Language of document : ECLI:EU:T:2014:88

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

27 ta’ Frar 2014 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq dinji tal-pannelli tal-kristalli likwidi (LCD) — Ftehimiet u prattiki miftiehma fil-qasam ta’ prezzijiet u ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni — Bejgħ intern — Drittijiet tad-difiża — Multi — Immunità parzjali minn multa — Ksur uniku u kontinwat – Prinċipju ta’ ne bis in idem”

Fil-Kawża T‑128/11,

LG Display Co. Ltd, stabbilita f’Seul (il-Korea t’Isfel),

LG Display Taiwan Co. Ltd, stabbilita f’Tajpei (it-Tajwan),

irrappreżentati minn A. Winckler u F.‑C. Laprévote, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Van Nuffel u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti, assistiti minn S. Kingston, barrister,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 8761 finali, tat-8 ta’ Diċembru 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ COMP/39.309 – LCD), u għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti minn din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn H. Kanninen, President tal-Awla, G. Berardis (Relatur) u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ April 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Kumpanniji inkwistjoni fil-kawża preżenti

1        LG Display Co. Ltd (iktar ’il quddiem “LGD”), li preċedentement kien jisimha LG Philips LCD Co. Ltd, hija kumpannija rregolata bid-dritt Korean li tikkontrolla grupp ta’ kumpanniji stabbiliti fid-dinja kollha u attivi fil-manifattura ta’ pannelli tal-kristalli likwidi b’matriċi attiva (iktar ’il quddiem l-“LCDs”.

2        LGD inħolqot, fis-26 ta’ Lulju 1999, permezz ta’ ftehim ta’ impriża komuni bejn il-kumpannija rreġistrata taħt id-dritt Korean LG Electronics, Inc. (iktar ’il quddiem “LGE”), u l-kumpannija rreġistrata taħt id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi Koninklijke Philips Electronics NV (iktar ’il quddiem “Philips”).

3        Matul il-perijodu ta’ bejn is-26 ta’ Lulju 1999 u t-23 ta’ Lulju 2004, LGE u Philips kull waħda kellhom 50 % tal-kapital ta’ LGD. Sussegwentement, l-ishma rispettivi tagħhom niżlu għal 37.9 % u għal 32.87 %.

4        LG Display Taiwan Co. Ltd, preċedentement imsemmija LG Philips LCD Taiwan (iktar ’il quddiem “LGDT”), hija kumpannija rreġistrata taħt id-dritt Tajwaniż, 100 % sussidjarja ta’ LGD, attiva fil-manifattura u l-provvista ta’ LCDs.

[omissis]

 Id-deċiżjoni kkontestata

[omissis]

19      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ akkordju fost sitt manifatturi kbar internazzjonali ta’ LCDs, fosthom ir-rikorrenti, f’dak li jirrigwarda ż-żewġ kategoriji segwenti ta’ dawn il-prodotti, ta’ daqs ta’ tnax il-pulzier jew iktar: l-LCDs għat-teknoloġiji tal-informazzjoni, bħal dawk tal-laptops żgħar u l-moniters tal-kompjuters, u l-LCDs għat-televixins (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“LCDs suġġetti għal kartell”.

20      Skont id-deċiżjoni kkontestata, dan l-akkordju seħħ fil-forma ta’ ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ZEE), li twettaq bejn, minn tal-inqas, il-5 ta’ Ottubru 2001 u l-1 ta’ Frar 2006 (iktar ’il quddiem il-“perijodu tal-ksur”). Matul dan il-perijodu, il-parteċipanti għall-akkordju organizzaw diversi laqgħat multilaterali, li huma kienu jsejjħu “laqgħat kristall”, prinċipalment f’lukandi ta’ Tajwan. L-għan ta’ dawn il-laqgħat kien b’mod ċar antikompetittiv, peress li dawn kienu jservu sabiex il-parteċipanti, b’mod partikolari, jiffissaw il-prezzijiet massimi għall-LCDs suġġetti għal kartell, jiddiskutu l-estimi tal-prezzijiet tagħhom sabiex jevitaw li dawn jonqsu u jikkoordinaw iż-żidiet tal-prezzijiet kif ukoll il-livelli ta’ produzzjoni. Matul il-perijodu tal-ksur, il-parteċipanti għall-akkordju ltaqgħu wkoll b’mod bilaterali u ta’ spiss skambjaw informazzjoni dwar is-suġġetti diskussi matul il-“laqgħat kristall”. Barra minn hekk huma ħadu miżuri sabiex jivverifikaw jekk id-deċiżjonijiet adottati matul dawn il-laqgħat kinux jiġu applikati (premessi 70 sa 74 tad-deċiżjoni kkontestata).

[omissis]

22      Skont il-Linji gwida tal-2006, l-ewwel nett, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-valur ta’ bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell direttament jew indirettament ikkonċernati mill-ksur. Għal dan il-għan, hija stabbilixxiet it-tlett kategoriji segwenti ta’ bejgħ magħmul mill-parteċipanti għall-akkordju:

–        “bejgħ dirett fiż-ŻEE”, jiġifieri bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell lil impriża oħra fi ħdan iż-ŻEE;

–        “bejgħ dirett fiż-ŻEE permezz ta’ prodotti ttrasformati”, jiġifieri bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell integrati, fi ħdan il-grupp li minnu jifforma parti l-manifattur, fi prodotti lesti li jinbiegħu lil impriża oħra fi ħdan iż-ŻEE;

