Language of document : ECLI:EU:F:2013:135

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

25 ta’ Settembru 2013 (*)

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal bil-kuntratt — Reklutaġġ — Sejħa għal espressjoni ta’ interess EPSO/CAST/02/2010 — Kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ — Esperjenza professjonali xierqa — Ċaħda tat-talba għar-reklutaġġ”

Fil-Kawża F-158/12,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA taħt l-Artikolu 106a,

Éric Marques, membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Ennery (Franza), irrappreżentat minn A. Salerno, u B. Cortese, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Berardis-Kayser u G. Berscheid, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tielet Awla),

kompost minn S. Van Raepenbusch (Relatur), President, R. Barents u K. Bradley, Imħallfin,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2013,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-24 ta’ Diċembru 2012, É. Marques jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tas-6 ta’ Marzu 2012, li tirrifjuta li tirreklutah bħala membru tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet III u, min-naħa l-oħra, għal kumpens għad-danni subiti minnu.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Ir-rikorrent għandu diploma tal-edukazzjoni sekondarja li tagħtih aċċess għall-edukazzjoni ogħla. Fl-1 ta’ Novembru 2006, ġie rreklutat mill-Kummissjoni bħala membru tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”). Huwa ġie kklassifikat fil-grupp ta’ funzjonijiet I previst fl-Artikolu 80 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u ġie assenjat fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu) mal-Uffiċċju “Infrastruttura u Loġistika – Il-Lussemburgu” (OIL) fejn eżerċita funzjonijiet baġitarji u finanzjarji.

3        Fis-17 ta’ Mejju 2010, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) nieda sejħa għal espressjoni ta’ interess EPSO/CAST/02/10 (iktar ’il quddiem “sejħa għal espressjoni ta’ interess”) sabiex tiġi stabbilita database ta’ kandidati għar-reklutaġġ bħala membri tal-persunal bil-kuntratt biex jagħmlu b’mod partikolari kompiti ta’ assistent finanzjarju fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea.

4        Skont is-sejħa għal espressjoni ta’ interess, l-assistenti finanzjarji għar-reklutaġġ issejħu biex jagħmlu “kompiti ta’ implementazzjoni, abbozzar, kontabbiltà u kompiti tekniċi oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u kellhom jiġu kklassifikati fil-grupp ta’ funzjonijiet III imsemmi fl-Artikolu 80 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Fir-rigward tat-taħriġ meħtieġ, is-sejħa għal espressjoni ta’ interess indikat li, fid-data tal-iskadenza tal-iskrizzjoni, jiġifieri fl-14 ta’ Ġunju 2010, il-kandidati kellu jkollhom, mill-inqas, “livell ta’ edukazzjoni sekondarja ċċertifikat b’diploma li tagħti aċċess għall-edukazzjoni ogħla u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas tliet snin” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, is-sejħa għal espressjoni ta’ interess iddeskriviet il-funzjonijiet tal-assistent finanzjarju u l-kompetenzi meħtieġa biex dawn jiġu eżerċitati.

5        Ir-rikorrent, fl-2010, għadda mill-eżamijiet ta’ selezzjoni previsti mis-sejħa għal espressjoni ta’ interess għall-profil ta’ assistent finanzjarju.

6        Fit-30 ta’ Mejju 2011, l-EPSO nieda fażi supplimentari ta’ selezzjoni sabiex jippermetti li l-kandidati li għaddew mis-sejħa għal espressjoni ta’ interess jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kisba ta’ kuntratt għal żmien indeterminat.

7        Ir-rikorrent għadda mill-eżamijiet ta’ selezzjoni supplimentari fl-2011.

8        Fl-24 ta’ Ottubru 2011, Kumitat ta’ Selezzjoni stabbilit fi ħdan l-OIL qies li l-profil u l-kompetenzi tar-rikorrent kienu jikkorrispondu mal-“livell ta’ kompetenza mistenni min-naħa ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet III” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Konsegwentement, l-OIL talab ir-reklutaġġ tiegħu bħala assistent finanzjarju tal-grupp ta’ funzjonijiet III.

