Language of document : ECLI:EU:T:2006:84

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

15 ta' Marzu 2006(*)

"Trade mark Komunitarja – Trade mark tridimensjonali – Forma ta' flixkun tal-plastik – Rifjut ta' reġistrazzjoni – Raġuni assoluta ta' rifjut – Nuqqas ta' karattru distintiv – Trade mark nazzjonali preċedenti – Konvenzjoni ta' Pariġi – Ftehim TRIPS – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-129/04,

Develey Holding GmbH & Co. Beteiligungs KG, stabbilita f'Unterhaching (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. Kunz-Hallstein u H. Kunz-Hallstein, Avukati,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut

li għandha bħala suġġett rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ta' l-20 ta' Jannar 2004 (kawża R 367/2003-2), li tirrifjuta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trademark Komunitarja ta' sinjal tridimensjonali li kien ippreżentat fil-forma ta' flixkun,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, A.W.H. Meij u I. Pelikánová, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-1 ta' April 2004,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-28 ta' Lulju 2004,

wara li rat il-mistoqsijiet bil-mitkub tal-Qorti tal-Prim'Istanza lill-partijiet tat-23 ta' Mejju 2005,

u wara s-seduta tat-12 ta' Lulju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fl-14 ta' Frar 2002, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal trademark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat, filwaqt li rivendikat il-prijorità ta' applikazzjoni inizjali ppreżentata fil-Ġermanja fis-16 ta' Awwissu 2001.

2       L-applikazzjoni kienet tikkonċerna r-reġistrazzjoni ta' sinjal tridimensjonali li ġie ppreżentat fil-forma ta' flixkun u riprodott hawn taħt (iktar 'il quddiem it-"trade mark mitluba"):

Image not foundImage not found

3       Il-prodotti li għalihom kienet ġiet mitluba r-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 29, 30 u 32 tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–       klassi 29: "Bżar, kunserva, ħalib u prodotti tal-ħalib, yoghurt, krema friska, żjut u xaħmijiet li jittieklu";

–        klassi 30: "ħwawar, taħwir ta' l-ikel, mustarda, prodotti tal-mustarda; majoneż, prodotti tal-majoneż; ħall, prodotti tal-ħall; xorb magħmul bil-ħall; remoulades; zalza pikkanti, aromi u essenzi għall-użu fl-ikel; aċidu ċitriku, aċidu tat-tuffieħ, aċidu tartariku għal użu fl-aromi għall-preparazzjoni ta' l-ikel; horseradish ippreparat; ketchup u preparazzjonijiet tal-ketchup, mili tal-frott, zlazi għall-insalata; kremi għall-insalata";

–       klassi 32: Xorb magħmul mill-frott u meraq tal-frott; xiropp u preparazzjonijiet oħra għax-xorb".

4       B'deċiżjoni ta' l-1 ta' April 2003, l-eżaminatur irrifjuta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. L-eżaminatur kkonkluda li, minn naħa, l-UASI ma kienx marbut mir-reġistrazzjonijiet nazzjonali preċedenti u, min-naħa l-oħra, il-forma tat-trade mark mitluba ma kienet tippreżenta ebda element partikolarment u faċilment identifikabbli li kien jipperttilha li tiġi distinta mill-forom komuni disponibbli fuq is-suq u li jikkonferixxilha funzjoni li tindika l-oriġini kummerċjali.

5       Ir-rikors imressaq mir-rikorrenti, li kien ibbażat b'mod partikolari fuq il-karattru mhux tas-soltu u partikolari tal-flixkun in kwistjoni, kien ġie miċħud mit-Tieni Bord ta' l-Appell permezz tad-deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 2004 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). Il-Bord ta' l-Appell qabel ma' l-argument ta' l-eżaminatur. Huwa żied jgħid li, fir-rigward ta' trade mark magħmula mill-forma ta' l-ippakkjar, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat ma kienx neċessarjament l-istess bħal fil-każ ta' trade mark verbali, figurattiva jew tridimensjonali indipendenti mill-aspett tal-prodott li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumatur finali kkonċernat normalment jagħti aktar attenzjoni għat-tikketta fuq il-flixkun milli għall-forma biss tar-reċipjent għeri u mingħajr kulur.

6       Il-Bord ta' l-Appell osserva li t-trade mark mitluba ma kienet tippreżenta ebda karatteristika addizzjonali li kienet tagħtiha l-kapaċità li tiġi distinta b'mod ċar mill-forom komuni disponsibbli u li tibqa' fil-memorja tal-konsumatur bħala indikazzjoni ta' l-oriġini. Fil-fatt, hija kkunsidrat li l-kunċett partikolari invokat mir-rikorrenti jidher biss wara eżami analitiku fil-fond, li l-konsumatur medju kkonċernat ma jagħmilx.

