-fatt li jiġi evitat li l-impriżi jkunu f'pożizzjoni li jevalwaw il-benefiċċji li huma jkunu ser jieħdu mill-parteċipazzjoni tagħhom fi' ksur billi jikkunsidraw, minn qabel, l-ammont tal-multa li tkun ser tiġi imposta lilhom minħabba din l-imġiba illegali.

84      F'dan ir-rigward, anki jekk l-impriżi ma jkunux f'pożizzjoni li jkunu jafu, minn qabel, bl-eżatt l-ammont tal-multi li l-Kummissjoni ser timponi f'kull każ partikolari, għandu jiġi nnutat li, skond l-Artikolu 253 KE, fid-deċiżjoni li timponi multa, il-Kummissjoni hija obbligata, u dan minkejja l-kuntest ġeneralment magħruf tad-deċiżjoni, li tagħti motivazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-ammont tal-multa imposta u fir-rigward tal-metodu magħżul f'dan ir-rigward. Din il-motivazzjoni għandha turi b'mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-Kummissjoni b'mod li tippermetti lill-persuni interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet wara l-miżura li tkun ittieħdet bil-għan li jevalwaw jekk ikunx opportun li jressqu kawża quddiem il-qrati komunitarji u, jekk ikun il-każ, li jippermettu lill-istess qrati li jagħmlu l-istħarriġ tagħhom.

85      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-argument fejn jingħad li bid-definizzjoni tal-kuntest tal-multa skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kunsill, fil-fatt, ittrasferixxa lill-Kummissjoni kompetenza li għandu skond it-Trattat, bi ksur ta' l-Artikoli 83 KE u 229 KE, għandu jiġi kkunsidrat li dan huwa totalment infondat.

86      Minn banda, kif diġà ġie espost qabel, għalkemm l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jħalli lill-Kummissjoni diskrezzjoni wiesa’, huwa jillimita madankollu l-eżerċizzju tagħha billi jistabbilixxi kriterji oġġettivi li l-Kummissjoni hija marbuta li żżomm magħhom. Mill-banda l-oħra, għandu jiġi mfakkar, hekk kif osserva l-Kunsill waqt is-seduta, li r-Regolament Nru 17 ġie adottat abbażi ta' l-Artikolu 83(1) KE li jipprovdi li "l-Kunsill, wara li jikkonsulta l-Assemblea u b’votazzjoni unanima fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jagħmel ir-regolamenti jew id-direttivi xierqa għall-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 85 [KE] u 86 [KE]". Dawn ir-regolamenti jew direttivi, skond l-Artikolu 83(2)(a) u (d) KE, huma maħsuba, b'mod partikolari, sabiex "jassiguraw l-osservanza tal-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 81(1)[KE] u fl-Artikolu 82[KE], bl-istituzzjoni ta’ multi jew penali perjodiċi", u li "jispeċifikaw il-kompiti rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu". Għandu jiġi mfakkar, barra minn hekk, li, skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 211 KE, il-Kummissjoni "tissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità bis-saħħa tagħhom" u li, skond it-tielet inċiż ta' dan l-istess artikolu, hija tgawdi minn "kompetenza indipendenti ta' deċiżjoni".

87      Minn dan isegwi li l-poter li jiġu imposti multi f'każ ta' ksur ta' l-Artikolu 81 KE u 82 KE ma jistax jitqies li jappartjeni oriġinarjament lill-Kunsill, li ttrasferieh jew iddelega l-eżekuzzjoni tiegħu lill-Kummissjoni, fis-sens tat-tielet inċiż ta' l-Artikolu 202, KE. Skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat iċċitati qabel, dan il-poter fil-fatt jaqa' f'kompitu li huwa tal-Kummissjoni stess li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dritt komunitarju, b'dan il-kompitu li ġie ppreċiżat, inkwadrat u fformalizzat, fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE, mir-Regolament Nru 17. Il-poter li dan ir-Regolament jagħti lill-Kummissjoni biex timponi multi jirriżulta għalhekk mill-previżjonijiet tat-Trattat innifsu u huwa maħsub li jippermetti l-applikazzjoni effettiva tal-projbizzjonijiet previsti fl-imsemmija artikoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 133). Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

88      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-eċċezzjoni ta' illegalità mqajma fir-rigward ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

B –  Fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni

89      Fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma tiddikjarax l-invalidità ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, ir-rikorrenti ssostni sussidjarjament li din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata għall-każ partikolari u tiġi interpretata strettament fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni, bħall-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza dwar l-Artikoli 81 KE u 82 KE. F'dan ir-rigward, hija tesponi xi proposti maħsuba li jagħmlu l-multa suffiċjentement prevedibbli u titlob l-annullament tad-Deċiżjoni.

90      Il-Kummissjoni u l-Kunsill isostnu li dawn l-argumenti mhumiex fondati.

91      F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-argumenti tar-rikorrenti esposti fit-tieni parti, li ġiet invokata sussidjarjament, ta' l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni ma jagħmlux ħlief jirrepetu, parzjalment, ċerti argumenti li diġà ġew żviluppati fil-kuntest ta' l-ewwel parti ta' dan l-istess argument, billi jiddirizzawhom kontra l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-linji gwida u kontra d-Deċiżjoni, safejn din tirrifletti din il-prassi. Minbarra l-fatt li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax tkun is-suġġett ta' xi rikors għall-annullament, għandu jiġi mfakkar, kif diġà ġie espost preċedentement, li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma jiksirx il-prinċipju ta' legalità tal-pieni u li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-linji gwida, bl-istħarriġ tal-qrati komunitarji, ikkontribwixxew preċiżament sabiex ikabbru ċ-ċertezza legali ta' l-impriżi. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni ma tistax titqies li hija illegali minħabba r-raġuni waħdanija li hija eżempju ta' applikazzjoni tal-prassi deċiżjonali allegatament illegali tal-Kummissjoni fil-qasam tal-multi. Dawn l-ilmenti għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

92      Barra minn hekk, safejn ir-rikorrenti, fil-kuntest ta' din il-parti, tressaq argumenti dwar l-allegat nuqqas ta' motivazzjoni tad-Deċiżjoni, speċjalment fir-rigward ta' l-iffissar ta' l-ammont bażiku, ta' l-impatt reali tal-ksur fuq is-suq, u taż-żieda tal-multa sabiex jiġi assigurat li tkun dissważiva suffiċjentement, għandu jiġi osservat li dawn l-argumenti jagħmlu essenzjalment parti mit-tielet argument, li jittratta speċifikament il-kwistjoni tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni, għalhekk jeħtieġ li jiġi eżaminat f'dak il-kuntest.

93      Fl-aħħar nett, għall-bqija, l-argumenti tar-rikorrenti jikkonsistu f'kunsiderazzjonijiet ġenerali u teoriċi fuq il-prassi deċiżjonali li l-Kummissjoni għandha tipprattika, fuq dispożizzjonijiet ġodda li għandu jadotta l-Kunsill kif ukoll fuq l-iżviluppi fil-ġurisprudenza li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tagħmel, u, għaldaqstant, dawn l-argumenti ma jqajmu l-ebda lment ta' natura legali fil-konfront tad-Deċiżjoni u għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

94      Barra minn hekk, fir-replika u waqt is-seduta, ir-rikorrenti żiedet tgħid li l-fatturat ikkunsidrat għal-limitu massimu tal-multa stabbilita bħala 10% tal-fatturat tas-sena finanzjarja tal-kumpannija li kienet tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa kellu jiġi kkunsidrat bħala l-fatturat magħmul fis-suq ikkonċernat u mhux bħala l-fatturat globali.

95      Safejn, minn din l-allegazzjoni, jista' jiġi dedott li r-rikorrenti għandu l-intenzjoni li tikkontesta d-Deċiżjoni safejn din timponilha multa li teċċedi l-ammont ta' 10% tal-fatturat li hija għamlet fis-suq tal-metjonina matul is-sena finanzjarja tal-kumpannija li kienet tippreċedi l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, mingħajr ma lanqas ma jkun hemm bżonn li wieħed jeżamina l-ammissibbiltà ta' dan l-argument fid-dawl ta' l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, u, b'mod partikolari, rigward l-eżistenza ta' rabta stretta bejn dan l-argument u wieħed mill-argumenti li hemm fir-rikors, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li la r-Regolament Nru 17, la l-ġurisprudenza u lanqas il-linji gwida ma jipprovdu li l-ammont tal-multi għandu jiġi stabbilit direttament skond id-daqs tas-suq affettwat, peress li dan il-element huwa biss wieħed fost elementi rilevanti oħrajn. Fil-fatt, skond ir-Regolament Nru 17, kif interpretat mill-ġurisprudenza, l-ammont tal-multa imposta lil impriża minħabba ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat mal-ksur, evalwat fit-totalità tiegħu, fid-dawl ta', b'mod partikolari, il-gravità ta' l-istess ksur (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T-83/91, Ġabra p. II-755, punt 240, u, b'analoġija, tal-21 ta' Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 127). Kif affermat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 120 tas-sentenza tagħha Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, sabiet tiġi evalwata l-gravità ta' ksur, wieħed għandu jieħu in kunsiderazzjoni numru kbir ta' elementi li n-natura u l-importanza tagħhom ivarjaw skond it-tip ta' ksur in kwistjoni u ċ-ċirkustanzi partikolari ta' l-istess ksur (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2004, JFE Engineering vs Il-Kummissjoni, T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 532).

96      Għandu jiġi rrilevat ukoll, f'dan ir-rigward, li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-uniku riferiment espress għall-fatturat ta' l-impriża in kwistjoni, jiġifieri l-limitu ta' 10% tal-fatturat meqjus għall-finijiet ta' l-iffissar tal-multi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, tirrigwarda l-fatturat globali ta' l-impriża fid-dinja kollha (ara f'dan is-sens, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar 'il fuq, punt 119) u mhux il-fatturat li hija għamlet fis-suq affettwat mill-imġiba antikompetittiva ppenalizzata. Mill-istess punt ta' din is-sentenza jirriżulta, fil-fatt, li dan il-limitu huwa maħsub li jevita li l-multi jkunu sproporzjonati meta mqabbla mad-daqs ta' l-impriża fit-totalità tagħha (sentenza JFE Engineering vs Il-Kummissjoni, punt 95 iktar 'il fuq, punt 533).

97      Minn dan isegwi li t-tieni parti ta' l-ewwel argument għandha tiġi miċħuda.

98      Konsegwentement, l-ewwel argument għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

II –  Fuq it-tieni argument, li huwa bbażat fuq żball fl-evalwazzjoni fir-rigward tan-natura waħdanija u kontinwata u fir-rigward tad-dewmien tal-ksur

99      Ir-rikorrenti tikkontesta, prinċipalment, li hija pparteċipat fi ksur wieħed kontinwat bejn Frar 1986 u Frar 1999. Hija tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur bejn l-1986 u 1988 u wara l-1992, iżda ssostni, minn banda, li l-prattika antikompetittiva ġiet interrotta bejn l-1988 u l-1992 u, mill-banda l-oħra, li din il-prattika ntemmet definittivament fl-1997. Hija ssostni, sussidjarjament li l-Kummissjoni, f'kull każ, kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-akkordji ġew, minn ta' l-inqas, sospiżi mill-1988 sa l-1992 u wara l-1997.

A –  Fuq l-interruzzjoni tal-ksur bejn l-1988 u l-1992

1.     L-argumenti tal-partijiet

100    Skond ir-rikorrenti, wara li Sumitomo rtirat mill-akkordju, il-laqgħat "summit" u l-akkordji antikompetittivi ġew interrotti fl-1988 u komplew biss fl-1992.

101    Fl-ewwel lok, hija tqis li, billi affermat, fil-premessa 212 tad-Deċiżjoni li, peress li l-parteċipanti fl-akkordju ma kinux esprimew l-intenzjoni tagħhom li jbiddlu l-akkordji tagħhom jew li jirrinunzjaw għalihom, wieħed ma setax iqis li ġie pprovat li l-akkordju kien waqaf bejn l-1988 u l-1992, u billi, fil-premessi 251 et seq tad-Deċiżjoni, qieset li, peress li l-parteċipanti fl-akkordju qatt ma kkomunikaw reċiprokament l-intenzjoni tagħhom li jwaqqfu l-akkordji tagħhom, wieħed kellu jiddeduċi li ma kienx hemm ftehim ġdid iżda biss żvilupp organiku ta' struttura ta' ftehim kumpless, il-Kummissjoni ammettiet impliċitament li hija ma kellhiex prova diretta ta' l-eżistenza ta' l-akkordju bejn l-1988 u l-1992. B'hekk hija bbażat ruħha fuq preżunzjonijiet u imġiba li, fil-fehma tagħha, kienu obbligati, u dan kontra r-rekwiżiti fil-qasam ta' l-amministrazzjoni tal-prova u tal-prinċipju in dubio pro reo (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 354; ta' l-14 ta' Frar 1978, United Brands vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punti 261 sa 266 u tat-28 ta' Marzu 1984, CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 16). Barra minn hekk, il-komunikazzjoni reċiproka ta' l-intenzjoni tat-terminazzjoni ta' l-akkordju bl-ebda mod ma tikkostitwixxi kundizzjoni għat-terminazzjoni ta' akkordju li jkun imur kontra d-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punti 59 et seq). Għaldaqstant mhijiex ir-rikorrenti li għandha tipprova li hija ma pparteċipatx fil-ksur matul il-perijodu in kwistjoni, iżda l-Kummissjoni li għandha ġġib il-prova li hija effettivament ipparteċipat fih (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 58).

102    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti essenzjalment ssostni li l-Kummissjoni evalwat b'mod żbaljat id-diversi dokumenti maħsubin biex iservu ta' prova ta' l-eżistenza ta' akkordju bejn l-1988 u l-1992.

103    Sabiex issostni l-affermazzjonijiet tagħha, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tosserva li l-preżentazzjoni tal-fatti minn Nippon Soda fl-osservazzjonijiet tagħha tat-23 ta' Frar 2000, li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni, isemmu darba biss iż-żamma ta' laqgħat bejn l-1988 u l-1990, f'xi forma jew oħra u dan bejn il-kollaboraturi biss sat-13 ta' Mejju 1998. Il-Kummissjoni naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li d-dikjarazzjonijiet ta' Nippon Soda, minn banda, jirreferu għall-fatt li l-laqgħat "summit" waqfu fl-1988 u, mill-banda l-oħra, li l-laqgħat bejn il-kollaboraturi bejn l-1988 u l-1990 kienu jirrigwardaw biss il-mod li bih il-parteċipanti setgħu jilqgħu kontra l-kompetizzjoni ta' Monsanto u dwar l-organizzazzjoni ta' l-iskambju ta' informazzjoni, li ma kienx jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

104    Fit-tieni lok, fir-rigward tan-nota tal-5 ta' Mejju 1990 prodotta minn Nippon Soda (iktar ’il quddiem in-"Nota tal-5 ta' Mejju 1990") u li minnha l-Kummissjoni ddeduċiet li kienet inżammet laqgħa fl-1989, ir-rikorrenti ssostni li, għall-kuntrarju, dan id-dokument, fl-introduzzjoni tiegħu, isemmi r-raġunijiet li għalihom ir-relazzjonijiet ta' kooperazzjoni kummerċjali ntemmew fl-1989, jiġifieri minħabba kwistjoni li nqalgħat bejn Sumitomo, min-naħa l-waħda, u Degussa u Rhône-Poulenc, min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, in-nota tal-5 ta' Mejju 1990 tindika li l-laqgħa ta' Awwissu 1989 kienet maħsuba li tiddiswadi lil Degussa milli tbiegħ l-metjonina bi skont. Madankollu, min-nota msemmija jirriżulta li Degussa rrespinġiet kategorikament kull sforz ta' disważjoni, peress li l-għan kummerċjali tagħha kien li tikkompeti ma' Monsanto u Sumitomo. Għaldaqstant din il-laqgħa tista' l-iktar titqies li hija tentattiv minn Nippon Soda u Rhône-Poulenc biex jinkoraġġixxu lir-rikorrenti tipparteċipa fil-ksur u tipprova, f'kull każ, in-nuqqas ta' intenzjoni antikompetittiva min-naħa tagħha.

105    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta, min-nota tal-5 ta' Mejju 1990, hija ddeduċiet, fil-premessi 103 sa 106 tad-Deċiżjoni, li kien hemm il-possibbiltà ta' laqgħa ġdida iżda li ma kienx magħruf jekk din il-laqgħa fil-fatt seħħitx, filwaqt li Nippon Soda fl-istess nota mill-banda l-oħra tikkonstata li ma kienx possibbli li ssir stima komuni tal-prezz tal-bejgħ, u dan fid-dawl tal-fatt li anki Rhône-Poulenc ma kinitx interssata f'politika komuni ta' prezzijiet.

106    Fl-aħħar nett, in-nota tal-5 ta' Mejju 1990 tikkonkludi li kien hemm "kull raġuni biex wieħed jemmen li Degussa ma [kinitx] preokkupata wisq fuq x'[kienet] taħseb realment Rhône-Poulenc". Ir-rikorrenti tiddikjara għalhekk li hija tiddubita l-bażi ta' l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 106 tad-Deċiżjoni, li Degussa, Rhône-Poulenc u Nippon Soda ltaqgħu diversi drabi fl-1989 u 1990 biex jiddiskutu prezzijiet u informazzjoni dwar is-suq u biex jiddeċiedu dwar ir-reazzjoni komuni tagħhom għas-sitwazzjoni ġdida tas-suq. Hija tfakkar li, għall-kuntrarju, Degussa esprimiet b’mod ċar l-intenzjoni tagħha fir-rigward ta' l-impriżi kkonċernati l-oħrajn li ma tgħaddix għall-implementazzjoni ta' l-akkordji.

107    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni lanqas ma wriet biżżejjed skond il-liġi l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur bejn l-1990 u l-1992. Fil-fatt, mid-dikjarazzjoni addizzjonali ta' Rhône-Poulenc tal-5 ta' Diċembru 2000 jirriżulta li l-laqgħa ta' l-10 ta' Ġunju 1990 bejn Degussa u Rhône-Poulenc kienet wasslet biss għad-deċiżjoni li jsir kuntatt ma' Nippon Soda bil-għan li jiġi diskuss it-tnaqqis tal-prezzijiet u l-organizzazzjoni ta' laqgħat iktar regolari. L-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-akkorju ta' l-1986 qatt ma waqaf u li Nippon Soda kienet diġà implikata fl-adozzjoni ta' dawn il-miżuri hija għalhekk żbaljata (premessa 110 tad-Deċiżjoni).

108    Barra minn hekk, in-nota ta' Nippon Soda dwar il-laqgħa ta' Seul tas-7 ta' Novembru 1990 (iktar ’il quddiem in-"nota tal-laqgħa tas-7 ta' Novembru 1990") ma fiha ebda indikazzjoni dwar ftehim fuq żieda fil-prezzijiet jew l-implementazzjoni tiegħu, iżda, għall-kuntrarju, tirreferi għall-fatt li Rhône-Poulenc u Degussa ma kinux qegħdin jikkontemplaw t-tieni żieda fil-prezzijiet mingħajr il-parteċipazzjoni ta' Monsanto. Dan id-dokument lanqas ma jippermetti li jiġi konkluż, kif tippretendi l-Kummissjoni, li kien hemm l-ewwel żieda fil-prezzijiet, kif tiddikjara n-nota tal-5 ta' Mejju 1990. Barra minn dan, ir-rikorrenti essenzjalment tafferma li wieħed ma jistax jafda l-kontenut f'din in-nota, fid-dawl tal-fatt li din mhijiex l-oriġinal, iżda traduzzjoni, li probabbilment saret mill-Ġappuniż, u dan kif tixhed it-tipografija tagħha kif ukoll l-iżball manifest dwar is-sena li jidher fid-data "Novembru 1998".

109    Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma kinitx f'pożizzjoni li tipprova l-eżistenza ta' xi akkordju għas-sena 1991. Fid-dikjarazzjoni tagħha tas-26 ta' Mejju 1999, Rhône-Poulenc tindika fil-fatt li l-laqgħat ta' l-1991 "kellhom l-għan li joħolqu jew iżidu l-livell ta' kunfidenza bejn it-tliet kompetituri". Dawn il-laqgħat kienu għalhekk negozjati preparatorji li ma kinux laħqu l-istadju tat-tentattiv ta' akkordju jew ta' prattika miftehma. Barra minn dan, din l-analiżi tinsab ikkonfermata fid-dikjarazzjoni addizzjonali ta' Rhône-Poulenc tal-5 ta' Diċembru 2000.

110    Il-Kummissjoni ssostni li hija ġabet prova suffiċjenti skond il-liġi dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fi ksur waħdieni u kontinwat bejn Frar 1986 u Frar 1999 u tirrepeti l-affermazzjonijiet tagħha li jinsabu fil-premessi 96 sa 115, 212, 255 u 256 tad-Deċiżjoni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

111    Għandu li jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-parteċipazzjoni tagħha f'żewġ akkordji li hija tqis li huma distinti, wieħed li jibda minn Frar 1986 sal-ħarifa tas-sena 1988, perijodu li matulu l-akkordju kien jinkludi l-produttur Ġappuniż Sumitomo, u l-ieħor minn Marzu 1992 sa Ottubru 1997, data li fiha hija ssostni li l-ksur waqaf, u dan kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li ssostni li l-ksur kompla sa Frar 1999. Fir-rigward tal-perijodu 1988-1992, hija ssostni li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta' akkordju li fih hija pparteċipat u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni għamlet żball ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li hija kienet ipparteċipat fi ksur waħdieni u kontinwat minn Marzu 1986 sa Marzu 1999.

112    Jeħtieġ għalhekk li jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni pprovatx biżżejjed skond il-liġi li, matul il-perijodu li jibda mill-ħarifa 1988 sa Marzu 1992, ir-rikorrenti pparteċipat f'azzjonijiet li kienu jammontaw għal ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, u li, fir-rigward tal-ksur mhux ikkontestat li kien preċedenti u sussegwenti għal dan il-perijodu, jidħol fi "pjan ġenerali" minħabba l-għan identiku tagħhom li jikkawża distorsioni fil-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. Taħt din il-perspettiva, għandhom jiġu evalwati, fir-rigward ta' dan il-perijodu, il-provi miġburin mill-Kummissjoni kif ukoll il-konklużjonijiet li waslet għalihom fil-premessi 95 et seq tad-Deċiżjoni.

a)     Fuq il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju u/jew fil-prattika miftehma bejn l-1988 u 1992

113    Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li fil-premessi 212 u 251 et seq tad-Deċiżjoni, mill-fatt biss li l-parteċipanti fl-akkordju ta' l-1986, in segwitu għall-irtirar ta' Sumitomo fl-1988, ma kinux urew l-intenzjoni tagħhom li jwaqqfu l-arranġamenti tagħhom, hija ddeduċiet li ma kinitx tressqet prova li l-akkordju kien ġie interrott. Filwaqt li tibbaża ruħha fuq din il-preżunzjoni, il-Kummissjoni invertiet l-oneru tal-prova li fil-prinċipju kellha tressaq hi.

114    Jeħtieġ li jiġi mfakkar f'dan ir-rigward li huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li r-rekwiżit taċ-ċertezza legali li minnha għandhom jibbenefikaw l-operaturi ekonomiċi jimplika li, meta jkun hemm kwistjoni dwar l-eżistenza ta' ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni, li għandha l-oneru tal-prova tal-ksur li hija tikkonstata, għandha tressaq elementi ta' prova idonei sabiex tistabbilixxi, għas-suffiċjenza tad-dritt, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur. Fir-rigward tad-dewmien allegat tal-ksur, l-istess prinċipju taċ-ċertezza legali jitlob li, fin-nuqqas ta' elementi ta' prova li jistgħu jistabbilixxu direttament id-dewmien tal-ksur, il-Kummissjoni għandha ġġib, ta' l-inqas, elementi ta' prova li jirreferu għall-fatti li huma suffiċjentement qrib ta' xulxin fiż-żmien, b'mod li jista' raġjonevolment jiġi aċċettat li l-ksur seħħ b'mod ininterrott bejn żewġ dati preċiżi (ara s-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 58, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, T-43/92, Ġabra p. II-441, punt 79).

115    Il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta' l-innoċenza, kif jirriżulta b'mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-KEDB, jifforma parti mid-drittijiet fundamentali li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u wkoll ikkonfermata fil-preambolu ta' l-att Uniku Ewropew u mill-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta, huma rrikonoxxuti fl-ordinament ġuridiku komunitarju. Fid-dawl tan-natura tal-ksur in kwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta' severità tas-sanzjonijiet li huma marbutin magħhom, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta' l-innoċenza huwa applikabbli b'mod partikolari għall-proċeduri relattivi għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta' multi jew ta' penali perjodiċi (ara, f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Öztürk vs Il-Ġermanja, punt 38 iktar ’il fuq, u Lutz vs Il-Ġermanja, tal-25 ta’ Awwissu 1987, serje A Nru 123-A; is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P. Ġabra p. I-4827, punti 149 u 150, u Montecatini vs Il-Kummissjoni, C-235/92 P, Ġabra p. I-4539, punti 175 u 176).

116    Fil-każ preżenti, effettivament jeħtieġ li jiġi nnutat li, fil-premessa 212 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni rrilevat dan li ġej:

"[…] Fil-fatt, fil-premessi 95 sa 125 hemm stabbilit li l-parteċipanti komplew jieħdu sehem fil-laqgħat fl-1989, 1990 u 1991, mingħajr ma ddistakkaw pubblikament mill-kontenut tagħhom. Fid-dawl tan-natura manifestament antikompetittiva tal-laqgħat preċedenti, in-nuqqas ta' provi li juru li l-parteċipazzjoni fil-laqgħat kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva, jippermetti li jiġi stabbilit li l-iskema illegali kienet kompliet fil-fatt […]"

117    Madankollu, mill-argument tal-Kummissjoni li jidher fil-premessi 96 sa 125, 212 u 255 tad-Deċiżjoni jirriżulta li, iktar milli bbażat ruħha biss, jew b'mod predominanti, fuq in-nuqqas ta' manifestazzjoni, mill-partijiet fl-akkordju ta' 1986, ta' l-intenzjoni tagħhom li jwaqqfu l-istess akkordju wara l-1988, hija wettqet analiżi ċirkustanzjali tal-provi dokumentarji li poġġew għad-dispożizzjoni tagħha l-parteċipanti fl-akkordju, fejn hija ddeduċiet li mhux biss li dawn qatt ma kienu wrew l-intenzjoni tagħhom li jwaqqfu l-arranġamenti ta' bejniethom, iżda, barra minn hekk, li l-attività miftehma ma kienet ġiet interrotta qatt.

118    Fid-dawl tad-Deċiżjoni fit-totalità tagħha, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li bbażat l-analiżi tagħha tan-natura waħdanija u kontinwa tal-ksur, u għalhekk dwar l-eżistenza ta' l-istess bejn l-1988 u l-1992, fuq il-fatt biss li fil-fehma tagħha, peress li l-parteċipanti fl-akkordju ta' l-1986 ma kinux urew l-intenzjoni tagħhom li jwaqqfu l-istess akkordju, kellu jiġi preżunt li l-laqgħat miżmuma mill-1989 sa l-1991 kellhom għan antikompetittiv u li huma kienu jikkostitwixxu l-kontinwazzjoni ta' l-akkordju preċedenti. Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti li jsostni li l-Kummissjoni pprovat l-eżistenza tal-ksur wara l-ħarifa ta' l-1988 billi bbażat ruħha fuq sempliċi preżunzjoni ma jistax jiġi milqugħ.

119    Mill-banda l-oħra, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk il-provi dokumentarji li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni humiex tali li juru għas-suffiċjenza tad-dritt li r-rikorrenti pparteċipat fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni bejn l-1988 u l-1992 u, fl-affermattiv, li dan il-ksur jikkostitwixxi l-kontinwazzjoni ta' l-akkordju preċedenti, li l-eżistenza tiegħu mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

120    Minn eżami ta’ l-inkartament jirriżulta li, bejn l-1988 u 1992, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ perijodi, l-ewwel wieħed jibda mill-aħħar tas-sena 1988, iż-żmien li fih Sumitomo rtirat mill-akkordju inizjali, sa l-aħħar tas-sajf 1990, u t-tieni wieħed jibda mill-aħħar tas-sajf 1990 sax-xahar ta' Marzu 1992, iż-żmien li fih ir-rikorrenti tammetti li pparteċipat għal dak li hija ssejjaħ ksur distint.

 Fuq il-perijodu li jibda mill-aħħar tas-sena 1988 sa l-aħħar tas-sajf 1990

121    Fir-rigward tal-perijodu li jibda mill-aħħar tas-sena 1988 sas-sajf 1990, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni sostniet, fil-premessi 98 sa 106 tad-Deċiżjoni li, in segwitu għall-irtirar ta' Sumitomo mill-akkordju inizjali, Degussa, Rhône-Poulenc u Nippon Soda, minkejja d-diffikultajiet kbar li huma kellhom biex jikkoordinaw l-aġir tagħhom, iltaqgħu diversi drabi fl-1989 u 1990 biex jiddiskutu l-prezzijiet u l-informazzjoni rigwardanti s-suq u biex jiddeċiedu dwar l-aġir komuni tagħhom fil-konfront tas-sitwazzjoni ġdida tas-suq ikkaratterizzata mid-dħul ta' Monsanto. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni rreferiet għal-laqgħat segwenti, li r-rikorrenti wara kollox ma tikkontestax li l-istess laqgħat kienu nżammu:

Data

Lok

Parteċipanti

Awwissu 1989

Mhux imsemmi

Nippon Soda, Degussa, Rhône-Poulenc

Ħarifa 1989

Ġappun

Nippon Soda, Degussa

10 ta' Ġunju 1990

Francfurt-am-Main

Degussa, Rhône-Poulenc


122    L-argument tar-rikorrenti jikkonsisti, fis-sustanza, fil-fatt li hija ssostni li dawn il-laqgħat ma jurux il-kontinwazzjoni ta' l-akkordju u li d-dokumenti li fuqhom tibbaża l-Kummissjoni jwasslu mill-banda l-oħra li jipprovaw li l-parteċipanti għal dawn il-laqgħat imsemmijin ma kinux fi qbil u b'mod partikolari li r-rikorrenti rrifjutat kwalunkwe proposta għal akkordju fuq il-prezzijiet.