9        Fl-1 ta’ Diċembru 2011, il-Kap tad-diviżjoni “Servizz tal-forniment tal-ikel – Foyer – Ċentru tas-saħħa” tal-OIL, id-direttorat li ħadem taħtu r-rikorrent, kiteb nota li fiha qies li l-kompiti realment imwettqa mir-rikorrent “b’mod evidenti kienu jikkostitwixxu esperjenza professjonali rilevanti għal aċċess għall-grupp ta’ funzjonijiet III” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fl-istess nota, l-imsemmi Kap tad-diviżjoni ddeskriva l-funzjonijiet realment imwettqa mir-rikorrent.

10      Fl-1 ta’ Frar 2012, il-Kap tad-diviżjoni “Persunal – Komunikazzjoni – Konferenzi – Saħħa u s-Sigurtà” tal-OIL indika lid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Riżorsi Umani u Sigurtà” tal-Kummissjoni li, “jekk ċerti kompiti attribwiti lir-rikorrent jistgħu jiġu interpretati bħala livell ta’ kompiti rilevanti għall-grupp ta’ funzjonijiet III, ikun xieraq li jittieħed inkunsiderazzjoni li dan iwettaq prinċipalment kompiti amministrattivi li jaqgħu taħt il-grupp ta’ funzjonijiet I” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

11      Fis-6 ta’ Marzu 2012, id-DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà” tal-Kummissjoni informa lill-OIL li “l-analiżi tal-esperjenzi professjonali tar-rikorrent ma ppermettietx li jintwera li, sad-data tal-14 ta’ Ġunju 2010, dan kien kiseb tliet snin ta’ esperjenza professjonali ekwivalenti għal kompiti li jaqgħu taħt il-grupp ta’ funzjonijiet III” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Konsegwentement, il-Kummissjoni rrifjutat li tilqa’ t-talba tal-OIL li tirrekluta lir-rikorrent bħala assistent finanzjarju tal-grupp ta’ funzjonijiet III (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

12      Fil-5 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 117 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

13      L-awtorità awtorizzata tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem “AHCC”) ċaħdet l-ilment fil-11 ta’ Settembru 2012. Hija, fil-fatt, qieset li kemm in-noti taż-żewġ Kapijiet ta’ diviżjoni tal-OIL, tal-1 ta’ Diċembru 2011 u tal-1 ta’ Frar 2012 rispettivament, kif ukoll l-elementi kollha tal-fajl individwali tar-rikorrent, inkluża d-deskrizzjoni tal-pożizzjonijiet li kien okkupa, ma ppermettewx li jitqies li l-kompiti li huwa kien eżerċita qabel l-14 ta’ Ġunju 2010 kienu “ta’ livell ekwivalenti għal kompiti rilevanti għall-grupp ta’ funzjonijiet III” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont l-AHCC, dawn il-kompiti fil-biċċa l-kbira tagħhom jaqgħu taħt il-grupp ta’ funzjonijiet I, saħansitra l-grupp ta’ funzjonijiet II, iżda mhux il-grupp ta’ funzjonijiet III.

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa d-dannu materjali li kkawżatlu l-imsemmija deċiżjoni;

–        jordna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet għal annullament

16      Insostenn tat-talbiet għal annullament, ir-rikorrent iqajjem żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 82(2)(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, tal-Artikolu 2(1)(c) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, tas-7 ta’ April 2004, dwar proċeduri li jirregolaw ir-reklutaġġ u l-impjieg tal-membri tal-persunal bil-kuntratt mal-Kummissjoni, ippubblikati fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 49‑2004 (iktar ’il quddiem id-“DĠI 2004”), tal-Artikolu 1(3)(c) tal-Anness I tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, tat-2 ta’ Marzu 2011, tal-Artikolu 79(2) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li jirregola l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-persunal bil-kuntratt irreklutati mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 3a u 3b tal-imsemmija kundizzjonijiet, ippubblikati fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 33‑2011 (iktar ’il quddiem id-“DĠI 2011”), kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