–        “bejgħ indirett”, jiġifieri bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell lil impriża oħra li tinsab barra miż-ŻEE, li sussegwentement tinkorpora l-pannelli fi prodotti lesti li hija tbigħ fiż-ŻEE (premessa 380 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Madankollu, il-Kummissjoni qieset li setgħet tillimita ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-ewwel żewġ kategoriji msemmija fil-punt 22 iktar ’il fuq, peress li ma kienx meħtieġ li t-tielet kategorija tiġi inkluża sabiex il-multi imposti jkunu jistgħu jilħqu livell dissważiv suffiċjenti (premessa 381 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Minflok ma użat il-valur tal-bejgħ magħmul minn impriża matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, kif huwa normalment previst fil-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien iktar xieraq li tuża, f’dan il-każ, il-valur annwali medju ta’ bejgħ magħmul matul il-perijodu kollu tal-ksur, fid-dawl, b’mod partikolari, tat-tkabbir esponenzjali tal-bejgħ tal-parti l-kbira tal-impriżi kkonċernati matul is-snin ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni, minkejja l-oġġezzjonijiet tagħhom, ikkunsidrat li l-valur tal-bejgħ rilevanti kellu jiġi kkalkolat billi jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-bejgħ tagħhom f’LGE u f’Philips. Fil-fatt, minn naħa, il-bejgħ lil dawn l-aħħar kumpanniji ukoll kien kopert mid-diskussjonijiet bejn il-parteċipanti għall-akkordju inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-prezz relatat ma dan il-bejgħ kien influwenzat miċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw is-suq, jiġifieri l-eżistenza ta’ prezzijiet suġġetti għal-kartell. Għalhekk, fir-rigward tar-rikorrenti, it-total ta’ bejgħ rilevanti magħmul matul il-perijodu tal-ksur ġie ffissat għal EUR 2 296 240 479, fejn il-medja annwali, miksuba billi l-imsemmi ammont jiġi diviż bit-tul tal-akkordju ta’ 4.33 sena, kien ekwivalenti għal EUR 530 309 579 (premessi 386 u 396 kif ukoll it-tabella Nru 4 tad-deċiżjoni kkontestata).

[omissis]

31      Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkundannat in solidum lir-rikorrenti għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 215 000 000.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

32      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-23 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti ressqu din il-kawża.

33      Wara li l-Kummissjoni ppreżentat ir-replika tagħha, fit-8 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw offerta ta’ prova supplimentari, abbażi tal-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, insostenn tar-raba’ motiv invokat fir-rikors tagħhom (iktar ’il quddiem l-“offerta ta’ prova supplimentari”).

34      Il-Kummissjoni ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-offerta ta’ prova supplimentari fis-26 ta’ Jannar 2012.

35      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet domandi bil-miktub lill-partijiet u dawn irrispondewhom fiż-żmien mogħti.

36      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-26 ta’ April 2013.

37      Peress li wara din is-seduta l-proċedura orali ma ngħalqitx, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u dawn irrispondewhom fiż-żmien mogħti.

38      Il-proċedura orali ngħalqet bid-Deċiżjoni tal-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2013.

39      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata u tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom abbażi ta’ din id-deċiżjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        tiddekreta kull miżura oħra li hija tqis xierqa.

40      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

[omissis]

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni allegatament, żbaljatament u bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, inkludiet il-bejgħ intern tagħhom fil-kalkolu tal-ammont tal-multa

[omissis]

 Fuq l-ewwel parti, fir-rigward tal-ksur tal-Linji Gwida tal-2006

[omissis]

–       Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ lill-impriżi marbuta mar-rikorrenti

60      Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-fatt li huma ma jifformawx impriża unika ma’ LGE u ma’ Philips fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 54 iktar ’il fuq, għalkemm għandu bħala konsegwenza li dawn tal-aħħar ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala responsabbli flimkien u in solidum għall-ksur imwettaq mir-rikorrenti, huwa irrilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk l-LCDs suġġetti għal kartell li r-rikorrenti biegħu lil LGE u lil Philips kinux jammontaw għal bejgħ relatat mal-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tal-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma allegatx li l-bejgħ tar-rikorrenti lil LGE u lil Philips kien ikkonċernat mill-ksur biss minħabba l-fatt li dan ma kienx bejgħ bejn kumpanniji li jifformaw parti minn impriża unika, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 54 iktar ’il fuq.

62      Fil-fatt, il-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkonstatatx li r-rikorrenti, LGE u Philips kienu jifformaw impriża unika kien rekwiżit neċessarju sabiex il-bejgħ tar-rikorrenti lil LGE u lil Philips jiġi inkluż fil-kategorija tal-“bejgħ dirett fiż-ŻEE”, u dan jippreżupponi li l-bejgħ inkwistjoni kien isir lil terzi indipendenti. Madankollu, il-Kummissjoni xorta waħda kienet obbligata li tispjega liema kienet ir-rabta tal-bejgħ tar-rikorrenti lil LGE u lil Philips mal-akkordju.

63      F’dan ir-rigward, fil-premessa 396 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni qieset li din ir-rabta kienet tikkonsisti fil-fatt li, l-ewwel nett, il-bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell lil klijenti, bħal LGE u Philips, li kienu marbuta mal-parteċipanti għall-akkordju, kien fost is-suġġetti diskussi bejniethom u, it-tieni nett, il-prezz tal-bejgħ lil dawn il-klijenti kien influwenzat miċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw is-suq, jiġifieri l-eżistenza ta’ prezzijiet suġġetti għal kartell.

[omissis]

 Fuq it-tielet parti, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

[omissis]

136    F’dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, il-Kummissjoni fl-aħħar nett ikkunsidrat li dawn ma kinux jifformaw, flimkien ma LGE u Philips, impriża unika. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma pprovdewx l-iċken element li jikkonfuta din il-konklużjoni tal-Kummissjoni.

137    Għalhekk, il-bejgħ tar-Ainsi, il-bejgħ tar-rikorrenti lil LGE u lil Philips ġie inkluż fil-kategorija tal-“bejgħ dirett fiż-ŻEE”.

138    Li kieku l-Kummissjoni ma mxietx b’dan il-mod, hija kienet tippermetti li r-rikorrenti jibbenefikaw minn vantaġġ meta mqabbla mal-parteċipanti l-oħra għall-akkordju li, bħalhom, ma kinux integrati vertikalment, sa fejn huma ma kinux jifformaw impriża unika mal-kumpanniji li lilhom kienu jbigħu l-LCDs tagħhom suġġetti għal kartell.

139    Il-fatt li, fir-rigward tal-parteċipanti għall-akkordju li, b’kuntrast mar-rikorrenti, kienu ġew ikkunsidrati bħala impriżi uniċi integrati vertikalment, il-Kummissjoni inkludiet il-bejgħ rilevanti fil-kategorija tal-“bejgħ dirett fiż-ŻEE permezz ta’ prodotti ttrasformati” ma jistax jiġi kkritikat mill-perspettiva tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li l-eżistenza ta’ impriża unika tagħti lok għal sitwazzjoni differenti, li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din il-kategorija l-oħra fil-konfront tal-imsemmija parteċipanti.