7       Fl-aħħarnett il-Bord ta' l-Appell osserva li r-rikorrenti ma setgħetx tinqeda mir-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba fir-reġistru tat-trade marks Ġermaniż, minħabba li tali reġistrazzjoni nazzjonali, anki jekk tiġi tista tiġi kkunsidrata, mhijiex madankollu waħda deċiżiva. Minbarra dan, skond il-Bord ta' l-Appell, id-dokumenti ta' reġistrazzjoni ppreżentati mir-rikorrnenti ma jippreċiżawx ir-raġunijiet li fuq il-bażi tagħhom ir-reġistrazzjoni tas-sinjal in kwistjoni kienet ġiet aċċettata.

 It-talbiet tal-partijiet

8       Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tordna li l-UASI jbati l-ispejjeż.

9       L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

10     Ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-provi mill-UASI, li jikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 (l-ewwel motiv), fuq il-ksur tal-punt A(1) ta' l-Artikolu 6d tal-Konvenzjoni ta' Pariġi għall-Protezzjoni tal-Propjetà Industrijali, ta' l-20 ta' Marzu 1883, riveduta l-aħħar f'Stokkolma fl-14 ta' Lulju 1967 u emendata fit-28 ta' Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tal-Ġnus Magħquda, Vol. 828, Nru 11847, p. 108, iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' Pariġi"), minħabba li l-UASI kien ċaħad il-protezzjoni tar-reġistrazzjoni nazzjonali preċedenti (it-tieni motiv), fuq il-ksur ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, ta' l-Artikolu 6d tal-Konvenzjoni ta' Pariġi u ta' l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim dwar Aspetti tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ, inkluż il-kummerċ tal-merkanzija kontrafatta, tal-15 ta' April 1994 (iktar 'il quddiem il-"Ftehim TRIPS"), minħabba li l-UASI ma kienx eżamina biżżejjed ir-reġistrazzjoni nazzjonali preċedenti (it-tielet motiv) u fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 minħabba li l-UASI m'għarafx il-karattru distintiv tat-trade mark mitlub u l-fatt li l-karatteristiċi ta' din ta' l-aħħar m'għandhom ebda funzjoni teknika (ir-raba' motiv).

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

11     Ir-rikorrenti tqis li l-Bord ta' l-Appell naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jagħti prova tan-nuqqas ta' karattru distintiv skond ir-Regolament Nru 40/94, meta huwa osserva li l-forma in kwistjoni kienet ipperċepita bħala dik ta' flixkun komuni u mhux bħala indikatur ta' l-oriġini kummerċjali, mingħajr ma sostna l-konklużjoni tiegħu permezz ta' eżempji konkreti. Ir-rikorrenti ssostni li huwa obbligu tal-UASI, li għandu jeżamina ex officio l-fatti fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-eżistenza ta' raġunijiet assoluti ta' rifjut, li jistabbilixxi n-nuqqas ta' karattru distintiv. Huwa biss meta l-UASI jipprovdi prova tan-nuqqas ta' karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark mitlub li l-applikant jista' sussegwentement jistabbilixxi li karattru distintiv ġie miksub permezz ta' l-użu.

12     Waqt is-seduta, ir-rikorrenti żiedet tgħid li l-fatt li l-oneru tal-prova jaqa' fuq l-UASI jirriżulta wkoll mill-Artikolu 6d tal-Konvenzjoni ta' Pariġi. Skond ir-rikorrenti, dan l-aħħar Artikolu fil-fatt jistipula li l-protezzjoni ta' trade mark reġistrata fi Stat firmatarju tal-Konvenzjoni ta' Pariġi għandha tkun ir-regola, u r-rifjut ta' protezzjoni huwa eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b'mod ristrett.

13     L-UASI jikkontesta l-argument tar-rikorrenti billi josserva li l-eżami ex officio tal-fatti ma jikkonċernax l-oneru tal-prova. Huwa jżid jgħid li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala obbligat li jġib prova negattiva, jiġifieri dik tan-nuqqas ta' karattru distintiv. Fl-aħħarnett, filwaqt li jirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, l-UASI jindika li hu huwa soġġett biss, fir-rigward tan-nuqqas ta' karattru distintiv, għall-obbligu li jagħti raġuni. Bl-istess mod, l-UASI jqis li jirriżulta mill-ġurisprudenza li huwa jista' jistrieħ fuq informazzjoni ġenerali bbażata fuq l-esperjenza, bħal ma kien il-każ fil-każ in eżami, u li huwa obbligu ta' l-applikant, jekk ikun il-każ, li jagħti indikazzjonijiet konkreti u sostanzjati dwar il-perċezzjoni tal-konsumaturi kkonċernati ta' ċerti sinjali bħala indikaturi ta' oriġini kummerċjali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

14     Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li r-riferenza għall-Konvenzjoni ta' Pariġi, magħmula mir-rikorrenti matul is-seduta, mhijiex relevanti. Fil-fatt, l-Artikolu 6d ta' din il-Konvenzjoni, li jitratta dwar il-protezzjoni u r-reġistrazzjoni tat-trade marks iddepożitati fi Stat firmatarju ieħor tal-Konvenzjoni ta' Pariġi, ma fihx dispożizzjonijiet dwar it-tqassim ta' l-oneru tal-prova fil-proċeduri ta' reġistrazzjoni ta' trade marks Komunitarji.

