Language of document : ECLI:EU:C:2016:115

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

25 ta’ Frar 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 2658/87 – Tariffa Doganali Komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Intestaturi 8517, 8521, 8531 u 8543 – Merkanzija msejħa ‘videomultiplexer’”

Fil-Kawża C‑143/15

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2015, fil-proċedura

G. E. Security BV

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal G. E. Security BV, minn C. Bouwmeester u M. van de Leur, belastingadviseurs,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. Gijzen, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi tariffarji 8517, 8521, 8531 u 8543 tan-nomenklatura magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”), li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382 ), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007, tal-20 ta’ Settembru 2007 (ĠU L 286, p. 1), (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn G. E. Security BV (iktar ’il quddiem “G. E. Security”) u l-iStaatssecretaris van Financiën (segretarju tal-Istat għall-finanzi) dwar klassifikazzjoni tariffarja fin-NM ta’ merkanzija msejħa “videomultiplexer”.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), twaqqaf permezz tal-Konvenzjoni dwar il-ħolqien tal-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950. Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u għall-kodifikazzjoni ta’ merkanziji (iktar ’il quddiem is-“SA”) tfasslet mill-ODD u ġiet stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali fuq is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni ta’ oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). Konformement mar-riferiment tagħha finali, din il-konvenzjoni tal-aħħar ġiet stabbilita bil-lingwa Ingliża u dik Franċiża, iż-żewġ testi awtentiċi.

4        Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din il-konvenzjoni, kull parti kontraenti, inkluża l-Unjoni Ewropea, tintrabat li n-nomenklaturi tat-tariffi u l-istatistika jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha, mingħajr żieda jew modifika, kif ukoll il-kodiċijiet numeriċi konnessi magħhom, u li tiġi segwita l-ordni numerika tas-SA. Kull parti kontraenti timpenja ruħha wkoll li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsima, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA u li ma tbiddilx il-portata tagħhom.

5        In-nota ta’ spjega għas-SA dwar in-nota 4 tat-Taqsima XVI tas-SA, li hija identika għan-nota 4 tat-Taqsima XVI tan-NM, tindika li l-kelmiet “li huma kkonċepiti sabiex jassiguraw fl-istess waqt funzjoni stabbilita sew” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ikopru biss il-makkinarji u l-kombinazzjoni ta’ makkinarji neċessarji għat-twettiq tal-funzjoni proprja li hija dik tat-totalità li tikkostitwixxi l-unità funzjonali, għall-esklużjoni tal-makkinarji jew tal-apparati li għandhom funzjonijiet awżiljarji u ma jikkontribwixxux għall-funzjoni tat-totalità.

6        Taħt it-titolu “Unitajiet funzjonali” in-nota ta’ spjega tas-SA li tikkonċerna n-nota 4 tat-Taqsima XVI hija fformulata kif ġej:

“Din in-nota tapplika meta makkinarju jew kombinazzjoni ta’ makkinarji huma kkostitwiti minn elementi distinti li huma kkonċepiti sabiex jassiguraw fl-istess waqt funzjoni stabbilita sew inkluża f’waħda mill-intestaturi tal-Kapitolu 84 jew, iktar frekwentement, tal-Kapitolu 85. Il-fatt li, għal raġunijiet ta’ konvenjenza, pereżempju, dawn l-elementi jkunu separati jew marbutin bejniethom permezz ta’ pajpijiet (tal-arja, ta’ gass ikkompressat, taż-żejt, eċċ.) tal-apparat ta’ trażmissjoni, tal-kejbils elettriċi jew minn metodi oħrajn, ma jipprekludix il-klassifikazzjoni tat-totalità fl-intestatura li tikkorrispondi għall-funzjoni li tiżgura.

Fis-sens ta’ din in-nota, il-kliem ‘li huma kkonċepiti sabiex jassiguraw fl-istess waqt funzjoni stabbilita sew’ ikopru il-makkinarji jew kombinazzjoni ta’ makkinarji neċessarji għat-twettiq tal-funzjoni proprja li hija dik li t-totalità li tikkostitwixxi l-unità funzjonali, bl-esklużjoni tal-makkinarji jew apparati li għandhom funzjonijiet awżiljarji u ma jikkontribwixxux għall-funzjoni tat-totalità.

B’mod partikolari l-unitajiet funzjonali ta’ dan it-tip, fis-sens ta’ din in-nota:

[...]

(13)      L-apparati ta’ protezzjoni kontra s-serq, li jikkonsistu pereżempju f’sors ta’ raġġi infraħomor u ċellula fotoelettrika assoċjati ma’ qanpiena, eċċ. (Nru 85.31).

Għandu jiġi nnotat li l-elementi kostitwenti li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fin-Nota 4 tat-Taqsima XVI isegwu s-sistema tagħhom. Dan huwa partikolarment il-każ tal-apparat ta’ sorveljanza bil-vidjo b’ċirkwitu magħluq, kompost minn kombinazzjoni ta’ numru varjabbli ta’ kameras tat-televiżjoni u ta’ vidjo monitors mqabbda permezz ta’ kejbil koassjali ma’ switchboard, commutators, riċevituri awdjo u, eventwalment, magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data (sabiex tikkonserva d-data) u/jew ta’ reġistraturi tal-vidjo (VCR) (għar-rekordjar ta’ immaġini).”