17      Fl-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent sostna li, minbarra diploma ta’ edukazzjoni sekondarja, l-Artikolu 82(2)(b), tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-Artikolu 2(1)(b), tal-DĠI 2004 u l-Artikolu 1(3)(c), tal-Anness I tad-DĠI 2011, għal aċċess għall-grupp ta’ funzjonijiet III, ma jeħtiġux ħlief “esperjenza professjonali xierqa” ta’ tliet snin. Ir-rekwiżit tal-Kummissjoni, li l-esperjenza meħtieġa għandha tkun ta’ “livell ekwivalenti” għall-kompiti eżerċitati fl-imsemmi grupp ta’ funzjonijiet ma huwa bbażat fuq l-ebda bażi legali. Skont ir-rikorrent, id-DĠI 2004 u 2011 ifformulaw biss rekwiżiti iktar stretti minn dik ta’ “esperjenza xierqa ta’ tliet snin” ħlief għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni fil-grad tal-membri tal-persunal bil-kuntratt. Madankollu dawn huma kundizzjonijiet addizzjonali fir-rigward tal-esperjenza professjonali imposta bħala kundizzjoni minima ta’ reklutaġġ.

18      Il-Kummissjoni twieġeb li l-Artikolu 82(2), tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprevedi biss kundizzjonijiet minimi u għaldaqstant hija tista’ titlob livell ta’ kwalifiki ogħla. Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ “esperjenza professjonali xierqa” li jidher fid-DĠI 2004 u fid-DĠI 2011 kif ukoll fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess jista’ jiġi interpretat bħala li jimponi esperjenza ta’ livell ekwivalenti għal-livell li l-kandidat jixtieq jilħaq, jiġifieri, f’dan il-każ, esperjenza tal-livell tal-grupp ta’ funzjonijiet III. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata fl-Artikolu 7(3) tad-DĠI 2004. Fl-aħħar nett, ir-rekwiżit ta’ “esperjenza professjonali xierqa” msemmi fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess huwa marbut mal-profil ta’ assistent finanzjarju tal-grupp ta’ funzjonijiet III li jidher fih.

19      F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar li jekk l-amministrazzjoni tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ biex tiddetermina jekk l-esperjenza professjonali preċedenti ta’ kandidat tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi rreklutat bħala membru tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet III, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa għandu b’mod partikolari jsir b’osservanza għad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-28 ta’ Ottubru 2010, Fares vs Il‑Kummissjoni, F‑6/09, punti 38 u 39).

20      Hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 82(2) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg huwa fformulat kif ġej:

“Ir-reklutaġġ bħala membru tal-persunal bil-kuntratt għandu jeħtieġ mill-anqas:

[...]

b) fil-gruppi tal-funzjoni II u III:

i) livell ta’ edukazzjoni post-sekondarja ċċertifikat b’diploma, jew

ii) livell ta’ edukazzjoni sekondarja ċċertifikata b’diploma li tagħti aċċess għal edukazzjoni post-sekondarja u esperjenza professjonali cierqa ta’ mill-anqas tliet snin, jew

iii) fejn iġġustifikat fl-interess tas-servizz, taħriġ professjonali jew esperjenza professjonali ta’ livell ekwivalenti.

[…]”

21      Fir-rigward tad-DĠI, għandu jiġi ddeterminat liema minnhom, tal-2004 jew tal-2011, huma applikabbli għall-każ, peress li, jekk għandhom l-istess suġġett, jeżistu xi sfumaturi bejniethom, b’mod partikolari fir-rigward tal-kunċett ta’ “esperjenza professjonali xierqa” li jippreċiżaw id-DĠI 2011.

