Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soude (Ir-Repubblika Ċeka) fl-4 ta’ Diċembru 2020 – ET vs Ministerstvo životního prostředí

(Kawża C-659/20)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Nejvyšší správní soud

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: ET

Konvenut: Ministerstvo životního prostředí

Domandi preliminari

Il-kampjuni li huma l-ġenituri ta’ kampjuni mrobbija minn persuna li trabbi approvata, għalkemm din tal-aħħar qatt ma kellha l-pussess jew qatt ma kienet id-detentriċi tagħhom, jiffurmaw parti mill-“ħażna għat-trobbija” fis-sens tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 1 tal-4 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija li l-kampjuni ġenituri ma jifformawx parti mill-ħażna għat-trobbija, l-awtoritajiet kompetenti għandhom id-dritt, fil-kuntest tal-eżami tal-osservanza tar-rekwiżit previst fil-punt 2 tal-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 865/2006, dwar l-istabbiliment legali tal-ħażna bla ħsara għas-sopravivenza tal-kampjuni mill-ambjent naturali, li jivverifikaw l-oriġini tal-kampjuni ġenituri u li minn dan jisiltu konklużjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-ħażna għat-trobbija ġietx stabbilita konformement mar-regoli previsti fil-punt 2 tal-Artikolu 54 tal-imsemmi regolament?

Fil-kuntest tal-eżami tal-osservanza tar-rekwiżit previst fil-punt 2 tal-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 865/2006, dwar l-istabbiliment legali tal-ħażna bla ħsara għas-sopravivenza tal-kampjuni mill-ambjent naturali, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra tal-kwistjoni (b’mod partikolari l-bona fide waqt iċ-ċessjoni tal-kampjuni u l-aspettattivi leġittimi fil-fatt li l-kummerċ tal-eventwali dixxendenti tagħhom ser ikun possibbli, u, jekk ikun il-każ, anki l-leġiżlazzjoni inqas severa fis-seħħ fir-Repubblika Ċeka qabel l-adeżjoni ta’ din tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea)?

____________

1 ĠU 2006, L 166, p. 1.