7        In-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8521 hija fformulata kif ġej:

“A. – Apparat li għandu funzjoni ta’ reġistrazzjoni u apparat li minbarra l-funzjoni ta’ reġistrazzjoni għandu wkoll funzjoni ta’ riproduzzjoni vidjofonika

Dan l-apparat, meta jitqabbad ma’ kamera tat-televiżjoni jew ma’ receiver tat-televiżjoni, jirreġistra sinjali elettriċi fuq unità ta’ ħażna (sinjali analoġiċi) jew sinjali analoġiċi pproċessati f’kodiċi diġitali (jew inkella kombinazzjoni ta’ dawn is-sinjali) li jikkorrispondu mal-istampi u ma’ dak li jinqabad mill-kamera tat-televiżjoni jew riċevut mir-riċevitur. Ġeneralment, l-istampi u l-ħoss huma rreġistrati fuq l-istess unità ta’ ħażna. Ir-reġistrazzjoni tista’ ssir skont proċessi manjetiċi jew optiċi u ġeneralment l-unitajiet ta’ ħażna użati għar-reġistrazzjoni jkunu diski jew kasetts.

Din l-intestatura tinkludi wkoll l-apparati li jirreġistraw, ta’ spiss fuq disk manjetiku, kodiċi diġitali li jirrappreżenta stampi u ħoss, billi jittrasferixxu l-kodiċi diġitali minn makkinarju awtomatiku ta’ pproċessar tal-informazzjoni (reġistratur tal-vidjo diġitali, pereżempju).

F’reġistrazzjoni manjetika fuq kasett, l-istampi u l-ħoss huma rreġistrati fuq pisti differenti minkejja li f’reġistrazzjoni manjetika fuq disk, din l-istess data hija rreġistrata bħala ħafna kodiċijiet jew punti manjetiċi fuq l-ispirali li tkopri d-disk.

F’reġistrazzjoni ottika, id-data diġitali li tirrappreżenta x-xbihat u l-ħoss hija kkodifikata minn lejżer fuq disk.

L-apparati għar-reġistrazzjoni bil-vidjo li jirċievu sinjali minn receiver tat-televiżjoni jinkorporaw ukoll sistema ta’ aġġustament li tippermetti li jintgħażel is-sinjal intiż (jew il-kanal) fost il-medda ta’ frekwenzi tas-sinjali trażmessi mill-istazzjon ta’ trażmissjoni tat-televiżjoni.

Meta huma użati għar-riproduzzjoni, dawn l-apparati jipproċessaw ir-reġistrazzjoni f’sinjal vidjofoniku. Dan is-sinjal huwa trażmess jew lil stazzjon li jittrażmetti, jew lil receiver tat-televiżjoni.

[...]”

8        In-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8531 hija hekk ifformulata:

“Bl-eċċezzjoni ta’ dawk ta’ Nri 85.12 jew 85.30, din l-intestatura tinkludi t-totalità tal-apparati elettriċi tas-sinjalar tal-elettriku (qniepen, bażers tal-elettriku u allarmi bil-ħoss oħra) jew viżwali (apparati ta’ lampi li jagħmlu sinjal, purtelli mobbli, numri, eċċ.) kemm jekk huma kkontrollati manwalment, bħall-qniepen għal dħul fl-appartamenti, jew awtomatiċi, bħall-apparati ta’ protezzjoni kontra s-serq.

[...]

Huma rriprodotti b’mod partikolari hawnhekk:

[...]

E)      Sistemi ta’ allarm għall-protezzjoni kontra s-serq Dawn l-apparati jinkludu organu ditekter u organu ta’ allarm (bażer tal-elettriku, qanpiena, bozza li tindika, eċċ) li tal-ewwel temetti awtomatikament. Jeżistu diversi tipi tal-apparati inkwistjoni, fosthom wieħed jista’ jinkludi:

1)      L-allarmi b’kuntatt elettriku, li fihom il-mezz ta’ allarm huwa stabbilit fil-mozzjoni, minħabba l-fatt li wieħed jimbotta bieb, li jmiss jew li jikser wajers irqaq imqegħdin b’mod inviżibbli, fit-taraġ, li jirfes ċerti strixxi ta’ parkett, eċċ.

2)       L-allarmi bil-kapaċità, użati b’mod partikolari għall-kaxxiforti. Dawn l-allarmi jaħdmu b’mod ta’ kapaċitatur; il-varjazzjonijiet ta’ kapaċità kkawżati mill-approċċ tal-ħalliel jaffettwaw ċirkwit adattat, peress li b’hekk jemettu s-sinjal ta’ allarm.

