KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WAHL
ippreżentati fit-23 ta’ Frar 2016 (1)
Kawża C‑461/14
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Renju ta’ Spanja
“Nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu — Livell ta’ prova meħtieġ biex jiġi stabbilit ksur — Direttiva 85/337/KEE — Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Ferrovija ta’ veloċità għolja — Natura xierqa tal-evalwazzjoni — Direttiva 2009/147/KE — Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi — Żoni speċjali ta’ konservazzjoni— Direttiva 92/43/KEE — Konservazzjoni ta’ habitats naturali”
1. X’jikkostitwixxi evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq l-ambjent, meqjus li l-proġett evalwat (f’dan il-każ il-kostruzzjoni ta’ linja ta’ ferrovija ta’ veloċità għolja) għandu effett fuq żona ta’ importanza ambjentali partikolari? F’liema ċirkustanzi l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura relatata ma’ tali proġett tikser l-għanijiet ta’ konservazzjoni u ta’ protezzjoni li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent?
2. Mill-bidu nett, jidher li dawn id-domandi fundamentali jsawru l-qofol ta’ din il-kawża mibdija mill-Kummissjoni Ewropea kontra r-Renju ta’ Spanja skont l-Artikolu 258(2) TFUE. Madankollu, minn spezzjoni iktar mill-qrib, din il-kawża hija essenzjalment dwar jekk il-Kummissjoni stabbilitx jew le li kien hemm ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-ambjent rilevanti. Kif ser nuri iktar 'il quddiem, il-Kummissjoni rnexxilha parzjalment biss f’dak ix-xogħol.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-Direttiva EEA
3. L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337/KEE (2) dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (iktar ’il quddiem “id-Direttiva EEA”) jipprovdi:
“Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li aktarx ikollhom effetti sinifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta’ l-effetti tagħhom.
Dawn il-proġetti huma definiti fl-Artikolu 4.”
4. L-Artikolu 3 tad-direttiva jaqra:
“L-istima ta’ l-impatt ambjentali għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u skond l-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti tal-proġett fuq dawn il-fatturi:
– bnedmin, fawna u flora,
– ħamrija, ilma, arja, klima u l-pajsaġġ,
[...]”
5. L-Artikolu 4 tad-Direttiva EEA jipprovdi:
“1. […] proġetti tal-klassijiet elenkati fl-Anness I għandhom ikunu soġġetti għal stima skond Artikoli 5 sa 10.
2. Proġetti tal-klassijiet elenkati fl-Anness II għandhom ikunu soġġetti għal stima, skond l-Artikoli 5 sa 10, fejn Stati Membri jikkunsidraw li l-karateristiċi tagħhom jirrikjedu hekk.
3. Meta jiġi mwettaq eżami każ b’każ jew jiġu stabbiliti l-għetiebi jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji rilevanti tal-għażla ddikjarati fl-Anness III.”
6. L-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337 għandu lista ta’ proġetti suġġetti għall-Artikolu 4(1) tagħha. Il-lista ssemmi inter alia, il-kostruzzjoni ta’ awtostradi, triqat u linji espress għal traffiku tal-ferroviji għal distanzi twal.
7. Fil-punt 2 tal-Anness III tad-Direttiva EEA artijiet mistagħdra u żoni kklassifikati jew protetti skont il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, jew żoni ta’ protezzjoni speċjali indikati mill-Istati Membri huma identifikati, fost oħrajn, bħala kriterji ta’ għażla li għalihom jagħmel riferiment l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva.
B – Id-Direttiva “Għasafar”
8. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/147/KE (3) dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Għasafar’”) jaqra:
“1. Din id-Direttiva hija dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi kollha tal-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat. Din tkopri l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tippreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom.
[…]”
9. L-Artikolu 4 tad-Direttiva “Għasafar” jipprovdi:
“1. L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.
[…]
L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs, partikolarment bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva.
[…]
4. Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali u kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu jkunu sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-iżjed possibbli biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali.
[…]”
10. Fost diversi speċi oħra msemmija fl-Anness I tad-Direttiva, hemm l-Otis tarda (il-Pitarrun).
C – Id-Direttiva “Habitats”
11. L-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43/KEE (4) dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (iktar ’il-quddiem “id-Direttiva “Habitats”) jgħid:
“1. Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa [...]
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll it-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.
[…]”
12. L-Artikolu 7 tad-Direttiva “Habitats” jgħid li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-direttiva jissostitwixxu kull obbligu li jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” dwar iż-żoni kklassifikati skont l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skont l-Artikolu 4(2) tagħha. Dawn l-obbligi huma ssostitwiti mid-data tal-implementazzjoni tad-Direttiva “Habitats” jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew tal-għarfien minn Stat Membru skont id-Direttiva “Għasafar”, meta d-data tal-aħħar tiġi iktar tard.
II – Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża
13. Il-fatti li wasslu għall-kawża jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Il-kawża hija dwar proġett biex tinbena linja ta’ ferrovija ta’ veloċità għolja bejn Sevilla u Almería fi Spanja. Sal-lum, saret evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għal xi xogħlijiet infrastratturali meħtieġa biex titħaddem il-ferrovija ta’ veloċità għolja. L-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kienet sottomessa għal konsultazzjoni pubblika fl-4 ta’ Lulju 2006 u ġiet approvata permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2006 (5). Ix-xogħlijiet marbuta mal-infrastruttura ta’ ferrovija ta’ veloċità għolja bdew fl-4 ta’ Diċembru 2007. Dawn ix-xogħlijiet ġew sospiżi fl‑2009.