123    Mir-risposta ta' Nippon Soda tat-23 ta' Frar 2000 għat-talba għall-informazzjoni tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-"dikjarazzjoni ta' Nippon Soda tat-23 ta' Frar 2000") u min-nota tal-5 ta' Mejju 1990 jirriżulta li, għalkemm jiġi rrikonoxxut li l-laqgħat "summit" waqfu fl-1988, xorta jibqa' l-fatt (u r-rikorrenti ma tikkontestax dan il-fatt) li skond dawn l-istess dokumenti, il-laqgħat bejn il-kollaboraturi komplew jinżammu bejn l-1988 u l-1998 u li dawn il-laqgħat kellhom, parzjalment, l-għan li jissostitwixxu l-laqgħat summit preċedenti.

124    Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li mid-dikjarazzjoni ta' Nippon Soda tat-23 ta' Frar 2000 wieħed ma jistax jiddeduċi li, għall-perijodu bejn l-1989 sa l-1990, il-parteċipanti fil-laqgħat kienu ftehmu fuq l-iffissar tal-prezzijiet, fuq l-allokazzjoni tal-klijentela jew fuq ir-restrizzjonijiet tal-kapaċitajiet produttivi, jeħtieġ madankollu jiġi enfasizzat li din id-dikjarazzjoni, fil-punti 2.8 u 2.9, tagħmel riferiment għas-sistema flessibbli ta' "prezzijiet li wieħed jimmira għalihom" li kienet qiegħda tinħoloq u li l-laqgħat kellhom bħala suġġett li jipproteġu lill-parteċipanti mill-kompetizzjoni tal-kompetitur il-ġdid, Monsanto, u li tiġi skambjata l-informazzjoni għal dan il-għan. Fil-punt 6.2, taħt il-kap "L-għan tal-laqgħat li seħħew wara l-1 ta' Jannar 1990", Nippon Soda tikkonferma din id-deskrizzjoni fejn tindika li, fl-1990, l-attivitajiet ta' Monsanto kienu jirrappreżentaw l-ikbar theddida għall-partijiet fl-akkordji u li għalhekk il-laqgħat, li jidhru li huma regolari, kienu jiffukaw fuq it-tixrid ta' l-informazzjoni relattiva għal dan in-negozju u fuq id-diskussjoni tal-prezzijiet li wieħed jimmira għalihom.

125    Barra minn hekk, min-nota tal-5 ta' Mejju 1990 jirriżulta b'mod partikolari li kienet inżammet laqgħa bejn Nippon Soda, Rhône-Poulenc u Degussa f'Awwissu 1989 u laqgħa oħra fil-ħarifa ta' l-1989, bejn Degussa u Nippon Soda, ħaġa li r-rikorrenti ma tiċħadx. Dawn il-laqgħat kienu maħsuba biex jiskoraġġixxu lil Degussa milli tbiegħ il-metjonina bi skontijiet. Skond dan l-istess dokument, Degussa ma aċċettatx din il-proposta, b'mod li ma jistax jiġi kkunsidrat li l-partijiet ftehmu fuq il-prezzijiet waqt dawn il-laqgħat. Madankollu, in-nota turi li Degussa, f'dik l-okkażjoni, indikat, b'mod partikolari, li t-tnaqqis fil-prezzijiet kienu meħtieġa għaliha biex iżżomm il-volum ta' bejgħ tagħha u tirregola l-ispejjeż fissi tagħha u, mill-banda l-oħra, li fil-fehma tagħha l-prezz raġjonevoli tal-metjonina kien madwar 2.8 dollari Amerikani (USD) kull kilogramma u li b'hekk il-prezz attwali ta' 3 USD/kg kien wisq għoli.

126    Ir-rikorrenti ssostni li din in-nota turi li kien impossibbli li jintlaħaq ftehim bejn il-parteċipanti fil-laqgħat f'dak iż-żmien.

127    F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrikonoxxut li n-nota tal-5 ta' Mejju 1990 tidher li turi li Degussa, mill-1989 sas-sajf ta' l-1990, naqqset il-prezzijiet b'mod sostanzjali bil-għan, b’mod partikolari, li tieħu l-klijenti ta' Monsanto. Bl-istess mod, Nippon Soda tafferma li r-relazzjonijiet bejn Degussa u Rhône-Poulenc kienu ddeterjoraw u li b'hekk kien probabbli li l-istrateġija ta' l-istess Rhône-Poulenc, fiż-żmien qarib, kienet tkun li tkompli tikkompeti ma' Monsanto, Degussa, Sumitomo u Nippon Soda.

128    Madankollu, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, għalkemm il-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta' l-akkordju fuq il-prezzijiet, hija ressqet prova li r-rikorrenti kienet ipparteċipat f'laqgħat ma' Nippon Soda u Rhône-Poulenc matul dan il-perijodu kollu u li, waqt dawn il-laqgħat, kienet skambjata informazzjoni fuq il-kundizzjonijiet tas-suq, ġew diskussi l-prezzijiet u l-parteċipanti kienu esponew l-istrateġija kummerċjali li huma kienu intenzjonati jadottaw fis-suq, fejn ir-rikorrenti kienet ħabbret il-prezz li hija kien jidhrilha raġjonevoli f'dan iż-żmien, jiġifieri 2.8 USD/kg.

129    Għaldaqstant, minn dan il-perijodu qasir, li jibda mill-aħħar tas-sena 1988 sa l-aħħar tas-sajf 1990, ma jistax jiġi dedott li kien hemm nuqqas ta' qbil bejn il-parteċipanti u li l-kollużjoni kienet waqfet, fid-dawl tal-fatt li mhux biss li l-laqgħat komplew jinżammu b'mod regolari, iżda wkoll li dawn il-laqgħat kellhom l-għan proprju li jiftehmu fuq ir-reazzjoni li għandhom ikollhom fid-dawl tas-sitwazzjoni ġdida tas-suq. Il-fatt li r-rikorrenti applikat tnaqqis temporanju fil-prezzijiet bil-għan li tieħu lura l-klijenti ta' Monsanto u li hija rrifjutat mill-ewwel il-proposti magħmulin minn Nippon Soda u Rhône-Poulenc biex ma tbaxxix il-prezzijiet ma jistax għalhekk iwassal għall-konklużjoni li r-rikorrenti kienet intenzjonata tiddistakka ruħha mill-kontenut tal-laqgħat u taġixxi b'mod indipendenti, in kwantu, skond in-nota tal-5 ta' Mejju 1990, hija kienet intenzjonata tiftiehem mal-parteċipanti l-oħrajn biex tgħolli l-prezzijiet minn Lulju 1990 u li, għal dan il-għan, kien kruċjali li tikkonvinċi lil Rhône-Poulenc li tingħaqad magħha fi sforz reċiproku biex tgħolli l-prezzijiet ukoll.

130    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-allegata kwistjoni bejn Degussa u Rhône-Poulenc, li wara kollox hija deskritta biss bħala konġettura fin-nota tal-5 ta' Mejju 1990, ma waqqfietx lil dawn l-impriżi milli jiltaqgħu darbtejn matul is-sajf ta' l-1990, l-ewwel darba fl-uffiċċji ta' Degussa fl-10 ta' Ġunju 1990 fi Frankfurt-am-Main u t-tieni darba f'Pariġi. Matul din l-aħħar laqgħa, skond id-dikjarazzjonijiet (li ma ġewx ikkontestati) ta' Rhône-Poulenc, il-partijiet skambjaw xi informazzjoni fuq is-suq. B'mod partikolari, Rhône-Poulenc ippreżentat lil Degussa ċ-ċifri tal-bejgħ tagħha fid-dinja kollha u l-bejgħ ta' Degussa ġie diskuss minkejja li ebda ċifra speċifika ma ġiet imħabbra minn Degussa.

131    Minn dan isegwi li, bħalma tosserva sostanzjalment il-Kummissjoni fil-premessa 103 tad-Deċiżjoni, għalkemm l-akkordju oriġinali ra ċertu eżitazzjoni, bejn l-aħħar tas-sena 1988 u s-sajf 1990, dovut għall-irtirar ta' Sumitomo u għad-dħul ta' Monsanto fis-suq, Degussa, Rhône-Poulenc u Nippon komplew, matul dan il-perijodu, jiltaqgħu bil-għan li jiftehmu fuq strateġija komuni biex jikkonfrontaw il-kompetizzjoni ta' Monsanto u li, minn din il-perspettiva, kienet ġiet skambjata informazzjoni dwar il-prezzijiet u l-bejgħ ta' Rhône-Poulenc, ta' Nippon Soda u ta' Degussa, kif ukoll l-informazzjoni relattiva għall-attività ta' Monsanto.

132    Huwa biżżejjed li jiġi mfakkar f'dan l-istadju li l-kunċett ta' "prattika miftehma" jikkonsisti f'forma ta' koordinazzjoni bejn l-impriżi li, mingħajr ma twassal għall-konklużjoni ta' ftehim fil-veru sens tal-kelma, tinkludi xjentement il-kooperazzjoni prattika bejniethom bi ħsara tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Lulju 1972, ICI vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 64). Il-kriterji ta' koordinazzjoni u ta' kooperazzjoni in kwistjoni, iktar milli jeżiġu l-elaborazzjoni ta' "pjan" veru u proprju, għandhom jitqiesu fid-dawl tal-kunċett inerenti tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni, fejn kull operatur ekonomiku għandu jistabbilixxi b'mod indipendenti l-politika li huwa jkun intenzjonat japplika fis-suq komuni. Għalkemm huwa minnu li dan ir-rekwiżit ta' indipendenza ma jeskludix id-dritt ta' l-operaturi ekonomiċi li jadattaw ruħhom b'mod intelliġenti għall-komportament ikkonstatat jew mistenni mill-kompetituri tagħhom, l-istess rekwiżit, madankollu, jipprojbixxi rigorożament kwalunkwe kuntatt dirett jew indirett bejn dawn l-operaturi li jkollu l-għan jew l-effett kemm li jinfluwenza l-aġir fis-suq tal-kompetitur attwali jew potenzjali, jiġifieri li jiżvela lil dan il-kompetitur l-aġir li jkun ġie deċiż, jew li huwa kkontemplat li jiġi adottat minnu fis-suq (sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punti 173 u 174; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punt 720).

133    B'hekk, biex tiġi pprovata l-prattika miftehma, mhuwiex meħtieġ li jintwera li l-kompetitur in kwistjoni jkun intrabat, formalment, ma' kompetitur wieħed jew iktar, li jadotta dik il-prattika jew dak l-aġir jew li l-kompetituri jiffissaw bejniethom l-aġir futur tagħhom fis-suq (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 1852). Huwa biżżejjed li, permezz tad-dikjarazzjoni ta' l-intenzjoni tiegħu, il-kompetitur jkun elimina, jew ta' l-inqas, naqqas sostanzjalment l-inċertezza fejn jidħol l-aġir fis-suq mistenni minnu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Diċembru 1991, BASF vs Il-Kummissjoni, T-4/89, Ġabra p. II-1523, punt 242, u Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, punt 260).

134    Barra minn hekk, għalkemm, kif tfakkar ir-rikorrenti, il-komunikazzjoni reċiproka, minn naħa tal-parteċipanti fl-akkordju, ta' l-intenzjoni tagħhom li jwaqqfu l-istess akkordju mhijiex rekwiżit għat-terminazzjoni ta' l-istess, xorta waħda jibqa' l-fatt li, skond ġurisprudenza stabbilita, meta impriża tipparteċipa, anki jekk mingħajr ma tieħu sehem attiv, fil-laqgħat bejn l-impriżi li jkollhom għan antikompetittiv u li hija ma tiddistakkax ruħha pubblikament mill-kontenut ta' dawn il-laqgħat, fejn tagħti x'wieħed jifhem b'hekk li hija ser timxi magħhom, jista' jiġi meqjus li ġie pprovat li hija pparteċipat fl-akkordju li jirriżulta mil-laqgħat imsemmijin (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 133 iktar ’il fuq, punt 232, ta' l-10 ta' Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-12/89, Ġabra p. II-907, punt 98, u tas-6 ta’ April 1995, Tréfileurope vs Il-Kummissjoni, T-141/89, Ġabra p. II-791, punti 85 u 86).

135    Għalkemm huwa minnu li mid-dokumenti ta’ l-inkartament esposti hawn fuq jirriżulta li l-parteċipanti fil-laqgħat seta' kellhom xi kwistjonijiet, xorta jibqa' l-fatt li l-laqgħat komplew jinżammu u li Degussa ma tistax titqies li ddistakkat ruħha pubblikament mill-kontenut tagħhom, in kwantu, b'mod partikolari, hija indikat x'kien ser ikun l-aġir tagħha fis-suq u l-prezz li hija kienet tqis li huwa raġjonevoli u in kwantu hija stess uriet l-intenzjoni tagħha li tadotta aġir miftiehem bil-għan li tgħolli l-prezzijiet f'Lulju 1990.

136    Iktar minn hekk, għalkemm mit-termini nnifishom ta' l-Artikolu 81(1) KE jirriżulta li l-prattiċi miftehma, apparti l-konċertazzjoni bejn l-impriżi, jimplikaw aġir fis-suq li jiġi wara l-konċertazzjoni u ness ta' kawżalità bejn dawn iż-żewġ elementi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 118, u Hüls vs Il-Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, punt 161), jeħtieġ li ssir preżunzjoni, salv l-prova kuntrarja li hija l-obbligu ta' l-operaturi interessati li jressqu, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-konċertazzjoni u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu in kunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom biex jistabbilixxu l-aġir tagħhom f'dan is-suq (sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il quddiem, punt 121, u Hüls vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il quddiem, punt 162). Dan huwa applikabbli iktar meta l-konċertazzjoni tkun seħħet fuq bażi regolari matul perijodu twil, kif kien il-każ f’dan il-każ, fejn l-akkordju beda fl-1986.

137    Fid-dawl tas-suespost, jeħtieġ għalhekk li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet korretta meta, fil-premessa 106 tad-Deċiżjoni, sostniet li "[ġie] pprovat ta' l-inqas, li […] l-partijiet [kienu] f’kuntatt ma' xulxin, [kienu] skambjaw informazzjoni fuq il-prezzijiet u l-bejgħ u [kienu] iddiskutew iż-żidiet fil-prezzijiet fl-1989 u 1990" u li minnhom, filwaqt li fil-premessi 194 et seq tad-Deċiżjoni hija bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza ċċitatata iktar ’il quddiem, hija ddeduċiet li r-rikorrenti kienet ipparteċipat f'akkordju u/jew fi prattika miftehma matul dan il-perijodu.

138    Il-kwistjoni dwar jekk, kif tirrileva l-Kummissjoni fil-premessa 106, in-nota ta' Nippon Soda tas-7 ta' Novembru 1990 kinitx tippermetti li jiġi konkluż li matul is-sajf ta' l-1990 kien hemm diġà l-"ewwel" kampanja għaż-żieda fil-prezzijiet hija irrilevanti f'dan ir-rigward, in kwantu l-Kummissjoni ma tibbażax il-konklużjonijiet tagħha fuq dan il-fatt, li huwa indikat, sussidjarjament, bħala sempliċiment verosimili. Inċidentalment, jeħtieġ li jiġi rrikonoxxut li suppożizzjoni bħal din ma tistax titqies li hija infondata u dan minħabba li, minn banda, l-imsemmija nota tindika biċ-ċar, fl-introduzzjoni tagħha, li Rhône-Poulenc u Degussa kienu "nervużi dwar it-tieni żieda fil-prezzijiet proposta", u mill-banda l-oħra, Degussa kienet diġà wriet l-intenzjoni tagħha li tipproċedi b'żieda fil-prezzijiet f'Lulju 1990 u kienet, għal dan il-għan, għamlet kuntatt ma' Rhône-Poulenc u Nippon Soda bil-għan li torganizza laqgħa bejn it-tlieta.

139    Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrenti fejn tgħid li mid-dikjarazzjoni addizzjonali ta' Rhône-Poulenc tal-5 ta' Diċembru 2000 jirriżulta li r-rappreżentanti ta' l-istess u ta' Degussa ltqagħu għall-ewwel darba fl-10 ta' Ġunju 1990, u li huma ddeċidew dakinhar li jagħmlu kuntatt ma' Nippon Soda u li b'hekk, il-fatt li, f'dak iż-żmien, ma kien hemm ebda akkordju u lanqas kontinwazzjoni ta' ebda programm ma jistax jaffettwa d-dikjarazzjonijiet ta' Nippon Soda, kif ukoll in-nota tal-5 ta' Mejju 1990 ipprovduta mill-istess Nippon Soda, fejn jirriżulta li l-laqgħat bejn il-kollaboraturi komplew matul il-perijodu in kwistjoni u, b'mod partikolari, li nżammet laqgħa bejn Nippon Soda, Rhône-Poulenc u Degussa f'Awwissu 1989 u oħra fil-ħarifa ta' l-1989, bejn Degussa u Nippon Soda.

140    Fil-fatt, id-dikjarazzjoni addizzjonali ta' Rhône-Poulenc tal-5 ta' Diċembru 2000, li fuqha tibbaża ruħha r-rikorrenti, tindika sempliċiment li H. u B., ta' Rhône-Poulenc, inkoraġġixxew lil K, li daħal fl-impriża f'April 1990, sabiex jikkuntattja lil R., ta' Degussa, bil-għan li tippreżenta ruħha ma' Degussa bħala s-suċċessur ta’ B. Għaldaqstant, il-fatt li K u R iltaqgħu għall-ewwel darba fl-10 ta' Ġunju 1990 ma jistax ifisser li l-kuntatti bejn Rhône-Poulenc, Degussa u Nippon Soda kienu waqfu bejn l-aħħar tas-sena 1988 u din id-data. Bl-istess mod, l-unika indikazzjoni li tidher fl-imsemmija dikjarazzjoni fejn jingħad li, waqt il-laqgħa bilaterali ta' l-10 ta' Ġunju 1990, Rhône-Poulenc u Degussa ddeċidew li jikkuntattjaw lil Nippon Soda bil-għan li jiddiskutu l-waqa' tal-prezzijiet tal-metjonina u dwar il-possibbiltà li jżommu laqgħat iktar regolari ma tistax twassal għall-konklużjoni li dawn l-impriżi kienu waqqfu kull kuntatt, bilaterali jew trilaterali, in segwitu għall-irtirar ta' Sumitomo mill-akkordju fl-aħħar tas-sena 1998.

 Fuq il-perijodu li jibda mill-aħħar tas-sajf 1990 sax-xahar ta' Marzu 1992

141    Għal dak li għandu x'jaqsam mal-perijodu li jibda mill-aħħar tas-sajf 1990 sax-xahar ta' Marzu 1992, jeħtieġ li jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li d-dikjarazzjoni ta' Rhône-Poulenc tas-26 ta' Mejju 1999 tindika inekwivokament li Degussa, Rhône-Poulenc u Nippon Soda ltaqgħu f'Hong Kong fl-aħħar tas-sajf 1990 biex jiddiskutu t-tnaqqis reċenti fil-prezz tal-metjonina u, dakinhar ftehmu li jgħollu l-prezzijiet tagħhom minn 2.5 għal 2.8 USD/kg.

142    In-nota ta' Nippon Soda dwar il-laqgħa miżmuma f'Seul fis-7 ta' Novembru 1990, li l-Kummissjoni tistaqsi jekk din hijiex fir-realtà l-istess laqgħa li nżammet fid-19 ta' Novembru 1990 fejn Rhône-Poulenc sitwata f'Hong Kong, fid-dikjarazzjoni addizzjonali tagħha tal-5 ta' Diċembru 2000, tagħmel riferiment għall-fatt li l-parteċipanti kienu ftehmu fuq il-punti segwenti: l-ewwel, iż-żamma tal-prezzijiet fis-seħħ fiż-żona ta' prevalenza tal-mark Ġermaniż (DEM) (jiġifieri 5.10 DEM/kg) matul l-ewwel trimestru tas-sena 1991; it-tieni, it-tħabbir taż-żieda fil-prezzijiet b'madwar 10% f'din l-istess żona b'effett mix-xahar ta’ April 1991, it-tielet, żieda ġenerali fil-prezzijiet fil-kuntest tat-tieni kampanja li tibda mix-xahar ta' Jannar 1991 u, sussegwentement, ir-raba' punt, adattazzjoni tal-prezzijiet fiż-żoni fejn il-prezz kien baxx (b'mod partikolari fil-Kanada) bil-għan li jiskoraġixxi lill-bejjiegħa mill-ġdid milli jerġgħu jesportaw. Barra minn hekk, kellha tinżamm laqgħa fl-aħħar tax-xahar ta' Frar 1991 fl-Ewropa bil-għan li jiġu diskussi l-prezzijiet għax-xahar ta’ April 1991 u l-perijodu sussegwenti għal din id-data.

143    Minn dan isegwi li, minn Novembru 1990 għal iktar wara, kienet teżisti volontà komuni bejn il-parteċipanti fil-laqgħat biex jipproċedu b'żieda fil-prezzijiet fejn il-modalità tagħha kienet stabbilita u, b'hekk, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li kien jeżisti akkordju bejniethom.

144    F'dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti, li ma jikkontestax il-kontenut tan-nota ta' Nippon Soda, u li huwa bbażat fuq il-fatt li, b'kuntrast, din in-nota turi li Degussa ma kinitx intenzjonata tgħolli l-prezzijiet mingħajr il-parteċipazzjoni ta' Monsanto, ma jistax jiġi milqugħ.

145    Fil-fatt, minn banda, minn imkien ma jirriżulta minn din in-nota, u b'mod partikolari taħt il-paragrafu (iii) ("Kemm Rhône-Poulenc u kif ukoll Degussa għandhom jagħmlu kuntatt separat ma' Monsanto u jippruvaw jipperswaduha li tingħaqad magħhom fit-tieni kampanja ta' żieda fil-prezzijiet. Bil-għan li tkun lesta għaż-żieda fil-prezzijiet proposta, prevista għal matul u wara x-xahar ta' Jannar 1991, kien meħtieġ li jinżammu laqgħat bejn Monsanto matul ix-xahar ta' Novembru 199[0]") iċċitat mir-rikorrenti, li l-parteċipazzjoni ta' Monsanto kienet kundizzjoni meħtieġa għall-akkordju. In-nota indikata ssemmi biss il-fatt li Rhône-Poulenc u Degussa kellhom jippruvaw jikkonvinċu lil Monsanto tipparteċipa fl-akkordju, u dan qabel iż-żieda fil-prezzijiet proposta f'Jannar 1991, mingħajr ma jindikaw li l-akkordji kienu ser jaqgħu jekk din ma tipparteċipax. L-aġir previst jidher għaldaqstant ukoll li huwa maħsub li jżid l-effikaċja ta' l-akkordju iktar milli bħala kundizzjoni għall-eżistenza tiegħu.

146    Mill-banda l-oħra, anki kieku wieħed kellu jissupponi li dan ir-riferiment jista' jinftiehem li jimponi kundizzjoni fuq l-implementazzjoni ta' l-akkordju, xorta jibqa' l-fatt li bejn il-partijiet kien hemm volontà komuni li jgħollu l-prezzijiet tal-metjonina fis-suq u li, għaldaqstant, l-akkordju antikompetittiv kien iffurmat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 228). Barra minn hekk, il-parti ta' l-akkordju konsistenti fl-addattazzjoni tal-prezzijiet fiż-żoni fejn il-prezzijiet kienu baxxi bil-għan li jiskoraġġixxu lir-rivendituri milli jerġgħu jesportaw kienet indipendenti mill-parteċipazzjoni ta' Monsanto.

147    Barra minn hekk, l-allegati indizji rrilevati mir-rikorrenti li juru li n-nota ta' Nippon Soda tas-7 ta' Novembru 1990 mhijiex l-oriġinali imma traduzzjoni mhux biss jikkostitwixxu sempliċi allegazzjonijiet li hija ma setgħetx tipprova l-veraċità tagħhom, iżda fuq kollox, bl-ebda mod ma jistgħu jippreġudikaw il-valur probatorju ta' dan id-dokument u għandhom jiġu miċħudin bħala infondati.

148    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-affermazzjoni ta' Rhône-Poulenc li tidher fid-dikjarazzjoni tas-26 ta' Mejju 1999, u mfakkra mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, fejn jingħad li Nippon Soda, Degussa u Rhône-Poulenc laħqu ftehim fl-aħħar tas-sajf 1990, f'Hong Kong, biex jgħollu l-prezzijiet minn 2.5 għal 2.8 USD/kg.

149    F'dak li jikkonċerna l-perijodu sussegwenti għall-akkordju ta' Novembru 1990, ir-rikorrenti ssostni mill-ġdid li l-Kummissjoni ma pprovatx il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju jew fi prattika miftehma sa Marzu 1992, fejn il-laqgħat li għalihom hija tammetti li pparteċipat servew biss, fil-fehma tagħha, biex iżidu l-kunfidenza bejn il-kompetituri.

150    Din l-affermazzjoni hija manifestament infondata. Fil-fatt, ir-rikorrenti tonqos milli tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li, għalkemm, effettivament, kif hija tafferma, id-dikjarazzjoni ta' Rhône-Poulenc tas-26 ta' Mejju 1999 issemmi li l-laqgħat trimestrali li bdew fl-1991 kienu jinżammu f'diversi bliet fl-Ewropa u l-Asja u kienu maħsubin biex jgħollu l-livell ta' kunfidenza bejn il-partijiet, dan l-istess dokument iżid li, waqt dawn il-laqgħat, il-parteċipanti "kienu jiddiskutu l-produzzjoni, il-kompetituri fiċ-Ċina u fl-Asja, il-klijenti u l-kuntratti reċenti" u li "huma kienu jiskambjaw spiss iċ-ċifri tal-bejgħ ikkalkolat fuq bażi reġjonali jew skond kull pajjiż". B'hekk, "għalkemm ma kien hemm qatt allokazzjoni ta' klijenti, kien hemm sforz kontinwu sabiex jinżammu l-prezzijiet". Id-dikjarazzjoni addizzjonali ta' Rhône-Poulenc tal-5 ta' Diċembru 2000 iżżid magħha billi tindika li dawn il-laqgħat trimestrali kienu jagħtu lok għal skambju ta' informazzjoni fuq l-istrateġiji tal-prezzijiet u fuq kwistjonijiet ta' produzzjoni, u li l-prezzijiet imfittxija kienu miftehma reġjun b'reġjun. Barra minn hekk, fid-dikjarazzjoni hemm indikat li, filwaqt li wieħed mill-parteċipanti kien qiegħed jilmenta mill-aġir ta' kompetitur ieħor fis-suq, il-partijiet kienu qegħdin jippruvaw isolvu l-kwistjoni. Fl-aħħar nett, Rhône-Poulenc tikkonkludi li l-messaġġ li kien unanimament imxerred kien illi wieħed jastjeni milli jieħu passi drastiċi, b'mod partikolari billi jnaqqas b'mod sostanzjali l-prezzijiet.

151    B'hekk il-Kummissjoni kienet korretta li, fil-premessi 115 sa 123 tad-Deċiżjoni, filwaqt li tibbaża ruħha fuq id-dokumenti deskritti hawn fuq, ċaħdet, fil-premessa 125 tad-Deċiżjoni, l-argument ta' Degussa li jgħid li l-parteċipazzjoni tagħha għal dawn il-laqgħat li għandhom għan antikompetittiv ma ġietx ipprovata għal qabel l-1992.

152    Huwa minnu li d-Deċiżjoni ma ssemmix elementi preċiżi fir-rigward tad-dati u l-postijiet ta' dawn il-laqgħat għas-sena 1991. Madankollu, id-dikjarazzjonijiet ta' Rhône-Poulenc, li mhumiex ikkontestati mir-rikorrenti, jindikaw biċ-ċar li d-deċiżjoni li jinżammu l-laqgħat trimestrali ttieħdet fil-bidu tas-sena 1991. Barra minn hekk, kemm Nippon Soda kif ukoll Rhône-Poulenc jippreżentaw dawn il-laqgħat bħala prattika kontinwa li bdiet mill-1991 sa l-1998. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt, kif invokat mir-rikorrenti, li ebda preċiżjoni fir-rigward taċ-ċirkustanzi taż-żmien u tal-lok tal-laqgħat tal-konċertazzjoni matul is-sena 1991 ma setgħet tiġi pprovata ma huwiex biżżejjed biex iwassal għall-konklużjoni li l-attività tal-konċertazzjoni msemmija waqfet matul dan il-perijodu, in kwantu ġie pprovat li kien jeżisti akkordju mill-aħħar tas-sena 1990 u li r-rikorrenti ma tikkontestax il-parteċipazzjoni tagħha f'akkordju f'Marzu 1992.

153    Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, fin-nuqqas ta' elementi ta' prova li jistgħu jistabbilixxu direttament id-dewmien tal-ksur, il-Kummissjoni għandha tressaq, ta' l-inqas, elementi ta' prova li jirreferu għall-fatti li huma suffiċjentement qrib ta' xulxin fiż-żmien, b'mod li jista' raġjonevolment jiġi aċċettat li l-ksur seħħ b'mod ininterrott bejn żewġ dati preċiżi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, punt 114 iktar ’il fuq, punt 79, u tas-6 ta' Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T-62/98, Ġabra p. II-2707, punt 188). Fid-dawl tal-fatt li, minn banda, il-Kummissjoni pprovat debitament l-eżistenza ta' l-akkordju illeċitu f'Novembru 1990, u mill-banda l-oħra, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza tal-ksur li jibda mill-1992 u, fl-aħħar nett, id-dikjarazzjonijiet konkordanti ta' Rhône-Poulenc u ta' Nippon Soda jirreferu għal-laqgħat trimestrali regolari mill-bidu tas-sena 1991, dawn ir-rekwiżiti għandhom jitqiesu li huma sodisfatti fil-każ preżenti.

154    Mis-suespost jirriżulta li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkonstatat li r-rikorrenti kienet ipparteċipat f'akkordju u/jew fi prattika miftehma bejn l-aħħar tas-sena 1988 u x-xahar ta' Marzu 1992.

b)     Fuq in-natura waħdanija u kontinwa tal-ksur

155    Jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE jista' jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta' atti jew inkella minn aġir kontinwu. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iktar minn dawn is-serje ta' atti jew minn dan l-aġir kontinwu jistgħu jikkostitwixxu wkoll minnhom innifishom, u meta meħudin iżolatament, ksur tad-dispożizzjoni msemmija (ara f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 136 iktar ’il fuq, punt 81). Meta d-diversi azzjonijiet jidħlu fi "pjan ġenerali", minħabba li l-għan identiku tagħhom jkun iħassar l-andament tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, il-Kummissjoni hija intitolata tagħti r-responsabbiltà għal dawn l-azzjonijiet skond il-parteċipazzjoni fil-ksur meħud fit-totalità tiegħu. (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 258).