3)       L-allarmi bil-mezz fotoelettriku, li fihom qabda raġġi (ġeneralment raġġi infraħomor) huma diretti fuq ċellula fotoelettrika; meta din il-qabda hija interċettata, fil-ċirkuwitu taċ-ċellula fotoelettrika jseħħu varjazzjonijiet tal-kurrent li jemettu l-organu tal-allarm.

[...]”

9        In-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8543 hija fformulata kif ġej:

“Din l-intestatura tinkludi, bla ħsara li ma jkunux esklużi min-Noti tat-Taqsima jew minn dan il-Kapitolu, it-totalità tal-makkinarji u apparati elettriċi li ma huma la indikati la inklużi f’intestaturi oħra tal-Kapitolu, u lanqas koperti iktar speċifikament minn kwalunkwe intestatura ta’ kapitolu ieħor (b’mod partikolari l-Kapitoli 84 jew 90).

Għandhom jiġu kkunsidrati bħala makkinarji jew apparati fis-sens ta’ din l-intestatura, il-mezzi elettriċi li għandhom funzjoni individwali. Id-dispożizzjonijiet tan-nota ta’ spjega tan-Nru 84.79 dwar il-makkinarji u l-apparati li għandhom funzjoni individwali, għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-makkinarji u l-apparati ta’ din l-intestatura.

Huma, għall-parti l-kbira, l-immuntar ta’ mezzi elettriċi elementarji (lampi, transformers, kapaċitaturi, resistenzi, eċċ.) li jiżguraw il-funzjoni tagħhom esklużivament permezz ta’ mezz purament elettriku. Madankollu huma inklużi hawn l-artikli elettriċi li jinkludu mezzi mekkaniċi, bil-kundizzjoni li dawn il-mezzi għandhom biss rwol sekondarju meta mqabbel ma’ dak tal-partijiet elettriċi tal-makkinarju jew tal-apparat.

[...]”

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 2658/87

10      Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni hija rregolata min-NM, tirriproduċi l-intestaturi u s-sottointestaturi tas-SA.

11      L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2658/87 jipprovdi:

“Tariffa Integrata tal-Komunitajiet Ewropej, min issa ’l quddiem imsejħa ‘Taric’, li tħaddan fiha l-ħtiġijiet kollha ta’ Tariffa Doganali Komuni, l-statistiċi esterni tal-kummerċ, il-linji politiċi kummerċjali, agrikoli u linji politiċi oħra tal-Komunità rigward l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ oġġetti, għandha tiġi stabbilita mill-Kummissj[oni].

It-Tariffa għandha tkun ibbażata fuq in-[NM] u jkun fiha:

[...]

(d)      ir-rati tad-dazju tad-dwana u imposti oħra fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni, inklużi eżenzjonijiet mid-dazju u rati ta’ tariffa preferenzjali applikabbli għal oġġetti speċifiċi waqt l-importazzjoni u l-esportazzjoni;

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni għandha tadotta kull sena regolament li jirriproduċi l-verżjoni sħiħa tan-NM u r-rati tad-dazji doganali korrispondenti konformement mal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, kif tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament huwa applikabbli mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

13      In-NM tinkludi, fl-Ewwel Parti tagħha, taħt it-Taqsima IA, tipprovdi regoli ġenerali għall-interpretazzjoni ta’ din in-nomenklatura, li huma identiċi għar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA. Din it-taqsima tipprovdi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.      It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv

[...]”

14      It-Tieni Parti tan-NM intitolata “Skeda ta’dazji tad-dwana” tinkludi t-Taqsima XVI dwar “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.

15      In-nota 2 tat-Taqsima XVI tan-NM hija fformulata kif ġej:

“Suġġett għan-nota 1 għal din it-taqsima, n-nota 1 għall-Kapitolu 84 u n-nota 1 għall-Kapitolu 85, bċejjeċ ta’ magni (li mhumiex bċejjeċ ta’ l‑oġġetti ta’ l-intestatura 8484, 8544, 8545, 8546 jew 8547) għandhom jiġu kklassifikati skond dawn ir-regoli:

(a)      bċejjeċ li huma oġġetti inklużi f’xi wieħed mit-titli [mill-intestaturi] ta’ Kapitlu 84 jew 85 (ħlief it-titli [l-intestaturi] 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8487, 8503, 8522, 8529, 8538 u 8548) għandhom fil-każijiet kollha jiġu kklassifikati taħt it-titli [l-intestaturi] rispettivi tagħhom;

(b)      bċejjeċ oħrajn, jekk tajbin għal użu biss jew prinċipalment ma’ tip partikulari ta’ magna, jew ma’ numru ta’ magni ta’ l-istess titlu (inkluża magna ta’ titlu 8479 jew 8543) għandhom jiġu kklassifikati mal-magni ta’ dak it-tip jew f’titlu 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8503, 8522, 8529 jew 8538 kif xieraq. Madankollu, bċejjeċ li huma ugwalment tajbin għal użu prinċipalment ma’ l-oġġetti ta’ titli [intestaturi] 8517 u 8525 sa 8528 għandhom jiġu kklassifikati f’titlu [intestatura] 8517.

