Language of document : ECLI:EU:T:2006:110

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla Estiża)

6 ta’ April 2006 (*)

“Investigazzjoni ta’ l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) dwar it-tmexxija u l-finanzjament ta’ l-Istitut għar-Relazzjonijiet Ewropej-Latino-Amerikani (IRELA) – Kunflitt ta’ interessi eventwali fir-rigward ta’ investigatur – Irtirar tat-tim – Effetti fuq l-iżvolġiment ta’ l-investigazzjoni u l-kontenut tar-rapport ta’ investigazzjoni – Rapport ta’ għeluq l-investigazzjoni – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Rikors għad-danni – Ammissibbiltà”

Fil-kawża T-309/03,

Manel Camós Grau, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn M.-A. Lucas, avocat,

rikorrent

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J.-F. Pasquier u C. Ladenburger, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tar-Rapport tas-17 ta’ Ottubru 2002, ta’ l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-frodi (OLAF) li jagħlaq l-investigazzjoni dwar l-Istitut għar-Relazzjonijiet Ewropej-Latino-Amerikani (IRELA) u, min-naħa l-oħra, talba għal kumpens għad-danni morali u għad-dannu lill-karriera allegatament subiti minħabba dan ir-rapport,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn H. Legal, President, P. Lindh, P. Mengozzi, I. Wiszniewska-Białecka u V. Vadapalas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-14 ta’ Settembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku tal-kawża

1       L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), li twaqqaf permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 1999, 1999/352/KE, KEFA, Euratom (ĠU L 136, p.20), huwa inkarigat, b’mod partikolari, li jagħmel investigazzjonijiet amministrattivi interni sabiex jinvestiga l-fatti serji relatati ma’ l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali li jistgħu jikkostitwixxu ksur ta’ obbligi minn uffiċjali u impjegati tal-Komunitajiet, li x’aktarx iwasslu għal proċeduri dixxiplinarji u, fejn xieraq, kriminali.

2       Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar l-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, p. 1), jiddisponi li l-investigazzjonijiet li jikkonċernaw l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Komunitajiet għandhom jitwettqu bla ħsara għar-regoli tat-Trattati u għar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)). L-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament jispeċifika l-modalitajiet ta’ proċedura ta’ l-investigazzjonijiet, li jiġu effettwati taħt l-awtorità tad-Direttur ta’ l-OLAF mill-aġenti ta’ l-OLAF li għandhom jadottaw attitudni li tkun konformi mar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

3       L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprovdi li malli titlesta investigazzjoni magħmula mill-OLAF, dan ta’ l-aħħar għandu jħejji rapport, taħt l-awtorità tad-Direttur li jispeċifika, b’mod partikolari, is-sejbiet ta’ l-investigazzjoni, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tad-Direttur dwar l-azzjoni li għandha tittieħed. B'mod konformi mal-paragrafu 4 ta’ din id-dispożizzjoni, ir-rapport imħejji wara investigazzjoni interna u kull dokument relatat li jkun utli għandhom jintbagħtu lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija involuta li tieħu dik l-azzjoni dixxiplinarja u legali neċessarja skond ir-riżultati ta’ dik l-investigazzjoni.

4       Skond l-Artikolu 14 ta’ l-istess Regolament, kull uffiċjal jew impjegat ieħor tal-Komunitajiet Ewropej jista’ jippreżenta lid-Direttur ta’ l-OLAF ilment kontra att magħmul mill-OLAF bħala parti minn investigazzjoni interna li jkun laqtu b’mod negattiv, skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

5       Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396/KE, KEFA, Euratom tat-2 ta’ Ġunju 1999, dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kull xorta ta’ attività illegali li hija ta’ ħsara lejn l-interess tal-Komunitajiet (ĠU L 149, p.57), tiddisponi fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 4 tagħha, li fejn l-implikazzjoni possibbli ta’ Membru, uffiċjal jew impjegat tal-Kummissjoni ssir evidenti, il-parti interessata għandha tkun informata malajr, basta dan ma jkunx ta’ ħsara għall-investigazzjonijiet. Din id-dispożizzjoni tippreċiża li konklużjonijiet li jirreferu għall-persuna kkonċernata b'isimha ma jistgħux jiġu dedotti ġaladarba l-investigazzjoni tkun għal kollox lesta mingħajr ma l-parti interessata tkun ingħatat il-possibbiltà tesprimi ruħha dwar il-fatti li jikkonċernawha.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6       Is-Sur Camós Grau, uffiċjal tal-Kummissjoni bil-grad A 3, meta kien qed jaħdem fid-Direttorat kompetenti għall-Amerika Latina tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) inkarigat mir-relazzjonijiet ekonomiċi esterni, kien involut fit-tmexxija ta’ l-Istitut għar-Relazzjonijiet Ewropej-Latino-Amerikani (iktar ’il quddiem l-“IRELA”), imwaqqaf fl-1984, bejn l-1992 u l-1997.

7       Wara li numru ta’ rapporti, b’mod partikolari tad-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” tal-Kummissjoni fl-1997, u tal-Qorti tal-Awdituri fl-1998, urew irregolaritajiet fl-estimi u fil-kontabilità ta’ l-IRELA, id-direttur ta’ l-OLAF, fl-4 ta’ Lulju 2000, iddeċieda li jibda investigazzjoni fir-rigward ta' l-IRELA u iżjed ’il quddiem, fid-29 ta’ Jannar 2001, li jestendi l-investigazzjoni inizjali u li jibda investigazzjoni interna fir-rigward ta' tliet uffiċjali tal-Kummissjoni, fosthom, ir-rikorrent.

8       B'mod konformi ma’ l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, id-Direttur ta’ l-OLAF informa lis-Sur Camós Grau, fit-30 ta’ Jannar 2001, bil-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni u bil-possibbiltà li seta' kien implikat fl-irregolaritajiet misjuba. Huwa indikalu wkoll l-ismijiet ta’ l-impjegati ta’ l-OLAF awtorizzati li jwettqu l-investigazzjoni.

9       Assistit mill-avukat tiegħu, is-Sur Camós Grau, fit-22 ta’ Frar 2001, deher quddiem tlieta mill-erba’ aġenti awtorizzati mill-OLAF.

10     B’ittri tat-22 ta’ Frar 2002, indirizzati rispettivament lid-Direttur ta’ l-OLAF u lill-Kumitat tas-Sorveljanza ta’ l-OLAF, is-Sur Camós Grau sejjaħ għall-kunsiderazzjoni tar-rwol tad-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” fir-rigward ta’ l-IRELA u esprima l-preokkupazzjoni tiegħu fir-rigward ta’ wieħed mill-investigaturi, is-Sur P., għar-raġuni li dan ma setax ikollu l-oġġettività meħtieġa sabiex iwettaq l-investigazzjoni, peress li kien għamel parti mill-karriera tiegħu fid-dipartimenti ta' dan id-Direttorat Ġenerali. Risposta ta’ stennija ġiet mibgħuta lilu mid-Direttur ta’ l-OLAF fit-22 ta’ Marzu 2002.

11     L-avukat tas-Sur Camós Grau, f’ittra tal-15 ta’ April 2002 indirizzata lid-Direttur ta’ l-OLAF, speċifika s-suspetti tal-klijent tiegħu fir-rigward ta’ possibbiltà ta’ kunflitt ta’ interessi min-naħa tas-Sur P., meta jitqiesu r-reponsabbiltajiet li dan l-investigatur kellu fi ħdan id-diviżjoni inkarigata mill-kontroll ta’ l-IRELA fid-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” meta ġraw il-fatti li qed jiġu investigati u l-imġiba tiegħu fit-tmexxija ta’ l-imsemmija investigazzjoni. L-avukat tar-rikorrent kiteb f'dan is-sens lill-President tal-Kumitat tas-Sorveljanza ta’ l-OLAF, b’ittra tas-26 ta’ April 2002.

12     Is-Sur Camós Grau, assistit mill-avukat tiegħu, deher fit-22 ta’ April 2002, quddiem il-Kap tad-diviżjoni “Maġistrati, pariri legali u follow-up” ta’ l-OLAF waqt seduta intiża sabiex is-Sur Camós jippreċiża l-allegazzjonijiet tiegħu fil-konfront tas-Sur P. Il-Kap ta’ din id-diviżjoni pproċeda wkoll għas-smigħ ta’ l-investigatur ikkonċernat fit-23 ta’ April 2002.

13     B’ittra tas-17 ta’ Mejju 2002, il-Kap tad-diviżjoni “Maġistrati, pariri legali u follow-up” indika lis-Sur Camós Grau li d-diviżjoni tiegħu kienet tat il-parir legali lid-Direttur ta’ l-OLAF li “il-pożizzjoni tas-Sur P. bħala investigatur assoċjat fil-fajl ta’ riferenza [IRELA] tista' tiġi perċepita bħala kunflitt ta’ interessi” u li l-OLAF kien iddeċieda, skond il-proposta magħmula lid-direttur minn din id-diviżjoni, “li jirtira [dan l-investigatur] mill-investigazzjoni” (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2002”).

14     Fid-29 ta’ Lulju 2002, is-Sur Camós Grau, ippreżenta lment lid-Direttur ta’ l-OLAF, skond l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, fil-verżjoni applikabbli għall-preżenti każ (iktar ’il quddiem ir-“regolamenti”), bis-saħħa ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1073/1999, intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2002 inkwantu ħalliet fis-seħħ ċerti atti magħmula mis-Sur P. fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni dwar l-IRELA, u dawn l-atti kienu, skond ir-rikorrenti, imorru kontra l-eżiġenzi ta’ imparzjalità u ta’ oġġettività, u għall-għoti lilu ta' kumpens għad-danni morali u lill-karriera li ġew ikkawżati lilu.

15     Id-direttur ta’ l-OLAF ikkonferma li rċieva dan l-ilment fl-14 ta’ Awwissu 2002.

16     L-avukat tas-Sur Camós Grau bagħat ittra oħra, fil-25 ta’ Settembru 2002, lid-direttur ta’ l-OLAF u lill-President tal-Kumitat tas-Sorveljanza li fiha huwa fakkar l-ilmenti tal-klijent tiegħu fir-rigward ta’ l-iżvolġiment ta’ l-investigazzjoni dwar l-IRELA.

17     Ir-rapport finali ta’ l-investigazzjoni dwar l-IRELA ntbagħat mid-Direttur ta’ l-OLAF, fis-17 ta’ Ottubru 2002, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew u lill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani u Spanjoli. Dan ġie kkomunikat ukoll lis-Sur Camós Grau fl-4 ta’ Novembru 2002. L-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli u Belġjani informaw lill-OLAF bid-deċiżjoni tagħhom li jagħlqu l-każ mingħajr ma jieħdu azzjoni ulterjuri, fit-13 ta' Frar u fl-10 ta' Marzu 2003 rispettivament.

18     Ir-rapport ta’ l-OLAF jikkritika l-metodi li bihom tmexxa l-IRELA u r-rwol li ħadet il-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Jakkuża, b’mod partikolari, tliet uffiċjali tal-Kummissjoni, fosthom is-Sur Camós Grau, li pparteċipa fit-tmexxija ta’ l-IRELA, u jattribwilhom ir-responsabbiltà li pproponew u awtorizzaw sistema ta’ finanzjament li ppermettiet irregolaritajiet fl-estimi u fil-kontabilità. Ir-rapport jirrakkomanda l-ftuħ ta’ proċedimenti dixxiplinarji fir-rigward tagħhom.

19     Billi l-ilment imressaq fid-29 ta’ Lulju 2002 mis-Sur Camós Grau ma ngħatax risposta espliċita fit-terminu ta’ erba’ xhur previst mill-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, deċiżjoni impliċita li ċaħdet dan l-ilment saret fid-29 ta’ Novembru 2002 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2002”).

20     Fl-edizzjoni tal-11 ta’ Diċembru 2002, il-gazzetta Spanjola El País ippubblikat artiklu li jirrigwarda l-konklużjonijiet ta’ l-OLAF fir-rapport tiegħu dwar l-IRELA, intitolat “L-Unjoni Ewropea timplika xi politiċi u uffiċjali Spanjoli fi spejjeż mhux iġġustifikati ta’ 3.6 miljun”, fejn ir-rikorrent issemma' b’ismu.

21     Is-Sur Camós Grau bagħat ilment lid-Direttur ta’ l-OLAF fl-4 ta’ Frar 2003, kontra r-rapport tas-17 ta’ Ottubru 2002 li għalaq l-investigazzjoni ta’ l-OLAF.

22     Wara l-ħruġ tar-rapport ta’ l-OLAF, fl-10 ta’ Frar 2003 il-Kummissjoni inkarigat lill-Uffiċċju ta’ Investigazzjoni u Dixxiplina (iktar’il quddiem l-“IDOC”) sabiex iwettaq investigazzjoni amministrattiva addizzjonali bil-għan li tiġi ddeterminata l-kompatibbiltà ta’ ċerti atti mar-regolamentazzjoni li kienet fis-seħħ dak iż-żmien u biex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà eventwali ta’ l-uffiċjali msemmija fir-rapport ta’ l-OLAF.

23     B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 ta’ Marzu 2003, is-Sur Camós Grau ressaq rikors, irreġistrat bin-numru T-96/03, intiż, minn naħa, biex tiġi annullata d-deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2002 li neħħiet lis-Sur P. mill-investigazzjoni dwar l-IRELA, fejn din kienet ħalliet fis-seħħ l-atti magħmula bil-parteċipazzjoni tiegħu, u d-deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2002 li ċaħdet l-ilment tiegħu b’mod impliċitu, u, min-naħa l-oħra, biex il-Kummissjoni tiġi kkundannata sabiex tikkumpensah għad-danni morali u għad-danni lill-karriera allegatament subiti minħabba dawn id-deċiżjonijiet.

24     B’deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2003, id-Direttur ta’ l-OLAF ċaħad l-ilment tas-Sur Camós Grau magħmul kontra r-rapport tas-17 ta’ Ottubru 2002, prinċipalment minħabba li l-imsemmi rapport ma kienx jikkostitwixxi att dannuż u, sussidjarjament, minħabba li l-allegazzjonijiet tal-persuna kkonċernata fuq il-legalità ta’ l-investigazzjoni kienu infondati.

25     L-IDOC ħareġ ir-rapport tiegħu fit-2 ta’ Lulju 2003. Dan jikkonkludi li l-parteċipazzjoni ta’ l-uffiċjali tal-Kummissjoni fit-tmexxija ta’ l-IRELA kienet kompatibbli mar-regolamentazzjoni Komunitarja li kienet fis-seħħ dak iż-żmien u li, fin-nuqqas ta’ provi li jistabbilixxu li fir-rigward tal-pjan ta' ri-organizzazzjoni ta’ l-IRELA dawn l-uffiċjali adottaw attitudni inkompatibbli ma’ din l-istess regolamentazzjoni, ma jistgħux jiġi kkunsidrati bħala responsabbli. Ir-rapport jindika li l-investigazzjoni ma sabet l-ebda responsabbiltà individwali, iżda pjuttost li hija rrivelat li kien hemm nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni li jieħdu ħsieb il-kontroll tal-fondi Komunitarji allokati lill-IRELA. Fl-aħħar, ir-rapport jipproponi jew li l-investigazzjoni amministrattiva addizzjonali tingħalaq jew li jsiru investigazzjonijiet supplimentari li jkunu twal u kumplessi.