15     Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-eżistenza ta' raġunijiet assoluti ta' rifjut previsti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94, ir-rwol tal-UASI huwa li jiddeċiedi, wara li jkun evalwa oġġettivament u imparzjalment iċ-ċirkostanzi tal-każ in eżami fir-rigward tar-regoli applikabbli tar-Regolament Nru 40/94 u ta' l-interpretazzjoni tagħhom effettwata mill-qorti Komunitarja, filwaqt li jippermetti lill-applikant li jsostni l-osservazzjonijiet tiegħu u li jsir jaf ir-raġunijiet tad-deċiżjoni adottata, jekk l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark taqax taħt waħda mir-raġunijiet assoluta ta' rifjut. Din id-deċiżjoni tirriżulta minn evalwazzjoni ġuridika li, min-natura tagħha stess, ma tistax tiġi soġġetta għal obbligu ta' prova, peress li l-bażi ta' din l-evalwazzjoni kienet, barra minn hekk, tista' tiġi kkontestata f'każ ta' rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza (ara punt 18 iktar 'il quddiem).

16     Skond l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, matul l-eżami tar-raġunijiet assoluti ta' rifjut, l-UASI għandu l-obbligu li jeżamina ex officio l-fatti rilevanti li jistgħu iwassluh sabiex japplika raġuni assoluta ta' rifjut.

17     Jekk l-UASI jikkonstata l-eżistenza ta' fatti li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta' raġuni assoluta ta' rifjut, huwa għandu l-obbligu li jinforma l-applikant b'dan u li jippermetti lil dan ta' l-aħħar li jirtira jew li jemenda l-applikazzjoni tiegħu jew li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, skond l-Artikolu 38(3) tar-Regolament imsemmi iktar 'il fuq.

18     Fl-aħħarnett, jekk ikun qed jikkunsidra li jiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark minħabba raġuni assoluta ta' rifjut, l-UASI għandu l-obbligu li jagħti raġuni għad-deċiżjoni tiegħu skond l-ewwel frażi ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament iċċitat iktar 'il fuq. Din ir-raġuni għandha l-għan doppju li tippermetti, minn naħa, lill-interessati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti Komunitarja tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' April 2004, Sunrider vs L-UASI – Vitakraft-Werke Wührmann u Friesland Brands (VITATASTE U METABALANCE 44), T-124/02 u T-156/02, Ġabra p. II-1149, punti 72 u 73, u l-ġurisprudenza ċċitata].

19     Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li, meta l-Bord ta' l-Appell jiddeċiedi fuq in-nuqqas ta' karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark mitluba, huwa jista' jibbaża l-analiżi tiegħu fuq fatti li jirriżultaw mill-esperjenza prattika ġeneralment miksuba mill-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti ta' konsum ġenerali; fatti li jistgħu jkunu magħrufa minn kulħadd u li huma b'mod partikolari magħrufa mill-konsumaturi ta' dawn il-prodotti [ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Ġunju 2004, Ruiz-Picassi et vs L-UASI – DaimlerChrysler (PICARO), T-185/02, Ġabra p. II-1739, punt 29]. F'każ bħal dan, il-Bord ta' l-Appell mhuwiex obbligat li jippreżenta eżempji ta' esperjenza prattika bħal din.

20     Il-Bord ta' l-Appell ibbaża ruħu fuq din l-esperjenza miksuba meta huwa kkonstata, fil-punt 52 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konsumatur ġenerali jipperċepixxi t-trade mark mitluba bħala forma ta' flixkun komuni intiż sabiex fih ikun hemm xorb, kondimenti u ikel likwidu, u mhux bħala t-trade mark ta' manifattur partikolari.

21     Peress illi r-rikorrenti tinvoka l-karattru distintiv tat-trade mark mitluba, minkejja l-analiżi tal-Bord ta' l-Appell ibbażata fuq l-esperjenza msemmija iktar 'il fuq, huwa obbligu tagħha li tipprovdi indikazzjonijiet konkreti u sostanzjati li jistgħu jistabbilixxu li t-trade mark mitluba għandha jew karattru distintiv intrinsiku, jew karattru distintiv miksub permezz ta' l-użu, minħabba li hija tinsab fl-aħjar pożizzjoni li tagħmel dan, minħabba l-konoxxenza ddettaljata tagħha tas-suq [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 2003, Unilever vs Il--UASI (pillola ovali) T-194/01, Ġabra p. II-383, punt 48].