140    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar l-allegata diskriminazzjoni mwettqa skont jekk il-bejgħ intern lil grupp kienx jikkonċerna sussidjarji jew kumpanniji parent, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-Kummissjoni ġustament applikat il-kunċett ta’ impriża unika. Għalhekk, l-impriżi 100 % sussidjarji ġew ikkunsidrati bħala li jifformaw parti mill-istess impriża bħal parteċipanti għall-akkordju, filwaqt li l-kumpanniji li kellhom sehem azzjonarju fl-impriżi li kienu jagħmlu parti mill-akkordju ma ġewx ikkunsidrati bħala kumpanniji parent sa fejn ma kienx ġie pprovat li r-rekwiżiti previsti għal dan il-għan mill-ġurisprudenza kienu sodisfatti. Issa, il-Kummissjoni kkunsidrat li dan ma kienx jgħodd fil-każ ta’ LGE u ta’ Philips fir-rigward tar-rikorrenti, li ma jikkontestawx din il-konstatazzjoni. Min-naħa l-oħra, meta impriża parteċipant fl-akkordju għamlet bejgħ fiż-ŻEE lil terzi indipendenti, dan il-bejgħ ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, indipendentement mill-kumpannija (sussidjarja jew parent), relatata ma din l-impriża, li kienet materjalment biegħet l-LCDs suġġetti għal kartell.

141    Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tiħux inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, it-tielet kategorija ta’ bejgħ identifikata fil-premessa 380 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-“bejgħ indirett” (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), għandu jiġi osservat li, għalkemm huwa minnu li ċerti LCDs suġġetti għal kartell ipprovduti mill-parteċipanti għall-akkordju lil terzi stabbiliti barra miż-ŻEE setgħu sabu ruħhom fi prodotti lesti mibjugħa fiż-ŻEE, ma jistax jiġi miċħud li r-rabta bejn l-akkordju u t-territorju taż-ŻEE, fis-sens tal-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, kienet iktar dgħajfa mir-rabta li kienet teżisti fir-rigward taż-żewġ kategoriji ta’ bejgħ meħuda inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

142    Barra minn hekk, peress li l-esklużjoni tal-“bejgħ indirett” ġiet applikata fil-konfront tal-parteċipanti kollha għall-akkordju, ma tista’ tiġi kkonstatata l-ebda diskriminazzjoni f’dan ir-rigward.

[omissis]

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti immunità minn multa għas-sena 2005

155    Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni kellha tgħarfilhom immunità parzjali, abbażi tal-aħħar subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, mhux biss għas-sena 2006 iżda anki għas-sena 2005. Fil-fatt, permezz tat-talba orali tagħhom tas-17 ta’ Lulju 2006 kif ukoll permezz tad-dikjarazzjoni orali addizzjonali tagħhom tal-20 ta’ Lulju 2006, akkompanjata b’diversi dokumenti ta’ prova, ir-rikorrenti kienu l-ewwel li informaw lill-Kummissjoni b’fatti li hija ma kellhiex għarfien tagħhom preċedentement, jiġifieri li l-akkordju fuq l-LCDs kien kompla fl-2005. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li d-dokumenti prodotti minn Samsung fit-18 ta’ Lulju 2006, wara t-talba orali tagħhom, ma kinux jippermettu li tiġi stabbilita l-organizzazzjoni ta’ “laqgħat kristall” matul is-sena 2005 u li d-dikjarazzjoni orali addizzjonali ta’ Samsung tal-20 ta’ Lulju 2006, filwaqt li tiddeskrivi kuntatti bejn kompetituri fl-2005, ma kinitx akkumpanjata b’dokumenti ta’ prova.

[omissis]

157    Għandu jitfakkar li l-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 jipprovdi dan li ġej:

“23      Il-Kummissjoni ser tiddetermina f’kull deċiżjoni finali adottata fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva:

a)       jekk il-provi prodotti minn impriża rrapreżentawx valur miżjud sinnifikattiv meta mqabbla mal-provi fil-pussess tal-Kummissjoni fl-istess żmien;

b)       il-livell ta’ tnaqqis li l-impriża ser tibbenefika minnu, b’mod relattiv għall-multa li kieku kienet tiġi imposta, kif ġej. Għal:

–        [l]-ewwel impriża li tissodisfa r-rekwiżit previst fil-punt 21: tnaqqis ta’ bejn 30 u 50 %;

–        […]

Barra dan, jekk impriża tipproduċi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kienux magħrufa mill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni ma għandiex tiħu inkunsiderazzjoni dawn il-provi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi.”

[omissis]

 Tfakkir tal-prinċipji ġenerali

[omissis]

166    B’hekk, l-aħħar subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 ma jikkonċernax il-każijiet fejn impriża tkun sempliċement ipproduċiet provi ġodda jew iktar kompluti fir-rigward ta’ fatti li l-Kummissjoni diġà kienet taf bihom. L-imsemmi subparagrafu lanqas ma japplika għal każijiet fejn impriża tgħarraf lill-Kummissjoni b’fatti ġodda li, madankollu, ma jkunux tali li jimmodifikaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-gravità u t-tul tal-akkordju. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni tapplika esklużivament għal każijiet fejn ikunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet: l-ewwel nett, l-impriża inkwistjoni tkun l-ewwel waħda li tipprova fatti li ma kinux magħrufa preċedentement mill-Kummissjoni u, it-tieni nett, fejn il-provi prodotti jkollhom effett dirett fuq il-gravità u t-tul tal-akkordju ssuspettat, u għalhekk jippermettu li l-Kummissjoni tasal għal konklużjonijiet ġodda fuq il-ksur (sentenza Transcatab vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 382).