22      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-legalità ta’ att tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jeżistu fil-mument tal-adozzjoni tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, T‑58/05, punt 151; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tad-29 ta’ Settembru 2011, Mische vs Il‑Kummissjoni, F‑70/05, punt 70). Madankollu, id-DĠI 2011 ġew adottati u daħlu fis-seħħ fit-2 ta’ Marzu 2011 u għalhekk kienu applikabbli meta ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fis-6 ta’ Marzu 2012. F’din id-data, id-DĠI 2011 ħassru d-DĠI 2004. Naturalment, id-DĠI 2004 kienu applikabbli fi żmien il-pubblikazzjoni tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess u fid-data tal-14 ta’ Ġunju 2010, id-data li fiha l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni kellhom jiġu ssodisfatti. Madankollu, l-AHCC, sa issa, ma ħadet l-ebda deċiżjoni finali dwar jekk ir-rikorrent setax jinvoka l-esperjenza xierqa meħtieġa biex jiġi rreklutat fil-grupp ta’ funzjonijiet III. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tranżitorji, li jidhru fl-Artikolu 14 tad-DĠI 2011, jirregolaw il-problema tal-eżitu pożittiv tal-eżamijiet ta’ selezzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija DĠI, il-kwistjoni ta’ kuntratti fis-seħħ, id-diffikultà li ġejja mir-reklutaġġi fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni derogatorja li tidher fid-DĠI 2004, is-sitwazzjoni tal-esperti żgħażagħ fid-delegazzjonijiet u r-rikors għall-istudenti b’boroż ta’ studju.

23      Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 14 tad-DĠI 2011 ma jikkonċernawx, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tal-evalwazzjoni ta’ kwalifiki minimi għar-reklutaġġ meħtieġa għal applikazzjoni għal impjieg ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt fid-diversi gruppi ta’ funzjonijiet u b’mod speċjali fil-grupp ta’ funzjonijiet III. Madankollu, dispożizzjoni tranżitorja, fil-prinċipju, hija suġġetta għal interpretazzjoni stretta, peress li tidderoga mir-regoli u prinċipji ta’ valur permanenti li japplikaw immedjatament għas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fl-assenza tal-imsemmija kundizzjonijiet (digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat-13 ta’ Diċembru 2012, Mische vs Il‑Kummissjoni, T‑641/11 P, punt 45, sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-30 ta’ Settembru 2010, Vivier vs Il‑Kummissjoni, F‑29/05, punti 67 u 68, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Toth vs Il‑Kummissjoni, F‑107/05, punti 71 u 72, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 14 tad-DĠI 2011, jirriżulta minn dak li ntqal hawn li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-AHCC kellha tevalwa l-esperjenza li r-rikorrent kien kiseb fid-data tal-14 ta’ Ġunju 2010 fir-rigward tad-DĠI 2011.

24      Hekk kif ġie ppreċiżat, l-Artikolu 1(3)(c) tal-Anness I tad-DĠI 2011 jistabbilixxi li l-“kwalifiki minimi għar-reklutaġġ ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt” huma:

“Fil-grupp ta’ funzjonijiet III:

i. livell ta’ edukazzjoni ogħla ċċertifikata b’diploma,

jew

ii. livell ta’ edukazzjoni sekondarja ċċertifikata b’diploma li tagħti aċċess għall-edukazzjoni ogħla u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas tliet snin. F’dan il-kuntest, esperjenza professjonali hija meqjusa bħala xierqa jekk tinkiseb f’oqsma ta’ attività tal-Kummissjoni wara d-diploma li tagħti aċċess għal dan il-grupp ta’ funzjonijiet,

jew

iii. f’każijiet eċċezzjonali u fejn iġġustifikat fl-interess tas-servizz, taħriġ professjonali jew esperjenza professjonali ekwivalenti; il-Kumitat konġunt jiġi infurmat kull sena dwar l-użu ta’ din id-dispożizzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

25      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, ma għandhomx jitqiesu biss it-termini tagħha u l-kuntest tagħha, iżda wkoll l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, punt 12, sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat-8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Putterie-De-Beukelaer, T‑160/08 P, punt 70; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-10 ta’ Marzu 2011, Begue et vs Il‑Kummissjoni, F‑27/10, punt 40).

26      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat qabelxejn li meta ppreċiżat li l-kandidati kellu jkollhom “esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas tliet snin”, is-sejħa għal espressjoni ta’ interess irripproduċiet it-terminoloġija li tidher kemm fl-Artikolu 82(2)(b), tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg kif ukoll fl-Artikolu 1(3)(c) tal-Anness I tad-DĠI 2011.