26     L-Awtorità tal-Ħatra (iktar’il quddiem “l-AIPN”) informat lis-Sur Camós Grau, fit-2 ta’ Settembru 2003, li kienet iddeċidiet li tagħlaq il-każ mingħajr ma tieħu azzjoni dixxiplinarja.

27     B’digriet tad-9 ta’ Ġunju 2004, Camós Grau vs Il-Kummissjoni (T-96/03, ĠabraSP p. I-A-157 u II-707), il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors tar-rikorrent imsemmi fil-punt 23 hawn taħt bħala inammissibbli. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, b’mod partikolari, li d-deċiżjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi miżura intermedja li tinsab fil-proċedura ta’ investigazzjoni magħmula mill-OLAF, li kienet nieqsa minn effetti legali obbligatorji tat-tip li jeffettwaw l-interessi tar-rikorrent u li jbiddlu l-pożizzjoni legali tiegħu u li l-illegalità eventwali tagħha tista' tiġi invokata quddiem l-Imħallef fil-kuntest ta’ rikors magħmul kontra l-att, li huwa kontestabbli, li jġib fit-tmiem il-proċedimenti.

 Il-proċedura

28     B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta’ Settembru 2003, is-Sur Camós Grau ressaq dan ir-rikors.

29     B’ittra tad-29 ta’ Settembru 2003, ir-rikorrent talab lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tordna lill-Kummissjoni tipproduċi xi dokumenti relatati ma’ l-investigazzjoni ta’ l-OLAF u ma' dak li ġara wara.

30     Permezz ta' miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura nnotifikata fit-30 ta’ Marzu 2004, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-annessi kollha tar-rapport ta’ l-OLAF, ir-rapport ta’ l-investigazzjoni amministrattiva addizzjonali magħmula mill-IDOC u l-abbozz ta’ rapport imħejji minn wieħed mill-investigaturi inkarigati mill-investigazzjoni ta’ l-OLAF, li serva sabiex jiġi mfassal ir-rapport finali ta’ l-OLAF. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-Kummissjoni sabiex tindika x'emendi saru lill-abbozz tar-rapport ta’ l-OLAF u liema atti ta’ l-investigazzjoni reġgħu ġew eżaminati, kif ukoll sabiex tindika r-raġunijiet li għalihom l-OLAF ma kienx analizza b’mod iżjed dettaljat ir-rwol tad-DĠ “Kontroll tal-Finanzi”.

31     Il-Kummissjoni ppreżentat id-dokumenti mitluba u wieġbet id-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 ta’ Mejju 2004. Ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fir-rigward ta' dawn id-dokumenti u tweġibiet fl-1 ta’ Lulju 2004.

32     Wara li nstemgħu l-partijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fis-6 ta’ Ġunju 2005, li tirrinvija l-kawża lir-Raba’ Awla komposta minn ħames Imħallfin, skond l-Artikoli 14 u 51 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

33     Permezz ta' miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura nnotifikata fis-27 ta’ Ġunju 2005, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-partijiet biex jipproduċu l-ilment, datat l-4 ta’ Frar 2003, imsemmi fil-punt 21 hawn fuq, u biex jindikaw, fir-rigward tal-kandidatura tar-rikorrent għall-impjieg ta’ direttur, imsemmija fin-noti tiegħu, iċ-ċirkustanzi tal-post vakanti, in-natura ta’ l-impjieg u l-proċedura segwita sabiex dan jimtela’. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-konvenuta biex tagħti xi eżempji ta’ atti li jistgħu jkunu ta’ dannu u li skond hi, jista' jsir ilment fir-rigward tagħhom skond l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1073/1999 u biex tispjega r-raġunijiet għaliex ċerti partijiet fl-abbozz tar-rapport ta’ l-OLAF, relattivi għar-rwol u r-responsabbiltajiet tad-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” fir-rigward ta' l-IRELA, kienu tneħħew fil-verżjoni finali ta’ l-imsemmi rapport. Il-konvenuta u r-rikorrent wieġbu d-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 u d-9 ta’ Awwissu 2005 rispettivament.

34     It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta ta’ l-14 ta’ Settembru 2005.

35     B’ittra tat-23 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni riedet tippreċiża ċerti kwistjonijiet li ħarġu fis-seduta fir-rigward tal-kxif tar-rapport ta’ l-OLAF mad-dipartimenti tagħha u ta' l-inklużjoni eventwali ta’ l-imsemmi rapport fil-fajl personali tar-rikorrent.

36     B’digriet tas-26 ta’ Ottubru 2005, il-President tar-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza reġa' fetaħ il-proċedura orali bil-għan li tiġi inkluża fil-proċess l-informazzjoni mogħtija b'dan il-mod u biex jippermetti lir-rikorrent jagħmel l-osservazzjonijiet eventwali tiegħu fuq l-elementi addizzjonali trażmessi mill-Kummissjoni.

37     Ir-rikorrent ma ppreżentax osservazzjonijiet fit-termini mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

38     Il-President tar-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza għalaq il-proċedura orali b’deċiżjoni tat-3 ta’ Jannar 2006.

 It-talbiet tal-partijiet

39     Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

- tannulla d-deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2002 li tneħħi lis-Sur P. mill-investigazzjoni dwar l-IRELA safejn din tħalli fis-seħħ dawk l-atti magħmula bil-parteċipazzjoni tiegħu mingħajr ma reġgħu ġew eżaminati, annullati jew magħmula mill-ġdid;

- tannulla d-deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2002 li tiċħad b’mod impliċitu l-ilment tiegħu tad-29 ta’ Lulju 2002 kontra d-Deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2002;

- tannulla r-rapport ta’ l-OLAF tas-17 ta’ Ottubru 2002 li jagħlaq l-investigazzjoni fir-rigward ta’ l-IRELA;

- tannulla d-deċiżjoni tad-Direttur ta’ l-OLAF tat-28 ta’ Mejju 2003 li tiċħad l-ilment ippreżentat mir-rikorrent fl-4 ta’ Frar 2003, kontra dan ir-rapport;

- tordna lill-Kummissjoni tħallsu somma provviżorjament stmata għal 10 000 EUR bħala kumpens għad-dannu morali subit;

- tordna lill-Kummissjoni tħallsu l-ammont provviżorju ta’ 1 EUR bħala kumpens għad-dannu lill-karriera tiegħu;

- tordna lill-Kummissjoni tħallsu lura l-ispejjeż sostnuti għad-difiża tiegħu fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni u ta’ l-ilmenti amministrattivi tiegħu kontra d-Deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2002 u r-rapport ta’ l-OLAF tas-17 ta’ Ottubru 2002;

- tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

40     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

- tiċħad ir-rikors kollu kemm hu bħala inammissibbli, jew, sussidjarjament, għal dak li jikkonċerna t-talba għall-annullament ta’ l-ewwel żewġ deċiżjonijiet ikkontestati;

– sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

– tordna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2002 u tad-Deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2002

41     L-ewwel u t-tieni kap tat-talbiet magħmula fil-kuntest ta' dan ir-rikors, intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet tas-17 ta’ Mejju u tad-29 ta’ Novembru 2002, jikkostitwixxu l-istess talbiet magħmula preċedentement fl-istanza T-96/03. Fid-data meta ġie ppreżentat dan ir-rikors, it-8 ta’ Settembru 2003, l-ammissibbiltà tagħhom kienet ikkonfrontata bl-eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens li l-Qorti tal-Prim’Istanza, f’kull każ, għandha tqajjem ex officio (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Mejju 1971, Bode vs Il-Kummissjoni, 45/70 u 49/70, Ġabra p. 465, punt 11, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Stott vs Il-Kummissjoni, T-99/95, Ġabra p. II-2227, punti 22 u 23). Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 27 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat l-inammissibbiltà ta' dawn it-talbiet, fid-Digriet Camós Grau vs Il-Kummissjoni, bħala li ma kinux diretti kontra att li jista' jiġi kkontestat.

42     Jirriżulta minn dak li jippreċedi li l-ewwel u t-tieni kapijiet tat-talbiet ta' dan ir-rikors huma inammissibbli bħala tali. Dan ma jeskludix li l-argumentazzjoni magħmula in sostenn tagħhom tista' tittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata, jekk ikun hemm bżonn, il-legalità ta’ atti konsekuttivi għal dawk indikati fl-imsemmija talbiet.

 Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2003 li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrent kontra r-rapport ta’ l-OLAF fl-4 ta’ Frar 2003

43     Skond ġurisprudenza stabbilita, talbiet diretti kontra ċ-ċaħda ta’ lment għandhom l-effett li l-Imħallef jieħu konjizzjoni ta' l-att li kontrih ikun ġie ppreżentat l-ilment u għaldaqstant huma neqsin minn kontenut awtonomu (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, Ġabra p. 23, punt 8). Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li t-tielet kap tat-talbiet, dirett kontra r-rapport ta’ l-OLAF, u r-raba’ kap ta’ l-imsemmija talbiet, dirett kontra ċ-ċaħda ta’ l-ilment magħmul kontra dan ir-rapport, għandhom bħala uniku skop, talba għall-annullament tar-rapport ta’ l-OLAF tas-17 ta’ Ottubru 2002 (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Marzu 2004, Theodorakis vs Il-Kunsill, T-310/02, ĠabraSP p. I-A-95 u II-427, punt 19).

 Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tar-rapport ta’ l-OLAF tas-17 ta’ Ottubru 2002


 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

44     Il-Kummissjoni ssostni li l-att ikkontestat jikkostitwixxi att preparatorju li ma joħloq l-ebda dannu u li ma jistax ikun is-suġġett ta’ talba għal annullament. Rapport ta’ investigazzjoni ta’ l-OLAF, kif ukoll l-investigazzjoni nnifisha u l-miżuri ta’ organizzazzjoni meħuda fil-kuntest ta' l-iżvolġiment tagħha mhumiex ħlief fażijiet preparatorji li ma jippreġudikawx id-deċiżjoni finali ta’ l-amministrazzjoni. B'hekk, l-allegazzjoni ta’ kull xorta ta’ irregolarità proċedurali li effettwat l-investigazzjoni, jekk wieħed jissuponi li din seħħet, ma tistax tinvalida l-konklużjoni li r-rapport in kwistjoni kien att preparatorju u mhux att li hu ta' dannu, fin-nuqqas ta’ kull bidla fil-pożizzjoni legali tal-persuna kkonċernata. Il-ksur tar-regoli tal-proċedura ma jurix li jkun sar att li hu ta' dannu, iżda jista' min-naħa l-oħra jiġi invokat b'mod inċidentali kontra deċiżjoni finali ta’ l-amministrazzjoni li tkun ta' dannu hi stess. Il-konvenuta żżid li l-allegat effett fuq l-interessi morali u l-prospetti ta’ karriera tar-rikorrent huwa irrilevanti peress li dan jirrigwarda kunsiderazzjonijiet ta’ fatt u mhux konsegwenzi obbligatorji tar-rapport li jbiddlu l-pożizzjoni legali tal-persuna kkonċernata. Hija ssostni wkoll li l-OLAF, minkejja l-indipendenza funzjonali tiegħu, m'għandu l-ebda poter ta’ deċiżjoni u li r-rapporti tiegħu ta’ l-investigazzjoni m'għandhom l-ebda effett legali restrittiv, peress li l-għan tagħhom hu li jippreparaw proċedura dixxiplinari.

45     Ir-rikorrent isostni li r-rikors tiegħu huwa ammissibbli, peress li huwa jqis li r-rapport ta’ l-OLAF jikkostitwixxi att li huwa ta’ dannu għalih. Huwa jgħid li dan ir-rapport jeffettwa l-pożizzjoni legali tiegħu direttament u immedjatament minħabba l-irregolaritajiet li għandu. Ir-rapport huwa l-eżitu ta’ proċedura kumplessa kkaratterizzata mill-irregolarità ta’ l-atti ta' l-investigazzjoni preċedenti jew ta' astensjonijiet ta’ l-OLAF, mill-ksur tal-prinċipji ta’ ekwità, ta’ imparzjalità, ta' protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ l-amministrazzjoni tajba, kif ukoll mill-fatt li ġew injorati d-drittijiet tad-difiża. Jidher li ġie adottat f'kundizzjonijiet irregolari, peress li sar mingħajr il-qbil ta’ l-uniku investigatur li baqa' kompetenti sa l-aħħar ta’ l-investigazzjoni u mingħajr ma ġie ppreżentat lir-rikorrenti, għalkemm dan kien implikat personalment. Is-Sur Camós Grau jsostni li dan ir-rapport jeffettwa direttament u immedjatament l-interessi morali tiegħu, minn naħa, peress li jirreferi għalih b’ismu u jattribwixxi b’mod żbaljat ir-responsabbiltà għall-irregolaritajiet ikkonstatati lilu u, min-naħa l-oħra, peress li ġie kkomunikat lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli u Belġjani u ġie ppubblikat fl-Istampa. Ir-rapport seta' wkoll jeffettwa l-karriera tar-rikorrent u jidher li effettivament ostakola l-promozzjoni tiegħu għal impjieg ta’ direttur li kien applika għalih. Ir-rikorrent isosnti li r-rapport ta’ l-OLAF jassumi natura deċiżjonali minħabba li jirriżulta minn deċiżjoni tad-Direttur ta’ l-OLAF, kif inhu previst mir-Regolament Nru 1073/99. Fl-aħħar, huwa jsostni li l-proċedura ta’ l-investigazzjoni interna magħmula mill-OLAF għandha tiġi kkunsidrata bħala separata mill-proċedimenti dixxiplinarji minħabba l-indipendenza funzjonali ta’ l-OLAF.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

46     Ir-rikors huwa dirett kontra l-att adottat mill-OLAF taħt l-awtorità tad-direttur tiegħu li jadotta l-konklużjonijiet tar-rapport li għalaq l-investigazzjoni fir-rigward ta’ l-IRELA.

47     Skond ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li fir-rigward tagħhom jista' jsir rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE il-miżuri li jipproduċu effetti legali obbligatorji tat-tip li jeffettwaw l-interessi tar-rikorrent, u jbiddlu l-pożizzjoni legali tar-rikorrent b'mod konsiderevoli (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u ta’ l-14 ta’ Frar 1989, Bossi vs Il-Kummissjoni, 346/87, Ġabra p. 303, punt 23).

48     Issa, rapport bħal dak li l-OLAF adottat fi tmiem l-investigazzjonijiet esterni u interni tagħha dwar l-IRELA ma jbiddilx b’mod konsiderevoli l-pożizzjoni legali tal-persuni li, bħar-rikorrent, huma msemmija fih.

49     Ċertament, ir-rapport li jagħlaq investigazzjoni, li jikkostitwixxi dokument mitmum, adottat fi tmiem proċedura amministrattiva awtonoma minn dipartiment dotat b'indipendenza funzjonali, ma jistax, minħabba dan il-fatt, jiġi kkwalifikat bħala miżura preparatorja għall-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji li jistgħu jinbdew wara iżda li jistgħu jinbdew ukoll fl-istess ħin jew preċedentement quddiem l-OLAF. Madankollu, in-natura finali ta’ rapport ta’ l-OLAF fir-rigward tal-proċedura li tirregola l-investigazzjonijet ta’ dan l-uffiċċju ma tagħtihx b'daqshekk in-natura ta’ att li jipproduċi effetti legali obbligatorji.