(ċ)       il-bċejjeċ l-oħrajn kollha għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8503, 8522, 8529 jew 8538 kif xieraq jew, jekk le, fl-intestatura 8487 jew 8548.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      In-nota 3 tat-taqsima XVI tan-NM tipprovdi dan li ġej:

“Sakemm il-kuntest ma jesiġix mod ieħor, magni komposti magħmulin minn żewġ magni jew aktar mwaħħlin flimkien biex jagħmlu waħda u magni oħrajn maħsubin bil-għan li jagħmlu żewġ funzjonijiet kumplimentari jew alternattivi jew aktar għandhom jiġu kklassifikati daqslikieku magħmulin biss minn dak il-komponent jew huma dik il-magna li tagħmel il-funzjoni prinċipali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17      In-Nota 4 tal-imsemmija taqsima tgħid:

“Fejn magna (inkluża taħlita ta’ magni) tikkonsisti f’komponenti individwali (kemm jekk separati kif ukoll jekk imwaħħlin flimkien b’pajpijiet, b’mezzi ta’ trasmissjoni, b’kejbils ta’ l-elettriku jew b’mezzi oħrajn) maħsubin biex jikkontribwixxu flimkien għal funzjoni definita ċar koperti b’wieħed mit-titli [intestaturi] f’Kapitlu 84 jew 85, hekk kollox jaqa’ biex ikun ikklassifikat fit-titlu [intestatura] xieraq għal dik il-funzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18      It-Taqsima XVI tan-NM tinkludi Kapitolu 85, intitolat “Makkinarju u tagħmir elettriku u partijiet tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu stampa u ħoss tat-televiżjoni, u partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.

19      L-intestatura 8517 li hija inkluża f’dan il-kapitolu hija fformulata kif ġej:

“Settijiet tat-telefown, inklużi telefowns għal netwerks ċellulari jew għal netwerks oħra bla wajer; apparat ieħor għat-trażmissjoni jew ir-riċezzjoni tal-leħen, ta’ imaġini jew ta’ data oħra, inkluż apparat għall-komunikazzjoni f’netwerk bil-wajer jew mingħarju (bħal netwerk lokali jew ta’ żona kbira), minbarra dawk tan-numri 8443, 8525, 8527 jew 8528.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20      L-intestatura 8521 tan-NM hija miktuba kif ġej:

“8521      Apparat li jirrekordja jew jirriproduċi vidjo, li fihom jew ma fihomx tuner tal-vidjo:

8521 10      – Tip b’tejp manjetiku:

8521 10 20 – – Jużaw tejp mhux usa’ minn 1.3 ċm u jippermettu rekordjar jew riproduzzjoni b’veloċità ta’ tejp mhux iktar minn 50 mm fis-sekonda

8521 10 95 – – Oħrajn

8521 90 00 – – Oħrajn.”

21      L-intestatura 8531 hija miktuba kif ġej:

“8531 Apparat tas-sinjalar ta’ l-elettriku ta’ ħoss jew viżwali (pereżempju, qniepen, sireni, pannelli indikaturi, allarmi tas-serq jew tan-nar), ħlief dawk ta’ titlu [intestatura] 8512 jew 8530:

8531 10 – Allarmi tas-serq jew tan-nar u apparat simili

8531 10 30 – – Ta’ tipi użati għal bini

8531 10 95 – – Oħrajn

[...]

8531 90   – Bċejjeċ:

8531 90 20 – – Ta’ apparat tan-Nru 8531 20 u tas-subtitolu [subintestatura] 8531 80 20

8531 90 85 – – Oħrajn.”

22      Fir-rigward tal-intestatura 8543 tan-NM, din l-intestatura tinkludi, min-naħa tagħha, il-makkinarji u l-apparat elettriċi li għandhom funzjoni individwali u li la jissemmew u lanqas ma huma inklużi barra minn hekk fil-Kapitolu 85 tan-NM.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

23      G. E. Security, kumpannija speċjalizzata fil-bejgħ ta’ sistemi ta’ protezzjoni ta’ teknoloġija għolja, żviluppat sistema ta’ protezzjoni jisimha “videomultiplexer”.

24      Fis-sit tal-Internet tagħha, G. E. Security tippreżenta l-“videomultiplexer” bħala “reġistratur ta’ trażmissjoni tal-vidjo diġitali”.

25      Il-“videomultiplexer” huwa mibjugħ biss lill-kumpanniji speċjalizzati fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ installazzjonijiet ta’ sigurtà u ta’ sistemi ta’ sorveljanza, li jipprovdu lill-konsumaturi provvisti ta’ installazzjoni kompleti ta’ dawn l-installazzjonijiet u sistemi.

26      Il-“videomultiplexer” jintuża fil-kuntest ta’ sistemi jew ta’ installazzjonijiet ta’ sigurtà u ta’ sorveljanza ta’ bini. B’mod iktar preċiż, jikkostitwixxi element ta’ sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo b’ċirkwitu magħluq, li miegħu jitqabbdu kameras fl-estern u/jew sensors esterni, bħal ditekters ta’ moviment jew tan-nar.

