Language of document : ECLI:EU:T:2015:610

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

9 ta’ Settembru 2015 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq dinji tat-tubi katodiċi għas-settijiet tat-televiżjoni u għall-moniters tal-kompjuter – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Ftehimiet u prattiki miftiehma fir-rigward ta’ prezzijiet, ta’ tqassim tas-swieq, ta’ kapaċitajiet u ta’ produzzjoni – Prova tal-parteċipazzjoni fl-akkordju – Ksur uniku u kontinwat – Imputabbiltà tal-ksur – Kontroll konġunt – Multi – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑104/13,

Toshiba Corp., stabbilita f’Tokyo (il-Ġappun), irrappreżentata minn J. MacLennan, solicitor, J. Jourdan, A. Schulz u P. Berghe, avukati,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Biolan, V. Bottka u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 8839 finali, tal-5 ta’ Diċembru 2012, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.437 – Tubi katodiċi għas-settijiet tat-televiżjoni u għall-moniters tal-kompjuter), sa fejn tirrigwarda lir-rikorrenti, kif ukoll, sussidjarjament, talba għat-tħassir jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Papasavvas (Relatur), President, N. J. Forwood, u E. Bieliūnas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-11 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Ir-rikorrenti u l-prodott ikkonċernat

1        Ir-rikorrenti, Toshiba Corp., hija impriża dinjija li tipproduċi u tikkummerċjalizza prodotti elettroniċi u elettriċi, fosthom tubi ta’ raġġi katodiċi (iktar ’il quddiem is-“CRT”).

2        Is-CRT huma envelops tal-ħġieġ evakwat li fihom electron gun u skrin fluworexxenti, u huma ġeneralment mgħammra b’apparat intern jew estern sabiex jaċċellera jew jiddevja l-elettroni. Meta elettroni sparati mill-electron gun jolqtu l-iskrin fluworexxenti, jiġi prodott id-dawl u tinħoloq l-immaġni fuq l-iskrin. Fiż-żmien meta seħħew il-fatti, kienu jeżistu żewġ tipi ta’ CRT, jiġifieri tubi għall-istampa bil-kulur użati f’moniters tal-kompjuter (colour display tubes, iktar ’il quddiem is-“CDT”) u tubi għall-istampi bil-kulur użati f’settijiet tat-televiżjoni bil-kulur (colour picture tubes, iktar ’il quddiem is-“CPT”). Is-CDT u s-CPT huma komponenti individwali li huma kkombinati ma’ xażi u komponenti oħra neċessarji sabiex jipproduċu moniter tal-kompjuter jew sett tat-televiżjoni bil-kulur. Huma jiġu f’numru ta’ daqsijiet differenti (żgħir, medju, kbir u jumbo), espressi f’pulzieri.

3        Ir-rikorrenti pparteċipat fil-produzzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ CRT, kemm direttament kif ukoll permezz tas-sussidjarji tagħha, b’mod partikolari [kunfidenzjali] (1), [kunfidenzjali], [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali], li jinsabu fl-Ewropa, fl-Asja u fl-Amerika ta’ Fuq. [kunfidenzjali], stabbilita fi [kunfidenzjali] u miżmuma kompletament minn [kunfidenzjali], kienet il-fergħa Ewropea inkarigata mill-attivitajiet fil-qasam tal-komponenti elettroniċi tar-rikorrenti kif ukoll id-distributur esklużiv tagħha ta’ CDT u ta’ CPT fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), u dan mis-sena 1995 sal-31 ta’ Marzu 2003.

4        Fil-31 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti ttrasferiet l-attivitajiet kollha tagħha fil-qasam ta’ CRT lil impriża konġunta, Matsushita Toshiba Picture Display Co. Ltd (iktar ’il quddiem “MTPD”), li nħolqot ma’ Matsushita Electric Industrial Co. Ltd (iktar ’il quddiem “MEI”). Sal-31 ta’ Marzu 2007, 64.5 % ta’ MTPD kien miżmum minn MEI u 35.5 % tagħha mir-rikorrenti, f’liema data din tal-aħħar ittrasferiet il‑holding tagħha lil MEI, b’mod li MTPD saret sussidjarja sħiħa ta’ MEI u biddlet l-isem tal-kumpannija tagħha f’MT Picture Display Co. Ltd. Fir-rigward ta’ MEI, hija biddlet l-isem tal-kumpannija tagħha f’Panasonic Corp. fl-1 ta’ Ottubru 2008.

 Il-proċedura amministrattiva

5        Din il-proċedura nfetħet wara talba għal immunità, fis-sens tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis tal-multi f’każijiet ta’ akkordju (ĠU 2006, C 298, p. 17), li tressqet fit-23 ta’ Marzu 2007 minn Chunghwa Picture Tubes Co. Ltd.

6        Samsung SDI Co. Ltd, Samsung SDI Germany GmbH, Samsung SDI (Malaysia) Berhad (iktar ’il quddiem, meqjusa flimkien, “Samsung SDI”), MEI, Koninklijke Philips Electronics NV (iktar ’il quddiem “Philips”) u Thomson SA ressqu talbiet għal klemenza, skont il-komunikazzjoni msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq.

7        Fit-23 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, indirizzata lir-rikorrenti u lil Chunghwa Picture Tubes Co. Ltd, Chunghwa Picture Tubes (Malaysia) Sdn. Bhd, CPTF Optronics Co. Ltd (iktar ’il quddiem, meqjusa flimkien, “Chunghwa”), Samsung SDI, Philips, LG Electronics, Inc. (iktar ’il quddiem “LGE”), PT LG Electronics Indonesia Ltd, LG Electronics European Holding BV, Thomson, Panasonic, [kunfidenzjali], [kunfidenzjali], u MTPD, u żammet seduta fis-26 u fis-27 ta’ Mejju 2010 (iktar ’il quddiem is-“seduta”) mad-destinatarji ta’ din id-dikjarazzjoni.

8        Permezz ta’ ittri tat-2 ta’ Lulju 2010, Panasonic u r-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet addizzjonali u pproduċew provi dwar il-kwistjoni ta’ allegata influwenza determinanti eżerċitata minnhom fuq l-aġir ta’ MTPD fis-suq.

9        Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti tenniet it-talba li kienet ifformulat fl-osservazzjonijiet tagħha tat-2 ta’ Lulju ta’ qabel, intiza sabiex tikseb l-aċċess għall-osservazzjonijiet ippreżentati minn Panasonic fil-kuntest tas-seduta, kif ukoll għal kull prova ġdida mdaħħla fil-fajl mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ’il quddiem.

10      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni bagħtet espożizzjoni tal-fatti lil Panasonic u lir-rikorrenti dwar provi addizzjonali li fuqhom kellha l-intenzjoni tibbaża ruħha, jekk ikun il-każ, sabiex tqis li huma kienu responsabbli flimkien u in solidum għal eventwali sanzjoni imposta fuq MTPD għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju globali.

11      Permezz ta’ ittra tal-uffiċjal tas-seduta tad-19 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni ċaħdet it-talbiet tar-rikorrenti tal-14 u tat-23 ta’ Diċembru 2010, intiżi sabiex tikseb l-aċċess għar-risposti tal-impriżi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

12      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti rrispondiet għall-espożizzjoni tal-fatti mibgħuta mill-Kummissjoni.

13      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni, b’mod partikolari lir-rikorrenti, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u talbitha tipprovdi informazzjoni dwar il-bejgħ tagħha u dwar id-dħul mill-bejgħ globali tagħha.

 Id-deċiżjoni kkontestata

14      Permezz tad-Deċiżjoni C (2012) 8839 finali, tal-5 ta’ Diċembru 2012, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.437 – Tubi katodiċi għas-settijiet tat-televiżjoni u għall-moniters tal-kompjuter, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni kkonstatat li l-produtturi prinċipali ta’ CRT fuq livell dinji kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) billi pparteċipaw f’żewġ atti ta’ ksur separati, li kull wieħed minnhom jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwat. Dawn l-atti ta’ ksur kienu jirrigwardaw, minn naħa, is-suq tas-CDT (iktar ’il quddiem l-“akkordju CDT”) u, min-naħa l-oħra, is-suq tas-CPT (iktar ’il quddiem l-“akkordju CPT”). Huma seħħew bejn l-24 ta’ Ottubru 1996 u l-14 ta’ Marzu 2006 u bejn it-3 ta’ Diċembru 1997 u l-15 ta’ Novembru 2006, rispettivament, u twettqu permezz ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma bejn il-produtturi ta’ CRT li l-għanijiet tagħhom kienu l-fissazzjoni tal-prezzijiet, it-tqassim tas-swieq u tal-klijenti permezz tal-attribuzzjoni ta’ volumi ta’ bejgħ, ta’ klijenti u ta’ ishma mis-suq, ir-restrizzjoni tal-produzzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva u l-kontroll tal-implementazzjoni tal-ftehimiet kollużivi.

15      F’dak li jirrigwarda l-akkordju CPT, li huwa l-uniku wieħed ikkonċernat minn dan ir-rikors, il-Kummissjoni qieset li l-parteċipanti kienu ftiehmu fuq il-miri ta’ prezzijiet jew fuq il-prezzijiet minimi għal diversi daqsijiet ta’ CPT, li kienu fittxew li jzommu differenza fil-prezz bejn prodotti identiċi kkummerċjalizzati fl-Ewropa u fl-Asja u li kienu kkontrollaw bir-reqqa l-ftehimiet fuq l-iffissar tal-prezzijiet. Huma kkonkludew ukoll ftehimiet li kienu jistabbilixxu liema produttur kellu jikkomunika liema żieda fil-prezz lil liema klijent. Barra minn hekk, il-produtturi ta’ CPT ftiehmu fuq l-ishma mis-suq tagħhom u qablu fuq restrizzjonijiet tal-produzzjoni kkoordinati sabiex inaqqsu l-offerta żejda u sabiex iżidu jew iżommu l-prezzijiet. Barra minn hekk, huma skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar il-produzzjoni u l-kapaċità previsti, il-bejgħ imwettaq u ppjanat, il-previżjonijiet dwar id-domandi futuri, l-iffissar tal-prezzijiet u l-istrateġija tal-prezzijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, il-klijenti u n-negozjati fuq il-prezzijiet u fuq il-volumi ma’ dawn tal-aħħar.

16      Fil-premessi 123 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata, ġie rrilevat li, fi tmiem perijodu inizjali li matulu s-CPT kienu ġew diskussi waqt l-istess laqgħat li kienu jirrigwardaw is-CDT, mill-ħarifa tal-1998, kienu bdew jiġu organizzati laqgħat multilaterali regolari msejħa “CPT glass meetings”, inizjalment fl-Asja (iktar ’il quddiem “laqgħat tal-ħġieġ Asjatiċi”), bejn l-impriżi Asjatiċi li jikkostitwixxu l-qalba tal-akkordju, jiġifieri, Chunghwa, Samsung SDI, [kunfidenzjali], [kunfidenzjali] u LGE fuq bażi ta’ kull xahar jew ta’ kull tliet xhur, u flimkien ma’ dawn il-laqgħat kien saru wkoll kuntatti bilaterali u skambji ta’ informazzjoni frekwenti bejn il-produtturi fuq livell dinji. Sussegwentement, mill-1999, l-impriżi Asjatiċi għamlu sforz sabiex iwessgħu ċ-ċirku tal-membri tal-akkordju sabiex jinkludu fih il-produtturi Asjatiċi prinċipali kollha, kif ukoll il-produtturi Ewropej. B’hekk ingħaqdu magħhom [kunfidenzjali], MEI, Philips, Thomson u r-rikorrenti. Il-parteċipazzjoni tal-impriżi Ewropej, Philips u Thomson, ġiet ipprovata wara li, fir-rebbiegħa tal-1999, inbdiet proċedura antidumping fl-Ewropa dwar l-importazzjoni ta’ CPT Asjatiċi ta’ 14-il pulzier. Sussegwentement, kien hemm provi li juru wkoll li nżammu laqgħat tal-ħġieġ (iktar ’il quddiem il-“laqgħat tal-ħġieġ”) fl-Ewropa (iktar ’il quddiem il-“laqgħat tal-ħġieġ Ewropej”). Barra minn hekk, fis-snin 2002-2003, il-forma tal-laqgħat tal-ħġieġ Asjatiċi nbidlet u għalhekk ġew organizzati fuq żewġ livelli, intiżi għall-produtturi ta’ CPT li kienu jinsabu fl-Asja u li kienu jinkludu, minn naħa, laqgħat bejn Samsung SDI, MTPD u l-grupp LG Philips Displays (iktar ’il quddiem il-“grupp LPD”, minflok LGE u Philips, li kienu ttrasferew l-attivitajiet tagħhom fil-qasam ta’ CPT lilu), imsejħa “SML”, li kienu jirrigwardaw prinċipalment is-CPT ta’ daqs medju u ta’ daqs kbir ħafna (extra large), u, min-naħa l-oħra, laqgħat tax-Xlokk tal-Asja bejn Samsung SDI, il-grupp LPD, MTPD, Chunghwa ut [kunfidenzjali], imsejħa “ASEAN”, li kienu jirrigwardaw prinċipalment is-CPT ta’ daqs żgħir u ta’ daqs medju.

17      Il-Kummissjoni rrilevat li, għalkemm il-laqgħat tal-ħġieġ Ewropej dwar is-CPT allegatament ġew organizzati u tmexxew separatament mil-laqgħat miżmuma fl-Asja, is-sussidjarji tal-istess impriżi u, fuq bażi okkażjonali, l-istess kollaboraturi, ipparteċipaw f’laqgħat ma’ kompetituri kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Asja. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-laqgħat tal-ħġieġ Ewropej u l-laqgħat tal-ħġieġ Asjatiċi kienu interkonnessi, sa fejn fihom ġew eżaminati l-istess suġġetti u fihom ġie skambjat l-istess tip ta’ informazzjoni, u dan minkejja l-fatt li d-dokumenti fil-fajl ma kinux jiddeskrivu l-eżistenza ta’ organizzazzjoni ċentrali konġunta. F’dan ir-rigward, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-laqgħat tal-ħġieġ Ewropej kienu estensjoni tal-laqgħat tal-ħġieġ Asjatiċi u kienu jikkonċentraw b’mod iktar partikolari fuq il-kundizzjonijiet tas-suq u l-prezzijiet fl-Ewropa, filwaqt li l-kuntatti li nżammu fil-kuntest tal-akkordju fl-Asja kienu ta’ natura dinjija u għalhekk kienu jirrigwardaw ukoll l-Ewropa. Barra minn hekk, il-ftehimiet dwar is-suq Ewropew ġew konklużi fil-kuntest ta’ laqgħat li nżammu kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Asja u l-prezzijiet applikati kienu jiġu segwiti b’mod regolari, billi ntużaw il-prezzijiet Asjatiċi bħala indikaturi għall-eżami tal-livell tal-prezzijiet Ewropej.

18      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-involviment tar-rikorrenti fl-akkordju CPT, l-ewwel nett, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienet ipparteċipat direttament fih, billi żammet kuntatti bilaterali, bejn is-16 ta’ Mejju 2000 u l-11 ta’ April 2002, mal-parti l-kbira tal-impriżi li jikkostitwixxu l-qalba tal-imsemmi akkordju, li fil-kuntest tagħhom kienu seħħew l-istess tipi ta’ diskussjonijiet bħal f’ċerti laqgħat tal-ħġieġ, kif ukoll billi pparteċipat, mit-12 ta’ April 2002, f’uħud mill-imsemmija laqgħat tal-ħġieġ. It-tieni nett, il-Kummissjoni rrilevat li, mill-1 ta’ April 2003, MTPD, li fuqha MEI u r-rikorrenti eżerċitaw influwenza determinanti, kienet kompliet bil-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju CPT b’mod mhux interrott, kemm billi skambjat informazzjoni kummerċjali sensittiva li kienet tirrigwardaha, fil-kuntatti bilaterali mal-impriżi li pparteċipaw fil-laqgħat tal-ħġieġ Ewropej, kif ukoll billi pparteċipat fil-laqgħat SML u ASEAN, li kienu ta’ portata dinjija u li nżammu fl-Asja. Konsegwentement, minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti kienet responsabbli, minn naħa, għall-ksur imwettaq direttament minnha, qabel il-ħolqien ta’ MTPD, u, min-naħa l-oħra, flimkien u in solidum ma’ Panasonic, għall-ksur imwettaq minn MTPD, mill-ħolqien ta’ din tal-aħħar.

19      F’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”).

20      L-ewwel nett, sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni qieset li, għall-finijiet li jiġi stabbilit l-valur tal-bejgħ tal-oġġetti b’rabta mal-ksur, fis-sens tal-paragrafu 13 tal-Linji gwida tal-2006, kellha tittieħed inkunsiderazzjoni l-medja tal-valur annwali tal-bejgħ “reali” matul il-perijodu kollu tal-akkordju CPT, li kienet tikkonsisti, minn naħa, fil-bejgħ marbut mas-CPT mibjugħa direttament lill-klienti li jinsabu fiż-ŻEE minn waħda mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem il-“bejgħ dirett ŻEE”), u, min-naħa l-oħra, fil-bejgħ marbut mas-CPT integrati fi ħdan l-istess grupp fi prodott finali u sussegwentement mibjugħa minn waħda mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata lill-klijenti li jinsabu fiż-ŻEE (iktar ’il quddiem il-“bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti ttrasformati”). Skont il-premessi 1021, 1026 u 1029 tal-imsemmija deċiżjoni, l-ewwel bejgħ “reali” ta’ CPT – mibjugħa bħala tali jew integrati fi prodotti finali – kien jikkorrispondi għall-bejgħ magħmul fiż-ŻEE matul il-perijodu tal-akkordju CPT u mwettaq minn waħda mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata lil klijent estern. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-“bejgħ indirett”, li jikkorrispondi għall-valur tas-CPT mibjugħa minn waħda mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestati lil klijenti li jinsabu barra miż-ŻEE, li sussegwentement integrawhom fi prodotti finali li biegħu fiż-ŻEE.

21      Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li Panasonic u r-rikorrenti kienu pparteċipaw fl-akkordju CPT qabel il-ħolqien ta’ MTPD u li kienu komplew jipparteċipaw fih wara l-ħolqien ta’ din tal-aħħar, u dan permezz ta’ din tal-aħħar. Għalhekk hija qieset li, għalkemm ma kienx hemm interruzzjoni fil-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju CPT, kellha ssir distinzjoni bejn żewġ perijodi sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi imposti fuq din tal-aħħar, jiġifieri, minn naħa, il-perijodu preċedenti għall-ħolqien ta’ MTPD, li għalih Panasonic u r-rikorrenti kellhom jitqiesu responsabbli individwalment minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħhom fl-akkordju CPT u, min-naħa l-oħra, il-perijodu sussegwenti għall-ħolqien ta’ MTPD, li għalih Panasonic u r-rikorrenti kellhom jitqiesu responsabbli flimkien u in solidum ma’ MTPD. F’dak li jirrigwarda l-perijodu preċedenti għall-ħolqien ta’ MTPD, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-valur medju tal-bejgħ “reali” individwali tal-kumpanniji parent, filwaqt li, għall-perijodu sussegwenti għall-ħolqien tagħha, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ ta’ MTPD, sabiex tirrifletti s-setgħa ekonomika tal-imsemmija impriża. Dan il-bejgħ tal-aħħar kien jinkludi kemm il-bejgħ dirett ŻEE mwettaq minn MTPD kif ukoll il-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti ttrasformati bejn MTPD, minn naħa, u Panasonic u r-rikorrenti, min-naħa l-oħra.

22      F’dak li jirrigwarda l-valur tal-bejgħ użat sabiex jiġi kkalkolat l-ammont addizzjonali inkluż fl-ammont bażiku, imputat mill-Kummissjoni lil kull waħda mill-kumpanniji parent ta’ MTPD, dan il-valur ġie stabbilit billi ttieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-medja tal-valur annwali tal-bejgħ individwali ta’ CPT imwettaq minn kull kumpannija parent qabel il-ħolqien ta’ MTPD, iżda wkoll frazzjoni tal-bejgħ ta’ CPT imwettaq minn din tal-aħħar, li tikkorrispondi għall-holding azzjonarju miżmum minn kull kumpannija parent fil-kapital tagħha.

23      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tal-gravità tal-ksur, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku kienet tikkorrispondi, għall-impriżi kkonċernati kollha, għal 18 %, f’dak li jirrigwarda l-akkordju CPT, u għal 19 %, f’dak li jirrigwarda l-akkordju CDT, immultiplikat bit-tul tal-parteċipazzjoni rispettiva tagħhom fil-ksur, fuq bażi proporzjonali u arrotondata ’l isfel kull xahar. Barra minn hekk, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni tal-impriżi fl-akkordju CPT u sabiex tiddisswadihom milli jikkonkludu ftehimiet orizzontali ta’ ffissar ta’ prezzijiet u ta’ tqassim ta’ swieq, il-Kummissjoni inkludiet, fl-ammont bażiku tal-multi li kellhom jiġu imposti fuq Panasonic u fuq ir-rikorrenti, l-ammont addizzjonali li jirriżulta mill-perċentwali ta’ 18 % applikata għall-valur tal-bejgħ rilevanti għall-akkordju CPT.