156    Madankollu, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-akkordji li fihom ir-rikorrenti tammetti li pparteċipat, qabel l-aħħar tas-sena 1988 u wara Marzu 1992, għandhom bħala atturi, barra Sumitomo li rtirat fl-1988, l-istess parteċipanti u għandhom għan identiku għal dak l-akkordju li fih ipparteċipat ir-rikorrenti bejn l-1988 u l-1992, jiġifieri aġir miftiehem bil-għan li jinżammu u jiżdiedu l-prezzijiet fis-suq tal-metjonina fiż-ŻEE kif ukoll l-iskambju ta' informazzjoni fuq il-prezzijiet, l-ishma mis-suq u l-volumi ta' bejgħ.

157    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkonkludiet, fil-premessi 206 sa 212 tad-Deċiżjoni li l-ksur li fih kienu pparteċipaw Degussa, Rhône-Poulenc u Nippon Soda kellu jiġi kkwalifikat bħala waħdieni u kontinwu.

158    L-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-ksur kien ġie interrott bejn l-aħħar tas-sena 1988 u x-xahar ta' Marzu 1992 għandu għalhekk jiġi miċħud.

B –  Fuq it-tmiem tal-ksur

1.     L-argumenti tal-partijiet

159    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kinitx f'pożizzjoni li tipprova l-parteċipazzjoni fl-akkordju wara l-ħarifa ta' l-1997, mument li fih l-akkordju ġie mwaqqaf wara li telaq H ta' Rhône-Poulenc, meta s-suċċessur tiegħu Z iddeċieda li jwaqqaf kull kuntatt mal-kompetituri.

160    Il-kuntatti ma reġgħux ġew awtorizzati, f'Marzu 1998, minn G, li kien id-direttur ġenerali ta' Rhône-Poulenc, ħlief bil-għan li jitwaqqaf l-akkordju sabiex tiġi evitata distorsjoni kbira ħafna fis-suq.

161    Fl-aħħar nett, l-eżistenza ta' l-akkordju dwar iż-żieda fil-prezzijiet konkluż bejn Degussa u Rhône-Poulenc ma tippermettix li tiġi pprovata l-kontinwazzjoni ta' l-akkordju oriġinali, li kien jinkludi lil Degussa, Rhône-Poulenc u Nippon Soda.

162    Il-Kummissjoni ssostni li l-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta' prova ta' l-allegazzjonijiet tagħha, li jidhru fil-premessi 180 sa 185 tad-Deċiżjoni, mhumiex fondati.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

163    Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li għalkemm, kif tirrileva l-Kummissjoni fil-premessa 180, wara t-tluq ta’ H fil-ħarifa 1997, is-sostitut tiegħu, Z, fil-fatt ordna li tieqaf kull komunikazzjoni ta' Rhône-Poulenc mal-kompetituri tagħha (dikjarazzjoni komplementari tal-5 ta’ Diċembru 2000, p. 226) huwa paċifiku li, mix-xahar ta' Marzu 1998, is-suċċessur ta’ Z, jiġifieri G, awtorizza l-kontinwazzjoni tal-kuntatti mal-kompetituri sabiex iġib "waqfien progressiv" u biex jevita distorsjoni kbira ħafna fis-suq, filwaqt li ordna li ma jibqgħux isiru l-laqgħat trimestrali.

164    Iżda l-kunsiderazzjoni li, skond id-direttur ġenerali ta' Rhône-Poulenc, ma kienx jipparteċipa għal-laqgħat, il-kuntatti bejn il-partijiet fl-akkordju kellhom ikollhom l-għan li jwasslu għat-terminazzjoni ta' l-akkordju b'mod progressiv mhux biss ma twassalx li jiġi stabbilit li dan kien verament il-każ, iżda, fuq kollox, turi li Rhône-Poulenc u l-kompetituri tagħha kellhom l-intenzjoni li jkomplu jiftehmu sa data sussegwenti li fiha jitwaqqaf definittivament l-akkordju. Dan huwa kkorroborat, barra minn hekk, mill-għan tal-laqgħat li nżammu wara l-awtorizzazzjoni ta’ G., u dan kif ser jiġi eżaminat iktar ’l quddiem. Barra minn hekk, skond id-dikjarazzjonijiet ta' Rhône-Poulenc innifisha, kien biss fi Frar 1999 li d-diriġenti ordnaw it-terminazzjoni definittiva tal-kuntatti mal-kompetituri.

165    Il-fatt li l-Kummissjoni, bħala spjegazzjoni probabbli tat-terminazzjoni tal-laqgħat trimestrali, fil-premessa 181 tad-Deċiżjoni, ipproponiet il-fatt li l-istess laqgħat kienu estremament viżibbli u li kienu qegħdin jirriskjaw li jiġu skoperti, minħabba l-investigazzjoni ta' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Amerikani fis-settur tal-vitamini f'dak iż-żmien, huwa irrilevanti f'dan ir-rigward. Fil-fatt, din l-ispjegazzjoni, minn banda, mhijiex ħlief suppożizzjoni li minnha l-Kummissjoni ma tislet ebda konsegwenza fil-konfront tar-rikorrenti u li, mill-banda l-oħra, xejn ma taffettwa l-eżattezza tal-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fejn jingħad li mix-xahar ta' Marzu 1998, il-kuntatti mal-kompetituri kienu ġew awtorizzati mill-ġdid minn G, bħala direttur ġenerali ta' Rhône-Poulenc.

166    Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li nżammu dawn il-laqgħat segwenti, li huma msemmijin fil-premessi 179 sa 184 tad-Deċiżjoni:

Data

Lok

Parteċipanti

Mejju 1998

Frankfurt-am-Main jew Dusseldorf

Degussa, Rhône-Poulenc, Nippon Soda

L-aħħar tas-sajf/bidu tal-ħarifa 1998

Heidelberg

Degussa, Rhône-Poulenc

4 ta' Frar 1999

Nancy

Degussa, Rhône-Poulenc

4 ta' Frar 1999 (filgħaxija)

Pariġi

Nippon Soda, Rhône-Poulenc


167    Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, matul il-perijodu li jibda mill-ħarifa 1997 sax-xahar ta' Frar 1999, Degussa u Rhône-Poulenc iltaqgħu darbtejn, l-ewwel fl-aħħar tas-sajf jew fil-bidu tal-ħarifa 1998 f'Heidelberg, u t-tieni fl-4 ta' Frar 1999, f'Nancy. Skond il-Kummissjoni, Degussa u Rhône-Poulenc ftehmu f'dawn iż-żewġ okkażjonijiet, rispettivament, li jżidu l-prezzijiet u li jiffissaw l-objettivi fil-prezzijiet (3.2 USD/kg, jiġifieri 5.3 DEM/kg).

168    Ir-rikorrenti ma tikkontestax espressament dawn il-fatti, iżda tippretendi li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq dawn l-istess fatti biex turi li dawn huma kontinwazzjoni ta' l-akkordju preċedenti, li kien jinvolvi tliet parteċipanti (Degussa, Rhône-Poulenc u Nippon Soda).

169    Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

170    Fil-fatt, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, mid-dikjarazzjonijiet ta' Rhône-Poulenc jirriżulta li kienu saru xi kuntatti bilaterali, b'mod partikolari permezz tat-telefon, bejn Rhône-Poulenc u Degussa, minn banda, u Rhône-Poulenc u Nippon Soda, mill-banda l-oħra, bejn ix-xahar ta’ April 1998 u l-4 ta' Frar 1999.

171    Barra minn hekk, fid-dikjarazzjonijiet tagħha, li ġew prodotti fl-anness mir-rikorrenti nnifisha, Nippon Soda (anness 7, p. 259) tindika b'mod partikolari li ltaqgħet ma rappreżentant ta' Rhône-Poulenc waqt ikla f'Pariġi f'Ottubru 1998, u ma' rappreżentanti ta' Degussa, l-ewwel darba, fi Frankfurt-am-Main f'Ottubru 1998, u t-tieni darba f'Tokjo fil-ħarifa 1998. Skond Nippon Soda, dawn il-laqgħat kienu maħsubin biex jippermettu lill-parteċipanti jiddiskutu l-kundizzjonijiet tas-suq u x-xejriet fil-prezzijiet. Barra minn hekk, dejjem skond dan id-dokument, Rhône-Poulenc u Nippon Soda ltaqgħu fl-4 ta' Frar 1999 f'Pariġi, l-istess lejla li fiha ltaqgħu Degussa u Rhône-Poulenc f'Nancy, u ddiskutew id-domanda u l-kundizzjonijiet tas-suq tal-metjonina (premessa 183 tad-Deċiżjoni).

172    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta l-fatt li kienet inżammet laqgħa trilaterali f'Mejju 1998 (Rhône-Poulenc għamlitha fi Frankfurt-am-Main, Nippon Soda f'Dusseldorf), li fiha, skond id-dikjarazzjonijiet ta' Rhône-Poulenc li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, Nippon Soda affermat li hija kienet ser issegwi kull żieda fil-prezzijiet.

173    Mis-suespost jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax tippretendi li l-Kummissjoni ma pprovatx għas-suffiċjenza tad-dritt il-parteċipazzjoni ta' Nippon Soda fil-konċertazzjoni msemmija bejn il-ħarifa 1997 u x-xahar ta' Frar 1999. Fil-fatt, matul dan il-perijodu kollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif inhu rrilevat fil-premessa 184 tad-Deċiżjoni, it-tliet parteċipanti fl-akkordju żammew kuntatt bilaterali. Kemm Rhône-Poulenc kif ukoll ir-rikorrenti baqgħu f’kuntatt ma' Nippon Soda bil-għan li jiddiskutu l-kundizzjonijiet tas-suq u l-prezzijiet, u dan meta Nippon Soda kienet indikat il-qbil tagħha mal-prinċipju ma' kull żieda fil-prezzijiet waqt l-aħħar laqgħa trilaterali tax-xahar ta' Mejju 1998. F'dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li dawn it-tliet kumpanniji ma ltqagħux it-tlieta li huma wara l-imsemmija laqgħa trilaterali ma jistax, fil-fatt, iwassal għall-konklużjoni li l-akkordju kien waqaf f'dak iż-żmien.

174    F'dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li mill-premessa 184 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ir-raġunament tagħha fuq is-sempliċi preżunzjoni li kienu saru kuntatti bilaterali wara l-laqgħa ta' Mejju 1998 huwa manifestament infondat. Fil-fatt, huwa fil-premessi 182 sa 184 li l-Kummissjoni wriet, abbażi tad-dikjarazzjonijiet konkordanti ta' Rhône-Poulenc u ta' Nippon Soda, l-eżistenza ta' dawn il-kuntatti, kif ġew spjegati hawn fuq. L-unika suppożizzjoni li l-Kummissjoni tagħmel fil-premessa 184 tirrigwarda l-laqgħa trilaterali li fiha l-parteċipanti ddeċidew li jwaqqfu l-kuntatti trilaterali, suppożizzjoni li bl-ebda mod ma taffettwa l-korrettezza tal-konstatazzjonijiet tagħha.

175    Fi kwalunkwe każ, anki kieku wieħed kellu jissupponi li ma setax jiġi pprovat li Nippon Soda pparteċipat fl-akkordju wara l-ħarifa ta' l-1997, xorta jibqa' l-fatt li, mid-dikjarazzjoni addizzjonali ta' Rhône-Poulenc tal-5 ta' Diċembru 2000, li r-rikorrenti ma kinitx f'pożizzjoni li tikkontesta s-saħħa probatorja tagħha, jirriżulta li Rhône-Poulenc u r-rikorrenti pparteċipaw f'żewġ laqgħat, waħda fl-aħħar tas-sajf jew fil-bidu tal-ħarifa 1998 f'Heidelberg, l-oħra fl-4 ta' Frar 1999 f'Nancy, li fihom kien sar ftehim fuq l-objettivi u ż-żieda fil-prezzijiet. Madankollu, l-irtirar ipotetiku ta' Nippon Soda mill-akkordju preċedenti ma jistax jaffettwa la n-natura manifestament antikompetittiva ta' dawn il-laqgħat u lanqas il-fatt li dawn iservu ta' kontiwazzjoni ta' l-akkordju preċedenti, skond il-ġurisprudenza ċċitatat fil-punt 155 hawn fuq.

176    Mis-suespost jirriżulta li l-ilment tar-rikorrenti dwar id-data tat-terminazzjoni tal-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

C –  Fuq is-sospensjoni ta' l-akkordju

177    Ir-rikorrenti ssostni, sussidjarjament, fl-ipoteżi fejn il-ksur jitqies li huwa waħdieni u kontinwu, li l-Kummissjoni kellu tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-ksur ġie, ta' l-inqas, sospiż mill-aħħar tas-sena 1988 sa Marzu 1992 u mill-ħarifa ta' l-1997, bħalma ġie kkunsidrat fil-kawża magħrufa bħala "tubi ta’ l-azzar" [deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 1999/60/KE tal-21 ta’ Ottubru 1998, relattiva għall-proċediment taħt l-artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/35.691/E-4 – Tubi ta’ l-azzar) (ĠU 1999, L 24, p.1)].

178    F'dan ir-rigward, jeħtieġ mill-ewwel jiġi osservat li dan l-ilment huwa irrilevanti in kwantu jikkonċerna l-perijodu li jiġi wara l-ħarifa 1997. Fil-fatt, is-sospensjoni ta' l-akkordju ma jistax jiġi rrikonoxxut ħlief fl-ipoteżi fejn jirriżulta li l-ksur partikolari, għalkemm waħdieni u kontinwu, kien, matul perijodu qasir, is-suġġett ta' distorsjonijiet b'mod li dan il-perijodu ma jistax jiġi kkalkolat għad-dewmien kollu tal-ksur, u dan peress li sussegwentement l-akkordju kompla pjenament. Dan il-metodu jippermetti għalhekk li jiġi rrikonċiljat l-użu tal-kunċett tal-ksur waħdieni u kontinwu mar-rekwiżiti li joħorġu mill-eżattezza tad-dewmien tal-ksur u għalhekk, in kwantu l-kalkolu ta' l-ammont tal-multa jsir, b'mod partikolari, skond dan l-aħħar kriterju tad-dewmien, mill-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-multa.

179    Madankollu, ir-rikorrenti tippretendi li l-akkordju ġie sospiż fil-ħarifa ta' l-1997 sa l-4 ta' Frar 1999, jiġifieri d-data kkonstatata mill-Kummissjoni bħala li fiha ntemm il-ksur. Dan l-argument iwassal għalhekk, fis-sustanza, għall-kontestazzjoni dwar id-data tat-tmiem tal-ksur u għalhekk itenni l-pretensjonijiet tar-rikorrenti f'dan ir-rigward. L-ilment tar-rikorrenti dwar is-sospensjoni ta' l-akkordju wara l-ħarifa 1997 għandu għalhekk jiġi miċħud għall-motivi esposti fil-punti 163 sa 176 hawn fuq, minn fejn jirriżulta li, in segwitu għall-aħħar laqgħa trilaterali ta' Mejju 1998, komplew isiru xi kuntatti bilaterali bejn Nippon Soda, Rhône-Poulenc u r-rikorrenti sa l-4 ta' Frar 1999.

180    F'dak li jirrigwarda l-perijodu bejn l-aħħar tas-sena 1988 sa Marzu 1992, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma taqax minnha nnifisha taħt il-kuntest ġuridiku tal-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 87, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fis-sentenza Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq (punti 59 sa 65), il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrileva biss li l-Kummissjoni kienet ammettiet hija stess u ħadet in kunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni tagħha dwar il-kawża tat-tubi ta’ l-azzar, il-fatt li l-akkordju kien ġie sospiż minn Ottubru 1993 sa Marzu 1994 u li għalhekk, b'kuntrast ma' l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma akkużathiex li pparteċipat f'attività antikompetittiva matul dan il-perijodu.

181    Minn dan isegwi li l-fatt li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni, fil-kawża tat-tubi ta’ l-azzar, il-fatt li, fil-fehma tagħha, l-akkordju kien ġie sospiż mhuwiex, minnu nnifsu, biżżejjed biex juri l-illegalità tad-Deċiżjoni in kwantu l-Kummissjoni lanqas ma pproċediet fiha.

182    Barra minn hekk, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn din il-kawża u l-kawża tat-tubi ta’ l-azzar invokata mir-rikorrenti. Fil-fatt, f'din l-aħħar kawża, il-Kummissjoni, fil-premessa 152 tad-deċiżjoni tagħha, sostniet effettivament li, matul il-perijodu ta' sitt xhur mix-xahar ta’ Ottubru 1993 sa Marzu 1994, l-akkordju, li kien ġie kklassifikat bħala ksur waħdieni u kontinwu, kien ġie sospiż. F'dan ir-rigward hija ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt, minn banda, li l-produtturi kienu ddikjaraw li faqqgħet "gwerra ta' prezzijiet" u li l-prezzijiet fis-swieq prinċipali kienu tbaxxew effettivament b'20% u, mill-banda l-oħra, li għalkemm il-produtturi kienu komplew jiltaqgħu bilateralment jew trilateralment matul dan il-perijodu, ebda dettalji, apparti t-talba għal kumpens magħmula minn Tarco u li ġiet irrifjutata minn Lögstör, ma kienu disponibbli fir-rigward ta' l-għan ta' dawn il-laqgħat (premessa 52).

183    Fil-każ preżenti, għalkemm huwa korrett li jingħad li min-nota ta' Nippon Soda tal-5 ta' Mejju 1990 jirriżulta li Degussa temporanjament raħħset il-prezzijiet tal-metjonina, ix-xebh mal-kawża tat-tubi ta’ l-azzar ma jistax imur lil hinn minn din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, b'kuntrast mas-sitwazzjoni preżenti f'dik il-kawża, il-Kummissjoni, f'din il-kawża, kienet fil-pussess ta' elementi konklużivi li juru li, għalkemm il-parteċipanti fl-akkordju ma waslux biex jiftehmu fuq żieda fil-prezzijiet qabel Novembru 1990, il-laqgħat li nżammu bejn l-aħħar tas-sena 1988 u Novembru 1990, li fihom ipparteċipat ir-rikorrenti, kellhom l-għan li jintlaħaq ftehim fuq aġir komuni li kellu jittieħed fil-konfront tad-dħul fis-suq ta' Monsanto u li tiġi skambjata informazzjoni dwar l-attività ta' l-istess Monsanto, dwar il-volum ta' bejgħ u l-prezzijiet tal-metjonina, hekk kif ġie stabbilit preċedentement.

184    Barra minn hekk, b'kuntrast ma' dak li ġie kkonstatat fil-kawża tat-tubi ta’ l-azzar, mid-dikjarazzjoni ta' Rhône-Poulenc tas-26 ta' Mejju 1999 jirriżulta li l-waqgħa fil-prezzijiet tal-metjonina mis-sajf 1989 kienet dovuta mhux għall-fatt li l-parteċipanti fl-akkordju kienu reġgħu stabbilixxew kompetizzjoni ħielsa bejniethom, imma minħabba d-dħul fis-suq ta' Monsanto u ta’ MHA, kif ukoll minħabba t-tnaqqis ġenerali fid-domanda. Min-nota ta' Nippon Soda tal-5 ta' Diċembru 1990 jirriżulta wkoll li kien proprju biex tieħu lura l-klijenti ta' Monsanto li Degussa raħħset mill-ewwel il-prezzijiet tagħha u li mbagħad hija pproponiet lill-parteċipanti fl-akkordju biex jgħollu l-prezzijiet għax-xahar ta' Lulju 1990, meta Monsanto kienet hija wkoll ħabbret żieda fil-prezzijiet tagħha f'Lulju 1990.

185    Fl-aħħar nett, kif diġà ġie kkonstatat preċedentement, il-Kummissjoni stabbilixxiet korrettement li kien ġie konkluż akkordju maħsub li jgħolli l-prezzijiet fl-aħħar tas-sajf u/jew f'Novembru 1990, li kien ġie segwit b'laqgħat trimestrali li fihom kienet ġiet skambjata informazzjoni fuq is-suq u kienu ġew iffissati prezzijiet li wieħed kien qiegħed jimmira għalihom.

186    Fid-dawl ta' l-elementi probatorji li l-Kummissjoni tagħmel riferiment għalihom, l-ilment tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li l-ksur kien ġie sospiż, ta' l-inqas, bejn l-1988 u l-1992, għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat. Din il-konklużjoni ma tippreġudikax madankollu l-kwistjoni ta' l-effetti konkreti tal-ksur fis-suq matul dan il-perijodu.

187    Mill-kunsiderazzjonijiet suesposti jirriżulta li t-tieni argument għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

III –  Fuq it-tielet argument, ibbażat fuq l-iżbalji fl-evalwazzjoni, fuq l-iżball ta’ dritt u ta' fatt, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, fuq l-ugwaljanza fit-trattament u fuq in-non retroattività tal-pieni kif ukoll fuq l-obbligu tal-motivazzjoni fl-iffissar ta' l-ammont tal-multa

188    It-tielet argument jinqasam fis-sustanza f'erba' partijiet, relattivi għall-gravità tal-ksur, għaż-żieda fil-multa sabiex jiġi assigurat element dissważiv adegwat, għall-kooperazzjoni tar-rikorrenti u għall-ksur tal-prinċipju tan-non retroattività tal-pieni, rispettivament.

A –  Fuq il-gravità tal-ksur

189    Ir-rikorrenti tinvoka, fis-sustanza, tliet ilmenti, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni fid-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, fit-tieni lok, fuq l-iżball fl-evalwazzjoni fir-rigward tal-portata tas-suq ġeografiku kkonċernat u, fit-tielet lok, fuq żball fl-evalwazzjoni fir-rigward tal-ksur fis-suq.

1.     Fuq il-motivazzjoni tal-gravità tal-ksur

a)     L-argumenti tal-partijiet

190    Ir-rikorrenti ssostni, fis-sustanza, li l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tan-natura gravi ħafna tal-ksur ma ġietx motivata suffiċjentement, b'mod partikolari minħabba l-fatt li l-ammont bażiku tal-multa, jiġifieri 35 miljun EUR, huwa ogħla mill-minimu previst mil-linji gwida għall-ksur li huwa kklassifikat bħala gravi ħafna, jiġifieri 20 miljun EUR. Hija ssostni b'mod partikolari li, skond il-prinċipju ta’ legalità tal-pieni, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra d-diversi elementi kkonstatati sabiex il-ksur jiġi kklassifikat bħala gravi ħafna u tiffissa l-imsemmi ammont bażiku.

191    Il-Kummissjoni ssostni li dan l-ilment mhuwiex fondat.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

192    Minn ġurisprudenza stabbilita jiriżulta li l-motivazzjoni ta' deċiżjoni individwali għandha turi, b'mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament ta' l-istituzzjoni awtriċi ta' l-att, b'mod li tippermetti lill-persuni interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet wara l-miżura li tkun ittieħdet u lill-qorti kompetenti biex teżeċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni għandu jiġi evalwat skond iċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta' fatt u ta' dritt rilevanti, in kwantu l-kwistjoni dwar jekk l-istess motivazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fir-rigward, mhux biss tal-formulazzjoni ta' l-att in kwistjoni, iżda wkoll mill-kuntest li fih dak l-att ikun ġie adottat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63).

193    Fir-rigward b'mod partikolari tal-kalkolu ta' l-ammont tal-multi imposti mill-Kummissjoni għall-ksur tad-dritt komunitarju tal-kompetizzjoni, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, ir-rekwiżiti tal-formalità sostanzjali li tikkostitwixxi l-obbligu tal-motivazzjoni jiġu sodisfatti jekk il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha, tindika l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tikkalkula l-gravità u d-dewmien tal-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni, C-291/98 P, Ġabra p. I-9991, punt 73). Barra minn hekk, il-portata ta' l-obbligu tal-motivazzjoni għandha titqies fid-dawl tal-fatt li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skond numru kbir ta' fatturi, u dan mingħajr ma tezisti xi lista vinkolanti jew eżawrjenti tal-kriterji li jridu bilfors jittieħdu in kunsiderazzjoni (digriet SPO et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 54; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 378, u tat-30 ta' Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 sa T-214/98, Ġabra p. II-3275, punt 1532).

194    Jeħtieġ ukoll li jiġi mfakkar li l-obbligu tal-motivazzjoni ma jitlobx lill-Kummissjoni li fid-deċiżjoni tagħha tindika l-elementi moħbijin dwar il-metodu ta' kalkolu tal-multi, iżda biss l-elementi valutattivi li jkunu ppermettewlha tikkalkula l-gravità u d-dewmien tal-ksur (ara s-sentenzi Sarrió vs Il-Kummissjoni, punt 193 iktar ’il fuq, punti 73 u 76, u Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 193 iktar ’il fuq, punt 1558).

195    Fil-każ preżenti, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni l-ewwel esponiet, fil-premessi 271 sa 275, li l-ksur in kwantu kkonsista fi prattiċi ta' tqassim tas-suq u ta' ffissar tal-prezzijiet, li huwa fattur prinċipali tal-komnpetizzjoni, kellu bilfors jiġi kklassifikat bħala gravi ħafna. Il-Kummissjoni indikat sussegwentement, fil-premessi 276 sa 291, il-motivi li minħabba fihom hija kienet tqis li l-ksur kellu impatt reali fuq is-suq. Sussegwentement, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 292, li s-suq ġeografiku in kwistjoni kien kompost mill-Komunità kollha kemm hi u, wara l-ħolqien tagħha, miż-ŻEE kollha. Fl-aħħar nett, fil-premessi 294 sa 300, hija esponiet li kien meħtieġ li jitqies kemm kienu realment kapaċi l-impriżi jippreġudikaw b'mod sostanzjali l-kompetizzjoni u b'hekk, fid-dawl ta' l-ishma mis-suq tal-parteċipanti fl-akkordju, jiġu ffurmati żewġ kategoriji ta' impriżi, bl-ewwel waħda tinkludi lil Degussa u Rhône-Poulenc, u t-tieni lil Nippon Soda. Il-Kummissjoni ddeduċiet finalment, fil-premessa 302, li l-ammont bażiku tal-multa skond il-gravità kellu jiġi ffissat fl-ammont ta' 35 miljun EUR fir-rigward ta' Degussa u ta' Rhône-Poulenc, u fl-ammont ta' 8 miljun EUR fir-rigward ta' Nippon Soda.

196    Jeħtieġ għalhekk li jiġi konkluż ukoll, fid-dawl ta' l-elementi fattwali li jiddeskrivu l-funzjonament ta' l-akkordju li huma ppreżentati fil-premessi 79 sa 185, li l-Kummissjoni esponiet għas-suffiċjenza tad-dritt il-motivi li, fil-fehma tagħha, kienu jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni tal-ksur "gravi ħafna". Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza ċċitatat fil-punti 193 u 194 hawn fuq, ir-rekwiżit tal-motivazzjoni ma jirrikjedix li l-Kummissjoni jkollha tispjega l-ħsieb aritmetiku tal-kriterji meħudin in kunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur. L-argument tar-rikorrenti li jsostni li l-Kummissjoni, meta ma indikatx il-ħsieb tal-kriterji kkonstatati f'dan ir-rigward, jiġifieri n-natura tal-ksur, il-portata tas-suq ġeografiku kkonċernat u l-impatt reali tal-ksur fuq is-suq, kisret il-prinċipju ta’ legalità, fejn l-obbligu tal-motivazzjoni huwa wieħed mill-espressjonijiet ta' l-istess prinċipju, għandu għalhekk jiġi miċħud.

197    Fir-rigward, fl-aħħar nett, ta' l-argument tar-rikorrenti li jssostni li d-Deċiżjoni ma tagħmilx riferiment għall-motivi li jiġġustifikaw l-iffissar ta' ammont ogħla mill-minimu previst mil-linji gwida għall-ksur gravi ħafna, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond it-tielet paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida msemmija (li l-legalità tagħhom mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti), l-ammonti bażiċi "kontemplabbli" għall-ksur li jiġi kklassifikat bħala gravi ħafna huma "ogħla minn 20 miljun EUR". Il-Kummissjoni ħasset għalhekk li kellha tirriżerva għaliha l-possibbiltà li, skond il-poter diskrezzjonali wiesa' li hija għandha fil-qasam tal-multi, tiffissa l-ammonti bażiċi f'ammont ogħla minn dan l-ammont skond iċ-ċirkustanzi ta' kull każ. F'dawn iċ-ċirkustanzi, m'hemmx għalfejn tiġi mitluba tesponi l-motivi speċifiċi li jkunu wassluha tiffissa ammont bażiku ogħla minn 20 miljun EUR, peress li d-deċiżjoni tagħha tesponi għas-suffiċjenza tad-dritt il-motivi li jiġġustifikaw minnhom innifishom l-iffissar ta' l-ammont bażiku fil-livell stabbilit minn din id-deċiżjoni. B'hekk kif jirriżulta mill-punt 196 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni esponiet għas-suffiċjenza tad-dritt l-elementi li, fil-fehma tagħha, kienu jiġġustifikaw li l-ammont bażiku tal-multa skond il-gravità tal-ksur jiġi ffissat fl-ammont ta' 35 miljun EUR.

198    L-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni għall-klassifikazzjoni tal-ksur gravi ħafna u għall-iffissar ta' l-ammont bażiku tal-multa skond il-gravità tal-ksur fl-ammont ta' 35 miljun EUR għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat.

2.     Fuq il-portata tas-suq ġeografiku in kwistjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

199    Ir-rikorrenti ssostni li, b'kuntrast ma' dak li ssostni l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, minn ċerti partijiet tad-Deċiżjoni jirriżulta impliċitament li l-akkordju ntqies li kien dinji. Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat b'mod partikolari li ż-żidiet fil-prezzijiet kienu ġew diskussi "għal kull reġjun u kull pajjiż" (premessa 128), u għamlet riferiment għar-reġjuni l-oħrajn tad-dinja apparti ż-ŻEE matul id-Deċiżjoni kollha (premessi 138, 139, 155 u 158). Minn banda, din il-konstatazzjoni ma hija bl-ebda mod ikkorroborata minn elementi ta' prova. Mill-banda l-oħra, bil-fatt li l-Kummissjoni kkonstatat li l-ksur kien ta' portata mondjali, hija kisret il-prinċipju ne bis in idem u waslet għal evalwazzjoni sproporzjonata dwar ir-riperkussjonijiet ta' l-akkordju.

