Language of document : ECLI:EU:T:2014:1095

Kawża T‑400/10

Hamas

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu — Iffriżar ta’ fondi — Bażi fattwali tad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi — Riferiment għal atti terroristiċi — Neċessità għal deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 — Obbligu ta’ motivazzjoni — Aġġustament ratione temporis tal-effetti ta’ annullament”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2014

1.      Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Rikors ippreżentat kontra att imħassar — Effetti rispettivi tat-tħassir u tal-annullament — Żamma tal-interess tar-rikorrent li jikseb l-annullament tal-att ikkontestat

(Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/386/PESK, 2011/70/PESK, 2011/430/PESK, 2011/872/PESK, 2012/333/PESK, 2012/765/PESK, 2013/395/PESK u 2014/72/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 610/2010, Nru 83/2011, Nru 687/2011, Nru 1375/2011, Nru 542/2012, Nru 1169/2012, Nru 714/2013 u Nru 125/2014)

2.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Att ta’ natura purament informativa — Esklużjoni

(Artikolu 263 TFUE)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi meħuda fil-konfront ta’ ċerti persuni u entitajiet issuspettati li wettqu attivitajiet terroristiċi — Deċiżjoni li tinkludi persuna jew entità li wettqu fil-passat atti ta’ terroriżmu — Rekwiżiti minimi — Bażi fattwali tad-deċiżjoni li għandha tibbaża fuq elementi konkretament eżaminati u adottati f’deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti

(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931)

4.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi — Adozzjoni jew żamma fuq il-bażi ta’ deċiżjoni nazzjonali li jinfetħu investigazzjonijiet jew azzjonijiet — Eżami mill-ġdid għall-finijiet li tiġi ġġustifikat iż-żamma fuq il-lista tal-iffriżar tal-fondi — Obbligu ta’ motivazzjoni hija tal-Kunsill — Portata

(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4) ; Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001)

5.      Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Riskju ta’ preġudizzju serju u irriversibbli għall-effikaċja tal-miżuri restrittivi — Żamma tal-effetti tad-deċiżjoni annullata għal perijodu ta’ tliet xhur jew sal-iskadenza tat-terminu għall-appell jew għaċ-ċaħda tiegħu

(It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 264 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 56; Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/483/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 790/2014)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara -punt 59)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 71-75)

3.      Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, teħtieġ, għall-protezzjoni tal-persuni kkonċernati u fid-dawl tal-assenza ta’ mezzi ta’ investigazzjoni proprji tal-Unjoni, li l-bażi fattwali ta’ deċiżjoni tal-Unjoni ta’ ffriżar ta’ fondi fil-qasam tat-terroriżmu tibbaża mhux fuq elementi li Kunsill kiseb mill-istampa jew mill-internet, iżda fuq elementi konkretament eżaminati u adottati fid-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

Huwa biss fuq tali bażi fattwali affidabbli li sussegwentement il-Kunsill għandu jeżerċita l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tiegħu fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li fuqhom huma bbażati tali deċiżjonijiet.

(ara l-punti 110, 111)

4.      Għalkemm id-domanda prinċipali waqt eżami mill-ġdid hija dik dwar jekk, mill-inklużjoni tal-persuna kkonċernata fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi jew mill-eżami mill-ġdid preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali nbidlitx b’tali mod li ma għadux iktar possibbli li tinsilet l-istess konklużjoni li tikkonċerna l-involviment ta’ din il-persuna f’attivitajiet terroristiċi, bil-konsegwenza li l-Kunsill jista’, skont il-każ u fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, jiddeċiedi li jżomm persuna fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi fin-nuqqas ta’ tibdil fis-sitwazzjoni fattwali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li kull att terroristiku ġdid li l-Kunsill jinkludi fil-motivazzjoni tiegħu matul dan l-eżami mill-ġdid, għall-finijiet li tiġi ġġustifikata ż-żamma tal-persuna kkonċernata fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi, għandu, fis-sistema deċiżjonali ta’ żewġ livelli tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u minħabba l-assenza ta’ mezzi ta’ investigazzjoni tal-Kunsill, ikun is-suġġett ta’ eżami u ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens ta’ din il-pożizzjoni komuni. L-obbligu tal-Kunsill li jibbaża fuq id-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi tiegħu fil-qasam ta’ terroriżmu fuq bażi fattwali li tirriżulta minn deċiżjonijiet kompetenti jirriżulta direttament mis-sistema ta’ żewġ livelli stabbilita mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Dan l-obbligu ma huwiex għalhekk suġġett għall-aġir tal-persuna jew tal-grupp ikkonċernat. Il-Kunsill għandu, skont l-obbligu ta’ motivazzjoni, li huwa formalità sostanzjali, jiddikjara, fil-motivi tad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi tiegħu, id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti li konkretament eżaminaw u adottaw il-fatti ta’ terroriżmu li huwa juża bħala bażi fattwali tad-deċiżjonijiet tiegħu stess.

(ara l-punti 127, 129, 130)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 144, 145)