24      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li ma kinux jeżistu ċirkustanzi aggravanti u lanqas ma rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti f’dak li jirrigwarda r-rikorrenti, li kienu jiġġustifikaw l-aġġustament tal-ammont bażiku.

25      Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-fatt li d-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti kien tqies li kien partikolarment kbir, lil hinn mill-oġġetti li għalihom kien jirreferi l-ksur, il-Kummissjoni applikat multiplikatur ta’ dissważjoni ta’ 10 % tal-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti.

26      L-Artikoli 1 u 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqraw kif ġej:

Artikolu 1

1.      […]

2.      L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 […] TFUE l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, matul il-perijodi indikati, f’kumpless uniku u kontinwat ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tas-[CPT]:

[…]

c)      Panasonic […] mill-15 ta’ Lulju 1999 sat-12 ta’ Ġunju 2006;

d)      Toshiba […] mis-16 ta’ Mejju 2000 sat-12 ta’ Ġunju 2006;

e)      [MTPD] mill-1 ta’ April 2003 sat-12 ta’ Ġunju 2006;

[…]

Artikolu 2

1.      […]

2.      Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1[(2)], huma imposti l-multi li ġejjin:

[…]

f)      Panasonic […] : [EUR] 157 478 000;

g)      Toshiba […] : [EUR] 28 048 000;

h)      Panasonic […], Toshiba […] u [MTPD], responsabbli flimkien u in solidum: [EUR] 86 738 000;

i)      Panasonic […] u [MTPD], responsabbli flimkien u in solidum: [EUR] 7 885 000;

[…]”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

27      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

28      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla, din il-kawża għalhekk ġiet assenjata lil din l-awla.

29      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha tat-2 ta’ Mejju 1991, li tagħmel xi mistoqsijiet lill-partijiet. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom mat-talbiet tal-Qorti Ġenerali fit-termini mogħtija.

30      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Novembru 2014. Waqt din is-seduta, ġie deċiż li l-partijiet jintalbu jippreżentaw l-eventwali osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑580/12 P, Ġabra), fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-għoti ta’ din tal-aħħar, liema terminu ġie pprorogat sat-28 ta’ Novembru 2014 fir-rigward tal-Kummissjoni, fuq talba tagħha.

31      Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 u fit-28 ta’ Novembru 2014 rispettivament, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni kkonformaw ruħhom ma’ din it-talba.

32      Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fil-5 ta’ Diċembru 2014.

33      Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Mejju 2015, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura orali b’applikazzjoni tal-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

34      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet jippreżentaw l-eventwali osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża InnoLux vs Il‑Kummissjoni (C‑231/14 P, Ġabra). Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ din it-talba fit-terminu mogħti. Sussegwentement, il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-risposti pprovduti fil-kuntest tal-imsemmija miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u, b’mod partikolari, dwar il-kalkolu u l-ammont tal-multi.

35      Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fl-10 ta’ Lulju 2015.

36      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1(2)(d) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla l-Artikolu 1(2)(e) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla l-Artikolu 1(2)(g) tad-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, tnaqqas il-multa għall-ammont li l-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq;

–        tannulla l-Artikolu 1(2)(h) tad-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, tannulla l-imsemmija dispożizzjoni sa fejn ir-rikorrenti hija ddikjarata responsabbli flimkien u in solidum jew, sussidjarjament, tnaqqas il-multa għall-ammont li l-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

37      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

38      Permezz tal-ewwel u tat-tieni kapijiet tat-talbiet, ir-rikorrenti tfittex li tikseb, prinċipalment, l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata u, permezz tat-tielet u tar-raba’ kapijiet tat-talbiet, hija tfittex li tikseb, sussidjarjament, it-tħassir jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha mill-imsemmija deċiżjoni.

39      Għandhom jiġu eżaminati, qabelxejn, l-ewwel u t-tieni kapijiet tat-talbiet, intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq it-talbiet, ippreżentati fuq bażi prinċipali, intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

40      Ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi insostenn ta’ dawn il-talbiet. L-ewwel, it-tieni u t-tielet motivi huma bbażati fuq żbalji li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonkludi li r-rikorrenti kienet responsabbli għall-ksur imwettaq matul il-perijodi mis-16 ta’ Mejju 2000 sal-11 ta’ April 2002, mit-12 ta’ April 2002 sal-31 ta’ Marzu 2003 u mill-1 ta’ April 2003 sat-12 ta’ Ġunju 2006. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żball li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonkludi li r-rikorrenti kienet responsabbli flimkien u in solidum għall-parteċipazzjoni ta’ MTPD fil-ksur imwettaq matul il-perijodu mill-1 ta’ April 2003 sat-12 ta’ Ġunju 2006. Il-ħames motiv, imqajjem sussidjarjament, huwa bbażat fuq żball li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonkludi li MTPD kienet responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur imwettaq matul il-perijodu mill-1 ta’ April 2003 sat-12 ta’ Ġunju 2006.

41      Għandhom jiġu eżaminati, l-ewwel nett, l-ewwel motiv, sussegwentement, it-tieni, ir-raba’ u t-tielet motivi, u, fl-aħħar nett, il-ħames motiv.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonkludi li r-rikorrenti kienet responsabbli għall-ksur imwettaq bejn is-16 ta’ Mejju 2000 u l-11 ta’ April 2002

42      Dan il-motiv jinkludi erba’ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn ir-rikorrenti ma nstemgħetx fuq id-data adottata fid‑deċiżjoni kkontestata bħala d-data tal-allegata adeżjoni tagħha mal-ksur allegat. It-tieni u t-tielet partijiet huma bbażati fuq żbalji ta’ evalwazzjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti laqgħat bilaterali bħala li jagħmlu parti minn ksur uniku u kontinwat. Ir-raba’ parti hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn il-Kummissjoni applikat regoli ta’ prova differenti sabiex teskludi l-parteċipazzjoni ta’ impriża oħra, [kunfidenzjali], fl-akkordju CPT, u dan minkejja l-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar f’ċerti laqgħat bilaterali fl-Ewropa kif ukoll f’laqgħat tal-ħġieġ Ewropej, matul l-istess perijodu bħar-rikorrenti.

43      It-tieni u t-tielet partijiet għandhom jiġu eżaminati fl-ewwel lok u b’mod konġunt.

44      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-laqgħa tas-16 ta’ Mejju 2000, li nżammet bejn ir-rikorrenti u Philips, kellha għan antikompetittiv, din tal-aħħar ma kinitx tagħmel parti mill-ksur uniku u kontinwat ikkonstatat mid-deċiżjoni kkontestata.

45      Fil-kuntest tat-tielet parti, ir-rikorrenti ssostni li ebda wieħed mill-kuntatti bilaterali l-oħra identifikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li kienu sporadiċi u mingħajr ebda rabta bejniethom, ma kellu l-karatteristiċi tal-laqgħat tal-ħġieġ li allegatament inżammu matul l-istess perijodu, u lanqas ma kien jinkludi informazzjoni dwar il-ftehimiet konklużi waqt il-laqgħat tal-akkordju.

46      Għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-rikorrenti la pparteċipat fil-laqgħat tal-ħġieġ Asjatiċi (mill-1997 sal-2002) u lanqas fil-laqgħat tal-ħġieġ Ewropej (mill-1999 sal-2005), iżda li, mis-16 ta’ Mejju 2000 sal-11 ta’ April 2002, hija kellha disa’ kuntatti bilaterali, prinċipalment ma’ tliet parteċipanti fl-imsemmija laqgħat, jiġifieri Samsung SDI, f’dak li jirrigwarda l-laqgħat tal-ewwel, u Thomson u Philips, f’dak li jirrigwarda dawk tal-aħħar. Issa r-rikorrenti ssostni li, anki jekk jitqies li l-imsemmija kuntatti kienu jinvolvu aġir antikompetittiv min-naħa tal-impriżi parteċipanti, ebda prova ma turi li, fl-okkażjoni ta’ dawn il-kuntatti, hija kienet ġiet informata bl-eżistenza tal-ksur uniku u kontinwat allegat, b’mod li seta’ jitqies li hija kienet involuta f’dan il-ksur mir-rebbiegħa tas-sena 2000.

47      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, fil-premessi 126, 274, 279, 287, 313, 502 u 686 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq provi li jippreċedu d-data meqjusa bħala dik tal-adeżjoni tagħha mal-akkordju CPT, jiġifieri s-16 ta’ Mejju 2000, u, fir-rigward ta’ wħud minnhom, li ma ġewx iċċitati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sabiex jiġi kkonstatat, minn naħa, li hija kienet konxja mill-eżistenza tal-laqgħat tal-ħġieġ u, min-naħa l-oħra, li l-istrateġija tagħha kienet li tipparteċipa fihom permezz ta’ kuntatti bilaterali. Barra minn hekk, il-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tqis li r-rikorrenti kienet inżammet informata bl-eżistenza tal-akkordju CPT permezz ta’ kompetitur, jiġifieri [kunfidenzjali], li kien ipparteċipa fil-laqgħat tal-ħġieġ, kienu indiretti u ġenerali wisq, filwaqt li l-allegati tentattivi tal-kompetituri tagħha sabiex jinvolvuha fl-imsemmi akkordju kienu jikkonċernaw lil [kunfidenzjali].

48      Mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet jirriżulta li dawn tal-aħħar ma jaqblux dwar il-valur probatorju tal-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tqis, minn naħa, li r-rikorrenti kienet konxja mill-eżistenza tal-aġir antikompetittiv previst jew implementat mill-parteċipanti fil-laqgħat tal-ħġieġ Asjatiċi u Ewropej u mill-għanijiet komuni li fittxew li jilħqu dawn tal-aħħar jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedihom u kienet lesta taċċetta r-riskju marbut magħhom u, min-naħa l-oħra, li hija kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi, permezz tal-aġir tagħha, għat-twettiq tal-istess għanijiet.

49      Għandu jitfakkar li, fid-dawl tan-natura tal-atti ta’ ksur inkwistjoni u tan-natura u tal-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet marbuta magħhom, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, kif jirrużulta b’mod partikolari mill-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), japplika b’mod partikolari għall-proċeduri dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew għal pagamenti ta’ penalità (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Ottubru 2014, Soliver vs Il‑Kummissjoni, T‑68/09, Ġabra, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, minn naħa, li l-Kummissjoni għandha tipproduċi l-provi li jistgħu juru, b’mod legalment suffiċjenti, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 86) u, min-naħa l-oħra, li l-eżistenza ta’ dubju fil-ħsieb tal-qorti għandha tkun għall-benefiċċju tal-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata tali ksur (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, Kaimer et vs Il‑Kummissjoni, T‑379/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-kuntest, hija b’mod partikolari l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-elementi kollha li jippermettu li jiġi konkluż li impriża pparteċipat f’tali ksur u li kienet responsabbli għad-diversi elementi li tinvolvi din il-parteċipazzjoni (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86). Minn dan isegwi li l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju ma tistax tiġi dedotta minn spekulazzjoni li ssir abbażi ta’ elementi impreċiżi (ara s-sentenza Soliver vs Il‑Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk il-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata humiex suffiċjentement kredibbli, preċiżi u konsistenti sabiex isostnu l-konvinzjoni ferma li r-rikorrenti pparteċipat fl-akkordju CPT.

52      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat ma jfissirx neċessarjament li impriża li tipparteċipa f’aspett wieħed jew iktar tiegħu tista’ titqies li hija responsabbli għal dan il-ksur kollu. Barra minn hekk huwa meħtieġ li l-Kummissjoni turi li din l-impriża kienet taf bl-attivitajiet antikompetittivi fuq livell Ewropew tal-impriżi l-oħra jew li setgħet raġonevolment tipprevedihom. Is-sempliċi identiċità tas-suġġett bejn ftehim li fih ipparteċipat impriża u akkordju globali ma hijiex biżżejjed sabiex din l-impriża tinżamm responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-akkordju globali. Fil-fatt, l-Artikolu 101(1) TFUE ma japplikax sakemm ma jkunx hemm intenzjoni komuni bejn il-partijiet ikkonċernati (ara s-sentenza Soliver vs Il‑Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Għaldaqstant, huwa biss jekk l-impriża, meta hija pparteċipat fi ftehim, kienet taf jew kellha tkun taf li, billi għamlet hekk, hija kienet qed tinvolvi ruħha f’akkordju globali li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim ikkonċernat tista’ tikkostitwixxi l-espressjoni tal-adeżjoni tagħha mal-istess akkordju (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Sigma Tecnologie vs Il‑Kummissjoni, T‑28/99, Ġabra p. II‑1845, punt 45; tas-16 ta’ Novembru 2011, Low & Bonar u Bonar Technical Fabrics vs Il‑Kummissjoni, T‑59/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 61, u tat-30 ta’ Novembru 2011, Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni, T‑208/06, Ġabra p. II‑7953, punt 144). Fi kliem ieħor, għandu jiġi stabbilit li l-imsemmija impriża kellha l-intenzjoni li, permezz tal-aġir tagħha stess, tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li hija kienet konxja mill-aġir li jikkostitwixxi ksur li kien previst jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih u li kienet lesta li taċċetta r-riskju marbut miegħu (ara s-sentenza Soliver vs Il‑Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      L-impriża kkonċernata għandha għalhekk tkun konxja mill-portata ġenerali u mill-karatteristiċi essenzjali tal-akkordju globali (ara s-sentenza Soliver vs Il‑Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Minn dan isegwi li, sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwat marbut mas-CPT, il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha li tipprova n-natura antikompetittiva tal-kuntatti li nżammu bejn ir-rikorrenti u l-kompetituri tagħha, bejn is-16 ta’ Marzu 2000 u l-11 ta’ April 2002, iżda għandha tistabbilixxi wkoll li r-rikorrenti kienet konxja jew setgħet raġonevolment titqies li kienet konxja, minn naħa, mill-fatt li l-kuntatti kienu jifformaw parti minn pjan ġenerali u kienu intiżi li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għan li l-akkordju globali kien ifittex li jilħaq u, min-naħa l-oħra, mill-portata ġenerali u mill-karatteristiċi essenzjali ta’ dan l-akkordju.

56      Fil-fatt, kif issostni r-rikorrenti u kif tfakkar fil-punt 52 iktar ’il fuq, fin-nuqqas ta’ indizji li jistabbilixxu li hija kienet konxja mill-eżistenza jew mill-kontenut tal-ftehimiet u tal-prattiki miftiehma konklużi matul il-laqgħat tal-ħġieġ, is-sempliċi identiċità tas-suġġett bejn il-laqgħat li fihom hija pparteċipat u l-akkordju CPT globali kif ukoll il fatt li hija kellha kuntatti ma’ impriżi li l-parteċipazzjoni tagħhom fl-imsemmi akkordju ġiet stabbilita ma humiex suffiċjenti sabiex juru li hija kienet konxja minn dan l-akkordju (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 saT‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 4112).

57      Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk il-provi msemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jurux li, fl-allegata data ta’ adeżjoni tagħha mal-akkordju CPT, jiġifieri fis-16 ta’ Mejju 2000, ir-rikorrenti kienet konxja jew kienet effettivament inżammet informata bl-eżistenza tal-akkordju CPT mill-kompetituri tagħha u li hija kellha l-intenzjoni li, permezz tal-aġir tagħha stess, tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni li l-parteċipanti kollha fl-imsemmi akkordju kienu qed ifittxu li jilħqu.

58      F’dan ir-rigward, sabiex issostni l-konstatazzjoni li, minkejja l-fatt li r-rikorrenti ma pparteċipatx fil-laqgħat tal-ħġieġ qabel ix-xahar ta’ April 2002, hija kienet inżammet informata bl-akkordju indirettament minn ċerti kompetituri (premessi 313, 498 sa 500, 502, 511, 546 u 686 tad-deċiżjoni kkontestata), li ppruvaw jinvolvuha f’dan l-akkordju (premessi 502 u 511 tal-imsemmija deċiżjoni), minn din id-deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni tirreferi għall-provi msemmija fil-premessi 264 sa 270, 273, 274, 278, 279, 287 u 502 tagħha, kif ukoll għad-dikjarazzjonijiet tal-persuni li talbu klemenza, li jinsabu fil-premessi 126 (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 176) u 549 sa 552 tagħha.

59      L-ewwel nett, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi deċiża l-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun tibbaża ruħha fuq provi preċedenti għad-data tal-allegata adeżjoni tar-rikorrenti mal-akkordju CPT sabiex turi li, f’dik id-data, din tal-aħħar kienet konxja mill-eżistenza tiegħu jew mill-aġir li jikkostitwixxi ksur li kien previst jew implementat mill-impriżi parteċipanti jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, bl-eċċezzjoni ta’ laqgħa tal-14 ta’ Jannar 1998, li fiha pparteċipat, l-imsemmija provi kienu jikkonċernaw lil [kunfidenzjali] u mhux lir-rikorrenti.

60      Fil-fatt, kuntrarjament għall-konstatazzjoni li tinsab fil-premessa 502 tad-deċiżjoni kkontestata, u kif jirriżulta mill-premessi 273 u 279 tal-istess deċiżjoni u kif tafferma ġustament ir-rikorrenti, it-tentattivi, irrilevati matul l-ewwel snin tal-akkordju CPT, jiġifieri fl-1998 u fl-1999, tal-impriżi l-oħra li pparteċipaw fl-akkordju, fosthom [kunfidenzjali], li jinkoraġġixxu lil impriżi oħra sabiex jipparteċipaw fih, dawn ukoll kienu diretti lejn [kunfidenzjali] u mhux lejn ir-rikorrenti. Issa, apparti ċ-ċirkustanzi, imfakkra fil-premessi 69 u 926 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minn naħa, ir-rikorrenti kienet azzjonista minoritarja li kellha 20 sa 30 % tal-ishma f’din l-impriża konġunta, maħluqa ma’ [kunfidenzjali], [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali], u li, min-naħa l-oħra, din l-impriża pparteċipat, hija wkoll, fl-akkordu CPT, il-Kummissjoni ma stabbilixxiet ebda rabta bejn l-imsemmija rikorrenti u [kunfidenzjali] fl-imsemmija deċiżjoni. F’dan ir-rigward, għalkemm il-Kummissjoni indirizzat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil [kunfidenzjali] ukoll, għandu jiġi rrilevat li din tal-aħħar ma kinitx destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, kif issostni r-rikorrenti, mill-imsemmija deċiżjoni ma jirriżultax li l-Kummissjoni imputatilha l-aġir ta’ [kunfidenzjali]. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet ħsieb li tagħmel distinzjoni bejn dawn iż-żewġ entitajiet.

61      Minn dan isegwi li l-argument tal-Kummissjoni li r-rappreżentant ta’ [kunfidenzjali] fil-laqgħa tal-20 ta’ Ottubru 1999 aġixxa f’isem il-grupp kollu meta ħabbar l-intenzjoni tar-rikorrenti li “tittrasferixxi l-linja ta’ 33 pulzier tal-fabbrika tagħha tal-Ġappun lejn l-Indoneżja fl-2001” ma jistax jirnexxi. Barra minn hekk, tali kunsiderazzjoni ma tinsabx fid-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni tillimita ruħha li tirrileva li, waqt din il-laqgħa, [kunfidenzjali] informat lil Chunghwa bil-progress fiż-żidiet fil-prezzijiet tas-CPT tagħha ta’ 14 u 20 pulzier għal klijenti speċifiċi.

62      It-tieni nett, l-estratti mill-minuti tal-laqgħat tal-10 u tal-20 ta’ Mejju u tat-23 ta’ Awwissu 1999, imsemmija fil-premessa 279 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll dawk tal-laqgħa tal-21 ta’ Settembru 1999, li jissemmew fil-premessa 287 tal-imsemmija deċiżjoni, jindikaw sempliċi intenzjoni tal-parteċipanti fl-akkordju CPT li jikkuntattjaw lil [kunfidenzjali], li magħha [kunfidenzjali] żammet komunikazzjoni regolari. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li huwa indikat fil-premessa 280 ta’ din id-deċiżjoni, id-dikjarazzjoni tar-rappreżentant ta’ [kunfidenzjali], waqt il-laqgħa tat-23 ta’ Awwissu 1999, fis-sens li huwa kellu l-intenzjoni jorganizza laqgħa mal-ogħla diriġenti ta’ “Toshiba” sabiex jipperswadihom isegwu ż-żieda fil-prezzijiet miftiehma, ma kinitx tikkonċerna lir-rikorrenti, iżda lil [kunfidenzjali]. Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni hija ċċitata f’taqsima tal-minuti tal-imsemmija laqgħa intitolata [kunfidenzjali], li tagħmel riferiment għad-dewmien fl-implementazzjoni taż-żieda fil-prezzijiet fl-Indoneżja. Il-fatt li l-impriża kkonċernata minn din id-dikjarazzjoni ma kinitx ir-rikorrenti jaqbel ukoll mal-kompitu mogħti lil [kunfidenzjali], li kien jikkonsisti fil-provvista lil [kunfidenzjali] tal-informazzjoni aġġornata dwar is-suq inkwistjoni.