167    L-aħħar subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, għandu jingħata interpretazzjoni restrittiva billi jiġi limitat għall-każijiet fejn kumpannija li hija parti minn akkordju tipprovdi informazzjoni ġdida lill-Kummissjoni, dwar il-gravità jew it-tul tal-ksur u billi jiġu esklużi l-każijiet fejn il-kumpannija tkun ipprovdiet biss elementi li jippermettu li jissaħħu l-provi relatati mal-eżistenza tal-ksur. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, peress li l-proċedura ta’ klemenza tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola li tgħid li impriża għandha tiġi ssanzjonata għal kull ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ir-regoli relatati magħha għandhom għaldaqstant jiġu interpretati b’mod strett. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-effikaċità tal-programmi ta’ klemenza tkun affettwata jekk l-impriżi jitilfu l-inċentivi sabiex ikunu tal-ewwel li jissottomettu informazzjoni li biha jirrappurtaw akkordju lill-Kummissjoni.

[omissis]

 Applikazzjoni għal każ preżenti

170    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-kronoloġija tal-ġrajjiet li seħħew f’Lulju 2006 adottata mill-Kummissjoni. Għalhekk, huwa paċifiku li:

–        ir-rikorrenti għamlu dikjarazzjoni orali fis-17 ta’ Lulju 2006;

–        Samsung ipproduċiet ċerti provi fit-18 ta’ Lulju 2006;

–        Samsung għamlet dikjarazzjoni orali fl-20 ta’ Lulju 2006, fl-għaxra neqsin għoxrin ta’ filgħodu;

–        ir-rikorrenti għamlu dikjarazzjoni orali u pproduċew provi fl-20 ta’ Lulju 2006, fit-tlieta u nofs ta’ wara nofsinhar.

171    Minn dan isegwi li, sabiex jibbenefikaw mill-immunità parzjali għas-sena 2005, ir-rikorrenti għandhom juru li l-informazzjoni li huma pprovdew fis-17 ta’ Lulju 2006 tissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-aħħar subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, kif esposti fil-qosor fil-punt 166 iktar ’il fuq. Fin-nuqqas ta’ dan, ir-rikorrenti għandhom juru, minn naħa li, minkejja l-informazzjoni żvelata minn Samsung fit-18 u fl-20 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni ma kinitx taf li l-ksur ikkundannat mid-deċiżjoni kkontestata kien kompla fl-2005 u, min-naħa l-oħra, li l-informazzjoni li huma pprovdew fl-20 ta’ Lulju 2006 kienet tissodisfa r-rekwiżiti inkwistjoni.

172    Għandu jiġi vverifikat jekk, permezz tal-argumenti invokati insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti rnexxilhomx juru li huma kellhom jibbenefikaw mill-immunità parzjali għall-2005.

173    L-ewwel nett, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat l-aħħar subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, billi eżiġiet li, sabiex jiksbu l-immunità parzjali, huma għandhom jipproduċu provi suffiċjenti sabiex jistabbilixxu l-fatti inkwistjoni. Fil-fatt, il-kliem tal-imsemmi Avviż, kif interpretat mill-Kummissjoni f’kawżi oħra, jillimita ruħu li jipprevedi li dawn il-provi jkunu rilevanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni allegatament applikat trattament favorevoli fil-konfront ta’ Samsung billi tatha l-immunità abbażi ta’ informazzjoni li ma kellhiex kwalità superjuri għal dik tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti.

174    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont il-prinċipji mfakkra fil-punti 161 sa 168 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod korrett li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fis-17 ta’ Lulju 2006 kienet vaga wisq sabiex tissodisfa r-rekwiżiti previsti mid-dispożizzjoni inkwistjoni, kif interpretata mill-ġurisprudenza.

175    Fil-fatt, qari tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti tas-17 ta’ Lulju 2006 jippermetti li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fil-premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata, setgħet ġustament tosserva dan li ġej:

“[…] F’dan il-każ, is-sempliċi allegazzjonijiet magħmula oralment fis-17 ta’ Lulju 2006, li jgħidu li laqgħat, simili għal dawk tal-5 u tad-19 ta’ Ottubru 2001, komplew sal-bidu tal-2005 u li, wara din id-data, ċerti skambji ta’ informazzjoni komplew matul ċertu żmien jew li prezzijiet minimi u linji gwida dwar it-tariffi kienu jiġu xi kultant diskussi u miftehma, iżda li mill-kumplament dawn il-laqgħat kienu jillimitaw ruħhom għal skambji ta’ informazzjoni fuq il-prezz, il-kapaċitajiet u l-produzzjoni, ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-ksur dam għaddej matul is-sena 2005 kollha. Fiż-żmien meta [LGD] ipproduċiet dan it-tip ta’ prova dwar l-2005 kif ukoll dwar l-ewwel xaharejn tal-2006, b’mod partikolari permezz tad-dikjarazzjoni tagħha tal-20 ta’ Lulju 2006, Samsung, inkwantu kumpannija li talbet l-immunità, kienet diġà, permezz tad-dikjarazzjonijiet tagħha tat-18 u tal-20 ta’ Lulju 2006, informat b’mod suffiċjenti lill-Kummissjoni dwar it-tkomplija tal-ksur fl-2005 […]”.

176    B’kuntrast ma dak li jallegaw ir-rikorrenti, id-dikjarazzjoni tagħhom ma tistax titqies li hija tinkludi provi preċiżi u sostnuti, li għandhom effett dirett fuq it-tul tal-ksur fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 168 iktar ’il fuq, li l-ksur kompla għaddej matul is-sena 2005 kollha. Fil-fatt, anki jekk id-dikjarazzjoni tindika li informazzjoni fuq il-prezz, is-suq u l-kundizzjonijiet ta’ provvista fuq livell dinji kif ukoll informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet ma ċerti klijenti kienu ġew skambjati matul laqgħat imqassma minn Ottubru 2001 sal-bidu tas-sena 2005, kien hemm biss, wara din id-data, “ċertu skambju ta’ informazzjoni” matul “ċertu żmien”, mingħajr ma jiġi ppreċiżat f’hiex kienet tikkonsisti din l-informazzjoni. Ir-riferimenti, li jinsabu fid-dikjarazzjoni, għal skambji ta’ informazzjoni fuq il-prezz jirrigwardaw il-laqgħat, iċċitati iktar ’il fuq, miżmuma bejn l-2001 u l-bidu tas-sena 2005. Ma hemm xejn fid-dikjarazzjoni li jindika l-iskambju ta’ informazzjoni fuq il-prezz għall-perijodu ta’ wara l-bidu tas-sena 2005. Id-dikjarazzjoni lanqas ma tispeċifika f’liema data fl-2005 kienet inbidlet in-natura tal-laqgħat, iżda tillimita ruħha li tindika li din il-bidla seħħet lejn il-bidu tas-sena.

