Language of document : ECLI:EU:F:2015:111

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

28 ta’ Settembru 2015

Kawża F‑73/14

Christiana Kriscak

vs

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-Europol – Konvenzjoni Europol – Regolamenti tal-Persunal tal-Europol – Anness 1 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol – Lista ta’ pożizzjonijiet indikati b’tipa grassa li jistgħu jimtlew biss minn persuna rreklutata mis-servizzi kompetenti fis-sens tal-Artikolu 2(4) tal-Konvenzjoni Europol – Pożizzjonijiet ristretti – Deċiżjoni Europol – Pożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu okkupati minn persuna rreklutata mill-awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Europol – Applikazzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għall-membri tal-persunal tal-Europol – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju ffissat għal żmien determinat – Rifjut li jingħata kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat – Rikors għal annullament – Rikors għad-danni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tagħha C. Kriscak talbet, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) li tiċħad it-talba tagħha għat-tiġdid għal zmien indeterminat tal-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat li skada fit-30 ta’ Novembru 2013.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat. L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ukoll li jbati terz mill-ispejjeż sostnuti minn C. Kriscak. C. Kriscak għandha tbati żewġ terzi tal-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Obbligu ta’ motivazzjoni – Assenza – Eċċezzjoni – Deċiżjoni li tiċħad it-talba ta’ membru tal-persunal għall-ksib tat-tiġdid tal-kuntratt tagħha għal żmien determinat

(Artikolu 296 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25, u l-Artikolu 90(1))

2.      Uffiċjali – Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Obbligu ta’ motivazzjoni – Motivazzjoni fl-istadju taċ-ċaħda tal-ilment

(Artikolu 296 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

3.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Europol – Reklutaġġ – Leġiżlazzjoni interna li tillimita l-għoti ta’ kuntratti ta’ żmien indeterminat lil membri tal-persunal li ma jokkupawx pożizzjoni ristretta – Possibbiltà għall-amministrazzjoni li tidderoga mill-applikazzjoni ta’ din ir-regola – Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371, Artikolu 3)

4.      Rikorsi tal-uffiċjali – Talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – Assenza ta’ tweġiba mill-amministrazzjoni li titqies bħala deċiżjoni impliċita ta’ rifjut – Ksur tad-dmir ta’ premura – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1))

5.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Portata – Obbligu li tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-membru tal-persunal ikkonċernat – Assenza

(Klawżola 5(1) tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill  1999/70)

6.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Europol – Reklutaġġ – Regoli interni li jillimitaw l-għoti ta’ kuntratti għal żmien indeterminat lil membri tal-persunal li ma jokkupawx pożizzjoni ristretta – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371, Artikolu 57(3))

7.      Rikorsi tal-uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Europol – Interess ġuridiku – Deċiżjoni li kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat ma jingħatax lil membru tal-persunal mhux eliġibbli għall-benefiċċju ta’ tali kuntratt – Motiv ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali – Motiv ineffettiv

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91; Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371, Artikoli 39(4) u 57(3))

8.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Responsabbiltà – Teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti ta’ ekwità – Kundanna tal-parti rebbieħa għall-ispejjeż

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 102(2))

1.      Għalkemm l-amministrazzjoni ma hijiex obbligata li tagħti motivazzjoni għad-deċiżjoni tagħha li ġġedded kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju fid-data tal-iskadenza tiegħu, hija, madankollu, marbuta li tagħti motivazzjoni għad-deċiżjoni li permezz tagħha hija tiċħad it-talba ta’ membru tal-persunal sabiex jikseb it-tiġdid tal-kuntratt tiegħu, peress li din tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju.

(ara l-punt 46)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Sipos vs UASI, F‑59/11, EU:F:2012:164, punt 71

2.      Istituzzjoni tal-Unjoni tista’ tirrimedja għal eventwali nuqqas ta’ motivazzjoni xierqa mogħtija fl-istadju tar-risposta tal-ilment, peress li din l-aħħar motivazzjoni titqies li tikkoinċidi mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li kontriha l-ilment kien dirett. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata b’mod impliċitu, peress li kull motivazzjoni hija neċessarjament nieqsa, l-istituzzjoni kkonċernata tista’ twettaq l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-Artikolu 296 TFUE billi tispjega l-motivi tad-deċiżjoni inkwistjoni fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment.