63      Għaldaqstant, kuntrarjament għall-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessi 280 u 995 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn il-provi ma jistabbilixxux li r-rikorrenti effettivament inżammet informata minn [kunfidenzjali] bl-akkordju CPT.

64      F’dak li jirrigwarda l-laqgħa tal-14 ta’ Jannar 1998, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 169 tad-deċiżjoni kkontestata u deskritta fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 131 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li matulha l-Viċi President tar-rikorrenti ppropona li l-impriżi li jipparteċipaw fil-laqgħat tal-akkordju CDT jibagħtu rappreżentanti fil-Ġappun, fil-Korea u fit-Tajwan sabiex jistabbilixxu kuntatti bilaterali mal-impriżi Ġappuniżi li ma kinux qed jipparteċipaw fil-laqgħat tal-ħġieġ, għandu jiġi rrilevat li din il-laqgħa kienet tirrigwarda biss is-CDT u, għaldaqstant, kienet tikkonċerna akkordju differenti. Fil-fatt, fil-premessi 649 sa 656 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, minkejja r-rabtiet li kienu jeżistu bejn l-akkordji CPT u CDT, is-serje kumplessa ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma marbuta ma’ dawn l-akkordji kienet tikkostitwixxi żewġ atti ta’ ksur uniċi u kontinwi separati. Barra minn hekk, kif tafferma r-rikorrenti fir-replika, ir-riferimenti għas-“CPT” fil-minuti tal-laqgħa inkwistjoni jirreferu għal “Chunghwa Picture Tubes”, li kienet ipparteċipat fl-imsemmija laqgħa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-allegata inammissibbiltà ta’ din il-prova inkwantu ma kinitx ġiet invokata fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-akkordju CPT, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-imsemmija minuti sabiex tikkonkludi, fil-premessa 502 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-istrateġija tar-rikorrenti kienet li tipparteċipa fl-akkordju CPT permezz ta’ kuntatti bilaterali, u lanqas, konsegwentement, li hija kienet konxja mill-eżistenza ta’ dan l-akkordju.

65      Barra minn hekk, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni u għall-konstatazzjonijiet ifformulati fid-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li, waqt ċerti laqgħat tal-ħġieġ, jiġifieri, b’mod partikolari, dawk tas-7 ta’ Marzu, tal-10 u tal-20 ta’ Mejju, tat-23 ta’ Awwissu, tal-21 ta’ Settembru u tal-20 ta’ Ottubru 1999, kif ukoll tal-20 ta’ Marzu u tal-20 ta’ Novembru 2001, issemmiet data kummerċjalment sensittiva dwar il-volumi tal-bejgħ, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u l-prezzijiet applikati mir-rikorrenti, ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jitqies li din tal-aħħar kienet konxja mill-eżistenza tal-akkordju CPT u li hija kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi għall-għanijiet li dan l-akkordju kien ifittex li jilħaq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li d-data skambjata mill-parteċipanti fl-imsemmija laqgħat kienet dik tar-rikorrenti u li r-riferimenti għal “TSB”, li jirriżultaw mill-minuti tagħhom u li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju CPT, kienu tabilħaqq jirrigwardaw lil din tal-aħħar u mhux lil [kunfidenzjali].

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li fi ħdan l-istess minuti kultant intużaw l-akronimi li jikkorrispondu għall-ismijiet ta’ diversi kumpanniji, bħal “TSB”, [kunfidenzjali] jew [kunfidenzjali] ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jitqies li l-parteċipanti ħadu ħsieb li jagħmlu distinzjoni sistematika bejn ir-rikorrenti u [kunfidenzjali]. Fil-fatt, dawn ir-riferimenti għandhom jinqraw fil-kuntest tagħhom. Issa għandu jiġi kkonstatat li l-minuti tal-laqgħat tas-7 ta’ Marzu, tal-21 ta’ Settembru u tal-10 ta’ Mejju 1999 jagħmlu riferiment għal manifatturi ta’ settijiet tat-televiżjoni bbażati fix-Xlokk tal-Asja u li kienu klijenti ta’ [kunfidenzjali], fatt li huwa konsistenti mal-premessa 279 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha, matul il-laqgħa tal-ħġieġ Asjatika tal-21 ta’ Ġunju 1999, il-parteċipanti eżaminaw iż-żidiet fil-prezzijiet billi għamlu riferiment ukoll għal din tal-aħħar u għal Aiwa, li tagħha hija kienet l-ikbar fornitur.

67      Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tar-rappreżentant ta’ [kunfidenzjali], waqt laqgħa li nżammet fis-6 ta’ Marzu 2000 ma’ [kunfidenzjali], iċċitata fil-premessa 330 tad-deċiżjoni kkontestata, li “jekk GSM tiddeċiedi li żżid il-prezzijiet tagħha ma hemmx dubju li TSB tagħmel l-istess”, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tirrigwarda lir-rikorrenti, sa fejn huwa diffiċilment konċepibbli li l-istrateġija ta’ impriża li fiha hija għandha holding minoritarju tinfluwenza l-politika tal-prezzijiet adottata minnha u inqas u inqas li torbotha. Barra minn hekk, mir-risposta tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li [kunfidenzjali] kienet tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha b’mod awtonomu u li l-impjegati tagħha ma kellhom ebda setgħa deċiżjonali barra minn din tal-aħħar. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li [kunfidenzjali] iddeċidiet li tallinja ruħha ma’ eventwali żieda miftiehma tal-prezzijiet prevista waqt il-laqgħat tal-ħġieġ ma jistax jippermetti li jitqies li hija informat b’dan lir-rikorrenti. Fl-aħħar nett, l-indikazzjoni li s-“sede Ġappuniża” kienet qed tipprevedi li tittrasferixxi ċerti linji ta’ produzzjoni lill-fabbriki tagħha li jinsabu fit-Tajlandja jew fl-Indoneżja lanqas ma jipprova li r-rikorrenti kienet inżammet informata bil-prattiki antikompetittivi previsti jew implementati u bl-għanijiet li l-parteċipanti fl-akkordju CPT, fosthom Chunghwa, kienu qed ifittxu li jilħqu.

68      It-tielet nett, il-Kummissjoni lanqas ma tafferma, fid-deċiżjoni kkontestata, li [kunfidenzjali] kienet informat lir-rikorrenti, bi kwalunkwe mod, bl-eżistenza tal-akkordju CPT jew bl-għanijiet li l-parteċipanti f’dan tal-aħħar kienu qed ifittxu li jilħqu.

69      Ir-raba’ nett, anki jekk jitqies li, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 287 tad-deċiżjoni kkontestata, jista’ jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti kienet taf bil-laqgħat tal-akkordju CPT, ebda prova ma tistabbilixxi li hija kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi, bl-aġir tagħha stess, għall-għanijiet komuni li l-parteċipanti kollha fl-imsemmi akkordju kienu qed ifittxu li jilħqu.

70      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li tafferma l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, l-estratt min-noti meħuda minn impjegat ta’ Chunghwa matul il-laqgħa tal-ħġieġ tal-21 ta’ Settembru 1999, li kien jirrapporta dak li indika impjegat ta’ [kunfidenzjali] dwar ittra li ntbagħtet mir-rikorrenti (“is-sede Ġappuniża ta’ TSB”) lil [kunfidenzjali], li titlobha sabiex ma tipparteċipax fil-laqgħat tal-ħġieġ, ma jistabbilixxix li r-rikorrenti kienet wettqet l-għażla preċiża li ma tipparteċipax fl-imsemmija laqgħat u ma jippermettix li jitqies, bħas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2012, UPM-Kymmene vs Il‑Kummissjoni (T‑53/06), li hija kienet konxja mill-eżistenza tal-akkordju CPT u li kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet li l-parteċipanti f’dan tal-aħħar kienu qed ifittxu li jilħqu. Kif tafferma r-rikorrenti, dan l-estratt pjuttost juri, għall-kuntrarju, li hija ma xtaqitx li [kunfidenzjali] tipparteċipa fil-laqgħat tal-ħġieġ.

71      Il-ħames nett, kuntrarjament għall-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessi 498, 499 u 995 tad-deċiżjoni kkontestata, mid-dikjarazzjonijiet orali tat-tliet persuni li talbu klemenza, deskritti, fil-premessa 126 tal-imsemmija deċiżjoni, “bħala provi konkordanti tal-involviment tar-rikorrenti [fl-akkordju CPT] mir-rebbiegħa 2000” u msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 176 tal-imsemmija premessa lanqas ma jirriżulta li, għalkemm hija pparteċipat biss rarament f’laqgħat multilaterali, hija ġeneralment inżammet informata bl-eżitu tagħhom permezz ta’ [kunfidenzjali].

72      Minbarra n-natura ġenerali ta’ din l-affermazzjoni, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li d-dikjarazzjoni orali ta’ Chunghwa, tat-28 ta’ Novembru 2007, tagħmel riferiment għal [kunfidenzjali], bħala parteċipant fil-laqgħat bilaterali, u mhux għar-rikorrenti. Skont l-imsemmija dikjarazzjoni, ċerti impriżi pparteċipaw f’laqgħat bilaterali mal-impriżi li pparteċipaw fil-laqgħat tal-ħġieġ, ħaġa li tippermetti lil dawn tal-aħħar jiskambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar dawk li ma pparteċipawx fihom, kif ukoll jestendu d-diskussjonijiet tagħhom fuq il-prezzijiet u l-produzzjoni għall-imsemmija impriżi. F’dan ir-rigward, din id-dikjarazzjoni ssemmi tliet laqgħat bejn l-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju CPT, li nżammu fil-25 ta’ Novembru 1996 u fit-23 ta’ Awwissu u fis-27 ta’ Ottubru 1999, li matulhom ġie miftiehem li jiġu kkuntattjati l-impriżi li ma kinux qed jipparteċipaw. Issa għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 62 iktar ’il fuq, il-minuti tal-laqgħa tat-23 ta’ Awwissu 1999, imsemmija fil-premessi 279 u 280 tad-deċiżjoni kkontestata, kienu jirrigwardaw lil [kunfidenzjali] u mhux lir-rikorrenti. Bl-istess mod, skont il-premessa 291 tal-imsemmija deċiżjoni, il-parteċipanti fil-laqgħa tas-27 ta’ Ottubru 1999 eżaminaw fid-dettall l-istatus aġġornat ta’ impriżi li fosthom kien hemm [kunfidenzjali], filwaqt li r-rikorrenti ma tissemmiex fost dawn l-impriżi.

73      Fit-tieni lok, fid-dikjarazzjoni orali sussegwenti tagħha, tas-16 ta’ Marzu 2009, Chunghwa tillimita ruħha li tindika li r-rikorrenti pparteċipat f’laqgħat bilaterali u multilaterali. Madankollu, l-imsemmija dikjarazzjoni ma tispeċifikax jekk, b’“Toshiba”, huwiex qed isir riferiment biss għas-sede tal-kumpannija u, għalhekk, għar-rikorrenti, jew għal entitajiet legali oħra, bħal [kunfidenzjali]. Għalhekk, il-kwistjoni jekk l-allegat involviment ta’ “Toshiba” fil-laqgħat “tal-grupp”, bl-istess mod bħal fil-laqgħat bilaterali, jirreferix għar-rikorrenti ma hijiex iddeterminata b’mod ċar.

74      Fit-tielet lok, id-dikjarazzjoni orali ta’ Samsung SDI, tat-13 ta’ Frar 2008, li għaliha jsir riferiment fil-premessa 550 tad-deċiżjoni kkontestata, tiddeskrivi laqgħa tal-24 ta’ Novembru 1998, bejn Samsung SDI, LGE u [kunfidenzjali], li matulha din l-impriża tal-aħħar stiednet lil “Tosummit/Toshiba” tipparteċipa fiha u li din tal-aħħar kienet ipparteċipat f’laqgħat tal-istess tip b’mod rikorrenti. Issa kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fil-premessa 273 tad-deċiżjoni kkontestata u kif jirriżulta mill-istess dikjarazzjoni, din l-entità kienet qed tirreferi għal [kunfidenzjali] u mhux għar-rikorrenti.

75      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tindika l-Kummissjoni, fil-premessa 550 tad-deċiżjoni kkontestata, li tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjoni orali ta’ Samsung SDI tat-12 ta’ Marzu 2009, [kunfidenzjali] kienet qrib ta’ [kunfidenzjali], peress li kienet ikkonkludiet ftehim ta’ assistenza teknika ma’ din tal-aħħar u mhux mar-rikorrenti.

76      Fl-aħħar nett, l-affermazzjoni ta’ Samsung SDI, fid-dikjarazzjoni orali tagħha tal-20 ta’ Ġunju 2008, li r-rikorrenti ġeneralment inżammet informata permezz ta’ [kunfidenzjali], ma hijiex ipprovata b’mod suffiċjenti. Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura indiretta tagħha, din il-prova, li ġejja minn impriża differenti minn dik li allegatament informat lir-rikorrenti, ma tistax tkun suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li din tal-aħħar kienet konxja mill-eżistenza tal-akkordju CPT.

77      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Kummissjoni, fil-premessi 548 u 552 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dikjarazzjonijiet orali inkwistjoni ma jikkonfermawx il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju CPT u, konsegwentement, ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jikkorroboraw il-provi kontemporanji fuq dan il-punt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 219, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 285). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li l-imsemmija dikjarazzjonijiet orali ma jipprovdu ebda dettall dwar il-laqgħat bilaterali li matulhom ir-rikorrenti allegatament inżammet informata, permezz ta’ [kunfidenzjali], bil-ftehimiet u bil-prattiki miftiehma previsti matul il-laqgħat tal-ħġieġ.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li mill-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex turi li r-rikorrenti kienet konxja mill-eżistenza jew mill-kontenut tal-akkordju CPT qabel April 2002, meħuda kemm individwalment kif ukoll b’mod globali, jirriżulta li ma ġiex stabbilit b’mod legalment suffiċjenti li r-rikorrenti kienet konxja mill-eżistenza tal-akkordju CPT globali jew kienet inżammet informata bih mill-kompetituri tagħha u li hija kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi, permezz tal-aġir tagħha stess, għall-għanijiet komuni li l-parteċipanti kollha fl-imsemmija akkordju kienu qed ifittxu li jilħqu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju, fi kwalunkwe każ, li tiġi eżaminata l-kwistjoni tan-natura antikompetittiva tal-kuntatti bilaterali u tal-eventwali rabta tagħhom mal-akkordju CPT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni vs Aalberts Industries et, C‑287/11 P, Ġabra, punti 62 u 63).

79      Konsegwentement, it-tieni u t-tielet partijiet tal-ewwel motiv għandhom jintlaqgħu u, għalhekk, f’dan il-każ, għandu jintlaqa’ l-ewwel motiv kollu kemm hu, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, invokati insostenn tal-ewwel u tar-raba’ partijiet tal-imsemmi motiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonkludi li r-rikorrenti kienet responsabbli għall-ksur imwettaq matul il-perijodu mit-12 ta’ April 2002 sal-31 ta’ Marzu 2003

80      Dan il-motiv jinkludi żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata ksur fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, u, it-tieni waħda, fuq żball marbut mal-konstatazzjoni li r-rikorrenti pparteċipat fi ksur uniku u kontinwat.

81      Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li hija ma setgħetx tinżamm responsabbli tal-ksur minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat SML, peress li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx, minn naħa, li ftehimiet konklużi jew previsti matul dawn il-laqgħat kienu ġew implementati fiż-ŻEE u, min-naħa l-oħra, li dawn il-ftehimiet kellhom effett immedjat, sostanzjali u prevedibbli fuq is-suq ŻEE permezz tal-bejgħ ta’ prodotti ttrasformati. Barra minn hekk, hija tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża sa fejn hija ma ngħatatx l-opportunità tieħu pożizzjoni fuq din l-allegazzjoni tal-aħħar tal-Kummissjoni.

82      Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta ddikjaratha responsabbli għall-ksur uniku u kontinwat minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’erba laqgħat SML, li nżammu fl-Asja, fit-12 ta’ April, fis-27 ta’ Mejju u fis-6 ta’ Diċembru 2002, kif ukoll fl-10 ta’ Frar 2003, u li kienu jinvolvu lil Samsung SDI u lill-grupp LPD. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta għaqqdet flimkien attivitajiet li jaqgħu taħt erba’ gruppi ta’ laqgħat differenti, jiġifieri l-laqgħat SML, il-laqgħat ASEAN, il-laqgħat tal-ħġieġ Asjatiċi u l-laqgħat tal-ħġieġ Ewropej, fi ksur uniku u kontinwat, fin-nuqqas ta’ provi li jissuġġerixxu l-eżistenza ta’ pjan globali li jfittex li jilħaq għan ekonomiku uniku, u meta dawn il-gruppi ta’ laqgħat ma kinux suffiċjentement komplementari u konnessi. Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li hija ma tistax tiġi ddikjarata responsabbli għall-ftehim globali, sa fejn hija ma kinitx taf bl-eżistenza tiegħu u ma kellhiex l-intenzjoni li tikkontribwixxi għalih permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat SML.

83      Għandha tiġi eżaminata, qabelxejn, it-tieni parti ta’ dan il-motiv u, b’mod partikolari, il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun tiddeċiedi li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwat minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’erba’ laqgħat SML, bejn it-12 ta’ April 2002 u l-10 ta’ Frar 2003. F’dan ir-rigward, mill-premessa 313 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, mix-xahar ta’ April 2002, ir-rikorrenti bdiet tipparteċipa regolarment fil-laqgħat hija stess u li provi dwar dawn il-kuntatti juru li dawn inżammu sabiex jipprovdulha informazzjoni aġġornata u sabiex jinvolvuha fl-iżviluppi u fil-pjanijiet futuri dwar il-kapaċità, il-bejgħ u l-prezzijiet fuq livell globali. Skont il-premessa 502 tal-imsemmija deċiżjoni, waqt l-ewwel waħda minn dawn il-laqgħat, jiġifieri dik tat-12 ta’ April 2002, imsemmija fil-premessi 374 u 375 tal-imsemmija deċiżjoni, il-parteċipanti ftiehmu li jikkooperaw b’mod kontinwat, li jkollhom laqgħa kull xahrejn, li jżommu l-prezzijiet fl-istess livell jew li jżiduhom fit-tielet perijodu ta’ tliet xhur tas-sena 2002, u ftiehmu wkoll fuq linji gwida fuq il-prezzijiet. Fl-aħħar nett, skont il-premessi 387, 388 u 503 ta’ din id-deċiżjoni, jeżistu wkoll provi li juru li r-rikorrenti kellha rwol attiv fil-kartell.

84      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, apparti l-provi li juru l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħat SML u l-għan antikompetittiv tagħhom li ma humiex ikkontestati, il-Kummissjoni ma speċifikatx fid-deċiżjoni kkontestata l-provi li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex tikkonstata li r-rikorrenti kienet konxja mill-aġir li jikkostitwixxi ksur previst jew implementat mill-parteċipanti fl-akkordju CPT u li hija kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi, permezz tal-aġir tagħha stess, għall-għanijiet komuni li dawn tal-aħħar kienu qed ifittxu li jilħqu.

85      F’dan ir-rigward u fi kwalunkwe każ, analiżi tal-minuti tal-laqgħat SML, bħal dik imwettqa mill-Kummissjoni fil-premessi 374, 375, 377, 384 u 387 tad-deċiżjoni kkontestata, ma tippermettix li jiġi dedott li r-rikorrenti kienet konxja mill-eżistenza tal-akkordju CPT fuq livell globali u li hija kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi għall-għanijiet li l-parteċipanti f’dan tal-aħħar kienu qed ifittxu li jilħqu. Fil-fatt, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tiddeskrivi l-għan u l-portata dinjija ta’ dawn il-laqgħat u li tirrileva li l-parteċipanti fl-ewwel waħda minn dawn il-laqgħat kienu allegatament iddeċidew li jkomplu bil-kooperazzjoni tagħhom fuq livell dinji. Issa tali fatt, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li ġiet ipprovata l-konoxxenza tal-eżistenza tal-akkordju CPT, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 52 u 53 iktar ’il fuq.

86      Minn dan isegwi li, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-laqgħat SML kinux jifformaw parti minn ksur uniku u kontinwat, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod legalment suffiċjenti li, billi pparteċipat fl-erba’ laqgħat SML, ir-rikorrenti, permezz tal-aġir tagħha stess, kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni kollha li l-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju CPT kienu qed ifittxu li jilħqu u li hija kienet konxja mill-aġir li jikkostitwixxi ksur previst jew implementat mill-imsemmija parteċipanti sabiex jilħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta taċċetta r-riskju marbut miegħu, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 52 sa 54 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, il-konoxxenza ta’ dan l-aġir lanqas ma tista’ tiġi dedotta, abbażi ta’ evalwazzjoni globali tal-provi ppreżentati fid-deċiżjoni kkontestata, mill-fatt li r-rikorrenti l-ewwel kellha kuntatti bilaterali ma’ wħud mill-parteċipanti fl-akkordju CPT u sussegwentement ipparteċipat f’erba’ laqgħat SML ma’ wħud minnhom.

