Language of document : ECLI:EU:C:2015:199

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

26 ta’ Marzu 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Soċjetà tal-informazzjoni – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Artikolu 3(2) – Xandira diretta ta’ avveniment sportiv fuq sit internet”

Fil-kawża C‑279/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta domstolen (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2013, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Mejju 2013, fil-proċedura

C More Entertainment AB

vs

Linus Sandberg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal C More Entertainment AB, minn P. Bratt u S. Feinsilber, advokater,

–        għal L. Sandberg, minn L. Häggström, advokat,

–        għall-gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, bħala aġent,

–        ghall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati f’socjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, p. 10).

2        Din it-talba ġiet preżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn C More Entertainment AB (iktar ’il quddiem “C More Entertainment”) u L. Sandberg li għandha bħala suġġett l-inklużjoni, minn dan tal-aħħar f’sit internet, ta’ linkijiet “li jistgħu jiġu kklikkjati”, li permezz tagħhom l-utenti jistgħu jkollhom aċċess għal trażmissjoni diretta, f’sit ieħor ta’ logħbiet ta’ ħoki fuq is-silġ mingħajr ma jkollhom iħallsu l-ammont ta’ flus mitlub mill-operatur ta’ dan is-sit l-ieħor.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2001/29

3        Il-premessi 1, 7, 20, 23, u 25 tad-Direttiva 2001/29 jiddikjaraw:

“(1)      It-Trattat (KE) jipprovdi għat-twaqqif ta’ suq intern u l-istituzzjoni ta’ sistema li jiżgura l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx inġusta. L-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati tikkontribwixxi għall-kisba ta’ dawn l-oġġettivi.

[…]

(7)      Il-qafas legali tal-Komunità għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għandu, għalhekk, jiġi adattat u supplementat ukoll sa fejn hu meħtieġ għall-funzjonament faċli tas-suq intern. Għal dan il-għan, dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati li jistgħu jvarjaw konsiderevolment minn Stat Membru għall-ieħor jew li jistgħu jikkawżaw inċertezzi legali li jimpedixxu l-funzjonament faċli tas-suq intern u l-iżvilupp xieraq tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni fl-Ewropa għandhom jiġu aġġustati, u reazzjonijiet nazzjonali inkonsistenti għall-iżviluppi teknoloġiċi għandhom ikunu evitati, filwaqt li differenzi li ma jolqtux b’mod negattiv il-funzjonament tas-suq intern mhux meħtieġ li jitneħħew jew jiġu evitati.

[…]

(20)      Din id-direttiva hija bbażata fuq prinċipji u regoli diġà stipulati fid-Direttivi prezentement fis-seħħ f’dan il-qasam, b’mod partikolari d-Direttiva 92/100/KEE tal-Kunsill, tad-9 ta’ Novembru 1992, dwar id-dritt ta’ kiri jew self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-propjetà intelletwali (ĠU L 346 p. 61), li ġiet emendata bid-Direttiva 93/98/KEE tal-Kunsill, tad-29 ta’ Ottubru 1993, (ĠU L 290, p. 9, hawn taħt imsemmija d-Direttiva 92/100)] u tiżviluppa dawk il-prinċipji u regoli u tpoġġihom fil-kuntest tas-socjetà ta’ l-informazzjoni. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-Direttivi, kemm-il darba ma jkunx hemm provdut mod ieħor f’din id-Direttiva.

[...]

(23)      Din id-Direttiva għandha tarmonizza iktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jinftiehem f’sens wiesà li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bhal din ta’ xogħol lill-publikku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, nkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola ebda att ieħor.

[...]