14. Il-ferrovija tgħaddi minn sit naturali li fid-29 ta’ Lulju 2008 ġie kklassifikat mill-awtoritajiet Spanjoli bħala żona ta’ protezzjoni speċjali (iktar ’il quddiem “ŻPS”) għall-għasafar. Fi kliem ieħor, il-klassifikazzjoni kienet saret wara l-approvazzjoni tal-proġett u l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent magħmula mill-awtoritajiet Spanjoli. Qabel ma s-sit kien ikklassifikat bħala ŻPS, kien diġà ġie kklassifikat bħala Sit Nru 238 (pjanuri taċ-ċereali ta’ Ecija-Osuna) fl-Inventarju ta’ Żoni Importanti tal-Għasafar (iktar ’il quddiem “ŻIGħ”) fil-Komunità Ewropea mill-1998 lil hawn. Is-sit jilqa’ fih diversi speċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva “Għasafar”, inkluża Otis tarda.
15. F’dan il-kuntest, tressaq ilment mal-Kummissjoni fi Frar 2010 dwar it-taqsimiet “Marchena-Osuna I”, “Marchena-Osuna II” u “Variante de Osuna” tal-linja tal-ferrovija. Wara dak l-ilment, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Gvern Spanjol fis-17 ta’ Ġunju 2011. L-ittra ta’ intimazzjoni kienet tallega li r-Renju ta’ Spanja kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” u l-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats”.
16. Il-Gvern Spanjol wieġeb għall-ittra ta’ intimazzjoni fl-20 ta’ Settembru 2011. Minkejja dik it-tweġiba, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Renju ta’ Spanja fl-20 ta’ Ġunju 2013 li fiha kkontendiet li r-Renju ta’ Spanja kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” u l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”.
17. Fil-21 ta’ Awwissu 2012, il-Gvern Spanjol wieġeb għall-opinjoni motivata.
18. Billi qieset li l-miżuri meħuda mill-Gvern Spanjol baqgħu ma kinux suffiċjenti, il-Kummissjoni żammet mal-evalwazzjoni tagħha u ppreżentat dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet
19. Permezz tar-rikors tagħha l-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiddikjara li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” u l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” mid-data li fiha s-sit kien ġie ddikjarat bħala żona ŻPS;
– tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.
20. Il-Gvern Spanjol jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad it-talba tal-Kummissjoni;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
21. Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi mill-Kummissjoni u mill-Gvern Spanjol. Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ma nżammet ebda seduta.
IV – L-analiżi
A – Fuq l-ammissibbiltà
22. Il-Gvern Spanjol jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors tal-Kummissjoni sa fejn jikkonċerna t-taqsima tal-ferrovija ta’ “Variante de Osuna”. Il-Gvern Spanjol jikkontendi li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ittra ta’ intimazzjoni indirizzata lill-Istat Membru, u sussegwentement l-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni, jiddelimitaw is-suġġett tat-tilwima. Is-suġġett tat-tilwima ma jistax sussegwentement jiġi estiż.
23. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-opinjoni motivata u r-rikors ppreżentati mill-Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti bħal dawk deskritti fl-ittra ta’ intimazzjoni li tat bidu għall-proċedura prekontenzjuża (6).
24. F’din il-kawża l-ittra ta’ avviż formali ssemmi t-taqsimiet ta’ “Marchena-Osuna I”, “Marchena-Osuna II” u “Variante de Osuna”. Madankollu l-fatti li l-Kummissjoni tistrieħ fuqhom biex tistabbilixxi l-ksur allegat huma relatati maż-żewġ taqsimiet tal-ferrovija msemmija l-ewwel.
25. Il-Kummissjoni ma jidhirx li tikkontesta dan il-punt. Fil-fatt, fir-replika tagħha l-Kummissjoni spjegat li l-fatti li abbażi tagħhom hija tqis li ċerti obbligi kienu nkisru speċifikament jirrelataw mat-taqsimiet “Marchena-Osuna I” u “Machena-Osuna II” tal-ferrovija. B’kuntrast, ir-riferiment għat-taqsima “Variente de Osuna” magħmul fir-rikors kien meħtieġ biex titfassal stampa tal-kuntest usa’ tal-proġett.
26. F’dawk iċ-ċirkustanzi dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn jikkonċerna t-taqsima “Variante de Osuna”.
B – L-ewwel ilment: l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA
1. L-argumenti tal-partijiet
27. Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA.
28. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispjega, l-ewwel nett, dak li ma ssostnix. Hija ma ssostnix li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni ma tkoprix il-proġett kollu. Lanqas ma ssostni li l-proġett kien ġie diviż f’taqsimiet biex tiġi evitata l-evalwazzjoni ta’ dawk li jistgħu jkunu effetti kumulattivi fuq l-ambjent.
29. It-tieni nett, il-Kummissjoni tispjega dak li ssostni. Essenzjalment, hija ssostni li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jidentifika, jiddeskrivi u jivvaluta b’mod xieraq l-effetti diretti u indiretti tal-proġett fuq l-ambjent u b’mod partikolari fuq il-fawna avjarja. Fil-qosor, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni ma hijiex suffiċjenti biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA. Dan huwa minħabba li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni ma qisitx b’mod suffiċjenti, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-fatt li l-proġett kien jaqsam żona kklassifikata bħala ŻIGħ. Dik iż-żona kienet sussegwentement ikklassifikata bħala ŻPS ES6180017, “Campiñas de Sevilla”, fl-2008.