22     Min dan isegwi li r-rikorrenti hija żbaljata meta ssostni li, billi ma pprovdiex tali indikazzjonijiet, il-Bord ta' l-Appell kiser l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-punt A(1) ta' l-Artikolu 6d tal-Konvenzjoni ta' Pariġi

 L-argumenti tal-partijiet

23     Ir-rikorrenti ssostni li, billi ddeċieda li t-trade mark mitluba ma kellhiex karattru distintiv fuq it-territorju tal-Komunità, l-UASI effettivament ikkunsidra bħala invalida, u għalhekk ippriva mill-protezzjoni fuq it-territorju Ġermaniż, it-trade mark Ġermaniża preċedenti li tipproteġi l-istess sinjal, reġistrata mid-Deutsches Patent- und Markenamt (Uffiċċju tal-privattivi u tat-trade marks Ġermaniż). Ir-rikorrenti ssostni li din l-imġieba tal-UASI tikkostitwixxi ksur tal-punt A(1) ta' l-Artikolu 6d tal-Konvenjoni ta' Pariġi li jipprojbixxi lill-UASI li jiddikjara li t-trade mark ma tistax tiġi protetta fuq it-territorju ta' l-Istat firmatarju tal-Konvenjoni ta' Pariġi li fih hija kienet ġiet reġistrata.

24     L-UASI jsostni li l-punt A(1) ta' l-Artikolu 6d tal-Konvenzjoni ta' Pariġi jistipula li t-trade mark reġistrata fil-pajjiż ta' oriġini hija protetta barra mill-pajjiż tale quale, jiġifieri kif kienet ġiet reġistrata, salv ir-riżervi indikati fl-istess Artikolu. Il-punt B(ii) ta' l-Artikolu 6d jipprovdi espressament rifjut ta' reġistrazzjoni f'każ ta' nuqqas ta' karattru distintiv. Dan iżid jgħid li r-rifjut ta' reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja ma jwassalx għall-annullament ta' reġistrazzjoni nazzjonali li tipproteġi l-istess sinjal.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

25     Jekk wieħed jissupponi li l-UASI għandu l-obbligu li jirrispetta l-Artikolu 6d tal-Konvenzjoni ta' Pariġi, fl-ewwel lok għandu jiġi osservat li r-rikorrenti titlaq minn premessa żbaljata meta hija tafferma li l-UASI ddikjara bħala invalida reġistrazzjoni eżistenti fi Stat firmatarju tal-Konvenzjoni ta' Pariġi. Fil-fatt, skond il-ħames premessa tar-Regolament Nru 40/94, il-liġi Komunitarja tat-trade marks ma tissostitwixxix l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar trade marks. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba bħala trade mark Komunitarja kienet ġiet miċħuda, ma taffettwa la l-validità u lanqas il-protezzjoni fuq it-territorju Ġermaniż tar-reġistrazzjoni nazzjonali preċedenti. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għall-affermazzjonijet tar-rikorrenti, l-UASI ma pprivax ir-reġistrazzjoni nazzjonali preċedenti mill-protezzjoni fuq it-territorju Ġermaniż meta adotta d-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant, minħabba dan il-fatt, ma kisirx l-Artikolu 6d tal-Konvenzjoni ta' Pariġi.

26     Fit-tieni lok, safejn, permezz ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-UASI ma kienx aċċetta r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba skond il-punt A(1) ta' l-Artikolu 6d tal-Konvenzjoni ta' Pariġi, għandu jiġi osservat, kif indika l-UASI, li l-punt B(ii) ta' dan l-istess Artikolu jipprevedi l-possibbiltà li tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni meta t-trade mark mitluba hija nieqsa minn karattru distintiv. Minn dan isegwi li l-UASI ma kisirx il-punt A(1) ta' l-Artikolu 6d tal-Konvenzjoni ta' Pariġi minħabba s-sempliċi fatt li rrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba billi applika r-raġuni assoluta ta' rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, li jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta' sinjali li huma nieqsa minn karattru distintiv. Peress illi l-bażi għall-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell dwar in-nuqqas ta' karattru distintiv tat-trade mark mitluba huwa s-suġġett tar-raba' motiv, m'hemmx għalfejn li jiġi eżaminat fil-kuntest ta' dan il-motiv.

27     Minn dan isegwi li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, ta' l-Artikolu 6d tal-Konvenzjoni ta' Pariġi u ta' l-Artikolu 2 tal-Ftehim TRIPS.

 L-argumenti tal-partijiet

28     Ir-rikorrenti tqis li l-UASI ma eżaminax biżżejjed ir-reġistrazzjoni li kienet ġiet effettwata preċedentement mid-Deutsches Patent- und Markenamt, rigward sinjal identiku għal dak kopert mit-trade mark mitluba. Skond din, it-trade mark Komunitarja u r-reġistrazzjonijiet nazzjonali huma marbuta minħabba l-possibbiltà li tiġi allegata l-preċedenza ta' dawn ta' l-aħħar. Minn dan, ir-rikorrenti tikkonkludi li l-UASI għandu jikkunsidra r-reġistrazzjonijiet nazzjonali preċedenti. Sussidjarjament hija tqis li jirriżulta mill-konkordanza tal-bażi ġuridika kkostitwita mill-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Isati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), u mir-Regolament Nru 40/94 li l-UASI u l-amministrazzjoni nazzjonali kkonċernata għandhom japplikaw l-istess kriterji previsti minn dawn iż-żewġ dokumenti, u li l-UASI konsegwentement, għandu jispjega għalfejn huwa japplika dawn il-kriterji b'mod differenti mill-amministrazzjoni nazzjonali; dan l-obbligu jirriżulta mir-Regolament Nru 40/94, mill-Konvenzjoni ta' Pariġi kif ukoll mill-Ftehim TRIPS.