(25)      L-inċertezza legali dwar in-natura u l-livell ta’ protezzjoni ta’ l-atti ta’ trasmissjoni fuq talba ta’ xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u materjal protett bid-drittijiet relatati ma’ networks għandha tiġi superata bil-provvediment ta’ protezzjoni armonizzata f’livell tal-Komunità. Għandu jkun ċar li d-detenturi tad-drittijiet kollha rikonoxxuti minn din id-Direttiva għandhom ikollhom dritt esklussiv biex jagħmlu disponibbli lill-pubbliku xogħolijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur jew kull suġġett ieħor permezz ta’ trasmissjonijiet interattivi fuq talba. Dawn it-trasmissjojnijiet interattivi fuq talba huma karatterizzati mill-fatt li l-membri tal-pubbliku jistgħu jidħlu għalihom minn post u f’ħin individwalment magħżul minnhom.”

4        L-ewwel Artikolu tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Kamp ta’Applikazzjoni”, jiddikjara fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Ħlief għall-każi msemmija fl-artikolu 11, din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti tal-Komunità dwar:

[...]

b)      id-dritt ta’ kiri, id-dritt ta’ self u ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-propjetà intelletwali;

[...]”

5        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jiddikjara:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

2.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

[...]

d)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom , sew jekk dawn ix-xandirijiet ikunu trasmessi bil-fili jew bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita”.

 Id-Direttiva 2006/115/KE

6        Id-Direttiva 92/100, li kienet fis-seħħ sakemm ġiet adottata d-Direttiva 2001/29, ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar id-dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-propjetà intelletwali (ĠU L 376, p. 28). Id-Direttiva 2006/115 tikkodifika u tirriproduċi, fi kliem simili għal dawk tad-Direttiva 92/100, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar.

7        Skont il-premessa 16 tad-Direttiva 2006/115:

“L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi li jipprovdu għal protezzjoni iktar vasta għal sidien ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur minn dawk meħtieġa mid-dispożizzjonijiet stabbiliti b’din id-Direttiva rigward xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku.”

8        L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku”, jiddikjara fil-paragrafu 3:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir mill-ġdid tax-xandiriet tagħhom b’mezzi mingħajr fili, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom jekk din il-komunikazzjoni ssir f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul.”

9        L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/115, intitolat “Relazzjoni bejn id-drittijiet ta’ l-awtur u d-drittijiet relatati” jiddikjara:

“Il-protezzjoni ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva għandha tħalli integra u ma għandha bl-ebda mod taffettwa l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur.”

 Il-kawża prinċipali u t-talba preliminari

10      C More Entertainment hija kanal ta’ televiżjoni bi ħlas li, fost l-oħrajn, ixxandar dirett fis-sit internet tagħha, bi ħlas, logħbiet tal-ħoki fuq is-silġ.

11      Fil-ħarifa 2007, C More Entertainment xandret fuq l-istess sit internet diversi logħbiet ta’ ħoki fuq is-silġ, li għalihom il-persuni interessati setgħu jkollhom aċċess billi jħallsu s-somma ta’ 89 Krona Svediż (SEK) għal kull logħba (madwar 9.70 EUR).

12      L. Sandberg ħoloq ‘linkijiet’ fis-sit internet tiegħu, li ppermettew lill-utenti jevitaw is-sistema ta’ pedaġġ imwaqqfa minn C More Entertainment. Permezz ta’ dawn il-‘linkijiet’, l-utenti b’hekk setgħu jkollhom aċċess liberu ghat-trażmissjoni ta’ żewġ logħbiet ta’ ħoki fuq is-silġ imxandra dirett minn C More Entertainment fl-20 ta’ Ottubru u fl-1 ta’ Novembru 2007.

13      Qabel l-ewwel waħda minn dawn il-logħbiet, C More Entertainment talbet, permezz ta’ telefonata, lil L. Sandberg ineħħi l-‘linkijiet’ li huwa kien qiegħed fis-sit internet tiegħu, u dan mingħajr suċċess. Wara l-logħba, C More Entertainment intimat, bil-miktub, lil L. Sandberg li hija kienet tqis li l-inklużjoni ta’ dawn il-‘linkijiet’ kien ippreġudika d-drittijiet tagħha.