30. Bħala korollarju loġiku għall-ksur tal-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju ta’ Spanja naqas ukoll milli jgħarraf lill-pubbliku dwar l-effetti probabbli tal-proġett qabel ma ħa d-deċiżjoni li jinbeda l-proġett.
31. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Spanjol isostni li l-ilment tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.
32. L-ewwel nett, il-Gvern Spanjol jargumenta li huwa ssodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA billi identifika l-fawna affettwata u adotta l-miżuri adegwati biex jillimita kull effett potenzjalment ta’ ħsara fuq l-ambjent.
33. It-tieni nett, il-Gvern Spanjol josserva li klassifikazzjoni ta’ ŻIGħ ma għandhiex effett vinkolanti. Fil-fehma ta’ dan il-Gvern, evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tista’ tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA anki jekk ma ssemmix klassifikazzjoni ŻIGħ.
34. It-tielet nett, il-Gvern Spanjol iqis li l-Kummissjoni naqset milli tispjega għaliex l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni ma hijiex suffiċjenti, u inqas u inqas li tipprova li kien seħħ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi.
2. L-evalwazzjoni
35. Kif semmejt fil-bidu nett, din il-kawża hija dwar jekk il-Kummissjoni rnexxilhiex tistabbilixxi li kien hemm ksur. Sussegwentement, ser nispjega għaliex ma naħsibx li dan huwa l-każ b’rabta mal-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA.
36. Qabel xejn, huwa meħtieġ li jiġi ddefinit b’mod ċar il-proġett relatat mal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni.
37. L-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — li l-Kummissjoni tqis li tmur kontra l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA — jikkonċerna stadju wieħed speċifiku tal-kostruzzjoni tal-linja ta’ ferrovija ta’ veloċità għolja. Il-proġett u, għalhekk, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni, jikkonċerna xogħlijiet ta’ infrastruttura meħtieġa għat-tħaddim ta’ ferrovija ta’ veloċità għolja. Il-proġett jinkludi xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq il-linji u fuq ir-rotta tal-ferrovija, inkluża l-kostruzzjoni ta’ pjattaforma elevata u mwessa’. Iktar xogħlijiet meħtieġa għat-tħaddim tal-ferrovija (fosthom, xogħlijiet tal-elettriku għall-installazzjoni ta’ linji merfugħa ’l fuq) kienu jmorru lil hinn mill-ambitu ta’ dan il-proġett. Kif jirriżulta kemm mill-opinjoni motivata kif ukoll mis-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ma tiddubitax mid-deċiżjoni tal-awtoritajiet Spanjoli li jagħmlu evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent b’rabta biss mat-titjib infrastrutturali (iktar ’il quddiem il-“proġett inkwistjoni”).
38. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma kinitx xierqa. Dan huwa hekk — kif naraha jiena — minħabba li fil-fehma tagħha l-evalwazzjoni naqset milli tqis kif imiss iż-żona ta’ importanza ambjentali partikolari (kif irrikonoxxuta fl-inventarju ŻIGħ u wara fil-proċedura li wasslet għall-klassifikazzjoni ta’ dak iż-żona bħala ŻPS) li hija affettwata mill-proġett inkwistjoni.
39. F’dan l-istadju jkun utli li jitfakkar l-għan ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. L-għan tagħha huwa li jiġu identifikati, deskritti u evalwati b’mod xieraq l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett, mingħajr ma jintesew il-karatteristiċi tal-każ li għandna quddiemna. L-impatt għandu jiġi vvalutat b’rabta ma’, inter alia, il-fawna u l-flora (7). F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva EEA huwa wiesa’ u l-għan tagħha huwa wieħed wiesa’ ħafna (8). Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva EEA. L-għan ta’ din id-direttiva huwa li ssir evalwazzjoni ġenerali tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġetti jew tal-modifika tagħhom (9).
40. Madankollu, dan il-fatt waħdu ma jistax jeħles lill-Kummissjoni mid-dmir tagħha li tistabbilixxi li kien nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fi proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-allegazzjonijiet magħmula. Hija din l-istituzzjoni li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-informazzjoni biex jiġi stabbilit li Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu. Meta tagħmel hekk il-Kummissjoni ma tistax tistrieħ fuq sempliċi preżunzjonijiet (10).
41. Minbarra dikjarazzjonijiet ġenerali dwar evalwazzjoni allegatament mhux xierqa tal-effetti fuq l-ambjent, il-Kummissjoni ma tissustanzjax l-ilment tagħha. Biex nagħti eżempju, ejja nqisu l-argumenti rudimentarji mressqa mill-Kummissjoni.
42. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tispjega li biex titqies kif imiss żona ambjentali importanti, li kien imissha ġiet ikklassifikata bħala ŻPS iżda ma kinitx fiż-żmien rilevanti, ma huwiex biżżejjed li sempliċement jiġu elenkati l-ispeċi li jkun hemm fiż-żona. F’dan ir-rigward, hija ssostni wkoll li l-miżuri identifikati fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent biex jittaffew l-effetti negattivi tal-proġett (b’mod partikolari, fir-rigward ta’ fawna avjarja, il-projbizzjoni li titneħħa l-veġetazzjoni bejn Marzu u Lulju biex jiġi evitat effett negattiv fuq ir-riproduzzjoni) ma’ kinux biżżejjed. Madankollu hija sempliċement tonqos milli tispjega għaliex dan huwa hekk.
