Language of document : ECLI:EU:C:2021:822

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fis‑6 ta’ Ottubru 2021 (1)

Kawża C245/20

X,

Z

vs

Autoriteit Persoonsgegevens

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Midden-Nederland (il-Qorti Distrettwali ta’ Midden-Nederland, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Kompetenza tal-awtorità superviżorja – Attivitajiet ta’ pproċessar imwettqa mill-qrati fl-eżerċizzju tal-kapaċità ġudizzjarja tagħhom – Żvelar ta’ atti proċedurali lil ġurnalist”






I.      Introduzzjoni

1.        “Il-pubbliċità hija l-vera ruħ tal-ġustizzja. Hija l-aqwa inċentiv għall-azzjoni, u l-aqwa protezzjoni kontra dak li ma huwiex xieraq. […] Huwa permezz tal-pubbliċità biss li l-ġustizzja ssir l-omm tas-sigurtà. Permezz tal-pubbliċità, it-tempju tal-ġustizzja jiġi mibdul fi skola tal-aqwa klassi, fejn jiġu eżegwiti l-iktar fergħat importanti tal-moralità […]” (2) [traduzzjoni libera].

2.        Minkejja li nkitbu fil-bidu tas-seklu 19 (3), il-kliem ta’ Jeremy Bentham ma tilfu xejn mill-qawwa tagħhom. Ċertament, il-kuntest dak iż-żmien kien differenti ħafna. L-aċċess miftuħ għall-ġustizzja u l-pubbliċità tagħha kellhom jiġu ġġustifikati mhux biss fir-rigward ta’ ċerti monarki illuminati (iktar ta’ sikwit, fir-rigward ta’ monarki assolutisti mhux illuminati ħafna), iżda anki, jew pjuttost b’mod partikolari, fir-rigward ta’ ċerta viżjoni medjevali stramba, iżda xorta persistenti, dwar in-natura tad-dritt u l-proċedura ġudizzjarja (4).

3.        Ma hemm ebda informazzjoni espliċita dwar tempji tal-ġustizzja li ġew ikkonvertiti fi skejjel fil-proċedura prinċipali. Madankollu xorta waħda jidher li, fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-prinċipju tal-aċċess miftuħ għall-ġustizzja rriżulta fil-possibbiltà li l-istampa jkollha taċċessa, fid-data ta’ seduta, għal ċerti atti proċedurali fil-kawżi skedati quddiem il-qorti għal dik il-ġurnata. L-għan ta’ dan l-aċċess huwa li l-ġurnalisti jiġu assistiti sabiex jirrapportaw aħjar dwar kawża li tkun qiegħda tinstema’ (5).

4.        Ir-rikorrenti f’din il-kawża huma persuni fiżiċi li għandhom problema b’din il-politika. Huma jsostnu li ma tawx il-kunsens tagħhom għall-iżvelar lil ġurnalist ta’ atti proċedurali partikolari relatati mal-kawża tagħhom, mismugħa quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi). Ir-rikorrenti sostnew li kien hemm ksur tad-diversi drittijiet u obbligi skont ir-Regolament (UE) 2016/679 (iktar ’il-quddiem ir-“RĠPD”) (6) quddiem l-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni. Madankollu, l-awtorità superviżorja konvenuta ma kkunsidratx ruħha kompetenti sabiex tevalwa dan l-ilment. Fil-fehma tagħha, l-ipproċessar inkwistjoni seħħ fil-“kapaċità ġudizzjarja” tal-qrati nazzjonali, skont l-Artikolu 55(3) tar-RĠPD.

5.        Huwa f’dan il-kuntest li r-Rechtbank Midden-Nederland (il-Qorti Distrettwali ta’ Midden-Nederland, il-Pajjiżi l-Baxxi) qiegħda tfittex gwida primarjament dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-iżvelar lill-istampa ta’ ċerti atti proċedurali għall-għanijiet ta’ rappurtaġġ aħjar tal-istampa dwar kawża li tkun qiegħda tinstema’ bil-miftuħ jikkostitwixxix attività tal-“qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom”, fis-sens tal-Artikolu 55(3) tar-RĠPD.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

6.        Il-premessa 20 tar-RĠPD tistabbilixxi:

“Filwaqt li dan ir-Regolament japplika, inter alia, għall-attivitajiet tal-qrati u awtoritajiet ġudizzjarji oħrajn, il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru tista’ tispeċifika l-attivitajiet ta’ pproċessar u l-proċeduri ta’ pproċessar b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali minn qrati u awtoritajiet ġudizzjarji oħrajn. Il-kompetenza tal-awtoritajiet superviżorji ma għandhiex tkopri l-ipproċessar ta’ data personali meta l-qrati jkunu qegħdin jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza tal-ġudikatura fit-twettiq tal-kompiti ġudizzjarji tagħha, inkluż it-teħid ta’ deċiżjonijiet. Is-superviżjoni ta’ tali attivitajiet tal-ipproċessar tad-data għandha tkun tista’ tiġi fdata lil entitajiet speċifiċi fi ħdan is-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru, li għandhom b’mod partikolari jiżguraw il-konformità mar-regoli ta’ dan ir-Regolament, iżidu l-għarfien fost il-membri tal-ġudikatura dwar l-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament u jittrattaw l-ilmenti b’rabta ma’ tali operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data.”

7.        Skont l-Artikolu 2(1) tal-istess regolament:

“Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.”

8.        Il-kunċett ta’ “pproċessar” huwa stabbilit fl-Artikolu 4(2) tar-RĠPD bħala:

“[…] kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda”.

9.        L-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jaqra, fil-parti rilevanti, kif ġej:

“1.      L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

[…]

(e)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

(f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.      L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ pproċessar għal konformità mal-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 billi jiddeterminaw b’mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar u miżuri oħrajn biex jiġi żgurat ipproċessar legali u ġust inkluż għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX.

3.      Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

(a) il-liġi tal-Unjoni, jew

(b) il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.”

10.      Skont l-Artikolu 51(1) tar-RĠPD:

“Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi b’rabta mal-ipproċessar u biex jiġi ffaċilitat il-fluss liberu ta’ data personali fl-Unjoni (‘awtorità superviżorja’).”

11.      Madankollu, skont l-Artikolu 55(3) tiegħu, “[l]-awtoritajiet superviżorji ma għandhomx ikunu kompetenti li jissorveljaw l-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom”.

B.      Iddritt nazzjonali

12.      L-Uitvoeringswet AVG tas‑16 ta’ Mejju 2016 (iktar ’il quddiem l-“UAVG”) timplimenta r-RĠPD fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-Artikolu 6 tagħha jimponi fuq il-konvenuta l-obbligu li tissorvelja l-konformità tar-RĠPD fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-UAVG ma tirriproduċix l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 55(3) tar-RĠPD.

13.      Fil‑31 ta’ Mejju 2018, il-president tal-Afdeling bestuursrechtspraak van de Raad van State (it-Taqsima tal-Kontenzjuż Amministrattiv tal-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), l-amministrazzjonijiet ġudizzjarji tas-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi), u l-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi) adottaw regolament dwar l-ipproċessar ta’ data personali fil-qrati amministrattivi. Dan ir-regolament stabbilixxa l-kulleġġi tal-AVG-commissie bestuursrechtelijke (il-Kummissjoni tar-RĠPD għat-Tribunali tad-Dritt Amministrattiv) (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni tar-RĠPD”). Din il-kummissjoni hija responsabbli għall-konsulenza lir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), l-amministrazzjonijiet ġudizzjarji tas-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku), u l-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku) dwar il-ġestjoni ta’ lmenti relatati mar-rispett tad-drittijiet żgurati mir-RĠPD.

III. Ilfatti, ilproċedura nazzjonali u ddomandi preliminari

14.      Fit‑30 ta’ Ottubru 2018, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) sema’ tilwima tad-dritt amministrattiv bejn Z (iktar ’il quddiem “Ċittadin Z”) u s-Sindku ta’ Utrecht (iktar ’il quddiem “Sindku M”). Għall-għanijiet ta’ din it-tilwima, X (iktar ’il quddiem “Avukat X”) aġixxa bħala r-rappreżentant ta’ Ċittadin Z (iktar ’il quddiem, kollettivament, ir-“rikorrenti”) (7).

15.      Wara din is-seduta, u fil-preżenza ta’ Avukat X, Ċittadin Z ġie avviċinat minn persuna li introduċiet ruħha bħala ġurnalista (iktar ’il quddiem “Ġurnalist J”). Dan il-ġurnalist kellu f’idejh diversi atti proċedurali mill-proċess. Meta ġie mistoqsi dwar dawn id-dokumenti, Ġurnalist J iddikjara li huwa ngħata aċċess għal dawn id-dokumenti permezz tad-dritt ta’ aċċess għall-proċess mogħti lill-ġurnalisti mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat).

16.      Fl-istess ġurnata, Avukat X kiteb lill-President tal-Afdeling bestuursrechtspraak van de Raad van State (it-Taqsima tal-Kontenzjuż Amministrattiv tal-Kunsill tal-Istat) (iktar ’il quddiem “President P”) sabiex jikkonferma jekk ingħatax aċċess għall-proċess – u jekk iva, minn min – u jekk sarux kopji bl-għarfien jew bl-approvazzjoni tal-persunal tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat).

17.      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Novembru 2018, President P wieġeb li, xi drabi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) jipprovdi lill-ġurnalisti b’informazzjoni relatata ma’ seduti. Huwa jagħmel dan, inter alia, billi jagħmel din l-informazzjoni disponibbli għal spezzjoni mill-ġurnalisti li jkunu fil-bini dik il-ġurnata sabiex jirrapportaw dwar seduta partikolari. Din l-informazzjoni tinkludi kopja tal-avviż tal-appell (jew appell superjuri), ir-risposta, u, fil-każ ta’ appell superjuri, id-deċiżjoni tar-rechtbank (il-Qorti Distrettwali, il-Pajjiżi l-Baxxi). Dawn il-kopji huma disponibbli biss għal spezzjoni fil-ġurnata tas-seduta stess, li jfisser li l-informazzjoni ma tintbagħatx lill-istampa, u lanqas ma tiġi kondiviża magħha, bil-quddiem. Id-dokumenti rilevanti ma jistgħux iħallu l-bini tal-qorti rispettiva, lanqas ma jistgħu jittieħdu d-dar. Fit-tmiem tal-ġurnata tas-seduta, l-impjegati tad-dipartiment tal-komunikazzjoni tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) jeqirdu l-kopji.

18.      Ċittadin Z u Avukat X bagħtu talbiet għal eżekuzzjoni lill-Autoriteit Persoonsgegevens (l-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data, il-Pajjiżi l-Baxxi). L-awtorità kkonstatat li ma hijiex kompetenti u għaddiet dawn it-talbiet lill-Kummissjoni tar-RĠPD.

19.      Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-politika ta’ aċċess għall-ġurnalisti adottata mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) tfisser li terzi, li ma humiex parti fil-proċeduri, għandhom aċċess għal ċerta data personali tal-partijiet fil-proċeduri tal-qorti kif ukoll ir-rappreżentant(i) awtorizzat(i) tagħhom, jekk ikun hemm. Dawn l-atti proċedurali jistgħu jinkludu data personali li tirriżulta, pereżempju, milll-letterhead ta’ rappreżentant awtorizzat li tista’ twassal għal identifikazzjoni. Dawn jistgħu jinkludu wkoll forma waħda jew iktar ta’ data personali (speċifika) tal-appellant u/jew oħrajn, bħal informazzjoni relatata mar-rekords kriminali, informazzjoni kummerċjali jew informazzjoni medika.

20.      F’din il-kawża, l-iżvelar tal-atti proċedurali inkwistjoni fisser li l-Ġurnalist J ingħata aċċess għar-rikors tal-appell, id-difiża, u d-deċiżjoni tal-qorti inferjuri. Għalhekk, huwa kellu aċċess għal ċerta data personali tar-rikorrenti fil-proċedura prinċipali, b’mod partikolari l-isem u l-indirizz ta’ Avukat X u n-“numru tas-servizz taċ-ċittadin” ta’ Ċittadin Z.

21.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dan l-aċċess għal atti proċedurali u l-provvista (temporanja) ta’ kopji ta’ dawn id-dokumenti jikkostitwixxu “ipproċessar” ta’ data personali fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-RĠPD. Hija tinnota li tali pproċessar seħħ mingħajr il-kunsens tar-rikorrenti. Madankollu, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data kinitx fil-fatt kapaċi tikkonkludi li ma kinitx kompetenti li tirrevedi d-deċiżjoni tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) li jingħata aċċess għall-atti proċedurali inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tinterpreta l-kunċett ta’ “qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom”, kif stabbilit fl-Artikolu 55(3) tar-RĠPD.

22.      B’dubji dwar jekk ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) aġixxiex fi ħdan il-“kapaċità ġudizzjarja” tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 55(3) tar-RĠPD, meta żvela dokumenti mill-proċess tat-tilwima bejn Ċittadin Z u Sindku M lill-Ġurnalist J bl-għan li dan tal-aħħar ikun jista’ jirrapporta aħjar dwar is-seduta f’din il-kawża, ir-Rechtbank Midden-Nederland (il-Qorti Distrettwali ta’ Midden-Nederland) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1) L-Artikolu 55(3) [tar-RĠPD] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-‘attivitajiet ta’ pproċessar ta’ qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom’ jistgħu jinkludu l-aċċess mogħti minn qorti għal annessi tal-proċess li jkun fihom data personali, meta dan l-aċċess jingħata billi kopji ta’ dawn l-annessi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ ġurnalist, bħal fil-każ deskritt f’din id-deċiżjoni tar-rinviju?

(1a) Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa rilevanti jekk l-eżerċizzju ta’ superviżjoni mill-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni fuq din il-forma ta’ pproċessar ta’ data jkunx jaffettwa l-indipendenza fit-teħid ta’ deċiżjoni tal-qorti f’kawżi speċifiċi?

(1b) Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa rilevanti li l-ipproċessar ikollu, skont il-qorti, in-natura u l-għan li jinforma lil ġurnalist sabiex dan jitqiegħed f’pożizzjoni li jirrapporta aħjar dwar is-seduta pubblika fi proċedura ġudizzjarja u li jservi l-interess ta’ aċċess pubbliku u ta’ trasparenza tal-ġustizzja?

(1c) Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, hija rilevanti l-kwistjoni dwar jekk l-ipproċessar ta’ data jkunx ibbażat fuq bażi legali espliċita fid-dritt nazzjonali?”

23.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Ċittadin Z, l-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data, il-Gvern Spanjol, tal-Pajjiżi l-Baxxi, Pollakk u Finlandiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea. L-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data, il-Gvern Spanjol u tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll il-Kummissjoni ressqu wkoll argument orali fis-seduta li saret fl‑14 ta’ Lulju 2021.

IV.    Analiżi

24.      Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. Sejjer nibda bi ftit rimarki fil-qosor dwar l-ammissibbiltà (A). Imbagħad sejjer nindirizza l-Artikolu 55(3) tar-RĠPD u niddiskuti l-elementi sostantivi u istituzzjonali ta’ din id-dispożizzjoni (B). Imbagħad, sejjer napplika l-kunsiderazzjonijiet tiegħi għal din il-kawża (C). Nikkonkludi b’diversi rimarki dwar il-kwistjoni ċentrali, li f’din il-kawża hija, u fl-istess ħin ma hijiex, dwar: l-applikazzjoni tar-RĠPD għall-qrati nazzjonali (D).

A.      Ammissibbiltà

25.      Ċittadin Z isostni li d-domandi magħmula huma ta’ natura ipotetika u għalhekk inammissibbli. Huwa talab miżura ta’ eżekuzzjoni mhux biss minħabba l-politika ta’ aċċess allegatament inkompatibbli mar-RĠPD, iżda anki minħabba n-nuqqas ta’ notifika tal-iżvelar mhux awtorizzat tad-data (jiġifieri, l-iżvelar ta’ data personali lil ġurnalist mingħajr kunsens) fi żmien xieraq. Barra minn hekk, hemm nuqqasijiet fattwali fid-deċiżjoni tar-rinviju tal-qorti tar-rinviju peress li l-iżvelar tal-atti proċedurali inkwistjoni ma seħħx mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iżda minflok mill-impjegati tad-dipartiment tal-komunikazzjoni tiegħu. Bħala riżultat, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju ma oriġinatx minn qorti fis-sens tal-Artikolu 55(3) tar-RĠPD, l-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data kienet tkun kompetenti sabiex tissorvelja l-ipproċessar ta’ dan id-dipartiment.

26.      Nissuġġerixxi li dawn it-talbiet jiġu miċħuda.

27.      Domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea magħmula minn qorti nazzjonali ġeneralment igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (8). Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun verament ta’ natura purament ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex punti ta’ fatti u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (9). Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni (10).