50     Fil-fatt, ir-rapporti li permezz tagħhom jiġu konklużi l-investigazzjonijiet ta’ l-OLAF u li l-adozzjoni u t-tranżmissjoni tagħhom itemmu x-xogħol ta' l-OLAF jinvolvu, minbarra d-deskrizzjoni tal-fatti kkonstatati, l-espożizzjoni tal-konklużjonijiet ibbażati fuqhom kif ukoll tar-rakkomandazzjonijiet dwar x'azzjoni, b’mod partikolari dixxiplinarja u kriminali, tista' tittieħed, skond l-OLAF, bħala konsegwenza tar-rapporti. Dawn il-konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet huma indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kif ukoll lill-istituzzjonijiet ikkonċernati sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu jekk hemmx lok jew le li tittieħed azzjoni fuqhom. Għalkemm l-OLAF tista' tirrakkomanda, fir-rapporti tagħha, l-adozzjoni ta’ atti li jkollhom effetti legali obbligatorji li jkunu ta’ dannu lill-persuni kkonċernati, l-opinjoni li hija tippreżenta f’dan ir-rigward ma tinvolvi ebda obbligu, lanqas proċedurali, għall-awtoritajiet li lilhom hija indirizzata.

51     F’dan ir-rigward, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1073/1999, b’mod partikolari mill-premessa 13 u mill-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, li l-konklużjonijiet ta’ l-OLAF li jinsabu f’rapport finali ma jistgħux iwasslu għall-ftuħ ta’ proċedimenti ġudizzjarji jew dixxiplinari b'mod awtomatiku, peress li l-awtoritajiet kompetenti huma liberi li jiddeċiedu fuq l-azzjoni li għandha tittieħed bħala konsegwenza tar-rapport finali u, għaldaqstant, huma l-uniċi awtoritajiet li jistgħu jadottaw deċiżjonijiet li jistgħu jeffettwaw il-pożizzjoni legali tal-persuni li fir-rigward tagħhom ir-rapport ikun irrakkomanda t-teħid tat-tali proċedimenti (id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Lulju 2004, Comunidad Autónoma de Andalucía vs Il-Kummissjoni, T-29/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37).

52     Huwa wkoll aċċettat li, f’dan il-każ, għalkemm ir-rapport kontenzjuż kien jirrakkomanda l-ftuħ ta’ proċedimenti dixxiplinarji fir-rigward tar-rikorrent, tali proċedimenti ma nbdewx peress li l-AIPN, għall-kuntrarju, indikat lis-Sur Camós Grau, fit-2 ta’ Settembre 2003, li hija kienet iddeċidiet li tagħlaq il-każ mingħajr ma tieħu azzjoni dixxiplinarja.

53     Wara din id-deċiżjoni li jingħalaq il-każ, flimkien mal-preċiżazzjoni li r-rikorrent ma kienx qed jinżamm responsabbli mill-AIPN fil-każ li ta lok għall-investigazzjoni ta’ l-OLAF, ir-rapport ikkontestat ma setax iservi iżjed, legalment, bħala bażi għal xi deċiżjoni ulterjuri ta’ l-AIPN li tikkonċernah u lanqas ma seta' jittieħed in kunsiderazzjoni b'xi mod ieħor, għad-differenza, per eżempju, ta’ rapport li jevalwa l-karriera tal-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, ir-rapport ma kellu ebda konsegwenza mil-lat kriminali, billi l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani u Spanjoli informaw lill-OLAF, rispettivament fit-13 ta’ Frar u fl-10 ta’ Marzu 2003, bid-deċiżjoni tagħhom li jagħlqu l-każ mingħajr ma jieħdu azzjoni ulterjuri, kif ġie indikat fil-punt 17 iktar 'il fuq. Minn dan isegwi li s-sitwazzjoni professjonali tal-persuna kkonċernata ma tistax tiġi effettwata mir-rapport ikkontestat, f’dawn iċ-ċirkustanzi.

54     L-argumenti tar-rikorrent fir-rigward ta' l-iżvolġiment ta’ l-investigazzjoni u tal-kontenut tar-rapport ma jeffettwawx dawn l-evalwazzjonijiet.

55     Invokati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, irregolaritajiet proċedurali u ksur ta' rekwiżiti proċedurali essenzjali, li dwarhom jiġi sostnut, bħal f’dan il-każ, li jeffettwaw ħażin rapport ta’ l-investigazzjoni ta’ l-OLAF, ma jagħtux lill-imsemmi rapport il-karattru ta’ att li jkun ta' dannu. Irregolaritajiet ta’ dan it-tip jistgħu jiġu kkontestati biss biex isostnu rikors dirett kontra att li jista' jiġi kkontestat ulterjorment, safejn ikunu influwenzaw il-kontenut tiegħu u mhux indipendentement fin-nuqqas ta' tali att (ara, f’dan il-każ, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Diċembru 1987, Del Plato et vs Il-Kummissjoni, 181/86, Ġabra p. 4991, punti 10, 22, 25, 33, 35, 36 u 38).

56     Barra minn hekk, fuq l-assunzjoni li r-rapport ta’ l-OLAF jeffettwa l-interessi morali tar-rikorrent inkwantu, minn naħa, jirreferi għalih b’ismu u jattribwilu b’mod żbaljat ir-responsabbiltà għall-irregolaritajiet ikkonstatati u, min-naħa l-oħra, ġie kkomunikat lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli u Belġjani u ġie ppubblikat fl-Istampa, tali ċirkustanzi, li setgħu jikkaratterizzaw dannu, madankollu ma jistgħux jagħtu lill-imsemmi rapport in-natura ta' att li jkun ta' dannu fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE.

57     Fl-aħħar nett, huwa irrilevanti għan-natura kkontestabbli jew le tar-rapporti ta’ l-OLAF, il-fatt li dawn jiġu adottati taħt l-awtorità tad-Direttur, permezz ta’ att ta’ l-OLAF li f’dan il-każ isir bl-adozzjoni u t-trażmissjoni tar-rapport kontenzjuż lill-awtoritajiet ikkonċernati fis-17 ta’ Ottubru 2002.

58     Jirriżulta minn dak li jippreċedi li t-talba għall-annullament tar-rapport ta’ l-OLAF tas-17 ta’ Ottubru 2002 dwar l-IRELA hija diretta kontra dokument nieqes minn effetti legali obbligatorji tat-tip li jeffettwaw l-interessi tar-rikorrent u jbiddlu b’mod konsiderevoli l-pożizzjoni legali tiegħu. It-talbiet intiżi għall-annullament ta’ l-imsemmi rapport huma, għaldaqstant, inammissibbli.

 Fuq it-talbiet intiżi għall-kumpens għad-danni allegati


 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

59     Il-Kummissjoni, li teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors kollu kemm hu, issostni li l-inammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament tfisser, konsegwentement, l-inammissibbiltà tat-talbiet għall-ħlas ta’ danni peress li teżisti, bħal f'dan il-każ, rabta stretta bejn iż-żewġ talbiet.

60     Barra minn hekk, peress li l-ilment dirett kontra r-rapport ta’ l-OLAF li r-rikorrenti bagħat fl-4 ta’ Frar 2003 lid-Direttur ta’ l-OLAF ma jinkludix talba għall-ħlas ta’ danni, it-talbiet għall-ħlas ta’ danni magħmula mis-Sur Camós Grau huma inammissibbli wkoll skond l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal li għalihom jirreferi r-Regolament Nru 1073/1999.

61     Ir-rikorrent isostni li t-talba tiegħu għall-ħlas ta' kumpens għad-danni kkawżati mill-illegalità tar-rapport ta’ l-OLAF u mill-iżbalji kbar magħmula fir-rigward tiegħu mill-OLAF hija ammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Fir-rigward ta’ l-obbligu li l-ilment isir minn qabel

62     Jirriżulta mill-proċess li, fl-ilment tiegħu ta’ l-4 ta’ Frar 2003 kontra r-rapport ta’ l-OLAF, ir-rikorrent limita ruħu li “[j]irriżerva d-dritt tiegħu li jitlob kumpens għad-danni materjali u morali gravi ħafna li dan ir-rapport ikkawżalu u jista' jikkawżalu iżjed ’il quddiem”, fir-rigward tad-dannu li għalih qed jitlob kumpens f'dan ir-rikors.

63     Il-pożizzjoni tal-konvenuta tistrieħ fuq l-idea li l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1073/1999 jimponi l-obbligu li jsir ilment skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal qabel kull rikors ta’ uffiċjal jew impjegat kontra deċiżjoni ta’ l-OLAF, kemm jekk ir-rikors ikun intiż għall-annullament ta’ att jew għall-kumpens għal dannu. Konsegwentement, sabiex rikors għad-danni jkun ammissibbli, irid ikun ippreċedut minn ilment fuq l-istess suġġett. Deroga tista' tiġi ammessa biss fil-każ fejn it-talbiet għall-ħlas ta’ danni jkunu b’mod ċar sekondarji għal talbiet għal annullament ippreċeduti minn ilment u ammissibbli – li mhuwiex il-każ f'dan il-każ.

64     Madankollu, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprovdi għall-possibbiltà li jsir ilment quddiem id-Direttur ta’ l-OLAF biss kontra att li jkun ta' dannu, u mhux fil-każ ta’ talba għall-ħlas ta’ danni li tkun ibbażata fuq azzjonijiet jew ommissjonijiet allegatament żbaljati min-naħa ta’ l-OLAF fil-kuntest ta’ investigazzjoni. Għandu għalhekk jiġi evalwat jekk l-interpretazzjoni estensiva li tagħti l-Kummissjoni fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni għal dak li jikkonċerna l-obbligu li jsir ilment minn qabel hijiex iġġustifikata.

65     Din l-evalwazzjoni tirreferi għall-kwistjoni jekk il-kawża għandhiex tiġi marbuta mal-proċedimenti kontenzjużi ġenerali dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali koperta mill-Artikolu 235 KE u l-Artikolu 288 KE, jew ma’ dawk relatati mar-relazzjoni bejn il-Komunità u l-impjegati tagħha, koperta mill-Artikolu 236 KE. Fil-fatt, fl-ewwel każ, l-Imħallef jista' jieħu konjizzjoni direttament ta' talbiet għall-ħlas ta’ danni. Min-naħa l-oħra, fit-tieni każ, rikors għad-danni intiż għall-kumpens għad-danni kkawżati mhux minn att li jkun ta' dannu u li jintalab l-annullament tiegħu, iżda minn numru ta’ żbalji u ommissjonijiet allegatament magħmula mill-amministrazzjoni, għandu, skond il-ġurisprudenza, jiġi ppreċedut minn proċedimenti f’żewġ fażijiet. Dawn għandhom jinbdew b’mod imperattiv billi titressaq talba li ssejjaħ lill-AIPN sabiex tħallas għad-danni allegati u jitkomplew, jekk ikun hemm bżonn, billi jitressaq ilment magħmul kontra d-deċiżjoni li tkun ċaħdet din it-talba (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Lulju 1993, Moat vs Il-Kummissjoni, T-20/92, Ġabra p. II-799, punt 47).

66     Issa, f’din il-kawża, ir-rikorrent ma jikkontestax il-Kummissjoni fil-kwalità tagħha ta’ AIPN, li taħtha jaqa' s-Sur Camós Grau bħala uffiċjal, iżda bħala istituzzjoni li magħha hu marbut l-OLAF, dipartiment dotat b'awtonomija funzjonali, li r-relazzjonijiet tiegħu ma’ l-uffiċjali u l-impjegati ta’ l-istituzzjonijiet differenti ma jaqgħux taħt ir-regoli komuni li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-uffiċjali u l-impjegati u l-AIPN tagħhom. Il-fatt li l-Kummissjoni ssib ruħha, f'din il-kawża, bħal f’kull rikors magħmul kontra l-OLAF, fil-pożizzjoni ta’ konvenuta jirriżulta mir-rabta amministrattiva u finanzjarja ta’ dan id-dipartiment ma’ l-istituzzjoni kkonċernata u min-nuqqas ta’ personalità ġuridika tagħha. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li, li kieku s-Sur Camós Grau ma kienx uffiċjal tal-Kummissjoni, iżda ta’ istituzzjoni oħra, xorta waħda kien ikollu jagħmel talba lill-Kummissjoni għall-kumpens għad-danni li fil-fehma tiegħu subixxa minħabba l-aġir ta’ l-OLAF.

67     Barra minn hekk, il-kawża ma tikkonċernax att jew aġir tal-Kummissjoni li jeffettwa l-karriera tar-rikorrent, billi r-rapport ta’ l-OLAF, fih innifsu, ma għandu l-ebda effett legali fuq is-sitwazzjoni professjonali tiegħu, kif ġie deċiż preċedentement. Mill-ilmenti li huwa jressaq, fir-rigward ta’ l-iżbalji li l-OLAF għamel fil-konfront tiegħu waqt l-investigazzjoni dwar l-IRELA, li minħabba fihom ir-rapport jinkludi evalwazzjonijiet u konklużjonijiet li mhumiex favorevoli fir-rigward tiegħu, is-Sur Camós Grau jsib ruħu fl-istess sitwazzjoni bħal ħaddieħor, kemm jekk uffiċjal tal-Komunitajiet jew le, li jkun ġie implikat minn rapport ta' l-OLAF. Il-fatt li l-konstatazzjonijiet ta’ l-OLAF li jikkonċernaw lir-rikorrent jirreferu għar-rwol tiegħu, bħala uffiċjal tal-Kummissjoni, fit-tmexxija u l-ħidma ta’ l-IRELA, ma jbiddilx is-suġġett tal-kawża, li jirrigwarda mhux l-attività professjonali tas-Sur Camós Grau, iżda l-metodu li bih l-OLAF mexxa u kkonkluda investigazzjoni li tirreferi għalih b’ismu u tattribwixxi lilu r-responsabbiltà għall-irregolaritajiet ikkonstatati.

68     Il-fatt li s-Sur Camós Grau, billi applika l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1073/1999, applikabbli dak iż-żmien, ressaq ilment lid-Direttur ta’ l-OLAF skond il-metodi previsti mill-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jipprova jikseb l-annullament tar-rapport ta’ l-OLAF, huwa rrilevanti f’dan ir-rigward.

69     Fil-fatt, minn naħa, l-organizzazzjoni tal-metodi kif jinkisbu r-rimedji u, f’dan il-kuntest, l-applikabbiltà tar-Regolamenti tal-Persunal huma kwistjonijiet ta’ dritt li ma jirriżultawx mir-rieda tal-partijiet. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1073/1999 ma kienx applikabbli, peress li ma jipprovdix għall-possibbiltà li jsir ilment kontra att li jkun ta' dannu; issa, jirriżulta minn dak li jippreċedi li r-rapport ta’ l-OLAF ma kienx jikkostitwixxi tali att u li, konsegwentement, l-imsemmija dispożizzjoni ma rrendietx il-proċedura ta’ lment minn qabel applikabbli għall-kontroversja.

70     Ċertament, mid-data tad-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Mejju 2004, tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal, ġie introdott l-Artikolu 90A li jipprovdi, minbarra l-possibbiltà, bħal qabel, li jsir ilment lid-Direttur ta’ l-OLAF, skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra att ta’ l-OLAF li jkun ta' dannu għall-persuna kkonċernata u li jkollu x'jaqsam ma' investigazzjoni ta’ l-OLAF, il-possibbiltà li tiġi ppreżentata talba lill-istess Direttur skond l-Artikolu 90(1) ta’ l-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, li fiha d-Direttur jintalab jieħu deċiżjoni fir-rigward tagħha li tkun relatata ma’ investigazzjoni ta’ l-OLAF.