(ara l-punti 47 u 48)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Lebedef et vs Il-Kummissjoni, T‑221/02, EU:T:2003:239, punt 62

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: digriet tal-20 ta’ Novembru 2012, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑491/11 P, EU:T:2012:608, punt 24

3.      Mill-formulazzjoni tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti għal żmien indeterminat, adottata mill-Bord ta’ Tmexxija tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), tali kuntratti setgħu jingħataw biss lil membri tal-persunal li jokkupaw pożizzjonijiet li ma jinsabux fil-lista ta’ pożizzjonijiet ristretti. Issa, ladarba membru tal-persunal ta’ Europol jokkupa pożizzjoni ristretta, ma jistax jiġu offrut kuntratt għal żmien indeterminat u għaldaqstant huwa ġustament li l-Europol ma stabbilixxiex panel sabiex jeżamina l-għoti eventwali lill-persuna kkonċernata ta’ tali kuntratt.

Għalkemm il-Europol jista’, skont l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija ta’ Europol tas-7 ta’ Frar 2013, jidderoga eċċezzjonalment għar-regola li biha pożizzjoni ristretta għandha tiġi okkupata minn persuna rreklutata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2009/371, li tistabbilixxi l-Europol, dan ma jippermettilux li ssir deroga għall-projbizzjoni li jiġi konkluż kuntratt għal żmien indeterminat ma’ tali membru tal-persunal.

Fil-fatt, meta pożizzjoni ristretta timtela bi proċedura ta’ reklutaġġ mingħajr restrizzjoni dwar il-kandidati, l-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija tas-7 ta’ Frar 2013 tipprovdi li l-kandidat magħżul biss jista’ jkun offrut kuntratt għal żmien determinat, li jista’ jiġġedded darba għal żmien ukoll determinat

(ara l-punti 62 sa 64)

4.      Ma jikkostitwixxix ksur tad-dmir ta’ premura l-fatt li l-amministrazzjoni ma tkunx adottat deċiżjoni espliċita dwar talba mressqa taħt l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi l-possibbiltà għall-amministrazzjoni li ma tagħtix, fit-terminu tar-Regolamenti tal-Persunal, tweġiba espliċita għal tali talba u l-intervent f’tali każ ta’ deċiżjoni impliċita, li kontra tagħha jista’ jsir ilment. Konsegwentement, is-sempliċi fatt li istituzzjoni ma weġbitx b’mod espliċitu fit-terminu tar-Regolamenti tal-Persunal għal talba ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ksur tad-dmir ta’ premura fir-rigward tal-persuna kkonċernata.

(ara l-punt 71)

5.      L-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tat-tiġdid tal-kuntratti u, f’dan il-kuntest, l-istħarriġ tal-qorti huwa limitat għall-kwistjoni dwar jekk, fir-rigward tal-modi u l-motivi li setgħu wasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din tal-aħħar żammitx il-limiti mhux kritikabbli u ma użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat. Barra minn hekk, id-dmir ta’ premura jimplika b’mod partikolari li, meta tkun qed tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, u dan anki fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, l-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha; hija għandha, meta tagħmel hekk, tqis mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Meta titqies preċiżament il-portata tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-istituzzjonijiet fl-evalwazzjoni tal-interessi tas-servizz, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk l-awtorità kompetenti żammitx fil-limiti raġonevoli u ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod żbaljat.

F’dan ir-rigward, ir-rispett tad-dmir ta’ premura kif ukoll il-kunċett ta’ interess tas-servizz ma jobbligax lill-amministrazzjoni, qabel ma tiddeċiedi li ma ġġeddidx kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, li teżamina minn qabel il-possibbiltà li jiġu assenjat mill-ġdid il-membru tal-persunal ikkonċernat f’pożizzjoni oħra. L-amministrazzjoni għaldaqstant ma għandha l-ebda obbligu li tfittex, qabel ma tieħu deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, jekk ikunx hemm pożizzjoni oħra fejn il-persuna kkonċernata tista’ b’mod utli tkun impjegata fl-interess tas-servizz. F’dan il-kuntest, fir-rigward tal-punt 1 tal-klawżola 5 tal-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, anness mad-Direttiva 1999/70 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, u li għandu l-għan li jipprevjeni l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat, il-membri tal-persunal b’kuntratt ma għandhom l-ebda dritt li jkollhom kontinwità tal-impjieg.