28.      Dan huwa b’mod ċar il-każ fit-tilwima fil-proċedura prinċipali. Il-qorti tar-rinviju hija obbligata tapplika r-RĠPD, u b’mod partikolari l-Artikolu 55(3) tiegħu, sabiex tiddetermina sa fejn l-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data fil-fatt kellha l-kompetenza li tissorvelja l-ipproċessar (jekk seħħ) tad-data personali mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat). Sa fejn teħtieġ gwida dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, hija intitolata li tagħmel domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

29.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju biss hija responsabbli għad-definizzjoni tal-kuntest fattwali li skontu hija tfittex gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja (11). Għalhekk, anki li kieku talba għal deċiżjoni preliminari ssofri minn ċerti nuqqasijiet fattwali, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddubita l-kompletezza tad-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju, u lanqas ma għandha tieħu pożizzjoni dwar ċerta interpretazzjoni ta’ dritt jew prattika nazzjonali.

30.      Fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni ta’ min żvela xiex u taħt l-istruzzjonijiet ta’ min hija, fil-fatt, kwistjoni ta’ mertu li tista’ tkun rilevanti meta r-RĠPD u l-gwida maħruġa minn din il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu applikati mill-qorti tar-rinviju. Din il-kwistjoni, madankollu, ma tikkonċernax l-ammissibbiltà tal-kawża.

31.      Għalhekk, din il-kawża hija b’mod ċar ammissibbli.

B.      LArtikolu 55(3) tarRĠPD

32.      Huwa ċar li r-RĠPD huwa maħsub biex japplika għall-qrati tal-Istati Membri. Fil-fatt, dan ir-regolament japplika għal kwalunkwe attività jew sensiela ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali. Ma hemm ebda eċċezzjoni istituzzjonali magħmula għall-qrati, jew xi organi speċifiċi oħra tal-Istat (12). Min-natura tiegħu, ir-RĠPD ma jiħux inkunsiderazzjoni t-tip ta’ istituzzjoni inkwistjoni (13). Kull attività li tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali tinqabad, irrispettivament min-natura tagħha. Finalment, il-premessa 20 tar-RĠPD tikkonferma dan il-ħsieb leġiżlattiv billi tiddikjara espliċitament li huwa “japplika, inter alia, għall-attivitajiet tal-qrati u awtoritajiet ġudizzjarji oħrajn”.

33.      Separatament mill-kwistjoni ta’ applikabbiltà sostantiva tar-regoli previsti fir-RĠPD, iżda xorta b’xi mod marbuta intimament magħha, hija l-kwistjoni tas-superviżjoni tal-konformità ta’ dawn ir-regoli. Huwa minnu li, “min għandu jissorvelja” jista’ sa ċertu punt ikun isseparat mill-kwistjoni ta’ “x’inhu li għandu jiġi ssorveljat”. Iżda, xorta hemm rabta neċessarja. L-ewwel, jekk ċerti regoli lanqas biss kienu applikabbli sostantivament, jew kellhom eċċezzjonijiet wisgħin, mela ftit hemm bżonn li jiġu diskussi kwalunkwe kwistjonijiet ta’ superviżjoni. Fil-fatt, ma jkun hemm xejn li għandu jiġi ssorveljat.

34.      Il-kwistjoni tal-kompetenza superviżorja hija indirizzata fl-Artikolu 55 tar-RĠPD. Din id-dispożizzjoni tintroduċi t-Taqsima 2 (“Kompetenza, kompiti u setgħat”) tal-Kapitolu VI (“Awtoritajiet superviżorji indipendenti”) tar-RĠPD. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 55 tiegħu jattribwixxi tliet tipi ta’ kompetenza.

35.      L-ewwel, l-Artikolu 55(1) tar-RĠPD jobbliga lill-Istati Membri jaħtru awtoritajiet superviżorji sabiex jiżguraw l-konformità mar-RĠPD u japplikaw l-obbligi għad-diversi partijiet involuti (14). Kull awtorità superviżorja nazzjonali għandu jkollha s-setgħat mogħtija lilha mir-RĠPD fit-territorju tal-Istat Membru tagħha.

36.      It-tieni, l-Artikolu 55(2) tal-istess regolament jipprevedi l-kompetenza tal-awtorità superviżorja tal-Istat Membru kkonċernat għall-ipproċessar imwettaq minn awtoritajiet pubbliċi jew organi privati li jaġixxu fuq il-bażi tal-punti (c) jew (e) tal-Artikolu 6(1). Għalhekk, din id-dispożizzjoni tipprevedi eżenzjoni mill-Artikolu 56(1), li mbagħad jassenja l-kompetenza lil awtorità superviżorja ewlenija f’sitwazzjonijiet ta’ pproċessar transkonfinali.

37.      It-tielet, huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 55(3) tar-RĠPD jidentifika tip speċifiku ieħor ta’ attività ta’ pproċessar, jiġifieri l-ipproċessar imwettaq mill-qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom. Għal dawn l-attivitajiet, l-awtoritajiet superviżorji “ordinarji” skont l-Artikolu 55(1) tar-RĠPD ma humiex kompetenti. Minflok, il-premessa 20 tar-RĠPD tispjega li “[s]-superviżjoni ta’ tali attivitajiet tal-ipproċessar tad-data għandha tkun tista’ tiġi fdata lil entitajiet speċifiċi fi ħdan is-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru”.

38.      Niġbed żewġ konklużjonijiet minn dan il-ħsieb leġiżlattiv.

39.      L-ewwel, l-Artikoli 55 u 56 tar-RĠPD huma primarjament ikkonċernati bl-attribuzzjoni tal-kompetenza. F’dan il-kuntest, jista’ x’aktarx jiġi sostnut li l-Artikolu 55(1) tar-RĠPD għandu jiġi kkunsidrat bħala “regola”, filwaqt li kull dispożizzjoni oħra, inkluż l-Artikolu 55(3) tar-RĠPD, tista’ titqies bħala “eċċezzjoni”. Madankollu, reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li taċċetta din il-loġika (15). Fil-fehma tiegħi, għal raġuni valida: l-Artikoli 55 u 56 tar-RĠPD jikkonċernaw l-attribuzzjoni ta’ kompetenza fuq il-bażi ta’ dimensjonijiet territorjali bbażati fuq it-tip, kif ukoll fuq il-parti. Żgur li ma jkunx ġust għal dan il-ħsieb jekk il-loġika pjuttost bla reqqa ta’ “l-eċċezzjonijiet kollha għandhom jiġu interpretati ristrettivament”, meħuda mill-kuntest tal-Artikolu 2(2) tar-RĠPD, kellha tiġi applikata għax-xibka pjuttost delikata li hija l-attribuzzjoni tal-kompetenza.

40.      It-tieni, l-applikabbiltà tal-Artikolu 55(3) tar-RĠPD hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet. Għandu jkun hemm “attività ta’ pproċessar” fis-sens tar-RĠPD (1). Imbagħad, din għandha titwettaq minn “qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom” (2). Huwa biss f’dan il-punt li jista’ jiġi stabbilit liema istituzzjoni hija inkarigata mis-superviżjoni tal-konformità ta’ din l-attività mar-RĠPD. Huma dawn iż-żewġ kundizzjonijiet li sejjer nindirizza issa.

1.      Element sostantiv: “attività ta’ pproċessar”

a)      Illiġi kif inhi llum

41.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-RĠPD huwa ddefinit b’mod wiesa’. Permezz tal-Artikolu 2(1) tar-RĠPD, dan ir-regolament japplika għall-“ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar”.

42.      L-Artikolu 4(2) iżid li “pproċessar” ikopri “kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom”, u jsemmi, bħala eżempju, “l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor”. Dan il-kunċett ġie interpretat bħala relatat mal-katina sħiħa ta’ tranżazzjonijiet li jinvolvu data personali (16).

43.      L-Artikolu 4(6) tar-RĠPD jiddefinixxi “sistema ta’ arkivjar” bħala “kwalunkwe sett strutturat ta’ data personali li tkun aċċessibbli skont kriterji speċifiċi, sew jekk ċentralizzat, deċentralizzat jew mifrux fuq bażi funzjonali jew ġeografika”. Fid-dawl ta’ din il-formulazzjoni wiesgħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma hemmx rekwiżiti dwar il-mezzi jew struttura ta’ “sistema ta’ arkivjar”, sa fejn id-data personali tkun strutturata b’mod li jippermetti li tinstab faċilment (17).

44.      Dawn l-elementi kollha kkunsidrati flimkien ifissru li l-ipproċessar tad-data personali fis-sens tar-RĠPD iseħħ meta jkun hemm (i) data personali li (ii) tkun qiegħda tiġi pproċessata (iii) b’mezzi awtomatizzati jew jekk tkun parti minn sistema ta’ arkivjar. F’dan id-dawl, x’kienet allura l-attività ta’ pproċessar inkwistjoni f’din il-kawża?

45.      Jidher mill-proċess li Ċittadin Z għandu problema bl-att tal-wiri fiżiku tat-tliet atti proċedurali lil Ġurnalist J sabiex dan ikun jista’ jirrapporta aħjar dwar is-seduta bejn Ċittadin Z u Sindku M. B’dan il-mod, id-data personali inkluża (f’almenu wħud minn) f’dawn id-dokumenti ġiet żvelata mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), li kien qiegħed jaġixxi bħala kontrollur, mingħajr il-kunsens tal-persuna kkonċernata, li għalhekk ammonta għal attività ta’ pproċessar (preżubbilment illegali) fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-RĠPD.

46.      Ma jidher li hemm ebda nuqqas ta’ qbil dwar il-fatt li l-atti proċedurali inkwistjoni kienu jinkludu xi data personali, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-RĠPD. Informazzjoni bħall-isem u l-indirizz ta’ Avukat X u n-“numru tas-servizz taċ-ċittadin” ta’ Ċittadin Z ovvjament hija “relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli” (18).

47.      Il-partijiet lanqas ma jidher li jikkontestaw il-preżenza ta’ “attività ta’ pproċessar”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-RĠPD. Dan huwa, madankollu, fejn jista’ joriġina xi dubju. X’kienet eżattament l-attività ta’ pproċessar speċifika (19) li skattat l-applikazzjoni tar-RĠPD?

48.      L-iktar għażla ovvja f’dan ir-rigward hija l-“iżvelar bi trażmissjoni” (20), lil terz minn impjegati tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) tad-dokumenti inkwistjoni. Il-ġurisprudenza ssostni din il-fehma, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-komunikazzjoni (21) jew l-iżvelar ġenerali (22) ta’ data personali jikkostitwixxu “pproċessar” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-RĠPD.

49.      Madankollu, skont l-Artikolu 2(1) tar-RĠPD, din l-attività għandha, almenu parzjalment, tkun seħħet permezz tal-użu ta’ mezzi awtomatizzati. Il-proċess ma jgħid xejn dwar jekk tali mezzi awtomatizzati kinux involuti f’din l-attività. Ċertament, fis-soċjetà tal-lum, ikun hemm, f’xi punt, almenu xi użu ta’ mezzi awtomatizzati. Barra minn hekk, peress li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni t-totalità tal-attivitajiet ta’ pproċessar (23), sa fejn xi ħadd, f’xi punt qabel l-iżvelar tal-atti proċedurali inkwistjoni, ikun isskennja, ikkopja, ipprintja, bagħat b’posta elettronika jew b’xi mod ieħor ħareġ dawn id-dokumenti minn database, tali pproċessar seħħ tal-inqas parzjalment b’użu ta’ mezzi awtomatizzati, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-RĠPD.

50.      Sussidjarjament, u fi kwalunkwe każ, id-data personali apparentament inħarġet mill-proċess stess bl-għan tal-iżvelar tagħha lil Ġurnalist J. Dan ifisser, loġikament, li r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) ikun stabbilixxa dan il-proċess permezz ta’ xi tip ta’ informazzjoni identifikattiva (numru ta’ referenza tal-kawża, data tat-tilwima, jew l-ismijiet tal-partijiet involuti). Tali proċess jikkostitwixxi, wieħed jista’ anki jgħid bħala definizzjoni, “sistema ta’ arkivjar”, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tar-RĠPD, peress li jistabbilixxi sett strutturat ta’ data (personali) li jkun aċċessibbli skont kriterji speċifiċi (24).

51.      Għalhekk, anki li kieku wieħed kellu jinjora l-parti “b’mezzi awtomatizzati” tad-definizzjoni tal-Artikolu 2(1) tar-RĠPD, xorta jibqa’ pjuttost ċar li tliet dokumenti maħruġa u kkupjati minn proċess quddiem qorti nazzjonali jifformaw parti minn sistema ta’ arkivjar, fi kliem ieħor il-proċess innifsu.

52.      Finalment, l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tar-RĠPD, li għandhom jiġu interpretati ristrettivament (25), ma hija applikabbli f’din il-kawża. L-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni ma jaqax “lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Unjoni”, almenu mhux bil-mod li din il-frażi ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-kuntest speċifiku. Fil-fatt, jista’ jiġi kkunsidrat li l-iżvelar ta’ atti proċedurali fil-proċedura quddiem il-qrati nazzjonali ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, żgur mhux fis-sens konvenzjonali ta’ regolazzjoni minn xi att tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, fis-sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), l-eċċezzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tar-RĠPD ġiet interpretata li tapplika biss għall-funzjonijiet essenzjali tal-Istati Membri sa fejn dawn il-funzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati fl-istess kategorija bħas-sigurtà nazzjonali (26). Fil-fatt, jekk l-iżgurar tas-sigurtà fit-toroq ma ġiex ikkunsidrat li jissodisfa l-premessa 16 tar-RĠPD (27), x’aktarx li lanqas l-aċċess miftuħ għall-ġustizzja ma huwa sejjer jissodisfaha.

53.      Barra minn hekk, ma hemm ebda indikazzjoni li l-iżvelar f’din il-kawża kien relatat ma’ investigazzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali (anki jekk, għal kwalunkwe raġuni remota, kien hemm il-ħtieġa li jsir hekk f’dawn iċ-ċirkustanzi) (28). Għaldaqstant, l-applikabbiltà tal-Artikolu 2(2)(d) tar-RĠPD hija eskluża wkoll.

54.      Bħala konklużjoni, skont il-formulazzjoni u l-interpretazzjoni ġenerali tal-Artikoli 2(1), 4(2) u 4(6) tar-RĠPD, u l-kamp ta’ applikazzjoni estremament ristrettiv tal-eċċezzjonijiet taħt l-Artikolu 2(2) tar-RĠPD, jidher li l-iżvelar ta’ atti proċedurali f’din il-kawża jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-RĠPD, bħala attività li tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati jew l-ipproċessar ta’ tali data li jifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

b)      Illiġi hija korretta?

55.      Li ġurnalist jiġi pprovdut bi tliet atti proċedurali sabiex jifhem aħjar il-proċeduri orali li dwarhom għandu jirrapporta huwa pproċessar ta’ data personali skont ir-RĠPD. Din il-konklużjoni hija kemm it-tweġiba kif ukoll l-artikolazzjoni ta’ problema. Il-bnedmin huma kreaturi soċjali. Ħafna mill-interazzjonijiet tagħna jinvolvu l-kondiviżjoni ta’ xi tip ta’ informazzjoni, l-iktar spiss ma’ bnedmin oħra. Għandu jkun li kwalunkwe u virtwalment kull skambju ta’ tali informazzjoni jkun suġġett għar-RĠPD?

56.      Jekk immur pub filgħaxija, u naqsam ma’ erbat iħbieb tiegħi madwar il-mejda f’post pubbliku (għalhekk x’aktarx ma tiġix issodisfatta l-eċċezzjoni ta’ attività privata jew fid-dar tal-Artikolu 2(2)(c) tar-RĠPD (29)) rimarka pjuttost mhux ta’ tifħir dwar il-ġar tiegħi li tinkludi d-data personali tiegħu, li għadni kemm irċevejt permezz ta’ posta elettronika (għalhekk b’mezz awtomatizzat u/jew hija parti mis-sistema ta’ arkivjar tiegħi), insir il-kontrollur ta’ din id-data, u l-obbligi (pjuttost peżanti) kollha tar-RĠPD f’salt wieħed isiru applikabbli għalija? Peress li l-ġar tiegħi qatt ma ta l-kunsens għal dan l-ipproċessar (żvelar bi trażmissjoni), u peress li t-tqasqis x’aktarx qatt ma huwa sejjer jidher fost ir-raġunijiet leġittimi elenkati fl-Artikolu 6 tar-RĠPD (30), jiena x’aktarx sejjer nikser numru ta’ dispożizzjonijiet tar-RĠPD permezz ta’ dan l-iżvelar, inklużi l-ikbar parti mid-drittijiet tal-persuna kkonċernata inklużi fil-Kapitolu III.