71     Madankollu, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni l-ġdida u fin-nuqqas ta’ referenza mill-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1073/1999 għal dan il-punt, ma kinitx meħtieġa rabta tali mal-kontenzjuż statutorju fir-rigward tat-talbiet għall-ħlas ta’ danni li kellhom x'jaqsmu ma’ l-investigazzjonijiet ta’ l-OLAF. Ir-rikorrent ma kienx għalhekk marbut li jsegwi l-proċedura stabbilita mill-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal biex iressaq tali talba għall-ħlas ta’ danni. It-talbiet għall-ħlas ta’ danni li jinsabu f'dan ir-rikors ma jistgħux jiġu miċħuda, f'dawn iċ-ċirkustanzi, għar-raġuni li s-Sur Camós Grau ma rrispettax proċedura li ma kinitx prevista mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ meta seħħew il-fatti.

72     Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, fl-okkażjoni ta’ l-ilment tiegħu ta’ l-4 ta’ Frar 2003 kontra r-rapport ta’ l-OLAF, is-Sur Camós Grau fakkar, f’termini ċertament ipotetiċi, id-dritt tiegħu li jitlob kumpens għad-dannu subit minħabba r-rapport. Anki jekk din ir-referenza ma tistax tiġi kkunsidrata bħala talba minn qabel għall-ħlas ta’ danni fis-sens formali, hemm lok li jiġi mfakkar li l-għan ta’ l-ilment huwa li l-AIPN tkun tista' tadotta pożizzjoni fuq kwistjoni statutorja qabel il-bidu ta’ rikors. Għaldaqstant, il-konvenuta ma tistax raġonevolment issostni, fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, li kienet imċaħħda mill-possibbiltà li tipprepara ruħha minn qabel għal rikors għad-danni.

73     Skond ġurisprudenza kostanti, l-ilmenti amministrattivi skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal m’huma suġġetti għal ebda kundizzjoni ta’ forma, billi l-kontenut tagħhom għandu jiġi interpretat u mifhum mill-amministrazzjoni b’dik id-diliġenza kollha li organizzazzjoni kbira u organizzata b'mod tajjeb għandha tieħu fil-konfront ta' dawk li tiddeċiedi dwarhom, inklużi l-membri tal-persunal tagħha (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 1978, Herpels vs Il-Kummissjoni, 54/77, Ġabra p. 585, punt 47).

74     Hemm lok, f’dan il-każ, li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet f'pożizzjoni li tiddeċiedi fuq l-elementi bażiċi tat-talba għall-ħlas ta’ danni tas-Sur Camós Grau, kemm fil-fażi amministrattiva kif ukoll fil-fażi kontenzjuża tal-kontroversja, u li, għaldaqstant, anki jekk wieħed iqis li l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa applikabbli, nuqqas ta’ lment minn qabel ma jistax jipprekludi t-talbiet għall-ħlas ta’ danni tar-rikorrent minħabba li ma jkunx talab formalment, preċedentement għar-rikors tiegħu, kumpens f’forma oħra minn dik ta’ l-annullament tar-rapport.

–       Fir-rigward tar-rabta bejn it-talba għall-ħlas ta’ danni u t-talba għall-annullament

75     Il-konvenuta ma tistax tagħmel użu mill-ġurisprudenza li tgħid li, meta teżisti rabta stretta bejn talba għall-ħlas ta’ danni u talba għal annullament, l-inammissibbiltà tat-talba għall-annullament twassal konsegwentement għal dik tat-talba għall-ħlas ta’ danni (is-sentenza Bossi vs Il-Kummissjoni, punt 47, iktar ’il fuq, punt 31).

76     Fil-fatt, din il-ġurisprudenza għandha espressament bħala għan li tevita li uffiċjal li ma jkunx ikkontesta deċiżjoni ta’ l-AIPN li hija ta’ dannu għalih, fil-ħin, jevita dan it-terminu billi jressaq rikors għal dikjarazzjoni ta' responsabbiltà bbażat fuq l-allegata illegalità ta’ din id-deċiżjoni (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1966, Schreckenberg vs Il-Kummissjoni, 59/65, Ġabra p. 785, p. 797 tat-12 ta’ Diċembru 1967, Collignon vs Il-Kummissjoni, 4/67, Ġabra p. 469, 480, u tas-7 ta’ Ottubru 1987, Schina vs Il-Kummissjoni, 401/85, Ġabra p. 3911, punti 10 u 13).

77     Dan ma jistax japplika meta l-inammissibbiltà tat-talbiet għal annullament tkun ibbażata mhux fuq in-natura tardiva tagħhom, iżda fuq in-natura ta’ l-att ikkontestat li, jekk ma tippermettix lill-persuna kkonċernata biex tikseb l-annullament tiegħu, tista' madankollu tikkawżalha danni li jista' jinkiseb għalihom.

78     Fil-fatt, l-atturi li, minħabba l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà msemmija fir-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 230 KE, , ma jistgħux jikkontestaw ċerti atti jew miżuri Komunitarji direttament, għandhom madankollu l-possibbiltà li jikkontestaw aġir nieqes minn karattru deċiżjonali, li għalhekk ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għall-annullament, billi jressqu rikors għal dikjarazzjoni ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali previst mill-Artikolu 235 KE, u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 288 KE, safejn aġir ta’ dan it-tip huwa tali li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Komunità (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Jannar 2003, Philip Morris International et vs Il-Kummissjoni, T-377/00, T-379/00, T-380/00, T-260/01 u T-272/01, Ġabra p. II-1, punt 123). L-atturi għandhom il-fakultà, fil-kuntest ta' tali rikors għal dikjarazzjoni ta' responsabbiltà, li jinvokaw l-illegalitajiet li jkunu seħħew meta ġie mfassal u adottat rapport amministrattiv, minkejja li dan ma jkunx deċiżjoni li teffettwa direttament id-drittijiet tal-persuni msemmija fih (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, C-315/99 P, Ġabra p. I-5281, punti 29 u 30).

79     Barra minn hekk, ir-rikors għal dikjarazzjoni ta' responsabbiltà huwa tip ta’ rimedju awtonomu, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tas-sistema ta’ metodi ta' rimedju u huwa subordinat għal kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tiegħu maħluqa fid-dawl ta' l-għan speċifiku tiegħu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Marzu 2004, L-Ombudsman vs Lamberts C-234/02 P, Ġabra p. I-2803, punt 106, u l-ġurisprudenza ċċitata).

80     B'hekk, ir-rikors għal dikjarazzjoni ta' responsabbiltà ppreżentat mis-Sur Camós Grau intiż għal kumpens għad-danni morali u lill-karriera li rriżultaw mill-irregolaritajiet magħmula mill-OLAF fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni dwar l-IRELA u tat-tfassil tar-rapport sussegwenti, għandu jiġi kkunsidrat, għal dak li jikkonċerna l-ammissibbiltà tiegħu, indipendentement mir-rikors għal annullament.

81     Jirriżulta min dak li jippreċedi li t-talbiet tar-rikorrent intiżi sabiex jikseb kumpens għad-danni allegatament ikkawżati mill-aġir ta’ l-OLAF, għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

82     Ir-rikorrent isostni li l-irregolaritajiet li saru min-naħa ta’ l-OLAF waqt l-investigazzjoni dwar l-IRELA u waqt l-adozzjoni tar-rapport tas-17 ta’ Ottubru 2002 kellhom daqstant żbalji amministrattivi li kkawżawlu dannu morali gravi u dannu lill-karriera.

83     Fir-rikors tiegħu, huwa jiżviluppa sitt motivi li jikkonċernaw l-irregolaritajiet allegati.

84     L-ewwel nett, id-deċiżjoni ta’ l-OLAF li tneħħi lis-Sur P. mill-investigazjoni ma kinitx tissodisfa l-obbligu ta' motivazzjoni rikjest mill-Artikolu 253 KE u l-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal peress li s-Sur Camós Grau ġie infurmat b'dan biss bin-notifika li saritlu fis-17 ta’ Mejju 2002 mill-Kap tad-Diviżjoni “Maġistrati, pariri legali u follow-up” li ma tindikax il-motivi preċiżi għal din id-deċiżjoni.

85     It-tieni nett, l-OLAF injora d-drittijiet tad-difiża kif ukoll il-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi u l-prinċipju ta’ l-amministrazzjoni tajba. Ir-rapport ta’ verifika esterna ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000 dwar l-IRELA ma ġiex ikkomunikat lis-Sur Camós Grau fiż-żmien neċessarju biex jipprepara ruħu għas-seduta quddiem l-OLAF, fit-22 ta’ Frar 2001. Waqt din is-seduta, l-investigaturi tawh x’jifhem li kien nstema' bħala xhud u mhux sabiex jistabbilixxu r-responsabbiltà tiegħu. Huwa lanqas ma ngħata, waqt is-seduta, u mbagħad sabiex seta' jwieġeb għad-domandi li sarulu bil-miktub, l-informazzjoni neċessarja għad-difiża tiegħu, b'mod partikolari l-provi li l-OLAF kellu kontrih. Id-drittijiet tad-difiża u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 ukoll ġew injorati peress li r-rapport ta’ l-OLAF u l-annessi tiegħu ma ġewx mgħoddija lilu qabel ma ġie adottat l-imsemmi rapport.

86     It-tielet nett, ir-rikorrent isostni li r-rapport ta’ l-OLAF ġie mfassal bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(1) sa (3) u l-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament Nru 1073/99 kif ukoll tal-prinċipju ta’ l-oġġettività ta’ l-investigazzjonijiet ta’ l-OLAF, peress li l-uniku investigatur li baqa' inkarigat mill-investigazzjoni sakemm intemmet ma qabilx miegħu. L-abbozz tar-rapport imħejji minn dan l-investigatur qabel it-tluq tiegħu mill-OLAF fil-bidu tax-xahar ta’ Settembru 2002, kien sostanzjalment differenti mir-rapport finali, li ma jġibx il-firma tiegħu. Ir-rikorrent isostni li r-rapport ta’ l-investigazzjoni ta’ l-OLAF għandhom jiġu mfassla mill-investigaturi u li d-Direttur ta’ l-OLAF mhuwiex awtorizzat mir-Regolament Nru 1073/99 li waħdu jadotta jew jemenda rapport ta’ l-investigazzjoni.

87     Ir-raba’ nett, ir-rikorrent isostni li l-investigazzjoni ma saritx, fir-rispett tal-prinċipji fondamentali tad-dritt Komunitarju u fir-rispett tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 14 tiegħu, kif inhu previst mir-Regolament Nru 1073/99. Fil-fatt, meta s-Sur Camós Grau kien ipprovda lill-OLAF b'ċertu indizji serji li kienu jikkonċernaw kunflitt ta’ interessi fir-rigward ta’ investigatur, l-OLAF kellha tiżgura ruħha li l-atti magħmula minn dan l-investigatur u d-direzzjoni mogħtija lill-investigazzjoni saru oġġettivament u ma kinux jirriżultaw mill-kunflitt ta’ interessi ddenunċjat mir-rikorrent. Ir-rilevanza ta’ l-ilmenti mressqa mis-Sur Camós Grau hija kkonfermata mill-motivazzjoni kuntradittorja tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2003 li tiċħad l-ilment tiegħu kontra r-rapport kontenzjuż, peress li din id-deċiżjoni tirrikonoxxi li l-irtirar tas-Sur P. kien indispensabbli għall-oġġettività ta’ l-investigazzjoni filwaqt li tikkunsidra li l-intervent tiegħu ma kellux konsegwenzi dannużi.

88     Il-ħames nett, l-OLAF ikkommettiet żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tagħha tar-rwol effettiv tas-Sur P., minn naħa, fir-rigward tal-kontrolli magħmula mill-Kummissjoni fuq l-IRELA, minħabba r-responsabbiltajiet li għaddew mill-investigatur għad-DĠ “Kontroll tal-finanzi” u, min-naħa l-oħra, billi ċaħdet li l-kunflitt ta’ interessi tas-Sur P. kellu influwenza fuq l-investigazzjoni meta dan kellu rwol predominanti u essenzjali fid-direzzjoni u t-tmexxija ta’ l-investigazzjoni, ħaġa li hija kkorroborata mill-verżjoni finali tar-rapport.

89     Is-sitt nett, ir-rikorrent isostni li l-prinċipji ta’ l-ekwità u ta’ imparzjalità ġew injorati. Għalkemm l-OLAF ammetta li l-indipendenza u l-oġġettività tas-Sur P. ma setgħux jiġu ggarantiti u neħħa, għal din ir-raġuni, lil din il-persuna mill-investigazzjoni, l-OLAF ma ddeduċiex il-konsegwenzi minn dan ir-raġunament, peress li ħalla fis-seħħ l-atti magħmula mis-Sur P. B'hekk, ir-responsabbiltà ta’ l-uffiċjali tad-DĠ “Kontroll tal-finanzi” ġiet evitata fir-rapport ta’ l-OLAF, fejn min-naħa l-oħra, dan ir-rapport attribbwixxa r-responsabbiltà prinċipali ta’l-irregolaritajiet ikkonstatati lill-uffiċjali tal-Kummissjoni li kienu involuti fit-tmexxija ta’ l-IRELA, b’mod partikolari lir-rikorrent.

90     Sabiex isostni t-talba tiegħu għall-ħlas ta’ danni, is-Sur Camós Grau jsostni li l-OLAF ikkommetta żewġ żbalji kbar, l-ewwel żball kien li għadda l-investigazzjoni tiegħu fuq l-IRELA lil uffiċjal li l-imparzjalità tiegħu ma setgħetx tiġi formalment iggarantita, ħaġa li ġiet stabbilita permezz tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2002, u t-tieni żball kien li adotta konklużjonijiet li ma kinux jistrieħu fuq fatti suffiċjentement probatorji, ħaġa li ġiet stabbilita mill-investigazzjoni addizzjonali magħmula mill-AIPN.

91     Ir-rikorrent isostni li l-iżbalji li b'hekk saru mill-OLAF ikkawżawlu żewġ tipi ta’ danni. Minn naħa, l-OLAF għamel ħsara lit-trankwillità tiegħu, lill-unur tiegħu u lir-reputazzjoni professjonali tiegħu billi ħalla fis-seħħ suspetti mhux iġġustifikati fir-rigward tiegħu u billi hu baqa' jibża' li kienu se jittieħdu proċedimenti dixxiplinari u kriminali kontrih sakemm l-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi kompetenti għalqu l-każ, u dan b'hekk ikkawżalu dannu morali. Is-Sur Camós Grau invoka f’dan is-sens it-tul tal-proċedura, il-gravità tal-konklużjonijiet ta’ l-OLAF fir-rigward tiegħu u l-pubblikazzjoni ta’ dan kollu fl-Istampa. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent bata dannu għall-karriera tiegħu, billi l-kandidatura tiegħu għal impjieg ta’ direttur ma ġietx aċċettata għalkemm kien okkupa dak l-impjieg b'mod temporanju u kien għalhekk jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiġi nnominat għal dan l-impjieg.

92     Il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjonijiet biex jingħata lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità mhumiex sodisfatti peress li ebda aġir illegali ma jista' jiġi attribwit lilha, billi l-investigazzjoni ta’ l-OLAF seħħet u r-rapport tfassal fil-kundizzjonijiet ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità meħtieġa.  

93     L-ewwel nett, il-konvenuta ssostni li d-deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2002 tissodisfa l-obbligu li jingħataw raġunijiet u li r-rikorrent żbaljatament qed jinvoka l-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li d-dispożizzjoni applikabbli hija l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1073/99.

