Language of document : ECLI:EU:C:2017:760

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-12 ta’ Ottubru 2017(1)

Kawża C‑664/15

Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation

vs

Bezirkshauptmannschaft Gmünd

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva suprema, l-Awstrija)]

(Ambjent — Konvenzjoni ta’ Aarhus — Aċċess għall-ġustizzja — Locus standi ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi għall-protezzjoni tal-ambjent — Drittijiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet li jikkontestaw id-deċiżjoni ta’ awtoritajiet kompetenti quddiem qorti permezz ta’ appell— Kwalità ta’ dawn l-organizzazzjonijiet bħala parti fi proċeduri amministrattivi — Telf ta’ kwalità ta’ parti fil-proċeduri amministrattivi meta tali organizzazzjoni tonqos milli tissottometti oġġezzjonijiet fi żmien xieraq matul dawk il-proċeduri)






1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari l-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva suprema, l-Awstrija) titlob gwida dwar il-locus standi ta’ organizzazzjoni ambjentali meta titlob aċċess għall-ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”) (2). Dawn id-domandi qegħdin isiru fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal permess biex jittella’ ilma minn xmara biex isir is-silġ għal ski resort (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ permess”) (3). Il-kwistjonijiet ambjentali b’rabta ma’ dik il-proċedura partikolari jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/60/KE (4) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas dwar l-Ilma”).

2.        Id-domanda delikata dwar il-locus standi ta’ organizzazzjonijiet ambjentali fi proċeduri ta’ permess ambjentali tat lok għal ġurisprudenza sfieqa li laħqet il-quċċata tagħha fil-Kawża C‑243/15 Lesoochranárske zoskupenie VLK (5).

3.        F’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tindirizza l-mistoqsijiet li ġejjin. Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma moqrija flimkien mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tagħti locus standi lil organizzazzjoni ambjentali biex tikkontesta deċiżjonijiet amministrattivi fi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, partikolarment meta jintalab permess biex jittella’ ilma għall-produzzjoni tas-silġ? L-organizzazzjoni kkonċernata għandha tingħata kwalità ta’ parti fil-proċeduri fl-istadju amministrattiv jew ikun biżżejjed li jkollha kwalità sabiex tappella l-permess mogħti mill-awtoritajiet kompetenti? Regoli proċedurali nazzjonali jistgħu jipprekludu organizzazzjoni ambjentali milli tikkontesta tali deċiżjoni amministrattiva f’appell meta ma tkunx issottomettiet l-oġġezzjonijiet tagħha kontra l-permess “fi żmien xieraq” matul il-proċeduri amministrattivi, kif mitlub mid-dritt nazzjonali?

 Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

4.        L-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jinkludu l-affermazzjoni tal-ħtieġa tal-protezzjoni, il-preservazzjoni u t-titjib tal-istat tal-ambjent (6); billi jiġi rrikonoxxut li kull persuna għandha d-dmir, kemm individwalment kif ukoll f’assoċjazzjoni ma’ oħrajn, tipproteġi u ttejjeb l-ambjent għall-benefiċċju ta’ ġenerazzjonijiet preżenti u futuri (7), billi titqies l-importanza, inter alia, tar-rwol li organizzazzjonijiet mhux governattivi jaqdu fil-protezzjoni tal-ambjent (8); u jkun żgurat li mekkaniżmi ġudizzjarji effettivi jkunu aċċessibbli għall-pubbliku, inklużi organizzazzjonijiet, biex jitħarsu l-interessi leġittimi tagħhom u tkun infurzata l-liġi (9).

5.        L-Artikolu 1 jgħid li “għal finijiet ta’ kontribuzzjoni għall-protezzjoni tad-dritt ta’ kull persuna ta’ ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, li tgħix f’ambjent adegwat għas-saħħa u l-ġid tagħha, kull parti għandha tiggarantixxi d-drittijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni, ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Isegwi li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus tista’ tkun applikabbli fi kwistjonijiet ta’ leġiżlazzjoni ambjentali.

6.        Skont l-Artikolu 2(4), il-kelma “il-pubbliku” “tfisser persuna fiżika jew ġuridika waħda jew iktar, u konformement mal-leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont l-Artikolu 2(5), “organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent u li jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti skont il-liġi nazzjonali jitqiesu li jkollhom interess” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-ambjent u, għalhekk, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-frażi “il-pubbliku kkonċernat” f’dik id-dispożizzjoni.

7.        L-Artikolu 6 huwa intitolat ““Parteċipazzjoni pubblika f’deċiżjonijiet dwar ċerti attivitajiet”. L-Artikolu 6(1)(a) jgħid li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-pubbliku għandhom ikunu applikati b’rabta ma’ deċiżjonijiet dwar jekk għandhiex tkun permessa xi waħda mill-attivitajiet proposti li huma elenkati fl-Anness I (10). L-Artikolu 6(1)(b) jgħid li dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu applikati wkoll skont id-dritt nazzjonali għal tali deċiżjonijiet dwar attivitajiet li ma humiex elenkati fl-Anness I li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent. Huwa l-Istat ikkonċernat li għandu jiddetermina jekk attività proposta tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6. Il-paragrafi 2 sa 10 tal-Artikolu 6 jipprevedu, inter alia, id-dritt tal-pubbliku għal parteċipazzjoni bikrija fi proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-ambjent u li jissottomettu kummenti, informazzjoni, analiżi jew opinjonijiet li l-pubbliku jqis rilevanti għall-attività proposta.

8.        L-Artikolu 9(2) jgħid:

“Kull parti għandha tiżgura li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, il-membri tal-pubbliku kkonċernati

(a)      li jkollhom interess ġuridiku suffiċjenti, jew, alternattivament,

(b)      li jinvokaw ksur ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ parti titlob dan bħala kundizzjoni,

ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit b’liġi, biex jikkontestaw il-legalità sostantiva u proċedurali ta’ kull deċiżjoni, att jew ommissjoni suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, fejn ikun hekk previst skont id-dritt nazzjonali u bla ħsara għall-paragrafu 3 iktar ’il quddiem, ta’ dispożizzjonijiet rilevanti oħra ta’ din il-konvenzjoni.

Dak li jikkostitwixxi interess ġuridiku suffiċjenti u ksur ta’ dritt għandu jiġi stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u b’mod konformi mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni. Għal dan il-għan, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 2(5) għandu jitqies li huwa suffiċjenti għall-finijiet tal-punt (a) iktar ’il fuq. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom ukoll jitqiesu li għandhom drittijiet li jistgħu jkunu suġġett ta’ ksur għall-finijiet tal-punt (b) iktar ’il fuq.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9.        L-Artikolu 9(3) jgħid:

“Barra minn dan u bla ħsara għall-proċeduri ta’ stħarriġ imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq, kull parti għandha tiżgura li, meta jissodisfaw il-kriterji, jekk ikun hemm, stabbiliti fid-dritt nazzjonali tagħha, membri tal-pubbliku għandu jkollhom aċċess għal proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji biex jikkontestaw atti u ommissjonijiet minn persuni privati jew awtoritajiet pubbliċi li jiksru dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha relatati mal-ambjent.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10.      L-Artikolu 9(4) ikompli jgħid:

“‘[…]bla ħsara għall-paragrafu 1, il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom jipprovdu rimedji xierqa u effettivi, inklużi konformità permezz ta’ ordni fejn ikun xieraq, u għandhom ikunu oġġettivi, ekwi u mingħajr dewmien u ma għandhomx jinvolvu spiża projbittiva. Id-deċiżjonijiet meħuda skont dan l-artikolu għandhom jingħataw jew għandhom jiġu rreġistrati bil-miktub. Id-deċiżjonijiet tal-qrati, u sa fejn possibbli, dawk ta’ korpi oħra, għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva dwar il-Habitats

11.      L-għan tad-Direttiva dwar il-Habitats (11) huwa li tikkontribwixxi biex tkun żgurata l-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ habitats naturali u fawna u flora selvaġġa fit-territorju tal-Unjoni (12). Skont id-direttiva, huwa stabbilit netwerk Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni (iktar ’il quddiem “ŻSK”) biex ikunu jistgħu jinżammu t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitats tal-ispeċi kkonċernati jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom (13). Fiż-ŻSK l-Istati Membri għandhom jevitaw id-deterjorazzjoni ta’ habitats naturali u l-habitats ta’ speċi, kif ukoll li ma jkunux iddisturbati l-ispeċi li għalihom ikunu ġew indikati ż-żoni. Kull pjan jew proġett li ma jkollux rabta diretta ma’ jew ma jkunx meħtieġ għat-tmexxija ta’ sit iżda li x’aktarx ikollu effett sinjifikattiv fuqu għandu jkun suġġett għal eżami xieraq tal-implikazzjonijiet għas-sit minħabba l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jkunx jolqot ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat u, jekk ikun xieraq, wara li jkunu kisbu l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali (14).

 Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma

12.      Il-premessi tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jinkludu d-dikjarazzjonijiet li ġejjin. L-ilma ma huwiex prodott kummerċjali bħal kull prodott ieħor imma, pjuttost, wirt li għandu jiġi protett, difiż u ttrattat bħala tali (15). Kif hemm fit-Trattati, il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent tikkontribwixxi biex jinkisbu l-għanijiet ta’ preservazzjoni, protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent, u hija bbażata fuq il-prinċipju prekawzjonarju u fuq il-prinċipju li għandha tittieħed azzjoni preventiva (16). Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tirnexxi jekk tistrieħ fuq il-kooperazzjoni mill-qrib u azzjoni koerenti fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea, ta’ Stat Membru u lokali, kif ukoll fuq informazzjoni, konsultazzjoni u l-involviment tal-pubbliku, inklużi dawk li jużaw l-ilma (17). Id-direttiva għandha l-għan li żżomm u ttejjeb l-ambjent akkwatiku fl-Unjoni Ewropea (18). Biex tkun assigurata l-parteċipazzjoni tal-pubbliku ġenerali inklużi dawk li jużaw l-ilma biex ikunu stabbiliti u aġġornati pjanijiet tal-immaniġġjar tal-baċin ta’ xmajjar, huwa meħtieġ li tingħata informazzjoni tajba dwar miżuri maħsuba u li jiġi rrapportat il-progress dwar l-implementazzjoni tagħhom għall-involviment tal-pubbliku ġenerali qabel ma jkunu adottati deċiżjonijiet finali dwar il-miżuri meħtieġa (19).

13.      Skont Artikolu 1, l-iskop tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma huwa li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni, inter alia, tal-ilmijiet tal-wiċċ interni, li jinkludi (a) il-prevenzjoni ta’ iktar deterjorazzjoni, u l-protezzjoni u t-tisħiħ tal-istat tal-ekosistemi akkwatiċi u, fir-rigward tal-ħtiġijiet tagħhom tal-ilma, ekosistemi terrestri u artijiet mistagħdra li jiddependu direttament fuq ekosistemi akkwatiċi; (b) il-promozzjoni tal-użu sostenibbli tal-ilma bbażat fuq il-protezzjoni fit-tul ta’ riżorsi disponibbli tal-ilma; u (c) l-għan li l-ambjent akkwatiku jkun protett u jitjieb iktar.

14.      Skont id-definizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2, “ilma tal-wiċċ” tfisser ilmijiet interni, barra ilma ta’ taħt l-art; ilmijiet temporanji u ilmijiet tal-kosta, minbarra fejn jirrigwarda stat kimiku li għalih għandhom ikunu inklużi wkoll ilmijiet territorjali; u “ilma intern” tfisser kull ilma qiegħed jew li jnixxi fuq wiċċ l-art u kull ilma ta’ taħt l-art madwar l-art tal-linja ta’ bażi minn fejn titkejjel il-wisa’ tal-ilmijiet territorjali (20). Skont l-Artikolu 3(1), l-Istati Membri għandhom jidentifikaw il-baċini individwali tax-xmara li jkunu fit-territorju nazzjonali tagħhom u jassenjawhom għal distretti individwali tal-baċin tax-xmara.

15.      L-Artikolu 4(1) (intitolat “Għanijiet ambjentali”) jistabbilixxi ċerti għanijiet ambjentali “[m]eta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara ikunu qed isiru operazzjonali”. B’mod partikolari, “[l]-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp” tal-ilma tal-wiċċ. Huma “jridu jipproteġu, jenfazizzaw u jsaħħu” dawn il-korpi tal-ilma.