200    Il-Kummissjoni ssostni li dan l-argument huwa infondat.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

201    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrileva li, għalkemm ċerti partijiet tad-Deċiżjoni jagħmlu riferiment qasir għad-diskussjonijiet li jirrigwardaw il-pajjiżi li mhumiex Ewropej (ara, b'mod partikolari, il-premessi 87, 138 u 139), mill-premessa 2 tad-Deċiżjoni jirriżulta madankollu b'mod ċar li l-Kummissjoni limitat il-konstatazzjoni tagħha tal-ksur għaż-ŻEE kollha. Dan jinsab ikkonfermat fil-premessa 292, fl-eżami tad-daqs tas-suq ġeografiku in kwistjoni.

202    Huwa korrett għaldaqstant li jiġi kkonstatat, bħalma affermat ir-rikorrenti, li l-Kummissjoni qieset li l-akkordju kien ta' portata mondjali. Fi kwalunkwe każ, anki kieku wieħed kellu jissupponi li dan kien il-każ, jeħtieġ li jiġi osservat li, fid-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa esposta fil-premessi 268 sa 312, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma ħadet in kunsiderazzjoni l-portata mondjali potenzjali ta' l-akkordju, fejn l-elementi tiegħu, iċċitati iktar 'il fuq, li jakkreditaw din il-portata jinsabu biss, b'mod inċidentali, fil-parti deskrittiva tal-funzjonament ta' l-akkordju (premessi 79 sa 185). Mill-banda l-oħra, mill-premessi 272, 275 u 293, kif ukoll mit-titolu stess tal-kap dwar "l-impatt reali tal-ksur fuq is-suq tal-metjonina taż-ŻEE" jirriżulta, b'mod partikolari, li kienu biss il-karatteristiċi tal-ksur relattivi għas-suq komuni u, wara l-ħolqien tagħha, għaż-ŻEE li ttieħdu in kunsiderazzjoni waqt id-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa.

203    Jeħtieġ għalhekk li jiġi konkluż li l-Kummissjoni, b'kuntrast ma' dak li ssostni r-rikorrenti, ma kkonstatatx iċ-ċirkustanza aggravanti ta' l-allegata dimensjoni mondjali ta' l-akkordju. Jeħtieġ għalhekk li l-ilment preżenti jiġi miċħud.

3.     Fuq l-evalwazzjoni ta' l-impatt tal-ksur fuq is-suq

a)     L-argumenti tal-partijiet

204    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma wrietx għas-suffiċjenza tad-dritt l-impatt konkret li l-ksur kellu fuq is-suq.

205    Hija tosserva li l-akkordju ma kien jipprevedi ebda mekkaniżmu għaż-żieda fil-prezzijiet u li kienu ġew stabbiliti biss prezzijiet li wieħed jimmira għalihom. Bl-istess mod, ma kien jeżisti ebda mekkaniżmu għat-tqassim ta' kwoti, ta' volumi jew ta' klijenti, u lanqas mekkaniżmu ta' sorveljanza u ta' kumpens biex tiġi assigurata l-osservanza tal-prezzijiet imfittxija.

206    Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li l-Kummissjoni, filwaqt li rrilevat il-fatt li n-nuqqas ta' parteċipazzjoni ta' Novus fl-akkordju kien jimpedixxi li jintlaħqu l-prezzijiet li wieħed jimmira għalihom (premessi 276 et seq) u li, minkejja l-ksur, il-prezzijiet kienu roħsu mill-1992 sa l-1997 (premessi 287 et seq), hija kienet żbaljata meta qieset li dawn iċ-ċirkustanzi ma kinux juru li l-implementazzjoni ta' l-akkordji ma kinitx influwenzat l-istruttura u ċ-ċaqliq fil-prezzijiet fis-suq tal-metjonina, u għalhekk evalwat b'mod żbaljat ir-riperkussjonijiet konkreti tal-ksur fuq is-suq.

207    Bil-fatt li l-Kummissjoni kkonstatat biss l-impatt tal-ksur fuq is-suq, il-Kummissjoni marret kontra l-linji gwida, li jipprovdu, fit-tielet paragrafu tal-punt 1 A, fir-rigward tal-kategoriji tal-ksur skond il-gravità, li, "f'kull kategorija, u b'mod partikolari għall-kategoriji gravi u gravi ħafna, il-portata tas-sanzjonijiet ikkonstatati tippermetti li ssir distinzjoni fit-trattament li jeħtieġ li jingħata lill-impriżi skond in-natura tal-ksur imwettaq". Bl-istess mod, għalkemm hija tammetti li l-ksur kien jikkostitwixxi sitwazzjoni ta' fatt kumplessa li adatta ruħu, matul is-snin, għall-kundizzjonijiet reali tas-suq, il-Kummissjoni ma ddistingwietx bejn ir-riperkussjonijiet konkreti ta' din is-sitwazzjoni kumplessa.

208    Il-Kummissjoni, bil-fatt li naqset li tressaq prova ta' l-impatt konkret ta' l-akkordju, naqset b'hekk mir-rekwiżiti relattivi għall-oneru tal-prova. Ir-rikorrenti tenfasizza fil-fatt li, fil-premessa 287 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tindika li l-impriżi parteċipanti ma ressqux prova tal-fatt li l-implementazzjoni ta' l-akkordju ma influwenzatx l-iffissar u l-varjazzjoni tal-prezzijiet fis-suq tal-metjonina. Kienet il-Kummissjoni li kellha tipprova kemm il-portata ta' l-impatt kif ukoll l-eżistenza stess tal-ksur (ara s-sentenzi Hüls vs Il-Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, punt 154, u Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 58). Peress li, skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma pprovatx il-portata ta' l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx il-portata ta' l-impatt konkret fuq is-suq, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li dan l-impatt ma eżistiex, u għaldaqstant li l-ammont tal-multa kellu jkun inqas. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ssostni li kellu jkun aċċettabbli biss l-ammont minimu previst għall-ksur gravi ħafna, jiġifieri 20 miljun EUR.

209    Il-Kummissjoni ssostni li dan l-argument huwa infondat.

210    Hija tosserva mill-ewwel li hija bl-ebda mod ma affermat, fil-parti tad-Deċiżjoni dwar l-impatt reali tal-ksur, li kienu jeżistu mekkaniżmi kemm ta' żidiet fil-prezzijiet, tqassim ta' kwoti, ta' volumi jew ta' klijenti, kif ukoll ta' sorveljanza jew ta' kumpens biex tiġi assigurata l-osservanza tal-prezzijiet li wieħed jimmira għalihom, b'mod li l-argumenti tar-rikorrenti f'dan ir-rigward huma infondati.

211    Sussegwentement, hija ssostni li, barra mill-effett konkret fuq is-suq, hija ħadet in kunsiderazzjoni n-natura tal-ksur u l-portata tas-suq ġeografiku kkonċernat, affarijiet dawn li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti.

212    Barra minn hekk, hija tfakkar li l-akkordji antikompetittivi ġew implementati u li l-prezzijiet indikattivi kienu ġeneralment imħabbra lill-klijenti permezz ta' l-istampa speċjalizzata. Dan it-tħabbir bilfors kien ser ikollu impatt fuq is-suq (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Cascades vs Il-Kummissjoni, T-308/94, Ġabra p. II-925, punt 177). L-isforzi tal-parteċipanti biex jaqilbu l-waqgħa fil-prezzijiet wara d-dħul ta' Monsanto fis-suq u wara t-tnaqqis fid-domanda twettqu b'suċċess.

213    Minn dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li m'hemm l-ebda dubju li l-akkordju kellu impatt reali fuq is-suq, li jista' jiġi evalwat, anki jekk huwa impossibbli li jiġi ddeterminat safejn il-prezzijiet effettivi kienu tbiegħdu mill-prezzijiet li kienu jintalbu fin-nuqqas tal-kollużjoni. Il-linji gwida jipprovdu fil-fatt li l-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur fis-suq u mhux il-portata ta' dan l-impatt.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

214    Jeħtieġ li jiġi rrilevat mill-ewwel li, għalkemm il-Kummissjoni ma semmietx espressament il-linji gwida fid-Deċiżjoni, hija madankollu stabbilixxiet l-ammont tal-multa imposta lir-rikorrenti billi applikat il-metodu ta' kalkolu li hemm preskritt fihom.

215    Skond il-linji gwida (punt 1 A, l-ewwel paragrafu), "l-evalwazzjoni tan-natura tal-gravità tal-ksur għandha tieħu in kunsiderazzjoni […] l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan ikun miżurabbli".

216    Bl-istess mod, skond il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni hija obbligata tagħmel din l-analiżi meta jkun jidher li dan l-impatt ikun miżurabbli (ara s-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 143).

217    Huwa f'dan il-kuntest li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-fatt li l-ksur, fil-fehma tagħha, kellu impatt reali fuq is-suq tal-metjonina fiż-ŻEE (premessi 276 sa 291).

218    Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, fil-każ preżenti, għall-finijiet ta' l-analiżi ta’ l-evalwazzjoni ta' l-effetti tal-ksur li tagħmel il-Kummissjoni, huwa biżżejjed li tiġi eżaminata l-evalwazzjoni ta' l-effetti ta' l-akkordju fuq il-prezzijiet magħmula minnha.

219    Fil-fatt, minn banda, jeħtieġ li jiġi osservat li, għalkemm il-ksur ġie deskritt mill-Kummissjoni bħala akkordju maħsub biex iżomm jew biex jgħolli l-prezzijiet, li fil-kuntest tiegħu ġiet skambjata informazzjoni fuq il-volum ta' bejgħ u l-ishma mis-suq, l-impatt tal-ksur fuq is-suq ġie evalwat biss fid-dawl ta' l-effetti tiegħu fuq il-ksur. Mill-banda l-oħra, l-analiżi ta' l-effetti ta' l-akkordju fuq il-prezzijiet, fi kwalunkwe każ, tippermetti li jiġi analizzat ukoll jekk l-għan previst mill-iskambju ta' informazzjoni fuq il-volum ta' bejgħ u l-ishma mis-suq ġiex milħuq, fid-dawl tal-fatt li dan l-iskambju kien maħsub preċiżament biex jippermetti l-applikazzjoni effettiva ta' l-akkordju fuq il-prezzijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 148, u l-ġurisprudenza ċċitata).

220    Barra minn hekk, b'risposta għall-argument tar-rikorrenti li jgħid li n-nuqqas, li mhuwiex ikkontestat mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' l-ilment preżenti, ta' mekkaniżmi għal żieda fil-prezzijiet, ta' tqassim ta' volum jew ta' klijenti, ta' sorveljanza u ta' kumpens juri l-ineżistenza ta' l-effetti konkreti tal-ksur fuq is-suq, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, għalkemm in-nuqqas ta' l-imsemmija mekkaniżmi jista' jipprovdi spjegazzjoni għall-ineżistenza ta' effetti konkreti tal-ksur fuq il-prezzijiet, fl-ipoteżi fejn din l-ineżistenza tkun trid tiġi kkonstatata, hija ma tippermettix madankollu li wieħed jippreżumi li l-ksur ma kellux dawn l-effetti. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu analizzati l-elementi invokati mill-Kummissjoni li huma maħsubin biex juru l-eżistenza ta' dan l-impatt.

221    F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet li, matul id-dewmien kollu ta' l-akkordju, il-membri tal-kollużjoni rnexxielhom iżommu l-prezzijiet f'livell ogħla minn dak li kien jipprevali fin-nuqqas ta' dawn l-arranġamenti illeċiti (premessa 289).

222    Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, waqt id-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-kuntest regolamentari u ekonomiku ta' l-aġir sanzjonat (sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 612, u Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 38). Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, biex jiġi evalwat l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, hija l-Kummissjoni li għandha tirreferi għall-andament tal-kompetizzjoni li jkun jeżisti normalment fin-nuqqas tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, punti 619 u 620; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T-347/94, Ġabra p. II-1751, punt 235, u tal-11 ta' Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T-141/94, Ġabra p. II-347, punt 645).

223    Minn dan isegwi li, fil-każijiet ta' akkordji dwar il-prezzijiet, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-fatt li l-akkordji ppermettew effettivament lill-impriżi kkonċernati li jilħqu prezz ogħla minn dak li kien jipprevali fin-nuqqas ta' akkordju tawtorizza lill-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa, l-importanza ta' l-effetti negattivi tal-ksur fuq is-suq u b'hekk tiffissa l-ammont tal-multa skond il-gravità tal-ksur f'ammont ogħla minn dak li kien jiġi ffissat kieku ma kienx hemm din il-konstatazzjoni.

224    Fil-kuntest ta' din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-kundizzjonijiet oġġettivi kollha tas-suq ikkonċernat, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u potenzjalment regolamentari li jipprevali. Jeħtieġ li tittieħed in kunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, l-eżistenza ta' "fatturi ekonomiċi oġġettivi" li juru li, fl-ambitu tal-"kompetizzjoni ħielsa", il-prezzijiet ma kinux jiżviluppaw bl-istess mod bħal dak tal-prezzijiet li fil-fatt intalbu (ara s-sentenzi Cascades vs Il-Kummissjoni, punt 212 iktar ‘il fuq, punti 183 u 184, u Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 222 iktar ’il fuq, punti 234 u 235).

225    Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni invokat tliet elementi essenzjali in sostenn tal-konklużjonijiet tagħha fir-rigward ta' l-impatt reali fuq il-prezzijiet.

226    Fl-ewwel lok, hija kkunsidrat, minn banda, li l-ksur twettaq minn impriżi li, fiż-żmien tal-fatti in kwistjoni, "kellhom l-ikbar sehem " u, mill-banda l-oħra, li, fid-dawl tal-fatt li l-arranġamenti li rriżultaw kienu maħsubin speċifikament sabiex jgħollu l-prezzijiet iktar minn dawk li kienu diversament jirriżultaw u sabiex jirrestrinġu l-kwantitajiet mibjugħa u li dawn ġew implementati b'mod kontinwu matul iktar minn għaxar snin, dawn bilfors kellhom impatt reali fuq is-suq (premessi 276, 278, 281 u 287).

227    F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li l-arranġamenti kollużivi ġew implementati u li l-partijiet skambjaw iċ-ċifri tal-bejgħ tagħhom matul l-akkordju kollu bil-għan li jiftehmu fuq objettivi ta' prezzijiet ġodda. Il-Kummissjoni żżid li l-objettivi ġodda ta' prezz kienu mħabbra effettivament lill-klijenti permezz ta' l-istampa speċjalizzata (premessa 278).

228    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni nnutat li, matul l-ewwel snin ta' l-akkordju, il-parteċipanti fittxew fuq kollox li jgħollu l-prezzijiet tal-metjonina. Mad-daħla ta' Monsanto fis-suq, fl-1989, u t-tnaqqis ġenerali tad-domanda, it-tendenza tat-tnaqqis fil-prezzijiet kienet ġiet maqluba madankollu permezz ta’ l-isforzi konġunti tal-membri fil-kollużjoni. Sussegwentement, huma għamlu mill-aħjar li setgħu biex iżommu l-prezzijiet fil-livell eżistenti tagħhom (premessa 279).

229    Dan jinsab ikkonfermat f'nota mibgħuta minn Nippon Soda dwar il-laqgħa li nżammet fis-17 ta' Mejju 1993, fejn jirriżulta li l-prezzijiet tal-metjonina kienu għolew. Degussa rnexxielha tbiegħ il-metjonina bil-prezz ta' 6.8 DEM/kg lil wieħed mill-ikbar klijenti tagħha, Cebeco. Qabel il-laqgħa tas-7 ta' Novembru 1990, il-prezzijiet kienu għadhom 2.50 USD/kg (4.03 DEM/kg). Barra minn hekk, waqt il-laqgħa tagħhom ta' Novembru 1990, il-membri tal-kollużjoni ftehmu li jgħollu l-prezz minn 2.50 għal 2.80 USD/kg (4.51 DEM/kg). Nippon Soda ssemmi prezzijiet li huma ogħla: l-ewwel żieda, tax-xahar ta' Jannar 1991, kienet mistennija tgħolli l-prezz għal 3.30-3.50 USD/kg [jiġifieri valur medju ta' 5.10 DEM/kg, skond l-informazzjoni pprovduta minn Nippon Soda nnifisha, u varjetà ta' prezz ta' 5.31-5.64 DEM/kg abbażi taċ-ċifri ta' l-Uffiċċju Statistiku tal-Komunitajiet Ewropej (Eurostat)] u t-tieni żieda għal 3.60-3.70 USD/kg (5.80-5.92 DEM/kg) (premessa 280).

230    Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Kummissjoni, fil-premessa 290, irrilevat li huwa diffiċli li jiġi konċepit li l-partijiet kienu jiftehmu regolarment biex jiltaqgħu fl-erba' rkejjen tad-dinja biex jiffissaw l-objettivi tal-prezzijiet matul id-dewmien tal-ksur, u dan fid-dawl tar-riskji li dan kien jinvolvi, jekk huma kellhom l-impressjoni li l-akkordju bil-kemm kellu effett fis-suq tal-metjonina.

231    Jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi osservat, bħalma ssemmi fis-sustanza l-Kummissjoni fil-premessa 277 tad-Deċiżjoni, li l-prova ta' l-effetti konkreti tal-ksur fuq is-suq tista', f'ċerti każijiet, tirriżulta b'mod partikolari diffiċli fid-dawl tal-fatt li din il-prova timplika l-paragun tas-sitwazzjoni li tirriżulta minn dan il-ksur mas-sitwazzjoni li kienet tiġi osservata fin-nuqqas ta' l-istess ksur, li hija minnha nnifisha ipotetika. F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni, fl-analiżi ta' l-elementi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni bil-għan li turi l-impatt fuq is-suq, minn banda, il-fatt li l-ksur imur lura, f'parti minnu, għall-perijodu passat (fejn il-punt tal-bidu tal-ksur, li mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti, ġie ffissat mill-Kummissjoni fil-bidu tas-sena 1986) u, mill-banda l-oħra, fir-rigward tal-perijodu sussegwenti għall-1993, il-fatt li t-tendenza tal-prezzijiet kienet tiġbed lejn ir-roħs tagħhom (minħabba, b'mod partikolari, il-kompetizzjoni eżerċitata minn Novus), ħaġa din li timplika li kien jaqbel għall-Kummissjoni li turi mhux li l-prezzijiet kienu qegħdin jiżdiedu minħabba l-kollużjoni, iżda illi fin-nuqqas tal-kollużjoni, l-istess prezzijiet kienu ser jorħsu iktar, meta mqabbla mal-prezz reali tagħhom.

232    Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-ewwel serje ta' elementi rrilevati mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li kemm il-fatt li l-partijiet fl-akkordju kellhom sehem maġġoritarju mis-suq kif ukoll li l-arranġamenti li seħħew kienu maħsuba speċifikament biex jgħollu l-prezzijiet f'livell ogħla minn dak li kienu kieku jilħqu u sabiex jirrestrinġu l-kwantitajiet mibjugħin, fejn dan kollu jaqa' fl-għan iktar milli fl-effetti ta' l-akkordju, huma biss indikazzjonijiet li juru li l-ksur seta’ jiġġenera effetti antikompetittivi sostanzjali u mhux li dan kien verament il-każ. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, skond il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni nnifisha, is-sehem mis-suq tal-membri fl-akkordju kien naqas progressivament, mad-dħul ta' Monsanto fis-suq, biex laħaq 60% lejn it-tmiem tal-ksur, filwaqt li Novus (ex Monsanto) kienet saret, matul dan il-perijodu, l-ewwel produttur nazzjonali mondjali tal-metjonina b'iktar minn 30% ta' l-ishma mis-suq (premessa 44), ħaġa din li kienet qajmet il-preokkupazzjoni ta' l-imsemmija membri mill-aħħar tas-sena 1993 (premessa 150).

233    Madankollu, jeħtieġ li jiġi rrilevat barra minn hekk li l-Kummissjoni wriet għas-suffiċjenza tad-dritt li l-arranġamenti kienu ġew implementati u, b'mod partikolari, skond il-formulazzjoni tal-premessa 278, li l-prezzijiet kienu aġġustati skond il-kundizzjonijiet tas-suq (premessi 88, 128, 130, 139, 150 u 154) u, għal dak li għandu x'jaqsam b'mod partikolari mal-perijodi li jibdew mis-sena 1986 sas-sena 1988 u mis-sena 1992 sas-sena 1995, li l-objettivi ta' prezzijiet ġodda kienu ġew effettivament imħabbra lill-klijenti, ġeneralment permezz ta' l-istampa speċjalizzata (premessi 88, 136, 157 u 167). Madankollu, bħalma ssostni l-Kummissjoni, dan it-tħabbir ta' prezzijiet għandu, min-natura tiegħu, impatt fuq is-suq u fuq l-aġir tad-diversi atturi, kemm mil-lat tal-provvista kif ukoll mil-lat tad-domanda, u dan fid-dawl tal-fatt li dan it-tħabbir jinfluwenza l-proċess tad-determinazzjoni tal-prezzijiet in kwantu l-prezz imħabbar jikkostitwixxi punt ta' riferiment fil-każijiet fejn ikun hemm negozjati individwali tal-prezz tal-kummerċ mal-klijenti (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Finnboard vs Il-Kummissjoni, T-338/94, Ġabra p. II-1617, punt 342), li jaraw il-marġni ta' negozjar tagħhom tal-prezzijiet limitat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p I-8375, punt 745).

234    Mill-banda l-oħra, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-implementazzjoni ta' l-akkordji kollużivi dwar il-prezzijiet u t-tħabbir ta' l-objettivi ta' prezzijiet ma ġietx ipprovata għall-perijodu bejn il-ħarifa 1988 u s-sajf 1990, u dan meta l-Kummissjoni tammetti li d-dħul ta' Monsanto fis-suq f'dak iż-żmien ġabet l-inkwiet fost il-parteċipanti (premessa 100).

235    Għal dak li jikkonċerna, imbagħad, l-analiżi taż-żieda fil-prezzijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 280, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li din tippermetti li jiġi kkonstatat b'mod probatorju li l-obbjettivi tal-prezzijiet ffissati mill-membri tal-konċertazzjoni żdiedu bejn l-1990 u 1993. Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond in-nota tal-5 ta' Mejju 1990, il-prezzijiet tal-metjonina waqgħu b'mod sostanzjali fl-1989, biex jilħqu l-prezz ta' 2.00 USD/kg. Bħalma tosserva l-Kummissjoni, mid-dikjarazzjonijiet ta' Rhône-Poulenc jirriżulta li, fl-aħħar tas-sajf 1990, il-prezz tal-metjonina kien ta' 2.50 USD/kg (4.03 DEM/kg) u li kellu jiżdied biex jilħaq it-2.80 USD/kg (4.51 DEM/kg). Barra minn hekk, fin-nota tal-laqgħa tas-7 ta' Novembru 1990, Nippon Soda tindika li, f'dak iż-żmien, il-prezzijiet kienu bejn 3.40 sa 3.50 USD/kg fiż-żona ta' prevalenza tal-mark Ġermaniż. Fl-aħħar nett, fin-nota tas-17 ta' Mejju 1993, Nippon Soda tindika li t-tendenza tal-prezzijiet kienet li jiżdiedu u li Degussa kienet biegħet il-metjonina, waqt it-tieni trimestru tas-sena 1993, lil wieħed mill-klijenti tagħha bil-prezz ta' 6.80 DEM/kg. Barra minn hekk, mill-premessi 132 sa 152, li l-kontenut tagħhom mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti, jirriżulta li, mill-1992 sa 1993, l-obbjettivi tal-prezz żdied minn 6.05 (premessa 132) għal 6.20 DEM/kg (premessa 137), fejn din l-aħħar ċifra kellha tibqa' fis-seħħ, dejjem salv ċerti eċċezzjonijiet, sat-tielet trimestru tas-sena 1993 (premessa 144). Għalkemm dawn l-obbjettivi mhux dejjem intlaħqu, mill-premessa 136 jirriżulta li l-prezz medju tal-metjonina fl-Ewropa kien ta' 5.6 DEM/kg (jiġifieri 3.35 USD/kg) waqt ir-raba' trimestru tas-sena 1992 u ta' 5.20 DEM/kg (jiġifieri 3.23 USD/kg) waqt l-ewwel trimestru tas-sena 1993. Minn dan isegwi li mis-sajf 1990, għalkemm it-tendenza tal-prezzijiet ta' qabel kienet li jorħsu, l-obbjettivi tal-prezzijiet kif ukoll il-prezz tan-negozju żdiedu u, sa ċertu punt, stabbilixxew ruħhom, u għaldaqstant il-Kummissjoni setgħet ġustament tiddeduċi li l-isforzi magħqudin tal-parteċipanti fl-akkordju kellhom impatt konkret fuq is-suq matul dan il-perijodu.

236    Madankollu, jeħtieġ ukoll li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma wrietx bl-istess mod l-influwenza ta' l-akkordju qabel is-sajf 1990, fatt dan li qisu jirrikonoxxi espressament, għal dak li għandu x'jaqsam b'mod partikolari l-perijodu li jibda mill-ħarifa 1988 sas-sajf 1990, u mhux it-tendenza ta' roħs fil-prezzijiet li bdiet mill-1993.

237    Għal dak li għandu x'jaqsam mal-perijodu li jibda mill-ħarifa 1988 sas-sajf 1990, ġie rrilevat preċedentement li, wara l-irtirar ta' Sumitomo mill-akkordju, mad-daħla fis-suq ta' Monsanto u mat-tnaqqis ġenerali tad-domanda, l-akkordju ra ċerta eżitazzjoni, li mmanifestat ruħha b'mod partikolari b'roħs sostanzjali tal-prezzijiet mitluba minn Degussa, li kienet intenzjonata qabel kollox li terġa' tirbaħ sehemha mis-suq fil-konfront ta' Monsanto, fejn dan ir-roħs kellu riperkussjonijiet fuq is-suq kollu kemm hu.

238    Bl-istess mod, fir-rigward tal-perijodu li jibda mis-sena 1993 sat-tmiem ta' l-akkordju, mill-premessi 152 sa 179 jirriżulta li l-obbjettivi tal-prezzijiet raħsu gradwalment u li l-parteċipanti kkonstataw li dawn l-obbjettivi ma kinux intlaħqu (premessi 152, 153 u 160). Għandu jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li l-Kummissjoni stess ammettiet li l-obbjettivi tal-prezzijiet ma kinux intlaħqu u li l-argumenti mressqin minn Degussa, jiġifieri n-nuqqas ta' parteċipazzjoni ta' Novus fl-akkordju u n-nuqqas ta' mekkaniżmi għaż-żieda fil-prezzijiet, għat-tqassim tal-volumi jew tal-klijenti u ta' sorveljanza, setgħu jispjegaw dan il-fatt (premessi 284 sa 287). Hija rrikonoxxiet ukoll li l-fatt li l-prezzijiet tal-metjonina kienu naqsu matul iż-żmien kien jixhed id-diffikultajiet li esperjenzaw il-partijiet biex iżidu l-prezzijiet f'sitwazzjoni tas-suq diffiċli (premessa 288).

239    Minkejja dawn il-konstatazzjoniijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet madankollu, fil-premessa 289, li, matul it-tul kollu ta' l-akkordju, il-membri tal-konċertazzjoni kien irnexxielhom iżommu l-prezzijiet f'livell ogħla minn dak li kien jipprevali kieku ma kienx hemm l-arranġamenti illeċiti.

240    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-aħħar element imqajjem mill-Kummissjoni, li ġie mtenni fil-kuntest tar-rikors preżenti, fejn jingħad li l-parteċipanti fl-akkordju ma kinux jiltaqgħu regolarment matul l-akkordju kollu kieku dan ma kellux effett fuq is-suq, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li dan huwa bbażat fuq konġetturi puri u mhux fuq fatturi ekonomiċi oġġettivi. Peress li m'għandu l-ebda forza probatorja, jeħtieġ li jiġi skartat (ara s-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 159).

241    Mis-suespost jirriżulta li l-Kummissjoni wriet biss parzjalment l-impatt reali ta' l-akkordju fuq is-suq tal-metjonina mill-1986 sa l-1999. B'mod partikolari, il-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li, mill-ħarifa 1988 sas-sajf 1990, in-nuqqas ta' qbil bejn il-membri ta' l-akkordju kkombinat mal-kompetizzjoni offruta mill-entratur il-ġdid fis-suq u t-tnaqqis ġenerali fid-domanda wassal għall-waqgħa sostanzjali fil-prezzijiet, li tippreġudika l-prova ta' l-effetti konkreti tal-kollużjoni matul dan il-perijodu u ssaħħaħ l-ipoteżi li dawn l-effetti ma kinux preżenti. Tant dan huwa minnu li ma setax jiġi pprovat li ġie konkluż xi akkordju fuq il-prezzijiet matul dan il-perijodu, hekk kif ġie rrilevat waqt l-analiżi tat-tul tal-ksur.

242    Mid-Deċiżjoni ma jirrżultax li l-Kummissjoni ħadet speċifikament in kunsiderazzjoni dan l-element. Mill-banda l-oħra, il-Kummissjoni, fil-premessi 97 u 255, affermat li l-attività tal-kollużjoni baqgħet għaddejja bl-istess intensità. Bl-istess mod, mill-premessa 291 jirriżulta li l-Kummissjoni ċaħdet l-ilmenti tar-rikorrenti f'dan ir-rigward u sostniet li l-aġir ta' l-istess rikorrenti matul dan il-perijodu ma kienx jimplika li l-parteċipanti ma implementawx l-akkordju kollużiv. Madankollu, kif diġà ġie espost preċedentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma pprovatx li ġie konkluż ebda akkordju ġdid fuq il-prezzijiet bejn il-ħarifa 1988 u s-sajf 1990, mhux ħlief l-implementazzjoni ta' l-akkordju preċedenti wara l-irtirar ta' Sumitomo mill-konċertazzjoni fl-aħħar tas-sena 1988.