43. It-tieni nett, il-Kummissjoni tqajjem ukoll il-kwistjoni tal-fatt illi d-dikjarazzjoni tal-evalwazzjoni fuq l-ambjent ma ssemmix il-laguna Ojuelos, li tagħmel parti miż-żona sussegwentement ikklassifikata bħala ŻPS. Madankollu mid-dokumenti sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-laguna Ojuelos kienet, fil-fatt, imsemmija fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (għalkemm ma ssemmitx fid-dikjarazzjoni (11) dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent). Dan huwa punt li l-Kummissjoni ma tikkontestax. F’dik l-evalwazzjoni kienu deskritti l-karatteristiċi tal-laguna. Sar ukoll riferiment għad-diversi speċi ta’ fawna avjarja li hemm fiż-żona. Hawn ukoll il-Kummissjoni ssostni li l-evalwazzjoni ma kinitx suffiċjenti, iżda ma tispjegax għaliex hija tqis dan huwa hekk.
44. It-tielet nett, huwa ċertament minnu li l-effetti ta’ proġett li jkollu impatt fuq żona msemmija f’inventarju ŻIGħ, u sussegwentement ikklassifikata bħala ŻPS, għandhom jiġu vvalutati b’attenzjoni partikolari. Dan jintwera, kif il-Kummissjoni tinnota, mill-Anness III tad-Direttiva EEA. Dan l-anness isemmi artijiet mistagħdra u ŻPSs bħala kriterji ta’ għażla għal evalwazzjoni ta’ proġetti li għalihom ma hemmx obbligu per se li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. F’dan is-sens huwa ċar li tali żoni huma meqjusa li huma ta’ importanza ambjentali partikolari mil-leġiżlatur tal-Unjoni.
45. Madankollu, il-fatt li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni tonqos milli ssemmi żona ambjentali importanti rrikonoxxuta bħala tali skont inventarju ŻIGħ (jew ŻPS) ma jistax waħdu jammonta għal nuqqas li jiġu identifikati, deskritti u vvalutati b’mod xieraq l-effetti tal-proġetti skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA.
46. Dan huwa hekk għal mill-inqas żewġ raġunijiet.
47. Minn naħa, in-nuqqas li jissemma l-inventarju ŻIGħ (jew ŻPS) ma jfissirx awtomatikament li dan l-inventarju — jew pjuttost żoni u speċi msemmija fih — ma tqisx. Min-naħa l-oħra, kif il-Gvern Spanjol jinnota sewwa, l-inventarju ŻIGħ ma jipproduċix effetti vinkolantii relatati mal-Istati Membri (12).
48. Fir-rigward tal-importanza taż-żona sussegwentement ikklassifikata bħala ŻPS, mid-dokumenti mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li minkejja n-nuqqas ta’ riferiment espliċitu għall-inventarju ŻIGħ, iż-żona kienet deskritta fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent bħala żona b’fawna avjarja partikolari, jiġifieri għasafar steppa. F’dan ir-rigward, Otis tarda kienet speċifikatament identifikata fl-evalwazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ma spjegatx għaliex dik id-deskrizzjoni ma hijiex adegwata. Hija sempliċement illimitat lilha nfisha biex tallega li dak kien hekk. Għall-finijiet li jiġi stabbilit ksur ta’ obbligu skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA, sempliċi allegazzjonijiet f’dan ir-rigward ma jistgħux ikunu biżżejjed.
49. Ir-raba’ nett, kif nifhimha jiena, il-Kummissjoni tinsab partikolarment imħassba bl-effetti tat-tħaddim attwali tal-ferrovija: hija ripetutament argumentat li t-tħaddim tal-ferrovija jista’ jkollu impatt potenzjali kunsiderevoli fuq il-fawna avjarja, partikolarment, għasafar tal-isteppa u għasafar akwatiċi li hemm fis-sit. Din hija r-raġuni għaliex hija tqis li l-evalwazzjoni inkwistjoni ma hijiex suffiċjenti b’rabta ma’ miżuri identifikati biex tiġi evitata kollużjoni (ma’ infrastruttura u ferroviji) u b’mod partikolari, biex għasafar ma jeħdux xokk elettriku. Dwar dan, hemm qbil li fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni ma ġewx identifikati speċifikament miżuri partikolari biex jiġu evitati dawn ir-riskji.
50. Jiena bl-ebda mod ma jiena insensittiv għal dawn l-argumenti. Huwa raġonevoli li t-tħaddim ta’ ferrovija ta’ veloċità għolja ser ikollu impatt kunsiderevoli fuq ŻPS bħal dik inkwistjoni f’dawn il-proċeduri.
51. Madankollu, ma jistax jiġi enfasizzat biżżejjed li l-Kummissjoni espliċitament innotat fl-opinjoni motivata u matul dawn il-proċeduri li l-allegazzjoni tagħha ma hijiex li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni tmur kontra l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA minħabba li ma tkoprix il-proġett kollu. Din l-istituzzjoni ma ssostnix speċifikament — apparti rimarki tardivi f’dak is-sens fir-replika — li ksur tad-Direttiva għandu jirriżulta mill-fatt li l-evalwazzjoni kienet limitata għal titjib infrastrutturali minflok ma kienet tkopri l-proġett kollu, inkluż it-tħaddim attwali tal-ferrovija (13).