16.      Skont l-Artikolu 11(1), kull Stat Membru għandu jiżgura li għal kull distrett ta’ baċin ta’ xmara (jew għall-parti minn distrett ta’ baċin ta’ xmara internazzjonali fit-territorju tiegħu) għandu jiġi stabbilit programm ta’ miżuri kif iddefinit fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dak l-artikolu. B’mod partikolari, tali miżuri għandhom jinkludu “kontrolli fuq l-estrazzjoni ta’ ilma ħelu tal-wiċċ […] inkluż […] ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal estrazzjoni”(21). Skont l-Artikolu 13(1), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir pjan ta’ mmaniġġjar ta’ baċin ta’ xmara għal kull distrett ta’ baċin ta’ xmara li jkun kollu fit-territorju tagħhom. Skont l-Artikolu 14(1), l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-involviment attiv tal-partijiet kollha interessati fl-implementazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, partikolarment fil-produzzjoni, reviżjoni u aġġornament tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar ta’ baċin ta’ xmara. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għal kull distrett ta’ baċin ta’ xmara, huma jippubblikaw u jagħmlu disponibbli dokumenti rilevanti għal kummenti mill-pubbliku, inklużi dawk li jużaw l-ilma.

17.      Il-punt 1.1 tal-Anness V tad-direttiva jelenka diversi elementi ta’ kwalità li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku ta’ ilmijiet tal-wiċċ. Il-punt 1.2 għandu definizzjonijiet normattivi ta’ klassifikazzjonijiet ta’ stat ekoloġiku: “għoli” jew “massimu”, “tajjeb” u “moderat”.

 Id-Direttiva VIA

18.      Id-Direttiva VIA (22) titlob li qabel ma jingħata permess, proġetti li x’aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent minħabba, inter alia, in-natura, id-daqs tagħhom jew fejn ikunu jinsabu, għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni fir-rigward tal-effetti diretti u indiretti tagħhom (23) fuq l-ambjent (iktar ’il quddiem “evalwazzjoni tal-effett”) — inter alia, l-effetti tagħhom fuq il-fawna, il-flora u l-ilma (24). Il-pubbliku għandu d-dritt jieħu sehem fi proċeduri li jkollhom x’jaqsmu ma’ tali evalwazzjoni tal-effett u jkun jista’ jikkontesta l-legalità tar-riżultati tagħhom, sew jekk dik l-evalwazzjoni tkun separata jew integrata fi proċeduri għall-għoti ta’ permessi lil proġetti (25). Proġetti li jitqiesu a priori li jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent huma elenkati fl-Anness I tad-Direttiva VIA. Tali proġetti jkunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effett obbligatorja. L-Anness II jelenka proġetti li għandhom ikunu suġġetti għal “determinazzjoni” minn Stat Membru, abbażi ta’ eżami każ każ, limiti jew kriterji stabbiliti minn dak l-Istat Membru, dwar jekk dawn għandhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effett (26). Id-Direttiva VIA ma titlobx evalwazzjoni tal-effett għal proġetti li ma humiex elenkati fiż-żewġ Annessi.

 Id-dritt Awstrijak

 L-Allgemeines Verwaltungsverfahrensgesetz

19.      L-Artikoli 41 u 42 tal-Allgemeines Verwaltungsverfahrensgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar il-Proċedura Amministrattiva, iktar ’il quddiem l-“AVG”) jgħidu:

“41(1) Is-sejħa għal seduta għandha tiġi nnotifikata personalment lil partijiet interessati magħrufa. Jekk persuni oħra jistgħu possibbilment ikunu wkoll partijiet interessati, għandu, barra minn dan, jingħata avviż ta’ seduta fuq in-notice board uffiċjali tal-muniċipalità, permezz ta’ avviż fil-gazzetta indikata għal avviżi uffiċjali mill-awtorità jew permezz ta’ avviż fil-ġurnal uffiċjali elettroniku tal-awtorità.

(2)      […] In-notifikazzjoni (avviż) tas-sejħa għas-seduta għandu jkollha l-informazzjoni preskritta għal ċitazzjonijiet, inkluża informazzjoni dwar il-konsegwenzi li jista’ jkun hemm skont il-Paragrafu 42. […]

42(1) Jekk ikun ingħata avviż ta’ seduta skont it-tieni sentenza tal-Paragrafu 41(1) u, fejn applikabbli, f’formola speċjali kif jipprovdu r-regoli amministrattivi, il-konsegwenza għandha tkun li persuna titlef il-kwalità tagħha bħala parti jekk ma tissottomettix oġġezzjonijiet għand l-awtorità matul il-ħinijiet tax-xogħol, mhux iktar tard mill-jum qabel il-bidu tas-seduta jew matul is-seduta. Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni fir-regoli amministrattivi applikabbli dwar il-formola li biha għandu jingħata avviż, isseħħ il-konsegwenza legali deskritta fl-ewwel sentenza jekk ikun ingħata avviż skont it-tieni sentenza tal-Paragrafu 41(1) fil-formola dovuta.

[…]”

 Il-Wasserrechtsgesetz

20.      Biex tittrasponi d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u l-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(1) tagħha, il-Wasserrechtsgesetz‑Novelle 2003 [il-Liġi tal-2003 li temenda l-Wasserrechtsgesetz (il-Liġi dwar l-Ilma, iktar ’il quddiem il-“WRG 1959”)] irrivediet diversi dispożizzjonijiet tal-WRG 1959 u daħħlet ċerti dispożizzjonijiet ġodda. Id-dispożizzjonijiet sostantivi li jirregolaw il-proċedura dwar ħruġ ta’ permessi skont il-leġiżlazzjoni li tirregola materji relatati mal-ilma jinsabu, b’mod partikolari, fil-paragrafi 12(2), 15(1), 21(3), 32 u 38 tal-WRG 1959. Fil-proċedura amministrattiva biex jinkiseb permess għall-estrazzjoni ta’ ilma skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola materji relatati mal-ilma, l-istatus ta’ persuni bħala partijiet f’dik il-proċedura jiġi ddeterminat skont il-Paragrafu 102(1)(a) u (b) tal-WRG 1959 (27). Organizzazzjonijiet ambjentali li ma jkollhomx drittijiet pubbliċi suġġettivi ma jkollhomx kwalità ta’ parti fil-proċeduri. Skont il-Paragrafu 102(3) tal-WRG 1959, partijiet biss fil-proċeduri jitħallew jissottomettu oġġezzjonijiet matul il-proċeduri. Il-Paragrafu 145b(3) jindika li l-WRG 1959 hija intiża biex tittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

 Il-Bundes-Verfassungsgesetz

21.      L-Artikolu 132(1) tal-Bundes-Verfassungsgesetz (il-Liġi Kostituzzjonali Federali) jgħid li jista’ jiġi ppreżentat appell minn deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva minn persuna li tallega ksur tad-drittijiet tagħha. Il-qorti tar-rinviju tispjega li persuni fiżiċi u ġuridiċi biss li kellhom jew li kienu ngħataw kwalità ta’ parti fi proċedura amministrattiva preċedenti jistgħu jallegaw tali ksur ta’ drittijiet billi jippreżentaw appell quddiem qorti.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

22.      Aichelberglift Karlstein GmbH (iktar ’il quddiem “Aichelberglift”) kienet ingħatat permess biex ittella’ ilma minn xmara fil-qrib (l-Einsiedelbach) għal faċilità li tagħmel is-silġ fi ski resort fl-Awstrija. It-talba ta’ Aichelberglift għall-bidu kienet eżaminata skont proċedura bbażata fuq l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats. L-awtorità kompetenti nazzjonali ddeċidiet li minħabba l-impatt żgħir tal-proġett fuq l-ambjent ma kienx hemm raġunijiet għaliex it-talba kellha tiġi miċħuda (“nihil obstat”) (28).

23.      Sussegwentement it-talba ta’ Aichelberglift għal permess kienet eżaminata fi proċedura amministrattiva separata skont il-WRG 1959 (29). Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (iktar ’il quddiem “Protect”), organizzazzjoni ambjentali, għamlet talba biex tiġi ammessa bħala parti f’dawk il-proċeduri abbażi tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats u tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

24.      Matul dik il-proċedura, inżammet seduta mill-Bezirkshauptmannschaft Gmünd (l-awtorità distrettwali ta’ Gmünd) skont il-Paragrafi 41 u 42 tal-AVG. Protect issottomettiet oġġezzjonijiet għall-proġett, li ma ġewx aċċettati minħabba li ma kinitx invokat ksur ta’ ebda dritt skont il-WRG 1959 u, għalhekk, ma setgħetx tkun parti fil-proċeduri skont ir-regoli nazzjonali. Fl-4 ta’ Novembru 2013 il-Bezirkshauptmannschaft Gmünd laqgħat l-applikazzjoni ta’ Aichelberglift għal permess.

25.      Protect ikkontestat dik id-deċiżjoni mingħajr suċċess quddiem il-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Awstrija t’isfel), li kienet tal-fehma li Protect ma kellhiex kwalità ta’ parti fil-proċeduri amministrattivi minħabba li kienet naqset milli tissottometti fi żmien xieraq l-oġġezzjonijiet tagħha għall-applikazzjoni, jiġifieri jew mhux iktar tard mill-jum ta’ qabel is-seduta jew matul is-seduta (30). L-istatus ta’ Protect bħala parti kien, għalhekk, intilef skont il-Paragrafu 42 tal-AVG.

26.      Protect fetħet proċeduri biex tikkontesta dik id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Protect essenzjalment issottomettiet li skont l-Artikoli 2(4) u (5) u 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, hija kellha kwalità ta’ parti fil-proċeduri amministrattivi relatati mal-WRG 1959 u li kellha interess legali biex tiżgura li dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea b’rabta mal-ambjent jiġu osservati.

27.      F’dan il-kuntest il-qorti tar-rinviju tistaqsi:

“(1) L-Artikolu 4 [tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma] jew din id-direttiva bħala tali, jagħtu lil organizzazzjoni li tiddefendi l-ambjent, fi poċedura li ma hijiex suġġetta għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent b’applikazzjoni [tad-Direttiva VIA], drittijiet għall-protezzjoni li permezz tagħhom hija tista’, bis-saħħa tal-Artikolu 9(3) [tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus], tibda proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda 1:

(2) Mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jirriżulta li dawn id-drittijiet għandhom ikunu jistgħu jiġu invokati sa mill-proċedura quddiem l-awtorità amministrattiva, jew il-possibbiltà li tingħata protezzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva hija suffiċjenti?

(3) Huwa leċitu għad-dritt proċedurali nazzjonali (Paragrafu 42 tal-[AVG]) li jistieden l-organizzazzjoni li tiddefendi l-ambjent – kif ukoll, barra minn hekk, lill-partijiet l-oħra fil-proċedura – sabiex tinvoka l-oġġezzjonijiet tagħha fi żmien xieraq sa mill-proċedura quddiem l-awtorità amministrattiva u mhux biss mill-istadju ta’ rikors quddiem il-qorti amministrattiva peress li, fin-nuqqas ta’ dan, hija titlef l-istatus tagħha bħala parti kif ukoll il-possibbiltà li tippreżenta rikors quddiem il-qorti amministrattiva?”

28.      Kienu saru l-istess domandi fil-Kawża C‑663/15 Umweltverband WWF Österreich li kienet is-suġġett ta’ talba lil din il-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari mill-istess qorti tar-rinviju. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Jannar 2016, dik il-kawża u din il-kawża tgħaqqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali tas-sentenza. Umweltverband WWF Österreich, Protect, Ötztaler Wasserkraft GmbH (il-parti l-oħra fil-Kawża C‑663/15), ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub b’rabta maż-żewġ kawżi. Fis-seduta konġunta tal-15 ta’ Marzu 2017, dawk il-partijiet kollha għamlu sottomissjonijiet orali.

29.      Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ April 2017, il-qorti tar-rinviju ħassret id-deċiżjoni tal-Landesverwaltungsgericht Tirol (qorti amministrattiva reġjonali tat-Tirol) tat-8 ta’ Jannar 2015 fil-Kawża C‑663/15 Umweltverband WWF Österreich. Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Mejju 2017, il-qorti tar-rinviju ddikjarat li l-proċeduri mid-WWF f’dik il-kawża ma kienx fadlilhom skop u li ma kienx għad hemm iktar ħtieġa li tingħata sentenza. Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Ġunju 2017, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tirtira t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑663/15. Dak id-digriet kien innotifikat lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Lulju 2017. Il-Kawżi C‑663/15 u C‑664/15 kienu ġew isseparati b’digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-11 Lulju 2017 u l-Kawża C‑663/15 tneħħiet debitament mir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja b’digriet tal-14 ta’ Lulju 2017.

30.      Frankament kien ta’ dispjaċir li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx mgħarrfa iktar kmieni li l-Kawża C‑663/15 kellha tiġi rtirata. Tqatta’ ħin u saru sforzi f’xogħol dettaljat f’dik il-kawża bejn is-27 ta’ April 2017 u l-10 ta’ Lulju 2017 li seta’ kien iddedikat b’mod iktar utli fl-ipproċessar ta’ kawżi oħra “attivi”. Bħalma l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li huwa l-bażi tal-proċedura għal deċiżjonijiet preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE jitlob li din il-Qorti tal-Ġustizzja tittratta b’mod effiċjenti u malajr kawżi rrinvijati lilha, dak l-istess spirtu ta’ kooperazzjoni jfisser li hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li żżomm lil din il-Qorti tal-Ġustizzja mgħarrfa b’kull bidla materjali fiċ-ċirkustanzi li jistgħu jaffettwaw jekk rinviju għal deċiżjoni preliminari jinżammx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

 Osservazzjonijiet preliminari

31.      Il-qorti tar-rinviju tgħid li l-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinvolvi l-estrazzjoni ta’ ilma minn xmara lokali. Nifhem, għalhekk, li jinvolvi l-estrazzjoni ta’ ilma tal-wiċċ ħelu skont it-tifsira tal-Artikolu 11(3)(e) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Isegwi li l-proġett huwa suġġett għall-kisba ta’ permess minn qabel skont miżuri nazzjonali li jittrasponu dik id-dispożizzjoni u għall-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni tal-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ stabbilita fl-Artikolu 4(1)(a)(i) ta’ dik id-direttiva.