243    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-prezzijiet tal-metjonina raħsu gradwalment mill-1993 sa tmiem il-ksur u li, matul dan il-perijodu, l-obbjettivi tal-prezzijiet ma kinux intlaħqu, b'mod partikolari minħabba l-kompetizzjoni offruta minn Novus, li kellha sehem ta' iktar minn 30% mis-suq mondjali tal-metjonina fi tmiem il-ksur (25 sa 26% fiż-ŻEE, skond il-premessa 286), u, skond il-fehma ta' l-istess membri mħabbra fl-aħħar tas-sena 1993, kienet fil-proċess li tirbaħ l-ikbar parti mis-suq tal-metjonina (premessa 150). Barra minn hekk, huwa minnu li l-Kummissjoni żvelat it-tħabbir, fl-istampa speċjalizzata, ta' l-obbjettivi tal-prezzijiet iffissati mill-parteċipanti fl-akkordju sal-bidu tas-sena 1995 (premessi 136, 155, 157 u 167), li għandha tiġi meqjusa li bilfors kellha ċerta effetti fuq il-proċess ta' l-iffissar tal-prezzijiet. Mill-banda l-oħra, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li d-Deċiżjoni ma tagħmilx riferiment għall-ebda tħabbir ta' prezzijiet minn dik id-data ’l quddiem. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunisdrat li l-Kummissjoni, b'kuntrast ma' l-affermazzjonijiet tagħha li jinsabu fil-premessa 289, ma wrietx pjenament li wara l-perijodu 1992/1993 il-prezzijiet kienu nżammu f'livell ogħla minn dak li kien jipprevali kieku ma kienx hemm dawk l-arranġamenti illeċiti, fejn din id-dimostrazzjoni hija b'mod partikolari nieqsa f'dak li jirrigwarda l-perijodu li jibda mill-bidu tas-sena 1995 sat-tmiem tal-ksur.

244    Jeħtieġ għalhekk li l-Qorti tal-Prim'Istanza tanalizza l-portata ta' din il-konklużjoni fil-kuntest tal-kompetenza sħiħa tagħha fil-qasam tal-multi.

4.     Konklużjoni dwar id-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa skond il-gravità tal-ksur

245    Kif diġà ġie espost preċedentement, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wriet biss parzjalment l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, b'mod partikolari fir-rigward tal-perijodu li jibda mill-ħarifa 1988 sas-sajf 1990 u l-1995 sa tmiem il-ksur.

246    Jeħtieġ ukoll li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni madankollu kkonstatat, fil-premessa 289, li, matul it-tul kollu ta' l-akkordju, b'mod partikolari wara l-perijodu 1992/1993, il-membri tal-konċertazzjoni kien irnexxielhom iżommu l-prezzijiet f'livell ogħla minn dak li kien jipprevali kieku ma kienx hemm dawk l-arranġamenti illeċiti. Bl-istess mod, fil-konklużjoni tagħha konċernanti l-gravità tal-ksur (premessa 293), il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li, fil-fehma tagħha, l-aġir li bih ġew akkużati l-parteċipanti fl-akkordju kellu impatt reali fuq is-suq.

247    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont tal-multa skond il-gravità tal-ksur in kunsiderazzjoni tal-fatt li l-imsemmi ksur, fil-fehma tagħha, kellu impatt konkret fuq is-suq, minkejja li dan l-impatt ma setax jiġi pprovat pjenament matul it-tul kollu ta' l-akkordju.

248    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza, bis-saħħa tal-kompetenza sħiħa tagħha fil-qasam tal-multi, tqis li hemm lok li titnaqqas l-ammont tal-multa stabbilita skond il-gravità tal-ksur, li ġie ffissat mill-Kummissjoni fil-premessa 302 fl-ammont ta' 35 miljun EUR.

249    Madankollu, jeħtieġ li f'dan ir-rigward jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt, kif tosserva wkoll il-Kummissjoni, li mill-premessa 273 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-ksur ġie kklassifikat bħala gravi ħafna fid-dawl tan-"natura tiegħu stess", fejn il-Kummissjoni rrilevat li l-ksur kien jikkonsisti fit-tqassim tas-suq u fl-iffissar tal-prezzijiet, "li jikkostitwixxu, min-natura tagħhom stess, l-iktar tip gravi ta' ksur ta' l-Artikolu 81(1) […] KE u ta' l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE" (premessa 271). Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fil-premessa 275, żiedet li "huwa ċar li dawn l-akkordji illeċiti li għandhom bħala suġġett l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq, jippreġudikaw, min-natura tagħhom stess, il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku".

250    Il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi, fis-sentenza tagħha tat-30 ta' Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni (T-203/01, Ġabra p. II-4071, punti 258 u 259), li l-gravità tal-ksur tista' tiġi stabbilita b'riferiment għan-natura u għall-għan ta' l-aġir abbużiv u li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-elementi li jaqgħu taħt l-għan ta' l-aġir jistgħu jkunu iktar importanti għall-finijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont tal-multa minn dawk relatati ma' l-effetti tiegħu (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 222 iktar ’il fuq, punt 636, u tat-13 ta' Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T-45/98 u T-47/98, Ġabra p. II-3757, punt 199).

251    Il-Qorti kkonfermat dan l-approċċ billi kkunsidrat li l-effett ta' prassi antikompetittiva mhuwiex il-kriterju determinanti fl-evalwazzjoni ta' l-ammont adegwat tal-multa. L-elementi li jidħlu fl-aspett intenzjonali jista' jkollhom iktar importanza minn dawk relatati ma' l-imsemmija effetti, speċjalment meta jinvolvu ksur intrinsikament gravi bħalma hu l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 118).

252    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-akkordji orizzontali fil-qasam tal-prezzijiet minn dejjem kienu meqjusa li jagħmlu parti mill-ksur l-iktar gravi tad-dritt komunitarju tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 103, u tad-19 ta' Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T-213/00, Ġabra p. II-913, punt 262).

253    Fl-aħħar nett, jeħtieġ ukoll li jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni, lill-kriterju ta' l-impatt reali tal-ksur fuq is-suq, ma tagħtux importanza predominanti fl-iffissar ta' l-ammont bażiku tal-multa. Fil-fatt, il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq elementi oħrajn, jiġifieri fuq il-konstatazzjoni li l-ksur kellu jiġi kklassifikat bħala gravi ħafna minħabba n-natura tiegħu stess (premessi 271 sa 275) u li s-suq ġeografiku kkonċernat kien jinkludi l-Komunità kollha u, wara l-ħolqien tagħha, liż-ŻEE kollha (premessa 292).

254    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ġustament ikklassifikat il-ksur bħala gravi ħafna. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-effetti konkreti tal-ksur ġew ipprovati parzjalment biss, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li jeħtieġ li l-ammont tal-multa stabbilit skond il-gravità tal-ksur jitnaqqas minn 35 għal 30 miljun EUR.

B –  Fuq iż-żieda fil-multa bil-għan li jiġi assigurat element dissważiv adegwat

255    F'dan il-kuntest, ir-rikorrenti tinvoka, fl-ewwel lok, żball fid-dritt u ta' fatt fid-determinazzjoni tal-fatturat tagħha, u fit-tieni lok, il-vjolazzjoni tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni, ta' l-obbligu tal-motivazzjoni u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta' trattament ugwali fid-determinazzjoni tar-rata ta' żieda u, fit-tielet lok, żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta' l-effett dissważiv adegwat fid-dawl ta' l-aġir tagħha wara t-terminazzjoni tal-ksur.

1.     Fuq l-iżball ta’ dritt u ta' fatt fir-rigward tal-fatturat tar-rikorrenti

a)     L-argumenti tal-partijiet

256    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-ammont tal-fatturat tagħha kif ikkonstatat mill-Kummissjoni għas-sena 2000 huwa żbaljat. Dan l-ammont, fil-fatt, mhuwiex ta' 16.9, iżda ta' 10.715 biljun EUR, u dan kif ġie indikat lill-Kummimssjoni fl-ittra tar-rikorrenti tal-5 ta' Ġunju 2002, b'risposta għall-mistoqsija tagħha tat-28 ta' Mejju 2002. Fid-dawl tar-rabta diretta bejn l-objettivi mmirati biż-żieda tal-multa u l-fatturat ta' l-impriża, l-iżball magħmul mill-Kummissjoni jikkostitwixxi diverġenza mill-istess Kummissjoni taċ-ċirkustanzi essenzjali li t-teħid in kunsiderazzjoni tagħhom kien iwassalha biex tieħu deċiżjoni differenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha tali li jiġġustifika l-annullament tad-Deċiżjoni.

257    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta ħadet in kunsiderazzjoni, għall-kalkolu ta' l-ammont tal-multa, is-sitwazzjoni ta' l-impriża l-ġdida Degussa AG (Dusseldorf). Din il-kumpannija hija, fil-fatt, ir-riżultat tal-fużjoni bejn Degussa-Hüls u SKW li seħħet fl-2000 (ara l-punt 1 hawn fuq), jiġifieri, skond ir-rikorrenti, wara t-terminazzjoni tal-ksur. Barra minn hekk, Degussa-Hüls minn naħa tagħha hija r-riżultat tal-fużjoni bejn Degussa AG (Frankfurt-am-Main) u Hüls AG (Marl), li seħħet fl-1998 (ara l-istess punt), jiġifieri, skond ir-rikorrenti, dan iseħħ ukoll wara l-aġir antikompetittiv issanzjonat. L-awtriċi tal-ksur hija għalhekk Degussa AG (Frankfurt-am-Main), li għaliha l-Kummissjoni jmissha rreferiet waqt il-kalkolu ta' l-ammont tal-multa. Il-fatturat ta' din l-impriża għola għal 15.905 biljun ta' DEM għas-sena 1997/1998.

258    Ir-rikorrenti tammetti li l-entità kummerċjali ġdida li rriżultat mill-fużjoni, fil-prinċipju, hija responsabbli għall-ksur imwettaq preċedentement mill-entitajiet li ngħaqdu. Madankollu, din ir-responsabbiltà hija limitata għall-ksur oriġinali u għall-iżball magħmul b'dan il-fatt. Il-Kummissjoni, meta ħadet in kunsiderazzjoni l-fatturat ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni, kisret għalhekk il-"prinċipju ta’ kolpevolezza" (nulla poena sine culpa), li huwa rrikonoxxut mill-ordinamenti ġuridiċi penali ta' l-Istati membri u mill-Artikolu 6(2) tal-KEDB kif ukoll mill-artikolu 49(3) tal-Karta, li bihom is-sanzjoni imposta għandha tkun proporzjonata għall-kolpevolezza ta' l-impriża li tkun is-suġġett tagħha. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll dan il-prinċipju li jirriżulta f’parti mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, bħala element determinanti ta' l-intensità tal-piena (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 1983, Lucchini vs Il-Kummissjoni, 179/82, Ġabra p. 3083, punt 27; ta' l-14 ta' Frar 1984, Alfer vs Il-Kummissjoni, 2/83, Ġabra p. 799, punti 17 u 18, u tas-17 ta' Mejju 1984, Estel vs Il-Kummissjoni, 83/83, Ġabra p. 2195, punti 39 et seq).

259    Mill-fatt li l-objettiv tal-multa huwa kemm li jissanzjona l-aġir illegali kif ukoll li jipprevjeni li dan jerġa’ jseħħ (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 1970, Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punti 172 sa 176), ir-rikorrenti tiddeduċi li l-ksur huwa l-kundizzjoni kemm għall-finijiet biex tiġi stabbilita l-eżistenza tas-sanzjoni kif ukoll ta' l-intensità tiegħu.

260    Għaldaqstant, il-Kummissjoni, meta kkunsidrat is-sitwazzjoni ta' l-impriża wara ż-żmien li fih twettaq il-ksur, ibbażat il-kalkolu tal-multa fuq l-għan dissważiv u preventiv biss, u naqset milli tikkunsidra r-relazzjoni bejn is-sanzjoni u l-gravità tal-ksur imwettaq.

261    Fir-rigward ta' l-ewwel ilment, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-fatturat mondjali tar-rikorrenti fl-2000 kien ta' 10.715 biljun EUR skond l-informazzjoni pprovduta fl-ittra tal-5 ta' Ġunju 2002. Madankollu, hija tippretendi li din iċ-ċifra hija manifestament żbaljata.

262    F'dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tfakkar li r-rikorrenti, fir-rapport tagħha għas-sena 2000, kienet indikat fatturat ta' 16.9 biljun EUR. Din iċ-ċifra ġiet irriprodotta fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u mbagħad, fin-nuqqas ta' oġġezzjoni minn naħa tar-rikorrenti fir-risposta tagħha għall-imsemmija dikjarazzjoni, fid-Deċiżjoni.

263    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li r-rapport ta' attività kif ukoll ir-rapport tal-ġestjoni għas-sena 2000 isemmu fatturat pro forma ta' 20.3 biljun EUR u fatturat barra mill-bejgħ u x-xiri ta' metall prezzjuż ta' 16.9 biljun EUR. Il-kont imqassar tal-qliegħ u telf tal-grupp Degussa, li jinkludi r-riżultati ta' Degussa- Hüls bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru 2000 u ta' SKW bejn l-1 ta' Lulju sal-31 ta' Diċembru 2000, wera dħul ta' 18.198 biljun EUR sal-31 ta' Diċembru 2000. Minn dan, il-Kummissjoni tiddeduċi li ċ-ċifra ta' 10.715 biljun EUR ikkwotata mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tal-5 ta' Ġunju 2002, u ppreżentata bħala l-fatturat ta' Degussa-Hüls li jinkludi l-fatturat ta' SKW matul is-sitt xhur konsekuttivi għall-fużjoni bejn dawn iż-żewġ impriżi, hija żbaljata.

264    Barra minn hekk, ir-rikorrenti, fir-rapport tal-ġestjoni tagħha, indikat li l-evalwazzjoni pro forma li tkopri r-riżultati ta' Degussa-Hüls u ta' SKW għall-perijodu ta' tnax-il xahar kellu jiġi kkunsidrat bħala "iktar sinjifikattiv mil-lat ekonomiku" mill-analiżi sħiħa u proprja li ma tqabbilx ir-riżultati ta' SKW ħlief għall-perijodu ta' sitt xhur. Il-ġestjoni interna u d-direzzjoni strateġika ta' l-impriża ġew stabbiliti abbażi ta' dawn il-fatti. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikorrenti ma tistax takkużaha li ħadet in kunsiderazzjoni ċifri li hija stess kienet tikkunsidra bħala ekonomikament iktar sinjifikattivi u li hija wriet biċ-ċar fir-rapport ta' attività tagħha maħsub għall-pubbliku.

265    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ssostni li t-teħid in kunsiderazzjoni tal-fatturat, li jeskludu r-riżultati pro forma (ta' madwar 2 biljun EUR) ta' SKW għall-ewwel semestru tas-sena 2000, wassal għal riżultat ftit li xejn differenti.

266    Il-Kummissjoni tissupponi fl-aħħar nett li r-rikorrenti ssostni l-fatt li l-fużjoni bejn Degussa-Hüls u SKW ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ fid-9 ta' Frar 2001 biss, u li b'hekk, għas-sena 2000, seta' jittieħed in kunsiderazzjoni biss il-fatturat ta' Degussa-Hüls, li kien x'aktarx ta' 10.715 biljun EUR. Hija tosserva, minn banda, li, f'dawn il-każijiet, ir-rikorrenti ma kellhiex tindika, fl-ittra tagħha tal-5 ta' Ġunju 2002, li l-ammont ta' 10.715 biljun EUR kien jinkludi l-fatturat ta' SKW magħmul matul is-sitt xhur ta' wara l-fużjoni ma' Degussa-Hüls u, mill-banda l-oħra, li, skond ir-rapport ta' attività tar-rikorrenti, iż-żewġ kumpanniji ngħaqdu b'effett retroattiv għat-30 ta' Ġunju 2000, kif jixhed il-fatt li r-rikorrenti setgħet tagħmel il-kontijiet tal-grupp sal-31 ta' Diċembru 2000 billi tgħaqqad dawk ta' Degussa-Hüls u ta' SKW.

267    Fir-rigward tat-tieni oġġezzjoni, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li, fil-kalkolu tal-multa skond il-gravità tal-ksur, hija ħadet in kunsiderazzjoni, apparti l-fatturat tar-rikorrenti, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fi ksur gravi ħafna (premessa 293) u s-sehem mis-suq tar-rikorrenti fuq livell mondjali u fiż-ŻEE għas-sena 1998.

268    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tosserva li l-ksur dam sa Frar 1999, jiġifieri sa wara l-fużjoni bejn Degussa u Hüls (premessa 306). F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti, waqt il-proċedura amministrattiva semmiet fatturat ta' 12.354 biljun EUR għas-sena finanzjarja 1998/1999.

269    Skond il-Kummissjoni, fatturat ta' 8.1, 10.715, 12.354 jew 16.9 biljun EUR jiġġustifika, fi kwalunkwe każ, li r-rikorrenti tiġi kklassifikata bħala impriża kbira u għalhekk li l-multa tiżdidilha minħabba l-motivi esposti fil-premessa 303.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

270    Ir-rikorrenti fis-sustanza takkuża lill-Kummissjoni, minn banda, li wettqet żball ta' fatt fir-rigward ta' l-ammont tal-fatturat għas-sena 2000 u, mill-banda l-oħra, li wettqet żball ta’ dritt meta kkonstatat, għall-finijiet tad-determinazzjoni taż-żieda fil-multa, il-fatturat tagħha għas-sena 2000 minkejja li l-ksur, skond id-Deċiżjoni, kien waqaf fi Frar 1999.

271    Jeħtieġ li tiġi eżaminata mill-ewwel it-tieni oġġezzjoni.

 Fuq it-teħid in kunsiderazzjoni tal-fatturat tar-rikorrenti għas-sena 2000

272    Fid-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multi għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni mhux biss il-gravità tal-ksur u ċ-ċirkustanzi partikulari tal-każ f’dan il-każ, iżda wkoll il-kuntest li fih twettaq dan il-ksur u tieħu ħsieb l-effett dissważiv tiegħu, speċjalment għat-tipi ta' ksur partikolarment noċivi għat-twettiq ta' l-objettivi tal-Komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 106).

273    F'dan ir-rigward, il-linji gwida jipprovdu barra minn hekk li, apparti n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq u l-portata ġeografika ta' l-istess ksur, jeħtieġ li tittieħed in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva li jkollhom l-awturi tal-ksur biex joħolqu dannu kbir lill-operaturi l-oħrajn, b'mod partikolari lill-konsumaturi, u li tiġi ffissata l-multa f'ammont li jassiguralha effett dissważiv adegwat (ir-raba’ paragrafu tal-punt 1 A).

274    Jista' jittieħed in kunsiderazzjoni wkoll il-fatt li huwa iktar faċli li lill-impriżi kbar tiġi evalwata n-natura illegali ta' l-aġir tagħhom u l-konsegwenzi derivanti minnu (il-ħames paragrafu tal-punt 1 A).

275    Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni, mingħajr ma tirreferi espressament għal-linji gwida, fil-premessa 303, irrilevat li kien meħtieġ li "[għall-multa] jiġi assigurat effett suffiċjentement dissważiv u jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi l-kbar kienu jgawdu minn għarfien u infrastrutturi ġuridikoekonomiċi li kienu jippermettulhom li japprezzaw aħjar in-natura illegali ta' l-aġir tagħhom u l-konsegwenzi li kienu jirriżultaw minnhom mil-lat tad-dritt tal-kompetizzjoni". B'hekk hija sostniet, fil-premessi 304 u 305, li fid-dawl tal-fatturati globali ta' Aventis, ta' Degussa u ta' Nippon Soda, jiġifieri, 22.3, 16.9 u 1.6 biljun EUR rispettivament għas-sena finanzjarja 2000, kien meħtieġ li l-ammont bażiku kkalkulat skond l-importanza relattiva għas-suq in kwistjoni jiġi miżjud bil-100% sabiex jieħu in kunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali rispettivi ta' Aventis u ta' Degussa.

276    Skond id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li, kif diġà ġie deċiż preċedentement, il-ksur intemm fi Frar 1999. Kif tosserva r-rikorrenti, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha dwar iż-żieda fl-ammont bażiku fuq il-fatturati ta' l-impriżi in kwistjoni matul is-sena finanzjarja 2000 (premessa 304), u għaldaqstant wara t-terminazzjoni tal-ksur. B'kuntrast ma' l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, dan il-fatt mhuwiex tali li jivvizzja l-metodu ta' kalkolu segwit mill-Kummissjoni.

277    Mill-premessa 303 jirriżulta li l-Kummissjoni rreferiet għal żewġ elementi li jiġġustifikaw iż-żieda ta' l-ammont bażiku bil-100% fir-rigward ta' Aventis u ta' Degussa. Din iż-żieda kienet meħtieġa, minn banda, biex jiġi assigurat l-effett dissważiv adegwat tal-multa u, mill-banda l-oħra, biex jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi l-kbar kellhom infrastrutturi ġuridikoekonomiċi li kienu jippermettulhom li japprezzaw aħjar in-natura illegali ta' l-aġir tagħhom.

278    Fir-rigward ta' l-ewwel element, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-obbjettiv ta' d-dissważjoni li għalih il-Kummissjoni hija intitolata timmira waqt l-iffissar ta' l-ammont tal-multa huwa maħsub biex jassigura l-osservanza minn naħa ta' l-impriżi tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat għall-attivitajiet tagħhom fi ħdan il-Komunità jew taż-ŻEE. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li dan l-obbjettiv ma jistax jintlaħaq validament jekk mhux in kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ta' l-impriża fil-ġurnata li fiha tiġi imposta l-multa.

279    Fil-fatt, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn, minn banda, il-portata tal-ksur fis-suq u s-sehem mir-responsabbiltà li taqa’ fuq kull parteċipant fl-akkordju (li jaqgħu taħt ir-raba' u s-sitt paragrafi tal-punt 1 A tal-linji gwida), u, mill-banda l-oħra, l-effett dissważiv li għandu jintrabat ma' l-impożizzjoni tal-multa.

280    Fir-rigward tal-portata tal-ksur fis-suq u tas-sehem mir-responsabbiltà li taqa’ fuq kull parteċipant fl-akkordju, ġie deċiż li dik il-parti tal-fatturat provenjenti mill-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur hija tali li tagħti indikazzjoni tajba tal-portata tal-ksur fis-suq ikkonċernat (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 121, u Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 222 iktar ’il fuq, punt 369) u li l-fatturat rigwardanti l-prodotti li kienu s-suġġett ta' prassi restrittiva jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti eżempju tajjeb tan-noċività ta' din il-prassi fuq l-andament normali tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Marzu 1999, British Steel vs Il-Kummissjoni, T-151/94, Ġabra p. II-629, punt 643).

281    Dan l-aġir ġie segwit mill-Kummissjoni fil-premessi 294 sa 302, waqt id-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa skond il-gravità tal-ksur. Il-Kummissjoni, f'din l-okkażjoni, ħadet in kunsiderazzjoni s-sehem mis-suq mondjali u miż-ŻEE ta' kull impriża preżenti fis-suq tal-metjonina fl-1998, waqt l-aħħar sena ċivili tal-ksur, u minnu ddeduċiet li Aventis u Degussa kienu jirrappreżentaw l-ewwel kategorija, u Nippon Soda t-tieni waħda, b'mod li kellu jiġi applikat lilhom trattament differenti. Ir-rikorrenti ma tikkontestax, mill-bqija, din il-konklużjoni.

282    Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi rrilevat, f'dan l-istadju, li l-argument tar-rikorrenti fejn tgħid li l-Kummissjoni kkunsidrat biss il-fatturat ta' l-entità l-ġdida Degussa AG (Dusseldorf) li ġiet inkorporata fl-2000 u bbażat għalhekk ir-raġunament tagħha fuq l-għan waħdieni ta' dissważjoni, mingħajr ma ħadet in kunsiderazzjoni d-dannu antikompetittiv li jirriżulta mill-aġir tagħha fiż-żmien tal-ksur, huwa infondat.

283    Madankollu, it-tieni kunċett, jiġifieri l-ħtieġa li bil-multa jiġi assigurat effett dissważiv adegwat, in kwantu din ma timmotivax iż-żieda ġenerali tal-multi fl-ambitu ta' l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni, jitlob li l-ammont tal-multa jiġi stabbilit bil-għan li jittieħed in kunsiderazzjoni l-impatt mistenni fuq l-impriża li fuqha tkun ġiet imposta, u dan bil-għan li l-multa ma ssirx ineffikaċi, jew mill-banda l-oħra eċċessiva, b'mod partikolari fid-dawl tal-kapaċità finanzjarja ta' l-impriża in kwistjoni, skond l-eżiġenzi bbażati, minn banda, fuq il-ħtieġa li tiġi assigurata l-effettività tal-multa u, mill-banda l-oħra, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

284    Il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà rrilevat b'hekk li waħda mill-impriżi kkonċernati, "minħabba l-fatturat globali enormi meta mqabbel ma' dak tal-membri l-oħrajn fl-akkordju, ser tikseb iktar faċilment il-fondi neċessarji għall-pagament tal-multa tagħha, fatt li jiġġustifika, fid-dawl ta' l-effett dissważiv adegwat tal-multa, l-applikazzjoni tal-multiplikatur" (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 241).

285    B'mod partikolari minħabba l-operazzjonijiet taċ-ċessjoni jew tal-konċentrazzjoni, ir-riżorsi globali ta' xi impriża jistgħu jvarjaw, billi jonqsu jew jiżdiedu, b'mod sostanzjali f'temp ta' żmien relattivament qasir, b'mod partikolari bejn iċ-ċessjoni tal-ksur u l-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa. Minn dan isegwi li dawn ir-riżorsi għandhom jiġu evalwati, sabiex jilħqu l-obbjettiv ta' dissważjoni b'mod korrett, u dan fil-kuntest ta' l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fil-ġurnata meta l-multa tiġi imposta. F'dan ir-rigward, għall-istess motivi, jeħtieġ li jiġi nnutat li, fl-ambitu ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-limtu massimu tal-multa ffissat fl-ammont ta' 10% mill-fatturat ta' l-impriża kkonċernata huwa stabbilit skond il-fatturat magħmul matul is-sena tan-negozju li tiġi qabel id-deċiżjoni (ara s-sentenza Sarrió vs Il-Kummissjoni, punt 193 iktar ’il fuq, punt 85).

286    Minn dan isegwi li mhuwiex meħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ dritt meta bbażat ruħha fuq il-fatturati li jirreferu għas-sena tan-negozju li ġiet wara t-terminazzjoni tal-ksur. Madankollu, jeħtieġ li jiġi osservat li, skond dak li ġie espost preċedentement, u fid-dawl tal-fatt li d-Deċiżjoni ġiet adottata fi-2 ta' Lulju 2002, il-Kummissjoni kellha, fil-prinċipju, tieħu in kunsiderazzjoni, biex tassigura l-effett dissważiv adegwat tal-multa, il-fatturat magħmul mid-diversi destinatarji tad-Deċiżjoni waqt is-sena finanzjarja 2001. B'risposta għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Prim'Istanza waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat madankollu, minn banda, li l-fatturati ta' Sumitomo u ta' Nippon Soda għal dik is-sena ma kinux disponibbli fil-mument ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni u, mill-banda l-oħra, li fatturati magħmula mill-impriżi kkonċernati fl-2000 kienu s-suġġett ta' investigazzjoni tal-kontijiet. Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li dawn iċ-ċirkustanzi, li mhumiex ikkontestati mir-rikorrenti, huma tali li jiġġustifikaw il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatturati ta' l-impriżi kkonċernati ta' l-2001, iżda l-fatturati l-iktar reċenti li kienu għad-dispożizzjoni tagħha, jiġifieri l-fatturati relattivi għas-sena finanzjarja 2000.

287    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li, waqt id-determinazzjoni taż-żieda tal-multa sabiex jiġi assigurat l-effett dissważiv, ħadet in kunsiderazzjoni l-fatturati magħmula mir-rikorrenti fl-2000.

288    L-argument tar-rikorrenti fejn isostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta ħadet in kunsiderazzjoni l-fatturati li rriżultaw mill-fużjonijiet li seħħew bejn Degussa u Hüls fl-1998, u bejn Degussa-Hüls u SKW fl-2000 rispettivament, li fil-fatt seħħew wara t-terminazzjoni tal-ksur, apparti li huwa nieqes parzjalment fir-rigward tal-fatti, in kwantu ġie muri li l-ksur waqaf fi Frar 1999, huwa irrilevanti f'dan ir-rigward. Jeħtieġ barra minn hekk li jiġi nnutat li ċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti juru preċiżament il-ħtieġa li jiġu analizzati r-riżorsi globali ta' l-impriża kkonċernata skond l-aħħar fatturat disponibbli tagħha.

289    Fir-rigward tat-tieni element meħud in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għall-finijiet taż-żieda ta' l-ammont bażiku tal-multa, jiġifieri l-infrastrutturi ġuridikoekonomiċi li kellhom l-impriżi sabiex ikunu jistgħu janalizzaw in-natura illegali ta' l-aġir tagħhom, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, b'kuntrast ma' dak li ġie espost preċedentement, li dan huwa maħsub biex jippenalizza iktar lill-impriżi l-kbar li huma preżunti li kellhom konjizzjoni u mezzi strutturali suffiċjenti sabiex ikunu jafu bin-natura illegali ta’ l-aġir tagħhom u sabiex jevalwaw il-benefiċċji potenzjali.

290    Madankollu, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, f'din l-ipoteżi, il-fatturat li fuqu l-Kummissjoni tistabbilixxi d-daqs ta' l-impriżi in kwistjoni, u għaldaqstant il-kapaċità tagħhom li jkunu jafu n-natura u l-konsegwenzi ta' l-aġir tagħhom, għandu jirreferi għas-sitwazzjoni tagħhom fil-mument tal-ksur. Fil-każ preżenti, fir-rigward ta' dan l-aspett, il-Kummissjoni ma kinitx intitolata tieħu in kunsiderazzjoni l-fatturat tar-rikorrenti tas-sena 2000, in kwantu l-ksur waqaf fi Frar 1999.

291    Madankollu, din il-konstatazzjoni mhijiex, fiha nnifisha, tali li taffettwa l-validità tal-konklużjoni tal-Kummissjoni fejn issostni li l-ammont bażiku tal-multa imposta lir-rikorrenti kellha tiġi miżjuda bil-100%.