87      Għalhekk, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tintlaqa’, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni, f’dan l-istadju, dwar il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata ksur fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, minħabba l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħat SML.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonkludi li r-rikorrenti kienet responsabbli flimkien u in solidum għall-parteċipazzjoni ta’ MTPD fil-ksur imwettaq matul il-perijodu mill-1 ta’ April 2003 sat-12 ta’ Ġunju 2006

88      Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, it-tieni waħda, fuq żball ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tal-impriża konġunta min-naħa tar-rikorrenti u, it-tielet waħda, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn ir-rikorrenti ma kellhiex aċċess għall-osservazzjonijiet ta’ Panasonic, ippreżentati b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u wara s-seduta.

89      Għandha tiġi eżaminata, qabelxejn, it-tieni parti ta’ dan il-motiv.

–       Fuq it-tieni parti

90      Ir-rikorrenti tirrileva li MEI kellha l-kontroll esklużiv ta’ MTPD permezz ta’ holding maġġoritarju ta’ 64.5 %, kienet taħtar il-maġġoranza tal-membri tal-bord tad-diretturi tagħha, sabiex b’hekk kellha l-kontroll tad-deċiżjonijiet kollha adottati mill-korpi ta’ tmexxija li kienu jirrikjedu maġġoranza sempliċi, kienet tagħżel il-president tagħha u kienet tmexxi l-operazzjonijiet ta’ kuljum tagħha. Konsegwentement, ir-rikorrenti kellha biss holding minoritarju ta’ 35.5%, iżda, min-naħa l-oħra, hija ma kinitx tgawdi drittijiet li jeċċedu dawk li huma normalment mogħtija lill-azzjonisti minoritarji. Issa skontha, minkejja l-provi li jistabbilixxu dan il-fatt u kuntrarjament għad-deċiżjoni tal-Bundeskartellamt (awtorità Ġermaniża tal-kompetizzjoni) li awtorizzat il-proposta għall-ħolqien ta’ MTPD bħala l-akkwist ta’ kontroll esklużiv tal-impriża konġunta minn MEI, il-Kummissjoni żbaljat meta qieset li d-drittijiet inklużi fl-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ MTPD u fil-ftehim li joħloq lil MTPD (ftehim ta’ integrazzjoni tal-attivitajiet, iktar ’il quddiem il-“BIA”) kienu jagħtuha dritt li tibblokka miżuri strateġiċi, b’mod li jagħtuha kontroll konġunt fuq l-imsemmija impriża. Skontha, dawn id-drittijiet la kienu jippermettulha tinfluwenza l-attivitajiet ta’ kuljum ta’ MTPD jew l-aġir tagħha fis-suq u lanqas tikkontrolla l-prezzijiet, il-kummerċjalizzazzjoni jew kwalunkwe aspett ieħor tal-politika kummerċjali tagħha u ma kienu jagħtuha ebda setgħa ta’ ġestjoni.

91      Ir-rikorrenti ssostni li, konsegwentement, kuntrarjament għall-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma kinitx tifforma unità ekonomika ma’ MTPD u ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tagħha fis-suq, u lanqas ma effettivament eżerċitat tali influwenza. F’dan ir-rigward, hija tafferma li qatt ma eżerċitat l-allegati drittijiet ta’ veto tagħha u li l-Kummissjoni ma pprovatx li hija kienet konxja mill-parteċipazzjoni ta’ MTPD fl-akkordju CPT matul il-perijodu mill-1 ta’ April 2003 sat-12 ta’ Ġunju 2006.

92      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

93      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 2013, EI du Pont de Nemours vs Il‑Kummissjoni, C‑172/12 P, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, peress li l-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jifformaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (sentenza EI du Pont de Nemours vs Il‑Kummissjoni, punt 93 iktar ’il fuq, punt 42).

95      Għandu jiġi osservat ukoll li, sabiex l-aġir ta’ sussidjarja jkun jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent, il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha li tikkonstata li l-kumpannija parent hija f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, iżda għandha tivverifika wkoll jekk din l-influwenza ġietx effettivament eżerċitata (sentenza EI du Pont de Nemours vs Il‑Kummissjoni, punt 93 iktar ’il fuq, punt 44; ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2014, Sasol et vs Il‑Kummissjoni, T‑541/08, Ġabra, punt 43, u RWE u RWE Dea vs Il‑Kummissjoni, T‑543/08, Ġabra, punt 101, u l-ġurisprudenza ċċitata). Bħala prinċipju, il-Kummissjoni hija obbligata tipprova tali influwenza determinanti abbażi ta’ serje ta’ provi fattwali (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il‑Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II‑3085, punt 136, u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Huwa ġeneralment il-pussess ta’ maġġoranza tal-kapital azzjonarju tas-sussidjarja li jista’ jippermetti li l-kumpannija parent teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha u, b’mod partikolari, fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar fis-suq. Għalhekk ġie deċiż li, meta l-kontroll effettivament eżerċitat minn kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha, li hija jkollha 25.001 % tal-kapital azzjonarju tagħha, ikun jikkorrispondi għal holding minoritarju, ferm ’il bogħod mill-maġġoranza, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jappartjenu għall-istess grupp, li fi ħdanu huma jikkostitwixxu unità ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2011, Fuji Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑132/07, Ġabra p. II‑4091, punt 182, u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Madankollu, holding minoritarju jista’ jippermetti li kumpannija parent teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq, jekk dan ikun akkompanjat bi drittijiet li jmorru lil hinn minn dawk li normalment jingħataw lil azzjonisti minoritarji sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tagħhom u li, meta jiġu eżaminati skont il-metodu tas-serje ta’ indizji konverġenti, ta’ natura ġuridika jew ekonomika, ikunu tali li jipprovaw li influwenza determinanti hija eżerċitata fuq l-aġir tas-sussidjarja fis-suq. Il-prova tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti għalhekk tista’ tiġi prodotta mill-Kummissjoni abbażi ta’ serje ta’ indizji, anki jekk kull wieħed minn dawn l-indizji meqjus waħdu ma jkunx ta’ natura suffiċjentement probatorja (sentenza Fuji Electric vs Il‑Kummissjoni, punt 93 iktar ’il fuq, punt 183).

98      Fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha tillimita ruħha għal stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-motivi inklużi f’dan l-att, l-eżerċizzju effettiv ta’ setgħa ta’ tmexxija tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha għandu jiġi evalwat biss abbażi tal-provi miġbura mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni li timputa r-responsabbiltà tal-ksur lill-kumpannija parent. Għaldaqstant, l-unika kwistjoni rilevanti hija jekk saritx jew le l-prova tal-ksur fid-dawl tal-imsemmija provi (ara s-sentenza Fuji Electric vs Il‑Kummissjoni, punt 93 iktar ’il fuq, punt 185, u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-eżerċizzju ta’ kontroll konġunt, minn żewġ kumpanniji parent indipendenti waħda mill-oħra, fuq is-sussidjarja tagħhom, ma jipprekludix, bħala prinċipju, il-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn waħda minn dawn il-kumpanniji parent u s-sussidjarja inkwistjoni u li dan jgħodd anki jekk din il-kumpannija parent ikollha sehem mill-kapital tas-sussidjarja li jkun iżgħar minn dak tal-kumpannija parent l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni, C‑480/09 P, Ġabra p. I‑13355, punt 64).

100    L-eżerċizzju effettiv ta’ setgħa ta’ tmexxija mill-kumpannija parent jew mill-kumpanniji parent fuq is-sussidjarja tagħhom jista’ jirriżulta direttament mill-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli jew minn ftehim bejn il-kumpanniji parent, konkluż skont l-istess dispożizzjonijiet legali, fir-rigward tal-ġestjoni tas-sussidjarja komuni tagħhom. Il-portata tal-involviment tal-kumpannija parent fil-ġestjoni tas-sussidjarja tagħha tista’ tintwera wkoll mill-preżenza, fit-tmexxija tas-sussidjarja, ta’ għadd ta’ persuni li jkollhom karigi ta’ tmexxija fi ħdan il-kumpannija parent. Tali akkumulazzjoni ta’ karigi tqiegħed bilfors lill-kumpannija parent f’sitwazzjoni li tinfluwenza b’mod determinanti l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq sa fejn tippermetti lill-membri tal-bord tad-diretturi tal-kumpannija parent li jiżguraw, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-karigi ta’ tmexxija tagħhom fi ħdan is-sussidjarja, li l-linja ta’ azzjoni fis-suq ta’ din tal-aħħar tkun konformi mal-linji gwida mogħtija mill-korpi ta’ tmexxija tal-kumpannija parent. Tali għan jista’ jintlaħaq saħansitra mingħajr ma l-membru jew il-membri tal-kumpannija parent li jassumu karigi ta’ tmexxija fi ħdan is-sussidjarja jkollhom il-kwalità ta’ rappreżentanti tal-kumpannija parent. Fl-aħħar nett, l-involviment tal-kumpannija jew tal-kumpanniji parent fil-ġestjoni tas-sussidjarja jista’ jirriżulta mir-relazzjonijiet kummerċjali li tal-ewwel ikollhom ma’ tat-tieni. Għalhekk, meta kumpannija parent tkun anki fornitriċi jew klijenta tas-sussidjarja tagħha, hija jkollha interess ferm speċifiku li tmexxi l-attivitajiet ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni ta’ din tal-aħħar, u dan sabiex tibbenefika b’mod sħiħ mill-valur miżjud li jirriżulta mill-integrazzjoni vertikali li tkun twettqet b’dan il-mod (ara s-sentenza Fuji Electric vs Il‑Kummissjoni, punt 93 iktar ’il fuq, punt 184, u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Fl-aħħar nett, meta jirriżulta minn dawn id-dispożizzjoniijiet li l-kumpanniji parent kienu awtorizzati jaġixxu f’isem l-impriża konġunta u jorbtuha fil-konfront ta’ terżi biss b’mod konġunt u li huma kienu responsabbli b’mod konġunt għall-politika segwita mill-imsemmija impriża, l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali ta’ din tal-aħħar jista’ jiġi preżunt, bħal fil-każ tal-kontroll prospettiv imwettaq fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sasol et vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 49).

102    Madankollu, peress li l-eżami dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti huwa retrospettiv u jista’ għaldaqstant ikun ibbażat fuq provi konkreti, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-partijiet ikkonċernati jistgħu jipproduċu l-prova li d-deċiżjonijiet kummerċjali tal-impriża konġunta ġew iddeterminati skont modalitajiet differenti minn dawk li kienu jirriżultaw biss mill-eżami astratt tal-ftehimiet relatati mal-funzjonament tal-impriża konġunta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fuji Electric vs Il‑Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punti 194 u 195, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2011, General Technic-Otis et vs Il‑Kummissjoni, T‑141/07, T‑142/07, T‑145/07 u T‑146/07, Ġabra p. II‑4977, punti 115 sa 117).

103    Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li l-fondatezza tat-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi analizzata.

104    F’dan il-każ, fil-premessi 931 sa 933 u 956 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni elenkat, l-ewwel nett, iċ-ċirkustanzi oġġettivi li jistabbilixxu li ż-żewġ kumpanniji parent ta’ MTPD kienu f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar fis-suq, billi wettqu attivament rwol ta’ sorveljanza u ta’ tmexxija. It-tieni nett, fil-premessi 934 sa 936 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet eżempji ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ kumpanniji parent ta’ MTPD, li juru, minn naħa, l-eżerċizzju effettiv minnhom ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar fis-suq u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-approvazzjoni konġunta tagħhom kienet meħtieġa sabiex jittieħdu deċiżjonijiet importanti li jikkonċernawha.

105    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-fatt li l-ewwel u t-tieni motivi tar-rikors intlaqgħu, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti kienet konxja mill-eżistenza tal-akkordju CPT, minħabba l-involviment dirett tagħha qabel il-ħolqien ta’ MTPD u, għalhekk, mill-parteċipazzjoni sussegwenti ta’ din tal-aħħar, ma tistax tirnexxi. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-imputabbiltà tal-aġir ta’ MTPD lir-rikorrenti, il‑konstatazzjoni tal-konoxxenza minn din tal-aħħar tal-parteċipazzjoni ta’ MTPD fl-imsemmi akkordju hija irrilevanti. Fil-fatt, ma huwiex meħtieġ, sabiex l-atti mwettqa minn sussidjarja jiġu imputati lill-kumpannija parent tagħha, li jiġi pprovat li l-imsemmija kumpannija parent kienet involuta direttament f’aġir allegat jew kienet konxja minnu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma hijiex relazzjoni ta’ instigazzjoni għall-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u lanqas, iktar u iktar, ma huwa involviment tal-ewwel fl-imsemmi ksur, iżda huwa l-fatt li huma jifformaw parti mill-istess impriża, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, li jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Frar 2010, EI du Pont de Nemours et vs Il‑Kummissjoni, T‑76/08, punt 76, u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    F’dak li jirrigwarda l-istruttura azzjonarja u deċiżjonali tal-korpi stabbiliti taħt l-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ MTPD, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kellha raġun tikkonstata, fil-premessi 932 u 956 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont id-dispożizzjonijiet tal-BIA, iż-żewġ kumpanniji parent kellhom dritt ta’ veto fuq kwistjonijiet ta’ importanza strateġika, li kienu fundamentali għall-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ MTPD, ħaġa li turi l-eżerċizzju ta’ kontroll konġunt fuq din tal-aħħar.

107    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-oqsma kollha koperti mid-deċiżjonijiet elenkati fl-Artikolu 21(2) tal-BIA, li l-adozzjoni tagħhom kienet suġġetta għall-kunsens taż-żewġ kumpanniji parent, u fl-Artikolu 23(2) tal-imsemmi BIA, li kienu jirrikjedu l-qbil ta’ mill-inqas direttur maħtur minn kull waħda mill-kumpanniji parent, jaqgħu taħt id-drittijiet normali mogħtija lill-azzjonisti minoritarji sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tagħhom bħala investituri fl-impriża konġunta, fis-sens tal-punt 66 tal-Avviż ġuriżdizzjonali konsolidat tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU 2008, C 95, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Avviż ġurisdizzjonali konsolidat”). Fil-fatt, mill-paragrafu 67 ta’ dan l-avviż, li l-partijiet ma jikkontestawx ir-rilevanza tiegħu f’dan il-każ, jirriżulta li d-drittijiet ta’ veto li jagħtu lok għal kontroll konġunt tipikament jinkludu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet bħalma huma l-baġit, il-pjan għall-iżvilupp tal-impriża, l-investimenti ewlenin jew il-ħatra ta’ maniġers fi grad għoli. Barra minn hekk, mill-paragrafi 68 sa 70 tal-Avviż ġurisdizzjonali konsolidat jirriżulta li dritt ta’ veto fuq il-pjan għall-iżvilupp tal-impriża jista’ jkun biżżejjed, waħdu, sabiex jagħti lill-azzjonist minoritarju kontroll konġunt tal-impriża konġunta, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe dritt ta’ veto ieħor, minkejja li drittijiet li jirrigwardaw il-ħatra jew it-tneħħija ta’ maniġers fi grad għoli u l-approvazzjoni tal-baġit jitqiesu li huma importanti ħafna. Fl-aħħar nett, fis-sens tal-paragrafu 71 tal-imsemmi avviż, jekk id-dritt ta’ veto jirrigwarda l-investimenti tal-impriża konġunta, il-portata tiegħu tiddependi mil-livell tal-investimenti suġġetti għall-impriżi parent u minn jekk l-investimenti jkollhomx rwol essenzjali jew le fis-suq li fih tkun attiva l-impriża konġunta.

108    Issa l-Artikolu 23(2) tal-BIA kien jagħti lil Toshiba drittijiet ta’ veto kemm fuq l-investimenti materjali (punt 12 ta’ din id-dispożizzjoni) kif ukoll fuq il-ħolqien, id-dħul fil-kapital jew l-akkwist ta’ kumpannija jew ta’ attività ta’ tip ieħor li tinvolvi l-infiq ta’ ammont ekwivalenti jew ogħla minn JPY 1 biljun (punt 8 ta’ din id-dispożizzjoni), jew fuq l-għoti ta’ self lis-sussidjarji u lil entitajiet oħra ta’ valur ekwivalenti jew ogħla minn JPY 1 biljun (punt 9 ta’ din id-dispożizzjoni). Kif issostni l-Kummissjoni, dawn l-ammonti ma jidhrux li huma eċċessivi meta mqabbla mal-investiment inizjali tar-rikorrenti f’MTPD, li kien jammonta għal JPY 26.5 biljun, b’mod li dritt ta’ veto f’dan ir-rigward jista’ jikkostitwixxi indizju li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ MTPD fis-suq.

109    Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessi 933 u 953 tad-deċiżjoni kkontestata, skont l-Artikolu 27(1) tal-BIA, MEI u r-rikorrenti kienu adottaw dokument, li kien validu sal-31 ta’ Marzu 2008 u li kien jinkludi informazzjoni dwar il-bejgħ, il-produzzjoni, l-iżvilupp, il-persunal, l-investimenti, il-pjanijiet finanzjarji u l-irkupru tal-kapital fir-rigward ta’ MTPD, liema dokument kien jifforma l-bażi tal-pjan għall-iżvilupp ta’ din tal-aħħar. Din id-dispożizzjoni kienet tipprovdi li, matul perijodu tal-bidu ta’ sentejn, li l-iskadenza tiegħu ġiet iffissata għall-31 ta’ Marzu 2005, il-pjan għall-iżvilupp inizjali ta’ MTPD jiġi adottat mill-kumpanniji parent u li, skont it-tieni paragrafu tagħha, minn din id-data ’l quddiem, il-pjanijiet għall-iżvilupp annwali jitħejjew minn MTPD, wara konsultazzjoni mal-kumpanniji parent tagħha. Issa permezz ta’ protokoll ta’ ftehim tas-7 ta’ Diċembru 2004, li jemenda l-Artikolu 27(2) tal-BIA, il-kumpanniji parent estendew il-perijodu tal-bidu sal-31 ta’ Marzu 2007, b’mod li huma kellhom jaqblu dwar il-pjan għall-iżvilupp ta’ MTPD u dwar ir-reviżjonijiet sussegwenti tiegħu matul il-perijodu kollu tal-eżistenza ta’ din tal-aħħar.

110    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kellha raġun tqis li l-BIA u l-pjan għall-iżvilupp, li kienu jinkludu l-għanijiet operattivi u finanzjarji prinċipali ta’ MTPD u l-ippjanar strateġiku essenzjali tagħha, kienu ġew deċiżi mill-kumpanniji parent tagħha. Fil-fatt, anki jekk jitqies li, kif hija ssostni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti ma kinitx involuta konkretament fl-elaborazzjoni tal-imsemmija pjanijiet, l-approvazzjoni tagħhom minnha kif ukoll il-konsultazzjoni tagħha minn qabel baqgħu meħtieġa, fid-dawl tal-Artikolu 27(2) tal-BIA. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax li hija approvat il-pjanijiet għall-iżvilupp annwali kollha ta’ MTPD.

111    Għalhekk, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati r-raġunijiet għall-estensjoni tal-perijodu tal-bidu msemmija mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-effett ta’ din l-estensjoni kien li tat lil din tal-aħħar dritt ta’ veto fuq il-pjan għall-żvilupp ta’ MTPD, li kien jirrigwarda wkoll il-baġit tagħha, u dan matul il-perijodu kollu tal-eżistenza tagħha. Għaldaqstant, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, id-dritt ta’ veto fuq l-imsemmi pjan għall-iżvilupp ma ġiex imċaħħad mill-effettività tiegħu. Barra minn hekk, iż-żamma ta’ tali dritt hija suffiċjenti fiha nfisha sabiex jiġi kkunsidrat, fis-sens tal-paragrafu 70 tal‑Avviż ġurisdizzjonali konsolidat, li hija effetttivament eżerċitat influwenza determinanti fuq l-impriża konġunta.

112    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, kif ikkonstatat il-Kummissjoni, uħud mid-drittijiet elenkati kemm fl-Artikolu 23(2) tal-BIA kif ukoll fl-Artikolu 27 tiegħu jaqgħu taħt oqsma li ppremettew lir-rikorrenti teżerċita influwenza determinanti fuq l-istrateġija kummerċjali ta’ MTPD, flimkien ma’ Panasonic. Għalhekk, kif jirriżulta mill-premessa 956 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni jekk ir-rikorrenti qattx effettivament għamlet użu minn dawn id-drittijiet hija irrilevanti f’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn din tal-aħħar fuq l-aġir ta’ MTPD fis-suq. Fil-fatt, għall-finijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt l-oqsma previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 23(2) tal-BIA, iż-żewġ kumpanniji parent kellhom jaqblu minn qabel. Għalhekk, iż-żamma tad-drittijiet ta’ veto inkwistjoni kellha neċessarjament impatt, imqar indirett, fuq il-ġestjoni ta’ MTPD.