29     L-UASI jsostni li r-referenzi għall-Konvenzjoni ta' Pariġi u għall-Ftehim TRIPS mhumiex relevanti, minħabba li dawn id-dokumenti ma jikkonċernawx l-obbligu ta' motivazzjoni. Sussegwentement, huwa josserva li l-motivazzjoni ta' deċiżjoni għandha tesprimi b'mod ċar u b'mod mhux ekwivoku l-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-awtorità kompetenti. Skond l-UASI, id-deċiżjoni kkonstestata rrispettat dawn ir-rekwiżiti, minħabba li l-Bord ta' l-Appell osserva li r-reġistrazzjoni nazzjonali preċedenti ma kinitx ta' natura vinkolanti għas-sistema tat-trade marks Komunitarji.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

30     L-ewwelnett, m'għandhiex tittieħed in kunsiderazzjoni r-referenza għall-Konvenzjoni ta' Pariġi u għall-Ftehim TRIPS li saret mir-rikorrenti. Fil-fatt, b'mod differenti mir-Regolament Nru 40/94, dawn iż-żewġ Trattati ma jipprevedux l-obbligu ta' motivazzjoni għad-deċiżjonijiet u għaldaqstant mhumiex rilevanti fil-kuntest ta' dan il-motiv.

31     Għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li s-sid ta' trade mark nazzjonali jista' jinvoka l-anzjanità tagħha fir-rigward ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni Komunitarja jew għal trade mark Komunitarja li għandha l-istess sinjal u għal prodotti jew servizzi identiċi. Huwa veru li, kif ir-rikorrenti esponiet, skond l-Artikolu 34 u 35 tar-Regolament Nru 40/94, fil-każ li sid ta' trade mark Komunitarja li jkun invoka l-anzjanità ta' trade mark nazzjonali preċedenti li hija identika, iċedi t-trade mark preċedenti jew iħalliha tiskadi, huwa jitqies li jkompli jgawdi mill-istess drittijiet li kien ikollu kieku t-trade mark preċedenti baqgħet reġistrata. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma setgħux ikollhom bħala għan jew bħala effett li jiggarantixxu lis-sid ta' trade mark nazzjonali r-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark Komunitarja, indipendentement mill-eżistenza ta' raġuni assoluta jew relattiva ta' rifjut.

32     Sussegwentement, għal dak li jikkonċerna l-allegat nuqqas ta' l-eżaminazzjoni tar-reġistrazzjoni preċedenti Ġermaniża, għandu jiġi osservat li s-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma, kkostitwita minn ġabra ta' regoli u ssegwi għanijiet li huma speċifiċi għaliha, u l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali. Konsegwentement, il-karattru reġistrabbli ta' sinjal bħala trade mark Komunitarju m'għandux jiġi evalwat ħlief fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti, b'mod li l-UASI u, skond il-każ, il-qorti Komunitarja mhumiex marbuta minn deċiżjoni li ttieħdet f'Stat Membru li aċċetta l-karattru reġistrabbli ta' dan l-istess sinjali bħala trade mark nazzjonali. Dan huwa l-każ anki jekk tali deċiżjoni ittieħdet skond leġiżlazzjoni nazzjonali armonizzata skond id-Direttiva 89/104 [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Streamserve vs L-UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra p. II-723, punt 47].

33     Madankollu, ir-reġistrazzjonijiet li diġà saru fl-Istati Membri jikkostitwixxu element li, mingħajr ma huwa determinanti, jista' jiġi kkunsidrat għall-finijiet tar-reġistrazzjoni, ta' trade mark Komunitarja [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Frar 2000, Proctor & Gamble vs L-UASI (Forma ta' sapuna), T-122/99, Ġabra p. II-265, punt 61; tal-31 ta' Jannar 2001, Sunrider vs L-UASI (VITALITE), T-24/00, Ġabra p. II-449, punt 33, u tad-19 ta' Settembru 2001, Henkel vs L-UASI (Pillola tonda ħamra u bajda), T-337/99, Ġabra p. II-2597, punt 58]. Għalhekk, dawn ir-reġistrazzjonijiet jistgħu joffru s-sostenn analitiku għall-evalwazzjoni ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-26 ta' Novembru 2003, HERON Robotunits vs L-UASI (ROBOTUNITS), T-222/02, Ġabra p. II-4995, punt 52)].