292    Fil-fatt, minn banda, skond it-termini tal-premessi 303 sa 305 tad-Deċiżjoni:

"Effett dissważiv adegwat

(303)Bil-għan li tassigura li l-multa jkollha effett dissważiv adegwat u sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi l-kbar għandhom għarfien u infrastrutturi ġuridikoekonomiċi li jippermettulhom janalizzaw aħjar in-natura illegali ta' l-aġir tagħhom u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnu mil-lat tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha, barra minn hekk, tiddetermina jekk huwiex meħtieġ li għal xi waħda mill-impriżi, taġġusta dan l-ammont bażiku.

(304)B'fatturati mondjali ta' 22.3 u 16.9 biljun EUR fis-sena 2000, Aventis u Degussa għandhom rwol ħafna iktar importanti minn ta' Nippon Soda (b'fatturat mondjali ta' 1.6 biljun EUR fis-sena 2000). F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkunsidra li jeħtieġ li jiżdied l-ammont bażiku kkalkulat skond l-importanza relattiva fis-suq in kwistjoni sabiex jiġu kkunsidrati d-daqs u r-riżorsi globali rispettivi ta' Aventis u ta' Degussa.

(305)Fid-dawl tas-suespost, il-Kummissjoni tikkunsidra li bil-għan li jiġi assigurat l-effett dissważiv, jeħtieġ li l-ammont bażiku stabbilit fil-premessa 302 jiżdied bil-100% (x2) biex jirriżulta fl-ammont ta' 70 miljun EUR fil-każ ta' Degussa u ta' Aventis[…]"

293    Mis-suespost jirriżulta li, għalkemm il-Kummissjoni semmiet l-element relatat ma' l-infrastrutturi ġuridikoekonomiċi, fir-realtà hija ġġustifikat essenzjalment iż-żieda ta' l-ammont bażiku abbażi tal-ħtieġa li tassigura l-effett dissważiv adegwat tal-multa, hekk kif tixhed il-konklużjoni li tinsab fil-premessa 305 taħt l-istess titolu tal-kap in kwistjoni.

294    Mill-banda l-oħra, jeħtieġ li jiġi osservat li, fi kwalunkwe każ, il-fatturat globali tar-rikorrenti għas-sena finanzjarja 1997/1998 jogħla, skond l-informazzjoni pprovduta minnha, għal madwar 15.9 biljun DEM. Madankollu, ma jistax jiġi sostnut li, minħabba dan, ir-rikorrenti ma kellhiex l-infrastrutturi ġuridikoekonomiċi li kellhom l-impriżi kbar, ħaġa din li r-rikorrenti ma qegħdiex tippretendi. It-teħid in kunsiderazzjoni tal-fatturat tar-rikorrenti tas-sena 2000 (stabbilit mill-Kummissjoni fl-ammont ta' 16.9 biljun EUR) ma jista’ għalhekk ikollu ebda impatt fuq il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li ssostni li l-ammont bażiku għandu jiżdied biex jieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti kellha r-riżorsi meħtieġa li jippermettulha tapprezza n-natura illegali ta' l-aġir tagħha u l-konsegwenzi li kienu jirriżultaw mill-istess aġir illegali.

295    Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti li huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ dritt meta ħadet in kunsiderazzjoni, għall-finijiet li tiġġustifika ż-żieda tal-multa stabbilita skond il-gravità tal-ksur, il-fatturat tagħha għas-sena finanzjarja 2000 ma jistax jiġġustifika l-annullament tad-Deċiżjoni u lanqas it-tnaqqis ta' l-ammont tal-multa.

 Fuq l-iżball ta' fatt fir-rigward tal-fatturat tar-rikorrenti għas-sena 2000

296    Ir-rikorrenti tippretendi li l-fatturat għas-sena 2000 (16.9 biljun EUR) li ġie kkunsidrat mill-Kummissjoni huwa żbaljat, in kwantu fir-realtà dan jammonta għal 10.715 biljun EUR, bħalma jirriżulta mill-ittra tagħha indirizzata lill-Kummissjoni fil-5 ta' Ġunju 2002, b'risposta għall-mistoqsija ta' l-istess Kummissjoni tat-28 ta' Mejju 2002.

297    Fir-risposti tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza u waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li l-fatturat ta' 10.715 biljun EUR kien l-uniku fatturat li ġie attestat mill-investigaturi tal-kontijiet bħala li huwa konformi mal-prinċipji tal-kontijiet ta' l-Istati Uniti rrikonoxxuti b'mod ġenerali (United States generally accepted principles). Hija ssostni li, fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet komunitarji li jiddefinixxu r-regoli għall-kalkolu tal-fatturat ta' l-impriżi, iċ-ċertezza legali titlob li għandhom jittieħdu biss in kunsiderazzjoni l-fatturati stabbiliti u attestati skond ir-regoli applikabbli għall-impriża kkonċernata, jiġifieri, f’dan il-każ, l-imsemmija prinċipji tal-kontijiet.

298    Il-Kummissjoni ssostni li l-ammont ta' 16.9 biljun EUR li hija ħadet in kunsiderazzjoni jirriżulta mir-rapport ta' ġestjoni tar-rikorrenti magħmul għas-sena 2000. Madankollu, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ammettiet li l-fatturat li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni għandu jirrifletti s-sitwazzjoni reali ta' l-impriża u li, konsegwentement, fid-dawl tal-fatt li l-fużjoni bejn ir-rikorrenti u SKW seħħet fl-1 ta' Lulju 2000, ma kienx meħtieġ li jittieħed il-fatturat pro forma ta' SKW mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Ġunju 2000.

299    Mill-inkartament, partikolarment mir-risposti tar-rikorrenti għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza, jirriżultaw l-elementi segwenti:

–        l-ammont ta' 16.9 biljun EUR meħud in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni jinkludi evalwazzjoni pro forma tal-fatturat ta' SKW mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2000 kif ukoll il-fatturat magħmul fit-tliet setturi ta' attività li mhumiex essenzjali (dmc², Dentali u Phenolchemie) ċeduti mir-rikorrenti fl-2001 (iktar 'il quddiem il-"fatturat magħmul fit-tliet setturi ta' attività ċeduti fl-2001");

–        l-ammont ta' 10.715 biljun EUR, imsemmi mir-rikorrenti, ma jinkludiex il-fatturat ta' SKW ħlief mill-perijodu li jibda mill-1 ta' Lulju sal-31 ta' Diċembru 2000 u jeskludi l-fatturat magħmul fit-tliet setturi ta' attività ċeduti fl-2001;

–        il-fatturat magħmul fit-tliet setturi ta' attività ċeduti fl-2001 jogħla għal 4.131 biljun EUR.

300    Il-partijiet qablu fuq dawn iċ-ċifri waqt is-seduta, u l-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet nota ta' dan.

301    Mis-suespost jirriżulta li d-differenza bejn il-fatturati li għalihom jirreferu l-partijiet issib spjegazzjoni bil-fatt li dawn iċ-ċifri ma jinkludux l-istess elementi. Filwaqt li l-ammont meħud in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni jinkludi kemm il-fatturat magħmul mis-soċjetà SKW mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2000 kif ukoll il-fatturat magħmul fit-tliet setturi ta' attività ċeduti fl-2001, il-fatturat imsemmi mir-rikorrenti, minn banda, ma jinkludix il-fatturat magħmul minn SKW ħlief għall-perijodu li jibda mill-1 ta' Lulju sal-31 ta' Diċembru 2000, u mill-banda l-oħra, ma jinkludix il-fatturat magħmul fit-tliet setturi ta' attività ċeduti fl-2001.

302    Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li, kif diġà ġie espost preċedentement, fil-kuntest tal-kalkolu eventwali tal-multa maħsuba biex tassigura li l-multa jkollha effett dissważiv, jeħtieġ li tittieħed in kunsiderazzjoni l-kapaċità finanzjarja u r-riżorsi reali ta' l-impriża fil-mument meta l-multa tiġi imposta lilha u mhux l-evalwazzjoni pro forma magħmula, fittizzjament, fuq il-bilanċ tagħha li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli tal-kontijiet li l-impriża kkonċernata tkun imponiet fuqha stess.

303    Għaldaqstant, mhuwiex meħtieġ li jiġi kkunsidrat la l-fatturat pro forma ta' SKW matul il-perijodu li jibda mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Ġunju 2000 u lanqas it-tnaqqis pro forma tal-fatturat magħmul fit-tliet setturi ta' attività ċeduti fl-2001.

304    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, waqt is-sena finanzjarja 2000, li kellha tittieħed in kunsiderazzjoni fid-determinazzjoni taż-żieda tal-multa sabiex jiġi assigurat l-effett dissważiv adegwat, skond dak li ġie espost preċedentement, ir-rikorrenti, minn banda, ma kkunsidratx il-fatturat magħmul minn SKW mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Ġunju 2000, fejn il-fużjoni ta' din il-kumpannija mar-rikorrenti kienet seħħet fl-1 ta Lulju 2000, iżda, mill-banda l-oħra, ikkunsidrat il-fatturat provenjenti mit-tliet setturi ta' attività ċeduti fl-2001.

305    Konsegwentement, il-fatturat rilevanti fil-każ preżenti jirriżulta mis-somma tal-fatturat ta' 10.715 biljun EUR imsemmi mir-rikorrenti flimkien mal-fatturat ta' 4.131 biljun EUR magħmul fit-tliet setturi ta' attività ċeduti fl-2001, jiġifieri 14.846 biljun EUR.

306    L-ebda argument espost mill-Kummissjoni, li waqt is-seduta ammettiet li l-fatturat meħud in kunsiderazzjoni fid-Deċiżjoni kien żbaljat, ma jista’ jippreġudika din il-konklużjoni.

307    Fl-ewwel lok, il-fatt li, fir-risposta tagħha ta' l-10 ta' Jannar 2002 għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet ta' l-1 ta’ Ottubru 2001 (iktar ’il quddiem id-"DO"), ir-rikorrenti ma qajmet ebda oġġezzjoni fir-rigward tat-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-ammont ta' 16.9 biljun EUR mhux biss mhijiex, minnha nnifisha, deċiżiva, iżda, barra minn hekk, mhijiex rilevanti in kwantu l-Kummissjoni ma semmietx dan l-ammont ħlief fil-parti deskrittiva tal-membri ta' l-akkordju, filwaqt li, apparti minn hekk, id-DO ma kien fiha ebda evalwazzjoni tal-multa kontemplabbli. Għalkemm il-Kummissjoni kienet intenzjonata li fi kwalunkwe każ tieħu in kunsiderazzjoni l-ammont indikat fid-DO, xorta kien hemm il-ħtieġa li hija taħseb fuq il-motivi l-għaliex hija indirizzat lir-rikorrenti, fit-28 ta' Mejju 2002, talba għall-informazzjoni bil-għan li tikseb informazzjoni dwar il-fatturat tagħha. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fir-risposta tagħha tal-5 ta' Ġunju 2002 għal din it-talba għall-informazzjoni, ir-rikorrenti semmiet espressament il-fatt li l-fatturat għas-sena 2000, fl-ammont ta' 10.715 biljun EUR, kien jinkludi biss il-fatturat magħmul minn SKW mill-1 ta' Lulju sal-31 ta' Diċembru 2000. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kienet f'pożizzjoni li tikkonstata d-diskrepanza bejn dan l-ammont u l-ammont ta' 16.9 biljun EUR indikat fid-DO. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet, jew aħjar kellha, titlob lir-rikorrenti informazzjoni addizzjonali sabiex tassigura l-preċiżjoni ta' l-ammont li kellu jittieħed in kunsiderazzjoni.

308    Fit-tieni lok, il-fatt li l-evalwazzjoni pro forma msemmija fir-rapport tal-ġestjoni tar-rikorrenti hija kkunsidrata mir-rikorrenti fl-istess rapport bħala iktar sinjifikattiva mil-lat ekonomiku, minn banda, mhuwiex ipprovat mill-Kummissjoni u, mill-banda l-oħra, mhuwiex fi kwanlunkwe każ tali li jannulla l-konklużjoni fejn jingħad li fl-analiżi ta' l-effett dissważiv li għandha jkollha l-multa, il-Kummissjoni hija obbligata tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni reali ta' l-impriża fil-mument meta hija tevalwa l-multa li hija tkun intenzjonata timponilha, ħaġa li fil-fatt il-Kummissjoni ammettiet waqt is-seduta.

309    Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, b'kuntrast mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma ssostni li, fid-determinazzjoni ta' l-ammont tal-fatturat tagħha għas-sena 2000, kellu jittieħed in kunsiderazzjoni biss il-fatturat ta' Degussa-Hüls, bl-esklużjoni ta' dak ta' SKW, minħabba r-reġistrazzjoni tal-fużjoni fir-reġistru tal-kummerċ fid-9 ta' Frar 2001. L-ittra tal-5 ta' Ġunju 2002 mibgħuta mir-rikorrenti lill-Kummissjoni tindika bla ebda dubju li l-fatturat indikat jinkludi dak magħmul minn SKW matul l-aħħar sitt xhur tas-sena 2000. L-argument tal-Kummissjoni li huwa bbażat fuq din il-kunsiderazzjoni huwa għalhekk irrilevanti.

310    Mis-suespost jirriżulta li l-fatturat meħud in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni taż-żieda tal-multa maħsuba biex tassigura li l-multa jkollha l-effett dissważiv adegwat huwa żbaljat. Dan l-ammont ma jikkostitwixxix, madankollu, il-ġustifikazzjoni neċessarja għall-konstatazzjoni li għamlet il-Kummissjoni fuq il-ksur li fih ipparteċipat ir-rikorrenti. Fil-fatt, l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni jista' jkollu impatt biss fuq l-iffissar ta' l-ammont tal-multa, fejn il-Qorti tal-Prim'Istanza tgawdi minn kompetenza sħiħa. Minn dan isegwi li l-iżball fil-fatturat meħud in kusnsiderazzjoni mill-Kummissjoni mhuwiex tali li jwassal għall-annullament tad-Deċiżjoni. It-talba tar-rikorrenti f’dan is-sens għandha għalhekk tiġi miċħuda

311    Madankollu, jeħtieġ li l-Qorti tal-Prim'Istanza tanalizza jekk dan il-fatt huwiex tali li jwassal għall-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali u sabiex jiġġustifika t-tnaqqis tal-multa imposta lir-rikorrenti.

2.     Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni, ta' l-obbligu tal-motivazzjoni u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta' trattament ugwali fiż-żieda ta' l-ammont tal-multa minħabba l-effett dissważiv

a)     Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni u ta' l-obbligu tal-motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

312    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, fid-determinazzjoni taż-żieda ta' l-ammont bażiku, ma ssodisfatx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, fejn kellha turi l-kriterji għall-iffissar tal-multa (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Buchmann vs Il-Kummissjoni, T-295/94, Ġabra p. II-813, punt 173). Hija tikkontesta barra minn hekk iż-żieda ta' 100% ta' l-ammont bażiku effettwata mill-Kummissjoni minħabba l-effett dissważiv li l-multa għandha jkollha, in kwantu din iż-żieda tidher arbitrarja u ma tista’ tkun is-suġġett ta' ebda stħarriġ fir-rigward tal-legalità tagħha. Dan il-metodu jħalli fil-fatt lill-Kummissjoni libertà totali fid-deċiżjoni dwar l-iffissar ta' l-ammont tal-multa, u dan irrispettivament mill-ammont bażiku tal-multa ffissata oriġinarjament.

313    Il-Kummissjoni ssostni li dan l-argument huwa infondat. Hija ssostni li d-Deċiżjoni esponiet b'mod ċar ir-raġunijiet li wassluha biex tirdoppja l-ammont bażiku applikat lir-rikorrenti fil-premessi 303 sa 305 tad-Deċiżjoni msemmija.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

314    Fir-rigward, l-ewwel nett, ta' l-allegat ksur, minn naħa tal-Kummissjoni, ta' l-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni, fil-premessi 303 sa 305, tindika biċ-ċar li ż-żieda ta' 100%, fir-rigward tar-rikorrenti, ta' l-ammont bażiku tal-multa stabbilit skond il-gravità tal-ksur issib il-ġustifikazzjoni tagħha fil-ħtieġa li jiġi assigurat l-effett dissważiv adegwat tal-multa skond id-daqs u r-riżorsi globali tar-rikorrenti u li jiġi meħud in kunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi l-kbar għandhom għarfien u infrastrutturi ġuridikoekonomiċi li jippermettulhom japprezzaw aħjar in-natura u l-konsegwenzi ta' l-aġir tagħhom. Id-Deċiżjoni sussegwentement turi l-fatturat tar-rikorrenti tas-sena 2000 sabiex tiġġustifika ż-żieda ta' l-ammont bażiku tal-multa.

315    Id-Deċiżjoni turi għalhekk b'mod ċar ir-raġunament tal-Kummissjoni, li tippermetti għalhekk lir-rikorrenti tieħu konjizzjoni ta' l-elementi meħudin in kunsiderazzjoni biex jiżdied l-ammont tal-multa kif ukoll biex tikkontesta l-ġustifikazzjoni tagħhom, u lill-Qorti tal-Prim'Istanza teżerċita l-istħarriġ tagħha. L-ilment tar-rikorrenti li huwa bbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt għandu għalhekk jiġi miċħud.

316    In kwantu r-rikorrenti tikkunsidra barra minn hekk li l-metodu konsistenti fl-irduppjar ta' l-ammont bażiku huwa arbitrarju u jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-ħtieġa li jiġi assigurat l-effett dissważiv tal-multa huwa obbjettiv leġittimu li l-Kummissjoni hija intitolata li ssegwi waqt l-iffissar tal-multa u hija maħsuba li tassigura li l-impriżi josservaw ir-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattat. Madankollu, kif diġà ġie espost fil-kuntest ta' l-ewwel argument, il-Kummissjoni hija obbligata tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt, u b'mod partikolari l-prinċipji ta' trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, mhux biss fl-iffissar ta' l-ammont bażiku, iżda wkoll waqt iż-żieda ta' dan l-ammont bil-għan li tassigura li l-multa jkollha effett dissważiv adegwat.

317    Minn dan isegwi li, għalkemm il-Kummissjoni tgawdi effettivament minn marġni ta' diskrezzjoni meħtieġa fl-iffissar tar-rata taż-żieda minħabba l-effett dissważiv, xorta waħda jibqa' l-fatt li l-poter tagħha huwa limitat bil-prinċipji msemmijin, li jista’ jiġi mistħarreġ mill-qrati sa fejn il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha kompetenza sħiħa. L-ilment tar-rikorrenti għandu għalhekk jiġi miċħud.

b)     Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta' trattament ugwali

 L-argumenti tal-partijiet

318    Ir-rikorrenti ssostni li ż-żieda ta' 100% li imponiet il-Kummissjoni fuq l-ammont tal-multa stabbilita skond il-gravità tal-ksur (35 miljun EUR) sabiex tassigura li l-imsemmija multa jkollha effett dissważiv adegwat tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

319    Hija tippretenedi li, skond l-istimi tagħha, fis-sena 2000, id-daqs ta' Degussa bil-kemm laħaq nofs id-daqs ta' Aventis. Bil-fatt li l-Kummissjoni imponiet l-istess żieda tal-multa liż-żewġ impriżi, hija kisret għalhekk il-prinċipju ta' trattament ugwali, u dan anki fl-ipoteżi fejn jittieħed in kunsiderazzjoni l-ammont erronjament ikkonstatat mill-Kummissjoni. Fid-dawl tal-fatt li l-fatturat tagħha kien bejn dak ta' Nippon Soda u dak ta' Aventis, ir-rikorrenti ssostni li ż-żieda li kellha tiġi imposta lilha tammonta għal nofs dik imposta lil Aventis, jiġifieri 27.5 miljun EUR.

320    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-irduppjar ta' l-ammont bażiku jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-piena, in kwantu ngħatat importanza eċċessiva lill-għan dissważiv, u dan fid-dawl ta' l-aġir illegali li bih hija ġiet akkużata.

321    Il-Kummissjoni ssostni li l-irduppjar ta' l-ammont bażiku tal-multa ta' Aventis u ta' Degussa jirrifletti l-fatt li dawn iż-żewġ impriżi, fid-dawl tad-daqs tagħhom u r-riżorsi globali tagħhom, huma nettament akbar minn Nippon Soda (premessa 304).

322    Hija tfakkar, f'dan ir-rigward, li ż-żieda ta' l-ammont bażiku tirrifletti l-ħtieġa li jiġi assigurat li l-multa jkollha effett dissważiv adegwat u li eventwalment jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi l-kbar igawdu minn għarfien ekonomiku u infrastrutturi ikbar (premessa 303). Fil-każ preżenti, huwa meħtieġ qabel kollox li wieħed iħares lejn id-differenza fid-daqs bejn ir-rikorrenti u Aventis, minn banda, u Nippon Soda, mill-banda l-oħra (premessa 304). Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn huwa meħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni l-ammont indikat mir-rikorrenti, il-fatturat ta' l-istess rikorrenti jkun jikkorrispondi għal 6.7 darbiet iktar minn dak ta' Nippon Soda, filwaqt li l-fatturat ta' Aventis jirrappreżenta biss id-doppju ta' dak tar-rikorrenti. B'hekk, il-Kummissjoni kellha fi kwalunkwe każ tagħti l-istess trattament lir-rikorrenti u lil Aventis. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li ma kienx meħtieġ li tiġi applikata l-formula aritmetika li tipprovdi għaż-żieda tal-multa b'mod proporzjonali għal-fatturat ta' l-impriża kkonċernata, fejn l-objettivi kontemplati biż-żieda tal-multi jistgħu jiġu milħuqa wkoll billi jiġu kklassifikati l-impriżi skond id-daqs tagħhom (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P. C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 464).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

323    F'dak li jirrigwarda l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali, jeħtieġ li jiġi mfakkar, bħalma tosserva l-Kummissjoni, li l-approċċ konsistenti fit-tqassim tal-membri fl-akkordju f'diversi kategoriji, li jġib miegħu l-iffissar ta' l-ammont bażiku ta' l-impriżi li jappartjenu lill-istess kategorija, minkejja li jinjora d-differenzi fid-daqs ta' l-impriżi ta' l-istess kategorija, ma jistax, fil-prinċipju, jiġi kkundannat (ara s-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 284 iktar ’il fuq, punti 217 sa 221). Fil-fatt, il-Kummissjoni mhijiex obbligata, waqt id-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multi, tassigura, fil-każ li jiġu imposti multi lil diversi impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi jirriflettu kull differenza bejn l-impriżi kkonċernati fir-rigward tal-fatturat globali tagħhom (ara s-sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 252 iktar ’il fuq, punt 385, u l-ġurisprudenza ċċitata).

324    Madankollu, skond il-ġurisprudenza, dan it-tqassim f'kategoriji għandu josserva l-prinċipju ta' trattament ugwali li jipprojbixxi li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b'mod differenti u s-sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati b'mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 252 iktar ’il fuq, punt 406). Taħt l-istess perspettiva, il-linji gwida, fis-sitt paragrafu tal-punt 1 A tagħhom jipprovdu li, differenza "sostanzjali" fid-daqs ta' l-impriżi awturi ta' ksur ta' l-istess tip hija tali, b'mod partikolari, li tiġġustifika li ssir distinzjoni għall-finijiet ta' l-analiżi tal-gravità tal-ksur. Barra minn hekk, skond il-ġurisprudenza, l-ammont tal-multi għandu, ta' l-inqas, ikun proporzjonat fir-rigward ta' l-elementi meħudin in kunsiderazzjoni għall-analiżi tal-gravità tal-ksur (ara s-sentenza Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 106).

325    Konsegwentement, meta l-Kummissjoni taqsam l-impriżi kkonċernati f'kategoriji għall-finijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont tal-multi, id-determinazzjoni tal-limiti għal kull kategorija hekk identifikata għandha tkun koerenti u oġġettivament iġġustifikata (ara s-sentenzi CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 252 iktar ’l fuq, punt 416, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 298).

326    Fil-każ preżenti, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-klassifikazzjoni ta' l-impriżi f'kategoriji skond is-sehem tagħhom fiq-suq twettqet mill-Kummissjoni fil-premessi 294 sa 301 tad-Deċiżjoni. Din il-klassifikazzjoni mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti u, fil-premessa 302, wasslet għall-iffissar ta' ammont bażiku stabbilit skond il-gravità tal-ksur fl-ammont ta' 35 miljun EUR għal Degussa u Aventis u ta' 8 miljun EUR għal Nippon Soda.

327    Ir-rikorrenti tikkontesta madankollu l-fatt li l-Kummissjoni applikat għal dan l-ammont, bil-għan li tassigura li l-multa jkollha effett adegwatament dissważiv, l-istess rata ta' żieda lil Degussa u lil Aventis (100%) skond il-fatturati globali ta' dawn l-impriżi, meta dawn iċ-ċifri, fil-fehma tagħha, mhumiex paragunabbli.

328    Jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, fid-dawl ta' l-obbjettiv marbut miegħu, jiġifieri l-adattazzjoni ta' l-ammont tal-multa skond ir-riżorsi globali ta' l-impriża u l-kapaċità li tikseb il-fondi neċessarji biex tħallas l-imsemmija multa, l-iffissar tar-rata taż-żieda ta' l-ammont bażiku bil-għan li jiġi assigurat li l-multa jkollha effett dissważiv adegwat huwa maħsub ukoll biex jiggarantixxi l-effikaċja tal-multa u sabiex jindika l-ħsara tal-ksur għall-andament normali tal-kompetizzjoni u għaldaqsant il-gravità ta' l-imsemmi ksur.

329    Minn dan isegwi li r-rekwiżit relatat man-natura oġġettivament iġġustifikata tal-metodu li jikkonsisti f'li jiġu kklassifikati l-impriżi skond il-kategoriji għandu jiġi interpretat b'mod iktar strett fl-ipoteżi fejn din il-klassifikazzjoni ssir mhux għall-finijiet tad-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa skond il-gravità tal-ksur, imma għad-determinazzjoni taż-żieda ta' l-ammont bażiku bil-għan li tiġi assigurata li l-multa imposta jkollha effett dissważiv adegwat.

330    Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, fil-kuntest tad-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa skond il-gravità, anki jekk, minħabba t-tqassim fi gruppi, ċerti impriżi jaraw l-applikazzjoni ta' ammont bażiku identiku meta huma ta' daqs differenti, din id-differenza fit-trattament hija oġġettivament iġġustifikata bl-importanza mogħtija waqt id-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, lin-natura tal-ksur meta mqabbla mad-daqs ta' l-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Novembru 1983, IAZ et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punti 50 sa 53, u s-sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 252 iktar ’il fuq, punt 411).

331    Madankollu, din il-ġustifikazzjoni mhijiex maħsuba biex tapplika għad-determinazzjoni tar-rata taż-żieda tal-multa bil-għan li jiġi assigurat li l-multa jkollha effett dissważiv adegwat, fid-dawl tal-fatt li din iż-żieda hija bbażata essenzjalment u oġġettivament fuq id-daqs u r-riżorsi ta' l-impriżi, u mhux fuq in-natura tal-ksur. Jeħtieġ ukoll li jiġi enfasizzat li, fid-Deċiżjoni, ir-rata ta' żieda sabiex jiġi assigurat li l-multa jkollha effett dissważiv ġiet iffissata filwaqt li l-ammont bażiku skond il-gravità tal-ksur kien ġie stabbilit minn qabel (premessa 303).

332    Barra minn hekk, mill-premessa 304 tad-Deċiżjoni, li tindika li "jeħtieġ li l-ammont bażiku kkalkolat skond l-importanza relattiva fis-suq in kwistjoni, jiġi miżjud biex jittieħdu in kunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali rispettivi ta' Aventis u [ta'] Degussa", jirriżulta li l-Kummissjoni ma ssemmi ebda element ieħor, apparti l-pussess minn naħa tar-rikorrenti ta' infrastrutturi ġuridikoekonomiċi li jippermettulha tevalwa n-natura antikompetittiva u l-konsegwenzi ta' l-aġir tagħha, b'mod li jiġġustifikaw b'mod oġġettiv li l-ammonti konċernanti r-rikorrenti u Aventis kienu ġew miżjudin bl-istess mod.

333    F'dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni, fil-premessa 304, ibbażat ruħha espliċitament fuq il-fatturati globali rispettivi ta' l-impriżi kkonċernati, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li r-rata ta' żieda ta' l-ammont tal-multa stabbilita skond il-gravità tal-ksur kellu jirrifletti, ta' l-inqas b'mod approssimattiv, id-differenza sinjifikattiva li tirriżulta bejn dawn iċ-ċifri.

334    Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li l-fatturati rispettivi ta' Degussa (16.9 biljun EUR) u ta' Aventis (22.3 biljun EUR) fis-sena 2000 kienu juru li kienu "atturi ħafna iktar importanti minn Nippon Soda" (1.6 biljun EUR) u għaldaqstant li din l-istess Nippon Soda ma setgħetx tiġi applikata lilha żieda sabiex jiġi assigurat suffiċjentement l-effett dissważiv tal-multa, għandu jiġi kkonstatat li hija applikat l-istess rata ta' żieda lil Degussa u lil Aventis filwaqt li, skond l-istess ċifri tal-Kummissjoni, il-fatturat ta' Degussa kienet bejn wieħed u ieħor inqas minn 25% ta' dak ta' Aventis. Din il-proporzjoni togħla b'iktar minn 33% meta wieħed jikkunsidra l-fatturat ta' 14.846 biljun EUR, u dan skond ma ġie espost fil-punti 302 sa 305 hawn fuq.

335    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx iżżid l-ammont tal-multa stabbilita skond il-gravità tal-ksur b'applikazzjoni ta' l-istess rata bħal dik applikata lil Aventis, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta' trattament ugwali.

336    Ebda argument tal-Kummissjoni ma jista' jippreġudika din il-konklużjoni.

337    Fl-ewwel lok, għalkemm huwa minnu li kien meħtieġ li tittieħed in kunsiderazzjoni d-differenza kbira fid-daqs bejn Degussa u Aventis, minn banda, u Nippon Soda, mill-banda l-oħra, li kienet tiġġustifika li ma tiżdiedx il-multa minħabba l-effett dissważiv ta' l-istess multa, din il-kunsiderazzjoni ma setgħetx teżenta lill-Kummissjoni milli tieħu in kunsiderazzjoni wkoll id-differenza fid-daqs bejn Degussa, minn banda, u Aventis, mill-banda l-oħra. Din l-analiżi tapplika iktar u iktar meta l-fatturat żbaljat ikkonstatat mill-Kummissjoni, wassal, fir-realtà għas-sottovalutazzjoni ta' din id-differenza.