52. Kif iddefinit fid-dikjarazzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, il-proġett inkwistjoni jittratta biss dwar it-titjib ta’ infrastruttura ta’ ferrovija. Iktar xogħlijiet ta’ installazzjoni meħtieġa għat-tħaddim sussegwenti tal-ferrovija għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent addizzjonali. F’dan ir-rigward kull argument relatat ma’ xogħlijiet li għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent oħra jew, wara kollox, għat-tħaddim tal-ferrovija, għandu jitqies inammissibbli. Kull konklużjoni oħra tkun qiegħda tippreġudika serjament il-prinċipju ta’ ċertezza legali.
53. Il-ħames u l-aħħar nett, il-partijiet skambjaw fehmiet dwar ir-rilevanza tal-fatt li l-linja tal-ferrovija ta’ veloċità għolja kienet inbniet parallela ma’ linja eżistenti li kienet ilha hemm mid-19-il seklu. Il-Kummissjoni targumenta, milli jidher mingħajr ma kienet kontradetta, li r-rekwiżiti relatati ma’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent huma l-istess, irrispettivament minn jekk il-ferrovija ta’ veloċità għolja kinitx tgħaddi b’mod parallel ma’ oħra, linja ta’ ferrovija ordinarja. Il-Kummissjoni tinnota li l-eżistenza ta’ dawk iż-żewġ linji tal-ferrovija paralleli jista’ jkollha effetti kumulattivi minn diversi aspetti. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dawn l-argumenti għal darba oħra huma sempliċi allegazzjonijiet li ma humiex biżżejjed biex jiġi stabbilit li nkiser xi obbligu. Fi kwalunkwe każ, dawn l-allegazzjonijiet jidher li jikkontradixxu l-fatt li l-Kummissjoni ma sostnitx li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma kinitx suffiċjenti minħabba li ma kinux tqiesu effetti kumulattivi.
54. Meqjus dan ta’ hawn fuq, nikkonkludi li l-ewwel motiv tal-ilment imressaq mill-Kummissjoni dwar ksur tal-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA għandu jiġi miċħud. L-ilment korollarju dwar nuqqas li l-pubbliku jiġi informat b’mod adegwat dwar l-effetti tal-proġett għandu, għalhekk, jiġi miċħud ukoll.
55. Fil-fatt, irrispettivament minn x’jiġri mill-ewwel motiv tal-ilment, ma nara ebda raġuni valida għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tittratta l-ilment addizzjonali magħmul mill-Kummissjoni ibbażat fuq id-Direttiva EEA. Il-Kummissjoni ma indikat ebda bażi ġuridika għal dak l-ilment. Apparti minn osservazzjoni aċċidentali f’dan is-sens, ma elaboratx l-argument tagħha dwar dan il-punt.
C – It-tieni lment: l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”
1. L-argumenti tal-partijiet
56. Il-Kummissjoni tikkontendi li meta awtorizza l-kostruzzjoni ta’ linja tal-ferrovija ta’ veloċità għolja f’żona msemmija fl-inventarju ŻIGħ — qabel ma dik iż-żona kienet ikklassifikata bħala ŻPS — ir-Renju ta’ Spanja naqas ukoll milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”.
57. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni kien jeħtieġ isirulhom bidliet sustanzjali fil-karatteristiċi ambjentali taż-żona, bħat-tneħħija ta’ ammont kbir ta’ terrapien, il-kostruzzjoni ta’ barriera doppja ta’ sigurtà u pjattaforma elevata tul 16-il kilometru (14). Dawn il-bidliet aktarx li joħolqu limitazzjonijiet sinjifikattivi għall-aċċess tal-għasafar għall-oqsma fejn jitrabbew, jistrieħu u jieklu. Barra dan, il-Kummissjoni tissottometti li n-nuqqas tar-Renju ta’ Spanja li jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA wassal għal identifikazzjoni mhux xierqa tar-riskju li jista’ jkun hemm miġjuba mill-proġett.
58. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Spanjol jargumenta li, għall-konformità mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” ma huwiex meħtieġ li jiġu segwiti l-proċeduri stabbiliti f’dik id-Direttiva dwar ŻPS. Fil-fehma ta’ dan il-Gvern ikun biżżejjed li jiġu adottati miżuri li jkollhom l-għan li jippreservaw u jipproteġu l-imsemmija żona qabel il-klassifikazzjoni tagħha. F’dan il-każ, il-Gvern Spanjol jissottometti li huwa ħa b’mod adegwat tali miżuri billi llimita x-xogħol ta’ kostruzzjoni matul l-istaġuni riproduttivi tal-għasafar u installa tagħmir ta’ kontra l-kolliżjonijiet u bena mogħdijiet għal mixi tul il-linja tal-ferrovija.