113    Barra minn hekk, ma’ dawn id-drittijiet ta’ veto kien hemm ukoll id-drittijiet elenkati fl-Artikolu 21(2) tal-BIA, jiġifieri d-drittijiet li jirrigwardaw il-kwistjonijiet li jirrikjedu riżoluzzjonijiet speċjali tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti skont id-dritt kummerċjali u l-kwistjonijiet dwar il-ħruġ ta’ ishma ġodda u d-drittijiet li jirrigwardaw it-tqassim ta’ dividendi. Dawn id-drittijiet kienu jikkostitwixxu indizju addizzjonali li fuqu l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha sabiex tqis li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ MTPD.

114    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, ċirkustanzi oħra rrilevati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jippermettu li jitqies li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ MTPD fis-suq.

115    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabelxejn, li, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 975 tad-deċiżjoni kkontestata, wieħed mill-erba’ diretturi maħtura mir-rikorrenti mill-għaxra li kienu jikkomponu l-bord tad-diretturi ta’ MTPD, skont l-Artikolu 22(2) tal-BIA, kienu jokkupaw fl-istess ħin kariga ta’ tmexxija fi ħdan ir-rikorrenti, fatt li ma huwiex ikkontestat minn din tal-aħħar. Issa dan il-fatt kien jikkostitwixxi indizju li fuqu l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha sabiex tikkonstata, flimkien ma’ provi oħra, li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ MTPD.

116    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 22(3) tal-BIA, ir-rikorrenti kellha taħtar wieħed miż-żewġ amministraturi awtorizzati sabiex jirrappreżentaw l-impriża konġunta, li kien ukoll il-Viċi President ta’ din tal-aħħar. Issa kif ikkonstatat ġustament il-Kummissjoni, fil-premessi 940 u 941 tad-deċiżjoni kkontestata, iż-żewġ Viċi Presidenti ta’ MTPD li nħatru matul l-eżistenza tagħha preċedentement kienu jeżerċitaw funzjonijiet ta’ membri tal-eżekuttiv f’pożizzjoni għolja fi ħdan l-amministrazzjoni tar-rikorrenti u sussegwentement ġew reintegrati fil-pożizzjoni tagħhom ma’ din tal-aħħar. Minn dan isegwi li, minkejja li ma kinux żammew rabtiet kuntrattwali ma’ din tal-aħħar u ma kinux iktar taħt l-awtorità diretta tagħha, huma kellhom neċessarjament konoxxenza approfondita tal-politika u tal-għanijiet kummerċjali tagħha u kienu f’pożizzjoni li jiżguraw li jkun hemm konverġenza bejn il-politika ta’ MTPD u l-interessi tar-rikorrenti. Barra minn hekk, l-affermazzjoni tar-rikorrenti dwar ir-rwol allegatament simboliku tal-Viċi President ta’ MTPD ma tistax tqiegħed din il-konklużjoni fid-dubju.

117    Barra minn hekk, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 957 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-bord tad-diretturi ta’ MTPD ma kien qatt ser joġġezzjona għad-deċiżjonijiet tal-President tiegħu, maħtur minn Panasonic, ma jistax jiġi interpretat bħala assenza ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ MTPD fis-suq min-naħa tar-rikorrenti, iżda pjuttost bħala approvazzjoni tal-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar.

118    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li, minn naħa, il-President ta’ MTPD, maħtur minn Panasonic, kien inkarigat mill-ġestjoni ta’ kuljum ta’ din tal-aħħar u kien japprova l-parti l-kbira tad-deċiżjonijiet importanti relatati mal-attivitajiet tagħha u li, min-naħa l-oħra, Panasonic kienet responsabbli għat-tmexxija u għall-ġestjoni ta’ MTPD, skont l-Artikolu 20(2) tal-BIA, ma jistax jippermetti li jitqies li Panasonic waħedha kienet teżerċita influwenza determinanti fuq MTPD. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-premessa 956 tad-deċiżjoni kkontestata, skont l-istess dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 20(3) tal-BIA, il-kooperazzjoni tar-rikorrenti kienet neċessarja għall-finijiet tal-ġestjoni tal-impriża konġunta.

119    Barra minn hekk, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premessi 977 u 978 tad-deċiżjoni kkontestata, il-klawżola li tinsab fl-Artikolu 28(3) tal-BIA, li tipprovdi li MTPD hija l-fornitur preferenzjali tal-kumpanniji parent għall-produzzjoni ta’ settijiet tat-televiżjoni u li, fl-istess ħin, l-imsemmija kumpanniji huma l-fornituri preferenzjali ta’ komponenti CRT għal MTPD tikkostitwixxi indizju addizzjonali tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ġestjoni ta’ MTPD u tiżvela l-eżistenza ta’ rabtiet ekonomiċi mill-qrib u fit-tul bejniethom, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ influwenza determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fuji Electric vs Il‑Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punt 184). Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju mill-fatt li r-rikorrenti kienet tirrikorri wkoll għal fornituri oħra ta’ CPT. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax issostni validament li hija ma kinitx involuta fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott lest min-naħa ta’ MTPD, peress li, kif speċifikat il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet ikkontestata validament fuq dan il-punt, wara t-trasferiment tal-attivitajiet tagħha fil-qasam ta’ CRT lil-MTPD, din tal-aħħar kienet użat lil [kunfidenzjali], miżmuma mir-rikorrenti (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), bħala kanal ta’ bejgħ fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma qegħditx validament fid-dubju l-fatt irrilevat mill-Kummissjoni fil-premessa 977 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-CPT mibjugħa b’dan il-mezz kienu joriġinaw parzjalment mill-fabbriki ta’ MTPD kienu parzjalment ingħataw b’subappalt lill-fabbrika tar-rikorrenti ta’ Himeji (il-Ġappun), li ma kinitx ġiet ittrasferita lil MTPD.

120    It-tielet nett, mill-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rikorrenti pparteċipat fil-ġestjoni ta’ MTPD, b’mod partikolari billi tat il-kunsens tagħha għall-għeluq ta’ tnejn mis-sussidjarji tagħha fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, f’Novembru 2005. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax li ma tatx il-kunsens tagħha għall-għeluq tal-imsemmija fabbriki, iżda tillimita ruħha li ssostni li din il-miżura kienet ta’ natura eċċezzjonali u ma kinitx taqa’ taħt il-politika kummerċjali ta’ MTPD. Għaldaqstant, il-parteċipazzjoni tagħha fit-teħid ta’ tali deċiżjoni ma tipprovax influwenza fit-tul min-naħa tagħha fuq l-aġir ta’ MTPD. Issa, kuntrarjament għall-argumenti tar-rikorrenti, il-fatt, irrilevat fil-premessi 936 u 964 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fl-assenza tal-kunsens tagħha, dan l-għeluq ma setax iseħħ, li jirriżulta, barra minn hekk, mill-Artikolu 23(2) tal-BIA, jikkostitwixxi indizju li hija effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tal-impriża konġunta. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, tali deċiżjoni ma setgħetx ittieħdet mill-impriża konġunta mingħajr ma ta l-approvazzjoni tiegħu, fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ MTPD, wieħed mid-diretturi maħtura mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Frar 2012, Dow Chemical vs Il‑Kummissjoni, T‑77/08, punt 86).

121    F’dak li jirrigwarda l-argumenti tar-rikorrenti, li permezz tagħhom hija tikkontesta li tat istruzzjonijiet ekonomiċi lil MTPD u li kienet involuta fil-ġestjoni tagħha ta’ kuljum, għandu jitfakkar, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 958 tad-deċiżjoni kkontestata u kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, li l-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ impriża konġunta ma teħtieġx li jiġi pprovat involviment fil-ġestjoni ta’ kuljum tal-attivitajiet tal-imsemmija impriża u lanqas li tiġi pprovata influwenza fuq il-politika kummerċjali stricto sensu ta’ din tal-aħħar, bħall-istrateġija tagħha ta’ distribuzzjoni jew tal-prezzijiet, iżda pjuttost fuq l-istrateġija ġenerali li tiddefinixxi l-linji gwida tal-impriża. B’mod partikolari, kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarji tagħha saħansitra mingħajr ma tagħmel użu minn dritt ta’ sorveljanza u mingħajr ma tagħti istruzzjonijiet jew direttivi konkreti dwar ċerti aspetti tal-politika kummerċjali. Tali istruzzjonijiet huma sempliċement indizju partikolarment evidenti tal-eżistenza ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha. L-assenza tagħhom bl-ebda mod ma timponi li jiġi konkluż li s-sussidjarja hija awtonoma. Politika kummerċjali uniformi fi ħdan grupp tista’ wkoll tirriżulta indirettament mir-rabtiet ekonomiċi u ġuridiċi kollha bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarji tagħha. Bħala eżempju, l-influwenza tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarji tagħha f’dak li jirrigwarda l-istrateġija ta’ impriża, il-politika ta’ impriża, il-pjanijiet għall-operat, l-investimenti, il-kapaċitajiet, ir-riżorsi finanzjarji, ir-riżorsi umani u l-affarijiet legali jista’ jkollha indirettament effetti fuq l-aġir tas-sussidjarji u tal-grupp kollu fis-suq. Il-punt determinanti huwa fl-aħħar mill-aħħar li jsir magħruf jekk il-kumpannija parent teżerċitax influwenza suffiċjenti sabiex tiggwida l-aġir tas-sussidjarja sa punt tali li t-tnejn li huma għandhom jitqiesu li huma unità waħda fuq livell ekonomiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 73, u s-sentenza Dow Chemical vs Il‑Kummissjoni, punt 120 iktar ’il fuq, punt 77).

122    Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, ġuridiċi u organizzattivi kollha li jgħaqqdu lir-rikorrenti ma’ MTPD, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonstatat li r-rikorrenti, bħala kumpannija parent ta’ MTPD, kienet eżerċitat, bi qbil ma’ Panasonic, influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ MTPD fis-suq tas-CPT. Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li r-rikorrenti u MTPD kienu jifformaw parti mill-istess impriża, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, u meta għaldaqstant żammet lir-rikorrenti u lil Panasonic responsabbli in solidum għall-aġir ta’ MTPD matul il-perijodu mill-1 ta’ April 2003 u t-12 ta’ Ġunju 2006.

123    Minn dan isegwi li t-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq l-ewwel parti

124    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni la indikat liema kienu d-drittijiet li normalment jingħataw lil azzjonisti minoritarji u lanqas speċifikat l-elementi elenkati fl-Artikolu 23(2) tal-BIA li jeċċedu dan il-limitu.

125    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi fuq il-mertu tat-tieni parti tar-raba’ motiv u peress li r-rikorrenti setgħet tiżgura d-difiża tagħha, kuntrarjament għal dak li ssostni din tal-aħħar, id-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata suffiċjentement fuq dan il-punt. Għalhekk, l-ilment invokat insostenn tal-ewwel parti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq it-tielet parti

126    Ir-rikorrenti tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha sa fejn, minkejja talbiet f’dan is-sens, hija ma kisbitx aċċess għall-osservazzjonijiet ippreżentati minn Panasonic b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u wara s-seduta dwar il-pjan għall-iżvilupp ta’ MTPD. F’dan ir-rigward, hija tafferma li, għalkemm it-talbiet tagħha għal aċċess ġew miċħuda għar-raġuni li l-Kummissjoni ma kellhiex l-intenzjoni tinvoka dawn id-dokument kontriha fid-deċiżjoni kkontestata, hija bbażata ruħha fuqhom mingħajr riżervi sabiex tissostanzja l-konstatazzjoni tagħha ta’ influwenza determinanti konġunta eżerċitata fuq l-aġir ta’ MTPD.

127    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-proċeduri kollha li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal pagamenti ta’ penalità, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi osservat anki fil-każ ta’ proċedura ta’ natura amministrattiva (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jirrikjedi li l-impriża kkonċernata tkun tqiegħdet f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tgħarraf b’mod effettiv l-opinjoni tagħha fuq il-verità u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

129    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi, minn naħa, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan id-dokument sabiex issostni l-oġġezzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur u, min-naħa l-oħra, li l-prova neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-fondatezza ta’ din l-oġġezzjoni tista’ tiġi prodotta biss permezz ta’ riferiment għall-imsemmi dokument. Jekk kienu jeżistu provi dokumentali oħra li l-partijiet kienu jafu bihom matul il-proċedura amministrattiva li jsostnu speċifikament il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, l-eliminazzjoni bħala mezz ta’ prova tad-dokument inkriminanti li ma ġiex ikkomunikat ma tinvalidax il-fondatezza tal-oġġezzjonijiet ifformulati fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk hija l-impriża kkonċernata li għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti kieku kellu jiġi eliminat bħala mezz ta’ prova dokument mhux ikkomunikat li fuqu l-Kummissjoni tkun ibbażat ruħha sabiex tikkonstata ksur fil-konfront ta’ din l-impriża (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C‑407/08 P, Ġabra p. I‑6375, punt 13, u l-ġurisprudenza ċċitata).

130    F’dan il-każ, fil-premessa 933 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-pjan għall-iżvilupp ta’ MTPD kien ġie deċiż mill-kumpanniji parent u indikat, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1821, li Panasonic kienet ikkonfermat din l-evalwazzjoni fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, fil-premessa 934 tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni rrilevat li, fl-osservazzjonijiet tagħha sussegwenti għas-seduta, Panasonic kienet ikkonfermat li l-pjan għall-iżvilupp ta’ MTPD kien ġie ddeterminat b’mod konġunt mill-kumpanniji parent tagħha, billi għamlet riferiment għar-risposta ta’ Panasonic għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fl-aħħar nett, fil-premessa 948 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tenniet din il-konstatazzjoni billi għamlet riferiment għad-dokumenti mqassma minn Panasonic matul is-seduta, li juru li, fl-2004, MTPD kienet talbet speċifikament l-approvazzjoni tar-rikorrenti sabiex tissokta bit-telf finanzjarju tagħha.

131    Għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv (punt 109 iktar ’il fuq), anki jekk jitqies li r-rikorrenti ma kinitx involuta konkretament fl-elaborazzjoni tal-pjanijiet għall-iżvilupp ta’ MTPD, l-approvazzjoni tagħhom minnha u l-konsultazzjoni tagħha minn qabel kienu neċessarji fid-dawl tal-BIA. Fil-fatt, minn naħa, ir-responsabbiltà tar-rikorrenti bħala waħda mill-kumpanniji parent ta’ MTPD ġiet stabbilita b’mod suffiċjenti mingħajr ma hemm bżonn li jsir riferiment għad-dokumenti prodotti minn Panasonic wara s-seduta orali, li għalihom ir-rikorrenti tafferma li ma kellhiex aċċess (ara l-punti 104 sa 123 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma taffermax li l-imsemmija dokumenti jinkludu provi li jiskaġunawha li hija kienet tkun tista’ tibbaża ruħha fuqhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-imsemmija dokumenti ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 129 iktar ’il fuq.

132    Għalhekk, it-tielet parti u r-raba’ parti kollha kemm hi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonkludi li r-rikorrenti kienet responsabbli għall-ksur imwettaq matul il-perijodu mill-1 ta’ April 2003 sat-12 ta’ Ġunju 2006

133    Ir-rikorrenti tafferma li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball sa fejn din ma tagħmilx distinzjoni bejn ir-responsabbiltà tagħha minħabba l-allegata parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur u r-responsabbiltà dderivata tagħha minħabba l-allegata parteċipazzjoni ta’ MTPD. Issa skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni messha kkonkludiet li kwalunkwe parteċipazzjoni min-naħa tagħha kienet intemmet fil-31 ta’ Marzu 2003, meta hija kienet telqet mis-suq tas-CRT billi ttrasferiet it-totalità ta’ din il-fergħa ta’ attivitajiet lil MTPD. Għalhekk, ir-rikorrenti tallega li kwalunkwe responsabbiltà matul il-perijodu bejn l-1 ta’ April 2003 u t-12 ta’ Ġunju 2006 tista’ tirriżulta biss mill-parteċipazzjoni ta’ MTPD fil-ksur u li dan messu ġie indikat b’mod ċar fid-dispożittiv tad-deċiżjoni.

134    Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ dawn l-argumenti.

135    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fl-Artikolu 1(2)(d) tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fl-akkordju mis-16 ta’ Mejju 2000 sat-12 ta’ Ġunju 2006.

136    Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, kif ġie konkluż fil-kuntest tar-raba’ motiv, il-Kummissjoni kellha raġun timputa l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ MTPD, mill-1 ta’ April 2003 sat-12 ta’ Ġunju 2006, lir-rikorrenti u lil Panasonic, billi qieset li dawn kienu jikkostitwixxu unità ekonomika. Issa minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, anki jekk il-kumpannija parent ma tipparteċipax direttament fil-ksur, hija teżerċita, f’dan il-każ, influwenza determinanti fuq is-sussidjarja jew is-sussidjarji li pparteċipaw fil-ksur. Minn dan jirriżulta li, f’dan il-kuntest, ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent ma tistax titqies li hija responsabbiltà mingħajr ħtija. F’tali ċirkustanza, il-kumpannija parent tiġi kkundannata għal ksur li jitqies li twettaq minnha stess (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Ġunju 2012, Bolloré vs Il‑Kummissjoni, T‑372/10, Ġabra, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata).

137    Fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, u, b’mod partikolari, minn dawk spjegati fil-premessi 126, 303, 923 sa 927, 993 sa 996, 1000 u 1088 tagħha, il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn żewġ perijodi għall‑finijiet tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà lill-entitajiet ġuridiċi li jifformaw parti mill-grupp tar-rikorrenti jew li huma taħt il-kontroll tagħha (ara l-punti 3 u 4 iktar ’il fuq), jiġifieri dak li jippreċedi t-trasferiment tal-attivitajiet tagħha fil-qasam tas-CRT lill-impriża konġunta, li għaliha hija nżammet responsabbli minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-akkordju, u dak sussegwenti għall-imsemmi trasferiment, li għalih hija nżammet responsabbli minħabba l-parteċipazzjoni ta’ MTPD, li fuq l-aġir tagħha hija kienet eżerċitat, skont il-Kummissjoni, influwenza determinanti. Għalhekk, fil-premessa 1183 tad-deċiżjoni kkontestata [tabella 12(b), punti 9 u 10], ġie konkluż li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti, għall-perijodu preċedenti għall-ħolqien ta’ MTPD, multa li tammonta għal EUR 28 048 000, u, għall-perijodu tal-impriża konġunta, flimkien u in solidum ma’ Panasonic u MTPD, multa li tammonta għal EUR 86 738 000. Dawn il-multi jirriżultaw mill-Artikolu 2(2)(g) u (h) tad-deċiżjoni kkontestata.

138    Għandu jiġi rrilevat li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, minn naħa, li r-rikorrenti tqieset li wettqet il-ksur għall-perijodu kollu msemmi fl-Artikolu 1(2)(d) tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, li l-motivi tal-imsemmija deċiżjoni jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju għad-dispożittiv tagħha.

139    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistax issostni validament li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball sa fejn din ma tagħmilx distinzjoni bejn ir-responsabbiltà tagħha, minħabba l-allegata parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur, u r-responsabbiltà dderivata tagħha, minħabba l-allegata parteċipazzjoni ta’ MTPD f’dan il-ksur, u li l-ilment li l-Kummissjoni messha kkonkludiet li r-rikorrenti kienet temmet kwalunkwe parteċipazzjoni fil-ksur fil-31 ta’ Marzu 2003 għandu jiġi miċħud.

140    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat fuq żball li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonkludi li MTPD kienet responsabbli għall-ksur imwettaq matul il-perijodu mill-1 ta’ April 2003 sat-12 ta’ Ġunju 2006

141    Il-ħames motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.

142    Fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li r-responsabbiltà tagħha, għall-perijodu mill-1 ta’ April 2003 sat-12 ta’ Ġunju 2006, ma tistax teċċedi dik ta’ MTPD, fid-dawl tal-fatt li hija dderivata purament mir-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar u aċċessorja, u titlob il-benefiċċju ta’ kwalunkwe annullament jew tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq MTPD li jingħata fir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali minn Panasonic u MTPD kontra d-deċiżjoni kkontestata, irreġistrat bir-referenza T‑82/13, b’mod partikolari għar-raġuni li MTPD ma pparteċipatx fl-akkordju CPT ikkonstatat mill-imsemmija deċiżjoni.

143    Fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tafferma li twettaq żball meta MTPD inżammet responsabbli talli pparteċipat fl-akkordju CPT, minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat SML u ASEAN u fil-laqgħat bilaterali allegati. Hija tqis li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn din tiddikjara lil MTPD responsabbli għall-ksur matul dan il-perijodu.

144    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

–       Fuq l-ewwel parti

145    Għandu, qabelxejn, jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-fatt li l-ewwel u t-tieni motivi tar-rikors intlaqgħu, id-deċiżjoni għandha tiġi annullata sa fejn din tikkonstata li r-rikorrenti pparteċipat direttament fl-akkordju CPT qabel il-ħolqien ta’ MTPD. Min-naħa l-oħra, mill-eżami tar-raba’ motiv jirriżulta li l-Kummissjoni kellha raġun timputa l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ MTPD lir-rikorrenti. Minn dan isegwi li r-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar tista’ tirriżulta biss mill-kwalità tagħha ta’ kumpannija parent li eżerċitat, flimkien ma’ Panasonic, influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ MTPD fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, Tomkins vs Il‑Kummissjoni, T‑382/06, Ġabra p. II‑1157, punt 38).