34     Għandu jiġi osservat li l-Bord ta' l-Appell, fil-punt 55 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstata dan li ġej:

"[…] ir-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba fir-reġistru Ġermaniż tat-trade marks […] m'għandu ebda effett vinkolanti għas-sistema Komunitarja tat-trade marks, li tikkostitwixxi ordni ġuridika awtonoma u indipendenti mis-sistemi nazzjonali tat-trade marks. Barra minn hekk, ir-reġistrazzjonijiet li jeżistu fl-Istati Membri jikkostitwixxu fatt li jista' biss jiġi kkunsidrat fil-kuntest tar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja, mingħajr ma jkun deċiżiv. Minbarra dan, id-dokumenti ta' reġistrazzjoni ppreżentati mill-applikant ma jindikawx għal liema raġunijiet ir-reġistrazzjoni tas-sinjal in kwistjoni kienet ġie aċċettata […]".

35     Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell debitament ikkunsidra l-eżistenza tar-reġistrazzjoni nazzjonali, mingħajr għaldaqstant ma seta' jeżamina r-raġunijiet preċiżi li kienu wasslu lid-Deutsches Patent- und Markenamt jaċċetta r-registrazzjoni tat-trade mark nazzjonali. Peress li huwa ma kienx jaf b'dawn ir-raġunijiet, dawn ma setgħux iservuh bħala sostenn għall-analiżi.

36     Fl-aħħarnett, għal dak li jikkonċerna l-obbligu ta' motivazzjoni, fejn il-portata tagħha kienet ġiet imfakkra fil-punt 18 iktar 'il fuq, għandu jiġi osservat li l-punt 55 tad-deċiżjoni kkontestata, iċċitata fil-punt 34 iktar 'il fuq, jispejga b'mod ċar u b'mod mhux ekwivoku r-raġunijiet li wasslu lill-Bord ta' l-Appell li ma jsegwix id-deċiżjoni tad-Deutsches Patent- und Markenamt. Għandu jingħad ukoll li din ir-raġuni ppermettiet, minn naħa, lir-rikorrenti li jsir jaf il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontesta sabiex jiddefendi d-drittjiet tiegħu, kif juru l-ilmenti ppreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni u t-tielet motivi ta' dan ir-rikors, u, min-naħa l-oħra, lill-Qorti tal-Prim'Istanza tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

37     Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

38     Ir-rikorrenti tqis li, fil-każ in eżami, li t-trade mark mitluba għandha l-livell minimu ta' karattru distintiv rekwiżit mill-ġurisprudenza. Hija tosserva f'dan ir-rigward li l-impressjoni globali kkreata mit-trade mark mitluba tikkaratterizza ruħha mill-għonq irqiq tal-flixkun, il-korp tal-flixkun li huwa ċatt u wiesgħa, fejn l-akbar parti minnu, li jidher minn quddiem u minn wara, huwa mqabbeż, il-parti ta' isfel tispiċċa b'kurvi ħerġin u deħlin b'mod simetriku fil-ġnub tal-korp tal-flixkun.

39     Ir-rikorrenti sussegwentement tikkontesta l-osservazzjoni ta' l-UASI li t-trade mark mitluba ma tikkostitwixxix ħlief varjazzjoni, minima u diskreta, tal-fororm tipiċi u li din it-trade mark ma tippreżentax karatteristika supplimentari li tista' tiġi kkunsidrata bħala li tiġbed l-attenzjoni, partikolari jew oriġinali. Hija tfakkar li la l-partikolarità u lanqas l-oriġinalità ma huma kriterji tal-karattru distintiv ta' trade mark. Kuntrarjament għal dan, livell minimu ta' karattru distintiv huwa biżżejjed sabiex trade mark tkun tista' tiġi rreġistrata. Ir-rikorrenti żżid tgħid li m'hemmx għalfejn jiġi applikat kriterju aktar strett sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv ta' trade mark tridimensjonali.

40     Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll l-argument li l-konsumatur, meta huwa jagħmel l-għażla tiegħu, ikun iggwidat mit-tikketta jew mil-logo fuq il-prodott u mhux mill-forma tal-flixkun. Hija tqis li, meta jsir ix-xiri, il-konsumatur jagħżel skond il-forma tal-flixkun u huwa biss wara li jkun identifika l-prodott mixtieq li huwa jivverifika l-għażla tiegħu bl-għajnuna tat-tikketta. Hija żżid tgħid f'dan ir-rigward li l-konsumatur medju huwa kapaċi li jipperċepixxi l-forma ta' l-ippakkjar tal-prodotti kkonċernati bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tagħhom.

41     Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li ebda waħda mill-karatteristiċi tat-trade mark mitluba m'għandha funzjoni teknika.

42     L-UASI jsostni li l-konsumatur ġeneralment ma jistabbilixxix korrelazzjoni bejn il-forma jew l-ippakkjar tal-prodott u l-oriġini tiegħu, imma normalment jirreferi, sabiex jagħraf l-orġini kummerċjali, għat-tikketti fuq l-ippakkjar.

43     Huwa jżid jgħid li l-karatteristiċi tat-trade mark mitluba invokati mir-rikorrenti jikkostitwixxu jew karatteristiċi ta' disinn komuni biss, jew karatteristiċi li jistgħu jiġu pperċepti mill-konsumatur kkonċernat biss wara eżami analitiku li dan il-konsumatur mhux ser jagħmel. Minn dan huwa jikkonkludi li t-trade mark mitluba tkun ipperċepita bħala varjant tal-forma ta' ippakkjar komuni tal-prodott korrispondenti u mhux bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tagħha.