177    Minn dan isegwi li l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni tar-rikorrenti f’dak li jirrigwarda s-sena 2005 hija vaga wisq sabiex ikollha effett dirett fuq it-tul tal-akkordju.

178    Fir-rigward tal-fatt li fil-konfront ta’ Samsung il-Kummissjoni applikat kriterji inqas stretti meta għarfitilha l-immunità minn kull multa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li t-test li għandu jiġi applikat għal dan il-għan, deskritt fil-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, huwa differenti minn dak previst fl-aħħar subparagrafu tal-punt 23(b) ta’ dan l-Avviż. Fil-fatt, l-ewwel waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet tipprovdi li l-immunità totali tingħata lill-impriża li tkun l-ewwel waħda li tipproduċi provi li, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, huma ta’ natura tali li jippermettulha tikkonstata akkordju.

179    Il-fatt li dawn huma testijiet differenti jikkostitwixxi ġustifikazzjoni oġġettiva li tippermetti li l-Kummissjoni ma tittrattax lil Samsung u lir-rikorrenti bl-istess mod, mingħajr madankollu ma tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 131 iktar ’il fuq).

[omissis]

189    Barra minn hekk, għalkemm huwa ċertament minnu li l-aħħar prova prodotta minn Samsung, imsemmija fil-punt 187 iktar ’il fuq, ma tissemmiex fid-deċiżjoni kkontestata, li normalment tibbaża ruħha fuq il-provi prodotti mir-rikorrenti f’dak li jirrigwarda s-sena 2005. Madankollu, l-assenza ta’ riferiment fid-deċiżjoni kkontestata għal kull waħda mill-provi prodotti minn Samsung ma taffettwax il-fatt li, fil-mument tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti tal-20 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni kienet taf, minħabba l-provi prodotti minn din l-aħħar impriża, li xi kuntatti bilaterali bejn ċerti parteċipanti għall-akkordju kienu komplew fl-2005.

190    Il-fatt li l-Kummissjoni ta’ spiss użat l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fl-20 ta’ Lulju 2006 tikkonferma li dawn effettivament kellhom valur probatorju ikbar minn dak tal-provi prodotti preċedentement minn Samsung. Madankollu, huwa preċiżament għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni qieset li l-provi prodotti mir-rikorrenti kellhom “valur miżjud sinjifikattiv” fis-sens tal-punti 21 u 22 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, li jiġġustifika tnaqqis ta’ 50 % tal-ammont tal-multa. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-kriterji ta’ evalwazzjoni għall-għoti ta’ dan it-tnaqqis huma differenti minn dawk, imfakkra fil-punt 166 iktar ’il fuq, li għandhom jintużaw sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti tal-20 ta’ Lulju 2006 setgħetx tagħti lok għall-għoti tal-immunità parzjali anki għas-sena 2005.

[omissis]

192    Ir-raba’ nett, f’dak li jirrigwarda l-fatt li l-informazzjoni pprovduta minn Samsung ma kinitx tirrigwarda l-“laqgħat kristall”, iżda biss kuntatti bilaterali, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil-premessa 70, tiddefinixxi l-ksur inkwistjoni bħala li kien ikopri mhux biss il-“laqgħat kristall”, iżda wkoll il-laqgħat u l-kuntatti bilaterali bejn il-parteċipanti. Għaldaqstant, provi dwar l-eżistenza ta’ dawn il-kuntatti matul is-sena 2005 huma rilevanti sabiex jiġi pprovat li l-ksur uniku kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata kompla matul dik is-sena kollha.

193    Fir-rigward tal-fatt li l-provi prodotti minn Samsung ma kinux jikkonċernaw speċifikament il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju fl-2005, minn naħa, għandu jitfakkar li, kif ġie osservat fil-punt 185 iktar ’il fuq, waħda mill-ittri prodotti minn Samsung issemmi l-possibbiltà li r-rikorrenti jiġu mistoqsija dwar l-intenzjonijiet tagħhom dwar ċerti prezzijiet, li juri li dawn kienu komplew jipparteċipaw fl-akkordju. Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza, meta inkwistjoni jkun hemm ksur uniku u kontinwat, impriża li pparteċipat fi ksur permezz ta’ aġir attribwibbli lilha, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma skont l-Artikolu 101(1) TFUE u li kien intiż sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-ksur kollu kemm hu, hija wkoll responsabbli, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur, għall-aġir implementat minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 160, u tat-2 ta’ Frar 1012, Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑83/08, punt 242).

194    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex tikseb l-immunità parzjali għas-sena 2005 ma humiex fondati.

195    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat, fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti, ippreżentat sussidjarjament, dwar il-fatt li l-immunità parzjali li l-Kummissjoni rrikonoxxitilhom għal Jannar 2006 kien jimplika li dan ix-xahar jiġi eskluż mill-istadji kollha tal-kalkolu tal-ammont tal-multa fir-rigward tagħhom.

196    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif inhu indikat fit-tabella Nru 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eskludiet ix-xahar ta’ Jannar 2006 fil-kalkolu tal-koeffiċjent dwar it-tul tal-ksur f’dak li jirrigwarda lir-rikorrenti. Fil-fatt, fil-konfront tar-rikorrenti ġie applikat koeffiċjent ta’ 4.16, filwaqt li dak applikat fil-konfront tal-parteċipanti l-oħra għall-akkordju kien ta’ 4.25, li jikkorrispondi għat-tul kollu tal-perijodu tal-ksur, arrotondat ’l isfel.

197    Madankollu, sabiex tistabbilixxi l-valur ta’ bejgħ tal-beni fir-rigward tal-ksur, valur li minnu jinkiseb l-ammont bażiku għall-kalkolu tal-multa, il-Kummissjoni, fir-rigward tal-parteċipanti għall-ksur, ikkalkolat il-medja tal-bejgħ tagħhom matul il-perijodu kollu tal-ksur, inkluż ix-xahar ta’ Jannar 2006.