57.      Fis-seduta, quddiem mistoqsijiet fil-fatt strambi bħal dawn mill-Avukat Ġenerali, il-Kummissjoni insistiet li hemm limiti għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-RĠPD. Madankollu, ma kinitx kapaċi tispjega eżattament fejn jinsabu dawn il-limiti. Fil-fatt, hija aċċettat li anki “pproċessar” inċidentali ta’ data personali jidher li jiskatta l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, u għalhekk id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnu (31).

58.      Din hija preċiżament il-mistoqsija li din il-kawża, għal darba oħra, tiffoka fuqha: ma għandux jitqiegħed limitu sostantiv fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tar-RĠPD? Għandu jkun li kull forma ta’ interazzjoni umana, li fiha tiġi żvelata informazzjoni dwar bnedmin oħra, irrispettivament mill-mod li bih tiġi żvelata, għandha tkun suġġetta għar-regoli pjuttost onerużi tiegħu?

59.      F’dan iż-żmien ġdid, fejn wieħed isib impenn bla tmiem lejn iktar awtomatizzazzjoni, jidher li kważi kwalunkwe aspett ta’ kwalunkwe attività jista’, illum jew għada, jiġi marbut ma’ magna li, dejjem iktar, għandha kapaċitajiet ta’ pproċessar ta’ data tagħha stess. Fil-parti l-kbira, l-użu ta’ tali data jkun anċillari jew “de minimis”, sabiex f’ħafna każijiet ma jseħħ ebda pproċessar “reali”. Madankollu, u xorta waħda, jidher li la n-natura tal-attività (is-sempliċi trażmissjoni fil-konfront ta’ xogħol effettiv fuq u bid-data), il-metodu tal-iżvelar potenzjali (bil-kitba, manwalment jew elettronikament, b’differenza minn dak oralment), u lanqas l-ammont tad-data personali (ebda regola de minimis, ebda differenza fl-iżvelar ta’ data individwalizzata relatata ma’ persuna speċifika fil-konfront ta’ xogħol b’sensieli ta’ data jew fuqha) ma jidhru rilevanti għall-applikabbiltà tar-RĠPD.

60.      Jiena żgur li ma iniex l-ewwel wieħed li ġejt konfuż bil-ġeneralità ta’ dak li apparentament jikkostitwixxi “attività ta’ pproċessar” għall-għanijiet tar-RĠPD, jew preċedentement id-Direttiva 95/46/KE (32). Fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Bavarian Lager, l-Avukata Ġenerali Sharpston ippruvat tissuġġerixxi li għandu jiġi introdott xi tip ta’ livell minimu bħala avveniment li jiskatta l-preżenza ta’ attività ta’ pproċessar (33).

61.      Ġie ssuġġerit ukoll approċċ iktar kawt għall-kunċetti ta’ “data personali” u “pproċessar” mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data (34). Dan innota li “s-sempliċi fatt li ċerta sitwazzjoni tista’ titqies bħala li tinvolvi ‘l-ipproċessar ta’ data personali’ fis-sens tad-definizzjoni ma jiddeterminax waħdu li din is-sitwazzjoni għandha tkun suġġetta għar-regoli tad-[Direttiva 95/46], b’mod partikolari skond l-Artikolu 3 tagħha” (35). Huwa enfasizza wkoll li “[l]-ambitu tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data m’għandux jiġġebbed iżżejjed”. Huwa anki ppreveda b’mod pjuttost għaqli li “applikazzjoni mekkanistika ta’ kull dispożizzjoni tad-Direttiva” tista’ twassal għal “konsegwenzi wisq problematiċi jew forsi saħansitra assurdi” (36).

62.      Dak li għalhekk x’aktarx ikun meħtieġ, mill-inqas, huwa bidla, alterazzjoni, manipulazzjoni, jew kwalunkwe pproċessar ieħor fis-sens ta’ “valur miżjud” għad-data personali inkwistjoni, jew l-“użu xieraq” tagħha. Sussidjarjament, jew b’rabta ma’ dan, għandha titqiegħed enfasi iktar fina fuq il-kunċett ta’ mezzi awtomatizzati li jeskludu kull forma oħra ta’ sempliċi żvelar b’mezzi mhux awtomatizzati, kemm jekk dan ikun oralment jew b’sempliċi spezzjoni ta’ dokument miktub. Iż-żieda ta’ eżami tal-livell bħal dan, jew ieħor simili, tista’ għalhekk tgħin sabiex tiffoka mill-ġdid ir-regoli tal-protezzjoni tad-data fuq attivitajiet li suppost ġew maqbuda mill-bidu (37) filwaqt li ma taffettwax dak l-użu aċċidentali, inċidentali jew minimu ta’ data personali li altrimenti kieku jattira l-qilla u l-qawwa sħiħa tad-drittijiet u tal-obbligi tar-RĠPD.

63.      Irrispettivament minn dan, konxju tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kompożizzjoni bħala Awla Manja, diġà ċaħdet mhux daqshekk ilu l-adozzjoni ta’ kwalunkwe eżami bħal dan fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Bavarian Lager (38). B’mod simili, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet fuq mixja pjuttost espansjonista fl-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46, u dik tar-RĠPD, minn dak iż-żmien (39).

64.      Għal din ir-raġuni, jiena għaldaqstant marbut nikkonkludi li, anki f’din il-kawża, seħħ l-ipproċessar ta’ data personali fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-RĠPD, u għalhekk fis-sens tal-Artikolu 55(3) ta’ dan ir-regolament.

65.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, nissuspetta li l-Qorti tal-Ġustizzja, jew il-leġiżlatur tal-Unjoni, jistgħu xi darba jkunu obbligati jeżaminaw mill-ġdid il-kamp ta’ applikazzjoni tar-RĠPD. L-approċċ attwali qiegħed gradwalment jittrasforma lir-RĠPD f’wieħed mill-iktar oqfsa leġiżlattivi de facto injorati fid-dritt tal-Unjoni. Din is-sitwazzjoni ma hijiex neċessarjament intenzjonali. Pjuttost hija r-riżultat naturali tal-estensjoni żejda tal-applikazzjoni tar-RĠPD, li mbagħad twassal biex numru ta’ individwi sempliċement u ġenwinament ma jkollhomx għarfien tal-fatt li l-attivitajiet tagħhom huma wkoll suġġetti għar-RĠPD. Filwaqt li huwa ċertament possibbli li tali protezzjoni tad-data personali xorta tista’ “[s]servi lill-bniedem” (40), jiena pjuttost kunfidenti li jekk din tiġi injorata bħala riżultat li ma hijiex raġonevoli fil-fatt ma jservix tajjeb jew anki ma jikkontribwixxix għall-awtorità jew għal-leġittimità ta’ xi liġi, inkluż ir-RĠPD.

2.      Element istituzzjonali: “qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom”?

66.      Wara li ġie aċċettat li hemm “attività ta’ pproċessar” fis-sens tal-Artikolu 55(3) tar-RĠPD, għandu jiġi esplorat it-tieni element, pjuttost istituzzjonali, inkluż f’din id-dispożizzjoni. Kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom”?

67.      Din id-dispożizzjoni tfittex li toħloq distinzjoni bejn l-attivitajiet li għandhom jitqiesu li twettqu f’“kapaċità ġudizjarja” u dawk li jaqgħu ’l barra minn din il-kategorija, bħal, preżubbilment, inkarigi amministrattivi. Tista’ tinstab distinzjoni simili f’diversi kuntesti leġiżlattivi oħra, notevolment fir-rigward tal-aċċess għad-dokumenti u l-prinċipju tat-trasparenza stabbilit fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 15(3) TFUE (41). Madankollu, permezz ta’ eżami iktar mill-qrib, l-Artikolu 55(3) tar-RĠPD jidher li huwa dispożizzjoni speċifika fih innifsu.

68.      Il-Kummissjoni ssostni li l-kunċett ta’ “jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom” għandu jsegwi approċċ purament funzjonali u għandu jiġi interpretat restrittivament. Hija ssostni li għandu jkun hemm attenzjoni speċjali għall-premessa 20 tar-RĠPD u għall-għan tas-salvagwardja tal-indipendenza tal-ġudikatura. Minn din il-perspettiva, huma biss dawk l-attivitajiet li għandhom jew jista’ jkollhom rabta diretta ma’ “teħid ta’ deċiżjonijiet” ġudizzjarji li għandhom jiġu inklużi fil-kunċett ta’ “kapaċità ġudizzjarja”, sabiex dawn l-attivitajiet biss jaqgħu ’l barra mill-kompetenza tal-awtoritajiet superviżorji kompetenti.

69.      Kull parti oħra f’din il-proċedura għandha l-fehma opposta. Essenzjalment huma jsostnu li l-użu tal-kelma “inkluż” fil-premessa 20 tar-RĠPD jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma xtaqx li jorbot interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom” u li l-għan tas-salvagwardja tal-indipendenza tal-ġudikatura għandu jiġi intepretat b’mod wiesa’.

70.      Jiena naqbel b’mod ġenerali ma’ din il-fehma.

71.      L-Artikolu 55(3) tar-RĠPD jiddefinixxi l-kompetenza superviżorja tal-awtorità superviżorja kompetenti. Bħalma l-Kummissjoni indikat korrettament fis-seduta, huwa ma jaġixxix bħala eċċezzjoni għar-rekwiżit ġenerali ta’ superviżjoni. Fil-fatt, malli attività ta’ pproċessar taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-RĠPD, din issir suġġetta wkoll għar-rekwiżit ta’ superviżjoni minn awtorità indipendenti skont l-Artikolu 8(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u l-Artikolu 16(2) TFUE b’mod iktar ġenerali. Din is-superviżjoni għandha sseħħ minn organu li ma huwiex l-awtorità superviżorja maħtura skont l-Artikolu 51(1) tar-RĠPD.

72.      Sabiex il-kompetenza tas-superviżjoni tkun tista’ tiġi mgħoddija lil organu li ma huwiex l-awtorità superviżorja ġenerali skont l-Artikolu 55(1) tar-RĠPD, l-Artikolu 55(3) tiegħu jeħtieġ, barra milli jkun hemm attività ta’ pproċessar, l-ewwel, l-involviment ta’ tip ta’ istituzzjoni (il-“qrati”) u, it-tieni, li dawn il-qrati jwettqu attività speċifika (“jaġixxu f’kapaċità ġudizzjarja”). Dan jinvolvi l-ħtieġa għal eżami li jieħu inkunsiderazzjoni ż-żewġ karatteristiċi.

73.      Fir-rigward tal-ewwel waħda, huwa ċar li, lil hinn mill-qasam neċessarjament awtonomu tal-Artikolu 267 TFUE, il-kunċett ta’ “qorti” jimplika organu li jifforma parti mill-istruttura ġudizzjarja tal-Istati Membri u li huwa rrikonoxxut bħala tali (42). Bħalma sostnejt preċedentement, u bħalma l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi nnota fis-seduta, għal dawn it-tip ta’ entitajiet, in-natura “ġudizzjarja” tal-attività tagħhom hija r-regola, filwaqt li t-twettiq ta’ kwalunkwe attività “amministrattiva” għandha tiġi kkunsidrata bħala l-eċċezzjoni, peress li tali attivitajiet huma anċillari jew tranżittivi għall-attività prinċipali tagħhom, li hija ġudizzjarja (43). Fi kliem ieħor, jekk l-organu kkonċernat huwa deskritt bħala “qorti” fis-sistema ġudizzjarja tal-Istati Membri, dan jiġi preżunt, b’mod awtomatiku, li jaġixxi f’“kapaċità ġudizzjarja” sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju f’kawża individwali (44).

74.      Fir-rigward ta’ dan, il-funzjoni korrettiva għal din id-determinazzjoni istituzzjonali mbagħad isseħħ permezz ta’ evalwazzjoni tat-tip jew tan-natura tal-attività partikolari (45). L-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data, u l-Gvern Spanjol u tal-Pajjiżi l-Baxxi, korrettament jindikaw il-premessa 20 tar-RĠPD sabiex jenfasizzaw li, fil-każ speċifiku tal-Artikolu 55(3) tar-RĠPD, dan il-korrettiv għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’.

75.      Bħala punt preliminari, nixtieq xorta waħda nenfasizza li d-definizzjoni skont l-Artikolu 55(3) tar-RĠPD korrettament tinkludi żewġ elementi tad-definizzjoni: l-element istituzzjonali u l-korrettiv funzjonali (jew l-aġġustament). Dan huwa hekk minħabba li hija loġikament tixtieq taqbad ċerti funzjonijiet (ġudizzjarji) fi ħdan ċerti istituzzjonijiet (qrati). Din id-definizzjoni ma hijiex u ma tistax tkun purament funzjonali. Kieku kienet, u kieku “jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom” kellha tipprevali fuq il-kunċett ta’ “qrati”, mela l-organi u l-awtoritajiet l-oħra fl-Istati Membri li f’każijiet individwali jeżerċitaw xi funzjoni ġudizzjarja jistgħu jfittxu li jiġu kkunsidrati bħala organi lil hinn mir-responsabbiltà tal-awtoritajiet superviżorji skont l-Artikolu 55(1). Madankollu, l-Artikolu 55(3) tar-RĠPD huwa limitat għall-qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom. Ma huwiex miftuħ għal organi li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom.

76.      Il-kunċett ta’ “jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom” għalfejn għandu, fit-tieni stadju, jiġi interpretat b’mod wiesa’, u għalhekk iktar probabbli li jinkludi minflok jeskludi każijiet limiti?

77.      L-ewwel, b’differenza mill-Kummissjoni, jiena ma naqbilx mal-idea li r-relazzjoni bejn l-Artikolu 55(1) u (3) tar-RĠPD għandha tiġi mċekkna għal-loġika simplistika ta’ “regola-eċċezzjoni”. Kif diġà ġie spjegat iktar ’il fuq (46), l-Artikoli 55 u 56 tar-RĠPD jintroduċu sistema fina tal-attribuzzjoni ta’ superviżjoni fir-rigward ta’ ċerti territorji, ċerti tipi ta’ pproċessar u ċerti atturi.

78.      It-tieni, jista’ jitfakkar li t-tieni sentenza tal-premessa 20 tar-RĠPD tiddikjara li “[l]-kompetenza tal-awtoritajiet superviżorji ma għandhiex tkopri l-ipproċessar ta’ data personali meta l-qrati jkunu qegħdin jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza tal-ġudikatura fit-twettiq tal-kompiti ġudizzjarji tagħha, inkluż it-teħid ta’ deċiżjonijiet” (47).

79.      F’dan il-kuntest, ir-riferimenti għal “sabiex” u “inkluż” jindikaw l-interpretazzjoni wiesgħa li għandha tingħata għall-kunċett ta’ “jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom”.

80.      Min-naħa l-oħra, “sabiex” f’din is-sentenza hija spjegazzjoni ta’ għan u mhux waħda ta’ limitazzjoni. Hija tistabbilixxi, permezz ta’ dikjarazzjoni astratta, li l-għan tal-assenjazzjoni tal-kompetenza inkluża fl-Artikolu 55(3) tar-RĠPD huwa l-protezzjoni tal-indipendenza tal-ġudikatura. Fil-fatt, u kuntrarjament għal dak li ssuġġerixxiet il-Kummissjoni fis-seduta, ir-riferiment għal “sabiex” ma jfissirx li kull attività ta’ pproċessar għandha tassisti s-salvagwardja ta’ indipendenza ġudizzjarja. B’mod sempliċi, il-premessa 20 ma tiddikjarax li sabiex jiġi eskluż mis-superviżjoni tal-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 55(1), kull ipproċessar imwettaq mill-qorti għandu individwalment u konkretament jissalvagwardja l-indipendenza ġudizzjarja. Hija sempliċement tiddikjara li, fil-livell sistemiku, is-sistema speċifika ta’ superviżjoni ġiet introdotta sabiex tissalvagwardja l-indipendenza ġudizzjarja. Dawn huma, fil-fehma tiegħi, tipi differenti ħafna ta’ “sabiex”.