14      Waqt it-trażmissjoni tat-tieni logħba, C More Entertainment installat strument tekniku li kellu l-effett li jipprevjeni kwalunkwe aċċess għat-trażmissjoni permezz tal-‘linkijiet’ maħluqa minn L. Sandberg.

15      L. Sandberg ġie mixli quddiem il-Hudiksvalls tingsrätt (qorti tal-prim’istanza ta’ Hudiksvall) għall-ksur tal-liġi (1960:729) dwar id-dritt għall-proprjetà letterarja u artistika [lagen (1960:729) om upphovsrätt till litterära och konstnärliga verk]. Fl-10 ta’ Novembru 2010, l-akkużat instab ħati ta’ ksur ta’ drittijiet tal-awtur u li tagħhom C More Entertainment kienet, skont din il-qorti, id-detentriċi, u ġie kkundannat iħallas multa kif ukoll iħallas danni bl-interessi lil din il-kumpannija.

16      Kemm L. Sandberg kif ukoll C More Entertainment ressqu appell minn din is-sentenza quddiem il-Hovrätten för Nedre Norrland (qorti tal-appell ta’ Norrland Meridjonali).

17      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2011, din il-qorti qieset li l-ebda parti mill-ħidma tal-kummentaturi, tal-kameramen u tad-diretturi tax-xandiriet tal-ħoki fuq is-silġ, meqjusa separatament jew flimkien, ma kellha l-oriġinalità meħtieġa bil-liġi (1960:729) dwar id-dritt ta’ proprjetà letterarja u artistika biex tiġi protetta mid-dritt tal-awtur. Wara, hija qieset li fir-rigward tal-komunikazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, C More Entertainment ma kinitx id-detentriċi ta’ drittijiet tal-awtur, iżda ta’ drittijiet relatati, li kienu ġew miksura. Konsegwentement, il-qorti kkundannat lil L. Sandberg għal multi, iktar onerużi minn dawk tal-prim’istanza imma naqqset bi ftit il-kumpens mogħti lil C More Entertainment.

18      C More Entertainment ressqet appell minn din is-sentenza quddiem il-Högsta domstolen (qorti suprema) fejn talbet li tiġi rrikonoxxuta bħala d-detentriċi tad-drittijiet tal-awtur u li l-ammont tad-danni u interessi dovuti lilha jiġu rriveduti ’l fuq.

19      Din il-qorti qieset li ma jirriżulta la mill-formulazzjoni tad-Direttiva 2001/29, u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li t-tqegħid ta’ “hyperlink” f’sit internet huwa att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Barra minn hekk, din il-qorti rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tipprevedi drittijiet relatati iktar wiesgħa minn dawk stipulati fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29, għaliex, b’differenza minn din id-dispożizzjoni, il-protezzjoni mogħtija mid-dritt Svediż ma hijiex limitata għall-atti ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni “fuq talba”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta domstolen iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ħames domandi preliminari.

20      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2014, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bagħat lill-Högsta domstolen kopja tas-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76), li fil-kuntest tagħha diversi domandi dwar il-kwistjoni li jsir magħruf jekk it-tqegħid ta’ link “li jista’ jiġi kklikkjat” f’sit internet jistax jiġi kklassifikat bħala att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku kienu ġew eżaminati, filwaqt li talbet lil din il-qorti tinformaha jekk, fid-dawl ta’ din is-sentenza, hija xtaqitx iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2014, il-Högsta domstolen iddeċidiet li tirtira l-ewwel erba’ domandi preliminari u li żżomm biss il-ħames domanda, li taqra kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu lid-detentur[i] tad-drittijiet dritt esklużiv iktar wiesa’ billi jipprevedu li l-komunikazzjoni lill-pubbliku tinkludi iktar atti minn dawk li huma msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [2001/29]?”