27      Il-“videomultiplexer” jiżgura tliet funzjonijiet differenti.

28      Fl-ewwel lok, il-“videomultiplexer” jiżgura funzjoni ta’ reġistrazzjoni u ta’ riproduzzjoni vidjofonika sa fejn għandu l-kapaċità, minn naħa, li jirċievi sinjali li ġejjin minn sensors kif ukoll immaġini u ħsejjes li ġejjin minn kameras, li jirritorna dawn il-ħsejjes u li jirriproduċu dawn l-immaġini fuq l-iskrins.

29      Għal dan l-effett, il-“videomultiplexer” huwa pprovdut b’kanali ta’ dħul vidjo u awdjo li jippermettu li jitqabbad fl-istess ħin ma’ sa 16-il kamera. Il-“videomultiplexer” jippermetti li jinxtegħlu, jintfew u li jiġu kkontrollati minn distanza dawn il-kameras. Huwa b’hekk possibbli li jitkabbru u jiċkienu ċerti partijiet tal-immaġini rreġistrati minn dawn il-kameras jew li jiġu bblokkati dawn tal-aħħar b’mod li tiġi limitata r-reġistrazzjoni għal ċerti ġranet u sigħat tal-ġimgħa u/jew għal ċerti żoni ta’ bini jew ta’ sit. Huwa b’hekk possibbli li jiġu injorati l-movimenti ta’ annimali domestiċi preżenti fil-bini.

30      Il-“videomultiplexer” jinkludi wkoll kanali ta’ ħruġ vidjo li jippermettu li jitqabbad ma’ wieħed jew ma’ diversi skrins li fuqhom jistgħu jintwerew l-immaġini ta’ diversi kameras fl-istess ħin, kif ukoll kanal ta’ ħruġ awdjo biex jitqabbad amplifikatur jew lawdspiker estern. Min-naħa l-oħra, il-“videomultiplexer” ma jistax jirċievi sinjali ta’ televiżjoni.

31      Min-naħa l-oħra, il-“videomultiplexer” jista’ jaħżen fuq il-hard disk, ir-reġistrazzjonijiet ta’ stampi kif ukoll ħsejjes analoġiċi u diġitali li ġejjin minn kameras u/jew sinjali li ġejjin minn sensors. Dawn ir-reġistrazzjonijiet huma siguri sabiex jiġi evitat li jistgħu aċċidentalment jitħassru jew jiġu manipulati. Huma jitħażnu taħt format speċifiku u jistgħu jiġu riprodotti biss billi jintuża l-“videomultiplexer” jew softwer speċjali.

32      Fit-tieni lok, il-“videomultiplexer” jiżgura funzjoni ta’ allarm. Huwa jinkludi, għal dan il-għan, sinjal ta’ allarm integrat li jista’ jiġi kkonfigurat b’mod li, matul il-movimenti, xi ħsejjes jew sinjali skoperti jiġġustifikaw dan, il-“videomultiplexer” jattiva mezzi li jarmu sinjali ta’ ħsejjes jew ta’ dawl u/ jew jarmi sinjal ta’ allarm taħt il-forma ta’ posta elettronika mibgħuta lil wieħed jew lil diversi utenti mqabbdin mas-sistema (pereżempju, il-pulizija, id-dipartiment tan-nar, is-sid ta’ immobbli jew ta’ kumpannija tas-sigurtà).

33      Fit-tielet lok, il-“videomultiplexer” jiżgura funzjoni ta’ trażmissjoni u ta’ riċezzjoni tad-data fin-netwerk. Biex jagħmel dan, huwa jkun ipprovdut b’mezzi li jippermettulu li jibgħat posta elettronika lill-utenti tas-sistema u/jew li jitqabbad mal-Internet, ma’ netwerks diġitali jew ma’ apparat ta’ pproċessar awtomatiku tad-data.

34      Fl-14 ta’ Ottubru 2008, G. E. Security talbet lill-ispettur tad-dwana kompetenti (iktar ’il quddiem l-“ispettur”) li joħroġ informazzjoni tariffarja li torbot għal tliet “videomultiplexers”. Hija talbet il-klassifikazzjoni tagħhom fis-subintestatura 8543 70 90 tan-NM jew fis-subintestatura 8531 10 tan-NM, li għalihom id-dazji doganali kienu, rispettivament, ta’ 3.7 % u ta’ 2.2 %.

35      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Novembru 2008, l-ispettur ikklassifika t-tliet “videomultiplexers” bħala “apparati għar-reġistrazzjoni u għar-riproduzzjoni vidjofoniċi” li jaqgħu taħt is-subintestatura 8521 90 00 tan-NM, suġġetti għad-dazji doganali ta’ 13.9 %.