94     It-tieni nett, hija ssostni li d-drittijiet tad-difiża ma ġewx injorati. Is-Sur Camós Grau kellu żmien twil biżżejjed qabel is-smigħ tiegħu sabiex jeżamina r-rapport ta’ investigazzjoni esterna dwar l-IRELA u kellu l-informazzjoni kollha li setgħet tkun utili għad-difiża tiegħu waqt l-investigazzjoni. L-investigaturi ma informawx ħażin lill-parti kkonċernata fir-rigward ta’ l-għan ta’ l-investigazzjoni u d-diversi domandi li sarulu kienu jippermettulu li jkun perfettament konxju tal-fatti li setgħu jintużaw konrih. Barra minn hekk, la r-Regolament Nru 1073/1999 u l-anqas l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 ma kienu jipprovdu li l-abbozz ta’ rapport ta’ l-OLAF kellu jiġi kkomunikat lill-persuna kkonċernata, iżda biss li din il-persuna kellha tingħata l-opportunità tagħti l-opinjoni tagħha fuq il-fatti kollha li kienu jikkonċernawha, li kien proprju dak li ġara hawnhekk.

95     It-tielet nett, il-Kummissjoni qalet li, skond l-organizzazzjoni interna ta’ l-OLAF, it-tfassil tar-rapport ta’ l-investigazzjoni, li jsir, skond l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1073/1999, taħt l-awtorità tad-Direttur, huwa fdat lil bord eżekuttiv [executive board] u li l-ebda prinċipju ġenerali ma jimponi l-kontinwità fil-kompożizzjoni tat-tim ta’ uffiċjali u impjegati li jagħmlu investigazzjoni.

96     Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni ssostni, għal dak li jikkonċerna r-regolarità u l-oġġettività ta’ l-investigazzjoni, li l-OLAF eżamina bir-reqqa l-possibbiltà ta’ kunflitt ta’ interessi fir-rigward tas-Sur P. u li, wara li ammetta dan, l-OLAF ipproċeda billi neħħa lill-investigatur fi stadju fejn ir-rapport kien għadu ma ġiex konkluż.

97     Il-ħames nett, l-OLAF m'għamilx żball manifest fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tiegħu tar-rwol tas-Sur P., kemm fir-rigward tar-responsabbiltajiet preċedenti tiegħu kif ukoll ta' l-investigazzjoni in kwistjoni. Il-konvenuta ssostni li s-Sur P. ma pparteċipax biss bħala investigatur assoċjat, u li ma ddeterminax l-istrateġija u d-direzzjoni ta’ l-investigazzjoni u lanqas ma kellu kontroll fuq ir-rapport. Dan ġie ppreparat minn investigatur ieħor u tfassal mill-uffiċċju eżekuttiv ta’ l-OLAF f'għarfien sħiħ taċ-ċirkustanzi tat-tneħħija tas-Sur P.

98     Is-sitt nett, il-Kummissjoni ssostni li l-investigazzjoni ġiet immexxija b’rispett għall-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ ekwità peress li t-tneħħija tas-Sur P. ġiet deċiża, preċiżament, sabiex tiġi żgurata l-imparzjalità u l-oġġettività ta’ l-investigazzjoni. Hija ssostni li r-rapport ikkontestat juri biċ-ċar ir-responsabbiltà eventwali ta’ uffiċjali oħra, b’mod partikolari, tad-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” u li d-dokumenti prodotti mir-rikorrent f’dan ir-rigward ġew inklużi fil-fajl.

99     Fir-rigward tad-danni li għalihom is-Sur Camós Grau qed jitlob kumpens, Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrent ma ġab ebda prova konkreta li tistabbilixxi r-realtà tad-dannu morali allegat u l-ebda indizju dwar id-dannu lill-karriera invokat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Fuq il-kundizzjonijiet biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità

100   Skond ġurisprudenza kostanti, fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Komunità għad-danni kkawżati lil individwi bil-ksur tad-dritt Komunitarju imputabbli lil istituzzjoni jew lil korp Komunitarju, dritt għal kumpens huwa rikonoxxut meta jiġu soddisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li r-regola ta' dritt miksura jkollha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li l-ksur ikun gravi biżżejjed u li teżisti konnessjoni ta’ kawżalità diretta bejn il-ksur ta’ l-obbligu impost fuq il-persuna responsabbli għall-att u d-dannu subit mill-persuni kkonċernati (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029, punt 51, ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punti 41 u 42, u ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C-312/00 P, Ġabra p. I-11355, punt 53).

–       Fuq ir-regoli ta’ dritt li l-ksur tagħhom huwa allegata

101   Sabiex tingħata deċiżjoni fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, hemm lok f’dan il-każ li jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk ir-regoli ta' dritt li l-ksur tagħhom huwa allegat għandhomx bħala għan li jagħtu drittijiet lill-individwi. Ir-rikorrent jinvoka ksur tal-prinċipji ta’ imparzjalità, ta’ ekwità u ta’ oġġettività, tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ l-amministrazzjoni tajba. Huwa jargumenta wkoll li ġew ivvjolati d-drittijiet tad-difiża u r-regoli ta’ forma li jikkonċernaw it-tfassil tar-rapporti ta’ l-OLAF kif ukoll l-obbligu tal-motivazzjoni.

102   Huwa biżżejjed f’dan ir-rigward, li jiġi kkonstatat li għall-inqas ir-regola ta’ l-imparzjalità, li timponi ruħha fuq l-istituzzjonijiet fit-twettiq ta' l-inkarigi investigattivi tat-tip li huma mogħtija lill-OLAF, hija intiża, minbarra għall-interess ġenerali, għall-protezzjoni tal-persuni kkonċernati u tagħtihom dritt suġġettiv għar-rispett tal-garanziji korrispondenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14).

103   Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrent jinvoka l-ksur ta’ regola li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

–       Fuq l-aġir ta’ l-OLAF fit-tmexxija ta’ l-investigazzjoni u t-tfassil tar-rapport dwar l-IRELA

104   Sabiex tingħata deċiżjoni fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, hemm lok, ukoll, li jiġi determinat jekk l-aġir ta’ l-OLAF fit-tmexxija ta’ l-investigazzjoni u t-tfassil tar-rapport dwar l-IRELA kienx jinvolvi ksur gravi biżżejjed tar-regola ta’ imparzjalità invokata, jiġifieri, skond il-ġurisprudenza, jekk f’dan ir-rigward jirrivelax vjolazzjoni gravi u manifesta tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Ombudsman vs Lamberts, punt 79 iktar ’il fuq, punti 49, 60, 62 u 63).

105   Skond id-dispożizzjonijiet li jirregolawh, l-OLAF għandu jmexxi l-investigazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu skond it-Trattat u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-ħtieġa ta’ l-imparzjalità, kif ukoll ir-rispett tar-Regolamenti tal-Persunal li l-Artikolu 14 tagħhom, b’mod partikolari, għandu l-intenzjoni li jevita s-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi eventwali fir-rigward ta’ l-uffiċjali.

106   Sabiex jiġi evalwat l-aġir ta’ l-OLAF, għandhom jiġu kkunsidrati, l-ewwel nett, ir-realtà tal-kunflitt ta’ interessi fir-rigward tas-Sur P., meta jittieħdu in kunsiderazzjoni r-responsabbiltajiet li huwa kellu fir-rigward ta' l-IRELA fil-kuntest tal-funzjonijiet preċedenti tiegħu fid-DĠ “Kontroll tal-Finanzi”, it-tieni nett, ir-rwol effettiv ta’ dan l-investigatur fit-tmexxija ta’ l-investigazzjoni dwar l-IRELA u t-tielet nett, jekk ikun xieraq, ir-rilevanza ta’ dan ir-rwol fuq it-tfassil tar-rapport tas-17 ta’ Ottubru 2002.

107   L-ewwel nett, fir-rigward tar-realtà tal-kunflitt ta’ interessi fir-rigward tas-Sur P., l-ittra tas-17 ta’ Mejju 2002 indirizzata lis-Sur Camós Grau mill-Kap tad-diviżjoni “Maġistrati, pariri legali u follow-up” tindika li l-OLAF, fid-dawl tal-parir legali mogħti minn din id-diviżjoni lid-Direttur ta’ l-OLAF, li fih intqal li “il-pożizzjoni ta[s-Sur P.] bħala investigatur assoċjat fil-fajl ta’ riferenza [IRELA] tista' tiġi perċepita bħala kunflitt ta’ interessi” u b'mod konformi mal-proposta magħmula lid-direttur minn din id-diviżjoni, iddeċieda li jirtira l-persuna kkonċernata mill-investigazzjoni. Barra minn hekk, jirriżulta mir-risposta tad-difiża tal-Kummissjoni li kien minħabba din il-possibbiltà ta’ kunflitt ta’ interessi u sabiex tiġi assigurata l-imparzjalità u l-oġġettività ta’ l-investigazzjoni li s-Sur P. tneħħa minnha.

108   Effettivament, ma kien hemm kważi ebda dubju dwar ir-realtà tal-kunflitt ta’ interessi fir-rigward tas-Sur P. f’dan il-każ. Jirriżulta fil-fatt mill-proċess li r-riżorsi ta’ l-IRELA kienu ġejjin kważi kollha kemm huma mill-finanzi Komunitarji, li d-DĠ kompetenti għall-Amerika Latina, li fih kien jaħdem is-Sur Camós Grau meta seħħew il-fatti, kien jassigura assistenza teknika u finanzjarja ta' l-IRELA u li d-DĠ “Kontroll tal-Finanzi”, li għandu d-dmir li jagħti l-permess tiegħu għall-allokazzjonijet ta' l-ispejjeż u għall-ħlasijiet li jsiru minn fondi Komunitarji, kien ippermetta l-proġetti kollha attribwiti lill-IRELA.

109   Issa, is-Sur P., li l-professjoni tiegħu hi ta' accountant, kien jaħdem fid-DĠ “Kontroll tal-Finanzi”, fid-diviżjoni inkarigata mill-kontroll ta’ l-ispejjeż ta’ l-IRELA, bħala l-persuna responsabbli għall-affarijiet/ftehim orizzontali u metodoloġiċi tas-settur ta’ l-għajnuna alimentari u umanitarja, meta seħħew il-fatti investigati. B’mod partikolari huwa kien okkupa l-funzjoni ta’ Kap ta’ din id-diviżjoni bejn l-1 ta’ Marzu u t-30 ta’ Novembru 1998, kif ukoll fix-xahar ta’ Marzu ta’ l-2000, pożizzjoni li tatu l-kompetenza li jiffirma xi dokumenti li jirrigwardaw l-IRELA. L-IDOC isemmi fir-rapport tiegħu, nota tat-3 ta’ Jannar 1997 iffirmata mis-Sur P. u indirizzata lid-direttorat kompetenti għall-Amerika Latina, li tat il-permess lid-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” għal proġett li kien jikkonċerna l-IRELA.

110   Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interess fir-rigward tas-Sur P. ġiet stabbilita.

111   It-tieni nett, fir-rigward tar-rwol effettiv tas-Sur P. fit-tmexxija ta’ l-investigazzjoni dwar l-IRELA, għandu jiġi nnotat li, skond id-deċiżjoni tal-ftuħ ta’ l-investigazzjoni interna tat-30 ta’ Jannar 2001, erba’ aġenti ta’ l-OLAF, fosthom is-Sur P., ġew awtorizzati sabiex imexxu l-investigazzjoni. Tnejn minn fosthom irriżenjaw mill-OLAF fit-30 ta’ Settembru 2001, u għaldaqstant ma baqgħux jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Wara li permezz tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2002, is-Sur P. tneħħa, l-uniku investigatur li baqa' inkarigat mill-investigazzjoni u li, skond l-OLAF, ħa f’idejh it-tmexxija tagħha u flimkien mas-Sur P. fassal ir-rapport intermedjarju datat l-20 ta’ Diċembru 2002, ħejja l-abbozz tar-rapport definittiv. Peress li dan l-investigatur irriżenja mill-OLAF fit-30 ta’ Settembru 2002, huwa ma ffirmax ir-rapport.

112   Jirriżulta mill-proċess li l-investigatur li tneħħa kien ipparteċipa fis-seduti kollha li tmexxew f’isem l-OLAF, li seħħew bejn ix-xahar ta’ Frar 2001 u x-xahar ta’ April 2002, ħlief għal dik li fiha nstema' l-ex-Direttur tad-Direttorat kompetenti għall-Amerika Latina, li kien is-superjur dirett tas-Sur Camós Grau. Dan l-investigatur kien wieħed miż-żewġ awturi tar-rapport tal-missjoni li seħħet fil-bini ta’ l-IRELA, f’Madrid, kif ukoll tar-rapport intermedjarju ta’ l-20 ta’ Diċembru 2000, imsemmi iktar ’il fuq. Jidher ukoll li l-atti kollha ta’ l-investigazzjoni saru qabel it-tneħħija tas-Sur P. u li kienu tħejjew minn żewġ jew tliet persuni, filwaqt li l-investigatur li tneħħa dejjem kien preżenti, bl-eċċezzjoni ta’ darba.

113   Għandu jiġi kkonstatat jekk is-Sur P. ipparteċipa għat-tmexxija ta’ l-investigazzjoni kollha kemm hi. L-argument tal-Kummissjoni li dan l-investigatur ma ġiex inkarigat mit-tmexxija ta’ l-investigazzjoni iżda kellu rwol kumplementari u subordinat ma jistax idgħajjef il-konstatazzjonijiet preċedenti dwar preżenza kontinwa u implikazzjoni konsiderevoli tas-Sur P. fl-investigazzjoni dwar l-IRELA.

114   It-tielet nett, għal dak li jikkonċerna l-influwenza tal-parteċipazzjoni tas-Sur P. fl-investigazzjoni fit-tfassil tar-rapport tas-17 ta’ Ottubru 2002, il-konvenuta ssostni l-OLAF żamm in kunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ kunflitt ta’ interessi fir-rigward ta’ investigatur fit-tfassil tar-rapport finali u li dan tħejja b'konoxxenza sħiħa tal-fatti f’dan ir-rigward.

115   Għandhom għalhekk jiġu eżaminati d-dokumenti li suċċessivament servew biex jiġi mfassal ir-rapport, billi jiġi eżaminat, b’mod partikolari, kif titlob l-argumentazzjoni tar-rikorrent, l-ewwel nett, jekk jirriżultax minnhom li r-responsabbiltajiet eventwali tad-DĠ “Kontroll tal-Finanzi”, minkejja l-missjonijiet tiegħu, kinux ġew indebitament evitati jew minimizzati, it-tieni nett, jekk, peress li l-OLAF kien ammetta, billi neħħa lis-Sur P. mill-investigazzjoni, li kien hemm fi ħdanu periklu ta’ kunflitt ta’ interessi, dan kienx ġie kkunsidrat fir-rapport tas-17 ta’ Ottubru 2002 u, it-tielet nett, b’mod iżjed ġeneriku, jekk l-ilmenti tar-rikorrent fir-rigward tan-nuqqas ta’ imparzjalità ta’ l-investigazzjoni u tar-rapport sussegwenti humiex ikkorroborati minn dan l-eżami.

116   Tliet dokumenti għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, jiġifieri r-rapport intermedjarju ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 imfassal mis-Sur P. u l-investigatur li baqa’ inkarigat mill-investigazzjoni sa tmiemha, l-abbozz ta’ rapport imfassal minn dan l-aħħar fi tmiem ix-xahar ta’ Awwissu 2002, u r-rapport finali tas-17 ta’ Ottubru 2002.