32.      Imbagħad ma huwiex ikkontestat li Protect tissodisfa l-kundizzjonijiet li huma “tal-pubbliku kkonċernat” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u li jaqgħu wkoll fil-kunċett usa’ ta’ “pubbliku” għall-finijiet tal-Artikolu 6 tagħha.

 Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni tagħti risposta għad-domandi preliminari

33.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha l-Kummissjoni ssottomettiet li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni tagħti risposti għad-domandi preliminari. Jiena naqbel u ser nindirizza din il-kwistjoni fil-qosor biss.

34.      Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus hija ftehim imħallat, milħuq mill-Unjoni abbażi ta’ kompetenza li hija taqsam mal-Istati Membri. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni jagħmlu parti integrali mill-ordni ġuridiku tal-Unjoni (31). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat li hija għandha ġurisdizzjoni tinterpreta dispożizzjonijiet differenti tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (32) u tat f’dak ir-rigward, għadd sinjifikattiv ta’ sentenzi fil-kuntest ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari u proċeduri ta’ ksur (33).

35.      B’mod iktar partikolari, fil-kawża Lesoochranárske zoskupenie Iil-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats, li l-qasam tad-dritt ikkonċernat kien “kopert fil-parti l-kbir[a] tiegħu [mid-dritt tal-Unjoni]” u li, għalhekk, hija kellha ġurisdizzjoni tinterpreta l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (34).

36.      F’din il-kawża Protect tissottometti li d-drittijiet tagħha li tipparteċipa fil-proċedura dwar talba għal permess ta’ estrazzjoni ta’ ilma u li titlob stħarriġ ġudizzjarju joriġinaw mill-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma moqri flimkien mal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. L-estrazzjoni ta’ ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art hija suġġetta għal proċeduri ta’ permess fl-Istati Membri (Artikolu 11(3)(e) tad-direttiva); l-għoti ta’ tali permess huwa suġġett għall-konformità, inter alia, mal-projbizzjoni dwar id-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi tal-ilma (Artikolu 4(1)); jistgħu jingħataw derogi minn dik il-projbizzjoni biss taħt il-kundizzjonijiet stretti speċifikati fl-Artikolu 4(7) ta’ dik id-direttiva.

37.      Isegwi b’applikazzjoni diretta tar-regoli stabbiliti fil-kawża Lesoochranárske zoskupenie Ili l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni tagħti interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus flimkien mal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

 Liema huma d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus?

38.      Il-loġika li hija l-bażi ts-sistema tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus hija li l-intensità tal-involviment tal-pubbliku u l-portata tad-drittijiet tal-pubbliku fi proċeduri amministrattivi jkunu proporzjonati għall-effett ambjentali li x’aktarx ikun hemm tal-proġetti inkwistjoni.

39.      Għalhekk, proġetti li x’aktarx ikollhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent huma suġġetti għall-Artikolu 6(1) (35) u, konsegwentement, għall-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Bis-saħħa ta’ dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet, organizzazzjonijiet ambjentali jkollhom drittijiet ta’ parteċipazzjoni fi proċeduri amministrattivi li jkunu jinvolvu tali proġetti u dritt sussegwenti għal stħarriġ ġudizzjarju ta’ kull deċiżjoni meħuda.

40.      Meta proġett aktarx ma jkunx ser ikollu impatt ambjentali sinjifikattiv, l-Artikolu 6 u, konsegwentement, l-Artikolu 9(2) ma japplikawx. Tali proċeduri huma suġġetti biss għall-Artikolu 9(3), li japplika “flimkien u mingħajr ħsara għall-proċeduri ta’ stħarriġ imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 [tal-Artikolu 9]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għall-membri tal-pubbliku l-Artikolu 9(3), għalhekk, huwa dispożizzjoni ta’ riżerva li wieħed jista’ jistrieħ fuqha biex jinkiseb aċċess għall-ġustizzja meta l-Artikolu 9(1) u (2) ma jkunux jistgħu jiġu invokati (36).

41.      L-Artikolu 9(3) jipprovdi biex il-membri tal-pubbliku jkollhom “aċċess għal proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji biex jikkontestaw atti u ommissjonijiet minn persuni privati u awtoritajiet pubbliċi li jiksru dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħhom relatati mal-ambjent” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan, għalhekk, jinkludi aċċess għal proċedura biex tkun ikkontestata l-legalità ta’ deċiżjoni (att ta’ awtorità pubblika) adottata wara proċedura amministrattiva li r-rikorrent iqis li tkun tista’ tikser l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Jekk il-proċedura li biha dak l-att ta’ awtorità pubblika jiġi kkontestat tkunx hija stess amministrattiva jew ġudizzjarja jkun jiddependi mid-dritt nazzjonali — dawn il-proċeduri jindikaw li fl-Awstrija, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet skont il-WRG 1959, tkun din tal-aħħar.

42.      Kuntrarju għall-Artikolu 6, l-Artikolu 9(3) ma jipprevedix dritt ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura amministrattiva li twassal għad-deċiżjoni. Kuntrarju għall-Artikolu 9(2), huwa ma jitkellimx espressament dwar locus standi għal organizzazzjonijiet ambjentali. Kif nifhimha jiena, spjegazzjoni plawsibbli għal dawn tal-aħħar hija li min abbozza l-Konvenzjoni ta’ Aarhus, wara li spjega sewwa [fl-Artikolu 9(2)] li, għall-finijiet ta’ stħarriġ ġudizzjarju, organizzazzjonijiet ambjentali li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 2(5) kellhom jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżit proċedurali “li jkollhom interess suffiċjenti” jew “li jinvokaw ksur ta’ dritt” (kien x’kien il-kriterju għal locus standi tal-parti kontraenti kkonċernata), ħass li huwa kien ta gwida biżżejjed dwar dak il-punt partikolari.

43.      Il-qorti tar-rinviju tidentifika l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus bħala d-dispożizzjoni rilevanti għal dan il-każ. Għal din ir-raġuni, hija tgħid espressament li d-Direttiva VIA ma titlobx evalwazzjoni tal-effett għal proġetti biex jiġi estratt ilma biex isir is-silġ u li t-talba ta’ Aichelberglift għal permess, għalhekk, kellha tiġi eżaminata biss abbażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mal-ilma (jiġifieri l-WRG 1959). Fis-seduta kemm il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll Protect issuġġerew li, għall-inqas sa ċertu punt, l-Artikolu 9(2) kellu jitqies li japplika fil-kawża prinċipali.

44.      Jidher mill-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-proġett ta’ Aichelberglift ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness I tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (37) jew f’dak tal-Anness I tad-Direttiva VIA (38) u, għalhekk, ma kienx suġġett għal evalwazzjoni tal-effett mandatorja skont dik id-direttiva. Il-qorti tar-rinviju tikkonferma dik l-analiżi fid-digriet tagħha tar-rinviju. L-Artikolu 6(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma huwiex, għalhekk, applikabbli.

45.      Fir-rigward tal-Artikolu 6(1)(b), il-partijiet kontraenti huma mitluba jiddeterminaw jekk proġett partikolari “jistax ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent” (enfasi miżjuda minni) (39). F’dan ir-rigward “is-sempliċi probabbiltà ta’ effett sinjifikattiv tagħti lok għal [dak] l-obbligu.” (40) Id-daqs, il-post fejn jista’ jkun hemm l-effett tal-proġett u l-karatteristiċi tiegħu fuq l-ambjent huma l-fatturi rilevanti li għandhom jitqiesu (41).

46.      Id-dokumentazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex biżżejjed biex tistabbilixxi jekk il-proġett ta’ Aichelberglift jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. B’mod partikolari, ma huwiex ċar mid-digriet tar-rinviju jekk il-proġett fil-kawża prinċipali kienx, jew missu kien, eżaminat biex jiġi ddeterminat — skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva VIA jew l-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus — jekk kienx jeħtieġlu jkun suġġett għal evalwazzjoni tal-effett (42) u jekk Protect kinitx (jew ma kinitx) tista’ tikkontesta r-riżultati ta’ dik id-determinazzjoni (43). Lanqas ma huwa ċar jekk u sa fejn il-proġett jinsabx f’ŻSK skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats u jekk is-sinjifikat tal-effetti tal-proġett fuq l-ilma kienx (jew ma kienx) eżaminat fl-evalwazzjoni tal-effett magħmula abbażi tal-Artikolu 6(3) ta’ dik id-direttiva. Fl-aħħar nett, ir-relazzjoni preċiża bejn dik-l-evalwazzjoni u l-proċedura ta’ permess fil-kawża prinċipali ma hijiex għalkollox ċara, filwat li l-fatt li huma (possibbilment) konnessi flimkien jista’ jkun rilevanti biex ikun jista’ japplika l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (44).

47.      Huwa għall-qorti tar-rinviju li tgħaddi għall-kostatazzjoni tal-fatti meħtieġa biex jiġi stabbilit jekk il-proġett ta’ Aichelberglift jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Jekk hu hekk, ikun tabilħaqq japplika l-Artikolu 9(2). F’dak il-każ, ir-risposti għad-domandi tal-qorti tar-rinviju diġà jinstabu fil-ġurisprudenza sfieqa dwar l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (45), kif żviluppata b’mod partikolari fil-kuntest tal-Artikolu 11 tad-Direttiva VIA, li jirrifletti d-dispożizzjonijiet kważi kollha tal-Artikolu 9(2).

48.      F’dak li jsegwi, ser ngħaddi billi nassumi li l-Artikolu 6 u, għalhekk, l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma japplikawx; u li l-proċedura li tagħti lok għat-talba għal deċiżjoni preliminari, li fiha Protect issostni li l-għoti tal-permess lil Aichelberglift biex ittella’ l-ilma biex tipproduċi s-silġ jikser l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, għandha tiġi eżaminata esklużivament mill-perspettiva tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

 Fuq l-ewwel domanda

49.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob li taċċerta ruħha jekk organizzazzjoni ambjentali tistax tistrieħ fuq l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jew fuq dik id-direttiva kollha kemm hi, flimkien mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, biex tikkontesta, quddiem awtorità amministrattiva jew qorti, il-legalità ta’ atti jew ommissjonijiet tal-awtorità kompetenti fi proċedura amministrattiva li ma tkunx suġġetta għad-Direttiva VIA, bħalma hija dik fil-kawża prinċipali.

50.      Din id-domanda hija fformulata f’termini wiesgħa. Il-proċedura amministrattiva f’din il-kawża tmexxiet mill-awtorità kompetenti skont il-WRG 1959, li hija intiża li tittrasponi d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. L-att ikkontestat fil-kawża prinċipali huwa permess mogħti abbażi tal-WRG 1959. Il-qorti tar-rinviju tispjega li tali permess huwa suġġett għal appell lil-Landesverwaltungsgericht (qorti amministrattiv reġjonali).

51.      Il-kwistjoni ewlenija li għandha tiġi indirizzata fl-eżami ta’ din id-domanda hija, għalhekk, dik tal-locus standi ta’ organizzazzjonijiet ambjentali li jikkontestaw tali permess quddiem qorti jew tribunal b’rabta mal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. L-ewwel nett ser neżamina t-tifsira tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva qabel ma nanalizza l-kwistjoni tal-locus standi ta’ organizzazzjonijiet ambjentali li jikkontestaw il-legalità ta’ tali permess.

 It-tifsira tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma

52.      Il-Gvern Awstrijak jissottometti li l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma ma għandux effett dirett minħabba li ma jindikax destinatarji; filwaqt li l-Gvern Olandiż u Protect jissottomettu li organizzazzjonijiet ambjentali rikonoxxuti għandhom jitħallew jistrieħu fuq dik id-dispożizzjoni.

53.      Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tagħmel riferiment għall-ilma bħala wirt li għandu jiġi protett, difiż u ttrattat bħala tali (premessa 1). Id-direttiva tistabbilixxi qafas għall-prevenzjoni tad-deterjorazzjoni, għat-tisħiħ tal-protezzjoni u għat-titjib tal-ambjent akkwatiku fl-Unjoni Ewropea (premessa 19 u Artikolu 1). Hija tikkontribwixxi biex jinġiebu ’l quddiem l-għanijiet ambjentali tat-Trattat (premessa 11).