 Fuq id-domanda preliminari

22      Mill-proċess jirriżulta li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-provvista, f’sit internet, ta’ linkijiet li jippermettu lill-utenti jaċċedu, fis-sit internet ta’ organu tax-xandir, għal xandiriet li jittrażmettu dirett logħbiet tal-ħoki fuq is-silġ, mingħajr ma jkollhom iħallsu s-somma ta’ flus mitluba minn dan l-organu biex jaċċedu għalihom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li wieħed jifhem id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju bħala li tirrigwarda essenzjalment il-kwistjoni jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi d-drittijiet esklużivi ta’ organi tax-xandir imsemmija f’dan l-Artikolu 3(2)(d), fir-rigward ta’ atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku li jistgħu jikkostitwixxu trażmissjonijiet ta’ avvenimenti sportivi mxandra dirett fuq l-internet, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

23      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(2)(d) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-organi tax-xandir id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku x-xandiriet tagħhom, b’mod li kulħadd ikun jista’ jkollu aċċess għalihom minn post u ħin li jagħżel individwalment.

24      L-ewwel nett, hekk kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, u b’mod partikolari l-kliem “kull komunikazzjoni lill-pubbliku […] inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku”, il-kunċett ta’ “aġġornament pubblikament disponibbli”, użat ukoll fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, huwa parti mill-“komunikazzjoni lill-pubbliku” usa’.

25      It-tieni nett, mill-Artikolu 3(2) jirriżulta mill-imsemmija direttiva li, sabiex jiġi kklassifikat bħal “att li jkun disponibbli għall-pubbliku” fis-sens ta’ dan l-artikolu, att irid jissodisfa b’mod kumulattiv iż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri li jippermetti lill-pubbliku kkonċernat jaċċedi għall-oġġett protett inkwistjoni fil-post u fil-ħin li kulħadd jagħżel individwalment.

26      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-preambolu tal-proposta tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Diċembru 1997 [COM(97) 628], li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2001/29 , ikkorroborata mill-premessa 25 ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “jagħmlu disponibbli għall-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, jirreferi għal “trasmissjonijiet interattivi fuq talba”, li huma kkaratterizzati mill-fatt li kulħadd jista’ jkollu aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SCF, C-135/10, EU:C:2012:140, punt 59).

27      Issa, dan ma huwiex il-każ ta’ xandiriet diretti fuq l-Internet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

28      Il-qorti tar-rinviju madankollu tistaqsi jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29 għandux jinftiehem li jipprekludi lill-Istati Membri jagħtu lill-organi tax-xandir imsemmija f’dan l-Artikolu 3(2)(d) id-dritt esklużiv ukoll fir-rigward ta’ atti li, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jiġu kklassifikati bħala atti ta’ “komunikazzjoni lill-publiku”, iżda ma jikkostitwixxux atti ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni għall-pubbliku mill-iffissar tax-xandiriet tagħhom magħmula b’tali mod li kulħadd ikun jista’ jaċċedi għalihom minn post u ħin magħżul individwalment.

29      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessa 7 tad-Direttiva 2001/29, l-għan imfittex minn din tal-aħħar huwa li tarmonizza d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati sa fejn meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Fil-fatt, minn din il-premessa jirriżulta li d-direttiva ma għandhiex l-għan li telimina jew tipprevjeni d-differenzi bejn leġiżlazzjonijiet nazzjonali li ma jaffettwax il-funzjonament tas-suq intern. Għaldaqstant, u kif jirriżulta wkoll mit-titolu tal-istess direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq biss armonizzazzjoni parzjali tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati.

30      Issa, mill-premessi 23 u 25 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried, minn naħa, jarmonizza l-ewwel id-dritt tal-awtur tal-komunikazzjoni lill-pubbliku, u, min-naħa l-oħra, ineħħi l-inċertezza legali madwar in-natura u l-livell ta’ protezzjoni tal-atti ta’ trażmissjoni fuq talba kif ukoll jimplementa protezzjoni armonizzata fil-livell tal-Unjoni Ewropea għal dan it-tip ta’ att.