81.      Min-naħa l-oħra, il-ħtieġa għal interpretazzjoni wiesgħa tat-terminu “kapaċità ġudizzjarja” hija kkonfermata wkoll biż-żieda tal-kelma “inkluż” qabel “teħid ta’ deċiżjonijiet” fit-tieni sentenza tal-premessa 20 tar-RĠPD. Fil-fatt, ir-rabta maħluqa permezz ta’ dan tindika wkoll li l-kunċett ta’ “kapaċità ġudizzjarja” għandu jiġi interpretat b’mod iktar wiesa’ milli sempliċement deċiżjonijiet individwali relatati ma’ kawża speċifika. Għalhekk, għal darba oħra ma hemmx bżonn li jiġi żgurat li kull attività ta’ pproċessar individwali għandha b’mod viżibbli u ċar tiżgura l-inkarigu tas-salvagwardja tal-indipendenza ġudizzjarja. Minflok, qorti tista’ fil-fatt tiġi kkunsidrata li taġixxi f’“kapaċità ġudizzjarja” anki meta tkun qiegħda twettaq attivitajiet relatati mal-funzjonament ġenerali tal-ġudikatura jew il-ġestjoni u l-amministrazzjoni ġenerali tal-proċedura ġudizzjarja, kemm jekk għal illustrazzjoni, l-assemblaġġ u l-ħażna ta’ fajls; l-allokazzjoni ta’ kawżi lill-imħallfin; it-tgħaqqid tal-kawżi; l-estensjoni ta’ termini; l-aġir u l-organizzazzjoni fis-seduti; il-pubblikazzjoni u t-tixrid tas-sentenzi tagħha għall-benefiċċju tal-pubbliku ġenerali (ċertament fil-każ ta’ qrati superjuri); jew anki t-taħriġ ta’ mħallfin ġodda.

82.      It-tielet, wieħed jista’ jasal għall-istess konklużjoni mill-għan iddikjarat li tiġi ssalvagwardjata l-“indipendenza tal-ġudikatura fit-twettiq tal-kompiti ġudizzjarji tagħha”. Fil-ġurisprudenza tagħha, b’mod partikolari l-kawżi l-iktar reċenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “indipendenza ġudizzjarja” b’mod wiesa’ sabiex ikopri l-kapaċità tal-imħallfin li jaqdu l-kariga tagħhom ħielsa minn kwalunkwe forma ta’ pressjoni (diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali) (48).

83.      Ma nara ebda raġuni għaliex l-istess interpretazzjoni ma tistax tittieħed bħala l-bażi sabiex il-kunċett ta’ “indipendenza tal-ġudikatura” jiġi mifhum ukoll għall-għanijiet tar-RĠPD. F’dan ir-rigward, madankollu, sakemm wieħed ma jixtieqx li jobbliga lill-awtorità superviżorja kompetenti sabiex tevalwa, fuq bażi individwali, jekk is-superviżjoni tagħha f’każ partikolari tistax tinterferixxi ma’ din l-indipendenza, mela żgur li ma hijiex meħtieġa interpretazzjoni restrittiva tal-premessa 20 u tal-Artikolu 55(3) tar-RĠPD.

84.      Huwa f’dan il-kuntest li nsibha diffiċli naċċetta l-argumenti tal-Kummissjoni u l-fehma tagħha tal-kunċett ta’ indipendenza ġudizzjarja. Fis-seduta, il-Kummissjoni baqgħet tinsisti li, sabiex jiġi skattat l-Artikolu 55(3) tar-RĠPD, għandu jkun hemm rabta diretta bejn l-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni u proċedura ġudizzjarja attwalment pendenti. Jekk dan ikun il-każ, ninsab konfuż dwar eżattament x’inhu dak li l-kunċett tal-indipendenza ġudizzjarja, invokat b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jista’ jġib f’din l-ekwazzjoni għad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ attività ġudizzjarja.

85.      Jekk il-kunċett ta’ indipendenza ġudizzjarja għandu jkollu kwalunkwe tifsira f’dan il-kuntest, mela dan huwa fuq kollox fis-salvagwardja tal-funzjoni ġudizzjarja kontra l-ħjiel, pressjonijiet, jew influwenzi indiretti. Jekk l-iktar ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja hija evidenza ta’ xi ħaġa, mela hija li t-theddid indirett għall-indipendenza ġudizzjarja fil-prattika jseħħ iktar frekwentement milli dak dirett. Eżempju notevoli reċenti f’din il-kategorija jista’ jinkludi s-sistema ta’ proċeduri dixxiplinari kontra mħallfin (49). Strettament, tali proċeduri (jew il-possibbiltà li jiġu applikati) ma humiex direttament marbuta ma’ teħid ta’ deċiżjonijiet individwali mill-qrati. Madankollu, ftit jikkontestaw ir-rilevanza tagħhom fir-rigward tal-ambjent li fih jingħataw dawn id-deċiżjonijiet, u b’mod ċar huma koperti mill-kunċett tal-indipendenza ġudizzjarja.

86.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ma nistax naċċetta l-approċċ tal-Kummissjoni għall-kostruzzjoni ta’ aġir fil-kapaċità ġudizzjarja skont l-Artikolu 55(3) tar-RĠPD. Dan ikun, essenzjalment, ifisser li tiġi permessa s-superviżjoni amministrattiva skont l-Artikolu 55(1) tar-RĠPD għal kull każ, sakemm ma jkunx hemm rabta diretta, preżubbilment anki xi impatt dixxernibbli, fuq it-teħid ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji. Fil-fehma tiegħi, dan l-approċċ jinjora dak li l-għan tas-salvagwardja tal-indipendenza ġudizzjarja propjament għandu jkun. L-indipendenza ġudizzjarja ma hijiex (biss) dwar il-konstatazzjoni ex post li xi ħaġa diġà seħħet. Hija fuq kollox dwar l-istabbiliment ta’ salvagwardji suffiċjenti ex ante, sabiex ċerti affarijiet ma jistgħux iseħħu.

87.      L-istess huwa minnu għall-argument li, naturalment, wieħed ma jistax jippreżumi li, anki jekk l-awtoritajiet superviżorji tal-Artikolu 55(1) jitħallew jistħarrġu xi attivitajiet ġudizzjarji, dawn x’aktarx ikollhom kull xewqa ex ante li jinfluwenzaw il-proċedura ġudizzjarja. Hawn, nixtieq biss li naqbel. Madankollu, dan huwa għal darba oħra irrilevanti jekk l-għan li għandu jintlaħaq huwa dak tas-salvagwardja tal-indipendenza ġudizzjarja. L-interpretazzjoni u l-bini ta’ istituzzjonijiet f’każijiet bħal dawn ma jistgħux jipproċedu minn loġika fattwali (ġrat diġà?) iżda għandhom jipproċedu fuq loġika preventiva (li jiġi żgurat li tali affarjiet ma jistgħux iseħħu, irrispettivament mill-aġir speċifiku tal-atturi kkonċernati) (50).

88.      Ir-raba’ u fl-aħħar nett, dan l-għan leġiżlattivament iddikjarat tal-Artikolu 55(3) tar-RĠPD jipprevedi wkoll, fil-fehma tiegħi, tweġiba dwar l-approċċ għal xenarji limitu, jew iż-żona griża bejn dak li huwa b’mod ċar ġudizzjarju, u b’mod ċar xi ħaġa oħra, preżubbilment amministrattiv.

89.      Fil-prattika, hemm naturalment numru ta’ attivitajiet limitu li jitwettqu mill-qrati li jistgħu ma jkunux relatati direttament ma’ deċiżjoni ġudizzjarja f’kawża partikolari, li iżda jista’ jkollhom influwenza diretta jew indiretta fuq il-proċedura ġudizzjarja. Wieħed jista’ jieħu l-assenjazzjoni ta’ kawżi minn president ta’ qorti bħala eżempju, sa fejn naturalment sistema legali tippermetti lil president kwalunkwe diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Kieku wieħed kellu jadotta interpretazzjoni ristretta ta’ dak li huwa kkunsidrat li huwa f’“kapaċità ġudizzjarja”, mela huwa improbabbli li tali attività tkun koperta mill-Artikolu 55(3) tar-RĠPD. Awtorità superviżorja għalhekk tkun kompetenti li tissorvelja pproċessar ta’ data personali mwettaq f’din l-attività. Madankollu, deċiżjoni bħal din lanqas ma hija ta’ natura amministrattiva. Fil-fatt, ftit ma humiex sejrin jaqblu li l-assenzjazzjoni ta’ kawża lil imħallef relatur hija inkarigu inerentement ġudizzjarju, li l-interferenza magħha jista’ jkollha impatt sinjifikattiv fuq l-indipendenza ġudizzjarja.

90.      Attivitajiet oħra li jaqgħu fl-istess kategorja huma, pereżempju, il-kostituzzjoni, l-ordni li bija n-nies joqogħdu bilqiegħda, jew il-ġestjoni tal-awli meta l-qorti tkun qiegħda f’sessjoni; l-użu ta’ miżuri tas-sigurtà għall-viżitaturi, il-partijiet u r-rappreżentanti tagħhom; l-irrekordjar ta’ videos jew potenzjalment anki x-xandir video ta’ seduti; aċċess iddedikat għal seduti mill-istampa; jew anki l-informazzjoni disponibbli fis-sit internet tal-qorti dwar seduti u sentenzi. L-ebda minn dawn l-attivitajiet (purament illustrattivi) ma huma la purament ġudizzjarji fis-sens li huma direttament marbuta mal-eżitu ta’ kawża individwali, u lanqas sempliċement amministrattivi. F’numru minn dawn il-każijiet, dawn jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, ikollhom impatt fuq l-indipendenza ġudizzjarja ta’ qorti. Għaldaqstant, ikun xieraq, għal konformità potenzjali mal-obbligi tar-RĠPD, jekk kienu kkontrollati mill-istess awtorità li tista’ anki tkun il-konvenuta quddiem dawn il-qrati f’kawżi mressqa kontra deċiżjonijiet meħuda minn din l-awtorità?

91.      Fuq in-naħa l-oħra hemm, prima facie, inkarigi purament amministrattivi, bħall-manutenzjoni tal-bini ta’ qorti, l-ikkuntrattar għal servizzi ta’ catering; jew il-ġestjoni normali ta’ provvisti u manutenzjoni ta’ istituzzjoni u ta’ post tax-xogħol. Huwa minnu li, anki f’din il-kategorija, jistgħu joriġinaw każijiet limitu. Il-ħlas tas-salarji tal-imħallfin jista’ jkun eżempju ta’ dan (51). Jekk dawn l-inkarigi sempliċement jinvolvu l-ipproċessar mekkaniku ta’ rendikonti tas-salarju fissi, mela dawn huma kwintessenzjalment amministrattivi min-natura. Is-superviżjoni ta’ dawn l-attivitajiet tista’ għalhekk taqa’ fi ħdan il-kompetenzi tal-awtorità superviżorja maħtura skont l-Artikolu 51(1) tar-RĠPD. Madankollu, malli jiżdied element diskrezzjonali ma’ dan l-inkarigu, bħal deċiżjoni dwar it-tip ta’ ħlas ta’ btala, il-bonus tal-Milied, jew l-allowance tal-installazzjoni li jista’ jirċievi ċertu mħallef, mela tali attività tista’ malajr titlef l-istatus innoċenti u sempliċement amministrattiv tagħha (52).

92.      Fil-fatt, ikun inkompatibbli mal-loġika tal-premessa 20 tar-RĠPD kieku dawn l-attivitajiet jiġu, sempliċement minħabba l-kategorizzazzjoni ġenerali tagħhom, mistħarrġa mill-awtorità superviżorja tal-Artikolu 51(1) u mhux mill-awtorità “interna” maħtura speċifikament għal attivitajiet b’impatt potenzjali fuq l-indipendenza ġudizzjarja. Il-kwistjoni hawn issir waħda ta’ konsistenza: wieħed ma jistax jissepara d-deċiżjoni partikolari ta’ politika meħuda f’kapaċità ġudizzjarja mill-implimentazzjoni tagħha, jekk stħarriġ tad-deċiżjoni riżultanti ta’ implimentazzjoni, mill-persunal amministrattiv ġenerali, ikun iwassal għall-istess problema ta’ ħsara għall-indipendenza tal-ġudikatura. Bħala tali, anki l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ politika meħuda f’kapaċità ġudizzjarja għandha taqa’ lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-superviżjoni tal-awtorità superviżorja kompetenti (amministrattiva).

93.      Bħala konklużjoni, għaldaqstant, u fid-dawl tar-rieda leġiżlattiva espliċitament fil-premessa 20 tar-RĠPD, l-approċċ għall-kategorizzazzjoni tal-attivitajiet li jitwettqu f’“kapaċità ġudizzjarja” ma jistax ikun wieħed li huwa individwali u speċifiku għall-kawża, li jiffoka fuq l-indħil potenzjali f’dak li huwa “ġudizzjarju” fiċ-ċirkustanza ta’ kawża individwali. Approċċ bħal dan ikun mid-definizzjoni tiegħu fattwali u ċirkustanzjali, xi drabi iktar wiesa’ u xi drabi iktar strett. L-approċċ meħud għall-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett għaldaqstant għandu jkun strutturali (jiġifieri, jipproċedi skont it-tip tal-attività) u, min-natura tiegħu stess, preventiv. Dan huwa għalfejn, għal każijiet limitu ta’ attivitajiet imwettqa mill-qrati, fid-dawl tal-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja, jekk hemm dubji dwar in-natura ta’ tip ta’ attività, jew jekk hemm is-sempliċi potenzjal li s-superviżjoni ta’ tali attività jista’ jkollha impatt fuq l-indipendenza ġudizzjarja, din l-attività għandha tkun (strutturalment) lil hinn mill-kompetenza tar-responsabbiltà tal-awtorità superviżorja tal-Artikolu 55(1).

94.      Wara li tajt din it-tweġiba għad-definizzjoni ta’ qrati li jaġixxu f’kapaċità ġudizzjarja, sejjer nispiċċa billi nirreaġixxi, għall-kompletezza, għal tliet argumenti oħra li d-diversi partijiet ikkonċernati qajmu fil-mori ta’ din il-proċedura.

95.      L-ewwel, insib ftit utilità prattika fit-tqegħid ta’ kwalunkwe enfasi fuq il-ġenesi tal-premessa 20 tar-RĠPD. Il-qorti tar-rinviju tispjega li d-dokumenti preparatorji tar-RĠPD juru li l-verżjoni inizjali tal-premessa 20 tar-RĠPD kienet redatta b’mod simili għall-premessa 80 tad-Direttiva (UE) 2016/680 (53). Din tal-aħħar tillimita l-kunċett ta’ “jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom” għal “attivitajiet ġudizzjarji f’kawżi fil-qorti u ma tapplikax għal attivitajiet oħra fejn l-imħallfin jistgħu jkunu involuti skont il-liġi ta’ Stat Membru”. Madankollu, ebda restrizzjoni ta’ kompetenza fl-aħħar mill-aħħar ma nżammet fil-verżjoni finali tal-premessa 20 tar-RĠPD. Jekk tista’ tittieħed xi lezzjoni minn dan il-fatt, hija pjuttost waħda ta’ kuntrast, u mhux waħda ta’ analoġija. Wara kollox, il-leġiżlatur tal-Unjoni b’mod ċar tbiegħed minn din il-formulazzjoni preċedenti, preżubbilment billi ċaħad interpretazzjoni restrittiva li tiddistingwi bejn tipi differenti ta’ “attivitajiet ġudizzjarji”.

96.      It-tieni, għall-għanijiet ta’ din il-kawża, wieħed ma jistax sempliċement jirriproduċi l-loġika li tinsab fil-bażi tad-distinzjonijiet magħmula fil-qafas tal-leġiżlazzjoni u tal-ġurisprudenza dwar l-aċċess għad-dokumenti. L-għan li jissottolinja l-qasma fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 15(3) TFUE (il-protezzjoni tal-integrità tal-proċedura ġudizzjarja u proċeduri ġudizzjarji pendenti) huwa differenti minn dik li suppost hija l-istess qasma fl-Artikolu 55(3) tar-RĠPD (il-protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja tal-qrati).

97.      B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tas-sentenzi L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni (54) u Breyer vs Il‑Kummissjoni (55), li l-Kummissjoni invokat għall-għanijiet ta’ din il-kawża, dawn is-sentenzi huma relatati mal-protezzjoni ta’ “proċedimenti fil-qrati”, li hija waħda mill-eżenzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (56). Bħalma spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Friends of the Irish Environment, din l-eċċezzjoni tenfasizza t-tul finit ta’ tilwima individwali pjuttost milli l-attivitajiet permanenti tal-ġudikatura (57). Hija għalhekk tara l-attivitajiet fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 primarjament mill-perspettiva tat-temporalità. Madankollu, din il-loġika ta’ eżenzjoni temporali għall-iżvelar hija kompletament aljena għall-Artikolu 55(3) tar-RĠPD, li jikkonċerna l-attribuzzjoni permanenti ta’ kompetenza f’termini ta’ superviżjoni. Għalhekk, bl-istess mod f’dan il-kuntest, bħalma l-Avukata Ġenerali Sharpston innotat b’mod xieraq fil-kawża Flachglas Torgau, tali attività ġudizzjarja vera “ma għandha ebda bidu jew tmiem” (58).