54.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, li jistabbilixxi l-objettiv ambjentali ġenerali mitlub mid-direttiva, għandu pożizzjoni ċentrali fis-sistema ġenerali tal-protezzjoni tal-ilma stabbilita mid-direttiva.

55.      Minkejja li d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma hija direttiva qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza monumentali tagħha fil-kawża Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschlandli “l-Artikolu 4(1)(a) [ta’ din id-direttiva] ma jillimitax ruħu li jistabbilixxi, skont formulazzjoni programmatika, għanijiet sempliċi ta’ ppjanar tal-immaniġġjar, iżda [jiżvolġi] effetti vinkolanti”. (46) Il-kliem tal-Artikolu 4(1)(a)(i), li jipprevedi li “L-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp ta’ l-ilma tal-wiċċ” jinvolvi obbligu għall-Istati Membri li jaġixxu għal dak l-għan (47). Dan l-obbligu għandu jiġi osservat partikolarment fl-approvazzjoni ta’ proġetti individwali skont is-sistema legali li tirregola l-protezzjoni tal-ilma, l-iktar billi tiġi rrifjutata awtorizzazzjoni għal proġetti li jistgħu jħallu deterjorazzjoni tal-istat tal-korp tal-ilma kkonċernat, sakemm ma jitqiesx li dawk il-proġetti jkunu koperti mid-deroga stabbilita fl-Artikolu 4(7) (48).

56.      Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod wiesa’ l-kunċett ta’ “deterjorazzjoni tal-istat” ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ fl-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Għalhekk, ikun hemm deterjorazzjoni malli l-istat ta’ mill-inqas wieħed mill-elementi ta’ kwalità, skont it-tifsira tal-Anness V tad-direttiva, jaqa’ klassi waħda, anki jekk dik il-waqgħa ma tirriżultax f’waqgħa fil-klassifikazzjoni tal-korp ta’ ilma tal-wiċċ kollu kemm hu (49).

57.      Skont ġurisprudenza stabbilita kull meta d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jkunu jidhru, sakemm ikollu x’jaqsam is-suġġett tagħhom, li jkunu inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed, huma jistgħu, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati fil-perijodu preskritt, jiġu invokati kontra kull dispożizzjoni nazzjonali li ma tkunx kompatibbli mad-direttiva jew sakemm huma jiddefinixxu drittijiet li individwi jistgħu jinvokaw kontra l-Istat (50).

58.      Il-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, stretta, inkundizzjonata u preċiża biżżejjed biex tingħata effett dirett (51).

59.      Fil-kuntest ta’ direttivi dwar l-ambjent il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’għadd ta’ kawżi li dispożizzjonijiet preċiżi biżżejjed dwar il-protezzjoni tal-wirt naturali komuni huma diġà effettivi minkejja l-fatt li huma ma jagħtux espressament drittijiet lil individwi (52). L-iktar reċenti l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-effett dirett tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats (53) li jimponi l-obbligu li ssir evalwazzjoni tal-effett qabel ma jingħata permess għal proġett li x’aktarx ikollu effett sinjifikattiv fuq sit protett. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li kull meta n-nuqqas ta’ konformità mal-miżuri mitluba minn direttiva jkun jista’ jġib periklu għas-saħħa ta’ persuni, dawk ikkonċernati għandhom ikunu jistgħu jistrieħu fuq regoli mandatorji biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom (54).

60.      F’dawk il-kawżi, inkluża Lesoochranárske zoskupenie II, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun inkompatibbli mal-effett vinkolanti li l-Artikolu 288 TFUE jattribwixxi lil direttiva biex, bħala prinċipju, tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ obbligu impost minn dik id-direttiva li fuqha jkunu qegħdin jistrieħu organizzazzjonijiet ambjentali rikonoxxuti. Fejn il-leġiżlatura tal-Unjoni tkun, permezz ta’ direttiva, imponiet fuq l-Istati Membri l-obbligu li jsegwu mod partikolari ta’ mġiba, l-effikaċja ta’ tali obbligu tiddgħajjef jekk individwi kellhom ma jitħallewx jistrieħu fuqu quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom. L-effikaċja tiegħu tkun bl-istess mod imminata jekk qrati nazzjonali kellhom ma jitħallewx iqisuh bħala element tad-dritt tal-Unjoni biex jiddeċiedu jekk il-leġiżlatura nazzjonali, fl-eżerċizzju tal-għażla disponibbli għaliha dwar il-forma u l-metodi għal implementazzjoni, tkunx żammet fil-limiti tad-diskrezzjoni tagħha stabbiliti mid-direttiva (55).

61.      Il-possibbiltà li jkun invokat l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma toriġina mill-azzjoni (kuntrarjament għad-dritt tal-Unjoni) li għandha tkun ipprojbita. Organizzazzjonijiet ambjentali jistgħu, għalhekk, fil-fehma tiegħi, jistrieħu fuq l-Artikolu 4 sa fejn l-għażliet ta’ rimedju legali jkunu disponibbli għalihom fid-dritt nazzjonali (56).

 Organizzazzjoni ambjentali għandha locus standi biex tinvoka l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma?

62.      Il-Gvern Awstrijak jissottometti li, ħlief għad-dispożizzjoni limitata tal-Artikolu 14, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma ma tipprevedix parteċipazzjoni fi jew id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju. Dan huwa kuntrarju għal ċerti direttivi oħra dwar l-ambjent (57), li xi wħud minnhom kienu emendati espliċitament biex jimplementaw id-drittijiet previsti fl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (58). Huwa jissottometti wkoll li l-Artikolu 9(3) ta’ dik il-konvenzjoni, li huwa d-dispożizzjoni li fuqha tistrieħ Protect biex tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha, ma għandux effett dirett.

 Osservazzjonijiet ġenerali dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus

63.      L-Artikolu 9(3) jgħid li kull parti għandha tiżgura li, jekk jissodisfaw il-kriterji, jekk ikun hemm, stabbiliti fid-dritt nazzjonali tagħha, membri tal-pubbliku (li jinkludu organizzazzjonijiet ambjentali bis-saħħa tal-Artikolu 2(4)), ikollhom aċċess għal proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji biex jikkontestaw atti jew ommissjonijiet ta’ persuni privati jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiksru dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha b’rabta mal-ambjent. Għalhekk huwa jistabbilixxi d-dritt, inter alia, li wieħed jikkontesta atti ta’ awtoritajiet amministrattivi adottati fi proċeduri amministrattivi.

64.      Huwa paċifiku li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni adottata espressament għall-implementazzjoni tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma tapplika f’dan il-kuntest. B’mod partikolari, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tistabbilixxi qafas leġiżlattiv mingħajr ma tispeċifika r-regoli proċedurali ddettaljati meħtieġa għall-implementazzjoni tagħha. L-Artikolu 4 bħala tali ma jagħtix lil organizzazzjonijiet ambjentali d-dritt li jibdew stħarriġ amministrattiv jew ġudizzjarju. L-unika dispożizzjoni rilevanti tidher li huwa l-Artikolu 14(1) (“Konsultazzjoni u informazzjoni pubblika”), li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom “jinkoraġġixxu l-involviment attiv tal-partijiet kollha interessati fl-implimentazzjoni ta’ [dik] id-Direttiva” (59). Jidhirli li din id-dispożizzjoni hija wisq astratta biex tkun direttament affidabbli bħala għajn ta’ drittijiet proċedurali.

65.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma għandux effett dirett (60). Organizzazzjonijiet ambjentali, għalhekk, ma jistgħux jistrieħu direttament fuq din id-dispożizzjoni biex isostnu li għandhom locus standi biex jikkontestaw atti ta’ awtoritajiet nazzjonali, bħall-permess mogħti lil Aichelberglift.

66.      Fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni li japplikaw għal din il-materja, huwa għas-sistema legali domestika ta’ kull Stat Membru li tistabbilixxi r-regoli proċedurali dettaljati li jkunu japplikaw għal azzjonijiet għas-salvagwardja ta’ drittijiet li joriġinaw mid-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma moqrija flimkien mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, minħabba li l-Istati Membri huma responsabbli milli jiżguraw li dawk id-drittijiet jitħarsu effettivament f’kull każ (61).

67.      L-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri ma hijiex assoluta. Hija għandha tiġi eżerċitata skont l-għanijiet u l-objettivi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

68.      Nieqaf għal ftit biex infakkar li wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, il-prinċipju ta’ “livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità tal-ambjent” stabbilit fl-Artikolu 3(3) TUE sar objettiv ta’ gwida tad-dritt tal-Unjoni. L-istess prinċipju huwa wkoll stabbilit fl-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (62) li, ukoll, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona —tagħmel parti mid-dritt primarju tal-Unjoni u għandha titqies bħala għodda ta’ interpretazzjoni tad-dritt sekondarju (63).

69.      Isegwi mid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma li l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jimplementaw l-għanijiet ambjentali ta’ din id-direttiva, kif stabbiliti partikolarment fl-Artikoli 1 u 4 u li s-suċċess ta’ din id-direttiva jibbaża l-iktar fuq informazzjoni, konsultazzjoni u involviment tal-pubbliku (premessa 14) (64). Barra minn dan, skont l-Artikolu 14(1) l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-involviment attiv tal-partijiet kollha interessati fl-implementazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

70.      Dawn id-dispożizzjonijiet jindikaw il-mod li bih l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandu jiġi interpretat. L-involviment tal-pubbliku fl-istadji bikrija ta’ proċedura amministrattiva skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jkun bil-bosta mingħajr tifsira, jekk ma jkunx possibbli għall-inqas għal xi membri tal-pubbliku li jiksbu locus standi iktar tard fil-proċess, partikolarment biex jikkontestaw il-konformità ta’ deċiżjonijiet adottati f’dik il-proċedura ma’ din id-direttiva.

 Kriterji li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu skont l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus

71.      Bla dubju, fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus l-Istati Membri għandhom ħafna iktar flessibbiltà. B’mod partikolari, id-dritt għal rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jista’ jingħata biss lil dawk il-membri tal-pubbliku li “jissodisfaw il-kriterji, jekk ikun hemm, stabbiliti fid-dritt nazzjonali tagħhom”.

72.      Madankollu, filwaqt li jistabbilixxu regoli proċedurali biex jimplementaw l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-Istati Membri għandhom jiftakru li din il-konvenzjoni għandha l-għan li “[…] mekkaniżmi ġudizzjarji effettivi [jkunu] aċċessibbli għall-pubbliku, inklużi organizzazzjonijiet, biex l-interessi leġittimi tagħhom ikunu protetti u l-liġi tkun infurzata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 18).

73.      Il-frażi “jekk jissodisfaw il-kriterji, jekk ikun hemm, stabbiliti fid-dritt nazzjonali tagħhom” ma tistax isservi “ta’ skuża biex jiddaħħlu jew jinżammu kriterji tant stretti li effettivament ma jħallux lill-organizzazzjonijiet ambjentali kollha jew kważi kollha jikkontestaw atti jew ommissjonijiet li jiksru liġijiet nazzjonali relatati mal-ambjent”; din il-frażi “tindika kontroll awtomatiku mill-partijiet biex ma jistabbilixxux kriterji stretti ħafna. Aċċess għal tali proċeduri għandu, għalhekk, ikun il-preżunzjoni, mhux l-eċċezzjoni”; u “kull tali kriterju għandu jkun konsistenti mal-għanijiet tal-Konvenzjoni li jkun żgurat aċċess għall-ġustizzja” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (65). L-interpretazzjoni l-iktar ovvja ta’ din il-frażi hija, naħseb jiena, li huwa renvoi għar-rekwiżiti proċedurali alternattivi li jirrigwardaw “interess suffiċjenti” jew “ksur ta’ dritt” fl-Artikolu 9(2).

74.      Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Djurgården-Lilla Värtans Miljöskyddsförening (66) jiena analizzajt liema kundizzjonijiet l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu abbażi tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337 (issa ssostitwita mid-Direttiva VIA), li tagħmel riferiment għal “kull rekwiżit taħt il-liġi nazzjonali” (67). Dak li ktibt jista’ jiġi ttraspost għal dan il-kuntest. Organizzazzjonijiet ambjentali li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent u li jissodisfaw rekwiżiti ġġustifikati oġġettivament, trasparenti u mhux diskriminatorji li jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja skont id-dritt nazzjonali, għandhom, fil-fehma tiegħi, ikunu intitolati jistrieħu fuq l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

75.      Isegwi li d-dritt nazzjonali ma jistax jeskludi b’mod ġeneralizzat id-drittijiet tal-organizzazzjonijiet ambjentali kollha li joħorġu mill-Artikolu 9(3) bl-iskuża li jiddaħħlu “kriterji” fid-dritt nazzjonali tagħhom għall-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet (68). Fil-kawża Trianel (69), kont issuġġerejt li, bħal Ferrari bil-bibien tagħha msakkra, sistema ta’ protezzjoni ftit li xejn tkun ta’ għajnuna prattika jekk ma tkunx aċċessibbli għalkollox għal ċerti kategoriji ta’ azzjoni.