(ara l-punti 72 sa 74 u 77)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tal-21 ta’ Mejju 2014, Il-Kummissjoni vs Macchia, T‑368/12 P, EU:T:2014:266, punt 57

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2014, Molina Solano vs Europol, F‑66/13, EU:F:2014:168, punt 54

6.      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament b’mod partikolari jipprojbixxi li sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament, differenti jew ugwali skont il-każ, ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

Fir-rigward ta’ membru tal-persunal tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) li jkun qed jokkupa pożizzjoni ristretta, huwa ma jinstabx, fir-rigward ta’ tiġdid possibbli tal-kuntratt tiegħu, f’sitwazzjoni ugwali jew komparabbli ma’ dik ta’ membru tal-persunal tal-Europol li ma jokkupax pożizzjoni ristretta u li, skont l-Artikolu 57(3) tad-Deċiżjoni 2009/371, li tistabbilixxi l-Europol, jista’ biss ikollu l-kuntratt tiegħu mġedded għal żmien indeterminat.

(ara l-punti 79 u 80)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tat-28 ta’ April 2009, Balieu-Steinmetz u Noworyta vs Il-Parlement, F‑115/07, EU:F:2009:41, punt 26, u tal-25 ta’ Ġunju 2014, Molina Solano vs Europol, F‑66/13, EU:F:2014:168, punt 18

7.      Uffiċjal ma għandu l-ebda interess leġittimu li jitlob l-annullament, għal difett proċedurali, u b’mod partikolari għal nuqqas ta’ osservanza tad-dritt ta’ smigħ qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, ta’ deċiżjoni fil-każ fejn l-amministrazzjoni ma għandha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni u hija marbuta li taġixxi kif għamlet. F’każ bħal dan ta’ kompetenza marbuta tal-amministrazzjoni, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata seta’, ladarba dan id-difett jiġi rrettifikat, jagħti lok għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni identika, fil-mertu, għad-deċiżjoni annullata.

Dan jgħoddu fir-rigward ta’ deċiżjoni li ma jiġġeddidx kuntratt għal żmien determinat ta’ membru tal-persunal tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), peress li jirriżulta mill-qari flimkien tal-Artikolu 39(4) u l-Artikolu 57(3) tad-Deċiżjoni 2009/371, li tistabbilixxi l-Europol, li dan tal-aħħar ma setax jilqa’ talba tal-persuna kkonċernata li jingħata kuntratt għal żmien determinat. Konsegwentement, jekk id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mingħajr mal‑persuna kkonċernata tkun instemgħet, li jikkostitwixxi ksur proċedurali sostanzjali, jibqa’ l-fatt li, anki jekk il-Europol kien irrispetta d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata u kien semagħha qabel ma adotta l-imsemmija deċiżjoni skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huwa kien obbligat li jadotta deċiżjoni identika, fil-mertu, għad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jinsab f’sitwazzjoni ta’ kompetenza marbuta.

(ara l-punti 86 sa 88)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Parlament vs Reynolds, C‑111/02 P, EU:C:2004:265, punti 59 sa 61

8.      Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jikkundanna lill-parti rebbieħa li tbati l-ispejjeż tagħha u tbati l-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra jekk dan jidher ġġustifikat minħabba l-attitudni tagħha, u anki qabel il-bidu tal-proċeduri. F’dan ir-rigward, li l-istituzzjoni tkun ordnata tħallas l-ispejjeż jista’ jiġi ġġustifikat min-nuqqas ta’ diliġenza tagħha waqt il-proċedura prekontenzjuża. Dan huwa l-każ meta l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) ippermetta ħalla jiskadi l-perijodu ta’ erba’ xhur, previst fl-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, mingħajr ma adotta deċiżjoni espliċita li tiċħad it-talba ta’ membru tal-persunal. Meta għamel hekk, il-Europol ċaħħad lill-persuna kkonċernata minn tweġiba motivata għat-talba tagħha. Issa, jekk Europol kien żvolġa sewwa l-proċedura prekontenzjuża u nnotifika fit-terminu tar-Regolamenti tal-Persunal tweġiba motivata li l-membru tal-persunal seta’ insegwitu jikkontesta pretensjoni, ma huwiex eskluż li l-membru tal-persunal ikun astjena milli jippreżenta rikors ġudizzjarju.

(ara l-punti 97 u 99)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet tal-5 ta’ Lulju 2011, Coedo Suárez vs Il-Kunsill, F‑73/10, EU:F:2011:102, punt 47