27      Fin-nuqqas ta’ diploma li tiċċertifika livell ta’ edukazzjoni ogħla, l-Artikolu 82(2)(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jeżiġi jew “esperjenza professjonali [xierqa]”, meta l-persuna kkonċernata tkun segwiet “livell ta’ edukazzjoni sekondarja ċċertifikata b’diploma li tagħti aċċess għall-edukazzjoni post-sekonndarja”, inkella, jekk dan mhuwiex il-każ, “taħriġ professjonali jew esperjenza professjonali ta’ livell ekwivalenti”. L-Artikolu 1(3)(c) tal-Anness I tad-DĠI 2011 jerġa’ jagħmel l-istess distinzjoni u din tinsab fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u tad-DĠI 2011 (b’mod partikolari, bil-Ġermaniż “einschlägige Berufserfahrung” u “gleichwertige [...] Berufserfahrung”, bl-Ingliż “appropriate professional experience” u “equivalent level”, bit-Taljan “esperienza professionale adeguata” u “esperienza professionale di livello equivalente”, kif ukoll bl-Olandiż “relevante beroepservaring” u “gelijkwaardige beroepservaring”).

28      Issa, għandu jitqies li, meta l-leġiżlatur u l-awtorità amministrattiva jużaw, fl-istess test ta’ applikazzjoni ġenerali, żewġ termini distinti, ir-raġunijiet ta’ koerenza u ta’ ċertezza legali jipprekludu li dawn jiġu attribwiti l-istess portata. Dan jgħodd a fortiori meta dawn it-termini jkopru tifsiriet differenti fil-lingwaġġ ta’ kuljum. Dan huwa preċiżament il-każ tal-aġġettivi “[xierqa]” u “ekwivalenti”. Fis-sens komuni tiegħu, l-aġġettiv “[xierqa]” jfisser “adattat għal użu determinat”, li jivverifika t-tieni sentenza tal-Artikolu 1(3)(c)(ii) tal-Anness I tad-DĠI 2011. Għall-kuntrarju, l-aġġettiv “ekwivalenti” jfisser “tal-istess valur” u għalhekk għandu sens iktar ristrett.

29      Barra minn hekk, mis-sentenza Fares vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Artikolu 82(2)(b)(iii) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għandu jinftiehem f’dan is-sens li, fejn iġġustifikat fl-interess tas-servizz, l-istituzzjoni tista’ tippermetti l-aċċess għal impjieg tal-grupp ta’ funzjonijiet III lil kandidat li la għandu diploma ta’ edukazzjoni ogħla u lanqas diploma ta’ edukazzjoni sekondarja li tagħti aċċess għal edukazzjoni ogħla, iżda li jista’ jinvoka taħriġ professjonali jew esperjenza professjonali, li ma jikkorrispondux mal-kriterji msemmija fl-Artikolu 82(2)(b)(i) u (ii), iżda fejn il-livell ikun ekwivalenti għalihom (sentenza Fares vs Il-Kummissjoni, punt 19 iktar ’il fuq, punt 50).

30      Fi kliem ieħor, fl-Artikolu 82(2)(b)(iii) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, kif ukoll fl-Artikolu 1(3)(c) tal-Anness I tad-DĠI 2011 u fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess li jagħmlu referenza għad-dispożizzjonijiet tiegħu, ir-rekwiżit ta’ ekwivalenza jirreferi għall-kriterji relatati mal-livell ta’ edukazzjoni u jekk ikun il-każ mal-esperjenza professjonali msemmija fl-Artikolu 82(2)(b)(i) u (ii), u mhux direttament għall-kompiti li jaqgħu taħt il-grupp ta’ funzjonijiet III, bħalma sostniet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u fiċ-ċaħda tal-ilment.