36      G. E. Security ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni li ma ttiħidx azzjoni, li ġie miċħud mill-ispettur. Għalhekk hija ppreżentat rikors kontra din iċ-ċaħda quddiem il-Rechtbank te Haarlem (tribunal ta’ Haarlem), li ddikjara r-rikors fondat u kklassifika t-tliet “videomultiplexers” bħala allarmi tat-tip użat fil-bini, li jaqgħu taħt is-subintestatura 8531 10 30 tan-NM.

37      L-ispettur appella minn din is-sentenza quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam).

38      Din il-qorti ddeċidiet li, għalkemm il-“videomultiplexer” jista’, fid-dawl tal-karatteristiċi tiegħu u tal-kwalitajiet oġġettivi tiegħu, jitqies li huwa parti minn sistema ta’ allarm kif imsemmi fl-intestatura 8531 tan-NM, għandu, madankollu, skont in-nota 2(a) tat-Taqsima XVI tan-NM, jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8521 90 00 tan-NM.

39      G. E. Security ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra s-sentenza tal-Gerechtshof Amsterdam (qorti ta’ appell ta’ Amsterdam) quddiem il-qorti tar-rinviju.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda li ġejja:

“L-intestaturi 8517, 8521, 8531 u 8543 tan-Nomenklatura Magħquda għandhom jiġu interpretati fis-sens li prodott bħall-“videomultiplexer” għandu jiġi kklassifikat f’waħda minn dawn l-intestaturi, meta dan il-prodott ikun żviluppat sabiex jagħmel parti minn sistema li, minn naħa, tippermetti l-analiżi ta’ immaġni u ta’ ħsejjes li ġejjin minn kameras u minn sensors ta’ allarm li huma konnessi magħha u, fejn meħtieġ, tirreġistra immaġni u ħsejjes, taħżinhom, tipproċessahom u turihom fuq skrin konness u/jew, min-naħa l-oħra, meta immaġni u ħsejjes jiġġustifikawh, temetti sinjal ta’ twissija fil-forma ta’ posta elettronika mibgħuta lil utent jew lil diversi utenti konnessi mas-sistema u/jew tista’ tixgħel apparat li jemetti sinjali ta’ ħoss jew ta’ dawl?”

 Fuq id-domanda preliminari

41      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tipprovdi kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom din tal-aħħar tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM iktar milli tikklassifikahom hija stess, u dan iktar u iktar minħabba li hija mhux neċessarjament ikollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi kollha indispensabbli f’dan ir-rigward. B’hekk, il-qorti nazzjonali jidher li hija fi kwalunkwe każ f’pożizzjoni aħjar sabiex tagħmel din il-klassifikazzjoni (ara s-sentenza Lukoyl Neftohim Burgas, C‑330/13, EU:C:2014:1757, punt 27).

42      Għaldaqstant, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tikklassifika l-prodotti inkwistjoni fid-dawl tar-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda li hija għamlitilha.

43      Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, huwa importanti, l-ewwel nett, li jiġi enfasizzat li minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 13 ta’ din is-sentenza, ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jipprovdu li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, peress li l-kliem tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli jitqiesu li għandhom biss valur indikattiv.

44      Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-ispezzjonijiet, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha titfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi proprji u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem l-intestatura tan-NM u min-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (sentenza Lukoyl Neftohim Burgas, C‑330/13, EU:C:2014:1757, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Fir-rigward tan-Noti ta’ Spjega tas-SA, għandu jingħad ukoll li, minkejja l-assenza ta’ forza vinkolanti tagħhom, dawn jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-Tariffa Doganali Komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kloosterboer Services, C‑173/08, EU:C:2009:382, punt 25, u Agroferm, C‑568/11, EU:C:2013:407, punt 28). L-istess jingħad għan-Noti ta’ Spjega tan-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Develop Dr. Eisbein, C‑35/93, EU:C:1994:252, punt 21, kif ukoll British Sky Broadcasting Group u Pace, C‑288/09 u C‑289/09, EU:C:2011:248, punt 92).

46      Permezz tad‑domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, f’liema intestatura tan-NM, jiġifieri 8517, 8521, 8531 jew 8543, għandha tiġi kklassifikata merkanzija bħal dik imsejħa “videomultiplexer” fil‑kawża prinċipali.

47      F’dan ir-rigward, mill-istess formulazzjoni tal-intestaturi 8517, 8521, 8531 u 8543 tan-NM u tan-Noti ta’ Spjega relatati li l-funzjoni tal-merkanzija kkonċernata hija determinanti għall-klassifikazzjoni ta’ din tal-aħħar f’waħda minn dawn l-intestaturi.