44     Fl-aħħar lok, l-UASI josserva li l-kwistjoni jekk il-karatteristiċi tad-disinn, ikkunsidrati waħedhom, jissodisfawx il-funzjonijiet tekniċi jew ergonomiċi, m'għandhiex importanza fil-kuntest ta' l-eżaminazzjoni tal-karattru distintiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

45     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-karattru distintiv ta' trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni hija mitluba u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat għandu tagħhom [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Diċembru 2003, Nestlé Waters France vs L-UASI (Forma ta' flixkun), T-305/02, Ġabra p. II-5207, punt 29, u tad-29 ta' April 2004, Eurocermex vs L-UASI (Forma ta' flixkun tal-birra), T-399/02, Ġabra p. II-1391, punt 19]. Il-kriterji ta' evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks tridimensjonali kkostitwiti mill-forma ta' prodott mhumiex differenti minn dawk applikabbli għall-kategoriji oħra ta' trade marks (sentenzi Forma ta' flixkun, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35, u Forma ta' flixkun tal-birra, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22). Minbarra dan, fil-kuntest ta' l-eżaminazzjoni tal-karattru distintiv ta' trade mark, għandha tiġi analizzata l-impressjoni globali li tirriżulta minnha (ara s-sentenza Forma ta' flixkun, iċċitata iktar 'il fuq, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

46     Fil-każ in eżami, il-prodotti li għandhom x'jaqsmu mat-trade mark mitluba huma prodotti ta' l-ikel ta' konsum normali. Għaldaqstant, il-pubbliku kkonċernat huwa dak tal-konsumaturi kollha. B'hekk il-karattru distintiv tat-trade mark mitlub għandu jiġi evalwat filwaqt li jiġu kkunsidrati l-aspettativi preżunti ta' konsumatur medju, normalment infurmat u raġonevolament attent u avżat (sentenzi Forma ta' flixkun, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33, u Forma ta' flixkun tal-birra, iċċitata iktar 'il fuq, punti 19 u 20).

47     Fl-ewwel lok, għal dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li fil-każ ta' prodotti bħal dawk in kwistjoni, il-konsumatur jagħmel l-għażla tiegħu fuq il-bażi tal-forma ta' l-ippakkjar iktar milli bl-għajnuna tat-tikketta, għandu jiġi osservat li l-konsumaturi medji m'għandhomx l-abitudni li jippresupponu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew fuq dak ta' l-ippakkjar tagħhom, fin-nuqqas ta' kull element grafiku jew testwali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Ottubru 2004, Mag Instrument vs L-UASI, C-136/02 P, Ġabra p. I-9165, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, dawn il-konsumaturi, fl-ewwel lok, jattribwixxu għall-fliexken li fihom jinsabu dawn il-prodotti s-sempliċi funzjoni ta' ppakkjar [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' Jannar 2004, Deutsche SiSi-Werke vs L-UASI (Pakkett li jżomm wieqaf), T-146/02 sa T-153/02, Ġabra p. II-447, punt 28]. Peress illi r-rikorrenti ma kinitx ippreżentat elementi ta' prova kontra l-applikazzjoni ta' din il-ġurisprudenza għall-każ in eżami, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

48     Għandu jingħad ukoll li l-konklużjoni kkontestata ta' l-UASI mhijiex inkompatibbli maċ-ċirkostanza, invokata mir-rikorrenti, li l-konsumatur medju huwa kapaċi sabiex jipperċepixxi l-forma ta' l-ippakkjar tal-prodotti ta' konsum normali bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tagħhom (sentenza Forma ta' flixkun, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34). Anki li kieku dan huwa l-każ, din il-konklużjoni ġenerali ma tfissirx li kull ippakkjar ta' tali prodott għandu l-karattru distintiv rekwiżit għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja. Fil-fatt, l-eżistenza tal-karattru distintiv ta' sinjali għandu jiġi evalwat f'kull każ speċifiku fid-dawl tal-kriterji esposti fil-punti 45 u 46 iktar 'il fuq.

49     Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna l-erba' karatteristiċi li skond ir-rikorrenti jikkontribwixxu għall-karattru distintiv tal-flixkun, l-ewwelnett għandu jiġi osservat li s-sempliċi fatt li forma tkun varjant ta' waħda mill-forom komuni ta' dak it-tip ta' prodott mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li t-trade mark li tikkonsisti f'din il-forma m'hijiex nieqsa minn karattru distintiv. Għandu dejjem jiġi vverifikat jekk tali trade mark tippermetti lill-konsumatur medju, normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat, li jiddistingwi, mingħajr ma jirrikorri għal analiżi u mingħajr ma jagħti attenzjoni partikolari, il-prodott ikkonċernat minn dawk ta' impriżi oħra (sentenza Mag Instrument vs L-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 32). Fil-fatt, aktar ma l-forma, li r-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark hija mitluba, tixbaħ il-forma li l-prodott in kwistjoni huwa l-aktar probabbli li jieħu, aktar huwa probabbli li din il-forma hija nieqsa minn karattru distintiv (sentenza Mag Instrument vs L-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 31).