31      Finalment, l-Artikolu 82(2)(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ħareġ mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130). Issa, jekk dan ir-regolament jagħmel enfasi, fit-tieni premessa tiegħu, fuq il-ħtieġa li “l-Komunità [...] tkun mgħammra b’amministrazzjoni pubblika Ewropea ta’ kwalità għolja”, ma huwiex possibbli li jiġi dedott minn dan l-għan ġenerali li r-rekwiżit ta’ esperjenza professjonali xierqa għal aċċess għall-pożizzjonijiet tal-grupp ta’ funzjonijiet III għandu jinftiehem bħala wieħed li jimponi b’mod iktar strett esperjenza ta’ livell ekwivalenti għal dik li tista’ tinkiseb f’dan il-grupp ta’ funzjonijiet biss.

32      Jirriżulta minn dak li ntqal hawn li l-Artikolu 82(2)(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-Artikolu 1(3)(c) tal-Anness I tad-DĠI 2011, kif ukoll is-sejħa għal espressjoni ta’ interess għandhom jiġu interpretati f’dan is-sens li l-kandidat għar-reklutaġġ bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fil-grupp ta’ funzjonijiet III għandu jkun jista’ jinvoka esperjenza ta’ tliet snin li tkun adattata għall-funzjonijiet li għandhom jimtlew mingħajr ma tkun ekwivalenti għalihom.

33      Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-Artikolu 7(3) tad-DĠI 2004 li kien jippreċiża: “Biex tiġi kkunsidrata għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni fi grad, l-esperjenza professjonali trid tkun inkisbet f’attività li tikkorrispondi tal-inqas mal-livell ta’ kwalifiki meħtieġ għal aċċess għall-grupp ta’ funzjonijiet ikkonċernat u b’rabta ma’ wieħed mis-setturi ta’ attività tal-istituzzjoni. Din tiġi kkunsidrata mid-data li fiha l-persuna kkonċernata tissodisfa l-kwalifiki minimi meħtieġa biex tiġi rreklutata, bħalma huma ddefiniti fl-Artikolu 2 (inkluż, jekk ikun il-każ, kull rekwiżit impost minn dan l-artikolu fir-rigward tal-esperjenza professjonali).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

34      Mhux talli l-Artikolu 7(3) tad-DĠI 2004 ma kienx għadu fis-seħħ fi żmien l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda, barra minn hekk, dan kien sempliċement jippreċiża li, biex wieħed jittieħed inkunsiderazzjoni għal klassifikazzjoni fil-grad tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, l-esperjenza professjonali trid tkun inkisbet f’attività li tikkorrispondi tal-inqas mal-livell ta’ kwalifiki meħtieġ għal aċċess għall-grupp ta’ funzjonijiet ikkonċernat, jiġifieri f’attività li tikkorrispondi mal-“esperjenza professjonali xierqa” prevista fl-Artikolu 2(1)(b) tad-DĠI 2004.

35      F’dan il-każ, il-kwistjoni mressqa quddiem l-AHCC kienet għalhekk biex isir magħruf jekk, fid-dawl ta’ eżami in concreto tal-kompiti mwettqa fl-attività preċedenti tiegħu (sentenza Fares vs Il‑Kummissjoni, punt 19 iktar ’il fuq, punti 63 u 64), ir-rikorrent kienx kiseb, sal-14 ta’ Ġunju 2010, esperjenza ta’ tliet snin adattata għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ assistent finanzjarju tal-grupp ta’ funzjonijiet III, bħalma ġew deskritti fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess, iżda mhux li jiġi stabbilit jekk dan setax jinvoka diġà esperjenza tal-istess valur tal-funzjonijiet deskritti hawnhekk.

36      Isegwi li bir-rifjut li tirrekluta lir-rikorrent bħala assistent finanzjarju tal-grupp ta’ funzjonijiet III minħabba li “ma kisibx, sad-data tal-14 ta’ Ġunju 2010, tliet snin ta’ esperjenza professjonali ekwivalenti għall-kompiti li jaqgħu taħt il-grupp ta’ funzjonijiet III” [traduzzjoni mhux uffiċjali], l-AHCC kisret l-Artikolu 82(2)(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-Artikolu 1(3)(c) tal-Anness I tad-DĠI 2011 u s-sejħa għal espressjoni ta’ interess.