198    Għalhekk, il-Kummissjoni ħadet ukoll inkunsiderazzjoni fil-konfront tar-rikorrenti l-bejgħ totali tagħhom matul il-perijodu tal-ksur kollu, inkluż ix-xahar ta’ Jannar 2006, u ddividiet l-ammont miksub b’4.33, it-tul tal-perijodu tal-ksur kollu, arrotondat ’l isfel.

199    Għandu jitfakkar li, kif ammettiet il-Kummissjoni fil-premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li r-rikorrenti jingħataw l-immunità parzjali għall-2006 jfisser li dawn għandhom jiġu trattati bħal li kieku pparteċipaw għall-ksur mill-5 ta’ Ottubru 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2005 għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuqhom. F’formolazzjoni eqreb għat-termini tal-aħħar subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, fatti li seħħew wara l-31 ta’ Diċembru 2005 ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-iffissar tal-ammont tal-imsemmija multa.

200    Issa, bil-mod ta’ kif imxiet fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma osservatx l-impenn tagħha stess li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-perijodu kopert mill-immunità parzjali, mogħtija skont l-aħħar subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002.

201    Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tipprovdix li l-Kummissjoni għandha tinjora l-fatti koperti mill-imsemmija immunità unikament għall-finijiet tal-kalkolu tal-koeffiċjent dwar it-tul tal-ksur, iżda għandha tingħata portata iktar ġenerali, u dan għalhekk jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija fatti fir-rigward tal-aspetti kollha li jikkonċernaw l-iffissar tal-ammont tal-multa, inkluż il-kalkolu tal-medja tal-valur tal-bejgħ rilevanti. Essenzjalment, l-immunità parzjali, kif prevista fl-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, għalhekk tammonta għal “finzjoni legali” li tipprovdi li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tirraġuna daqs li kieku l-impriża benefiċjarja ta’ din l-immunità ma kinitx ipparteċipat fil-ksur matul il-perijodu kopert minn dan il-benefiċċju.

202    Għal din ir-raġuni, għandha tiġi miċħuda t-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li l-immunità parzjali ma għandha ebda effett fuq l-għażla tas-sena jew tas-snin ta’ referenza użati sabiex jiġi kkalkolat il-valur ta’ bejgħ rilevanti fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, peress li dan il-valur iservi unikament sabiex tiġi stmata s-setgħa tal-parteċipanti għall-akkordju li jikkawżaw dannu fis-suq.

203    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-motiv preżenti għandu jiġi parzjalment milqugħ, sa fejn il-Kummissjoni ħadet żbaljatament inkunsiderazzjoni x-xahar ta’ Jannar 2006 fil-kalkolu tal-valur ta’ bejgħ tar-rikorrenti għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuqhom.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni żbaljatament irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni tar-rikorrenti bħala ċirkustanza attenwanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa

[omissis]

205    Skont ir-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006, jista’ jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti, li tista’ tagħti lok għal tnaqqis tal-ammont tal-multa, il-fatt li “l-impriża kkonċernata tikkoopera effettivament mal-Kummissjoni, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar il-klemenza [tal-2002] u lil hinn mill-obbligi legali tagħha li tikkoopera”.

206    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tippermettix li impriża tibbenefika minn tnaqqis doppju tal-ammont tal-multa, abbażi tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 u abbażi tal-Linji gwida tal-2006, għall-istess kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

207    Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fir-rigward tal-ksur li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, bħala prinċipju, il-persuna kkonċernata ma tistax validament tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-grad tal-kooperazzjoni tagħha inkwantu ċirkustanza attenwanti, lil hinn mill-kuntest legali tal-imsemmi Avviż (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 586, u tal-14 ta’ Lulju 2011, Arkema France vs Il-Kummissjoni, T‑189/06, Ġabra p. II‑5455, punt 178). Peress li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni tar-rikorrenti, billi naqqset l-ammont tal-multa skont l-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, hija ma tistax b’mod validu tiġi kkritikata talli ma applikatx tnaqqis supplimentari tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Avviż.

208    Minn dan isegwi li l-ġurisprudenza li tgħid li, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, il-Kummissjoni għandha tagħti tnaqqis tal-ammont tal-multa lil impriża abbażi tar-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2011, Arkema France vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 170, u s-sentenza Transcatab vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 330) għandha tiġi interpretata fis-sens li l-eżistenza ta’ tali sitwazzjonijiet tippreżupponi li l-kooperazzjoni tal-impriża kkonċernata, għalkemm tmur lil hinn mill-obbligi legali tagħha ta’ kooperazzjoni, madankollu ma tagħtix lil din l-impriża d-dritt għal tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002.

209    F’din il-kawża, peress li l-Kummissjoni takkuża lir-rikorrenti li pparteċipaw f’akkordju, ma jistax jiġi kkontestat li inkwistjoni hawn ksur li tabilħaqq jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 381).

210    Bl-istess mod, huwa paċifiku li r-rikorrenti bbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-imsemmi Avviż.

211    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis supplimentari, bħala ċirkustanza attenwanti, biss abbażi ta’ kooperazzjoni differenti minn dik li diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 u li tissodisfa r-rekwiżiti imposti għall-applikazzjoni tar-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006.

[omissis]

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-esklużjoni mill-proċedura tal-fornituri Ġappuniżi ta’ LCDs

[omissis]

 Fuq il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat

[omissis]

220    Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ ksur uniku jirreferi għal sitwazzjoni fejn diversi impriżi jkunu pparteċipaw fi ksur li jikkonsisti f’aġir kontinwu fit-tfittxija ta’ għan ekonomiku waħdieni intiż sabiex tiġi distorta l-kompetizzjoni jew f’aġiri li jikkostitwixxu ksur individwali marbuta flimkien mill-istess għan (l-istess finalità tal-elementi kollha) u l-istess suġġetti (l-istess impriżi kkonċernati, li jafu li qed jipparteċipaw fl-għan komuni) (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, T‑446/05, Ġabra p. II‑1255, punt 89, u l-ġurisprudenza ċċitata).