146    Issa f’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ir-responsabbiltà konġunta u in solidum tar-rikorrenti u ta’ MTPD għall-ħlas tal-multa li ġiet imposta fuqhom flimkien u in solidum ma’ Panasonic tqegħedhom f’sitwazzjoni partikolari, li ġġib magħha konsegwenzi għar-rikorrenti, li l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ MTPD ġie imputat lilha, fil-każ li tiġi annullata jew titbiddel id-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fl-assenza ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur min-naħa ta’ MTPD, la kien jista’ jkun hemm imputazzjoni lill-kumpanniji parent tal-imsemmi aġir u lanqas kundanna in solidum ta’ dawn tal-aħħar mal-impriża konġunta tagħhom għall-ħlas tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tomkins vs Il‑Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, punt 45).

147    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ sentenza mogħtija llum, Panasonic u MT Picture Display vs Il‑Kummissjoni [T‑82/13, Ġabra (Estratti)], il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Panasonic u MTPD, sa fejn kien intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, u, min-naħa l-oħra, laqgħet parzjalment it-talba ta’ dawn l-impriżi sabiex titbiddel l-imsemmija deċiżjoni, billi naqqset l-ammont tal-multi imposti in solidum u flimkien fuq MTPD u fuq il-kumpanniji parent tagħha, minħabba l-parteċipazzjoni ta’ MTPD fl-akkordju CPT mill-1 ta’ April 2003 sat-12 ta’ Ġunju 2006.

148    Minn dan isegwi li, sa fejn ir-rikorrenti titlob il-benefiċċju ta’ kwalunkwe annullament jew tnaqqis tal-multa imposta fuq MTPD li jingħata fil-kawża li wasslet għas-sentenza Panasonic u MT Picture Display vs Il‑Kummissjoni, punt 147 iktar ’il fuq, it-talba tagħha tista’ tintlaqa’ biss f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq MTPD, in solidum u flimkien ma’ Panasonic u magħha stess, fil-kuntest tal-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u tal-eżami tat-talbiet sabiex titbiddel id-deċiżjoni kkontestata.

149    Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-argumenti mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, għandhiex titqiegħed fid-dubju l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonstata li MTPD ipparteċipat fl-akkordju CPT.

–       Fuq it-tieni parti

150    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jissostanzjawx il-konklużjoni li MTPD kisret l-Artikolu 101 TFUE billi pparteċipat fil-laqgħat SML u ASEAN, peress li dawn tal-aħħar ma kinux jirrigwardaw is-suq Ewropew, iżda s-CPT intiżi li jinbiegħu lill-klijenti Asjatiċi, u peress li ebda ftehim fuq il-prezzijiet, il-produzzjoni jew l-ishma mis-suq fiż-ŻEE ma ġie konkluż matul l-imsemmija laqgħat. Konsegwentement, hija ssostni li ebda ftehim implementat fiż-ŻEE jew li kellu effett immedjat, prevedibbli u sostanzjali fiha ma ġie konkluż matul dawn il-laqgħat u li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset ruħha kompetenti sabiex tikkonstata ksur.

151    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball sa fejn din tikkonkludi li l-laqgħat SML u ASEAN li fihom ipparteċipat MTPD kienu jifformaw parti minn ksur uniku u kontinwat u li din id-deċiżjoni ma tinkludi ebda prova konvinċenti li turi li hija kienet konxja mill-ftehimiet konklużi fl-Ewropa.

152    It-tielet nett, ir-rikorrenti tafferma, minn naħa, li ma kinitx MTPD, iżda s-suċċessur ta’ [kunfidenzjali], MT Picture Display Indonesia, li fil-kapital tagħha MTPD kellha holding ta’ 53 %, li kien ipparteċipa fil-laqgħat ASEAN u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi annullata sa fejn din ma tispjegax il-raġunijiet li għalihom MTPD kellha tinżamm responsabbli għal dan.

153    Qabelxejn, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li MTPD ma pparteċipatx fil-laqgħat ASEAN. Fil-fatt, kif tindika l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mir-rikorrenti fir-replika, minn eżami tal-minuti tal-imsemmija laqgħat, u, b’mod partikolari, ta’ dawk tas-16 ta’ Frar, tas-16 ta’ Marzu, tat-18 ta’ Mejju, tat-18 ta’ Ġunju u tal-5 ta’ Novembru 2004 u tas-6 ta’ Diċembru 2005, jirriżulta, minn naħa, li apparti r-rappreżentanti ta’ sussidjarji oħra ta’ MTPD, bħal MTPD Indonesia, impjegati ta’ MTPD effettivament ipparteċipaw fihom u, min-naħa l-oħra, li fil-laqgħat ASEAN kollha li nżammu matul dan il-perijodu u li ntużaw mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, invarjabbilment sar riferiment għal MTPD.

154    F’dak li jirrigwarda l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-ksur, għandu jitfakkar li, meta impriżi, stabbiliti barra miż-ŻEE, iżda li jipproduċu oġġetti li jinbiegħu fiż-ŻEE lil terzi, jiftiehmu fuq il-prezzijiet li joffru lill-klijenti tagħhom stabbiliti fiż-ŻEE u jimplementaw dan il-ftehim billi jbigħu bi prezzijiet effettivament ikkoordinati, huma jipparteċipaw fi ftehim li l-għan u l-effett tiegħu huwa li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, u li l-Kummissjoni għandha kompetenza territorjali sabiex tieħu proċeduri kontrih (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2014, InnoLux vs Il‑Kummissjoni, T‑91/11, Ġabra, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

155    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li ksur tal-Artikolu 101 TFUE jimplika żewġ elementi ta’ aġir, jiġifieri l-formazzjoni tal-akkordju u l-implementazzjoni tiegħu. Li kieku l-applikabbiltà tal-projbizzjonijiet stabbiliti mid-dritt tal-kompetizzjoni kellu jkun dipendenti fuq il-post ta’ formazzjoni tal-akkordju, dan kien ovvjament iwassal sabiex jingħata lill-impriżi mezz faċli sabiex jevitaw l-imsemmija projbizzjonijiet. Għalhekk dak li huwa rilevanti huwa l-post fejn l-akkordju jiġi implementat. Barra minn hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan il-post jinsabx fiż-ŻEE, huwa irrilevanti jekk il-parteċipanti fl-akkordju jkunux irrikorrew jew le għal sussidjarji, aġenti, subaġenti jew fergħat stabbiliti fiż-ŻEE sabiex jistabbilixxu kuntatti bejniethom u x-xerrejja li huma stabbiliti hemmhekk (ara s-sentenza InnoLux vs Il‑Kummissjoni, punt 154 iktar ’il fuq, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

156    Meta l-kundizzjoni dwar l-implementazzjoni tkun issodisfatta, il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ tali aġir hija koperta mill-prinċipju ta’ territorjalità li huwa rrikonoxxut universalment fid-dritt internazzjonali pubbliku (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, Ġabra p. 5193, punt 18, u s-sentenza InnoLux vs Il‑Kummissjoni, punt 154 iktar ’il fuq, punt 60).

157    Barra minn hekk, il-kriterju tal-implementazzjoni ta’ akkordju bħala element li jorbtu mat-territorju tal-Unjoni huwa ssodisfatt mis-sempliċi bejgħ fl-Unjoni tal-prodott suġġett għal kartell, indipendentement mil-lokalizzazzjoni tas-sorsi ta’ provvista u tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni (ara s-sentenza InnoLux vs Il‑Kummissjoni, punt 154 iktar ’il fuq, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

158    Huwa b’applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji li l-Kummissjoni qieset ġustament li kienet kompetenti, f’dan il-każ, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Fil-fatt, mill-premessi 585 sa 599 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għalkemm uħud mill-impriżi kkonċernati kienu stabbiliti, fil-mument meta seħħ il-ksur, barra mit-territorju tal-Unjoni u għalkemm huma ma kellhomx sussidjarji stabbiliti f’dan it-territorju, il-prattiki kollużivi ġew implementati fl-imsemmi territorju u kellhom effett immedjat, prevedibbli u sostanzjali fl-imsemmija Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni stabbilixxiet li, minkejja l-fatt li l-ftehimiet tal-akkordju kienu tħejjew barra miż-ŻEE u li ma kinux prinċipalment intiżi għall-Ewropa, il-parteċipanti f’dawn il-ftehimiet madankollu eżerċitaw impatt fuq il-klijenti fiż‑ŻEE permezz tal-bejgħ tagħhom ta’ CPT f’dan it-territorju jew permezz ta’ miżuri li influwenzaw lil dan il-bejgħ.

159    B’mod partikolari, l-ewwel nett, u ġustament, il-Kummissjoni qieset li l-ksur kien affettwa immedjatament iż-ŻEE, peress li, minn naħa, il-ftehimiet kollużivi kienu influwenzaw direttament l-iffissar tal-prezzijiet u l-iffissar tal-volumi ta’ CRT ipprovduti f’dan it-territorju, jew direttament, jew permezz ta’ prodotti ttrasformati, u li, min-naħa l-oħra, kemm is-CDT kif ukoll is-CPT kienu ġew ipprovduti u kienu ntbagħtu direttament fiż-ŻEE minn installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-membri tal-akkordju li kienu jinsabu f’partijiet oħra tad-dinja. It-tieni nett, hija qieset, ġustament, li l-effett tal-ksur fuq iż-ŻEE kien prevedibbli, billi l-prezzijiet u l-volumi suġġetti għal kartell kellhom impatt evidenti fuq il-kompetizzjoni libera kemm bejn il-produtturi ta’ CRT kif ukoll fuq is-suq downstream. Barra minn hekk, bħall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-parteċipanti fl-akkordju CPT ma kinux ftiehmu biss fuq il-prezzijiet, iżda kienu wkoll implementaw limitazzjoni kkoordinata tal-produzzjoni, li b’hekk naqqset l-offerta disponibbli fiż-ŻEE, minn fabbriki stabbiliti f’dan it-territorju jew barra minnu. Barra minn hekk, kif ikkonstatat il-Kummissjoni, l-akkordju inkwistjoni kellu effetti immedjati u prevedibbli fuq iż-ŻEE wkoll fir-rigward tal-fornituri integrati vertikalment, bħal Philips, LGE, Panasonic u r-rikorrenti, inkluż permezz tal-kunsinni mill-impriżi komuni għall-kumpanniji parent rispettivi. It-tielet nett, il-Kummissjoni kkonstatat, ġustament, li l-effett tal-akkordju CPT kien sostanzjali minħabba l-gravità tal-ksur, id-dewmien fit-tul tiegħu u r-rwol li wettqu l-partijiet fl-imsemmi akkordju fis-suq Ewropew f’dak li jirrigwarda s-CRT u l-prodotti ttrasformati.

160    Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti li l-laqgħat SML u ASEAN kienu jiffokaw fuq is-suq Asjatiku u li l-ftehimiet konklużi matulhom ma kinux jirrigwardaw iż-ŻEE ma huwiex fattwalment korrett, sa fejn il-parteċipanti fl-imsemmija laqgħat kienu jwettqu bejgħ ta’ CPT fiż-ŻEE lil terzi indipendenti, kemm b’mod dirett kif ukoll permezz ta’ prodotti ttrasformati.

161    F’dan ir-rigward, meta impriża integrata vertikalment tinkorpora l-prodotti li jkunu s-suġġett tal-ksur fil-prodotti lesti fl-unitajiet ta’ produzzjoni tagħha li jinsabu barra miż-ŻEE, il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti lesti fiż-ŻEE minn din l-impriża lil terzi indipendenti jista’ jaffettwa l-kompetizzjoni fis-suq ta’ dawn il-prodotti u, għaldaqstant, tali ksur jista’ jitqies li kellu riperkussjonijiet fiż-ŻEE, anki jekk is-suq tal-prodotti lesti inkwistjoni jikkostitwixxi suq distint mis-suq ikkonċernat mill-imsemmi ksur.

162    F’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni li l-laqgħat SML u ASEAN kienu jifformaw parti mill-ksur uniku u kontinwat marbut mas-CPT, għandu jiġi rrilevat li, skont il-Kummissjoni, anki jekk l-imsemmija laqgħat kienu jiffokaw fuq il-bejgħ fl-Asja, id-diskussjonijiet li seħħew matul dawn il-laqgħat ma kinux maqtugħa mill-avvenimenti li kienu qed iseħħu f’reġjuni u, b’mod partikolari, fl-Ewropa, iżda sikwit kellhom portata dinjija. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha raġun tqis, billi rreferiet għall-motivi spjegati fil-premessi 478 sa 490, 496, 499, 517, 518 u 521 sa 523 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn il-laqgħat kienu interkonnessi mal-laqgħat tal-ħġieġ Ewropej b’diversi modi u li kien ikun artifiċjali li jiġu sseparati mill-kuntatti l-oħra tal-akkordju CPT, sa fejn dawn kienu jifformaw parti integrali minn ksur uniku u kontinwat li kien jinkludi kuntatti kollużivi kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Asja.

163    Għalhekk, il-Kummissjoni fakkret, l-ewwel nett, li t-tliet serje ta’ laqgħat organizzati fl-Asja – f’dan il-każ il-laqgħat tal-ħġieġ, SML u ASEAN – kif ukoll il-laqgħat miżmuma fl-Ewropa kienu jirrigwardaw l-istess tip ta’ restrizzjonijiet, jiġifieri l-iffissar tal-prezzijiet u l-ippjanar tal-bejgħ, li kienu jinvolvu skambju ta’ informazzjoni sensittiva. It-tieni nett, il-firxiet tal-prodotti kkonċernati, jiġifieri s-CPT ta’ kull daqs, kienu simili fil-laqgħat ikkunsidrati fil-globalità tagħhom. It-tielet nett, kien hemm sovrappożizzjoni tal-kampijiet ġeografiċi fid-diskussjonijiet ta’ diversi laqgħat, sa fejn il-laqgħat ASEAN u SML kellhom portata dinjija, b’mod li kienu jinkludu ż-ŻEE jew riferimenti għall-Ewropa. Bl-istess mod, il-Kummissjoni rrilevat li l-laqgħat tal-ħġieġ Ewropej kienu jinkludu riferimenti għall-Asja. Ir-raba’ nett, il-laqgħat SML u ASEAN, li kienu estensjoni tal-laqgħat tal-ħġieġ Asjatiċi, inżammu matul l-istess perijodu tal-laqgħat tal-ħġieġ Ewropej, li kienu seħħew mill-1999 sal-2005. Il-ħames nett, id-diversi kategoriji ta’ laqgħat organizzati, jiġifieri l-laqgħat tal-ħġieġ Ewropej, il-laqgħat tal-ħġieġ Asjatiċi u l-laqgħat SML u ASEAN, kienu jinvolvu, fil-parti l-kbira tagħhom, l-istess parteċipanti. Is-sitt nett, il-partijiet fl-akkordju CPT kienu qed ifittxu li jżommu differenza fil-prezz raġonevoli bejn prodotti identiċi kkummerċjalizzati fiż-ŻEE u fl-Asja, kif ukoll li jżidu l-prezzijiet fl-Ewropa. Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonstata li l-portata tal-akkordju CPT kienet tinkludi ż-ŻEE u li dan l-akkordju kien ġie implementat f’dan it-territorju, fid-dawl tal-bejgħ dirett ŻEE u tal-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti ttrasformati ta’ CPT.

164    Sabiex waslet għal dawn il-konklużjonijiet, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-kuntest li fih seħħew it-tliet serje ta’ laqgħat fl-Asja, jiġifieri l-laqgħat tal-ħġieġ Asjatiċi, SML u ASEAN, kif ukoll il-minuti tagħhom sabiex minnhom tiddeduċi ġustament li huma kellhom rabtiet ta’ komplementarità mal-laqgħat tal-ħġieġ Ewropej u għalhekk kienu interkonnessi. F’dan ir-rigward, mill-premessi 287 u 288 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-ewwel laqgħat multilaterali Ewropea, tat-2 ta’ Ottubru 1999, fi Glasgow, seħħet wara sejħiet magħmula minn Samsung SDI waqt laqgħa multilaterali, li nżammet fil-21 ta’ Settembru 1999 f’Tajwan, bejn Chunghwa, Samsung SDI, LGE, [kunfidenzjali] u Philips, intiża sabiex issaħħaħ il-kooperazzjoni mas-suq Ewropew u sabiex twassal lill-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju sabiex jorganizzaw laqgħat regolari għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar is-suq u għall-iffissar tal-prezzijiet. Fil-fatt, kien ġie espress tħassib dwar il-livell tal-prezzijiet applikati fl-Ewropa għas-CPT ta’ 14-il pulzier, li tqies li kien baxx wisq meta mqabbel mal-livell tal-prezzijiet Asjatiċi. Waqt laqgħa sussegwenti, li nżammet fis-27 ta’ Ottubru 1999 fit-Tajlandja u li ssemmiet fil-premessi 251 u 290 tad-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi Asjatiċi esprimew is-sodisfazzjon tagħhom bit‑tendenza ta’ żieda fil-prezzijiet fis-suq Ewropew u fis-suq Amerikan bis-saħħa ta’ tnaqqis tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni mwettaq mill-manifatturi ta’ CPT fl-Asja.

165    Barra minn hekk, mill-minuti tal-laqgħat Asjatiċi jirriżulta li l-parteċipanti fihom kienu jipparagunaw is-sitwazzjoni tas-swieq fl-Ewropa u dik tas-swieq fl-Asja u kienu jiftiehmu regolarment sabiex jallinjaw il-prezzijiet u l-kapaċitajiet tagħhom. Skont il-premessa 486 tad-deċiżjoni kkontestata, il-parteċipanti fil-laqgħat Asjatiċi ftiehmu dwar it-tnaqqis ta’ kapaċità li kien jiffaċilita l-isforzi ta’ żieda fil-prezzijiet tal-membri tal-akkordju fiż-ŻEE u kienu stabbilixxew miri dwar ishma mis-suq u kwoti ta’ provvista fuq livell dinji. Barra minn hekk, il-prezzijiet applikati f’reġjun intużaw bħala referenza sabiex isir ftehim dwar il-prezzijiet f’reġjun ieħor. Għaldaqstant, kienet teżisti korrelazzjoni bejn il-prezzijiet applikati fl-Asja u fl-Ewropa.

166    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, il-livell ta’ produzzjoni u l-prezzijiet fl-Asja kellhom impatt fuq il-prezzijiet Ewropej. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fid-deċiżjoni kkontestata, diversi parteċipanti Asjatiċi fl-akkordju CPT kellhom linji ta’ produzzjoni fl-Ewropa matul il-parti l-kbira tal-perijodu li matulu l-kompetituri kienu jiltaqgħu fil-kuntest ta’ diversi laqgħat. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li ċerti sussidjarji Ewropej kienu jinformaw lis-sede ċentrali Asjatika tagħhom bis-sitwazzjoni tas-suq u bil-ftehimiet konklużi fil-kuntest tal-akkordju CPT fl-Ewropa u bil-maqlub, fatt li, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

167    Barra minn hekk, mill-premessi 413 sa 415 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, matul l-aħħar fażi tal-akkordju CPT, li kienet tkopri l-perijodu bejn is-sena 2004 u Novembru 2006, minbarra l-laqgħat SML u ASEAN, li kienu l-fora multilaterali prinċipali, seħħew, b’mod partikolari fl-Ewropa, diversi kuntatti ad hoc li kienu jirrigwardaw il-pjanijiet ta’ bejgħ u ta’ produzzjoni dinjija u li kienu jinvolvu lil MTPD u parteċipanti fil-laqgħat tal-ħġieġ Ewropej, bħal Samsung SDI, il-grupp LPD u Thomson. F’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1074 ssemmi laqgħat bilaterali ta’ skambju ta’ informazzjoni, li nżammu bejn il-grupp LPD u MTPD, fis-6 ta’ Diċembru 2004 u fil-21 ta’ Frar u fit-8 ta’ Lulju 2005. Skont l-istess nota, MTPD annettiet dokumenti mar-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, li minnhom jirriżulta li kienu ġew ippreżentati lil MTPD informazzjoni li toriġina mill-kompetituri tagħha, relatata mal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-manifatturi ta’ CRT u ddatata Novembru 2006, kif ukoll data dinjija, pjanijiet dwar bejgħ, offerta u produzzjoni u previżjonijiet tad-domanda, relatati mas-CRT għas-settijiet tat-televiżjoni u ddatati April 2005, fatt li, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

168    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax issostni validament li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda prova konvinċenti tal-fatt li MTPD kienet konxja mill-eżistenza tal-akkordju CPT. Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ma kienet teżisti ebda organizzazzjoni ċentrali komuni li tgħaqqad il-laqgħat tal-ħġieġ Ewropej u Asjatiċi mal-laqgħat SML u ASEAN huwa irrilevanti. Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, spjegati fid-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-imsemmija laqgħat kellhom rabta ta’ komplementarjetà u kienu jifformaw parti minn pjan globali, b’mod li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikklassifikahom bħala ksur uniku u kontinwat.