48      Fil-fatt, l-imsemmija intestaturi jiddeskrivu b’mod speċifiku l-funzjoni li tissodisfa l-merkanzija li jkopru. B’hekk, l-intestatura 8517 tan-NM hija dwar, b’mod partikolari, “apparat għat-trażmissjoni jew ir-riċezzjoni tal-leħen, ta’ imaġini jew ta’ data oħra, inkluż apparat għall-komunikazzjoni f’netwerk bil-wajer jew mingħarju”. L-intestatura 8521 tan-NM tikkonċerna l-“Apparat li jirrekordja jew jirriproduċi vidjo, li fih jew ma fihx tuner tal-vidjo”. L-intestatura 8531 tan-NM ssemmi l-“Apparat tas-sinjalar tal-elettriku ta’ ħoss jew viżwali (per eżempju, qniepen, sireni, pannelli indikaturi, allarmi tas-serq jew tan-nar)”. Fir-rigward tal-intestatura 8543 tan-NM, din l-intestatura tinkludi, min-naħa tagħha, il-“makkinarji u l-apparat elettriċi li għandhom funzjoni individwali u li la jissemmew u lanqas ma huma inklużi barra minn hekk fil-Kapitolu [85 tan-NM]”.

49      F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-“videomultiplexer” jiżgura tliet funzjonijiet differenti.

50      Fil-fatt, mid-deskrizzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju u miġbura fil-punti 28 sa 31 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-“videomultiplexer” għandu funzjoni ta’ reġistrazzjoni u ta’ riproduzzjoni vidjofonika, li jikkorrispondu mal-formulazzjoni tal-intestatura 8521 tan-NM.

51      Il-“videomultiplexer” jiżgura wkoll funzjoni ta’ allarm, kif deskritt fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li jikkorrispondi mal-formulazzjoni tal-intestatura 8531 tan-NM.

52      Il-“videomultiplexer” jissodisfa, barra minn hekk, funzjoni ta’ trażmissjoni u ta’ riċezzjoni ta’ data fin-netwerk, kif deskritt fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, li jikkorrispondi mal-formulazzjoni tal-intestatura 8517 tan-NM.

53      Madankollu, in-nota 3 tat-Taqsima XVI tan-NM, li taħtha jaqgħu l-intestaturi 8517, 8521 u 8531 tan-NM, tipprovdi li “magni maħsubin bil-għan li jagħmlu żewġ funzjonijiet differenti, alternattivi jew kumplimentari jew iktar għandhom jiġu kklassifikati skont il-funzjoni prinċipali li jikkaratterizza t-totalità”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

54      F’dan il-każ, mill-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, minn naħa, G. E. Security tippreżenta, fis-sit Internet tagħha, il-“videomultiplexer” bħala “reġistratur ta’ trażmissjoni tal-vidjo diġitali” u li, min-naħa l-oħra, il-“videomultiplexer” inbiegħ biss lill-impriżi speċjalizzati fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ installazzjonijiet ta’ sigurtà u ta’ sistemi ta’ sorveljanza.

55      Minn dawn il-punti kif ukoll mid-deskrizzjoni tal-“videomultiplexer” magħmula mill-qorti tar-rinviju, kif riprodotta mill-punti 24 sa 33 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-“videomultiplexer”, fid-dawl tal-karatteristiċi tiegħu u tal-kwalitajiet oġġettivi tiegħu kif ukoll tal-użu tiegħu, għal funzjoni prinċipali ta’ reġistrazzjoni u ta’ riproduzzjoni vidjofonika fi ħdan is-sistema ta’ sigurtà u ta’ sorveljanza.

56      Kif jirrilevaw il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, il-funzjonijiet l-oħra żgurati mill-“videomultiplexer”, jiġifieri l-funzjonijiet ta’ allarm u ta’ netwerk, jikkostitwixxu biss funzjonijiet aċċessorji li huma intiżi li jtejbu l-funzjonament tas-sistema li fiha huwa integrat il-“videomultiplexer”.

57      Minn dan isegwi li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li merkanzija bħal dik imsejħa “videomultiplexer”, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha, bla ħsara għall-evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-punti fattwali kollha li din għandha, tiġi kklassifikata fl-intestatura 8521 tan-NM.

58      Din is-sejba ma tistax titqiegħed inkwistjoni min-noti 2 u 4 tat-Taqsima XVI tan-NM.

59      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-nota 2 tat-Taqsima XVI tan-NM tapplika biss għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-“bċejjeċ tal-magni” (ara s-sentenza Data I/O, C‑297/13, EU:C:2014:331, punt 34).

60      Fid-dawl tal-fatt li l-kunċett ta’ “biċċa”, fis-sens ta’ din in-nota, ma huwiex definit mill-imsemmija nota, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fl-interess tal-applikazzjoni koerenti u uniformi tat-tariffa doganali komuni, tagħti lil dan il-kunċett definizzjoni unika komuni għall-kapitoli kollha tan-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenza HARK, C‑450/12, EU:C:2013:824, punt 37, u Rohm Semiconductor, C‑666/13, EU:C:2014:2388, punt 44).