117   L-ewwel nett, jirriżulta mir-rapport intermedjarju ta’ l-20 ta’ Diċembru 2000, li dan jagħmel enfasi fuq il-parteċipazzjoni – ikkaratterizzata minn interferenza konsiderevoli u diskutibbli – ta’ l-uffiċjali tal-Kummissjoni fit-tmexxija ta’ l-IRELA u jindika li dawn kienu ħarġu bl-idea li tinħoloq riżerva finanzjarja u li huma kienu approvaw, flimkien mal-membri tal-Parlament, din il-prattika illegali sabiex iżidu l-fondi. Fir-rigward tar-rwol eventwali tad-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” fit-tmexxija ta’ l-IRELA, dan id-Direttorat huwa msemmi biss fir-rigward tar-rapport ta’ l-awdituri ta’ l-IRELA magħmul minnha fl-1997 u tal-kritika li hija għamlet dwar it-tmexxija finanzjarja ta’ l-IRELA, kritika li hija ppreżentata bħala li setgħet kienet il-kaġun ta’ l-irtirar ta’ l-uffiċjali tal-Kummissjoni mit-tmexxija ta’ l-IRELA. Id-dokument juri wkoll li ġie ppruvat li l-uffiċjali tal-Kummissjoni kienu jafu bl-atti illegali.

118   Barra minn hekk, fir-rigward ta' l-abbozz ta’ rapport imfassal fl-aħħar tax-xahar ta’ Awwissu 2002, jidher li ċerti partijiet li jikkonċernaw ir-rwol tad-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” u dak tal-Kummissjoni kollu kemm hu ġew emendati biex ikunu inqas ta' ħsara, jew tneħħew fil-verżjoni finali tar-rapport. B’mod partikolari, l-abbozz tar-rapport isemmi li l-Kummissjoni kienet taf bil-prattika li ppermettiet lill-IRELA tikseb xi benefiċċji b’mod illegali inkwantu l-istituzzjoni (kontroll tal-finanzi) ammettiet id-dokumenti ġustifikattivi. L-abbozz iqis li d-DĠ “Kontroll tal-Finanzi”, fir-rapport tiegħu ta’ l-1997, kien għamel analiżi parzjali tas-sitwazzjoni. L-abbozz jiddeskrivi bħala mhux komprensibbli l-fatt li l-awdituri ta’ dan id-Direttorat ma kinux daħlu fil-fond dwar id-domandi li jfeġġu awtomatikament meta jiġu skoperti xi irregolaritajiet. Fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni, huwa indikat li “[l-]każ IRELA qabeż il-limiti tar-responsabbiltajiet ta' DĠ konkret u li [d-]DĠ ‘Kontroll tal-Finanzi’ ma kienx rigoruż meta kellu l-elementi kollha sabiex jinvestiga fil-fond il-problemi finanzjarji ta’ l-[IRELA]”. Bħala konklużjoni, l-abbozz iqis li r-rwol tal-Kummissjoni fil-każ ta’ l-IRELA ma kienx limitat għall-azzjoni ta’ tliet persuni iżda huwa r-“riżultat ta’ attività istituzzjonali”, billi s-sistemi ta’ kontroll tal-Kummissjoni ma ħadmux b’mod effettiv, billi d-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” eżerċita “kontroll dgħajjef” u billi d-dipartimenti tal-Kummissjoni ma ħadmux b’mod ikkoordinat.

119   Fl-aħħar nett, jirriżulta mir-rapport finali tas-17 ta’ Ottubru 2002 li dan huwa limitat għal indikazzjoni ad limina, fir-rigward tar-rwol u tar-responsabbiltajiet eventwali tad-DĠ “Kontroll tal-Finanzi”, li kien ġie deċiż li dawn iċ-ċirkustanzi ma jiġux analizzati sabiex l-investigazzjoni ma ddumx. Għalkemm ir-rapport iżid li r-responsabbiltà eventwali ta’ l-uffiċjali ta’ dan id-Direttorat għandha tiġi stabbilita, din il-kwistjoni ma terġax titqajjem fil-bqija tar-rapport, billi ġie osservat li uffiċjal wieħed biss tad-Direttorat kkonċernat instema' fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni.

120   In konklużjoni ta’ l-eżami tal-fatti, ir-rapport jindika li l-investigazzjoni wriet li kienu biss l-uffiċjali tal-Kummissjoni li pparteċipaw fit-tmexxija ta’ l-IRELA li kienu jafu bid-dettalji operazzjonali li ppermettew li jseħħu ċertu marġini ta’ benefiċċju b’mod irregolari, u jenfasizza r-“rwol attiv” u r-“responsabbiltà prinċipali” tal-persuni kkonċernati fl-implementazzjoni u t-tħaddim tas-sistema.

121   Fl-eżami tar-rwol tal-Kummissjoni, ir-rapport jinsisti fuq ir-rwol u r-responabbiltajiet tad-Direttorat kompetenti għall-Amerika Latina, billi jafferma, b’mod partikolari, li l-uffiċjali ta’ dan id-Direttorat li pparteċipaw fl-istanzi ta’ l-IRELA għamlu użu mill-pożizzjoni tagħhom “biex jippermettu l-użu ta’ dokumenti li kienu jippermettu l-ħlas ta’ benefiċċji”. Fir-rigward tad-DĠ “Kontroll tal-Finanzi”, ir-rapport isemmi biss il-verifika li saret fl-1997 u n-natura inkompleta tagħha.

122   Il-konklużjonijiet finali tar-rapport jirrepetu li s-sistema ta’ finanzjament ta’ l-IRELA, li ta lok għall-irregolaritajiet misjuba, ġiet implementata fi ħdan korp fejn l-iżjed membri attivi tiegħu kienu l-impjegati tal-Kummissjoni u li d-Direttorat kompetenti għall-Amerika Latina kien jaf bid-dettalji operazzjonali. Id-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” deher li ġie maqbuż anki jekk, in fine, tissemma' l-“passività” tiegħu u n-“nuqqas ta’ kontroll serju” tiegħu.

123   Fir-rigward tar-responsabbiltajiet individwali, ir-rapport ma jirreferi għal ebda impjegat tal-Kummissjoni b'ismu, ħlief għall-uffiċjali tad-Direttorat kompetenti għall-Amerika Latina li pparteċipaw fit-tmexxija ta’ l-IRELA u jirrakkomanda fir-rigward tagħhom li jinbdew proċedimenti dixxiplinarji, rakkomandazzjonijiet li ġew ripetuti taħt it-titolu “Il-proċedimenti li għandhom jiġu segwiti”, biex tiġi estiża “jekk ikun hemm bżonn [għal] uffiċjali oħrajn, b’mod partikolari fi ħdan id-DĠ ‘Kontroll tal-Finanzi’”.

124   L-eżami kumparattiv tal-verżjonijiet suċċessivi tar-rapport ta’ l-OLAF juri li l-verżjoni finali evitat u mminimizzat b'mod manifest ir-rwol tad-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” u fl-istess ħin ikkonċentrat kull responsabbiltà għall-irregolaritajiet imputati lill-Kummissjoni biss fuq l-uffiċjali li pparteċipaw fit-tmexxija ta’ l-IRELA, u b'hekk għażlet li tikkonferma l-pożizzjoni meħuda fir-rapport intermedjarju, li wieħed mill-awturi tiegħu kien is-Sur P., u skartat il-pożizzjoni iktar moderata mogħtija fl-abbozz tar-rapport imfassal mingħajr il-parteċipazzjoni tas-Sur P. fl-aħħar tax-xahar ta’ Awwissu 2002, li kienet turi b’mod iżjed dettaljat ir-rwol tad-DĠ “Kontroll tal-Finanzi”, billi wriet in-nuqqasijiet tiegħu fil-każ IRELA, u li rrifjutat li tattribwixxi biss lill-uffiċjali msemmija iktar ’il fuq ir-responsabbiltà fi ħdan il-Kummissjoni biex minflok ikkunsidrat definittivament li l-imsemmija responsabbiltà rriżultat pjuttost minn iffunzjonar ħażin fuq livell istituzzjonali li kien jimplika wkoll id-DĠ “Kontroll tal-Finanzi”.

125   Jirriżulta minn dak li jippreċedi li, l-ewwel nett, ir-realtà tal-kunflitt ta’ interessi fir-rigward tas-Sur P. ġiet stabbilita. It-tieni nett, is-Sur P. pparteċipa kważi f’kull att ta’ l-investigazzjoni, u ma tqajjmu dubji dwar ebda wieħed minnhom wara li tneħħa mill-investigazzjoni. Barra minn hekk, huwa aġixxa fi ħdan tim li ċkien fin-numru biż-żmien u kien wieħed miż-żewġ awturi tar-rapport intermedjarju. It-tielet nett, is-Sur P. kellu rwol effettiv importanti fl-iżvolġiment ta’ l-investigazzjoni.

126   Barra minn hekk, jirriżulta mill-proċess li l-influwenza eżerċitata mis-Sur P. fit-tmexxija ta’ l-investigazzjoni kienet ta’ preġudizzju għall-eżiġenza ta’ l-imparzjalità. Fil-fatt, żewġ dipartimenti, jiġifieri d-Direttorat kompetenti għall-Amerika Latina u d-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” kienu, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom, inkarigati mill-assistenza u mill-kontroll ta’ l-attività ta’ l-IRELA, b’mod partikolari fl-aspetti finanzjarji tagħha. Fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni interna magħmula mill-OLAF, l-eżami tar-rwol tad-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” kien iżjed iġġustifikata ġaladarba l-IRELA kienet dipendenti għal kollox mis-sussidji Komunitarji u d-DĠ “Kontroll tal-Finanzi”, li tikkontrolla l-allokazzjonijiet tal-fondi Komunitarji kollha, kienet ħarġet xi osservazzjonijiet fir-rigward ta’ l-IRELA diversi drabi.

127   Issa, mhuwiex ikkontestat li ttieħdet pożizzjoni li ma jsirux investigazzjonijiet li jikkonċernaw id-DĠ “Kontroll tal-Finanzi”, billi l-investigazzjoni kienet tirrigwarda esklużivament, fir-rigward tar-responsabbiltajiet eventwali tal-Kummissjoni, ir-rwol tad-Direttorat kompetenti għall-Amerika Latina. F’dan ir-rigward, jidher li l-investigazzjonijiet magħmula mix-xahar ta’ Frar 2001 sax-xahar ta’ April 2002, li tulhom instema' impjegat wieħed biss tad-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” kontra ħamsa tad-Direttorat kompetenti għall-Amerika Latina, segwew id-direzzjoni mogħtija lill-investigazzjoni mir-rapport intermedjarju. Dan ir-rapport, li wieħed miż-żewġ awturi tiegħu kien is-Sur P., b'hekk ma tefa' ebda dubji fuq id-DĠ “Kontroll tal-Finanzi”, iżda min-naħa l-oħra inkluda affermazzjonijiet kategoriċi fuq l-implikazzjoni ta’ uffiċjali tad-Direttorat kompetenti għall-Amerika Latina fl-irregolaritajiet ikkonstatati. Il-konklużjoni li d-direzzjoni mogħtija lill-investigazzjoni minħabba l-influwenza tas-Sur P. kienet determinanti hija kkorroborata mill-opinjoni tat-2 ta’ Mejju 2002, iċċitata mill-konvenuta fir-risposti tagħha għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tat-tfassil tar-rapport in kwistjoni msemmi fil-punt 30 iktar 'il fuq, li fih il-Kap tad-diviżjoni “Maġistrati, pariri legali u follow-up” ta’ l-OLAF ikkonkluda li l-investigatur kien imissu jitneħħa u rrakkomanda biex fir-rapport finali ma jittieħdux in kunsiderazzjoni l-“kontribuzzjonijiet li jiġu mis-[Sur P.]”.

128   Il-perspettiva parzjali u b'hekk ippreġudikata fuq ir-rwol tal-Kummissjoni, li metodoloġikament ma tantx hi ċara minħabba l-karattru essenzjali tal-pożizzjoni ta’ kontroll finanzjarju, ma setgħetx ħlief twassal, permezz ta’ ommissjoni, għal preżentazzjoni mhux reali tar-responsabbiltajiet preċiżi tad-dipartimenti kkonċernati ta’ l-istituzzjoni u, konsegwentement, tal-membri tagħhom.

129   Ir-rapport finali, billi jattribwixxi r-responsabbiltà kollha ta’ l-azzjonijiet frawdolenti imputabbli lill-Kummissjoni biss lill-uffiċjali tad-DĠ kompetenti għall-Amerika Latina li pparteċipaw fit-tmexxija ta’ l-IRELA, mingħajr ma jerġa' jikkunsidra l-elementi li jirrigwardaw ir-rwol tad-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” li jinsabu fl-abbozz tar-rapport imfassal fl-aħħar tax-xahar ta’ Awwissu 2002, li kien jinkludi numru ta’ evalwazzjonijet kritiċi li jikkonċernaw dan id-Direttorat, jikkonferma n-nuqqas ta’ ekwilibriju li jirriżulta minn dan l-eżami parzjali u ppreġudikat tar-responsabbiltajiet ta’ din l-istituzzjoni.

130   Il-ġustifikazzjoni mogħtija mir-rapport tas-17 ta’ Ottubru 2002 għan-nuqqas ta’ eżaminazzjoni tar-rwol tad-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” li tgħid li “[s]abiex ma jkunx hemm dewmien fl-investigazzjoni, ġie deċiż li ma jiġux analizzati ċ-ċirkustanzi dwar ir-responsabbiltà tad-DĠ ‘Kontroll tal-Finanzi’” ma tistax tiġi aċċettata. Il-preokkupazzjoni ta’ l-OLAF biex tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha malajr, minkejja li leġittima meta l-fatti huma antiki u jistgħu jiġu preskritti, ma tistax madankollu tiġġustifika legalment eżami parzjali jew selettiv tar-responsabbiltajiet potenzjali ta' dipartimenti differenti ta’ l-istituzzjoni jew il-korp kkontrollat meta huwa manifest, bħal f’dan il-każ, li l-imsemmija dipartimenti kellhom, b'modi differenti, rwol fiċ-ċirkustanzi tal-każ li huwa s-suġġett ta’ l-investigazzjoni.

131   Jirriżulta minn dak li jippreċedi li l-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapoort ta’ l-OLAF injoraw il-ħtieġa ta’ imparzjalità. Dan il-ksur mill-OLAF tar-regola ta' dritt ikkonċernata jikkostitwixxi nuqqas wisq iżjed gravi ġaladarba l-OLAF inħalqet sabiex tmexxi investigazzjonijiet li jirrigwardaw kull attività illegali ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Komunitajiet u li jistgħu jagħtu lok għal azzjoni amministrattiva jew kriminali u mwaqqfa bħala servizz awtonomu tal-Kummissjoni sabiex ikollha l-indipendenza funzjonali meqjusa bħala neċessarja għall-eżerċizzju ta' l-inkarigu tagħha. Barra minn hekk, fid-dawl tal-konsapevolezza tal-kunflitt ta’ interessi fir-rigward tas-Sur P., li l-OLAF kienet ammettiet billi neħħiet l-investigatur, il-konferma fir-rapport finali tad-direzzjoni ppreġudikata mogħtija lill-investigazzjoni taħt l-influwenza tas-Sur P. tagħti karattru manifest lill-ksur ta' l-eżiġenza ta’ imparzjalità.