76.      Tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kriterji, jekk ikun hemm” tabilħaqq ikollha konsegwenzi perversi. Sistema proċedurali li effettivament teskludi d-dritt ta’ kull organizzazzjoni ambjentali milli tikkontesta atti amministrattivi adottati abbażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tkun tista’ timmina serjament l-effet utile tal-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 4 (70) u, b’mod iktar ġenerali, tqiegħed f’periklu gravi l-kisba tal-objettiv ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent stabbilit fl-Artikolu 37 tal-Karta.

 Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet ambjentali


77.      L-ambjent naturali huwa tagħna lkoll u l-protezzjoni tiegħu hija r-responsabbiltà kollettiva tagħna. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li r-regoli tal-liġi dwar l-ambjent tal-Unjoni, fil-parti l-kbira tagħhom, jindirizzaw l-interess pubbliku u mhux biss il-protezzjoni tal-interessi ta’ individwi bħala tali (71). La l-ilma u lanqas il-ħut li jgħum fih ma jistgħu jmorru għand il-Qorti tal-Ġustizzja. Is-siġar ukoll ma għandhomx status legali (72).

78.      Kemm il-qorti tar-rinviju fid-digriet tagħha tar-rinviju, kif ukoll il-Gvern Awstrijak matul is-seduta spjegaw li skont id-dritt Awstrijak rikorrent għandu locus standi fi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji biss sa fejn huwa jkollu drittijiet sostantivi suġġettivi li huwa jallega li jkunu nkisru. Organizzazzjonijiet ambjentali ma jistgħux, min-natura tagħhom stess, jissodisfaw il-kundizzjoni li jkollhom drittijiet sostantivi. Dan jagħmilha kważi impossibbli għal tali organizzazzjoni li tikkontesta deċiżjoni amministrattiva quddiem awtorità amministrattiva jew qorti, irrispettivament minn kemm jaġixxu b’mod diliġenti jew minn kemm ikunu rilevanti l-osservazzjonijiet li huma jkunu jixtiequ jippreżentaw.

79.      Kif nifhimha jiena, lanqas individwi li jkollhom drittijiet ma jkunu jistgħu jressqu azzjoni biex jallegaw ksur ta’ dispożizzjoni maħsuba biex tipproteġi l-ambjent bħala tali, jew waħda li tipproteġi l-interess pubbliku, bħall-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Isegwi li sakemm id-drittijiet sostantivi ta’ individwi ma jikkoinċidux mal-interess pubbliku u sakemm dawk l-individwi ma jiddeċidux li jressqu azzjoni biex jinfurzaw dawk id-drittijiet quddiem awtorità jew qorti kompetenti, ħadd ma jkun jista’ jaġixxi biex jipproteġi l-ambjent (73).

80.      Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Djurgården-Lilla Värtans Miljöskyddsförening (74), organizzazzjonijiet ambjentali jesprimu l-interess kollettiv u pubbliku, li altrimenti ħadd ieħor ma jkun jista’ jiddefendi. Huma jġibu flimkien it-talbiet ta’ ħafna individwi f’azzjoni waħda, jaġixxu bħala filtru u jikkontribwixxu mit-tagħrif speċjalizzat tagħhom, biex b’hekk iqiegħdu lill-qrati f’pożizzjoni aħjar biex jaqtgħu l-kawżi. Għalhekk, maż-żmien, huma jagħmlu l-proċeduri dwar l-ambjent jaħdmu aħjar. Meta jagħmlu hekk, organizzazzjonijiet ambjentali jkunu qegħdin jaqdu funzjoni kruċjali għall-protezzjoni tal-wirt ambjentali komuni.

81.      L-awturi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma għażlux li jdaħħlu actio popularis f’materji ambjentali. Minflok għażlu li jsaħħu l-funzjoni ta’ organizzazzjonijiet ambjentali. Meta għamlu dan huma ħadu t-triq tan-nofs bejn il-metodu massimalista (actio popularis) u l-metodu minimalista (dritt ta’ azzjoni individwali disponibbli biss għal partijiet li jkollhom interess dirett fin-nofs) (75). Fil-fehma tiegħi dak kien kompromess raġonevoli u realistiku.

82.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li membri tal-pubbliku u assoċjazzjonijiet jeħtiġilhom jaqdu rwol attiv biex jiddefendu l-ambjent (76). Is-7, it-13 u s-17-il premessa tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jenfasizzaw l-importanza ta’ organizzazzjonijiet ambjentali. Kif l-Avukat Ġenerali Kokott sewwa osservat fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Lesoochranárske zoskupenie II (77), l-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandu dispożizzjoni biex ikunu rrikonoxxuti l-interessi ta’ organizzazzjonijiet li jmexxu ’l quddiem il-protezzjoni tal-ambjent u biex jiġi ssodisfatt kull rekwiżit skont id-dritt nazzjonali. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ukoll saħqet dwar ir-rwol li organizzazzjonijiet mhux governattivi jaqdu, billi kkonstatat li f’materji pubbliċi huma jistgħu jiġu kkaratterizzati bħala “għassiesa” soċjali (78).

83.      F’termini ġenerali nqis li min jieħu deċiżjoni fi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji għandu jkollu iktar milli inqas informazzjoni dwar l-implikazzjonijiet ambjentali ta’ proġett propost. Dan huwa argument favur l-għoti ta’ locus standi lil organizzazzjonijiet ambjentali li jissodisfaw kriterji rilevanti dwar l-eżistenza u l-attivitajiet tagħhom stabbiliti f’liġi nazzjonali (79). Meqjus ir-rwol tagħhom f’materji ambjentali, dawn l-organizzazzjonijiet huma partikolarment f’pożizzjoni tajba biex jagħtu informazzjoni rilevanti.

84.      Kif naraha jiena, l-Artikoli 2(5) u 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdu mudell biex wieħed jifhem kif għandu jitqies ir-rwol ta’ organizzazzjonijiet ambjentali bħala aġenti għall-ambjent. Fejn direttivi tal-Unjoni dwar l-ambjent jistabbilixxu obbligi vinkolanti għall-Istati Membri, organizzazzjonijiet ambjentali li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandhom bħala prinċipju jkunu jistgħu jmorru quddiem qorti biex jgħidu li kien hemm ksur ta’ dawk l-obbligi skont l-Artikolu 9(3) tagħha.

85.      Individwi mħassba minħabba proġett li jkollu effetti ambjentali naturalment ikollhom locus standi biex jiddefendu l-proprjetà tagħhom jew interessi oħra minn ħsara potenzjali li proġett jista’ joħloq. Jekk organizzazzjonijiet ambjentali jiġu miċħuda locus standi biex jitolbu lil qorti tivverifika jekk deċiżjoni amministrattiva tkunx konformi ma’ obbligi vinkolanti għall-Istat Membru, bħal dawk li joriġinaw mill-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, l-ambjent — jiġifieri l-interess pubbliku — ma jkunx rappreżentat u difiż b’mod adegwat. Dan iwassal għar-riżultat assurd li proprjetà privata u l-interessi ta’ individwi jitħarsu aħjar kontra żbalji li tista’ tagħmel l-amministrazzjoni milli l-interess pubbliku. L-intenzjoni tal-leġiżlatura tal-Unjoni ma setgħetx kienet li tinħoloq tali diskrepanza.

 L-effett tal-Artikolu 47 tal-Karta

86.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, għandu, barra minn dan, jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta (80).

87.      Dik id-dispożizzjoni tad-dritt primarju tal-Unjoni tafferma mill-ġdid il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Titlob li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jinkisru għandu jkollha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni (81).

88.      L-Artikolu 51(1) jgħid li l-Karta tista’ tiġi invokata kontra l-Istati Membri biss meta jkunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni (82). Meta Stat Membru jistabbilixxi regoli proċedurali li jillimitaw lil organizzazzjoni ambjentali milli tkun tista’ tressaq azzjoni fl-interess pubbliku billi tallega ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, huwa jkun qiegħed jimplementa obbligi li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (83). Barra minn dan, ir-rilevanza tal-Artikolu 47 tal-Karta ma huwiex limitat għal każijiet fejn dispożizzjoni sostanzjali tad-dritt tal-Unjoni tingħaqad ma’ dispożizzjoni ta’ natura proċedurali li tagħti dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (84).

89.      Regola proċedurali li, bħala prinċipju u fil-prattika, tagħmilha bil-wisq diffiċli għal organizzazzjoni ambjentali li taqdi r-rwol preskritt mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni amministrattiva li hija tqis li tkun ittieħdet bi ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, neċessarjament tmur kontra d-dritt fundamentali tad-dritt tal-Unjoni għal rimedju ġudizzjarju effettiv (85).

90.      Meta Stat Membru jkun għażel fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu locus standi bbażat fuq drittijiet, milli locus standi bbażat fuq interess, dan ma jkunx biżżejjed biex tali esklużjoni ġenerali ssir legali. Il-kliem tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus moqri kollu juri li l-awturi ta’ din il-konvenzjoni kienu jafu sewwa bid-differenzi fir-regoli tal-locus standi bejn il-partijiet. Huma ħadmu l-arranġamenti b’attenzjoni fl-Artikolu 9 li jirregola l-locus standi ta’ organizzazzjonijiet ambjentali biex l-aċċess għall-qrati ma jkunx jiddependi fuq l-għażla magħmula minn parti kontraenti partikolari.

 Osservazzjonijiet finali

91.      Ir-rikonoxximent tal-locus standi ta’ organizzazzjonijiet ambjentali skont l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus f’dawk iċ-ċirkustanzi ma jfissirx li dik id-dispożizzjoni tingħata effett dirett mit-tieqa minflok mill-bieb. Pjuttost hija l-konsegwenza loġika tal-ħtieġa li jitħares l-effet utile tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, meqjus mill-aspett tad-dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

92.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet lesta f’ħafna okkażjonijiet li tagħmel tagħha interpretazzjoni wiesgħa u teleoloġika tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni (86). L-approċċ li semmejt ma jmurx oltre milli jikkonsolida dak li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fil-kawża Lesoochranárske zoskupenie II.

93.      Fl-aħħar nett, l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġerixxi li ma hemmx kunflitt bejn l-interpretazzjoni li nipproponi jiena u l-Artikolu 132(1) tal-Bundes-Verfassungsgesetz (li jagħmel parti mill-Kapitolu VII, bit-titolu “Garanziji Kostituzzjonali u Amministrattivi”). Kif spjegat il-qorti tar-rinviju, fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni persuna fiżika jew ġuridika biss li tallega ksur tad-drittijiet tagħha b’deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva u li kienet parti fil-proċedura amministrattiva preċedenti tista’ tallega ksur ta’ dawk id-drittijiet billi tippreżenta quddiem tribunal amministrattiv appell minn dik id-deċiżjoni amministrattiva. Kif nifhem l-affarijiet, dawk ir-rekwiżiti ma jidhirx li huma ta’ ostaklu għar-rikonoxximent tal-locus standi tal-organizzazzjonijiet ambjentali biex jikkontestaw il-legalità ta’ deċiżjonijiet amministrattivi skont l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

94.      Ir-risposta għall-ewwel domanda għandha, għalhekk, tkun li l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, moqri flimkien mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi regoli proċedurali nazzjonali li ma jħallux lil organizzazzjoni ambjentali debitament ikkostitwita u li topera skont ir-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali milli jkollha aċċess għal proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji skont it-tifsira tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus biex tikkontesta atti tal-awtorità kompetenti adottati fi proċedura amministrattiva mmexxija abbażi ta’ dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali li jimplementaw dik id-direttiva.

95.      Minħabba li tajt risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju, jeħtieġ ukoll li jitqiesu t-tieni u t-tielet domanda.

 Fuq it-tieni domanda

96.      Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment li taċċerta ruħha jekk il-Konvenzjoni ta’ Aarhus titlobx li organizzazzjoni ambjentali tkun tista’ tallega ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma matul proċeduri quddiem awtorità amministrattiva, jew jekk ikunx biżżejjed li tali organizzazzjoni jkollha l-possibbiltà tikkontesta d-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva adottata fi tmiem dik il-proċedura quddiem qorti jew tribunal.

97.      Isegwi mir-risposta li pproponejt għall-ewwel domanda li organizzazzjoni ambjentali għandha titħalla tistrieħ fuq l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma moqri flimkien mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus biex tikkontesta deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva adottata fi tmiem proċedura amministrattiva mmexxija abbażi ta’ dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali li timplementa d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

98.      Il-kwistjoni tibqa’ jekk il-Konvenzjoni ta’ Aarhus titlobx ukoll li organizzazzjoni ambjentali titħalla tinvoka l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma matul tali proċedura amministrattiva. Fi kliem ieħor, għandha tingħata d-dritt tipparteċipa f’tali proċedura? Ser nindirizza din il-kwistjoni f’żewġ stadji: l-ewwel wieħed, f’termini ġenerali u fit-tieni wieħed, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest partikolari tad-dritt Awtrijak.