98.      It-tielet u fl-aħħar nett, nixtieq nindirizza għalfejn l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar, propost mill-Gvern Spanjol, bejn id-dritt għall-protezzjoni tad-data u ċerti drittijiet fundamentali oħra (bħalma huwa neċessarju skont l-Artikolu 85 tar-RĠPD), ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-evalwazzjoni skont l-Artikolu 55(3) ta’ dan ir-regolament. Dan minħabba li l-evalwazzjoni oġġettiva, għall-allokazzjoni ta’ kompetenza superviżorja, dwar jekk attività titwettaqx f’“kapaċità ġudizzjarja”, ma tiddependix fuq l-ibbilanċjar ta’ drittijiet fundamentali. Minflok, skont l-Artikolu 55(3) tar-RĠPD, wieħed għandu jwettaq “evalwazzjoni tat-tip” li hija marbuta, kif spjegajt fis-siltiet iktar ’il fuq, mal-funzjonament ġenerali tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u ta’ politika relatati magħha.

99.      Jiena bl-ebda mod ma qiegħed nimplika li ma huwiex neċessarju eżerċizzju ta’ bbilanċjar sabiex jiġi evalwat jekk żvelar ta’ dokumenti josservax id-dritt ta’ protezzjoni tad-data personali. Żgur li huwa hekk, iżda biss iktar tard, fl-evalwazzjoni dwar jekk l-iżvelar inkwistjoni (imwettaq f’“kapaċità ġudizzjarja”) kienx proporzjonali mal-għan li ried jikseb, u għalhekk konformi mad-dispożizzjonijiet sostantivi tar-RĠPD (59).

100. Fil-qosor, nipproponi li l-kunċett ta’ “jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom”, fis-sens tal-Artikolu 55(3) tar-RĠPD jiġi kkunsidrat minn perspettiva istituzzjonali (“hija qorti?”) li mbagħad tiġi potenzjalment korretta b’evalwazzjoni funzjonali tat-tip ta’ attività inkwistjoni (“x’tip speċifiku ta’ attività qiegħda twettaq il-qorti?”). Fid-dawl tal-għan stabbilit fil-premessa 20 tar-RĠPD, din l-evalwazzjoni ta’ attività tal-aħħar għandha tinvolvi interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “kapaċità ġudizzjarja” li tmur lil hinn mis-sempliċi teħid ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji f’kawża individwali. Hija għandha tkopri wkoll l-attivitajiet kollha li jistgħu indirettament ikollhom impatt fuq l-indipendenza ġudizzjarja tal-qrati. Bħala tali, il-qrati għadhom, awtomatikament, jiġu kkunsidrati li jaġixxu f’“kapaċità ġudizzjarja” sakemm ma jiġix stabbilit, fir-rigward ta’ tip speċifiku ta’ attività, li din hija ta’ natura amministrattiva biss.

C.      Din ilkawża

101. Wara li pproponejt eżami ġenerali li jsegwi, fil-fehma tiegħi, mill-Artikolu 55(3) tar-RĠPD, issa sejjer nindirizza d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

102. Biex infakkar, l-ewwel domanda essenzjalment tistaqsi jekk qrati nazzjonali jaġixxux “fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom” fis-sens tal-Artikolu 55(3) tar-RĠPD meta jiżvelaw ċerti atti proċedurali lil ġurnalist sabiex din il-persuna tkun f’pożizzjoni biex tirrapporta aħjar dwar kawża partikolari. Id-domandi l-oħra jibnu fuq ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja sejra tagħti għal din id-domanda inizjali billi jitolbu gwida dwar jekk l-evalwazzjoni skont l-ewwel domanda hijiex affettwata minn, l-ewwel, il-possibbiltà ta’ interferenza mill-awtorità superviżorja nazzjonali mal-indipendenza ġudizzjarja f’kawża individwali (id-domanda 1a); it-tieni, in-natura u l-għan tal-ipproċessar tad-data, jiġifieri li ġurnalist jiġi informat sabiex ikun jista’ jirrapporta aħjar dwar seduta pubblika fi proċedura ġudizzjarja (id-domanda 1b); jew it-tielet, jekk hemmx bażi legali għal dan l-iżvelar ta’ dokumenti (id-domanda 1c).

103. Rigward l-ewwel domanda, kif spjegajt fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kunċett ta’ “qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom”, fis-sens tal-Artikolu 55(3) tar-RĠPD, għandu jingħata interpretazzjoni istituzzjonali li mbagħad tiġi korretta mill-ġdid, jekk ikun hemm bżonn, b’“korrezzjoni tat-tip ta’ attività”.

104. F’din il-kawża, id-deżinjazzjoni istituzzjonali hija ċara. Fil-fatt, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iservi bħala qorti superjuri fi kwistjonijiet amministrattivi fil-Pajjiżi l-Baxxi. B’mod simili, dwar il-kwistjoni jekk l-attività inkwistjoni taqax fil-kategorija ta’ pproċessar imwettaq f’“kapaċità ġudizzjarja”, hemm qbil ġenerali fost il-partijiet ikkonċernati li l-iżvelar ta’ atti proċedurali lil ġurnalist sabiex ikun jista’ jirrapporta aħjar dwar seduta jaqa’ taħt it-tip ta’ attività ġudizzjarja li huwa kopert mill-Artikolu 55(3) tar-RĠPD.

105. Jiena naqbel. Politika, bħal din f’din il-kawża, ta’ żvelar ta’ atti proċedurali magħżula lill-istampa sabiex ix-xogħol tal-qrati jsir iktar trasparenti u kapaċi jinftiehem tmur fil-qalba tad-dritt għal smigħ xieraq (60), u b’mod ċar hija relatata ma’ aġir f’“kapaċità ġudizzjarja”. Dan l-iżvelar jifforma parti mill-inkarigu ikbar tal-ġudikatura moderna sabiex iżżomm lill-pubbliku informat dwar kif inkisbet il-ġustizzja f’ismu (61).

106. Kuntrarjament għal dak li jallega Ċittadin Z, skont dan ir-raġunament, ma huwiex rilevanti li kien id-dipartiment tal-komunikazzjoni tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), li nifhem li huwa kompost minn persunal tal-qorti li ma humiex imħallfin, li ħareġ id-dokumenti inkwistjoni. Barra mill-fatt li, minħabba l-indipendenza istituzzjonali tal-qrati, din l-istituzzjoni stess tiddeċiedi dwar id-distribuzzjoni interna tal-inkarigi, il-qorti tar-rinviju tispjega, kif ġie kkonfermat fis-seduta mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, li l-iżvelar inkwistjoni seħħ taħt is-superviżjoni ta’ President P.

107. Madankollu, anki jekk id-deċiżjoni ta’ żvelar inkwistjoni ma tteħditx minn dipartiment fi ħdan il-qorti nazzjonali, iżda pjuttost minn organu estern b’mod ġenerali taħt il-kontroll tal-qorti nazzjonali, ir-riżultat ikun l-istess. Minn naħa, dan huwa minħabba li jekk it-tip ta’ attività huwa kopert, mela l-għażla dwar min għandu jwettaq din l-attività skont id-dritt nazzjonali ma hijiex rilevanti. Min-naħa l-oħra, id-diversità fl-istrutturi fil-livell nazzjonali ma tistax twassal għal konklużjoni differenti f’sitwazzjoni fejn attività partikolari sservi biss bħala l-korrezzjoni għal sempliċi deżinjazzjoni istituzzjonali (62). Inkella, awtorità superviżorja bħall-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data tikseb kontroll fuq il-politika tal-istampa tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), li, indirettament jippermettilha li tirrevedi deċiżjoni sostantiva meħuda minn din il-qorti fir-rigward tal-pubbliċità tal-ġustizzja f’kawża individwali.

108. Dan iwassalni għall-punt (a) tal-ewwel domanda. Hawn, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hija għandhiex tiddetermina f’kull każ speċifiku jekk superviżjoni taffettwax indipendenza ġudizzjarja.

109. It-tweġiba hija “le”. Kif spjegajt iktar ’il fuq (63), ir-riferiment għal “kapaċità ġudizzjarja” fil-premessa 20 tar-RĠPD ma għandux jiġi mifhum li jeħtieġ eżami dwar jekk hemmx theddida għall-indipendenza tal-ġudikatura f’kull kawża individwali. Pjuttost, huwa jirrappreżenta d-dikjarazzjoni ġenerali tal-għan tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 55(3) tar-RĠPD, li huwa ta’ natura istituzzjonali. Din id-dikjarazzjoni ta’ għan twassal għall-inklużjoni pjuttost preventiva tat-tipi kollha ta’ attivitajiet tal-qorti, li s-superviżjoni tagħhom, fir-rigward tal-konformità tagħhom mar-RĠPD, tista’ anki jkollha impatt indirett fuq l-indipendenza ġudizzjarja fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 55(3) tar-RĠPD.

110. B’mod iktar prattiku, jista’ jiżdied li, barra minn argumenti ta’ natura strutturali u kostituzzjonali, tali soluzzjoni hija wkoll l-unika waħda raġonevoli u prattika. Fil-fatt, min serjament sejjer jissuġġerixxi li awtorità superviżorja nazzjonali skont l-Artikolu 55(1) tar-RĠPD għandha twettaq, fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar il-kompetenza tagħha li tittratta kwistjoni, evalwazzjoni sħiħa individwalizzata ta’ kull tip ta’ attività ta’ pproċessar? Dawn l-awtoritajiet tassew għandhom jibdew l-inkarigu mhux mixtieq li jiddeterminaw, fuq bażi ta’ każ b’każ, liema huma l-attivitajiet ta’ pproċessar li l-eżerċizzju ta’ superviżjoni jista’ jaffettwa l-indipendenza tal-qorti nazzjonali inkwistjoni, u dawk li le, u immedjatament jiffiltraw b’mod xieraq dak li huma permessi jeżaminaw?

111. Dan huwa relatat mar-risposta li għandha tingħata għall-punt (b) tal-ewwel domanda. Fil-fatt, in-natura u l-għan preċiżi ta’ attività ta’ pproċessar partikolari ma humiex konklużivi għat-tweġiba tal-kwistjoni strutturali ta’ meta l-qorti tkun qiegħda taġixxi f’“kapaċità ġudizzjarja”. Ċertament, l-aċċess miftuħ għall-ġustizzja u l-amministrazzjoni tiegħu huma partikolarment importanti għall-inkarigi tal-ġudikatura moderna f’soċjetà demokratika. Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma għandhomx rwol fl-evalwazzjoni skont l-Artikolu 55(3) tar-RĠPD, sa fejn l-attività ta’ pproċessar inkwistjoni tkun inerenti fil-kunċett iktar wiesa’ ta’ “kapaċità ġudizzjarja”. Fil-fatt, kwalunkwe konklużjoni oħra bil-moħbi tistabbilixxi mill-ġdid it-tip ta’ interpretazzjoni restrittiva proposta mill-Kummissjoni tal-Artikolu 55(3) tar-RĠPD.

112. Inċidentalment, dan il-punt stess jenfasizza preċiżament għalfejn is-salvagwardjar tal-indipendenza tal-ġudikatura jista’ jkun relatat biss mal-għan ġenerali u strutturali li kien wara l-introduzzjoni tal-Artikolu 55(3) tar-RĠPD, u mhux kundizzjoni li għandha tiġi stabbilita f’kull każ individwali (64). Kieku ma kienx hekk, kieku kien ikun pjuttost ċar li l-“interess ta’ aċċess pubbliku u ta’ trasparenza tal-ġustizzja”, iddikjarat bħala l-għan rilevanti għall-ipproċessar partikolari tad-data f’din il-kawża mill-qorti tar-rinviju, huwa differenti mis-“salvagwardjar tal-indipendenza ġudizzjarja”.

113. Imbagħad ikunu possibbli biss żewġ toroq argumentattivi. L-ewwel, wieħed ikollu jikkonkludi li l-ftuħ għal ġustizzja huwa għan differenti mill-indipendenza tal-ġudikatura. Imbagħad, l-iżvelar lill-ġurnalisti jaqa’ lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 55(3) tar-RĠPD, riżultat li l-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż il-Kummissjoni f’dan ir-rigward, jgħidu li sempliċement ma jistax ikun il-każ. It-tieni, wieħed imbagħad ikollu jwessa’ żżejjed il-kunċett (li diġà ma huwiex dejjaq ħafna) ta’ “indipendenza ġudizzjarja”, sabiex jiġu inklużi wkoll il-ftuħ ġudizzjarju u t-trasparenza, u possibbilment kwalunkwe valur ieħor, billi dak kollu li jseħħ fil-forum ġudizzjarju jiġi mibdul f’interess jew valur li huwa inerenti fl-indipendenza ġudizzjarja. Madankollu, dan, imbagħad, ikun ifisser li l-istruttura sħiħa tinqaleb ta’ taħt fuq. L-indipendenza ġudizzjarja ma hijiex għan minnha nnifisha. Ma hijiex valur intrinsiku. Hija minnha nnifisha valur tranżittiv, mezz għal għan li għandu jinkiseb permezz ta’ mħallfin indipendenti: il-konklużjoni ġusta u imparzjali tat-tilwim.

114. Dan ma jfissirx li qatt ma jista’ jkun utli stħarriġ tan-natura u tal-għan ta’ attività ta’ pproċessar. Ovvjament li huwa. Madankollu, mhux fl-istadju ta’ deċiżjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 55(3) tar-RĠPD, iżda minflok fl-istadju ta’ deċiżjoni dwar il-legalità ta’ pproċessar skont l-Artikolu 6(1) tar-RĠPD, jew xi dispożizzjonijiet sostantivi oħra ta’ dan ir-regolament. Jista’, fil-fatt, ikun pjuttost rilevanti li jiġi evalwat għaliex attività partikolari ta’ pproċessar seħħet fid-determinazzjoni dwar jekk din l-attività kinitx, pereżempju, “meħtieġ[a] għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur” fis-sens tal-Artikolu 6(1)(e) tar-RĠPD. B’mod simili, in-natura u l-għan ta’ attività ta’ pproċessar naturalment jaqgħu f’evalwazzjoni tal-konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-RĠPD.

115. Dan huwa fejn il-punt (c) tal-ewwel domanda jorbot ma’ u jkompli fuq l-istess tip ta’ diskussjoni. L-istħarriġ dwar jekk hemmx bżonn ta’ bażi legali fid-dritt nazzjonali, u t-tip ta’ bażi legali meħtieġa, għal darba oħra jidħol fil-merti nnifishom u l-kwistjoni tal-legalità tal-ipproċessar. Din hija kwistjoni li għandha tiġi evalwata skont l-Artikolu 6 tar-RĠPD. Madankollu, filwaqt li l-proċess b’mod ġenerali jsemmi li l-UAVG “timplimenta” r-RĠPD, ma jgħid xejn dwar xi diskussjoni dwar kif l-Artikolu 6 tar-RĠPD ittieħed inkunsiderazzjoni fl-ipproċessar inkwistjoni f’din il-kawża. Barra minn hekk, il-legalità tal-ipproċessar ma hijiex kwistjoni direttament imqajma mill-qorti tar-rinviju.

116. B’mod ġenerali, ma nistax ħlief nagħmel riferiment għall-osservazzjonijiet li saru reċentement dwar din il-kwistjoni fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Valsts ieņēmumu dienests (65). Fil-fatt, kwalunkwe bażi legali stabbilita skont l-Artikolu 6 tar-RĠPD għandha tkopri biss dik li, fil-mertu tagħha, hija prattika ġenerali u attwali ta’ żvelar ta’ dokumenti lill-istampa. Fejn tkun disponibbli bażi legali bħal din, ma nistax nifhem kemm l-għan kif ukoll il-proporzjonalità wara l-ħtieġa ta’ deċiżjoni individwali għal kull attività ta’ pproċessar (66).

D.      Kunsiderazzjonijiet finali: irRĠPD u lfunzjoni ġudizzjarja

117. Din il-kawża hija qisha basla. Għandha ħafna saffi. Jekk wieħed jibqa’ fis-saff ta’ barra tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, u jeħodhom u jweġibhom fil-fatt letteralment, mela wieħed, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ fil-fatt jieqaf f’dan l-istadju. It-tweġiba għall-kwistjoni prinċipali li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju, inkluża fl-ewwel domanda tagħha, relatata mal-Artikolu 55(3) tar-RĠPD, tkun ġiet ipprovduta.

118. Nemmen li huwa possibbli, u fil-kuntest ta’ din il-kawża jkun kompletament iġġustifikat, li wieħed jibqa’ f’dan is-saff ta’ barra. Ma jsir ebda tqaxxir ta’ basal għajr meta jiġi espliċitament mitlub.