221    Sussegwentement, għandu jiġi osservat li ksur tal-Artikolu 101(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn sensiela ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwat. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li xi att wieħed jew diversi atti minn dik is-sensiela ta’ atti jew minn dak l-aġir kontinwu jkunu jistgħu wkoll jikkostitwixxi minnhom infushom u waħedhom ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fit-totalità tiegħu (ara s-sentenza Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90, u l-ġurisprudenza ċċitata).

222    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, għalkemm din il-ġurisprudenza tippermetti li l-Kummissjoni tinvestiga, permezz ta’ proċedura waħda u ta’ deċiżjoni waħda, fl-istess ħin diversi aġiri li setgħu jiġu investigati individwalment, madankollu din ma għandhiex bħala konsegwenza li tobbliga lill-Kummissjoni taġixxi b’dan il-mod. Għalhekk, bħala prinċipju l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli tinvestiga separatament diversi aġiri li hija setgħet tiġbor flimkien fi ksur uniku u kontinwat. Barra minn hekk, kull wieħed minn dawn l-aġiri jista’ jkun jinvolvi, fi ħdanu, diversi ksur.

223    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-portata tal-proċeduri li hija tibda. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, hija ma tistax tiġi obbligata tikkonstata u tissanzjona kull aġir antikompetittiv u l-qrati tal-Unjoni ma jistgħux — ħlief bil-għan li jingħata tnaqqis tal-ammont tal-multa — jiddeċiedu li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-provi għad-dispożizzjoni tagħha, kellha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur matul perijodu speċifiku fil-konfront ta’ impriża speċifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 369 u 370).

224    L-eżistenza ta’ din is-setgħa hija suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju. Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li huwa biss jekk jista’ jintwera li l-Kummissjoni kienet bdiet, mingħajr raġuni oġġettiva, żewġ proċeduri separati dwar sitwazzjoni fattwali unika lil-għażla tagħha tista’ tiġi kkunsidrata bħala abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Alrosa, C‑441/07 P, Ġabra p. I‑5949, punt 89).

225    F’din il-kawża, il-Kummissjoni kkunsidrat li hija ma kellhiex, jew li kien għad ma kellhiex, provi suffiċjenti fil-konfront tal-fornituri Ġappuniżi u għalhekk għażlet li ma tinvestigahomx fl-istess ħin bħar-rikorrenti u d-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, dan il-fatt jikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tiġġustifika l-għażla tal-Kummissjoni. Huwa ovvju li, fil-kuntest tal-proċedura miftuħa kontra l-fornituri Ġappuniżi, il-Kummissjoni hija obbligata li tirrispetta, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ne bis in idem fir-rigward tar-rikorrenti.

[omissis]

228    F’din il-kawża, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-ksur li l-Kummissjoni allegat fil-konfront tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata jikkonsisti fil-fatt li huma pparteċipaw, minn naħa, għall-“laqgħat kristall”, li matulhom huma kienu jiffissaw prezzijiet minimi għall-LCDs suġġetti għal kartell, kienu jiddiskutu l-estimi tal-prezzijiet sabiex jevitaw li dawn jonqsu u jikkoordinaw iż-żidiet tal-prezzijiet kif ukoll il-livelli ta’ produzzjoni, u, min-naħa l-oħra, għal laqgħat bilaterali relatati mas-suġġetti diskussi matul il-“laqgħat kristall” (ara l-punt 20 iktar ’il fuq).

229    Issa, ir-rikorrenti tammetti li l-fornituri Ġappuniżi ma pparteċipawx għal-“laqgħat kristall” iżda għal-laqgħat oħra li għalihom, madankollu, ma kinux ipparteċipaw id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

230    Anki jekk jitqies li anki l-fornituri Ġappuniżi kienu implementaw, bejniethom jew saħansitra flimkien mad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, akkordju intiż sabiex jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-prezzijiet tal-LCDs, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-istrateġija tagħhom għal dan il-għan tifforma neċessarjament parti mill-istess pjan globali u tuża l-istess metodi bħal dawk użati mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

231    L-assenza ta’ prova ta’ pjan globali u ta’ metodi komuni tikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tippermetti li l-Kummissjoni tinvestiga l-ksur imwettaq mir-rikorrenti mingħajr ma tinkludi fl-istess proċedura l-ksur eventwalment imwettaq mill-fornituri Ġappuniżi.

[omissis]

234    Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument li r-rikorrenti ppruvaw jibbażaw fuq il-fatt li l-Kummissjoni sostniet, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, li kien sabiex tikkonforma ruħha mal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il-Kummissjoni, (T‑474/04, Ġabra p. II‑4225, punti 72 sa 81), li hija ħalliet barra kull riferiment għal fornituri Ġappuniżi fid-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li dawn kienu ssemmew fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għalkemm ma kinux destinatarji tagħha.

235    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mis-sentenza Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, effettivament jirriżulta li, sabiex tosserva, b’mod partikolari, il-preżunzjoni ta’ innoċenza, il-Kummissjoni għandha tevita li tippubblika, fid-deċiżjonijiet tagħha, riferimenti li jistgħu sempliċiment jakkużaw impriża bi ksur, meta d-dispożittiv ta’ dik id-deċiżjoni ma jkunx jikkonċerna lill-imsemmija impriża. Madankollu, il-fatt li, skont il-prinċipji stabbiliti fl-imsemmija sentenza, il-Kummissjoni ma semmietx il-fornituri Ġappuniżi fid-deċiżjoni kkontestata jfisser biss li hija osservat il-preżunzjoni ta’ innoċenza fir-rigward ta’ dawn il-fornituri. Min-naħa l-oħra, il-fatt li dawn il-fornituri ma ssemmewx ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-Kummissjoni adottat pożizzjoni, anki jekk impliċitament, fuq il-parteċipazzjoni tal-fornituri Ġappuniżi fi prattiki antikompetittivi dwar l-LCDs suġġetti għal kartell.