 Id-dritt ta’ parteċipazzjoni: osservazzjonijiet ġenerali

99.      L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprevedi d-dritt għal stħarriġ amministrattiv jew ġudizzjarju ta’ “atti […] ta’ […] awtoritajiet pubbliċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dawn għandhom jinkludu deċiżjonijiet amministrattivi adottati fi tmiem proċeduri amministrattivi. Kuntrarju għall-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni, l-Artikolu 9(3) ma jipprevedix drittijiet ta’ parteċipazzjoni fi proċeduri amministrattivi. Dawk id-drittijiet ikollhom jiġu analizzati fid-dawl tal-Artikolu 6. Madankollu, għar-raġunijiet li diġà semmejt (87), inkompli billi nassumi li l-Artikoli 6 u 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma japplikawx għal din il-kawża.

100. Il-fatt li organizzazzjoni ambjentali jkollha dritt tikkontesta deċiżjoni amministrattiva ma jimplikax fih innifsu d-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li dik il parteċipazzjoni fi proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjoni ambjentali hija separata u għandha għan differenti minn stħarriġ ġudizzjarju (88).

101. Kuntrarju għal xi direttivi oħra dwar l-ambjent (89), id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma ma tipprevedix espressament parteċipazzjoni pubblika. Lanqas ma titlob, bħalma titlob id-Direttiva dwar il-Habitats, li jkun hemm qbil dwar proġett biss “jekk xieraq, wara li [l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali] jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali”.

102. Madankollu, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, bit-titolu “Konsultazzjoni u informazzjoni pubblika”, fil-fatt jipprevedi li l-Istati Membri għandhom “jinkoraġġixxu l-involviment attiv tal-partijiet kollha interessati fl-implimentazzjoni ta’ [dik] id-Direttiva” (90); u l-premessa 14 tgħid li s-suċċess ta’ dik id-direttiva jibbaża partikolarment fuq informazzjoni, konsultazzjoni u involviment tal-pubbliku. Il-proċedura għall-għoti ta’ permess abbażi tal-WRG 1959 għandha titqies bħala implementazzjoni ta’ dik id-direttiva (91).

103. Jidhirli li jekk “l-involviment” tal-pubbliku organizzat minn Stat Membru skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma ma jkollux miegħu drittijiet proċedurali li bihom il-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom u li jitolbu li l-awtorità kompetenti tqis dawk il-fehmiet, dan ma jkunx jirrispetta l-għan ta’ dik id-dispożizzjoni. Tali għamla ta’ “involviment” tal-pubbliku ma jkunx jixirqilha tiġi deskritta bħala “konsultazzjoni”. Tkun iktar tixbah “dikjarazzjoni ta’ intenzjoniiet” magħmula mill-awtorità kompetenti lill-pubbliku.

104. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà spjegat li l-kwalità ta’ parti fil-proċedura amministrattiva jippermetti lil organizzazzjoni ambjentali tipparteċipa b’mod iktar attiv fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet billi tippreżenta f’iktar dettall u b’mod iktar rilevanti l-argumenti tagħha b’rabta mar-riskju li l-proġett ippjanat jista’ jkollu effetti ħżiena fuq l-ambjent. L-awtoritajiet kompetenti jkun jeħtiġilhom iqisu dawk l-argumenti qabel ma jiġi awtorizzat il-proġett inkwistjoni. Mingħajr tali parteċipazzjoni, argumenti b’appoġġ għall-protezzjoni tal-ambjent jistgħu qatt ma jiġu proposti jew jitqiesu, biex b’hekk l-għan fundamentali tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, jiġifieri li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, jista’ ma jinkisibx (92).

105. Barra minn dan, l-għan tal-proċedura amministrattiva f’materji ambjentali, inklużi dawk relatati mal-ilma, huwa li wieħed jasal għal deċiżjoni li tirrikonċilja l-interess tal-applikant biex jikseb permess mal-limitazzjonijiet ambjentali relattivi. Proċedura effiċjenti hija waħda li fiha l-organizzazzjoni ambjentali tkun tista’ tiġi involuta fi stadju bikri biex tressaq kunsiderazzjonijiet ambjentali rilevanti. Dan jagħmel il-proċedura waħda bbilanċjata u jista’ jnaqqas il-possibbiltà ta’ litigazzjoni sussegwenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem kienet taf bil-ħtieġa tal-promozzjoni tal-ekonomija proċedurali f’tipi differenti ta’ proċeduri (93).

106. Isegwi li l-għoti ta’ status lil organizzazzjonijiet ambjentali bħala parti fi proċeduri amministrattivi biex jistrieħu fuq dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ambjent direttament applikabbli, bħall-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (94), jikkontribwixxi biex l-ambjent akkwatiku tal-Unjoni jinżamm u jitjieb u, b’mod iktar ġenerali, biex jinkisbu l-għanijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ambjent (95).

107. Fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni applikabbli għall-materja, huwa għall-qorti tar-rinviju, skont il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konsistenti, li tinterpreta d-dritt proċedurali nazzjonali bl-iktar mod wiesa’ possibbli fid-dawl ta’ dawk l-għanijiet biex tkun żgurata l-implementazzjoni effettiva tagħhom (96).

 Id-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-kuntest tad-dritt Awstrijak

108. Il-qorti tar-rinviju tispjega li skont l-Artikolu 132(1) tal-Bundes-Verfassungsgesetz, persuna fiżika jew ġuridika biss li kellha kwalità ta’ parti fi proċedura amministrattiva preċedenti tista’ tippreżenta appell quddiem qorti jew tribunal amministrattiv (in casu, il-Verwaltungsgericht ta’ Landpartikolari) minn deċiżjoni adottata fi tmiem tali proċedura. Il-kwalità ta’ parti fil-proċedura amministrattiva u d-dritt li jiġi ppreżentat appell huma, għalhekk, marbuta direttament flimkien. L-assenza jew telf ta’ kwalità ta’ parti fil-proċedura quddiem l-awtorità amministrattiva, għalhekk, iġibu magħhom it-telf tad-dritt li d-deċiżjoni ta’ dik l-awtorità amministrattiva tiġi kkontestata f’appell.

109. Bħala prinċipju, tali rekwiżit ta’ parteċipazzjoni minn qabel fi proċedura amministrattiva ma jidhirx li jimmina drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus jew mid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta u l-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludux li tali rekwiżit ikun kundizzjoni biex jinġiebu proċeduri legali jekk ir-regoli applikabbli għal dak ir-rimedju ma jaffettwawx b’mod sproporzjonat l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja (97).

110. Madankollu, kif nifhem li hija l-pożizzjoni fid-dritt Awstrijak, huwa kważi impossibbli li organizzazzjoni ambjentali tikseb kwalità ta’ parti f’tali proċedura amministrattiva biex tippromwovi l-għanijiet mandatorji tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ambjent stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (98).

111. Jekk il-pożizzjoni fid-dritt nazzjonali hija tabilħaqq kif deskritta iktar ’il fuq — li hija kwistjoni purament għall-qorti tar-rinviju — li organizzazzjoni ambjentali tiġi rrifjutata kwalità ta’ parti fi proċedura amministrattiva jkun ifisser li hija tiġi mċaħħda mid-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv li għal tali organizzazzjoni joriġina mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus flimkien mal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Isegwi mir-risposta li jiena pproponejt għall-ewwel domanda li, meta dak id-dritt ta’ parteċipazzjoni jkun meħtieġ għall-promozzjoni tal-għanijiet mandatorji tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ambjent stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, ma jkunx permissibbli li organizzazzjoni ambjentali tiġi miċħuda minn dak id-dritt.

112. Ir-risposta għat-tieni domanda għandha, għalhekk, tkun li:

–      Qorti nazzjonali għandha tinterpreta d-dritt proċedurali nazzjonali tagħha relatat ma’ kwalità ta’ parti fi proċedura amministrattiva għall-għoti ta’ permess immexxija abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timplementa d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, bħal fil-kawża prinċipali, b’mod l-iktar wiesa’ possibbli li jkun konsistenti mal-għanijiet stabbiliti mid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (partikolarment l-Artikoli 4 u 14(1) tagħha) biex organizzazzjonijiet ambjentali jkunu jistgħu jinvokaw dawk id-dispożizzjonijiet matul proċeduri amministrattivi quddiem l-awtorità nazzjonali.

–      Meta d-dritt ta’ organizzazzjoni ambjentali, debitament ikkostitwita u li topera skont ir-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali, li tikkontesta atti adottati fi proċedura amministrattiva mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti abbażi tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma quddiem awtorità amministrattiva jew qorti ikun ikkundizzjonat minn parteċipazzjoni minn qabel f’tali proċedura, dan l-artikolu, moqri flimkien mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi regoli proċedurali nazzjonali li ma jippermettux lil tali organizzazzjoni tikseb kwalità ta’ parti f’tali proċedura.

 Fuq it-tielet domanda

113. Permezz tat-tielet domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob li taċċerta ruħha jekk regoli proċedurali nazzjonali, bħall-Paragrafu 42 tal-AVG, jistgħux jitolbu li organizzazzjonijiet ambjentali jissottomettu oġġezzjonijiet fi żmien xieraq fl-istadju tal-proċedura ta’ permess, u li jekk jonqsu jagħmlu hekk jitilfu l-kwalità ta’ parti f’dik il-proċedura, flimkien mad-dritt li jikkontestaw quddiem il-qorti jew tribunal kompetenti l-atti tal-awtoritajiet kompetenti adottati sussegwentement f’dik il-proċedura (99).

114. Nistqarr li nsib id-domanda kif ifformulata kurjuża. Loġikament, wieħed jista’ jaħseb li l-Paragrafu 42 tal-AVG jista’ jiġi applikat biss għal xi ħadd li jkun diġà parti. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tispjega li skont id-dritt proċedurali Awstrijak (Paragrafu 102(1) tal-WRG 1959) organizzazzjonijiet ambjentali bħal Protect ma jistgħux jiksbu kwalità ta’ parti f’tali proċedura (100). Wieħed, għalhekk, jista’ jassumi li l-Paragrafu 42 tal-AVG jew ma jistax jiġi applikat għal Protect jew li, kieku kellu jiġi applikat, dan ma jkollux effett fuq ir-riżultat tal-kawża prinċipali. F’dawn iċ-ċirkustanzi t-tielet domanda qisha tidher li hija ipotetika (101).

115. Madankollu, wieħed jista’ jikkonkludi mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju li t-talba ta’ Protect biex tkun parti kienet miċħuda flimkien mal-oġġezzjonijiet tagħha għall-proġett abbażi tal-Artikolu 42 tal-AVG għar-raġuni li Protect kienet naqset milli tissottometti oġġezzjonijiet relatati mal-ilma (abbażi tal-WRG 1959) fi żmien xieraq matul il-proċedura amministrattiva (102). Dan donnu jissuġġerixxi li Protect setgħet kisbet il-kwalità ta’ parti kieku ssottomettiet dawk l-oġġezzjonijiet fi żmien xieraq.

116. Is-seduta ma solvitx din it-taħbila.

117. F’dan li ġej ser nassumi li Protect setgħet kisbet kwalità ta’ parti fil-proċeduri amministrattivi billi tissottometti l-oġġezzjonijiet meħtieġa fi żmien xieraq.

118. Il-Gvern Awstrijak jissottometti (presumibbilment abbażi tal-interpretazzjoni tiegħu tad-dritt nazzjonali) li Protect missha ssottomettiet oġġezzjonijiet mingħajr ma stenniet li tkun ammessa bħala parti.

119. Mid-dokumentazzjoni li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jidhirli assolutament mhux ovvju li skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka organizzazzjoni ambjentali għandha tkun mistennija tifhem li hija tkun tista’ tikseb kwalità ta’ parti fil-proċedura amministrattiva li tkun tittratta talba għal permess biex jiġi estratt ilma għall-produzzjoni tas-silġ billi sempliċement tissottometti oġġezzjonijiet skont il-Paragrafu 42 tal-AVG. Minflok, il-Paragrafu 102(3) tal-WRG 1959 jidher li jirriżerva l-possibbiltà ta’ sottomissjoni ta’ tali oġġezzjonijiet biss lill-partijiet, filwaqt li l-Paragrafu 102(1) tal-WRG 1959 ma jħallix lil organizzazzjoni ambjentali li ma jkollha ebda drittijiet pubbliċi suġġettivi tikseb kwalità ta’parti.