169    Barra minn hekk, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti u kif issostni l-Kummissjoni u kif jirriżulta mill-minuti tagħhom, uħud mil-laqgħat ASEAN li fihom ipparteċipat MTPD, fosthom dawk tas-16 ta’ Frar, tas-16 ta’ Marzu u tal-5 ta’ Novembru 2004, kienu jinkludu, minbarra riferimenti għal ftehim fuq il-prezzijiet, li jkopri l-Ewropa, fir-rigward ta’ klijenti speċifiċi u li l-implementazzjoni tiegħu ġiet ikkontrollata bir-reqqa, diskussjonjiet fuq l-offerta u d-domanda futuri, il-linji ta’ produzzjoni u l-kapaċitajiet, u kienu jikkonċernaw is-suq dinji, inkluża ż-ŻEE. Għaldaqstant, tali skambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva bejn kompetituri, bħal dawk li seħħew matul il-laqgħat tat-18 ta’ Ġunju 2004 u s-6 ta’ Diċembru 2005, jikkostitwixxu prattiki miftiehma li jistgħu jippermettu r-restrizzjoni tal-produzzjoni u l-attribuzzjoni ta’ ishma mis-suq. F’dan ir-rigward, l-assenza ta’ ftehimiet formali dwar dawn l-aħħar żewġ aspetti tal-ksur ma għandhiex impatt fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, konformement mal-ġurisprudenza li skontha huwa suffiċjenti li l-iskambju ta’ informazzjoni jnaqqas jew jelimina l-grad ta’ inċertezza dwar il-funzjonament tas-suq inkwistjoni, bir-riżultat li tiġi ristretta l-kompetizzjoni bejn l-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ġunju 2000, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, il-fatt li parti mid-diskussjonijiet kienet relatata mal-Asja huwa spjegat mill-fatt l-parti l-kbira tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni kienu jinsabu f’dan ir-reġjun.

170    F’dak li jirrigwarda l-laqgħat SML, mid-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, mill-minuti tal-laqgħat tat-28 ta’ Novembru 2003, tal-10 ta’ Diċembru 2004 u tal-15 ta’ Marzu u tas-26 ta’ Diċembru 2005, jirriżulta li l-impriżi preżenti, fosthom MTPD, skambjaw informazzjoni dwar l-Ewropa u analizzaw is-sitwazzjoni fuq livell dinji, inkluża l-Ewropa. Barra minn hekk, il-parteċipanti f’dawn il-laqgħat iddiskutew jekk kienx opportun li jiġu kkontrollati l-prezzijiet fis-suq Ewropew, inklużi dawk tas-CPT ta’ daqs żgħir u ta’ daqs medju, u kkonstataw in-neċessità li tiġi kkontrollata l-produzzjoni u li jiġi kkoordinat l-għeluq ta’ fabbriki Ewropej. Barra minn hekk, tnejn minn dawn il-laqgħat, jiġifieri dawk tat-28 ta’ Novembru 2003 u tal-10 ta’ Diċembru 2004, kienu jirrigwardaw espliċitament l-iffissar tal-prezzijiet fl-Ewropa.

171    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax issostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix provi ta’ tqassim tal-ishma mis-suq u ta’ restrizzjoni tal-produzzjoni fir-rigward ta’ CPT matul dan il-perijodu, fil-kuntest tal-laqgħat SML u ASEAN, peress li mill-minuti ta’ bosta minn dawn il-laqgħat jirriżulta li l-parteċipanti skambjaw fihom data dwar il-produzzjoni, il-bejgħ, il-kapaċitajiet u l‑previżjonijiet tagħhom fuq livell dinji, li kienet tista’ tintuża sabiex jiġu kkalkolati l-ishma mis-suq tal-impriżi parteċipanti u għall-monitoraġġ tal-ftehim, u li huma ffissaw linji gwida dwar il-prezzijiet fuq livell dinji għas-CPT ta’ diversi daqsijiet.

172    Minn dan isegwi li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

173    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jintlaqa’ l-ewwel kap tat-talbiet u għandu jiġi annullat l-Artikolu 1(2)(d) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dan jistabbilixxi li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 101 TFUE billi pparteċipat fl-akkordju CPT mis-16 ta’ Mejju 2000 sal-31 ta’ Marzu 2003. B’konsegwenza ta’ dan l-annullament, għandu jintlaqa’ wkoll it-tielet kap tat-talbiet u għandu jiġi annullat l-Artikolu 2(2)(g) tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tiegħu ġiet imposta fuq ir-rikorrenti multa ta’ EUR 28 048 000 minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju għall-perijodu mis-16 ta’ Mejju 2000 sal-31 ta’ Marzu 2003.

174    Fl-aħħar nett, għandhom jiġu miċħuda l-kumplament tat-talbiet għal annullament.

 Fuq it-talbiet, imqajma sussidjarjament, intiżi għat-tħassir jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

175    Insostenn ta’ dawn it-talbiet, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq żball li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din imponiet multa fuqu permezz tal-Artikolu 2(2)(g) u (h), jew, sussidjarjament, fil-kalkolu tal-ammont ta’ din il-multa.

176    Fid-dawl tal-annullament tal-Artikolu 2(2)(g) tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-motiv għandu jiġi eżaminat biss sa fejn huwa intiż sabiex juri li l-Kummissjoni wettqet żball fid-deċiżjoni kkontestata meta imponiet multa fuq ir-rikorrenti permezz tal-Artikolu 2(2)(h) tal-imsemmija deċiżjoni u li l-kalkolu tal-ammont ta’ din il-multa huwa żbaljat.

177    Dan il-motiv, li permezz tiegħu r-rikorrenti tistieden lill-Qorti Ġenerali tagħmel użu mill-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, jinkludi żewġ partijiet.

178    Fil-kuntest tal-ewwel parti u prinċipalment, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tislet il-konsegwenzi tal-iżbalji allegatament imwettqa mill-Kummissjoni li hija kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-motivi ta’ annullament. Fil-kuntest tat-tieni parti u sussidjarjament, ir-rikorrenti tinvoka żbalji fil-kalkolu tal-ammont tal-multa, li wasslu, essenzjalment, għal ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll għal ksur tad-drittijiet tad-difiża.

179    Fid-dawl tal-fatt li, wara l-eżami tal-motivi mqajma insostenn tat-talbiet għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata, intlaqgħu biss l-ewwel u t-tielet kapijiet tat-talbiet (ara l-punt 173 iktar ’il fuq), ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-ewwel parti ta’ dan il-motiv.

180    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, it-tieni parti ta’ dan il-motiv, fid-dawl tar-raba’ kap tat-talbiet, li permezz tiegħu r-rikorrenti titlobha tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, flimkien u in solidum ma’ Panasonic, minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju permezz ta’ MTPD.

181    Ir-rikorrenti tqajjem erba’ argumenti addizzjonali insostenn tat-talba tagħha sabiex jitbiddlu l-multi li ġew imposti fuqha.

182    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li r-raġunament tal-Kummissjoni dwar l-iffissar tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ użata għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa huwa konfuż u lakoniku u tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li l-ammont tal-multa ma jirriflettix id-differenzi konsiderevoli bejn il-portata tal-akkordju CPT u dik tal-akkordju CPT, li ma kienx daqshekk multidimensjonali daqskemm issostni l-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-perċentwali ta’ 18 % iffissata sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-imsemmi akkordju, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku, hija sproporzjonata.

183    Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur.

184    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-limiti previsti mir-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha li timponi tali multi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 172 u tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 123). Madankollu, meta l-Kummissjoni tadotta linji gwida intiżi li jispeċifikaw, b’osservanza tat-Trattat, il-kriterji li hija biħsiebha tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, hija konsegwentement tkun qiegħda tillimita din is-setgħa tagħha sa fejn hija jkollha tikkonforma ruħha mar-regoli indikattivi li hija tkun imponiet fuqha nnifisha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone Lorraine vs Il‑Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 192, u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija ma tistax ma tapplikahomx f’każ partikolari mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jipprekludi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod simili, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2009, Audiolux et, C‑101/08, Ġabra p. I‑9823, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

185    Barra minn hekk, il-paragrafu 4 tal-Linji gwida tal-2006 jindika dan li ġej:

“Is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi […] tikkostitwixxi wieħed mill-mezzi mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ twettaq il-funzjoni tagħha ta’ sorveljanza li jagħtiha t-Trattat. Din il-funzjoni ma tinkludix biss il-kompitu li tinvestiga u li tissanzjona ksur individwali, iżda tinkludi wkoll id-dmir li ssegwi politika ġenerali intiza li tapplika fil-qasam tal-kompetizzjoni l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u li tiggwida f’dan is-sens l-aġir tal-impriżi […] Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-azzjoni tagħha tkun ta’ natura dissważiva […] Konsegwentement, meta l-Kummissjoni tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 81 [KE] jew 82 [KE], tista’ tkun neċessarja l-impożizzjoni ta’ multa fuq dawk li jkunu kisru d-dispożizzjonijiet legali. Il-multi għandhom jiġu ffissati f’livell suffiċjentement dissważiv, mhux biss bil-għan li jiġu ssanzjonati l-impriżi inkwistjoni (effett dissważiv speċifiku), iżda wkoll bil-għan li impriżi oħra jiġu dissważi milli jwettqu aġir li jmur kontra l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] jew li jissoktaw b’tali aġir (effett dissważiv ġenerali).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

186    Kif jirriżulta mill-paragrafi 5 sa 7 tal-Linji gwida tal-2006, sabiex tilħaq dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni tirreferi, bħala bażi għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, għall-valur tal-bejgħ tal-oġġetti jew tas-servizzi kkonċernati mill-ksur u għan-numru ta’ snin li matulhom l-impriża tkun ipparteċipat fil-ksur, filwaqt li tinkludi fl-ammont bażiku tal-multa ammont speċifiku bil-għan li tiddisswadi lill-impriżi milli jwettqu aġir illegali.

187    Għandu jitfakkar li l-paragrafu 19 tal-Linji gwida tal-2006 jispeċifika li “[l-]ammont bażiku tal-multa ser ikun marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, iddeterminata skont il-grad ta’ gravità tal-ksur, immultiplikata bin-numru ta’ snin tal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

188    F’dak li jirrigwarda l-fattur dwar il-gravità tal-ksur, il-Linji gwida tal-2006 jispeċifikaw, fil-paragrafu 20 tagħhom, li “[l-]evalwazzjoni tal-gravità ser issir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

189    F’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-proporzjon tal-bejgħ meħuda inkunsiderazzjoni, il-paragrafu 21 tal-Linji gwida tal-2006 jindika li, “bħala regola ġenerali, [din tal-aħħar] ser tiġi ffissata f’livell li jista’ jilħaq 30 %” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Mill-paragrafu 22 tal-Linji gwida jirriżulta li, “[s]abiex jiġi deċiż jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandhiex tkun lejn in-naħa ta’ isfel jew lejn in-naħa ta’ fuq ta’ din l-iskala, il-Kummissjoni ser tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem mis-suq aggregat tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-firxa ġeografika tal-ksur u jekk il-ksur ġiex implementat jew le” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fl-aħħar nett, f’dan ir-rigward, fil-paragrafu 23 tal-imsemmija linji gwida, jitfakkar dan li ġej:

“Il-ftehimiet [...] orizzontali ta’ ffissar ta’ prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjoni ta’ produzzjoni, li huma ġeneralment sigrieti, huma, min-natura tagħhom stess, fost l-iktar restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni gravi. Fil-kuntest tal-politika tal-kompetizzjoni, dawn għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever. Konsegwentement, il-proporzjon tal-bejgħ meħuda inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ tali ksur ser tkun ġeneralment lejn in-naħa ta’ fuq tal-iskala.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

190    F’dan il-każ, sabiex tiddetermina l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni b’mod partikolari ħadet inkunsiderazzjoni, kif jirriżulta mill-premessa 1059 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li kemm l-akkordju CPT kif ukoll l-akkordju CDT kienu multidimensjonali, sa fejn kienu jinkludu ftehimiet orizzontali dwar l-iffissar ta’ miri ta’ prezzijiet jew ta’ prezzijiet minimi, it-tqassim ta’ swieq u l-limitazzjoni tal-produzzjoni, kif ukoll, f’dak li jirrigwarda l-akkordju CDT, it-tqassim tal-klijenti. Hija rrilevat li dawn l-atti ta’ ksur kienu jikkostitwixxu, min-natura tagħhom stess, wieħed mill-iktar tipi ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni gravi fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE, li għalih il-paragrafu 23 tal-Linji gwida tal-2006 jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ iffissata lejn in-naħa ta’ fuq tal-iskala. Barra minn hekk, hija fakkret li l-impriżi involuti f’dawn l-atti ta’ ksur kienu jew messhom kienu konxji tan-natura illegali tal-attivitajiet tagħhom, ħaġa li kienet ipprovata mill-fatt li huma kienu ħadu miżuri sabiex jaħbu l-eżistenza tal-akkordju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li l-firxa ġeografika kemm tal-akkordju CDT kif ukoll tal-akkordju CPT kienet tkopri ż-ŻEE kollha u li s-sehem mis-suq akkumulat, fil-livell taż-ŻEE, tal-impriżi, destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, li fil-konfront tagħhom kien ġie stabbilit il-ksur, kien inqas minn 80 %. Fl-aħħar nett, hija kkonstatat li l-akkordji kienu strutturati ħafna, kienu ġew applikati strettament u kienu suġġetti għal kontrolli. Minn dan hija kkonkludiet, fil-premessa 1070 tal-imsemmija deċiżjoni, li kellha tiġi applikata perċentwali ta’ 18 % tal-bejgħ ikkonċernat, fid-dawl tan-natura tal-ksur.

191    Kuntrarjament għall-argumenti tar-rikorrenti, din l-evalwazzjoni hija mmotivata suffiċjentement, peress li l-Kummissjoni ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-fatturi elenkati fil-paragrafu 22 tal-Linji gwida tal-2006 (ara l-punt 189 iktar ’il fuq), jiġifieri, minbarra n-natura tal-ksur, is-sehem mis-suq akkumulat tal-impriżi kkonċernati, li kien jinkludi t-totalità tas-suq, il-firxa ġeografika li kienet tikkorrispondi għaż-ŻEE kollha u l-fatt li l-akkordju ġie implementat.

192    Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-ksur marbut mas-CPT jaqa’ taħt il-kategorija prevista mill-paragrafu 23 tal-Linji gwida tal-2006, sa fejn kien jinvolvi, b’mod partikolari, ftehimiet orizzontali sigrieti ta’ ffissar ta’ prezzijiet. Konsegwentement, fid-dawl tal-fatt li l-Linji gwida tal-2006 jipprevedu limitu massimu ta’ 30 %, il-Kummissjoni, meta ffissat il-proporzjon tal-bejgħ meħuda inkunsiderazzjoni fil-perċentwali ta’ 18 %, jiġifieri f’livell ftit biss ogħla minn nofs l-iskala prevista, aġixxiet konformement mar-regoli li hija stess imponiet fl-imsemmija linji gwida. Fil-fatt, tali ksur evidenti tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa, min-natura tiegħu stess, partikolarment gravi u jmur kontra l-iktar għanijiet fundamentali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2012, GDF Suez vs Il‑Kummissjoni, T‑370/09, Ġabra, punt 420, u l-ġurisprudenza ċċitata).

193    Ebda prova prodotta mir-rikorrenti ma tippermetti li titqiegħed fid-dubju din l-evalwazzjoni.

194    Fil-fatt, l-eżami tar-raba’ u tal-ħames motivi mqajma insostenn tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma ppermettiex li titqiegħed fid-dubju l-parteċipazzjoni tal-impriżi kkonċernati fi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 101 TFUE, li l-effett tiegħu kien li rrestrinġa l-kompetizzjoni fis-suq ŻEE, u li wassal, b’mod partikolari, għal iffissar ta’ prezzijiet, li l-implementazzjoni tiegħu ġiet ikkontrollata bir-reqqa, kif ukoll għal restrizzjoni tal-produzzjoni u għal skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar is-CPT. Issa, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-grad ta’ sofistikazzjoni jew ta’ kumplessità tal-akkordju CDT meta mqabbel ma’ dak tal-akkordju CPT huwa irrilevanti fid-dawl tal-effetti taż-żewġ akkordji, li kienu jikkonsistu fir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ŻEE. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-premessa 1059 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fattur ta’ gravità ogħla applikat għall-akkordju CDT jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dan tal-aħħar kien jinkludi wkoll, b’kuntrast mal-akkordju CPT, tqassim tal-klijentela. F’dak li jirrigwarda l-argumenti li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix provi suffiċjenti tar-restrizzjonijiet tal-produzzjoni u tat-tqassim tas-swieq, dawn l-argumenti ma jistgħux jirnexxu, fid-dawl tal-analiżi mwettqa fil-kuntest tat-tieni parti tal-ħames motiv.

195    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tnejn mit-tliet aspetti tal-ksur, jiġifieri r-restrizzjoni tal-produzzjoni u t-tqassim tas-swieq, ma damux tul il-perijodu kollu tal-ksur, għandu jiġi kkonstatat li, anki kieku dan kellu jkun minnu, ma jkunx suffiċjenti sabiex iqiegħed fid-dubju l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-eżistenza tal-ksur, il-gravità tiegħu f’dan il-każ u, għaldaqstant, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2012, Versalis u Enil vs Il‑Kummissjoni, T‑103/08, punt 241).

196    Minn dan isegwi li, meta ffissat, b’applikazzjoni tal-Linji gwida tal-2006, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti fil-perċentwali ta’ 18 %, il-Kummissjoni ma eċċedietx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. L-argument li din il-perċentwali hija sproporzjonata meta mqabbla ma’ dik iffissata fir-rigward tal-akkordju CDT, li tammonta għal 19 %, għandu għalhekk jiġi miċħud.

197    Għandhom jiġu miċħuda wkoll l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-implementazzjoni u l-effetti tal-ksur, peress li, skont il-paragrafu 23 tal-Linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni setgħet tiffissa ammont sempliċement fid-dawl tal-kriterju tan‑natura tal-ksur (sentenza GDF Suez vs Il‑Kummissjoni, punt 189 iktar ’il fuq, punt 423).

198    Fl-aħħar nett, ebda prova oħra ma tiġġustifika l-fatt li l-Qorti Ġenerali tagħmel użu mis-setgħa tagħha li tbiddel deċiżjoni f’dak li jirrigwarda l-ammont tal-multa fid-dawl tal-gravità tal-ksur.

199    Minn dan isegwi li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

200    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni la ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura limitata tal-parteċipazzjoni tagħha u ta’ dik ta’ MTPD meta ffissat il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ sabiex tikkalkola l-ammont bażiku tal-multa u lanqas meta evalwat l-eventwali ċirkustanzi attenwanti.

201    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-għoti ta’ tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa abbażi taċ-ċirkustanzi attenwanti huwa neċessarjament marbut maċ-ċirkustanzi tal-każ, li jistgħu jwasslu lill-Kummissjoni li ma tagħtix tnaqqis lil impriża li tkun parti fi ftehim illegali. Fil-fatt, ir-rikonoxximent tal-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti, f’sitwazzjonijiet fejn impriża tkun parti fi ftehim manifestament illegali, li hija kienet taf jew ma setgħetx ma tkunx taf li kien jikkostitwixxi ksur, ma jistax ikollu l-konsegwenza li jċaħħad il-multa imposta mill-effett dissważiv tagħha u jippreġudika l-effettività tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑511/06 P, Ġabra p. I‑5843, punti 104 u 105, u l-ġurisprudenza ċċitata).

202    Barra minn hekk, mill-paragrafu 29 tal-Linji gwida tal-2006 jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandha ebda obbligu li sistematikament tieħu inkunsiderazzjoni separatament kull waħda miċ-ċirkustanzi attenwanti elenkati u lanqas ma għandha xi obbligu li tagħti tnaqqis addizzjonali tal-ammont bażiku tal-multa b’mod awtomatiku malli impriża tipproduċi provi ta’ natura li jindikaw il-preżenza ta’ waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi. Fil-fatt, in-natura adegwata ta’ eventwali tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti għandha tiġi evalwata minn perspettiva globali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Għalhekk, fl-assenza ta’ indikazzjoni ta’ natura obbligatorja fil-Linji gwida tal-2006 f’dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandu jitqies li l-Kummissjoni żammet ċertu marġni sabiex tevalwa b’mod globali l-kobor ta’ eventwali tnaqqis tal-ammont tal-multi minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Frar 2012, Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑83/08, punt 240, u l-ġurisprudenza ċċitata).