31      Min-naħa l-oħra, la l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29, u lanqas xi dispożizzjoni oħra tagħha ma jindikaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jarmonizza u, konsegwentement, jipprevjeni jew ineħħi xi diskrepanzi eventwali fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, fir-rigward tan-natura u l-estensjoni tal-protezzjoni li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikonoxxu lid-detenturi tad-drittijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 3(2)(d), fir-rigward ta’ ċerti atti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma humiex imsemmija espressament f’din l-aħħar dispożizzjoni.

32      Barra minn hekk, skont il-premessa 20 tad-Direttiva 2001/29, din tal-aħħar hija bbażata fuq prinċipji u regoli diġà stabbiliti mid-direttivi fis-seħħ fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, bħad-Direttiva 92/100 (ara s-sentenza Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 187).

33      Fil-fatt, mill-premessa 16 tad-Direttiva 2006/115, li ssostitwixxiet id-Direttiva 92/100, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprevedu, għad-detenturi tad-drittijiet relatati tad-drittijiet tal-awtur, dispożizzjonijiet protettivi iktar minn dawk previsti mid-Direttiva 2006/115 f’dak li jirrigwarda x-xandir u l-komunikazzjoni lill-pubbliku.

34      Issa, l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku”, jiddikjara fil-paragrafu 3 tiegħu, b’mod partikolari, li l-Istati Membri għandhom jipprovdu, għall-organi tax-xandir, id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir mill-ġdid ta’ xandiriet tagħhom permezz ta’ frekwenzi radjoelettriċi, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom meta din il-komunikazzjoni ssir f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku bi ħlas għad-dħul.

35      Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2006/115 tirrikonoxxi lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprevedu dispożizzjonijiet iktar protettivi, fir-rigward tax-xandir u tal-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xandiriet imwettqa mill-organi tax-xandir, kif ukoll dawk li għandhom jiġu implementati konformement mal-Artikolu 8(3) tal-imsemmija direttiva. Tali possibbiltà timplika li l-Istati Membri jistgħu jagħtu, lill-organi tax-xandir, id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom magħmula f’kundizzjonijiet differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 8(3), b’mod partikolari x-xandiriet li għalihom wieħed ikun jista’ jaċċedi mill-post li jagħżel hu, filwaqt li dan id-dritt ma għandu, kif previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/115, bl-ebda mod jaffettwa l-protezzjoni tad-dritt tal-awtur.

36      Isegwi li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaffettwax l-imsemmija possibbiltà tal-Istati Membri, irrikonoxxuta fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115, moqri flimkien mal-premessa 16 ta’ din tal-aħħar, li tagħti lill-organi tax-xandir id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom, bil-kundizzjoni li tali protezzjoni ma taffettwax il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

37      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li tingħata risposta lid-domanda magħmula li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi d-dritt esklużiv ta’ organi tax-xandir imsemmija f’dan l-Artikolu 3(2)(d), fir-rigward ta’ atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku li jistgħu jikkostitwixxu trażmissjonijiet ta’ avvenimenti sportivi li jintwerew dirett fuq l-internet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bil-kundizzjoni li tali estensjoni ma taffettwax il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

 Fuq l-Ispejjeż

38      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma għandhomx ikunu suġġetti għal rimbors.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi d-dritt esklużiv tal-organi tax-xandir imsemmija fl-Artikolu 3(2)(d), fir-rigward ta’ atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku li jistgħu jikkostitwixxu trażmissjonijiet ta’ avvenimenti sportivi li jintwerew dirett fuq l-Internet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bil-kundizzjoni li tali estensjoni ma taffettwax il-protezzjoni tad-dritt tal-awtur.

Firem


* Lingwa tal-proċedura: l-Isvediż.