119. Madankollu, fl-istess ħin, ma jistax jinħeba l-fatt li, fir-rigward tal-kontenut ġenwin tad-domandi magħmula, il-qorti tar-rinviju gradwalment tiżżerżaq mill-kwistjoni ta’ kompetenza skont l-Artikolu 55(3) tar-RĠPD għall-evalwazzjoni sostantiva tal-kawża possibbilment skont l-Artikolu 6 tar-RĠPD, b’mod partikolari permezz tal-punti (b) u (c) tal-ewwel domanda tagħha. Ċertament, dan iż-żerżiq u l-qsim min-naħa għal oħra kollu jista’ jiġi attribwit għall-kwistjoni ġdida mqajma mill-qorti tar-rinviju u l-konfini mhux ċari tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 55(3) tar-RĠPD. Malli din l-interpretazzjoni tiġi pprovduta, il-kwistjonijiet kollha jsiru ċari u dawn il-kunsiderazzjonijiet ikunu żejda.

120. Madankollu, dan kollu jista’ fil-fatt ukoll jittieħed bħala indikazzjoni ta’ xi ħaġa oħra: jiġifieri, li huwa pjuttost diffiċli li l-kwistjoni tal-kompetenza skont l-Artikolu 55(3) tar-RĠPD tiġi sseparata b’mod pulit minn kunsiderazzjonijiet ta’ mertu u ta’ kamp ta’ applikazzjoni tal-istrument sħiħ fl-ewwel lok. Fil-fatt, kieku r-RĠPD ma kienx applikabbli għal ċerti tipi ta’ attivitajiet, mela xi jkun il-punt li sseħħ deliberazzjoni dwar min għandu jissorvelja dan (67)? L-istess japplika għal sitwazzjoni fejn Stat Membru legalment jeskludi lill-qrati mill-obbligi skont ir-RĠPD: ebda obbligi sostantivi imposti jkun ifisser li ma hemm xejn li għandu jiġi ssorveljat fl-ewwel lok.

121. Fl-istess ħin, rigward iktar minn hekk is-saff istituzzjonali u proċedurali tal-kawża, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, Ċittadin Z qajjem dubji rigward il-kompatibbiltà tal-Artikolu 55(3) tar-RĠPD mal-Artikoli 8(3) u 47 tal-Karta. Huwa jikkunsidra l-Artikolu 55(3) tar-RĠPD bħala invalidu sa fejn din id-dispożizzjoni teskludi l-kompetenzi tal-awtorità superviżorja (ġeneralment kompetenti) tal-Artikolu 55(1) mingħajr, fl-istess ħin, ma jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu awtorità indipendenti oħra skont il-formulazzjoni tal-Artikoli 8(3) tal-Karta u tal-Artikolu 16(2) TFUE. Din il-lakuna leġiżlattiva x’aktarx anki toħloq ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta u potenzjalment anki tal-Artikolu 19(1) TUE. Jingħad li dan iċaħħad lil Ċittadin Z minn kwalunkwe rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti.

122. Madankollu, bit-teħid inkunsiderazzjoni b’mod xieraq ta’ dawn il-punti kollha, fid-dawl tal-fatt li l-ebda waħda minn dawn il-kwistjonijiet ma ġiet fil-fatt imqajma espliċitament mill-qorti tar-rinviju, iżda anki fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni, tal-kuntest, u tal-argumenti diskussi fil-mori ta’ dawn il-proċeduri, nemmen li jkun aħjar jekk dawn il-kwistjonijiet jitħallew għal kawża oħra, jekk ikun hemm il-bżonn.

123. Għaldaqstant jiena sejjer sempliċement nikkonkludi b’diversi rimarki dwar il-ħsieb leġiżlattiv tar-RĠPD fir-rigward tal-funzjoni ġudizzjarja tal-qrati. Jiena ppruvajt nifhem il-ħsieb leġiżlattiv wara l-arranġament ta’ mertu, ta’ eċċezzjonijiet, ta’ superviżjoni ta’ konformità mar-RĠPD. Madankollu, nibqa’ mfixkel dwar x’inhu dak li eżattament suppost kellu jinkiseb billi l-attività ġudizzjarja tal-qrati tiġi sottomessa għall-obbligi li joriġinaw mir-RĠPD. Dan fir-rigward tan-natura inerenti ta’ din l-attività (1), iżda anki fir-rigward ta’ min għandu jiġi inkarigat bil-monitoraġġ tal-konformità ġudizzjarja tar-RĠPD (2).

1.      Ilmertu: kollox huwa legali

124. Malli r-RĠPD jiġi applikat għall-qrati, x’jibdel fil-mod li bih titwettaq il-funzjoni ġudizzjarja? Fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni apparentament bla limitu tar-RĠPD, jista’ jidher sorprendenti li l-obbligi li jirriżultaw dwar din il-funzjoni jidhru li huma sorprendentement ħfief. Id-dispożizzjonijiet sostantivi tar-RĠPD jew diġà jipprevedu li kwalunkwe pproċessar normali għal għanijiet ġudizzjarji huwa legali; jagħmlu riferiment għal dispożizzjonijiet komplimentari (u possibbilment li jillimitaw) tal-Istati Membri; jew, mill-inqas, jippermettu bbilanċjar ġeneruż fil-konfront ta’ ċerti drittijiet u prinċipji fundamentali ta’ soċjetà demokratika li għal darba oħra jippermettu għal kważi kwalunkwe deroga fir-rigward tal-funzjoni ġudizzjarja.

125. L-Artikolu 6(1)(e) tar-RĠPD jipprovdi eżempju f’dan ir-rigward. Din id-dispożizzjoni tikkunsidra kwalunkwe attività ta’ pproċessar “meħtieġ[a] għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali [mogħti]” lil qorti nazzjonali bħala legali “ex lege”. Deroga simili (għalkemm iktar espliċitament) toriġina mill-Artikolu 9(2)(f) tal-istess regolament għall-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali. Fejn tapplika xi waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, ma huwa meħtieġ ebda kunsens mill-persuna kkonċernata, u l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw b’mod iktar preċiż kif għandu jseħħ l-ipproċessar f’sitwazzjoni bħal din (68). Fi kliem ieħor, u suġġett għall-prinċipji ta’ pproċessar tad-data stabbiliti fl-Artikolu 5 tiegħu (69), ir-RĠPD stess jipprovdi bażi legali sabiex kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mwettaq mill-qrati nazzjonali li huwa neċessarju għat-twettiq tal-inkarigi uffiċjali tagħhom jiġi kkunsidrat legali.

126. Barra minn hekk, permezz tal-Artikolu 23(1)(f) tar-RĠPD, l-Istati Membri jistgħu wkoll jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u 34 tar-RĠPD, kif ukoll, f’ċerti sitwazzjonijiet, l-Artikolu 5 tagħhom, sabiex jiġu protetti l-“indipendenza ġudizzjarja u l-proċedimenti ġudizzjarji”. Fis-seduta, il-Kummissjoni spjegat li l-Artikolu 23(1)(f) tar-RĠPD għandu jinftiehem li jiffunzjona b’mod simili għall-Artikolu 52(1) tal-Karta, u ma għandux jiġi kkunsidrat bħala dispożizzjoni oħra li tillimita l-kompetenza tal-awtorità superviżorja.

127. Naqbel mal-Kummissjoni fuq dan il-punt: l-Artikolu 23(1)(f) tar-RĠPD ma għandux rabta diretta mal-Artikolu 55(3) tar-RĠPD (70). Dan madankollu jippermetti deroga kompleta, mill-Istati Membri, mid-drittijiet kollha tal-persuni kkonċernati skont il-Kapitolu III tar-RĠPD għal dak li jidher ukoll li huwa xi tip ta’ attività ġudizzjarja (“indipendenza ġudizzjarja u l-proċedimenti ġudizzjarji”).

128. Finalment, dan kollu huwa possibbli mingħajr (għalissa) lanqas biss kien involut xi tip ta’ eżerċizzju ta’ bbilanċjar mad-drittijiet jew interessi fundamentali barra mill-protezzjoni tad-data, li jappartjeni għall-evalwazzjoni tal-legalità ta’ attivitajiet ta’ pproċessar individwali (u r-rekwiżit ta’ minimizzazzjoni – proporzjonalità inkluż fihom). Minħabba l-imperattivi ta’ trasparenza ġudizzjarja u l-aċċess miftuħ għall-ġustizzja, dawn x’aktarx ikopru kwalunkwe użu normali ta’ data personali għall-għanijiet ta’ ġudizzju.

129. Ir-riżultat jidher li huwa awtodistruttiv. Id-dritt tal-Unjoni jissovrapponi qafas eżawrjenti tal-protezzjoni tad-data fuq il-funzjoni ġudizzjarja, li għandu jkun hemm konformità miegħu, filwaqt li fl-istess ħin jippermetti ħafna mogħdijiet ta’ ħruġ sostantivi. Żid ma’ dan il-“qbid tal-kompetenza” introdott mill-Artikolu 5(3) tar-RĠPD u l-liġi effettivament tiġi lura fejn bdiet sabiex jinżamm il-“modus operandi” tal-qrati nazzjonali qabel l-introduzzjoni ta’ dawn ir-regoli. Dan iwassal għall-mistoqsija: allura għalfejn kien hemm il-bżonn ta’ tali multipliċità ta’ regoli jekk, fil-verità, dawn ir-regoli nbidlu ftit ħafna fil-livell nazzjonali?

130. Dan ma jfissirx li tali konklużjoni ma għandhiex tiġi aċċettata. Fil-fehma tiegħi, naqbel kompletament li ma jistax ikun mod ieħor. Dan mhux biss sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi tradizzjonijiet ġudizzjarji u kostituzzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tal-pubbliċità tal-ġustizzja (71). Dan huwa fuq kollox inerenti fil-funzjoni ġudizzjarja stess. Il-ġudizzju jfisser dettall individwalizzat imressaq fil-forum pubbliku. Nixtieq ħafna nenfasizza ż-żewġ elementi ta’ din il-proposta.

131. Minn naħa, il-bażi għal-leġittimità ġudizzjarja f’kawża individwali hija l-fatti u d-dettalji tagħha. L-imħallef jiddeċiedi kawża individwali. L-inkarigu tiegħu ma huwiex li jabbozza regoli astratti, ġenerali u anonimi maqtugħa minn fatti u sitwazzjonijiet individwali. Dan huwa l-inkarigu ta’ leġiżlatur. Iktar ma deċiżjoni ġudizzjarja titbiegħed mill-kuntest fattwali ta’ kawża pubblika tal-qorti jew taħbih, jew jekk imbagħad tiġi rrapportata b’limitazzjonijiet sinjifikattivi, iktar issir inkomprensibbli, u ssir inqas leġittima bħala deċiżjoni ġudizzjarja (72).

132. Min-naħa l-oħra, sa minn żmien ir-Rumani, iżda preżubbilment anki qabel, jekk rikorrent talab għall-għajnuna tal-komunità jew iktar tard l-Istat sabiex it-talba tiegħu tintlaqa’ u tiġi eżegwita mill-Istat, huwa kien obbligat jidħol fil-forum pubbliku u jħalli l-kawża tiegħu tinstema’ hemm. Fiż-żminijiet Rumani klassiċi, ir-rikorrent kien anki intitolat juża l-vjolenza kontra l-intimat li jirrifjuta li jidher fil-pubbliku (il-parti tal-Grigal tal-Forum Ruman imsejħa l-comitium), quddiem il-maġistrat (bilqiegħda fuq siġġu li jirrombla fuq tribuna ogħla mill-pubbliku ġenerali – għalhekk fil-fatt it-tribunal), meta msejjaħ quddiem qorti (in ius vocatione) (73).

133. Huwa minnu li, iktar tard, kien hemm fehmiet oħra tal-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja u tal-pubbliċità tagħha. Dawn x’aktarx huma inklużi bl-aħjar mod fi kwotazzjoni ta’ mħallef fil-Parlement de Paris li kien qiegħed jikteb istruzzjonijiet lill-kollegi ta’ rank inferjuri minnu fl‑1336, u jispjega għalfejn qatt ma għandhom jiżvelaw il-fatti kkonstatati jew ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħhom: “Għax ma huwiex tajjeb li xi ħadd ikun jista’ jiġġudika dwar il-kontenut ta’ digriet jew jgħid ‘huwa simili jew le’, iżda l-istranġieri lablabin għandhom jitħallew fid-dlam u ħalqhom magħluq, sabiex ma jseħħ ebda preġudizzju lil ħaddieħor. […] Għax ħadd ma għandu jkun jaf is-sigrieti tal-ogħla qorti, li ma għandha ebda superjur ħlief Alla […]” (74) [traduzzjoni libera].

134. Fiż-żmien modern, b’ritorn għall-kwotazzjoni tal-bidu ta’ Jeremy Bentham, għal darba oħra jitwemmen li l-istranġieri lablabin għandhom jitħallew jaraw u jifhmu l-ġustizzja. Ċertament, bl-introduzzjoni ta’ teknoloġiji moderni, numru ta’ kwistjonijiet għandhom kontinwament jiġu evalwati mill-ġdid sabiex l-istranġieri lablabin ma jkunux jistgħu joħolqu preġudizzju lil ħaddieħor.

135. Madankollu, kwalunkwe bidla bħal din, b’mod partikolari dik li tolqot l-aċċess miftuħ u t-trasparenza tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju, mingħajr ma twaqqa’ l-pedamenti tal-istruttura sħiħa (75). Il-ġudizzju huwa u jibqa’ teħid ta’ deċiżjoni individwalizzat li jeħtieġ livell ta’ dettall u data personali, li għandu jseħħ, ċertament f’termini tal-konklużjoni tiegħu, fil-forum pubbliku.

136. Biex nagħlaq f’dan ir-rigward b’eżempju speċifiku li diġà ġie indikat f’dawn il-konklużjonijiet (76), fil-fehma tiegħi, ir-RĠPD ma jinkludi ebda dritt għal “smigħ anonimu”. Fid-dawl ta’ dak kollu li ġie indikat iktar ’il fuq, jidher stramb u perikoluż li wieħed jaħseb li rikorrenti li jidħlu fl-agora pubblika għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt tagħhom, fejn l-imħallfin jitkellmu f’isem il-komunità u jaġixxu quddiem l-għajnejn seqer ta’ sħabhom ċittadin, għandu jkollhom dritt sabiex l-identità tagħhom tinżamm sigrieta u l-kawża tagħhom tiġi anonimizzata awtomatikament, inkluż mill-qorti li tkun qiegħda tiddeċiedi l-kawża stess, mingħajr ma jkun hemm xi raġuni speċifika u serja għal din l-anonimità (77).

137. Naturalment, il-pubbliċità ta’ sentenza ma hijiex assoluta. Hemm eċċezzjonijiet b’raġunijiet solidi u neċessarji (78). Il-punt sempliċi li għandu jiġu kkunsidrat hawn huwa: dak li huwa r-regola u dak li huwa l-eċċezzjoni. Il-pubbliċità u l-aċċess miftuħ għandhom jibqgħu r-regola, li l-eċċezzjonijiet għaliha huma naturalment possibbli u xi drabi neċessarji. Madankollu, sakemm ir-RĠPD ma jiġix mifhum bħala li jimponi qawmien mill-ġdid tal-aqwa prattiki tal-Parlement de Paris tas-seklu erbatax, jew, f’dan ir-rigward, elementi oħra tal-Ancien Régime jew Star Chamber(s) (79) huwa pjuttost diffiċli li jiġi spjegat għaliex, fl-isem tal-protezzjoni tad-data personali, din ir-relazzjoni issa għandha tinqaleb: is-segretezza u l-anonimità kellhom isiru r-regola, li għaliha l-aċċess miftuħ jista’ forsi okkażjonalment isir l-eċċezzjoni milqugħa.

138. Bħala konklużjoni u b’mod ġenerali, wieħed ma jistax ħlief għal darba oħra jistagħġeb, f’dak li jikkonċerna l-ħsieb leġiżlattiv ġenerali tal-applikazzjoni tar-RĠPD fir-rigward ta’ attivitajiet ġudizzjarji tal-qrati, għaliex is-sistema hija maħsuba (l-ewwel) sabiex tinkludi kollox imbagħad (iktar tard) effettivament li teskludi l-effetti ta’ din il-kopertura ġenerali skont id-dispożizzjonijiet sostantivi individwali, jew potenzjalment kompletament skont l-Artikolu 23(1)(f) tar-RĠPD. Il-qrati nazzjonali, filwaqt li “jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom”, allura ma kellhomx sempliċement jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-RĠPD kompletament?