203    F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda l-argument li l-Kummissjoni messha ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li MTPD ma kinitx ipparteċipat fil-laqgħat tal-ħġieġ Ewropej, iżda biss fil-laqgħat SML u ASEAN, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-analiżi tat-tieni parti tal-ħames motiv, li l-Kummissjoni kellha raġun tqis li MTPD, li magħha r-rikorrenti u Panasonic kienu jifformaw unità ekonomika, kienet ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li kien ikopri t-territorju kollu taż-ŻEE u kien jikkonsisti fi ftehimiet u fi prattiki miftiehma intiżi li jintlaħaq ftehim dwar il-prezzijiet u l-produzzjoni u li tiġi skambjata informazzjoni kummerċjali sensittiva bejn kompetituri. Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni meta tiffissa l-ammont tal-multi li hija jkollha l-intenzjoni timponi, hija setgħet tqis, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, li l-benefiċċju ta’ ċirkustanzi attenwanti ma kienx iġġustifikat.

204    Ir-rikorrenti lanqas ma pprovat li MTPD kienet opponiet l-akkordju CPT sal-punt li fixklet il-funzjonament tiegħu, li huwa standard li timponi madankollu l-ġurisprudenza sabiex tiġi rrikonoxxuta assenza ta’ implementazzjoni tal-akkordju li tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 202 iktar ’il fuq, punt 248, u l-ġurisprudenza ċċitata).

205    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma eċċedietx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li għandha f’dan il-qasam meta ma aċċettatx, bħala ċirkustanza attenwanti li tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa, il-fatt, jekk jitqies li ġie pprovat, li MTPD ma pparteċipatx fl-elementi kostituttivi kollha tal-akkordju inkwistjoni. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà għall-ksur bħala tali, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li impriża ma pparteċipatx direttament fl-elementi kostituttivi kollha ta’ akkordju globali ma jistax jeżoneraha mir-responsabbiltà għall-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, jekk ikun ġie stabbilit, bħal f’dan il-każ, li hija neċessarjament kienet taf, minn naħa, li l-kollużjoni li hija pparteċipat fiha kienet tifforma parti minn pjan globali u, min-naħa l-oħra, li dan il-pjan globali kien ikopri l-elementi kostituttivi kollha tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra p. I‑13085, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).

206    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tispjegax kif, bil-fatt li ma tathiex il-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti minħabba f’hekk, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità jew il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

207    Anki jekk jitqies li, permezz tal-argument tagħha, ir-rikorrenti tfittex li tistabbilixxi li r-rwol tagħha fl-akkordju kien esklużivament passiv, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, għalkemm din iċ-ċirkustanza ġiet iċċitata espressament bħala ċirkustanza attenwanti fil-Linji gwida tal-1998, hija ma baqgħetx tidher fost iċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jiġu aċċettati b’applikazzjoni tal-Linji gwida tal-2006. Għaldaqstant, dan juri għażla politika deliberata li ma jibqax jiġi “inkoraġġit” l-aġir passiv tal-parteċipanti fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Issa din l-għażla taqa’ taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni fid-determinazzjoni u fl-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni.

208    Min-naħa l-oħra, il-pożizzjoni “esklużivament passiva jew emulattiva” ta’ impriża fit-twettiq tal-ksur jimplika, mid-definizzjoni tagħha stess, l-adozzjoni mill-impriża kkonċernata ta’ “profil baxx”, jiġifieri nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva fl-elaborazzjoni tal-ftehim jew tal-ftehimiet antikompetittivi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 167). Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fost l-elementi ta’ natura li jiżvelaw ir-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura sinjifikattivament iktar sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla ma’ dik tal-membri ordinarji tal-akkordju kif ukoll l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet espressi dwar ir-rwol imwettaq minn din l-impriża fl-akkordju u li jsiru minn rappreżentanti ta’ impriżi terzi li pparteċipaw fil-ksur, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ (ara s-sentenza Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 168, u l-ġurisprudenza ċċitata).

209    Issa f’dan il-każ, MTPD ipparteċipat f’numru mhux negliġibbli ta’ laqgħat tal-akkordju CPT, li n-natura antikompetittiva tagħhom ġiet stabbilita u li matulhom hija pprovdiet ċerta informazzjoni kummerċjali sensittiva lill-kompetituri tagħha. Anki kieku din l-informazzjoni kienet żbaljata jew disponibbli band’oħra, hija xorta waħda tat l-impressjoni lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tieħu sehem fl-akkordju u b’hekk ikkontribwixxiet sabiex tinkoraġġih. Barra minn hekk, ebda wieħed mill-parteċipanti fl-akkordju inkwistjoni ma indika li r-rikorrenti kienet adottat “profil baxx” matul il-ksur. Għal dawn ir-raġunijiet, ma jistax jitqies li r-rwol tagħha kien esklużivament passiv.

210    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma eċċedietx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li għandha f’dan il-qasam meta ma aċċettatx, bħala ċirkustanza attenwanti li tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa, l-allegat rwol esklużivament passiv u marġinali ta’ MTPD.

211    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-Linji gwida tal-2006 meta ħadet inkunsiderazzjoni, fid-dħul mill-bejgħ rilevanti, mhux biss il-bejgħ ta’ CRT lil klijenti stabbiliti fiż-ŻEE, iżda wkoll bejgħ dirett fiż-ŻEE permezz ta’ prodotti ttrasformati, li la kienu marbuta direttament u lanqas indirettament mal-ksur. F’dan ir-rigward, minn naħa, hija tikkritika lill-Kummissjoni talli ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv fir-rigward tal-captive sales [bejgħ intern lill-impriżi integrat vertikalment], li kienu ġew espressament esklużi mid-diskussjoniijiet li saru matul il-laqgħat SML u ASEAN u għalhekk ma humiex marbuta direttament mal-ksur. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq preżunzjoni li s-suq downstream tas-settijiet tat-televiżjoni fiż-ŻEE kien ġie affettwat mill-ksur, b’mod li l-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti ttrasformati ma kienx marbut indirettament mal-ksur.

212    Għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li, għal kull impriża u għal kull assoċjazzjoni ta’ impriżi li tipparteċipa fil-ksur, il-multa ma għandhiex teċċedi 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha magħmul matul is-sena kummerċjali preċedenti.

213    Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għandha tevalwa, f’kull każ speċifiku u fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tal-għanijiet segwiti mis-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita mir-Regolament Nru 1/2003, l-impatt imfittex fuq l-impriża kkonċernata, b’mod partikolari billi tieħu inkunsiderazzjoni dħul mill-bejgħ li jirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika reali tagħha waqt il-perijodu li fih twettaq il-ksur (sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑04405, punt 25; Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 53, u LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, C‑227/14 P, Ġabra, punt 49).

214    Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa possibbli li, għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża, li jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u imperfetta, tad-daqs tagħha u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll il-parti minn dan id-dħul li ġej mill-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur u li għalhekk hija ta’ natura li tindika l-kobor tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 121; Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 54, u LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punt 50).

215    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni, huwa madankollu jillimita l-eżerċizzju tiegħu billi jistabbilixxi kriterji oġġettivi li għandhom jiġu segwiti minnha. Għalhekk, minn naħa, l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta fuq impriża huwa suġġett għal limitu massimu li jista’ jiġi kkwantifikat u li huwa assolut, b’mod li l-ammont massimu tal-multa li jista’ jiġi impost fuq impriża partikolari jista’ jiġi ddeterminat minn qabel. Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa llimitat ukoll mir-regoli ta’ kondotta li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha, b’mod partikolari fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi (sentenzi Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 55, u LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punt 51).

216    Skont il-paragrafu 13 tal-Linji gwida tal-2006, “[s]abiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, magħmul mill-impriża, b’rabta diretta jew indiretta […] mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dawn l-istess linji gwida jispeċifikaw, fil-paragrafu 6 tagħhom, li “il-fatt li l-valur tal-bejgħ relatat mal-ksur jiġi kkombinat mat-tul [ta’ dan tal-aħħar] jitqies li jipprovdi valur ta’ sostituzzjoni adatt sabiex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll sabiex jiġi rifless il-piż relattiv ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

217    Għalhekk, il-paragrafu 13 tal-Linji gwida tal-2006 għandu l-għan li jżomm bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa imposta fuq impriża ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv ta’ din l-impriża fih (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, punt 76; Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 57, u LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punt 53).

218    Konsegwentement, il-kunċett ta’ valur tal-bejgħ previst f’dan il-paragrafu 13 jinkludi l-bejgħ li sar fis-suq ikkonċernat mill-ksur fiż-ŻEE, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk dan il-bejgħ kienx ġie effettivament affettwat minn dan il-ksur, peress li l-parti mid-dħul li ġejja mill-bejgħ tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur hija l-iktar adatta sabiex tirrifletti l-importanza ekonomika ta’ dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, punt 217 iktar ’il fuq, punti 75 sa 78; Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punti 57 sa 59; tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, Ġabra, punti 148 u 149, u LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punti 53 sa 58 u 64).

219    F’dan il-każ, il-parteċipanti fl-akkordju, bħal MTPD li fuq l-aġir tagħha r-rikorrenti kienet teżerċita influwenza determinanti, li kienu impriżi integrati vertikalment, kienu jinkorporaw, barra miż-ŻEE, CPT suġġetti għal kartell fi prodotti lesti mibjugħa fiż-ŻEE. Kif issostni r-rikorrenti, il-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa fir-rigward tal-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti ttrasformati ma sarx fis-suq tal-prodott ikkonċernat mill-ksur, f’dan il-każ is-suq tas-CRT suġġetti għal kartell, iżda f’suq ta’ prodotti distint minnu, jiġifieri s-suq downstream tal-prodotti lesti li jinkorporaw l-imsemmija CRT, liema CRT suġġetti għal kartell kienu s-suġġett, f’tali każ, ta’ bejgħ intern barra miż-ŻEE bejn MTPD u s-sussidjarji tagħha integrati vertikalment.

220    Madankollu, mill-premessi 1026 u 1029 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex tistabbilixxi l-ammont li serva bħala bażi għall-multi, il-Kummissjoni ħadet biss inkunsiderazzjoni l-prezz iffatturat għas-CDT u għas-CPT integrati f’settijiet tat-televiżjoni jew f’moniters tal-kompjuter u mhux il-prezz ta’ dawn tal-aħħar. Għalhekk, il-bejgħ tal-prodotti lesti li jintegraw is-CRT suġġetti għal kartell ma tteħidx inkunsiderazzjoni sal-valur sħiħ tagħhom, iżda biss sal-frazzjoni ta’ dan il-valur li setgħet tikkorrispondi għall-valur tas-CRT suġġetti għal kartell integrati fil-prodotti lesti, meta dawn tal-aħħar inbiegħu mill-impriża li tifforma parti mir-rikorrenti lil terzi indipendenti stabbiliti fiż-ŻEE. Din il-konstatazzjoni ma ġietx ikkontestata.

221    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha raġun tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ tas-settijiet tat-televiżjoni u tal-moniters tal-kompjuter għall-kalkolu tal-ammont tal-multa.

222    Minkejja li, ċertament, il-kunċett ta’ “valur tal-bejgħ” previst fil-paragrafu 13 tal-Linji gwida tal-2006 ma jistax jiġi estiż sabiex jinkludi l-bejgħ imwettaq mill-impriża inkwistjoni li bl-ebda mod ma jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju kkontestat (ara s-sentenzi Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, punt 217 iktar ’il fuq, punt 76; Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 57, u LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punt 53), imur kontra l-għan li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jfittex li jilħaq li kieku l-parteċipanti f’akkordju li jkunu integrati vertikalment ikunu jistgħu, sempliċement minħabba li jkunu integraw il-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur fi prodotti lesti barra miż-ŻEE, jiżguraw li tiġi eskluża mill-kalkolu tal-multa l-frazzjoni tal-valur tal-bejgħ tagħhom ta’ dawn il-prodotti lesti fiż-ŻEE li tista’ tikkorrispondi għall-valur tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur.

223    Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, l-impriżi integrati vertikalment jistgħu jieħdu vantaġġ minn ftehim ta’ ffissar orizzontali tal-prezzijiet konkluż bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE mhux biss fil-bejgħ lil terzi indipendenti fis-suq tal-prodott li huwa s-suġġett ta’ dan il-ksur, iżda wkoll fis-suq downstream tal-prodotti ttrasformati li fil-kompożizzjoni tagħhom jidħlu dawn il-prodotti, u dan għal żewġ raġunijiet differenti. Jew dawn l-impriżi jgħaddu ż-żidiet fil-prezz tal-inputs li jirriżultaw mis-suġġett tal-ksur fuq il-prezz tal-prodotti ttrasformati, jew inkella ma jgħadduhomx, fatt li għalhekk jagħtihom vantaġġ fl-ispiża meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom li jiksbu dawn l-istess inputs fis-suq tal-prodotti li huwa s-suġġett tal-ksur (sentenza Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 60).

224    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha raġun tqis li l-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti ttrasformati, minkejja li ma sarx fis-suq tal-prodott ikkonċernat mill-ksur, ħoloq madankollu distorsjoni tal-kompetizzjoni fiż-ŻEE, bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, għad-detriment, b’mod partikolari, tal-konsumaturi u li l-imsemmi bejgħ kellu rabta mal-ksur fiż-ŻEE, fis-sens tal-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006.

225    Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq preżunzjoni li s-suq downstream tas-settijiet tat-televiżjoni fiż-ŻEE kien ġie affettwat mill-ksur ma jistax jirnexxi, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 223 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, peress li, kif tfakkar fil-punt 220 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzzjoni l-valur tal-prodott ittrasformat kollu kemm hu, iżda biss il-valur tat-tubi li ġew integrati fih, tali argument, fi kwalunkwe każ, huwa ineffettiv.

226    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-esklużjoni tal-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti ttrasformati jkollha l-effett li timminimizza artifiċjalment l-importanza ekonomika tal-ksur imwettaq minn impriża partikolari, peress li s-sempliċi fatt li jiġi eskluż it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali bejgħ effettivament affettwat mill-akkordju fiż-ŻEE jwassal sabiex fl-aħħar mill-aħħar tiġi imposta multa mingħajr rabta reali mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-akkordju f’dan it-territorju (ara, b’analoġija, is-sentenzi Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, punt 217 iktar ’il fuq, punt 77; Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 58, u LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punt 54).

227    B’mod partikolari, kif ikkonstatat ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 1022 tad-deċiżjoni kkontestata u kuntrarjament għall-argumenti tar-rikorrenti, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-valur ta’ dan il-bejgħ iwassal neċessarjament għall-għoti ta’ vantaġġ, mingħajr ġustifikazzjoni, lill-impriżi integrati vertikalment li, bħal MTPD, inkorporaw parti sinjifikattiva mill-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur fl-unitajiet ta’ produzzjoni tagħhom stabbiliti barra miż-ŻEE, b’mod li jkunu jistgħu jaħarbu minn sanzjoni proporzjonata għall-importanza tagħhom fis-suq ta’ dawn il-prodotti u għall-ħsara li jwettaq l-aġir tagħhom lill-kompetizzjoni fiż-ŻEE.

228    Għalhekk, il-Kummissjoni ma naqsitx milli tosserva l-Linji gwida tagħha tal-2006 meta ħadet inkunsiderazzjoni l-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti ttrasformati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq MTPD, flimkien u in solidum mar-rikorrenti u ma’ Panasonic.

229    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni naqset milli tapplika l-paragrafu 25 tal-Linji gwida tal-2006 mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva li hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, meta użat valur tal-bejgħ speċifiku għall-kalkolu tal-ammont addizzjonali inkluż fl-ammont bażiku tal-multa li ġiet imposta fuqha (ara l-punt 22 iktar ’il fuq) bħala kumpannija parent ta’ MTPD.

230    Għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti tfittex li tqiegħed fid-dubju l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-multa li hija imponiet fuqha minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-akkordju CPT qabel il-ħolqien ta’ MTPD, sa fejn hija użat, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont addizzjonali, minbarra l-valur tal-bejgħ tagħha stess, proporzjon tal-valur tal-bejgħ tal-impriża konġunta. Kif speċifikat il-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1972 tal-premessa 1055 tad-deċiżjoni kkontestata, dan kien ifisser li ma kienx hemm responsabbiltà konġunta u in solidum tal-kumpanniji parent għall-ammonti addizzjonali. Barra minn hekk, mill-premessa 1076 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li, filwaqt li ġew imposti ammonti addizzjonali separati fuq Panasonic u fuq ir-rikorrenti, ebda ammont addizzjonali ma ġie impost fuq MTPD.

231    Issa fid-dawl tal-annullament tal-Artikolu 1(2)(d) u tal-Artikolu 2(2)(g) tad-deċiżjoni kkontestata, l-argument tar-rikorrenti fuq dan il-punt għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

232    Minn dan isegwi li ma huwiex neċessarju, fi kwalunkwe każ, li tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-argument li jirrigwarda allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża, ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti ma kellhiex aċċess għad-data pprovduta minn Panasonic f’isem MTPD f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont addizzjonali.

233    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li ebda motiv ieħor li jista’ jintrabat mal-argument tar-rikorrenti żviluppat insostenn ta’ din il-parti ma jista’ jippermetti li jitqies li l-ammonti tal-multi ma humiex adegwati, fid-dawl, minn naħa, tal-gravità u tat-tul tal-ksur li wettqet ir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, tan-neċessità li jiġu imposti fuqha multi ta’ ammont dissważiv.

234    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li ebda motiv marbut ma’ motiv ta’ ordni pubbliku, li hija obbligata tqajjem ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, C‑272/09 P, Ġabra p. I‑12789, punt 104), ma jiġġustifika li jsir użu mis-setgħa tagħha li tbiddel deċiżjoni kkontestata sabiex tħassar il-multa.

235    Għalhekk, konformement mal-konklużjonijiet magħmula fil-punti 146 sa 148 iktar ’il fuq, it-tieni parti tal-motiv invokat insostenn tar-raba’ kap tat-talbiet, intiż għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur permezz ta’ MTPD, għandha tintlaqa’ biss sa fejn tfittex li tibbenefika mit-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha in solidum u flimkien ma’ Panasonic u ma’ MTPD, ikkonstatat mis-sentenza Panasonic u MT Picture Display vs Il‑Kummissjoni, punt 147 iktar ’il fuq, li ffissat l-ammont ta’ din il-multa għal EUR 82 826 000. Il-kumplament tat-talba għat-tħassir tal-multa jew għat-tnaqqis tal-ammont tagħha huwa miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

236    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

237    F’dan il-każ, peress li t-talbiet tar-rikorrenti ġew iddikjarati parzjalment fondati, hemm lok li kull parti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(2)(d) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 8839 finali, tal-5 ta’ Diċembru 2012, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.437 – Tubi katodiċi għas-settijiet tat-televiżjoni u għall-moniters tal-kompjuter), huwa annullat parzjalment sa fejn jikkonstata li Toshiba Corp. ipparteċipat f’akkordju dinji fis-suq tat-tubi katodiċi għas-settijiet tat-televiżjoni bil-kulur, mis-16 ta’ Mejju 2000 sal-31 ta’ Marzu 2003.

2)      L-Artikolu 2(2)(g) ta’ din id-deċiżjoni huwa annullat, sa fejn jimponi multa ta’ EUR 28 048 000 fuq Toshiba minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha f’akkordju dinji fis-suq tat-tubi katodiċi għas-settijiet tat-televiżjoni bil-kulur.

3)      L-ammont tal-multa imposta fuq Toshiba fl-Artikolu 2(2)(h) tad-deċiżjoni inkwistjoni, flimkien u in solidum ma’ Panasonic Corp. u MT Picture Display Co. Ltd, huwa ffissat għal EUR 82 826 000.

4)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)      Kull parti hija kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Papasavvas

Forwood

Bieliūnas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2015.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Ir-rikorrenti u l-prodott ikkonċernat

Il-proċedura amministrattiva

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq it-talbiet, ippreżentati fuq bażi prinċipali, intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonkludi li r-rikorrenti kienet responsabbli għall-ksur imwettaq bejn is-16 ta’ Mejju 2000 u l-11 ta’ April 2002

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonkludi li r-rikorrenti kienet responsabbli għall-ksur imwettaq matul il-perijodu mit-12 ta’ April 2002 sal-31 ta’ Marzu 2003

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonkludi li r-rikorrenti kienet responsabbli flimkien u in solidum għall-parteċipazzjoni ta’ MTPD fil-ksur imwettaq matul il-perijodu mill-1 ta’ April 2003 sat-12 ta’ Ġunju 2006

– Fuq it-tieni parti

– Fuq l-ewwel parti

– Fuq it-tielet parti

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonkludi li r-rikorrenti kienet responsabbli għall-ksur imwettaq matul il-perijodu mill-1 ta’ April 2003 sat-12 ta’ Ġunju 2006

Fuq il-ħames motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat fuq żball li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonkludi li MTPD kienet responsabbli għall-ksur imwettaq matul il-perijodu mill-1 ta’ April 2003 sat-12 ta’ Ġunju 2006

– Fuq l-ewwel parti

– Fuq it-tieni parti

Fuq it-talbiet, imqajma sussidjarjament, intiżi għat-tħassir jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Data kunfidenzjali mħollija barra.