120. Inqis li ma jkunx ġust u jista’ jkun ta’ żgwida li organizzazzjoni ambjentali, madankollu, tintalab tipprova tissottometti oġġezzjonijiet f’tali sitwazzjoni (kważi fuq bażi spekulattiva). Li jiġi applikat il-Paragrafu 42 tal-AVG u Protect tbati t-telf ta’ kwalità ta’parti f’tali sitwazzjoni jkun ifisser li hija tiġi kkastigata għaliex ma tkunx għamlet dak li d-dritt nazzjonali jidher li ma jħallihiex tagħmel. Tali regola proċedurali ma tissodisfax, fil-fehma tiegħi, il-kriterji ta’ ġustizzja u ekwità stabbiliti fl-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. B’mod stramb tixbah is-sitwazzjoni tar-raġel li qed imut f’“Quddiem il-liġi” ta’ Kafka, li wara li jkun qatta’ ħajtu kollha jipprova jgħaddi mix-xatba li dak il-ħin tkun qed tingħalaq — jgħidulu li kienet miftuħa beraħ għalih dak iż-żmien kollu.

121. Huwa għall-qorti nazzjonali li tivverifika jekk ir-regoli nazzjonali fil-fatt joperawx tabilħaqq b’dak il-mod. Jekk huwa hekk, allura li Protect tkun irrifjutata kwalità ta’ parti fil-proċedura amministrattiva u, għalhekk, ma titħallhiex ikollha aċċess għal qorti jew tribunal ikun li Protect tiġi miċħuda d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, li bħala organizzazzjoni ambjentali hija għandha taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma moqri flimkien mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (103) Isegwi mir-risposta li jiena nipproponi għall-ewwel domanda li, meta dak id-dritt ikun meħtieġ għall-promozzjoni tal-għanijiet mandatorji tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ambjent stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, ma jkunx permissibbli li organizzazzjoni ambjentali tiġi miċħuda minn dak id-dritt.

122. Jekk, min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ssib li organizzazzjoni ambjentali, bħal Protect, setgħet raġonevolment kienet mistennija, abbażi ta’ regoli proċedurali ġusti u ekwi, tissottometti l-oġġezzjonijiet tagħha fi żmien xieraq fil-proċeduri amministrattivi, il-limitu ta’ żmien proċedurali impost mill-Paragrafu 42 tal-AVG ma jkunx jidher li jimmina kull dritt iggarantit mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus jew mid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Bħala prinċipju, limitu ta’ żmien stabbilit b’liġi nazzjonali għall-partijiet biex jissottomettu oġġezzjonijiet iħares il-qofol tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv u ma jidhirx li jmur lil hinn minn dak li jkun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet leġittimi taċ-ċertezza legali, il-ħeffa u l-ekonomija ta’ proċeduri amministrattivi. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li jkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li jiġu stabbiliti limiti ta’ żmien raġonevoli biex jitressqu proċeduri fl-interess taċ-ċertezza legali, li jipproteġu kemm lill-individwu kif ukoll lill-awtorità amministrattiva kkonċernata. B’mod partikolari, hija kkonstatat li tali limiti ta’ żmien ma jistgħux fil-prattika jagħmlu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (104). Tabilħaqq, l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus innifsu jitlob li l-proċeduri jkunu “ġusti, ekwi [u] f’waqthom”. Sa fejn ma jħallix li jkun hemm il-possibbiltà għal parti li tissottometti oġġezzjonijiet għal proġett wara limitu ta’ żmien speċifikat li parti tkun naqset milli tosserva, il-Paragrafu 42 tal-AVG jidher li jissodisfa dawk il-kriterji (105).

123. Ir-risposta għat-tielet domanda għandha, għalhekk, tkun li l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, moqri flimkien mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli proċedurali nazzjonali li bihom organizzazzjoni ambjentali tbati t-telf ta’ kwalità ta’ parti fi proċedura amministrattiva bħala konsegwenza li tkun naqset milli tissottometti oġġezzjonijiet fi żmien xieraq f’dik il-proċedura, sa fejn dawk ir-regoli jonqsu milli jissodisfaw il-kriterji ta’ ġustizzja u ekwità msemmija fl-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

 Konklużjoni

124. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichthof (qorti amministrattiva suprema, l-Awstrija) kif ġej:

–      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, moqri flimkien mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali ffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea b’Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005, u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi regoli proċedurali nazzjonali li ma jħallux lil organizzazzjoni ambjentali debitament ikkostitwita u li topera skont ir-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali milli jkollha aċċess għal proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji skont it-tifsira tal-Artikolu 9(3) ta’ dik il-konvenzjoni biex tikkontesta atti tal-awtorità kompetenti adottati fi proċedura amministrattiva mmexxija abbażi ta’ dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali li jimplementaw dik id-direttiva.

–      Qorti nazzjonali jeħtiġilha tinterpreta d-dritt proċedurali nazzjonali tagħha relatat ma’ kwalità ta’ parti fi proċedura amministrattiva għall-għoti ta’ permess immexxija abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timplementa d-Direttiva 2000/60, bħal dik fil-kawża prinċipali, b’mod l-iktar wiesa’ possibbli u li jkun konsistenti mal-għanijiet stabbiliti minn dik id-direttiva (partikolarment, l-Artikoli 4 u 14(1) tagħha) biex organizzazzjonijiet ambjentali jkunu jistgħu jinvokaw dawk id-dispożizzjonijiet matul proċeduri amministrattivi quddiem l-awtorità nazzjonali.

–      Meta d-dritt ta’ organizzazzjoni ambjentali, debitament ikkostitwita u li topera skont ir-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali, li tikkontesta atti adottati fi proċedura amministrattiva mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti abbażi tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 quddiem awtorità amministrattiva jew qorti jkun ikkundizzjonat b’parteċipazzjoni minn qabel f’tali proċedura, dan l-artikolu, moqri flimkien mal-Artikolu 9(3) tal-konvenzjoni inkwistjoni u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi regoli proċedurali nazzjonali li ma jippermettux lil tali organizzazzjoni tikseb kwalità ta’ parti f’tali proċedura.

–      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, moqri flimkien mal-Artikolu 9(3) tal-konvenzjoni inkwistjoni u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli proċedurali nazzjonali li bihom organizzazzjoni ambjentali tbati t-telf ta’ kwalità ta’ parti fi proċedura amministrattiva bħala konsegwenza li tkun naqset milli tissottometti oġġezzjonijiet fi żmien xieraq f’dik il-proċedura, sa fejn dawk ir-regoli jonqsu milli jissodisfaw il-kriterji ta’ ġustizzja u ekwità msemmija fl-Artikolu 9(4) ta’ dik il-konvenzjoni.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali kienet iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Ottubru 2001. L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti għal din il-konvenzjoni. Kienet approvata f’isem l-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 17).


3      Il-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa magħruf bħala “Il-Proġett Aichelberglift”.


4      Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vo. 5, p. 275).


5      Ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (‘Brown Bears II’), EU:C:2016:838, b’mod partikolari, punt 59.


6      Il-ħames premessa


7      Is-seba’ premessa


8      It-tlettax-il premessa


9      It-tmintax-il premessa


10      L-attivitajiet elenkati jinkludu, pereżempju, dawk relatati mas-settur tal-enerġija, il-produzzjoni u l-ipproċessar ta’ metalli u l-industrija tal-minerali. Jinkludu, fuq kwalunkwe bażi, attivitajiet li jista’ jkollhom effett “sinjifikattiv” fuq l-ambjent. Jidher mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja li l-proġett Aichelberglift ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-anness.


11      Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Habitats”).


12      Artikolu 2(1).


13      Artikolu 3(1).


14      Artikolu 6(1), (2) u (3) rispettivament.


15      Premessa 1.


16      Premessa 11.


17      Premessa 14.


18      Premessa 19.


19      Premessa 46.


20      Artikolu 2(1) u (3) rispettivament.


21      Artikolu 11(3)(e).


22      Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012 L 26, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva VIA”).


23      Artikolu 2(1).


24      Artikolu 3.


25      Artikoli 6, 9 u 11 rispettivament.


26      Artikolu 4. Jidher mill-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-proġett Aichelberglift ma jinsabx fl-Anness I tad-Direttiva VIA


27      Ara l-ispjegazzjoni ulterjuri ta’ dawk ir-regoli, kif joriġinaw mill-materjal miġjub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 78, 110 u 119 iktar ’il quddiem.


28      Il-Gvern Awstrijak spjega fis-seduta li dik id-deċiżjoni ma kinitx ikkontestata u, għaldaqstant, kienet saret definittiva.


29      L-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Awstrijak matul is-seduta jidher li jindikaw li kull proġett kellu jiġi eżaminat f’diversi proċeduri amministrattivi, b’kull wieħed jintemm b’deċiżjoni amministrattiva. Dawk il-proċeduri jitmexxew, b’mod partikolari, abbażi tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tan-natura u tal-WRG 1959.


30      Kif nifhimha jiena, skont il-Paragrafu 42(1) tal-AVG hemm żewġ skadenzi differenti għal parti fil-proċedura biex tissottometti oġġezzjonijiet.


31      Ara s-sentenza Lesoochranárske zoskupenie II, punt 45.


32      Ara s-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, (C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 30, iktar ’il quddiem is-“sentenza Lesoochranárske zoskupenie I”) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment, inter alia, għal prinċipji żviluppati fis-sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Haegeman, (181/73, EU:C:1974:41, punti 4 sa 6), u tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, EU:C:1987:400, punt 7.


33      Ara, inter alia, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2011, Boxus et (C‑128/09 sa C‑131/09, C‑134/09 u C‑135/09, EU:C:2011:667); tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C416/10, EU:C:2013:8); tal-11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos (C‑260/11, EU:C:2013:221); tat-12 ta’ Mejju 2011, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289, iktar ’il quddiem is-“sentenza Trianel”) u tat-13 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑530/11, EU:C:2014:67).


34      Ara l-punti 34 sa 43 tas-sentenza ċċitata. Għal iktar kuntest ara wkoll l-analiżi tal-ġurisprudenza li kienet teżisti dak iż-żmien fil-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (C‑240/09, EU:C:2010:436), punti 43 sa 57.


35      L-Artikolu 6(1)(a) jagħmel riferiment għal proġetti elenkati fl-Anness I (proġetti li jitqiesu a priori li jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent), filwaqt li l-Artikolu 6(1)(b) jagħmel riferiment għal proġetti li “jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent”.


36      L-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus huwa dwar proċeduri għal aċċess għal informazzjoni relatata mal-ambjent. Ma huwiex rilevanti għal dan ir-rinviju.


37      Proġetti meqjusa a priori li jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent elenkati f’dak l-anness b’rabta mal-ilma jinkludu: stazzjonijiet ta’ enerġija termali u nukleari, impjanti ta’ trattament ta’ skart ta’ ilma, passaġġi fuq l-ilma interni u portijiet għal traffiku f’passaġġi fuq l-ilma interni, estrazzjoni ta’ ilma ta’ taħt l-art jew skemi artifiċjali ta’ riforniment (recharge) ta’ ilma ta’ taħt l-art li jinvolvu volum annwali ta’ mill-inqas 10 miljun metru kubu ta’ ilma, xogħlijiet għat-trasferiment ta’ riżorsi tal-ilma bejn baċini ta’ xmajjar u digi u installazzjonijiet oħra intiżi biex jinżamm lura jew jinħażen b’mod permanenti ta’ mill-inqas 10 miljun metru kubu ta’ ilma.


38      L-Anness I tad-Direttiva VIA jinkludi proġetti simili relatati mal-ilma għal dawk koperti mill-Anness I tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.


39      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva VIA jipprevedi obbligu simili fir-rigward ta’ proġetti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness II ta’ dik id-direttiva.


40      Ara Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus: Gwida għall-Implementazzjoni (iktar ’il quddiem il-“Gwida għall-Implementazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus”), It-Tieni Edizzjoni, 2014, p. 132 (disponibbli biss biċ-Ċiniż, l-Ingliż, il-Franċiż u r-Russu). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Gwida għall-Applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tista’ titqies bħala dokument ta’ spjegazzjoni, li jista’ jitqies, jekk ikun jixraq, fost materjal rilevanti ieħor biex tiġi interpretata l-konvenzjoni (sentenza tas-16 ta’ April 2015, Gruber, C‑570/13, EU:C:2015:231, punt 35).


41      Ara l-Gwida għall-Implementazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, p. 133 Ara wkoll, b’analoġija, l-Anness III tad-Direttiva VIA, li jelenka kriterji rilevanti biex issir tali determinazzjoni.


42      Tali evalwazzjoni tagħti lok għall-applikazzjoni tal-Artikoli 6 u 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus: ara s-sentenza Lesoochranárske zoskupenie II, punti 56 u 57. Id-digriet tar-rinviju jindika biss li t-talba ta’ Aichelberglift għal permess kienet eżaminata għall-bidu skont proċedura bbażata fuq l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats: ara l-punt 22 iktar ’il fuq.