37      L-ewwel motiv huwa għaldaqstant fondat.

38      Ir-rikorrent isostni, fit-tieni motiv tiegħu, li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Hu jallega li l-esperjenza professjonali tiegħu kienet effettivament “ekwivalenti” għal dik li tirriżulta mit-twettiq tal-kompiti li jaqgħu taħt il-grupp ta’ funzjonijiet III u li din qabżet sew it-tliet snin meħtieġa. Huwa jibbaża f’dan ir-rigward fuq id-deskrizzjoni tal-pożizzjonijiet li kien okkupa u fuq l-evalwazzjonijiet tas-superjuri tiegħu li jidhru fir-rapporti ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-snin 2007, 2009 u 2010, kif ukoll fuq in-nota tal-1 ta’ Diċembru 2011 tal-Kap ta’ diviżjoni li kien ħadem taħt it-tmexxija tiegħu.

39      Peress li l-ewwel motiv huwa fondat u li jirriżulta li l-AHCC kellha tillimita ruħha li teżamina jekk l-esperjenza professjonali tar-rikorrent setgħetx tiġi kkwalifikata bħala “xierqa” għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ assistent finanzjarju tal-grupp ta’ funzjonijiet III bħalma kienu deskritti fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jivverifika jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta jqis li dan ma setax jinvoka esperjenza professjonali “ekwivalenti għall-kompiti li jaqgħu taħt il-grupp ta’ funzjonijiet III” jekk mhux b’riskju li huwa stess jibbaża r-raġunament tiegħu fuq premessa bi żball ta’ dritt.

 Fuq it-talbiet għal kumpens

40      Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata kkawżatlu dannu materjali, peress li, fl-assenza tal-imsemmija deċiżjoni, kien jiġi rreklutat bħala membru tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet III f’Ottubru 2011, b’remunerazzjoni ogħla minn dik li baqa’ jirċievi fl-impjieg tiegħu fil-grupp ta’ funzjonijiet I.

41      Għandu madankollu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata għaliex l-AHCC irrifjutat li tirrekluta lir-rikorrent bħala assistent finanzjarju tal-grupp ta’ funzjonijiet III fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 82(2)(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, tal-Artikolu 1(3)(c) tal-Anness I tad-DGE 2011 u tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 266 TFUE, hija l-istituzzjoni li l-att tagħha ġie annullat li għandha “[t]ieħu l-miżuri neċessarji sabiex [t]ikkonforma ruħ[ha] mas-sentenza” li tagħha hija d-destinatarja. Fl-aħħar nett, l-AHCC għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta tissejjaħ tivverifika jekk l-attivitajiet effettivament imwettqa mill-kandidat għal reklutaġġ bħala membru tal-persunal bil-kuntratt f’impjieg tal-grupp ta’ funzjonijiet III jistgħux jikkostitwixxu esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas tliet snin.

42      F’dawn il-kundizzjonijiet, peress li l-Kummissjoni ssejħet teżerċita mill-ġdid, fid-dawl tal-motivi ta’ din is-sentenza, is-setgħa diskrezzjonali tagħha li tikkonċerna l-esperjenza professjonali li jista’ jinvoka r-rikorrent, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax, mingħajr ma jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu b’dik tal-Kummissjoni, jikkundannaha tħallas lil dan tal-aħħar ammont ekwivalenti għad-differenza bejn dak li kompla jirċievi fl-impjieg tiegħu fil-grupp ta’ funzjonijiet I u s-salarju li kieku jiġi allokat lilu fil-grupp ta’ funzjonijiet III.

 Fuq l-ispejjeż

43      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu Tmienja tat-Titolu II ta’ dawn ir-regoli, kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

44      Mill-motivi stabbiliti f’din is-sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni tilfet il-parti l-kbira tad-difiża tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrent, fit-talbiet tiegħu, talab espressament li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-spejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tielet Awla),

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tas-6 ta’ Marzu 2012, li tirrifjuta li tirrekluta lil É. Marques bħala membru tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet III hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn É. Marques.

Van Raepenbusch

Barents

Bradley

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Settembru 2013.

Reġistratur

 

       President

W. Hakenberg

 

       S. Van Raepenbusch


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.