2.      Listituzzjonijiet u lproċeduri: quis custodiet ipsos custodes?

139. Is-saff sostantiv jorbot dak istituzzjonali. Din il-kwistjoni żżid il-kwistjoni tal-“kif” mal-“għaliex’ sostantiv diġà pjuttost peżanti. Kif, f’termini prattiċi, għandhom jiġu ssorveljati l-qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom f’termini tal-konformità tagħhom mar-RĠPD u minn min eżattament? Fil-fatt, jekk il-qrati nazzjonali għandhom japplikaw ir-RĠPD, u madankollu l-awtoritajiet superviżorji kompetenti ma għandhomx imexxu l-attivitajiet superviżorji “fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom” skont l-Artikolu 55(3) tar-RĠPD, min sejjer jipproteġi d-dritt fundamentali tal-protezzjoni tad-data personali ta’ persuna, żgurat mill-Artikolu 8(1) u (3) tal-Karta?

140. Dan huwa fejn, fil-fehma tiegħi, ir-rabta bejn l-Artikolu 55(3) u l-premessa 20 tar-RĠPD toħloq xi problemi.

141. Il-partijiet kollha f’dawn il-proċeduri jispjegaw li l-Artikolu 55(3) tar-RĠPD għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 20 tar-RĠPD. Din il-premessa tiddikjara li, meta awtoritajiet superviżorji nazzjonali jissorveljaw u jeżegwixxu r-RĠPD, dawn l-inkarigi madankollu ma għandhomx jinterferixxu mal-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja fis-superviżjoni tal-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ “qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom”. It-tielet sentenza tal-premessa 20 tar-RĠPD imbagħad tinnota li “[s]-superviżjoni ta’ tali attivitajiet tal-ipproċessar tad-data għandha tkun tista’ tiġi fdata lil entitajiet speċifiċi fi ħdan is-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru”.

142. Madankollu, l-approċċ issuġġerit fil-premessa 20 huwa kompatibbli mal-kriterju ta’ “indipendenza” tal-Artikolu 8(3) tal-Karta? Fil-fatt, kif tista’ kwalunkwe “qorti ta’ superviżjoni”, stabbilita b’dan il-mod mill-Istati Membri fi ħdan l-istrutturi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom sabiex tiġi żgurata konformità mar-RĠPD, taġixxi bħala terz indipendenti mill-istess qrati li allegatament wettqu ksur tar-RĠPD? Dan ma jqajjimx kwistjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta?

143. Il-kontemplazzjoni ta’ struttura istituzzjonali u proċedurali xierqa għal dan it-tip ta’ sitwazzjoni malajr tinbidel f’déjà-vu, li tfakkar f’diskussjonijiet li nfetħu mill-kawża Köbler (80). Min għandu jiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà tal-Istat għal ksur ġudizzjarju tad-dritt tal-Unjoni? Qrati “normali” oħra fi ħdan is-sistema ġudizzjarja, bil-perikolu li xi darba l-qorti suprema jkollha tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà tagħha stess? Jew xi super-qorti stabbilita b’mod speċjali? X’jiġri jekk anki s-super-qorti tiżbalja? F’dan ir-rigward, il-premessa 20 tar-RĠPD għal darba oħra tenfasizza l-kwistjoni stess li l-Istati Membri sostnew fil-kawża Köbler: jiġifieri, li l-indipendenza ġudizzjarja “reali” tiġi kompromessa permezz ta’ dritt estern eżegwibbli għall-istħarriġ ta’ atti jew ta’ omissjonijiet ġudizzjarji kontra r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data (81).

144. Madankollu, b’differenza mill-kawża Köbler, fejn nassumi li numru ta’ mħuħ raġonevoli kienu kapaċi jagħmlu sens mill-prinċipju li l-Istati Membri għandhom ikunu obbligati jagħmlu tajjeb għall-ħsara kkawżata minn qorti tal-aħħar istanza li tagħti deċiżjoni li tikser id-dritt tal-Unjoni (82), bl-ebda mod ma huwa apparenti għaliex tali indipendenza “reali” għandha tiġi ssagrifikata fuq l-artal tas-superviżjoni tal-konformità ma’ strument ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, bħar-RĠPD, li diġà jipprevedi mezzi oħra ta’ eżekuzzjoni. Ċertament ma jistax jiġi miċħud li dan l-istrument għandu pedamenti solidi ta’ dritt primarju fl-Artikolu 8 tal-Karta u fl-Artikolu 16 TFUE. Il-punt pjuttost huwa li rimedju u danni kontra l-qrati bħala kontrolluri jeżistu separatament skont l-Artikoli 79 u 82 tar-RĠPD u irrispettivament mill-Artikolu 55(3) tiegħu.

145. Fl-istess ħin, tista’ tinstab soluzzjoni potenzjali jekk it-tielet sentenza tal-premessa 20 tar-RĠPD ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni wisq letteralment. Fil-fatt, wara kollox, hija sempliċement premessa u mhux dispożizzjoni leġiżlattiva indipendenti u għalhekk vinkolanti (83). Kieku dan kien l-approċċ, fil-fatt apparentament aċċettat f’xi Stati Membri, mela d-dispożizzjonijiet sostantivi tar-RĠPD jiġu kkunsidrati biss li jistabbilixxu drittijiet li għandhom ikunu kapaċi jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali, fi ħdan il-proċeduri ġudizzjarji normali disponibbli f’dan l-Istat Membru (84).

146. Kieku fil-fatt din kienet ir-rotta istituzzjonali u proċedurali magħżula, wieħed ikun jista’ jipprevjeni kemm il-problema li “terz dipendenti” jitħalla jikkontrolla l-attivitajiet tal-ġudikatura u l-bżonn li tiġi stabbilita super-qorti sabiex tissorvelja l-qrati l-oħra. Madankollu, skont dan l-approċċ, wieħed x’aktarx xorta ma jissodisfax ir-rekwiżit tal-Artikolu 8(3) tal-Karta li jkollu awtorità “indipendenti” li tissorvelja l-konformità mad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (85).

147. Minn din il-perspettiva, is-soluzzjoni tal-“qorti interna” jidher li hija l-unika għażla li taħdem għall-problema indikata iktar ’il fuq tat-tqegħid tas-superstruttura tar-RĠPD fid-dinja pjuttost speċifika tal-ġudikatura nazzjonali (86).

148. Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li l-uniku mod kompatibbli mal-Karta jkun l-għażla ta’ awtorità ta’ “stħarriġ intern” bħal din, xorta jidher pjuttost mhux ċar preċiżament dak li suppost tissorvelja din l-awtorità.

149. L-ewwel, kif ġie spjegat fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-RĠPD jippreżumi li l-attivitajiet ta’ pproċessar tal-qorti huma legali u jippermetti, barra minn din il-preżunzjoni ġġeneralizzata, li ċerti drittijiet u obbligi, kif ukoll prinċipji fundamentali relatati mal-ipproċessar tad-data personali, jiġu ristretti permezz ta’ miżuri leġiżlattivi nazzjonali.

150. It-tieni, f’ħafna Stati Membri jekk mhux kollha, il-kodiċijiet ġudizzjarji nazzjonali ta’ proċedura applikabbli għal proċeduri ġudizzjarji jirregolaw f’ħafna iktar dettall l-immaniġġjar ta’ data personali fl-istadji individwali kollha tal-proċeduri ġudizzjarji: jiġifieri, dak li dokument speċifiku għandu u ma għandux jinkludi, min għandu aċċess għal xiex, taħt liema kundizzjonijiet liema informazzjoni tista’ titneħħa/tiġi kkorreġuta; liema limitazzjonijiet ta’ kunfidenzjalità japplikaw, liema informazzjoni u data suppost ikunu inklużi f’deċiżjoni ġudizzjarja, eċċ (87).

151. It-tielet, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn ir-regoli minn imħallfin nazzjonali diġà huwa suġġett għal kontroll u għal sanzjonijiet potenzjali, ta’ almenu żewġ tipi. Minn naħa, hemm is-sanzjonijiet kontra d-deċiżjoni stess, li jwasslu għall-annullament potenzjali tagħha. Min-naħa l-oħra, hemm sistemi ta’ responsabbiltà personali ta’ mħallfin fi proċeduri dixxiplinari.

152. Fid-dawl ta’ ambjent leġiżlattiv bħal dan, wieħed jimmaġina li r-RĠPD jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-interazzjoni tiegħu ma’ oqfsa leġiżlattivi oħra. X’inhi l-“lex specialis” u kif suppost jikkoeżistu d-diversi oqfsa istituzzjonali u proċedurali? Kif għandhom jiġu solvuti kwalunkwe kunflitti normattivi li jkunu possibbli? Sfortunatament, ir-RĠPD ma jipprovdi ebda regola dwar tali kunflitt, u għaldaqstant iwassal għall-mistoqsija separata dwar jekk ir-RĠPD fil-fatt għandux jiġi mifhum li jissovrapponi regoli proċedurali nazzjonali jew għandux jinqara bħala kumplimentari għalihom.

153. Kieku dan kien il-każ, dan ifisser li, pereżempju, il-persuni kkonċernati jistgħu jitolbu lill-qrati nazzjonali sabiex “jirrettifikaw” l-eċċezzjonijiet tagħhom barra mit-termini proċedurali nazzjonali (skont l-Artikolu 16 tar-RĠPD) (88)? X’jiġri jekk parti fil-kawża, fid-dawl ta’ konklużjoni negattiva f’kawża, jirnexxilha tissodisfa l-livell minimu ta’ invokazzjoni tad-“dritt li wieħed jintesa” (skont l-Artikolu 17 tal-V) sabiex jitneħħew sentenza jew reġistru ta’ proċedura mill-memorja ġudizzjarja kollettiva wara li tkun ingħatat din is-sentenza (89)?

154. Fid-dawl ta’ dawn il-ħafna kumplessitajiet kollha, x’aktarx ma huwiex daqstant sorpriża li numru ta’ Stati Membri ltaqgħu ma’ diffikultajiet li wieħed jista’ jifhem fl-istabbiliment ta’ strutturi istituzzjonali xierqa skont l-Artikolu 55(3) tar-RĠPD li madankollu huma konformi mal-Artikolu 8(3) tal-Karta (90).

155. Dawn iż-żewġ elementi indirizzati f’din it-taqsima flimkien, jiġifieri, l-elementi ta’ mertu u dawk ta’ istituzzjonijiet u proċeduri, iħallu sens ta’ konfużjoni li diġà ssemma fil-bidu tat-Taqsima D. Fid-dawl tal-eżistenza kontinwa ta’ problemi sistemiċi bħal dawn, għaliex għandhom, fl-ewwel lok, jinħolqu superstrutturi bħal dawn b’nofs qalb iżda li b’mod sorprendenti jkollhom kopertura wiesgħa ħafna? Biex jeżegwixxu, fir-rigward tal-attività ġudizzjarja tal-qrati, drittijiet sostantivi kważi ineżistenti? Dan kollu huwa verament mistħoqq?

V.      Konklużjoni

156. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi għal deċiżjoni preliminari magħmula mir-Rechtbank Midden-Nederland (il-Qorti Distrettwali ta’ Midden-Nederland, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

L-ewwel domanda

L-Artikolu 55(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) għandu jiġi interpretat li jfisser li l-prattika tal-iżvelar ta’ atti proċedurali lil ġurnalist bl-għan li jkun jista’ jirrapporta aħjar seduta pubblika titwettaq mill-qrati “li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom”.

Il-punt (a) tal-ewwel domanda

L-Artikolu 55(3) tar-Regolament 2016/679 ma jeħtieġx determinazzjoni dwar jekk attività ta’ pproċessar tal-qrati nazzjonali “li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom” taffettwax it-teħid ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji indipendenti f’kull kawża speċifika.

Il-punt (b) tal-ewwel domanda

Id-determinazzjoni tan-natura u tal-għan ta’ attività ta’ pproċessar partikolari ma tifformax parti mill-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 55(3) tar-Regolament 2016/679, meta jiġi stabbilit jekk il-qrati nazzjonali kinux qegħdin jaġixxu “fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom”.

Il-punt (c) tal-ewwel domanda

Għall-għanijiet tad-determinazzjoni dwar jekk twettqitx attività ta’ pproċessar tal-qrati nazzjonali “fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom”, fis-sens tal-Artikolu 55(3) tar-Regolament 2016/679, ma huwiex rilevanti jekk dawn il-qrati aġixxewx skont bażi legali espliċita fid-dritt nazzjonali.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Burton, JH. (editur), Benthamiana: or select extracts from the works of Jeremy Bentham, Lea & Blanchard, Philadelphia, 1844, p. 139.


3      It-test ikkwotat kien oriġinarjament ippubblikat f’Bentham, J., Draught of a New Plan for the organisation of the Judicial Establishment in France: proposed as a Succedaneum to the Draught presented, for the same purpose, by the Committee of Constitution, to the National Assembly, December 21st, 1789, Londra, 1790.


4      Pereżempju, fil-prattika tal-Parlement de Paris fis-seklu 14, il-fatti u l-motivazzjonijiet għal deċiżjoni kellhom jinżammu sigrieti. Dawn kienu kkunsidrati bħala parti mill-proċess ta’ deliberazzjoni ġudizzjarja, li kellu jinżamm kunfidenzjali. Ara Dawson, JP., The Oracles of the Law, The University of Michigan Law School, 1968, p. 286 sa 289. Fid-dettall, ara wkoll Sauvel, T., “Histoire du jugement motivé”, Revue du droit public, 1955, Vol. 61, p. 5.


5      Ara, bħala informazzjoni ġenerali, il-Linji Gwida dwar l-Istampa tal-Ġudikatura Olandiża tal‑2013, disponibbli hawn: https://www.rechtspraak.nl/SiteCollectionDocuments/Press-Guidelines.pdf, Artikolu 2.3 u n-noti ta’ spjega f’paġni 6 u 7 tagħhom.


6      Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).


7      L-ismijiet tal-partijiet prinċipali ġew emendati ftit sabiex jiggwidaw aħjar lill-qarrej f’forma li tinftiehem aħjar fil-labirint ta’ psewdoanonimizzazzjoni ġġeneralizzata adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja mill‑2018 (ara l-istqarrija għall-istampa tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea “Mill‑1 ta’ Lulju 2018, il-kawżi għal deċiżjoni preliminari li jinvolvu persuni fiżiċi ser jiġu anonimizzati” https://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application/pdf/2018-06/cp180096mt.pdf). Fil-fatt, jekk il-proża ġudizzjarja futura tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tidher qisha rumanz ta’ Kafka, mela għaliex ma jiġux adottati wħud mill-elementi letterarji pożittivi ta’ Kafka wkoll?


8      Sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27).


9      Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et (C‑83/19, C‑127/19, C-195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C‑119/05, EU:C:2007:434, punt 43); tas‑26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et (C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 47); u tas‑26 ta’ April 2017, Farkas (C‑564/15, EU:C:2017:302, punt 37).


12      Ara l-Artikoli 2(1) u 4(2) tar-RĠPD.


13      Qabbel f’dan ir-rigward ma’, pereżempju, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).


14      F’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et (C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15      Fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 55(1) u 56(1), ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et (C‑645/19, EU:C:2021:483, punti 47 sa 50).


16      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punti 71 sa 72 u 76 sa 77), li kkunsidrat l-iżvelar ta’ ċerta data personali lill-pubbliku kif ukoll l-aċċess tal-pubbliku għal database li tinkludi din id-data personali bħala “attività ta’ pproċessar” fir-rigward tal-Artikolu 2(1) tar-RĠPD; u s-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2021:492, punti 97 sa 123), li tevalwa żewġ tipi ta’ pproċessar ta’ data personali, minn żewġ kumpanniji differenti, li jseħħ “upstream” u “downstream”. F’dan is-sens, ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Deutsche Post (C‑496/17, EU:C:2019:26, punti 60 sa 69), li tikkonċerna diversi attivitajiet ta’ pproċessar minn awtoritajiet differenti relatati mad-data fiskali ta’ persuni fiżiċi.


17      Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat (C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 62).


18      Ara l-Artikolu 4(1) tar-RĠPD. Dwar l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ data personali, ara, pereżempju, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 62).


19      Dan fil-fatt għandu jkun il-punt ta’ tluq għall-evalwazzjoni ta’ kwalunkwe drittijiet u obbligi tal-partijiet skont ir-RĠPD. Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Fashion ID (C‑40/17, EU:C:2019:629, punti 72 u 74), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’Valsts ieņēmumu dienests (Traitement des données personnelles à des fins fiscales) (C‑175/20, EU:C:2021:690, punt 42).


20      Bħalma jipprevedi l-Artikolu 4(2) tar-RĠPD stess.


21      Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Bavarian Lager (C‑28/08 P, EU:C:2010:378, punt 69), u tad‑19 ta’ April 2012, Bonnier Audio et (C‑461/10, EU:C:2012:219, punt 52).


22      Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 45), u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International (C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 41), fil-kuntest tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514). Ara wkoll is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 45), fil-kuntest ta’ trasferimenti ta’ data lil pajjiż terz.