43      Jekk organizzazzjoni ambjentali tkun prekluża milli tressaq proċeduri kontra tali evalwazzjoni, tali evalwazzjoni ma tkunx torbot lil dik l-organizzazzjoni u din tal-aħħar tkun tista’ tikkontesta r-riżultati tagħha f’azzjoni miġjuba kontra jew dik l-evalwazzjoni, jew kontra kull deċiżjoni sussegwenti li tagħti permess għall-proġett ikkonċernat. Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Gruber (C‑570/13, EU:C:2015:231, punti 44 u 51) F’tali sitwazzjoni l-effetti tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jistgħu, għalhekk, jestendu lil hinn mill-proċedura li fiha jkun ingħata lok għall-applikazzjoni tagħha, minkejja l-fatt li l-evalwazzjoni magħmula matul dik il-proċedura tkun ikkonkludiet li ma kienx hemm effetti sinjifikanti fuq l-ambjent skont it-tifsira tal-Artikolu 6(1)(b).


44      Dan huwa minħabba li dik l-evalwazzjoni minn qabel kienet suġġetta għall-applikazzjoni tal-Artikoli 6 u 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Ara s-sentenza Lesoochranárske zoskupenie II, punti 56 u 57.


45      L-iktar reċenti fis-sentenza Lesoochranárske zoskupenie II.


46      Ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 43).


47      Ara, dwar dan, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 31). Enfasi miżjud minni.


48      Ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 50.


49      Ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 70.


50      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker (8/81, EU:C:1982:7, punt 25).


51      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kuntest tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva VIA li l-fatt li l-Istat Membru jkollu xi marġni ta’ diskrezzjoni ma jipprekludix tali effett dirett. Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 59).


52      Ara fil-kuntest tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), moqri flimkien mal-Artikoli 1(2) u 4(2) tagħha, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punti 64 sa 66). Ara, fil-kuntest tal-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98), is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 1996, Associazione Italiana per il WWF et (C‑118/94, EU:C:1996:86, punt 19).


53      Ara s-sentenza Lesoochranárske zoskupenie II, punt 44.


54      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑58/89, EU:C:1991:391, punt 14). Ara wkoll bl-istess mod is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑59/89, EU:C:1991:225, punt 19); tat-30 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑361/88, EU:C:1991:224, punt 16); tat-12 ta’ Diċembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑298/95, EU:C:1996:501, punt 16); tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 66); tal-25 ta’ Lulju 2008, Janecek, C‑237/07, EU:C:2008:447, punt 37); u tad-19 ta’ Novembru 2014, ClientEarth (C‑404/13, EU:C:2014:2382, punti 55 u 56).


55      Ara s-sentenza Lesoochranárske zoskupenie II, punt 44.


56      L-Avukat Ġenerali Kokott waslet għall-istess konklużjoni fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:60, punt 141).


57      Ara l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010 L 334, p. 17) u l-Artikolu 11 tad-Direttiva VIA.


58      Ara d-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE [tal-24 ta’ Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7. p. 466).


59      Enfasi miżjuda minni. Abbażi tal-ispjegazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, jiena nifhem li l-bqija tal-Artikolu 14 li jipprevedi dritt li persuna tkun informata u li tagħmel kummenti ma huwiex rilevanti għal dan il-każ.


60      Ara s-sentenza Lesoochranárske zoskupenie I, punt 45; u s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2015, Il-Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht (C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2015:4, punt 59).


61      Ara, dwar dan, is-sentenza Lesoochranárske zoskupenie I, punt 47; f’kuntest differenti, ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et (C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punt 46).


62      ĠU 2010 C 83, p. 389 (“il-Karta”). Dik id-dispożizzjoni tistabbilixxi obbligu biex ikun żgurat li jiġi integrat “livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u ta’ titjib tal-kwalità tal-ambjent” fil-politika tal-Unjoni.


63      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2014:2324, punt 6). Kif diġà indikajt reċentement fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑557/15, Il-Kummissjoni vs Malta, EU:C:2017:613 (sentenza pendenti), jiena naqbel perfettament mal-Avukat Ġenerali Jääskinen meta enfasizza dan l-iżvilupp importanti.


64      Għanijiet oħra ta’ din id-direttiva kienu diskussi fil-punti 53 u 54 iktar ’il fuq.


65      Ara l-Gwida għall-Applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, 2014, p. 198.


66      C‑263/08, EU:C:2009:421, b’mod partikolari, il-punti 73 u 74.


67      Kont issuġġerejt hemmhekk li essenzjalment jista’ jkun hemm żewġ tipi ta’ kundizzjonijiet. L-ewwel, jista’ jkun hemm kundizzjonijiet relatati ma’ rekwiżiti nazzjonali dwar reġistrazzjoni, kostituzzjoni jew rikonoxximent ta’ assoċjazzjonijiet, li l-għan tagħhom ikun li tinkiseb dikjarazzjoni legali dwar l-eżistenza ta’ tali korpi skont id-dritt nazzjonali. It-tieni, jista’ jkun hemm kundizzjonijiet relatati ma’ attivitajiet ta’ tali organizzazzjonijiet u kif dawn ikollhom rabta mal-protezzjoni leġittima ta’ interessi ambjentali. Kundizzjonijiet li jkunu fformulati f’termini tant ambigwi jew inadegwati li jagħtu lok għal inċertezza jew għal riżultati diskriminatorji ma humiex aċċettabbli. Kull restrizzjoni li l-effett tagħha jkun li tfixkel minflok tiffaċilita l-aċċess għal proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji għal organizzazzjonijiet ambjentali ma għandhiex, anki b’mod iktar evidenti, tiġi aċċettata.


68      Ara b’analoġija s-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU (C‑173/99, EU:C:2001:356, punt 53). Il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża ddeċidiet li l-kliem “skont il-kundizzjonijiet […] stabbiliti b’leġiżlazzjoni nazzjonali” f’direttiva li tipprevedi li impjegati jkollhom leave imħallas għandu jkun interpretat bħala li jfisser li, “għalkemm huma jkunu ħielsa jistabbilixxu, fil-leġiżlazzjoni domestika tagħhom, kundizzjonijiet għall-eżerċizzju u l-implementazzjoni tad-drtitt għal leave annwali mħallas, billi jippreskrivu ċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom ħaddiema jkunu jistgħu jeżerċitaw dak id-dritt, li huwa tagħhom fir-rigward tal-perijodi kollha ta’ xogħol li jkunu lestew, l-Istati Membri ma jkunux intitolati jagħmlu l-eżistenza ta’ dak id-dritt […] suġġetta għal xi prerekwiżit ikun liema jkun” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


69      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Trianel (C‑115/09, EU:C:2010:773, punt 77).


70      Ara b’analoġija l-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-esklużjoni tal-locus standi għal ġirien tas-sit tal-proġett (sentenza tas-16 ta’ April 2015, Gruber, C‑570/13, EU:C:2015:231) u għal organizzazzjonijiet ambjentali rikonoxxuti li jkollhom inqas minn 2 000 membru (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Djurgården-Lilla Värtans Miljöskyddsförening, C‑263/08, EU:C:2009:631). F’din l-aħħar kawża ta’ min jinnota li żewġ organizzazzjonijiet ambjentali biss fl-Isvezja dak iż-żmien kellhom dak l-għadd ta’ membri, biex b’hekk l-effett tar-regola kien li effettivament tali organizzazzjonijiet kollha jkunu esklużi minn aċċess għall-qorti.


71      Ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Trianel (C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 46).


72      Dwar dan is-suġġett ara Stone D., Should trees have standing?, Oxford University Press, Oxford, 2010.


73      Skont is-sottomissjonijiet tal-Gvern Awstrijak nifhem li anki jekk organizzazzjoni ambjentali tkun xtrat biċċa art maġenb is-sit tal-proġett, hija tkun limitata tissottometti li kien hemm ksur tad-dispożizzjonijiet, jekk kien hemm, li kienu relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet sostantivi tagħha bħala sid l-art.


74      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Djurgården-Lilla Värtans Miljöskyddsförening (C‑263/08, EU:C:2009:421, punti 59 sa 65).


75      Il-Gwida għall-Applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tgħid li “il-Konvenzjoni hija maħsuba biex tippermetti livell għoli ta’ flessibbiltà fid-definizzjoni ta’ liema organizzazzjonijiet ambjentali jkollhom aċċess għall-ġustizzja […] il-partijiet ma humiex obbligati jistabbilixxu sistema ta’ azzjoni popolari (actio popularis) fil-liġijiet nazzjonali tagħhom bil-konsegwenza li kulħadd jista’ jikkontesta kull deċiżjoni, att jew ommissjoni relatati mal-ambjent” (ara p. 198) [traduzzjoni mhux uffiċjali].


76      Ara s-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos (C‑260/11, EU:C:2013:221, punt 40).


77      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Lesoochranárske zoskupenie II, (C‑243/15, EU:C:2016:491, punt 48.


78      Ara s-sentenza tal-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-28 ta’ Novembru 2013, Österreichische Vereinigung zur Erhaltung, Stärkung und Schaffung vs L-Awstrija, CE:ECHR:2013:1128JUD003953407, punt 34.


79      Ara l-punt 74 iktar ’il fuq.


80      Ara, dwar dan, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punti 30 sa 37), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (EU:C:2013:747, punti 44 sa 46).


81      Ara, għal dak il-għan, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 45); tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 95); u tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 73)


82      Ara, dwar dan, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 17). Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 49).


83      Ara, b’analoġija, is-sentenza Lesoochranárske zoskupenie II, punt 52; u s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 33).


84      Ara, a contrario, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04 (C‑93/12, EU:C:2013:432, punti 59 sa 60); ara wkoll is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2014, Olainfarm (C‑104/13, EU:C:2014:2316, punti 34 sa 40); u tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punti 34 sa 41).


85      Ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punti 72 u 73)..


86      Ara l-ġurisprudenza ċċitata f’dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll, inter alia, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 1988, Land de Sarre et, 187/87, EU:C:1988:439, punti 14 sa 20. Dik il-kawża kienet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom, li kien dwar jekk pjan għar-rimi ta’ kull xorta ta’ skart radjuattiv “ikunx aktarx jinvolvi tniġġis radjuattiv tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-arja ta’ Stat Membru ieħor” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Iffaċċjati bil-ħtieġa li jagħżlu bejn interpretazzjoni letterali ristrettiva ta’ dik id-dispożizzjoni jew interpretazzjoni usa’ u iktar teleoloġika, kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll l-Avukat Ġenerali (Sir Gordon Slynn, ara l-konklużjonijiet tiegħu f’dik il-kawża, EU:C:1988:291) għażlu t-tieni waħda.


87      Ara l-punt 48 iktar ’il fuq.


88      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Djurgården-Lilla Värtans Miljöskyddsförening (C‑263/08, EU:C:2009:631, punt 38).


89      Ara, pereżempju, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375); l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 357); l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010 L 334, p. 17); l-Artikolu 11 tad-Direttiva VIA u l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Lulju 2012, dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (ĠU 2012 L 197, p. 1).


90      Enfasi miżjuda minni.


91      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 32) u tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑346/14, EU:C:2016:322, punt 53).


92      Ara s-sentenza Lesoochranárske zoskupenie II, punti 69 u 70.


93      Ara, pereżempju, fil-kuntest ta’ għajnuna mill-Istat, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni (C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 51); fil-kuntest biex tiġi stabbilita skema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjoni tal-gassijiet serra, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C‑505/09 P, EU:C:2012:179, punt 86); fil-kuntest tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Interedil (C‑396/09, EU:C:2011:671, punt 20); u fil-kuntest ta’ proċeduri dwar il-kompetizzjoni, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 35).


94      Ara l-punti 55 sa 58 iktar ’il fuq


95      Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Lesoochranárske zoskupenie II, EU:C:2016:491, punt 51


96      Ara s-sentenza Lesoochranárske zoskupenie I, punt 50.


97      Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża C‑73/16, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:253, punt 70).


98      Ara l-punt 78 iktar ’il fuq.


99      Infakkar li l-Paragrafu 42 tal-AVG jiddefinixxi “fi żmien xieraq” bħala mhux iktar tard mill-jum qabel is-seduta miżmuma matul proċedura amministrattiva jew matul is-seduta nfisha; ara l-punt 19 iktar ’il fuq.


100      Ara l-punt 78 iktar ’il fuq.


101      It-tieni domanda magħmula diġà tittratta s-sitwazzjoni fejn organizzazzjoni ambjentali ma tkunx tista’ tikseb kwalità ta’ parti fi proċedura amministrattiva.


102      Mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju donnu jidher li l-Bezirkshauptmannschaft Gmünd (l-awtorità distrettwali ta’ Gmünd) qieset li Protect ma kellhiex il-kwalità ta’ parti, filwaqt li l-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tal-Awstrija t’isfel) ħadet l-approċċ li Protect kienet tilfet dik il-kwalità taħt l-Paragrafu 42 tal-AVG. Ara l-punti 24 u 25 iktar ’il fuq.


103      Ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, paragraph 74, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 47 tal-Karta jimplika li d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv ma jistax jiġi mminat b’kundizzjoni qabel ma jinġieb appell quddiem qorti jew tribunal.


104      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2016, Stadt Wiener Neustadt, C‑348/15, EU:C:2016:882, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.


105      Il-Gwida għall-Applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tikkonferma din il-konklużjoni, ara p. 202