2. L-evalwazzjoni
59. L-allegazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar in-natura mhux xierqa tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jinfirxu mar-raġunament kollu ta’ din l-istituzzjoni. Dan huwa wkoll b’rabta mal-punt ewlieni tal-ilment. Meqjusa l-partikolaritajiet ta’ dan il-każ, wieħed jista’ żbaljatament jasal biex jaħseb li teżisti korrelazzjoni inevitabbli bejn konstatazzjoni ta’ ksur taħt id-Direttiva EEA u konstatazzjoni simili skont id-Direttiva tal-Għasafar (u l-Habitats) (jew fin-nuqqas tagħhom). Fil-fehma tiegħi dan ma huwiex hekk. Dawn il-kwistjonijiet evidentement ma għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin. Sempliċement għaliex ma ġiex stabbilit ksur ta’ obbligi skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA ma jfissirx li awtomatikament ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” (u l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”), jew viċiversa. Dan huwa għaliex l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA huma essenzjalment proċedurali fin-natura tagħhom. Dawk li joħorġu mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” (u mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”) huma, b’kuntrast, fil-mertu.
60. Għalhekk, irrispettivament mill-konklużjoni milħuqa dwar l-ewwel ilment, il-fondatezza tat-tieni (u tat-tielet) ilment għandha tiġi eżaminata separatament.
61. Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”, ċerti elementi tal-ġurisprudenza huma ta’ rilevanza partikolari.
62. L-iktar importanti għall-finijiet ta’ din il-kawża, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(4) japplikaw ukoll għal żoni li misshom kienu kklassifikati bħala ŻPS iżda, bħal “Campiñas de Sevilla”, ma kinux. Fil-fatt, dawk l-obbligi jibqgħu effettivi sakemm iż-żona tiġi kklassifikata bħala ŻPS (15).
63. F’kawżi ppreżentati mill-Kummissjoni — meta jkun ġie kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi — il-Qorti tal-Ġustizzja tkun ġiet mogħtija provi tad-deterjorazzjoni attwali tal-habitats tal-għasafar (16), deterjorazzjoni gravi tal-għadd ta’ għasafar u l-qerda attwali ta’ żoni ta’ importanza ambjentali partikolari (17).
64. Ta’ sinjifikat partikolari għall-finijiet ta’ din il-kawża huwa wkoll li l-ġurisprudenza tindika li l-Istati Membri ma jistgħux jibdlu jew inaqqsu d-daqs ġeografiku ta’ ŻPS. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kostruzzjoni ta’ triq ġdida kienet tinvolvi tnaqqis ta’ ŻPS, kuntrarju għall-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”. It-tnaqqis taż-żona kien aggravat bil-kostruzzjoni ta’ binjiet ġodda u tfixkil maħluq mix-xogħlijiet tat-triq (18).
65. Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni ssostni li żgur kienet ser isseħħ deterjorazzjoni u tfixkil sinjifikattiv bħala konsegwenza ta’ tibdiliet sustanzjali fil-karatteristiċi ambjentali taż-żona. Hija tesprimi wkoll tħassib b’rabta mar-riskji ta’ xokk elettriku u kolliżjoni fi stadji ta’ wara tal-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-ferrovija.
66. Ma għandix dubju li l-kostruzzjoni ta’ ferrovija ta’ veloċità għolja tul żona li tilqa’ fiha diversi speċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva “Għasafar” tammonta għal deterjorazzjoni tal-karatteristiċi ambjentali taż-żona u tfixkil għall-ispeċi li teħtieġ protezzjoni speċjali. Tabilħaqq, ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni (li kienu awtorizzati s’issa) iġibu l-ħtieġa, kif iġib kull proġett kbir ta’ kostruzzjoni ta’ linja tal-ferrovija, tat-tneħħija ta’ terrapien, il-bini ta’ linji u ta’ pjattaforma elevata, kif ukoll firxa ta’ tipi oħra ta’ intervent fil-morfoloġija taż-żona. Dan tixhdu l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent inkwistjoni.
67. B’kuntrast, l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni dwar xokk elettriku u kolliżjoni għandhom jitqiesu bħala inammissibbli.
68. Din l-inammissibbiltà tirriżulta minn pekuljaretà ta’ dan il-każ. Kuntrarjament għal dak li wieħed jassumi ġeneralment li jkun il-każ, ma hemmx indikazzjoni li l-proġett ser jitlesta. Skont il-partijiet, dan twaqqaf mill-2009 minħabba nuqqas ta’ finanzi. Barra minn hekk, kull xogħol ieħor biex titlesta l-infrastruttura jġib il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni ulterjuri tal-effetti fuq l-ambjent (u, għalhekk, awtorizzazzjoni).
69. Bla ebda dubju, huwa minnu li l-effettività tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” tkun ippreġudikata serjament jekk ksur iseħħ biss meta attwalment issir ħsara u mhux fil-mument ta’ azzjoni Statali li tippermetti ssir ħsara għall-ġejjieni (19). Madankollu, f’din il-kawża, il-proġett awtorizzat mill-awtoritajiet Spanjoli jikkonċerna, kif innotat, it-titjib tal-infrastruttura, inklużi l-kostruzzjoni u l-estensjoni ta’ pjattaforma elevata. Ma jikkonċernax xogħlijiet ulterjuri ta’ installazzjoni meħtieġa għat-tħaddim tal-ferrovija. Filwaqt li wieħed jiftakar f’dan, ir-riskju ta’ xokk elettriku u kolliżjoni huma relatati ma’ effetti ipotetiċi li jseħħu biss jekk tingħata awtorizzazzjoni għall-fażi li jmiss tal-proġett wara evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent addizzjonali.