50     Għal dak li jikkonċerna l-għonq miġbud u l-korp ċatt, għandu jiġi kkunsidrat li l-parametri tat-trade mark mitluba ma jitbegħdux mill-forma komuni ta' flixkun li jkun fih prodotti bħal dawk intiżi mit-trade mark mitluba. Fil-fatt, la t-tul ta' l-għonq u d-dijametru tiegħu u lanqas il-proporzjoni bejn il-wisa' u l-ħxuna tal-flixkun ma jiddistingwu ruħhom b'kwalunkwe mod.

51     L-istess konklużjoni tapplika għall-kurvi li ħerġin. Fil-fatt, din hija karatteristika ta' disinn komuni tal-fliexken ikkummerċjalizzati fis-settur ikkonċernat.

52     L-unika karatteristika li tiddifferenzja it-trade mark mitluba mill-forma komuni hija kkostitwita mill-kurvi li deħlin li jinsabu fil-ġnub. Fil-fatt, b'mod differenti mill-eżempji mogħtija mill-UASI, it-trade mark mitluba tippreżenta kurvi ħoxnin, li jagħtu l-impressjoni ta' nofs ċrieki.

53     Anki jekk din il-karatteristika tista' tiġi kkunsidrata bħala mhux komuni, mhijiex biżżejjed sabiex hija waħedha tinfluwenza l-impressjoni globali magħmula mit-trade mark mitluba b'tali mod li din ta' l-aħħar tiddifferenzja ruħha b'mod sinifikanti min-norma jew mill-abitudnijiet tas-settur u, minħabba dan il-fatt, tkun tista' tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha li tindika l-oriġini (sentenza Mag Instrument vs L-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 31).

54     Għaldaqstant, meta kkunsidrati flimkien, l-erba' karatteristiċi ċċitati iktar 'il fuq ma joħolqux impressjoni globali li tista' tikkontesta din il-konstatazzjoni. Minn dan isegwi li, meta evalwata fir-rigward ta' l-impressjoni globali li hija tagħti, it-trade mark mitluba hija nieqsa minn karattru distintiv.

55     Din il-konklużjoni ma tmurx kontra ċ-ċirkostanza invokata mir-rikorrenti, li la l-partikolarità u lanqas l-oriġinalità m'huma kriterji tal-karattru distintiv ta' trade mark. Fil-fatt, għalkemm l-eżistenza ta' karatteristiċi partikolari jew oriġinali ma tikkostitwixxix kundizzjoni sina qua non għar-reġistrazzjoni, madankollu xorta jibqa' l-fatt li l-preżenza tagħhom tista' min-naħa l-oħra tikkonferixxi l-livell rekwiżit ta' karattru distintiv lil trade mark li altrimenti tkun nieqsa karattru distintiv. Huwa għalhekk li, wara li eżamina l-impressjoni prodotta mill-flixkun u kkonstata fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata li "[i]l-klijent ma jieħu mill-flixkun innifsu, bħalma huwa ppreżentat konkretament, ebda indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali", il-Bord ta' l-Appell eżamina jekk it-trade mark mitluba kellhiex karatteristiċi speċifiċi li kienu jagħtuha l-livell minimu ta' karattru distintiv rekwiżit. Peress li kkonstata fil-punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata li dan ma kienx il-każ, huwa ġustament ikkonkluda li t-trade mark mitluba kienet nieqsa minn karattru distintiv.

56     Fit-tielet lok, għal dak li jikkonċerna ċ-ċirkostanza invokata mir-rikorrenti, li l-karatteristiċi tat-trade mark mitluba m'għandhomx funzjoni teknika jew ergonomika, għandu jiġi osservat li, anki li kieku ġiet ikkunsidrata stabbilita, din iċ-ċirkostanza ma setgħetx tinfluwenza fuq in-nuqqas ta' karattru distintiv tat-trade mark mitluba. Fil-fatt, safejn il-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi s-sinjal bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz, il-fatt li dan is-sinjal jservi jew le simultanjament funzjoni oħra differenti minn dik li tindika l-oriġini kummerċjali, per eżempju funzjoni teknika, hija rrelevanti għall-karattru distintiv tagħha [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Ottubru 2002, KWS Saat vs L-UASI (Lewn tal-larinġ), T-173/00, Ġabra p. II-3843, punt 30].

57     Minn dan isegwi li r-raba' motiv għandu jiġi miċħud wkoll; għaldaqstant ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

58     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet il-kawża, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet ta' l-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta' u tiddeciedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Pirrung

Meij

Pelikánová

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-15 ta' Marzu 2006.

E. Coulon

 

      J. Pirrung

Reġistratur

 

      il-President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.