132   Din il-konklużjoni hija kkorroborata wkoll bir-rapport ta’ l-IDOC tat-2 ta’ Lulju 2003. Għandu jiġi mfakkar li l-IDOC kien ġie inkarigat li jiddetermina l-kompatibbiltà mar-regolamentazzjoni Komunitarja li kienet fis-seħħ 1) tal-parteċipazzjoni ta’ uffiċjali tal-Kummissjoni fit-tmexxija ta’ l-IRELA; 2) tal-proposta u/jew ta’ l-aċċettazzjoni tal-pjan ta’ ri-organizzazzjoni finanzjarja u li tindika r-responsabbiltà eventwali individwali ta’ l-uffiċjali kkonċernati, u 3) tar-responsabbiltà eventwali ta’ l-uffiċjali tal-Kummissjoni li pparteċipaw fit-tmexxija ta’ l-IRELA kif ukoll ta’ dawk is-servizzi inkarigati mill-kontroll tal-fondi Komunitarji ta’ l-IRELA.

133   B'hekk, ir-rapport ta’ l-IDOC, li jeżamina r-rwol tad-DĠ “Kontroll tal-Finanzi”, isib li dan id-Direttorat ma kienx ġie msemmi fir-rapport finali ta’ l-OLAF, ħlief għar-rakkomandazzjoni li tinstab taħt it-titolu “Il-proċedimenti li għandhom jiġu segwiti”.

134   Issa, l-IDOC josserva, fir-rigward tad-deċiżjoni li tinħoloq riżerva finanzjarja, li tat bidu għall-irregolaritajiet, minn naħa, li din ir-riżerva kienet preċedenti sew għall-parteċipazzjoni tat-tliet uffiċjali kkonċernati mir-rapport ta’ l-OLAF, li kienet ġiet irrakkomandata mid-Direttorat kompetenti għall-Amerika Latina u d-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” fl-1986, deċiża fl-1988 u aċċettata, anzi inkoraġġuta mill-Kummissjoni. L-IDOC isib, min-naħa l-oħra, li l-illegalità ta’ din il-prattika ma ġietx imqajma ħlief tardivament, fl-1997, mid-Direttorat kompetenti għall-Amerika Latina, li staqsiet id-dipartiment legali tal-Kummissjoni u d-DĠ “Kontroll tal-Finanzi”, li esprimiet id-dubji tagħha fuq il-legalità tas-sistema, f’kuntradizzjoni ma’ dak li kienet qalet fl-1986.

135   Ir-rapport ta’ l-IDOC jindika, ukoll, li s-Sur Camós Grau kien informa lill-OLAF li kull sena d-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” kienet tapprova l-verifika ta’ l-IRELA, magħmula minn uffiċċju tal-kontabbiltà, u li, f’dik ta’ l-1995, kien ġie espressament ippreċiżat li l-IRELA kien qala' benefiċċji li jammontaw għal 1.194 miljun EUR. Issa, l-IDOC josserva li d-dokument iċċitat mis-Sur Camós Grau in sostenn ta’ dak li qal ma tqiegħedx fil-fajl inkluż mar-rapport finali ta’ l-OLAF, iżda nstab fil-fajl miżmum mill-OLAF.

136   Ir-rapport ta’ l-IDOC iżid li d-DĠ “Kontroll tal-Finanzi”, wara l-kontroll li għamel fl-1997, ma għamilx eżami iżjed fil-fond u li, minkejja li ġie mistoqsi mill-ex-responsabbli tad-diviżjoni finanzjarja tad-Direttorat kompetenti għall-Amerika Latina fuq il-possibbiltà [għall-IRELA] li jitlob iżżejjed bħala onorarji u spejjeż mingħand il-Kummissjoni lilhin mill-pjan ta’ ħidma aċċettata u mis-sussidju, huwa kien finalment ta l-permess għal dawn l-allokazzjonijiet. L-awturi tar-rapport ta’ l-IDOC baqgħu mistagħġba mill-fatt li, għalkemm id-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” kien jawtorizza kull proġett attribwit lill-IRELA, kien stenna l-1997 biex għamel xi osservazjonijiet kritiċi. Huma jistagħġbu wkoll fir-rigward tat-termini tan-nota ffirmata mis-Sur P., imsemmija fil-punt 112 hawn fuq, li tindika lid-Direttorat kompetenti għall-Amerika Latina li d-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” kien ta l-awtorizzazzjoni tiegħu għal proġett, iżda ried madankollu jirċievi xi ġustifikazzjonijiet approprjati f’kull każ.

137   L-evalwazzjonijiet ta’ l-IDOC fir-rigward tar-responsabbiltà tat-tliet uffiċjali tal-Kummissjoni li pparteċipaw fit-tmexxija ta’ l-IRELA huma, bl-istess mod, ħafna inqas ċari. Huwa osservat li r-regolarità ta’ din il-parteċipazzjoni ġiet imqajma tard, fl-1994, u li l-prosegwiment ta’ din il-parteċipazzjoni kienet ġiet espressament awtorizzata, wara li ngħatat l-opinjoni tas-segretarjat ġenerali, tad-dipartiment legali u tad-DĠ “Kontroll tal-Finanzi”, fis-17 ta’ Otubru 1995. L-IDOC jikkunsidra, kontra l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ l-OLAF, li ma ġiex stabbilit li t-tliet uffiċjali li ġew iddikjarati responsabbli minnu, kienu jafu bl-irregolaritajiet li b’mod partikolari kienu jikkonsistu mill-iġġustifikar ta' ħlasijiet eżaġerati permezz ta' spejjeż ineżatti u jindika li l-illegalità tal-kostituzzjoni ta’ riżervi finanzjarji ma ġietx imqajjma ħlief fl-1997 “f’termini relattivament inċerti”.

138   Il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ l-IDOC, li jsib, għall-inqas b’mod impliċitu, ċerti nuqqasijiet fl-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF, f’kull każ jidhru inqas kategoriċi minn dawk ta’ l-OLAF. L-IDOC jindika li mhuwiex possibbli li jiġi konkluż li jeżistu ċerti atti li għandhom jiġu kkundannati mil-lat dixxiplinarju. Huwa jiskarta l-identifikazzjoni ta’ responsabbiltajiet individwali, billi jqis li l-każ jiżvela fuq kollox nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni li jieħdu ħsieb il-kontroll tal-fondi Komunitarji mogħtija lill-IRELA.

139   L-ebda wieħed mill-argumenti ppreżentati mill-konvenuta ma jippermettu li tiġi kkontestata din il-konklużjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni li l-investigazzjoni hija kkonċentrata b’mod partikolari fuq il-parteċipazzjoni ta’ l-uffiċjali Komunitarji fil-ħidma tal-korpi ta’ l-IRELA, filwaqt li r-rwol tad-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” kien ta’ tip ieħor; hija tesponi li investigazzjoni estiża kienet tippreżenta diffikultajiet minħabba l-ammont ta' żmien li kien għadda minn mindu seħħew il-fatti u r-riżorsi umani u materjali neċessarji u li l-OLAF kien jiddeċiedi b'indipendenza sħiħa fl-investigazzjonijet tiegħu. Madankollu argumenti tali mhumiex tat-tip li jiġġustfikaw, fir-rigward ta’ korp ta’ investigazzjoni, il-pożizzjoni li ttieħdet li ġiet ikkonstatata fit-tmexxija ta’ l-investigazzjonijiet tagħha. Bl-istess mod, l-affermazzjoni li xejn ma jippermetti li tiġi pprovata, min-naħa ta’ l-investigatur li tneħħa, kwalunkwe manipulazzjoni tal-fatti li tista' tkun ta’ ostakolu għall-manifestazzjoni tal-verità, lanqas ma tista' tinvalida din il-konstatazzjoni.

140   Barra minn hekk, l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li jsostnu li fir-rapport finali kienu ttieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ l-irtirar tas-Sur P. mill-investigazzjoni ġew miċħuda mill-kontenut ta’ l-imsemmi rapport, peress li t-tismija fir-rapport ta' responsabbiltà eventwali ta’ uffiċjali oħra, b’mod partikolari dawk tad-DĠ “Kontroll tal-Finanzi”, kienet sempliċement klawżola standard. Għalkemm l-argument li jgħid li l-OLAF ma setax jasal għal konlużjonijiet fir-rigward ta’ l-uffiċjali ta’ dan id-Direttorat mingħajr ma semagħhom qabel huwa fondat, dan ma jiġġustifikax il-pożizzjoni li ttieħdet mill-OLAF li fir-rigward tar-rwol tal-Kummissjoni fil-każ ta’ l-IRELA jillimita l-investagazzjoni tiegħu għal direttorat wieħed biss. Fil-fatt, ma jidher li hu la komprensibbli u lanqas iġġustifikat li l-eżami tar-rwol tad-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” tneħħa mill-isfera ta’ l-investigazzjonijiet li saru fi ħdan il-Kummissjoni meta l-approvazzjoni ta' dan id-Direttorat kienet tikkundizzjona l-allokazzjoni tal-fondi Komunitarji kollha, meta r-rapport ta’ l-IDOC kien jikkonferma f’dan ir-rigward l-overlap bejn ir-rwoli u r-responsabbiltajiet fil-każ ta’ l-IRELA.

141   Bħala konklużjoni, l-illegalità ta' l-aġir ta’ l-OLAF fit-tmexxija ta’ l-investigazzjoni u t-tfassil tar-rapport kontenzjuż, ikkonstatata fil-punti 126 sa 132 iktar 'il fuq, hija stabbilita, billi l-OLAF kiser b’mod gravi u manifest, l-eżiġenza ta’ l-imparzjalità. Issa, tali ksur jikkostitwixxi żball tat-tip li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Komunità safejn teżisti konnessjoni ta’ kawżalità diretta u ċerta bejn l-iżball u d-dannu allegat.

–       Fuq ir-rabta ta’ kawżalità fejn l-iżball ta' l-OLAF u d-danni allegati mir-rikorrent

142   F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-diversi danni, dannu għall-karriera u dannu morali, li jinvoka s-Sur Camós Grau u li fir-rigward tagħhom għandu jiġi eżaminat jekk humiex reali, isibu l-oriġini diretta tagħhom fil-kunsiderazzjoni personali ta’ l-imġiba tiegħu li tinsab fir-rapport u li tiġi ċċarata mill-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li jikkonċernawh individwalment. Il-konnessjoni ta’ kawżalità meħtieġa mill-ġurisprudenza hija għalhekk stabbilita bejn l-aġir illegali li jiċċara l-kontenut tar-rapport u d-danni li suppost irriżultaw fir-rigward tal-persuna kkonċernata.

143   Għandu madankollu jiġi ppreċiżat f’dan ir-rigward li l-fatt li l-kontenut tar-rapport, minħabba l-kunsiderazzjoni personali tal-persuna kkonċernata, huwa l-kawża diretta tad-danni allegati ma jfissirx li l-imsemmija danni seħħew. Wieħed jista' jasal għal tali konklużjoni, jekk ikun il-każ, separatament għal kull wieħed miż-żewġ danni invokati, biss wara li jiġi evalwat l-impatt effettiv li seta' kellhom il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li jidhru fir-rapport, minn naħa, fuq is-sitwazzjoni professjonali tar-rikorrent u, min-naħa l-oħra, fuq is-sitwazzjoni personali tiegħu.

144   Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ l-irregolaritajiet l-oħra li jinvoka r-rikorrent, li jikkonċernaw, l-ewwel nett, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-OLAF li tneħħi lis-Sur P. mill-investigazzjoni, it-tieni nett, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipji tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ l-amministrazzjoni tajba, relatati mas-smigħ tiegħu mill-OLAF u għall-komunikazzjoni tar-rapport qabel ma jiġi adottat, u t-tielet nett, il-kompetenza sabiex jiġu mfassla u adottati r-rapporti ta’ l-OLAF fi ħdan l-OLAF, għandu jiġi kkonstatat li huma ma setgħux, fi kwalunkwe każ, jikkawżaw minnhom infushom, dannu lir-rikorrent distint minn dak li jirriżulta mill-kontenut ta’ l-istess rapport.

–       Fuq id-dannu tar-rikorrent

145   Żewġ tipi ta’ danni jirriżultaw, għar-rikorrent, mill-aġir ħażin ta’ l-OLAF, jiġifieri dannu materjali, li jeffettwa l-prosegwiment tal-karriera tiegħu, u dannu morali, marbut ma’ l-akkużi miġjuba kontrih.

146   L-ewwel nett, fir-rigward tad-dannu li jeffettwa l-karriera tar-rikorrent, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-persuna kkonċernata, il-kandidatura tiegħu għal impjieg ta’ direttur ma ġietx milqugħa meta huwa kien okkupa din il-kariga b'mod temporanju u b'hekk kien wera li kien jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan l-impjieg.

147   Jirriżulta mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-partijiet bħala risposti għad-domnadi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, msemmija fil-punt 33 hawn fuq, li s-Sur Camós Grau kien ikkandida ruħu għal impjieg ta’ direttur mad-Direttorat A “L-Estonja, Il-Latvja, Il-Litwanja, Il-Polonja” tad-DĠ “Tkabbir” fejn, peress li kien l-iktar uffiċjal anzjan fl-iżjed grad għoli, kien okkupa l-kariga temporanjament bejn ix-xahar ta’ Diċembru 2002 u l-1 ta’ April 2003, data li fiha ġie msejjaħ sabiex jaqdi funzjonijiet oħra. Il-proċedura ta’ ħatra, li bdiet bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta' pożizzjoni battala magħmul fl-4 ta’ Marzu 2003, ipproċediet, konformi mal-prattika tas-soltu ta’ l-istituzzjoni, abbażi ta’ kriterji li għandhom x'jaqsmu mal-kompetenzi u mal-bżonnijiet partikolari ta’ l-impjieg ikkonċernat. Bord kompost minn erba’ diretturi, tlieta mid-DĠ “Tkabbir” u wieħed mid-DĠ “Agrikoltura”, għamlu pre-selezzjoni, u f’dan is-stadju ntgħażlu tmien persuni. Il-kandidat li fl-aħħar kien intgħażel ġie nnominat b’deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2003.

148   Fir-rigward ta’ l-impatt sfavorevoli li l-konklużjonijiet ta’ l-OLAF seta' kellhom fuq il-kandidatura tar-rikorrent, dan fakkar iċ-ċirkustanzi tal-kronoloġija tal-fatti li juru li r-rapport ta’ l-OLAF seta' kellu influwenza fuq iċ-ċaħda tal-kandidatura tiegħu.

149   Madankollu, anki jekk mhuwiex ikkontestat li r-rapport ta’ l-IDOC ġie mgħoddi lill-Kummissjoni fit-2 ta’ Lulju 2003, jiġifieri kważi fit-tmiem tal-proċedura miftuħa sabiex jimtela l-impjieg ikkonċernat, u li d-deċiżjoni ta’ l-AIPN li tagħlaq il-każ mingħajr ma tittieħed azzjoni ma saritx ħlief fit-2 ta’ Settembru 2003 meta l-impjieg kien imtela', dawn l-indikazzjonijiet kronoloġiċi ma jistgħux jikkostitwixxu indizji serji ta’ rabta bejn ir-rapport ta’ l-OLAF u d-deċiżjoni ta’ l-AIPN li tiċħad il-kandidatura tas-Sur Camós Grau, fin-nuqqas ta’ elementi oħra li jippermettu li wieħed jaħseb li f’ċirkustanzi oħrajn il-kandidatura tiegħu setgħet tiġi ppreferuta mill-AIPN, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, għal dik ta' persuna ggradwata.

150   Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent ma kienx stabbilixxa li l-kandidatura tiegħu ma ġietx aċċettata minħabba l-akkużi miġjuba kontrih fir-rapport ta’ l-OLAF.