70. Id-domanda tibqa’, madankollu, jekk jistax jiġi stabbilit li r-Renju ta’ Spanja ma ħax il-passi xierqa biex tiġi evitata d-deterjorazzjoni ta’ habitats jew tfixkil li jkun sinjifikattiv meqjusa l-għanijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva “Għasafar”.
71. Il-Gvern Spanjol jisħaq li l-għadd ta’ għasafar attwalment żdied matul u wara l-perijodu ta’ kostruzzjoni.
72. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li obbligi ta’ protezzjoni u konservazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” jibdew jeżistu qabel ma jkun hemm xi tnaqqis fl-għadd rilevanti ta’ għasafar (20). Bl-istess mod, prova ta’ żieda fl-għadd ta’ għasafar affettwati ma tfissirx neċessarjament li l-Istat Membru jkun wettaq l-obbligi tiegħu. Tabilħaqq, l-Artikolu 4 tad-Direttiva “Għasafar” jeżiġi li Stat Membru jippreserva, iżomm u jistabbilixxi mill-ġdid habitats bħala tali, minħabba l-valur ekoloġiku tagħhom.
73. Għasafar migratorji huma każ tipiku. Fil-fatt huma jifformaw il-maġġoranza tal-għasafar selvaġġi fit-territorju tal-Unjoni (21). Għal tali speċi, inkluża l-Otis tarda li hija parzjalment migratorja (is-suġġett ewlieni tad-dibattitu bejn il-partijiet), l-għadd ta’ għasafar ma jistax ikun kruċjali għall-evalwazzjoni. Dan huwa għaliex il-protezzjoni ta’ habitats, li fihom wieħed isib għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva, tiżgura li l-għadd ta’ għasafar li jibqa’ fi jew ikun sejjer f’żona partikolari jkun jista’ jsib kenn fl-Unjoni Ewropea.
74. Meqjusa f’dan id-dawl, iż-żieda li jista’ jkun hemm fl-għadd ta’ għasafar fiż-żona affettwata hija irrilevanti għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk Stat Membru jkunx wettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”.
75. Irrispettivament minn jekk il-kostruzzjoni tal-ferrovija ta’ veloċità għolja titkompliex fil-ġejjieni, jibqa’ l-fatt li minbarra t-tfixkil ikkawżat mix-xogħlijiet infushom, pjattaforma elevata issa taqsam it-tul kollu taż-ŻPS inkwistjoni. Wieħed jista’ jassumi kważi b’ċertezza li dan jibdel b’mod sinjifikattiv il-karatteristiċi tal-habitat inkwistjoni, u jagħmlu inqas adatt għal speċi mdorrija f’pajsaġġi steppa (22).
76. Fid-difiża tiegħu, il-Gvern Spanjol għamel riferiment għal diversi miżuri li ħa biex joħloq bilanċ max-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Dawn jinkludu l-limitazzjoni ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni matul l-istaġuni riproduttivi tal-għasafar u l-installazzjoni ta’ tagħmir ta’ kontra l-kolliżjoni, kif ukoll il-bini ta’ mogħdijiet għall-mixi tul il-linja tal-ferrovija.
77. Ma hemmx dubju li l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri biex inaqqsu l-ħsara, li, f’ċerti ċirkustanzi, jillimitaw id-deterjorazzjoni (jew anki jeskluduha). Madankollu, f’dan il-każ partikolari, il-miżuri li għalihom jagħmel riferiment il-Gvern Spanjol, kif naraha jiena, b’ebda mod ma jibdlu l-problema bażika: li pjattaforma elevata ta’ ferrovija llum taqsam minn naħa għal oħra habitat importanti għal speċi mdorrija f’pajsaġġi steppa. Ċertament dawn il-miżuri jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex l-ispeċi ta’ għasafar affettwata ma tgħibx. Madankollu, dawn il-miżuri bl-ebda mod ma jtaffu t-tnaqqis u l-qsim f’biċċiet taż-żona inkwistjoni.
78. Għal dawn ir-raġunijiet, nikkonkludi li t-tieni lment imressaq mill-Kummissjoni, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” għandu jiġi milqugħ.
D – It-tielet ilment: l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”
1. L-argumenti tal-partijiet
79. Il-Kummissjoni ssostni li minħabba li s-sit ta’ “Campiñas de Sevilla” kien ikklassifikat bħala ŻPS, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”. Essenzjalment, l-argumenti mressqa huma l-istess bħal dawk tat-tieni motiv tal-ilment.
80. Il-Gvern Spanjol isostni li minn Lulju 2008 lil hawn, huwa kien konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”. Fil-fehma tiegħu l-Kummissjoni naqset milli turi, minn Lulju 2008 lil hawn, xi tfixkil attwali għall-għasafar jew xi deterjorazzjoni fil-protezzjoni tagħhom. Il-Gvern Spanjol iqis li r-riskji li sar riferiment għalihom mill-Kummissjoni huma dwar “it-tieni proġett” (jiġifieri iktar xogħlijiet u l-bidu tas-servizz tal-ferrovija ta’ veloċità għolja). F’kull każ dawk ir-riskji kienu tqiesu b’mod adegwat fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġett inkwistjoni.
