Language of document : ECLI:EU:F:2011:129

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

8 taʼ Settembru 2011

Kawża F-89/10

François-Carlos Bovagnet

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance tal-edukazzjoni — Spejjeż skolastiċi — Kunċett”

Suġġett:      Rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu F‑C Bovagnet jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħadlu r-rimbors ta’ parti mill-ispejjeż skolastiċi sostnuti minnu u marbuta mal-parteċipazzjoni fil-fondi ta’ investiment u ta’ amministrazzjoni tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni privat iffrekwentat miż-żewġt itfal tiegħu.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Diċembru 2009 hija annullata sa fejn din tirrifjuta lir-rikorrent ir-rimbors tal-parti tal-ispejjeż skolastiċi sostnuti minnu u marbuta mal-parteċipazzjoni fil-fondi ta’ investiment u ta’ amministrazzjoni tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni privat iffrekwentat miż-żewġt itfal tiegħu. Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrent id-differenza bejn l-ammont tal-allowance tal-edukazzjoni mogħti u l-ammont li jirriżulta mill-kalkolu tal-imsemmija allokazzjoni inklużi l-ispejjeż sostnuti għall-parteċipazzjoni fil-fondi ta’ investiment u ta’ amministrazzjoni tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni privat iffrekwentat miż-żewġt itfal tiegħu, bla ħsara għall-osservanza tal-limitu stabbilit fl-Artikolu 3 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance tal-edukazzjoni — Spejjeż skolastiċi — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 3(1))

2.      Uffiċjali — Rikorsi — Ġurisdizzjoni sħiħa — Tilwim ta’ natura pekunjarja fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

1.      Il-kunċett ta’ “spejjeż vera [skolastiċi]” previst fir-Regolamenti tal-Persunal huwa wieħed awtonomu li l-kontenut tiegħu ma jistax jiddependi fuq denominazzjonijiet eżistenti jew fuq klassifikazzjonijiet magħmula fuq livell nazzjonali, iżda jiddependi fuq in-natura nnifisha u fuq l-elementi li jikkostitwixxu l-ispiża li għandha tiġi rrimborsata.

Skont id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni dwar l-għoti tal-allowance tal-edukazzjoni prevista fl-Artikolu 3 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, adottati mill-Kummissjoni, l-ispejjeż skolastiċi jkopru l-ispejjeż ta’ iskrizzjoni u ta’ frekwentazzjoni ta’ stabbilimenti ta’ tagħlim. Issa, ifformulati b’dan il-mod, l-ispejjeż skolastiċi jkopru kemm l-ispejjeż li jippermettu li student ikollu aċċess għall-istabbiliment ta’ tagħlim (spejjeż ta’ iskrizzjoni) kif ukoll l-ispejjeż li jippermettulu jsegwi l-korsijiet u jipparteċipa b’mod utli fil-programmi ta’ dan l-istess stabbiliment (spejjeż ta’ frekwentazzjoni). Peress li t-tagħlim jista’ jingħata biss fi ħdan infrastrutturi xierqa li jeħtieġu spejjeż ta’ funzjonament, l-ispejjeż marbuta ma dawn l-istrutturi u ma dan il-funzjonament huma spejjeż li jippermettu li student, l-ewwel nett, ikollu aċċess għal skola u, t-tieni nett, li jiffrekwentaha. Tali spejjeż, li jikkorrispondu għall-parteċipazzjoni fil-fondi ta’ investiment u ta’ amministrazzjoni ta’ stabbiliment ta’ edukazzjoni privat, huma għalhekk, minħabba l-għan u l-użu tagħhom, spejjeż skolastiċi li jistgħu jiġu rrimborsati abbażi tal-allowance tal-edukazzjoni sa fejn l-ammont totali ta’ din tal-aħħar ma jaqbiżx il-limitu ta’ kull xahar stabbilit fl-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 22, 23 u 32)

2.      Talba intiża sabiex istituzzjoni tħallas lill-wieħed mill-uffiċjali tagħha somma li dan tal-aħħar iqis li hija dovuta lilu abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal taqa taħt il-kunċett ta’ “tilwim ta’ karattru finanzjarju [pekunjarja]” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li tiddistingwi ruħha mill-kawżi għad-danni mressqa minn membri tal-persunal kontra l-istituzzjoni tagħhom u li jkunu intiżi għall-ksib ta’ danni. Skont l-istess artikolu, f’dan it-tilwim it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu ġurisdizzjoni sħiħa li tpoġġi fuqu l-obbligu li jsolvihom b’mod globali u għalhekk li jiddeċiedi fuq id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-uffiċjal, ħlief biex jirrinvija lill-istituzzjoni inkwistjoni, taħt il-kontroll tiegħu, l-eżekuzzjoni ta’ dik il-parti tas-sentenza skont il-kundizzjonijiet preċiżi li huwa jistabbilixxi. Minn dan isegwi li, f’tilwim ta’ natura pekunjarja, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu ġurisdizzjoni li tippermettilu jikkundanna lill-istituzzjoni konvenuta għall-ħlas ta’ ammonti speċifiċi miżjuda, jekk ikun il-każ, b’interessi moratorji.

(ara l-punt 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 18 ta’ Diċembru 2007, Weiβenfels vs Il‑Parlament, C‑135/06 P, punti 65, 67 u 68

Il-Qorti tal-Prim-Istanza: 23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il‑Kummissjoni, T‑197/98, punti 33 u 92 u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 2 ta’ Lulju 2009, Giannini vs Il‑Kummissjoni, F‑49/08, punti 39 sa 42; 13 ta’ April 2011, Scheefer vs Il‑Parlament, F‑105/09, punt 68