338    Fit-tieni lok, kif diġà ġie rrilevat preċedentement, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni mhijiex obbligata li, waqt id-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multi, tassigura, fil-każ li jiġu imposti multi lil diversi impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi jirriflettu kull differenza bejn l-impriżi kkonċernati fir-rigward tal-fatturat globali tagħhom (ara s-sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 252 iktar ’il fuq, punt 385, u l-ġurisprudenza ċċitata), xorta jibqa' l-fatt li l-klassifikazzjoni ta' l-impriżi skond il-kategoriji, in konformità mal-prinċipju ta' trattament ugwali, għandha tkun iġġustifikata oġġettivament, fejn dan ir-rekwiżit għandu jiġi interpretat b'mod iktar strett fl-ipoteżi fejn l-imsemmija klassifikazzjoni ma tkunx maħsuba għad-determinazzjoni tal-piż speċifiku ta' l-aġir illegali ta' kull impriża, iżda għall-iffissar tar-rata ta' żieda fl-ammont tal-multa stabbilit skond il-gravità tal-ksur bil-għan li jassigura li l-multa jkollha effett dissważiv adegwat, liema multa għandha skop differenti u awtonomu u hija bbażata fuq analiżi oġġettiva tal-kapaċità ta' l-impriżi li jiksbu l-fondi meħtieġa għall-pagament tal-multa.

339    Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li jeħtieġ li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza sħiħa tagħha, tnaqqas ir-rata taż-żieda tal-multa stabbilita skond il-gravità tal-ksur applikata għal Degussa b'mod li din ir-rata tirrifletti d-differenza sinjifikattiva fid-daqs bejn Degussa u Aventis (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 284 iktar ’il fuq, punti 244 sa 249).

340    Għal dan il-għan, jeħtieġ madankollu li jiġi rrilevat li, għalkemm il-Kummissjoni essenzjalment ibbażat id-determinazzjoni tar-rata taż-żieda tal-multa fuq il-ħtieġa li tassigura l-effett dissważiv adegwat tagħha, bħalma jirriżulta kemm mit-titolu tal-kap li taħtu jaqgħu l-premessi 303 sa 305 kif ukoll il-premessi 304 u 305 nnifishom, hija kkunsidrat ukoll, fil-premessa 303, il-fatt li l-impriżi l-kbar kellhom għarfien u infrastrutturi ġuridikoekonomiċi li jippermettulhom japprezzaw aħjar in-natura illegali ta' l-aġir tagħhom u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnu. Bħalma tosserva l-Kummissjoni u kif ġie rrilevat preċedentement, mhuwiex meħtieġ li f'dan ir-rigward issir distinzjoni bejn żewġ impriżi li l-fatturati tagħhom jiġġustifikaw fi kwalunkwe każ li huma jiġu kklassifikati bħala impriżi kbar li jgawdu minn dawn l-infrastrutturi.

341    Minn dan isegwi li jeħtieġ li dan l-aspett jittieħed in kunsiderazzjoni meta jiġi deċiż li l-element komuni għal Aventis u għal Degussa, u jiġifieri, kif intwera qabel, il-pussess ta' infrastruttura ġuridikoekonomika minħabba d-daqs kbir tagħhom, jiġġustifika li r-rata ta' żieda ma tirriflettix id-differenza kollha bejn il-fatturati ta' dawn l-impriżi.

342    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fl-eżerċitazzjoni tal-kompetenza sħiħa tagħha tqis li jeħtieġ li l-multa stabbilita għar-rikorrenti, jiġifieri 30 miljun EUR skond il-punt 254 hawn fuq, tiġi miżjuda skond il-gravità tal-ksur bi 80% biex tilħaq l-ammont ta' 54 miljun EUR.

343    F'dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tat-tieni lment, invokat mir-rikorrenti fir-replika tagħha, u li huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li ż-żieda bi 80% ta' l-ammont bażiku minħabba d-daqs globali tar-rikorrenti m'għandhiex titqies li hija sproporzjonata fid-dawl tar-responsabbiltà tagħha fi ħdan l-akkordju u tal-kapaċità tagħha li tippreġudika sew il-kompetizzjoni, li jirriżultaw mis-sehem sostanzjali mis-suq li hija kellha fis-suq tal-metjonina matul il-perijodu tal-ksur (ta' madwar 25% fis-suq fiż-ŻEE fl-1998), li l-Kummissjoni debitament ħadet in kunsiderazzjoni (premessi 297 sa 301). Din iż-żieda ma tistax għalhekk twassal biex tagħti lill-obbjettiv ta’ dissważjoni importanza eċċessiva fir-rigward ta' l-aġir illegali tar-rikorrenti. L-ilment preżenti għandu għalhekk jiġi skartat.

3.     Fuq l-iżball fl-evalwazzjoni fir-rigward ta' l-effett dissważiv tal-multa fid-dawl ta' l-aġir tar-rikorrenti wara t-terminazzjoni tal-ksur

a)     L-argumenti tal-partijiet

344    Ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni tagħha li l-ammont bażiku tal-multa kellu jirdoppja, il-Kummissjoni esaġerat l-effett dissważiv ta' l-imsemmija multa fejn naqset li tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li Degussa kienet diġà temmet il-ksur qabel il-bidu tal-proċedimenti mill-Kummissjoni u li hija ħadet miżuri immedjati maħsubin li jevitaw li jerġa’ jseħħ il-ksur fil-futur, jiġifieri "programm ta' konformità mar-regoli fis-seħħ". B'mod partikolari, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta ċaħdet, fil-premessa 330 tad-Deċiżjoni, l-isforzi in kwistjoni tar-rikorrenti fejn affermat li dawn ma setgħux jikkostitwixxu ċirkustanzi attenwanti għall-finijiet tal-linji gwida. Fil-fatt, attitudni bħal din ma tippremjax lill-impriżi li jkunu jixtiequ jassiguraw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni u li, għaldaqstant, ma tirrikjedix li jittieħdu miżuri maħsubin li jkollhom effett dissważiv addizzjonali fir-rigward tagħhom.

345    Ir-rikorrenti tosserva li, għalkemm il-linji gwida kellhom jiġu interpretati fis-sens li l-attitudni tar-rikorrenti fil-każ preżenti ma kellha ebda impatt fuq l-ammont tal-multa, l-istess linji gwida f'dan ir-rigward huma f’kontradizzjoni mal-prinċipju ta’ proporzjonalità tar-reati u tal-pieni, li huwa applikabbli fl-ordinament komunitarju, qua prinċipju ta' l-Istat tad-dritt rikonoxxut b'mod ġenerali, skond l-Artikolu 6(1) UE.

346    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinnota li l-kunċett tad-deterrenza jinkludi aspett preventiv fir-rigward ta' l-awtur tal-ksur (prevenzjoni speċifika) u fir-rigward ta' l-operaturi ekonomiċi l-oħrajn li jistgħu jwettqu ksur simili fil-futur (prevenzjoni ġenerali). Fil-każ preżenti, il-prevenzjoni speċifika hija assigurata diġà bl-adozzjoni, minn naħa tar-rikorrenti, tal-programm tal-konformità mar-regoli fis-seħħ. Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni kellha tikkunsidra li ż-żieda mhijiex ikkmandata ħlief b'kunsiderazzjonijiet ta' prevenzjoni ġenerali, ir-rikorrenti ssostni li l-istess żieda tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Prim'Istanza (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili, 36/75, Ġabra p. 1219, punti 51 sa 53; tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, Ġabra p. 1999, punti 27 sa 30, u ta' l-10 ta' Frar 2000, Nazli et, C-340/97, Ġabra p. I-957, punt 63).

347    Il-Kummissjoni ssostni li dan l-ilment huwa infondat.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

348    Ir-rikorrenti, fis-sustanza, takkuża lill-Kummissjoni li ma ħaditx in kunsiderazzjoni, waqt l-evalwazzjoni ta' l-effett dissważiv li għandu jkollha l-multa, il-fatt, minn banda, li hija tterminat il-ksur qabel il-ftuħ tal-proċedimenti mill-Kummissjoni u, mill-banda l-oħra, li hija kienet adottat programm intern ta' preparazzjoni għall-konformità mad-dritt komunitarju tal-kompetizzjoni.

349    Fir-rigward ta' l-ewwel element, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, għalkemm, skond id-Deċiżjoni, il-ksur waqaf fi Frar 1999, jiġifieri qabel il-ftuħ tal-proċedimenti fl-1 ta’ Ottubru 2001, din it-terminazzjoni ġiet fuq inizjattiva ta' Rhône-Poulenc, u dan kif tindika l-premessa 185. Barra minn hekk, ir-rikorrenti, li ma tikkontestax din il-konstatazzjoni, tillimita ruħha biex tafferma biss li l-ksur waqaf fl-1997 wara t-tluq ta’ H ta' Rhône-Poulenc u tal-politika mħaddna mis-suċċessuri tiegħu. Hija ma tistax għalhekk tinqeda b'dan il-fatt bil-għan li tassigura l-effett dissważiv tal-multa. Fuq kollox, il-fatt li l-ksur kien diġà waqaf fil-jum tal-ftuħ tal-proċedimenti ma jistax fi kwalunkwe każ jikkostitwixxi element konklussiv li juri li r-rikorrenti kienet intenzjonata li, fil-futur, tikkonforma ruħha definittivament mar-regoli komunitarji tal-kompetizzjoni. L-għan tal-prevenzjoni speċifika li għandu l-impożizzjoni tal-multa, kif imsemmija mir-rikorrenti, itendi mhux biss li jwaqqaf il-ksur, iżda wkoll li jevita li l-awturi ta' l-istess ksur jerġgħu jibdew bl-aġir tagħhom.

350    Fir-rigward tat-tieni element, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għalkemm huwa ċertament importanti li impriża tieħu provvedimenti biex timpedixxi li fil-futur jerġa' jseħħ ksur ġdid tad-dritt komunitarju tal-kompetizzjoni mill-membri tal-persunal tagħha, dan il-fatt ma jibddel xejn mir-realtà tal-ksur ikkonstatat. Minn dan jirriżulta li l-fatt biss li, f'ċerti każijiet, il-Kummissjoni, fil-prassi deċiżjonali tagħha, ħadet in kunsiderazzjoni l-implementazzjoni ta' programm ta' konformità bħala ċirkustanza attenwanti ma jfissirx li hija obbligata timxi bl-istess mod f'każ partikolari (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 133 iktar ’il fuq, punt 357; ta' l-14 ta' Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T-352/94, Ġabra p. II-1989, punti 417 u 419, u Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 280).

351    Skond din il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni mhijiex għalhekk obbligata tikkunsidra element bħal dan bħala ċirkustanza attenwanti dejjem jekk hija timxi mal-prinċipju ta' trattament ugwali, li jimplika li hija m'għandhiex timxi b'mod differenti fuq dan il-punt bejn impriżi destinatarji ta' l-istess deċiżjoni (ara s-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 281).

352    Għalkemm ir-rikorrenti ssemmi din iċ-ċirkustanza fil-kuntest taż-żieda ta' l-ammont bażiku tal-multa minħabba l-effett dissważiv, u mhux formalment bħala ċirkustanza attenwanti, l-istess soluzzjoni għandha tapplika fil-każ preżenti.

353    Madankollu, minn imkien ma jirriżulta mid-Deċiżjoni li l-Kummissjoni, fuq dan il-punt, imxiet b'mod differenti bejn it-tliet impriżi destinatarji, ħaġa li r-rikorrenti mhix qiegħda tallega.

354    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti nidiet programm sabiex tikkonforma ruħha mad-dritt komunitarju tal-kompetizzjoni wara t-terminazzjoni tal-ksur.

355    Ebda argument tar-rikorrenti ma jippreġudika din il-konklużjoni.

356    Fl-ewwel lok, fir-rigward ta' l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, skond il-ġurisprudenza msemmija qabel, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-attitudni tar-rikorrenti wara l-ksur bl-ebda mod ma tbiddel l-eżistenza u l-gravità tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 82 iktar ’il fuq, punt 373), li jikkostitwixxi ksur dejjiemi u manifest ta' l-Artikolu 81(1) KE. Fid-dawl ta' dawn il-fatti, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika li l-multa imposta ma tkunx eċċessiva fir-rigward tal-karatteristiċi tal-ksur, ma kienx jimponi fuq il-Kummissjoni li tieħu in kunsiderazzjoni l-attitudni tar-rikorrenti wara t-terminazzjoni tal-ksur.

357    Minn dan isegwi li la d-Deċiżjoni u lanqas il-linji gwida, li fi kwalunkwe każ la jipprevedu u lanqas jeskludu t-teħid in kunsiderazzjoni ta' dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistgħu, fuq din il-bażi, jiġu kkunsidrati bħala li jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

358    Fit-tieni lok, fir-rigward ta' l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni, meta rrifjutat li tieħu in kunsiderazzjoni t-tnedija tal-programm sabiex ir-rikorrenti tikkonforma ruħha, kienet żbaljata tibbaża ruħha esklużivament fuq obbjettiv ta' prevenzjoni ġenerali, in kuntradizzjoni mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-ġurisprudenza ċċitatata mir-rikorrenti tikkonċerna l-miżuri ta' espulsjoni preskritti mill-Istati membri kontra ċittadini ta' Stati membri oħrajn għal raġunijiet ta' ordni pubbliku. F'dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 64/221/KEE, tal-25 ta' Frar 1964, dwar il-koordinazzjoni ta' miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta' ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta' ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika (ĠU 1964, 56, p. 850), biex ikunu ġġustifikati, dawn il-miżuri għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq l-aġir personali ta' l-individwu li jkun is-suġġett tagħhom (ara, reċentement, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C-482/01 u C-493/01, Ġabra p. I-5257, punt 66). Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeduċi, b'mod partikolari, li d-dritt komunitarju jeskludi l-espulsjoni ta' xi ċittadin ta' Stat membru, li tkun ibbażata fuq motivi ta' prevenzjoni ġenerali, jiġifieri li tkun ġiet deċiża bi skop ta' deterrenza fir-rigward tal-barranin l-oħrajn, b'mod partikolari meta din il-miżura tkun ġiet meħuda b'mod awtomatiku in segwitu għall-kundanna penali, mingħajr teħid in kunsiderazzjoni ta' l-aġir personali ta' l-awtur tal-ksur u tal-periklu li huwa jirrappreżenta għall-ordni pubbliku (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Frar 1975, Bonsignore, 67/74, Ġabra. P. 297, punt 7; Nazli et, punt 346 iktar ’il fuq, punt 59, u Orfanopoulos u Oliveri, iċċitata qabel, punt 68).

359    Minn dan jirriżulta li, iktar milli tikkostitwixxi prinċipju ġenerali, il-projbizzjoni tal-motivi ta' prevenzjoni ġenerali tapplika għas-sitwazzjoni partikolari tal-miżuri li jidderogaw mill-prinċipju ta’ moviment liberu taċ-ċittadini ta' l-Unjoni indikat fl-Artikolu 18(1) KE u meħudin mill-Istati membri għal raġuni ta' ordni pubbliku. Fiċ-ċirkustanzi, din il-projbizzjoni ma tistax għalhekk tiġi trasposta purament u sempliċiment fil-kuntest tal-multi imposti mill-Kummissjoni lill-impriżi minħabba ksur tad-dritt komunitarju tal-kompetizzjoni.

360    Mill-banda l-oħra, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni hija libera li tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-prattiċi antikompetittivi bħalma huma dawk fil-każ preżenti, għalkemm ilhom li ġew meqjusa bħala illegali mill-bidu tal-politika komunitarja tal-kompetizzjoni, jibqgħu relattivament frekwenti minħabba l-benefiċċju li ċerti impriżi interessati jistgħu jieħdu minnhom u, minn daqshekk, li jiġi meqjus li huwa meħtieġ li l-multi jogħlew sabiex isaħħu l-effett dissważiv ta' l-istess (ara, per eżempju, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 108), u dan jikkorrispondi, ta' l-inqas parzjalment, għall-ħtieġa li lill-multi jingħatalhom effett dissważiv fir-rigward ta' l-impriżi barra minn dawk li lilhom jiġu imposti l-multi.

361    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li m'hemmx dubju li s-sempliċi adozzjoni, minn impriża, ta' programm ta' konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni ma jistax jikkostitwixxi garanzija valida u ċerta ta' l-osservanza futura u dejjiema minn naħa ta' l-istess impriża, tar-regoli msemmijin, b'mod li programm bħal dan ma jistax jorbot lill-Kummissjoni biex tnaqqas il-multa minħabba li l-obbjettiv ta' prevenzjoni li jkollu l-istess programm jkun diġà ġie milħuq parzjalment. Barra minn hekk, b'kuntrast ma' l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, minn imkien ma jirriżulta mid-Deċiżjoni li l-Kummissjoni bbażat esklużivament iż-żieda ta' l-ammont bażiku fuq il-ħtieġa li tassigura li jkun hemm effett dissważiv fuq l-impriżi l-oħrajn.

362    Fil-fatt, minn banda, it-teħid in kunsiderazzjoni tad-daqs tar-rikorrenti, fil-premessi 303 sa 305, u ż-żieda ta' l-ammont bażiku li jirriżulta minnu jikkostitwixxi preċiżament l-element li huwa maħsub biex jadatta l-multa skond il-fatturi proprji ta' l-istess. Mill-banda l-oħra, mill-premessa 330 jirriżulta li l-Kummissjoni ma aċċettatx bħala ċirkustanza attenwanti l-fatt li ġie mniedi programm għat-tpoġġija in konformità minħabba li "din l-inizjattiva [ġiet] tard wisq u ma tistax, in kwantu hija strument ta' prevenzjoni, teżentaha mid-dover tagħha li tissanzjona ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li diġà twettaq mill-impriża". Din għandha tinftiehem bħala li tfakkar, ġustament, u kif tenfasizza r-rikorrenti fil-kuntest ta' l-argument tagħha bbażat fuq l-eċċezzjoni ta' l-illegalità ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li l-multa għandha obbjettiv mhux biss preventiv, imma wkoll repressiv. Għaldaqstant mhuwiex biss bl-iskop li tiskoraġġixxi lill-impriżi li ma jkunux involuti fil-ksur li l-Kummissjoni ċaħdet l-argument tar-rikorrenti fuq dan il-punt, iżda minħabba li hija qieset li l-programm tat-tpoġġija in konformità ma kienx jiġġustifika li s-sanzjoni għall-ksur tiġi mnaqqsa.

363    Il-fatt li r-rikorrenti tesponi dan l-argument fil-kuntest ta' l-analiżi ta' l-effett dissważiv tal-multa, u mhux f'dak taċ-ċirkustanzi attenwanti, huwa irrilevanti f'dan ir-rigward, u dan fid-dawl tal-fatt li l-ħtieġa li tassigura dan l-effett ma tikkorrispondix biss għall-obbjettiv ta' prevenzjoni li għandha l-multa, kif tidher li qiegħda tikkontemplaha r-rikorrenti, iżda wkoll għal dak tar-ripressjoni.

364    Mis-suespost jirriżulta li l-ilment tar-rikorrenti li huwa bbażat fuq l-iżball manifest ta' evalwazzjoni, mill-Kummissjoni ta' l-effett dissważiv tal-multa fir-rigward ta' l-aġir tagħha ta' wara t-terminazzjoni tal-ksur għandu jiġi miċħud bħala infondat.

C –  Fuq il-kooperazzjoni tar-rikorrenti

1.     L-argumenti tal-partijiet

365    Ir-rikorrenti tikkontesta ċ-ċaħda mill-Kummissjoni biex tikkonċedilha tnaqqis fil-multa skond it-tieni paragrafu, punt 2 tas-sezzjoni D tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, għar-raġuni li hija kkontestat il-fatti relatati mad-dewmien tal-ksur, kif kienu ppreżentati fid-DO. Ir-rikorrenti ssostni, fil-fatt, li hija ammettiet id-dokumenti probatorji prodotti iżda li hija sempliċiment kellha opinjoni diverġenti fir-rigward ta' l-interpretazzjoni magħmula mill-Kummissjoni għall-imsemmija dokumenti, li jwasslu għal analiżi ġuridika u konklużjonijiet differenti. B'hekk, id-determinazzjoni tad-dewmien tal-ksur ma tikkostitwixxix, fil-każ preżenti, konstatazzjoni ta' fatt iżda kwistjoni ta' klassifikazzjoni ġuridika, kunċetti dawn li l-Kummissjoni ħawdet fit-title Ċ tad-DO.

366    Il-Kummissjoni ssostni li dan l-ilment huwa infondat.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

367    Jeħtieġ li jiġi mfakkar li r-rikorrenti, skond il-premessi 353 u 354 tad-Deċiżjoni, ibbenefikat minn tnaqqis ta' l-ammont tal-multa ta' 25%, b'applikazzjoni ta' l-ewwel paragrafu, punt 2, tat-titlu D tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

368    It-titlu D tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni huwa redatt kif ġej:

"1.      Meta impriża tikkoopera mingħajr ma jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha esposti fit-titlu B u Ċ, hija tibbenefika minn tnaqqis ta' 10 sa 50% ta' l-ammont tal-multa li li kieku tiġi imposta lilha fin-nuqqas tal-kooperazzjoni.

2.      Dan jista' jkun il-każ b'mod partikolari jekk:

–        qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, l-impriża tipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni, id-dokumenti jew elementi oħra ta' prova li jikkontribwixxu biex tiġi kkonfermata l-eżistenza tal-ksur imwettaq,

–        wara li tirċievi d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, l-impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija mmux qed tikkontesta l-materjalità tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi tagħha."

369    Il-Kummissjoni sostniet madankollu, fil-premessa 354, li Degussa kienet ikkontestat il-fatti esposti fid-DO f'dak li jirrigwarda d-dewmien ta' l-akkordju. Hija ddeduċiet li dan ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu, punt 2 tat-titlu D, tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u li b'hekk hija ma setgħetx tibbenefika minn tnaqqis addizzjonali ta' l-ammont tal-multa minħabba dan.

370    Għaldaqtsant, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk id-Deċiżjoni hijiex ivvizzjata bi żball ta' fatt fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kkontestatx, wara li ntbagħtet id-DO, il-materjalità tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-allegazzjonijiet tagħha.

371    Għal dan il-għan, jeħtieġ li tiġi eżaminata r-risposta tar-rikorrenti għad-DO.

372    Fl-ewwel lok, kif tosserva r-rikorrenti, dan id-dokument jindika li l-espożizzjoni tal-fatti ppreżentati fid-DO "mhumiex ikkontestati fis-sustanza" (p. 4 u 9 tar-risposta għad-DO). Madankollu, b'kuntrast ma' l-interpretazzjoni li tagħti r-rikorrenti, din l-affermazzjoni preċiżament turi li l-fatti kienu parzjalment ikkontestati u ma kinitx tippermetti lill-Kummissjoni tistabbilixxi b'ċertezza l-fatti kkontestati u dawn li ma kinux. Din il-kunsiderazzjoni hija wkoll ikkonfermata bl-indikazzjoni li tat ir-rikorrenti (p. 9 tar-risposta għad-DO) fejn tgħid li l-preżentazzjoni, minn naħa tal-Kummissjoni, tal-fatti fir-rigward tad-dewmien tal-ksur kienet f’parti ineżatta. Ir-rikorrenti żiedet ukoll, fil-punt 12 tar-risposta tagħha (p. 14 tar-risposta għad-DO), li l-espożizzjoni tal-fatti ma kinitx preċiża ħlief min-nofs is-sena 1992, id-data li fiha Degussa pparteċipat fil-ksur waqt il-laqgħa ta' Barċellona, fejn ippreċiżat ukoll li t-tul ta' l-akkordju kien limitatat għas-snin 1992 sa 1997 (p. 33 tar-risposta għad-DO).

373    Għalkemm dawn l-elementi formali ma jistgħux, minnhom nnifishom, iwasslu għall-konklużjoni li r-rikorrenti kkontestat, fis-sustanza, il-materjalità tal-fatti ppreżentati mill-Kummissjoni fid-DO, huma suffiċjenti fi kwalunkwe każ biex jistabbilixxu li r-rikorrenti ma laqgħatx b'mod pożittiv il-fatt li hija ma kinitx qiegħda tikkontestahom fit-totalità tagħhom. Ir-rikorrenti, mill-banda l-oħra, ħolqot ambigwità f'moħħ il-Kummissjoni fir-rigward ta' jekk hija kinitx qiegħda tikkontesta jew le l-fatti allegati u, fil-każ affermattiv, liema kienu preċiżament il-fatti li kienu kkontestati.

374    Fit-tieni lok, għalkemm, taħt it-titlu "D. Il-fatti" (p. 9 tar-risposta għad-DO), ir-rikorrenti effettivament ippreżentat xi kummenti li jikkontestaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, jeħtieġ madankollu li jiġi rrikonoxxut li, għall-parti l-kbira, dawn il-kummenti huma maħsubin, fis-sustanza, mhux biex jiċħdu direttament il-materjalità ta' dawn il-fatti (b'mod partikolari l-fatt li nżammu l-laqgħat u s-suġġetti li ġew diskussi), iżda biex jikkuntradixxu l-interpretazzjoni li tathom ir-rikorrenti u l-konklużjoni li għaliha waslet fir-rigward ta' l-eżistenza tal-ksur qabel l-1992 u wara l-1997.

375    Huwa minnu li wieħed ma jistax jassimila l-kontestazzjoni ta' l-evalwazzjoni ġuridika magħmula mill-Kummissjoni ta' ċerti fatti mal-kontestazzjoni ta' l-eżistenza stess ta' dawn il-fatti, anki jekk, fil-każ preżenti, id-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kunċetti tirriżulta ambigwa.

376    Madankollu, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat, bħalma tirrileva l-Kummimssjoni, li, fil-punt 13 tar-risposta tagħha għad-DO (p. 14 u 15), ir-rikorrenti affermat li, fil-fehma tagħha, wara l-laqgħa "summit" ta' Copenhagen fl-1997, ma nżammux iktar laqgħat li minnhom ġew stabbiliti target prices. Mill-punt 61 jirriżulta li l-Kummissjoni esponiet b'mod ċar li Degussa u Rhône-Poulenc kienu ltaqgħu f'Heidelberg fl-aħħar tas-sajf jew fil-bidu tal-ħarifa 1998 u li, f'dik l-okkażjoni, kienet ġiet deċiża żieda fil-prezzijiet. Il-Kummissjoni żiedet li kien hemm laqgħa oħra bejn dawn iż-żewġ impriżi li nżammet f'Nancy fl-4 ta' Frar 1999 u li wasslet għall-iffissar tat-target price ta' 3.20 USD/kg (5.30 DEM/kg). Għaldaqstant, kien jidher, ta' l-inqas safejn hu deskritt hawn fuq, li r-rikorrenti kkontestat il-materjalità tal-fatti esposti mill-Kummissjoni sussegwentement fid-DO.

377    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fir-risposta tagħha, taħt it-titlu "E. Evalwazzjoni ġuridika", ir-rikorrenti affermat, fil-parti ddedikata għad-dewmien tal-ksur, li hija ma kellha fil-pussess tagħha ebda informazzjoni dwar l-eżistenza tal-laqgħat matul il-perijodu 1989/1990 u li hija ma setgħetx b'hekk tikkontesta espliċitament il-fatt li nżammu dawn il-laqgħat (p. 29 tar-risposta għad-DO) u lanqas li tikkonfermaha (p. 30 tar-risposta għad-DO). Madankollu, il-Kummissjoni kienet iddeskriviet fid-dettall, fil-punti 22 sa 29 tad-DO tliet laqgħat li fihom kienet ipparteċipat Degussa matul dan il-perijodu (f'Awwissu 1989 f'post mhux identifikat, fl-10 ta' Ġunju 1990 fi Frankfurt-am-Main u f'Novembru 1990 f'Hong Kong u/jew f'Seul). B'hekk, mill-ġdid, għalkemm il-formulazzjoni ambigwa tar-rikorrenti ma tippermettix li jiġi konkluż li hija nnegat li nżammu dawn il-laqgħat, għandu jiġi kkonstatat madankollu li lanqas ma ppermettiet lill-Kummissjoni tkun taf li hija kienet qiegħda tammetti l-fatti f'dan ir-rigward.

378    Bl-istess mod, minkejja li l-Kummissjoni, fid-DO, iddeskriviet l-akkordju bħala li beda fi Frar 1986 (ara, b'mod partikolari, il-punti 18 sa 21 u 97), għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, fir-risposta tagħha għad-DO, ma ħaditx pożizzjoni preċiża fuq l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-perijodu li jibda mix-xahar ta' Frar 1986 sa l-aħħar tas-sena 1988, minkejja li ppreċiżat li, fil-fehma tagħha, l-akkordju ma damx ħlief mill-1992 sa l-1997.

379    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta' fatt meta kkonstatat li r-rikorrenti kienet ikkontestat parzjalment il-materjalità tal-fatti esposti fid-DO.

380    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx, fuq din il-bażi, tikkunsidra li r-rikorrenti ma setgħetx tibbenefika minn tnaqqis addizzjonali tal-multa skond it-tieni paragrafu, punt 2, titlu D, tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, it-tnaqqis tal-multi fil-każ li jkun hemm kooperazzjoni minn naħa ta' l-impriżi parteċipanti fil-ksur tad-dritt komunitarju tal-kompetizzjoni jsib ġustifikazzjoni fil-fatt li din il-kooperazzjoni tiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni (ara s-sentenzi BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 325, u Finnboard vs Il-Kummissjoni, punt 233 iktar ’il fuq, punt 363, ikkonferamat fl-appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Novembru 2000, Finnboard vs Il-Kummissjoni, C-298/98 P, Ġabra p. I-10157, u s-sentenza Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 222 iktar ’il fuq, punt 330).

381    F'dan ir-rigward, ġie madankollu deċiż li impriża li, waqt il-proċedura amministrattiva sempliċement ma tieħux pożizzjoni fuq l-allegazzjonijiet fattwali mressqin mill-Kummissjoni, u tkun astjeniet għalhekk milli tirrikonoxxi l-veraċità tagħhom, ma tikkontribwixxix biex tiffaċilita effettivament ix-xogħol tal-Kummissjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, C-297/98 P, Ġabra p. I-10101, punt 37).