151   Mil-lat iżjed ġenerali, hemm lok li jiġi nnotat li l-ebda dannu lill-karriera ma jista' jiġi imputat direttament lill-kontenut tar-rapport ta’ l-OLAF inkwantu, kif intqal fil-punti 51 sa 53 iktar 'il fuq, dan ir-rapport, ġaladarba tittieħed id-deċiżjoni li ma tieħux azzjoni dixxiplinarja fil-konfront tiegħu, ma jistax iservi bħala bażi għal kwalunkwe miżura li teffettwa l-karriera tal-persuna kkonċernata.

152   F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat espressament waqt is-seduta li, meta, fuq il-bażi ta’ rapport ta’ l-OLAF, hija tiddeċiedi li ma tiftaħx proċedimenti dixxiplinarji, dan ir-rapport ma jistax jipproduċi iżjed effetti. Barra minn hekk, fl-ittra tagħha tat-23 ta’ Settembru 2005 imsemmija fil-punt 35 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni ppreċiżat li “l-ebda rapport ta’ l-OLAF ma ġie inkluż fil-fajl personali tar-rikorrent” u li “l-parti H tal-fajl personali tar-rikorrent, li jitratta l-kwistjonijiet dixxiplinari, għadha vojta, peress li l-persuna kkonċernata għażlet li ma teżerċitax id-dritt tagħha, filwaqt li kienet ġiet infurmata bih, li titlob li jiġi inkluż fil-fajl personali tagħha, l-informazzjoni li tgħid li, wara l-investigazzjoni amministrattiva addizzjonali, l-AIPN kienet iddeċidiet li tagħlaq dan il-każ mingħajr ma tieħu azzjoni dixxiplinarja”.

153   Il-konvenuta żżid li l-prattika aċċettata tagħha hi li ma tinkludix fil-fajl personali r-rapporti ta’ l-OLAF li jirrigwardaw l-uffiċjali, billi tali rapporti mhumiex ikkunsidrati bħala li jaqgħu taħt l-Artikolu 26(a) tar-Regolamenti tal-Persunal [din id-dispożizzjoni ssemmi r-rapporti li jikkonċernaw il-kompetenza, ir-rendiment jew l-imġiba ta’ l-uffiċjal]. Il-Kummissjoni tindika wkoll li “[i]l-fajl personali ma jirċievi l-ebda dokumenti dixxiplinarji jew preparatorji għal proċedimenti dixxiplinarji eventwali ħlief fil-każ ta’ sanzjonijiet jew ta’ twissijiet skond l-Artikolu 3(b) ta’ l-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal”. Hawnhekk għandu jiġi osservat li l-konvenuta tirreferi għad-dispożizzjonijiet fir-Regolamenti tal-Persunal fil-verżjoni li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, li permezz tagħha d-dispożizzjoni msemmija hawn fuq ġiet emendata, u li l-Artikolu 3(b), ta’ l-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jgħid li: “Fuq il-bażi tar-rapport ta’ l-investigazzjoni, wara li tavża l-uffiċjal ikkonċernat bl-evidenza kollha fil-fajls u wara li tisma' l-uffiċjal ikkonċernat, l-Awtorità tal-Ħatra tista': […] b) tiddeċiedi, anki jekk hemm jew jidher li kien hemm nuqqas biex jitħarsu l-obbligi, li l-ebda miżura dixxiplinarja m'hi se tittieħed u, jekk ikun il-każ, tindirizza twissija lill-uffiċjal […]”.

154   Jirriżulta minn dawn l-indikazzjonijiet li r-rapport ta’ l-OLAF ma jidhirx fil-fajl personali tas-Sur Camós Grau, li ma għandu l-ebda riferenza fir-rigward tal-każ li jirrigwarda l-IRELA, b’mod partikolari ma għandu l-ebda riferenza għall-egħluq ta’ dan il-każ mingħajr ma ttieħdet azzjoni dixxiplinarja, deċiża wara l-ħruġ tar-rapport addizzjonali ta’ l-IDOC. Fl-aħħar, fis-seduta, il-konvenuta temmet is-sottomissjonijiet orali tagħha billi ppreċiżat li “wara li l-każ ingħalaq mingħajr ma mbagħad inbdew proċeduri kriminali u dixxiplinari, deċiżjoni li ttieħdet abbażi ta’ rapport [ta’ l-OLAF], il-Kummissjoni ma tistax, skond il-liġi, tuża dan ir-rapport mod ieħor jew f’kuntest ieħor kontra l-uffiċjal ikkonċernat u li l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza jeżiġi li l-AIPN ma tistax tuża dan ir-rapport b’mod negattiv [fir-rigward ta’ l-imsemmi uffiċjal]”.

155   Jirriżulta minn dak li jippreċedi li l-allegat dannu lill-karrierra ma ġiex ippruvat.

156   It-tieni nett, fir-rigward ta' l-allegat dannu morali, għandu jiġi evalwat jekk, bħal ma jsostni r-rikorrent, l-illegalitajiet bi ħtija magħmula mill-OLAF għamlux ħsara lit-trankwillità tiegħu, lill-unur tiegħu u lir-reputazzjoni professjonali tiegħu, meta jitqiesu, b’mod partikolari, il-gravità tal-ħtijiet li l-OLAF akkuża lill-persuna kkonċernata li kkommettiet, id-dewmien tal-proċedura u l-pubbliċità mogħtija fl-Istampa liċ-ċirkustanzi tal-każ. Hemm lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni f’dan ir-rigward l-argumenti tar-rikorrent li jenfasizzaw, minn naħa, li l-OLAF akkużatu kważi esklużivament u talbet għall-imputabbiltà tar-responsabbiltajiet kriminali u dixxiplinarji tiegħu u, min-naħa l-oħra, li, minħabba l-akkużi magħmula kontrih, huwa baqa' taħt it-theddida ta’ sanzjoni dixxiplinarja, għall-inqas sal-ħruġ tar-rapport ta’ l-IDOC u sa l-għeluq tal-każ mingħajr ma ttieħdet azzjoni ulterjuri.

157   Huwa ċar li l-akkużi magħmula mill-OLAF fir-rapport kontenzjuż kontra s-Sur Camós Grau, li kienu jimputaw lilu, kif ukoll lil żewġ uffiċjali oħra tal-Kummissjoni li pparteċipaw fit-tmexxija ta’ l-IRELA, ir-responsabbiltà prinċipali għat-twettiq u t-tħaddim ta’ sistema ppermettiet li jkun hemm marġini ta’ benefiċċju b’mod irregolari, billi jaffermaw b’mod partikolari li dawn il-fatti li għandhom jiġu kkundannati seħħew b'konoxxenza sħiħa ta’ l-irregolaritajiet u li l-uffiċjali sservew bil-pożizzjoni tagħhom fi ħdan il-Kummissjoni, jikkostitwixxu akkużi partikolarment gravi, li huma ta' ħsara daqs il-gravità ta’ l-aġir ikkritikat għall-unur u r-reputazzjoni professjonali ta’ uffiċjal, a fortiori minħabba l-grad tar-rikorrent.

158   B’mod partikolari, minħabba l-pożizzjoni li ttieħdet fil-proċedimenti li tmexxew mill-OLAF li volontarjament neħħiet id-DĠ “Kontroll tal-Finanzi” mill-isfera ta’ l-investigazzjonijiet tagħha, ir-responsabbiltà kollha imputabbli lill-Kummissjoni kkonċentrat ruħha fuq id-Direttorat kompetenti għall-Amerika Latina u, iżjed preċiżament, fuq it-tliet uffiċjali ta’ dan id-Direttorat li pparteċipaw fit-tmexxija ta’ l-IRELA. Fuq kollox, peress li ż-żewġ uffiċjali l-oħra li ġew akkużati mar-rikorrent ma kinux jaħdmu iżjed mal-Kummissjoni, iżda kienu bil-leave minħabba raġunijiet personali meta r-rapport ħareġ, is-Sur Camós Grau sab ruħu, fil-fatt, bħala l-unika persuna responsabbli msemmija fir-rapport tas-17 ta’ Ottubru 2002 li baqgħet taħdem fi ħdan l-istituzzjoni li kellha tiddefendi ruħha mill-akkużi ta’ l-OLAF filwaqt li huwa kien qed ikompli bil-karriera tiegħu ġewwa din l-istess istituzzjoni. Dawn iċ-ċirkustanzi aggravaw il-ħsara kkawżata lill-persuna kkonċernata.

159   Il-ħsara fil-kundizzjonijiet eżistenzjali tar-rikorrent ikkawżata mill-aġir ta’ l-OLAF, il-problemi tiegħu ma’ dan ta’ l-aħħar u t-theddida ta’ proċeduri ġudizzjarji u dixxiplinarji li rriżultat mill-konklużjonijiet tar-rapport effettwaw lill-persuna kkonċernata għal iżjed minn sena u nofs. Fil-fatt, is-Sur Camós Grau, li kien ġie avżat mill-OLAF bil-ftuħ ta’ investigazzjoni interna fit-30 ta’ Jannar 2001 u li nsetma' fit-22 ta’ Frar 2002, akkuża, mit-22 ta’ Frar 2002, lill-investigatur li fir-rigward tiegħu huwa ssuspetta li kien hemm kunflitt ta’ interessi u pprova jikseb, permezz ta’ l-interventi suċċessivi tiegħu quddiem l-OLAF, li l-oġġettività u l-imparzjalità ta’ l-investigazzjoni, li l-orjentazzjoni diskriminatorja tagħha kienet diġà tirriżulta mir-rapport intermedjarju tax-xahar ta’ Diċembru 2000, jerġgħu jiġu stabbiliti sabiex ir-rapport finali jiġi konsegwentement korrett. Minnbarra li dawn it-tentattiv li ma rendew xejn, ir-rikorrent sab ruħu, mingħajr dubju mid-data meta ħareġ ir-rapport ta’ l-OLAF, fis-17 ta’ Ottubru 2002, taħt it-theddida, minn naħa, tal-ftuħ ta’ proċeduri kriminali mill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani u Spanjoli sakemm dawn l-awtoritajiet kienu ddeċidew, rispettivament fit-13 ta’ Frar u fl-10 ta’ Marzu 2003, li jagħlqu l-każ mingħajr ma jieħdu azzjoni ulterjuri, u, min-naħa l-oħra, li jinfetħu proċedimenti dixxiplinarji mill-AIPN sabiex jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet ta’ l-OLAF, sakemm il-Kummissjoni ddeċidiet, bħalma kienu għamlu l-awtoritajiet ġudizzjarji, li tagħlaq il-każ mingħajr ma tieħu azzjoni ulterjuri, fit-2 ta’ Settembru 2003.

160   Il-ħsara lill-unur tas-Sur Camós Grau ġiet aggravata mill-pubbliċità esterna li rċieva r-rapport ta’ l-OLAF, kif jindika l-punt 20 iktar 'il fuq. Fil-fatt, ir-rapport kontenzjuż, għalkemm jikkostitwixxi dokument intern u għalhekk il-komunkiazzjoni tiegħu kellu jkun limitat biss għad-destinatarji koperti mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1073/1999, ġie mxerred barra minn dan iċ-ċirku ristrett u l-konklużjonijiet tiegħu ġew ikkummentati fl-Istampa, billi l-gazzetta Spanjola El País kienet irrapportat l-akkuża tas-Sur Camós Grau b'ismu f’artiklu li deher fl-edizzjoni tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2002.

161   Min-naħa l-oħra, mhemmx lok li jiġi ammess bħala pprovat, b'konnessjoni ma’ l-illegalità kkonstatata, id-dannu allegat li għandu x'jaqsam ma’ l-idea li r-rikorrent ma kienx skaġunat mill-akkużi miġjuba kontrih, għadu mhuwiex protett mit-theddida li titkompla xi investigazzjoni kumplimentari li tista' tiġi deċiża fil-futur jew għadu msemmi f'rapport li jinsab fl-arkivji ta’ l-awtoritajiet u tad-dipartimenti destinatarji.

162   Jirriżulta madankollu minn dak li jippreċedi li d-dannu morali tas-Sur Camós Grau, li, minħabba l-akkużi li saru, il-konklużjonijet u r-rakkomandazzjonijiet magħmula kontrih mill-OLAF, huwa bata dannu għall-unur u għar-reputazzjoni professjonali tiegħu u bata fil-kundizzjonijiet eżistenzjali tiegħu, ġie stabbilit.

163   Ir-rikorrent jevalwa provviżorjament id-dannu morali tiegħu għas-somma ta’ 10 000 EUR. Il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda osservazzjoni fir-rigward ta’ l-ammont mitlub.

164   Fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, id-dannu subit mir-rikorrent minħabba r-rapport ta’ l-OLAF mhuwiex inferjuri għall-ammont mitlub. Konsegwentement hemm lok li t-talba għal ħlas ta’ danni magħmula mis-Sur Camós Grau tintlaqa' kollha kemm hi u li l-Kummissjoni tiġi ordnata tħallsu s-somma ta’ 10 000 EUR bħala kumpens għad-danni morali li bata.

–       Fuq it-talba għal ħlas ta’ indennizz għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent għad-difiża tiegħu fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva

165   Is-Sur Camós Grau jitlob ukoll lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tordna lill-Kummissjoni tħallsu lura l-ispejjeż li sostna fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni u ta’ l-ilmenti amministrattivi tiegħu diretti kontra d-deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2002 u r-rapport ta’ l-OLAF tas-17 ta’ Ottubru 2002.

166   Madankollu, għandu jiġi rrilevat li din it-talba ma tinkludix ammont ta' flus u li r-rikorrent ma stabbilixxiex, u lanqas ma allega, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw l-ommissjoni milli jingħata ammont, fir-rikors, in likwidazzjoni tad-dannu. Għaldaqstant, it-talba għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu materjali in kwistjoni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 44(1), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u għandha tiġi konsegwentement miċħuda bħala inammissibbli (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il-Parlament Ewropew, C-150/03 P, Ġabra p. I-8691, punt 62).

 Fuq l-ispejjeż

167   Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura: “[j]ekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.”

168   Fiċ-ċirkustanzi ta' din il-kawża, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż kollha ta’ l-istanza.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kummissjoni hija ordnata tħallas is-somma ta’ 10 000 EUR lis-Sur Camós Grau.

2)      Il-bqija tat-talbiet huma miċħuda.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż ta' l-istanza.

Legal

Lindh

Mengozzi

Wiszniewska-Białecka

 

       Vadapalas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ April 2006.

E. Coulon

 

      H. Legal

Reġistratur

 

      President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku tal-kawża

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2002 u tad-Deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2002

Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2003 li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrent kontra r-rapport ta’ l-OLAF fl-4 ta’ Frar 2003

Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tar-rapport ta’ l-OLAF tas-17 ta’ Ottubru 2002

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-talbiet intiżi għall-kumpens għad-danni allegati

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– Fir-rigward ta’ l-obbligu li l-ilment isir minn qabel

– Fir-rigward tar-rabta bejn it-talba għall-ħlas ta’ danni u t-talba għall-annullament

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– Fuq il-kundizzjonijiet biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità

– Fuq ir-regoli ta’ dritt li l-ksur tagħhom huwa allegata

– Fuq l-aġir ta’ l-OLAF fit-tmexxija ta’ l-investigazzjoni u t-tfassil tar-rapport dwar l-IRELA

– Fuq ir-rabta ta’ kawżalitŕ fejn l-iżball ta' l-OLAF u d-danni allegati mir-rikorrent

– Fuq id-dannu tar-rikorrent

– Fuq it-talba għal ħlas ta’ indennizz għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent għad-difiża tiegħu fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.