Language of document :

Appell ippreżentat fil-11 ta’ Diċembru 2020 minn Colin Brown mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fil-5 ta’ Ottubru 2020 fil-Kawża T-18/19, Brown vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-675/20 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Colin Brown (rappreżentant: I. Van Damme, advocaat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata li ma annullatx id-deċiżjoni kkontestata 1 ;

tikkonkludi, fuq il-bażi tal-proċess quddiemha, li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata u tordna li d-dritt tal-appellant għall-allowance tal-espatrijazzjoni u għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar għandhom jitħallsu lura b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2017 u li l-allowances li ma tħallsux bejn l-1 ta’ Diċembru 2017 u d-data li fiha jiġi stabbilit mill-ġdid id-dritt tal-appellant jitħallas lill-appellant bl-interessi; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mill-appellant quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball tal-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal li jippermetti jew jitlob it-tneħħija tad-dritt ta’ uffiċjal għal allowance tal-espatrijazzjoni minħabba l-kisba tan-nazzjonalità tal-post tal-impjieg tiegħu, fin-nuqqas ta’ bidla fil-post tal-impjieg tal-uffiċjal.

It-tieni aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal-Artikolu4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tal-appellant, u mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, tagħti lok għal diskriminazzjoni mhux ġustifikata.

____________

1     Deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali tad-19 ta’ Marzu 2018 li tirrevoka l-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni tal-appellant u r-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħu mill-1 ta’ Diċembru 2017.