382    Bl-istess mod, mhuwiex biżżejjed li impriża tafferma b'mod ġenerali li hija ma tikkontestax il-fatti allegati, skond il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, din l-affermazzjoni ma tkun ta' ebda utilità għall-Kummissjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2004, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T-48/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 193).

383    Fl-aħħar nett, it-tnaqqis abbażi tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma jistax jiġi ġġustifikat ħlief meta l-informazzjoni pprovduta u, b'mod iktar ġenerali, l-aġir ta' l-impriża kkonċernata jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati f'dan ir-rigward bħala li juru kooperazzjoni vera min-naħa tagħhom. Kif jirriżulta mill-kunċett innifsu tal-kooperazzjoni, kif muri fit-test tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, u b'mod partikolari l-introduzzjoni u l-kapitolu D, punt 1 ta' din il-komunikazzjoni, huwa biss meta l-aġir ta' l-impriża kkonċernata juri dan l-ispirtu ta' kooperazzjoni li jista' jiġi konċess dan it-tnaqqis abażi tal-komunikazzjoni msemmija (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 82 iktar ’il fuq, punti 395 u 396).

384    Mis-suespost jirriżulta li, fil-każ preżenti, ir-rikonoxximent ambigwu minn naħa tar-rikorrenti ta' ċerti fatti allegati fid-DO, meta hija kkontestat ċerti fatti oħrajn, ma kkontribwixxix biex jiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni b'mod suffiċjentement effettiv sabiex dan ir-rikonoxximent jista' jiġi meqjus fl-ambitu ta' l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. B'hekk, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tagħmel żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha, tikkunsidra li dan ir-rikonoxximent ma kienx suxxettibbli li jiġġustifika tnaqqis tal-multa tagħha skond l-imsemmija komunikazzjoni, hekk kif interpretata mill-ġurisprudenza.

385    Minn dan isegwi li l-ilment li huwa bbażat, fis-sustanza, fuq l-iżball ta' fatt u/jew fuq l-iżball manifest fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva għandu jiġi miċħud bħala infondat.

D –  Fuq il-ksur tal-prinċipju tan-non retroattività tal-pieni

386    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li l-Kummissjoni, meta applikat il-kriterji l-ġodda dwar l-iffissar tal-multi fil-linji gwida għall-ksur li ġie qabel l-adozzjoni ta' l-imsemmijin linji gwida, fl-1998, hija kisret il-prinċipju ta’ non retroattività tal-pieni.

387    Mingħajr il-bżonn li wieħed jidħol fil-kwistjoni dwar l-ammissibbiltà ta' dan l-argument li ġie mqajjem waqt is-seduta fir-rigward ta' l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, u b'mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dan huwiex argument ġdid jew sempliċi elaborazzjoni ta' argument imniżżel fir-rikors li għandu rabta mill-qrib ma' l-istess, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim'Istanza diġà ppronunċjaw ruħhom fuq il-ġustifikazzjoni ta' dan l-argument.

388    Skond it-termini tal-punti 224 sa 231 tas-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 82 iktar ’il fuq, jeħtieġ li, bil-għan li tiġi kkontrollata l-osservanza tal-prinċipju ta’ non retroattività, jiġi vverifikat jekk il-bidla fil-politika ġenerali tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-multi li jirriżultaw, b'mod partikolari, mil-linji gwida kinitx raġjonevolment prevedibbli fiż-żmien meta l-ksur ikkonċernat kien twettaq.

389    F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-innovazzjoni prinċipali tal-linji gwida tikkonsisti f'li jittieħed in kunsiderazzjoni bħala l-punt tat-tluq il-kalkolu ta' l-ammont bażiku, stabbilit skond il-varjetà ta' ammonti previsti f'dan ir-rigward, fejn din il-varjetà tirrifletti d-diversi gradi ta' gravità tal-ksur, iżda li, bħala tali, ma jirreferux għal-fatturat rilevanti. Dan il-metodu essenzjalment jistrieħ b'hekk fuq kalkolu b'rati, relattivi u flessibbli, tal-multi.

390    Jeħtieġ għalhekk li jiġi eżaminat jekk dan il-metodu ġdid għall-kalkolu tal-multi, li qiegħed jiġi preżunt li kellu effett aggravanti fuq l-ammonti ta' multi imposti, kienx raġjonevolment prevedibbli fiż-żmien meta l-ksur ikkonċernat twettaq.

391    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta' ċerta ammont għal tipi differenti ta' ksur ma jistax jiċħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan l-ammont fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 17, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiġi assigurata l-implementazzjoni tal-politika komunitarja tal-kompetizzjoni, iżda li, mill-banda l-oħra, l-applikazzjoni effikaċi tar-regoli komunitarji tal-kompetizzjoni titlob li l-Kummissjoni tista' f'kull stadju tadatta l-ammonti tal-multi għall-ħtiġiet ta' din il-politika (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 109, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni, C-196/99 P, Ġabra p. I-11005).

392    Minn dan isegwi li l-impriżi involuti fi proċedura amministrattiva li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta' xi multa ma jistgħux jiksbu aspettattiva leġittima bil-fatt li l-Kummissjoni mhijiex ser teċċedi l-ammont ta' multi imposti preċedentement u lanqas fil-metodu ta' kalkolu ta' l-istess.

393    Konsegwentement, l-impriżi msemmijin għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni li, fi kwalunkwe mument, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li, dejjem b’osservanza tar-regoli li jirregolaw l-azzjoni tagħha, tgħolli l-ammont tal-multi li kienu jiġu imposti fil-passat.

394    Dan huwa applikabbli mhux biss meta l-Kummissjoni tgħolli l-ammont tal-multa meta timponi xi multi f'deċiżjonijiet individwali, iżda wkoll meta din il-varjazzjoni ’l fuq tal-multi sseħħ bl-applikazzjoni għall-każijiet, f’dan il-każ, ta' regoli ta' kondotta li jkunu ta' portata ġenerali bħalma huma l-linji gwida.

395    Barra minn hekk jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li l-prevedibbiltà tal-liġi ma teskludix il-fatt li l-persuna kkonċernata jkollha tirrikorri għal-pariri studjati biex tevalwa, bi grad ta' raġjonevolezza fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att determinat. Dan huwa applikabbli speċjalment għall-professjonisti, li huma mdorrijin jeżerċitaw prudenza kbira fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom. L-istess wieħed jistenna minnhom li jagħtu attenzjoni partikolari meta jevalwaw ir-riskji li dan jinvolvi (ara s-sentenza Cantoni vs Franza tal-15 ta' Novembru 1996, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet, 1996-V, § 35).

396    Għandu jiġi konkluż li l-linji gwida u, b'mod partikolari, il-metodu ġdid għall-kalkolu tal-multi li hemm fihom, li qiegħed jiġi preżunt li kellu effett aggravanti fuq l-ammonti ta' multi imposti, kien raġjonevolment prevedibbli għall-impriżi bħar-rikorrenti fiż-żmien meta l-ksur ikkonċernat twettaq.

397    Għaldaqstant, bil-fatt li fid-Deċiżjoni, ġew applikati fis-sustanza l-linji gwida għall-ksur imwettaq qabel l-adozzjoni tagħhom, l-istess Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ non retroattività.

398    Minn dan isegwi li l-ilment tar-rikorrenti li huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ non retroattività tal-pieni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

IV –  Fuq ir-raba' argument, li huwa bbażat fuq il-ksur tas-sigriet professjonali, fuq il-prinċipju ta' l-amministrazzjoni tajba u fuq il-preżunzjoni ta' l-innoċenza

A –  L-argumenti tal-partijiet

399    Ir-rikorrenti tippretendi li l-Kummissjoni, sa qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, ipprovdiet informazzjoni kunfidenzjali lill-istampa, u kisret b'hekk is-sigriet professjonali protett mill-Artikolu 287 KE, il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u l-preżunzjoni ta' l-innoċenza.

400    Hija tfakkar, fil-fatt, li t-Tlieta 2 ta' Lulju 2002, il-ġurnal "Handelsblatt" ippubblika artiklu intitolat "Degussa għandha tħallas iktar minn 100 miljun". L-artiklu kien jindika li l-ġurnal ġie infurmat minn persuni qrib il-Kummissjoni fi Brussell u kien jispjega li "s-sur Monti [kien] sar jaf li l-grupp kimiku ta' Dusseldorf kien il-forza sewwieqa ta' l-akkordju fuq l-aċidi amminiċi li, matul deċenni, [kien] qassam is-suq ta' l-additivi għall-annimali permezz ta' akkordji sistematiċi fuq il-prezzijiet".

401    Madankollu, l-informazzjoni ppubblikata ma setgħetx tiġi miksuba mingħajr il-kollaborazzjoni ta' xi uffiċjal tal-Kummissjoni, fatt dan li jikkostitwixxi ksur ta' l-obbligu ta' l-osservanza tas-sigriet professjonali previst fl-Artikolu 287 KE. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li, fi proċeduri kontenzjużi li jistgħu jwasslu għall-kundanna, in-natura u l-quantum tas-sanzjoni proposta huma, bin-natura tagħhom, koperti bis-sigriet professjonali, sakemm is-sanzjoni ma tkunx ġiet approvata u mħabbra definittivament. Dan il-prinċipju joħroġ, b'mod partikolari, mill-ħtieġa li tiġi rrispettata r-reputazzjoni u d-dinjità tal-persuna interessata sakemm din ma tkunx ġiet ikkundannata (ara s-sentenza Volkswagen vs Il-Kummissjoni, punt 513 iktar ’il fuq, punt 281).

402    Ir-rikorrenti ssostni li l-mod kif il-Kummissjoni informat lill-istampa huwa irrilevanti, in kwantu dak li jimporta huwa l-fatt li l-Kummissjoni kienet fl-oriġni tas-sitwazzjoni fejn l-impriża kienet ġiet informata mill-istampa bil-portata preċiża tas-sanzjoni li, x'aktarx, kienet ser tiġi imposta fuqha (ara s-sentenza Volkswagen vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar ’il fuq, punt 281). Il-Kummissjoni ma kkontestatx espressament il-fatt li wieħed mill-uffiċjali tagħha kien żvela l-informazzjoni kunfidenzjali in kwistjoni. Fi kwalunkwe każ, kienet biss il-Kummissjoni li setgħet tkun fl-oriġni ta' dan l-iżvelar. F'dawn iċ-ċirkustanzi, kienet il-Kummissjoni li kellha tipprova l-kuntrarju, in kwantu l-artiklu in kwistjoni semma li l-informazzjoni kienet ġejja minn "sorsi qrib il-Kummissjoni fi Brussell".

403    Ir-rikorrenti ssostni barra minn hekk li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, indikat fl-Artikolu 41(1) tal-Karta, li bis-saħħa tiegħu "[k]ull persuna għandha d-dritt li tara l-kawża tagħha tiġi ttrattata b'mod imparzjali, skond il-ġustizzja, u f‘terminu raġjonevoli mill-istituzzjonijiet u organi ta' l-Unjoni". L-iżvelar li oriġina mill-Kummissjoni fil-fatt jixhed il-parzjalità fir-rigward tar-rikorrenti.

404    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni rrendiet ruħha ħatja ta' ksur tal-preżunzjoni ta' l-innoċenza prevista fl-Artikolu 6(2) tal-KEDB u fl-Artikolu 48(1) tal-Karta, u li tifforma parti mid-drittijiet fundamentali ta' l-ordinament ġuridiku komunitarju (ara s-sentenza Hüls vs Il-Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, punt 149). Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza, dan il-prinċipju huwa applikabbli għall-proċeduri relattivi għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi Öztürk vs Il-Ġermanja, punt 38 iktar ’il fuq, § 46 ; Hüls vs Il-Kummissjoni, punt 115 iktar 'il fuq, punt 50, u Volkswagen vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar ’il fuq, punt 281). Bil-fatt li żvelat lill-istampa l-kontenut tad-deċiżjoni qabel il-preżentazzjoni tagħha lill-kulleġġ tal-kummissarji għad-deliberazzjoni, u għalhekk qabel il-kundanna ta' l-impriża, il-Kummissjoni kisret b'mod manifest il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta' l-innoċenza.

405    Ir-rikorrenti tiċħad l-argument tal-Kummissjoni fejn tgħid li l-iżvelar lill-istampa ta' l-informazzjoni in kwistjoni ma kinitx responsabbli għalih hi. Fil-fehma tagħha, huwa irrilevanti li l-informazzjoni ġiet trażmessa b'mod uffiċjali. Fil-fatt, skond l-Artikolu 288 KE, il-Kummissjoni hija responsabbli għall-ksur imwettaq minn wieħed mill-uffiċjali tagħha meta dan il-ksur ikun marbut direttament ma' l-eżerċizzju tal-funzjoni tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Lulju 1969, Sayag et, 9/69, Ġabra p. 329), li huwa l-każ ta’ hawnhekk. Il-kwistjoni dwar jekk il-ksur ġiex awtorizzat jew le mill-Kummissjoni hija irrilevanti, u dan b'analoġija mar-responsabbiltà ta' l-impriża għall-ksur relatat mal-kompetizzjoni li jiġi mwettaq mill-kollabortauri tagħha (ara s-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punti 37 sa 70, u punt 112).

406    Ir-rikorrenti tikkonkludi li l-effikaċja tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali titlob li d-Deċiżjoni tiġi annullata fuq din il-bażi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 19). Dan isir meħtieġ minħabba l-fatt li dan it-tip ta' ksur mill-Kummisjoni huwa korrenti (ara s-sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 90; Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, punt 114 iktar ’il fuq, punt 27, u Volkswagen vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, il-ġurisprudenza li tgħid li irregolarità bħal din ma tiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni jekk ma jkunx ġie pprovat li fin-nuqqas ta' dik l-irregolarità l-imsemmija deċiżjoni kien ikollha kontenut differenti ma kellha ebda effett skoraġġanti u titlob li l-impriża jkollha ġġib prova li hija ma tkunx f'pożizzjoni li tressaq. Din il-ġurisprudenza ma tissodisfax għalhekk ir-rekwiżit tal-protezzjoni effettiva tad-drittijiet in kwistjoni u tpoġġi lill-impriża kkonċernata f'sitwazzjoni ta’ ħsara fil-konfront tal-klijenti, kollaboraturi u azzjonisti tagħha u tal-medja, bi ksur tal-prinċipju ta' l-"equality of arms".

407    Ir-rikorrenti ssostni b'hekk li huwa biżżejjed li jiġi pprovat li ma jistax jiġi eskluż li d-deċiżjoni seta' kellha eżitu differenti kieku ma kienx hemm dak l-iżvelar prematur ta' l-informazzjoni in kwistjoni, u dan bħalma ġie deċiż fil-qasam tal-vizzji tal-proċedura (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Frar 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, 68/86, Ġabra p. 855, punt 49; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Frar 1994, CB u Europay vs Il-Kummissjoni, T-39/92 u T-40/92, Ġabra p. II-49, punt 58). Dan huwa applikabbli għall-każ preżenti, fid-dawl tal-fatt li l-iżvelar tal-kontenut tad-Deċiżjoni qabel l-adozzjoni tagħha għamilha impossibbli għall-Kummissjoni lil tadotta deċiżjoni li tkun differenti minn dik imħabbra fl-istampa, għax kienet tkun negazzjoni ta' membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni, liema negazzjoni tkun diffiċilment kontemplabbli.

408    Il-Kummissjoni ssostni li dan l-argument huwa infondat.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

409    Jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Artikolu 287 KE jobbliga lill-membri, uffiċjali u aġenti tal-Komunità, "li ma jxerrdux tagħrif li jkun kopert bis-sigriet professjonali u, b’mod partikolari, tagħrif li jirreferi għal impriżi u dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi tal-costing tagħhom". Għalkemm din id-dispożizzjoni hija maħsuba b'mod partikolari għat-tagħrif miġbur mingħand l-impriżi, l-avverbju "b'mod partikolari" juri li dan huwa prinċipju ġenerali li huwa applikabbli wkoll għal tagħrif kunfidenzjali ieħor (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni, 145/83, Ġabra p. 3539, punt 34, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Settembru 1996, Postbank vs Il-Kummissjoni, T-353/94, Ġabra p. II-921, punt 86).

410    Jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, fil-proċeduri kontenzjużi li jistgħu jwasslu għall-kundanna, in-natura u l-quantum tas-sanzjoni proposta huma, bin-natura tagħhom, koperti bis-sigriet professjonali, sakemm is-sanzjoni ma tkunx ġiet approvata u mħabbra definittivament. Dan il-prinċipju joħroġ, b'mod partikolari, mill-ħtieġa li tiġi rrispettata r-reputazzjoni u d-dinjità tal-persuna interessata sakemm din ma tkunx ġiet ikkundannata (ara s-sentenza Volkswagen vs Il-Kummissjoni, punt 513 iktar ’il fuq, punt 279).

411    B'hekk id-dover tal-Kummissjoni li ma tiżvelax lill-istampa t-tagħrif fuq is-sanzjoni kontemplata ma tikkoinċidix biss ma' l-obbligu tagħha li tosserva s-sigriet professjonali, iżda wkoll ma' l-obbligu tagħha ta' l-amministrazzjoni tajba. Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ preżunjoni ta' l-innoċenza huwa applikabbli għall-proċeduri relatati mal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mill-impriżi u li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta' multi jew ta' penali perjodiċi (ara s-sentenzi Hüls vs Il-Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, punt 150; Öztürk vs Il-Ġermanja, punt 38 iktar ’il fuq, u Lutz vs Il-Ġermanja, punt 115 iktar ’il fuq). Din il-preżunzjoni mhijiex manifestament osservata mill-Kummissjoni meta din, qabel ma tikkundanna formalment lill-impriża li hija takkuża, tikkomunika ma' l-istampa l-verdett li jkun suġġett għad-deliberazzjoni tal-Kumitat konsultattiv u tal-kulleġġ tal-kummissarji (ara s-sentenza Volkswagen vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar ’il fuq, punt 281).

412    Madankollu fil-każ preżenti, għandu jiġi kkonstatat li, b'kuntrast mas-sitwazzjoni li wasslet għas-sentenza Volkswagen vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar ’l fuq, ma ġiex ipprovat li l-Kummissjoni kienet fl-oriġni ta' l-iżvelar mill-istampa tal-kontenut tad-Deċiżjoni. Fil-fatt, għalkemm, fil-kawża preċitata, kien paċifiku li l-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni fiż-żmien tal-fatti in kwistjoni kien ħabbar lill-istampa, qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-ammont tal-multa li kienet ser tiġi imposta lil Volkswagen, fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti tindika hija stess li l-artiklu in kwistjoni ma jsemmix ħlief li t-tagħrif kien ġej minn sorsi qrib il-Kummissjoni ("Kommissionskreisen"). Barra minn hekk, b'kuntrast ma' l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ammettitx ir-responsabbiltà tagħha f'dan ir-rigward. Għalkemm huwa verosimili li l-Kummissjoni setgħet kienet fl-oriġni ta' dan l-iżvelar, din l-eventwalità biss mhijiex biżżejjed, kif tippretendi r-rikorrenti, biex titfa' l-piż ta' prova kuntrarja fuq il-Kummissjoni.

413    Fi kwalunkwe każ, anki kieku wieħed kellu jissupponi li jista' jiġi aċċettat li d-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu effettivament responsabbli għall-iżvelar magħmul bl-artiklu ta' l-istampa li għalih tirreferi r-rikorrenti, dan il-fatt ma jaffettwax il-legalità tad-Deċiżjoni.

414    Fil-fatt, minn banda, fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti fejn issostni li dan l-iżvelar jixhed il-parzjalità tal-Kummissjoni fil-konfront tagħha, jeħtieġ li jiġi osservat li l-materjalità tal-ksur li tkun ġiet debitament ipprovata skond il-proċedura amministrattiva ma tistax tiġi kkontestata bil-prova tal-manifestazzjoni prematura, minn naħa tal-Kummissjoni, tal-fehma tagħha dwar l-eżistenza tal-ksur u ta' l-ammont tal-multa li hija tikkontempla li timponi fuq l-impriża b'konsegwenza ta' dan. Fl-okkażjoni ta' l-eżami tad-diversi argumenti tar-rikorrenti, ġie espost, barra minn hekk, li d-Deċiżjoni hija korrettement iġġustifikata fil-fatt u fid-dritt fir-rigward ta' l-eżistenza u ta' l-elementi li jikkostitwixxu l-ksur.

415    Barra minn hekk, ma jistax jiġi pretiż li l-iżvelar, minn naħa tal-Kummissjoni, tal-kontenut tad-deċiżjoni li rriżultat mill-proċedura amministrattiva u lejliet l-adozzjoni formali tagħha huwa, minnu nnifsu, tali li juri li hija ppreġudikat il-kawża jew l-investigazzjoni billi ħadet pożizzjoni parzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Volkswagen vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar ’il fuq, punti 270 sa 272).

416    Mill-banda l-oħra, huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li l-irregolarità bħal dik allegata mir-rikorrenti tista' twassal għall-annullament tad-deċiżjoni in kwistjoni jekk jiġi pprovat li, fin-nuqqas ta' dik l-irregolarità, id-deċiżjoni msemmija kien ikollha riżultat differenti (ara s-sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 91; Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, punt 114 iktar ’il fuq, punt 29, u Volkswagen vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar ’il fuq, punt 283).

417    Fil-każ preżenti, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqitx din il-prova. Fil-fatt, m'hemm xejn li juri li, li kieku dan it-tagħrif ma kienx ġie żvelat, il-kulleġġ tal-kummissarji kien ibiddel l-ammont tal-multa jew il-kontenut tad-deċiżjoni proposti. Barra minn hekk, b'kuntrast ma' l-allegazzjonijiet purament ipotetiċi tar-rikorrenti, u fid-dawl tal-prinċipju ta’ kolleġjalità li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom isegwu, ma jistax jiġi preżunt li l-membri tal-Kummissjoni kienu kkundizzjonati b'xi sentiment ta' solidarjetà fir-rigward tal-kulleġġ tagħhom responsabbli mill-kompetizzjoni, jew li dawn ġew fil-fatt ipprojbiti milli jimponu multa iżgħar.

418    Minn dan isegwi li l-argument preżenti għandu jiġi miċħud.

419    Ebda argument tar-rikorrenti ma jaffettwa din il-konklużjoni.

420    Ir-rikorrenti tippretendi li l-ġurisprudenza ċċitata hawn fuq ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti bbażati fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Bil-għan li jiġi osservat dan il-prinċipju, kien meħtieġ, sabiex jiġi ġġustifikat l-annullament tad-Deċiżjoni, li titqies li hija suffiċjenti l-prova tal-fatt li ma setax jiġi eskluż li d-deċiżjoni seta' kellha eżitu differenti kieku ma kienx seħħ l-iżvelar in kwistjoni.

421    F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-individwi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huma jisiltu mill-ordinament ġuridiku komunitarju, fejn id-dritt għal din il-protezzjoni jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li joħorġu mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta' l-Istati membri. Dan id-dritt ġie indikat ukoll fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Johnston, punt 406 iktar ’il fuq, punt 18; tas-27 ta' Novembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-424/99, Ġabra p. I-9285, punt 45, u tal-25 ta' Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 39).

422    Madankollu, dan il-prinċipju għandu jiġi rrikonċiljat mal-prinċipju taċ-ċertezza legali u l-preżunzjoni tal-legalità li għandhom l-atti ta' l-istituzzjonijiet komunitarji (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C-137/92 P, Ġabra p. I-2555, punt 48), li timplika li l-oneru tal-prova dwar l-illegalità ta' l-att taqa' fuq dak li jinvokaha.

423    Kif ġie espost preċedentement, l-allegat żvelar, minn naħa tal-Kummissjoni, tal-kontenut ta' deċiżjoni qabel l-adozzjoni formali ta' l-istess deċiżjoni ma tista’, minnha nnifisha, b'kuntrast ma' l-inosservanza tal-proċedura sostanzjali, tagħti ebda impatt fuq il-legalità tad-deċiżjoni msemmija.

424    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, minn banda, li s-soluzzjoni proposta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 416 hawn fuq ma teskludix lir-rikorrenti milli tressaq prova ta' l-illegalità tad-Deċiżjoni minħabba l-irregolarità kkonstatata u lanqas ma tirrendi din il-prova eċċessivament diffiċli u, mill-banda l-oħra, li, anki jekk wieħed jissupponi li r-rikorrenti ma jirnexxilhiex turi li d-Deċiżjoni kienet tkun differenti fin-nuqqas ta' l-imsemmija irregolarità, ir-rikors previst fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE jippermetti lill-istess rikorrenti li, jekk ikun il-każ, titlob kumpens għad-danni kkaġunati mill-Komunità minħabba dan il-fatt.

425    Għaldaqstant, m'għandux jiġi kkunsidrat li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeskludi l-bżonn li, fil-preżenza ta' irregolarità tat-tip allegata fil-każ preżenti, ir-rikorrenti, sabiex tiġġustifika l-annullament tad-Deċiżjoni, turi li fin-nuqqas ta' din l-irregolarità ir-riżultat kien ikun differenti.

426    Mis-suespost jirriżulta li l-argument ibbażat fuq il-ksur tas-sigriet professjonali, tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u ta’ preżunzjoni ta' l-innoċenza għandu jiġi miċħud.

 Konklużjoni

427    Skond il-punt 254 hawn fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li jeħtieġ li l-ammont bażiku tal-multa kkalkolat skond il-gravità tal-ksur tar-rikorrenti jitnaqqas minn 35 għal 30 miljun EUR. Skond il-punt 343 hawn fuq, dan l-ammont għandu jiġi miżjud, fil-konfront tar-rikorrenti, bi 80% bil-għan li jiġi assigurat li l-multa jkollha effett dissważiv adegwat, sabiex jilħaq l-ammont ta' 54 miljun EUR.

428    Barra minn hekk, ġie kkonstatat li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet korrettement id-dewmien tal-ksur, li tiġġustifika żieda ta' 125% ta' dan l-ammont. Fl-aħħar nett, jeħtieġ li tittieħed in kunsiderazzjoni t-tnaqqis ta' 25% tal-multa li l-Kummissjoni kkonċediet lir-rikorrenti skond l-ewwel paragrafu, punt 2 tat-titlu D tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

429    Mis-suespost jirriżulta li jeħtieġ li l-multa imposta lir-rikorrenti titnaqqas għal 91,125,000 EUR.

 Fuq l-ispejjeż

430    Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap wieħed jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Skond l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati membri u l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom ta’ meta dawn jintervjenu fil-kawża. Peress li r-rikors ma ntlaqax ħlief parzjalment, ikun ġust fiċ-ċirkustanzi tal-kawża li jiġi deċiż li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll 75% ta' l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, u li l-Kummissjoni tbati 25% ta' l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

Il-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

Taqta' u tiddeċiedi :

1)      L-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/674/KE tat-2 ta' Lulju 2002, relattiva għall-proċediment taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (kawża C.37.519 – Metjonina) għandha tiġi stabbilita fl-ammont ta' 91,125,000 EUR.

2)      Ir-rikors huwa mill-bqija miċħud.

3)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u 75% ta' l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

4)      Il-Kummissjoni għandha tbati 25% ta' l-ispejjeż tagħha.

5)      Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.


Jaeger

Tiili

Czúcz


Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ April 2006.

Reġistratur

 

      il-President

E. Coulon

 

      Jaeger

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq l-ewwel argument, li huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' legalità tal-pieni

A –  Fuq l-eċċezzjoni dwar l-illegalità ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

B –  Fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni

II –  Fuq it-tieni argument, li huwa bbażat fuq żball fl-evalwazzjoni fir-rigward tan-natura waħdanija u kontinwata u fir-rigward tad-dewmien tal-ksur

A –  Fuq l-interruzzjoni tal-ksur bejn l-1988 u l-1992

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

a)  Fuq il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju u/jew fil-prattika miftehma bejn l-1988 u 1992

Fuq il-perijodu li jibda mill-aħħar tas-sena 1988 sa l-aħħar tas-sajf 1990

Fuq il-perijodu li jibda mill-aħħar tas-sajf 1990 sax-xahar ta' Marzu 1992

b)  Fuq in-natura waħdanija u kontinwa tal-ksur

B –  Fuq it-tmiem tal-ksur

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

C –  Fuq is-sospensjoni ta' l-akkordju

III –  Fuq it-tielet argument, ibbażat fuq l-iżbalji fl-evalwazzjoni, fuq l-iżball ta’ dritt u ta' fatt, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, fuq l-ugwaljanza fit-trattament u fuq in-non retroattività tal-pieni kif ukoll fuq l-obbligu tal-motivazzjoni fl-iffissar ta' l-ammont tal-multa

A –  Fuq il-gravità tal-ksur

1.  Fuq il-motivazzjoni tal-gravità tal-ksur

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

2.  Fuq il-portata tas-suq ġeografiku in kwistjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  Fuq l-evalwazzjoni ta' l-impatt tal-ksur fuq is-suq

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

4.  Konklużjoni dwar id-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa skond il-gravità tal-ksur

B –  Fuq iż-żieda fil-multa bil-għan li jiġi assigurat element dissważiv adegwat

1.  Fuq l-iżball ta’ dritt u ta' fatt fir-rigward tal-fatturat tar-rikorrenti

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-teħid in kunsiderazzjoni tal-fatturat tar-rikorrenti għas-sena 2000

Fuq l-iżball ta' fatt fir-rigward tal-fatturat tar-rikorrenti għas-sena 2000

2.  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni, ta' l-obbligu tal-motivazzjoni u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta' trattament ugwali fiż-żieda ta' l-ammont tal-multa minħabba l-effett dissważiv

a)  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni u ta' l-obbligu tal-motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

b)  Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta' trattament ugwali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  Fuq l-iżball fl-evalwazzjoni fir-rigward ta' l-effett dissważiv tal-multa fid-dawl ta' l-aġir tar-rikorrenti wara t-terminazzjoni tal-ksur

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

C –  Fuq il-kooperazzjoni tar-rikorrenti

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

D –  Fuq il-ksur tal-prinċipju tan-non retroattività tal-pieni

IV –  Fuq ir-raba' argument, li huwa bbażat fuq il-ksur tas-sigriet professjonali, fuq il-prinċipju ta' l-amministrazzjoni tajba u fuq il-preżunzjoni ta' l-innoċenza

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Konklużjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.