[omissis]

 Fuq l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

[omissis]

238    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma kellha ebda obbligu li tesponi, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom il-fornituri Ġappuniżi ma kinux ġew investigati. Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att ma jinkludix l-obbligu inkombenti fuq dik l-istituzzjoni li tkun l-awtur tiegħu li timmotiva l-fatt li ma tkunx adottat atti oħra simili fir-rigward ta’ terzi persuni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 414, u tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punt 63). Għalhekk, l-argument magħmul mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-allegat ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ne bis in idem

[omissis]

242    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw il-prinċipju ta’ ne bis in idem, peress li r-rikors tagħhom jikkonċerna d-deċiżjoni li ttemm l-ewwel proċedura li l-Kummissjoni fetħet fil-konfront tagħhom minħabba ksur relatat mal-LCDs suġġetti għal kartell. Fil-fatt, dan il-prinċipju jista’ jiġi invokat biss kontra deċiżjoni li ttemm l-eventwali tieni proċedura, li tkun relatata mal-istess ksur. Min-naħa l-oħra, dan il-prinċipju ma jista’ jkollu l-ebda rwol fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, li l-eżistenza tagħha tikkostitwixxi rekwiżit sine qua non sabiex il-prinċipju inkwistjoni jkun jista’ jiġi invokat fir-rigward tat-tieni proċedura.

243    Iċ-ċertezza legali tar-rikorrenti hija ggarantita mill-fatt li kull deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinvestigahom għall-istess ksur bħal dak ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata tkun tmur kontra l-prinċipju ta’ ne bis in idem. L-osservanza ta’ dan il-prinċipju ma hijiex evidentement konċepibbli b’mod preventiv, fil-kuntest tal-preżenti rikors, kontra d-deċiżjoni kkontestata.

244    F’dak li jirrigwarda l-fatt li l-Kummissjoni fetħet proċedura fir-rigward tal-fornituri Ġappuniżi, li fil-kuntest tagħha hija talbet informazzjoni mingħand ir-rikorrenti, dan bl-ebda mod ma jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata jew l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti. Fil-fatt, il-fatt li huma ġew investigati minħabba l-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata ma jeżentax lir-rikorrenti mid-dover tagħhom li jikkooperaw mal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura li tista’ twassal għall-konstatazzjoni ta’ ksur imwettaq minn impriżi oħra jew saħansitra minnhom stess, sakemm il-fatti magħżula mill-Kummissjoni għal dan il-għan ikunu differenti minn dawk li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, fejn huwa speċifikat li din tal-aħħar ma kinitx tikkonċerna l-fornituri Ġappuniżi.

[omissis]

 Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

[omissis]

248    Għandu jiġi osservat li l-karattru proporzjonali ta’ multa għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-ksur (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2005, SNCZ vs Il-Kummissjoni, T‑52/02, Ġabra p. II‑5005, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, ir-riskji, invokati mir-rikorrenti, li jkollha ssostni spejjeż supplimentari insegwitu għal proċedura oħra miftuħa mill-Kummissjoni fir-rigward b’mod partikolari tal-fornituri Ġappuniżi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ċirkustanzi relatati mal-ksur imwettaq mir-rikorrenti, ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata.

[omissis]

 Eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa

252    Minbarra l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jitolbu lil Qorti Ġenerali tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqhom mill-Kummissjoni, billi jibbażaw ruħhom fuq il-fatt li din tal-aħħar wettqet l-iżbalji msemmija fil-motivi eżaminati iktar ’il fuq u, fir-rigward tal-esklużjoni tal-fornituri Ġappuniżi ta’ LCDs mill-proċedura, anki fuq il-possibbiltà li l-ftuħ ta’ proċedura fil-konfront ta’ dawn il-fornituri tikkawża dannu lir-rikorrenti.

253    Mill-eżami tal-motivi tar-rikorrenti jirriżulta li l-uniku żball imwettaq mill-Kummissjoni fl-iffissar tal-multa li hija imponitilhom, huwa dak li ħadet inkunsiderazzjoni x-xahar ta’ Jannar 2006 fil-kalkolu tal-medja tal-valur tal-bejgħ tagħhom (punti 195 sa 203 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, għar-raġunijiet spjegati fil-punt 244 iktar ’il fuq, il-ftuħ min-naħa tal-Kummissjoni ta’ proċedura li tirrigwarda l-fornituri Ġappuniżi ma tistax titqies li kkawżat dannu lir-rikorrenti. F’kull każ, din iċ-ċirkustanza ma affettwatx il-gravità u t-tul tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti.

254    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi eżaminata t-talba tar-rikorrenti fejn il-Qorti Ġenerali tintalab tikkoreġi l-iżball dwar ix-xahar ta’ Jannar 2006 u b’konsegwenza ta’ dan tnaqqas l-ammont tal-multa li l-Kummissjoni imponitilhom.

255    Għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni huwa kkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-qorti tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), skont l-Artikolu 261 TFUE. Din il-ġurisdizzjoni tawtorizza lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tħassar, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa jew tal-pagamenti ta’ penalità imposti.

256    Għalhekk, hija l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li għandha tistħarreġ, meta tadotta d-deċiżjoni tagħha, jekk ir-rikorrenti ngħatawx multa li l-ammont tagħha jirrifletti b’mod korrett il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, T‑343/06, punt 117, u l-ġurisprudenza ċċitata).

257    F’din il-kawża, għandu jiġi osservat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-esklużjoni tax-xahar ta’ Jannar 2006 mill-kalkolu tal-medja tal-valur ta’ bejgħ rilevanti tar-rikorrenti għandha bħala konsegwenza li, bl-applikazzjoni għall-imsemmija medja tal-istess metodu bħal dak segwit fid-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti tammonta għal EUR 210 000 000.

258    Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ elementi oħra li jistgħu jiġġustifikaw reviżjoni ikbar tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata u fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, dan l-ammont għandu jitnaqqas għal EUR 210 000 000.

259    Barra minn hekk, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, it-talbiet l-oħra kollha tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ammont tal-multa imposta in solidum fuq LG Display Co. Ltd u fuq LG Display Taiwan Co. Ltd fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 8761 finali, tat-8 ta’ Diċembru 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ COMP/39.309 – LCD), huwa ffissat għal-EUR 210 000 000.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      LG Display u LG Display Taiwan għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll tliet kwarti tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

4)      Il-Kummissjoni għandha tbati kwart mill-ispejjeż tagħha.

Kanninen

Berardis

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Frar 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 –      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.