61      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, żviluppata dwar l-intestatura 8473 tan-NM, u tan-nota 2(b) tat-Taqsima XVI ta’ din, li l-kunċett ta’ “biċċa” jimplika l-preżenza ta’ ragruppament ta’ elementi li għall-operazzjoni tagħhom dawn huma indispensabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rohm Semiconductor, C‑666/13, EU:C:2014:2388, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Sabiex oġġett ikun jista’ jikkwalifika bħala “biċċa”, ma huwiex biżżejjed għalhekk li jintwera li, mingħajr dan l-oġġett, il-magna ma tkunx f’pożizzjoni li tirrispondi għall-bżonnijiet li hija destinata għalihom. Għad għandu jiġi stabbilit li l-funzjonament mekkaniku jew elettriku tal-magna inkwistjoni hija kkundizzjonata mill-imsemmi oġġett (ara s-sentenza Rohm Semiconductor, C‑666/13, EU:C:2014:2388, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 26 ta’ din is-sentenza, il-“videomultiplexer” intuża fi ħdan l-installazzjonijiet ta’ sigurtà u ta’ sorveljanza tal-bini u jikkostitwixxi, b’mod iktar preċiż, element ta’ sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo b’ċirkwitu magħluq.

64      Madankollu, kif jirrilevaw il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, tali sistema tista’ wkoll taħdem mingħajr ma tinkludi “multiplexer”. Fil-fatt, id-ditekters li jintużaw fi ħdan is-sistema jistgħu jissodisfaw il-funzjoni tagħhom fl-assenza tal-“videomultiplexer”. Barra minn hekk, il-funzjonament mekkaniku u elettriku ta’ dawn l-apparati ma jiddependix mill-preżenza tal-“videomultiplexer”.

65      Konsegwentement, il-“videomultiplexer” ma jistax jitqies li huwa “biċċa minn magna” fis-sens tan-nota 2 tat-Taqsima XVI tan-NM. Għalhekk din in-nota ma hijiex rilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ din il-merkanzija fin-NM.

66      Fir-rigward tan-nota 4 tat-Taqsima XVI tan-NM, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-formulazzjoni tagħha, din tapplika biss għal “magna (inkluża taħlita ta’ magni) […] li tikkonsisti f’komponenti individwali [...] maħsubin biex jikkontribwixxu flimkien għal funzjoni definita ċar”.

67      In-nota ta’ spjega għas-SA dwar in-nota 4 tat-Taqsima XVI tas-SA, li hija identika għan-nota 4 tat-Taqsima XVI tan-NM, tindika li l-kelmiet “li huma kkonċepiti sabiex jassiguraw fl-istess waqt funzjoni stabbilita sew” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ikopru biss il-makkinarji u l-kombinazzjoni ta’ makkinarji neċessarji għat-twettiq tal-funzjoni proprja li hija dik tat-totalità li tikkostitwixxi l-unità funzjonali, għall-esklużjoni tal-makkinarji jew tal-apparati li għandhom funzjonijiet awżiljarji u ma jikkontribwixxux għall-funzjoni tat-totalità.

68      Din in-nota ta’ spjega tispeċifika li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti min-nota 4 tat-Taqsima XVI tal-SA u, għaldaqstant, min-nota identika tan-NM sistemi ta’ sorveljanza bil-vidjo b’ċirkwitu magħluq, komposti minn kombinazzjoni ta’ numru varjabbli ta’ kameras tat-televiżjoni u ta’ vidjo monitors mqabbda permezz ta’ kejbil koassjali ma’ switchboard, commutators, riċevituri awdjo u, eventwalment, magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data (sabiex tikkonserva d-data) u/jew ta’ reġistraturi tal-vidjo (VCR) (għar-rekordjar ta’ immaġini).

69      Madankollu, diġà ġie kkonstatat fil-punti 26 u 63 ta’ din is-sentenza li l-“videomultiplexer” jikkostitwixxi element ta’ tali sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo b’ċirkwitu magħluq. In-nota 4 tat-Taqsima XVI tan-NM ma hijiex għalhekk rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ din il-merkanzija fin-NM.

70      Fl-aħħar nett, għandha tiġi miċħuda t-teżi difiża minn G. E. Security li tipprovdi li l-“videomultiplexer” għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura 8543 tan-NM.

71      Fil-fatt, mill-qari tal-formulazzjoni tal-imsemmija intestatura jirriżulta li din tinkludi l-“makkinarji u l-apparat elettriċi li għandhom funzjoni individwali u li la jissemmew u lanqas ma huma inklużi barra minn hekk fil-Kapitolu [85 tan-NM]”. B’hekk, il-klassifikazzjoni ta’ prodott fl-istess intestatura huwa possibbli biss jekk ma huwiex possibbli li jiġi kklassifikat dan il-prodott f’intestatura oħra ta’ dan il-Kapitolu 85. Issa, mill-punt 57 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

72      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li merkanzija bħal dik imsejħa “videomultiplexer”, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha, bla ħsara għall-evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-punti fattwali kollha li din għandha, tiġi kklassifikata fl-intestatura 8521 tan-NM.

 Fuq l-ispejjeż

73      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

In-nomenklatura magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007, tal-20 ta’ Settembru 2007, għandha tiġi interpretata fis-sens li merkanzija bħal dik imsejħa “videomultiplexer”, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha, bla ħsara għall-evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-punti fattwali kollha li din għandha, tiġi kklassifikata fl-intestatura 8521 ta’ din in-nomenklatura.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.