23      Ara iktar ’il fuq, il-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, ara wkoll il-punt 47 u l-ħtieġa li jkun hemm ċarezza fir-rigward tal-attività ta’ pproċessar speċifika sabiex jiġu żgurati d-drittijiet tal-obbligi li jirriżultaw minnha.


24      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat (C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 57). Madankollu, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Bavarian Lager (C‑28/08 P, EU:C:2009:624, punti 142 sa 150).


25      Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 68).


26      Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      B’din il-premessa, hi stess ħafna iktar restrittiva mill-Artikolu 2(2)(a) tar-RĠPD, li tiġi interpretata anki b’mod partikolarment reduzzjonist – ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punti 66 sa 68).


28      Ara l-premessi 16 u 19 tar-RĠPD.


29      Li, ukoll, għandha, għal darba oħra, tiġi interpretata b’mod restrittiv, u għaldaqstant għandha tkun limitata għal attività purament (f’termini ta’ esklużivament) personali jew tad-dar – ara, pereżempju, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš (C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 30).


30      Ċertament, dejjem nista’ ndur għall-Artikolu 6(1)(c) (it-tqasqis f’pub huwa obbligu legali li jiena obbligat għalih b’konvenzjoni soċjali) jew għall-Artikolu 6(1)(d) tar-RĠPD (l-interess vitali ta’ sħabi, fi kliem ieħor persuna fiżika oħra, li jkollhom xi ħaġa dwar xiex jitkellmu f’pub jeħtieġ l-informazzjoni li tkun qiegħda tiġi trażmessa)). Nissuspetta, madankollu, li awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tad-data ma tkunx impressjonata b’raġunar innovattiv bħal dan.


31      Li setgħet kienet waħda mir-raġunijiet għaliex, għal raġunijiet ta’ “kemm sens komun u ta’ ġustizzja”, il-Court of Appeal of England & Wales (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit) iddeċidiet li l-att tal-anonimizzazzjoni ta’ data personali ma jikkwalifikax minnu nnifsu bħala “pproċessar” skont il-UK Data Protection Act 1998 (l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data tar-Renju Unit) tal‑1998. Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 1999 fil-kawża Regina vs Department of Health, Ex Parte Source Informatics Ltd [1999] EWCA Civ 3011 f’[45].


32      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


33      Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston tal‑15 ta’ Ottubru 2009 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Bavarian Lager (C‑28/08 P, EU:C:2009:624, punti 135 sa 146).


34      Organu konsultattiv stabbilit mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46, illum issostitwit mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, stabbilit skont l-Artikolu 68 tar-RĠPD (iktar ’il quddiem il-“Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data”).


35      Ara l-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data fl-Opinjoni 4/2007 tiegħu dwar il-kunċett ta’ data personali (01248/07/MT WP 136, 20 ta’ Ġunju 2007, p. 4 u 5).


36      Ibid., p. 5.


37      Storikament, ħadd ma kellu problema bl-ipproċessar ta’ data personali sakemm ma tinħoloqx l-ewwel sistema ta’ arkivjar u databases b’sensieli kbar ta’ data, li jippermettu l-ħolqien ta’ għarfien ġdid u data ġdida bl-aggregazzjoni awtomatizzata tad-data u/jew aċċess faċli għal din id-data. L-esperjenza storika u l-ħtieġa ma għandhomx ukoll jiggwidaw din l-interpretazzjoni tal-liġijiet maħluqa għal dan l-għan speċifiku?


38      Sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Bavarian Lager (C‑28/08 P, EU:C:2010:378, punti 70 u 71).


39      Għal iktar dettall, ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’Valsts ieņēmumu dienests (Traitement des données personnelles à des fins fiscales) (C‑175/20, EU:C:2021:690, punti 35 sa 41).


40      Premessa 4 tar-RĠPD.


41      Għal indikazzjoni ta’ diversi oqsma oħra tad-dritt li jinkludu qasma bħal din, ara, rispettivament, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Friends of the Irish Environment (C‑470/19, EU:C:2020:986, punti 71 sa 75 u 81 sa 82) u Il‑Kummissjoni vs Breyer (C‑213/15 P, EU:C:2016:994, punti 52 sa 64).


42      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2016:825, punti 85 u 86).


43      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Friends of the Irish Environment (C‑470/19, EU:C:2020:986, punt 87).


44      Ara, bħala eżempju għal sitwazzjoni bħal din, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


45      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fi Friends of the Irish Environment (C‑470/19, EU:C:2020:986, punt 71).


46      Ara iktar ’il fuq, il-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


47      Enfasi miżjuda minni.


48      Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 44); tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja)  (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 38); tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 72); tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin fil-Qorti Suprema - Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153, b’mod partikolari l-punti 117 sa 119); u tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 188).


49      L-iktar reċenti, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin)  (C‑791/19, EU:C:2021:596), u d-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑204/21, mhux ippubblikat, EU:C:2021:593).


50      Naturalment, bil-preżunzjoni li Federalist Nru 51 (“Kieku l-bnedmin kienu anġli, ebda gvern ma jkun neċessarju. Kieku l-anġli kellhom jirregolaw lill-bnedmin, ma jkunux neċessarji kontrolli esterni jew interni fuq il-gvern”) [traduzzjoni libera] jibqa’ applikabbli wkoll fi ħdan ir-RĠPD.


51      Fl-arkivju ċentrali tagħha ta’ attivitajiet ta’ pproċessar (disponibbli fuq: https://curia.europa.eu/jcms/jcms/p1_3301336/mt/), stabbilit skont l-Artikolu 31(5) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39), il-Qorti tal-Ġustizzja stess telenka attivitajiet ta’ pproċessar għall-ħlas ta’ salarji bħala “attività amministrattiva”. Ara, https://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application/pdf/2021-01/paie.pdf.


52      Dan x’aktarx isir element ieħor possibbli ta’ pressjoni indiretta – ma huwiex b’kumbinazzjoni li, f’numru ta’ sistemi ġuridiċi, is-salarji ġudizzjarji huma ddeterminati strettament bil-liġi, u għalhekk intenzjonalment jeskludu kwalunkwe potenzjal ta’ eżerċizzju ta’ influwenza b’dan il-mod.


53      Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6).


54      Sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541).


55      Sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs Breyer (C‑213/15 P, EU:C:2017:563).


56      Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).


57      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Friends of the Irish Environment (C‑470/19, EU:C:2020:986, punti 90 sa 92).


58      Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Flachglas Torgau (C‑204/09, EU:C:2011:413, punt 73).


59      Ara, f’dan ir-rigward, l-applikazzjoni ta’ din l-evalwazzjoni fis-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità)  (C‑439/19, EU:C:2021:504, punti 104 sa 116).


60      F’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), ara s-sentenzi tal-Qorti EDB, tat‑8 ta’ Diċembru 1983, Axen vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:1983:1208JUD000827378, punt 32); tat‑22 ta’ Frar 1984, Sutter vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:1984:0222JUD000820978, punt 26); tal-14 ta’ Novembru 2000, Riepan vs L‑Awstrija (CE:ECHR:2000:1114JUD003511597, punt 27); tat‑12 ta’ Lulju 2001, Malhous vs Ir-Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2001:0712JUD003307196, punt 62); u tat‑28 ta’ Ottubru 2010, Krestovskiy vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2010:1028JUD001404003, punt 24).


61      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti EDB tas‑26 ta’ April 1979 Sunday Times vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1979:0426JUD000653874, punt 67).


62      Ikkunsidra, f’dan ir-rigward, kieku d-dipartiment tal-komunikazzjoni ma kienx parti mill-qorti iżda minflok kien stabbilit bħala parti minn istituzzjoni separat, bħalma kien il-każ għal attivitajiet ta’ arkivjar fis-sentenza tal‑15 April 2021, Friends of the Irish Environment (C‑470/19, EU:C:2021:271, punt 43). Għal iktar evalwazzjoni, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Friends of the Irish Environment (C‑470/19, EU:C:2020:986, punt 107).


63      Punti 76 sa 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


64      Kif stabbilit b’mod ġenerali iktar ’il fuq fil-punti 84 sa 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


65      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Valsts ieņēmumu dienests (Traitement des données personnelles à des fins fiscales) (C‑175/20, ECLI:C:2021:690).


66      Ibid., punti 83 sa 85.


67      Dan huwa anki għalfejn dawn il-konklużjonijiet għandhom loġikament jibdew (fil-punt 32 tagħhom) bid-dikjarazzjoni ġenerali li r-RĠPD huwa bħala prinċipju applikabbli għall-qrati.


68      Ara l-premessi 40 u 52, l-Artikolu 6(2) u (3), u l-Artikolu 9(2) u (3) tar-RĠPD.


69      Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).


70      F’termini tal-kamp ta’ applikazzjoni normattiv taż-żewġ dispożizzjonijiet. Fil-prattika, kif diġà ġie indikat fil-punt 120 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ftit hemm differenza bejn limitu għas-superviżjoni minħabba l-kompetenza (skont l-Artikolu 55(3) tar-RĠPD) u limitu għas-superviżjoni minħabba restrizzjoni tal-mertu fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet (skont l-Artikolu 23(1)(f) tar-RĠPD).


71      Ma huwa ebda sigriet li Stati Membri differenti jqiegħdu enfasi differenti fuq it-trasparenza ġudizzjarja, jew almenu jinkludu interpretazzjonijiet kompetittivi tagħha. Ara, pereżempju fir-rigward ta’ rrekordjar video u awdjo ta’ proċeduri ġudizzjarji, Hess, B. U Koprivica Harvey, A., Open Justice in Modern Societies: What Role for Courts? f’Hess, B. U Koprivica Harvey, A. Open Justice: The Role of Courts in a Democratic Society, Nomos, 2019, p. 30 sa 35. Fir-rigward tat-tradizzjonijiet varji (fil-parti l-kbira jippreċedu r-RĠPD bi żmien twil) dwar l-anonimizzazzjoni tal-partijiet fi proċeduri ġudizzjarji għall-għanijiet ta’ pubblikazzjoni sussegwenti tas-sentenza, ara d-Direttorat Ġenerali għal-Librerija, Riċerka u Dokumentazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, Nota ta’ Riċerka, “Anonimità tal-partijiet fil-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-qorti” (Marzu 2017, emendata f’Jannar 2019), disponibbli fuq: https://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application/pdf/2021-02/ndr_2017-002_neutralisee-en.pdf, p. 9 u 10).


72      Inċidentalment, f’xi sistemi ġuridiċi fil-passat, il-qrati supremi taw deċiżjonijiet normattivi ġenerali maqtugħin jew kompletament imbiegħda minn kawżi individwali. Dan għadu qiegħed isir f’ċerti sistemi llum. Madankollu, dan normalment jiġi kkontestat ħafna mill-perspettiva tas-separazzjoni tal-poteri u tal-leġittimità ġudizzjarja. Ara, f’dan is-sens, Kühn, Z., “The Authoritarian Legal Culture at Work: The Passivity of Parties and the Interpretational Statements of Supreme Courts”, Croatian Yearbook of European Law and Policy, 2008, Vol. 2, p. 19.


73      Bartošek, M., Dějiny římského práva, Academia, Praga, 1995, p. 81 jew Sommer, O., Učebnice soukromého římského práva. I. díl, Všehrd, Praga, 1946, p. 121 u 122. Ara wkoll Harries, J., Law and Empire in Late Antiquity, Cambridge University Press, 1999, p. 101, 104 u 105.


74      Dawson, JP., The Oracles of the Law, The University of Michigan Law School, 1968, p. 288 u 289.


75      Ara f’dan ir-rigward pereżempju McLachlin, B., “Courts, Transparency and Public Confidence – to the Better Administration of Justice”, Deakin Law Review, vol. 8(1), 2003, p. 3 u 4. Ara wkoll Bingham, T., The Rule of Law, Penguin, 2010, p. 8.


76      Ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


77      Dwar il-problema ta’ anonimizzazzjoni żejda ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, ara Wiwinius, JC., “Public hearings in judicial proceedings” f’Hess, B. u Koprivica Harvey, A., Open Justice: The Role of Courts in a Democratic Society, Nomos, 2019, p. 98 u 101.


78      Bħall-protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli, tfal, vittmi ta’ vjolenza, sigrieti tan-negozju, sigrieti nazzjonali, eċċ. Madankollu, f’dawn il-każijiet kollha, magħrufa sew mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kollha, x’aktarx diġà jkun hemm proċeduri speċifiċi fis-seħħ fir-regoli nazzjonali ta’ proċeduri rispettivi, li jippermettu l-esklużjoni tal-pubbliku minn ċerti stadji jew kull stadju ta’ proċeduri ġudizzjarji u s-sentenza, inkluża anonimità sħiħa, fid-dawl tal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull kawża individwali.


79      Ara Krynen, J., L’État de justice France, XIIIe–XXe siècle: L’idéologie de la magistrature ancienne, Gallimard, 2009, p. 79 et seq. u Van Caenegem, R.C., Judges, Legislators and Professors: Chapters in European Legal History, Cambridge University Press, 1987, p. 159.


80      Sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513).


81      Ibid., punt 42.


82      Ibid., punt 59. Almenu dawk l-imħuħ minn ħdan l-ordinamenti ġuridiċi li preċedentement aċċettaw, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, ir-responsabbiltà tal-Istat għal żbalji ġudizzjarji. Għall-oħrajn, ir-responsabbiltà ġudizzjarja għal deċiżjonijiet tal-aħħar istanza għadha tista’ tfisser, bħalma qalha t-titolu ta’ artikolu notevoli, li wieħed jaħseb dak li ma jinħasibx – ara Toner, H., “Thinking the Unthinkable? State Liability for Judicial Acts after Factortame (III)”, Yearbook of European Law, 1997, Vol. 17, p. 165.


83      Li jibqa’ jiġi rrepetut mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala punt ta’ prinċipju – ara, pereżempju, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et (C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punti 91 u 92); tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punti 42 u 43); jew tal‑25 ta’ Lulju 2018, Confédération paysanne et (C‑528/16, EU:C:2018:583, punti 44 sa 46 u 51). Huwa ġust li jiġi rrikonoxxut li l-prattika interpretattiva, kif fil-fatt diġà illustrata mill-aħħar deċiżjoni kkwotata, hija fil-verità, madankollu, pjuttost iktar varjata.


84      Għalhekk, f’termini konkreti, ilment kontra l-ipproċessar tad-data minn qorti inferjuri jiġi mismugħ mill-qorti tal-appell bl-istess mod bħal kwalunkwe lment ieħor kontra pass proċedurali meħud mill-qorti inferjuri, eċċ.


85      Il-ġurisprudenza dwar l-“indipendenza” skont l-Artikolu 28(1) tar-RĠPD issa wkoll qiegħda tiġi allinjata mal-intepretazzjoni ġenerali tal-“indipendenza” fid-dritt tal-Unjoni. Qabbel is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑614/10, EU:C:2012:631, punti 41 sa 44) u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


86      Filwaqt li intenzjonalment ma tabbandunax il-kwistjoni dejjiema dwar jekk il-kontroll ta’ din il-qorti jkollux iseħħ permezz ta’ qorti “super-interna”, li mbagħad tkun ikkontrollata minn “qorti super-super-interna”, eċċ. Għal soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja stess, ara d-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal‑1 ta’ Ottubru 2019 li tistabbilixxi mekkaniżmu intern ta’ superviżjoni fil-qasam tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Qorti tal-Ġustizzja li taġixxi fil-kapaċità ġudizzjarja tagħha (ĠU 2019, C 383, p. 2).


87      Ara, fir-rigward tal-liġi fl-Ingilterra u Wales, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja u l-Isvezja, id-Direttorat tar-Riċerka u d-Dokumentazzjoni, Nota ta’ Riċerka, “Metodi ta’ ġestjoni ta’ data kunfidenzjali fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji nazzjonali” (Ottubru 2018), disponibbli fuq: https://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application/pdf/2020-11/ndr_2018-007_neutralisee-en.pdf, p. 2.


88      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (C‑434/16, EU:C:2017:994).


89      B’kull rispett lejn is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317), l-internet x’aktarx mhux ser jinsa jekk jiġi ordnat jagħmel dan b’digriet. Il-ġurisprudenza sussegwenti, speċjalment il-fergħa relatata mal-konfini u l-eżekuzzjoni territorjali tad-“dritt li wieħed jintesa”, għaldaqstant tixbah dejjem iktar ġlieda mal-imtieten tar-riħ.


90      Ara d-Direttorat Ġenerali tar-Riċerka u Dokumentazzjoni, Nota ta’ Riċerka, “Superviżjoni tal-konformità tal-qrati tar-regoli tal-protezzjoni tad-data meta jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom” (Lulju 2018), disponibbli fuq: https://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application/pdf/2020-11/ndr_2018-004_synthese-neutralisee-en.pdf, p. 3.