2. L-evalwazzjoni
81. “Campiñas de Sevilla”, is-sit inkwistjoni f’din il-kawża, kien ikklassifikat bħala ŻPS fid-29 ta’ Lulju 2008. L-Artikolu 7 tad-Direttiva “Habitats” jipprovdi li l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” għandu jiġi ssostitwit mill-obbligi li jirriżultaw, fost l-oħrajn, mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” mid-data tal-klassifikazzjoni ta’ ŻPS minn Stat Membru skont id-Direttiva “Għasafar” (23).
82. Filwaqt li l-kliem tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” jidher iktar strett minn dak tad-dispożizzjoni korrispondenti tad-Direttiva “Habitats”, jidher li huwa diffiċli li jiġi kkunsidrat li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ manuvra ikbar sabiex jintervjenu f’ŻPSs ġaladarba żona partikolari tkun ġiet ikklassifikata bħala tali (24). B’mod iktar preċiż, ikun imur kontra l-għanijiet ta’ konservazzjoni li huma l-bażi tad-Direttiva “Habitats” — li huma simili għal dawk tad-Direttiva “Għasafar” — li jitħalla jkun hemm iktar tfixkil mifrux ġaladarba tkun fil-fatt seħħet il-klassifikazzjoni.
83. Dan huwa għaliex l-analiżi tiegħi iktar ’il fuq dwar il-ksur tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” għandha tapplika bl-istess qawwa għad-Direttiva “Habitats”. Ikun biżżejjed, għalhekk, li sempliċement inżid dan li ġej.
84. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tindika li attività titqies kompatibbli mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” sakemm dik l-attività ma toħloqx xi tfixkil li x’aktarx jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għanijiet ta’ dik id-direttiva, partikolarment l-għanijiet tagħha ta’ konservazzjoni (25). F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat livell relattivament baxx ta’ prova f’dak li għandu x’jaqsam ma’ deterjorazzjoni u tfixkil. B’mod iktar speċifiku, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li jkun hemm probabbiltà jew riskju ta’ tfixkil sinjifikattiv (26).
85. Kif spjegajt iktar ’il fuq, effett sinjifikattiv fuq l-ambjent — l-iktar fuq il-habitat tal-għadd ta’ għasafar li hemm fiż-żona inkwistjoni — jidher probabbli, jekk ma huwiex ċert, sempliċement minħabba li pjattaforma elevata tibdel u taqsam f’biċċiet żona kklassifikata bħala ŻPS. Madankollu, għall-finijiet li jiġi stabbilit ksur skont id-Direttiva “Habitats”, il-fatt li jkun hemm b’mod statiku pjattaforma ta’ ferrovija fil-konfini taż-ŻPS fiż-żmien rilevanti, jiġifieri mid-29 ta’ Lulju 2008, ma huwiex biżżejjed biex jiġi stabbilit ksur tal-l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni teżiġi li sseħħ xi għamla ta’ deterjorazzjoni jew tfixkil attivi u/jew passivi biex din tkun tapplika. Xorta oħra, il-fatt li seta’ kien hemm qabel xi installazzjoni fiż-żona sussegwentement ikklassifikata bħala ŻPS seta’ jwassal għal ksur ta’ obbligi skont dik id-dispożizzjoni.
86. F’dan il-każ, madankollu, huwa ċar mis-sottomissjonijiet tal-partijiet li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni relatati mal-proġett inkwistjoni tkomplew (u kienu fl-aqwa tagħhom) fil-perijodu rilevanti. Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni twaqqfu biss fl‑2009. Fin-nuqqas ta’ xi sottomissjoni fis-sens li x-xogħlijiet li kienu twettqu wara d-29 ta’ Lulju 2008 kienu titjib żgħir fi struttura diġà mibnija jew li kienu jikkonċernaw parti żgħira tal-linja tal-ferrovija fiż-ŻPS, ikolli naqbel mal-Kummissjoni.
87. Fir-rigward ta’ riskji relatati ma’ xogħlijiet fil-ġejjieni u t-tħaddim tal-ferrovija, il-Gvern Spanjol jargumenta li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” ma jeżiġix li jittieħdu b’mod immedjat miżuri korrettivi jew preventivi għal riskji li jistgħu jseħħu (jew jistgħu ma jseħħux) fil-ġejjieni. Naqbel. Dwar din il-kwistjoni nagħmel riferiment għall-osservazzjonijiet tiegħi fil-punt 69 iktar ’il fuq.
88. Għalhekk, naqbel mal-Kummissjoni li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, mid-data li fiha ż-żona inkwistjoni kienet ġiet ikklassifikata bħala ŻPS.
V – Spejjeż
89. Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, meta kull parti tirbaħ fuq xi wħud mit-talbiet u titlef fuq oħrajn, il-partijiet għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Billi l-Kummissjoni rebħet parzjalment fil-kawża tagħha, il-partijiet għandhom jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
VI – Konklużjoni
90. Meqjus dan ta’ hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
– tiddikjara, fir-rigward tat-taqsimiet “Marchena-Osuna I” u “Machena-Osuna II” tal-proġett tal-ferrovija kkontestat, li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi sad-data li fiha s-sit naturali affettwat mill-proġett ġie kklassifikat bħala żona ta’ protezzjoni speċjali, u skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43/KEE tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa sa mid-data li fiha s-sit naturali affettwat mill-proġett ġie kklassifikat bħala żona ta’ protezzjoni speċjali,
– tiċħad il-kumplament tar-rikors, u
– tikkundanna lill-partijiet ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.